Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0127

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tad-9 ta' Frar 2006.
    Declan O'Byrne vs Sanofi Pasteur MSD Ltd u Sanofi Pasteur SA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division - ir-Renju Unit.
    Direttiva 85/374/KEE - Responsabbiltà għall-prodotti difettużi - Kunċett ta' 'tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni' ta' prodott - Kunsinna ta' prodottur lil kumpannija sussidjarja li għal kollox tkun proprjetà tal-produttur.
    Kawża C-127/04.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:93

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

    9 ta' Frar 2006 (*)

    "Direttiva 85/374/KEE – Responsabbiltà għall-prodotti difettużi – Kunċett ta' 'tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni' ta' prodott – Kunsinna ta' prodottur lil kumpannija sussidjarja li għal kollox tkun proprjetà tal-produttur"

    Fil-kawża C-127/04

    li għandha bħala suġġet talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (ir-Renju Unit), permezz tad-Deċiżjoni tat-18 ta' Novembru 2003, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta' Marzu 2004, fil-proċedura

    Declan O’Byrne

    vs


    Sanofi Pasteur MSD Ltd, preċedentement Avenis Pasteur MSD Ltd,

    Sanofi Pasteur SA, preċedentement Aventis Pasteur SA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann (Relatur), President ta' l-Awla, K. Schiemann, K. Lenaerts, E. Juhász u M. Ilešič, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub tas-7 ta' April 2005,

    wara li kkunsidrat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

    –       għas-Sinjur O’Byrne, minn S. Maskrey, QC u H. Preston, barrister, inkarigati minn K. Pickup, solicitor,

    –       għal Sanofi Pasteur MSD Ltd u Sanofi Pasteur SA, minn G. Leggatt, QC, u P. Popat, barrister,

    –       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn X. Lewis u G. Valero Jordana, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta' Ġunju 2005,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta' Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU L 210, p.29, aktar 'il quddiem "id-Direttiva").

    2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn, minn naħa, mis-Sinjur O’Byrne u min-naħa l-oħra Sanofi Pasteur MSD Ltd, preċedentement Aventis Pasteur MSD Ltd (aktar 'il quddiem "APMSD"), u Sanofi Pasteur SA, preċedentement Aventis Pasteur SA (aktar 'il quddiem "APSA"), dwar it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni minn dawn ta' l-aħħar ta' vaċċin allegatament difettuż li l-użu tiegħu kkawżalu ħsara kbira.

     Il-kuntest Ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3       Id-Direttiva tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, li "Il-produttur jinżamm responsabbli għal ħsara kkawżata minn difett fil-prodott tiegħu".

    4       L-Artikolu 3 tad-Direttiva, li tiddefinixxi il-kunċett ta' produttur, jipprovdi kif ġej:

    "1. 'Produttur' tfisser manifattur ta' prodott lest, il-produttur ta' kull materja prima jew il-manifattur ta' parti komponenti u kull persuna li, billi tqiegħed isimha, l-marka tan-negozju tagħha jew fattur distintiv ieħor fuq il-prodott tippreżenta lilha stess bħala l-produttur tiegħu.

    2. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-produttur, kull persuna li timporta fil-Komunità prodott għall-bejgħ, kiri, jew kull forma oħra ta' distribuzzjoni fil-kors tan-negozju tagħha titqies bħala produttur skond it-tifsira ta' din id-Direttiva u tkun responsabbli bħala produttur.

    3. Fejn il-produttur tal-prodott ma jistax jiġi identifikat, kull fornitur tal-prodott għandu jitqies bħala l-produttur tiegħu kemm-il darba huwa ma jgħarrafx lill-persuna li saritilha l-ħsara, fi żmien raġjonevoli, bl-identità tal-produttur jew bil-persuna li tkun fornietu bil-prodott. L-istess għandu jgħodd, fil-każ ta' prodott importat, jekk dan il-prodott ma jindikax l-identità ta' l-importatur imsemmi fil-paragrafu 2, anke jekk l-isem tal-produttur huwa indikat."

