Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0347

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-12 ta' Mejju 2005.
    Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia u Agenzia regionale per lo sviluppo rurale (ERSA) vs Ministero delle Politiche Agricole e Forestali.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale amministrativo regionale del Lazio - l-Italja.
    Relazzjonijiet esterni - Ftehim KE-Ungerija dwar il-protezzjoni reċiproka u l-kontroll tad-denominazzjonijiet ta' nbejjed - Protezzjoni fil-Komunità ta' denominazzjoni marbuta ma' ċerti nbejjed li joriġinaw mill-Ungerija - Indikazzjoni ġeografika 'Tokaj' - Skambju ta' ittri - Possibbiltà li jintuża t-terminu 'Tocai' fl-espressjoni 'Tocai friulano' jew 'Tocai italico' għad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' ċerti nbejjed Taljani, b'mod partikolari, inbejjed ta' kwalità prodotti f'reġjun speċifiku ('inbejjed ta' kwalità psr'), matul perijodu tranżitorju li jiskadi fil-31 ta' Marzu 2007 - Esklużjoni ta' din il-possibbiltà meta jintemm il-perijodu tranżitorju - Validità - Bażi legali - Artikolu 133 KE - Prinċipji ta' dritt internazzjonali relatati mat-Trattati - Artikoli 22 sa 24 tal-Ftehim TRIPS - Protezzjoni ta' drittijiet fundamentali - Dritt ta' proprjetà.
    Kawża C-347/03.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:285

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    12 ta’ Mejju 2005 (*)

    "Relazzjonijiet esterni – Ftehim KE-Ungerija dwar il-protezzjoni reċiproka u l-kontroll tad-denominazzjonijiet ta' nbejjed – Protezzjoni fil-Komunità ta' denominazzjoni marbuta ma' ċerti nbejjed li joriġinaw mill-Ungerija – Indikazzjoni ġeografika 'Tokaj' – Skambju ta' ittri – Possibbiltà li jintuża t-terminu 'Tocai' fl-espressjoni 'Tocai friulano' jew 'Tocai italico' għad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' ċerti nbejjed Taljani, b'mod partikolari, inbejjed ta' kwalità prodotti f'reġjun speċifiku ('inbejjed ta' kwalità psr'), matul perijodu tranżitorju li jiskadi fil-31 ta' Marzu 2007 – Esklużjoni ta' din il-possibbiltà meta jintemm il-perijodu tranżitorju – Validità – Bażi legali – Artikolu 133 KE – Prinċipji ta' dritt internazzjonali relatati mat-Trattati – Artikoli 22 sa 24 tal-Ftehim TRIPS – Protezzjoni ta' drittijiet fundamentali – Dritt ta' proprjetà"

    Fil-kawża C-347/03,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (L-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Ġunju 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Awwissu 2003, fil-proċedura

    Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia u Agenzia regionale per lo sviluppo rurale (ERSA)

    vs

    Ministero delle Politiche Agricole e Forestali,

    fil-preżenza ta':

    Regione Veneto,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta’ l-Awla, R. Silva de Lapuerta, R. Schintgen, G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-14 ta' Ottubru 2004,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –       għar-Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia u għall-Agenzia regionale per lo sviluppo rurale (ERSA), minn E. Bevilacqua u F. Capelli, avvocati,

    –       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato,

    –       għall-Gvern Ungeriż, minn J. Fazekas u M. Ficsor, bħala aġenti,

    –       għall-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, minn F. Ruggeri Laderchi u F. Florindo Gijón, bħala aġenti,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Righini u F. Dintilhac, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-validità u l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/724/KE, tat-23 ta' Novembru 1993, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Ungerija dwar il-protezzjoni reċiproka u l-kontroll tad-denominazzjonijiet ta' l-inbejjed (ĠU L 337, p. 93, aktar 'il quddiem il-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed") u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002, tad-29 ta' April 2002, li jistabbilixxi ċerti regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 rigward id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni ta’ l-oriġini, il-preżentazzjoni u l-protezzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur ta' l-inbid (ĠU L 118, p. 1).

    2       Din it-talba kienet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża mressqa mir-Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia (ir-Reġjun Awtonomu ta' Friuli-Venezia Giulia) u mill-Agenzia Regionale per lo Sviluppo Rurale (ERSA) (l-Aġenzija Reġjonali għall-Iżvilupp Rurali) (aktar 'il quddiem, flimkien, ir-"Reġjun u ERSA") kontra l-Ministero delle Politiche Agricole e Forestali (il-Ministru Taljan għall-Politika ta' l-Agrikoltura u l-Foresti).

    3       Dik il-kawża għandha bħala għan talba għall-annullament tad-Digriet Ministerjali, tas-26 ta' Settembru 2002, dwar kundizzjonijiet nazzjonali għall-użu, permezz ta' deroga mill-Artikolu 19(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 753/2002, ta' ismijiet tal-varjetajiet ta' dwieli u tas-sinonimi tagħhom li jinkludu indikazzjoni ġeografika, elenkati fl-Anness II ta' l-imsemmi regolament, li jistgħu jintużaw fl-ittikkettjar ta' [nbejjed ta' kwalità prodotti f'reġjun speċifiku] u [indikazzjonijiet ġeografiċi tipiċi] Taljani (GURI Nru 247, tal-21 ta' Ottubru 2002, p. 3, aktar 'il quddiem id-"Digriet tas-26 ta' Settembru 2002"), inkwantu jeskludi l-użu tat-terminu "Tocai" fl-espressjoni "Tocai friulano" jew is-sinonimu tagħha "Tocai italico" għad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' ċerti nbejjed Taljani, b'mod partikolari ta' nbejjed ta' kwalità prodotti f'reġjun speċifiku (aktar 'il quddiem l-"inbejjed ta' kwalità psr"), wara li jintemm perijodu tranżitorju li jiskadi fil-31 ta' Marzu 2007.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt internazzjonali

     Il-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati

    4       L-Artikolu 48(1) tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati tat-23 ta' Mejju 1969 jipprovdi li:

    "Stat jista' jinvoka żball fi trattat bħala li jivvizzja l-kunsens tiegħu li jkun marbut mit-trattat jekk l-iżball jikkonċerna fatt jew sitwazzjoni li dan l-Istat kien jissupponi li jeżistu fil-mument meta kien konkluż it-trattat u li kienu jikkostitwixxu bażi essenzjali għall-kunsens ta' dak l-Istat li jkun marbut mit-trattat." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    5       Skond l-Artikolu 59 ta' din l-istess konvenzjoni:

    "1.      Trattat għandu jitqies bħala li spiċċa meta l-partijiet kollha għal dan it-trattat sussegwentament jikkonkludu trattat li jikkonċerna l-istess suġġett u:

    a)       mit-trattat sussegwenti jirriżulta jew ikun stabbilit mod ieħor li skond l-intenzjoni tal-partijiet is-suġġett għandu jiġi rregolat minn dan it-trattat; jew

    b)       id-dispożizzjonijiet tat-trattat sussegwenti huma inkompatibbli ma' dawk tat-trattat preċedenti b'tali mod li jkun impossibbli li ż-żewġ trattati jkunu applikati fl-istess ħin.

    […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

    6       L-Artikolu 1 ta' l-Ewwel Protokoll li hemm mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950 (aktar 'il quddiem il-"KEDB"), jipprovdi li:

    "Kull persuna naturali jew persuna morali għandha dritt għat-tgawdija paċifika tal-possedimenti tagħha. Ħadd ma għandu jiġi pprivat mill-possedimenti tiegħu ħlief fl-interess pubbliku u bla ħsara tal-kundizzjonijiet provduti bil-liġi u bil-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali.

    Iżda d-dispożizzjonijiet ta’ qabel ma għandhom b’ebda mod inaqqsu d-dritt ta’ Stat li jwettaq dawk il-liġijiet li jidhrulu xierqa biex jikkontrolla l-użu ta’ proprjetà skond l-interess ġenerali jew biex jiżgura l-ħlas ta’ taxxi jew kontribuzzjonijiet oħra jew pieni."

     Id-dritt li jirriżulta mill-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

    7       Il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ (aktar 'il quddiem il-"Ftehim TRIPS"), li jinsab fl-Anness I C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (aktar 'il quddiem il-"Ftehim WTO"), kien approvat f'isem il-Komunità Ewropea, safejn għandhom x'jaqsmu l-oqsma li huma fil-kompetenza tagħha, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta' Diċembru 1994 (ĠU L 336, p. 1).

    8       L-Artikolu 1(2) tal-Ftehim TRIPS, intitolat "Natura u portata ta' l-obbligi", jipprovdi li:

    "Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, l-espressjoni "proprjetà intellettwali" tirreferi għas-setturi kollha tal-proprjetà intellettwali li huma s-suġġett tas-Sezzjonijiet 1 sa 7 tal-Parti II." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    9       L-Artikoli 22 sa 24 ta' dan il-ftehim jinsabu fis-Sezzjoni 3, dwar l-"Indikazzjonijiet Ġeografiċi", tal-Parti II tiegħu, li tikkonċerna n-"Normi dwar l-eżistenza, il-portata u l-eżerċizzju tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    10     Skond l-Artikolu 22 ta' l-imsemmi ftehim, intitolat "Protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi":

    "1.      Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, indikazzjonijiet ġeografiċi jfissru indikazzjonijiet li jservu sabiex jidentifikaw prodott bħala li joriġina mit-territorju ta' Membru, jew minn reġjun jew lokalità ta' dak it-territorju, f'dawk il-każijiet fejn kwalità, reputazzjoni jew karatteristika speċifika oħra tal-prodott tista' tkun attribwita essenzjalment għal din l-oriġini ġeografika.

    […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    11     L-Artikolu 23 tal-Ftehim TRIPS, intitolat "Protezzjoni addizzjonali ta' indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbejjed u għax-xorb alkoħoliku", jipprovdi li:

    "1.      Kull Membru għandu jipprovdi l-mezzi ġuridiċi sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jwaqqfu l-użu ta' indikazzjoni ġeografika li tidentifika nbejjed għal inbejjed li ma joriġinawx mill-post indikat mill-indikazzjoni ġeografika in kwistjoni, jew li tidentifika xorb alkoħoliku għal xorb alkoħoliku li ma joriġinax mill-post indikat mill-indikazzjoni in kwistjoni […].

    […]

    3.      Fil-każ ta' indikazzjonijiet ġeografiċi omonimi għall-inbejjed, għandha tingħata protezzjoni lil kull indikazzjoni […]. Kull Membru għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet prattiċi sabiex l-indikazzjoni omonimi in kwistjoni jkunu distinti minn xulxin, fid-dawl tal-bżonn li jkun assigurat trattament ekwu tal-produtturi kkonċernati u li jkun assigurat li l-konsumaturi ma jiġux żvijati.

    […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    12     L-Artikolu 24 ta' l-istess ftehim, intitolat "Negozjati internazzjonali; eċċezzjonijiet", jipprovdi li:

    "1.      Il-Membri jaqblu li jidħlu f'negozjati sabiex isaħħu l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi partikolari taħt l-Artikolu 23. […]

    […]

    3.      Meta jimplementa din is-Sezzjoni, Membru m'għandux inaqqas il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi li kienet teżisti f'dan il-Membru immedjatament qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim WTO.

    4.      L-ebda dispożizzjoni f'din is-Sezzjoni m'għandha teżiġi li Membru jwaqqaf użu kontinwu u simili ta' indikazzjoni ġeografika partikolari ta' Membru ieħor li tidentifika nbejjed jew xorb alkoħoliku, fir-rigward ta' prodotti jew servizzi, minn wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew minn xi persuna residenti fit-territorju tiegħu li użaw din l-indikazzjoni ġeografika b'mod kontinwu għal prodotti jew servizzi identiċi jew relatati fit-territorju ta' dan l-Istat jew (a) għal minn ta' l-anqas 10 snin qabel il-15 ta' April 1994, jew (b) in bona fede qabel din id-data.

