Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0169

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) ta' l-4 ta' Mejju 2006.
    Abbey National plc u Inscape Investment Fund vs Commissioners of Customs & Excise.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: VAT and Duties Tribunal, London - ir-Renju Unit.
    Sitt Direttiva VAT - Artikolu 13B(d)( 6) - Maniġġjar ta' fondi komuni ta' investiment - Eżenzjoni - Kunċett ta' 'maniġġjar' - Funzjonijiet ta' depożitarju- Delegazzjoni tal-funzjonijiet ta' maniġġjar amministrattiv.
    Kawża C-169/04.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:289

    Partijiet
    Motivi tas-sentenza
    Parti operattiva

    Partijiet

    Fil-kawża C-169/04

    ,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-VAT and Duties Tribunal, London (Ir-Renju Unit), permezz ta' deċiżjoni tat-2 ta' April 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta' April 2004, fil-kawża

    Abbey National plc,

    Inscape Investment Fund

    vs

    Commissioners of Customs & Excise,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA(It-Tielet Awla),

    komposta minn A. Rosas, President ta' Awla, J. Malenovský, S. von Bahr (Relatur), A. Borg Barthet u U. Lõhmus, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-10 ta' Marzu 2005,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    – għal Abbey National plc, minn J. Woolf, barrister, J.-C. Bouchard, Avukat, inkarigat minn R. Croker, solicitor,

    – għall-Gvern tar-Renju Unit, minn K. Manji kif ukoll minn E. O'Neil u S. Nwaokolo, bħala aġenti, assistiti minn R. Hill, barrister,

    – għall-Gvern Lussemburgiż, minn S. Schreiner, bħala aġent,

    – għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal, bħala aġent,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta' Settembru 2005,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Motivi tas-sentenza

    1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjon ta' l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1, iktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva").

    2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Abbey National plc (iktar 'il quddiem "Abbey National") u Inscape Investment Fund, u l-Commissioners of Customs & Excise (iktar 'il quddiem il-"Commissioners") dwar it-tassazzjoni, minn naħa, tas-servizzi pprovduti mid-depożitarji ta' ċertu numru ta' impriżi ta’ investiment kollettiv awtorizzati kkostitwiti taħt il-liġi dwar it- trust s (" authorised unit trusts ") u ta' kumpannija ta' investiment b'kapital varjabbli ("Open‑ended investment company", iktar 'il quddiem "OEIC"), u min-naħa l-oħra, tas-servizzi ta' amministrazzjoni u ta' kontabbiltà pprovduti minn kumpannija terza fuq delega tal-kumpannija ta' amministrazzjoni ta' OEIC.

    Il-Kuntest Ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3. L-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva jipprovdi kif ġej:

    "Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kundizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta' l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta' kwalunkwe eżenzjoni possibbli, evitar u abbuż:

    [...]

    d) it-transazzjonijiet li ġejjin:

    1. l-għoti jew in-negozjar ta' kreditu u l-immaniġġjar tal-kreditu mill-persuna li tagħtih;

    2. in-negozju ta' kwalunkwe negozjar f'garanzija ta' kreditu jew ta' kwalunkwe garanzija għall-flus u l-immaniġġjar tal-garanziji tal-kreditu mill-persuna li qed tagħti dan il-kreditu;

    3. transazzjonijiet, inkluż negozjar, li jikkonċerna d-depożitu u l-kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli, imma esklużi l-kollezzjoni tad-debitu u l-fattorar;

    4. transazzjonijiet, inklużi negozjar, li jikkonċerna l-munita, karti tal-flus u muniti użati bħala valuti legali, ħlief bl-eċċezzjoni ta' affarijiet tal-kollezzjoni; "affarijiet tal-kollezzjoni" għandhom ifissru deheb, fidda u muniti tal-metall oħrajn jew karti tal-flus li normalment m'humiex użati bħala valuti legali jew muniti b'interess numiżmatiku ;

    5. transazzjonijiet, inklużi negozjar, eskluż l-immaniġġjar u l-ħażna assigurata, fl-ishma, interessi f'kumpanniji jew assoċjazzjonijiet, debentures u sigurtajiet oħrajn, esklużi::

    – dokumenti li jistabbilixxu titolu għall-oġġetti,

    – id-drittijiet jew sigurtajiet msemmija fl-Artikolu 5(3);

    6. maniġġjar ta' fondi [komuni] ta' investiment kif definiti mill-Istati Membri".

    4. L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 375, p. 3), jiddefinixxi l-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (iktar ’il quddiem il-"UCITS") bħala impriżi:

    "– li l-iskop uniku tagħhom huwa l-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli ta’ kapital realizzat mill-pubbliku u li joperaw fuq il-prinċipju tat-tixrid tar-riskju

    u

    – li l-unitajiet tagħhom huma, fuq it-talba tat-titolari, mixtrija mill-ġdid jew mogħtija lura, direttament jew indirettament, mill-assi ta’ dawk l-impriżi. […]"

    5. Skond dan l-istess Artikolu 1(3) dawn l-impriżi jistgħu jiġu kkostitwiti "jew taħt il-liġi ta[l-]kuntratt[i] (bħala fondi komuni [ta' investiment] amministrati minn kumpanniji ta’ amministrazzjoni) jew il-liġi dwar it-" trusts " (unit trust) jew taħt statut (bħala kumpanniji ta’ investiment)". Għall-finijiet tad-Direttiva 85/611 "fondi komuni [ta' investiment]" tkopri ukoll il-"unit trust ".

