This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62004CJ0199
Judgment of the Court (Second Chamber) of 1 February 2007. # Commission of the European Communities v United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland. # Failure of a Member State to fulfil obligations - Directives 85/337/EEC and 97/11/EC - Assessment of the effects of certain projects on the environment - Material change in the use of any buildings or other land - Action inadmissible. # Case C-199/04.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) ta' l-1 ta' Frar 2007.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu -Direttivi 85/337/KEE u 97/11/KE - Stima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti fuq l-ambjent - Implementazzjoni ta' modifika importanti ta' l-użu ta' kostruzzjoni jew ta' art - Inammissibbiltà tar-rikors.
Kawża C-199/04.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) ta' l-1 ta' Frar 2007.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu -Direttivi 85/337/KEE u 97/11/KE - Stima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti fuq l-ambjent - Implementazzjoni ta' modifika importanti ta' l-użu ta' kostruzzjoni jew ta' art - Inammissibbiltà tar-rikors.
Kawża C-199/04.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:72
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
1 ta' Frar 2007 (*)
“Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu –Direttivi 85/337/KEE u 97/11/KE – Stima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti fuq l-ambjent – Implementazzjoni ta' modifika importanti ta' l-użu ta' kostruzzjoni jew ta' art – Inammissibbiltà tar-rikors”
Fil-kawża C-199/04
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-4 ta' Mejju 2004,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C.-F. Durand u F. Simonetti, bħala aġenti, u minn A. Howard, barrister, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
parti rikorrenti
vs
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentat minn M. Bethell, wara minn E. O’Neill, bħala aġenti, u minn D. Elvin u J. Maurici, barristers, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
parti konvenuta
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J. Makarczyk (Relatur), R. Schintgen, R. Silva de Lapuerta u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: L. Hewlett,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta' Frar 2006,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata' l-kawża mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi naqset milli tieħu l-provvedimenti kollha neċessarji sabiex tassigura t-traspożizzjoni kompleta u eżatta ta' l-Artikoli 2 sa 6, 8 u 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, p. 40), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE tat-3 ta' Marzu 1997 (ĠU L 73, p. 5, iktar 'il-quddiem id-"Direttiva 85/337"), ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi li għandu skond din id-Direttiva.
Kuntest Ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 jgħid kif ġej:
"L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi, qabel ma jingħata l-kunsens/approvazzjoni, il-proġetti li x'aktarx ikun sejjer ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokazzjoni tagħhom jiġu magħmula soġġetti għall-ħtieġa li jkun hemm il-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawn il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4."
3 Skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva msemmija:
"L-istima dwar l-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b'manjiera xierqa, fid-dawl ta' kull każ individwali u b'mod konformi ma' l-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti ta' proġett fuq il-fatturi li ġejjin:
– il-bniedem, il-fawna u l-flora;
– il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ;
– il-beni materjali u l-wirt kulturali;
– l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet inċiżi."
4 L-Artikolu 4(2) ta' l-istess Direttiva jgħid:
"Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu permezz ta':
a) eżami każ b'każ,
jew
b) l-għetiebi jew il-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru
jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal stima b'mod konformi ma' l-Artikoli 5 sa 10.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-(a) u fil-(b)."
5 L-Anness II ta' l-imsemmija Direttiva, bit-titolu "Proġetti msemmija fl-Artikolu 4(2)", isemmi fil-punt 5(b) l-installazzjonijiet intiżi għall-produzzjoni tas-siment.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
6 Fir-Renju Unit, ir-responsabbiltajiet fir-rigward tal-protezzjoni ta' l-ambjent fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ permess għall-użu ta' kombustibbli residwu huma mqassma bejn l-awtoritajiet inkarigati mill-iżvilupp urban u dawk inkarigati mill-ambjent.
7 Ta' l-ewwel, b'mod partikolari d-dipartimenti ta' l-iżvilupp urban lokali, huma kompetenti għall-applikazzjonijiet għal permessi tal-bini. Fil-każ ta' rifjut minn naħa tad-dipartiment ta' l-iżvilupp urban lokali jew ta' nuqqas ta' risposta minn naħa tiegħu, l-applikant jista' jressaq appell kontra d-deċiżjoni tar-rifjut jew in-nuqqas ta' deċiżjoni quddiem is-Segretarju ta' l-Istat. Dan ta' l-aħħar jista' jiddeċiedi kemm li jneħħi l-ġurisdizzjoni ta' dipartiment ta' l-iżvilupp urban lokali kif ukoll jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal permess tal-bini. F'Wales, il-kompetenzi tas-Segretarju ta' l-Istat fil-materja ta' l-iżvilupp urban huma eżerċitati mill-Assemblea Nazzjonali għal Wales (iktar 'il-quddiem l-"ANW").