    […]

    6.      […] L-ebda dispożizzjoni f'din is-Sezzjoni m'għandha teżiġi li Membru japplika d-dispożizzjonijiet ta' din is-Sezzjoni fir-rigward ta' indikazzjoni ġeografika ta' xi Membru ieħor għall-prodotti tad-dielja li l-indikazzjoni rilevanti tagħhom hija identika għall-isem tradizzjonali ta' varjetà ta' għenba li tkun teżisti fit-territorju ta' dan il-Membru fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim WTO.

    […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni KE-Ungerija

    13     Il-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika ta' l-Ungerija, min-naħa l-oħra, konkluż u approvat f'isem il-Komunità mid-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 93/742/Euratom, KEFA, KE, tat-13 ta' Diċembru 1993 (ĠU L 347, p. 1, aktar 'il quddiem il-"Ftehim ta' Assoċjazzjoni KE-Ungerija"), ġie ffirmat fis-16 ta' Diċembru 1991 fi Brussell u, skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 123 tiegħu, daħal fis-seħħ fl-1 ta' Frar 1994.

    14     Sakemm daħal fis-seħħ il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni KE-Ungerija, il-Ftehim Temporanju dwar il-kummerċ u l-miżuri relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u ta' l-Azzar, minn naħa, u r-Repubblika ta' l-Ungerija, min-naħa l-oħra, ġie konkluż u approvat f'isem il-Komunità mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/230/KEE, tal-25 ta' Frar 1992 (ĠU L 116, p. 1, aktar 'il quddiem il-"Ftehim temporanju KE-Ungerija"). Dan il-ftehim ġie ffirmat fis-16 ta' Diċembru 1991 fi Brussell u daħal fis-seħħ fil-25 ta' Frar 1992.

     Il-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed

    15     Il-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed, iffirmat fi Brussell fid-29 ta' Novembru 1993, kien konkluż u approvat f'isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni 93/724 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 1994.

    16     L-ewwel ċitazzjoni tad-Deċiżjoni 93/724 tipprovdi li:

    "wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu [133] tiegħu". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    17     L-ewwel u t-tielet premessi ta' din id-deċiżjoni jipprovdu kif ġej:

    "billi l-ftehim innegozjat bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' l-Ungerija dwar il-protezzjoni reċiproka u l-kontroll tad-denominazzjonijiet ta' nbejjed ser jippermetti li tkun miġġielda b'mod aktar effettiv il-kompetizzjoni inġusta fil-kummerċ, li tkun assigurata protezzjoni aħjar għall-konsumatur u li jkun inkoraġġut il-kummerċ fl-inbejjed bejn iż-żewġ partijiet kontraenti; billi, għaldaqstant, jaqbel li jiġi approvat dan il-Ftehim;

    […]

    billi, minħabba li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim huma direttament marbuta mal-miżuri rregolati mill-politika kummerċjali u mill-politika agrikola komuni, f'dan il-każ, mil-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-settur ta' l-inbid, huwa meħtieġ li l-ftehim jiġi konkluż fuq livell Komunitarju." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    18     Skond l-Artikolu 1 ta' l-imsemmija deċiżjoni:

    "Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' l-Ungerija dwar il-protezzjoni reċiproka u l-kontroll tad-denominazzjonijiet ta' nbejjed, kif ukoll il-Protokoll, l-iskambji ta' ittri u d-dikjarazzjonijiet relatati, huma approvati f'isem il-Komunità.

    It-testi ta' l-atti msemmija fl-ewwel paragrafu huma annessi ma' din id-Deċiżjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    19     L-ewwel ċitazzjoni tal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed tipprovdi li:

    "wara li kkunsidraw il-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika ta' l-Ungerija, iffirmat fi Brussell fis-16 ta' Diċembru 1991". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    20     L-Artikolu 1 tal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed jipprovdi li:

    "Il-partijiet kontraenti jintrabtu, fuq bażi ta' reċiproċità, sabiex jipproteġu u jikkontrollaw id-denominazzjonijiet ta' l-inbejjed li joriġinaw mill-Komunità u mill-Ungerija skond il-kundizzjonijiet previsti minn dan il-Ftehim." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    21     L-Artikolu 2(2) ta' dan il-ftehim jipprovdi li:

    "Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim u bla ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja espliċita:

    […]

    –      'indikazzjoni ġeografika' tfisser kull indikazzjoni, inkluża d-"denominazzjoni ta' l-oriġini", li hija rrikonoxxuta mil-liġijiet u mir-regolamenti ta' parti kontraenti għall-finijiet tad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' nbid li joriġina mit-territorju tagħha jew minn reġjun jew lokalità ta' l-imsemmi territorju, meta kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra ta' dan l-inbid tista' tkun attribwita essenzjalment għall-oriġini ġeografika tiegħu,

    […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    22     Skond l-Artikolu 4 ta' l-imsemmi ftehim:

    "1.      Id-denominazzjonijiet segwenti huma protetti:

    a)      fir-rigward ta' l-inbejjed li joriġinaw mill-Komunità:

    […]

    –       l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-espressjonijiet tradizzjonali elenkati fl-Anness.

    b)      fir-rigward ta' l-inbejjed li joriġinaw mill-Ungerija:

    […]

    –      l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-espressjonijiet tradizzjonali użati fil-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar l-inbid […] u elenkati fl-Anness.

    […]

    3.      Fil-Komunità, id-denominazzjonijiet Ungeriżi protetti:

    –      huma riżervati esklużivament għall-inbejjed li joriġinaw mill-Ungerija u li għalihom japplikaw dawn id-denominazzjonijiet

             u

    –      jistgħu jintużaw biss skond il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni u r-regolamenti Ungeriżi.

    […]

    5.      Fil-każ li indikazzjonijiet ġeografiċi jkunu omonimi jew identiċi:

    a)      meta żewġ indikazzjonijiet protetti taħt dan il-Ftehim ikunu omonimi jew identiċi, it-tnejn li huma għandhom ikunu protetti sakemm:

    –      l-isem ġeografiku in kwistjoni jkun użat b'mod tradizzjonali u kostanti sabiex jiddeskrivi u jippreżenta nbid prodott fiż-żona ġeografika li għaliha dan l-isem jirreferi,

    –      l-inbid ma jagħtix l-impressjoni żbaljata lill-konsumatur li huwa joriġina mit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra

    […]

    Jekk ikun il-każ, il-partijiet kontraenti għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet prattiċi sabiex issir distinzjoni bejn l-indikazzjonijiet omonimi jew identiċi, fid-dawl tal-bżonn li l-produtturi kkonċernati jkunu ttrattati b'mod ekwu u li l-konsumaturi ma jkunux żvijati." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    23     Fil-parti B ("Inbejjed li joriġinaw mir-Repubblika ta' l-Ungerija"), I ("Indikazzjonijiet ġeografiċi"), punt 3.4 ("Reġjun fejn jitkabbar l-għeneb Tokaj-Hegyalja") ta' l-Anness tal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed, intitolat "Lista tad-denominazzjonijiet protetti msemmija fl-Artikolu 4", jinsab, b'mod partikolari, l-isem "Tokaj". Il-parti A ("Inbejjed li joriġinaw mill-Komunità Ewropea") ta' dan l-anness ma ssemmi la d-denominazzjoni "Tocai friulano" u lanqas id-denominazzjoni "Tocai italico". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    24     L-iskambju ta' ittri dwar l-Artikolu 4 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' l-Ungerija dwar il-protezzjoni reċiproka u l-kontroll tad-denominazzjonijiet ta' nbejjed (ĠU L 337, 1993, p. 169, aktar 'il quddiem l-"iskambju ta' ittri dwar it-Tocai"), li jikkostitwixxi wieħed mill-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 93/724, daħal ukoll fis-seħħ fl-1 ta' April 1994.

    25     Wara li għamlu riferiment, b'mod partikolari, għall-Artikolu 4(3) tal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed, il-firmatarji ta' dawn l-ittri jikkonfermaw li:

    ""1)       Għal matul perijodu tranżitorju ta' tlettax-il sena mid-dħul fis-seħħ ta' l-imsemmi ftehim, l-applikazzjoni tiegħu m'għandhiex tipprekludi l-użu legali tat-terminu 'Tocai' għad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' ċerti nbejjed ta' kwalità psr Taljani skond il-kundizzjonijiet segwenti.

    Bla ħsara għal dispożizzjonijiet speċifiċi Komunitarji u, jekk ikun il-każ, dispożizzjonijiet nazzjonali aktar ristrettivi, dan l-inbid għandu jkun:

    –       miksub mill-varjetà ta' dielja 'Tocai friulano',

    –       prodott minn għeneb maħsud kollu fir-reġjuni Taljani tal-Veneto jew tal-Friuli,

    –       deskritt u ppreżentat biss bl-isem tal-varjetà 'Tocai friulano' jew bis-sinonimu tiegħu 'Tocai italico', biż-żewġ termini ta' dawn l-ismijiet ippreżentati flimkien mingħajr kliem bejniethom u f'karattri ta' l-istess tipa u ta' l-istess daqs f'linja waħda u b'mod separat mill-isem ta' l-unità ġeografika minn fejn oriġina l-inbid. Barra minn hekk, id-daqs tal-karattri użati għal dawn it-termini ma jistax ikun akbar minn dak tal-karattri li jindikaw l-isem ta' l-imsemmija unità ġeografika,

    –       ikkummerċjalizzat barra mit-territorju ta' l-Ungerija.

    […]

    4)      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 3, il-possibbiltà li jintuża t-terminu 'Tocai', b'konformità mal-kundizzjonijiet li jinsabu fil-punt 1, tintemm meta jiskadi l-perijodu tranżitorju msemmi fl-istess punt.

    […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    26     Skond id-Dikjarazzjoni Komuni dwar l-Artikolu 4(5) tal-Ftehim [KE-Ungerija dwar l-inbejjed] (ĠU L 337, 1993, p. 171, aktar 'il quddiem id-"Dikjarazzjoni Komuni dwar l-omonimità"), li hija wkoll waħda mill-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 93/724:

    "Fir-rigward ta' l-Artikolu 4(5)(a), il-partijiet kontraenti kkonstataw li fil-mument tan-negozjati huma ma kienu jafu bl-ebda każ speċifiku fejn id-dispożizzjonijiet msemmija setgħu jkunu applikati.

    […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur ta' l-inbid (aktar 'il quddiem l-"OKS ta' l-inbid")

     L-OKS ta' l-inbid fis-seħħ meta kien konkluż il-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed

    27     Skond l-Artikolu 63 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 822/87, tas-16 ta' Marzu 1987, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid (ĠU L 84, p. 1):

    "1.      Għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom fil-Komunità, l-inbejjed importati intiżi għall-konsum dirett mill-bniedem u deskritti permezz ta' indikazzjoni ġeografika jistgħu, suġġett għal reċiproċità, igawdu mill-kontroll u mill-protezzjoni previsti fl-[Artikolu 15 tar-Regolament Nru 823/87] għall-inbejjed ta' kwalità psr.

    2.      Id-dispożizzjoni tal-paragrafu 1 għandha tkun implementata permezz ta' ftehim, konklużi skond il-proċedura prevista fl-Artikolu [133 KE], mal-pajjiżi terzi interessati li jidħlu f'negozjati.

    3.      Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 83." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    28     Skond l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 823/87, tas-16 ta' Marzu 1987, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċjali rigward l-inbejjed ta' kwalità prodotti f'reġjuni speċifiċi (ĠU L 84, p. 59), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2043/89, tad-19 ta' Ġunju 1989 (ĠU L 202, p. 1, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 823/87"):

    "L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-lista ta' l-inbejjed ta' kwalità psr li huma jkunu rrikonoxxew filwaqt li jindikaw, għal kull wieħed minn dawn l-inbejjed ta' kwalità psr, ir-riferiment għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-produzzjoni u u l-manifattura ta' dawn l-inbejjed.

    Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-imsemmija lista fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    29     L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 823/87 jipprovdi li:

    "Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi lista tal-varjetajiet ta' dwieli adatti għall-produzzjoni ta' kull wieħed mill-inbejjed ta' kwalità psr prodotti fit-territorju tiegħu, varjetajiet […] li għandhom jappartjenu għall-kategoriji rrakkomandati jew awtorizzati, imsemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 822/87." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    30     Skond l-Artikolu 15(4) tar-Regolament Nru 823/87:

    "[…]

    Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet Komunitarji li jirrigwardaw speċifikament ċerti tipi ta' nbejjed ta' kwalità psr, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw [...] li l-isem ta' reġjun speċifiku jkun akkumpanjat minn preċiżazzjoni li tirrigwarda l-metodu ta' manifattura jew it-tip ta' prodott, jew mill-isem ta' varjetà ta' dielja jew is-sinonimu tiegħu.

    […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    31     L-espressjoni "Tocai friulano" tissemma fit-Titolu I ta' l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3800/81, tas-16 ta' Diċembru 1981, li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-varjetajiet tad-dielja (ĠU L 381, p. 1), b'mod partikolari fil-Parti V ta' l-ewwel sottotitolu tiegħu, bħala varjetà ta' dielja rrakkomandata jew awtorizzata f'ċerti provinċji Taljani.

    32     L-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2392/89, ta' l-24 ta' Lulju 1989, li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' l-inbejjed u tal-most ta' l-għeneb (ĠU L 232, p. 13) jipprovdi li:

    "L-isem ta' varjetà ta' dielja, imsemmija fl-Artikolu 11(2)(n), jista' jiġi indikat fuq it-tikketta sabiex jiddeskrivi nbid ta' kwalità psr biss jekk:

    a)      din il-varjetà tinsab fil-lista stabbilita mill-Istati Membri skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KEE) Nru 823/87 sabiex ikunu deskritti l-varjetajiet ta' għeneb adatti għall-produzzjoni ta' kull wieħed mill-inbejjed ta' kwalità psr prodotti fit-territorju tagħhom;

    b)      il-varjetà tissemma bl-isem li jinsab:

    –       fil-klassi tal-varjetajiet irrakkomandati jew awtorizzati tal-klassifikazzjoni tal-varjetajiet ta' dwieli għall-unità amministrattiva kkonċernata,

    –       jekk ikun il-każ, f'lista ta' sinonimi li għandha tkun adottata. Din il-lista tista' tipprovdi li sinonimu partikolari jkun jista' jintuża biss fid-deskrizzjoni ta' nbid ta' kwalità psr prodott fiż-żoni ta' produzzjoni li fihom dan l-użu huwa tradizzjonali u skond l-użanza;

    […]

    e)      l-isem ta' din il-varjetà ma joħloqx konfużjoni ma' l-isem ta' reġjun speċifiku jew ta' unità ġeografika użat għad-deskrizzjoni ta' nbid ta' kwalità psr ieħor jew ta' nbid importat." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    33     L-Artikolu 26(1) ta' dan l-istess regolament jipprovdi li:

    "Għall-inbejjed importati intiżi għall-konsum dirett mill-bniedem li jkunu deskritti permezz ta' indikazzjoni ġeografika u li jkunu jinsabu f'lista li għandha tkun adottata, id-deskrizzjoni fuq it-tikketta għandha tinkludi l-indikazzjoni:

    a)      ta' l-isem ta' unità ġeografika li tinsab fil-pajjiż terz ikkonċernat, skond il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 29;

    […]

    F'din il-lista jistgħu jissemmew biss l-inbejjed importati li, fir-rigward tagħhom, ikun irrikonoxxut li l-kundizzjonijiet li fihom ikun prodott kull wieħed minn dawn l-inbejjed huma ekwivalenti għal dawk li fihom ikun prodott inbid ta' kwalità psr jew inbid tal-mejda b'indikazzjoni ġeografika." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    34     L-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3201/90, tas-16 ta' Ottubru 1990, li jistabbilixxi regoli dettaljati għad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' l-inbejjed u tal-most ta' l-għeneb (ĠU L 309, p. 1), jipprovdi li:

    "Il-lista ta' nbejjed importati deskritti permezz ta' indikazzjoni ġeografika msemmija fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2392/89 tinsab fl-Anness II.

    L-ismijiet li jinsabu f'din il-lista għandhom ikunu indikati b'mod li jkunu distinti b'mod ċar minn indikazzjonijiet oħra fuq it-tikketta ta' l-inbid importat in kwistjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi msemmija fl-Artikolu 26(2)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 2392/89." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    35     L-inbejjed Ungeriżi bid-denominazzjonijiet "Tokaj" jew "Tokaji" jinsabu fil-punt 5 tat-Titolu 11 ta' l-Anness II tar-Regolament Nru 3201/90 li huwa intitolat "Lista […] ta' nbejjed importati deskritti permezz ta' indikazzjoni ġeografika". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    36     Skond l-Artikolu 12(1) ta' l-imsemmi regolament:

    "Il-lista tas-sinonomi ta' ismijiet ta' varjetajiet ta' dwieli li jistgħu jintużaw għad-deskrizzjoni ta' l-inbejjed tal-mejda u ta' l-inbejjed ta' kwalità psr skond l-Artikolu 5(1)(b) u skond l-Artikolu 14(1)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 2392/89 tinsab fl-Anness III." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    37     Fil-punt 5 ta' dan l-Anness III, li huwa intitolat "Lista […] ta' sinonimi ta' ismijiet ta' varjetajiet ta' dwieli li jistgħu jintużaw għad-deskrizzjoni ta' nbejjed tal-mejda u ta' l-inbejjed ta' kwalità psr", jissemmew il-varjetà "Tocai friulano" u s-sinonimu tagħha "Tocai italico". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     L-OKS ta' l-inbid fis-seħħ fid-data tal-kawża prinċipali

    38     Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999, tas-17 ta' Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid (ĠU L 179, p. 1) beda japplika mill-1 ta' Awwissu 2000.

    39     L-Artikolu 19(1) ta' dan ir-regolament jipprovdi li:

    "L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw il-varjetajiet tad-dwieli [intiżi] għall-produzzjoni ta' l-inbid. […]"

    40     Ir-regoli dwar id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni u l-preżentazzjoni ta' ċerti prodotti ta' l-inbid, kif ukoll dwar il-protezzjoni ta' ċerti indikazzjonijiet u espressjonijiet u ta' ċerti termini, jinsabu fl-Artikoli 47 sa 53 u fl-Annessi VII u VIII ta' l-imsemmi regolament.

    41     L-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1493/1999 jipprovdi li:

    "1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li jippermettu lill-partijiet interessati li jipprevj[e]nu, [f]il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 23 u 24 tal-Ftehim [TRIPS], l-użu fil-Komunità ta' l-indikazzjoni ġeografika marbuta mal-prodotti li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 1 (2) (b) għall-prodotti li ma joriġinawx mill-post indikat mill-indikazzjoni ġeografika f'dak il-każ […]

    2.      Għall-iskopijiet ta' dan l-Artikolu, "indikazzjonijiet ġeografiċi" għandha tittieħed li tfisser indikazzjonijiet li jidentifikaw li l-prodott joriġina fit-territorju ta' pajjiż terz li huwa Membru ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, jew f'reġjun jew f'lokalità f'dak it-territorju, f'każi meta ċerta kwalità, reputazzjoni jew xi karatteristika [speċifika] oħra tal-prodott tista' tkun attribwita essenzjalment għal dak il-post ġeografiku ta' l-oriġini.

    […]"

    42     Skond l-Artikolu 52(1) ta' l-istess regolament:

    "Jekk Stat Membru juża l-isem ta' reġjun speċifikat sabiex jidd[eskrivi] nbid ta' kwalità psr jew, fejn ikun xieraq, inbid intenzjonat għall-ipproċessar f'inbid ta' kwalità psr, dak l-isem ma jistax jintuża biex jidd[eskrivi] prodotti fis-settur ta' l-inbid mhux magħmula f'dak ir-reġjun u/jew prodotti mhux [deskritti] mill-isem bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-regoli relevanti Komunitarji u nazzjonali. […]

    Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet Komunitarji li jirrigwardaw tipi speċifiċi ta' nbid ta' kwalità psr, l-Istati Membri jistgħu, fil-każ ta' ċerti kundizzjonijiet ta' produzzjoni li huma għandhom jiddeterminaw, jawtorizzaw [li] l-isem ta' reġjun speċifikat [...] jiġi akkumpanjat b'dettalji li jirrigwardaw il-metodu tal-manifattura jew bit-tip [ta' prodott,] jew bl-isem ta' varjetà ta' dielja jew b'sinonimu ta' dan.

    […]"

    43     Mill-punti 1 u 2 tal-parti A ta' l-Anness VII tar-Regolament Nru 1493/1999 jirriżulta li t-tikkettar ta' l-inbejjed ta' kwalità psr u ta' nbejjed minn pajjiżi terzi għandu jinkludi ċerti dettalji obbligatorji fosthom id-denominazzjoni ta' bejgħ, li fir-rigward ta' l-inbejjed ta' kwalità psr, hija komposta, b'mod partikolari, mill-isem tar-reġjun speċifiku u, fir-rigward ta' l-inbejjed importati, mill-kelma 'inbid' li għandha tkun akkumpanjata, b'mod obbligatorju, mill-isem tal-pajjiż ta' l-oriġini, u, meta dawn l-inbejjed ikunu deskritti permezz ta' indikazzjoni ġeografika, mill-isem ta' l-unità ġeografika in kwistjoni.

    44     Il-punti 1 u 4 tal-parti B ta' l-istess anness jipprovdu li:

    "1.      L-ittikkettar tal-prodotti miksuba fil-Komunità jista' jkun issupplimentat bid-dettajli li ġejjin, skond il-kundizzjonijiet li għandhom ikunu ddeterminati:

    […]

    b)       fil-każ ta' l-inbejjed tal-mejda b'indikazzjoni ġeografiċi u l-inbejjed ta' kwalità psr:

    […]

    –       l-isem ta' waħda jew aktar mill-varjetajiet tad-dwieli,

    […]

    4.      L-Istati Membri tal-produzzjoni jistgħu je[ż]iġu li ċerti partikolaritajiet [imsemmija] fil-paragrafi 1 u 2 bħala obbligatorji, li jipprojbixxuhom jew li jirrestrinġu l-użu tagħhom fir-rigward ta' l-inbejjed prodotti fit-territorju tagħhom."

    45     L-Artikolu 54(4) tar-Regolament Nru 1493/1999 jipprovdi li:

    "L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-lista ta' l-inbejjed ta' kwalità psr li huma jkunu irrikonoxxew, [filwaqt li] għal kull wieħed minn dawn l-inbejjed ta' kwalità psr, [jindikaw] dettalji dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-produzzjoni u l-manifattura ta' dawk l-inbejjed ta' kwalità psr."

