EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0336

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) ta' l-10 ta' Marzu 2005.
easyCar (UK) Ltd vs Office of Fair Trading.
Talba għal deċiżjoni preliminari: High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division - ir-Renju Unit.
Protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam ta' kuntratti li jsiru mill-bogħod -Direttiva 97/7/KE - Kuntratti ta' provvista ta' servizzi ta' trasport - Kunċett - Kuntratti ta' kiri ta' karrozzi.
Kawża C-336/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:150

62003J0336



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Deċiżjoni dwar l-ispejjeż
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-336/03

li għandha bħala għan talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (ir-Renju Unit), permezz ta' deċiżjoni tal-

21 ta' Lulju 2003

, li waslet lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-

30 ta' Lulju 2003

, fil-kawża

easyCar (UK) Ltd

vs

Office of Fair Trading,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla) ,

komposta minn P. Jann, President ta' Awla, K. Lenaerts, J. N. Cunha Rodrigues, K. Schiemann u M. Ilei (Relatur), Mħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-procedura bil-miktub u wara s-seduta tad-

29 ta' Settembru 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

- għal easyCar (UK) Ltd, minn D. Anderson, QC, K. Bacon, Barrister u D. Burnside, Solicitor,

- għall-Gvern tar-Renju Unit minn C. Jackson, bħala aġent, assistita minn M. Hoskins, Barrister,

- għall-Gvern Spanjol minn S. Ortiz Vaamonde, bħala aġent,

- għall-Gvern Franċiż minn R. Loosli-Surrans, bħala aġent,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej minn N. Yerrell u M-J. Jonczy, bħala aġenti,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tal-

11 ta' Novembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/7/KE ta' l-20 ta' Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta' kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU L 144, p. 19, iktar 'il quddiem id-Direttiva).

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn is-soċjetà easyCar (UK) Ltd (iktar 'il quddiem is-soċjetà easyCar) u l-Office of Fair Trading (iktar 'il quddiem l-OFT) dwar il-pattijiet u l-kundizzjonijiet tal-kuntratti tal-kiri ta' karrozzi offerti u konklużi mis-soċjetà easyCar.

Il-Qafas Ġuridiku

Id-Dritt Komunitarju

3. Skond l-Artikolu 1 l-għan tad-Direttiva huwa li jkunu approssimati l-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jikkonċernaw il-kuntratti mill-bogħod bejn il-konsumaturi u l-fornituri.

4. Skond l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva, l-Artikoli 4, 5, 6 u 7(1) ta' din ta' l-aħhħar ma japplikawx [...] għal kuntratti għall-provvista ta' akkomodazzjoni, ta' trasport, ta' servizzi ta' forniment ta' l-ikel jew divertiment, fejn il-fornitur jobbliga (jimpenja ruħu), meta l-kuntratt ikun konkluż, li jipprovdi dawn is-servizzi f'data speċifika jew fi żmien perjodu speċifiku[...] .

5. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jipprevedi, fir-rigward ta' kuntratti mill-bogħod, dritt ta' rtirar għall-benefiċċju tal-konsumatur. Skond l-Artikolu 6(2), meta d-dritt ta' rtirar jiġi eżerċitat, il-fornitur għandu jkun obbligat li jirrimborża l-ammonti mħallsa mill-konsumatur mingħajr ħlas, bl-eċċezzjoni ta' l-ispiża involuta fir-ritorn ta' l-oġġetti.

Il-Leġislazzjoni Nazzjonali

6. Id-Direttiva ġiet trasposta fil-leġislazzjoni nazzjonali tar-Renju Unit permezz tal-Consumer Protection (Distance Selling) Regulations 2000 (iktar 'il quddiem il-liġi nazzjonali).

7. L-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva ġiet trasposta fl-Artikolu 6(2) tal-liġi nazzjonali.

8. Id-dritt ta' rtirar previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva ġie traspost fl-Artikolu 10 tal-liġi nazzjonali u l-obbligu ta' rimborż msemmi fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva jinstab fl-Artikolu 14 tal-liġi nazzjonali.

9. L-Artikolu 27 tal-liġi nazzjonali jawtorizza lill-OFT titlob għal inġunzjoni kontra kull persuna li jidher li hija responabbli għall-ksur tal-liġi.