    5       L-Artikolu 7 tad-Direttiva jiddisponi:

    "Il-produttur ma għandux ikun responsabbli bħala riżultat ta' din id-Direttiva jekk huwa jipprova:

    (a) li huwa ma poġġiex il-prodott fiċ-ċirkulazzjoni;

    […]"

    6       L-għaxar premessa tad-Direttiva tindika li "perjodu uniformi ta' limitu biex tittieħed azzjoni għall-kumpens huwa fl-interess sew tal-persuna mweġġa' kif ukoll tal-produttur". F'dan ir-rigward l-Artikolu 11 tad-Direttiva tiddisponi :

    "L-Istati Membri għandhom jipprovdu fil-leġis[ż]lazzjoni tagħhom li d-drittijiet mogħtija lil persuna li saritilha l-ħsara skond din id-Direttiva jispiċċaw ma' l-iskadenza ta' perjodu ta' 10 snin mid-data li fiha l-produttur ikun poġġa fiċ-ċirkulazzjoni l-prodott attwali li kkawża d-dannu, kemm-il darba l-persuna korruta tkun fil-frattemp tat bidu għal proċedimenti kontra l-produttur."

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    7       Id-Direttiva ġiet trasposta mir-Renju Unit permezz ta' l-ewwel parti tal-liġi ta' l-1987 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi (Consumer Protection Act 1987, aktar 'il quddiem il-"liġi ta' l-1987"), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1988. L-Artikolu 4 ta' din il-liġi jipprovdi kif ġej:

    "1)      F'kull kawża ċivili li ssir skond din il-Parti fir-rigward ta' difett ta' prodott, il-konvenut jista' jkun eżonerat jekk jipprova:

    […]

    (b)      li l-persuna li kontriha nfetħu l--proċeduri fl-ebda mument ma tat il-prodott lil persuna oħra; jew

    […]

    (d)      li dan id-difett ma kienx jeżisti fil-prodott fiż-żmien rilevanti;

    […]"

    8       Barra minn dan, il-liġi ta' l-1987 żiedet mal-liġi ta' l-1980 fuq il-preskrizzjoni (Limitation Act 1980) Artikolu ġdid 11 A, fejn il-paragrafu 3 ta' dan jipprovdi:

    "Azzjoni li għaliha japplika dan l-Artikolu ma tistax tinġieb wara li jiskadi it-terminu ta' għaxar snin miż-żmien rilevanti […]; u dan il-paragrafu għandu l-effett li jtemm id-dritt ta' azzjoni mat-tmiem ta' l-imsemmi terminu u dan jiġri kemm jekk id-dritt ta' azzjoni jkun akkumula u kemm jekk le, jew iż-żmien skond id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Att ikun beda jiddekorri."

     Il-proċedura prinċipali u d-domandi preliminari

    9       Jirriżulta mit-termini tad-deċiżjoni tar-rinviju li t-tifel O’Byrne kien ġie mlaqqam, 1992, b'doża tal-vaċċin anti-emofilja fi klinika stabbilita fir-Renju Unit.

    10     Wara t-tilqima, dan it-tifel kien sofra ħsara kbira f'saħħtu. Il-konsultenti tiegħu jsostnu li l-ħsara f'saħħtu kienet ikkawżata minħabba li l-vaċċin li ingħatalu kien difettuż.

    11     Il-produttur tal-vaċċin kien Pasteur Mérieux Sérums et Vaccins SA, kumpannija Franċiża, li wara bdil ta' l-isem tagħha saret APSA.

    12     Fit-18 ta' Settembru 1992, APSA bagħtet kunsinna ta' dożi tal-vaċċin, li fosthom kien hemm dak li ngħata lit-tifel O’Byrne, lil Mérieux UK Ltd, kumpannija Ingliża, li wkoll biddlet isimha biex saret APMSD. L-APMSD, li kienet kumpannija għal kollox proprjetà ta' APSA u li kienet distributur tal-prodotti ta' din fir-Renju Unit, irċeviet il-kunsinna in kwistjoni fit-22 ta' Settembru ta' wara. Mal-kunsinna, intbagħtet fattura minn APSA lil APMSD, li debitament tħallset minn din ta' l-aħħar.

