This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62003CJ0536
Judgment of the Court (Second Chamber) of 26 May 2005.#António Jorge Ldª v Fazenda Pública.#Reference for a preliminary ruling: Supremo Tribunal Administrativo - Portugal.#VAT - Article 19 of the Sixth VAT Directive - Deduction of input tax - Property transactions - Goods and services used for both taxable and exempt transactions - Deductible proportion.#Case C-536/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-26 ta' Mejju 2005.
António Jorge Ldª vs Fazenda Pública.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Supremo Tribunal Administrativo - il-Portugall.
VAT - Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva tal-VAT - Tnaqqis tat-taxxa mħallsa f'ras il-għajn - Attività li tinvolvi proprjetà immobbli - Oġġetti u servizzi użati kemm għal transazzjonijiet taxxabbli u kemm għal transazzjonijiet eżenti - Tnaqqis proporzjonali.
Kawża C-536/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-26 ta' Mejju 2005.
António Jorge Ldª vs Fazenda Pública.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Supremo Tribunal Administrativo - il-Portugall.
VAT - Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva tal-VAT - Tnaqqis tat-taxxa mħallsa f'ras il-għajn - Attività li tinvolvi proprjetà immobbli - Oġġetti u servizzi użati kemm għal transazzjonijiet taxxabbli u kemm għal transazzjonijiet eżenti - Tnaqqis proporzjonali.
Kawża C-536/03.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:323
*A9* Supremo Tribunal Administrativo, auto de 26/11/2003 (1090/03)
*P1* Supremo Tribunal Administrativo, acórdão de 09/11/2005 (1090/03)
- Acórdãos Doutrinais do Supremo Tribunal Administrativo, nº 535, Ano XLV, p. 1186-1191 (*)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
26 ta’ Mejju 2005 (*)
"VAT – Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva tal-VAT – Tnaqqis tat-taxxa mħallsa f'ras il-għajn – Attività li tinvolvi proprjetà immobbli – Oġġetti u servizzi użati kemm għal transazzjonijiet taxxabbli u kemm għal transazzjonijiet eżenti – Tnaqqis proporzjonali"
Fil-kawża C-536/03,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (Il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat-26 ta’ Novembru 2003, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Diċembru 2003, fil-proċedimenti:
António Jorge Lda
vs
Fazenda Pública,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), J. Makarczyk, P. Kūris u G. Arestis, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għar-Repubblika Portugiża, minn L. Fernandes, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u A. M. Alves Vieira, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta' Diċembru 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, aktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva"), fir-rigward tad-determinazzjoni tal-portata tad-dritt għal tnaqqis tat-taxxa mħallsa f'ras il-għajn fl-eżerċizzju ta' l-attività tal-kostruzzjoni ta' bini.
2 It-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' rikors imressaq quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo (Qorti Amministrattiva Superjuri) tar-Repubblika Portugiża mill-kumpannija António Jorge Lda kontra l-awtoritajiet Portugiżi dwar att ta' ħlas ta' ammont addizzjonali ta' taxxa fuq il-valur miżjud (aktar 'il quddiem il-"VAT") u ta' l-interessi minħabba dewmien għas-snin 1994 sa 1997.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 10 tas-Sitt Direttiva jipprovdi kif ġej:
"1. (a) “Fatt taxxabbli” tfisser fatt li permezz tiegħu l-kundizzjonijet legali neċessarji biex ikun hemm taxxa jiġu sodisfatti.
(b) Ikun hemm taxxa meta l-awtorità tat-taxxa ssir intitolata bil-liġi f’mument partikolari biex tiġbor it-taxxa mill-persuna suġġetta li tħallasha, għalkemm iż-żmien għall-ħlas jista’ jkun pospost.
2. Ikun hemm fatt taxxabbli u jkun hemm taxxa meta l-oġġetti jitwasslu jew is-servizzi jingħataw. […]
Iżda meta ħlas isir akkont qabel ma' l-oġġetti jitwasslu jew is-servizzi jingħataw, ikun hemm taxxa mal-wasla tal-ħlas u fuq l-ammont riċevut".
