Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0196

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta' Settembru 2006.
Cadbury Schweppes plc u Cadbury Schweppes Overseas Ltd vs Commissioners of Inland Revenue.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Special Commissioners of Income Tax, London - ir-Renju Unit.
Libertà ta' l-istabbiliment - Leġiżlazzjoni fuq il-kumpanniji barranin ikkontrollati - Inklużjoni tal-profitti ta' kumpanniji barranin ikkontrollati fil-bażi ta' stima għall-intaxxar tal-kumpannija parent.
Kawża C-196/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:544

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Awla Manja)

12 ta' Settembru 2006 (*)

“Libertà ta' l-istabbiliment – Leġiżlazzjoni fuq il-kumpanniji barranin ikkontrollati – Inklużjoni tal-profitti ta’ kumpanniji barranin ikkontrollati fil-bażi ta’ stima għall-intaxxar tal-kumpannija parent”

Fil-kawża C-196/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Special Commissioners of Income Tax, London (ir-Renju Unit), permezz ta' deċiżjoni tad-29 ta' April 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta' Mejju 2004, fil-proċedura

Cadbury Schweppes plc,

Cadbury Schweppes Overseas Ltd

vs

Commissioners of Inland Revenue,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann u A. Rosas, Presidenti ta' Awla, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts (Relatur), E. Juhász, G. Arestis u A. Borg Barthet, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta' Diċembru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati :

–       għal Cadbury Schweppes plc u Cadbury Schweppes Overseas Ltd, minn J. Ghosh, barrister, u J. Henderson, adviser,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Caudwell, bħala aġent, assistita minn D. Anderson, QC, kif ukoll minn M. Lester u D. Ewart, barristers,

–       għall-Gvern Belġjan, minn E. Dominkovits, bħala aġent,

–       għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Tiemann u U. Forsthoff, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Spanjol, minn L. Fraguas Gadea u M. Muñoz Pérez, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u C. Mercier, bħala aġenti,

–       għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn R. L. Nesbitt u A. Collins, SC, kif ukoll minn P. McGarry, BL,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn A. Cingolo, avvocato dello Stato,

–       għall-Gvern Ċiprijott, minn A. Pantazi, bħala aġent,

–       għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u J. de Menezes Leitão, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

–       għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse u I. Willfors, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta' Mejju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 43 KE, 49 KE u 56 KE.

2       Din it-talba kienet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Cadbury Schweppes plc (iktar ‘il quddiem “CS”) u Cadbury Schweppes Overseas Ltd (iktar ‘il quddiem “CSO”), minn naħa waħda, u l-Commissioners of Inland Revenue, min-naħa l-oħra, rigward l-intaxxar ta’ din l-aħħar kumpannija fuq il-profitti magħmula fl-1996 minn Cadbury Schweppes Treasury International (iktar ‘il quddiem “CSTI”), kumpannija sussidjarja tal-grupp Cadbury Schweppes stabbilita fl-International Financial Services Center (Ċentru ta’ Servizzi Finanzjarji Internazzjonali) ta’ Dublin (l-Irlanda) (iktar ‘il quddiem il-“IFSC”).

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

3       Skond il-leġiżlazzjoni fiskali tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq, kumpannija residenti ta’ dan l-Istat Membru skond l-imsemmija leġiżlazzjoni (iktar ‘il quddiem il-“kumpannija residenti”) hija suġġetta f’dan l-Istat għat-taxxa fuq il-kumpanniji skond il-profitt dinji tagħha. Dan jinkludi l-profitti magħmula mill-fergħat jew l-aġenżiji li permezz tagħhom il-kumpannija residenti teżerċita l-attivitajiet tagħha barra mir-Renju Unit.

4       Min-naħa l-oħra, il-kumpannnija residenti, bħala regola, mhijiex intaxxata fuq il-profitti tas-sussidjarji tagħha fil-mument meta dawn isiru. Lanqas ma hija ntaxxata fuq id-dividendi mqassma minn sussidjarja stabbilta fir-Renju Unit. Id-dividendi mqassma lil kumpannija residenti minn sussidjara stabbilita barra mill-pajjiż huma ntaxxati fuq l-imsemmija kumpannija. Madankollu sabiex tevita tassazzjoni doppja, il-leġiżlazzjoni fiskali tar-Renju Unit tipprovdi għall-għoti ta’ kreditu ta’ taxxa lill-kumpannija residenti, sa l-ammont ta' taxxa mħallsa mis-sussidjarja barranija meta jiġu rrealizzati l-profitti.

5       Il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit fuq il-kumpanniji barranin ikkontrollati (iktar ‘il quddiem il-“KBK”) tinkludi eċċezzjoni għar-regola ġenerali li kumpannija residenti mhijiex intaxxata fuq il-profitti ta’ sussidjarja meta jiġu rrealizzati.

6       Din il-leġiżlazzjoni, li tinsab fl-Artikoli 747 sa 756 u fl-Annessi 24 sa 26 tal-Liġi ta’ l-1988 dwar it-taxxa fuq id-dħul u t-taxxa fuq il-kumpanniji (Income and Corporation Taxes Act 1988) tipprovdi li l-profitti ta’ KBK – jiġifieri, skond il-verżjoni ta’ l-imsemmija leġiżlazzjoni applikabbli fid-data tal-fatti prinċipali (iktar ‘il quddiem il-“leġiżlazzjoni fuq il-KBK”), kumpannija barranija li hija kkontrollata għal aktar minn 50% mill-kumpannija residenti – huma attribwiti lil din ta’ l-aħħar u ntaxxati lilha, permezz ta’ kreditu ta’ taxxa skond it-taxxa mħallsa mill-KBK fl-Istat fejn hija stabbilita. Jekk dawn l-istess profitti huma sussegwentement imqassma taħt il-forma ta’ dividendi lill-kumpannija residenti, it-taxxa mħallsa minnha fir-Renju Unit fuq il-profitti tal-KBK hija kkunsidrata bħala taxxa addizzjonali mħallsa minn din ta’ l-aħħar barra mill-pajjiż u tagħti dritt għal kreditu ta’ taxxa imputabbli għat-taxxa dovuta mill-kumpannija residenti fuq dawn id-dividendi.