8 Skond l-Artikolu 57 tal-liġi dwar l-iżvilupp urban u rurali (Town and Country Planning Act 1990, iktar 'il-quddiem it-"TCPA"), permess tal-bini huwa neċessarju għat-tħaddim ta' kull "installazzjoni", kunċett li l-Artikolu 55 ta' l-istess liġi jiddefinixxi bħala "it-twettiq ta' xogħlijiet ta' kostruzzjoni, ta' inġinerija, ta' estrazzjonijiet ta' minjieri jew ta' xort'oħra, ġewwa, fuq, fuq wiċċ l-art jew taħt l-art, jew l-implementazzjoni ta' modifika importanti ta' l-użu ta' kostruzzjoni jew ta' art".
9 Meta ssir applikazzjoni għal permess tal-bini, l-awtoritajiet inkarigati mill-iżvilupp urban jiddeċiedu wkoll dwar in-neċessità li ssir stima ta' l-effetti fuq l-ambjent prevista mid-Direttiva 85/337.
10 F'dan ir-rigward, il-liġi dwar l-iżvilupp urban u rurali (stima ta' l-effetti fuq l-ambjent) ta' l-1988 [Town and Country Planning (Assessment of Environmental Effects) Regulations 1988] implementat il-verżjoni inizjali tad-Direttiva 85/337 fis-sistema legali nazzjonali, b'mod partikolari bl-introduzzjoni tal-ħtiġijiet proċedurali l-ġodda għas-sistema ta' xogħol u żvilupp urban li kienet teżisti qabel.
11 Fir-rigward tad-Direttiva 97/11, din ġiet implementata fl-imsemmi sistema legali permezz tal-liġi dwar l-iżvilupp urban u rurali (Stima ta' l-effetti fuq l-ambjent) (Ingilterra u Wales) ta' l-1999 [Town and Country Planning (Environmental impact assessment) (England and Wales) Regulations 1999, iktar 'il-quddiem il-"liġi ta' l-1999"].
12 Fil-kuntest tas-sistema ta' prevenzjoni u ta' tnaqqis integrat tat-tniġġis ("kontroll integrat tat-tniġġis") implementat mill-ewwel parti tal-liġi dwar il-protezzjoni ta' l-ambjent 1990 (Environmental Protection Act 1990), l-Ispettorat tat-Tniġġis tal-Maesta Tagħha sal-ħolqien ta' l-Aġenzija dwar l-Ambjent, minn issa 'l-quddiem, din ta' l-aħħar teżamina l-effetti dannużi li x'aktarx jiġu kkawżati fuq l-ambjent minn proċedura. Bis-saħħa ta' l-Artikolu 6 tal-liġi msemmija, "proċedura rregolata", li tfisser attività li potenzjalment tista’ tħammeġ l-ambjent irregolata mis-Segretarju ta' l-Istat, lanqas ma tista’ tiġi mfittxija fir-Renju Unit mingħajr awtorizzazzjoni mogħti mill-Aġenzija dwar l-Ambjent (iktar 'il-quddiem l-"awtorizzazzjoni IPC").
13 Matul ix-xahar ta' Frar tas-sena 1997, il-Ministru ta’ l-Ambjent ippubblika n-nota ta’ Gwida Nru. 23 (Planning Policy Guidance Note 23, iktar 'il quddiem il-"PPG 23") dwar il-politika ta' l-iżvilupp urban u tal-ġlieda kontra t-tniġġis. Din in-nota tiddeskrivi, b'mod partikolari, ir-relazzjoni bejn l-għan ta' l-awtoritajiet inkarigati mill-iżvilupp urban u dak, ġuridikament distint, ta' l-organi għall-ġlieda kontra t-tniġġis.
Il-proċedura prekontenzjuża
14 Matul is-snin 1997 u 1998, il-Kummissjoni rċieviet żewġ ilmenti li jikkonċernaw l-awtorizzazzjoni mogħtija lil fabbrika tas-siment imħaddma mill-kumpannija Castle Cement f'Clitheroe, ġewwa Lancashire (iktar 'il-quddiem il-"fabbrika tas-siment ta' Clitheroe") minħabba l-użu, minflok parti mill-kombustibbli klassiku tagħha, ta' taħlita ta' skartijiet industrijali likwidi, imsejħa "Cemfuel". Skond il-kwerelanti, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma vverifikawx jekk il-proġett in kwistjoni kellux ikun suġġett ta' stima fuq l-effetti tiegħu fuq l-ambjent qabel ma ngħatat din it-tip ta' awtorizzazzjoni.
15 Matul is-sena 1999, il-Kummissjoni rċeviet ukoll ilment dwar il-fabbrika tas-siment imħaddma mill-istess kumpannija f'Padeswood, ġewwa Flintshire (iktar 'il quddiem il-"fabbrika tas-siment ta' Padeswood"). F'dan il-każ, il-kostruzzjoni ta' forn supplementari kif ukoll il-bdil tal-kombustibbli klassiku mal-Cemfuel, tajers sħaħ u taħlita ta' skartijiet ta' karti u materjali tal-plastik, imsejħa "Profuel", għalkemm kienu suġġetti għal stima ta' l-effetti tagħhom fuq l-ambjent, kellhom jiġu awtorizzati mill-ANW qabel ma l-Aġenzija dwar l-Ambjent kienet iddeċidiet fuq l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni IPC.
