This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62003TJ0336
Judgment of the Court of First Instance (Third Chamber) of 27 October 2005. # Les Éditions Albert René v Office for Harmonisation in the Internal Market (Trade Marks and Designs) (OHIM). # Community trade mark - Opposition proceedings - Earlier Community and national word mark OBELIX - Application for Community word mark MOBILIX - Article 8(1)(b) and (2) of Regulation (EC) No 40/94. # Case T-336/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tielet Awla) tas-27 ta' Ottubru 2005.
Les Éditions Albert René vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trademark Komunitarja - Proċediment ta' oppożizzjoni - Trademark verbali preċedenti Komunitarja u nazzjonali OBELIX - Applikazzjoni għal trademark verbali Komunitarja MOBILIX - Artikolu 8(1)(b) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 40/94.
Kawża T-336/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tielet Awla) tas-27 ta' Ottubru 2005.
Les Éditions Albert René vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trademark Komunitarja - Proċediment ta' oppożizzjoni - Trademark verbali preċedenti Komunitarja u nazzjonali OBELIX - Applikazzjoni għal trademark verbali Komunitarja MOBILIX - Artikolu 8(1)(b) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 40/94.
Kawża T-336/03.
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2005:379
SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)
27 ta' Ottubru 2005 (*)
"Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta' oppożizzjoni – Trade mark verbali preċedenti Komunitarja u nazzjonali OBELIX – Applikazzjoni għal trade mark verbali Komunitarja MOBILIX – Artikolu 8(1)(b) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"
Fil-kawża T-336/03,
Les Éditions Albert René, stabbilita f'Pariġi (Franza), irrappreżentata minn J. Pagenberg, avocat,
rikorrenti,
vs
l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Laitinen, bħala aġent,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija
Orange A/S, stabbilita f'Kopenħagen (id-Danimarka), irrappreżentata minn J. Balling, avocat,
li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tar-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ta' l-14 ta' Lulju 2003 (kawża R 0559/2002‑4), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Les Éditions Albert René u Orange A/S,
IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u O. Czúcz, Imħallfin,
Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-1 ta' Ottubru 2003,
wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-30 ta' Lulju 2004,
wara s-seduta tat-2 ta' Ġunju 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 Fis-7 ta' Novembru 1997, Orange A/S (iktar 'il quddiem l-"applikanta") ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.
2 It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali MOBILIX.
3 Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu, f'dak li jirrigwarda dan ir-rikors, taħt il-klassijiet 9, 16, 35, 37, 38 u 42 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:
– klassi 9: "apparati, strumenti u installazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet, inklużi għal telefonija, telefoni u telefoni ċellulari, inklużi antenni, erjils u parabolic reflectors, akkumulaturi u batteriji, transformers u konvertituri, kodifikaturi u dekodifikaturi, skedi kodifikati u skedi għal encoding, skedi tat-telefon, apparati u strumenti tas-senjalar u tat-tagħlim, direttorji elettroniċi tat-telefon, partijiet u aċċessorji (mhux inklużi fi klassijiet oħrajn) għall-oġġetti kollha msemmija qabel";
– klassi 16: "skedi tat-telefon";
– klassi 35: "servizzi ta' tweġib tat-telefon (għal abbonati li jkunu temporanjament mhux disponibbli), konsulenza u assistenza dwar il-ġestjoni u l-organizzazzjoni ta' negozju, konsulenza u assistenza fir-rigward ta' assistenza fix-xogħol tan-negozju";
– klassi 37: "installazzjoni u tiswija ta' telefoni, kostruzzjoni, tiswija, installazzjoni";
– klassi 38: "telekomunikazzjonijiet, inkluża informazzjoni dwar it-telekomunikazzjonijiet, komunikazzjonijiet permezz tat-telefon u t-telegrafu, komunikazzjonijiet permezz ta' skrin ta' kompjuter u telefon ċellulari, trasmissjoni bil-faks, xandir fuq televiżjoni u radju, inkluż permezz ta' kejbil televixin u l-Internet, trasmissjoni ta' messaġġi, kiri ta' apparat ta' trasmissjoni ta' messaġġi, kiri ta' apparat ta' telekomunikazzjonijiet, inkluż apparat ta' telefonija";
– klassi 42: "riċerka xjentifika u industrijali, inġinerija, inklużi faċilitajiet ta' proġettar u installazzjonijiet ta' telekomunikazzjonijiet, b'mod partikolari għat-telefonija, u programmar ta' kompjuters, iddisinjar, manutenzjoni u aġġornament ta' softwer, kiri ta' kompjuters u programmi tal-kompjuter".
4 L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 1/99, ta' l-4 ta' Jannar 1999.
5 Din kienet is-suġġett ta' oppożizzjoni magħmula minn Les Éditions Albert René (iktar 'il quddiem ir-"rikorrenti"). Ġew invokati s-segwenti drittijiet preċedenti, fir-rigward tal-kelma "obelix":
a) trade mark preċedenti rreġistrata, protetta permezz tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 16 154 ta' l-1 ta' April 1996 għall-prodotti u s-servizzi li ġejjin, safejn għandhom x'jaqsmu ma' dawn il-proċedimenti:
– klassi 9: "apparati u strumenti elettrotekniċi, elettroniċi, fotografiċi, ċinematografiċi, ottiċi u tat-tagħlim (ħlief apparati ta' projezzjoni) inklużi fil-klassi 9, apparat għall-logħob elettroniku bi jew mingħajr skrins, kompjuters, moduli ta' programmi u programmi tal-kompjuter irreġistrati fuq data carriers, b'mod partikulari logħob tal-vidjo";
– klassi 16: "karti, kartunċin; oġġetti magħmula minn karti u kartunċin, materjal stampat (inklużi fil-klassi 16), gazzetti u magazins, kotba; materjal għall-legatura tal-kotba (spag, legatura bix-xoqqa, u materjal ieħor); ritratti; kartoleriji; sustanzi li jwaħħlu (għall-kartolerija u karti); materjali ta' l-artisti, jiġifieri oġġetti għat-tpinġija, pittura u mudellar; pniezel; tajprajters u oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (ħlief għamara) u magni u apparati għall-użu fl-uffiċċji (inklużi fil-klassi 16); materjal ta' l-istruzzjoni u tat-tagħlim (ħlief l-apparat); materjali tal-plastik għall-ippakkjar mhux inklużi fi klassijiet oħra; karti tal-logħob; tipa tal-printer; inċiżjonijiet ta' l-istampar";
– klassi 28: "logħob u ġugarelli; artikli tal-ġinnastika u sportivi (inklużi fil-klassi 28); dekorazzjonijiet għas-siġar tal-Milied";
– Klassi 35: "reklamar u marketing";
– klassi 41: "projezzjoni ta' films, produzzjoni ta' films, kiri ta' films; pubblikazzjoni ta' kotba u magazins; edukazzjoni u divertiment; organizzazzjoni u preżentazzjoni ta' fieri u esibizzjonijiet; divertiment pubbliku; parks tad-divertiment, produzzjoni ta' wirjiet mużikali u konferenzi diretti; wiri ta' imitazzjonijiet arkitettorali u spettakli storiko-kulturali u folkloristiċi";
– klassi 42: "akkomodazzjoni u catering; ritratti; traduzzjonijiet; ġestjoni u użu ta' drittijiet ta' l-awtur; użu ta' proprjetà intellettwali".
b) trade mark preċedenti magħrufa sew fl-Istati Membri kollha għall-prodotti u servizzi inklużi fil-klassijiet 9, 16, 28, 35, 41 et 42.