    6. Skond l-Artikolu 4(1) ta' din id-Direttiva l-ebda UCITS m'għandha twettaq attivitajiet sakemm ma tkunx ġiet awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li tkun tinstab fih. Din l-awtorizzazzjoni għandha tkun valida għall-Istati Membri kollha.

    7. Mill-Artikolu 4(2) ta' din l-istess Direttiva jirriżulta li, sabiex jiġi awtorizzat, fondi komuni [ta' investiment] irid jkun indika kumpannija ta’ amministrazzjoni u depożitarju, filwaqt li l-kumpannija ta’ investiment, li, hija wkoll, suġġetta għall-istess obbligu fir-rigward ta' depożitarju, mhijiex obbligata tindika kumpannija ta' amministrazzjoni.

    8. Skond l-Artikoli 7(1) u 14(1) tad-Direttiva 85/611 l-assi rispettivi ta' l-unità ta’ trust u tal-kumpannija ta' investiment għandhom ikunu fdati lil depositarju biex jinżammu fis-sigurtà.

    9. F'dak li jikkonċerna l-fondi komuni, [ta' investiment] skond l-Artikolu 7(3) ta' din id-Direttiva depożitarju għandu:

    "a) jassigura li l-bejgħ, il-ħruġ, ix-xiri mill-ġdid, l-għoti lura u l-kanċellazzjoni ta’ unitajiet effettwati f’isem unità ta’ trust jew minn kumpannija ta’ amministrazzjoni jitwettqu skond il-liġi u r-regoli tal-fond;

    b) jassigura li l-valur ta’ l-unitajiet ikun ikkalkolat skond il-liġi u r-regoli tal-fond;

    c) iwettaq l-istruzzjonijiet tal-kumpanija ta’ amministrazzjoni, sakemm dawn ma jkunux f’kunflitt mal-liġi jew mar-regoli tal-fond;

    d) jassigura li f’operazzjonijiet li jinvolvu l-assi ta’ unità ta’ trust kull konsiderazzjoni tkun mibgħuta lilu fil-limiti taż-żmien tas-soltu;

    e) jassigura li l-introjtu ta’ unità ta’ trust jiġi applikat skond il-liġi u r-regoli tal-fond."

    10. Fir-rigward tal-kumpanniji ta' investiment, l-Artikolu 14(3) ta' din l-istess Direttiva jippreċiża li, barra milli jieħu ħsieb l-assi fdati lilhu, d-depożitarju għandu:

    "a) jassigura li l-bejgħ, il-ħruġ, ix-xiri mill-ġdid, il-fidwa u l-kanċellazzjoni ta’ unitajiet effetwati minn jew f’isem kumpannija jkunu mwettqa skond il-liġi u skond l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-kumpannija;

    b) jassigura li fl-operazzjonijiet li jinvolvu l-assi ta’ kumpannija kull konsiderazzjoni tkun mibgħuta lilu fil-limiti taż-żmien tas-soltu;

    c) jassigura li l-introjtu ta’ kumpannija jiġi applikat skond il-liġi u l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tagħha."

    11. Skond l-Artikoli 9 u 16 tad-Direttiva 85/611 depożitarju għandu, skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat li fih ikun jinstab l-uffiċċju rreġistrat rispettivament tal-kumpannija ta’ amministrazzjoni u tal-kumpannija ta' investiment, jkun responsabbli fir-rigward ta' dawn ta' l-aħħar u t-titolari ta’ l-unitajiet, għal kull telf soffert minnhom bħala riżultat tan-nuqqas li jwettaq l-obbligi tiegħu jew it-twettiq mhux xieraq tagħhom.

    12. Skond l-Artikoli 10(1) u 17(1) ta' din id-Direttiva l-ebda kumpannija singola m’għandha taġixxi kemm minn naħa bħala kumpannija ta’ amministrazzjoni u kumpannija ta' investiment u kemm min-naħa l-oħra bħala depożitarju.

    13. Id-Direttiva 85/611 ġiet emendata permezz tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/107/KE bl-iskop li jiġu regolati kumpanniji ta' amministrazzjoni u prospectuses simplifikati (ĠU L 41, p. 20), u permezz tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/108/KE tal-21 ta' Jannar 2002, b'rigward għal investimenti ta' UCITS (ĠU L 41, p. 35). It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 5(2), tad-Direttiva 85/611, hekk kif emendata, jagħmel riferiment għall-Anness II ta' din l-istess Direttiva li fih hemm lista mhux kompluta tal-funzjonijiet inklużi fl-attività ta' amministrazzjoni ta' fondi komuni [ta' investiment] u ta' kumpanniji ta' investiment. Din il-lista ssemmi l-funzjonijet li ġejjin:

    "– amministrazzjoni ta' investiment

    – Amministrazzjoni:

    a) servizzi ta' kontabiltà legali u ta' amministrazzjoni ta' fond;

    b) inkjesti tal-klijenti;

    c) valutazzjoni u pprezzar (inklużi rifużjonijiet fuq it-taxxa);

    d) monitoraġġ regolatorju ta' konformità;

    e) manutenzjoni tar-reġistru tat-titolari ta' l-unità;

    f) distribuzzjoni tad-dħul;

    g) kwistjonijiet u fidi ta' unitajiet;

    h) riżoluzzjonijiet ta' kuntratti (inkluża l-kunsinna taċ-ċertifikat);

    i) iż-żamma ta' reġistri.

