Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0087

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-30 ta' Marzu 2006.
    ir-Renju ta' Spanja vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
    Sajd - Regolament li jalloka l-kwoti tal-qabdiet ta' ħut bejn l-Istati Membri - Att ta' Adeżjoni ta' Spanja - Tmiem tal-perijodu tranżitorju - Eżiġenza ta' stabbiltà relattiva - Prinċipju tan-non-diskriminazzjoni - Opportunitajiet ġodda ta' sajd.
    Każijiet Magħquda C-87/03 u C-100/03.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:207

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    30 ta' Marzu 2006 (*)

    "Sajd – Regolament li jalloka l-kwoti tal-qabdiet ta' ħut bejn l-Istati Membri – Att ta' Adeżjoni ta' Spanja – Tmiem tal-perijodu tranżitorju – Eżiġenza ta' stabbiltà relattiva – Prinċipju tan-non-diskriminazzjoni – Opportunitajiet ġodda ta' sajd"

    Fil-kawżi magħquda C-87/03 u C-100/03,

    li għandhom bħala suġġett żewġ rikorsi għal annullament taħt l-Artikolu 230 KE, ippreżentati fis-27 u fit-28 ta' Frar 2003,

    Ir-Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrent,

    vs

    Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn G. Ramos Ruano u F. Florindo Gijón, bħala aġenti,

    konvenut,

    sostnut minn

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn T. van Rijn, F. Jimeno Fernandez u S. Pardo Quintillán, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    Ir-Renju tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentat minn D. Wyatt, QC, u K. Manji, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    intervenjenti,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, M. J. Malenovský, J.‑P. Puissochet, S. von Bahr (Relatur), u U. Lõhmus, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Léger,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-4 ta' Mejju 2005,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Bir-rikorsi tiegħu, ir-Renju ta' Spanja qiegħed jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla r-Regolament (KE) Nru 2341/2002 tal-Kunsill, ta' l-20 ta' Diċembru 2002, li jistabbilixxi, għas-sena 2003, l-opportunitajiet ta' sajd u l-kundizzjonijiet marbuta magħhom għal ċerti ħażniet ta' ħut u gruppi ta' ħażniet ta' ħut, applikabbli fl-ibħra tal-Komunità u, fir-rigward tal-bastimenti tal-Komunità, fl-ibħra suġġetti għal limitazzjonijiet ta' qbid (ĠU L 356, p. 12), safejn ma jallokalux ċerti kwoti relattivi għal opportunitajiet ta' sajd li kienu s-suġġett ta' allokazzjoni fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku wara l-adeżjoni tiegħu mal-Komunità (kawża C-87/03) u fil-Baħar tat-Tramuntana qabel din l-adeżjoni (kawża C-100/03).

     Il-kuntest ġuridiku u l-proċedura

     L-Att ta' Adeżjoni tar-Renju ta' Spanja u tar-Repubblika Portugiża

    2       L-Artikoli 156 sa 166 ta' l-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta' l-Adeżjoni tar-Renju ta' Spanja u tar-Repubblika Portugiża u l-aġġustamenti għat-Trattati (ĠU 1985, L 302, iktar 'il quddiem "l-Att ta' Adeżjoni") jirregola b'mod partikolari l-aċċess tal-bastimenti Spanjoli għall-ibħra Komunitarji kif ukoll għar-riżorsi tagħhom. Jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmi Artikolu 166 li s-sistema hekk definita hija applikabbli matul perijodu li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2002 (iktar 'il quddiem il-"perijodu tranżitorju").

     Ir-Regolamenti Nru 170/83 u Nru 172/83

    3       Bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 170/83, tal-25 ta' Jannar 1983, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' konservazzjoni u ta' maniġġjar ta' riżorsi tas-sajd (ĠU L 24, p.1), il-leġiżlatur stabbilixxa regoli ta' allokazzjoni tal-volum globali tal-qabdiet bejn l-Istati Membri. L-għan tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea kien b'mod partikolari li jikkontribwixxi għal stabbiltà ta' l-attivitajiet tas-sajd. Il-ħames u s-seba' premessi ta' dan ir-Regolament jippreżentaw il-kunċett ta' stabbiltà relattiva bħala li jfittex li jippreżerva l-bżonnijiet partikolari tar-reġjuni li l-popolazzjonijiet lokali tagħhom huma partikolarment dipendenti mis-sajd u mill-industriji marbuta miegħu, filwaqt li tittieħed in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni bioloġika mumentanja tal-ħażniet.