6 Għas-sostenn ta' l-oppożizzjoni tagħha, ir-rikorrenti ssostni li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni skond it-tifsira ta' l-Artikolu 8(1)(b) u (2) tar-Regolament Nru 40/94.
7 Permezz ta' deċiżjoni tat-30 ta' Mejju 2002, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni u awtorizzat li titkompla l-proċedura ta' reġistrazzjoni ta' l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Wara li kkunsidrat li ma kienx ġie ppruvat b'mod konklużiv li t-trade mark preċedenti hija magħrufa sew, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kkonkludiet li t-trade marks, meħuda fl-intier tagħhom, ma kenux simili. Jeżisti ċertu xebh fuq livell ta' smigħ, iżda dan jiġi kkumpensat mill-aspett viżwali tat-trade marks u, b'mod partikolari, mill-kunċetti differenti ħafna li jikkomunikaw: telefoni ċellulari fil-każ ta' MOBILIX, u obeliski fil-każ ta' OBELIX. Barra minn hekk, ir-reġistrazzjoni preċedenti hija assoċjata iktar mal-persunaġġ famuż tal-komiks, li, minn perspettiva kunċettwali, jiddistingwiha iktar u iktar mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.
8 Wara li r-rikorrenti ppreżentat ir-rikors tagħha fl-1 ta' Lulju 2002, ir-Raba' Bord ta' l-Appell ta d-deċiżjoni tiegħu fl-14 ta' Lulju 2003 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"). Huwa annulla parzjalment id-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni. Il-Bord ta' l-Appell beda billi speċifika li l-oppożizzjoni kellha tiġi kkunsidrata li kienet ibbażata esklużivament fuq il-probabbiltà ta' konfużjoni. Sussegwentement, huwa osserva li seta' jiġi nnutat ċertu xebh bejn it-trade marks. Għal dak li jirrigwarda l-paragun tal-prodotti u tas-servizzi, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li l-"apparati u strumenti tas-senjalar u tat-tagħlim" tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-"apparati u strumenti ottiċi u tat-tagħlim" tar-reġistrazzjoni preċedenti, inklużi fil-klassi 9, kienu simili. Huwa wasal għall-istess konklużjoni għal dak li għandu x'jaqsam mas-servizzi fil-klassi 35 intitolati "konsulenza u assistenza dwar il-ġestjoni u l-organizzazzjoni ta' negozju, konsulenza u assistenza fir-rigward ta' assistenza fix-xogħol tan-negozju" fir-rigward ta' l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, u "reklamar u marketing" fir-rigward tar-reġistrazzjoni preċedenti. Il-Bord ikkonkluda li, minħabba l-livell ta' xebh, min-naħa, bejn is-sinjali in kwistjoni, u, min-naħa l-oħra, bejn dawn il-prodotti u servizzi speċifiċi, teżisti probabbiltà ta' konfużjoni f'moħħ il-pubbliku kkonċernat. Għaldaqstant, huwa rrifjuta l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għall-"apparati u strumenti tas-senjalar u tat-tagħlim" u għas-servizzi intitolati "konsulenza u assistenza dwar il-ġestjoni u l-organizzazzjoni ta' negozju, konsulenza u assistenza fir-rigward ta' assistenza fix-xogħol tan-negozju", u aċċettaha għall-prodotti u s-servizzi l-oħra.
It-talbiet tal-partijiet
9 Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.
10 Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza tirrinvija l-kawża quddiem il-Bord ta' l-Appell.
11 Il-konvenut jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:
– tiċħad ir-rikors;
– tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.
Id-dritt
12 B'sostenn għar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem tlett raġunijiet ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) u ta' l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 40/94, it-tieni nett, fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 u, it-tielet nett, fuq il-ksur ta' l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94.
1. Fuq l-ammissibbiltà
Fuq l-ammissibbiltà ta' provi ġodda
L-argumenti tal-partijiet
13 Il-konvenut isostni li l-ħames dokumenti li r-rikorrenti tehmeż f'anness għar-rikors tagħha sabiex turi li s-sinjal OBELIX huwa magħruf sew ma ġewx ippreżentati qabel fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem l-UASI u li, għaldaqstant, ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni.
14 Fuq mistoqsija tal-Qorti tal-Prim'Istanza waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li d-dokumenti kkontestati huma ammissibbli.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
15 Fl-anness għar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ippreżentat xi dokumenti sabiex turi li s-sinjal OBELIX huwa magħruf sew. Huwa paċifiku li dawn id-dokumenti ma ġewx ippreżentati qabel fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem l-UASI.
16 Għandu jiġi mfakkar li rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza huwa intiż sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell ta' l-UASI skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 u li, f'kawżi għall-annullament, il-legalità ta' l-att ikkontestat għandha tiġi kkunsidrata skond l-elementi ta' fatt u ta' dritt li jeżistu fiż-żmien meta sar l-att [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' April 2005, Ampafrance vs l-UASI – Johnson & Johnson (monBeBé), T-164/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 29]. Għaldaqstant, ir-rwol tal-Qorti tal-Prim'Istanza mhuwiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkostanzi ta' fatt fid-dawl ta' provi ippreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Li kieku tali dokumenti kellhom jiġu ammessi, jinkiser l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li jgħid li s-sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kontroversja quddiem il-Bord ta' l-Appell. Għaldaqstant, id-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza huma inammissibbli.
Fuq l-ammissibbiltà tar-raġuni bbażata fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94
L-argumenti tal-partijiet
17 Ir-rikorrenti ssostni li, peress li OBELIX hija trade mark magħrufa, u għandha saħansitra reputazzjoni, jirriżulta mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 li din hija protetta kontra l-użu tal-karattru distintiv jew tar-reputazzjoni jew kontra l-ksur tal-karattru distintiv jew tar-reputazzjoni, anki jekk il-prodotti u s-servizzi ma jixxiebhux, billi huwa suffiċjenti li t-trade mark tar-rikorrenti tkun magħrufa għal parti tal-prodotti jew servizzi reġistrati.
18 Il-konvenut isostni li r-rikorrenti m'għandhiex raġun tgħid li l-Bord ta' l-Appell kiser l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, u lanqas li titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi fuq talba għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, ladarba din it-talba ma ġietx ippreżentata b'mod proċeduralment korrett matul il-fażi amministrattiva tal-proċedimenti quddiem l-UASI.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
19 Skond l-Artikolu 8(5) tar-Regolament, “malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta' trade mark preċedenti skond it-tifsira tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m'għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u [tkun intiża biex] tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata it-trade mark preċedenti, meta f'każ ta' trade mark Komunitarja preċedenti it-trade mark għandha reputazzjoni fil-Komunità […] u […] meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta' ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti”.
