Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0117

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-13 ta' Jannar 2005.
    Società Italiana Dragaggi SpA et. vs Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti u Regione Autonoma Friuli Venezia Giulia.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Consiglio di Stato - l-Italja.
    Direttiva 92/43/KEE - Konservazzjoni tal-ħabitat naturali - Fawna u flora selvaġġa - Lista nazzjonali ta' siti eliġibbli li jistgħu jiġu identifikati bħala siti ta' importanza Komunitarja - Miżuri ta' konservazzjoni.
    Kawża C-117/03.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:16

    SENTENZA TAL-QORTI (it-Tieni Awla)

    13 ta' Jannar 2005 (*)

    "Direttiva 92/43/KEE - Konservazzjoni tal-ħabitat naturali - Fawna u flora selvaġġa – Lista nazzjonali ta' siti eliġibbli li jistgħu jiġu identifikati bħala siti ta’ importanza Komunitarja – Miżuri ta' konservazzjoni"

    Fil-kawża C-117/03

    Li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234KE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta' Deċiżjoni tas-17 ta' Diċembru, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta' Marzu 2003, fil-proċedura:

    Società Italiana Dragaggi SpA et.

    vs

    Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti,

    Regione Autonoma del Friuli Venezia Giulia, 

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C. Gulmann (Relatur), J.-P. Puissochet, N. Colneric u J.N. Cunha Rodrigues , Imħallfin

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: Múgica Azarmendi, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

    –       għal Società Italiana Dragaggi SpA, f'isimha u bħala mandatarja ta' l-Associazione Temporanea di Imprese Mantovani SpA u HAM BV, minn R. Titomanlio, avvocato,

    –       għar-Regione Autonoma del Friuli Venezia Giulia, minn G. Marzi, avvocato,

    –       għar-Repubblika Franċiża minn, C. Mercier, bħala aġent,

    –       għar-Renju ta' l-Iżvezja, minn A. Kruse, bħala aġent,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. van Beek u L. Cimaglia, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta' Lulju 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 4(5), 6(3) u 21 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p. 7), iktar 'il quddiem id-"Direttiva").

    2       Din id-domanda ġiet imressqa fil-kuntest ta' kawża bejn Societa Italiana Dragaggi SpA (iktar 'il quddiem "Dragaggi") u l-Ministero delle Instrastrutture e dei Trasporti (Ministeru ta' l-Infrastruttura u tat-Trasport) u la Regione autonoma Fruili-Venezia Giulia (Reġjun awtonomu ta' Fruili-Venezia Giulia) rigward l-annullament, mill-amministrazzjoni kontraenti, ta' kuntratt ta' xogħolijiet ta' tħammil u tneħħija ta' sedimenti fuq pjattaforma ċentrali fil-port ta' Monfalcone.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt Komunitarju

    3       Skond is-sitt premessa tad-Direttiva "sabiex ikun żgurat li l-ħabitat naturali u l-ispeċi li huma ta' interess Komunitarju jkunu restawrati jew miżmuma sew f’livell favorevoli ta’ konservazzjoni, jeħtieġ li jiġu nominati żoni speċjali ta’ konservazzjoni sabiex jinħoloq network [netwerk] Ekoloġiku Ewropew koerenti skond skeda speċifikata".

    4       Skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, "Għandu jiġi stabbilit netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-netwerk, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ ħabitat naturali elenkati fl-Anness I u l-ħabitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ ħabitat naturali u l-ħabitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom".

    5       L-Artikolu 4 tad-Direttiva jgħid kif ġej:

    "1.      Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ ħabitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. […]

    Il-lista għandha tkun mgħoddija lill-Kummissjoni, fi żmien tliet snin min-notifika ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ informazzjoni dwar kull sit. […]

    2.      Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 2) u fl-istruttura kemm ta’ kull wieħed mill-ħames reġjuni bioġeografiċi msemmija fl-Artikolu 1(ċ) (iii) kif ukoll dik tat-territorju kollu msemmi fl-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni trid tistabilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista preliminari tas-siti li huma ta’ importanza għall-Komunità msawra mil-listi ta’ l-Istati Membri li tiddentifika dawk li jospitaw waħda jew aktar mit-tipi ta’ ħabitat naturali ta’ prijorità jew l-ispeċi ta’ prijorità..

    L-Istati Membri li s-siti tagħhom li jilqgħu fihom wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ħabitat naturali ta’ prijorità u l-ispeċi ta’ prijorità jirrappreżentaw aktar minn 5 % tat-territorju nazzjonali tagħhom jistgħu, bi ftehim mal-Kummissjoni, jitolbu li l-kriterji mniżżla fl-Anness III (Stadju 2) ikunu mħaddna b’mod iktar flessibbli meta jintagħżlu s-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità fit-territorju tagħhom.

