Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0098

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) ta' l-4 ta' Mejju 2006.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq.
    Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 85/337/KEE - Stima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti fuq l-ambjent - Nuqqas ta' talba għal awtorizzazzjoni u għal stima qabel it-twettiq ta' proġett - Inammissibbiltà tar-rikors.
    Kawża C-98/04.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:288

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    4 ta' Mejju 2006 (*)

    "Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 85/337/KEE - Stima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti fuq l-ambjent – Nuqqas ta' talba għal awtorizzazzjoni u għal stima qabel it-twettiq ta' proġett - Inammissibbiltà tar-rikors"

    Fil-kawża C-98/04

    li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226KE, imressaq fis-26 ta' Frar 2004,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn F. Simonetti u M. Shotter, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti

    vs

    ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Iralanda ta' Fuq, inizjalment irrappreżentata minn K. Manji, wara minn M. Bethell, bħala aġenti, assistiti minn P. Sales u J. Maurici, barristers, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenut

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J. Makarczyk (Relatur) u R. Schintgen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

    Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta' Ġunju 2005,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-14 ta' Lulju 2005,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi ma kkonformax ruħu ma' l-Artikoli 2(1) u 4 tad-Direttiva tal-Kunsill, 85/337/KEE, tas-27 ta' Ġunju 1985, dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, p. 40), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill, 97/11/KE, tat-3 ta' Marzu 1997 (ĠU L 73, p. 5, iktar 'il quddiem id-"Direttiva 85/337"), ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu bis-saħħa ta' din id-Direttiva.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt Komunitarju

    2       L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337 huwa fformulat kif ġej:

    "Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

    ''proġett" tfisser:

    –       l-eżekuzzjoni ta' xogħlijiet ta' kostruzzjoni jew ta' istallazjonijiet jew skemi oħra,

    –       interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali inklużi dawk li jimplikaw l-estrazzjoni ta' riżorsi naturali;

    "żviluppatur" tfisser:

    l-applikant għal awtorizzazzjoni għal proġett privat jew l-awtorita pubblika li tibda proġett;

    "kunsens għal żvilupp" tfisser:

    id-deċiżjoni ta' l-awtorita jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett.

    3       Skond l-Artikolu 2(1) ta' l-istess Direttiva:

    "Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li, qabel ma jingħata kunsens, proġetti li aktarx ikollhom effetti sinifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward ta’ l-effetti tagħhom.

    Dawn il-proġetti huma definiti fl-Artikolu 4."

    4       L-Artikolu 4 ta' l-imsemmija Direttiva jipprevedi:

    "1.      Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-stima b'mod konformi ma' l-Artikoli 5 sa 10.

    2.      Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), għall-proġetti elenkati fl-Aness II, l-Istati membri għandhom jistabbilixxu permezz ta':

    a)       eżami każ b'każ,

             jew

    b)       l-għetiebi jew il-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru,

    jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal stima b'mod konformi ma' l-Artikoli 5 sa 10.

    L-Istati Membri jistgħu [jiddeċiedu] li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-(a) u fil-(b).

    3.      Meta jiġi mwettaq eżami każ b'każ jew jiġu stabbiliti l-għetiebi jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji rilevanti tal-għażla ddikjarati fl-Anness III.

    4.       L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dak li jkun ġie stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti skond il-paragrafu 2 għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.";

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    5       L-Artikolu 171-A(1) tal-liġi ta' l-1990 dwar l-iżvilupp urban u rurali (Town and Country Planning Act 1990) kif emendata mil-liġi ta' l-1991 dwar l-iżvilupp tat-territorju u l-kumpens (Planning and Compensation Act 1991, iktar 'il quddiem "TCPA"), jipprovdi:

    "Għall-finijiet ta' din il-liġi:

    a)      it-twettiq ta' żvilupp mingħajr il-permess neċessarju; jew

    b)      in-nuqqas ta' osservanza tal-kundizzjonijiet jew tal-limitazzjoni li għalihom kien assuġġettat il-permess,

    jikkostitwixxu ksur tal-liġi fil-qasam ta' żvilupp tat-territorju."

