Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0377

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-5 ta' Ottubru 2006.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju tal-Belġju.
    Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Riżorsi propji tal-Komunitajiet - Carnets TIR mhux approvati - Nuqqas ta' jew dewmien fil-ħlas ta' riżorsi proprji korrispondenti.
    Kawża C-377/03.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:638

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    5 ta’ Ottubru 2006 (*)

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Riżorsi propji tal-Komunitajiet – Carnets TIR mhux approvati – Nuqqas ta’ jew dewmien fil-ħlas ta’ riżorsi proprji korrispondenti”

    Fil-kawża C-377/03,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fid-9 ta’ Settembru 2003,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Wilms u C. Giolito, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn E. Dominkovits kif ukoll minn A. Goldman u M. Wimmer, bħala aġenti, assistiti minn B. van de Walle de Ghelcke, avocat,

    konvenut,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

    Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-4 ta’ Mejju 2005,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Jannar 2006,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi li:

    –       billi ma ħariġx regolarment ċerti dokumenti ta’ tranżitu (carnets TIR), b’konsegwenza li r-riżorsi proprji li jirriżultaw minn dan la kienu kkontabilizzati korrettament u lanqas ipprovduti lill-Kummissjoni fit-termini stabbiliti,

    –       billi ma kkommunikax lill-Kummissjoni l-ammonti doganali l-oħra kollha mhux ikkontestati li ngħataw trattament simili (reġistrazzjoni fil-"kotba B" minflok reġistrazzjoni fil-"kotba A") dwar in-nuqqas ta’ ħruġ tal-carnets TIR mid-dwana Belġjana sa mis-sena 1996,

    –       billi rrifjuta li jħallas l-imgħaxijiet ta’ dewmien relatati mas-sommom dovuti lill-Kummissjoni,

    ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 6, 9, 10 u 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1150/2000 (KE, EURATOM), tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi [proprji] tal-Komunitajiet (ĠU L 130, p. 1), li, sa mill-31 ta’ Mejju 2000, ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill Nru 1552/89 (KEE, Euratom), tad-29 ta’ Mejju 1989, li jimplementa d-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi [proprji] tal-Komunitajiet (ĠU L 155, p. 1), u li l-għan tiegħu huwa identiku.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-konvenzjoni TIR

    2       Il-Konvenzjoni doganali dwar it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti koperti b’[carnet] TIR (iktar ’il quddiem il-"Konvenzjoni TIR") ġiet iffirmata f’Ġinevra (L-Iżvizzera) fl-14 ta’ Novembru 1975. Ir-Renju tal-Belġju huwa parti kontraenti f’din il-Konvenzjoni, kif ukoll il-Komunità Ewropea li approvatha permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78, tal-25 ta’ Lulju 1978 (ĠU L 252, p. 1). L-imsemmija Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fil-Komunità fl-20 ta’ Ġunju 1983 (ĠU L 31, p. 13).

    3       Il-Konvenzjoni TIR tipprovdi, b’mod partikolari, li l-merkanziji li jinġarru skond il-proċedura TIR, stabbilita minnha, mhumiex suġġetti għall-ħlas jew għad-depożitu ta’ dazji u taxxi fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni fl-uffiċċji doganali ta’ tranżitu.

    4       Għall-implementazzjoni ta’ dawn il-faċilitajiet, il-Konvenzjoni TIR teżiġi li l-merkanziji jkunu akkumpanjati, fil-proċess kollu tat-trasport tagħhom, minn dokument standard, il-carnet TIR, li jservi sabiex tiġi kkontrollata r-regolarità ta’ l-operazzjoni. Hija teħtieġ ukoll li t-trasporti jseħħu taħt il-garanzija ta’ assoċjazzjonijiet approvati mill-partijiet kontraenti, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6 tagħha.

    5       L-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni TIR jipprovdi li:

    "Bla ħsara għal dawn il-kundizzjonijiet u garanziji kif għandha tistabbilixxi, kull Parti Kontraenti tista’ tawtorizza assoċjazzjonijiet biex joħorġu [Carnets] TIR, jew direttament jew permezz ta’ assoċjazzjonijiet korrespondenti, u biex jaġixxu bħala garanti."

    6       Il-carnet TIR huwa magħmul minn serje ta’ folji li jinkludu parti nru 1 u parti nru 2, bil-mammiet korrispondenti, li fuqhom ikun hemm l-informazzjoni kollha neċessarja. Jintużaw żewġ parijiet għal kull territorju li jgħaddu minnu. Fil-bidu ta’ l-operazzjoni ta’ trasport, il-mamma nru 1 għandha tiġi ppreżentata fl-uffiċċju doganali tat-tluq; l-approvazzjoni jsseħħ meta tingħata lura l-mamma nru 2 li tkun ġejja mill-uffiċċju doganali tal-ħruġ li jinsab fl-istess territorju doganali. Din il-proċedura tirrepeti ruħha għal kull territorju li jgħaddu minnu, billi jintużaw iż-żewġ partijiet differenti li jinsabu fl-istess carnet.

    7       Il-carnets TIR huma stampati u ddistribwiti mill-International Road Transport Union (Unjoni Internazzjonali tat-Trasport tat-Triq, iktar ’il quddiem l-"IRU"), stabbilita f’Ġinevra. Il-ħruġ tagħhom lill-utenti hija assigurata mill-assoċjazzjonijiet garanti ta’ kull Stat mogħtija s-setgħa għal dan il-għan mill-amministrazzjonijiet tal-partijiet kontraenti. Il-carnet TIR huwa maħruġ mill-assoċjazzjoni garanti tal-pajjiż tat-tluq, peress li l-garanzija mogħtija tkun koperta mill-IRU u minn grupp ta’ assiguraturi stabbilit fl-Iżvizzera (iktar ’il quddiem il-"grupp ta’ assiguraturi").

    8       L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni TIR jipprovdi hekk:

    "1. L-assoċjazzjoni [garanti] għandha tindaħal biex tħallas id-dazji u t-taxxi ta’ importazzjoni u esportazzjoni, flimkien ma kull imgħax li jkun baqa’, dovut skond il-liġijiet doganali u r-regolamenti tal-pajjiż li fih ġiet notata irregolarità f’konnessjoni ma’ operat TIR. Għandha tkun responsabbli, b’mod konġunt u wieħed wieħed mal-persuni li minnhom is-somom imsemmija fuq huma dovuti, għal ħlas ta’ dawn is-somom.

    2. F’każijiet fejn il-liġijiet u r-regolamenti ta’ Parti Kontraenti ma jipprovdux għal ħlas ta’ dazji u taxxi ta’ importazzjoni u esportazzjoni kif provdut f[il-]paragrafu 1 hawn fuq, l-assoċjazzjoni [garanti] għandha tindaħal biex tħallas, fuq l-istess kundizzjonijiet, somma ugwali għall-ammont ta’ dazji u taxxi ta’ importazzjoni jew esportazzjoni u kull imgħax [ta’ dewmien] li jkun baqa’.

    3. Kull Parti Kontraenti għandha tistabbilixxi s-somma massima għal kull [carnet] TIR, li tista’ tkun qed tisħaq għalih l-assoċjazzjoni [garanti] fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ paragrafi 1 u 2 hawn fuq.

    4. [Ir-responsabbiltà] ta’ l-assoċjazzjoni [garanti] lill-awtoritàjiet tal-pajjiż fejn l-uffiċċju doganali tal-ħruġ huwa lokat għandha tibda fil-ħin meta l-[carnet] TIR huwa [meħud] mill-uffiċċju doganali. Fil-pajjiżi sossegwenti li minnhom il-merkanzija hija trasportata skond il-proċedura TIR, din [ir-responsabbiltà] għandha tibda fil-ħin meta l-merkanzija hija importata […]

    5. [Ir-responsabbiltà] ta’ l-assoċjazzjoni [garanti] m’għandhiex tkopri biss il-merkanzija li hija enumerata fil-[carnet] TIR imma anki kull merkanzija li, għalkemm mhux enumerata fiha, tista’ tinstab fit-taqsima siġillata tal-vettura tat-triq jew fil-container siġillat. M’għandhiex testendi għal xi merkanzija oħra.

    6. Għall-għan li jiġu stabbiliti d-dazji u t-taxxi msemmija f’paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, il-partikolaritajiet tal-merkanzija kif imdaħħlin fil-[carnet] TIR għandhom, [fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja], jitqiesu korretti.

    7. Meta jsir dovut ħlas ta’ somom imsemmija f’paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritàjiet kompetenti għandhom safejn ikun possibbli je[ż]iġu ħlas mill-persuna jew persuni direttament responsabbli qabel ma [jressqu lment quddiem] l-assoċjazzjoni [garanti]."

    9       Skond l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni TIR:

    "1. Fejn [carnet] TIR ma jkunx [inħareġ] jew ikun [inħareġ] kundizzjonalment, l-awtoritàjiet kompetenti m’għandhomx ikollhom id-dritt li jippretendu l-ħlas tas-somom imsemmija fl-Artikolu 8 (1) u (2) mill-assoċjazzjoni [garanti] sakemm, fi żmien sena mid-data [tat-teħid] tal-[carnet] TIR minn dawk l-awtoritàjiet, [huma ma jkunux] għarrfu lill-assoċjazzjoni bil-miktub bin-nuqqas ta’ [rilaxx] jew [bir-rilaxx] kundizzjonali. L-istess dispo[ż]izzjoni għandha tapplika fejn iċ-ċertifikat ta’ tħassir ikun inkiseb [b]’manjiera [abbużiva] jew bi frodi, [u f’dan il-każ i]l-perijodu taż-żmien għandu jkun ta’ sentejn.

    2. [It-talba] għal ħlas tas-somom riferiti fl-Artikolu 8 (1) u (2) għandha ssir lill-assoċjazzjoni [garanti] l-aktar kmieni tliet xhur wara d-data li fiha l-assoċjazzjoni ġiet mgħarrfa li l-[carnet] [kien għadu ma ħariġx] jew li [kien inħareġ] kundizzjonalment jew li [r-rilaxx] ikun inkiseb [b]’manjiera [abbużiva] jew frawdolenti u l-aktar tard [sa] sentejn wara dik id-data. Madanakollu, f’każijiet li, matul il-perijodu msemmi hawn fuq ta’ sentejn, isiru s-suġġett ta’ proċedimenti legali, kull [talba] għal ħlas għand[ha] [s]sir fi żmien sena mid-data li fiha d-deċiżjoni tal-qorti ssir infurzabbli.