    13     F'data aktar tard, li baqgħet mhux magħrufa, parti mill-kunsinna ta' dożi ta' vaċċin kienet mibjugħa minn APMSD lid-Dipartiment tas-Saħħa tar-Renju Unit, u kkonsenjata minn din il-kumpannija direttament lil sptar indikat mill-istess Dipartiment. L-isptar, minn-naħa tiegħu, forniha lill-klinika fejn it-tifel ġie mlaqqam fit-3 ta' Novembru 1992.

    14     Fit-2 ta' Novembru 2000, il-konsultenti legali ta' l-attur fil-kawża prinċipali ressqu l-ewwel azzjoni għal kumpens għal danni kontra APMSD, u sostnew li din ta' l-aħħar ipproduċiet il-prodott.

    15     Fis-7 ta' Ottubru 2002, tressqet it-tieni azzjoni legali kontra APSA. Il-konsulenti legali indikaw li kien biss matul is-sajf tas-sena 2002 li kien dehrilhom ċar għall-ewwel darba li l-produttur tal-prodott kien fir-realtà APSA u mhux APMSD.

    16     Fil-kuntest ta' din it-tieni proċedura, APSA sostniet li l-azzjoni magħmula kontriha hija preskritta. Hija sostniet li, safejn il-prodott tqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni bil-kunsinna tat-18 ta' Settembru 1992 lill-APMSD, li rċevietha fit-22 ta' Settembru ta' wara, l-azzjoni, li nbdiet biss fis-7 ta' Ottubru 2002, saret wara li skada t-terminu ta' preskrizzjoni ta' għaxar snin previst mill-Artikolu 11(A)(3) tal-liġi ta' l-1987, li tikkostitwixxi traspożizzjoni ta' l-Artikolu 11 tad-Direttiva.

    17     Skond il-konsulenti ta' l-attur fil-kawża prinċipali, l-azzjoni mhijiex preskritta. Fil-fatt, it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tal-prodott saret biss mill-mument li dan kien kkonsenjat mill-APMSD lill-isptar indikat mid-Dipartiment tas-Saħħa. Din il-kunsinna saret f'inqas minn għaxar snin qabel ma nbdiet it-tieni azzjoni legali.

    18     L-imsemmija konsulenti talbu madankollu, fl-10 ta' Marzu 2003, lill-qorti tar-rinviju tordna, għal kull bwon fini li, fil-kuntest ta' l-ewwel azzjoni legali, jiġifieri dik li ġiet imressqa fit-2 ta' Novembru 2000, APSA tiġi ssostitwita b' APMSD.

    19     Kien f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division, ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    "1)      Meta prodott huwa fornut skond kuntratt ta' bejgħ minn produttur Franċiż lil kumpannija sussidjarja Ingliża li għal kollox tkun proprjetarja tiegħu, imbagħad mill-kumpannija Ingliża lil entità oħra, l-Artikolu 11 tad-Direttiva […] għandu jkun interpretat fis-sens li l-prodott huwa maħruġ fiċ-ċirkulazzjoni:

    a)      meta jitlaq mill-kumpannija Franċiża, jew

    b)      meta jasal għand il-kumpannija Ingliża, jew

    c)      meta jitlaq mill-kumpannija Ingliża, jew

    d)      meta jasal għand l-entità li tirċievi l-prodott mill-kumpannija Ingliża?

    2)      Meta azzjoni li permezz tagħha qed jiġi sostnuti drittijiet mogħtija lill-attur bis-saħħa tad-Direttiva […] fir-rigward ta' prodott allegatament difettuż hija mressqa kontra kumpannija A bl-idea żbaljata li A kien il-produttur tal-prodott meta, fil-fatt, il-produttur tal-prodott ma kienx A, iżda kumpannija oħra B, jista' Stat Membru, fil-liġi nazzjonali tiegħu, jagħti poter diskrezzjonali lill-qrati sabiex jittrattaw tali azzjoni bħala 'proċeduri ġudizzjarji kontra l-produttur' fis-sens ta' l-Artikolu 11 tad-Direttiva […]?

