This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62003CJ0320
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 15 November 2005.#Commission of the European Communities v Republic of Austria.#Failure by a Member State to fulfil its obligations - Articles 28 EC to 30 EC - Free movement of goods - Articles 1 and 3 of Regulation (EEC) No 881/92 - Articles 1 and 6 of Regulation (EEC) No 3118/93 - Transport - Sectoral prohibition on the movement of lorries of more than 7.5 tonnes carrying certain goods - Air quality - Protection of health and the environment - Proportionality principle.#Case C-320/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta' Novembru 2005.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika ta' l-Awstrija.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Artikoli 28 KE sa 30 KE - Moviment liberu tal-merkanzija - Artikoli 1 u 3 tar-Regolament (KEE) Nru 881/92 - Artikoli 1 u 6 tar-Regolament (KEE) Nru 3118/93 - Trasport - Projbizzjoni settorjali tal-moviment tat-trakkijiet ta' aktar minn 7.5 tunnellata li jittrasportaw ċerta merkanzija - Kwalità ta' l-arja - Protezzjoni tas-saħħa u ta' l-ambjent - Prinċipju ta' proporzjonalità.
Kawża C-320/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta' Novembru 2005.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika ta' l-Awstrija.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Artikoli 28 KE sa 30 KE - Moviment liberu tal-merkanzija - Artikoli 1 u 3 tar-Regolament (KEE) Nru 881/92 - Artikoli 1 u 6 tar-Regolament (KEE) Nru 3118/93 - Trasport - Projbizzjoni settorjali tal-moviment tat-trakkijiet ta' aktar minn 7.5 tunnellata li jittrasportaw ċerta merkanzija - Kwalità ta' l-arja - Protezzjoni tas-saħħa u ta' l-ambjent - Prinċipju ta' proporzjonalità.
Kawża C-320/03.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:684
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
15 ta' Novembru 2005 (*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 28 KE sa 30 KE – Moviment liberu tal-merkanzija – Artikoli 1 u 3 tar-Regolament (KEE) Nru 881/92 – Artikoli 1 u 6 tar-Regolament (KEE) Nru 3118/93 – Trasport – Projbizzjoni settorjali tal-moviment tat-trakkijiet ta' aktar minn 7.5 tunnellata li jittrasportaw ċerta merkanzija – Kwalità ta' l-arja – Protezzjoni tas-saħħa u ta' l-ambjent – Prinċipju ta' proporzjonalità"
Fil-kawża C-320/03,
li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-24 ta' Lulju 2003,
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Schmidt kif ukoll minn W. Wils u G. Braun, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
sostnuta:
mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, rappreżentata minn W.-D. Plessing u A. Tiemann, bħala aġenti, assistiti minn T. Lübbig, Rechtsanwalt,
mir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. De Bellis, avvocato dello Stato, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
ir-Renju ta' l-Olanda, irrappreżentat minn H. G. Sevenster, bħala aġent,
partijiet intervenjenti,
vs
ir-Repubblika ta' l-Awstrija, rappreżentata minn E. Riedl u H. Dossi, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u K. Schiemann, Presidenti ta' l-Awla, R. Schintgen (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts, P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis u A. Borg Barthet, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-24 ta' Mejju 2005,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta ta' l-14 ta' Lulju 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi pprojbixxiet lit-trakkijiet ta' aktar minn 7.5 tunnellata li jittrasportaw ċerta merkanzija, milli jiċċirkulaw fuq sezzjoni ta' l-awtostrada A 12 fil-wied ta' l-Inn (l-Awstrija), wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Prim Ministru reġjonali li jillimita t-trasport fuq l-awtostrada A 12 fil-wied ta' l-Inn (projbizzjoni settorjali ta' moviment) [Verordnung des Landeshauptmanns von Tirol, mit der auf der A 12 Inntalautobahn verkehrsbeschränkende Maβnahmen erlassen werden (sektorales Fahrverbot)], tas-27 ta' Mejju 2003 (BGBI. II, 279/2003, iktar 'il quddiem ir-"regolament in kwistjoni"), ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 1 u 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 881/92 tas-26 ta' marzu 1992, dwar l-aċċess għas-suq tat-trasport ta' merkanzija bit-triq fil-Komunità lejn jew mit-territorju ta' Stat Membru jew li jgħaddi mit-territorju ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri (ĠU L 95, p. 1), kif emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 484/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l- ta' Marzu 2002 (ĠU L 76, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 881/92"), ta' l-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3118/93 tal-25 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi ta' skariġġ [trasport ta' merkanzija] bit-triq ġewwa Stat Membru (ĠU L 279, p. 1) kif emendat permezz tar-Regolament Nru 484/2002 (iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 3118/93"), kif ukoll mill-Artikoli 28 KE sa 30 KE.
Il-kuntest ġuridiku u fattwali
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-suq intern tat-trasport bit-triq
2 Ir-Regolamenti Nru 881/92 u 3118/93 jirregolaw it-trasport ta' merkanzija bit-triq fuq it-territorju tal-Komunità.
3 Ir-Regolament Nru 881/92, li skond l-Artikolu 1(1) tiegħu, japplika għat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq bil-kiri jew b'kumpens għall-vjaġġi li jsiru fit-territorju tal-Komunità, jipprevedi, fl-Artikolu 3 tiegħu, il-ħruġ mill-Istati Membri ta' awtorizzazzjoni mill-Komunità lil trasportaturi li qed iġorru merkanzija stabbiliti fuq it-territorju tagħhom u awtorizzati li jwettqu t-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq.
4 Barra minn hekk, skond it-termini ta' l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 3118/93:
"Xi trasportatur ta' skariġġ [trasport ta' merkanzija] bit-triq għal kiri jew bi ħlas li jkollu awtorizzazzjoni tal-Komunità kif hemm ipprovdut fir-Regolament (KEE) Nru 881/92 għandu jkun intitolat, permezz tal-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament, li jopera fuq bażi temporanja servizzi ta' skariġġ bit-triq għal kiri jew bi ħlas fi Stat Membru ieħor, minn hawn il quddiem rriferuti rispettivamemnt bħala 'kabotaġġ' u bħala l-'Istati Membru li jospita', mingħajr ma jkollu uffiċċju rreġistrat jew stabbiliment ieħor hemmhekk."
5 Skond l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 3118/93, it-twettiq ta' l-operazzjonijiet ta' trasport ta' kabotaġġ għandu jkun suġġett, sakemm mhux provdut mod ieħor fir-Regolamenti tal-Komunità, għall-liġijiet, għar-regolamenti u għad-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru li jospita, fl-oqsma msemmija fil-paragrafu (1) ta' dan l-Artikolu u dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati għall-operaturi tat-trasport mhux residenti bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li l-Istat Membru jimponi fuq iċ-ċittadini tiegħu, sabiex ma titħalla ebda diskriminazzjoni manifesta jew moħbija għal raġunijiet ta' nazzjonalità jew il-post fejn wieħed għandu s-sede.
Id-Direttivi Komunitarji dwar il-protezzjoni tal-kwalità ta' l-arja ċirkostanti
6 Ir-regoli Komunitarji dwar il-protezzjoni tal-kwalità ta' l-arja ċirkostanti huma kkostitwiti b'mod partikolari mid-Direttiva tal-Kunsill 96/92/KE tas-27 ta' Settembru 1996 dwar l-istima u l-immaniġġar tal-kwalità ta' l-arja ċirkostanti (ĠU L 296, p. 55), u d-Direttiva tal-Kunsill 1999/30/KE tat-22 ta' April 1999 dwar il-valuri ta' limitu tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, materji f'partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali (ĠU L 163, p. 41), kif emendata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/744/KE tas-17 ta' Ottubru 2001 (ĠU L 278, p. 35, iktar 'il quddiem id-"Direttiva 1999/30").