20 Huwa paċifiku, fil-kawża preżenti, li r-rikorrenti fl-ebda mument ma talbet l-eventwali applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni quddiem il-Bord ta’ l-Appell u għaldaqstant dan ma ħadhiex in kunsiderazzjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti indikat espressament, quddiem il-Bord ta’ l-Appell, li r-raġunijiet li fuqhom kienet qed tibbaża r-rikors tagħha kienu dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ l-Artikoli 8(1)(b) u 8(2) tar-Regolament Nru 40/94. Għandu jiġi kkonstatat, b’mod partikolari, li jekk, fl-oppożizzjoni tagħha kontra l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u quddiem il-Bord ta’ l-Appell, ir-rikorrenti invokat ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti tagħha, dan kien biss fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8(1)(b) ta’ l-imsemmi Regolament, jiġifieri bl-għan li ssostni l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku rilevanti.
21 L-ewwel nett, għandu jiġi osservat ukoll li, skond l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, “fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżami[…] ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ippreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba”.
22 It-tieni nett, għandu jiġi mfakkar li, kif indikat fil-punt 16 iktar 'il fuq, ir-rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza huwa intiż sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell ta' l-UASI skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 2003, Alcon vs l-UASI – Dr. Robert Winzer Pharma (BSS), T-237/01, Ġabra p. II-411, punt 61; tas-6 ta’ Marzu 2003, DaimlerChrysler vs l-UASI (Calandre), T-128/01, Ġabra p. II-701, punt 18, u tat-3 ta’ Lulju 2003, Alejandro vs l-UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra p. II-2251, punt 67]. Għaldaqstant, l-istħarriġ tal-legalità ta' deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell li jitwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jsir fir-rigward tal-punti ta' liġi li jkunu tqajmu quddiem il-Bord ta' l-Appell [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 2003, Unilever vs l-UASI (Tablette ovoïde), T-194/01, Ġabra p. II-383, punt 16, u tat-22 ta’ Ottubru 2003, Éditions Albert René vs l-UASI – Trucco (Starix), T-311/01, Ġabra p. II-4625, punt 70].
23 Barra minn hekk, l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura, imsemmi wkoll fil-punt 16 iktar 'il fuq, jipprovdi espressament li “[i]s-sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kontroversja quddiem il-Bord ta' l-Appell”.
24 Għaldaqstant, ir-rikorrenti la setgħet tallega li l-Bord ta' l-Appell kiser l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 u lanqas tottjeni deċiżjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza fuq talba għall-eventwali applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni.
25 Għaldaqstant, din ir-raġuni għandha tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli.
Fuq it-talba ġdida mressqa waqt is-seduta
L-argumenti tal-partijiet
26 Waqt is-seduta, ir-rikorrenti talbet, sussidjarjament, li l-kawża tiġi rinvjata quddiem il-Bord ta' l-Appell sabiex ikollha l-possibbiltà li turi li t-trade mark tagħha għandha reputazzjoni skond it-tifsira ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.
27 Il-konvenut isostni li din it-talba hija inammissibbli.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
28 Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrent għandu l-obbligu li jiddefinixxi s-suġġett tal-kawża u li jippreżenta t-talbiet tiegħu fl-att li jagħti bidu għall-kawża. Għalkemm l-Artikolu 48(2) ta' l-istess Regolament jippermetti, f'ċerti ċirkostanzi, li jiġu ppreżentati raġunijiet ġodda matul il-kawża, din id-dispożizzjoni fl-ebda każ ma tista' tiġi interpretata b'mod li tawtorizza r-rikorrenti tippreżenta talbiet ġodda quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u b'hekk tbiddel is-suġġett tal-kawża (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Settembru 1979, il-Kummissjoni vs Franza, 232/78, Ġabra p. 2729, punt 3, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Lulju 2001, Banatrading vs il-Kunsill, T-3/99, Ġabra p. II-2123, punt 28).
29 Minn dan jirriżulta li mhuwiex ammissibbli għar-rikorrenti li tippreżenta talbiet ġodda quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u b'hekk tbiddel is-suġġett tal-kawża. Għaldaqstant, it-talba in kwistjoni għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.
2. Fuq il-mertu
Fuq il-ksur ta' l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94
L-argumenti tal-partijiet
30 Ir-rikorrenti ssostni li meta hija ddikjarat matul il-proċedimenti ta' oppożizzjoni li t-trade mark tagħha OBELIX għandha karattru distintiv sinifikanti, l-applikanta għat-trade mark ma kkontestatx din id-dikjarazzjoni. Skond ir-rikorrenti, fin-nuqqas ta' kontestazzjoni, il-Bord ta' l-Appell kellu jitlaq mill-prinċjipju li t-trade mark OBELIX tal-parti li qiegħda topponi għandha reputazzjoni. Minn dan hija tikkonkludi li l-Bord ta' l-Appell kiser l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94.
31 Il-konvenut isostni li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI wettqet evalwazzjoni dettaljata tal-provi ppreżentati u waslet għall-konklużjoni li dawn ma kenux suffiċjenti sabiex juru li s-sinjal mhux irreġistrat huwa magħruf u lanqas sabiex juru l-livell għoli tal-karattru distintiv tas-sinjal irreġistrat. Għaldaqstant, l-ewwel raġuni tar-rikorrenti għandha tiġi kkunsidrata bħala manifestament infondata.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
32 Kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 22 iktar 'il fuq, skond l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżami ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ippreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.
33 Din id-dispożizzjoni tillimita l-eżami mwettaq mill-UASI minn żewġ aspetti. Hija tkopri, min-naħa, il-bażi fattwali tad-deċiżjonijiet ta' l-UASI, jiġifieri l-fatti u l-provi li fuqhom dawn jistgħu jkunu validament ibbażati [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Ġunju 2002, Chef Revival USA vs l-UASI – Massagué Marín (Chef), T-232/00, Ġabra p. II-2749, punt 45], u, min-naħa l-oħra, il-bażi ġuridika ta' dawn id-deċiżjonijiet, jiġifieri d-dispożizzjonijiet li l-awtorità ġudikanti li tkun qed tisma' l-każ għandha tapplika. Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell, meta tiddeċiedi rikors kontra deċiżjoni li ttemm proċedimenti ta' oppożizzjoni, jista' jibbaża d-deċiżjoni tiegħu biss fuq raġunijiet relattivi għal ċaħda li l-parti kkonċernata tkun invokat u fuq il-fatti u l-provi li għandhom x'jaqsmu magħhom li din il-parti tkun ippreżentat [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Settembru 2003, Henkel vs l-UASI – LHS (UK) (KLEENCARE), T-308/01, Ġabra p. II-3253, punt 32, u tat-22 ta' Ġunju 2004, Ruiz-Picasso et vs l-UASI – DaimlerChrysler (PICARO), T-185/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 28].
34 F'dan ir-rigward, għalkemm jirriżulta mill-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 li, fil-kuntest tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni, l-UASI m'għandux jeżamina l-fatti fuq l-inizjattiva tiegħu stess, dan madankollu ma jfissirx li huwa obbligat li jikkunsidra l-punti invokati minn parti waħda bħala ppruvati jekk dawn ma jkunux ġew ikkontestati mill-parti l-oħra fil-proċedimenti. Din id-dispożizzjoni torbot l-UASI biss fir-rigward tal-fatti, provi u osservazzjonijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tiegħu.
