EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0096

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) ta' l-10 ta' Marzu 2005.
A. Tempelman (C-96/03) Konjuġi T. H. J. M. van Schaijk (C-97/03) vs Directeur van de Rijksdienst voor de keuring van Vee en Vlees.
Talba għal deċiżjoni preliminari: College van Beroep voor het bedrijfsleven - l-Olanda.
Agrikoltura - Kontroll tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer - Miżuri kawtelatorji adottati flimkien mal-miżuri previsti mid-direttiva 85/511/KEE - Setgħat ta' l-Istati Membri.
Każijiet Magħquda C-96/03 u C-97/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:145

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)

10 ta' Marzu 2005 (*)

"Agrikoltura – Kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer – Miżuri kawtelatorji adottati flimkien mal-miżuri previsti mid-direttiva 85/511/KEE – Setgħat ta’ l-Istati Membri"

Fil-kawżi magħquda C-96/03 u C-97/03,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqin mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (l-Olanda), permezz tad-deċiżjonijiet tas-7 ta' Jannar 2003, li waslu l-Qorti fl-4 ta' Marzu 2003, fil-proċeduri

A. Tempelman (C-96/03),

Konjuġi T. H. J. M. van Schaijk (C-97/03)

vs

Direttur van de Rijksdienst voor de keuring van Vee en Vlees,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla (Relatur), A. Borg Barthet, J.-P. Puissochet, J. Malenovský u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Poiares Maduro,

Reġistratur: Múgica Arzamendi, amministratur prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta' Settembru 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

·għal Tempelman, minn H. Bronkhorst, advocaat,

·għall-konjuġi van Schaijk, minn A. van Beek, advocaat,

·għad-Direttur van de Rijksdienst voor de keuring van Vee en Vlees, minn E. J. Daalder, advocaat,

·għall-Gvern Olandiż, minn J. G. M. van Bakel u H. G. Sevenster, bħala aġenti,

·għall-Gvern Elleniku, minn V. Kontolaimos, u kif ukoll minn S. Charitaki u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

·għall-Gvern Irlandiż, minn D. O'Hagan, bħala aġent, assistit minn P. McGarry, BL,

·għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia u G. Fiengo, bħala aġenti,

·għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Caudwell u C. Jackson, bħala aġenti, assistiti minn P. Goldsmith u C. Vajda, QC, kif wkoll P. Harris, barrister,

·għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn T. van Rijn, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta' Diċembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/511/KEE tat-18 ta’ Novembru 1985, li tintroduċi miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer (ĠU L 315, p. 11) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 90/423/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 (ĠU L 224, p.13, iktar ’il quddiem id-"Direttiva 85/511"), kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 1990, dwar l-iċċekkjar, veterinarju u żootekniku [il-kontrolli veterinarji u żootekniċi] applikabbli għall-kummerċ intraKomunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU L 224, p.29). 

2       Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ diversi kawżi bejn is-sur Templeman (C-96/03), minn banda, u l-konjuġi Van Schaijk (C-97/03), mill-banda l-oħra, kontra d-Direttur van Rijksdienst voor de keuring van Vee en Vlees (id-direttur tas-servizz nazzjonali tal-kontrolli tal-bhejjem u tal-laħam, iktar ’il quddiem id-"direttur tar-RVV"), dwar xi deċiżjonijiet li dan ħa, li fihom huwa qies li l-annimali tad-difer maqsum proprjetà tal-persuni kkonċernati kienu sssuspettati li huma infettati bil-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer u ordna l-qatla tagħhom abbażi tal-Gezondheids- en welzijnswet voor dieren (il-liġi dwar is-saħħa u l-benesseri ta’ l-annimali), ta’ l-24 ta’ Settembru 1992 (Stbl. 1992, 585).

 Il-leġiżlazzjoni applikabbli

3       It-test bażilari li jistabbilixxi l-miżuri komunitarji għall-kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer, li huwa applikabbli fil-każ li tfaqqa’ din il-marda, jinsab fid-Direttiva 85/511. Meta din id-direttiva ġiet emendata bl-adozzjoni tad-direttiva 90/423, kien ġie deċiż li l-vaċċinazzjoni preventiva kontra l-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer għandha tkun projbita fil-Komunità kollha u dan għall-favur ta’ politika ta’ kontroll ibbażata fuq il-qatla totali u l-qirda ta’ l-annimali infettati. Madankollu l-vaċċinazzjoni ta’ emerġenza tibqa’ possibbli, taħt ċerti kundizzjonijiet stretti u bi ftehim mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

4       Id-Direttiva 85/511 tistabbilixxi b’mod partikolari, fl-artikolu 4 tagħha, illi meta f’razzett jinstabu annimal wieħed jew iktar, issuspettati li huma infettati jew li huma mniġġsa, l-awtorità kompetenti għandha tara li r-razzett jitpoġġa taħt sorveljanza uffiċjali u timponi diversi miżuri li jirrestrinġu l-movimenti ta’ l-annimali, tal-prodotti, tal-persuni u tal-vetturi. Skond iċ-ċirkustanzi, dawn il-miżuri jistgħu jiġu estiżi fuq irziezet fil-viċinanza immedjata.

5       Skond l-artikolu 5, punt 2, tad-Direttiva 85/511, meta jiġi stabbilit illi annimal wieħed jew iktar f’xi razzet huwa infettat, l-awtorità kompetenti għandha, mingħajr dewmien, tordna l-qatla fil-post u l-qirda ta’ l-annimali kollha fir-razzett li huma ta’ speċi suxxettibbli. L-Artikolu 5, punt 4, ta’ l-istess direttiva jipprovdi illi l-imsemmija awtorità tista’ testendi dawn il-miżuri previsti fil-punt 1 ta’ l-istess Artikolu, u jiġifieri tipproċedi bit-teħid ta’ kampjuni sabiex isiru l-eżamijiet adegwati fl-irziezet immedjatament kontigwi fil-każ fejn il-lok tagħhom, il-konfigurazzjoni tal-fondi jew il-kuntatti ma’ l-annimali mir-razzett fejn il-marda tkun ġiet immarkata tagħti lok għal suspett ta’ tniġġis fil-futur.