    6       L-Artikolu 171-B tat-TCPA jipprovdi:

    "1.      Meta l-ksur tal-liġi fil-qasam ta' l-iżvilupp tat-territorju jikkonsisti fit-twettiq bla permess ta' xogħol ta' kostruzzjoni, ta' inġinerija, ta' estrazzjoni mill-minjieri jew ta' operazzjonijiet oħrajn, fi, fuq, 'il fuq minn jew taħt l-art, ebda miżura ta' infurzar ma tista' tittieħed wara l-iskadenza ta' perijodu ta' erba' snin li jibda jiddekorri mid-data li fiha l-imsemmija operazzjonijiet ikunu, essenzjalment, tlestew.

    2.      Meta ksur tal-liġi fil-qasam ta' żvilup tat-territorju jikkonsisti fil-bidla ta' użu ta' bini intiż bħala dar, ebda miżura ta' infurzar ma tista' tittieħed wara l-iskadenza ta' perijodu ta' erba' snin li jibda jiddekorri mid-data li fiha seħħ il-ksur.

    Għal dak li jikkonċerna ksur l-ieħor tal-liġi fil-qasam ta' l-iżvilupp tat-territorju, ebda miżura ta' infurzar ma tista' tittieħed wara l-iskadenza ta' perijodu ta' għaxar snin li jibda jiddekorri mid-data li fiha seħħ il-ksur.

    […]"

    7       L-Artikolu 172(1) ta' l-istess test jawtorizza l-awtoritajiet lokali responsabbli għall-iżvilupp tat-territorju sabiex jibagħtu ittra ta' intimazzjoni fejn jidrilhom:

    "a)      [li] l-liġi fil-qasam ta' żvilupp tat-territorju ma kinitx ġiet osservata; u

    b)      [li] tali ittra ta' intimazzjoni għandha tintbagħat, fid-dawl tal-kontenut tal-pjan ta' żvilupp jew għal kull kunsiderazzjoni materjali oħra."

    8       Skond l-Artikolu 174 tat-TCPA, il-proprjetarju ta' l-art jew il-persuna li tokkupaha jista' jressaq appell kontra din l-ittra ta' intimazzjoni, għar-raġunijiet imniżżla fl-imsemmi Artikolu.

    9       B'mod partikolari, fil-paragrafu 2 tad-dispożizzjoni ċċitata iktar 'il fuq, tinsab ir-raġuni li ġejja:

    "d)       fid-data li fija toħroġ l-ittra ta' intimazzjoni, ebda miżura ta' infurzar ma tista' tittieħed sabiex jitwaqqaf il-ksur tal-liġi fil-qasam ta' l-iżvilupp tat-territorju eventwalment ikkostitwit minn dawn l-elementi;"

    10     L-Artikolu 19 ta' l-AIB huwa fformulat kif ġej:

    "1.      Kull persuna li tixtieq tassigura ruħha:

    a)       li l-użu ta' bini jew art huwa legali;

    b)       li xi operazzjonijiet li ġew imwettqa fi, fuq, 'il fuq minn jew taħt l-art huma legali; jew

    c)       li dak kollu magħmul kontra l-kundizzjonijiet jew il-limitazzjonijiet imposti meta ngħata permess huwa legali,

    jista' jagħmel talba għal dan il-għan lill-awtorità lokali responsabbli għall-iżvilupp tat-territorju billi jidentifika l-fond in kwistjoni u jiddeskrivi l-użu, l-operazzjonijiet jew il-fatt in kwistjoni.

    2.      Għall-finijiet ta' din il-liġi, l-imsemmija użu jew operazzjonijiet huma meqjusa li dejjem kienu skond il-liġi jekk:

    a)       ebda miżura ta' infurzar ma tista' tiġi implementata fir-rigward tagħhom (jew għax ma jikkostitwixxux żvilupp jew għax la jeħtieġu awtorizzazzjoni u lanqas permess jew għax l-implementazzjoni ta' miżuri ta' infurzar hija preskritta jew għal xi raġuni oħra), u

    b)       huma ma jmorrux kontra r-rekwiżiti ta' ittra ta' intimazzjoni li kellha, f'dik id-data, effett vinkolanti.