    4       Il-Kunsill ipproċeda għall-ewwel darba għall-allokazzjoni tar-riżorsi disponibbli fl-ibħra Komunitarji (iktar 'il quddiem "il-qasma inizjali") bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 172/83, tal-25 ta' Jannar 1983, li jiffissa, għal ċerti ħażniet jew gruppi ta' ħażniet ta' ħut preżenti fiż-żona tas-sajd tal-Komunità, il-qabdiet totali permessi għas-sena 1982, il-parti ta' dawn il-qabdiet disponibbli għall-Komunità, l-allokazzjoni ta' din il-parti bejn l-Istati Membri u l-kundizzjonijiet li fihom jista' jsir is-sajd tal-qabdiet totali permessi (ĠU L 24, p. 30).

    5       Sabiex tkun tista' ssir allokazzjoni ġusta tar-riżorsi disponibbli, joħroġ mir-raba' premessa tar-Regolament Nru 172/83 li l-Kunsill ħa in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-attivitajiet tradizzjonali tas-sajd, il-bżonnijiet speċifiċi tar-reġjuni li huma partikolarment dipendenti mis-sajd u mill-industriji marbuta miegħu u t-telf potenzjali ta' sajd fl-ibħra ta' pajjiżi terzi.

     Ir-Regolament Nru 3760/92

    6       Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3760/92, ta' l-20 ta' Diċembru 1992, li jistabbilixxi sistema Komunitarja tas-sajd u ta' l-akwakultura (ĠU L 389, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1181/98, ta' l-4 ta' Ġunju 1998 (ĠU L 164, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 3760/92") li jħassar ir-Regolment Nru 170/83. L-Artikolu 8(4)(i) tiegħu jipprovdi li l-Kunsill għandu jiddetermina għal kull żona tas-sajd jew grupp ta' żoni tas-sajd, każ b'każ, il-qabdiet totali permessi u/jew l-isforz tas-sajd totali permess, jekk ikun il-każ, fuq bażi multiannwali.

    7       L-Artikolu 8(4)(ii) tar-Regolament Nru 3760/92 jiddisponi li l-Kunsill għandu jalloka l-opportunitajiet ta' sajd bejn l-Istati Membri b'mod li tkun garantita l-istabbiltà relattiva ta' l-attivitajiet ta' sajd ta' kull Stat Membru għal kull waħda mill-ħażniet ikkonċernati. Dan il-kunċett ta' stabbiltà relattiva huwa deskritt fit-tnax sa l-erbatax-il premessa ta' dan ir-Regolament. Skond it-tnax-il premessa, il-konservazzjoni u l-immaniġġjar tar-riżorsi għandhom jikkontribwixxu għal stabbilità akbar ta' l-attivitajiet ta' sajd u għandhom jiġu evalwati abbażi ta' allokazzjoni ta' referenza li tirrifletti d-direzzjonijiet mogħtija mill-Kunsill. It-tlettax-il kunsiderazzjoni sostanzjalment tirriproduċi l-kliem tal-preambolu tar-Regolament Nru 170/83 imsemmi f'punt 3 ta' din is-sentenza.

    8       Skond l-Artikolu 8(4)(iii) tar-Regolament Nru 3760/92, meta l-Komunità toħloq għal żona tas-sajd jew għal grupp ta' żoni tas-sajd opportunitajiet ġodda li ma kinux ġew sfruttati qabel permezz tal-politika komuni tas-sajd, il-Kunsill għandu jadotta metodi ta' allokazzjoni, filwaqt li jieħu in kunsiderazzjoni l-interessi ta' l-Istati Membri kollha.

     Ir-Regolament Nru 2341/2002

    9       Fl-20 ta' Diċembru 2002, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 2341/2002, li huwa s-suġġett ta' dan ir-rikors, billi bbaża ruħu b'mod partikolari fuq id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 3760/92.