7 Skond l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 96/62 għandha bħala skop ġenerali li tiddeffinixxi l-prinċipji bażiċi ta' strateġija komuni li:
– tiddefinixxi u twaqqaf għanijiet għall-kwalità ta' l-arja ċirkostanti fil-Komunità maħsuba biex jevitaw, jipprevenu u jnaqqsu effetti ta' ħsara għas-saħħa umana u għall-ambjent kollu kemm hu,
– jagħmlu stima tal-kwalità ta' l-arja ċirkostanti fuq il-bażi tal-metodi u l-kriterji komuni,
– jiksbu biżżejjed informazzjoni fuq il-kwalità ta' l-arja ċirksotanti u jiżguraw li din tkun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku inter alia permezz ta' għetiebi,
– jikkonservaw il-kwalità ta' l-arja ċirkostanti meta din tkun tajba u jtejbuha f'każijiet oħra;
8 L-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/62 jipprovdi li l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, fuq proposta tal-Kummissjoni, jiffissa valuri ta' limitu għall-inkwinanti elenkati fl-Anness I ta' din id-Direttiva.
9 L-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/62 jgħid:
"Titjib fil-kwalità ta' l-arja ċirkostanti
Rekwiżiti ġenerali
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jassiguraw il-valuri ta' limitu.
[…]
3. L-Istati Membri għandhom ifasslu pjani għall-azzjoni li jindikaw il-miżuri li sa jittieħdu fuq medda qasira meta jkun hemm riskju li l-għetiebi limitu [valuri ta' limitu] u/jew ta' twissija jkunu sa jinqabżu, biex jitnaqqas dan ir-riskju u biex jiġi limitat it-tul ta' żmien ta' dik l-okkorrenza. Dawn il-pjani jistgħu, filwaqt li jiddependi fuq il-każ individwali, jipprovdu għal miżuri biex jikkontrollaw, u fejn ikun meħtieġ, jissospendu attivitajiet, inkluż it-traffiku tal-vetturi bil-mutur, li jikkontribwixxu biex il-valuri limiti [valuri ta' limitu] jinqabżu."
10 Barra minn hekk, l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 96/62 jipprevedi
"Fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet [fejn il-livell ta' wieħed jew bosta inkwinanti jaqbeż il-valur ta' limitu limitu kif ukoll il-marġini ta' tolleranza], l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri biex jiżguraw li pjan jew programm jitħejja jew jiġi implementat biex jintlaħaq il-valur ta' limitu fil-limitu ta' żmien speċifikat.
Il-pjan jew il-programm imsemmi, li għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, għandu jħaddan fih talanqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness IV."
11 Il-valuri tal-limitu għad-dijossidu tan-nitroġenu (NO) huma ffissati fid-Direttiva 1999/30.
12 Skond it-termini ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva 1999/30:
"Dijossidu tan-nitroġenu u ossidi ta' nitroġenu
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-konċentrazzjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu u, fejn japplika l-ossidi tan-nitroġenu, fl-arja ambjentali, kif stmata skond l-Artikolu 7, ma jeċċedux il-valuri ta' limitu stabbiliti f'Sezzjoni I ta' l-Anness II mid-dati speċifikati hemmhekk.
Il-marġini ta' tolleranza stabbiliti f'Sezzjoni I ta' l-Anness II għandhom japplikaw skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 96/62/KE.
2. Il-limitu ta' alert għall-konċentrazzjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu fl-arja ambjentali għandu jkun dak stabbilit f'Sezzjoni II ta' l-Anness II."
13 Jrriżulta mis-Sezzjoni II ta' l-Anness II tad-Direttiva 1999/30 li, fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu:
– il-valur limitu għal kull siegħa huwa ffissat għal 200 µg/m³ "li ma jridx jinqabeż għal aktar minn 18-il darba kull sena kalendarja", miżjuda b'perċentwali ta' tolleranza gradwali sal-1 ta' Jannar 2010;
– il-valur tal-limitu annwali huwa ffissat għal 40 µg/m³, ukoll jiżdied bl-istess perċentwali ta' tolleranza gradwali sal-1 ta' Jannar 2010, jiġifieri 56 µg/m³ għas-sena 2002.
14 Din is-Sezzjoni I tipprovdi wkoll li l-valuri ta' limitu msemmija hawn fuq għandhom jiġu rrispettati fl-1 ta' Jannar 2010.
15 Skond ir-raba' premessa tad-Direttiva 1999/30, il-valuri ta' limitu stabbiliti fiha huma ħtiġijiet minimi u, skond l-Artikolu 176 KE, l-Istati Membri jistgħu iżommu jew jintroduċu miżuri protettivi aktar imsaħħa u b'mod partikolari jistabbilixxu valuri ta' limitu aktar stretti.
Il-liġi nazzjonali u l-fatti fl-oriġini tal-kawża.
16 Id-Direttivi 96/62 u 1999/30 ġew trasposti fil-liġi ta' l-Awstrija permezz ta' emendi tal-liġi fuq il-protezzjoni ta' l-arja kontra t-tniġġis (Immissionsschutzgesetz-Luft, BGB1. I, 115/97, iktar 'il quddiem il-"IG-L").
17 L-Artikolu 10 ta' l-IG-L jipprevedi l-pubblikazzjoni ta' katalgu ta' miżuri li għandhom jittieħdu f'każ li jinqabeż valur ta' limitu. L-Artikolu 11 ta' din il-liġi jelenka l-prinċipji li għandhom jiġu rrispettati f'din l-ipoteżi, bħal ma huma l-prinċipju li min iniġġeż għandu jħallas u l-prinċipju ta' proporzjonalità. L-Artikolu 14 ta' l-istess liġi fih dispożizzjonijiet applikabbli b'mod partikolari għas-settur tat-trasport.
18 Fl-1 ta' Ottubru 2002, wara li kienu kkonstataw li nqabeż il-valur ta' limitu għad-dijossidu tan-nitroġenu, kif iddefinit fis-Sezzjoni I ta' l-Anness II tad-Direttiva 1999/30, l-awtoritajiet tat-Tirol imponew projbizzjoni temporanja tal-moviment matul il-lejl għat-trakkijiet fuq sezzjoni ta' l-awtostrada A 12, fil-wied ta' l-Inn.
19 Matul is-sena 2002, il-valur ta' limitu annwali ffissat għal 56µg/m³ minn dan l-Anness II inqabeż mill-ġdid fil-punt ta' kontroll ta' Vomp/Raststätte, fuq sezzjoni ta' l-awtostrada, fejn il-medja annwali rreġistrata kienet ta' 61µg/m³.
20 Il-projbizzjoni temporanja ta' moviment matul il-lejl b'hekk ġiet estiża imbagħad issostitwita, mill-1 ta' Ġunju 2003, minn projbizzjoni permanenti ta' moviment matul il-lejl li tolqot it-trasport ta' merkanzija minn trakkijiet ta' aktar minn 7.5 tunnellata, liema projbizzjoni kienet applikabbli matul is-sena kollha.
21 Fis-27 ta' Mejju 2003, il-Landeshauptmann von Tirol adotta, fuq il-bażi ta' l-IG-L, ir-regola in kwistjoni li tipprojbixxi, sa mill-1 ta' Awwissu 2003 u għal żmien indeterminat, il-moviment fuq is-sezzjoni in kwistjoni ta' l-awtostrada A 12 għal kategorija ta' trakkijiet li kienu jittrasportaw ċerta merkanzija.
22 Ir-regola in kwistjoni hija intiża, skond l-Artikolu 1 tagħha, li tnaqqas l-emmissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu marbuta ma' l-attivitajiet tal-bniedem u sabiex ittejjeb il-kwalità ta' l-arja sabiex tassigura l-protezzjoni sostenibbli tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll tal-fawna u l-flora.
23 L-Artikolu 2 tar-regola in kwistjoni jiddefinixxi "żona sanitajra" bħala sezzjoni ta' 46 kilometru ta' l-awtostrada A 12 bejn il-bliet ta' Kundl u ta' Ampass.