7       Il-leġiżlazzjoni fuq il-KBK hija ntiża sabiex tapplika meta l-KBK hija suġġetta, fl-Istat fejn hija stabbilita, għal “livell inferjuri ta’ tassazzjoni” kif huwa l-każ hawnhekk, skond din il-leġiżlazzjoni, għal kull perijodu tal-kontabbiltà li matulu t-taxxa mħallsa mill-KBK hija inqas minn tliet kwarti ta’ l-ammont tat-taxxa li kien ikollha tiġi mħallsa fir-Renju Unit fuq il-profitti taxxabbli kif kienu jiġu kkalkulati għall-finijiet ta’ tassazzjoni f’dan l-Istat Membru.

8       It-taxxa li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fuq il-KBK għandha numru ta’ eċċezzjonijiet. Skond il-verżjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fid-data tal-fatti prinċipali, din it-taxxa ma tiġix applikata f’waħda mill-każijiet segwenti;

–       meta l-KBK tadotta “politika ta’ tqassim aċċettabbli”, li jfisser li perċentwali determinat (90% fl-1996) tal-profitti tagħha jiġu mqassma fi żmien 18-il xahar mir-realizzazzjoni tagħhom u ntaxxati fuq kumpannija residenti;

–       meta l-KBK teżerċita “attivitajiet eżentati” skond l-imsemmija leġiżlazzjoni, bħal xi attivitajiet kummerċjali effettwati minn stabbiliment kummerċjali;

–       meta l-KBK tirrispetta l-“kundizzjoni tal-kwotazzjoni pubblika”, li jfisser li 35% tad-drittijiet ta’ votazzjoni jinżammu mill-pubbliku, li s-sussidjarja tkun ikkwotata u s-sigurtajiet tagħha huma negozjati f’Borża rikonoxxuta, u

–       meta l-profitt taxxabbli tal-KBK ma jaqbiżx ammont iffissat għal 50 000 GBP (eċċezzjoni de minimis).

9       It-taxxa prevista mil-leġiżlazzjoni fuq il-KBK hija wkoll eskluża meta tissodisfa t-test imsejjaħ “tal-motiv”. Dan jinkludi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi.

10     Minn naħa, meta t-tranżazzjonijiet li jkunu taw lok għall-profitti tal-KBK għall-perijodu in kwistjoni jwasslu għal tnaqqis tat-taxxa fir-Renju Unit meta mqabbla ma’ dik li kien ikollha tiġi mħallsa fin-nuqqas ta’ l-imsemmija tranżazzjonijiet u li l-ammont ta’ dan it-tnaqqis jaqbeż ċertu limitu, il-kumpannija residenti għandha turi li tali tnaqqis ma kienx l-għan prinċipali jew wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ dawn it-tranżazzjonijiet.

11     Min-naħa l-oħra, il-kumpannija residenti għandha turi li r-raġuni prinċipali jew waħda mir-raġunijiet prinċipali ta’ l-eżistenza tal-KBK ma kinitx tikkonsisti, għall-perijodu kkonċernat, fil-kisba ta’ tnaqqis tat-taxxa fir-Renju Unit permezz ta’ ħabi ta’ profitti. Skond l-imsemmija leġiżlazzjoni, ikun hemm ħabi ta’ profitti jekk huwa raġonevolment permess li wieħed jassumi li, li kieku l-KBK jew kull kumpannija relatata magħha stabbilita barra r-Renju Unit ma kinitx eżistiet, id-dħul kien jinġabar minn persuna residenti fir-Renju Unit u ntaxxat fuqha.

12     Id-deċiżjoni tar-rinviju jippreċiża wkoll li l-awtoritajiet fiskali tar-Renju Unit, fl-1996 kienu ppubblikaw lista ta’ l-Istati li fihom, taħt ċerti kundizzjonijiet, KBK tista’ tinħoloq u teżerċita l-attivitajiet tagħha filwaqt li tiġi kkunsidrata bħala li tissodisfa l-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi evitata t-tassazzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni fuq il-KBK.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13     CS, kumpannija residenti, hija l-kumpannija parent tal-grupp Cadbury Schweppes, li huwa kkostitwit minn kumpanniji stabbiliti fir-Renju Unit, fi Stati Membri oħra u fi Stati terzi. Dan il-grupp jinkludi, b’mod partikolari, żewġ sussidjarji fl-Irlanda, Cadbury Schweppes Treasury Services (iktar ‘il quddiem “CSTS”), u CSTI, li CS tikkontrolla indirettament permezz ta’ katina ta’ sussidjarji fejn is-sussidjarja prinċipali hija CSO.

14     CSTS u CSTI, li huma stabbiliti fl-IFSC, kienu suġġetti, fid-data tal-fatti prinċipali, għal rata ta’ tassazzjoni ta’ 10%.

15     L-attivitajiet ta’ CSTS u CSTI jikkonsistu fil-ġbir ta' fondi u fit-tqegħid tagħhom għad-dispożizzjoni tas-sussidjarji tal-grupp Cadbury Schweppes.