     Ir-Regolament Nru 2371/2002

    10     Fl-20 ta' Diċembru 2002, il-Kunsill adotta wkoll ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-politika komuni dwar is-sajd (ĠU L 358, p. 59), li jħassar ir-Regolament Nru 3760/92 mill-1 ta' Jannar 2003. L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 2371/2002 jiddisponi li l-bastimenti tas-sajd tal-Komunità għandu jkollhom l-istess aċċess għall-ibħra u riżorsi fl-ibħra kollha tal-Komunità definiti f'dan l-Artikolu, bla ħsara għall-miżuri adottati sabiex jiġu assigurati l-konservazzjoni u s-sostenibbiltà ta' l-ispeċi.

    11     Taħt l-intestatura intitolata "Allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd", l-Artikolu 20(1), ta' dan ir-Regolament jipprovdi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-limiti ta' qbid u/jew opportunitajiet tas-sajd u dwar l-allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet assoċjati ma' dawk il-limiti. Opportunitajiet tas-sajd għandhom jitqassmu bejn l-Istati Membri b'mod li jassigura lil kull Stat Membru stabbilità relattiva ta' attivitajiet tas-sajd għal kull ħażna jew żona tas-sajd.

    12     Il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jiddisponi li meta l-Komunità tistabbilixxi opportunitajiet tas-sajd ġodda, il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni ta' dawk l-opportunitajiet, waqt li jqis l-interessi ta' kull Stat Membru.

     Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura

    13     Matul in-negozjati tar-Regolament Nru 2341/2002 dwar l-opportunitajiet ta' sajd għas-sena 2003, billi r-Renju ta' Spanja dehrlu li kellu d-dritt, mit-tmiem tal-perijodu tranżitorju, li jipparteċipa fl-allokazzjoni ta' l-ispeċi suġġetti għal limitazzjonijiet ta' qbid fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku, huwa ressaq applikazzjoni lill-Kunsill bil-għan li jakkwista kwoti ta' sajd f'dawn iż-żewġ ibħra.

    14     Dan l-Istat Membru sostna li l-kwoti allokati qabel u wara l-adeżjoni tiegħu mal-Komunità, fiż-żona li għaliha l-flotta Spanjola ma kellhiex aċċess matul il-perijodu tranżitorju, kellhom jiġu riveduti sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni, minn naħa, l-inkapaċità purament legali li sab ruħu fiha dan l-Istat Membru sabiex tipparteċipa f'din l-allokazzjoni u min-naħa l-oħra, il-qabdiet ta' l-imsemmija flotta fil-Baħar tat-Tramuntana matul il-perijodu li jkopri s-snin mill-1973 sa l-1978.

    15     Il-Kunsill irrifjuta l-applikazzjoni tar-Renju ta' Spanja.

    16     Kien f'dawn iċ-ċirkustanzi li r-Renju ta' Spanja ddeċieda li jressaq dawn ir-rikorsi.

    17     B'digrieti tas-27 ta' Ġunju u tat-28 ta' Awwissu 2003, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq rispettivament ġew awtorizzati jintervjenu sabiex isostnu t-talbiet tal-Kunsill fil-kawżi C-87/03 u C-100/03.

    18     Permezz ta' digriet ta' l-4 ta' April 2005, il-kawżi C-87/03 u C-100/03 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

     It-talbiet tal-partijiet

    19     Ir-Renju ta' Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –       tannulla r-Regolament Nru 2341/2002 safejn ma jallokalux ċerti kwoti ta' sajd fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku, u

    –       tordna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż.

    20     Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mir-Renju Unit, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –       tiċħad ir-rikorsi, u

    –       tordna lir-Renju ta' Spanja jbati l-ispejjeż.

     Fuq ir-rikors

    21     Bir-rikorsi tiegħu, ir-Renju ta' Spanja jsostni li, bil-fatt li m'akkwistax ċerti kwoti ta' sajd fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku permezz tar-Regolament Nru 2341/2002, il-flotta Spanjola, fil-prattika u minkejja li spiċċa l-perijodu tranżitorju, sabet ruħha fl-impossibbiltà li tistad għall-parti l-kbira ta' l-ispeċi suġġetti għal kwoti f'dawn iż-żewġ ibħra. Il-Gvern ta' dan l-Istat Membru jqajjem diversi motivi. Minn dawn il-motivi, tnejn huma identiċi fiż-żewġ kawżi magħquda, u huma bbażati, l-ewwel waħda, fuq ksur tal-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni u, t-tieni waħda, fuq ksur ta' l-Att ta' Adeżjoni. Barra minn hekk, huwa jqajjem it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2371/2002, fil-kawża C-87/03, u fuq ksur tal-prinċipju ta' l-istabbiltà relattiva, fil-kawża C-100/03.

