Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0160

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta' Marzu 2005.
    ir-Renju ta' Spanja vs Eurojust.
    Rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE - Rikors imressaq minn Stat Membru, dirett kontra sejħiet għal applikazzjonijiet maħruġa minn Eurojust għall-postijiet ta' aġenti temporanji - Inkompetenza tal-Qorti - Inammissibbiltà.
    Kawża C-160/03.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:168

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    15 ta' Marzu 2005 (*)

    "Rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE – Rikors imressaq minn Stat Membru, dirett kontra sejħiet għal applikazzjonijiet maħruġa minn Eurojust għall-postijiet ta’ aġenti temporanji – Inkompetenza tal-Qorti – Inammissibbiltà"

    Fil-kawża C-160/03,

    li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressaq fit-8 ta' April 2004,

    Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn  L. Fraguas Gadea, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrent

    sostnut minn:

    Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn T. Pynnä, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    intervenjenti

    vs

    Eurojust, irrappreżentata minn J. Rivas de Andrés, abogado, u minn D. O'Keeffe, solicitor,

    konvenuta

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C.W.A. Timmermans, A. Rosas (Relatur) u A. Borg Barthet, Presidenti ta’ Awla, R. Schintgen, N. Colneric, S. von Bahr, J.N. Cunha Rodrigues, E. Juhász, G. Arestis, M. Ilešič u J. Malenovský, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

    Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Ottubru 2004,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Fir-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob l-annullament ta’ seba’ sejħiet għal applikazzjonijiet għar-reklutaġġ ta’ aġenti temporanji maħruġin minn Eurojust (iktar 'il quddiem is-"sejħiet għall-applikazzjonijiet ikkontestati") fil-parti li għandha x’taqsam mat-trażmissjoni ta’ dokumenti bl-Ingliż min-naħa ta’ min jiddepożita l-att tal-kandidatura tiegħu stess f’lingwa oħra, kif ukoll fid-diversi punti f’kull sejħa dwar ir-rekwiżiti lingwistiċi tal-kandidati.

     Il-kuntest ġuridiku

    2       It-Titolu VI tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea fih dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f’materji kriminali, u speċifikament l-Artikoli 29 UE sa 42 UE

    3       L-Artikolu 31 UE jiddeskrivi l-għanijiet ta’ l-azzjoni komuni fis-settur tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

    4       L-Artikolu 34(2) UE jippreskrivi li :

    "Il-Kunsill għandu jieħu dawk il-miżuri u jinkoraġixxi dik il-kooperazzjoni, juża l-forma xierqa u l-proċeduri kif stabbiliti f’dan it-Titolu, li jikontribwixxu biex jintlaħħqu l-miri ta' l-Unjoni. B'dak l-iskop, billi jaġixxi unanimament fuq l-inizjattiva ta’ xi Stat Membru jew tal-Kummissjoni, l-Kunsill jista':

    […]

    ċ)      jadotta deċiżjonijiet għal xi skop ieħor konsistenti ma' l-iskopijiet ta’ dan it-Titolu, barra minn approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu jorbtu u m’għandux ikollhom effett dirett; il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet fil-livell ta' l-Unjoni;

    […]".

    5       L-Artikolu 35 UE jirrigwarda l-kompetenzi tal-Qorti dwar id-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea. Il-paragrafi 6 u 7 ta’ dan l-Artikolu jippreskrivu dan li ġej :

    "6. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tirrevedi il-legalità ta' deċiżjonijiet ta' qafas u deċiżjonijiet f’azzjonijiet li jkunu tqajmu minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ inkompetenza, ksur tal-forma sostanzjali, ksur ta’ dan it-Trattat jew ta’ xi regola tal-liġi li għandha x’taqsam ma' l-applikazzjoni tiegħu, jew ta’ użu ħażin tal-poteri. Il-proċeduri previsti f’dan il-paragrafu għandhom ikunu istitwiti f' terminu ta' xahrejn mill-publikazzjoni ta’ din il-miżura.