16     Skond id-deċiżjoni tar-rinviju, CSTS issostitwiet struttura simili li kienet tinkludi kumpannija stabblita f’Jersey. Hija kienet ġiet stabbilita għal tliet raġunijiet. Fl-ewwel lok, hija kellha tirrimedja diffikultà ta’ natura fiskali li l-persuni taxxabbli Kanadiżi li kellhom azzjonijiet privileġġati ta’ CS kienu ltaqgħu magħha, fit-tieni lok ġiet stabbilita sabiex tevita li jkollha tikseb l-awtorizzazzjoni ta’ l-awtoritajiet tar-Renju Unit għal operazzjonijiet ta’ self barra mill-pajjiż u, fit-tielet lok, sabiex tnaqqas il-ġbir f’ras il-għajn ta’ taxxa fuq id-dividendi mħallsa fi ħdan il-grupp taħt is-sistema tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji [parent] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU L 225, p. 6). Skond l-imsemmija deċiżjoni, dawn it-tliet għanijiet setgħu jiġu milquta jekk CSTS kienet ġiet ikkostitwita skond il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit u kienet ġiet stabbilita f’dan l-Istat Membru.

17     CSTI hija sussidjarja ta’ CSTS. Skond il-qorti tar-rinviju, hija kienet ġiet stabbilita fl-Irlanda sabiex ma taqax taħt l-applikazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet fiskali tar-Renju Unit fil-qasam tal-kambju.

18     Skond id-deċiżjoni tar-rinviju, huwa paċifiku li CSTS u CSTI kienu ġew stabbliti f’Dublin bl-uniku għan li jippermettu li l-profitti marbuta ma’ l-attivitajiet ta’ finanzjament intern tal-grupp Cadbury Schwppes ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-sistema fiskali ta’ l-IFSC.

19     Minħabba r-rata tat-taxxa applikata lill-kumpanniji li huma stabbiliti f’dan iċ-ċentru, il-profitti ta’ CSTS u ta’ CSTI sabu ruħhom suġġetti għal “livell inferjuri ta’ tassazzjoni” skond il-leġiżlazzjoni fuq il-KBK. Għal dak li jikkonċerna l-perijodu tal-kontabbiltà ta’ l-1996, l-awtoritajiet fiskali tar-Renju Unit ikkunsidraw li ebda waħda mill-kundizzjonijiet li tippermetti li tiġi eliminata t-tassazzjoni prevista mill-imsemmija leġiżlazzjoni ma kienet tapplika għal dawn is-sussidjarji.

20     Konsegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Awwissu 2000, il-Commissioners of Inland Revenue, skond il-leġiżlazzjoni fuq il-KBK, talbu mingħand CSO s-somma ta’ 8 638 633.54 GBP bħala taxxa fuq il-kumpanniji għall-profitti realizzati mis-CSTI matul il-perijodu tal-kontabbiltà li għalaq fit-28 ta’ Diċembru 1996. L-istima tat-taxxa tikkonċerna biss il-profitti magħmula minn din l-aħħar kumpannija peress illi, matul dan l-istess perijodu, CSTS, min-naħa tagħha, subiet telf.

21     Fil-21 ta’ Awwissu 2000, CS u CSO kkontestaw din l-istima tat-taxxa quddiem is-Special Commissioners of Income Tax, London. F'din il-kontestazzjoni huma jsostnu li l-leġiżlazzjoni fuq il-KBK tmur kontra l-Artikoli 43KE, 49 KE u 56KE.

22     Il-qorti tar-rinviju tesponi li hija ltaqgħet ma sensiela ta’ inċertezzi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju għall-kawża li tressqet quddiemha.

23     Fl-ewwel lok, hija tistaqsi jekk, billi stabbiliet u pprovdiet kapital lill-kumpanniji fi Stati Membri oħra bl-uniku għan li tibbenefika minn sistema fiskali aktar favorevoli minn dik fis-seħħ fir-Renju Unit, CS kinitx abbużat mil-libertajiet stabbiliti mit-Trattat KE.

24     Jekk wieħed jassumi li CS kienet sempliċement eżerċitat b’mod effettiv l-imsemmija libertajiet, hija tistaqsi, fit-tieni lok, jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-leġiżlazzjoni fuq il-KBK għandhiex tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi restrizzjoni għall-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet jew diskriminazzjoni.

25     Jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala li tinkludi restrizzjoni għal-libertajiet mogħtija mit-Trattat, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tielet lok, jekk iċ-ċirkustanza eventwali li CS ma tħallasx taxxa f'ammont ikbar minn dak li CSTS u CSTI kienu jħallsu li kieku huma kienu stabbiliti fir-Renju Unit tippermettix li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ tali restrizzjoni. Hija tistaqsi wkoll fuq ir-rilevanza, minn naħa, tad-differenzi eżistenti, f'ċerti aspetti, bejn ir-regoli ta’ kalkolu ta’ l-obbligu fiskali dwar id-dħul ta’ CSTS kif ukoll ta’ CSTI u r-regoli normalment applikabbli għas-sussidjarji ta’ CS fl-imsemmi Stat Membru u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li t-telf ta’ KBK ma jistax jitnaqqas mill-profitti ta’ KBK oħra jew mill-profitti ta’ CS u mis-sussidjarji tagħha fir-Renju Unit, filwaqt li tali tnaqqis kien jiġi ammess li kieku CSTS u CSTI kienu ġew stabbiliti f’dan l-Istat Membru.

26     Jekk il-leġiżlazzjoni fuq il-KBK kellha tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi diskriminazzjoni, hija tistaqsi, fir-raba’ lok, jekk għandux isir tqabbil bejn il-fatti prinċipali u l-każ fejn CS kienet tistabbilixxi sussidjarji fir-Renju Unit, jew dak fejn hija kienet tistabbilixxi sussidjarji fi Stat Membru li fih mhijiex applikabbli rata inferjuri ta’ tassazzjoni skond is-sens ta' din il-leġiżlazzjoni.