    3)      L-Artikolu 11 tad-Direttiva […], interpretat sewwa, jippermetti lil Stat Membru li jagħti poter diskrezzjonali lil qorti sabiex tawtorizza s-sostituzzjoni ta' A minn B bħala konvenut f'azzjoni bħal dik li hemm msemmija fit-tieni domanda iktar 'il fuq ('il-proċedura rilevanti') fejn:

    a)      il-perijodu ta' għaxar snin imsemmi fl-Artikolu 11 skada;

    b)      il-proċedura rilevanti nfetħet kontra A qabel mal-perijodu ta' għaxar snin skada, u

    c)      l-ebda proċedura ma nfetħet kontra B qabel l-għeluq tal-perijodu ta' għaxar snin dwar il-prodott li kkawża l-ħsara allegata mill-attur?

     Fuq l-ewwel domanda

    20     Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju issaqsi fis-sustanza jekk, fil-każ fejn prodott ġie trasferit minn kumpannija produttriċi lil kumpannija sussidjarja ta' distribuzzjoni u mibjugħ minnha lil terz, l-Artikolu 11 tad-Direttiva għandux ikun interpretat fis-sens li t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta' prodott iseħħ mal-mument tat-trasferiment tal-prodott mill-kumpannija produttriċi lil kumpannija sussidjarja jew meta dan il-prodott ġie trasferit minn din ta' l-aħħar lit-terz.

    21     L-attur fil-kawża prinċipali, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej iqisu li t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta' prodott jiddependi mit-telfien ta' kontroll tal-produttur fuq dan il-prodott jew meta huwa trasferit lil persuna li fuqha l-prodottur m'għandu l-ebda kontroll. Dak li huwa importanti, huwa d-dħul tal-prodott fil-katina ta' distribuzzjoni bil-kunsinna lil terz. Skond dawn, kumpannija sussidjarja li għal kollox tkun proprjeta tal-produttur, bħalma hija dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala terz.

    22     Min-naħa l-oħra, il-konvenuti fil-kawża prinċipali, jikkunsidraw li l-fatt li l-prodott iħalli l-post reali tal-produzzjoni tiegħu huwa rilevanti għad-definizzjoni ta' tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni, mingħajr ma l-kunsinna lil kumpannija sussidjarja ta' dan jista' jkollha rwol determinanti f'dan ir-rigward.

    23     Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva ma tagħtix definizzjoni tal-kunċett ta' "tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni" li għaliha tirreferi partikolarment l-Artikolu 7 (a) tad-Direttiva, dwar il-possibbiltajiet, għall-produttur, li jeżonera ruħu mir-responsabbiltà tiegħu, u l-Artikolu 11, li jipprovdi l-preskrizzjoni tad-drittijiet mogħtija lill-vittma b'applikazzjoni ta' l-istess Direttiva.

    24     F'dak li jikkonċerna l-kunċett ta' tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni maħsuba fil-kuntest ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżenzjoni mir- responsabbiltà minħabba nuqqas ta' tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tal-prodott hija ntiża l-ewwel nett għall-każ fejn persuna li mhuwiex il-produttur ħareġ il-prodott mill-proċess ta' produzzjoni. Huma wkoll esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva l-użi tal-prodott kontra r-rieda tal-produttur, per eżempju meta l-proċess ta' produzzjoni għadu ma spiċċax, kif ukoll l-użi għal għanijiet privati jew f'sitwazzjonijiet simili (sentenza ta' l-10 ta' Mejju 2001, Veedfald, C‑203/99, Ġabra p. I‑3569, punt 16).

    25     Fl-istess kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 15 tas-sentenza Veedfald, iċċitata aktar 'il fuq, li l-każijiet imsemmijin b'mod eżawrjenti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva, li bihom l-produttur jista' jkun eżonerat mir-responsabbiltà tiegħu, għandhom ikunu interpretati restrittivament. Interpretazzjoni bħal din, hija intiża sabiex tħares l-interessi tal-vittimi ta' ħsara kkawżata minn prodott difettuż.

    26     L-Artikolu 11 tad-Direttiva, li għandu bħala għan li jillimita fiż-żmien l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħti lil vittma bid-Direttiva, huwa min-naħa l-oħra ta' natura newtrali. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-għaxar premessa tad-Direttiva, l-għan ta' din id-dispożizzjoni huwa li jissodisfa l-bżonn ta' ċertezza legali fl-interess tal-partijiet in kwistjoni. Id-determinazzjoni tal-limiti ta' żmien li fiha għandha tinġieb l-azzjoni tal-vittima għandha għalhekk tissodisfa kriterji oġġettivi.