    3.      Għall-finijiet ta' din il-liġi, dak kollu li jmur kontra l-kundizzjonijiet jew il-limitazzjonijiet imposti meta ngħata l-permess huwa skond il-liġi:

    a)       jekk it-terminu ta' l-implementazzjoni tal-miżuri ta' infurzar rigward il-ksur skada; u

    b)       jekk ma jmurx kontra r-rekwiżiti ta' ittra ta' intimazzjoni jew ta' avviż ta' nuqqas ta' osservanza tal-kundizzjonijiet li kellhom, f'dik id-data, effett vinkolanti.

    4.      Jekk, meta talba hija magħmula taħt dan l-Artikolu, l-informazzjoni mogħtija lill-awtorità lokali responsabbli għall-iżvilupp tat-territorju hija tan-natura li tikkonvinċiha bil-legalità ta' l-użu, ta' l-operazzjonijiet jew ta' kull fatt ieħor li jikkorrispondi jew għad-deskrizzjoni kontenuta fit-talba, jew għal dik id-deskrizzjoni kif emendata minn din l-awtorità jew għal dik issostitwita minn din ta' l-aħħar bid-deskrizzjoni li tinsab fit-talba, l-imsemmija awtorità għandha tibgħat ċertifikat li jiddikjara din il-legalità; it-talba għanda tiġi miċħuda fil-każijiet l-oħra kollha.

    5.      Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, iċ-ċertifikat għandu jkun fih dawn l-elementi li ġejjin:

    a)       l-identifikazzjoni ta' l-art li qed jirreferi għaliha;

    b)       id-deskrizzjoni ta' l-użu, ta' l-operazzjonijiet jew tal-fatt in kwistjoni (jekk l-użu jaqa' taħt waħda mill-kategoriji msemmija fid-digriet meħud skond l-Artikolu 55(2)(f) dan ikun identifikat b'riferiment għal dik il-kategorija);

    c)       ir-raġunijiet għalfejn l-użu, l-operazzjonijiet jew il-fatt huma kkunsidrati skond il-liġi; u

    d)       id-data ta' l-applikazzjoni taċ-ċertifikat.

    6.      Il-legalità ta' l-użu, ta' l-operazzjoni jew tal-fatt li huwa s-suġġett taċ-ċertifikat maħruġ skond dan l-Artikolu, għandha tkun preżunta b'mod konklużiv."

    […]"

     Il-proċedura prekontenzjuża

    11     Il-Kummissjoni rċiviet ilment kontra r-Renju Unit li jiddenunzja l-prattika tal-ħruġ ta' ċertifikati tal-legalità ta' żviluppi ("Lawful Development Certificates", iktar 'il quddiem iċ-"ċertifikati", implementata skond l-Artikolu 191 tat-TCPA, fil-każ ta' scrap yard imħaddem mingħajr permess u awtorizzazzjoni, fil-qasam tat-trattament ta' l-iskart, u li għalih kienu ħarġu diversi ċertifikati fl-1992 u wara fl-1998, għall-post ikbar.

    12     Permezz ta' ittra tat-8 ta' Frar 2001, il-Kummisjoni indirizzat lil-Gvern tar-Renju Unit talba għal informazzjoni dwar is-sistema ta' ċertifikati, fis-seħħ fl-istess data, skond ir-rekwiżiti tad-Direttiva 85/337.

    13     Fid-dawl tar-risposta pprovduta mir-Renju Unit fl-ittra tal-31 ta' Awwissu 2001, il-Kummissjoni qieset li l-ħruġ taċ-ċertifikati seta' jiġi kkunsidrat bħala mezz sabiex jevadi l-proċeduri ta' awtorizzazzjoni u ta' stima ta' l-effetti fuq l-ambjent previsti mid-Direttiva 85/337 u indirizzat ittra ta' intimazzjoni lil dan l-Istat Membru fit-23 ta' Ottubru 2001.

    14     Wara, permezz ta' opinjoni motivata tad-19 ta' Diċembru 2002, il-Kummissjoni talbet lir-Renju Unit jieħu l-miżuri neċessarji biex jikkonforma ruħu ma' l-obbligi li joħorġu mid-Direttiva, iċċitata iktar 'il fuq, f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċievi din l-opinjoni.