    Il-lista tas-siti magħżula bħala siti ta’ importanza għall-Komunità, li tiddentifika dawk li jilqgħu fihom waħda jew aktar mit-tipi ta’ ħabitat naturali ta’ prijorità jew l-ispeċi ta’ prijorità, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilità fl-Artikolu 21.

    3.      Il-lista msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi mwaqqfa fi żmien sitt snin min-notifika ta’ din id-Direttiva.

    4.      Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skond il-proċedura stabbilità fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien [...].

    5.      Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4)."

    6       Skond l-Anness III, Stadju 2, punt 1 tad-Direttiva "Is-siti kollha identifikati mill-Istati Membri fi Stadju 1 li fihom tipi ta’ ħabitat naturali ta’ prijorità u/jew speċi jitqiesu bħala siti ta’ importanza għall-Komunità".

    7       L-Artikolu 6 tad-Direttiva jiddisponi:

    "[…]

    2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-ħabitat naturali u l-ħabitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinjifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

    3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li mhuwiex meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinjifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta' l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

    4.      Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

    Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ ħabitat naturali ta’ prijorità u/jew speċi ta’ prijorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta' interess pubbliku li jieħu l-preċedenza."

    8       L-Artikolu 21 tad-Direttiva jipprovdi li l-miżuri maħsuba jittieħdu skond proċedura ta' kumitat.

    9       Skond l-Artikolu 23 tad-Direttiva, it-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali, mill-Istati membri, għandha sseħħ fi żmien xahrejn min-notifika tad-Direttiva. Din in-notifika saret fl-10 ta' Ġunju 1992.

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    10     Id-Direttiva ġiet trasposta fis-sistema legali Taljan bid-Digriet Nru 357 tal-President tar-Repubblika, tat-8 ta' Settembru 1998, intitolat, "Regolament għall-implementazzjoni tad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa" ( GURI Nru 284, supplement ordinarju Nru 219/L, tat-23 ta' Ottubru 1997, iktar 'il quddiem "DPR Nru 357/97").

    11     B B'mod partikolari, l-Artikolu 4 tal-DPR Nru 357/97 jorbot il-miżuri ta' konservazzjoni tas-siti mat-twaqqif mill-Kummissjoni tal-lista ta' siti ta' importanza Komunitarja.

     Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    12     Dragaggi rebħet, fl-14 ta' Mejju 2001, kuntratt ta' xogħlijiet ta' tħammil u ta' tneħħija ta' sedimenti fuq pjattaforma ċentrali fil-port ta' Monfalcone.

    13     Erba' xhur wara, l-amministrazzjoni aġġudrikatiċi annullat il-proċedura kollha ta' għoti ta' kuntratt għar-raġuni li l-pjattaforma ċentrali ddestinata biex tilqa' s-sedimenti li jirriżultaw mix-xogħlijiet ġiet iddikjarata bħala sit ta' interess Komunitarju wara li kienet saretilha evalwazzjoni ta' l-effetti skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. Issa, tali evalwazzjoni ma segħtatx, skond l-awtorità kompetenti, tkun pożittiva.

    14     Dragaggi kkuntestat, quddiem il-Tribunale Amministrativo Regionale del Fruili Venezia Giulia (Itala), il-legalità tad-deċiżjoni ta' annullament ta' l- aġġudikazzjoni. Hija sostniet, b'mod partikolari, li l-proċedura ta' klassifikazzjoni fost is-siti ta' importanza Komunitarja tas-sit ta' "il-bokka ta' Timavo" fejn tinsab il-pjattaforma ċentrali kkonċernata mill-proġetti ta' tħammil kienet għadha ma twettqitx. Fil-fatt, għalkemm l-awtoritajiet Taljani kienu pproponew lista ta' siti, fosthom il-bokka ta' Timavo, lill-Kummissjoni, hija kienet għadha ma adottatx il-lista Komunitarja, skond it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva. Barra min hekk, l-obbligu sabiex issir evalwazzjoni minn qabel tal-proġetti li jkollhom effetti sinjifikattivi fuq is-sit ma kienx għadu applikabbli.