27     Jekk il-leġiżlazzjoni fuq il-KBK tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi diskriminazzjoni jew restrizzjoni għal-libertà ta’ l-istabbiliment, hija tistaqsi, fil-ħames lok, jekk din il-leġiżlazzjoni tistax tiġi ġġustifikata minħabba motivi ta’ ġlieda kontra l-evażjoni fiskali, peress illi hija ntiża sabiex timpedixxi t-tnaqqis jew il-ħabi ta’ profitti taxxabbli fir-Renju Unit, u, skond il-każ, jekk hija tistax tiġi kkunsidrata bħala proporzjonali meta jitqies l-iskop tagħha u l-eżenzjoni li jistgħu jibbenefikaw minnha l-kumpanniji li, bid-differenza ta’ CS, jirnexxilhom jagħtu prova, fil-kuntest tat-test tal-motiv, li huma m'għandhomx għan ta’ evażjoni fiskali.

28     Fid-dawl ta’ dawn il-mistoqsijiet differenti, is-Special Commissioners of Income Tax, London, iddeċidew li jissospendu l-proċedimenti u li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 43 KE, 49 KE u 56 KE jipprekludu leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li, f’ċirkustanzi speċifiċi determinati, tipprovdi għall-intaxxar ta' kumpannija stabbilita f’dan l-Istat Membru fir-rigward tal-profitti ta’ kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor u suġġetta għal livell inferjuri ta’ tassazzjoni?”

 Fuq id-domanda preliminari

29     Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 43 KE, 49KE u 56 KE jipprekludux leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi, taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-kumpannija parent tiġi ntaxxata fuq il-profitti magħmula minn KBK.

30     Din id-domanda għandha tinftiehem bħala li tkopri wkoll l-Artikolu 48 KE, li jqabbel mal-persuni fiżiċi ċittadini ta’ l-Istati Membri, imsemmija fl-Artikolu 43 KE, il-kumpanniji li jkunu ġew stabbiliti skond il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li għandhom l-uffiċċju rreġistrat, it-tmexxija ċentrali tagħhom jew is-sede prinċipali tagħhom ġewwa l-Komunità, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ l-istabbiliment.

31     Skond ġurisprudenza kostanti, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ l-istabbiliment, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għall-kontroll minn ċittadin ta’ l-Istat Membru kkonċernat, fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, ta’ sehem li jippermettilha teżerċita influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ din il-kumpannija u tiddetermina l-attivitajiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Baars, C-251/98, Ġabra p. I-2787, punt 22, kif ukoll tal-21 ta’ Novembru 2002, X u Y, C-436/00, Ġabra p. I-10829, punt 37).

32     F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni fuq il-KBK tikkonċerna t-tassazzjoni, taħt ċerti kundizzjonijiet, tal-profitti tas-sussidjarji stabbiliti barra mir-Renju Unit li fihom kumpannija residenti għandha sehem li jassiguralha l-kontroll ta’ dawn ta’ l-aħħar. B’hekk hija għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ l-Artikoli 43 KE u 48 KE.

33     Jekk jiġi kkunsidrat li din il-leġiżlazzjoni għandha, kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Irlanda, effetti restrittivi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u fuq il-moviment liberu tal-kapital, tali effetti huma l-konsegwenza inevitabbli ta’ ostakolu eventwali għal-libertà ta’ l-istabbiliment u dawn fi kwalunkwe każ ma jiġġustifikawx eżami awtonomu ta’ l-imsemmija leġiżlazzjoni b’kunsiderazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE u 56 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004, Omega, C-36/02, Ġabra p. I-9609, punt 27).

34     Qabel ma tiġi eżaminata l-leġiżlazzjoni fuq il-KBK rigward l-Artikoli 43 KE u 48 KE, għandha tingħata risposta għad-domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju, li hija ntiża sabiex tkun taf jekk il-fatt, fir-rigward ta' kumpannija stabbilita fi Stat Membru, li toħloq u li tipprovdi kapitali għal kumpanniji fi Stat Membru ieħor bl-uniku għan li tibbenefika mis-sistema fiskali aktar favorevoli fis-seħħ f’dan l-aħħar Stat jikkostitwixxix użu abużiv tal-libertà ta’ l-istabbiliment.

35     Żgur li, iċ-ċittadini ta’ Stat Membru ma jistgħux, bis-saħħa tal-faċilitajiet maħluqa mit-Trattat, jippruvaw jaħarbu abużivament mill-influwenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Huma ma jistgħux jinvokaw in-normi Komunitarji b’mod abużiv jew frodulenti (sentenzi tas-7 ta’ Frar 1979, Knoors, 115/78, Ġabra p. 399, punt 25; tat-3 ta’ Ottubru 1990, Bouchoucha, C-61/89, Ġabra p. I-3551, punt 14, u tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros, C-212/97, Ġabra p. I-1459, punt 24).

36     Madankollu, il-fatt li ċittadin Komunitarju, persuna fiżika jew legali, xtaq jieħu vantaġġ mill-fiskalità vantaġġuża fis-seħħ fi Stat Membru differenti minn dak li fih jirrisjedi ma jawtorizzax, minnu nnifsu, li jiċċaħħad mill-possibbiltà li jinvoka d-dispożizzjonijiet tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Barbier, C-364/01, Ġabra p. I-15013, punt 71).

37     Għal dak li jikkonċerna l-libertà ta’ l-istabbiliment, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li l-kumpannija kienet inħolqot fi Stat Membru bl-għan li tibbenefika minn leġiżlazzjoni aktar vantaġġuża mhuwiex, waħdu, suffiċjenti sabiex tiġi konkluża l-eżistenza ta’ użu abużiv ta’ din il-libertà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Centros, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 27, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Inspire Art, C-167/01, Ġabra p. I-10155, punt 96).