24 L-Artikolu 3 ta' l-istess regola jipprojbixxi lit-trakkijiet jew lis-semi-karrijiet fejn il-massa massima awtorizzata tagħhom hija aktar minn 7.5 tunnellata u għal trakkijiet b'karrijiet, fejn il-massa massima awtorizzata addizzjonali taqbeż is-7.5 tunnellata, li jiċċirkolaw fuq din is-sezzjoni meta jitrasportaw il-merkanzija segwenti: l-iskart kollu msemmi fil-lista Ewropea ta' l-iskart [li tinsab fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE tat-3 ta' Mejju 2000 li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabbilixxi lista ta' skart skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabbilixxi lista ta' skart perikoluż skond l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż (ĠU L 226, p. 3), fil-verżjoni li tirriżulta mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/573/KE tat-23 ta' Lulju 2001 li temenda d-Deċiżjoni 2000/532 għal dak li jikkonċerna l-lista ta' l-iskart (ĠU L 203, p. 181)], iċ-ċereali, iz-zkuk, il-qxur tas-siġar u sufri, minerali tal-ħadid u mhux tal-ħadid, il-ġebel, il-ħamrija, il-ġebel imkisser, il-vetturi bil-mutur u l-karrijiet jew l-azzar ta' kostruzzjoni. Il-projbizzjoni kellha tapplika mall-ewwel, sa mill-1 ta' Awwissu 2003, mingħajr ma ebda intervent supplementari min-naħa ta' l-awtoritajiet kompetenti kien neċessarju.
25 L-Artikolu 4 tar-regola in kwistjoni kien jeskludi mill-projbizzjoni stipulata mill-Artikolu 3 t-trakkijiet li t-trasport tagħhom kien jibda jew jasal sat-territorju tal-belt ta' Innsbruck jew fid-distretti ta' Kufstein, ta' Schwaz jew ta' Innsbruck-Land. Barra minn hekk, il-IG-L jinkludi huwa stess xi derogi oħra: huwa jeskludi l-projbizzjoni ta' moviment ta' kategoriji differenti ta' vetturi li fosthom hemm il-vetturi ta' manutenzjoni ta' sistemi tat-toroq, ġbir ta' skart kif ukoll il-vetturi agrikoli u forestali. Deroga partikolari tista' barra minn hekk tiġi mitluba għal kategoriji oħra ta' vetturi fl-interess pubbliku jew f'interess privat importanti.
Il-proċedura prekontenzjuża
26 Wara l-ewwel skambju ta' ittri mar-Repubblika ta' l-Awstrija, il-Kummissjoni, fil-25 ta' Ġunju 2003, indirizzat ittra ta' intimazzjoni lil dan l-Istat Membru u stiednitu sabiex jirrispondiha fi żmien ġimgħa. Il-Gvern Awstrijak irrisponda permezz ta' ittra fit-3 ta' Lulju 2003.
27 Fid-9 ta' Lulju 2003, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika ta' l-Awstrija, skond l-Artikolu 226 KE, opinjoni motivita li tistabbilixxi għal din ta' l-aħħar terminu ta' ġimgħa sabiex tikkonforma ruħha. Dan l-Istat Membru rrisponda għall-opinjoni motivata b'ittra tat-18 ta' Lulju 2003.
28 Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-Repubblika ta' l-Awstrija bħala ripsosta għal din l-opinjoni motivata ma kienux sodisfaċenti u ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
Is-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni tal-projbizzjoni settorjali ta' moviment
29 B'digriet tat-30 ta' Lulju 2003, il-Kummissjoni vs l-Awstrija (C-320/03 R, Ġabra p. I-7929), il-President tal-Qorti ordna, ta' titolu kawtelatorju lir-Repubblika ta' l-Awstrija li tissospendi l-eżekuzzjoni tal-projbizzjoni tal-moviment li jinsab fir-regola in kwistjoni sakemm jingħata d-digriet li jtemm il-miżuri sommarji.
30 B'digriet tat-2 ta' Ottubru 2003, il-Kummissjoni vs l-Awstrija (C-320/03 R Ġabra p.I-11665), il-miżura ta' sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta' din il-projbizzjoni ta' moviment ġiet ipprorogata sat-30 ta' April 2004 u, b'digriet tas-27 ta' April (C-320/03 R, Ġabra p. I-3593), din il-proroga inżammet sakemm il-Qorti tiddeċiedi fuq l-azzjoni prinċipali.
Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors
31 Ir-Repubblika ta' l-Awstrija tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors minħabba t-termini qosra ħafna li ġew imposti fuqha matul il-proċedura prekontenzjuża sabiex tkun tista' tipprepara r-risposti tagħha għall-ittra ta' intimazzjoni u għall-opinjoni motivata li kienu ġew indirizzati lilha mill-Kummissjoni. Hija kkunsidrat li d-drittijiet tad-difiża kif ukoll id-dritt għal proċedura ġusta kienu neqsin u tiddubita kemm hu serju l-eżami mis-servizzi tal-Kummissjoni ta' l-osservazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Awstrijaċi matul dan l-istadju tal-proċedura.
32 Ir-Repubblika ta' l-Awstrija żżid tgħid li l-Kummissjoni kellha tapplika l-proċedura prevista mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2679/98 tas-7 ta' Diċembru 1998, dwar il-ħidma [operazzjoni] tas-suq intern b'relazzjoni mal-moviment liberu ta' l-oġġetti [Merkanzija] fost l-Istati Membri (ĠU L 337, p. 8).
33 F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-termini qosra ħafna mogħtija mill-Kummissjoni lir-Repubblika ta' l-Awstrija sabiex tirrispondi għall-ittra ta' intimazzjoni u sabiex tikkonforma ruħha ma' l-opinjoni motivata ġew imposti fuqha fid-data tas-seħħ ta' l-implimentazzjoni tar-regola in kwistjoni, stabbilita mill-awtoritajiet Awstrijaċi stess. Minbarra dan, huwa paċifiku li huma kellhom għarfien tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni qabel il-ftuħ tal-proċedura prekontenzjuża u anki qabel l-adozzjoni tar-regola in kwistjoni mill-mument meta, kif jirriżulta mill-proċess, din l-istituzzjoni li kellha ilment quddiemha, kienet talbet, permezz ta' ittra tas-6 ta' Mejju 2003, lil dawn l-awtoritajiet li jipprovdulha informazzjoni fuq it-test li kien qed jiġi mfassal.
34 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni, li għandha r-responsabbiltà, skond l-Artikolu 211KE li tassigura li l-Istati Membri jwettqu l-obbligi tagħhom skond id-dritt Komunitajru, ma tistax tiġi akkużata li stabbilixxiet termini li kkunsidraw iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ in kwistjoni u, b'mod partikolari, ta' l-urġenza tiegħu (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta' Frar 1988, Kummissjoni vs il-Belġju, 293/85, Ġabra p. 305, punt 14; tat-28 ta' Ottubru 1999, il-Kummissjoni vs l-Awstrija, C-328/96, Ġabra p. I-7479, punti 34 u 51, kif ukoll tat-13 ta' Diċembru 2001, il-Kummissjoni vs Franza, C-1/00, Ġabra p. I-9989, punti 64 u 65).
35 Fir-rigward tal-proċedura stabbilita mir-Regolament 2678/98 li huwa intiż li jneħħi malajr kemm jista' jkun ix-xkiel għall-moviment liberu ta' l-oġġetti [merkanzija] bejn l-Istati Membri, kif iddefiniti fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament, għandu jiġi kkonstatat, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-implementazzjoni ta' tali proċedura ma jkkostitwixxix bl-ebda mod kundizzjoni preliminari li l-Kummissjoni kellha tissodisfa qabel ma timplementa l-proċedura prekontenzjuża skond l-Artikolu 226 u li din ir-Regola ma setgħetx tnaqqas b'ebda mod il-kompetenzi li din l-instituzzjoni iżżomm minn din l-aħħar dispożizzjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta' Ġunju 2005, il-Kummissjoni vs il-Greċja, C-394/02, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 27 u 28, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.