    15     Fis-sentenza tiegħu, it-tribunal ċaħad l-argument ibbażat fuq l-inapplikabbiltà tal-proġett in kwistjoni tal-proċedura ta' evalwazzjoni ta' l-effetti. Skond it-Tribunale Amministrativo Regionale del Fruili Venezia Giulia, meta Stat Membru, bħal f’dan il-każ, jiddentifika sit li fih ħabitat ta' prijorità u jelenkah fil-lista proposta lill-Kummissjoni, dan is-sit għandu, skond l-Anness III, Stadju 2, punt 1 tad-Direttiva, jiġi kkunsidrat ta' importanza Komunitarja. Għalhekk, ikun suġġett, skond l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva, għall-miżuri ta' protezzjoni previsti fl-Artikolu 6(2) sa (4), ta' l-istess Direttiva, u b'mod partikolari għall-evalwazzjoni ta' l-effetti previst fit-tielet paragrafu.

    16     Skond l-imsemmi tribunal, din l-interpretazzjoni hija l-unika li tista' tagħti sens ta' loġika lid-Direttiva li, fil-miżura fejn tipprevedi l-protezzjoni tal-ħabitat u ta' l-ispeċi li qegħdin fil-periklu ta' għajbien u ta' estinzjoni, għandha tkun applikabbli direttament, anki jekk biss bħala miżura ta' protezzjoni. Barra minn hekk, il-miżuri li jipproponu l-inklużjoni ta' Timavo fost is-siti ta' prijorità, u b'mod partikolari d-digriet tal-Ministru ta' l-Ambjent tat-3 ta' April 2000, ma ġewx ikkontestati.

    17     Peress li kkunsidra li evalwazzjoni ta' l-effetti kien neċessarju, it-Tribunale Amministrative Regionale del Fruili Venezia Giula laqa' l-ilmenti l-oħra ta' Dragaggi dwar in-nuqqas ta' konsultazzjoni mal-persuni responsabbli għat-twettiq tal-proġett, il-fatt li s-soluzzjonijiet alternattivi għal dawk magħżula għall-proġett ma ġewx ikkunsidrati qabel l-annullament ta' l-atti konnessi mal-kuntratt u l-fatt li l-Awtorità Kompetenti ma kkunsidratx il-possibbiltà li tagħti opinjoni pożittiva taħt dawn il-kundizzjonijiet.

    18     Dragaggi ressqet appell mid-Deċiżjoni tat-Tribunale Amministrative Regionale del Fruili Venezia Giula quddiem il-Consiglio di Stato. B'mod partikolari, hija sostniet quddiem dan ta' l-aħħar li l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva jimponi l-applikazzjoni tal-miżuri ta' protezzjoni previsti fl-Artikolu 6 ta' l-istess Direttiva biss mit-twaqqif tal-lista Komunitarja. Din il-pożizzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 4 tad-DPR Nru 357/97 li jiddisponi li l-miżuri ta' protezzjoni għandhom jiġu adottati fi żmien tliet xhur wara r-reġistrazzjoni tas-sit fil-lista stabbilità mill-Kummissjoni.

    19     Il-Consiglio di Stato josserva li, fil-każ fejn ir-reġistrazzjoni ta' siti ta' importanza Komunitarja li fihom ħabitat ta' prijorità jidher li huwa att ta' natura purament dikjaratorja, li ma jirrekjedix l-eżerċizzju ta' ebda setgħa diskrezzjonali mill-korp Komunitarju, l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva, adottata mit-Tribunale Amministrative Regionale del Fruili Venezia Giula ma tistax titiqies bħala manifestament mingħajr bażi.

    20     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

    "L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri previsti fl-Artikolu 6 u, b'mod partikolari, dawk previsti fl-Artikolu 6(3) ta' l-istess Direttiva, huma biss obbligatorji għall-Istati Membri wara l-approvazzjoni definittiva, fuq livell Komunitarju, tal-lista ta' siti fis-sens ta' l-Artikolu 21, jew jekk, minn naħa l-oħra, fis-sens li minbarra d-determinazzjoni tal-mument minn meta l-miżuri ta' protezzjoni jidħlu fis-seħħ, għandha ssir distinzjoni bejn ir-reġistrazzjonijiet dikjaratorji u kostittuttivi (inklużi fost ta' l-ewwel dawk relattivi għas-siti prijoritarji) u li, sabiex jiġi mħares l-effett effikaċi tad-Direttiva fir-rigward tal-konservazzjoni tal-ħabitat, għandu jiġi kkunsidrat, fil-każ biss fejn Stat Membru ddikjara sit ta' importanza Komunitarja li fih tipi ta' ħabitat naturali jew ta' speċi ta' prijorità, li huwa obbligatorju li pjanijiet jew proġetti li għandhom effett sinifikattiv fuq is-sit għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni, anki qabel l-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-lista ta' siti jew qabel l-adozzjoni definittiva tal-lista fis-sens ta' l-Artikolu 21 tad-Direttiva, sostanzjalment, mill-istabbiliment tal-lista nazzjonali?"