    – it-Tqegħid fis-suq"

    14. L-Artikolu 5g(1) tad-Direttiva 85/611 kif emendata, li, permezz ta' l-Artikolu 13b ta' din l-istess Direttiva, huwa applikabbli ukoll għall-kumpanniji ta' investiment li ma nnominawx kumpannija ta' amministrazzjoni awtorizzata, jipprovdi l-possibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-kumpanniji ta' amministrazzjoni li "jiddelegaw lil partijiet terzi għall-iskop ta' kondotta iktar effiċjenti tan-negozju ta' kumpanniji li jwettqu għan-nom tagħhom funzjoni proprja waħda jew iktar ".

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    15. Skond l-Anness 9, grupp 5, punti 9 u 10 tal-Liġi ta' l-1994 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (Value Added Tax Act 1994), fir-Renju Unit, l-" authorised unit trusts " (punt 9) u l-OEIC (punt 10) huma meqjusa bħala "fondi komuni ta' investiment" skond l-Artikolu 13B(d) punt 6 tas-Sitt Direttiva .

    16. Id-Direttiva 85/611 ġiet trasposta fir-Renju Unit permezz tal-Liġi fuq is-Servizzi u s-Swieq Finanzjarji ta' l-2000 (Financial Services and Markets Act 2000, iktar 'il quddiem l-"FSMA"), li madankollu għandha portata iktar wiesgħa minn din id-Direttiva.

    17. Skond l-FSMA, " authorised unit trust " huwa pjan ta' investiment kollettiv li l-proprjetà tiegħu hija miżmuma minn trust f'isem it-titolari ta' l-unitajiet u li huwa nnominat b'awtorizzazzjoni. Fil-kuntest ta' tali pjan l-investituri jixtru jew ibiegħu unitajiet tal-fondi. Bl-eċċezzjoni tax-xiri mill-ġdid mill-amministratur ta' unitajiet minn għand l-investitur jew tal-bejgħ ta' unitajiet lil dan ta' l-aħħar, unitajiet ġodda huma maħluqa jew mħallsa lura kull darba li investitur jixtri jew ibiegħ unitajiet.

    18. Skond ir-regoli applikabbli għall-pjanijiet ta' investiment kollettiv, li jinsabu fil-"Collective Investment Schemes Sourcebook" (iktar 'il quddiem il-"CIS Sourcebook") ta' l-Awtorità responsabbli mis-Servizzi Finanzjarji (Financial Services Authority), l-amministratur ta' " authorised unit trust " huwa obbligat jimmaniġġja dan ta' l-aħħar, skond l-att tat-trust, ir-regoli tal-CIS Sourcebook u l-aktar prospett reċenti.

    19. Id-deċiżjoni ta' rinviju tindika li l-OEIC hija forma ta' pjan ta' investiment kollettiv simili għal fondi komuni ta' investiment, iżda li għandha l-istruttura ta' kumpannija kummerċjali minflok ma hija rregolata mid-dritt tat- trusts . Bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-FSMA, mill-2001 l-OEIC huma rregolati b'mod partikolari permezz tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-kumpanniji ta' investiment b'kapital azzjonarju varjabbli (Open-Ended Investment Companies Regulations 2001, iktar il' quddiem l-"OEIC Regulations"). OEIC għandha kapital varjabbli b'mod illi ishma ġodda huma maħluqa meta investitur jixtieq jinvesti fil-kumpannija u huma mħallsa lura meta l-investitur jixtieq jillibera ruħu mill-investiment tiegħu.

    20. L-OEIC Regulations jeħtieġu li l-attivita ta' l-OEIC tkun immaniġġjata mill-inqas minn Direttur ta' kumpannija awtorizzat (Authorised Corporate Director, iktar 'il quddiem "ACD"). Huwa għandu jkun persuna ġuridika aċċettata u awtorizzata taġixxi bħala Direttur.

    21. Fil-FMSA u fil-CIS Sourcebook, id-depożitarju ta' " authorised unit trust" huwa indikat permezz tal-kelma " trustee ", filwaqt li fl-OEIC Regulations, id-depożitarju ta' OEIC huwa msejjaħ "depożitarju".

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    22. Abbey National Unit Trust Managers Limited u Scottish Mutual Investment Managers Limited, membri tal-grupp TVA Abbey National, huma l-amministraturi, rispettivament ta' ħmistax u ħdax il-" authorised unit trusts ".

    23. It- trustee s" ta' dawn ta' l-aħħar huma kemm Clydesdale Bank plc (iktar il-quddiem "Clydesdale"), kemm Citicorp Trustee Company Limited (iktar il-quddiem "Citicorp"),u kemm HSBC Bank plc (iktar il-quddiem "HSBC"). Il-qorti tar-rinviju tosserva li dawn jiffatturaw onorarju ġenerali għall-funzjonijiet tagħhom ta' trustee . Għalkemm Clydesdale u HSBC jaġixxu wkoll bħala kustodji, l-onorarji ġenerali ta' truste e li huma jiffatturaw ma jkoprux il-kustodja globali, li għaliha, onorarju separat huwa previst, filwaqt li Citicorp, għalkemm hija trustee , ma taġixxix bħala kustodju.