36 B'konsegwenza, hemm lok li dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.
Fuq il-mertu
Argument tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri intervenjenti
37 Skond il-Kummissjoni, ir-regola in kwistjoni tikser id-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta' transport, li jinsabu fir-Regolamenti Nru 881/92 kif ukoll 3118/93, u li tostakola l-moviment liberu tal-merkanzija, kif iggarantita mill-Artikoli 28 KE sa 30 KE.
38 Il-miżura ta' projbizzjoni stipulata mir-regola in kwistjoni tmiss de facto b'mod predominanti t-tranżitu internazzjonali tal-merkanzija. Fil-fatt, it-trasport ta' transitu, milqut b'din il-miżura, issir b'aktar minn 80% minn impriżi mhux Awstrijaċi, filwaqt li t-trasport mhux imsemmi minn din il-miżura kien b'aktar minn 80% minn impriżi Awstrijaċi. Din ir-regola kienet tħaddem diskriminazzjoni ta' l-anqas indiretta, li kienet inkompatibbli mar-Regoli Nru 881/92 u 3118/93 kif ukoll ma' l-Artikoli 28KE sa 30KE.
39 Minħabba li kienet applikabbli b'mod distint, miżura bħal din ma setgħetx tiġi ġġustifikata minħabba kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw il-protezzjoni ta' l-ambjent. Jekk huwa veru li r-Repubblika ta' l-Awstrija kienet tiġġustifika r-regola in kwistjoni għal raġunijiet relatati mas-saħħa pubblika u mal-protezzjoni ta' l-ambjent, huwa evidenti, skond il-Kummissjoni u l-Istati Membri intervenjenti, li dan l-aħħar għan huwa predominanti. Mandankollu, ġustifikazzjoni rigward il-premessi tas-saħħa pubblika, skond l-Artikolu 30KE, ma kinitx possibbli ħlief meta l-merkanzija kkonċernata kienet tikkostitwixxi theddida diretta u verifikabbli għas-saħħa tal-persuni. Dan ma kienx manifestament il-każ hawnhekk.
40 Fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-regola in kwistjoni, għalkemm applikabbli distintivament, setgħet tkun validament ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw il-protezzjoni ta' l-ambjent, il-Kummissjoni tikkunsidra, sussidjarjament, li din ir-regola ma tistax tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tad-Direttivi 96/62 u 1999/30. Fil-fatt, minn naħa, projbizzjoni settorjali tal-moviment għal tul ta' żmien indeterminat ma setax jiġi bbażat fuq l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 96/62, li ma jikkonċernax miżuri urġenti u temporanji biss. Min-naħa l-oħra, jekk il-valur ta' limitu previst fl-Artikolu 8(3) ta' din l-aħħar Direttiva għad-dijossidu tan-nitroġenu, miżjud bil-marġini ta' tolleranza kien inqabeż b'mod sinifikanti fl-2002, il-katalgu ta' miżuri li jinsabu fl-Artikolu 10 ta' l-IG-L ma kellhomx l-elementi rekwiżiti minn dan l-Artikolu 8(3) u mill-Anness IV tad-Direttiva 96/62.
41 L-Istati membri intervenjenti jikkritikaw ukoll il-metodu applikat fl-Awstija sabiex tkejjel il-livelli ta' tniġġis u biex tasal għall-konklużjoni li l-emissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu huma partikolarment imputabbli lil ċerta kategorija ta' trakkijiet. Il-Gvern Ġermaniż, b'mod partikolari, isostni li, skond is-Sezzjoni I ta' l-Anness II tad-Direttiva 1999/30, il-valur ta' limitu annwali għall-protezzjoni tas-saħħa umana ma kienx jsir obbligatorju biss mill-1 ta' Jannar 2010. Qabel din id-data, li jinqabżu l-valuri ta' limitu stabbiliti għas-snin differenti jiġġustifika biss li l-Istati Membri jieħdu miżuri immedjati. Huma jkunu awtorizzati jagħmlu dan biss jekk il-"limitu ta' alert" previst fl-Artikolu 2(6) u s-Sezzjoni II ta' l-Anness II ta' din id-Direttiva ikun inqabez, dak li r-Repubblika ta' l-Awstija ma kinitx sostniet u lanqas allegat. Minbarra dan, skond il-Gvernijiet Ġermaniżi u Taljani, li jkun inqabeż il-valur ta' limitu għad-dijossidu tan-nitroġenu li fuqu tibbaża r-regola in kwistjoni ma kienx ġie stabbilit skond ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Annessi V u VI tad-Direttiva 1999/30. Il-Gvern Ġermaniż jinvoka wkoll bosta nuqqasijiet ta' ordni metodoloġika li jikkaratterizzaw il-miżura tat-teħid ta' kampjuni li saru mill-awtoritajiet Awstrijaċi. Minbarra dan, huwa jsostni li l-użu ta' rotot alternattivi, iktar twal, kienu kkaġunaw tniġġis atmosferiku u dan ma jagħmel xejn ħlief li jwarrab fil-ġenb il-problema.
42 Fi kwalunkwe każ, ir-regola in kwistjoni ma kinitx timxi mal-prinċipju ta' proporzjonalità.
43 F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkonstata li, skond l-istatistika maħduma mill-awtoritajiet tat-Tirol, 5 2000 trakkijiet bħala medja kienu, fl-2002, għaddew kuljum fuq l-awtostrada A 12 bejn il-belt ta' Wörgl (li tinsab qrib il-fruntiera Ġermaniża) u dik ta' Hall (li tinsab 10 kilometru minn Innsbruck). Madankollu, ir-regola in kwistjoni kellha bħala effett li tipprojbixxi t-traffiku tat-triq ta' transitu internazzjonali kollu lil trakkijiet li jitrasportaw il-merkanzija elenkata f'din ir-regola, peress li r-rotot l-oħra possibbli bit-triq jimplikaw devjazzjoni kunsiderevoli għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati.
44 Barra minn hekk, skond il-Kummissjoni u l-Istati Membri intervenjenti, il-ferrovija ma tikkostitwixxix, għal żmien qasir, soluzzzjoni alternattiva reali għall-impriżi ta' trasport tat-triq ikkonċernati minħabba l-kapaċità mnaqqsa tal-linja ferrovjarja ta' Brenner u meta jiġu kkunsidrati l-limitazzjonijiet tekniċi, id-dewmien kif ukoll in-nuqqas ta' fiduċja f'dan il-mezz ta' trasport, ikun kif ikun il-metodu ta' trasport ferrovjarju maħsub sabiex jissostitwixxi t-trasport bit-triq ta' merkanzija msmemmija fir-regola in kwistjoni.
45 Il-Kummissjoni tinvoka wkoll il-konsegwenzi ekonomiċi kunsiderevoli li jirriżultaw mill-implrmentazzjoni tal-miżura ta' projbizzjoni stipulata mir-regola in kwistjoni, mhux biss għall-industrija tat-trasport, imma wkoll għall-fabbrikanti tal-merkanzija kkonċernata, li minħabba f'hekk ikollhom isostnu ispejjeż ta' trasport aktar għolja, peress li l-impriżi Ġermaniżi u Taljani kienu l-ewwel li ġew milquta minn tali miżura. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri intervenjenti jindikaw li huma l-impriżi ta' trasport żgħar u medji, li bosta minnhom kienu speċjalizzaw fit-trasport ta' xi uħud mill-merkanziji msemmija, li huma mhedda.