35 Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti pproponiet interpretazzjoni legali partikolari quddiem l-UASI, iżda la d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u lanqas il-Bord ta' l-Appell ma kkunsidraw li r-rikorrenti sostniet din l-interpretazzjoni b'mod konklużiv permezz ta' fatti jew provi. Minn dan huma waslu għall-konklużjoni li dawn il-fatti u provi ma kenux suffiċjenti sabiex jippruvaw l-interpretazzjoni legali in kwistjoni, jiġifieri li s-sinjal mhux irreġistrat huwa magħruf u li s-sinjal irreġistrat għandu livell għoli ta' karattru distintiv.
36 Għaldaqstant, ir-raġuni tar-rikorrenti bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 għandha tiġi kkunsidrata bħala infondata.
Fuq l-Artikolu 8(1)(b) u (2) tar-Regolament Nru 40/94
L-argumenti tal-partijiet
37 L-ewwel nett, f'dak li jirrigwarda l-paragun tal-prodotti u tas-servizzi, ir-rikorrenti ssostni li l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u li jaqgħu taħt il-klassi 9, minbarra l-"apparati tas-senjalar u tat-tagħlim", huma wkoll simili ħafna, mill-inqas, għal dawk fil-klassi 9 koperti mit-trade mark tal-parti li qiegħda topponi.
38 Hija ssostni li l-prodotti l-oħra kollha fil-klassi 9, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, bħall-"apparati, strumenti u installazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet, inklużi għal telefonija, telefoni u telefoni ċellulari, inklużi antenni, erjils u parabolic reflectors, akkumulaturi u batteriji, transformers u konvertituri, kodifikaturi u dekodifikaturi, skedi kodifikati u skedi għal encoding, skedi tat-telefon, direttorji elettroniċi tat-telefon, partijiet u aċċessorji (mhux inklużi fi klassijiet oħrajn) għall-oġġetti kollha msemmija qabel" fihom elementi kostituttivi essenzjali tal-prodotti tar-rikorrenti. Għaldaqstant, it-telefoni ċellulari diġitali u telefoni ta’ l-applikanta jinsabu fil-moduli ta’ programmi tar-rikorrenti. Peress li l-lista tal-prodotti ta’ l-applikanta fiha wkoll partijiet u aċċessorji għall-prodotti prinċipali tagħha, il-moduli ta’ programmi u l-partijiet ta’ l-applikanta huma identiċi wkoll.
39 Skond ir-rikorrenti, dan japplika wkoll għall-prodotti l-oħra ta’ l-applikanta bħall-“apparati, strumenti u installazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet, inklużi għal telefonija, kodifikaturi u dekodifikaturi”, għaliex dawn ukoll fihom moduli ta’ programmi. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li dawn il-prodotti fil-klassi 9, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġu mħaddma l-iktar permezz ta’ proċessur u jistgħu jiġu wkoll użati permezz ta’ softwer. Issa l-programmi tal-kompjuter jagħmlu parti mill-lista tal-prodotti tagħha. Minn dan hija tikkonkludi li bejn l-prodotti fil-klassi 9 msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark u l-prodotti tagħha li jaqgħu taħt l-imsemmija klassi m’hemmx xebh remot, iżda xebh medju.
40 Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-iskedi tat-telefon ta’ l-applikanta, li jaqgħu taħt il-klassi 16, huma skedi tat-telefon kodifikati. Skond sentenza tal-Qorti Federali Ġermaniża tal-Privattivi tas-7 ta’ Lulju 1997, dawn huma simili għall-prodotti tar-rikorrenti intitolati “programmi tal-kompjuter irreġistrati fuq data carriers”.
41 Barra minn hekk, ir-rikorrenti tfakkar li l-Bord ta’ l-Appell wasal għall-konklużjoni li m'hemmx xebh bejn il-prodotti tagħha u s-servizzi l-oħra ta’ l-applikanta, jiġifieri:
– klassi 35: "servizzi ta' tweġib tat-telefon għal abbonati li jkunu temporanjament mhux disponibbli";
– klassi 37: "installazzjoni u tiswija ta' telefoni, kostruzzjoni, tiswija, installazzjoni";
– klassi 38: "telekomunikazzjonijiet, inkluża informazzjoni dwar it-telekomunikazzjonijiet, komunikazzjonijiet permezz tat-telefon u t-telegrafu, komunikazzjonijiet permezz ta' skrin ta' kompjuter u telefon ċellulari, trasmissjoni bil-faks, xandir fuq televiżjoni u radju, inkluż permezz ta' kejbil televixin u l-Internet, trasmissjoni ta' messaġġi, kiri ta' apparat ta' trasmissjoni ta' messaġġi, kiri ta' apparat ta' telekomunikazzjonijiet, inkluż apparat ta' telefonija";
– klassi 42: "riċerka xjentifika u industrijali, inġinerija, inklużi faċilitajiet ta' proġettar u installazzjonijiet ta' telekomunikazzjonijiet, b'mod partikolari għat-telefonija, u programmar ta' kompjuters, iddisinjar, manutenzjoni u aġġornament ta' softwer, kiri ta' kompjuters u programmi tal-kompjuter".
42 Hija ssostni li l-prinċipji żviluppati mill-ġurisprudenza, applikabbli għax-xebh bejn prodotti, japplikaw b’analoġija għar-relazzjoni bejn prodotti u servizzi, u viċeversa. F’każ ta’ użu ta’ sinjali simili, il-fatt determinanti jkun jekk hemmx il-probabbiltà li l-persuni kkonċernati jiżbaljaw dwar il-post li minnu joriġinaw il-prodotti u s-servizzi.
43 Skond dawn il-prinċipji, għandu jiġi aċċettat li jeżisti xebh bejn is-servizzi msemmija qabel ta' l-applikanta u l-prodotti tar-rikorrenti għaliex il-manifatturi ta’ prodotti bħall-“kompjuters, moduli ta' programmi, programmi tal-kompjuter irreġistrati fuq data carriers” ikopru wkoll is-servizzi korrispettivi ta’ l-applikanta. Billi tibbaża ruħha fuq deċiżjoni tal-Qorti Federali Ġermaniża tal-Privattivi, ir-rikorrenti tikkonkludi li jeżisti xebh bejn is-servizzi ta’ l-applikanta, li jaqgħu taħt il-klassi 38, u l-prodotti tagħha stess, li jaqgħu taħt il-klassi 9, peress li parti sinifikanti tal-pubbliku tista’ tifhem li l-manifatturi u d-distributuri ta’ tagħmir għall-ipproċessar ta’ informazzjoni jipprovdu wkoll is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni korrispettivi, jekk it-trade mark hija l-istess.
44 Ir-rikorrenti ssostni li, għall-istess motivi, għandu jiġi aċċettat li jeżisti xebh bejn, min-naħa, is-servizzi ta' l-applikanta, li jaqgħu taħt il-klassijiet 35, 37 u 42 u, min-naħa l-oħra, il-prodotti tagħha stess li jaqgħu taħt il-klassi 9. Hija ssostni li dawn is-servizzi, bħalma huma s-"servizzi ta' tweġib tat-telefon għal abbonati li jkunu temporanjament mhux disponibbli u l-installazzjoni u t-tiswija ta' telefoni, kostruzzjoni, tiswija, installazzjoni", huma wkoll, min-naħa, ipprovduti mill-manifatturi ta' ħardwer tal-kompjuter (kompjuters) u, min-naħa l-oħra, imħaddma permezz ta' softwer.