6       Bis-saħħa ta’ l-artikolu 8 ta’ l-imsemmija direttiva, l-irziezet, li fihom il-veterinarju uffiċjali jikkunsidra jew iqis, skond informazzjoni kkonfermata, li setgħu kienu in kuntatt ma’ l-irziezet ikkontemplati taħt l-artikoli 4 jew 5 tad-direttiva wara xi moviment ta’ persuni, annimali jew vetturi jew b’xi mod ieħor, dawk l-irziezet għandhom jitpoġġew taħt sorveljanza uffiċjali.

7       Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/246/KE tas-27 ta’ Marzu 2001 li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet relattivi għall-kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer u għall-eliminazzjoni tagħha mill-Olanda skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 85/511/KEE (GU L 88, p.21), il-vaċċinazzjoni soppressiva kienet ġiet awtorizzata fl-Olanda, u kienet ġiet iddefinita bħala l-vaċċinazzjoni ta’ emerġenza għall-annimali ta’ speċi suxxettibbli ta’ ċerti rziezet li jinsabu f’żona definita u mogħtija esklużivament flimkien mal-qatla preventiva.

8       Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2001/279/KE tal-5 ta’ April 2001, li temenda d-Deċiżjoni Nru 2001/246 (GU L 96, p. 19) awtorizzat b’mod partikolari l-vaċċinazzjoni għall-protezzjoni ta’ l-annimali bovini li jinsabu f’żona ta’ bejn wieħed u ieħor 25 kilometru madwar Oene.

9       L-artikolu 10, paragrafi 1 u 4, tad-Direttiva 90/425 jiddisponi:

"1.      Kull Stat Membru għandu minnufih jinnotifika l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni b’kull tifqiegħa fit-territorju tiegħu, b’żieda ma’ dan kull tifqiegħa tal-mard li għalih saret referenza fid-Direttiva 82/894/KEE, ta’ kull żonożi, marda jew kawża oħra li x’aktarx tikkostitwixxi kull periklu serju għall-annimali u għas-saħħa umana.

L-Istat Membru tat-tluq għandu minnufih jimplementa l-kontroll jew il-miżuri ta’ prekawzjoni li hemm provdut għalihom fir-regoli tal-Komunità, b’mod partikolari d-determinazzjoni taz-żoni ta’ lqugħ li hemm provdut f’dawk ir-regoli, jew jaddottaw kull miżura oħra li jidhrilha xierqa.

L-Istat Membru tad-destinazzjoni jew vjaġġ li, fil-kors ta’ kull iċċekkjar, li għalih saret referenza fl-Artikolu 5, stabbilixxa l-eżistenza ta’ wieħed mill-mard jew kawżi li għalihom saret referenza fl-ewwel subparagrafu jista’ jekk meħtieġ, jieħu l-miżuri prekawtivi li hemm provdut għalihom fil-Komunità, inkluż l-kwarantini ta’ l-annimali.

Sakemm jittieħdu l-miżuri b’mod konformi mal-paragrafu 4, l-Istat Membru tad-destinazzjoni jista’, fuq raġunijiet serji pubbliċi jew ta’ saħħet-l annimali, jieħu miżuri protettivi fir-rigward ta’ ażjendi, ċentri jew organizzazzjonijiet konċernati jew, fil-każ ta’ mard epiżootiku, fir-rigward ta’ żona ta’ lqugħ li hemm provduta fir-regoli tal-Komunità.

Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri għandhom ikunu innotifikati lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru l-ieħor mingħajr dewmien.

[...]

4.       Il-Kummissjoni għandha f’kull każ tirrevedi s-sitwazzjoni tal-Kumitat Veterinarju Permanenti mill-aktar fis possibbli. Hi għandha taddotta l-miżuri meħtieġa għall-annimali u għall-prodotti li għalihom saret referenza fl-Artikolu 1 u, jekk is-sitwazzjoni hekk titlob, għall-prodotti li ġejjin minn dawk l-annimali, b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja s-sitwazzjoni u, bl-istess proċedura, għandha temenda jew tħassar id-deċiżjonijiet meħuda, skond kif is-sitwazzjoni tiżviluppa."

10     Il-liġi relattiva għas-saħħa u għal benesseri ta’ l-annimali ta’ l-24 ta’ Settembru 1992 tipprovdi, bħala miżura ta’ ġlied kontra l-marda kontaġjuża, li l-awtorità kompetenti tista’ tordna l-qatla ta’ annimali sssuspettati li huma mniġġsa bil-marda. Skond ir-Regeling aanwijzing besmettelijke dierziekten (il-liġi li tidentifika l-mard kontaġjuż ta’ l-annimali) tat-12 ta’ Marzu 1996 (Stat. 1996, p.61), annimal jiġi kkunsidrat bħala ssuspettat meta l-uffiċjal appuntat ikollu raġunijiet jaħseb li dak l-annimal seta' jiġi infettat jew imniġġes u jekk l-annimal huwa ta’ speċi suxxettibbli għall-marda kontaġjuża kkonċernata.

 Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11     Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju fil-kawża C-96/03, is-sur Tempelman kien proprjetarju ta’ mogħoż ta’ angora f’Wenum, lokalità li tinsab fiż-żona ta’ 25 kilometru mdawra ma’ Oene. Fit-3 ta’ April 2001, il-ministru ta’ l-agrikoltura ddeċieda li l-annimali tad-difer maqsum li jinsabu fir-reġjun ta’ Oene għandhom jiġu mlaqqma u maqtula. L-eżistenza tal-mogħoż ta’ angora tas-sur Tempelman jidher li kienet ġiet skoperta iktar tard u d-direttur tar-RVV, b’deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2001, kien informa lis-sur Tempelman li l-mogħoż tiegħu kienu kkunsidrati bħala ssuspettati li huma infettati u għaldaqstant kien hemm bżonn li dawn jinqatlu. B’deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2001, l-istess direttur ċaħad l-appell magħmul mis-sur Tempelman kontra din id-deċiżjoni. Fis-17 ta’ Diċembru 2001, l-istess Tempelman ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven.

12     Kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju fil-kawża C-97/03, il-konjuġi Van Schaijk kienu jiġġestixxu razzett għat-trobbija tal-bhejjem f’Ravenstein. B’deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2001, id-direttur tar-RVV informa lill-interessati li l-annimali kollha tad-difer maqsum fir-razzett tagħhom kienu kkunsidrati bħala ssuspettati li huma infettati bil-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer minħabba li, fil-viċinanzi ta’ dan ir-razzett, 772 metru ’l bogħod minnu, kien hemm razzett li fih kien hemm annimal wieħed jew iktar serjament issuspettati li kienu infettati b’din il-marda, u li kien hemm għalhekk bżonn li dawn jinqatlu. B’deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2001, id-direttur tar-RVV ċaħad l-appell magħmul mill-konjuġi Van Schaijk kontra din id-deċiżjoni. Fl-20 ta’ Diċembru 2001, l-interessati ppreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven.

13     Quddiem il-Qorti ta’ rinviju, is-sur Tempelman u l-konjuġi Van Schaijk ressqu diversi argumenti, ibbażati fuq il-vjolazzjoni kemm tad-dritt internazzjonali u komunitarju kif ukoll tad-dritt nazzjonali.

14     Filwaqt li eżaminat l-argumenti bbażati fuq il-vjolazzjoni tad-dritt nazzjonali, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven, fid-deċiżjoni ta’ rinviju li tat bidu għall-kawża C-96/03, iddeċieda:

"L-istrateġija ta’ prevenzjoni kontra l-firxa (ulterjuri) tal-virus tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer implementata mill-konvenut sat-3 ta’ April 2001, li tikkonsisti fil-qtil ta’ l-annimali kollha tad-difer maqsum f’raġġ ta’ kilometru, u sussegwentement ta’ żewġ kilometri madwar kull tifqigħa ta’ tniġġis, ma setgħetx twaqqaf tifqigħat oħra tal-marda milli jkomplu jfiġġu fir-reġjun ta’ Oene. Konsegwentement, u fid-dawl ukoll tad-densità għolja tal-bhejjem f’dan ir-reġjun, il-College van Beroep tqis li l-konvenut, mil-lat veterinarju, seta’ raġjonevolment jissupponi li fir-reġjun ta’ Oene seta’ kien hemm xi annimali tad-difer maqsum li kienu qegħdin iġorru fuqhom aġenti patoġeniċi lil hinn ukoll miż-żoni ta’ raġġ ta' żewġ kilometri madwar it-tifqigħ tat-tniġġis. F’dan ir-rigward, il-College van Beroep iqis li l-virus tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer huwa estremament kontaġjuż, li jista jinfirex malajr ħafna u f’diversi modi, u li l-konvenut kien ikkonsulta xi esperti veterinarji fir-rigward tal-miżuri li kellhom jittieħdu.

[...]

Fid-dawl tal-globalità taċ-ċirkustanzi rilevanti, il-College van Beroep ma kien qed jara ebda raġuni biex iqis li l-konvenut kien – fid-dawl [tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu jiġi rrikonoxxut lilu] – għamel evalwazzjoni ħażina tar-riskji fil-każ preżenti. Skond il-College van Beroep, wieħed ma jistax jippretendi li d-dannu subit mill-appellant, b'konsegwenza tad-deċiżjoni tal-qtil ta’ l-annimali tiegħu, kien sproporzjonat meta pparagunat ma’ l-iskopijiet ta’ dik id-deċiżjoni. F’dan ir-rigward, il-College van Beroep iqis barra minn hekk illi l-argumenti invokati mill-appellant ma jieħdux in kunsiderazzjoni l-fatt li, kif jirriżulta mill-argumentazzjoni tal-konvenut, kull annimal issuspettat li tħalla jgħix fir-reġjun ta’ Oene, bħala prinċipju, kien ta’ riskju mil-lat tal-ġlieda kontra l-epidemija tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer. L-appellant ma weriex li, fil-każ tiegħu, kienu jeżistu ċirkustanzi partikolari li minħabba fihom il-konvenut kien ikollu jikkonkludi li l-annimali ssuspettati li huwa kellu fil-pussess tiegħu ma kienu jġibu magħhom ebda riskju rilevanti mil-lat veterinarju."