    27     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, prodott għandu jkun ikkunsidrat bħala li tpoġġa fiċ-ċirkulazzjoni, fis-sens ta' l-Artikolu 11 tad-Direttiva, meta joħroġ mill-proċess ta' produzzjoni implementata mill-produttur u jidħol fil-proċess ta' kummerċjalizzazzjoni fejn ikun qiegħed fl-istat li jkun offrut lill-pubbliku sabiex jiġi użat jew ikkunsmat.

    28     Huwa fil-prinċipju mingħajr importanza f'dan ir-rigward il-fatt li l-prodott huwa mibjugħ direttament mill-produttur lil min jużah jew lill-konsumatur jew li dan il-bejgħ huwa magħmul fil-kuntest ta' proċess ta' distribuzzjoni li jinkludi wieħed jew aktar operaturi bħal dik indikata fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva.

    29     Issa, meta wieħed mill-ħoloq tal-katina ta' distribuzzjoni huwa marbut mill-qrib mal-produttur, per eżempju fil-każ ta' kumpannija sussidjarja li għal kollox tkun proprjetà ta' dan ta' l-aħħar, hemm lok li jkun determinat jekk din il-konnessjoni għandhiex il-konsegwenza li din l-entità hija fir-realtà implikata fil-proċess ta' produzzjoni tal- prodott kkonċernat.

    30     Il-valutazzjoni ta' din ir-relazzjoni mill-qrib għandha issir indipendentement mill-kwistjoni jekk hemmx jew le persuni ġuridiċi distinti. Hija rilevanti, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni jekk humiex impriżi li jeżerċitaw attivitajiet ta' produzzjoni differenti, jew bil-kontra, jekk humiex impriżi fejn waħda, il-kumpannija sussidjarja, taġixxi sempliċiment bħala distributur jew bħala depożitarja ta' prodott magħmul mill-kumpannija prinċipali. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw, skond iċ-ċirkustanzi ta' kull każ u l-fattispeċi tal-kawża li hemm quddiemha, jekk ir-rabtiet bejn il-produttur u entità oħra humiex tant mill-qrib li l- kunċett ta' produttur fis-sens ta' l-Artikoli 7 u 11 tad-Direttiva jinkludi wkoll din l-entità ta' l-aħħar u li t-trasferiment tal-prodott minn waħda għall-oħra minn dawn l-entitajiet ma jammontax għal tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta' dan fis-sens ta' l-imsemmija dispożizzjonijiet.

    31     Fi kwalunkwe każ, bil-maqlub għal dak li sostnew il-konvenuti fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-prodotti huma fatturati lill-kumpannija sussidjarja u li din ta' l-aħħar ħallset il-prezz bħal kull xerrej ieħor, mhuwiex determinanti. L-istess japplika fir-rigward tal-kwistjoni dwar liema hija l-entità li għandha tkun ikkunsidrata bħala s-sid tal-prodotti.

    32     Għalhekk it-tweġiba għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 11 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li prodott huwa mqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni meta huwa ħareġ mill-proċess ta' produzzjoni implementat mill-produttur u meta jidħol fi proċess ta' kummerċjalizzazzjoni fejn jinsab fl-istat li jkun offrut lill-pubbliku sabiex jiġi użat jew ikkunsmat.

     Fuq it-tieni u t-tielet domandi

    33     Bit-tieni u t-tielet domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fis-sustanza jekk, meta azzjoni hija mressqa kontra kumpannija kkunsidrata b'mod żbaljat bħala li hija l-produttur ta' prodott meta, fil-fatt, dan il-prodott ikun ġie mmanifatturat minn kumpannija oħra, il-qrati nazzjonali jistgħux jikkunsidraw azzjoni bħal din bħala li hija magħmula kontra din il-kumpannija produttriċi u li jissostitwixxuha bħala konvenuta fil-kawża, għall-kumpannija mħarrka fil-bidu.

    34     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva ma titkellimx fuq il-mekkaniżmi proċedurali li għandhom jintużaw meta vittma jressaq azzjoni ta' responsabbiltà għal fatt ta' prodotti difettużi u jagħmel żball dwar l-identità tal-produttur. Hija għalhekk li bħala prinċipju l-liġi nazzjonali proċedurali li għandha tiffissa l-kundizzjonijiet meta s-sostituzzjoni ta' parti b'oħra tista' ssir fil-kuntest ta' azzjoni bħal din.