    7. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tagħti sentenza dwar kull kwistjoni bejn l-Istati Membri rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ atti adottati taħt l-Artikolu K.6 (2) kull meta kwistjoni bħal din ma tkunx tista' tiġi riżolta mill-Kunsill fi żmien sitt xhur minn meta tkun giet riferita lill-Kunsill minn xi wieħed mill-membri tiegħu. Il-Qorti għandu wkoll ikollha l-ġurisdizzjoni li tagħti sentenza dwar xi kwistjoni bejn Stati Membri u l-Kummissjoni rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet stabbiliti skond l-Artikolu 34(2)(d)."

    6       L-Artikolu 41(1) UE jippreskrivi:

    " L-Artikoli 189, 190, 195, 196 sa 199, 203, 204, 205(3), 206 sa 209, 213 sa 219, 255 u 290 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea għandhom japplikaw għad-disposizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-oqsma msemmija f'dan it-Titolu."

    7       L-Artikolu 46 UE, li jifforma parti mid-dispożizzjonijiet ta’ l-aħħar tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea, jgħid dan li ġej :

    " Id-disposizzjonijiet tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, li għandhom x'jaqsmu mal-poteri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u ma' l-eżerċizzju ta' dawk il-poteri għandhom japplikaw biss għall-provvedimenti li ġejjin ta' dan it-Trattat:

    […]

    b)      id-disposizzjonijiet tat- Titolu VI, skond il-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5;

    […]".

    8       L-Artikolu 12, l-ewwel inċiż KE jippreskrivi li:

    "Fl-ambitu ta’ dan it-Trattat, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet partikolari li jippreskrivi, għandha tkun ipprojbita kull diskriminazzjoni li ssir minħabba n-nazzjonalità"

    9       L-Artikolu 230, l-ewwel inċiż, KE jippreskrivi li:

    "Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina l-legalità ta’ l-atti adottati flimkien mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, ta’ l-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-BĊE, minbarra ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, u ta’ atti tal-Parlament Ewropew maħsuba li joħolqu effetti legali għar-rigward ta' terzi".

    10     Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 236 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja "hi kompetenti tiddeċiedi kull tilwima bejn il-Komunità u l-aġenti tagħha, fil-limiti u taħt il-kondizzjonjijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jew il-Kondizzjonijiet ta' l-Impieg".

    11     Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1, tal-15 ta’ April 1958, li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 1958, p. 385), kif emendat mid-diversi Trattati ta’ Adeżjoni, u aktar reċentement mill-Att dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta’ l-Iżvezja u l-emendamenti tat-Trattati li fuqhom hija mwaqqfa l-Unjoni Ewropea (ĠU C 241, 1994, p. 21, u ĠU L 1, 1995, p. 1), jippreskrivi fl-Artikolu 1:

    "L-ilsna uffiċjali u l-ilsna tax-xogħol ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni huma l-ilsien Daniż, l-ilsien Finlandiż, l-ilsien Franċiż, l-ilsien Grieg, l-ilsien Ingliż, l-ilsien Taljan, l-ilsien Olandiż, l-ilsien Portugiż, l-ilsien Spanjol, l-ilsien Żvediż, l-ilsien Ġermaniż."

    12     Id-Deċiżjoni tal-Kunsill, 2002/187/JHA, tat-28 ta' Frar 2002, li tistabbilixxi l-Eurojust bil-għan li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità serja (ĠU L 63, p. 1; iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni"), hija bbażata fuq it-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea, partikolarment fuq l-Artikoli 31 UE u 34(2)(ċ) UE. Fl-Artikolu 1 tagħha, hija tipprevedi li Eurojust hija organu ta’ l-Unjoni b'personalità ġuridika.

    13     Skond l-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni, Eurojust għandha tkun komposta minn membru nazzjonali wieħed, issekondat minn kull Stat Membru skond is-sistema ġuridika tiegħu, li jkollu l-kariga ta’ prosekutur, ta’ mħallef jew uffiċjal tal-pulizija b’kompetenza ekwivalenti.