15     Fid-deċiżjoni ta’ rinviju li tat bidu għall-kawża C-97/03, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven iddeċieda b’mod partikolari:

"Wieħed jista’ jeħodha li ġie suffiċjentement stabbilit li fit-23, 24 u 25 ta’ Marzu 2001, ġew osservati xi sintomi kliniċi tal-marda fuq annimali li kienu jinsabu fir-razzett, b’mod li wieħed seta’ jikkonkludi li dawk l-annimali kienu ‘infettati’ fis-sens ta’ l-artikolu 2, punt ċ) tad-Direttiva 85/511 u kellhom jiġu maqtula, skond l-artikolu 5 tad-direttiva. Kontra ta’ dak li qegħdin jargumentaw l-appellanti f’dan ir-rigward, mhuwiex neċessarju, li biex l-annimali jiġu kkwalifikati bħala "infettati", dawn is-sintomi kliniċi li ġew osservati jkunu kkonfermati permezz ta’ eżami fil-laboratorju. Barra minn hekk, il-fatt li l-eżami ulterjuri li sar fil-laboratorju ma setgħax jikkonferma l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer ma jxejjinx il-fatt li l-konvenut, fid-dawl tal-mument li fih huwa ħa d-deċiżjoni inizjali tiegħu, seta’, fil-qafas tal-proċess deċiżjonali in kwistjoni, raġjonevolment jinduna bl-infezzjoni tal-virus fir-razzett imsemmi. Minn dak il-mument ’il quddiem, fid-dawl tal-fatt li l-annimali ta’ l-appellanti kienu jinsabu, fiż-żmien tad-deċiżjoni inizjali, f’raġġ ta’ kilometru mir-razzett, il-konvenut seta’ raġjonevolment jinduna li dawk l-annimali setgħu jiġu infettati jew imniġġsa bil-virus.

Minn dan l-lat, id-deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2001, li kkonkludiet li l-annimali ta’ l-appellanti kienu ssuspettati li ġew imniġġsa bil-virus tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer għandha titqies li hija leċita. F’dan ir-rigward, il-College van Beroep jieħu in kunsiderazzjoni li l-virus tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer huwa estremament kontaġjuż, li jista' jinfirex malajr ħafna u f’diversi modi. Huwa jieħu in kunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-konvenut kien ikkonsulta xi esperti veterinarji fir-rigward tal-miżuri li kellhom jittieħdu u li dawn l-esperti kienu kkunsidraw li dawk l-irziezet li kienu jinsabu f’raġġ ta’ kilometru minn razzett infettat kienu esposti għal riskju partikolari ta’ tniġġis. L-appellanti barra minn hekk, lanqas ma kkontestaw validament din l-opinjoni ta' l-esperti."

16     Għal raġunijiet simili għal dawk żviluppati fid-deċiżjoni ta’ rinviju li tat bidu għall-kawża C-96/03, il-College van Beroepvoor het Bedrijfsleven, fid-deċiżjoni ta’ rinviju li tat bidu għall-kawża C-97/03, ikkonkluda illi huwa ma kien qed jara ebda raġuni biex jikkunsidra li l-konvenut kien għamel evalwazzjoni ħażina tar-riskji, jew li d-dannu subit mill-appellanti, b'konsegwenza tad-deċiżjoni tal-qtil ta’ l-annimali tiegħu, kien sproporzjonat meta pparagunat ma’ l-iskopijiet ta’ dik id-deċiżjoni, jew li l-konvenut kien mexa bi ksur ta’ l-artikolu 36 tal-liġi relattiva għas-saħħa u għall-benesseri ta’ l-annimali. Din il-Qorti lanqas ma rriteniet li fil-qafas tal-proċedura segwita, il-konvenut mexa bi ksur tal-prinċipju ta’ l-amministrazzjoni tajba jew wettaq xi abbuż ta’ poter.

17     Fl-eżami segwenti ta’ l-argumenti, fiż-żewġ kawżi, ibbażati fuq il-vjolazzjoni tad-dritt komunitarju, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven jikkonstata illi d-deċiżjonijiet fuq il-qtil ta’ annimali kienu ttieħdu f’ipoteżijiet li mhumiex ikkontemplati mid-Direttiva 85/511. Infatti, fid-deċiżjoni ta’ rinviju li tat bidu għall-kawża C-96/03, il-Qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm l-annimali kienu jinsabu fuq wieħed mit-territorji elenkati fl-anness III, A, tad-deċiżjoni 2001/279, u li għalihom kienet ippjanata l-vaċċinazzjoni soppressiva, la din id-deċiżjoni msemmija l-aħħar u lanqas id-deċiżjoni 2001/246 ma kienu applikabbli, in kwantu l-annimali in kwistjoni ma kinux imlaqqma fil-mument li fih inqatlu. Fid-deċiżjoni ta’ rinviju li tat bidu għall-kawża C-97/03, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven jikkonstata li la d-deċiżjoni 2001/246, tas-27 ta’ Marzu 2001, u lanqas il-modifiki li saru lil din id-deċiżjoni bid-deċiżjoni 2001/279, tal-5 ta’ April 2001, ma kienu applikabbli fis-26 ta’ Marzu 2001, u jiġifieri fid-data tad-deċiżjoni tad-direttur tar-RVV li biha ordna l-qtil ta’ l-annimali. F’dan ir-rigward ebda parti fil-kawża prinċipali ma kkontestat li d-deċiżjonijiet ikkontestati mis-sur Tempelman u l-konjuġi Van Schaijk kienu ġew adottati bis-saħħa biss tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali.

18     Il-College van Beroep voor het bedrijfsleven jirrileva li l-Istati Membri jistgħu jibbażaw il-kompetenza proprja tagħhom fuq l-artikolu 10 tad-Direttiva 90/425. Huwa jistaqsi madankollu jekk id-Direttiva 85/511 għandhiex titqies bħala lex specialis fir-rigward tad-Direttiva 90/425.

19     Skond din il-Qorti, mid-Direttiva 90/423 jidher li jirriżulta, partikolarment mill-preambolu u l-artikoli 1, 4, 5 u 16 ta’ l-istess, li s-sistema komunitarja dwar il-ġlieda kontra l-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer għandha natura eżawrjenti. Madankollu, ċerti dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni 2001/246 jagħtu x’jinfhem li l-Istati Membri huma kompetenti wkoll fil-qasam tal-qtil preventiv ta’ l-annimali ssuspettati, fl-ipoteżi fejn ebda infezzjoni mill-virus tal-marda in kwistjoni ma tkun ġiet ikkonstatata.