    46     Ir-Regolament Nru 1493/1999 ġie implementat mir-Regolament Nru 753/2002.

    47     L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 753/2002, intitolat "Indikazzjoni tal-varjetà tad-dwieli", jipprovdi li:

    "1.      L-ismijiet tal-varjetajiet tad-dwieli użati għall-produzzjoni ta’ l-inbid tal-mejda b’indikazzjoni ġeografika jew l-inbid [ta’ kwalità psr] jew is-sinonimi tagħhom jistgħu jingħataw fuq it-tikketta ta’ l-inbid ikkonċernat basta iżda li:

    […]

    (ċ)       l-isem tal-varjetà jew wieħed mis-sinonimi tiegħu ma jinkludix indikazzjoni ġeografika użata biex tiddeskrivi l-inbid [ta’ kwalità psr], l-inbid tal-mejda jew l-inbid importat elenkati fil-ftehim konklużi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi, u, meta huwa akkompanjat minn terminu ġeografiku ieħor, huwa mogħti fuq it-tikketta mingħajr dak it-terminu ġeografiku;

    […]

    2.      Bħala deroga mill paragrafu 1(ċ):

    (a)       l-isem tal-varjetà [ta' dielja] jew waħda mis-sinonimi tagħha li [j]inkludi l-indikazzjoni ġeografika [j]ista’ [j]intwera fuq it-tikketta ta’ l-inbid b’dik l-indikazzjoni ġeografika;

    (b)      l-ismijiet tal-varjet[ajiet] u s-sinonimi tagħhom elenkati fl-Anness II jistgħu jintużaw permezz tar-regoli nazzjonali u tal-Komunità fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    3.      L-Istati Membri kkonċernati għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, sa l-ewwel ta’ Ottubru 2002, bil-miżuri li hemm referenza dwarhom fil-punt (b) tal-paragrafu 2. Il-Kummisjoni għandha tieħu l-passi xierqa kollha sabiex tiżgura li dawn il-miżuri huma ppubblikati."

    48     Fl-Anness II ta' dan ir-regolament, intitolat "Il-lista tal-varjetajiet tad-dwieli u s-sinonimi tagħhom li jinkludu indikazzjoni ġeografika u li jistgħu jidhru fuq it-tikkettjar ta' l-inbejjed skond l-Artikolu 19(2)", tissemma b'mod partikolari, fir-rigward ta' l-Italja, l-espressjoni "Tocai Friulano, Tocai Italico". Skond nota fil-qiegħ tal-paġna dwar din l-espressjoni: "[l]-isem 'Tocai friulano' u s-sinonimu tiegħu 'Tocai italico' jistgħu jintużaw matul perijodu transitorju sal-31 ta' Marzu 2007."

    49     Dan l-anness ma kienx emendat fuq dan il-punt mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1429/2004, tad-9 ta' Awwissu 2004, li jemenda r-Regolament Nru 753/2002 (ĠU L 263, p. 11).

     Il-leġiżlazzjoni Taljana

    50     L-Artikolu 1(1) tad-Digriet tas-26 ta' Settembru 2002 jipprovdi li:

    "Il-kundizzjonijiet nazzjonali għall-użu, b'deroga mill-Artikolu 19(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 753/2002, ta' l-ismijiet tal-varjetajiet tad-dwieli u tas-sinonimi tagħhom li jinkludu indikazzjoni ġeografika u li jistgħu jkunu inklużi fuq it-tikketta ta' l-[inbejjed ta' kwalità psr] u ta' l-inbejjed Taljani b'indikazzjoni ġeografika tipika huma stabbiliti fl-Anness I, li jagħmel parti integrali minn dan id-Digriet, fejn huma elenkati l-ismijiet tal-varjetajiet tad-dwieli u s-sinonimi tagħhom li jirrigwardaw l-Italja u li jinsabu fl-Anness II ta' l-imsemmi Regolament (KE) Nru 753/2002."

    51     Fl-Anness I tad-Digriet tas-26 ta' Settembru 2002, taħt l-intestatura "Ismijiet ta' varjetajiet ta' dwieli jew tas-sinonimi tagħhom", tinsab, b'mod partikolari, l-espressjoni "Tocai friulano jew Tocai Italico" li għaliha tikkorrispondi, taħt l-intestatura "Portata tad-deroga (territorju amministrattiv u/jew [inbid ta' kwalità psr] speċifiku u/jew [inbejjed b'indikazzjoni ġeografika tipika]"), in-nota segwenti:

    "Għal ċerti [nbejjed ta' kwalità psr] tar-reġjuni Friuli-Venezia Giulia u Veneto għal perijodu tranżitorju li jintemm fil-31 ta' Marzu 2007, skond il-Ftehim bejn l-[Unjoni Ewropea] u r-Repubblika ta' l-Ungerija."

     Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    52     Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tosserva li r-Reġjun u ERSA qegħdin jikkritikaw l-inġustizzja li tirriżulta mill-fatt li, minn fost il-106 denominazzjoni ta' nbejjed li għalihom tapplika d-deroga mill-Artikolu 19(1)(ċ) tar-Regolament Nru 753/2002, huma biss dawk id-derogi previsti għat-Tocai friulano jew Tocai italico u għad-denominazzjoni Franċiża Tokay Pinot gris li huma limitati fiż-żmien.

    53     L-imsemmija qorti mbagħad tirreferi għall-argument tar-Reġjun u ta' ERSA intiż sabiex juri l-importanza mogħtija lill-oriġini storiċi tad-denominazzjoni Tocai friulano.

    54     Skondhom, din id-denominazzjoni tikkonċerna varjetà ta' għenba li hija indiġena għaż-żona tal-Collio goriziano (reġjun ta' Friuli-Venezia Giulia) li ilha titkabbar hemmhekk minn żminijiet antiki. Din l-għenba tintuża għall-produzzjoni ta' inbid abjad li mhux ħelu u li mhux adegwat sabiex jinħażen fit-tul.

    55     Il-qorti tar-rinviju tosserva li, fid-dawl ta' dawn l-argumenti, ir-Reġjun u ERSA sostnew il-motivi segwenti:

    –       abbuż ta' poter minħabba nuqqas ta' motivazzjoni u minħabba kontradizzjoni li tirriżulta mill-fatt li l-awtoritajiet Taljani talbu deroga mingħajr limitu fiż-żmien mingħand il-Kummissjoni iżda sussegwentament approvaw id-Digriet tas-26 ta' Settembru 2002 li jipprovdi għal deroga limitata fiż-żmien;

    –       abbuż ta' poter minħabba inġustizzja manifesta u minħabba ksur tal-prinċipju ta' rispett ugwali taċ-ċittadini Komunitarji li jirriżultaw mill-fatt li d-diskriminazzjoni li saret kontra l-produtturi Taljani hija kompletament inġusta;

    –       illegalità li tirriżulta indirettament mill-illegalità tal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed, peress li l-att, li jikkostitwixxi l-premessa tal-limitazzjoni illegali, jiġifieri l-imsemmi ftehim kif approvat mid-Deċiżjoni 93/724, huwa wkoll illegali inkwantu:

    –       iż-żewġ prodotti omonimi huma kompletament differenti, peress li l-inbid Ungeriż huwa nbid ħelu;

    –       iż-żewġ komunitajiet ilhom jużaw l-istess denominazzjoni minn żminijiet antiki ħafna;

    –       il-problema ta' omonimità tista' tissolva b'mod legali billi jiżdied l-isem tar-reġjun jew ta' l-għenba, ukoll abbażi tal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed u l-Ftehim ta' Madrid ta' l-1891;

    –       peress li r-Repubblika ta' l-Ungerija ser tissieħeb fil-Komunità Ewropea, il-Ftehim KE-Ungerija għandu jkun konformi, sabiex jibqa' validu, mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim WTO, b'mod partikolari fl-Artikoli 22 sa 24 tal-Ftehim TRIPS li jirregolaw l-indikazzjonijiet ġeografiċi li jagħtu indikazzjoni żbaljata;

    –       il-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed imur kontra l-prinċipji tad-dritt internazzjonli peress li l-limitazzjoni fiż-żmien ta' l-użu ta' din id-denominazzjoni tirriżulta minn skambju ta' ittri (jiġifieri l-iskambju ta' ittri dwar it-Tocai) u mhux mit-test ta' l-imsemmi ftehim, tikser il-prinċipju tar-regoli internazzjonali stabbiliti bi drawwa u hija bbażata fuq rappreżentazzjoni falza tar-realtà safejn hija kkonċernata l-omonimità in kwistjoni;

    –       ksur ta' l-Artikolu 1 tal-Protokoll li hemm mal-KEDB kif ukoll ta' l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea pproklamata fis-7 ta' Diċembru 2000 f'Nizza (ĠU C 364, 2000, p. 1, aktar 'il quddiem il-"Karta tad-Drittijiet Fundamentali") peress li minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-proprjetà intellettwali hija protetta, li ħadd ma jista' jkun ipprivat mill-proprjetà tiegħu jekk mhux fl-interess pubbliku, li l-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' kumpens ġust għandhom ikunu rispettati u li r-restrizzjoni tad-dritt ta' proprjetà għandha, f'kull każ, issir skond il-liġi.

    56     Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li, permezz tad-Digriet tas-26 ta' Settembru 2002, kull ma għamlu l-awtoritajiet nazzjonali kien li ttrasponew id-dispożizzjoni prevista mir-Regolament Nru 753/2002 u l-Anness II tiegħu li jillimitaw fiż-żmien l-użu tad-denominazzjoni "Tocai friulano" u li huma sempliċement ippreċiżaw li din il-limitazzjoni tirriżulta minn ftehim bejn il-Komunità u r-Repubblika ta' l-Ungerija.

    57     Għaldaqstant, skond din il-qorti, jidher evidenti li d-dannu invokat fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-impossibbiltà li tintuża d-denominazzjoni Tocai friulano jew Tocai italico wara l-31 ta' Marzu 2007, jirriżulta direttament minn żewġ sorsi ta' dritt Komunitarju, jiġifieri d-Deċiżjoni 93/724 u r-Regolament Nru 753/2002.

    58     F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio, peress li kkunsidra li r-risposta għal ċerti domandi ta' dritt Komunitarju kienet indispensabbli sabiex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali, iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    "1)      Il-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika ta' l-Ungerija, min-naħa l-oħra, konkluż fis-16 ta' Diċembru 1991 […], huwa bażi legali valida u suffiċjenti sabiex jagħti lill-Komunità Ewropea s-setgħa li tadotta l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' l-Ungerija dwar il-protezzjoni reċiproka tad-denominazzjonijiet ta' nbejjed, konkluż fid-29 ta' Novembru 1993 […]; din il-kwistjoni tqum ukoll fir-rigward tal-kliem użat fl-Artikolu 65(1) tad-Dikjarazzjoni Komuni Nru 13 u fl-Anness XIII (punti 3, 4 u 5) tal-Ftehim Ewropew ta' l-1991, li jikkonċerna l-possibbiltà li ssir riserva dwar is-sovranità u l-kompetenza ta' kull wieħed mill-Istati fil-qasam ta' denominazzjonijiet ġeografiċi nazzjonali għall-prodotti agrikoli ta' l-ikel tagħhom, inklużi l-prodotti ta' l-inbid u li, f'dan il-qasam, jeskludi kull trasferiment ta' sovranità u ta' kompetenza lill-Komunità Ewropea?

    2)      Hemm lok li l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' l-Ungerija dwar il-protezzjoni reċiproka tad-denominazzjonijiet ta' l-inbejjed […], li jorganizza l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ġeografiċi li jaqgħu fil-qasam tal-proprjetà industrijali u kummerċjali, jiġi ddikjarat null u inapplikabbli fis-sistema legali Komunitarja peress li l-imsemmi ftehim ma ġiex irratifikat mill-Istati Membri tal-Komunità Ewropea individwalment fid-dawl, b'mod partikolari, ta' l-Opinjoni 1/94 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej dwar il-kompetenza esklużiva tal-KE?

    3)      Fil-każ li l-Ftehim Komunitarju ta' l-1993 […] jitqies bħala legali u applikabbli fl-intier tiegħu, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-projbizzjoni li tintuża d-denominazzjoni 'Tocai' fl-Italja wara l-2007, li tirriżulta mill-iskambju ta' ittri bejn il-partijiet fl-okkażjoni tal-konklużjoni ta' l-imsemmi ftehim (u annessi miegħu), hija nulla u inapplikabbli peress li tmur kontra s-sistema ta' denominazzjonijiet omonimi prevista minn dan l-istess ftehim ta' l-1993 (ara l-Artikolu 4(5) u l-Protokoll anness mal-Ftehim)?