45 Dan japplika b'analoġija għas-servizzi segwenti ta' l-applikanta: "Riċerka xjentifika u industrijali, inġinerija, inklużi faċilitajiet ta' proġettar u installazzjonijiet ta' telekomunikazzjonijiet, b'mod partikolari għat-telefonija, u programmar ta' kompjuters, iddisinjar, manutenzjoni u aġġornament ta' softwer, kiri ta' kompjuters u programmi tal-kompjuter". Skond ir-rikorrenti, ir-riċerka xjentifika u industrijali, kif ukoll l-inġinerija, inkluż l-ipproġettar ta' installazzjonijiet ta' telekomunikazzjonijiet, jikkostitwixxu qasam ta' attivitajiet li, teknikament u anki ekonomikament, tant huwa marbut mal-ħardwer u s-softwer tal-kompjuter li fil-kummerċ, jew għall-inqas minn numru ta' operaturi ewlenin fil-kummerċ, ġiet aċċettata l-ideja li l-manifatturi jew distributuri ta' tagħmir għall-ipproċessar ta’ informazzjoni joperaw ukoll, per eżempju, fil-qasam ta' l-ipproġettar tas-servizz ta' telekomunikazzjonijiet korrispettiv, bil-kundizzjoni li tiġi użata l-istess trade mark.
46 Ir-rikorrenti tiddikjara li ma tifhimx l-argument tal-Bord ta' l-Appell li ma jeżisti l-ebda xebh bejn is-servizzi ta' l-applikanta li jikkonsistu fil-"kiri ta' kompjuters u programmi tal-kompjuter" u l-prodotti tagħha stess intitolati "kompjuters u programmi tal-kompjuter irreġistrati fuq data carriers". Minn tfittxija sempliċi fuq l-Internet wieħed jista' jara li d-distributuri ta' kompjuters joffru wkoll il-possibbiltà li jikruhom. Dan japplika wkoll għas-softwer.
47 It-tieni nett, f'dak li jirrigwarda l-paragun bejn sinjali, ir-rikorrenti ssostni li jeżisti xebh kbir bejn iż-żewġ sinjali OBELIX u MOBILIX. Billi t-trade mark OBELIX hija protetta fis-suq intern kollu kemm hu, għandha, b'mod partikolari, issir referenza għall-mod kif it-trade marks huma mifhuma f'dak is-suq abbażi ta' l-impressjoni mis-smigħ u ta' l-impressjoni kunċettwali li jagħtu, u billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet tas-suq u d-drawwiet tal-konsumaturi, speċifiċi għas-suq intern.
48 Ir-rikorrenti ssostni li, qabel kollox, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-konsumaturi jikkunsidraw iż-żewġ sinjali bħala trade marks trisillabiċi b'enfasi fuq l-istess sillabi u li għandhom sekwenza ta' konsonanti identika u sekwenza ta' vokali kważi identika, peress li l-vokali "e" u "i" għandhom ħoss simili ħafna. L-unika differenza hija fl-ewwel ittra "m" tat-trade mark ta' l-applikanta li, madankollu, minħabba l-ħoss dgħajjef tagħha, tista' faċilment taħrab l-attenzjoni tas-semmiegħ f'ambjent pjuttost storbjuż.
49 Ir-rikorrenti ssostni li hija l-impressjoni fl-intier tagħha li hija importanti u li hija t-tifkira viżwali li ħafna drabi hija determinanti. Ix-xerrej li għandu biss tifkira vaga tat-trade mark OBELIX jista' jagħraf it-trade mark li diġà jaf fis-sinjal simili MOBILIX, u b'hekk iħawwad l-intrapriżi li jimmanufatturaw il-prodotti.
50 It-tielet nett, f'dak li jirrigwarda l-probabbiltà ta' konfużjoni, ir-rikorrenti ssostni li, jekk tittieħed in kunsiderazzjoni l-interdipendenza bejn ix-xebh bejn il-prodotti, ix-xebh bejn it-trade marks u l-karattru distintiv tat-trade mark tal-parti li qiegħda topponi, in-nuqqas ta' xebh bejn it-trade marks fil-qasam tal-prodotti u servizzi identiċi u, in ġenerali, tal-prodotti u servizzi simili mhuwiex biżżejjed sabiex jiġu evitati, b'mod partikolari, konfużjonijiet fuq livell ta' smigħ minħabba l-fatt li t-trade mark tal-parti li qiegħda topponi hija magħrufa.
51 Ir-rikorenti ssostni li t-trade mark OBELIX tifforma parti minn familja ta' trade marks li fiha wkoll trade marks meħuda minn karattri oħra tas-serje "Asterix" u li hija prottetta f'50 pajjiż differenti madwar id-dinja. Il-ħsara għall-karattru distintiv tirriżulta mill-fatt li, min-naħa, saret referenza għall-mudell rinomat billi ġew akkumulati l-elementi sonori, viżivi u kunċettwali, u, min-naħa l-oħra, ġie konxjament użat f'dan il-każ, mingħajr ebda raġuni lingwistika plawsibbli, element karatteristiku li jeżisti għas-serje ta’ trade marks maħruġa mill-familja “Asterix”: is-suffiss “ix”. Huwa għal kollox konċepibbli li t-terminu “mobilix” jinserixxi ruħu b’mod diskret f’din il-familja ta’ trade marks u li jiġi kkunsidrat bħala derivazzjoni tat-terminu “obelix”.
52 Il-konvenut isostni li ma teżisti ebda probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku rilevanti. Id-differenza viżiva evidenti u d-differenza kunċettwali partikolarment sinifikanti li jeżistu bejn is-sinjali jistgħu jikkumpensaw kull xebh fuq il-livell ta' smigħ, anki għal prodotti u servizzi li jixxiebħu ftit.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
53 Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, f’każ ta’ oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, “trade marks preċedenti” tfisser, b'mod partikolari, trade marks Komunitarji b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja [Artikolu 8(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 40/94].
54 Skond ġurisprudenza stabbilita, probabbiltà ta’ konfużjoni hija l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jkollu l-impressjoni li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jiġu mill-istess intrapriża jew, fil-kawża preżenti, minn intrapriżi marbuta ekonomikament.
55 Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi kkunsidrata globalment, skond il-perċezzjoni li għandu l-pubbliku rilevanti tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni, u billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha fil-kawża, partikolarment l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi koperti minnhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs l-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].
56 Fil-kawża preżenti, ġew invokati d-drittijiet preċedenti, fir-rigward tat-terminu “obelix”, li jikkorrispondu għal trade mark Komunitarja u għal trade mark li hija magħrufa sew fl-Istati Membri kollha.
57 Barra minn hekk, il-maġġoranza kbira tal-prodotti u servizzi in kwistjoni huma prodotti u servizzi ta’ konsum komuni ddestinati għall-użu ta’ kuljum. Huma biss is-servizzi ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja inklużi fil-klassi 42 (riċerka xjentifika u industrijali, eċċ.) li huma ddestinati għal pubbliku iktar speċjalizzat. Għaldaqstant, il-pubbliku kkonċernat li b'referenza għalih għandha tiġi kkunsidrata l-probabbiltà ta’ konfużjoni huwa l-konsumatur medju ta’ dawn il-prodotti u servizzi fl-Unjoni Ewropea, pubbliku li huwa infurmat normalment u raġonevolment attent u prudenti.