    14     L-għanijiet ta’ Eurojust, imfissra fl-Artikolu 3 ta’ l-istess Deċiżjoni, huma li jiġi stimulat u mtejjeb il-koordinament, fost l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ l-Istati Membri, ta’ l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet fl-imsemmija stati, li tittejjeb il-kooperazzjoni fost dawn l-awtoritajiet, partikolarment tiffaċilita l-implementazzjoni ta’ l-assistenza ġudizzjarja internazzjonali u l-eżekuzzjoni tat-talbiet ta’ estradizzjoni, kif ukoll li tagħti sostenn lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għat-titjib ta’ l-effikaċja ta’ l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tagħhom. Skond il-każ, Eurojust tista’ tagħti appoġġ kemm meta l-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjonijiet jinteressaw biss lil Stat Membru wieħed u pajjiż terz, kemm jekk Stat Membru u l-Komunità.

    15     L-Artikolu 30 tad-Deċiżjoni , bl-isem "Persunal", jippreskrivi :

    "1.      Il-persunal ta’ l-Eurojust għandu jkun suġġett għar-regoli u r-regolamenti applikabbli għall-uffiċjali u l-impjegati l-oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej, b’mod partikolari dwar ir-reklutaġġ u l-istatut tiegħu."

    2.      Il-persunal ta’ l-Eurojust għandu jikkonsisti f’persunal irreklutat skond ir-regoli u r-regolamenti msemmija fil-paragrafu 1, waqt li jiġu kkunsidrati l-kriterji kollha msemmija fl-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej stabbiliti bir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 [...] li jinkludi d-distribuzzjoni ġeografika tiegħu [...].

    3.      Taħt l-awtorità tal-Kulleġġ, il-persunal għandu jaqdi dmirijietu waqt li jkun konxju ta’ l-għanijiet u l-mandat ta’ l-Eurojust [...]".

    16     L-Artikolu 31 ta’ l-istess Deċiżjoni, bl-isem ta’ "Għajnuna fl-interpretazzjoni u t-traduzzjoni", jippreskrivi :

    "1.      L-arranġamenti lingwistiċi uffiċjali ta' l-Unjoni għandhom japplikaw għall-proċeduri ta' l-Eurojust [fil-verżjoni lingwistika Spanjola: "El régimen lingüístico de las instituciones de la Comunidad Europea será aplicabile a Eurojust"].

    2.      Ir-rapport annwali tal-Kunsill skond it-tieni sub-paragrafu ta' l-Artikolu 32(1), għandu jsir fil-lingwi uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea".

    17     L-Artikoli 12 sa 15 tal-Kundizzjonijiet applikabbli għal ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (iktar 'il quddiem il-"KĦO") għandhom x’jaqsmu mal-kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ dawn ta’ l-aħħar. L-Artikolu 12 jippreskrivi :

    "1.      Ir-reklutaġġ ta’ aġenti temporanji għandu jiżgura lill-istituzzjoni l-kollaborazzjoni ta’ persuni li jkollhom l-ogħla kwalitajiet ta’ kompetenza, rendiment u integrità, impjegati skond bażi ġeografika wiesgħa kemm jista' jkun possibbli fost iċ-ċittadini ta' l-Istati Membri tal-Komunità.

    […]

    2.       Biex persuna tkun impjegata bħala aġent temporanju, jeħtieġ li jkollha r-rekwiżiti li ġejjin:

    [...]

    e)     ikollha għarfien fil-fond ta’ waħda mil-lingwi tal-Komunità u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Komunità safejn ikun meħtieġ fil-funzjonijiet li taqdi".

    18     L-Artikolu 91 ta’ l-Istatut tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ‘il quddiem l-"Istatut"), li huwa applikabbli għall-aġenti temporanji skond l-Artikolu 73 tal-KĦO, li jirreferi għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu VII ta’ l-Istatut dwar il-mezzi ta’ rimedju, jispeċifika l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi ta’ impjegati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Hija ġurisprudenza kostanti li dan ir-rimedju huwa offrut lill-kandidati kollha li jipparteċipaw fl-applikazzjonijiet ġenerali jew fi proċeduri ta’ l-għażla, kemm jekk huma impjegati tal-Komunità jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1965, 23/64, Vandevyvere vs Il-Parlament, Ġabra p. 189, b'mod partikolari p. 208).