    3. L-assoċjazzjoni [garanti] għandu jkollha perijodu taż-żmien ta’ tliet xhur, mid-data meta [ssirilha talba] għal pagament [sabiex] fih jitħallsu l-ammonti mistennija. Is-somom imħ[allsa] għandhom jiġu [...] rimborsati lill-assoċjazzjoni jekk, fi żmien sentejn wara d-data li fiha tkun saret [it-talba] għall-ħlas, ikun ġie stabbilit għas-sodisfazzjoni ta’ l-awtoritàjiet doganali li l-ebda irregolarità ma ġiet kommessa f’konnessjoni ma’ l-operat tat-trasport imsemmi."

     Il-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja

    10     Skond l-Artikolu 451 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, p. 1, iktar ’il quddiem ir-"regolament ta’ applikazzjoni"), applikabbli sa mill-1 ta’ Jannar 1994:

    "1.      Meta, skond l-Artikoli 91(2)(b) u (ċ) u 163 (2) (b) tal-Kodiċi [Doganali Komunitarju], il-merkanzija hija ttrasportata minn punt fit-territorju doganali tal-Komunità għal ieħor:

    –       taħt il-proċedura għat-trasport internazzjonali ta’ merkanzija taħt kopertura ta’ carnets TIR (il-Konvenzjoni TIR),

    –       taħt kopertura ta’ carnets ATA (il-Konvenzjoni ATA),

    it-territorji doganali tal-Komunità għandh[om], għall-iskopijiet tar-regoli li jirregolaw l-użu tal-carnet TIR jew ATA għal dan it-trasport, jitqiesu li jiffurmaw territorju wieħed.

    [...]"

    11     Skond l-Artikolu 454 tar-regolament ta’ applikazzjoni:

    "1.      Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Konvenzjonijiet TIR u ATA li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ta’ l-assoċjazzjonijiet garanti meta jintuża [carnet] TIR jew ATA.

    2.      Meta jinstab li, matul jew in konnessjoni ma’ operazzjoni tat-trasport imwettqa taħt kopertura ta’ carnet TIR jew operazzjoni ta’ tran[ż]itu mwettqa taħt kopertura ta’ carnet ATA, ikun sar ksur jew irregolarità f’xi Stat Membru partikolari, l-irkupru tad-dazji u piżijiet oħrajn li jistgħu jkunu pagabbli għandu jsir minn dak l-Istat Membru skond id-disposizzjonijiet Komunitarji jew nazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-proċeduri kriminali.

    3.      Meta ma jkunx possibli li jkun iddeterminat it-territorju li fih ikunu saru il-ksur jew l-irregolarità, dan il-ksur jew irregolarità għandhom jitqiesu bħala li saru fl-Istat Membru fejn inkixfu sakemm fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 455(1), ma tiġix ippruvata li l-operazzjoni kienet regolari jew fejn il-ksur jew l-irregolarità ikunu ġew kommessi għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet doganali.

    […]"

    12     L-Artikolu 455(1) u ( 2) ta’ l-istess regolament jipprovdi:

    "1.      Meta jinstab li jkunu saru ksur jew irregolarità matul jew in konnessjoni ma’ operazzjoni ta’ trasport imwettqa taħt kopertura ta’ carnet TIR jew operazzjoni ta’ tran[ż]itu imwettqa taħt kopertura ta’ carnet ATA, l-awtoritajiet doganali għandhom jinnotifikaw lit-titolari tal-carnet TIR jew tal-carnet ATA u lill-assoċjazzjoni garanti fit-terminu preskritt fl-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni TIR jew l-Artikolu 6(4) tal-Konvenzjoni ATA, skond il-każ.

    2.      Il-Prova ta’ l-irregolarità fl-operazzjoni mwettqa taħt kopertura ta’ carnet TIR jew ta’ carnet ATA fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 454(3) għandha tingħata fit-terminu preskritt fl-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni TIR jew l-Artikolu 7(1) u (2) tal-Konvenzjoni ATA, skond il-każ."

    13     Mill-1 ta’ Jannar 1992 sal-31 ta’ Diċembru 1993, kienu applikabbli, minn naħa, l-Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 719/91, tal-21 ta’ Marzu 1991, dwar l-użu fil-Komunità ta’ carnets TIR u ta’ carnets ATA bħala dokumenti ta’ tranżitu (ĠU L 78, p. 6), li l-kliem tiegħu huwa essenzjalment identiku għal dak ta’ l-Artikolu 454(1) u (2) tar-regolament ta’ applikazzjoni, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1593/91, tat-12 ta’ Ġunju 1991, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 719/91 (ĠU L 148, p. 11), ifformulat bl-istess kliem bħall-Artikolu 455(1) u ( 2) tar-regolament ta’ applikazzjoni.

    14     L-Artikolu 457 tar-regolament ta’ applikazzjoni jipprovdi:

    "Għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 8(4) tal-Konvenzjoni TIR, meta kunsinna tidħol fit-territorju doganali tal-Komunità jew tibda minn uffiċju doganali tat-tluq li jkun jinsab fit-territorju doganali tal-Komunità, l-assoċjazzjoni garanti għandha ssir jew għandha tkun responsabbli lejn l-awtoritajiet doganali minn kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu tidħol il-kunsinna TIR, sal-punt li fih tħalli t-territorju doganali tal-Komunità jew sa l-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni f’dak it-territorju."

     Is-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Komunitajiet

    15     L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89, li jinsab taħt l-ewwel titolu intitolat "Dispożizzjonijiet Ġenerali", jgħid:

    "1. Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi kkonstatat dritt tal-Komunitajiet għar-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom hekk kif l-ammont dovut jiġi kkomunikat mis-servizz kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-debitur. Din il-komunikazzjoni għandha ssir malli d-debitur ikun magħruf u l-ammont tad-dazju jista’ jiġi kkalkulat mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti, b’ħarsien tad-dispożizzjonijiet Komunitarji kollha applikabbli f’dan il-qasam.

    […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    16     Din id-dispożizzjoni ġiet emendata, b’effett mill-14 ta’ Lulju 1996, mir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 1355/96, tat-8 ta’ Lulju 1996 (ĠU L 175, p. 3), u l-kontenut tagħha ġie użat fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1150/2000 li jipprovdi hekk:

    "1. Għall-iskop li jkun applikat dan ir-Regolament, [id-dritt] tal-Komunità għar-riżorsi proprji proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom għand[u] ikun stabbilit malli l-kondizzjonijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom [f]ir-regolamenti tad-dwana jkunu twettqu [għal dak li jirrigwarda] id-dħul [fil-kotba ta]l-kontijiet u [l-komunikazzjoni tiegħu lid-debitur].

    2. Id-data tat-twaqqif li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1 għand[ha] tkun id-data tad-dħul fil-kotba tal-kontijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom fir-regolament doganali […]"

    17     L-Artikolu 6(1) u (2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1552/89, li jinsab taħt it-Titolu II, intitolat "Kontabbiltà tar-riżorsi proprji" [li sar l-Artikolu 6(1) u (3)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1150/2000], jipprovdi li:

    "1.      Kontabbiltà tar-riżorsi proprji għandha tinżamm mit-Teżor ta’ kull Stat Membru jew mill-korp maħtur minn kull Stat Membru u tinqasam skond it-tipi ta’ riżorsi.

    2.      (a)   Drittijiet ikkonstatati skond l-Artikolu 2 għandhom, bla ħsara għall-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, jiġu rreġistrati fil-kotba tal-kontijiet [ġeneralment magħrufa bħala l-‘kontabbiltà A’] mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19 tat-tieni xahar ta’ wara dak li matulu jkun ġie kkonstatat id-dritt.

             (b)   Drittijiet ikkonstatati u li ma jkunux irreġistrati fil-kotba tal-kontijiet imsemmija fil-punt (a), għaliex ikunu għadhom ma ġewx irkuprati u l-ebda garanzija ma tkun ġiet ipprovduta għandhom jiġu rreġistrati, fit-terminu previst fil-punt (a), f’kotba tal-kontijiet separati [ġeneralment magħrufa bħala l-‘kontabbiltà B’. L-Istati Membri jistgħu jadottaw din il-proċedura meta d-drittijiet ikkonstatati u koperti mill-garanziji jkunu suġġetti għal kontestazzjonijiet u jkunu jistgħu jiġu mibdula wara li jitqajmu xi kontestazzjonijiet." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    18     L-Artikolu 9 tar-Regolamenti Nru 1552/89 u 1150/2000, li jinsab fit-Titolu intitolat "[It-tqegħid għad-dispożizzjoni] tar-riżorsi [proprji]", huwa fformulat kif ġej:

    "1. Skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10, kull Stat Membru għandu [jirreġistra] r-riżorsi […] proprji fil-kont miftuħ f’isem il-Kummissjoni mat-Teżor tiegħu jew mal-korp li jkun ħatar.

    Dan il-kont għandu jinżamm mingħajr ħlasijiet.

    2. L-ammonti [rreġistrati] għandhom ikunu kkonvertiti mill-Kummissjoni u [rreġistrati] fil-kontijiet tagħha […]."

    19     Skond il-kliem ta’ l-Artikolu 10(1) tar-Regolamenti Nri 1552/89 u 1150/2000 rispettivament, li jinsab fl-istess Titolu III:

    "Wara tnaqqis ta’ 10 % bħala spejjeż tal-ġbir bi qbil ma’ l-Artikolu 2(3) [tad-Deċiżjonijiet 88/376/KEE u 94/728/KE rispettivament], ir-reġistrazzjoni tar-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) [ta’ dawk id-Deċiżjonijiet] għandu jseħħ mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni [xahar] ta’ wara x-xahar li fih id-dritt kien ġie [kkonstatat] bi qbil ma’ l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

    B’danakollu, għal drittijiet murija fil-kontijiet [B] permezz ta’ l-Artikoli 6(2)(b) u 6(3)(b) rispettivament, [ir-reġistrazzjoni] għand[ha] [s]sir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara id-19-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li fih [id-drittijiet] ikunu irkuprati."