38     Minn dan isegwi li, kif enfasizzaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Belġjan kif ukoll, matul is-seduta, il-Gvern Ċiprijott, il-fatt li CS f’dan il-każ iddeċidiet li tistabbilixxi CSTS u CSTI fl-IFSC bl-għan iddikkjarat li tibbenefika minn sistema fiskali favorevoli li tali stabbiliment joħloq ma jikkostitwixxix, minnu nnifsu, abbuż. B’hekk dan il-fatt ma jeskludix li CS tkun tista’ tinvoka l-Artikoli 43 KE u 48 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Centros, punt 18, u Inspire Art, punt 98).

39     B’hekk għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikoli 43 KE u 48 KE jipprekludux l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni bħal dik fuq il-KBK.

40     Skond ġurisprudenza kostanti, għalkemm il-fiskalità diretta taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri, dawn ta’ l-aħħar għandhom madankollu jeżerċitawha fir-rispett tad-dritt Komunitarju (sentenza tad-29 ta’ April 1999, Royal Bank of Scotland, C-311/97, Ġarba p. I-2651, punt 19; tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 19, u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C-446/03, Ġabra p. I-10837, punt 29).

41     Il-libertà ta' l-istabbiliment, li l-Artikolu 43 KE jirrikonoxxi liċ-ċittadini Komunitarji u li jinkludi d-dritt li jibdew u jeżerċitaw attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom, kif ukoll li jikkostitwixxu u jmexxu impriżi, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta’ l-istabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess, tinkludi, skond l-Artikolu 48 KE, fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti skond il-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat jew it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali ġewwa l-Komunità, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta' sussidjarja, ta' fergħa jew ta' aġenzija (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta' Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C-307/97, Ġabra. p. I-6161, punt 35; Marks & Spencer, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 30, kif ukoll tat-23 ta’ Frar 2006, Keller Holding, C-471/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 29).

42     Anki jekk, skond il-kliem tagħhom, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mal-libertà ta' l-istabbiliment huma ntiżi sabiex jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, dawn jipprekludu xorta waħda li l-Istat Membru ta' oriġini jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta' wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta' kumpannija stabbilita skond il-leġiżlazzjoni tiegħu (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI, C-264/96, Ġabra p. I-4695, punt 21, kif ukoll Marks & Spencer, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 31).

43     F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni fuq il-KBK tinkludi differenza ta’ trattament tal-kumpanniji residenti skond il-livell ta’ tassazzjoni li tolqot il-kumpannija li fiha huma għandhom sehem li jassiguralhom il-kontroll tagħha.

44     Fil-fatt, meta l-kumpannija residenti tistabbilixxi KBK fl-Istat Membru li fih hija suġġetta għal livell inferjuri ta’ tassazzjoni skond il-leġiżlazzjoni fuq il-KBK, il-profitti magħmula minn tali kumpannija kkontrollata huma, skond din il-leġiżlazzjoni, attribwiti lill-kumpannija residenti, li hija ntaxxata fuq dawn il-profitti. Min-naħa l-oħra, meta l-kumpannija kkontrollata tiġi stabbilita u ntaxxata fir-Renju Unit jew fi Stat li fih hija mhijiex suġġetta għal livell inferjuri ta’ tassazzjoni skond l-imsemmija leġiżlazzjoni, din ta’ l-aħħar mhijiex applikabbli u, skond il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, il-kumpannija residenti mhijiex, f’tali ċirkustanzi, intaxxata fuq il-profitti tal-kumpannija kkontrollata.

45     Din id-differenza ta’ trattament toħloq żvantaġġ fiskali għall-kumpannija residenti li għaliha l-leġiżlazzjoni fuq il-KBK hija applikabbli. Fil-fatt, anki jekk titqies, kif jissuġġerixxu l-Gvernijiet tar-Renju Unit, tad-Danimarka, tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Portugall, tal-Finlandja u ta’ l-Iżvezja, iċ-ċirkustanza eventwali, imsemmija mill-qorti ta’ rinviju, li tali kumpannija residenti ma tħallasx, fuq il-profitti ta’ KBK li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmija leġiżlazzjoni, taxxa f'ammont ikbar minn dak li kien jolqot dawn il-profitti li kieku huma kienu ġew realizzati minn sussidjarja stabbilita fir-Renju Unit, xorta jibqa’ l-fatt li, skond tali leġiżlazzjoni, din il-kumpannija residenti hija ntaxxata fuq profitti ta’ persuna legali oħra. Madankollu, dan mhuwiex il-każ ta’ kumpannija residenti li għandha sussidjarja ntaxxata fir-Renju Unit jew fejn is-sussidjarja stabbilita barra dan l-Istat Membru mhijiex suġġetta għal livell inferjuri ta’ tassazzjoni.

46     Kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-Irlanda u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, it-trattament fiskali distint li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni fuq il-KBK u l-iżvantaġġi li jirriżultaw minnu għall-kumpanniji residenti li għandhom sussidjarja suġġetta, fi Stat Membru ieħor, għal livell inferjuri ta’ tassazzjoni huma ta’ natura li jostakolaw l-eżerċizzju tal-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ tali kumpanniji, peress li jiddisswaduhom milli joħolqu, li jakkwistaw jew li jżommu sussidjarja fi Stat Membru li fih hija ssib ruħha suġġetta għal tali livell ta’ tassazzjoni. Għaldaqstant huma jikkostitwixu restrizzjoni għal-libertà ta’ l-istabbiliment skond l-Artikoli 43 KE u 48 KE.

47     Tali restrizzjoni ma tistax tiġi aċċettata ħlief jekk hija tiġġustifika ruħha minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Huwa wkoll neċessarju, f'tali ipoteżi, li din tkun adattata sabiex tiggarantixxi li dan l-għan in kwistjoni jiġi milħuq u li tali restrizzjoni ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (sentenzi tal-15 ta' Mejju 1997, Futura Participations u Singer, C-250/95, Ġabra. p. I-2471, punt 26, u tal-11 ta' Marzu 2004, De Lasteyrie du Saillant, C-9/02, Ġabra. p. I-2409, punt 49, kif ukoll Marks & Spencer, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 35).