58 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat il-paragun li wettaq il-Bord ta’ l-Appell f’dak li jirrigwarda, min-naħa, il-prodotti kkonċernati, u, min-naħa l-oħra, is-sinjali konfliġġenti.
– Rigward il-paragun bejn il-prodotti
59 Sabiex jiġi kkunsidrat ix-xebh bejn il-prodotti jew servizzi in kwistjoni, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn il-prodotti jew servizzi. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-għan intenzjonat tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll il-karattru kompetittiv jew komplementari tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 23).
60 Għar-rigward tal-prodotti fil-klassijiet 9 u 16 li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni, bħall-“apparati, strumenti u installazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet”, “telefoni ċellulari”, “kodifikaturi u dekodifikaturi”, eċċ., ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li huma kollha fihom komponenti essenzjali tal-prodotti koperti mit-trade mark.
61 L-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jiġu akkolti. Huwa minnu li diversi tipi ta’ kompjuters huma neċessarji għat-tħaddim kif jixraq ta’ “strumenti u installazzjonijiet ta’ telekomunikazzjonijiet”, u s-"servizzi ta' tweġib tat-telefon (għal abbonati li jkunu temporanjament mhux disponibbli)” jistgħu kultant jiġu pprovduti mill-entità li timmanifattura t-tagħmir neċessarju, iżda dan mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li dawn il-prodotti u servizzi jixxiebhu, u inqas u inqas li huma “simili ħafna”. Is-sempliċi fatt li prodott speċifiku jiġi użat bħala parti, tagħmir jew komponent ta’ prodott ieħor mhuwiex biżżejjed sabiex juri li l-prodotti finali, b’dawn il-komponenti kollha, huma simili, għaliex, b'mod partikolari, in-natura tagħhom, l-għan intenzjonat tagħhom u l-klijenti kkonċernati jistgħu jkunu totalment differenti.
62 Barra minn hekk, mit-tfassil tal-lista tal-prodotti u tas-servizzi tar-reġistrazzjoni preċedenti għar-rigward tal-klassi 9 jirriżulta li l-oqsma indikati minn dan id-dritt huma l-fotografija, iċ-ċinema, l-ottika, it-tagħlim u l-logħob tal-vidjo. Din il-lista tal-prodotti u tas-servizzi għandha tiġi mqabbla ma’ dik mitluba fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ħaġa li turi b’mod ċar li l-qasam ikkonċernat huwa, kważi esklużivament, dak ta’ telekomunikazzjonijiet taħt kull forma. It-tagħmir ta’ telekomunikazzjoni jaqa’ fil-kategorija ta’ “apparati għar-registrazzjoni, trasmissjoni, riproduzzjoni ta' ħsejjes jew stampi”, li jagħmel parti mill-intestatura uffiċjali tal-klassi 9 skond il-ftehim ta’ Nizza. Madankollu, din il-parti ta’ l-intestatura tal-klassi (“telekomunikazzjoni”) ma ġietx mitluba fid-dritt preċedenti, li jimplika li ma kienx intenzjonat li t-tagħmir ta’ telekomunikazzjoni ikun kopert. Ir-rikorrenti rreġistrat it-trade mark tagħha għal numru kbir ta’ klassijiet, iżda ma semmietx it-“telekomunikazzjonijiet” fl-ispeċifikazzjoni u saħansitra eskludiet il-klassi 38 kollha kemm hi mir-reġistrazzjoni. Il-klassi 38 tikkonċerna preċiżament is-servizzi ta’ “telekomunikazzjonijiet”.
63 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza taqbel ma’ l-osservazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell li r-reġistrazzjoni preċedenti tipproteġi l-“apparati u strumenti elettrotekniċi, elettroniċi”, iżda li din il-formulazzjoni wiesa’ ma tistax tintuża mir-rikorrenti bħala argument li jwassal għall-konklużjoni li jeżisti xebh kbir, inqas u inqas li teżisti identiċità mal-prodotti msemmija fl-applikazzjoni, meta protezzjoni speċifika għall-apparati u strumenti ta’ telekomunikazzjoni setgħet tiġi miksuba faċilment.
64 Għaldaqstant, il-Bord ta’ l-Appell ma wettaqx żball meta qies li l-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, inklużi fil-klassijiet 9 u 16, ma setgħux jigu kkunsidrati li kienu inklużi fil-lista tal-prodotti u tas-servizzi, imfassla b’mod wiesa’, meta saret ir-reġistrazzjoni preċedenti.
65 Ir-rikorrenti ssostni wkoll, f'dak li jirrigwarda s-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u inklużi fil-klassijiet 35, 37, 38 u 42, li, kuntrarjament għall-konklużjonijiet tal-Bord ta' l-Appell, dawn il-prodotti huma wkoll simili għal tagħha, peress li l-manifatturi ta' prodotti bħall-"kompjuters, moduli ta' programmi, programmi tal-kompjuter irreġistrati fuq data carriers" jipprovdu wkoll is-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni. Billi bbażat ruħha fuq deċiżjoni tal-Qorti Federali Ġermaniża tal-Privattivi, ir-rikorrenti waslet għall-konklużjoni li dawn il-prodotti fil-klassi 9 u s-servizzi ta' telekomunikazzjonijiet fil-klassi 38 huma simili, peress li parti sinifikanti tal-pubbliku jista' jemmen li l-manifatturi u d-distributuri ta' tagħmir għall-ipproċessar ta’ l-informazzjoni jipprovdu wkoll is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni korrispettivi, jekk it-trade mark użata hija l-istess. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li din l-osservazzjoni tapplika ukoll għas-servizzi inklużi fil-klassijiet 35 u 37, peress li s-servizzi bħas-"servizzi ta' tweġib tat-telefon" (klassi 35) u l-"installazzjoni u t-tiswija ta' telefoni" (klassi 37) kultant huma pprovduti mill-manifatturi tal-ħardwer tal-kompjuter utilizzat u kultant jaħdmu permezz ta' softwer. Fil-każ tas-servizzi intitolati "riċerka xjentifika u industrijali, inġinerija, inklużi faċilitajiet ta' proġettar u installazzjonijiet ta' telekomunikazzjonijiet" inklużi fil-klassi 42, ir-rikorrenti ssostni li dawn tant huma marbuta mal-qasam tal-ħardwer u s-softwer tal-kompjuter li l-pubbliku jista' jemmen li jiġu mill-istess manifatturi jew distributuri. Fl-aħħar nett, f'dak li jirrigwarda l-"kiri ta' kompjuters u ta' programmi tal-kompjuter" (klassi 42), inklużi fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ir-rikorrenti ma taqbilx mal-konklużjoni tal-Bord li tali servizzi huma differenti mill-"kompjuters" u "programmi tal-kompjuter irreġistrati fuq data carriers" tagħha.
66 Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-prinċipji li japplikaw għall-paragun bejn prodotti japplikaw ukoll għall-paragun bejn is-servizzi u bejn il-prodotti u s-servizzi. Huwa veru li, kif josserva l-konvenut, minħabba n-natura tagħhom stess, il-prodotti huma ġeneralment differenti mis-servizzi, iżda jibqa' il-fatt li jistgħu jkunu komplementari, fis-sens li, per eżempju, il-manutenzjoni ta' prodott hija komplementari għall-prodott innifsu, jew li s-servizzi jistgħu ikollhom l-istess skop jew l-istess għan bħall-prodott, u għalhekk jikkompetu ma' xulxin. Minn dan jirriżulta li, f'ċerti ċirkostanzi, jista' jiġi kkonstatat xebh anki bejn prodotti u servizzi.