46 Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Istati Membri intervenjenti, issemmi diversi miżuri li skond dawn il-partijiet, jostakolaw inqas il-moviment liberu tal-merkanizja u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta' trasport filwaqt li jkunu jistgħu jilħqu l-għan imsemmi mir-regola in kwistjoni, jiġifieri:
– il-possibbiltà li tiddaħħal progressivament il-projbizzjoni ta' moviment għat-trakkijiet ta' klassijiet EURO differenti;
– is-sistema ta' ekopunti, prevista mill-Protokoll Nru 9 fuq it-trasport bit-triq u bil-ferrovija u t-trasport kombinat fl-Awstrija (iktar 'il quddiem il-"Protokoll Nru 9"), flimkien ma' l-Att dwar il-kundizzjonijiet ta' Adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Repubblika ta' l-Isvezja u għall-adattamenti tat-trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 21 u ĠU 1995, L 1, p. 1), dan il-Protokoll kien diġa kkontribwixxa b'mod sinifikanti sabiex jikkonċilja t-traffiku tat-trakkijet ma' l-eżiġenzi marbuta mal-protezzjoni ta' l-ambjent;
– il-limitazzjoni tat-traffiku tat-trakkijiet fil-ħinijiet ta' l-akbar traffiku;
– il-projbizzjoni ta' moviment matul il-lejl ta' dawn il-vetturi;
– l-istabbiliment ta' sistemi ta' taxxa tat-triq skond il-kwantità ta' tniġġiż emess, jew ukoll
– l-implementazzjoni tal-limitazzjonijiet ta' sewqan.
47 Dawn il-miżuri differenti li huma aktar konformi mal-prinċipju tal-ġlieda kontra s-sors tat-theddid ta' l-ambjent u l-prinċipju li min iniġġeż għandu jħallas, huma intiżi wkoll għat-traffiku lokali u jnaqqsu t-tniġġis ikkawżat mill-vetturi mhux ikkonċernati mir-regola in kwistjoni. Fi kwalunkwe każ, fin-nuqqas ta' evalwazzjoni ta' l-effetti fuq il-konċentrazzjoni tad-dijossidu tan-nitroġenu tal-projbizzjoni tal-moviment matul il-lejl, impost xi xhur qabel l-adozzjoni ta' din ir-regola, din ir-regola kienet prematura.
48 Il-Gvern Ġermaniż isostni, minbarra dan, li l-għażla tal-merkanzija msemmija hija arbitrarja u inġusta. Skond il-Gvern Olandiż, ir-regola in kwistjoni ma tapplikax ħlief għal bosta sorsi ta' tniġġis fiż-żona kkonċernata u tillimita wkoll l-użu ta' trakkijiet relattivament propji, relatati mal-klassi EURO-3. Il-Gvern Taljan jallega, minn naħa tiegħu, li din ir-regola tikser ukoll id-dritt ta' tranżitu mogħti mid-dritt Komunitarji lil vetturi li għalihom ġew assenjati l-ekopunti.
49 Fl-aħħarnett, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-Artikolu 10 KE jimponi lir-Repubblika ta' l-Awstrija li tikkonsulta fi żmien xieraq ma' l-Istati Membri kkonċernati u lil Kummissjoni qabel ma tadotta miżura daqshekk radikali bħal ma hija l-projbizzjoni settorjali ta' moviment. Skond il-Kummissjoni, tali miżura kellha, ta' l-anqas, tidħol progressivament sabiex tippermetti lis-setturi nteressati li jippreparaw ruħhom għal bidla fiċ-ċirkostanzi li tirriżulta mill-implementazzjoni tagħha.
Argument tar-Repubblika ta' l-Awstrija
50 Ir-Repubblika ta' l-Awstrija tikkunsidra li r-regola in kwistjoni timxi skond id-dritt Komunitarju. Hija ġiet adottata skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi rigward il-protezzjoni tal-kwalità ta' l-arja ċirkostanti, u b'mod partikolari, ta' l-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 96/62, kif trasposta fis-sistema legali ta' l-Awstrija.
51 Din l-aħħar Direttiva, flimkien mad-Direttiva 1999/30, timponi, fil-każ li jinqabeż il-valur ta' limitu annwali tad-dijossidu tan-nitroġenu, obbligu ta' aġir mill-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, il-Kummissjoni ma tikkontestax li, fl-2002, il-valur ta' limitu miżjud bil-marġini tat- tolleranza, jiġifieri 56µg/m³, inqabeż fil-punt ta' kontroll ta' Vomp/Rastsätte u li, fl-2003, dan il-valur ta' limitu kien inqabeż b'mod sinjifikattiv minħabba li l-konċentrazzjonijet tad-dijossidu tan-nitroġenu fl-arja ċirkostanti kienu laħqu it-68 µg/m³. Kien f'dan il-kuntest li r-regola in kwistjoni kellha tiġi adottata.
52 Ir-Repubblika ta' l-Awstrija tirrikonoxxi li l-Protokoll Nru 9, li jistabbilixxi r-regoli fuq l-ekopunti, jipprovdi espliċitament derogi għad-dritt Komunitarju li ġej minnu. Dawn id-derogi kienu madankollu elenkati b'mod eżawrjenti u d-Direttivi 96/62 u 1999/30 ma kienux jagħmlu parti minnhom.
53 L-istudji xjentifiċi juru b'mod ċar li l-emissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu għat-trakkijiet jikkostitwixxi sors kbir ta' tniġġis atmosferiku fiż-żona msemmija mir-regola in kwistjoni. Kien ċar li kien neċessarju li jiġi limitat in-numru ta' trasport effettwati minn dawn il-vetturi. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu għażlu l-merkanzija li għalihom it-trasport ferrovjarju kien jikkostitwixxi soluzzjoni alternattiva effettiva mill-punt tekniku u ekonomiku. Ir-Repubblika ta' l-Awstirja tirreferi, f'dan ir-rigward, għal dokumenti li ħarġu diversi kumpannija tal-ferroviji pubbliċi jew privati, nazzjonali u barranin, minn fejn jirriżulta li teżisti kapaċità suffiċjenti sabiex tirrispondi għaż-żieda tat-talba minħabba l-adozzjoni ta' din ir-regola. Jeżistu wkoll toroq alternattivi. Fil-fatt, kważi nofs it-traffiku bit-triq tat-trakkijiet fi tranżitu fil-passaġġ ta' Brenner kellu għad-dispożizzjoni tiegħu itinerarju alternattiv iqsar jew għall-anqas ekwivalenti għar-rotta ta' Brenner.
54 Filwaqt li jiġu kkunsidrati dawn is-soluzzjonijiet alternattivi, il-preokkupazzjonijiet alarmisti tal-Kummissjoni, ibbażat fuq is-suppożizzjoni li t-trasport ta' tranżitu kollu ta' trakkiijiet barranin ikkonċernati kellhom jiġu ddevjati kemm lejn l-Isvizzera, kemm lejn ir-rotta ta' Tauern fl-Awstrija, kienu infondati.
55 Ir-Repubblika ta' l-Awstrija tikkontesta wkoll l-argumenti rigward l-effetti ekonomiċi tar-regola in kwistjoni fuq is-settur tat-trasport. Din kienet ikkaratterizzata minn piż żejjed strutturali u minn marġini ta' benefiċċji estremament dgħajjef. Il-fatt li din ir-regola tista' tipprovoka dawn il-problemi ma jistax jikkostitwixxi raġuni biex tiġi kkunsidrata bħala illegali.
56 Għal dak li jikkonċerna in-natura allegatament diskriminatorja tar-regola in kwistjoni, ir-Repubblika ta' l-Awstrija ssostni li l-projbizzjoni ta' moviment taffettwa wkoll it-traffiku intern u li l-għażla tal-merkanzija msemmija minn din ir-regola saret fil-funzjoni tal-possibbiltà li titrasferixxi b'mod faċili t-trasport tagħhom lejn il-ferrovija.