48     Il-Gvern tar-Renju Unit, sostnut mill-Gvernijiet tad-Danimarka, tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Portugall, tal-Finlandja u ta’ l-Iżvezja, isostni li l-leġiżlazzjoni fuq il-KBK għandha l-għan li tiġġieled kontra forma partikolari ta’ evażjoni fiskali, li tikkonsisti, fir-rigward ta' kumpannija residenti fit-trasferiment artifiċjali ta' profitti mill-Istat Membru li fih huma kienu ġew realizzati lejn Stat b’livell ta’ ntaxxar iżgħar permezz tal-ħolqien ta’ sussidjarja hemmhekk u tal-konklużjoni ta’ tranżazzjonijiet destinati prinċipalment sabiex jagħmlu tali trasferiment għall-benefiċċju ta’ din is-sussidjarja.

49     F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta mit-tassazzjoni baxxa li għaliha hija suġġetta sussidjarja stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak li fih kienet ġiet stabbilita l-kumpannija parent ma tawtorizzax, minnha nfisha, lil dan l-aħħar Stat Membru li jikkumpensa dan il-vantaġġ permezz ta’ trattament fiskali inqas favorevoli minn tal-kumpannija parent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza, 270/83, Ġabra p. 273, punt 21; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 1999, Eurowings Luftverkehr, C-294/97, Ġabra p. I-7447, punt 44, kif ukoll tas-26 ta’ Ġunju 2003, Skandia u Ramstedt, C-422/01, Ġabra p. I-6817, punt 52). In-neċessità li jiġi evitat tnaqqis tad-dħul fiskali ma tidher la fost l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 46(1) KE u lanqas fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal libertà stabbilita mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2002, Danner, C-136/00, Ġabra p. I-8147, punt 56, kif ukoll Skandia u Ramstedt, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 53).

50     Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li s-sempliċi fatt li kumpannija residenti toħloq stabbiliment sekondarju, bħal sussidjarja, fi Stat Membru ieħor ma jistax jistabbilixxi preżunzjoni ġenerali ta’ frodi fiskali u tiġġustifika miżura li thedded l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali garantita mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ICI, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 26; tas-26 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-478/98, Ġabra p. I-7587, punt 45; X u Y, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 62, kif ukoll ta’ l-4 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-334/02, Ġabra p. I-2229, punt 27).

51     Min-naħa l-oħra, miżura nazzjonali li tirrestrinġi l-libertà ta’ l-istabbiliment tista’ tiġi ġġustifikata meta hija ntiża speċifikatament għal skemi purament artifiċjali li għandhom l-għan li jaħarbu l-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ICI, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 26; tat-12 ta’ Diċembru 2002, Lankhorst-Hohorst, C-324/00, Ġabra p. I-11779, punt 37; De Lasteyrie du Saillant, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 50, kif ukoll Marks & Spencer, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 57).

52     Għall-evalwazzjoni ta’ l-aġir tal-persuna ntaxxata, għandu b’mod partikolari jiġi kkunsidrat l-għan imfittex mil-libertà ta’ l-istabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Centros, punt 25, kif ukoll X u Y, punt 42).

53     Dan l-għan huwa li jiġi permess lil ċittadin ta’ Stat Membru li joħloq stabbiliment sekondarju fi Stat Membru ieħor sabiex jeżerċita fih l-attivitajiet tiegħu u li għaldaqstant jiffavorixxi l-interpenetrazzjoni ekonomika u soċjali ġewwa l-Komunità fil-qasam ta’ l-attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha (ara s-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners, 2/74, Ġabra p. 631, punt 21). Il-libertà ta’ l-istabbiliment hija ntiża, għal dan il-għan, sabiex tippermetti lil ċittadin Komunitarju li jipparteċipa, b’mod stabbli u kontinwu, fil-ħajja ekonomika ta’ Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu u li jieħu profitt minnha (sentenza tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 25).

54     Fid-dawl ta’ dan l-għan ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti, il-kunċett ta’ l-istabbiliment, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ l-istabbiliment, jimplika l-eżerċizzju effettiv ta’ attività ekonomika permezz ta’ installazzjoni stabbli f’dan l-Istat għal żmien indeterminat (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Factortame et, C-221/89, Ġabra p. I-3905, punt 20, kif ukoll ta’ l-4 ta’ Ottubru 1991, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-246/89, Ġabra p. I-4585, punt 21). Konsegwentement hija tippresupponi l-installazzjoni reali tal-kumpannija kkonċernata fl-Istat Membru ospitanti u l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika effettiva fih.

55     Minn dan isegwi li, sabiex restrizzjoni għal-libertà ta’ l-istabbiliment tkun tista’ tiġi ġġustifikata minħabba motivi ta’ ġlieda kontra prattiċi abużivi, l-għan speċifiku ta’ tali restrizzjoni għandu jkun li jostakola aġir li jikkonsisti fil-ħolqien ta' skemi purament artifiċjali, nieqsa mir-realtà ekonomika, bl-għan li tiġi evaża t-taxxa normalment dovuta fuq il-profitti ġġenerati minn attivitajiet magħmula fit-territorju nazzjonali.

56     Bħal fil-każ tal-prattiċi, imsemmija fil-punt 49 tas-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ‘il fuq, li jikkonsistu fl-organizzazzjoni ta' trasferimenti ta' telf ġewwa grupp ta’ kumpanniji lejn kumpanniji stabbiliti fl-Istati Membri li japplikaw l-għola rata ta’ taxxa u li fihom, konsegwentement, il-valur fiskali ta’ dan it-telf huwa l-iktar sinjifikanti, it-tip ta’ aġir deskritt fil-punt preċedenti jikkomprometti d-dritt ta’ l-Istati Membri li jeżerċitaw il-kompetenza fiskali tagħhom fir-rigward ta’ l-attivitajiet magħmula fit-territorju tagħhom u għaldaqstant hu ta' ħsara għal tqassim ekwilibrat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri (ara s-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 46).