    20     Skond l-Artikolu 11 tar-Regolamenti Nri 1552/89 u 1150/2000, li jinsab ukoll fl-imsemmi Titolu III:

    "Kull dewmien biex is[s]ir [ir-reġistrazzjoni] fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jagħti bidu għal pagament ta’ imgħax mill-Istat Membru kkonċernat bir-rati ta’ l-imgħax applikabbli fis-suq monetarju ta’ dak l-Istat, fid-data li suppost ikun seħħ, għal operazzjonijiet ta’ żmien qasir ta’ finanzjament publiku, miżjud b’żewġ punti perċentwali. Din ir-rata għandha tkun miżjuda bi 0.25 ta’ punt perċentwali għall kull xahar ta’ dewmien. Ir-rata miżjuda għandha tkun applikata għal perijodu kollu tad-dewmien."

    21     L-Artikolu 17(1) u (2), ta’ dawn ir-regolamenti, li jaqgħu taħt it-Titolu VII intitolat "Dispożizzjonijiet rigward miżuri ta’ spezzjoni", jipprovdi:

    "1. Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-ammont korrispondenti ta[d-dritt ikkonstatat] permezz ta’ l-Artikolu 2 [jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-]Kummissjoni kif speċifikat f’dan ir-Regolament.

    2. Stati Membri għandhom ikunu ħielsa mill-obligi li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu mad-[dritt ikkonstatat biss] jekk, għal raġunijiet ta’ force majeure, dawn l-ammonti ma jkunux ġew miġbura. B’żieda, Stati Membri jistgħu jinjoraw din l-obligazzjoni biex jagħmlu ammonti bħal dawn disponibbli lill-Kummissjoni f’każijiet speċifiċi jekk, wara studju komplet taċ-ċirkustanzi relevanti kollha tal-każ individwali, jkun jidher li l-irkupru jkun impossibli għal żmien fit-tul minħabba raġunijiet li ma jkunux jistgħu jiġu attribwiti lilhom. [...]"

     Il-proċedura prekontenzjuża

    22     L-aġenti tal-Kummissjoni pproċedew għall-verifika tar-riżorsi proprji tradizzjonali fil-Belġju mit-18 sat-22 ta’ Novembru 1996 kif ukoll mill-1 sal-5 ta’ Diċembru 1997. Mir-rapporti relatati ma’ din il-verifika jirriżulta li, fil-kuntest tas-sistema ta’ tranżitu doganali, ġew irrilevati xi anomaliji fir-rigward tal-konstatazzjoni, tal-kontabbiltà u tad-disponibbiltà tar-riżorsi proprji, kif ukoll ta’ l-applikazzjoni tas-sistema TIR. Dawn l-anomaliji huma dovuti għal każijiet ta’ nuqqas jew dewmien fil-pagament tar-riżorsi proprji lill-Kummissjoni, minħabba l-inosservanza tar-regoli tal-kontabbiltà li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1552/89.

    23     Fir-rigward tal-verifika tas-sena 1996, l-anomaliji msemmija fir-rapport tal-verifika ġew issenjalati mill-ġdid mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Belġjani permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Mejju 1999. Għal dak li jikkonċerna l-verifika tas-sena 1997, il-Kummissjoni stabbiliet li l-awtoritajiet Belġjani ma kienu għamlu l-ebda reġistrazzjoni fil-kotba tal-kontijiet għal każijiet inklużi fit-tabelli 1 u 2 tar-rapport ta’ kontroll għal dak li jikkonċerna l-carnets TIR mhux approvati għall-ammonti stabbiliti, koperti mill-garanziji u mhux ikkontestati. L-ammonti in kwistjoni kienu ġew irreġistrati fil-kontabbiltà B wara l-kontroll tal-Kummissjoni, minħabba li l-assoċjazzjoni garanti kienet ikkontestat il-limitazzjonijiet li kienu ġew imposti fuqha.

    24     Meta jiġi kkunsidrat li l-imsemmija djun ma kinux ġew ikkontestati mid-debitur, il-Kummissjoni talbet, permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Frar 2000, li l-ammonti msemmija iktar ’il fuq jkunu rreġistrati fil-kontabbiltà A. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Belġjani ġew mitluba sabiex jagħtu, għall-perijodu li jmur mill-1 ta’ Jannar 1995 sa l-1 ta’ Diċembru 1997, rendikont tal-carnets TIR kollha mhux ivverifikati bil-partikolaritajiet dwar il-konstatazzjoni tagħhom u t-trattament tagħhom tal-kotba. Huma ġew mitluba wkoll li jirreġistraw ex officio kull ammont garantit u mhux ikkontestat fil-kontabbiltà A.

    25     Fir-risposta tagħhom tat-12 ta’ Frar 2001 dwar il-verifika tas-sena 1996, u f’dik tal-31 ta’ Mejju 2000, għal dak li jikkonċerna l-verifika tas-sena 1997, l-awtoritajiet Belġjani kkontestaw l-ilmenti tal-Kummissjoni.

    26     Peress li ma kinitx konvinta mill-argumenti ppreżentati mir-Renju tal-Belġju, fit-23 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru, li fiha hija spjegat mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha u stiednet lill-awtoritajiet Belġjani jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward. L-awtoritajiet Belġjani rrispondew permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Jannar 2002 fejn ikkontestaw mill-ġdid l-argumenti tal-Kummissjoni.

    27     Insodisfatta b’dik ir-risposta, fis-26 ta’ Ġunju 2002, din l-istituzzjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Renju tal-Belġju. Dan ta’ l-aħħar ġie mistieden jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn mill-irċevuta tagħha. L-awtoritajiet Belġjani wieġbu permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Settembru 2002, li fiha żammew l-istess pożizzjoni tagħhom.

    28     Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

     Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

     L-argumenti tal-partijiet

    29     Fl-ewwel lok, ir-Renju tal-Belġju jsostni li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka, argumenti bbażati fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1150/2000, huma stess ibbażati fuq ir-Regolament Nru 1552/89, kif emendat mir-Regolament Nru 1355/96, applikabbli sa mill-14 ta’ Lulju 1996. Argumenti bħal dawn ikunu inammissibbli, safejn ma jkunux ibbażati fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1552/89 fil-verżjoni inizjali tiegħu, li kienu applikabbli għall-fatti previsti f’dan il-każ partikolari, peress li t-talbiet għall-ħlas konnessi mal-carnets TIR kollha in kwistjoni kienu nħarġu qabel l-14 ta’ Lulju 1996.

    30     Fit-tieni lok, is-suġġett tar-rikors m’għadux jeżisti aktar, u għalhekk huwa inammissibbli, safejn jikkonċerna r-reġistrazzjoni tardiva ta’ l-ammonti fil-kontabbiltà B. Fil-fatt, dan seħħ minn meta l-Kummissjoni kkomunikat ir-rapport tagħha ta’ verifika, jiġifieri qabel ma bagħtet l-opinjoni motivata. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ reġistrazzjoni bħal din ma tistax aktar tkun is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    31     Għal dak li jikkonċerna l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjonijiet għall-kreazzjoni ta’ dritt tal-Komunitajiet fuq dejn doganali baqgħu l-istess qabel u wara l-kodifikazzjoni magħmula mir-Regolament Nru 1150/2000, peress li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1552/89, kif emendati mir-Regolament Nru 1355/96, ma jaffettwawx id-dispożizzjonijiet in kwistjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża. Dik il-pożizzjoni hija, min-naħa l-oħra, l-istess bħal dik tar-Renju tal-Belġju, li jaċċetta li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1150/2000 jipprovdi erba’ kundizzjonijiet identiċi għal dawk previsti fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89. L-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà huwa konsegwentement infondat.

    32     Fuq l-allegata inammissibbiltà parzjali tar-rikors għal dak li jirrigwarda r-reġistrazzjoni tardiva ta’ l-ammonti fil-kontabbiltà B, il-Kummissjoni tfakkar li għall-parti l-kbira tat-33 każ previst, l-awtoritajiet Belġjani ma kellhom xejn irreġistrat, la fil-kontabbiltà B u lanqas, a fortiori, fil-kontabbiltà A, fil-verifika mwettqa f’Novembru 1996. L-ammonti li m’hemmx qbil fuqhom ma ġewx inklużi fil-kontabbiltà B f’Diċembru 1997. Madankollu, peress li r-Renju tal-Belġju jirrifjuta li jikkomunika l-każijiet l-oħra simili, ma jkunx eskluż li jeżistu każijiet oħra fejn ma jkunx hemm reġistrazzjoni fil-kotba tal-kontijiet. Barra minn hekk, ir-reġistrazzjoni żbaljata fil-kontabbiltà B, minflok reġistrazzjoni fil-kontabbiltà A, ikollha l-effett ta’ reġistrazzjoni tardiva, b’mod li jkunu dovuti l-imgħaxijiet ta’ dewmien.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    33     Fir-rigward ta’ l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà, jeħtieġ li jingħad li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 226 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li kienet fis-seħħ meta skada t-terminu li l-Kummissjoni tat lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-opinjoni motivata tagħha (ara, b’mod partikolari, s-sentenzi ta’ l-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-61/94, Ġabra p. I-3989, punt 42; u tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-365/97, Ġabra p. I-7773, punt 32).

    34     Għalkemm it-talbiet li jinstabu fir-rikors ma jistgħux, fil-prinċipju, jiġu estiżi lilhinn minn nuqqasijiet allegati fid-dispożittiv ta’ l-opinjoni motivata kif ukoll fl-ittra ta’ intimazzjoni, il-fatt jibqa’ li, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżulta mill-verżjoni inizjali ta’ att komunitarju, li sussegwentement ikun ġie emendat jew imħassar, u li jkunu nżammu fih permezz tad-dispożizzjonijiet il-ġodda. Min-naħa l-oħra, is-suġġett tal-kontroversja ma jistax jiġi estiż għall-obbligi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ġodda li ma jsibux l-ekwivalenti tagħhom fil-verżjoni inizjali ta’ l-att ikkonċernat, taħt il-piena li jkun hemm ksur tal-forom sostanzjali tar-regolarità tal-proċedura li tistabbilixxi n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, ċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

    35     Konsegwentement, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi li r-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 6, 9, 10 u 11 tar-Regolament Nru 1150/2000.