     Fuq id-domanda preliminari

    21     Għandu jiġi osservat li, skond l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva, is-sistema ta' protezzjoni taż-żoni speċjali ta' konservazzjoni previsti fl-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva, huwa applikabbli għal sit fil-każ meta dan huwa, skond it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, elenkat fil-lista ta' siti magħżula ta' importanza Komunitarja, skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 21 tad-Direttiva.

    22     Il-fatt li, skond l-Anness III, Stadju 2, punt 1 tad-Direttiva, is-siti kollha ddikjarati mill-Istati membri fl-ewwel Stadju ta' l-istess Anness, li fihom tipi ta' ħabitat naturali u/jew xi speċi prijoritarji, huma kkunsidrati siti ta' importanza Komunitarja, mhuwiex tali li jirrendu applikabbli, fir-rigward tagħhom, is-sistema ta' protezzjoni prevista fl-Artikolu 6(2) sa (4), tad-Direttiva, qabel ma jidhru, skond it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, fuq il-lista ta' siti ta' importanza Komunitarja adottata mill-Kummissjoni.

    23     L-argument oppost imqajjem mill-qorti ta' rinviju, li jgħid li meta Stat Membru, fil-kawża prinċipali, identifika sit li fih ħabitat prijoritarju, u li inkludih fil-lista proposta lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, dan is-sit għandu, skond l-Anness III, Stadju 2, punt 1, tad-Direttiva, ikun ikkunsidrat ta' importanza Komunitarja u għalhekk huwa suġġett, skond l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva għall-miżuri ta' protezzjoni previsti fl-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva, ma jintlaqa'.

    24     Fil-fatt, minn naħa, dan l-argument ma jaqbilx mat-termini ta' l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva, li jorbtu espressament l-applikazzjoni ta' l-imsemmija miżuri ta' protezzjoni mal-fatt li s-sit ikkonċernat, skond it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, għandu jkun elenkat fil-lista ta' siti ta' importanza Komunitarja adottata mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, dan l-argument jassumi li, meta sit ikun ġie identifikat minn Stat Membru bħala li fih tipi ta' ħabitat naturali jew speċi prijoritarji u li jkun ġie elenkat fil-lista proposta lill-Kummisjoni skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, il-Kummissjoni hija marbuta li telenkah fil-lista ta' siti ta' importanza Komunitarja li hi adottat skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 21 tad-Direttiva, u li hija msemmija fit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva. Jekk dan ikun il-każ, il-Kummissjoni tkun prekluża, fil-każ li tkun qed tistabilixxi, bi ftehim ma kull Stat Membru, proġett ta' lista ta' siti ta' importanza Komunitarja, fis-sens ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, li jikkontempla n-nuqqas ta' inklużjoni f'dan il-proġġett ta' kull sit propost minn Stat Membru bħala li fih tipi ta' ħabitat naturali jew speċi prijoritarja, anki meta hija ta' l-opinjoni li sit ma fihx, minkejja l-opinjoni kuntrarja ta' l-Istat Membru kkonċernat, tipi ta' ħabitat naturali, u/jew speċi prijoritarja fis-sens ta' l-Anness III, Stadju 2, punt 1 tad-Direttiva. Issa, sitwazzjoni bħal din tmur kontra, b'mod partikolari, l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, moqri flimkien ma' l-Anness III, Stadju 2, punt 1 tagħha.

    25     Jirriżulta għalhekk minn dak li ntqal qabel li l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri ta' protezzjoni previsti fl-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva huma neċessarji biss meta huma kkonċernati siti li, skond it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, huma elenkati fuq il-lista ta' siti magħżula bħala siti ta' importanza Komunitarja adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 21 ta' din id-Direttiva.

    26     Dan ma jfissirx li Stat Membru m'għandux jipproteġi s-siti, mill-mument li jipproponihom taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, fil-lista nazzjonali mogħtija lill-Kummissjoni bħala siti eliġibbli biex jiġu identifikati bħala siti ta' importanza Komunitarja.