57     Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat jekk ir-restrizzjoni għal-libertà ta’ l-istabbiliment li toħroġ mil-leġiżlazzjoni fuq is-KBK tistax tiġi ġġustifikata minn motivi ta’ ġlieda kontra l-iskemi purament artifiċjali u, skond il-każ, jekk hijiex proporzjonali fir-rigward ta’ dan il-għan.

58     L-imsemmija leġiżlazzjoni hija ntiża għas-sitwazzjonijiet li fihom kumpannija residenti tkun ħolqot KBK li hija suġġetta, fl-Istat Membru fejn hija stabbilita, għal livell ta’ tassazzjoni inferjuri bi tliet kwarti ta’ l-ammont tat-taxxa li kien ikollha tiġi mħallsa fir-Renju Unit li kieku l-profitti ta’ din il-KBK kienu ġew intaxxati f’dan l-Istat Membru.

59     Filwaqt li tipprovdi dwar l-inklużjoni tal-profitti ta’ KBK li jaqgħu taħt sistema fiskali favorevoli ħafna fil-bażi ta’ stima għall-intaxxar tal-kumpannija residenti, il-leġiżlazzjoni fuq il-KBK tippermetti li tikkontrobatti prattiċi li ma jkollhomx għan ieħor ħlief li jevadu t-taxxa normalment dovuta fuq il-profitti li jinkisbu minn attitivitajiet magħmula fit-territorju nazzjonali. Kif sostnew il-Gvernijiet ta’ Franza, tal-Finlandja u ta’ l-Iżvezja, b’hekk tali leġiżlazzjoni tista’ tilħaq l-għan li b’kunsiderazzjoni tiegħu hija kienet ġiet adottata.

60     Għandu wkoll jiġi vverifikat jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

61     Il-leġiżlazzjoni fuq il-KBK fiha xi numru ta’ eċċezzjonijiet li fihom l-applikazzjoni tat-tassazzjoni tal-profitti tal-KBK fuq il-kumpannija residenti hija eliminata. Uħud minn dawn l-eċċezzjonijiet jippermettu li din ta’ l-aħħar tiġi eżentata f’sitwazzjonijiet li fihom l-eżistenza ta’ skema purament artifiċjali għal għanijiet unikament fiskali tidher eskluża. Għaldaqstant, it-tqassim minn KBK ta’ kważi l-profitti kollha tagħha lil kumpannija residenti turi n-nuqqas ta’ intenzjoni ta’ din ta’ l-aħħar li tevadi t-taxxa fir-Renju Unit. It-twettiq mill-KBK ta’ attivitajiet kummerċjali jeskludi, min-naħa tagħha, l-eżistenza ta’ skema artifiċjali li hija nieqsa minn kull konnessjoni ekonomika reali ma’ l-Istat Membru ospitanti.

62     F'każ li ebda waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet ma hija applikabbli, l-applikazzjoni tat-tassazzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni fuq il-KBK tista’ tiġi eliminata jekk l-istabbiliment u l-attivitajiet tal-KBK jissodisfaw it-test tal-motiv. Dan jeżiġi, essenzjalment, li l-kumpannija residenti turi, minn naħa, li t-tnaqqis sinjifikanti tat-taxxa fir-Renju Unit, li jirriżulta mit-tranżazzjonijiet tal-passat bejn din il-kumpannija u l-KBK, ma kienx l-għan prinċipali jew wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ dawn it-tranżazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, li l-kisba ta’ tnaqqis ta’ l-imsemmija taxxa permezz ta’ ħabi ta’ profitti skond l-imsemmija leġiżlazzjoni ma kinitx ir-raġuni prinċipali jew waħda mir-raġunijiet prinċipali tal-kostituzzjoni tal-KBK.

63     Kif irrilevaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni, il-fatt li ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni fuq il-KBK ma tapplika u li l-rieda li jinkiseb tnaqqis fiskali wassal għall-kostituzzjoni tal-KBK kif ukoll il-konklużjoni ta’ tranżazzjonijiet bejn din ta’ l-aħħar u l-kumpannija residenti mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li teżisti skema purament artifiċjali intiża biss sabiex tiġi evaża l-imsemmija taxxa.

64     Il-konstatazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ tali skema fil-fatt teżiġi, minbarra element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ fiskali, li jirriżulta minn elementi oġġettivi li, minkejja rispett formali tal-kundizzjonijiet previsti mid-dritt Komunitarju, l-għan imfittex mil-libertà ta’ l-istabbliment, kif espost fil-punti 54 u 55 ta’ din is-sentenza, ma ntlaħaqx (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke, C-110/99, Ġabra p. I-11569, punti 52 u 53, u tal-21 ta' Frar 2006, Halfiax et, C-255/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 74 u 75).

65     F’dawn il-kundizzjonijiet, sabiex il-leġiżlazzjoni fuq il-KBK tkun konformi mad-dritt Komunitarju, l-applikazzjoni tat-taxxa prevista mill-imsemmija leġiżlazzjoni għandha tiġi eskluża meta, minkejja l-eżistenza ta’ motivazzjonijiet ta’ natura fiskali, il-kostituzzjoni ta’ KBK tikkorrispondi għal realtà ekonomika.

66     Din il-kostituzzjoni għandha tikkorrispondi għal installazzjoni reali li għandha bħala għan it-twettiq ta’ attivitajiet ekonomiċi effettivi fl-Istat Membru ospitanti, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 52 sa 54 ta’ din is-sentenza.