Il-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari

10. L-attività tas-soċjetà easyCar hija l-kiri ta' karrozzi mingħajr xufier. Hija topera fir-Renju Unit u f'diversi Stati Membri oħra. Il-klijenti ta' din is-soċjetà jistgħu biss jikru l-karrozzi offruti għall-kiri permezz ta' l- internet . Skond il-pattijiet u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta' kiri tal-karrozzi offrut u konkluż mis-soċjetà easyCar, il-konsumatur ma jistax jingħata r-rimborż tal-flus imħallsa jekk dan il-kuntratt jiġi annullat, ħlief f'ċirkostanzi mhux tas-soltu u mhux prevedibbli li ma jkunux taħt il-kontroll [tiegħu], b'mod partikolari [...]: mard serju tax-xufier li tagħmlu inadattat għas-sewqan, katastrofi naturali [...]; atti jew restrizzjonijiet tal-Gvern jew ta' awtoritajiet pubbliċi, gwerra, rvell, insurrezzjoni jew atti terroristiċi jew fid-diskrezzjoni tal-kap tas-Servizz għall-Konsumatur f'ċirkostanzi estremi oħra.

11. Skond l-OFT, li irċieva diversi lmenti mingħand il-konsumaturi dwar kuntratti ta' kiri li kienu kkonkludew mas-soċjetà easyCar, il-pattijiet u l-kundizzjonijiet ta' dawn il-kuntratti kienu jiksru l-Artikoli 10 u 14 tal-liġi nazzjonali li, bil-għan li timplimenta d-Direttiva, jipprevedu dritt ta' rtirar bir-rimborż totali tas-somom imħallsa mill-konsumatur f'terminu determinat wara l-konklużjoni tal-kuntratt.

12. Is-soċjetà easyCar issostni li l-kuntratti ta' kiri li hija toffri jidħlu taħt l-eċċezzjoni prevista għall-kuntratti ta' provvista ta' servizzi [...] ta' trasport skond l-Artikolu 6(2) tal-liġi nazzjonali u skond l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva, u li għaldaqstant hija mhijiex soġġetta għal dak li huwa mitlub mill-Aritkoli 10 u 14 ta' l-imsemmija liġi. Min-naħa l-oħra, l-OFT huwa ta' l-opinjoni li l-kiri ta' karrozzi ma jistax jiġi meqjus bħala servizzi ta' trasport .

13. Is-soċjetà easyCar u l-OFT ippreżentaw rikorsi quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division. Is-soċjetà easyCar ressqet rikors intiż sabiex jiġi ddikjarat li l-kuntratti ta' kiri li hija toffri jibbenefikaw mill-eżenzjoni tad-dritt ta' rtirar previst mill-liġi nazzjonali, filwaqt li l-OFT ippreżenta talba intiża sabiex is-soċjetà easyCar tiġi inġunta sabiex tieqaf tikser il-liġi nazzjonali billi tirrifjuta lill-klijenti tagħha d-dritt ta' rtirar u tar-rimborż tas-somom imħallsa.

14. Kien f'dawn il-kundizzjonijiet li l-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tirrinvija d-domanda li ġejja lill-Qorti għal deċiżjoni preliminari:

L-espressjoni kuntratti ta' provvista ta' servizzi [...] ta' trasport imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [...], tinkludi l-kuntratti ta' provvista ta' servizzi ta' kiri ta' karrozzi?

Dwar it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

15. Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta' Diċembru 2004, is-soċjetà easyCar talbet li terġa' tinfetaħ il-proċcedura orali.

16. F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tista' tordna l-ftuħ mill-ġgdid tal-proċedura orali, konformement ma' l-Artikolu 61 tar-Regoli ta' Proċedura tagħha, jekk hija jidrilha li m'għandhiex biżżejjed informazzjoni jew li l-kawża għandha tiġi deċiża fuq il-bażi ta' argument li ma jkunx ġie trattat oralment mill-partijiet (sentenzi ta' l-10 ta' Frar 2000, Deutsche Post, kawża C-270/97 u C-271/97, Ġabra. p. I-929, punt 30, u tat-18 ta' Ġunju 2002, Philips, kawża C-299/99, Ġabra. p. I-5475, punt 20).

17. Il-Qorti jidrilha li f'dan il-każ, m'hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali. Konsegwentement, it-talba intiża sabiex jiġi ordnat dan il-ftuħ mill-ġdid għandha tiġi miċcħuda.

Dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari

18. Mid-deċiżjoni għar-rinviju jirriżulta li mhuwiex qiegħed jiġi kkontestat li l-kuntratti konklużi bejn is-soċjetà easyCar u l-klijenti tagħha huma kuntratti li jsiru mill-bogħod skond il-liġi nazzjonali u d-Direttiva, u li dawn jikkostitwixxu kuntratti ta' provvista ta' servizzi. Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju sostanzjalment tistaqsi jekk is-servizzi ta' kiri ta' karrozzi humiex servizzi ta' trasport skond l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva.