16 L-ilmenti dwar il-fabbrika tas-siment ta' Clitheroe taw lok għal żewġ skambji ta' ittri bejn il-Kummissjoni u l-Gvern tar-Renju Unit, bejn il-11 ta' Lulju 1997 u t-30 ta' Marzu 1999. L-ilment dwar il-fabbrika tas-siment ta' Padeswood ukoll ta lok għal skambju ta' ittri, fejn il-Kummissjoni talbet kjarifiki fid-19 ta' April 1999 lill-imsemmi Gvern u dan irrispondiha fit-18 ta' Ġunju 1999.
17 Wara li ħadet dawn l-elementi in kunsiderazzjoni, il-Kummissjoni qieset, minn naħa waħda, li l-użu, mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, tal-kriterju tal-"modifika importanti ta' l-użu ta' kostruzzjoni jew ta' art" li tinsab fit-TCPA twassal għan-nuqqas ta' sottomissjoni ta' ċerti proġetti għall-proċeduri previsti mid-Direttiva 85/337, fosthom b'mod partikolari l-bdil tal-kombustibbli użat ġewwa fabbrika tas-siment. Min-naħa l-oħra, ir-Renju Unit ma kienx ikkoordina b'mod suffiċjenti r-regoli applikabbli dwar l-iżvilupp urban u dawk dwar il-ġlieda kontra t-tniġġis sabiex jiggarantixxi r-rispett ta' l-obbligi u ta' l-għanijiet stabbiliti minn din id-Direttiva. Din hi r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni, fis-7 ta' Mejju 2001, indirizzat ittra ta' intimazzjoni lil dan l-Istat Membru.
18 Peress li r-risposta ta' l-awtoritajiet tar-Renju Unit għal din l-ittra kkonvinċiet lill-Kummissjoni li t-tħaddim u l-applikazzjoni b'mod konkret tad-Direttiva 85/337 ma kinux sodisfaċenti, hija bagħtet opinjoni motivata lill-Istat Membru msemmi fit-18 ta' Lulju 2002, li biha stiednitu jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-obbligi li joħorġu mid-Direttiva fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.
19 Billi qieset li r-risposta tal-Gvern tar-Renju Unit għall-imsemmija opinjoni motivata ma kinitx sodisfaċenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.
Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors
20 Għandu jiġi enfasizzat, preliminarjament, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista' teżamina ex officio jekk il-kundizzjonijiet stipulati mill-Artikolu 226 KE għall-preżentata ta' rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu jkunux ġew sodisfatti (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta' Marzu 1992, Il-Kummisssjoni vs L-Italja, C-362/90, Ġabra p. I-2353, punt 8, u tas-27 ta' Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-525/03, Ġabra p. I-9405, punt 8).
21 B’hekk, f'dawn il-proċeduri, l-opinjoni motivata u r-rikors għandhom ukoll jippreżentaw l-ilmenti b'mod koerenti u b'mod preċiż sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt Komunitarju kkontestat, u din hija kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista' jsostni b'mod effikaċi l-motivi tad-difiża u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas allegat.
22 F'dan il-każ, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Renju Unit ma ħax il-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżgura l-implementazzjoni kompleta u eżatta ta' l-Artikoli 2 sa 6, 8 u 9 tad-Direttiva 85/337.
23 In sostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssemmi żewġ ilmenti li jikkontestaw, minn naħa waħda, l-Artikoli 55 u 57 tat-TCPA, li bl-applikazzjoni tagħhom l-awtoritajiet inkarigati mill-iżvilupp urban jirrikorru għall-kriterju nazzjonali tal-"modifikazzjoni importanti ta' l-użu ta' kostruzzjoni jew ta' art" fil-każ ta' applikazzjoni għal permess tal-bini, li għandu l-effett li jneħħi ċerti proġetti mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 85/337, u min-naħa l-oħra, il-fatt li, waqt l-implementazzjoni ta' din l-istess Direttiva fil-liġi interna, il-Gvern Britanniku ma kkoordinax b'mod suffiċjenti s-sistemi tiegħu ta' żvilupp urban u tal-ġlieda kontra t-tniġġis sabiex jiżgura r-rispett ta' l-obbligi kollha mniżżla fl-Artikoli 3 u 8 ta' din.
24 Madankollu, għandu jingħad li, fit-talba tagħha, il-Kummissjoni rrikonoxxiet b'mod espliċitu li, permezz tar-regolamenti ta' l-1988 u l-1999, ir-Renju Unit adotta l-leġiżlazzjoni neċessarja sabiex jimplementa fil-liġi interna d-Direttiva 85/337.
25 Konsegwentement, dan ir-rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, sa fejn hu bbażat fuq argumentazzjoni kontradittorja minn naħa tal-Kummissjoni, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta' koerenza u ta' preċiżjoni msemmija hawn fuq.
26 Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
Fuq l-ispejjeż
27 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju Unit talab li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż u r-rikors imressaq minnha ġie ddikjarat inammissibbli, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla), taqta' u tiddeċiedi
1) Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.
2) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata tbati l-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.