57 Ir-Repubblika ta' l-Awstrija żżid tgħid li ċ-ċirkustanza li t-trasport li l-punt ta' tluq jew ta' destinazzjoni jinsab fiż-żona kkonċernata huwa eskluż mill-projbizzjoni mhijiex ta' natura li tistabbilixxi l-eżistenza ta' diskriminazzjoni għad-dannu tat-trasportaturi mhux Awstrijaċi. Id-deroga favour it-traffiku lokali kien, fil-fatt, parti inerenti tas-sistema implementata għax it-trasferiment ta' dan it-tip ta' traffiku lejn il-ferrovija, b'ipoteżi ġewwa l-istess żona, iwassal għal vjaġġi itwal għad-destinazzjoni tal-linji tal-ferroviji, li kien ikollu effett li jmur kontra l-għan imfittex mir-regola in kwistjoni.
58 Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-Qorti kellha tiddeċiedi li r-regola in kwistjoni hija indirettament diskriminatorja, il-projbizzjoni ta' moviment kienet iġġustifikata minħabba raġunijiet ta' protezzjoni kemm tas-saħħa umana kif ukoll ta' l-ambjent. Ir-Repubblika ta' l-Awstrija ssostni, f'dan ir-rigward, li l-valuri ta' limitu li jinsabu fid-Direttivi 96/62 u 1999/30 ġew iffissati fuq il-bażi ta' kriterji xjentifiċi, għal livell ikkunsidrat neċessarju sabiex jiggarantixxi l-protezzjoni għal tul ta' żmien tas-saħħa pubblika kif ukoll ta' l-ekosistemi u tal-flora. B'hekk ikun inutli li jintwera li kull qabża fuq dawn il-valuri thedded is-saħħa pubblika jew l-ambjent kollu kemm hu.
59 Minbarra dan, il-projbizzjoni mħabbra fir-regola in kwistjoni kienet xierqa, neċessarja u proporzjonali għall-għan imfittex. Il-Kummissjoni ma kinitx ikkontestat in-natura xierqa tal-miżura, għall-anqas sal-preżentazzjoni tar-replika, lanqas in-neċessità tagħha, filwaqt li kkunsidrat il-qabża tal-valuri ta' limitu annwali. Ir-Repubblika ta' l-Awstrija tikkontesta, min-naħa l-oħra, l-inadegwatezza xierqa tas-soluzzjonijiet alternattivi proposti mill-Kummissjoni u l-Istati Membri intervenjenti. Li tipprojbixxi ċerti klassijiet ta' vetturi EURO kien kemm mhux suffiċjenti (fir-rigward tal-klassijiet 0 u 1), kemm disporporzjonat (fir-rigward tal-klassijiet 0, 1 u 2). Din l-aħħar projbizzjoni kienet taffettwa 50% tat-traffiku tat-trakkijiet u ma kienet tikkunsidra bl-ebda mod it-transferibbiltà tagħha lejn il-ferrovija. Ir-Repubblika ta' l-Awstija ssostni, minbarra dan, li l-valuri ta' limitu kienu nqabżu minkejja l-applikazzjoni tas-sistema ta' ekopunti u li, fit-tfassil ta' din ir-regola, il-projbizzjoni ta' moviment matul il-lejl imposta fuq it-trakkijiet kienet ġiet ikkunsidrata.
60 Barra minn hekk, il-projbizzjoni settorjali ta' moviment għat-trakkijiet ma kinitx tikkostiwixxi miżura iżolata, għax xi azzjonijiet oħra ta' natura strutturali kienu twettqu, bħall-estensjoni ta' l-infrastruttura tal-ferrovija kif ukoll it-titjib tat-trasport pubbliku ta' passiġġiera lokali u reġjonali.
61 Fl-aħħar nett, ir-Repubblika ta' l-Awstrija ssostni li l-argument imressaq mill-Kummissjoni għas-sostenn ta' l-ilment rigward il-ksur tar-Regolamenti Nru 881/92 u 3118/93 mhuwiex ċar u huwa qasir wisq. B'mod aktar preċiż, il-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġuni għalfejn dawn ir-regoli kienu ġew miksura, bħal per eżampju li l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 38(1)(c) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma ġewx irrispettati.
Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
62 Ir-rikors tal-Kummissjoni jitlob, ġeneralment, li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, meta pprojbixxiet lit-trakkijiet ta' aktar minn 7.5 tunnellata li jittrasportaw ċerta merkanzija, li jiċċirkulaw fuq sezzjoni ta' l-awtostrada A 12 fil-wied ta' l-Inn, ir-regola in kwistjoni joħloq ostaklu inkompatibbli mal-moviment liberu tal-merkanzija ggarantit mit-Trattat u jikser ir-Regolamenti 881/92 u 3118/93. Għaldaqstant għandhom jiġu suċċessivament eżaminati dawn iż-żewġ ilmenti.
Fir-rigward ta' l-allegat ksur tar-regoli tat-Trattat rigward il-moviment liberu tal-merkanzija
– Fuq l-eżistenza ta' ostaklu għall-moviment liberu tal-merkanzija
63 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar mall-ewwel li l-moviment liberu tal-merkanzija jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji fundamentali tat-Trattat (sentenza tad-9 ta' Diċembru 1997, il-Kummissjoni vs Franza, C-265/95, Ġabra p. I-6959, punt 24).
64 Kif l-Artikolu 3KE li jinsab fl-ewwel parti tat-Trattat, intitolat "Prinċipji" jgħid, fl-Artikolu 1(c) tiegħu, li għall-finijiet ta' dak li hemm imsemmi fl-Artikolu 2 ta' l-istess Trattat, l-attivitajiet tal-Komunità għandhom jinkludu suq intern karatterizzat bit-tneħħija, bejn l-Istati Membri, ta' l-ostakli għall-moviment liberu ta' merkanziji. Bl-istess mod, l-Artikolu 14(2)KE jipprovdi li "[I]s-suq intern għandu jikkomprendi arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta' merkanzija […] huwa żgurat skond id-dispożizzjonijiet ta' dan it-Trattat" li jidher b'mod partikolari fl-Artikoli 28KE u 29KE.
65 Libertà ta' moviment bħal dan għandu bħala konsegwenza l-eżistenza ta' prinċipju ġenerali ta' libertà ta' tranżitu tal-merkanzija ġewwa l-Komunità (ara s-sentenza tas-16 ta' Marzu 1983, SIOT, 266/81, Ġabra p. 731, punt 16).
66 Jidher li, meta pprojbixxiet lit-trakkijiet ta' aktar minn 7.5 tunnellata li jittrasportaw ċerta kategorija ta' merkanzija milli jiċċirkulaw fuq sezzjoni fit-triq ta' importanza ewlenija, li tikkostitwixxi waħda mill-mezzi prinċipali ta' komunikazzjoni fuq l-art bejn in-Nofsinhar tal-Ġermanja u t-Tramuntana ta' l-Italja, ir-regola in kwistjoni kienet tostakola l-moviment liberu tal-merkanzija u, b'mod partikolari, it-tranżitu liberu tagħhom.
67 Iċ-ċirkustanza li kien jeżisti, kif issostni r-Repubblika ta' l-Awstrija, ta' itinerarji alternattivi jew mezzi oħra ta' trasport li kienu jippermettu t-trasport tal-merkanzija in kwistjoni mhijiex ta' natura li tevita l-eżistenza ta' ostaklu. Fil-fatt, hija ġurisprudenza kostatni, mis-sentenza tal-11 ta' Lulju 1974, Dassonville (8/74, Ġabra p. 837, punt 5) li l-Artikoli 28KE u 29KE, fil-kuntest tagħhom, għandhom jinftehmu li jwasslu għall-eliminazzjoni ta' l-ostakli kollha, diretti jew indiretti, attwali jew potenzjali, fir-rigward ta' skambji fil-kummerċ intrakomunitarju (ara s-sentenza tat-12 ta' Ġunju 2003, Schmidberger, C-112/00 Ġabra p. I-5659, punt 56).