4 L-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva, intitolat "Oriġini u skop tad-dritt li tnaqqas", jipprovdi li:
"1. Id-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli.
[…]
5. Fir-rigward ta’ oġġetti u servizzi li għandhom ikunu wżati minn persuna taxxabbli kemm għal transazzjonijiet koperti b’paragrafi 2 u 3, fir-rigward ta’ li t-taxxa fuq il-valur miżjud titnaqqas, u għal transazzjonijiet fir-rigward ta’ li t-taxxa fuq il-valur miżjud ma titnaqqasx, it-tali proporzjon biss [tal-VAT] għandu jkun imnaqqas kif hu attribwit għat-transazzjonijiet ta’ qabel.
Dan il-proporzjon għandu jkun determinat, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 19, għat-transazzjonijiet kollha mwettqa minn persuna taxxabbli."
5 It-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 17(5) jippermetti wkoll lill-Istati Membri jawtorizzaw jew jobbligaw lill-persuni suġġetti għat-taxxa sabiex japplikaw kriterji differenti minn dak ta' l-Artikolu 19.
6 L-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva, intitolat "Kalkulazzjoni tal-proporzjon imnaqqas", jipprovdi kif ġej:
"1. Il-proporzjon imnaqqas taħt l-ewwel sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 17(5) għandu jkun magħmul minn frazzjoni li jkollha:
– bħala numeratur, l-ammont totali, esklussiv mi[ll-VAT], tal-bejgħ kull sena attribwit għat-transazzjonijet li fuqhom it-taxxa fuq il-valur miżjud titnaqqas taħt l-Artikolu 17(2) u (3),
– bħala denominatur, l-ammont totali, esklussiv [tal-VAT], tal-bejgħ kull sena attribwit lit-transazzjonijiet inklużi fin-numeratur u lit-transazzjonijiet fir-rigward ta’ li [l-VAT] mhux imnaqqas. L-Istati Membri jistgħu ukoll jinkludu fid-denominatur l-ammont ta’ sussidji, għajr dawk speċifikati fl-Artikolu 11 A (1) (a).
Il-proporzjon għandu jkun stabbilit fuq bażi annwali, iffissat bħala persentaġġ u magħmul figura sħiħa li ma teċċedix il-numru li jmiss.
2. Permezz ta’ deroga minn dispożizzjonijiet ta’ paragrafu 1, għandhom ikunu esklużi mill-kalkulazzjoni tal-proporzjon imnaqqas, l-ammonti tal-bejgħ attribwiti lill-provvisti ta’ oġġetti kapitali użati mill-persuna taxxabbli għall-skopijiet tan-negozju tiegħu. Ammonti ta’ bejgħ attribwiti għa[t]-transazzjonijet speċifikati fl-Artikolu 13 B (d), sa kemm dawn huma transazzjonijiet inċidentali, u għall-beni immobbli inċidentali u għal transazzjonijiet finanzjarji għandhom ukoll ikunu esklużi. […]"
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7 Fil-Portugall, il-VAT hija rregolata mill-Kodiċi tal-VAT (Código do Imposto sobre o Valor Acrescentado, aktar 'il quddiem is-"CTVA"), approvat mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 394B/84, tas-26 ta' Diċembru 1984 (Diário da República, Serje A, Nru 297).
8 L-Artikolu 23 tas-CTVA jipprovdi kif ġej:
"1. Meta, fl-eżerċizzju ta' l-attività tagħha, il-persuna taxxabbli twettaq trasferimenti ta' oġġetti u prestazzjonijiet ta' servizzi, li parti minnhom ma tkunx eliġibbli għad-dritt għal tnaqqis, it-taxxa fuq l-akkwisti għandha titnaqqas biss skond perċentwali li tikkorrispondi għall-ammont annwali ta' transazzjonijiet eliġibbli għad-dritt għal tnaqqis.
2. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, il-persuna taxxabbli tista' twettaq it-tnaqqis skond l-allokazzjoni reali ta' l-oġġetti u tas-servizzi użati kollha jew ta' parti minnhom, bil-kundizzjoni li d-direttur ġenerali tat-taxxi jista' jimponilha kundizzjonijiet speċjali jew jobbligaha twaqqaf din il-proċedura fil-każ li jkunu kkonstatati distorsjonijiet sinifikanti fit-tassazzjoni.
3. L-amministrazzjoni fiskali tista' tobbliga lill-persuna taxxabbli taġixxi skond il-paragrafu preċedenti:
a) meta hija teżerċita attivitajiet ekonomiċi distinti;
b) meta l-applikazzjoni tal-proċedura msemmija fil-paragrafu 1 twassal għal distorsjonijiet sinifikanti fit-tassazzjoni.
4. Il-perċentwali ta' tnaqqis imsemmija fil-paragrafu 1 tirriżulta minn frazzjoni komposta minn, bħala numeratur, l-ammont annwali, bl-esklużjoni tat-taxxa, tat-trasferimenti ta' oġġetti u ta' prestazzjonijiet ta' servizzi li huma eliġibbli għad-dritt għal tnaqqis taħt l-Artikoli 19 u 20(1), u, bħala denominatur, l-ammont annwali, bl-esklużjoni tat-taxxa, tat-transazzjonijiet kollha mwettqa mill-persuna taxxabbli, inklużi t-transazzjonijiet eżenti minn jew li mhumiex suġġetti għat-taxxa, b'mod partikolari s-sussidji li mhumiex suġġetti għat-taxxa minbarra s-sussidji fuq apparat.
5. Madankollu, għall-finijiet tal-kalkolu msemmi fil-paragrafu preċedenti, mhumiex inklużi t-trasferimenti ta' assi immobbli, li kienu użati fil-kuntest ta' l-attività ta' l-impriża, u t-transazzjonijiet li jinvolvu assi immobbli jew finanzjarji, li huma ta' natura inċidentali fir-rigward ta' l-attività eżerċitata mill-persuna taxxabbli […]"
9 Sussegwentament, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 241/86, ta' l-20 ta' Awwissu 1986 (Diário da República, Serje A, Nru 190) ikkompleta s-sistema stabbilita fis-CTVA fir-rigward ta' l-attività ta' kunsinna ta' proprjetà immobbli.
10 L-Artikolu 5 ta' dan id-digriet leġiżlattiv jipprovdi kif ġej:
"1. It-tnaqqis tat-taxxa fir-rigward ta' kull bini jew parti awtonoma ta' bini għandu jsir skond il-metodu ta' allokazzjoni reali ta' l-oġġetti u tas-servizzi użati kollha, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 23(2) [tas-CTVA].
2. Jekk id-direzzjoni ġenerali tat-taxxi diretti u indiretti jidhrilha li l-kriterji ta' tassazzjoni użati għall-allokazzjoni reali mhumiex adatti, hija għandha tistabbilixxi kriterji differenti u tinforma b'dan lill-persuna taxxabbli flimkien ma' indikazzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni."
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11 Il-kumpannija António Jorge Lda (aktar 'il quddiem "António Jorge"), li għandha s-sede tagħha f'Santarém (Il-Portugall), ressqet appell quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo sabiex tikkontesta s-sentenza tat-Tribunal Tributário de Primeira Instância de Santarém (tribunal fiskali ta' l-ewwel istanza ta' Santarém), li kienet laqgħat parzjalment ir-rikors imressaq kontra l-att ta' ħlas ta' ammont addizzjonali ta' VAT u ta' interessi minħabba dewmien għas-snin 1994 sa 1997.
12 Il-fatti, kif esposti fis-sentenza ta' l-ewwel istanza huma s-segwenti:
"1. Għas-snin bejn l-1994 u l-1997, […] [António Jorge] kienet suġġetta għat-taxxa tal-korpi ġuridiċi (sistema ġenerali) u, għall-finijiet tal-VAT, kienet taqa' taħt is-sistema ordinarja […].