    15     Peress li l-Kummissjoni qieset il-pożizzjoni meħuda mill-gvern tar-Renju Unit fl-ittra tat-3 ta' April 2003 kienet insodisfaċenti, hija ressqet dan ir-rikors.

     Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

    16     Għandu jiġi enfasizzat, preliminarjament, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista' teżamina ex officio jekk il-kundizzjonijiet stipulati mill-Artikolu 226 KE għall-preżentata ta' rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu ġewx sodisfatti (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta' Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs l-Italja, C-362/90, Ġabra p. I-2353, punt 8, u tas-27 ta' Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs l-Italja, C-525/03, Ġabra p. I-9405, punt 8).

    17     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-opinjoni motivata, prevista fl-Artikolu 226 KE, għandha jkollha espożizzjoni koerenti u dettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni għall-konklużjoni li l-Istat ikkonċernat naqas li jwettaq xi wieħed mill-obbligi tiegħu skond it-Trattat (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta' Settembru 1997, Il-Kummissjoni vs l-Italja, C-279/94, Ġabra p. I-4743, punti 15 u 19).

    18     L-opinjoni motivata, u b'konsegwenza, ir-rikors li, skond ġurisprudenza kostanti li tidher b'mod partikolari fis-sentenza ta' l-ewwel ta' Diċembru 1993, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-234/91, Ġabra p. I6273, punt 16), ma jistax ikun ibbażat fuq argumenti u motivi differenti minn dawk imsemmija fl-istess opinjoni, għandhom ukoll jippreżentaw l-ilmenti b'mod koerenti u b'mod preċiż sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur ikkontestat tad-dritt Komunitarju, u din hija kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista' jsostni b'mod effikaċi l-motivi tad-difiża u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas allegat.

    19     Għandu jiġi kkonstatat li, matul il-fażi prekontenzjuża ta' din il-proċedura kif ukoll matul il-fażi kontenzjuża tagħha, il-Kummissjoni kkonċentrat il-kritiki tagħha fuq il-ħruġ taċ-ċertifikati safejn huma jippermettu l-evażjoni tal-proċeduri ta' awtorizzazzjoni u ta' stima ta' l-effetti fuq l-ambjent previsti mid-Direttiva 85/337 għall-proġetti li x'aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent minħabba, b'mod partikolari, in-natura, il-kobor u l-post tagħom.

    20     Il-Kummissjoni ma ressqitx ilmenti dwar l-eżistenza nfisha tat-termini ta' preskrizzjoni għall-implementazzjoni tal-miżuri ta' infurzar kontra żviluppi u kostruzzjonijiet li mhumiex konformi mal-liġi applikabbli, filwaqt li l-adozzjoni taċ-ċertifikati hija indiviżibbli, min-natura tagħha stess, mid-dispożizzjonijiet li jniżżlu tali regoli tal-preskrizzjoni. Fil-fatt, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 191 tat-TCPA, ċertifikat ta' legalità jinħareġ, b'mod partikolari, meta ebda miżura ta' infurzar ma tista' tiġi implementata kontra l-użu u l-operazzjonijiet ikkonċernati, jew għax dawn ma jikkostitwixxux żvilupp jew għax la jeħtieġu awtorizzazzjoni u lanqas permess jew għax inkisbet il-preskrizzjoni.

    21     Konsegwentement, dan ir-rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, peress li jissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja aspett wieħed biss ta' mekkaniżmu ġuridiku kompost minn żewġ partijiet li ma jistgħux jiġu separati, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta' koerenza u ta' preċiżjoni msemmija hawn fuq.

    22     Din il-konklużjoni tapplika aktar u aktar peress li l-argumenti invokati mill-gvern tar-Renju Unit sabiex jikkontesta n-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu huma bbażati, essenzjalment, fuq is-sistema ta' preskrizzjoni li l-Kummissjoni ma inkluditx fis-suġġett tal-kawża u li, għaldaqstant, ma setgħetx tkun is-suġġett ta' diskussjoni dettaljata bejn il-partijiet.

    23     Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

     Fuq l-ispejjeż

    24     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet u r-rikors imressaq minnha ġie ddikjarat inammissibbli, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Renju Unit.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi

    1)     Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

    2)     Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top