    24. Inscape Investments Limited ġiet maħtura bħala l-ACD ta' Inscape Investment Fund u Abbey National Asset Managers Limited ta' tliet OEIC oħra. Inscape Investments Limited u Inscape Investment Fund huma wkoll membri tal-grupp TVA Abbey National.

    25. Citicorp ġiet maħtura bħala depożitarja ta' dawn l-erba OEIC u tiffattura onorarju ġenerali għall-funzjonijet tagħha. Madankollu, lanqas għal dawn ma taġixxi bħala kustodju.

    26. Fl-aħħar tas-sena 2000, Inscape Investments Limited iffirmat ftehim dwar il-kontabbiltà ta' Inscape Investment Fund mal-Bank of New York Europe Limited u wara mal-Bank of New York (iktar 'il quddiem il-"Bank of New York"). Skond dan il-ftehim, dan ta' l-aħħar obbliga ruħu jipprovdi serje ta' servizzi delegati minn Inscape Investments Limited, b'mod partikolari l-kalkolu ta' l-ammont ta' dħul u tal-prezz tal-unitajiet jew ishma ta' fondi, l-evalwazzjoni ta' l-assi, il-kontabbiltà, il-preparazzjoni ta' dikjarazzjonijiet għad-distribuzzjoni tad-dħul, l-għotja ta' l-informazzjoni u tad-dokumentazzjoni għall-kontabbiltà perjodika u għad-dikjarazzjonijiet fiskali, statistiċi u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar 'il quddiem il-"VAT") kif ukoll il-preparazzjoni tal-previżjonijiet tad-dħul.

    27. Il-Bank of New York obbliga ruħu wkoll li jipprovdi servizzi oħra, bħall-ipproċessar ta' l-informazzjoni, l-operazzjonijiet ta' rikonċiljazzjoni tal-fondi, il-kalkolu u r-reġistrazzjoni tal-piżijiet u ta' l-ispejjeż, ir-reġistrazzjoni ta' l-avvenimenti tal-kumpannija, it-trażmissjoni tal-prezzijiet ta' kuljum tal-kompartimenti ta' investiment lill-istampa, il-produzzjoni tad-dikjarazzjonijiet fiskali u tal-VAT kif ukoll ta' dikjarazzjonijiet lill-Bank ta' l-Ingilterra, il-kalkolu tar-rata ta' distribuzzjoni u tad-dħul u t-tweġibiet għad-domandi ta' Inscape Investments Limited u/jew tad-depożitarju.

    28. Abbey National ressqet rikors minħabba li l-VAT kienet ġiet mitluba minn diversi trustees ta' " authorised unit trusts " li jimmaniġġjaw is-sussidjarji tagħha u Inscape Investment Fund minħabba li d-depożitarju tiegħu talbu l-VAT.

    29. Barra minn hekk, Abbey National tikkontesta l-fatturazzjoni, mill-Bank of New York lill-Inscape Investments Limited, tal-VAT fuq is-servizzi ta' amministrazzjoni u ta' kontabbiltà li huwa pprovda bħala amministratur ta' fondi.

    30. Abbey National tosserva wkoll li s-servizzi pprovduti mill-Bank of New York huma eżenti mill-VAT minħabba li dawn huma magħmula mill-"maniġġjar ta' fondi [komuni] ta' investiment" skond l-Artikolu 13 B(d)(6) tas-Sitt Direttiva. F'dan ir-rigward hija tosserva li l-amministrazzjoni ta' fondi tagħmel manifestament parti mill-immaniġġjar tiegħu u li s-sub-appalt ta' l-aspetti amministrattivi kollha ta' l-immaniġġjar jew ta' parti kbira tagħhom, li jifformaw parti speċifika u essenzjali ta' l-immaniġġjar, m'għandux jiġi ttrattata b'mod differenti mis-sub-appalt ta' ċerti deċiżjonijiet dwar l-għażla ta' l-investimenti.

    31. Abbey National u Inscape Investment Fund jallegaw ukoll li s-servizzi, barra min dawk ta' kustodju pprovduti minn trustees ta' "authorised unit trust" u minn depożitarji ta' OEIC, huma wkoll eżenti skond l-Artikolu 13 B(d)(6) tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt fost il-funzjonijiet ta' immaniġġjar, huma inklużi l-funżjonijiet ta' kontroll u ta' teħid ta' deċiżjonijiet mwettqa mid-depożitarju jew mit- trustee .

    32. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li skond il-Commissioners, il-funzjoni speċifika u essenzjali ta' immaniġġjar tal-fondi komuni ta' investiment hija l-immaniġġjar ta' investimenti, li timplika l-għażla u ċ-ċessjoni ta' l-assi li huma s-suġġett ta' dan l-immaniġġjar. Huma jallegaw li dan jeskludi s-servizzi pprovduti mit- trustees u mid-depożitarji mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-eżenzjoni minħabba li dawn m'humiex ġeneralment direttament involuti fid-deċiżjonijiet ta' kuljum dwar l-immaniġġjar ta' l-investimenti u li r-rwol prinċipali tagħhom huwa li jipproteġu lill-konsumatur u lill-investitur. Dan jeskludi wkoll is-servizzi ta' amministrazzjoni pprovduti mill-amministratur tal-fondi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-eżenzjoni minħabba li l-ebda wieħed minn dawn ma jinvolvi l- għażla u ċ-ċessjoni ta' l-assi li huma s-suġġett ta' l-immaniġġjar.