19. Is-soċjetà easyCar issostni li din id-domanda għandha titwieġeb fl-affermattiv. Il-Gvernijiet Spanjol, Franċiż u tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, isostnu t-teorija opposta.

20. F'dan ir-rigward għandu jiġi l-ewwelnett ikkonstatat illi la d-Direttiva u lanqas id-dokumenti relevanti għall-interpretazzjoni tagħha, bħax-xogħlijiet preparatorji, ma jipprovdu kjarifiċi fuq l-iskop eżatt tal-kunċett servzzi ta' trasport msemmi fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva. Bl-istess mod, l-iskema ġenerali tad-Direttiva turi biss li hija għandha l-għan li tagħti lill-konsumaturi protezzjoni estiża, billi tagħtihom ċerti drittijiet, bħal ma huwa d-dritt ta' rtirar, u li dan l-Artikolu 3(2) jipprevedi l-eżenzjoni minn dawn id-drittijiet f'erba' setturi ta' attività ekonomika konnessi, fosthom dak tas-servizzi ta' trasport.

21. Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li t-tifsira u l-iskop ta' termini, li ma jingħataw ebda definizzjoni fid-Dritt Komunitarju għandha tiġi stabbilita skond it-tifsira komuni tagħhom fil-lingwaġġ ta' kuljum, filwaqt li jitqies il-kuntest li huma wżati fih u l-għanijiet li l-leġislazzjoni li huma jiffurmaw parti minnha trid tilħaq (sentenzi tad-19 ta' Ottubru 1995, Hönig, kawża C-128/94, Ġabra p. I-3389, punt 9, u tas-27 ta' Jannar 2000, DIR International Film et vs il-Kummissjoni, kawża C-164/98 P, Ġabra p. I-447, punt 26). Barra minn hekk, meta dawn it-termini jidhru, bħal fil-kawża prinċipali, f'dispożizzjoni li tikkostitwixxi deroga minn prinċipju jew, aktar speċifikament, minn regoli komunitarji intiżi sabiex jipproteġu l-konsumaturi, huma għandhom jiġu interpretati b'mod strett (sentenzi tat-18 ta' Jannar 2001, il-Kummissjoni vs Spanja, kawża C-83/99, Ġabra p. I-445, punt 19, u tat-13 ta' Diċembru 2001, Heininger, kawża C-481/99, Ġabra p. I-9945, punt 31).

22. F'dak li jikkonċerna l-espressjoni servizzi ta' trasport, għandu jiġi kkonstatat li din, bħal kull waħda mill-kategoriji l-oħra ta' servizzi msemmija, tikkorrispondi għal eżenzjoni settorjali, u li għaldaqstant titratta b'mod ġenerali s-servizzi fis-settur tat-trasport.

23. F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-leġislatur, fl-abbozzar tad-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjoni fil-kawża prinċipali, ma għażilx li juża l-espressjoni kuntratti ta' trasport, li qiegħda tintuża komunement bħalissa fis-sistema ġuridiċi ta' l-Isati Membri, u li tikkonċerna biss it-trasport ta' passiġġieri u ta' merkanzija mwettqa mit-trasportatur, iżda l-espressjoni definittivament aktar wiesa' kuntratti ta' provvista ta' servizzi [...] ta' trasport, li tista' tikkonċerna l-kuntratti kollha li jirregolaw is-servizzi ta' trasport, inklużi dawk li jinvolvu attività li ma tinkludix, fiha nfisha, it-trasport tal-klijent jew tal-beni tiegħu, iżda li hija intiża sabiex tippermetti lil dan ta' l-aħħar li jwettaq dan it-trasport.

24. Għaldaqstant, mill-kliem użat fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva jirriżulta li l-leġislatur ma riedx jiddefinixxi l-eżenzjoni stipulata f'din id-dispożizzjoni permezz ta' tipi ta' kuntratti, iżda b'tali mod li l-kuntratti kollha ta' provvista ta' servizzi fis-setturi ta' akkomodazzjoni, ta' trasport, ta' servizzi ta' forniment ta' l-ikel u ta' divertiment, jidħlu fl-iskop ta' din l-eżenzjoni, bl-eċċezzjoni ta' dawk li l-eżekuzzjoni tagħhom m' għandhiex bżonn issir f'data speċifika jew f'perijodu speċifiku.

25. Din l-interpretazzjoni hija espressament korraborata minn diversi verżjonijiet lingwistiċi ta' l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva, jiġifieri l-verżjonijiet Ġermaniża, Taljana u Żvediża, li rispettivament isemmu Dienstleistungen in den Bereichen [...] Beförderung (servizzi fis-settur tat-trasport, ), servizzi relativi [...] ai trasporti (servizzi relatati mat-trasport ) u tjänster som avser [...] transport (servizzi li jikkonċernaw it-trasport ).