67     Kif issuġġerew il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni matul is-seduta, din il-konstatazzjoni għandha tistrieħ fuq elementi oġġettivi u verifikabbli minn terzi, relatati, b’mod partikolari, mal-livell ta’ eżistenza fiżika tal-KBK f'termini ta’ stabbilimenti, ta’ persunal u ta’ tagħmir.

68     Jekk il-verifikazzjoni ta’ tali elementi twassal għall-konstatazzjoni li l-KBK tikkorrispondi għal installazzjoni fittizzja li ma teżerċita ebda attività ekonomika effettiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti, il-ħolqien ta’ din il-KBK għandu jiġi kkunsidrat bħala li għandu n-natura ta’ skema purament artifiċjali. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, ta’ sussidjarja “kaxxa ta’ l-ittri” jew “skrin” (ara s-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC, C-341/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 34 u 35).

69     Min-naħa l-oħra, kif irrileva l-Avukat Ġenrali fil-punt 103 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-attivitajiet li jikkorrispondu għall-profitti tal-KBK setgħu wkoll jiġi effettwati minn kumpannija stabbilita fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn hija installata l-kumpannija residenti ma jippermettix li jiġi konkluż li teżisti skema purament artifiċjali.

70     Il-kumpannija residenti, li hija fl-aħjar pożizzjoni għal dan il-għan, għandha tkun f'pożizzjoni li tipproduċi elementi dwar ir-realtà ta’ l-installazzjoni tal-KBK u n-natura effettiva ta’ l-attivitajiet tagħha.

71     Fid-dawl ta’ l-elementi pprovduti mill-kumpannija residenti, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom il-possibbiltà, sabiex jiksbu l-informazzjoni neċessarja dwar is-sitwazzjoni reali tal-KBK, li jirrikorru għall-mekkaniżmi ta’ kollaborazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn amministrazzjonijiet fiskali nazzjonali stabbliti permezz ta’ strumenti legali bħal dawk imsemmija mill-Irlanda fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar l-assistenza reċiproka ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-taxxi diretti (ĠU L 336, p. 15), u fir-rigward ta’ din il-kawża, il-Konvenzjoni konkluża fit-2 ta’ Ġunju 1976 bejn ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda għall-eliminazzjoni tat-taxxa doppja u l-prevenzjoni ta’ l-evażjoni fiskali għal dak li jikkonċerna t-taxxa fuq id-dħul u l-qligħ kapitali.

72     F’dan il-każ, hija kompetenza tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk, bħalma jsostni l-Gvern tar-Renju Unit, it-test tal-motiv, kif definit mil-leġiżlazzjoni fuq il-KBK, jistax jiġi interpretat b'mod li jippermetti li l-applikazzjoni ta’ l-intaxxar prevista minn din il-leġiżlazzjoni tiġi limitata għall-iskemi purament artifiċjali jew jekk, għall-kuntrarju, il-kriterji li fuqhom jistrieħ dan it-test ifissru li, peress illi ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti minn din l-istess leġiżlazzjoni ma hija applikabbli u r-rieda li jinkiseb tnaqqis tat-taxxa fir-Renju Unit tidher li hija waħda mir-raġunijiet prinċipali li kienu wasslu għall-kostituzzjoni tal-KBK, il-kumpannija parent residenti tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmija leġiżlazzjoni, minkejja n-nuqqas ta’ elementi oġġettivi ta’ natura li jirrivelaw l-eżistenza ta’ skema ta’ din in-natura.

73     Fl-ewwel ipoteżi, il-leġiżlazzjoni fuq il-KBK għandha tiġi kkunsidrata bħala kumpatibbli ma’ l-Artikoli 43 KE u 48 KE.

74     Min-naħa l-oħra, fit-tieni ipoteżi, għandu jiġi kkunsidrat, kif sostnew ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni u, matul is-seduta, il-Gvern Ċiprijott, li l-imsemmija leġiżlazzjoni tmur kontra l-Artikoli 43 KE u 48 KE.

75     Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 43 KE u 48 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-inklużjoni, fil-bażi ta’ stima għall-intaxxar ta’ kumpannija residenti stabbilita fi Stat Membru, tal-profitti miksuba minn KBK fi Stat Membru ieħor meta dawn il-profitti huma suġġetti fih għal livell ta’ ntaxxar iktar baxx minn dak applikabbli fl-ewwel Stat, sakemm tali inklużjoni ma tikkonċernax ħlief l-iskemi purament artifiċjali intiżi sabiex jevadu t-taxxa nazzjonali normalment dovuta. Konsegwentement, l-applikazzjoni ta’ tali miżura ta’ ntaxxar għandha tiġi eliminata meta jiġi ppruvat, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli minn terzi, li, minkejja l-eżistenza ta’ motivazzjonijiet ta’ natura fiskali, l-imsemmija KBK hija realment installata fl-Istat Membru ospitanti u teżerċita fih attivitajiet ekonomiċi effettivi.

 Fuq l-ispejjeż

76     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 43 KE u 48 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-inklużjoni, fil-bażi ta’ stima għall-intaxxar ta’ kumpannija residenti stabbilita fi Stat Membru, tal-profitti miksuba minn kumpannija barranija kkontrollata fi Stat Membru ieħor meta dawn il-profitti huma suġġetti fih għal livell ta’ ntaxxar iktar baxx minn dak applikabbli fl-ewwel Stat, sakemm tali inklużjoni ma tikkonċernax ħlief l-iskemi purament artifiċjali intiżi sabiex jevadu t-taxxa nazzjonali normalment dovuta. Konsegwentement, l-applikazzjoni ta’ tali miżura ta’ ntaxxar għandha tiġi eliminata meta jiġi ppruvat, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli minn terzi li, minkejja l-eżistenza ta’ motivazzjonijiet ta’ natura fiskali, l-imsemmija kumpannija kkontrollata hija realment installata fl-Istat Membru ospitanti u teżerċita fih attivitajiet ekonomiċi effettivi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top