    4)      Hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-tieni Dikjarazzjoni Komuni annessa mal-ftehim ta' l-1993 […], li tipprovdi li l-partijiet kontraenti, fil-mument tan-negozjati, ma kellhomx għarfien dwar l-eżistenza ta' denominazzjonijiet omonimi ta' nbejjed Ewropej u Ungeriżi, tammonta għal rappreżentazzjoni manifestament żbaljata tar-realtà (peress li d-denominazzjonijiet Taljani u Ungeriżi għall-inbejjed 'Tocai' kienu ilhom jeżistu fl-istess ħin għal diversi sekli, kienu ġew irrikonoxxuti uffiċjalment fl-1948 fi ftehim konkluż bejn ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika ta' l-Ungeriża u kienu riċentament ġew imsemmija fil-leġiżlazzjoni Komunitarja) li twassal għan-nullità tal-parti tal-ftehim ta' l-1993 li minnha tirriżulta l-projbizzjoni li d-denominazzjoni Tocai tintuża fl-Italja, u dan skond l-Artikolu 48 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati?

    5)      Fid-dawl ta' l-Artikolu 59 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, hemm lok li l-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ [il-Ftehim TRIPS] […], konkluż fil-kuntest ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1996, jiġifieri wara li daħal fis-seħħ il-ftehim Komunitarju ta' l-1993 […], jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar id-denominazzjonijiet omonimi ta' nbejjed japplikaw minflok dawk tal-ftehim Komunitarju ta' l-1993 fil-każ ta' inkompatibbiltà bejn l-imsemmija dispożizzjonijiet, peress li l-istess partijiet huma l-firmatarji taż-żewġ ftehim?

    6)      Fil-preżenza ta' żewġ denominazzjonijiet omonimi għal inbejjed prodotti f'żewġ pajjiżi li huma partijiet fil-[Ftehim] TRIPS (kemm jekk l-omonimità tikkonċerna żewġ denominazzjonijiet ġeografiċi użati fiż-żewġ pajjiżi li huma partijiet fil-Ftehim u kemm jekk din tikkonċerna denominazzjoni ġeografika ta' pajjiż kontraenti u denominazzjoni omonima li tikkonċerna varjetà ta' għenba tradizzjonalment imkabbra fil-pajjiż kontraenti l-ieħor), hemm lok li l-Artikoli 22 sa 24, li jinsabu [fis-Sezzjoni 3 tal-Parti II ta' l-Anness 1 C] tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, jiġifieri l-[Ftehim] TRIPS […], li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1996, jiġu interpretati fis-sens li dawn iż-żewġ denominazzjonijiet jistgħu jkomplu jintużaw fil-futur sakemm kienu użati fil-passat mill-produtturi rispettivi jew in bona fede jew matul mill-anqas għaxar snin qabel il-15 ta' April 1994 (Artikolu 24(4) tal-[Ftehim] TRIPS) u sakemm kull denominazzjoni tindika b'mod ċar il-pajjiż jew ir-reġjun jew iż-żona ta' oriġini ta' l-inbid protett b'tali mod li l-konsumatur ma jkunx żvijat?

    7)      Id-dritt ta' proprjetà msemmi fl-Artikolu 1 ta' l-Ewwel Protokoll li hemm mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali […] u adottat fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, ipproklamata f'Nizza fis-7 ta' [Diċembru] 2000, ikopri wkoll il-proprjetà intellettwali fir-rigward tad-denominazzjonijiet ta' oriġini ta' l-inbejjed u l-eżerċizzju ta' dan id-dritt u, għaldaqstant, il-protezzjoni ta' dan id-dritt tipprekludi l-applikazzjoni ta' l-elementi previsti fl-iskambju ta' ittri anness mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' l-Ungerija dwar il-protezzjoni reċiproka u l-kontroll tad-denominazzjonijiet ta' nbejjed […], iżda li mhumiex irrepetuti fit-test ta' dan il-ftehim, li jipprovdu li l-produtturi ta' l-inbid tal-Friuli ma jistgħux jużaw id-denominazzjoni 'Tocai friulano', fid-dawl, b'mod partikolari, tan-nuqqas ta' kull forma ta' kumpens favur dawn il-produtturi tal-Friuli li sofrew l-esproprjazzjoni tad-dritt ta' proprjetà tagħhom, fin-nuqqas ta' interess ġenerali li jiġġustifika l-esproprjazzjoni u tan-nuqqas ta' osservanza tal-prinċipju ta' proporzjonalità?

    8)      Jekk ikun ikkonstatat li, safejn indikat fid-domandi preċedenti, ir-regoli Komunitarji li jinsabu fil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' l-Ungerija dwar il-protezzjoni reċiproka tad-denominazzjoni ta' nbejjed […] u/jew fl-iskambju ta' ittri anness miegħu, huma illegali, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament […] Nru 753/2002 […], li jwaqqfu l-użu tad-denominazzjoni 'Tocai friulano' wara l-31 ta' Marzu 2007 (Artikolu 19(2)), huma nulli jew minn ta' l-anqas inapplikabbli?"

    59     Permezz ta' talba tal-11 ta' Marzu 2005, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta' Marzu ta' wara, ir-Reġjun u ERSA talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippermetti lill-partijiet kollha involuti f'din il-kawża jippreżentaw osservazzjonijiet fuq ċerti fatti ġodda msemmija f'din it-talba qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti s-sentenza tagħha. Dawn il-fatti ġodda kienu jikkonċernaw il-konklużjoni imminenti mill-Komunità ta' ftehim ġodda ma' l-Awstralja u ma' l-Istati Uniti li, skond l-Artikolu 24(6) tal-Ftehim TRIPS, jippermettu lill-produtturi ta' dawn il-pajjiżi sabiex ikomplu jużaw id-denominazzjoni 'Tokay' fis-swieq nazzjonali tagħhom kif ukoll fi swieq barranin.

    60     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista', ex officio jew fuq proposta ta' l-Avukat Ġenerali, jew ukoll fuq talba tal-partijiet, tordna li l-proċedura orali tinfetaħ mill-ġdid, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk hija tikkunsidra li m'għandhiex biżżejjed informazzjoni jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta' argument li ma kienx ġie diskuss bejn il-partijiet (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta' Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I-5475, punt 20).

    61     Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li f'dan il-każ m'hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, li kienet konkluża fis-16 ta' Diċembru 2004, peress li hija għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tkun tista' twieġeb għad-domandi mqajma fil-kawża prinċipali.

    62     Għaldaqstant, it-talba tar-Reġjun u ta' ERSA għandha tiġi miċħuda.

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ewwel domanda

    63     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni KE-Ungerija setax jikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 93/724 li permezz tagħha l-Komunità kkonkludiet il-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed.

    64     Din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni KE-Ungerija huwa l-bażi legali li tagħti s-setgħa lill-Komunità sabiex tikkonkludi l-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed. Jidher li din il-premessa toħroġ mir-riferiment, magħmul fl-ewwel ċitazzjoni tal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed, għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni KE-Ungerija.

    65     Issa, kif ġustament osservaw il-Kunsill u l-Kummissjoni, din il-premessa ma tistax tkun aċċettata.

    66     Fil-fatt, l-għan tar-riferiment għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni KE-Ungerija huwa li jqiegħed il-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed fil-kuntest politiku tiegħu. Dan ir-riferiment m'għandux jinftiehem bħala indikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dritt Komunitarju li abbażi tagħhom il-Komunità kkonkludiet l-imsemmi ftehim.

    67     Għall-kuntrarju, il-bażi legali li tikkonferixxi lill-Komunità s-setgħa li tikkonkludi l-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed hija indikata fl-ewwel ċitazzjoni tad-Deċiżjoni 93/724 li permezz tagħha dan il-ftehim ġie konkluż u approvat f'isem il-Komunità.

    68     Fil-fatt, minn din iċ-ċitazzjoni jirriżulta b'mod ċar li din il-bażi legali hija l-Artikolu 133 KE, li jagħti lill-Komunità kompetenza fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni.

    69     Il-kwistjoni dwar jekk il-bażi legali adottata mill-Kunsill hijiex xierqa hija s-suġġett tat-tieni domanda preliminari u għaldaqstant ser tkun eżaminata fil-kuntest ta' dik id-domanda.

    70     Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni KE-Ungerija mhuwiex il-bażi legali tad-Deċiżjoni 93/724 li permezz tagħha ġie konkluż il-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed.

     Fuq it-tieni domanda

    71     Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 133 KE, li jikkonferixxi lill-Komunità kompetenza esklużiva fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, jammontax għal bażi legali xierqa għall-konklużjoni mill-Komunità waħedha tal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed, fid-dawl tal-fatt li dan il-ftehim jinvolvi sistema ta' protezzjoni tad-denominazzjonijiet ġeografiċi li jaqgħu fil-qasam tal-proprjetà industrijali u kummerċjali.

    72     Skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi legali ta' att Komunitarju għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta' stħarriġ ġudizzjarju, fosthom, b'mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta' l-att (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta' Settembru 2002, Huber, C-336/00, Ġabra p. I-7699, punt 30).

    73     Mill-ewwel ċitazzjoni tad-Deċiżjoni 93/724 jirriżulta li l-Kunsill speċifikament adotta l-Artikolu 133 KE bħala bażi legali għall-konklużjoni tal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed.

    74     Barra minn hekk, mit-tielet premessa ta' din id-deċiżjoni jirriżulta li, peress li l-istipulazzjonijiet ta' l-imsemmi ftehim kienu direttament marbuta mal-miżuri rregolati mill-politika kummerċjali u agrikola komuni, f'dan il-każ mil-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam ta' l-inbid, il-Kunsill ikkunsidra li kienet meħtieġa l-konklużjoni ta' dan il-ftehim fuq il-livell Komunitarju.

    75     Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, att Komunitarju jaqa' fil-kompetenza esklużiva fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni prevista fl-Artikolu 133 KE biss meta jkun jikkonċerna speċifikament il-kummerċ internazzjonali fis-sens li jkun intiż essenzjalment sabiex jinkoraġġixxi, jiffaċilita jew jirregola l-kummerċ u jkollu effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ fil-prodotti kkonċernati (ara l-Opinjoni 1/94, tal-15 ta' Novembru 1994, Ġabra p. I-5267, punt 57; Opinjoni 2/00, tas-6 ta' Diċembru 2001, Ġabra p. I-9713, punt 40, u s-sentenza tat-12 ta' Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-281/01, Ġabra p. I-12049, punti 40 u 41).

    76     F'dan il-każ, tqum b'mod aktar partikolari l-kwistjoni dwar jekk il-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed jaqax fil-kompetenza esklużiva tal-Komunità fil-qasam ta' politika kummerċjali komuni jew jekk jagħmilx parti, kif sostnew ir-Reġjun u ERSA kif ukoll il-Gvern Taljan, mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, qasam li fih il-Komunità u l-Istati Membri għandhom kompetenza maqsuma.

    77     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar il-kuntest leġiżlattiv Komunitarju applikabbli ratione temporis, jiġifieri l-OKS ta' l-inbid fis-seħħ meta kien konkluż il-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed.

    78     Fil-fatt, l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 822/87 jipprovdi li għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom fil-Komunità, l-inbejjed importati intiżi għall-konsum dirett mill-bniedem u deskritti permezz ta' indikazzjoni ġeografika jistgħu, suġġett għal reċiproċità, igawdu mill-kontroll u mill-protezzjoni previsti għall-inbejjed ta' kwalità psr u li din id-dispożizzjoni għandha tkun implementata permezz ta' ftehim, konklużi skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 133 KE, mal-pajjiżi terzi interessati li jidħlu f'negozjati.

    79     Il-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed huwa, b'mod ċar, ftehim fis-sens ta' l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 822/87.