    36     Fir-rigward tat-tieni argument ta’ inammissibbiltà, għandu jingħad li teżisti rabta inevitabbli bejn l-obbligu li jiġu stabbiliti r-riżorsi proprji Komunitarji, li jiġu rreġistrati fil-kotba tal-kontijiet tal-Kummissjoni fit-termini imposti u, fl-aħħar, li jiġu mħallsa l-imgħaxijiet ta’ dewmien (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-96/89, Ġabra p. I-2461, punt 38).

    37     Għalhekk, fil-każ li l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq kontabbilità żbaljata tad-dejn doganali u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tardiva tar-riżorsi proprji korrispondenti jkun fondat, ma jistax jiġi eskluż li l-konsegwenzi kollha tan-nuqqas ma jkunux ġew eliminati fl-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata, b’mod partikolari l-ħlas ta’ l-imgħaxijiet ta’ dewmien skond ir-Regolament Nru 1150/2000. Konsegwentement, hemm interess sabiex l-allegat nuqqas jiġi, jekk ikun il-każ, stabbilit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-104/02, Ġabra p. I-2689, punti 45 u 46).

    38     Minbarra dan, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 47 tas-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, l-inosservanza minn Stat Membru ta’ obbligu impost minn regola tad-dritt Komunitarju fiha nnifisha tikkostitwixxi nuqqas u l-kunsiderazzjoni li din l-innosservanza ma ġabitx magħha konsegwenzi negattivi hija irrilevanti, bħal kunsiderazzjoni li dan ma wassalx għal vantaġġi għall-Istat Membru in kwistjoni.

    39     Konsegwentement dan il-motiv ukoll għandu jiġi miċħud.

     Fuq il-mertu

     Fuq l-ewwel ilment ibbażat fuq irregolaritajiet li jaffettwaw it-trattament ta’ ċerti carnets TIR, b’mod li xi riżorsi proprji la ġew irreġistrati korrettement fil-kotba tal-kontijiet u lanqas tħallsu fit-termini stabbiliti

     L-argumenti tal-partijiet

    40     Il-Kummissjoni tallega li, meta saru l-verifiki fil-Belġju fix-xhur ta’ Novembru 1996 u ta’ Diċembru 1997, l-aġenti tal-Kummissjoni osservaw xi anomaliji fir-rigward tal-konstatazzjoni, tal-kontabbiltà u tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji, kif ukoll ta’ l-applikazzjoni tas-sistema tat-TIR, fir-rigward ta’ l-operazzjonijiet li kienu saru mill-uffiċċji tad-dwana Belġjani fis-snin 1992 sa 1994.

    41     Fir-rigward ta’ l-anomaliji stabbiliti fl-1996, minn 33 operazzjoni TIR mhux ivverifikati l-awtoritajiet Belġjani kienu pproċedew, f’20 każ, għar-reġistrazzjoni tad-drittijiet ikkonstatati fil-kontabbiltà B sena biss wara l-verifika mwettqa mill-aġenti tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, f’żewġ każijiet, id-dejn doganali kien ikun preskitt, peress li l-awtoritajiet doganali ma kinux għamlu l-komunikazzjonijiet meħtieġa fit-termini stabbiliti, jiġifieri, il-komunikazzjoni tan-nuqqas ta’ approvazzjoni tal-carnet TIR lill-assoċjazzjoni garanti u t-talba għall-ħlas lid-debitur u/jew lill-assoċjazzjoni garanti, rispettivament. Għal dak li jikkonċerna dawn iż-żewġ każijiet, il-ħlas ta’ ċertu ammont, flimkien ma’ l-imgħaxijiet ta’ dewmien, lill-Kummissjoni kien ġie aċċettat mill-awtoritajiet Belġjani, iżda ma kienx sar.

    42     F’każijiet oħra, filwaqt li l-carnets TIR, meħuda fl-1993, kienu koperti minn garanzija, l-awtoritajiet Belġjani kienu rreġistraw l-ammonti korrispondenti tagħhom fil-kontabbiltà A wara li skada t-terminu stabbilit fl-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolament Nru 1552/89 [li sar l-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament Nru 1150/2000], wara li kisbu l-ħlas ta’ l-ammonti msemmija mill-assoċjazzjoni garanti fix-xahar ta’ Awwissu 1999. Skond l-Artikoli 455 tar-regolament ta’ applikazzjoni u 11 tal-Konvenzjoni TIR, l-awtoritajiet Belġjani kellhom jistabbilixxu r-riżorsi proprji in kwistjoni l-aktar tard sa 15-il xahar wara t-teħid tal-carnets TIR u kellhom jirreġistrawhom fil-kontabbiltà A mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19 tat-tieni xahar ta’ wara dak li fih ikunu ġew kkonstatati d-drittijiet.

    43     Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna bosta carnets TIR ta’ ammont totali li jaqbeż BEF 156 miljun, garantiti wkoll u li ma kinux suġġett għal kontestazzjoni mid-debitur, l-awtoritajiet Belġjani allegatament ma rreġistrawx l-ammonti korrispondenti fil-kontabbiltà A, minħabba l-fatt li, wara l-miżuri restrittivi kontra l-assoċjazzjoni garanti, din kienet appellat. Fl-appell, hija kienet talbet lill-awtoritajiet Belġjani li jqarbu b’mod ġenerali l-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tal-kontabbiltà tal-carnets TIR mhux approvati skond il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza u li jirreġistraw ex officio kull ammont garantit u mhux ikkontestat fil-kontabbiltà A, u dan fit-termini previsti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

    44     Fil-verifika mwettqa fl-1997, l-aġenti tal-Kummissjoni kienu kkonstataw li l-awtoritajiet Belġjani ma kienu wettqu ebda reġistrazzjoni fil-kotba tal-kontijiet għall-każijiet inklużi fit-tabelli 1 u 2 tar-rapport imsemmi fih għal dak li jikkonċerna l-carnets TIR mhux approvati, għalkemm kienu ammonti stabbiliti, koperti mill-garanziji u mhux ikkontestati mid-debitur. Wara dik il-verifika, l-awtoritajiet Belġjani kienu rreġistraw l-imsemmija ammonti fil-kontabbiltà B fejn invokaw l-appell imressaq mill-assoċjazzjoni garanti kontra r-restrizzjonijiet li ġew imposti fuqha.

    45     Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tispeċifika li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, hija kkritikat lir-Renju tal-Belġju li kkonstatata d-drittijiet sena biss wara l-kontrolli mwettqa mill-Kummissjoni, filwaqt li l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru kienu konxji ta’ l-irregolaritajiet sew qabel l-imsemmija kontrolli; li ma rreġistrawx l-ammonti kkonċernati fil-kontabbiltà A, għalkemm kienu garantiti u mhux ikkontestati, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ reġistrazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament Nru 1150/2000; li ma ħallsux dawn l-ammonti lill-Kummissjoni skond l-Artikoli 9 u 10(1) ta’ l-istess regolament; li ma ħallsux l-ammont korrispondenti għal żewġ każijiet ta’ ksur rikonoxxuti mill-imsemmija awtoritajiet, u li ma ġietx mogħtija l-informazzjoni dwar każijiet oħra simili.

    46     Il-Kummissjoni tiċħad l-ispjegazzjonijet imressqa mill-gvern Belġjan sabiex jispjegaw l-anomaliji u d-dewmien ta’ reġistrazzjoni osservati fiż-żewġ verifiki in kwistjoni. Dan id-dewmien jeċċedi sew it-termini previsti fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1150/2000, kemm għar-reġistrazzjoni fil-kontabbiltà A, kif ukoll għal dik fil-kontabbiltà B. Ir-riżultat tad-dewmien ta’ reġistrazzjoni fil-kontabbiltà A huwa li r-riżorsi proprji kkonċernati jkun disponibbli tard u, minħabba dan il-fatt, ikunu dovuti imgħaxijiet ta’ dewmien.

    47     L-argumenti ta’ l-awtoritajiet Belġjani, li n-nuqqas ta’ terminu li fih għandha sseħħ il-kontestazzjoni tad-dejn doganali, kemm fid-dritt Komunitarju kif ukoll fid-dritt Belġjan, jiġġustifika l-possibbiltà li titressaq kontestazzjoni barra mit-terminu previst għall-kontabbiltà ta’ dak id-dejn mir-Regolament Nru 1150/2000, mhumiex aċċettabbli. Fil-fatt, raġunament bħal dan ikollu l-konsegwenza li jġib fix-xejn l-effett prattiku ta’ l-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament, li l-għan tiegħu huwa li jiġi assigurat l-funzjonament tajjeb tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet. Skond il-Kummissjoni, l-awtomatiżmu previst fl-Artikolu 11 ta' l-imsemmi regolament u relattiv għall-ħlas ta’ l-imgħaxijiet moratorji, japplika malli l-Istat Membru kkonċernat isostni li hemm dewmien fir-reġistrazzjoni fil-kotba tal-kontijiet.

    48     Min-naħa l-oħra, is-sempliċi nuqqas ta’ ħlas tad-drittijiet dovuti ma jkunux interpretati bħala "kontestazzjoni" skond l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000, peress li d-debitur seta' naqas milli jħallas id-dejn għal raġuni oħra bħal żball jew għax ikun nesa. L-awtoritajiet Belġjani min-naħa l-oħra ma pprovdew l-ebda element fejn urew li d-drittijiet ikkonstatati kienu s-suġġett ta’ kontestazzjonijiet b’mod li setgħu jwasslu għall-annullament tad-dejn.

    49     Fuq il-kwistjoni dwar jekk hemmx lok li jiġi kkunsidrat li d-dazji, li kienu suġġetti għal verifika fl-1997, huma koperti minn garanzija globali, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-garanziji kienu suffiċjenti, għall-inqas parzjalment, sabiex ikopru d-djun in kwistjoni. Ma ssir l-ebda distinzjoni skond il-kwalità tal-garanzija, b’mod li l-ammonti kkonċernati u koperti minn garanzija kellhom xorta jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà A u jiġu mħallsa lill-Kummissjoni fit-termini stabbiliti.