67 Fil-kawża preżenti, f'dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, is-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark taħt il-klassijiet 37 u 42, il-pożizzjoni li ħa l-Bord ta' l-Appell li dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala simili għas-servizzi koperti mir-reġistrazzjoni preċedenti ma tistax tiġi kkritikata. Fil-fatt, is-servizzi tar-rikorrenti inklużi fil-klassi 42 ("akkomodazzjoni u catering; ritratti; traduzzjonijiet; ġestjoni u użu ta' drittijiet ta' l-awtur; użu ta' proprjetà intellettwali") m'huma relatati bl-ebda mod mas-servizzi intitolati "riċerka xjentifika u industrijali, inġinerija, inklużi faċilitajiet ta' proġettar u installazzjonijiet ta' telekomunikazzjonijiet, b'mod partikolari għat-telefonija, u programmar ta' kompjuters, iddisinjar, manutenzjoni u aġġornament ta' softwer, kiri ta' kompjuters u programmi tal-kompjuter", inklużi wkoll fil-klassi 42, li għalihom qiegħda tintalab il-protezzjoni. Din il-konklużjoni tapplika wkoll għas-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja inklużi fil-klassi 37, jiġifieri "installazzjoni u tiswija ta' telefoni, kostruzzjoni, tiswija, installazzjoni".
68 It-tieni nett, il-Bord ta' l-Appell ma wettaqx żball meta ddikjara li s-servizzi enumerati fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja taħt il-klassi 38 (kif deskritt fil-punt 3 iktar 'il fuq) huma differenti biżżejjed minn dawk koperti mir-reġistrazzjoni preċedenti u inklużi fil-klassi 41 (kif deskritt fil-punt 5 iktar 'il fuq), meta jittieħdu in kunsiderazzjoni n-natura teknika tagħhom, il-kapaċitajiet meħtieġa sabiex jiġu proposti u l-bżonnijiet tal-konsumaturi li huma intiżi jissodisfaw. Konsegwentement, is-servizzi mniżżla fl-applikazzjoni għal trade mark inklużi fil-klassi 38 huma, l-iktar l-iktar, simili għas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 41 u li huma protetti mid-dritt preċedenti.
69 Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti li l-prodotti u s-servizzi kollha koperti mill-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jistgħu jkunu marbuta, b'mod jew ieħor, mal-"kompjuters" u mal-"programmi tal-kompjuter" (klassi 9) koperti mit-trade mark preċedenti. Kif osserva ġustament il-konvenut, fis-soċjeta teknoloġikament avvanzata ta' llum, kważi l-ebda tagħmir jew materjal elettroniku jew diġitali ma jaħdem mingħajr l-użu ta' kompjuters ta' xi forma jew oħra. Jekk jiġi stabbilit li jeżisti xebh f'kull każ fejn id-dritt preċedenti jkopri l-kompjuters, u fejn il-prodotti jew servizzi koperti mis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni jistgħu jirrikjedu l-użu ta' kompjuters, dan żgur ikun qed jeċċedi l-iskop ta' protezzjoni mogħtija mil-leġiżlatur lill-proprjetarju ta' trade mark. Tali pożizzjoni twassal għal sitwazzjoni fejn ir-reġistrazzjoni ta' softwer u ħardwer tal-kompjuter tista' prattikament teskludi r-reġistrazzjoni sussegwenti ta' kull tip ta' proċess jew servizz elettroniku jew diġitali li jagħmel użu minn dak is-softwer jew ħardwer. Din l-esklużjoni mhijiex, f'kull każ, leġittima fil-kawża preżenti, peress li l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja hija intiża esklużivament għat-telekomunikazzjonijiet taħt il-forom diversi tagħhom, filwaqt li r-reġistrazzjoni preċedenti ma tagħmel ebda referenza għal xi attività f'dan is-settur. Barra minn hekk, kif osserva ġustament il-Bord ta' l-Appell, m'hemm xejn li jwaqqaf ir-rikorrenti milli tirreġistra wkoll it-trade mark tagħha fir-rigward tat-telefonija.
70 Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-prodotti u s-servizzi in kwistjoni mhumiex simili. Madankollu, teżisti eċċezzjoni. Fil-fatt, hemm xebh bejn il-"kiri ta' kompjuters u programmi tal-kompjuter" imsemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja (klassi 42) u l-"kompjuters" u "programmi tal-kompjuter irreġistrati fuq data carriers" tar-rikorrenti (klassi 9), minħabba l-komplementarjetà tagħhom.
71 Minn dan jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda f'dak li jirrigwarda l-paragun bejn prodotti u servizzi, bl-eċċezzjoni ta' dak li jirrigwarda x-xebh bejn il-"kiri ta' kompjuters u programmi tal-kompjuter" imsemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja (klassi 42) u l-"kompjuters" u "programmi tal-kompjuter irreġistrati fuq data carriers" tar-rikorrenti (klassi 9).
– Rigward il-paragun bejn is-sinjali
72 Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha, f'dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali ta' sinjali konfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa mogħtija minnhom, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs l-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, Ġabra p. II-4335, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata].
73 Ir-rikorrenti ssostni li jeżisti xebh kbir bejn iż-żewġ sinjali OBELIX u MOBILIX. Mill-aspett viżiv, huma kważi ta' l-istess tul u għandhom sekwenza ta' ittri simili u, fonetikament, jipproduċu ħsejjes li huma simili ħafna. Peress li l-ewwel ittra "m" tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni tipproduċi ħoss dgħajjef, huwa probabbli, barra minn hekk, li tinstema' ħażin f'ambjent storbjuż.
74 Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li s-sinjali in kwistjoni kienu simili. Huwa indika li ż-żewġ sinjali kienu magħmula mill-istess numru ta' sillabi, mill-istess sekwenza ta' konsonanti B-L-X, minn sekwenza simili ta' vokali O-I (jew E)-I u huma ta' l-istess tul. Dawn il-karatteristiċi komuni joħolqu impressjoni ġenerali ta' xebh. Din l-impressjoni hija iktar b'saħħitha mil-lat fonetiku, iżda tista' tiġi apprezzata wkoll mil-lat viżiv, b'mod partikolari minħabba s-suffiss "ix". Fl-aħħar nett, huwa kkonkluda li, għalkemm id-differenzi kunċettwali bejn iż-żewġ trade marks ma kienux ta' importanza żgħira, dawn ma kkumpensawx għax-xebh viżiv u fonetiku.
75 L-ewwel nett, f'dak li jirrigwarda l-paragun viżiv, għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li t-trade marks in kwistjoni huma t-tnejn trade marks verbali. MOBILIX hija komposta minn seba' ittri u s-sinjal preċedenti OBELIX minn sitt ittri. Għalkemm għandhom in komuni l-kombinazzjoni ta' ittri "OB" u t-tmiem "LIX", għandhom numru ta' differenzi viżivi importanti, bħall-ittri li jiġu wara "OB" ("E" fl-ewwel każ, "I" fit-tieni), il-bidu tal-kliem (it-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni tibda b'"M" u t-trade mark preċedenti tibda b'"O") u t-tul tagħhom. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, normalment, l-attenzjoni tal-konsumatur taqa' l-iktar fuq il-bidu tal-kelma [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Marzu 2004, El Corte Inglés vs l-UASI – González Cabello u Iberia Líneas Aéreas de España (MUNDICOR), T-183/02 u T-184/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 83].