    80     L-għan prinċipali ta' ftehim bħal dawn huwa li jinkoraġġixxu l-kummerċ bejn il-partijiet kontraenti billi jiffavorixxu fuq bażi reċiproka, minn naħa, il-kummerċjalizzazzjoni ta' nbejjed li joriġinaw mill-pajjiżi terzi kkonċernati, billi jagħtu lil dawn l-inbejjed l-istess protezzjoni bħal dik prevista għall-inbejjed ta' kwalità psr ta' oriġini Komunitarja, u, min-naħa l-oħra, il-kummerċjalizzazzjoni f'dawn il-pajjiżi terzi ta' nbejjed li joriġinaw mill-Komunità.

    81     Dawn il-ftehim jassiguraw, b'mod partikolari, il-protezzjoni reċiproka ta' ċerti indikazzjonijiet ġeografiċi msemmija fuq it-tikketti użati għall-kummerċjalizzazzjoni ta' l-inbejjed ikkonċernati fis-swieq tal-Komunità u tal-pajjiż terz ikkonċernat. Għaldaqstant, dawn il-ftehim huma strumenti li għandhom effett dirett fuq il-kummerċ fl-inbejjed (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, punt 40).

    82     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li ftehim bħal dawn jissodisfaw il-kriterji li, skond il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 75 ta' din is-sentenza, għandhom ikunu sodisfatti sabiex att Komunitarju jkun jista' jaqa' fil-kompetenza esklużiva fil-qasam ta' politika kummerċjali komuni prevista fl-Artikolu 133 KE.

    83     Minn dan isegwi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 133 KE, kif imsemmi fil-preambolu tad-Deċiżjoni 93/724, huwa bażi legali xierqa għall-konklużjoni mill-Komunità waħedha tal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed.

     Fuq it-tielet domanda

    84     Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, fil-każ li l-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed jitqies, fl-intier tiegħu, bħala legali u applikabbli, il-projbizzjoni li tintuża d-denominazzjoni "Tocai" fl-Italja wara l-31 ta' Marzu 2007, li tirriżulta mill-iskambju ta' ittri dwar it-Tocai, hijiex nulla u inapplikabbli peress li tmur kontra s-sistema ta' denominazzjonijiet omonimi prevista fl-Artikolu 4(5) ta' l-imsemmi ftehim.

    85     Din id-domanda għandha tinftiehem fid-dawl ta' l-argument tar-Reġjun u ta' ERSA li hemm kontradizzjoni bejn is-sistema ta' denominazzjonijiet omonimi prevista fl-Artikolu 4(5) tal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed u l-projbizzjoni li tirriżulta mill-iskambju ta' ittri dwar it-Tocai li jintuża t-terminu "Tocai" fl-espressjoni "Tocai friulano" jew "Tocai italico" għad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' ċerti nbejjed ta' kwalità psr Taljani wara li jintemm il-perijodu tranżitorju li jiskadi fil-31 ta' Marzu 2007.

    86     Din il-kontradizzjoni tirriżulta mill-fatt li, fl-iskambju ta' ittri dwar it-Tocai, ingħatat prijorità lid-denominazzjoni Ungeriża "Tokaj" għad-detriment tad-denominazzjoni omonima Taljana "Tocai" meta s-sistema ta' denominazzjonijiet omonimi prevista fl-Artikolu 4(5) tal-Ftehim KE-Ungerija, ftehim prinċipali li att anness miegħu, bħalma huwa l-iskambju ta' ittri fuq it-Tocai, ma jistax jidderoga minnu, hija bbażata fuq regola li tassigura l-koeżistenza ta' kull waħda mid-denominazzjonijiet sakemm ma joħolqux konfużjoni.

    87     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li kunflitt bħal dan jista' jeżisti biss jekk kull waħda mid-denominazzjonijiet meqjusa omonimi fis-sens ta' l-Artikolu 4(5) tal-Ftehim KE-Ungerija tammonta għal indikazzjoni ġeografika protetta taħt l-imsemmi ftehim.

    88     Mill-Artikolu 4(1)(a) ta' dan il-ftehim jirriżulta li, fir-rigward ta' l-inbejjed li joriġinaw mill-Komunità, l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti taħt l-imsemmi ftehim huma elenkati fil-Parti A ta' l-Anness tiegħu li hija intitolata "Inbejjed li joriġinaw mill-Komunità Ewropea".

    89     Issa, kuntrarjament għad-denominazzjoni Ungeriża "Tokaj" li tissemma fil-Parti B ta' l-imsemmi anness li fiha jissemmew l-indikazzjonijiet ġeografiċi relatati ma' l-inbejjed li joriġinaw mir-Repubblika ta' l-Ungerija u li huma protetti taħt l-Artikolu 4(1)(b) tal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed, l-espressjonijiet "Tocai friulano" u "Tocai italico" ma jissemmewx fil-Parti A ta' dan l-anness li tikkonċerna l-inbejjed li joriġinaw mill-Komunità.

    90     Barra minn hekk u f'kull każ, dawn id-denominazzjonijiet ta' l-aħħar ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala indikazzjonijiet ġeografiċi fis-sens tal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed.

    91     Fil-fatt, skond l-Artikolu 2(2) ta' l-imsemmi ftehim, "indikazzjoni ġeografika" hija "kull indikazzjoni, inkluża d-'denominazzjoni ta' l-oriġini', li hija rrikonoxxuta mil-liġijiet u mir-regolamenti ta' parti kontraenti għall-finijiet tad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' nbid li joriġina mit-territorju tagħha jew minn reġjun jew lokalità ta' l-imsemmi territorju, meta kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra ta' dan l-inbid tista' tkun attribwita essenzjalment għall-oriġini ġeografika tiegħu." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    92     Issa, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni rilevanti fis-seħħ fil-Komunità meta kien konkluż il-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed, id-denominazzjonijiet "Tocai friulano" u "Tocai italico" ma kinux jikkostitwixxu indikazzjoni ġeografika iżda isem ta' varjetà ta' għenba jew ta' varjetà ta' dielja rrikonoxxuta fl-Italja bħala tajba għall-produzzjoni ta' ċerti nbejjed ta' kwalità psr prodotti fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

    93     Fil-fatt, mhuwiex ikkontestat li l-espressjoni "Tocai friulano" kienet tissemma fit-Titolu I ta' l-Anness tar-Regolament Nru 3800/81 bħala varjetà ta' dielja rrakkomandata, saħansitra awtorizzata, f'ċerti provinċji Taljani, kif ukoll fil-punt 5 ta' l-Anness III tar-Regolament Nru 3201/90 bħala sinonimu tal-varjetà ta' dielja "Tocai italico" li setgħet tintuża għad-deskrizzjoni ta' ċerti nbejjed ta' kwalità psr Taljani.

    94     Mill-banda l-oħra, l-inbejjed Ungeriżi bid-denominazzjoni "Tokaj" jew "Tokaji" kienu jissemmew fil-punt 5 tat-Titolu 11 ta' l-Anness II tar-Regolament Nru 3201/90 taħt l-intestatura "Lista […] ta' nbejjed importati deskritti permezz ta' indikazzjoni ġeografika".

    95     Ir-Reġjun u ERSA, kif ukoll il-Gvern Taljan, isostnu li, skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja, kien previst u għadu previst li, fl-Italja, għad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' ċerti nbejjed ta' kwalità psr Taljani, l-indikazzjonijiet ġeografiċi kkonċernati, bħalma huma "Collio goriziano", "Collio", "Isonzo del Friuli" u "Isonzo" jistgħu, jekk ċerti kundizzjonijiet stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet ikunu sodisfatti, jintużaw flimkien ma' indikazzjoni tal-varjetà ta' dielja "Tocai friulano" jew tas-sinonimu tagħha "Tocai italico" li minnhom ikunu magħmula l-inbejjed.

    96     Madankollu, mill-ebda prova mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li l-għażla magħmula mill-Istat Membru li jaċċetta tlaqqigħ bħal dan kellha l-konsegwenza li l-kliem li jirriżulta minn dan it-tlaqqigħ jammonta għal indikazzjoni ġeografika b'tali mod li l-espressjonijiet "Tocai friulano" u "Tocai italico" li jagħmlu parti minn dawn il-kliem ma baqgħux jindikaw varjetà ta' dielja iżda indikazzjoni ġeografika.

    97     Għall-kuntrarju, miċ-ċitazzjoni ta' l-espressjonijiet "Tocai friulano" u "Tocai italico" fl-Anness II tar-Regolament Nru 753/2002 jirriżulta li, anki fil-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli fid-data tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn l-espressjonijiet kienu għadhom jikkorrispondu għal varjetà ta' dielja li setgħet, taħt l-Artikolu 19(2)(b) u (3) ta' dan ir-regolament, tintuża fit-tikketti ta' l-inbejjed ta' kwalità psr Taljani kkonċernati. Għaldaqstant, dawn l-espressjonijiet mhumiex isem ta' varjetà ta' dielja jew ta' wieħed mis-sinonimi tagħha li jinkludu indikazzjoni ġeografika fis-sens ta' l-Artikolu 19(2)(a) ta' l-imsemmi regolament.

    98     Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-projbizzjoni li tintuża d-denominazzjoni "Tocai" fl-Italja wara l-31 ta' Marzu 2007, kif tirriżulta mill-iskambju ta' ittri dwar it-Tocai, ma tmurx kontra s-sistema ta' denominazzjonijiet omonimi prevista fl-Artikolu 4(5) tal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed.

     Fuq ir-raba' domanda

    99     Permezz tar-raba' domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Dikjarazzjoni Komuni dwar l-omonimità, safejn fl-ewwel paragrafu tagħha tipprovdi, fir-rigward ta' l-Artikolu 4(5)(a) tal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed, li l-partijiet kontraenti kkonstataw li, fil-mument tan-negozjati, huma ma kienu jafu bl-ebda każ speċifiku fejn id-dispożizzjonijiet imsemmija setgħu jkunu applikabbli, tikkostitwixxix rappreżentazzjoni manifestament żbaljata tar-realtà li twassal, taħt l-Artikolu 48 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, għan-nullità ta' dan il-ftehim safejn jistabbilixxi l-projbizzjoni li tintuża d-denominazzjoni "Tocai" fl-Italja wara l-31 ta' Marzu 2007.

    100   Din id-domanda għandha tinftiehem fid-dawl ta' l-argument tar-Reġjun u ta' ERSA li, minħabba diversi fatturi, ma jidhirx li huwa ammissibbli d-dubju dwar il-karattru żbaljat tad-Dikjarazzjoni Komuni dwar l-omonimità peress li l-Komunità u r-Repubblika ta' l-Ungerija ma setgħux jinjoraw l-eżistenza ta' omonimità bejn id-denominazzjonijiet "Tocai" għal inbid mhux ħelu Taljan u "Tokaj" għal inbid ħelu Ungeriż.

    101   Issa, kif jirriżulta mill-punti 88 sa 97 ta' din is-sentenza, id-denominazzjoni Taljana "Tocai friulano" u s-sinonimu tagħha "Tocai italico" mhumiex indikazzjoni ġeografika protetta fis-sens tal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed b'tali mod li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(5)(a) ta' l-imsemmi ftehim dwar l-omonimità mhumiex applikabbli sabiex tinsab soluzzjoni għall-każ ta' omonimità jew identiċità evenwali ta' din id-denominazzjoni u d-denominazzjoni Ungeriża "Tokaj" li, kif ġie kkonstatat fil-punt 89 ta' din is-sentenza, hija indikazzjoni ġeografika protetta taħt l-istess ftehim.

    102   Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba' domanda għandha tkun li d-Dikjarazzjoni Komuni dwar l-omonimità, safejn fl-ewwel subparagrafu tagħha tipprovdi li, fir-rigward ta' l-Artikolu 4(5)(a) tal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed, il-partijiet kontraenti kkonstataw li, fil-mument tan-negozjati, huma ma kienu jafu bl-ebda każ speċifiku fejn id-dispożizzjonijiet imsemmija setgħu jkunu applikabbli, mhijiex rappreżentazzjoni manifestament żbaljata tar-realtà.