    33. Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-portata ta' l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva m'hijiex ċara. F'dan ir-rigward hija tosserva li teżisti differenza bejn il-prattiċi ta' l-Istati Membri differenti f'dak li jikkonċerna t-trattament ta' operazzjonijiet bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

    34. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-VAT and Duties Tribunal, London, iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    «1) L-eżenzjoni ta' "l-immaniġjar ta’ fondi komuni ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri" ["the management of special investment funds as defined by Member States", fil-verżjoni Ingliża] prevista fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT tfisser illi l-Istati Membri għandhom il-kompetenza sabiex jiddeterminaw l-attivitajiet inklużi fil-"maniġġjar" tal-fondi komuni ta’ investiment kif ukoll sabiex jiddefinixxu l-fondi komuni ta’ investiment li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni ?

    2) Jekk it-tweġiba għall-ewwel mistoqsija hija le u l-kelma "manniġġjar" msemmi fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT għandha tingħata interpretazzjoni awtonoma fid-dritt Komunitarju, fid-dawl tad-Direttiva tal-Kunsill 85/611 […], is-servizzi fatturati minn depożitarju jew minn trustee fil-kuntest tas-servizzi pprovduti skond l-Artikoli 7 u 14 tad-Direttiva [85/611], skond id-disposizzjonijiet nazzjonali u r-regoli dwar il-fondi applikabbli huma servizzi eżenti ta’ "manniġjar ta’ fondi [komuni] ta’ investiment" skond l-Artikolu 13 B(d)(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT ?

    3) Jekk it-tweġiba għall-ewwel mistoqsija hija le u l-kelma "maniġġjar" għandha tingħata interpretazzjoni awtonoma fid-dritt Komunitarju, l-eżenzjoni tal- "maniġġjar ta’ fondi [komuni] ta’ investiment" ta' l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT tapplika għas-servizzi pprovduti minn amministratur fil-kuntest ta' l-immaniġġjar amministrattiv tal-fondi ?"

    Fuq l-ewwel domanda

    35. Permezz ta' l-ewwel domanda, il-qorti ta' rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta' "maniġġjar" ta' fondi komuni ta' investiment imsemmi fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt Komunitarju li l-Istati Membri ma jistgħux jimmodifikaw il-kontenut tiegħu.

    L-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qori tal-Ġustizzja

    36. Abbey National, il-Gvern Lussemburgiż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jikkunsidraw li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva għall-"maniġġjar ta' fondi [komuni] ta' investiment kif definiti mill-Istati Membri" għandha tiġi interpretata fis-sens li hi ma tagħtix lill-dawn ta' l-aħħar is-setgħa li jiddefinixxu l-attivitajiet koperti mil-kelma " maniġġjar" ta' fondi.

    37. Min-naħa l-oħra l-Gvern tar-Renju Unit isostni li din l-eżenzjoni tagħti lill-Istati Membri din is-setgħa kif ukoll dik li jiddefinixxu l-fondi komuni ta' investiment li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni.

    Il-kunsidrazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    38. Skond ġurisprudenza kostanti, l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt Komunitarju li għandhom jingħataw definizzjoni Komunitarja li jkollha bħal għan li jiġu evitati diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għall-ieħor (ara b'mod partikolari s-sentenzi tat-12 ta' Settembru 2000 Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑358/97

    , Ġabra p. I‑6301, punt 51, tat-3 ta' Marzu 2005, Fonden Marselisborg Lystbådehavn, C‑428/02

    , Ġabra p. I‑1527, Punt 27, u ta' l-1 ta' Diċembru 2005, Ygeia, C‑394/04

    u C‑395/04

    , li għadha ma ġietx ippubblikata, punt 15).

    39. Jekk, konsegwentement, l-Istati Membri ma jistgħux ibiddlu l-kontenut, b'mod partikolari, meta huma jistabbilixxu l-kundizzjonijet ta' applikazzjoni, dan ma jistax madanakollu ikun il-każ meta l-Kunsill ikkonferilhom il-kompitu li jiddefinixxu ċerti termini ta' l-eżenzjoni (ara s-sentenza tat-28 ta' Marzu 1996, Gemeente Emmen, C‑468/93

    , Ġabra p. I‑1721, punt 25).

    40. Għaldaqstant jaqbel li jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva, jagħtix lill-Istati Membri l-kompitu li jiddefinixxu kemm il-kunċett ta' "fondi [komuni] ta' investiment" kif ukoll dak ta' "maniġġjar" ta' dawn il-fondi, jew jekk dan jikkonċernax biss l-ewwel minn dawn iż-żewġ kunċetti.

    41. F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li jekk il-verżjoni Ingliża u dik Olandiż ta' din id-dispożizzjoni hija ambigwa fir-rigward tal-portata tagħha, mill-verżjoni Daniża, Ġermaniża, Franċiża, u Taljana jirriżulta, b'mod partikolari li, l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva jirreferi għad-definizzjonijiet ta' l-Istati Membri biss f'dak li jikkonċerna l-kunċett, ta' "fondi [komuni] ta' investiment".