2. Bis-saħħa ta' l-ordni ta' servizz Nru 9097 tal-5 ta' Settembru 1996, […] [António Jorge] kienet is-suġġett ta' kontroll fiskali, wara liema kontroll kien ippreżentat, fis-26 ta' Ġunju 1997, ir-rapport anness […] [mal-proċess tal-kawża prinċipali].
3. Wara dan ir-rapport, is-servizzi tal-kontroll fiskali tad-distrett ta' Santarém ikkonkludew, fir-rigward tal-VAT:
– [li] kien diffiċli li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni l-ammont tat-taxxa li kien indebitament imnaqqas bħala 'spejjeż ġenerali', peress li r-rikorrenti kienet tnaqqashom kollha flimkien minkejja li l-akkwisti tagħha kienu intiżi għal settur eżentat u għal settur taxxabbli;
– [li] fl-okkażjoni tax-xiri ta' assi fissi, dawn jitqiesu bħala intiżi għal settur suġġett għall-VAT (li jistgħu jitnaqqsu), b'parti ta' l-ammont tad-deprezzament ta' dawn l-assi li tkun imqassma jew allokata għal attivitajiet eżentati fl-aħħar tas-sena finanzjarja.
[…]
4. Fid-dawl ta' dak li kien ikkonstatat u espost fil-punt 3, l-espert li wettaq il-kontroll iddetermina […] l-ammont tal-VAT li huwa kkunsidra li kien indebitament imnaqqas minn […] [António Jorge], bi ksur ta' l-Artikolu 23 tas-[CTVA] u abbażi ta' 'dokumenti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti legali', kif ukoll tat-taxxa li ma kinitx tħallset.
[…]
8. Matul is-snin 1994 sa 1997, […] [António Jorge] pprovdiet prestazzjonijiet ta' servizzi (appalti ta' xogħol) li kienu jagħtuha dritt għal tnaqqis tal-VAT imħallsa fir-rigward ta' akkwisti u ta' operazzjonijiet ta' kostruzzjoni bl-iskop ta' bejgħ li kienu suġġetti għas-sisa [taxxa fuq l-akkwist ta' proprjetà immobbli, li llum m'għadhiex fis-seħħ], li, fir-rigward tagħhom, ma kienx possibbli li jsir it-tnaqqis.
9. Matul l-istess snin, kważi 50% tad-dħul mill-bejgħ tagħha kien jirrigwarda appalti ta' xogħol għall-kostruzzjoni ta' bini intiż għal assoċjazzjonijiet tad-djar u minn awtoritajiet lokali li, fir-rigward tagħhom, kienet tħallas 5% bħala VAT u kienet tnaqqas 17% (16% fl-1994), filwaqt li, għal kważi 20% tad-dħul mill-bejgħ tagħha, hija kienet tħallas il-VAT bir-rata ta' 17% (16% fl-1994), bil-bqija tad-dħul tagħha li kien jirrigwarda operazzjonijiet suġġetti għas-sisa, eżentati mill-VAT u mingħajr possibbiltà ta' tnaqqis."
13 In sostenn tar-rikors tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju, António Jorge qajmet il-kwistjoni ta' l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva.
14 F'dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal Administrativo ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"1) F'liema sens għandu jiġi interpretat l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 1977 (77/388/KEE)?
2) L-Artikolu 23(4) tas-[CTVA] huwa kompatibbli mad-dispożizzjoni ċċitata qabel meta din tiġi interpretata fis-sens li, meta l-persuna taxxabbli hija impriża li teżerċita attività li tinvolvi proprjetà immobbli, billi taħdem f'żewġ setturi ta' attività, wieħed minnhom il-kostruzzjoni ta' bini bl-iskop ta' bejgħ (attività eżentata mill-VAT) u l-ieħor is-settur ta' l-appalti ta' xogħol (suġġetti għall-VAT), ikun meħtieġ li, sabiex tkun ikkalkulata l-perċentwali ta' tnaqqis tal-VAT jew il-proporzjon li jaqa' fuq din il-persuna taxxabbli fl-okkażjoni ta' l-akkwist ta' oġġetti jew ta' servizzi marbuta ma' waħda minn dawn l-attivitajiet, jiġi inkluż, fid-denominatur tal-frazzjoni, meta jkun qiegħed isir dan il-kalkolu, minbarra d-dħul mill-bejgħ annwali, il-valur tax-xogħlijiet li jkunu għadhom għaddejjin fl-aħħar ta' kull sena, li jkunu għadhom ma tqiegħdux fuq is-suq u li l-valur tagħhom ma jkunx għadu ġie riċevut kompletament jew parzjalment?