    22     Għalkemm il-ksur tal-prinċipju ta' l-istabbiltà relattiva huwa invokat biss bħala motiv distint fil-kawża C-100/03, dan huwa wkoll imsemmi fiż-żewġ kawżi sabiex isostni l-allegazzjonijiet ta' diskriminazzjoni u ta' ksur ta' l-Att ta' Adeżjoni. Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok b'relazzjoni għaż-żewġ kawżi.

     Fuq il-motiv u l-argumenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta' l-istabbiltà relattiva

     L-osservazzjonijiet tal-partijiet

    23     Il-Gvern Spanjol isostni li l-prinċipju ta' l-istabbiltà relattiva għandu portata ġenerali u, konsegwentement, huwa applikabbli għad-diversi allokazzjonijiet ta' kwoti iżda li l-allokazzjoni inizjali tas-sena 1983 tista' tiġi emendata minħabba avvenimenti determinanti. L-iskadenza tal-perijodu tranżitorju jikkostitwixxi tali avveniment.

    24     Jirriżulta li minn issa 'l quddiem ir-Renju ta' Spanja huwa kompletament integrat fil-politika komuni tas-sajd u, għaldaqstant, l-allokazzjoni inizjali magħmula qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Komunità għandha tiġi emendata b'mod li huwa jkun jista' jibbenefika minnha. Il-bastimenti Spanjoli għandhom għalhekk jirċievu kwoti li jieħdu in kunsiderazzjoni tnejn mill-kriterji użati fl-allokazzjoni inizjali, imsemmija f'punt 5 ta' din is-sentenza, jiġifieri l-attivitajiet tradizzjonali tas-sajd u l-bżonnijiet speċifiċi ta' dawn ir-reġjuni li huma partikolarment dipendenti mis-sajd u mill-industriji marbuta miegħu.

    25     L-imsemmi Gvern jenfasizza li l-bastimenti Spanjoli stadu fil-Baħar tat-Tramuntana bejn is-snin 1973 u 1976. Isostni wkoll li, fl-allokazzjoni tal-kwoti magħmula għas-sena 2003, konformement mal-prinċipju ta' l-istabbiltà relattiva, kellhom jittieħdu in kunsiderazzjoni biss ir-reġjuni li l-popolazzjonijiet tagħhom huma, f'din id-data, partikolarment dipendenti mis-sajd u mill-attivitajiet marbuta miegħu u mhux dawk li, f'xi mument partikolari fil-passat, kellhom dawn il-karatteristiċi.

    26     Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit isostnu li l-allokazzjoni tal-kwoti magħmula bir-Regolament Nru 2341/2002 tirrispetta kompletament l-għan ta' sfruttament razzjonali tar-riżorsi u r-regoli ta' allokazzjoni stabbiliti skond il-prinċipju ta' l-stabbiltà relattiva.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    27     Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fis-sentenza tas-16 ta' Ġunju 1987, Romkes (46/86, Ġabra p. 2671, punt 17), u kkonfermat f'serje ta' sentenzi mogħtija fl-1992 li l-eżiġenza ta' stabbilità relattiva għandha tinftiehem li tfisser iż-żamma ta' persentaġġ fiss għal kull Stat Membru fl-allokazzjoni ta' l-opportunitajiet ta' sajd. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-kriterju ta' allokazzjoni iffissat inizjalment, magħmul fuq it-teħied in kunsiderazzjoni tal-kwantitajiet maqbuda bħala medja mill-flotot tad-diversi Stati Membri matul il-perijodu bejn is-sena 1973 u s-sena 1978, għandu jibqa' japplika sakemm ma jiġix adottat regolament li jemendah skond il-proċedura li ġiet segwita għar-Regolament Nru 170/83 (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Romkes, iċċitata iktar 'il fuq, punt 6; tat-13 ta' Ottubru 1992, Spanja vs Il-Kunsill, C-70/90, Ġabra p. I-5159, punt 15; Spanja vs Il-Kunsill, C-71/90, Ġabra p. I-5175, punt 15, u Spanja vs Il-Kunsill, C-73/90, Ġabra p. I-5191, punt 28).