    42. Il-portata ristretta ta' din ir-referenza għad-dritt nazzjonali, bħal ma jirriżulta b'mod partikolari mill-verżjoni Daniża, Ġermaniża, Franċiża, u Taljana, hija kkonfermata mill-kuntest li taħtu l-espessjoni taqa', mill-kontenut tas-Sitt Direttiva u mill-għan li jiġu evitati diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għall-ieħor.

    43. Għaldaqstant jaqbel li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-kunċett ta' "maniġġjar" ta' fondi komuni ta' investiment imsemmi fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt Komunitarju li l-kontenut tiegħu ma jistax jiġi mibdul mill-Istati Membri.

    Fuq it-tieni u t-tielet domandi

    44. Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva għandhux jiġi interpretat bħala jekk jaqawx jew le taħt il-kunċett ta' "maniġġjar ta' fondi [komuni] ta' investiment":

    – s-servizzi fatturati minn depożitarju u pprovduti skond l-Artikoli 7 u 14 tad-Direttiva, skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali u r-regoli dwar il-fondi; u

    – is-servizzi ta' immaniġġar amministrattiv u ta' kontabbiltà tal-fondi pprovduti minn amministratur terz.

    L-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

    45. Abbey National u l-Gvern Lussemburgiż josservaw li s-servizzi fatturati minn depożitarju jew minn trustee fil-kuntest ta' servizzi pprovduti skond l-Artikoli 7 u 14 tad-Direttiva 85/611, skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali u r-regoli dwar il-fondi applikabbli, huma servizzi eżenti skond l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva.

    46. Din l-aħħar dispożizzjoni tkopri wkoll is-servizzi pprovduti minn amministratur terz fil-kuntest ta' l-immaniġġjar amministrattiv tal-fondi.

    47. Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-espressjoni "maniġġjar" ta' fondi komuni ta' investiment msemmija fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva għandha tinftiehem bħala li tirreferi għall-funzjoni prinċipali ta' immaniġġjar tal-portafol imwettqa mill-amministratur ta' fondi komuni ta' investiment.

    48. Din l-eżenzjoni ma testendix għas-servizzi fatturati minn depożitarju jew minn trustee fil-kuntest tal-kustodja ta' l-assi tal-fondi komuni ta' investiment jew tal-kontroll ta' l-attivitajiet ta' l-amministratur intiż sabiex jiġi garantit li dawn huma mmaniġġjati skond ir-regoli tad-dritt u r-regoli tal-fondi.

    49. Għall-istess raġunijiet, l-imsemmija eżenzjoni lanqas m'hija applikabbli għas-servizzi purament amministrattivi pprovduti lill-amministratur mill-amministratur b'sub-appalt tal-kontabilità tal-fondi.

    50. Skond il-Kummissjoni l-espressjoni "maniġġjar ta' fondi [komuni] ta' investiment" skond l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva tkopri s-servizzi kollha li huma konnessi mill-qrib mal-fondi, jiġifieri mad-determinazzjoni tal-politika ta' investimenti, ta' xiri u ta' bejgħ ta' assi.

    51. Issa, is-servizzi pprovduti minn depożitarju, skond l-Artikoli 7 u 14 tad-Direttiva 85/611, skond id-dispożizzjonijiet regolamentari nazzjonali u r-regoli tal-fondi, ma jikkostitwux maniġġjar tal-fondi skond l-Artikolu 13B(d)( 6) tas-Sitt Direttiva.

    52. Is-servizzi pprovduti minn amministratur terz u li jaqgħu taħt l-immaniġġjar amministrattiv tal-fondi lanqas ma jikkostitwixxu maniġġjar tal-fondi skond din id-dispożizzjoni.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    53. Preliminarjament għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva jirrigwarda l-fondi komuni ta' investiment indipendentement mill-forma ġuridika tagħhom. Għaldaqstant jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni kemm l-impriżi ta’ investiment kollettiv kostitwiti taħt il-liġi tal-kuntratti jew il-liġi dwar it -trusts , kif ukoll dawk kostitwiti taħt statut.

    54. Fil-fatt, la l-kuntest u lanqas il-kliem ta' l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva ma jindikaw li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet dik li jillimita l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni biss lill-impriżi ta' investiment kollettiv kostitwiti taħt il-liġi tal-kuntratti jew il-liġi dwar it- trusts .

    55. Fil-fatt, fil-mument ta' l-adozzjoni tas-Sitt Direttiva, it-terminoloġija Komunitarja f'dan il-qasam ma kinitx għadha ġiet armonizzata, u d-Direttiva 85/611, li fl-Artikolu 1(3) tagħha tagħti definizzjoni Komunitarja ta' l-UCITS, kienet ġiet adottata biss fl-1985. Barra min hekk, jekk il-verżjonijiet Franċiża u Taljana ta' l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 85/611, meta jirreferu għall-impriżi ta' investiment kollettiv li għandhom forma kuntrattwali, jużaw l-istess espressjoni bħal dik li tinsab fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva, dan mhux il-każ fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta' din id-dispożizzjoni, b'mod partikolari l-verżjonijiet Ingliża, Ġermaniża, Daniża u Olandiża.