76 Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li s-sinjali in kwistjoni mhumiex simili viżwalment jew, li għandhom, l-iktar l-iktar, xebh viżiv żgħir ħafna.
77 It-tieni nett, f'dak li jirrigwarda l-paragun fonetiku, għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ trade marks huma ppronunzjati fi tliet sillabi O-BE-LIX u MO-BIL-IX jew MO-BI-LIX. Huwa veru li l-ewwel sillaba tat-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni, "MO", hija ppronunzjata b'mod ċar, b'mod li tgħin id-distinzjoni bejn is-sinjali in kwistjoni, iżda wieħed ma jistax jinsa li l-ewwel ittra "M", minħabba l-ħoss dgħajjef tagħha, tista', madankollu, kultant taħrab l-attenzjoni tas-semmiegħ. Barra minn hekk, it-tieni u t-tielet sillabi huma ppronunzjati b'mod simili ħafna, u tabilħaqq b'mod identiku fil-każ tat-tielet sillaba.
78 Meta jittieħdu in kunsiderazzjoni dawn l-elementi, għandu jiġi konkluż li s-sinjali in kwistjoni għandhom ċertu xebh fonetiku.
79 It-tielet nett, f'dak li jirrigwarda l-paragun kunċettwali, għandu jiġi rilevat li l-kliem "mobilix" u "obelix" m'għandhomx tifsira semantika fl-ebda waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Madankollu, filwaqt li t-terminu "mobilix" jista' faċilment jiftiehem bħala li jirreferi għal xi ħaġa mobbli jew għall-mobilità, it-terminu "obelix", anki jekk l-isem kellu jiġi rreġistrat bħala trade mark verbali, jiġifieri mingħajr ebda referenza viżiva għall-persunaġġ tal-komiks, ikun faċilment identifikat mill-pubbliku medju mal-persunaġġ oħxon tas-serje tal-komiks, magħrufa fl-Unjoni Ewropea kollha, li tirrakkonta l-avventuri tiegħu flimkien ma' Asterix. Din ir-rappreżentazzjoni speċifika ta' persunaġġ popolari tirrendi l-konfużjoni kunċettwali f'moħħ il-pubbliku bejn termini li bejn wieħed u ieħor huma simili improbabbli ħafna (sentenza Starix, punt 22 iktar 'il fuq, punt 58).
80 Tali differenzi kunċettwali jistgħu, f'ċerti cirkostanzi, jinnewtralizzaw ix-xebh viżiv u fonetiku bejn is-sinjali kkonċernati. Tali newtralizzazzjoni tirrikjedi li mill-inqas wieħed mis-sinjali in kwistjoni jkollu, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, tifsira ċara u speċifika, b'tali mod li dan il-pubbliku jista' jifhimha mill-ewwel (sentenzi BASS, punt 72 iktar 'il fuq, punt 54, u PICARO, punt 33 iktar 'il fuq, punt 56). Fil-kawża preżenti, dan huwa l-każ fir-rigward tas-sinjal verbali OBELIX, kif għadu kif issemma fil-punt preċedenti.
81 Minn dan isegwi li, fil-kawża preżenti, id-differenzi kunċettwali li jiddistingwu s-sinjali in kwistjoni huma ta' natura li jinewtralizzaw ix-xebh fonetiku kif ukoll kull xebh viżiv imsemmi iktar 'il fuq.
82 Fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni, għandu jiġi osservat li d-differenzi bejn is-sinjali in kwistjoni huma biżżejjed sabiex jeskludu l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni f'moħħ il-pubbliku kkonċernat, billi tali probabbiltà tippresupponi li, b'mod kumulattiv, il-livell ta' xebh tat-trade marks in kwistjoni u l-livell ta' xebh tal-prodotti jew servizzi koperti minn dawn it-trade marks huwa suffiċjentement għoli (sentenza Starix, punt 22 iktar 'il fuq, punt 59).
83 F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord ta' l-Appell dwar il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti kif ukoll l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti rigward ir-reputazzjoni ta' din t-trade mark m'għandhom ebda effett fuq l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 fil-kawża preżenti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Starix, punt 22 iktar 'il fuq, punt 60).
84 Probabbiltà ta' konfużjoni tippresupponi identiċità jew xebh bejn is-sinjali u bejn il-prodotti u servizzi koperti, u r-reputazzjoni ta' trade mark hija element li għandu jiġi kkunsidrat sabiex jiġi stabbilit jekk ix-xebh bejn is-sinjali jew bejn il-prodotti u servizzi huwiex suffiċjenti sabiex joħloq probabbiltà ta' konfużjoni (ara, f'dan is-sens u b'analoġija, is-sentenza Canon, punt 59 iktar 'il fuq, punti 22 u 24). Issa peress li, fil-kawża preżenti, is-sinjali konfliġġenti ma jistgħux jiġi kkunsidrati bħala identiċi jew simili, il-fatt li t-trade mark preċedenti hija magħrufa sew jew għandha reputazzjoni fl-Unjoni Ewropea ma jistax jaffettwa l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Starix, punt 22 iktar 'il fuq, punt 61).
85 Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li, minħabba s-suffiss "ix", huwa għal kollox konċepibbli li t-terminu "mobilix" jinserixxi ruħu b’mod diskret fil-familja ta’ trade marks magħmula mill-persunaġġi tas-serje "Asterix" u li jiġi kkunsidrat bħala derivazzjoni tat-terminu “obelix”. F'dan ir-rigward, biżżejjed jingħad li r-rikorrenti ma jista' jkollha ebda dritt esklużiv fuq l-użu tas-suffiss "ix".
86 Minn dan jirriżulta li ma ġietx sodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet sabiex jiġi applikat l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, m'hemm l-ebda probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti.
87 F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-ilment ibbażat fuq il-ksur ta' din id-dispożizzjoni għandu jiġi miċħud, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti li r-rikorrenti ressqet fil-kuntest ta' dan l-ilment fir-rigward ta' l-allegata reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Bl-istess mod, ma tistax tintlaqa' t-talba tar-rikorrenti li jinstemgħu xhieda sabiex tiġi stabbilita din ir-reputazzjoni. Fl-aħħar nett, huwa ċar ukoll li l-konklużjoni li jeżisti xebh bejn il-"kiri ta' kompjuters u programmi tal-kompjuter" imsemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja (klassi 42) u l-"kompjuters" u "programmi tal-kompjuter irreġistrati fuq data carriers" tar-rikorrenti (klassi 9) (ara punt 71 iktar 'il fuq) hija irrilevanti.
88 Għaldaqstant, ir-rikors imressaq mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
89 Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)
taqta' u tiddeċiedi li:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.
Jaeger |
Tiili |
Czúcz |
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-27 ta' Ottubru 2005
E. Coulon |
M. Jaeger |
Reġistratur |
President |
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.