     Fuq is-sitt domanda

    103   Permezz tas-sitt domanda tagħha, li jaqbel li tiġi eżaminata qabel il-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 22 sa 24 tal-Ftehim TRIPS għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta' omonimità bejn denominazzjonijiet ġeografiċi jew bejn indikazzjoni ġeografika u denominazzjoni li tinkludi l-isem ta' varjetà ta' għenba, kull waħda mid-denominazzjonijiet tista' tibqa' tintuża fil-futur sakemm hija kienet tintuża fil-passat mill-produtturi rispettivi jew in bona fede jew matul għal ta' l-anqas għaxar snin qabel il-15 ta' April 1994 u sakemm tindika b'mod ċar il-pajjiż, ir-reġjun jew iż-żona ta' l-oriġini ta' l-inbid protett b'tali mod li ma jiżvijax lill-konsumatur.

    104   Ir-Reġjun u ERSA, kif ukoll il-Gvern Taljan, isostnu li l-Artikoli 22 sa 24 tal-Ftehim TRIPS jobbligaw lill-Komunità tipproteġi, bħala membru tad-WTO, kull waħda mill-indikazzjonijiet ġeografiċi omonimi, inkluż fil-każ ta' omonimità bejn indikazzjoni ġeografika u l-isem ta' varjetà ta' għenba, u li, għaldaqstant, dawn l-artikoli jipprekludu li titneħħa l-protezzjoni tad-denominazzjoni "Tocai friulano".

    105   Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat fid-dawl tat-termini stess tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' l-imsemmija artikoli tal-Ftehim TRIPS.

    106   Fl-ewwel lok, l-Artikolu 23(3) tal-Ftehim TRIPS jipprovdi, b'mod partikolari, li, fil-każ ta' indikazzjonijiet ġeografiċi omonimi għall-inbejjed, għandha tingħata protezzjoni lil kull indikazzjoni u li kull Membru tad-WTO għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet prattiċi sabiex l-indikazzjonijiet omonimi in kwistjoni jkunu distinti minn xulxin fid-dawl tal-bżonn li jkun assigurat trattament ekwu tal-produtturi kkonċernati u li jkun assigurat li l-konsumaturi ma jiġux żvijati.

    107   Skond l-Artikolu 22(1) tal-Ftehim TRIPS, "indikazzjonijiet ġeografiċi" jfissru indikazzjonijiet li jservu sabiex jidentifikaw prodott bħala li joriġina mit-territorju ta' Membru tad-WTO, jew minn reġjun jew lokalità ta' dak it-territorju, f'dawk il-każijiet fejn kwalità, reputazzjoni jew karatteristika speċifika oħra tal-prodott tista' tkun attribwita essenzjalment għal din l-oriġini ġeografika.

    108   Issa, kif kien diġà kkonstatat fil-punti 88 sa 97 ta' din is-sentenza, kuntrarjament għad-denominazzjoni Ungeriża "Tokaj", id-denominazzjonijiet Taljani "Tocai friulano" u "Tocai italico" jikkorrispondu għall-isem ta' varjetà ta' dielja jew ta' varjetà ta' għenba iżda mhumiex indikazzjoni ġeografika fis-sens tal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed. Fid-dawl tal-fatt li l-kunċett ta' indikazzjoni ġeografika kif definit f'dan il-ftehim ta' l-aħħar huwa essenzjalment l-istess bħall-kunċett adottat mill-Artikolu 22(1) tal-Ftehim TRIPS, l-istess konstatazzjoni għandha ssir fil-kuntest tal-Ftehim TRIPS.

    109   Għaldaqstant, l-Artikolu 23(3) tal-Ftehim TRIPS ma japplikax fil-kawża prinċipali peress li din il-kawża ma tikkonċernax omonimità bejn żewġ indikazzjonijiet ġeografiċi.

    110   Fit-tieni lok, l-Artikolu 24(4) tal-Ftehim TRIPS jipprovdi li l-ebda dispożizzjoni fis-Sezzjoni 3 ta' dan il-ftehim m'għandha teżiġi li Membru tad-WTO jipprekludi użu kontinwu u simili ta' indikazzjoni ġeografika partikolari ta' Membru ieħor li tidentifika nbejjed jew xorb alkoħoliku, fir-rigward ta' prodotti jew servizzi, minn wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew minn persuna residenti fit-territorju tiegħu li jkunu użaw din l-indikazzjoni ġeografika kontinwament għal prodotti jew servizzi identiċi jew relatati fit-territorju ta' dan l-Istat jew għal matul ta' l-anqas għaxar snin qabel il-15 ta' April 1994, jew in bona fede qabel din id-data.

    111   Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta b'mod ċar li minkejja li l-Komunità mhijiex obbligata tipprojbixxi l-użu kontinwu u simili ta' indikazzjoni ġeografika partikolari ta' Membru ieħor tad-WTO li tidentifika nbejjed jew xorb alkoħoliku minn wieħed miċ-ċittadini ta' Stat Membru jew minn persuna residenti fit-territorju ta' Stat Membru fis-sens ta' l-Artikolu 24(4) tal-Ftehim TRIPS, l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprekludix projbizzjoni bħal din.

    112   Fi kliem ieħor, l-imsemmi Artikolu 24(4) għandu jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi, skond il-kundizzjonijiet li jipprovdi, għażla u mhux obbligu li tingħata protezzjoni lil kull denominazzjoni omonima.

    113   Fit-tielet lok, fir-rigward ta' l-Artikolu 24(6) tal-Ftehim TRIPS, din id-dispożizzjoni tippermetti b'mod partikolari lill-Komunità sabiex tapplika, bħala Membru tad-WTO, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-ftehim fir-rigward ta' indikazzjoni ġeografika ta' kull Membru ieħor tad-WTO għall-prodotti tad-dielja li l-indikazzjoni rilevanti tagħhom hija identika għall-isem tradizzjonali ta' varjetà ta' għenba li tkun teżisti fit-territorju ta' Stat Membru fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim WTO.

    114   Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll għażla u mhux obbligu għall-Komunità li tagħti protezzjoni lil varjetà ta' għenba jew dielja Komunitarja, b'mod partikolari jekk din il-varjetà hija l-omonima ta' indikazzjoni ġeografika li tikkonċerna nbid li joriġina minn pajjiż terz.

    115   F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikoli 22 sa 24 tal-Ftehim TRIPS għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fir-rigward ta' każ bħal dak fil-kawża prinċipali li jikkonċerna omonimità bejn indikazzjoni ġeografika ta' pajjiż terz u denominazzjoni li tinkludi l-isem ta' varjetà ta' għenba użat għad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' ċerti nbejjed Komunitarji li huma prodotti minn din il-varjetà, dawn id-dispożizzjonijiet ma jeżiġux li din id-denominazzjoni għandha tkun tista' tibqa' tintuża fil-futur minkejja ċ- ċirkustanza doppja li hija kienet intużat fil-passat mill-produtturi kkonċernati jew in bona fede jew għal matul ta' l-anqas għaxar snin qabel il-15 ta' April 1999 u li hija tindika b'mod ċar il-pajjiż, ir-reġjun jew iż-żona ta' l-oriġini ta' l-inbid protett b'tali mod li ma tiżvijax lill-konsumatur.

    116   Fid-dawl ta' din ir-risposta, m'hemmx aktar bżonn li tingħata risposta għall-ħames domanda peress li din ta' l-aħħar tqajmet fl-eventwalità li l-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed, safejn għandu l-effett li jeskludi l-użu tat-terminu "Tocai" għad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' ċerti nbejjed ta' kwalità psr meta jiskadi l-perijodu ta' tranżitorju fil-31 ta' Marzu 2007, jitqies bħala inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 22 sa 24 tal-Ftehim TRIPS minħabba li dawn l-artikoli jeżiġu li, fil-każ ta' omonimità, kull waħda mid-denominazzjoni tista' tibqa' tintuża fil-futur.

    117   Fil-fatt, mir-risposta mogħtija lis-sitt domanda jirriżulta li dan mhuwiex il-każ fil-kawża prinċipali li tikkonċerna omonimità bejn indikazzjoni ġeografika ta' pajjiż terz u denominazzjoni li tinkludi l-isem ta' varjetà ta' għenba użat għad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' ċerti nbejjed Komunitarji.

     Fuq is-seba' domanda

    118   Permezz tas-seba' domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt ta' proprjetà msemmi fl-Artikolu 1 ta' l-Ewwel Protokoll li hemm mal-KEDB u adottat fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jkoprix ukoll id-dritt ta' proprjetà intellettwali fuq id-denominazzjonijiet ta' oriġini ta' nbejjed u l-eżerċizzju tiegħu u, jekk dan ikun il-każ, jekk il-protezzjoni ta' dan id-dritt tipprekludix li l-operaturi kkonċernati tar-reġjun awtonomu Friuli-Venezia Giulia jkunu pprivati mill-possibbiltà li jużaw it-terminu "Tocai" fl-espressjoni "Tocai friulano" jew "Tocai italico" għad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' ċerti nbejjed ta' kwalità psr Taljani wara li jintemm il-perijodu tranżitorju li jiskadi fil-31 ta' Marzu 2007, kif jirriżulta mill-iskambju ta' ittri dwar it-Tocai anness mal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed iżda mhux mit-test ta' dan il-ftehim, fid-dawl, b'mod partikolari, tan-nuqqas ta' kull forma ta' kumpens favur dawn il-produtturi ta' l-inbid tal-Friuli li kienu pprivati mill-proprjetà tagħhom, fin-nuqqas ta' interess ġenerali li jiġġustifika din l-esproprjazzjoni u tan-nuqqas ta' osservanza tal-prinċipju ta' proporzjonalità

    119   Skond ġurisprudenza stabbilita, id-dritt ta' proprjetà jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Madankollu, dan il-prinċipju mhuwiex wieħed assolut iżda għandu jiġi kkunsidrat fir-rigward tar-rwol tiegħu fis-soċjetà. Għaldaqstant, jistgħu jsiru restrizzjonijiet għall-użu tad-dritt ta' proprjetà sakemm dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta' interess ġenerali li l-Komunità tfittex li tilħaq u ma jammontawx, fir-rigward ta' l-għan mixtieq, għal intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit (ara, f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta' Diċembru 1994, SMW Winzersekt, C-306/93, Ġabra p. I-5555, punt 22, u tal-15 ta' Lulju 2004, Di Lenardo u Dilexport, C-37/02 u C-38/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    120   Sabiex tiġi determinata l-portata tad-dritt fundamentali ta' proprjetà, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-Artikolu 1 ta' l-Ewwel Protokoll li hemm mal-KEDB li jistabbilixxi dan id-dritt.

    121   Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-projbizzjoni li jintuża t-terminu "Tocai" għad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' ċerti nbejjed ta' kwalità psr Taljani wara l-1 ta' April 2007, kif tirriżulta mill-iskambju ta' ittri dwar it-Tocai, hijiex intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt fundamentali ta' proprjetà ta' l-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

    122   Din il-projbizzjoni, ladarba ma teskludix kull mod raġonevoli ta' kummerċjalizzazzjoni ta' l-inbejjed Taljani kkonċernati, ma tikkostitwixxix privazzjoni minn proprjetà fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 1 ta' l-Ewwel Protokoll li hemm mal-KEDB.

    123   Għaldaqstant, in-nuqqas ta' kumpens favur il-produtturi ta' l-inbid tal-Friuli li kienu pprivati mill-proprjetà tagħhom, li ġie osservat mill-qorti tar-rinviju, ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ċirkustanza li turi inkompatibbiltà bejn il-miżura ta' projbizzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali u d-dritt ta' proprjetà.