20     Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jressaq quddiem il-Qorti d-domandi preliminari segwenti, li huma l-istess għaż-żewġ kawżi prinċipali:

"1)       Id-dritt komunitarju jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jiddeċiedu fuq il-qtil ta’ l-annimali ssuspettati li huma infettati jew imniġġsa mill-virus tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer?

2)      Id-direttiva 85/511/KEE, kif emendata mid-Direttiva 90/423/KEE, tagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jadottaw (jew li jaraw li jiġu adottati) miżuri nazzjonali komplementari għall-ġlieda kontra l-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer ?

3)      Liema huma l-limiti li d-dritt komunitarju jimponi fuq l-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali komplementari meta pparagunati mal-miżuri previsti mid-Direttiva 85/511/KEE, kif emendata mid-direttiva 90/423/KEE?"

21     B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ April 2003, il-kawżi C-96/03 u C-97/03 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali u kif ukoll tas-sentenza.

 Dwar id-domandi preliminari

22     Bid-domandi mressqa, u li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-Qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk id-dritt komunitarju jagħtix lill-Istati Membri s-setgħa li jieħdu xi miżuri għall-kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer, li jkunu komplementari għal dawk il-miżuri previsti mid-Direttiva 85/511, b'mod partikolari, is-setgħa li jipproċedu għall-qtil ta’ l-annimali appartenenti għal xi razzett viċin jew li jinsab f’raġġ determinat madwar xi razzett li jkun fih annimali infettati, u, fl-affermatttiv, x’limiti huma imposti mid-dritt komunitarju fuq l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa.

23     Skond is-sur Tempelman u l-konjuġi Van Schaijk, id-direttiva 85/511 ma tippermettix li l-Istati Membri jadottaw miżuri nazzjonali komplementari sabiex jiġġieldu l-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer u ebda dispożizzjoni tad-dritt komunitarju, b'mod partikolari, lanqas l-artikolu 10 tad-Direttiva 90/425 ma jagħti lil dawn l-Istati s-setgħa li jiddeċiedu fuq il-qtil ta’ l-annimali ssuspettati li huma infettati jew imniġġsa mill-virus tal-marda msemmija. In subsidium, għal dak li jirrigwarda t-tielet domanda, il-konjuġi Van Schaijk jargumentaw li l-miżuri nazzjonali meħuda għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' sussidjarjetà, li ma kienx il-każ fil-kawża prinċipali.

24     Il-Gvern Olandiż, Elleniku, Irlandiż, Taljan u tar-Renju Unit u kif ukoll il-Kummissjoni, jirritjenu li d-dritt komunitarju jikkonferixxi lill-Istati Membri s-setgħa li jiddeċiedu fuq il-qtil ta’ l-annimali ssuspettati li huma infettati jew imniġġsa bil-virus tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer u li jieħdu l-miżuri nazzjonali li jmorru lil hinn minn dawk previsti mid-Direttiva 85/511. Din is-setgħa ta’ l-Istati Membri tkun limitata minħabba l-obbligu li jiġu rrispettati l-esiġenzi espressi, l-għan u l-iskop tad-Direttiva 85/511 u kif ukoll l-prinċipju ta' proporzjonalità. Il-Kummissjoni żżid li l-miżuri adottati minn xi Stat membru għandhom jiġu kkomunikati lilha kif ukoll lill-Istati Membri l-oħra.jiedujieLe

25     Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 85/511 ma tipprovdix espressament li veterinarju uffiċjali jista’ jipproċedi bil-qtil ta’ l-annimali appartenenti għal xi razzett viċin jew li jinstab f’raġġ determinat madwar xi razzett li fih ikun hemm l-annimali infettati bil-virus tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer.

26     Mingħajr il-bżonn li tiġi eżaminata l-kwistjoni mqajma mill-Kummissjoni, li forsi kien fil-fatt żball waqt l-abbozzar tad-Direttiva 85/511 li l-artikolu 5, punt 4 ta’ l-istess direttiva ma jagħmilx riferiment ħlief għall-punt 1 ta’ l-istess Artikolu u mhux għall-punt 2, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li din id-direttiva ma tistax tiġi interpretata mingħajr ma tittieħed in kunsiderazzjoni d-Direttiva 90/425, li tikkostitwixxi test fundamentali għal dak li jirrigwarda l-moviment liberu ta’ l-annimali u tal-prodotti agrikoli.

27     Id-Direttiva 90/425, adottata fid-dawl ta’ l-istabbiliment tas-suq intern, titlaq mill-kostatazzjoni fformulata fit-tielet premessa tagħha, li l-fruntieri huma użati sabiex jiġu effettwati l-kontrolli intiżi biex jassiguraw il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u ta’ saħħet l-annimal. Din id-direttiva tippreżupponi, bħalma huwa indikat fir-raba’ premessa tagħha, l-armonizzazzjoni ta’ l-esiġenzi essenzjali relattivi għall-protezzjoni tas-saħħa ta’ l-annimal. Hija tistabbilixxi n-natura tal-kontrolli li għandhom jew jistgħu jsiru mill-Istati Membri fuq l-ispedizzjoni u d-destinazzjoni ta’ l-annimali kif ukoll il-miżuri li għandhom ikunu adottati mill-istess Stati., ifforumata

28     L-artikoli 8 sa 10 ta’ din id-direttiva jikkontemplaw iż-żoonożi, mard jew kull kawża oħra li x’aktarx tikkostitwixxi periklu serju għall-annimali jew għall-bniedem. L-artikolu 10, b’mod partikolari, jipprovdi l-miżuri kawtelatorji li jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni, l-obbligi ta’ kull awtorità intervenjenti kif ukoll il-proċeduri li għandhom jiġu rrispettati sabiex il-problemi ta’ saħħa ta' l-annimal u tal-bniedem ikunu riżolti fl-aħjar kundizzjonijiet ta' rapidità u ta’ koordinazzjoni.