26. Issa, fil-lingwaġġ ta' kuljum, il-kunċett ta' trasport ma jindikax biss l-azzjoni ta' ġarr ta' persuni jew ta' beni minn post għall-ieħor, iżda ukoll il-mezzi ta' trasport u l-mezzi wżati sabiex jinġarru dawn il-persuni u dawn il-beni. Konsegwentement, it-tqegħid ta' mezz tat-trasport għad-dispożizzjoni tal-konsumatur jagħmel parti mis-servizzi li jidħlu fis-settur tat-trasport.

27. Konsegwentement, mingħajr ma jinqabeż il-kuntest strett ta' l-eżenzjoni settorjali li tirrigwarda s-servizzi ta' trasport, prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din l-eżenzjoni tkopri s-servizzi ta' kiri ta' karrozzi, li huma kkaratterizzati preċiżament mit-tqegħid ta' mezz tat-trasport għad-dispożizzjoni tal-konsumatur.

28. Barra minn dan, f'dak li jikkonċerna l-kuntest li fih huwa wżat il-kunċett ta' servizzi ta' trasport u l-għanijiet tad-Direttiva, huwa stabbilit, kif jinnota l-Avukat Ġenerali fil-punti 39 sa 41 tal-Konklużjonijiet tiegħu, li l-leġislatur ried joħloq protezzjoni ta' l-interessi tal-konsumaturi li jużaw mezzi ta' komunikazzjoni mill-bogħod, iżda wkoll protezzjoni ta' l-interessi tal-fornituri ta' ċerti servizzi, sabiex dawn ma jsofrux inkonvenjenzi sproporzjonati marbuta mal-kanċellazzjoni bla ħlas u bla spjegazzjoni ta' servizzi li jinvolvu bbukkjar minn qabel. F'dan ir-rigward, is-soċjetà easyCar issostni ġustament, mingħajr, barra minn dan, ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mill-Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti u mill-Kummissjoni, li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva huwa intiż sabiex jeżenta lill-fornituri ta' servizzi f'ċerti setturi ta' attività, minħabba li l-eżiġenzi tad-Direttiva jistgħu jeffettwaw b'mod sproporzjonat lil dawn il-fornituri, b'mod partikolari, fil-każ fejn servizz jinvolvi l-ibbukkjar minn qabel u dan jiġi annullat mill-konsumatur ftit żmien qabel id-data prevista għall-provvista ta' dan is-servizz.

29. Huwa ċar li l-impriżi ta' kiri ta' karrozzi jeżerċitaw attività li l-leġislatur ried jipproteġi kontra dawn l-inkonvenjenzi permezz ta' l-eżenzjoni fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva. Fil-fatt, dawn l-impriżi għandhom, fid-data ffissata meta jsir l-ibbukkjar, jagħmlu arranġamenti sabiex jitwettaq is-servizz miftiehem u, għaldaqstant, fl-eventwalita ta' tħassir, huma jsofru l-istess inkonvenjenzi li ssofri kull impriża oħra li topera fis-settur tat-trasport jew fis-setturi l-oħra msemmija fl-Artikolu 3(2).

30. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-interpretazzjoni li s-servizzi ta' kiri ta' karrozzi huma servizzi ta' trasport skond l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva, hija l-unika interpretazzjoni li tiggarantixxi li l-eżenzjoni prevista f'din id-dispożizzjoni jkollha l-karattru ta' eżenzjoni settorjali u li tippermetti li l-għan tad-Direttiva jiġi milħuq.

31. Għaldaqstant, it-tweġiba għad-domanda li saret għandha tkun li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat li jfisser li l-kunċett ta' kuntratti ta' provvista ta' servizzi ta' trasport jinkludi l-kuntratti ta' provvista ta' servizzi ta' kiri ta' karrozzi.

Deċiżjoni dwar l-ispejjeż


Dwar l-ispejjeż

32. Peress illi fil-kawża prinċcipali, din il-proċedura għandha n-natura ta' inċident mqajjem quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha għaldaqstant tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonjiet lill-Qorti, minbarra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva


Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/7/KE ta' l-20 ta' Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta' kuntratti li jsiru mill-bogħod għandu jiġi interpretat li jfisser li l-kunċett ta' kuntratti ta' provvista ta' servizzi ta' trasport jinkludi l-kuntratti ta' provvista ta' servizzi ta' kiri ta' karrozzi.

Top