    50     Il-Kummissjoni tirrifjuta wkoll li tikkunsidra li s-sempliċi kontestazzjoni minn naħa ta’ l-assoċjazzjonijiet garanti tista’ tiġġustifika r-reġistrazzjoni tad-drittijiet in kwistjoni fil-kontabbiltà B. Għal dak li jikkonċerna l-każijiet TIR imsemmija fir-rapport marbut mal-verifika ta’ Novembru 1996, il-kundizzjonijiet enumerati fl-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000 ma kinux ġew sodisfatti peress li la kienu carnets TIR li għalihom l-awtoritajiet Belġjani fil-frattemp ħallsu d-drittijiet, u lanqas għal dawk li kienu dejjem irreġistrati fil-kontabbiltà B. Fir-rigward tal-każijiet TIR previsti mir-rapport relattiv għall-kontroll ta’ Diċembru 1997, l-istess japplika għal ċertu numru ta’ każijiet. F’dawn il-każijiet kollha, l-awtoritajiet Belġjani kellhom, skond l-Artikoli 455 tar-regolament ta’ applikazzjoni u 11 tal-Konvenzjoni TIR, jistabbilixxu r-riżorsi proprji in kwistjoni sa mhux aktar tard minn 15-il xahar (12 + 3) wara li jieħdu l-carnets TIR ikkonċernati u jirreġistrawhom fil-kontabbiltà A fit-termini stabbiliti, peress li dawn kienu l-ammonti koperti minn garanzija u mhux ikkontestati mid-debitur.

    51     Skond il-Kummissjoni, il-kontestazzjoni ta’ l-assoċjazzjoni garanti kienet, fl-ewwel lok, tikkonċerna t-teħid tar-responsabbiltà għad-djun u mhux il-validità ta’ dawn ta’ l-aħħar. Fi kwalunkwe każ, kontestazzjoni bħal din mhijiex deċiżiva f’dan il-każ partikolari, peress li hija seħħet wara d-data li fiha d-drittijiet in kwistjoni kellhom ikunu rreġistrati fil-kontabbiltà A u mqegħda għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

    52     Il-gvern Belġjan jillimita ruħu li jinvoka eventwalitajiet mingħajr ma jiżvela x’kienet ir-raġuni jew x’kienu r-raġunijiet tal-kontestazzjoni tal-krediti mill-assoċjazzjoni garanti b’mod li l-piż tal-prova ta’ l-imsemmija raġunijiet jaqa’ fuq l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru. Skond il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, f’ċerti każijiet, dik l-assoċjazzjoni kkontestat biss l-imsemmija krediti meta ressqet ir-rikors kontra ċ-ċitazzjoni maħruġa xi xhur, jew anki sena, wara li ntbagħtet in-notifika għall-ħlas. Madankollu, il-Kummissjoni tfakkar li l-ammonti koperti mill-garanzija TIR u mhux ikkontestati kellhom jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà A u għalhekk imħallsa lill-Kummissjoni sew qabel ma seħħet il-kanċellazzjoni tal-kuntratt ta’ riassigurazzjoni mill-grupp ta’ assiguraturi.

    53     Fir-rigward tal-krediti li jirriżultaw mill-każijiet eżaminati fil-verifika ta’ l-1996, il-Kummissjoni ssostni li, hija d-data li fiha l-proċedura TIR inbdiet u li fiha l-garanzija ġiet pprovduta, li hija determinanti. Peress li, fid-data li fiha dawk id-drittijiet kellhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, dawn il-każijiet ma kinux ġew suġġetti għal ebda kontestazzjoni, dawn l-ammonti kellhom jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà A. Il-fatt li l-imsemmija każijiet kellhom jiġu inklużi fil-proċedura ta’ arbitraġġ miftuħa mill-IRU kontra grupp ta’ ssiguraturi bl-ebda mod ma jbiddel il-karattru mhux ikkontestat ta’ dawn il-krediti fil-mument meta jkunu dovuti. Fir-rigward tal-krediti li jirriżultaw mill-każijiet eżaminati fil-verifika ta’ l-1997, il-ksur tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni mil-imsemmi grupp ma kienx invokat, fejn, għall-każijiet kollha in kwistjoni, kienet ġiet mogħtija garanzija fil-kuntest tas-sistema TIR u li l-ksur tal-kuntratt ta’ riassigurazzjoni ma poġġiex din il-garanzija fid-dubju.

    54     Ir-Regolament Nru 1150/2000 ma jagħmilx distinzjoni bejn il-garanziji "veri" u "mhux veri", "personali" jew "reali". L-Istati Membri jkunu liberi li jistabbilixxu x’tip ta’ garanziji huma jeħtieġu, l-unika kundizzjoni tkun li dik il-garanzija tkun effettiva u suffiċjenti, inkella jkun l-Istat Membru li jbati l-konsegwenzi u mhux il-Komunità.

    55     Il-Kummissjoni tispeċifika li r-reġistrazzjoni tar-riżorsi proprji skond l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1150/2000 hija inevitabilment marbuta mal-konstatazzjoni tagħhom, li ma tippresupponix li l-ammonti kkonċernati jkunu riċevuti, iżda sempliċement li jkunu ttieħdu in kunsiderazzjoni. L-obbligu li jiġu rreġistrati l-ammonti fil-kotba tal-kontijiet jeżisti anki jekk dawn l-Istati Membri ma rċevewx l-ammonti in kwistjoni.

    56     Il-Kummissjoni, fl-aħħar nett, issostni li l-awtoritajiet Belġjani jidhru li qed jallegaw li t-72 każ ikkonċernat kienu jammontaw għal każijiet ta’ frodi. Madankollu, l-informazzjoni li għandha hija biss fuq it-33 każ li kienu s-suġġett tar-rapport dwar il-kontroll tas-sena 1996. Hija kienet talbiet lill-awtoritajiet Belġjani, għall-każijiet l-oħra kollha simili, sabiex jagħtuha l-ammonti in kwistjoni. L-awtoritajiet Belġjani ma kinux taw l-informazzjoni kollha meħtieġa fil-verifika mwettqa u naqsu wkoll mill-obbligu tagħhom ta’ kooperazzjoni leali.

    57     L-awtoritajiet Belġjani sostnew ukoll li huma ma ridux jikkompromettu l-investigazzjoni kriminali rigward frodi permezz ta’ azzjoni għal irkupru. L-imsemmija awtoritajiet b’hekk fl-aħħar jippruvaw jiġġustifikaw, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni TIR, li għall-każijiet kollha, ser ikun applikabbli terminu estiż ta’ sentejn għal komunikazzjoni ta’ nuqqas ta’ verifika. Madankollu, għal 31 mit-33 każ ivverifikati, il-komunikazzjoni ta’ l-awtoritajiet Belġjani lil assoċjazzjoni garanti kienet diġà seħħet f’terminu ferm iqsar, li jmur minn jum sa xi ftit xhur. Minbarra dan, l-allegata xewqa li ma tiġix ikkontestata l-investigazzjoni kriminali ma tiġġustifikax inattività prolongata ta’ l-awtoritajiet Belġjani fir-rigward ta’ l-irkupru fir-rigward tat-titolari jew ta’ l-assoċjazzjoni garanti. It-terminu ta’ sentejn li għalih jirreferu l-awtoritajiet Belġjani japplika biss favur l-assoċjazzjoni garanti li tista’ tressaq il-prova ta’ regolarità tat-tranżazzjoni TIR f’terminu estiż bħal dan, filwaqt li fir-relazzjonijiet mad-debitur japplika t-terminu ta’ sena.

    58     Skond ir-Renju tal-Belġju, il-kawża preżenti bdiet minħabba l-kriżi strutturali li ffaċċat is-sistema ta’ trasport taħt il-kopertura tal-carnets TIR fis-snin 1995 sa 1997, minħabba l-fatt li l-grupp ta’ assiguraturi kien kiser, fl-aħħar tas-sena 1994, il-kuntratt tiegħu ta’ assigurazzjoni ma’ l-IRU u l-assoċjazzjonijiet garanti, u wara dik id-data kien irrifjuta li jħallas d-djun doganali li seħħew qabel l-aħħar tas-sena 1994. Dawk il-każijiet kollha kienu ġew inklużi fil-proċedura ta’ arbitraġġ miftuħa mill-IRU kontra grupp ta’ assiguraturi sabiex jinkiseb il-ħlas ta’ l-ammonti dovuti bil-mezz ġudizzjarju. F’madwar terz ta’ 3000 każ il-qorti ta’ arbitraġġ iddeċidiet favur dan l-imsemmi grupp, peress li dan ma kienx aktar responsabbli għall-ħlas tad-djun doganali li seħħew qabel it-tmiem ta’ l-1994. L-IRU ressqet appell.

    59     Għal dak li jikkonċerna l-carnets TIR mhux approvati meħuda mill-uffiċċji tad-dwana Belġjani, ma kienx ikun possibbli li jkun miksub ħlas volontarju mid-debitur u lanqas mill-assoċjazzjoni garanti, peress li din ta’ l-aħħar opponiet għal kull krediti li jirriżultaw minn carnet TIR. Peress li din is-sitwazzjoni tista’ tinkludi modifiki tal-valur tal-kreditu, reġistrazzjoni ta’ l-ammonti in kwistjoni fil-kontabbiltà B tkun konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja.

    60     Bl-eċċezzjoni ta’ żewġ carnets TIR li fir-rigward tagħhom ir-Renju tal-Belġju kien aċċetta li t-talba għal ħlas kienet waslet tard, il-Kummissjoni ma kinitx allegat li l-konstatazzjoni tal-kreditu ma kinitx saret skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89. Il-kundizzjonijiet neċessarji għal dik il-konstatazzjoni jkunu sodisfatti biss mid-data li fiha l-assoċjazzjoni garanti tiġi mitluba tħallas. Kuntrarjament għall-Kummissjoni, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni TIR, moqri flimkien mal-paragrafu 2 tiegħu, jistabbilixxi b’mod inekwivoku li l-Istat Membru għandu jressaq id-domanda tiegħu għall-ħlas lill-assoċjazzjoni garanti l-aktar tard sa tliet snin (1 + 2) wara l-aċċetazzjoni tal-carnet TIR, sakemm ma jkunx jirrigwarda, bħal f’dan il-każ partikolari, verifika miksuba b’mod frawdolenti jew b’mod irregolari li għaliha t-terminu massimu jkun ta’ 4 snin (2 + 2). Għall-carnets TIR kollha in kwistjoni, li ġew verifikati b’mod frawdolenti jew b’mod irregolari, il-konstatazzjoni tal-kreditu, imwettqa fit-terminu legali wara investigazzjonijiet twal sabiex jiġi stabbilit l-ammont u l-identità tal-persuni taxxabbli indispensabbli għall-imsemmija konstatazzjoni, kien seħħ f’mument fejn il-grupp antik ta’ assiguraturi ma assumiex aktar l-obbligi tiegħu.