    56. Barra minn hekk, f'dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ta' l-Artikolu13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva għat-tranżazzjonijiet mwettqa bejn l-impriżi ta' investiment kollettiv u l-investitutri (titolari ta’ l-unitajiet), kull interpretazzjoni oħra ta' din id-dispożizzjoni, li teżenta mill-VAT l-immaniġġjar ta' l-impriżi ta' investiment kollettiv kostitwiti taħt il-liġi tal-kuntratti jew taħt il-liġi dwar it- trusts u mhux taħt statut tkun kuntrarja għall-prinċipju tan-newtralità fiskali li fuqu, b'mod partikolari, tistrieħ is-sistema komuni tal-VAT stabbilita mis-Sitt Direttiva u li tipprekludi li operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess operazzjonijiet ikunu ttrattati b'mod differenti f'dak li jirrigwarda l-ġbir tal-VAT (ara s-sentenza tas-16 ta' Settembru 2004, Cimber Air, C-382/02, Ġabra p. I 8379, punti 23 u 24 kif ukoll tat-8 ta' Diċembru 2005, Jyske Finans, C‑280/04

    , li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39).

    57. Wara, jaqbel li jiġi eżaminat il-kontenut tal-kunċett ta' "maniġġjar" ta' fondi komuni ta' investiment.

    58. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva ma fih ebda definizzjoni ta' dan il-kunċett.

    59. Għaldaqstant din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kuntest li taħtu hija taqa', ta' l-għanijet, u tal-kontenut ta' din id-direttiva, b'kunsiderazzjoni b'mod partikolari tar- ratio legis ta' l-eżenzjoni li hi tipprovdi (ara f'dan is-sens is-sentenzi tat-18 ta' Novembru 2004, C‑284/03

    , Ġabra. p. I‑11237, punt 18, u Fonden Marselisborg Lystbådehavn, iċċitata iktar 'il fuq, punt 28).

    60. Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li, peress illi l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu derogi mill-prinċipju ġenerali skond liema l-VAT hija miġbura fuq kull servizz pprovdut bi ħlas minn persuna taxxabbli, dawn għandhom ikunu interpretati b'mod strett (ara b'mod partikolari s-sentenzi tat-12 ta' Ġunju 2003, Sinclair Collis, C‑275/01

    , Ġabra p. I‑5965, punt 23, u ta' l-20 ta' Novembru 2003, Taksatorringen, C‑8/01

    , Ġabra. p. I‑13711, punt 36).

    61. Barra minn hekk, mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/611 jirriżulta li l-operazzjonijiet ta' l-UCITS jikkonsistu fl-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli ta' kapital realizzat mill-pubbliku. Fil-fatt mal-kapital li l-kontributuri jiddepożitaw meta jixtru unitajiet, l-UCITS jikkostitwixxu u jimmaniġġjaw, f'isimhom u bi ħlas, portafolji magħmula minn titoli trasferibbli (ara s-sentenza tal-21 ta' Ottubru 2004, BBL, C‑8/03

    , Ġabra p. I‑10157, punt 42).

    62. Kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan ta' l-eżenzjoni ta' l-operazzjonijiet konnessi mal-maniġġjar ta' fondi komuni ta' investiment prevista fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva huwa, b'mod partikolari, li jiffaċilita għall-investituri żgħar l-investiment f'titoli permezz ta' impriżi ta' investiment. Il-punt 6 ta' din id-dispożizzjoni huwa intiż sabiex jiżgura li s-sistema komuni ta' VAT tkun fiskalment newtrali f'dak li jikkonċerna l-għażla bejn l-investiment dirett f'titoli u dak li jsir permezz ta' impriżi ta' investiment kollettiv.

    63. Minn dan jirriżulta li l-operazzjonijiet koperti minn din l-eżenzjoni huma dawk li huma speċifiċi għall-attività ta' l-impriżi ta' investiment kollettiv.

    64. Għaldaqstant, barra l-funzjonijiet ta' maniġġjar tal-protafol, jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 13B(d)( 6) tas-Sitt Direttiva, dawk ta' amministrazzjoni ta' impriżi ta' investiment kollettiv innifshom, bħal dawk indikati fl-Anness II tad-Direttiva 85/611 kif emendata, taħt l-intestatura "Amministrazzjoni", li huma funzjonijiet speċifiċi għall-impriżi ta' investiment kollettiv.

    65. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tkoprix il-funzjonijiet ta' depożitarju ta' impriżi ta' investiment kollettiv, bħal dawk indikati fl-Artikoli 7(1) u (3) u 14(1) u (3), tad-Direttiva 85/611. Fil-fatt dawn il-funzjonijiet ma jaqgħux taħt l-imaniġġjar ta' l-impriżi ta' investiment kollettiv, imma taħt il-kontroll u s-sorveljanza ta' l-attività tagħhom, peress illi l-għan li jrid jintlaħaq huwa li jiġi żgurat li l-imaniġġjar ta' l-impriżi ta' investiment kollettiv ikun imwettaq skond il-liġi.

    66. F'dak li jikkonċerna s-servizzi ta' immaniġġjar amministrattiv u ta' kontabbiltà tal-fondi pprovduti minn amministratur terz , jaqbel li qabel kollox jiġi osservat li, bħall-operazzjonijiet eżenti skond l-Artikolu 13B(d) punti(3) u (5) tas-Sitt Direttiva (ara s-sentenza tal-5 ta' Ġunju 1997, SDC, C‑2/95

    , Ġabra p. I‑3017, punt 32), l-immaniġġjar tal-fondi komuni ta' investiment imsemmi fil-punt 6 ta' l-imsemmi Artikolu huwa definit skond in-natura tas-servizzi pprovduti u mhux skond minn jipprovdi s-servizz jew id-destinatarju tas-servizz.