29     Id-direttiva 90/425 hija applikabbli meta ebda test ieħor tad-dritt komunitarju ma jipprovdi la l-miżuri li jistgħu jiġu adottati u lanqas il-proċedura li għandha tiġi segwita fil-każ ta’ żoonożi, mard jew kull kawża oħra li tkun x’aktarx tikkostitwixxi periklu serju għall-annimali u għall-bniedem.

30     Fid-dawl tal-kamp wiesgħa li fih hija applikabbli u l-obbjettiv ġenerali tagħha, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat ukoll li l-imsemmija direttiva hija applikabbli wkoll meta t-testi komunitarji jidhru insuffiċjenti biex jaffrontaw problemi speċifiċi li wieħed jista’ jiltaqa’ magħhom f’sitwazzjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu periklu serju għas-saħħa ta' l- annimal jew tal-bniedem. F’dan ir-rigward, il-Qorti ddeċidiet li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 90/425 kellu jiġi interpretat b’mod li jittieħed in kunsiderazzjoni l-objettiv tiegħu, dak li jassigura l-protezzjoni tas-saħħa ta' l-annimal u tal-bniedem, u l-evoluzzjoni tal-konoxxenzi xjentifiċi (ara s-sentenza tat-8 ta’ Jannar 2002, Van den Bor, C-428/99, Ġabra. p. I-127, punt 38).

31     Jeħtieġ madankollu li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw miżuri kawtelatorji skond l-artikolu 10 tad-Direttiva 90/425 jekk mhux fir-rigward tad-dritt komunitarju. Huma għandhom għalhekk jirrispettaw l-obbjettivi kkontemplati mil-leġiżlazzjoni komunitarja fis-seħħ u l-prinċipji ġenerali tad-dritt komunitarju, bħalma hu l-prinċipju ta' proporzjonalità. Barra minn hekk, l-obbligu fuq l-Istati Membri li jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, previst fl-artikolu 10, għandu jiġi rrispettat skrupolożament, bil-għan li jippermetti kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet ta’ dawk l-Istati u din l-istituzzjoni.

32     Fir-rigward ta' l-obbjettiv ikkontemplat mid-Direttiva 85/511, jeħtieġ li jiġi mfakkar li t-tielet premessa ta’ l-imsemmija direttiva tipprovdi li għandha tittieħed azzjoni malli tiġi ssuspettata l-preżenza tal-marda sabiex ikunu jistgħu jiġu implementati miżuri ta’ kontroll immedjati u effettivi malli tiġi konfermata l-preżenza tagħha.

33     Skond l-aħħar premessa ta’ l-imsemmija direttiva, l-arranġamenti introdotti b’din id-direttiva huma ta’ natura sperimentali u għandhom ikunu rriveduti skond l-iżviluppi tas-sitwazzjoni. L-arranġamenti previsti inizjalment fl-1985 kienu effettivament ġew irriveduti u mibdula radikalment fl-1990 mid-Direttiva 90/423, li daħħlet politika ta’ non vaċċinazzjoni flimkien mal-qtil sanitarju. L-arranġamenti introdotti fl-1990 ġew ukoll irriveduti wara li faqqgħet l-epidemija fis-sena 2001 bil-għan li tittieħed in kunsiderazzjoni l-esperjenza meħuda waqt din il-kriżi, u dan kif joħroġ mill-premessi tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/85/KE tad-29 ta’ Settembru 2003, li tistabbilixxi l-miżuri komunitarji għall-kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer, li tħassar id-Direttiva 85/511 (ĠU L 306, p. 1).

34     Jekk, kif diġà intqal fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 85/511 ma tipprovdix għall-qtil ta’ l-annimali appartenenti għal xi razzett viċin jew li jinstab f’raġġ determinat madwar xi razzett li fih ikun hemm l-annimali infettati, hija ma tistax madankollu tiġi interpretata fis-sens li hija ma tippermettix tali miżura.

35     Din l-interpretazzjoni ma tippermettix li jintlaħaq l-obbjettiv ta’ kontroll effikaċi kontra l-marda kkontemplata mill-imsemmija direttiva. Kif irrilevaw il-gvernijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet, hemm każijiet fejn tali qtil preventiv ikun meħtieġ, fid-dawl tar-rapidità tal-firxa tal-virus, fid-dawl ta’ elementi bħall-virulenza tal-marda, l-ispeċi ta’ l-annimali kkonċernati jew il-kundizzjonijiet klimatiċi.

36     Fl-osservazzjonijiet tar-Renju Unit, bħala Stat membru partikolarment milqut mill-epidemija tas-sena 2001, ġiet ikkwotata, fir-rigward, id-depożizzjoni magħmula mis-Sur James Marshall Scudamore, Chief Veterinary Officer tar-Renju Unit, quddiem il-High Court of Justice, fid-29 ta’ Marzu 2001, fejn jirriżulta li dik l-epidemija ma kienet ġiet ikkontrollata biss bl-intensifikazzjoni tal-politika tal-qtil, li kienet tikkonċerna inizjalment l-annimali infettati jew li kien kellhom kuntatt dirett ma’ l-annimali msemmijin, u mbagħad sussegwentement l-annimali ssuspettati u dawk li kienu jinsabu fi rziezet li kienu viċin u fl-aħħar nett, f’ċerti lokalitajiet, l-imtaten, il-mogħoż u l-majjali li kienu jinsabu f’raġġ ta’ 3 kilometri madwar razzett li jkun infettat.