3) Jew din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-imsemmi denominatur jinkludi biss id-dħul mill-bejgħ?"
Fuq id-domandi preliminari
Fuq il-formulazzjoni tad-domandi
15 Fid-dawl tal-mod kif inhuma fformulati d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu, qabel kollox, jiġi mfakkar li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja m'għandhiex kompetenza, taħt l-Artikolu 234 KE, sabiex tapplika r-regola Komunitarja għal każ partikolari u, għaldaqstant, sabiex tikkwalifika dispożizzjoni ta' dritt nazzjonali fir-rigward ta' din ir-regola, hija madankollu tista', fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita minn dan l-artikolu, tipprovdi lil qorti nazzjonali, abbażi ta' l-elementi fil-proċess, l-elementi ta' interpretazzjoni tad-dritt Komunitarja li jistgħu jkunu utli għall-qorti nazzjonali fl-evalwazzjoni ta' l-effetti ta' dispożizzjoni (ara s-sentenza ta' l-20 ta' April 1988, Bekaert, 204/87, Ġabra p. 2029, punt 5).
16 F'dan ir-rigward, fil-preżenza ta' domandi li jirriżulta li huma fformulati b'mod li mhux xieraq jew li jmorru oltre l-kuntest tal-funzjonijiet mogħtija lilha mill-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja xorta tista' toħroġ, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju, u b'mod partikolari, mill-motivazzjoni ta' l-att tar-rinviju, l-elementi ta' dritt Komunitarju li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kwistjoni (ara s-sentenza tas-17 ta' Ġunju 1997, Codiesel, C-105/96, Ġabra p. I-3465, punt 13).
17 Mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-Supremo Tribunal Administrativo qiegħed jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 19(1) tas-Sitt Direttiva, u, b'mod aktar konkret, qiegħed iqajjem il-kwistjoni "jekk, meta l-persuna taxxabbli hija impriża li teżerċita attività li tinvolvi proprjetà immobbli, billi taħdem f'żewġ setturi ta' attività, wieħed minnhom il-kostruzzjoni ta' bini bl-iskop ta' bejgħ (attività eżenti mill-VAT) u l-ieħor is-settur ta' l-appalti ta' xogħol (suġġetti għall-VAT), ikunx meħtieġ li, sabiex tkun ikkalkulata l-perċentwali ta' tnaqqis tal-VAT jew il-proporzjon li jaqa' fuq din il-persuna taxxabbli fl-okkażjoni ta' l-akkwist ta' oġġetti jew ta' servizzi marbuta ma' waħda minn dawn l-attivitajiet, jiġi inkluż, fid-denominatur tal-frazzjoni, meta jkun qiegħed isir dan il-kalkolu, minbarra d-dħul mill-bejgħ annwali, il-valur tax-xogħlijiet li jkunu għadhom għaddejjin fl-aħħar ta' kull sena, li jkunu għadhom ma tqiegħdux fuq is-suq u li l-valur tagħhom ma jkunx għadu ġie riċevut kompletament jew parzjalment".
18 Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva, u, b'mod aktar partikolari, għall-kalkolu tal-frazzjoni li abbażi tagħha jinkiseb il-proporzjon ta' tnaqqis previst fl-Artikolu 17 ta' l-istess direttiva, għandux ikun inkluż jew le, fid-denominatur, il-valur tax-xogħlijiet li jkunu għadhom għaddejjin fl-aħħar ta' kull sena, li jkunu għadhom ma tqiegħdux fuq is-suq u li l-valur tagħhom ma jkunx għadu ġie riċevut, kompletament jew parzjalment, mill-persuna taxxabbli.