    19     Fit-13 ta’ Frar 2003, ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea s-sejħiet għal applikazzjonijiet ikkontestati. F’dawn is-sejħiet ir-rekwiżiti li kellhom jiġu sodisfatti dwar l-għarfien lingwistiku [kienu] dawn :

    –       għall-post ta’ persuna responsabbli għall-protezzjoni tad-data (ĠU C 34 A, p. 1), "għarfien eċċellenti ta’ l-Ingliż u l-Franċiż. Tiġi kkunsidrata wkoll il-kapaċità li wieħed jaħdem fil-lingwi l-oħra ta’ l-Unjoni Ewropea";

    –       għall-post ta’ accountant (ĠU C 34 A, p. 4), "għarfien fil-fond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Komunità, inkluż għarfien sodisfaċenti ta’ l-Ingliż" ;

    –       għall-post ta’ espert fin-netwerkijiet informatiċi u t-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni (Webmaster) tan-netwerk ġudizzjarju Ewropew (ĠU C 34 A, p. 6), "huwa meqjus essenzjali għarfien tajjeb ta’ l-Ingliż; titqies, b’mod partikolari, il-kapaċità li wieħed jesprimi lilu nnifsu f’ta’ lanqas żewġ lingwi uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej, inkluż il-Franċiż" ;

    –       għall-post ta’ konsulent legali (ĠU C 34 A, p. 11) "għarfien eċċellenti ta’ l-Ingliż u tal-Franċiż. Tiġi kkunsidrata l-kapaċità li wieħed jaħdem f’lingwi oħra ta’ l-Unjoni Ewropea" ;

    –       għall-post ta’ librar/arkivista (ĠU C 34 A, p. 13) l-ebda ħtieġa partikulari ;

    –       għal post ta’ uffiċjal għall-istampa (ĠU C 34 A, p. 16), il-"kapaċità li wieħed jesprimi ruħu ta’ lanqas bl-Ingliż u bil-Franċiż. Jiġi kkunsidrat l-għarfien ta’ lingwi oħra uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea".

    –       għall-post ta’ segretarju/a ma’ l-amministrazzjoni ġenerali (ĠU C 34 A, p. 18), "jiġi kkunsidrat għarfien fil-fond ta’ l-Ingliż u tal-Franċiż, kif ukoll għarfien sodisfaċenti ta’ lingwi oħra Komunitarji".

    20     F’kull sejħa, jiġi ppreċiżat li l-applikazzjoni għandha tkun bil-miktub, barra milli fil-lingwa tal-kandidat, bl-Ingliż u jkollha magħha wkoll ittra ta’ motivazzjoni u curriculum vitae miktuba esklużivament bl-Ingliż.

     Il-motivi tar-rikors

    21     Ir-Renju ta’ Spanja jinvoka tliet motivi in sostenn tar-rikors tiegħu

    22     L-ewwel motiv isemmi l-ksur ta’ l-Artikolu 12(2)(e) tal-KĦO, li jgħid li jista’ jintalab, mill-kandidati, għarfien fil-fond ta’ lingwa waħda biss, jiġifieri bħala prinċipju lsien art twelidhom, u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra skond l-għażla tagħhom.

    23     It-tieni motiv isemmi l-ksur tar-reġim lingwistiku ta’ Eurojust kif previst fl-Artikolu 31 tad-Deċiżjoni. Dan ir-reġim huwa ddefinit mir-Regolament Nru 1, li l-Artikolu 1 tiegħu jispeċifika liema huma l-lingwi uffiċjali, kif ukoll dawk tax-xogħol ta’ l-istituzzjonijiet. Billi l-ebda dispożizzjoni tad-Deċiżjoni msemmija ma tipprevedi li l-lingwi tax-xogħol ta’ Eurojust għandhom ikunu l-Ingliż jew il-Franċiż, il-lingwi kollha ta’ l-Unjoni jistgħu jintużaw mill-membri ta’ Eurojust u mill-persunal tiegħu tas-segretarjat. Għaldaqstant, is-sejħiet għal applikazzjonijiet jiksru r-reġim lingwistiku ta’ Eurojust.