    67. Barra minn hekk, il-kliem ta' l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva ma jeskludix, bħala regola, li l-immaniġġjar ta' fondi komuni ta' investiment jinqasam f'diversi servizzi distinti li jistgħu jaqgħu għaldaqstant taħt il-kunċett ta' "maniġġjar ta' fondi komuni ta' investiment" skond din id-dispożizzjoni u jibbenefikaw mill-eżenzjoni li din tipprevedi, anki meta huma pprovduti minn amministratur terz (ara f'dan is-sens f'dak li jikkonċerna l-Artikolu 13B(d) punt 3 tas-Sitt Direttiva, is-sentenza SDC iċċitata iktar il-fuq punt 64 u f'dak li jikkonċerna l-Artikolu 13 b(d)(5) ta' din id-Direttiva, is-sentenza tat-13 ta' Diċembru 2001, CSC Financial Services, C‑235/00

    , Ġabra p. I‑10237, punt 23).

    68. F'dawn iċ-ċirkustanzi, jirriżulta mill-prinċipju ta' newtralità fiskali li l-operaturi għandhom jippruvaw jagħżlu l-mudell ta' organizzazzjoni li, mil-lat strettament ekonomiku, jaqblilhom l-aktar, mingħajr ma jkollhom riskju li l-operazzjonijiet tagħhom jiġu esklużi mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13 B(d)(6) tas-Sitt Direttiva.

    69. Minn dan jirriżulta li s-servizzi ta' maniġġjar pprovduti minn amministratur terz jaqgħu, bħala regola, taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva.

    70. Madankollu, sabiex jiġu kkwalifikati bħala operazzjonijiet eżenti skond l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva, is-servizzi ta' maniġġjar amministrattiv u ta' kontabbiltà tal-fondi pprovduti minn amministratur terz għandhom jiffurmaw unità distinta, evalwata b'mod globali, li għandha bħala effett li tissodisfa l-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali ta' servizz deskritt f'dan l-istess punt 6 (ara f'dan is-sens f'dak li jikkonċerna l-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva, is-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq, SDC, punt 66, u CSC Financial Services, punt 25).

    71. Għaldaqstant is-servizzi pprovduti għandhom jikkonċernaw l-elementi speċifiċi u essenzjali ta' l-immaniġġjar ta' fondi komuni ta' investiment. Is-sempliċi servizzi materjali jew tekniki, bħat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' sistema informatika mhumiex koperti mill-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva (ara f'dan is-sens f'dak li jikkonċerna l-Artikolu 13B(d)(3) is-sentenza SDC iċċitata iktar' il fuq, punt 66.

    72. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi ta' immaniġġjar amministrattiv u ta' kontabbiltà ta' fondi pprovduti minn amministratur terz jaqgħu għaldaqstant taħt il-kunċett ta' "maniġġjar ta' fondi komuni ta' investiment", skond din id-dispożizzjoni jekk huma jiffurmaw unità distinta, evalwata b'mod globali, u huma speċifiċi u essenzjali għall-imaniġġjar ta' fondi komuni ta' investiment.

    73. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk is-servizzi fil-kawża prinċipali jikkorrispondux għall-dawn il-kriterji.

    74. Minn dak li ntqal jirriżulta li r-risposta għat-tieni u t-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 13B(d)(6) għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi ta' maniġġjar amministrattiv u ta' kontabbiltà pprovduti minn amministratur terz jaqgħu taħt il-kunċett ta' "maniġġjar ta' fondi komuni ta' investiment" imsemmi f'din id-dispożizzjoni, jekk huma jiffurmaw unità distinta, evalwata b'mod globali, u huma speċifiċi u essenzjali għall-imaniġġjar ta' dawn il-fondi. Min-naħa l-oħra, is-servizzi li jwettqu l-funzjonijiet ta' depożitarju, bħal dawk indikati fl-Artikoli 7(1) u(3) u 14(1) u (3) tad-Direttiva 85/611 ma jaqgħux taħt dan il-kunċett.

    Fuq l-ispejjeż

    75. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Parti operattiva

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta u tiddeċiedi li:

    1) L-kunċett ta' "maniġġjar" ta' fondi komuni ta' investiment imsemmija fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE

    , tas-17 ta' Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt Komunitarju li l-kontenut tiegħu ma jistax jiġi mibdul mill-Istati Membri.

    2) L-Artikolu 13B(d)(6) għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi ta' maniġġjar amministrattiv u ta' kontabbiltà pprovduti minn amministratur terz jaqgħu taħt il-kunċett ta'"maniġġjar ta' fondi komuni ta' investiment" imsemmi f'din id-dispożizzjoni, jekk huma jiffurmaw unità distinta, evalwata b'mod globali, u huma speċifiċi u essenzjali għall-imaniġġjar ta' dawn il-fondi.

    Min-naħa l-oħra, is-servizzi li jwettqu l-funzjonijiet ta' depożitarju, bħal dawk indikati fl-Artikoli 7(1) u(3) u 14(1) u (3) tad-Direttiva 85/611 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) ma jaqgħux taħt dan il-kunċett.

    Top