L-osservazzjonijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja
19 Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Gvern Portugiż isostnu li l-interpretazzjoni ta' regola ta' dritt intern, li twassal sabiex, fid-denominatur tal-frazzjoni li abbażi tagħha jkun ikkalkulat il-proporzjon ta' tnaqqis, ikun inkluż il-valur tax-xogħlijiet li jkunu għadhom għaddejjin imwettqa minn persuna taxxabbli fl-eżerċizzju ta' attività ta' kostruzzjoni ċivili, mhijiex kompatibbli ma' l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva safejn dawn ix-xogħlijiet ma jikkorrispondux għal trasferimenti ta' oġġetti jew prestazzjonijiet ta' servizzi diġà mwettqa mill-persuna taxxabbli jew għal sitwazzjonijiet oħra li jiddeterminaw l-eżistenza tal-fatt li jiġġenera t-taxxa jew li jiddeterminaw jekk it-taxxa hijiex dovuta.
20 Madankollu, il-Gvern Portugiż jippreċiża li, taħt it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 17(5) ta' l-imsemmija direttiva, huwa possibbli li l-awtoritajiet nazzjonali jadottaw kriterju li jippermetti li tiġi ddeterminata l-portata ta' l-attività ta' l-impriża, filwaqt li tittieħed in kunsiderazzjoni l-varjazzjoni tal-produzzjoni jew il-valur tax-xogħlijiet li jkunu għadhom għaddejjin skond l-allokazzjoni reali tagħhom. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tqajjem il-possibbiltà ta' aġġustamenti sussegwenti, skond l-Artikolu 20 ta' l-istess direttiva.
L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
21 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, is-sistema ta' tnaqqis hija intiża sabiex tneħħi kompletament minn fuq il-kummerċjant il-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest ta' l-attivitajiet ekonomiċi tiegħu kollha. Is-sistema komuni tal-VAT tiggarantixxi, għaldaqstant, newtralità perfetta fir-rigward tal-piż fiskali ta' l-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet jew ir-riżultati tagħhom, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu, fil-prinċipju, huma stess suġġetti għall-VAT (sentenzi tat-8 ta' Ġunju 2000, Midland Bank, C-98/98, Ġabra p. I-4177, punt 19, u tat-22 ta' Frar 2001, Abbey National, C-408/98, Ġabra p. I-1361, punt 24).
22 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li António Jorge twettaq, fil-kuntest ta' l-attività ekonomika tagħha, prestazzjonijiet ta' servizzi li jikkorrispondu għal appalti ta' kostruzzjoni ċivili li, skond l-Artikoli 2(1) u 6 tas-Sitt Direttiva, huma suġġetti għall-VAT. Din il-kumpannija twettaq ukoll trasferimenti ta' proprjetà immobbli li huma suġġetti għall-VAT taħt l-Artikoli 2(1) u 5 ta' din id-direttiva iżda li huma eżentati minn din it-taxxa skond l-Artikolu 28(3)(b) u l-Anness F, punt 16, ta' l-istess direttiva.
23 Safejn mhumiex involuti transazzjonijiet inċidentali, imsemmija fit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 19(2) tas-Sitt Direttiva, li huma esklużi mill-kalkolu tal-proporzjon ta' tnaqqis previst fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 17(5) ta' l-istess direttiva, għandu jiġi ddeterminat liema transazzjonijiet għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kalkolu ta' dan il-proporzjon.
24 L-Artikolu 17(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li d-dritt għal tnaqqis jinħoloq fl-istess mument meta ssir dovuta t-taxxa li minnha jsir it-tnaqqis. L-Artikolu 10(2) ta' l-istess direttiva jipprovdi li dan ikun il-każ malli l-oġġetti jiġu kkunsinnati jew is-servizzi jingħataw (sentenza tat-8 ta' Ġunju 2000, Breitsohl, C-400/98, Ġabra p. I-4321, punt 36). Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 10(1)(b) tas-Sitt Direttiva jiddefinixxi l-mument meta tkun dovuta t-taxxa bħala "meta l-awtorità tat-taxxa ssir intitolata bil-liġi f’mument partikolari biex tiġbor it-taxxa mill-persuna suġġetta li tħallasha".