37     Huwa b’dan il-mod illi, bid-deċiżjoni 2001/246, ibbażata fuq l-Artikoli 10 tad-Direttiva 90/425 u 13(3) tad-Direttiva 85/511, il-Kummissjoni awtorizzat il-vaċċinazzjoni soppressiva u l-qtil preventiv ta’ l-annimali. Din l-aħħar miżura tikkontempla, skond l-Artikolu 1 ta’ dik id-deċiżjoni, il-qatla ta’ l-annimali suxxettibbli, fl-irziezet li jinsabu f’raġġ determinat madwar l-irziezet suġġetti għar-restrizzjonijiet iddefiniti fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 85/511, li għandha l-għan li tnaqqas b’mod immedjat in-numru ta’ annimali ta’ speċi suxxettibbli li huwa preżenti f’żona infettata.

38     Il-qtil preventiv kien motivat bil-mod kif ġej fir-raba’ premessa tad-deċiżjoni 2001/246:

"Barra mill-miżuri previsti fl-ambitu tad-Direttiva 85/511/KEE, ir-Renju ta’ l-Olanda tapplika, bħala miżura ta’ prekawzjoni, il-qtil preventiv ta’ l-annimali suxxettibbli fl-irziezet li jinsabu f’viċinanza immedjata ta’ l-irziezet infettati jew issuspettati, fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika u tad-densità għolja ta’ l-annimali suxxettibbli f’ċerti partijiet tat-territorju." 

39     Il-Qorti ddeċidiet illi d-dispożizzjonijiet ikkontemplati fid-deċiżjoni 2001/246 kienu jikkostitwixxu bażi ġuridika suffiċjenti għall-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta l-imsemmija deċiżjoni (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C-189/01, Ġabra, p. I-5689, punt 127).

40     Minn dawn l-elementi jirriżulta li d-Direttiva 85/511 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-miżuri previsti minnha ma jistgħux ikunu kkompletati mill-miżuri komunitarji jew nazzjonali adottati abbażi tad-Direttiva 90/425.

41     F’dan ir-rigward, in-nuqqas tal-kelma "minimi" fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/511, waqt li kienet qiegħda tiġi emendata bid-Direttiva 90/423, ma tistax tiġi interpretata, kif qegħdin isostnu s-sur Tempelman u l-konjuġi Van Schaijk, bħala li kienet ir-rieda tal-leġiżlatur komunitarju li jillimita b’mod preċiż il-miżuri għall-ġlieda li jkunu jistgħu jiġu adottati fil-każ ta’ epidemija. Fil-fatt, kif diġà rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ommissjoni ta’ din il-kelma għandha tittieħed fil-kuntest ta’ l-adozzjoni ta’ politika uniformi ta’ non vaċċinazzjoni preventiva. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tmur kontra l-ħsieb għat-titjib tas-sistema ta’ ġlieda kontra l-marda li joħroġ fl-aħħar premessa tad-Direttiva 85/511, li l-kontenut tagħha ma ġiex modifikat wara l-adozzjoni tad-Direttiva 90/423.tiegu tiegħÀ

42     In kwantu għas-setgħat ta’ l-Istati Membri waqt l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ xi miżuri t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425 jipprovdi li, fil-każ ta’ żoonożi, marda jew kawża li tista' tikkostitwixxi periklu gravi għall-annimali jew għal saħħet-il bniedem, l-Istat membru tat-tluq għandu jimplementa immedjatament il-miżuri ta’ kontroll jew ta’ prevenzjoni previsti mil-leġiżlazzjoni komunitarja jew jadotta kull miżura oħra li jidhirlu xieraq.

43     Kuntrarjament għal dak li qegħdin isostnu l-konjuġi Van Schaijk, l-użu tal-konġunzjoni "jew" li żżid l-aħħar parti tal-frażi ta’ l-imsemmi inċiż, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix fuq l-Istat membru l-għażla bejn il-miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni komunitarja u l-miżuri l-oħra li huwa jqis li huma xierqa. L-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni in konformità ma’ l-obbjettiv li hija tikkontempla għall-protezzjoni tas-saħħa ta’ l-annimal u tal-bniedem, timponi fil-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni tiġi interpretata fis-sens li ma timpedixxix lil xi Stat membru milli jieħu miżuri oħra li huwa jidhirlu xierqa b’żieda ma’ l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ kontroll jew ta’ prevenzjoni previsti mil-leġiżlazzjoni komunitarja.

44     Barra minn hekk, l-espressjoni "miżuri protettivi" li tidher fir-raba’ inċiż ta' l-Artikolu 10(1), tad-Direttiva 90/425 għandha tiġi interpretata fir-rigward ta’ l-obbjettiv ġenerali għall-protezzjoni tas-saħħa ta’ l-annimal u tal-bniedem u mhux fis-sens li hija timpedixxi miżuri oħra li jkunu intiżi għall-konservazzjoni ta’ kull annimal b’mod partikolari u, speċjalment, għall-miżuri ta’ qtil ta’ l-annimali suxxettibbli li jkunu infettati.

45     Huwa minħabba dan li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, l-awtoritajiet Olandiżi setgħu ħassu l-ħtieġa li jipproċedu għall-qtil preventiv ta’ l-annimali tas-sur Tempelman u tal-konjuġi Van Schaijk.

46     Kemm jekk jiġu adottati minn xi Stat membru abbażi ta’ l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425 jew mill-Kummissjoni abbażi ta’ l-Artikolu 10(4) ta’ l-istess direttiva, il-miżuri protettivi għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta' proporzjonalità (ara f’das-sens, fir-rigward ta’ miżuri adottati minn Stat membru tad-destinazzjoni, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2003, Lennox, C-220/01, Ġabra, p. I-7091, punt 76; fir-rigward ta’ miżuri adottati mill-Kummissjoni, is-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C-180/96, Ġabra, p. I-2265, punti 96 sa 111, u Jippes, iċċitata iktar 'il fuq, punt 113).