    61     Il-gvern Belġjan huwa wkoll ta’ l-opinjoni, minn naħa, li għal reġistrazzjoni fil-kontabbiltà A mhuwiex biżżejjed li ssir garanzija, indipendentement mill-kwalità tagħha, u, min-naħa l-oħra, li reġistrazzjoni fil-kontabbiltà B hija possibbli anki jekk it-titolari tal-carnet TIR ma jikkontestax formalment id-dejn doganali.

    62     Safejn l-għan ta’ l-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament Nru 1552/89 ikun li jiġi evitat li l-Istat Membru jbati hu stess id-drittijiet mhux irkuprati jkollha ssir garanzija skond dik id-dispożizzjoni fit-terminu msemmi hemmhekk. Fi kwalunkwe każ, in-notifika ta’ l-irkupru kienet ġiet mibgħuta lill-assoċjazzjoni garanti qabel ix-xahar ta' Lulju 1996 u għall-carnets TIR kollha in kwistjoni, dan it-terminu għar-reġistrazzjoni ta’ l-ammont tad-dejn doganali fil-kotba tal-kontijiet tar-riżorsi proprji skada meta l-grupp ta’ assigraturi temm il-kuntratt ta’ riassigurazzjoni. Konsegwentement, it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ dawn l-ammonti fil-kontabbiltà B kienet debitament iġġustifikata sa l-irkupru effettiv tal-garanzija, jekk ikun hemm wieħed.

    63     Fi kwalunkwe każ, id-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni fil-kontabbiltà B li d-domanda għall-ħlas hija kkontestata mill-persuna direttament responsabbli jew mill-assoċjazzjoni garanti, mhijiex fondata. Minbarra dan, il-pożizzjoni ta’ dik l-istituzzjoni, li l-kontestazzjoni kellha ssir, bil-miktub, fit-terminu preskritt għar-reġistrazzjoni fil-kontabbiltà tar-riżorsi proprji (l-ewwel jum wara d-19 tat-tieni xahar wara dak tal-konstatazzjoni), tagħti interpretazzjoni ħażina tad-dritt Komunitarju u b’mod partikolari tar-Regolament Nru 1552/89 u l-Konvenzjoni TIR.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    64     Kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punti 49 sa 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ewwel ilment tar-rikorrenti tar-rikors jinqasam f’bosta partijiet. Fl-ewwel lok, irid jiġi stabbilit li l-awtoritajiet Belġjani naqqsu milli jipproċedu bin-notifiki preskritti għal dak li jikkonċerna d-djun doganali relatati mal-carnets TIR previsti minn din il-proċedura (ara punt 41 tas-sentenza preżenti) u, għalhekk, in-nuqqas mhux ikkontestat tar-Renju tal-Belġju għall-obbligi tiegħu skond ir-Regolament Nru 1150/2000. Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tistabbilixxi, fid-dawl tar-riżultati taż-żewġ kontrolli tar-riżorsi proprji mwettqa mill-Kummissjoni dwar operazzjonijiet oħra ta’ trasport ta’ merkanzija taħt kopertura ta’ carnets TIR meħuda fis-snin 1992 sa 1994, li r-Renju tal-Belġju, għall-inqas f’ċerti każijiet, minn naħa, kien tard fir-reġistrazzjoni fil-kotba tal-kontijiet tar-riżorsi proprji li jirriżultaw mill-carnets TIR mhux approvati regolarment u, min-naħa l-oħra, irreġistra l-imsemmija riżorsi proprji fil-kontabbiltà B minflok li inkludihom fil-kontabbiltà A, b’konsegwenza li r-riżorsi proprji ma tqegħdux għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni jew irreġistrawhom tard. F’dan ir-rigward, ġie stabbilit li l-ammonti tal-krediti relatati mal-carnets TIR meħuda fis-snin 1992 sa 1994, li ġew previsti minn dan ir-rikors, ġew inklużi fil-kontabbiltà B sena wara l-kontrolli magħmula fl-1996 u fl-1997.

    65     Qabel kollox, jeħtieġ li jingħad li, safejn il-gvern Belġjan jirrikonoxxi li ma pproċediex fit-termini preskritti bin-notifiki meħtieġa mil-leġiżlazzjoni doganali dwar djun relatati maż-żewġ carnets TIR previsti minn din il-proċedura, li kellu bħala konsegwenza l-preskrizzjoni tad-dejn doganali u, għalhekk, l-inosservanza ta’ l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1150/2000, din il-parti ta’ l-ewwel ilment hija fondata.

    –       Fuq il-kontabbiltà allegatament tard tad-drittijiet

    66     Skond l-Artikolu 454(2) tar-regolament ta’ applikazzjoni, jekk huwa stabbilit li, matul jew fl-okkażjoni ta’ trasport imwettaq taħt kopertura ta’ carnet TIR, ġie mwettaq ksur jew irregolarità fi Stat Membru partikolari, l-irkupru tad-dazji u ta’ taxxi eventwalment imposti jitkompla minn dan l-Istat Membru skond id-dispożizzjonijiet Komunitarji jew nazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali. F’dan il-każ, skond l-Artikolu 455(1) ta’ l-istess regolament, l-awtoritajiet doganali għandhom jinnotifikaw lit-titolari tal-carnet TIR u lill-assoċjazzjoni garanti, fit-terminu previst fl-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni TIR, jiġifieri f’terminu ta’ sena mid-data tat-teħid tal-carnet TIR minn dawn l-awtoritajiet f’każ ta’ nuqqas ta’ rilaxx. Dan it-terminu huwa estiż għal sentejn f’każ ta’ rilaxx miksub b’mod abbużiv jew frawdolenti.

    67     Skond l-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni TIR, it-talba għall-ħlas tkun indirizzata lill-assoċjazzjoni garanti l-aktar kmieni tliet xhur minn notifika tan-nuqqas ta’ rilaxx jew tar-rilaxx miksub b’mod abbużiv jew frawdolenti, u l-aktar tard sentejn minn dik l-istess data, ħlief għall-każijiet li huma mressqa quddiem il-qorti fit-terminu ta’ sentejn, imsemmi iktar ’il fuq, f’liema każ it-talba għall-ħlas tkun indirizzata f’terminu ta’ sena sa mid-data li fiha d-deċiżjoni ġudizzjarja tkun saret eżekutorja.

    68     Mill-qari flimkien tad-dispożizzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-domanda għall-ħlas tad-dejn doganali trid, f’każ ta’ nuqqas ta’ rilaxx, issir, bħala prinċipju, l-aktar tard tliet snin wara d-data tat-teħid tal-carnet TIR, terminu estiż għal erba’ snin f’każ ta’ rilaxx miksub b’mod frawdolenti.

    69     Madankollu, huwa importanti li jiġi ppreċiżat li peress li l-għan ta’ l-Artikolu 455(1) tar-regolament ta’ applikazzjoni huwa li tiġi assigurata applikazzjoni uniformi u diliġenti tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ rkupru tad-dejn doganali fl-interess tat-tqegħid għad-dispożizzjoni rapidu u effikaċi tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (ara, b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-460/01, Ġabra p. I-2613, punti 60, 63, 69 u 70), il-komunikazzjoni tal-ksur jew ta’ l-irregolarità trid, fi kwalunkwe każ, issir fl-aktar mod rapidu, jiġifieri malli l-awtoritajiet doganali jsiru jafu bl-imsemmi ksur jew irregolarità, għalhekk, u jekk ikun il-każ u bħal fil-każ in eżami, f’ta’ l-inqas 31 każ, ħafna qabel l-iskadenza tat-termini massimi rispettivi ta’ sena u, f’każ ta’ frodi, ta’ sentejn previsti fl-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni TIR.

    70     Għall-istess raġunijiet, it-talba għall-ħlas skond l-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni TIR trid tintbagħat malli l-awtoritajiet doganali jkunu f’pożizzjoni li jipproċedu, bħal f’dan il-każ partikolari, jekk ikun il-każ, u bħall-każ in eżami fil-parti l-kbira tal-każijiet dwar il-verifika tas-sena 1996, li dwarhom il-Kummissjoni għandha informazzjoni rilevanti, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ sentejn sa mill-komunikazzjoni tal-ksur jew ta’ l-irregolarità lill-partijiet interessati, jiġifieri fi Frar 1995.

    71     Safejn il-Kummissjoni ma tistabbilixxix inosservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni TIR u tar-regolament ta’ applikazzjoni, iżda ksur ta’ l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1150/2000 fir-rigward tal-kontabbiltà tar-riżorsi proprji, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk, fil-kontabbiltà ta’ l-ammonti in kwistjoni sena biss wara l-verifiki mwettqa mill-Kummissjoni fl-1996 u fl-1997, ir-Renju tal-Belġju interpretax l-imsemmija dispożizzjoni b’mod żbaljat.

    72     L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1150/2000 jgħid li l-Istati għandhom iżommu kontabbiltà ta’ l-imsemmija riżorsi proprji fit-Teżor Pubbliku jew f’korp maħtur minnhom. B’applikazzjoni tal-paragrafu 3(a) u (b) ta’ l-istess Artikolu, l-Istati Membri huma obbligati li jieħdu lura l-drittijiet "ikkonstatati skond l-Artikolu 2" ta’ l-istess regolament, l-aktar tard sa l-ewwel jum tax-xogħol wara d-19 tat-tieni xahar wara dak li fih id-dritt ġie kkonstatat, kemm fil-kontabbiltà A, kemm, meta ċerti kundizzjonijiet huma sodisfatti, fil-kontabbiltà B.

    73     Skond l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 1150/2000, id-dritt tal-Komunita[jiet] għar-riżorsi proprji għandu jkun "kkonstatat" malli l-kundizzjonijiet previsti mir-regolamenti tad-dwana jkunu twettqu rigward ir-"reġistrazzjoni" ta’ l-ammont tad-dazju u l-"komunikazzjoni" lid-debitur. Id-data tal-konstatazzjoni li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha tkun id-data tar-"reġistrazzjoni" fil-kotba tal-kontijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom fil-leġiżlazzjoni doganali.