    124   Barra minn hekk, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi deċiż jekk l-imsemmija miżura tikkostitwixxix, bħala miżura li tirregola l-użu ta' proprjetà, interferenza fid-dritt għat-tgawdija paċifika ta' proprjetà li tista' taqa' taħt it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1 ta' l-Ewwel Protokoll li hemm mal-KEDB u, għaldaqstant, li tinvolvi restrizzjoni tad-dritt fundamentali ta' proprjetà, għandu jiġi kkonstatat li restrizzjoni għal dan id-dritt, fl-eventwalità li tkun ippruvata, tista' tiġi ġġustifikata.

    125   Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li, sabiex tiġi ġġustifikata, miżura li tirregola l-użu ta' proprjetà għandha tirrispetta l-prinċipju ta' legalità u għandha tkun intiża sabiex tilħaq għan leġittimu permezz ta' mezzi raġonevolment proporzjonati għal dan il-għan (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Jokela vs Il-Finlandja, tal-21 ta' Mejju 2002, Recueil des arrêts et décisions 2002-IV, § 48).

    126   L-ewwel nett, fir-rigward tal-legalità tal-miżura ta' projbizzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm qbil li l-iskambju ta' ittri dwar it-Tocai, anness mal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed, jistabbilixxi din il-projbizzjoni b'mod espress u li, permezz tad-Deċiżjoni 93/724, dan l-att ġie approvat f'isem il-Komunità. Għaldaqstant, din hija miżura prevista minn dispożizzjoni legali adottata, kif ġie osservat fil-punti 77 sa 81 ta' din is-sentenza, fil-kuntest ta' l-OKS ta' l-inbid fis-seħħ meta kien konkluż l-imsemmi ftehim.

    127   It-tieni nett, fir-rigward ta' l-għan ta' interess ġenerali li l-miżura in kwistjoni fil-kawża prinċipali tfittex li tilħaq, fil-punti 80 u 81 ta' din is-sentenza diġà ġie kkonstatat li l-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed, li minnu tagħmel parti din il-miżura, huwa intiż sabiex jimplementa politika, fil-kuntest ta' l-OKS ta' l-inbid, li l-għan prinċipali tagħha huwa l-promozzjoni tal-kummerċ bejn il-partijiet kontraenti billi tiffavorixxi, fuq bażi reċiproka, minn naħa, il-kummerċjalizzazzjoni ta' nbejjed li joriġinaw mill-pajjiżi terzi u li huma deskritti jew ippreżentati permezz ta' indikazzjoni ġeografika billi jingħataw l-istess protezzjoni bħal dik prevista għall-inbejjed ta' kwalità psr ta' oriġini Komunitarja, u, min-naħa l-oħra, il-kummerċjalizzazzjoni f'dawn il-pajjiżi terzi ta' nbejjed li joriġinaw fil-Komunità.

    128   B'mod partikolari, mit-tielet u mill-ħames premessi tar-Regolament nru 2392/89 jirriżulta li l-għan tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' nbejjed huwa li tikkonċilja l-bżonn li tingħata informazzjoni eżatta u preċiża dwar il-prodotti kkonċernati lill-konsumatur finali mal-bżonn li l-produtturi fit-territorju tagħhom jkunu protetti mid-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni.

    129   Għalhekk, l-għan li tfittex li tilħaq il-miżura in kwistjoni fil-kawża prinċipali huwa għan leġittimu ta' interess ġenerali (ara s-sentenza SMW Winzersekt, iċċitata aktar 'il fuq, punt 25).

    130   Fl-aħħar nett, għandu jiġi eżaminat jekk l-imsemmija miżura hijiex proporzjonata ma' l-għan ta' interess ġenerali mfittex.

    131   F'kawża dwar miżura Komunitarja adottata fil-kuntest ta' l-OKS ta' l-inbid li tipprojbixxi, wara li jintemm perijodu tranżitorju ta' ħames snin, l-użu ta' l-espressjoni "méthode champenoise" għal inbejjed li m'għandhomx dritt għad-deskrizzjoni reġistrata "champagne", il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-leġiżlatur Komunitarju għandu marġni ta' diskrezzjoni wiesa' fil-qasam tal-politika agrikola komuni li jikkorrispondi għar-responsabbiltajiet politiċi attribwiti lilu mill-Artikoli 34 KE u 37 KE u li huwa biss il-karattru manifestament mhux xieraq ta' miżura adottata f'dan il-qasam, meta kkunsidrata fid-dawl ta' l-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq, li jista' jolqot il-legalità ta' miżura bħal din (ara s-sentenza SMW Winzersekt, iċċitata aktar 'il fuq, punt 21).

    132   F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, fit-tmiem tal-perijodu tranżitorju, l-inbejjed ta' kwalità psr Taljani in kwistjoni jistgħu jibqgħu jiġu prodotti mill-varjetà ta' dielja "Tocai friulano" u jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati bid-denominazzjonijiet ġeografiċi rispettivi tagħhom iżda mingħajr l-indikazzjoni ta' l-isem tal-varjetà ta' dielja li minnha kienu prodotti.

    133   F'dan il-każ, in-natura proporzjonata tal-miżura in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tkun ikkontestata peress li, minn naħa, kien previst perijodu tranżitorju ta' tlettax-il sena fl-iskambju ta' ittri dwar it-Tocai u, min-naħa l-oħra, kif osservat il-Kummissjoni fis-seduta, huma disponibbli indikazzjonijiet alternattivi sabiex jieħdu post id-denominazzjoni "Tocai friulano" u s-sinonimu tagħha "Tocai italico", jiġifieri, b'mod partikolari, "Trebbianello" u "Sauvignonasse".

    134   F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għas-seba' domanda għandha tkun li d-dritt ta' proprjetà ma jipprekludix il-projbizzjoni ta' l-operaturi kkonċernati tar-reġjun awtonomu Friuli-Venezia Giulia milli jużaw it-terminu "Tocai" fl-espressjoni "Tocai friulano" jew "Tocai italico" għad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' ċerti nbejjed ta' kwalità psr Taljani meta jiskadi l-perijodu tranżitorju fil-31 ta' Marzu 2007 kif din il-projbizzjoni tirriżulta mill-iskambju ta' ittri dwar it-Tocai anness mal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed iżda ma tinsabx fit-test ta' dan il-ftehim.

     Fuq it-tmien domanda

    135   Permezz tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk, fl-eventwalità ta' konstatazzjoni ta' l-illegalità, safejn indikat fid-domandi preċedenti, tal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed u/jew ta' l-iskambju ta' ittri dwar it-Tocai, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 753/2002, li jwaqqfu l-użu tad-denominazzjoni "Tocai friulano" wara l-31 ta' Marzu 2007, ikunux nulli jew minn ta' l-anqas inapplikabbli.

    136   Peress li din id-domanda kienet magħmula fl-eventwalità li eżami ta' l-ewwel seba' domandi preliminari jikkonstata l-illegalità, safejn indikat f'dawn id-domandi, tal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed u/jew ta' l-iskambju ta' ittri dwar it-Tocai u peress li mir-risposti mogħtija għal dawn id-domandi f'din is-sentenza jirriżulta li din l-eventwalità ma seħħitx, m'hemmx lok li tingħata rispsota għal din id-domanda.

    137   Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, fil-prinċipju, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi l-portata tad-domandi preliminari li hija jidhrilha li għandha tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    138   Minn dan jirriżulta, kif osservat ġustament il-Kummissjoni matul is-seduta, li ċerti domandi, imqajma b'mod partikolari fis-seduta mir-Reġjun u minn ERSA, kif ukoll mill-Gvern Taljan, fir-rigward tat-tmien domanda preliminari, jiġifieri domandi dwar jekk il-validità tal-Ftehim KE-Ungerija dwar l-inbejjed hijiex affettwata minħabba allegat ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, jew saħansitra ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità u tal-prinċipju ta' trattament ugwali kif stabbilit fl-Artikolu 34(2) KE, ma jistgħux jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja peress li dawn, b'mod ċar, ma jaqgħux fil-portata ta' din it-tmien domanda kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju.

     Fuq l-ispejjeż

    139   Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla), taqta' u tiddeċiedi li:

    1)      Il-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika ta' l-Ungerija, min-naħa l-oħra, mhuwiex il-bażi legali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/724/KE, tat-23 ta' Novembru 1993, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Ungerija dwar il-protezzjoni reċiproka u l-kontroll tad-denominazzjonijiet ta' l-inbejjed.

    2)      L-Artikolu 133 KE, kif imsemmi fil-preambolu tad-Deċiżjoni 93/724, huwa bażi legali xierqa għall-konklużjoni mill-Komunità waħedha tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Ungerija dwar il-protezzjoni reċiproka u l-kontroll tad-denominazzjonijiet ta' l-inbejjed.

    3)      Il-projbizzjoni li tintuża d-denominazzjoni "Tocai" fl-Italja wara l-31 ta' Marzu 2007, kif tirriżulta mill-iskambju ta' ittri dwar l-Artikolu 4 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Ungerija dwar il-protezzjoni reċiproka u l-kontroll tad-denominazzjonijiet ta' l-inbejjed, ma tmurx kontra s-sistema ta' denominazzjonijiet omonimi prevista fl-Artikolu 4(5) ta' l-istess ftehim.

    4)      Id-Dikjarazzjoni Komuni dwar l-Artikolu 4(5) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Ungerija dwar il-protezzjoni reċiproka u l-kontroll tad-denominazzjonijiet ta' l-inbejjed, safejn fl-ewwel subparagrafu tagħha tipprovdi li, fir-rigward ta' l-Artikolu 4(5)(a) ta' l-istess ftehim, il-partijiet kontraenti kkonstataw li, fil-mument tan-negozjati, huma ma kienu jafu bl-ebda każ speċifiku fejn id-dispożizzjonijiet imsemmija setgħu jkunu applikabbli, mhijiex rappreżentazzjoni manifestament żbaljata tar-realtà.

    5)      L-Artikoli 22 sa 24 tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ, li jinsab fl-Anness I C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, approvat f'isem il-Komunità, safejn għandhom x'jaqsmu l-oqsma li huma fil-kompetenza tagħha, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta' Diċembru 1994, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fir-rigward ta' każ bħal dak fil-kawża prinċipali li jikkonċerna omonimità bejn indikazzjoni ġeografika ta' pajjiż terz u denominazzjoni li tinkludi l-isem ta' varjetà ta' għenba użat għad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' ċerti nbejjed Komunitarji li huma prodotti minn din il-varjetà, dawn id-dispożizzjonijiet ma jeżiġux li din id-denominazzjoni għandha tkun tista' tibqa' tintuża fil-futur minkejja d-dupliċi ċirkustanza li hija kienet intużat fil-passat mill-produtturi kkonċernati jew in bona fede jew matul għall-anqas għaxar snin qabel il-15 ta' April 1999 u li hija tindika b'mod ċar il-pajjiż, ir-reġjun jew iż-żona ta' l-oriġini ta' l-inbid protett b'tali mod li ma tiżvijax lill-konsumatur.

    6)      Id-dritt ta' proprjetà ma jipprekludix il-projbizzjoni ta' l-operaturi kkonċernati tar-reġjun awtonomu Friuli-Venezia Giulia (l-Italja) milli jużaw it-terminu "Tocai" fl-espressjoni "Tocai friulano" jew "Tocai italico" għad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' ċerti nbejjed ta' kwalità prodotti f'reġjun speċifiku Taljani meta jintemm il-perijodu tranżitorju li jiskadi fil-31 ta' Marzu 2007 kif din il-projbizzjoni tirriżulta mill-iskambju ta' ittri dwar l-Artikolu 4 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' l-Ungerija dwar il-protezzjoni reċiproka u l-kontroll tad-denominazzjonijiet ta' l-inbejjed li huwa anness ma' dan il-ftehim iżda ma tinsabx fit-test ta' dan il-ftehim.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top