25 Minn dan isegwi li, fis-sistema tas-Sitt Direttiva, il-fatt li jiġġenera t-taxxa, il-mument meta tkun dovuta t-taxxa u l-possibbiltà ta' tnaqqis huma marbuta mat-twettiq effettiv tal-kunsinna jew tal-prestazzjoni ta' servizzi, ħlief fil-każijiet meta jsir ħlas akkont meta t-taxxa tkun dovuta fil-mument meta jkun riċevut il-ħlas. L-Artikolu 19(1) ma fih xejn li jeskludi l-applikazzjoni ta' din ir-regola ġenerali għall-kalkolu tal-proporzjon ta' tnaqqis u l-formulazzjoni ta' din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tagħti x'tifhem li din is-sistema fiha deroga fir-rigward tal-kunsiderazzjoni, fid-denominatur tal-frazzjoni li abbażi tagħha jkun ikkalkulat il-proporzjon, ta' transazzjonijiet li għadhom ma tlestewx minbarra dawk li jkunu taw lok għal ħlas ta' akkonti jew għat-tħejjija ta' rendikonti tax-xogħol.
26 F'dan id-dawl, ikun kontra din is-sistema jekk jiġi aċċettat li d-determinazzjoni tal-portata tat-tnaqqis tista' tieħu in kunsiderazzjoni transazzjonijiet li għadhom ma twettqux u li r-realizzazzjoni futura tagħhom tista' ma sseħħx, filwaqt li l-fatt li jiġġenera t-taxxa u, għaldaqstant, id-dritt għal tnaqqis, jiddependu mit-twettiq effettiv ta' transazzjoni. Issa, safejn xogħlijiet li jkunu għadhom għaddejjin ma kinux is-suġġett ta' fattura maħruġa mill-persuna taxxabbli jew ta' rendikonti tax-xogħlijiet u ta' l-ebda ħlas ta' akkonti, dawn ix-xogħlijiet ma jikkostitwixxux trasferimenti ta' proprjetà jew prestazzjonijiet ta' servizzi diġà mwettqa minn din il-persuna u lanqas ma jikkostitwixxu sitwazzjoni oħra li tammonta għal fatt li jiġġenera l-impożizzjoni tat-taxxa. Għaldaqstant, dawn ix-xogħlijiet m'għandhomx jiġu inklużi fid-denominatur tal-frazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(1) tas-Sitt Direttiva għall-kalkolu tal-proporzjon ta' tnaqqis.
27 Għaldaqstant, ir-risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 19(1) tas-Sitt Direttiva jipprekludi li fid-denominatur tal-frazzjoni li abbażi tagħha jkun ikkalkulat il-proporzjon ta' tnaqqis ikun inkluż il-valur tax-xogħlijiet li jkunu għadhom għaddejjin imwettqa minn persuna taxxabbli fl-eżerċizzju ta' attività ta' kostruzzjoni ċivili, meta dan il-valur ma jikkorrispondix għal trasferimenti ta' proprjetà jew għal prestazzjonijiet ta' servizzi li hija tkun diġà wettqet jew li jkunu taw lok għal ħlas ta' akkonti jew għat-tħejjija ta' rendikonti tax-xogħol.
Fuq l-ispejjeż
28 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) L-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima -, jipprekludi li fid-denominatur tal-frazzjoni li abbażi tagħha jkun ikkalkulat il-proporzjon ta' tnaqqis ikun inkluż il-valur tax-xogħlijiet li jkunu għadhom għaddejjin imwettqa minn persuna taxxabbli fl-eżerċizzju ta' attività ta' kostruzzjoni ċivili, meta dan il-valur ma jikkorrispondix għal trasferimenti ta' proprjetà jew għal prestazzjonijiet ta' servizzi li hija tkun diġà wettqet jew li jkunu taw lok għal ħlas ta' akkonti jew għat-tħejjija ta' rendikonti tax-xogħol.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.