    74     Fir-rigward tar-"reġistrazzjoni" u tal-"komunikazzjoni" ta’ l-ammont tad-dazju lid-debitur, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1150/2000 jirreferi għal-leġiżlazzjoni doganali, jiġifieri, għar-regolament ta’ applikazzjoni, għall-Konvenzjoni TIR u għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, iktar ’il quddiem il-"Kodiċi Doganali"). Għalhekk, it-talba għall-ħlas skond l-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni TIR għandha tiġi kkunsidrata bħala "komunikazzjoni" skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1150/2000.

    75     Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 59 tas-sentenza tal-15 ta' Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-392/02, Ġabra p. I-9811), mill-Artikoli 217, 218 u 221 tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li l-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, jiġu sodisfatti meta l-awtoritajiet doganali jkollhom id-dettalji neċessarji u, b’hekk ikunu f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont tad-dazju li jirriżulta minn dejn doganali u li jiddeterminaw min huwa d-debitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 71, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 80). L-Istati Membri ma jistgħux jeħilsu lilhom infushom mill-obbligu li jistabbilixxu l-krediti, anki jekk jikkontestawhom, inkella jkollu jiġi ammess li l-ekwilibriju finanzjarju tal-Komunitajiet jista’ jiġi mfixxkel bl-aġir ta’ Stat Membru (is-sentenza, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

    76     Konsegwentement, l-Istati Membri huma obbligati jikkonstataw dritt tal-Komunitajiet għar-riżorsi proprji malli l-awtoritajiet doganali tagħhom ikunu f’pożizzjoni li jakkalkolaw l-ammont tad-dazju li jirriżulta minn dejn doganali u li jiddeterminaw min huwa d-debitur (sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61), u, għaldaqstant, li jinkludu l-imsemmija drittijiet fil-kotba kontijiet skond l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1150/2000.

    77     F’dan il-każ partikolari, hemm qbil li l-awtoritajiet Belġjani rreġistraw id-dejn doganali fil-kotba tal-kontijiet sena biss wara l-verifiki mwettqa mill-Kummissjoni fl-1996 u fl-1997 u li t-talbiet għal ħlas relatat, li l-fatt li nbagħtu jippressupponi li l-awtoritajiet doganali Belġjani kienu f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont tad-dazju li jirriżulta mill-imsemmi dejn u li jiddeterminaw min kien id-debitur, ġew mibgħuta sew qabel l-imsemmija verifiki. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kontabbiltà, li kellha ssir fit-terminu previst fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1150/2000, f’dan il-każ partikolari minn meta ntbagħtu t-talbiet għall-ħlas, saret manifestament tard.

    –       Fuq l-allegata reġistrazzjoni żbaljata tad-drittijiet fil-kontabbiltà B

    78     Hekk kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 66 tas-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2005 (Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-392/02, Ġabra p. I- 9811), skond l-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament Nru 1552/89, l-Istati Membri huma obbligati li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex l-ammonti li jikkorrispondu għad-drittijiet ikkonstatati skond l-Artikolu 2 ta’ l-istess Regolament jitqegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. L-Istati Membri huma eżentati minn dan biss jekk l-irkupru ma jkunx seta’ jiġi effettwat għal raġunijiet ta’ force majeur jew meta jidher li huwa definittivament impossibbli li wieħed jipproċedi għall-irkupru għar-raġunijiet li ma jistgħux jiġu imputati lilhom.

    79     Fir-rigward tal-kontabbiltà tar-riżorsi proprji, l-Artikolu 6(3)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1150/2000 jgħid li l-Istati Membri huma obbligati li jirreġistraw fil-kontabbiltà A d-drittijiet ikkonstatati skond l-Artikolu 2, ta' l-istess regolament mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19 tat-tieni xahar wara dak li fih id-dritt jiġi kkonstatat, bla ħsara għall-possibbiltà li jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà B, fl-istess terminu, id-drittijiet ikkonstatati li jkunu għadhom "ma ġewx irkuprati u li l-ebda garanzija ma tkun ġiet ipprovduta" għalihom, kif ukoll id-drittijiet ikkonstatati u li għalihom "garanzija tkun ġiet ipprovduta [u] jkunu ġew [ikkontestati] u jistgħu, ma[r-riżoluzzjoni] tal-kwistjonijiet li jkunu qamu, jkunu suġġetti għal tibdil".

    80     Għal finijiet tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji, l-Artikolu 9(1), ta’ l-istess Regolament Nru 1150/2000 jgħid li kull Stat Membru għandu jirreġistra r-riżorsi proprji fil-kont miftuħ għal dan il-għan f’isem il-Kummissjoni, skond il-metodi ddefiniti fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament. Skond il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, wara tnaqqis ta’ l-ispejjeż ta’ ġbir, ir-reġistrazzjoni tar-riżorsi proprji għandha sseħħ mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar ta’ wara x-xahar li fih id-dritt kien ġie kkonstatat skond l-Artikolu 2 ta’ dan l-istess regolament, bl-eċċezzjoni tad-drittijiet irreġistrati fil-kontabbiltà B b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(3)(b) ta’ dan l-istess regolament li għalihom ir-reġistrazzjoni għandu jsir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li fih id-drittijiet jiġu "rkuprati".

    81     F’dan ir-rigward, il-gvern Belġjan isostni, minn naħa, li, fejn id-drittijiet previsti minn din il-proċedura jkunu "kkontestati" skond l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000, l-ammonti in kwistjoni jistgħu jkunu validament inklużi fil-kontabbiltà B.

    82     Ċertament, kif isostni ġustament l-gvern Belġjan, l-assoċjazzjonijiet garanti, li, skond l-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni TIR, huma marbuta in solidum mat-titolari tal-carnet TIR li jħallsu d-dazji dovuti, jistgħu, bħall-imsemmi titolari, iressqu kontestazzjoni li tirrigwarda d-drittijiet stess (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-prova tal-post ta’ l-irregolarità, is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, BGL, C-78/01, Ġabra p. I‑9543, punti 50 sa 53). Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li l-kwistjonijiet li jirreferi għalihom il-gvern Belġjan jirrigwardaw l-eżekuzzjoni tal-garanziji u mhux l-eżistenza jew l-ammont tal-krediti in kwistjoni. Madankollu, il-gvern Belġjan ma rnexxilux juri li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(3)(b), tar-Regolament Nru 1150/2000 huma kollha preżenti f’dan il-każ partikolari, jiġifieri li d-drittijiet in kwistjoni f’din il-proċedura ġew ikkontestati mill-imsemmija assoċjazzjonijiet fit-termini stabbiliti u jistgħu jkunu suġġetti għal varjazzjonijiet wara l-kwistjoni li jkunu tqajmu.

    83     Il-gvern Belġjan isostni, min-naħa l-oħra, li d-drittijiet in kwistjoni mhux irkuprati setgħu ġustament jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà B li effettivament għalkemm ma kinux koperti mill-garanziji skond l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000. Huwa jsostni li, kif jirriżulta mill-falliment tas-sistema tal-garanzija li fuqu hija bbażata s-sistema tat-tranżitu taħt il-kopertura ta’ carnet TIR sa mis-sena 1993, konsekuttiv għar-rifjut tal-grupp ta’ assiguraturi li jħallsu lura lill-assoċjazzjonijiet garanti Belġjani, l-imsemmija garanziji ma jirriżultawx realizzabbli minħabba l-insolvenza tal-garanti, b’mod li d-drittijiet in kwistjoni kellhom ikunu inklużi fil-kontabbiltà B bħala krediti mhux iggarantiti.

    84     Għandu jiġi rrilevat li d-drittijiet u l-obbligi ta’ l-assoċjazzjoni garanti prevista fil-kuntest tal-Konvenzjoni TIR huma t-tnejn rregolati mill-imsemmija Konvenzjoni, mid-dritt Komunitarju u mill-kuntratt ta’ garanzija, skond id-dritt Belġjan, li hija kkonkludiet mar-Renju Belġjan (sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, BGL, C-78/01, Ġabra p. I-9543, punt 45).

    85     Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 193 tal-Kodiċi Doganali, il-garanzija mitluba bil-għan li jiġi assigurat il-ħlas ta’ dejn doganali tista’ tiġi kkostitwita permezz ta’ garanti, u, skond l-Artikolu 195 ta’ l-istess Kodiċi, il-garanti għandu jintrabat bil-miktub li jħallas in solidum mad-debitur l-ammont iggarantit tad-dejn doganali li l-ħlas tiegħu jsir dovut.

    86     Fir-rigward b’mod iktar partikolari tat-trasport ta’ merkanzija taħt il-kopertura ta’ carnets TIR, li jinsab fl-Artikolu 91(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, mill-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni TIR jirriżulta li, permezz tal-garanzija, l-assoċjazzjonijiet garanti jintrabtu bl-istess mod li jħallsu d-dazji doganali dovuti mid-debituri u huma obbligati in solidum ma’ l-imsemmija debitur għall-ħlas ta’ l-imsemmija ammonti, anki jekk, skond il-paragrafu 7 ta’ l-istess artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, sakemm huwa possibbli, jitolbu direttament il-ħlas mingħand id-debitur qabel ma jippreżentaw talba quddiem l-assoċazzjoni garanti.

    87     F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkuntestat li l-garanzija mogħtija mill-assoċjazzjonijiet fil-kuntest ta’ tranżazzjoni TIR taqa’ taħt il-kunċett ta’ "garanti" għall-finijiet ta’ l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000.

    88     Għandu madankollu jiġi ppreċiżat li, skond l-Artikolu 8(3) tal-Konvenzjoni TIR, huma l-Istati Membri li għandhom jiffissaw l-ammont massimu, għal kull carnet TIR, tas-somom li jistgħu jiġu mitluba mill-assoċazzjoni garanti.