    28     Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll fuq il-konsegwenzi ta' l-adeżjoni ta' Stat Membru ġdid, b'mod partikolari dik tar-Renju ta' Spanja, mal-Komunità. Hija ddeċidiet li avveniment bħal dan waħdu ma jistax jipproduċi effetti ġuridiċi peress li l-kundizzjonijiet ta' adeżjoni huma regolati mill-Att relattiv (ara s-sentenza Spanja vs Il-Kunsill, C-70/99, iċċitata iktar 'il fuq, punt 16). Fir-rigward ta' dan l-Istat Membru, hija ddikjarat li, skond l-Artikolu 2 ta' l-Att ta' Adeżjoni, huwa applikabbli l-acquiscommunautaire, jiġifieri d-dispożizzjonijiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet qabel din l-adeżjoni, b'mod partikolari l-prinċipju ta' l-istabbiltà relattiva kif applikabbli fl-1983 (ara s-sentenzi tat-13 ta' Ottubru 1992, Il-Portugall u Spanja vs Il-Kunsill, C-63/90 u C-67/90, Ġabra p. I-5073, punti 31, 32 u 34, u Spanja vs Il-Kunsill, C-70/90, iċċitata iktar 'il fuq, punti 19 u 29).

    29     Minn dan isegwi li l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja ma kellhiex l-effett li ġġiegħel lill-Kunsill jemenda l-allokazzjoni eżistenti. Bil-kontra, il-kriterju ta' allokazzjoni ffissat qabel din l-adeżjoni jagħmel parti mill-acquis communautaire u, fin-nuqqas ta' tibdil adottat mill-Kunsill, huwa applikabbli għal dan l-Istat Membru.

    30     Fir-rigward tat-tmiem tal-perijodu tranżitorju, kif definit fl-Att ta' Adeżjoni, huwa jista' jkollu biss l-effetti ġuridiċi previsti minn dan l-Att. Issa, dan la jipprovdi emenda tal-kriterju ta' allokazzjoni li jkollu effett fl-iskadenza tal-perijodu tranżitorju u lanqas obbligu tal-Kunsill li jirrevedi dan il-kriterju f'dak il-mument. Fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet partikolari previsti fl-Att ta' Adeżjoni jew ta' tibdil adottat mill-Kunsill fl-iskadenza tal-perijodu tranżitorju, jibqa' applikabbli l-kriterju ta' allokazzjoni eżistenti, stabbilit konformement mal-prinċipju ta' l-istabbiltà relattiva.

    31     Barra minn hekk, il-fatt li l-bastimenti Spanjoli kienu stadu fil-Baħar tat-Tramuntana bejn is-snin 1973 u 1976 ma jistax jiġi invokat sabiex jiġġustifika emenda tal-kriterju ta' allokazzjoni. Fil-fatt, din l-attività ta' sajd waqfet fl-1977, wara d-deċiżjoni meħuda mill-Istati tal-kosta tat-Tramuntana li jestendu ż-żoni esklużivi tagħhom tas-sajd għal 200 mil nawtiku, fil-kuntest ta' l-evoluzzjoni tad-dritt internazzjonali tal-baħar. Sussegwentement, din is-sitwazzjoni nżammet fil-ftehim bilaterali konkluż fl-1980 bejn ir-Renju ta' Spanja u l-Komunità Ewropea, u wara fl-Att ta' Adeżjoni.

    32     Konsegwentement, fir-rigward tal-kriterju ta' allokazzjoni ta' l-opportunitajiet ta' sajd iffissati qabel l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja mal-Komunità, in-nuqqas ta' emendi magħmula għal dan il-kriterju b'att sussegwenti tal-Kunsill u b'mod partikolari bir-Regolament Nru 2341/2002 ma jmurx kontra l-prinċipju ta' l-istabbiltà relattiva.