68 Issa ma setax jiġi miċħud li l-projbizzjoni ta' moviment stipulat mir-regola in kwistjoni, li ġiegħlet lill-impriżi kkonċernati li jfittxu, barra minn hekk fi żmien qasir ħafna, soluzzjonijiet alternattivi li jagħmlu profitt għat-trasport tal-merkanzija msemmija minn din ir-regola, tista' tillimta l-possibbiltajiet ta' skambju bejn l-Ewropa tat-Tramuntana u t-Tramuntanta ta' l-Italja.
69 Jirriżulta li r-regola in kwistjoni għandha tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi miżura b'effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi, bħala prinċipju inkompatibbli ma' l-obbligu tad-dritt Komunitarju li jirriżulta mill-Artikoli 28KE u 29KE, sakemm din il-miżura ma tistax tiġi oġġettivament iġġustifikata.
– Fuq il-ġustifikazzjoni eventwali ta' l-ostaklu
70 Skond ġurisprudenza kostanti, miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw il-kummerċ intrakomunitarju jistgħu jiġu ġġustifikati mir-rekwiżiti obbligatorji rigward il-protezzjoni ta' l-ambjent sakemm il-miżuri in kwistjoni jkunu proporzjonati għall-iskop intiż (ara, b'mod partikolari, s-sentenzi ta' l-14 ta' Diċembru 2004, Kummissjoni vs il-Ġermanja, C-463/01, Ġabra p. I-11705, punt 75, kif ukoll Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz, C-309/02, Ġabra p. I-11763, punt 75).
71 F'dan il-każ, huwa paċifiku li r-regola in kwistjoni ġiet adottata bl-għan li tiggarantixxi l-kwalità ta' l-arja ċirkostanti fiż-żona kkonċernata u li b'hekk hija ġġustifikata minħabba raġunijiet marbuta mal-protezzjoni ta' l-ambjent.
72 F'dan ir-rigward, għandu mall-ewwel jiġi mfakkar li l-protezzjoni ta' l-ambjent jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Komunità (ara s-sentenzi tas-7 ta' Frar 1985, ADBHU, 240/83, Ġabra p. 531, punt 13; ta' l-20 ta' Settembru 1988, il-Kummissjoni vs Danimarka, 302/86, Ġabra p. 4607, punt 8; tat-2 ta' April 1998, Outokumpu, C-213/96, Ġabra p. I-1777, punt 32, u tat-13 ta' Settembru 2005, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, C-176/03, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 41). F'dan is-sens, l-Artikolu 2KE jgħid li l-Komunità għandha bħala għan li tippromwovi "livell għoli ta' protezzjoni u titjib fil-kwalità ta' l-ambjent", u, għal dan il-għan, l-Artikolu 3(1)KE jipprevedi l-implementazzjoni ta' "politika fil-qasam ta' l-ambjent".
73 Minbarra dan, skond it-termini ta' l-Artikolu 6KE, "[i]l-ħtiġijiet għall-ħarsien ta' l-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implementazzjoni tal-politika u l-attivitajiet Komunitarji", dispożizzjoni li tenfasizza n-natura trasversali u fundamentali ta' dan il-għan (ara s-sentenza il-Kummissjoni vs il-Kunsill, ċċitata aktar 'il fuq, punt 42).
74 Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li, fir-rigward b'mod aktar partikolari tal-protezzjoni tal-kwalità ta' l-arja ċirkostanti, li d-Direttiva 1999/30 tiddeffinixxi, fl-Anness II tagħha, valuri ta' limitu għad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidu tan-nitroġenu bl-għan li tevalwa din il-kwalità u li tiddetermina f'liema mument miżura preventiva jew korrettiva għandha tittieħed.
75 F'dan il-kuntest, id-Direttiva 96/62 tistabbilixxi distinzjoni fejn jeżisti "riskju li l-għetiebi [valuri ta' ]limitu…jkunu sa jinqabżu" jew dawk li effettivament ġew maqbuża.
76 F'din l-ewwel ipoteżi, l-Artikolu 7(3) ta' din id-Direttiva jipprevedi li l-Istati Membri "għandhom ifasslu pjani għall-azzjoni […] biex jitnaqqas [dak] ir-riskju". Dawn il-pjanijiet, skond l-istess dispożizzjoni, jistgħu jipprovdi "għal miżuri biex […] jisspospendu attivitajiet, inklużi t-traffiku tal-vetturi bil-mutur, li jikkontribwixxu biex il-valur limiti jinqabżu".
77 Fit-tieni ipoteżi, jiġifieri meta jiġi stabbilit li l-livell ta' wieħed jew bosta inkwinanti jaqbżu l-valur ta' limitu, miżjud bil-marġini tat-tolleranza, l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 96/62 jgħid li l-Istati Membri "għandhom jieħdu l-miżuri biex jiżguraw li pjan jew programm jitħejja jew jiġi implementat biex jintlaħaq il-valur [ta'] limitu fil-limitu taż-żmien speċifikat". Dawn il-pjanijiet jew programmi isiru pubbliċi u jkun fihom l-informazzjoni elenkata fl-Anness IV ta' din id-Direttiva.
78 Fejn ir-Repubblika ta' l-Awstrija ssostni li r-regola in kwistjoni, bbażata fuq l-IG-L li tittrasponi d-Direttivi 96/62 u 1999/30 fil-liġi nazzjonali, twassal preċiżament sabiex timplementa d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7 u 8 tad-Direttiva 96/62, għandu jiġi eżaminat primarjament jekk din ir-Regola għandha effettivament skop bħal dan.
79 F'dan ir-rigward, għalkemm il-metodu użat biex jitkejjel il-livell tad-dijossidu tan-nitroġenu fl-arja ċirkostanti kien ġie kkritikat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni stess ma tikkontestax li, fl-2002 u 2003, il-valur ta' limitu annwali stabbilit għal dan l-inkwinant, miżjud bl-marġni tat-tolleranza, inqabeż fil-punt ta' kontroll ta' Vomp/Raststätte.
80 F'dawn il-kundizzjonijiet, ir-Repubblika ta' l-Awstija, fil-kunsiderazzjoni tat-termini ta' l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 96/62, kellha l-obbligu li taġixxi. Ċertament li, il-valuri ta' limitu stabbiliti għad-dijossidu tan-nitroġenu ma kellhomx jiġu rrispettati, skond is-Sezzjoni I ta' l-Anness II tad-Direttiva 1999/30, ħlief mill-1 ta' Jannar 2010. Madankollu il-fatt jibqa' li fil-każ li jinqabżu l-valuri ta' limitu, Stat Membru ma jistax jiġi kkritikat li aġixxa skond l-Artikolu 8(3), qabel din id-data ta' skadenza, bl-għan li jilħaq progressivament ir-riżultat preskritt minn din l-aħħar Direttiva u li twassal, fit-terminu ġrevist, għall-għan stabbilit minnha.
81 Jirriżulta b'mod aktar partikolari mill-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 96/62 li, f'każ li jinqabżu l-valuri ta' limitu, l-Istat Membru li huwa kkunsidrat li għandu jfassal jew jimplementa pjan jew programm, li għandu jinkludi l-informazzjoni elenkata fl-Anness IV ta' din id-Direttiva, bħal ma huma l-informazzjoni li jikkonċernaw il-lokalizzazzjoni tat-tniġġis żejjed, is-sorsi prinċipali ta' emissjonijiet responsabbli għat-tniġġis jew il-miżuri eżistenti u possibbli. B'definizzjoni, pjan jew programm bħal dan għandu jkollu sensiela ta' miżuri xierqa u koerenti mfassla sabiex inaqqsu l-livell tat-tniġġis f'ċirkustanzi konkreti taż-żona kkonċernata.