    24     It-tielet motiv isemmi l-ksur tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni stabbilita mill-Artikolu 12 KE u mill-obbligu ta’ motivazzjoni. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni f’dan ir-rigward li, bl-impożizzjoni, fuq il-kandidati, li jimlew ċerti dokumenti bl-Ingliż u li jkun hemm fis-sejħiet kundizzjonijiet dwar l-għarfien ta’ l-Ingliż u l-Franċiż, tinħoloq diskriminazzjoni manifesta skond in-nazzjonalità, għaliex b’dan il-mod jiġu ffavoriti l-kandidati li jkollhom l-Ingliż jew il-Franċiż bħala lsien art twelidhom. It-trattament aktar favorevoli rriżervat għal dawn iż-żewġ lingwi la huwa ġġustifikat u lanqas motivat, u dan iwassal għall-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni skond l-Artikolu 253 KE.

     Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

     Argumenti tal-partijiet

    25     Qabel ma tippreżenta l-argumenti tagħha fuq il-mertu, Eurojust tqajjem l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li jeħtieġ li tiġi eżaminata.

    26     Eurojust issostni li r-rikors huwa inammissibbli għaliex huwa mingħajr bażi ġuridika.

    27     Fl-ewwel lok, ir-rikors ma jistax ikun ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE, għaliex il-lista ta’ atti li l-legalità tagħhom tista’ tiġi mistħarrġa mill-Qorti ma tinkludix dawk adottati minn Eurojust, li hija organu ta’ l-Unjoni li għandu personalità ġuridika tiegħu stess.

    28     Fit-tieni lok, ir-rikors ma jistax ikun ibbażat fuq l-Artikolu 35(6) UE għaliex l-atti kkontestati ma jikkostitwixxux la deċiżjoni-qafas, u lanqas waħda mid-deċiżjonijiet ikkontemplati minn din id-dispożizzjoni.

    29     Fit-tielet lok, ir-rikors ma jistax ikun ibbażat fuq l-Artikolu 91 ta’ l-Istatut, sa fejn din id-dispożizzjoni, jekk hija tippermetti li kandidat iressaq rikors kontra s-sejħa għal applikazzjonijiet, ma tippermettix li Stat Membru jressaq rikors kontra l-atti li wieħed qed jippreżumi jippreġudikaw għal persuni li għalihom huwa applikabbli l-Istatut stess.

    30     Fir-raba’ lok, ir-rikors ma jistax ikun bbażat fuq id-Deċiżjoni, għaliex din ma tagħtix kompetenza lill-Qorti li tiddeċiedi dwar atti ta’ Eurojust.

    31     Fl-aħħar lok, ir-rikors ma jistax ikun ibbażat fuq l-Artikolu 35(7) UE, billi dan mhuwiex rikors li għandu x’jaqsam ma’ l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 31(1),tad-Deċiżjoni mressaq skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 35(7) UE.

    32     Ir-Renju ta’ Spanja jfakkar li l-Komunità hija komunità tad-dritt li l-atti tagħha huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill C-50/00 P, Ġabra p. I‑6677, punt 38) u jsostni li ebda att li jiġi minn organu b’personalità ġuridika suġġett għad-dritt Komunitarju ma jista’ jinħeles minn dan il-kontroll.

    33     Huwa jirrikonoxxi li, bis-saħħa ta’ l-Artikoli 35 UE u 46 UE, il-kompetenza tal-Qorti fis-settur tat-tielet pilastru hija limitata. Madankollu, is-sejħiet għall-applikazzjonijiet ikkontestati ma jistgħux ikunu meqjusa bħala atti adottati fl-ambitu ta’ dan is-settur, u l-istħarriġ tagħhom mill-Qorti ma tistax tiġi ssubordinata għal xi kundizzjonijiet.

    34     Ir-Renju ta’ Spanja madankollu jħalli għall-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti l-għażla tal-bażi ġuridika l-aktar xierqa għar-rikors tiegħu, filwaqt li jitlob f’kull każ li l-iżball eventwali li jkun għamel f'din l-għażla ma jwassalx għal dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà jew għal-liberazzjoni mill-osservanza ta’ dan il-ġudizzju.

     Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti

    35     Preliminarjament, għandu jiġi osservat li huwa r-rikorrent li għandu jagħmel l-għażla tal-bażi ġuridika tar-rikors tiegħu, u mhux l-Imħallef Komunitarju li personalment jagħżel il-bażi legali l-iktar approprjata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tat-8 ta’ Ottubru 1974, Union syndical et vs Il-Kunsill, 175/73, Ġabra p. 917, u d-digriet tal-Qorti tal-Prim Istanza tat-8 ta’ Ġunju 1998 Keeling vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern, T‑148/97, Ġabra p. II-2217). Mill-eżami tar-rikors jirriżulta li r-rikorrent ibbaża ruħu fuq l-Artikolu 230 KE. Huwa għalhekk fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni li għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta' l-imsemmi r-rikors.

    36     Kif jirriżulta mill-Artikolu 230 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja "għandha teżamina l-legalità ta’ l-atti adottati flimkien mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, ta’ l-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-BĊE, minbarra ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, u ta’ atti tal-Parlament Ewropew maħsuba li joħolqu effetti legali għar-rigward ta' terzi"

    37     Għandu jiġi kkonstata li l-atti kkontestati f’dan ir-rikors mhumiex fost dawk li l-Qorti tista' tistħarreġ il-legalità tagħhom skond l-imsemmi artikolu.

    38     Barra minn hekk, l-Artikolu 41 UE ma jippreskrivix li l-Artikolu 230 KE huwa applikabbli għad-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f’materji kriminali skond it-Titolu VI tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea, peress li l-kompetenza tal-Qorti f’din il-materja hija fil-fatt speċifikata fl-Artikolu 35 UE, li għalih jirriferi l-Artikolu 46(b) UE.

    39     F’kull każ, ir-Renju ta’ Spanja kkontesta li s-sejħiet għal applikazzjonijiet ikkontestati huma meqjusa atti adottati fl-ambitu tat-Titolu VI tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea.

    40     Isegwi li r-rikors imressaq fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 230 KE ma jistax ikun iddikjarat ammissibbli.

    41     Fir-rigward tad-dritt għall-ħarsien ġudizzjarju effettiv fi ħdan il-komunità ta’ dritt li, skond ir-Renju ta’ Spanja, timponi li d-deċiżjonijiet kollha ta’ organu li jkollu personalità ġuridika suġġett għad-dritt Komunitarju, jistgħu jiġu mistħarrġa ġudizzjarjament, għandu jiġi rrilevat li l-atti kkontestati f'dan il-każ ma tneħħewx minn kull stħarriġ ġudizzjarju.

    42     Kif jirriżulta mill-Artikolu 30 tad-Deċiżjoni, il-persunal ta’ Eurojust huwa suġġett għar-regoli u r-regolamenti applikabbli għall-funzjonarji u l-impjegati l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej. Isegwi li, skond ġurisprudenza kostanti, l-interessati prinċipali, jiġifieri l-kandidati għad-diversi postijiet fis-sejħiet fl-atti kkontestati, setgħu jirrikorru għand l-imħallef Komunitarju skond il-kundizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 91 ta' l-Istatut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vandevyvere vs Il-Parlament, iċċitata iktar 'il fuq, p. 214).

    43     Fl-ipoteżi ta’ rikors bħal dan, l-Istati Membri jistgħu jitolbu li jintervjenu fil-kawża skond l-Artikolu 40 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u jistgħu, eventwalment, kif jirriżulta mit-tieni u t-tielet inċiżi ta' l-Artikolu 56 ta’ l-istess Statut, iressqu rikors kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

    44     Jirriżulta minn dan kollu li r-rikors huwa inammissibbli.

     Fuq l-ispejjeż

    45     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Eurojust talbithom, ir-Renju ta’ Spanja, li tilef, għandu jiġi ordnat ibati l-ispejjeż. Skond l-Artikolu 69(4), l-ewwel inċiż, ta’ l-istess Regoli, ir-Repubblika tal-Finlandja, li intervjeniet fil-kawża, għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi:

    1)      Ir-rikors huwa inammissibbli.

    2)      Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat ibati l-ispejjeż.

    3)      Ir-Repubblika tal-Finlandja għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top