    89     Għaldaqstant, kif tammetti barra minn hekk il-Kummissjoni, id-drittijiet ikkonstatati fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet TIR għandhom prinċipalment jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà A u mqegħda għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1150/2000 sal-limitu tal-garanzija miftiehma fil-kuntest tas-sistemi TIR anki jekk, fejn ikun il-każ, l-ammont tad-dejn doganali jaqbeż l-imsemmi ammont

    90     Din l-interpretazzjoni hija konformi ma’ l-għanijiet ta’ l-implementazzjoni tal-kontabbiltà B li hija intiża, barra minn hekk, bħalma huwa indikat fil-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 1150/2000, li tippermetti lill-Kummissjoni li ssegwi aħjar l-azzjoni ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ l-irkupru tar-riżorsi proprji, li għandha tieħu in kunsiderazzjoni r-riskju finanzjarju li huma jkunu esposti għalihom.

    91     L-argumenti tal-Gvern Belġjan, li jgħidu li l-kriżi tas-sistemi TIR li wasslet għall-waqa’ tas-sistema ta’ garanzija, li fuqha hija bbażata din is-sistema, kellha bħala konsegwenza li, mill-bidu tas-sena ta’ l-1993, il-krediti kontenzjużi ma kinux fir-realtà iktar iggarantiti, b’tali mod li l-ammonti rispettivi kellhom jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà B, m’għandhomx jiġu milqugħa.

    92     Mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi vverifikat jekk is-sistema tal-garanzija implementata mill-Konvenzjoni TIR ma ħadmitx aktar korrettement fiż-żmien in kwistjoni, jidher li, kif sostniet il-Kummissjoni, id-deċiżjoni unilaterali ta’ l-awtoritajiet Belġjani li jinkludu l-imsemmija drittijiet fil-kontabbiltà B tikser l-obbligu li ta’ l-Istati Membri skond l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1150/2000 li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex iqegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji fil-kundizzjonijiet previsti minn dan ir-regolament.

    93     Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 17(1), jikkostitwixxi espressjoni speċifika tal-kundizzjonijiet ta’ kooperazzjoni leali li tirriżulta mill-Artikolu 10 KE, li jipprovdu li l-Istati Membri, minn naħa, għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni l-problemi li jiltqagħu magħhom fl-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (ara b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-499/99, Ġabra p. I-6031, punt 24) u, min-naħa l-oħra, mhumiex awtorizzati jistabbilixxu miżuri ta’ konservazzjoni nazzjonali kontra l-oġġezzjonijiet, ir-riżervi jew il-kundizzjonijiet li l-Kummissjoni tista’ tifformula (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 1981, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, 804/79, Ġabra p. 1045, punt 32). F’dan il-każ partikolari, hemm qbil li r-Renju tal-Belġju aġixxa b’mod unilaterali, mingħajr ma ssottometta l-problemi li ltaqa’ magħhom fl-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju lill-Kummissjoni, u dan anki wara li din għamlet xi oġġezzjonijiet.

    94     Dan l-obbligu huwa tant importanti li, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 54 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq, dħul insuffiċjenti ta’ riżors proprju għandu jiġi kkumpensat jew permezz ta’ riżors proprju ieħor, jew permezz ta’ rettifika ta’ l-infiq.

    95     Barra minn hekk, il-gvern Belġjan ma jistax jinvoka l-eżistenza ta’ każ ta’ force majeur skond l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000. Skond ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ "force majeur" għandu jinftiehem fis-sens ta’ ċirkustanzi esterni għal dak li jinvokahom, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux ikunu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 1987, Denkavit, 145/85, Ġabra p. 565, punt 11). Madankollu, permezz tad-deċiżjoni unilaterali li jirreġistra d-drittijiet in kwistjoni fil-kontabbiltà B mingħajr ma jissuġġetta l-problema lill-Kummissjoni u minkejja l-oġġezzjonijiet tagħha, ir-Renju tal-Belġju ma użax b’mod ċar id-dileġenza kollha sabiex jevita l-konsegwenzi allegati.

    96     L-irkupru tard u żbaljat ta’ drittijiet fil-kontabbiltà B għandu bħala konsegwenza r-reġistrazzjoni tard tar-riżorsi proprji relatati mal-kont tal-Kummissjoni, li, skond l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolment Nru 1150/2000, għandha ssir fl-istess terminu bħal dak previst għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ l-imsemmija drittijiet fil-kontabbiltà A skond l-Artikolu 6(3)(a) ta’ l-istess regolament.

    97     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, il-partijiet differenti ta’ l-ewwel ilment huma fondati.

     Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq nuqqas ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni ta’ ammonti oħra rreġistrati b’mod żbaljat fil-kontabbiltà B

    98     Jeħtieġ li jiġi stabbilit, minn naħa, li la fir-rikors introduttiv, u lanqas fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ma tispeċifikax il-kap tal-konklużjonijiet u, min-naħa l-oħra, li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni għandhom l-għan li jistabbilixxu n-nuqqas għall-Artikoli 6, 9, 10 u 11 biss tar-Regolament Nru 1150/2000.

    99     F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li t-tieni lment jiġi miċħud.

     Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq nuqqas ta’ ħlas ta’ imgħaxijiet ta’ dewmien relatati ma’ l-ammonti dovuti lill-Kummissjoni

     L-argumenti tal-partijiet

    100   Il-Kummissjoni ssostni li, peress li l-awtoritajiet Belġjani għadhom ma qegħdux għad-dispożizzjoni tagħha parti kbira ta’ l-ammonti dovuti u li dawn ġew imqegħda għad-dispożizzjoni tagħha tard, huma dovuti imgħaxijiet ta’ dewmien skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000. Skond il-Kummissjoni, l-imsemmija imgħaxijiet dovuti huma fuq l-ammont kollu kopert mill-garanzija, li kellu jkun rreġistrat fil-kontabbiltà A.

    101   Il-Gvern Belġjan isostni min-naħa l-oħra li, safejn, għal dak li jikkonċerna 66 carnets li huma s-suġġett tal-proċedura attwali, l-awtoritajiet Belġjani għad ma kellhomx il-possibbilità li jipproċedu għall-irkupru effettiv, it-terminu għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dawn d-drittijiet lill-Komunitajiet għadu ma bediex jiddekorri, b’mod li konsegwentement ma tqumx il-kwistjoni ta’ l-imgħaxijiet ta’ dewmien. Fir-rigward tad-dazji rkuprati fl-1999 wara l-ħlas mill-grupp ta’ assiguraturi, huma kienu tqegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fit-termini stabbiliti. Fit-tieni lok, il-Gvern Belġjan isostni li l-Kummissjoni kkalkulat b’mod żbaljat l-imsemmija imgħaxijiet ta’ dewmien, għar-raġuni li, fuq is-sitt carnets TIR in kwistjoni fejn il-garanzija ġiet eżegwita mill-imsemmi grupp fl-1999, l-Istat Belġjan fil-fatt ħallas aktar mill-ammont dovut, filwaqt li l-Kummissjoni tidher li tikkunsidra li l-ammont bażiku li jservi għall-kalkolu ta’ l-imgħaxijiet ta’ dewmien huwa l-ammont li l-Istat Belġjan ħallas u mhux l-ammont li kien dovut.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    102   Skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000, kull dewmien fir-reġistrazzjonijiet fil-kotba tal-kontijiet previst fl-Artikolu 9(1) ta’ l-istess regolament jagħti lok għall-ħlas, mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ imgħax ta’ dewmien applikabbli għall-perijodu kollu tad-dewmien. Dawk l-imgħaxijiet huma dovuti tkun xi tkun ir-raġuni għad-dewmien li bihom dawk ir-riżorsi tpoġġew fil-kont tal-Kummissjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91).

    103   Konsegwetement, in-nuqqas u d-dewmien fir-reġistrazzjoni tar-riżorsi proprji fil-kont tal-Kummissjoni li ġew stabbiliti fil-kuntest ta’ l-ewwel ilment jiftħu, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000, drittijiet għal imgħaxijiet ta’ dewmien li r-Renju tal-Belġju ma jikkontestax in-nuqqas ta’ ħlas tagħhom, b’mod li t-tielet ilment huwa fondat.

    104   Kif jirriżulta mill-fatt li, permezz tar-rikors preżenti, il-Kummissjoni ma tipprevedix li jiġi stabbilit nuqqas fir-rigward ta’ kull carnet TIR enumerat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u fin-nuqqas ta’ talba kwantifikata, m’hemmx lok li jiġi stabbilit għall-finijiet ta’ din il-proċedura l-ammont ta’ l-imgħax ta’ dewmien li huwa dovut.

    105   Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, jeħtieġ li jiġi konkluż li:

    –       billi naqas milli jikkontabilizza jew billi kkontabilizza tard ir-riżorsi proprji li jirriżultaw mill-carnets TIR mhux rilaxxati regolarment, billi rreġistrahom fil-kontabbiltà B minflok fil-kontabbiltà A, bil-konsegwenza li r-riżorsi proprji li jirriżultaw ma tqegħdux għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fit-termini stabbiliti,

    –       billi rrifjuta li jħallas l-imgħaxijiet ta’ dewmien relatati mas-sommom dovuti lill-Kummissjoni,

    ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 6, 9, 10 u 11 tar-Regolament Nru 1150/2000, li, sa mill-31 ta’ Mejju 2000, ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 1552/89, li l-għan tiegħu huwa identiku.

     Fuq l-ispejjeż

    106   Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju tal-Belġju tilef il-parti l-kbira tal-motivi tiegħu, hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

    1)      billi naqas milli jikkontabilizza jew billi kkontabilizza tard ir-riżorsi proprji li jirriżultaw mill-carnets TIR mhux rilaxxati regolarment, billi rreġistrahom fil-kontabbiltà B minflok fil-kontabbiltà A, bil-konsegwenza li r-riżorsi proprji li jirriżultaw ma tqegħdux għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fit-termini stabbiliti,

    billi rrifjuta li jħallas l-imgħaxijiet ta’ dewmien relatati mas-sommom dovuti lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej,

    ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 6, 9, 10 u 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1150/2000 (KE, EURATOM), tat-22 ta’ Mejju 2000 li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi [proprji] tal-Komunitajiet, li, sa mill-31 ta’ Mejju 2000, ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill Nru 1552/89 (KEE, Euratom), tad-29 ta’ Mejju 1989, li jimplementa d-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi [proprji] tal-Komunitajiet, li l-għan tiegħu huwa identiku.

    2)      Ir-rikors huwa miċħud fir-rigward tal-kumplament.

    3)      Ir-Renju tal-Belġju huwa ordnat ibati l-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top