82 Madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri li jidhru fl-Artikolu 10 ta' l-IG-L, il-prinċipji msemmija fl-Artikolu 11 ta' l-istess liġi u d-dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mas-settur tat-trasport, li jinsabu fl-Artikolu 14 ta' l-IG-L, ma setgħux jiġu kkwalifikati bħala "pjan" jew "programm" skond l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 96/62 minħabba li mhuma b'ebda mod konnessi ma' sitwazzjoni konkreta ta' qbiż tal-valuri ta' limitu. Fir-rigward tar-regola in kwistjoni stess, adottata fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq mill-IG-L, anki jekk tista' jiġi kkwalifikata bħala pjan jew programm, m'għandhiex, kif fakkret il-Kummissjoni, l-indikazzjonijiet kollha previsti fl-Anness IV tad-Direttiva 96/62 u, b'mod partikolari, dawk previsti fil-punti 7 sa 10 ta' dan l-Anness.
83 F'dawn il-kundizzjonijiet, anki jekk jiġi aċċettat li r-regola in kwistjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 96/62, ma tistax jiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi implementazzjoni korretta u integrali ta' din id-dispożizzjoni.
84 Il-konstatazzjoni li tippreċedi madankollu ma jfissisrx li ostaklu għall-moviment ħieles tal-merkanizja li jirriżulta mill-miżura ta' projbizzjoni ta' ċirkolazzjoni stipulata mir-regola in kwistjoni jista' jiġi ġġustifikat minn wieħed mill-rekwiżiti obbligatorji ta' interess ġenerali deċiżi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
85 Għall-finijiet li tivverifika jekk tali ostakolu huwa proporzjonat fir-rigward ta' l-għan leġittimu imfittex f'dan il-każ, jiġifieri l-protezzjoni ta' l-ambjent, għandu jiġi ddeterminat jekk dan huwiex neċessarju u xieraq sabiex jintlaħaq l-għan awtorizzat.
86 Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni u l-Istati Membri intervenjenti jsostnu kemm in-nuqqas ta' mezzi alternattivi reali għat-trasport tal-merkanzija in kwistjoni u l-eżistenza ta' bosta miżuri oħra, bħal ma huma l-introduzzjoni tal-limitazzjonijiet tas-sewqan jew is-sistemi ta' taxxa tat-triq marbuta mal-klassijiet differenti ta' trakkijiet, kif ukoll is-sistema ta' ekopunti, li setgħet tnaqqas l-emissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu għal livelli aċċettabbli.
87 Mingħajr ma jkun hemm għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi hija stess fuq l-eżistenza ta' mezzi alternattivi, ferrovjarji jew tat-triq, sabiex tassigura t-trasport ta' merkanzija previst mir-regolament in kwistjoni f'kundizzjonjijiet ekonomikament aċċettabbli kif ukoll li tivverifika jekk miżuri oħra, magħqudin ma' oħrajn jew le, setgħu jiġu adottati sabiex jilħqu l-għan ta' tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' tniġġis fiż-żona kkonċernata, huwa suffiċjenti li jiġi mfakkar f'dan ir-rigward li, qabel l-adozzjoni ta' miżura daqshekk radikali bħal ma hija l-projbizzjoni totali ta' moviment fuq sezzjoni ta' awtostrada li tikkostitwixxi mezz ta' komunikazzjoni vitali bejn ċerti Stati Membri, huwa l-obbligu ta' l-awtoritajiet Awstrijaċi li jeżaminaw bir-reqqa l-possibbiltajiet li jduru fuq miżuri inqas restrittivi għall-libertà ta' ċirkulazzjoni u li ma jiskartawhomx ħlief jekk in-natura inadegwata tagħhom, fir-rigward ta' l-għan imsegwi, hija stabbilita b'mod ċar.
88 B'mod aktar partikolari, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-għan iddikkjarat li japplika trasferiment tat-trasport tal-merkanzija kkonċernata bit-triq lejn il-ferrovija, dawn l-awtoritajiet kellhom l-obbligu li jassiguraw li kienet teżisti kapaċità ferrovjarja suffiċjenti u xierqa li tippermetti trasferiment bħal dan qabel ma tiddeċiedi li tqiegħed fis-seħħ miżura bħal dik ordnata fir-regola in kwistjoni.
89 Madankollu, kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 113 tal-konklużjonijiet tiegħu, f'dan il-każ ma kienx stabbilit b'mod konklużiv li l-awtoritajiet Awstrijaċi, meta fasslu r-regola in kwistjoni, kienu studjaw biżżejjed il-kwistjoni jekk l-għan ta' tnaqqis ta' l-emissjonijiet tat-tniġġis seta' jintlaħaq permezz ta' mezzi oħra inqas restrittivi tal-libertà ta' moviment u jekk kienx jeżisti effettivament soluzzjoni alternattiva realista li tippermetti li jassigura t-trasport tal-merkanzija kkonċernata permezz ta' mezzi oħra ta' trasport jew itinerarji oħra bit-triq.
90 Minbarra dan, perijodu tranżitorju limitat għal xahrejn bejn id-data ta' l-adozzjoni tar-regola in kwistjoni u dak previst mill-awtoritajiet Awstrijaċi għall-implementazzjoni tal-projbizzjoni settorjali ta' moviment kien manifestament insuffiċjenti sabiex jippermetti b'mod raġonevoli lill-operaturi kkonċernati li jadattaw ruħhom għal ċirkustanzi l-ġodda (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq ta' l-14 ta' Diċembru 2004, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, punti 79 u 81, kif ukoll Radlberger Getränkegessellschaft u S. Spitz, punti 80 u 81).
91 Filwaqt li jiġi kkunsidrat dan kollu, għandu jiġi konkluż li r-regola in kwistoni, filwaqt li tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità, ma tistax validament tiġi ġġustifikata minħabba raġunijiet intiżi għall-protezzjoni tal-kwalità ta' l-arja. B'konsegwenza ta' dan, din ir-regola hija inkompatibbli ma' l-Artikoli 28KE u 29KE.
Rigward il-ksur tar-Regolamenti 881/92 u 3118/93
92 Skond il-Kummissjoni, ir-regola in kwistjoni tikser ukoll l-Artikoli 1 u 3 tar-Regolament Nru 881/92 kif ukoll l-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 3118/93.
93 F'dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, kemm fir-rikors tagħha jew fir-replika tagħha kif ukoll matul is-seduta, il-Kummissjoni naqqset li tinvoka argument speċifiku in sostenn ta' dan l-ilment.
94 B'konsegwenza ta' dan, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.
95 Fir-rigward ta' l-iżviluppi kollha li jippreċedu, għandu jiġi kkonstatat li, meta pprojbixxiet lit-trakkijiet ta' aktar minn 7.5 tunnellata, li kienu jittrasportaw ċerta merkanzija, milli jiċċirkulaw fuq sezzjoni ta' l-awtostrada A 12 fil-wied ta' l-Inn, wara l-adozzjoni tar-regola in kwistjoni, ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqqset li twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 28KE u 29KE.
Fuq l-ispejjeż
96 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regola ta' Proċeduri, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika ta' l-Awstrija tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż. Skond il-paragrafu 4 ta' l-Istess Artikolu, l-Istati membri intervenjenti fit-talbiet tal-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeciedi
1) Meta pprojbixxiet lit-trakkijiet ta' aktar minn 7.5 tunnellata, li kienu jittrasportaw ċerta merkanzija, milli jiċċirkulaw fuq sezzjoni ta' l-awtostrada A 12 fil-wied ta' l-Inn, wara l-adozzjoni tar-regola tal-Prim Ministru reġjonali tat-Tirol li jillimta t-trasport fuq l-awtostrada A 12 fil-wied ta' l-Inn (projbizzjoni settorjali ta' moviment) [Verordnung des Landeshaptmanns von Tirol, mit der auf der A 12 Inntalautobahn verkehrsbeschränkende Maβnahmen erlassen werden (sektorales Fahrverbot)], tas-27 ta' Mejju 2003, ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqqset li twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 28KE u 29KE.
2) Ir-rikors huwa miċħud fir-rigward tat-talbiet l-oħra.
3) Ir-Repubblika ta' l-Awstrija hija kkundannata tbati l-ispejjeż.
4) Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Taljana u r-Renju ta' l-Olanda għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħho.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.