    27     Fil-fatt, jekk ikun hemm nuqqas ta' protezzjoni adegwata ta' dawn is-siti minn dan il-mument, ir-realizzazzjoni ta' l-għan ta' konservazzjoni ta' ħabitat naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa,,, kif huwa indikat partikolarment fis-sitt premessa tad-Direttiva u fl-Artikolu 3(1) tagħha, jirriskja li jkun ipperikolat. Sitwazzjoni bħal din tkun iktar serja meta jkunu kkonċernati t-tipi ta' ħabitat naturali prijoritarju jew speċi prijoritarji, li minħabba theddid serji fuqhom, għandhom il-vokazzjoni li jibbenifikaw, kif ukoll huwa preskritt fil-ħames premessa tad-Direttiva, mill-implementazzjoni mħaffa ta' miżuri dwar il-konservazzjoni tagħhom.

    28     F'dan il-każ, jaqbel li jkun imfakkar li mas-siti eliġibli biex jiġu idetifikati bħala siti ta' importanza Komunitarja għandhom jidhru siti li, fuq livell nazzjonali, għandhom interess ekoloġiku pertinenti fir-rigward ta' l-għan ta' konservazzjoni ta' ħabitat naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa previsti fid-Direttiva, (ara s-sentenza tas-7 ta' Novembru 2000, Kawża C-371/98, First Corporate Shipping, Ġabra p. I-9235, punt 22).

    29     Jirriżulta għalhekk, li, f'dak li jikkonċerna siti eliġibbli biex jiġu identifikati bħala siti ta' importanza Komunitarja, imsemmija fil-listi nazzjonali mogħtija lill-Kummissjoni, li fosthom jistgħu jidhru b'mod partikolari xi siti li fihom tipi ta' ħabitat naturali prijoritarju jew xi speċi prijoritarja, l-Istati membri huma, skond id-Direttiva, marbuta li jieħdu miżuri ta' protezzjoni li huma tajbin għall-konservazzjoni ta' l-imsemmi interess ekoloġiku.

    30     Konsegwentement, jeħtieġ li r-risposta għad-domanda mqiegħda tkun li:

    –       L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali tal-fawna u tal-flora selvaġġa għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri ta' protezzjoni previsti fl-Artikolu 6(2) sa (4) ta' din id-Direttiva huma neċessarji biss, skond it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, f'dawk is-siti li huma elenkati fil-lista ta' siti magħżula bħala siti ta' importanza Komunitarja adottata mill-Kummisjoni skond il-proċedura prevista mill-Artikolu 21 ta' din id-Direttiva;

    –       F'dak li jikkonċerna siti li huma eliġibli biex jiġu identifikati bħala siti ta' importanza Komunitarja, li jidhru fil-listi nazzjonali mogħtija lill-Kummissjoni u, b'mod partikolari, tas-siti li fihom tipi ta' ħabitat naturali prijoritarju jew ta' speċi prijoritarji, l-Istati membri huma marbutin, skond id-Direttiva 92/43/KEE, li jieħdu f'dak li jirrigwardhom, miżuri ta' protezzjoni sabiex jipproteġu l-interess ekoloġiku li huwa rilevanti mill-aspett ta' l-għan tad-Direttiva, ta' konservazzjoni ta' ħabitat naturali kif ukoll fawna u flora selvaġġa previsti mill-imsemmija Direttiva li dawn is-siti għandhom fuq livell nazzjonali.

     Dwar l-ispejjeż

    31     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:

    L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali tal-fawna u tal-flora selvaġġa għandu jiġ interpretat fis-sens li l-miżuri ta' protezzjoni previsti fl-Artikolu 6(2) sa (4) ta' din id-Direttiva huma neċessarji biss, skond it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, f'dawk is-siti li huma elenkati fil-lista ta' siti magħżula bħala siti ta' importanza Komunitarja adottata mill-Kummisjoni skond il-proċedura prevista mill-Artikolu 21 ta' din id-Direttiva.

    F'dak li jikkonċerna siti li huma eliġibbli biex jiġu identifikati bħala siti ta' importanza Komunitarja, li jidhru fil-listi nazzjonali mogħtija lill-Kummissjoni u, b'mod partikolari tas-siti li fihom tipi ta' ħabitat naturali prijoritarju jew ta' speċi prijoritarja, l-Istati membri huma marbuta skond id-Direttiva 92/43/KEE, li jieħdu f'dak li jirrigwardhom, miżuri ta' protezzjoni sabiex jipproteġu l-interess ekoloġiku li huwa rilevanti mill-aspett ta' l-għan tad-direttiva ta' konservazzjoni ta' ħabitat naturali kif ukoll fawna u flora selvaġġa previsti mill-imsemmija Direttiva li dawn is-siti għandhom fuq livell nazzjonali.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top