    35     Madankollu, għandu jiġi mfakkar li ċ-ċirku ta' persuni responsabbli li kontrihom il-vittma tista' tressaq azzjoni skond is-sistema ta' responsabbiltà previst mid-Direttiva huwa definit fl-Artikoli 1 u 3 ta' din (sentenza ta' l-10 ta' Jannar 2006, Skov u Bilka, C‑402/03, għadha mhix ippubblikata fil-Ġabra, punt 32). Id-Direttiva tipprova tilħaq l-armonizzazzjoni totali fuq il-punti li hija tirregola, id-determinazzjoni taċ-ċirku ta' persuni responsabbli skond dawn id- dispożizzjonijiet għandha tiġi kkunsidrata bħala eżawrjenti (sentenza Skov u Bilka, iċċitata aktar 'il fuq, punt 33).

    36      L-Artikoli 1 u 3(1) tad-Direttiva ipoġġu r-responsabbiltà li din timponi fuq il-produttur, li huwa definit, partikolarment, bħala l-produttur ta' prodott lest.

    37     Huwa biss fil-każijiet imsemmija bħal eżawrjenti li persuni oħrajn jistgħu jkunu kkunsidrati bħala l-produttur, jiġifieri dak li jippreżenta ruħu bħala tali billi jpoġġi ismu, il-marka tan-negozju tiegħu, jew fattur distintiv ieħor fuq il-prodott, (l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva), min jimporta prodott fil-Komunità (l-Artikolu 3(2)) u fornitur li, jekk il-produttur tal-prodott ma jistax jiġi identifikat, ma jgħarrafx lill-persuna li saritilha l-ħsara, fi żmien raġjonevoli, bl-identità tal-produttur jew bil-persuna li tkun fornietlu bil-prodott (l-Artikolu 3 (3)).

    38     Qorti nazzjonali, meta teżamina l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta s- sostituzzjoni ta' parti minn oħra f'kawża partikulari, għandha tivverifika li l-kamp ta' applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva, kif iddeterminat bl-Artikolu 3 ta' l-istess, huwa rrispettat.

    39     Għalhekk it-tieni u t-tielet domandi għandhom jitwieġbu fis-sens li, meta azzjoni hija mressqa kontra kumpannija kkunsidrata b'mod żbaljat bħala li hija l-produttur ta' prodott meta, fil-fatt, dan il-prodott ikun ġie mmanifatturat minn kumpannija oħra, hija fil-prinċipju l-liġi nazzjonali li għandha tiffissa l-kundizzjonijiet meta s-sostituzzjoni ta' parti b'oħra tista' ssir fil-kuntest ta' azzjoni bħal din. Qorti nazzjonali li teżamina l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta din is-sostituzzjoni għandha madankollu tirrispetta l-kamp ta' applikazzjoni ratione personae ta' din id-Direttiva, kif iddeterminat mill-Artikoli 1 u 3 tagħha.

     Fuq l-ispejjeż

    40     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

    1)      L-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi għandu jiġi interpretat fis-sens li prodott huwa mqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni meta huwa ħareġ mill-proċess ta' produzzjoni implementat mill-produttur u meta jidħol fi proċess ta' kummerċjalizzazzjoni fejn jinsab fi stat li jkun offrut lill-pubbliku sabiex jiġi użat jew ikkunsmat.

    2)      Meta azzjoni hija mressqa kontra kumpannija kkunsidrata b'mod żbaljat bħala li hija l-produttur ta' prodott meta, fil-fatt, dan il-prodott ikun ġie mmanufatturat minn kumpannija oħra, hija bħala prinċipju l-liġi nazzjonali li għandha tiffissa l-kundizzjonijiet meta s-sosituzzjoni ta' parti b'oħra tista' ssir fil-kuntest ta' azzjoni bħal din. Qorti nazzjonali li teżamina l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta din is-sotituzzjoni għandha madankollu tirrispetta l-kamp ta' applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 85/374, kif iddeterminat mill-Artikoli 1 u 3 tagħha.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top