47     Mill-ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-prinċipju ta' proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt komunitarju, jeżiġi li l-atti adottati m’għandhomx jeċċedu l-limiti ta’ dak li hu xieraq u meħtieġ għat-twettiq ta’ l-obbjettivi leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni, salv għall-fatt illi, meta l-għażla tkun bejn diversi miżuri xierqa, ikun opportun li wieħed jirrikorri għal dik li tkun l-inqas restrittiva u li l-inkonvenjenzi kkaġunati m’għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla ma’ l-iskopijiet ikkontemplati (ara s-sentenzi Jippes et, iċċitata iktar 'il quddiem, punt 81 u Lennox, iċċitata iktar 'il quddiem, punt 76).

48     Fl-ambitu ta’ din l-evalwazzjoni, jeħtieġ li wieħed jieħu in kunsiderazzjoni t-totalità ta’ l-interessi protetti in kwistjoni u, b'mod partikolari, tad-dritt tal-proprjetà (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C-112/00, Ġabra. P. I-5659, punt 79) u kif ukoll ta’ l-eżiġenzi tal-benesseri ta’ l-annimali (ara f’dan is-sens, is-sentenza Jippes et, iċċitata iktar 'il quddiem, punt 79).

49     Mid-deċiżjonijiet ta’ rinviju jirriżulta illi l-College van Beroep voor het bedrijfsleven wettaq stħarriġ ta’ l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali simili għal dak li kien mitlub waqt l-analiżi ta’ l-osservanza tal-prinċipju tal-proporzjonalità fid-dritt komunitarju u huwa qies li l-miżuri in kwistjoni fil-kawżi prinċipali ma kinux sproporzjonati. Hija din il-Qorti madankollu li għandha tivverifika jekk mill-analiżi, fid-dawl tad-dritt komunitarju, taċ­-ċirkustanzi li fihom kienu ttieħdu d-deċiżjonijiet għall-qtil ikkontestat fil-kawżi prinċipali, jistax jiġi dedott illi l-prinċipju ta' proporzjonalità kienx ġie osservat.

50     Barra mill-prinċipju ta' proporzjonalità, Stat membru li jadotta xi miżuri protettivi skond id-Direttiva 90/425 għandu josserva l-obbligi li din timponi u l-proċedura li hija torganizza. F’dan ir-rigward, il-ħames inċiż ta' l-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva jiddisponi li l-miżuri għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mingħajr dewmien [ara s-sentenza Lennox, iċċitata iktar 'il quddiem, punt 75; dwar l-obbligi ta' komunikazzjoni mingħajr dewmien u ta' kooperazzjoni leali fil-każ ta’ adozzjoni ta’ miżuri protettivi abbażi ta’ l-artikolu 8 tad-Direttiva 90/425, ara s-sentenza Van den Bor, iċċitata iktar 'il quddiem, punti 45 sa 48; ara wkoll, b'analoġija, fir-rigward ta’ miżuri adottati abbażi tad-Direttiva 89/662/KEE tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 1989, dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intraKomunitarju fid-dawl tat-twettiq tas-suq intern (ĠU L 395, p. 12), is-sentenza tat-22 ta’ Ottbru 2002, National Farmers’ Unit, C-241/01, Ġabra . p. I-9079, punt 60].

51     F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva lli l-miżuri adottati fil-każ in specie, suġġett tal-kawża prinċipali, mill-awtoritajiet Olandiżi, ittieħdu fl-ambitu ta’ kollaborazzjoni mill-qrib ma’ l-imsemmija istituzzjoni.

52     Mill-kumpless tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li huwa opportun li tingħata risposta għad-domandi mressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven skond kif ġej:

Peress li l-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer hija marda li tikkostitiwxxi periklu serju għall-annimali, l-Artikolu 10(1) tad-direttiva 90/425 jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jieħdu xi miżuri għall-kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer, li jkunu komplementari għal dawk il-miżuri previsti mid-Direttiva 85/511, b'mod partikolari, is-setgħa li jipproċedu għall-qtil ta’ l-annimali appartenenti għal xi razzett viċin jew li jinsab f’raġġ determinat madwar xi razzett li jkun fih annimali infettati.

Dawn il-miżuri komplementari għandhom jiġu adottati b'osservanza ta’ l-obbjettivi kkontemplati mil-leġiżlazzjoni komunitarja fis-seħħ u, b'mod iktar partikolari, tad-Direttiva 85/511, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt komunitarju, bħalma huma l-prinċipju ta' proporzjonalità u l-obbligu ta' kommunikazzjoni previst mill-artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425.

 Fuq l-ispejjeż

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż inkorsi għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi:

Peress li l-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer hija marda li tikkostitiwxxi periklu serju għall-annimali, l-artikolu 10(1) tad-direttiva 90/425 tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 1990, dwar l-iċċekkjar, veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intraKommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern, jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jieħdu xi miżuri għall-kontroll ta’ marda, li jkunu komplementari għal dawk il-miżuri previsti mid-Direttiva 85/511, tat-18 ta’ Novembru 1985, li tintroduċi miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill nru 90/423/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990, b'mod partikolari, is-setgħa li jipproċedu għall-qtil ta’ l-annimali appartenenti għal xi razzett viċin jew li jinsab f’raġġ determinat madwar xi razzett li jkun fih annimali infettati.

Dawn il-miżuri komplementari għandhom jiġu adottati b'osservanza ta’ l-objettivi kkontemplati mil-leġiżlazzjoni komunitarja fis-seħħ u, b'mod iktar partikolari, tad-Direttiva 85/511, hekk kif emendata mid-Direttiva 90/423, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt komunitarju, bħalma huma l-prinċipju ta' proporzjonalità u l-obbligu ta' komunikazzjoni previst mill-artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top