    33     Minn dan isegwi li l-motiv imqajjem fil-kawża C-100/03 bbażat fuq ksur ta' dan il-prinċipju għandu jiġi miċħud.

    34     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija f'punt 22 ta' din is-sentenza, għandhom jiġu eżaminati wkoll l-argumenti mqajma fil-kuntest tal-kawża C-87/03 fis-sens li n-nuqqas ta' reviżjoni tal-kriterju ta' allokazzjoni użat għall-allokazzjoni tal-kwoti fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku għall-ewwel darba wara l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja kiser dan il-prinċipju.

    35     Fir-rigward ta' dawn l-aħħar allokazzjonijiet, għandu jiġi rilevat li l-prinċipju ta' l-istabbiltà relattiva, li jinsab fir-Regolament Nru 3760/92, jibqa' rilevanti.

    36     Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, isostni li huwa ddefinixxa perijodu ta' referenza reċenti u rappreżentattiv, li jkopri ħafna snin, u eżamina l-volumi maqbuda mis-sajjieda ta' l-Istati Membri sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni l-bżonnijiet tal-popolazzjonijiet partikolarment dipendenti mis-sajd. Billi l-bastimenti Spanjoli ma kinux preżenti fl-ibħra ikkonċernati għal ħafna snin, ma ngħatat l-ebda kwota lir-Renju ta' Spanja fl-ewwel allokazzjoni, u lanqas f'dik magħmula għas-sena 2003, konformement mal-prinċipju ta' l-istabbilità relattiva.

    37     Il-Gvern Spanjol isostni, min-naħa tiegħu, li dan il-prinċipju kellu jiġi modifikat sabiex jieħu in kunsiderazzjoni l-interessi ta' dan l-Istat Membru. Dan il-Gvern isostni sostanzjalment li, minflok m'alloka l-kwoti billi żamm il-persentaġġi stabbiliti meta għamel l-allokazzjonijiet matul il-perijodu tranżitorju, fi żmien meta r-Renju ta' Spanja ma setax jibbenefika minnhom, il-Kunsill kien imissu ħa in kunsiderazzjoni l-attivitajiet ta' sajd tal-bastimenti Spanjoli bejn is-snin 1973 u 1976 kif ukoll il-bżonnijiet tal-popolazzjonijiet li llum jgħixu mis-sajd.

    38     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-allokazzjoni ta' l-opportunitajiet ta' sajd bejn l-Istati Membri, kif previst fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 3760/92, timplika l-evalwazzjoni ta' sitwazzjoni ekonomika kumplessa li dwarha l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali kbira. Konsegwentement, l-istħarriġ tal-qorti għandu jkun limitat għall-verifika jekk il-miżura in kwistjoni hijiex vizzjata bi żball manifest jew b'użu ħażin tas-setgħa jew jekk l-awtorità in kwistjoni tkunx manifestament qabżet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha (sentenzi tat-12 ta' Lulju 2001, Jippes et, C-189/01, Ġabra p. I‑5689, punt 80, u tad-9 ta' Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-304/01, Ġabra p. I‑7655, punt 23).

    39     Fil-kuntest ta' diminuzzjoni qawwija ta' l-ispeċi kkonstatata mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat, l-ewwel nett, li l-Kunsill ma kisirx il-prinċipju ta' l-istabbiltà relattiva, meta ffissa perijodu ta' referenza reċenti li jkopri diversi snin għall-ewwel allokazzjoni tal-kwoti ta' ċerti speċi fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku. Kif jidher minn punt 42 tas-sentenza tal-25 ta' Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kunsill, C-120/99, Ġabra p. I-7997, il-leġiżlatur Komunitarju fil-fatt igawdi flessibbiltà kbira f'dan il-qasam.

    40     It-tieni nett, il-Kunsill lanqas ma kiser il-prinċipju ta' l-istabbiltà relattiva bil-fatt li eskluda lir-Renju ta' Spanja minn din l-allokazzjoni, meta jitqies in-nuqqas tal-bastimenti Spanjoli minn dawn iż-żewġ ibħra matul il-perijodu tranżitorju.

    41     Fl-aħħar nett, l-istess konklużjoni hija applikabbli fir-rigward taż-żamma ta' din l-esklużjoni fil-kuntest ta' l-allokazzjoni ta' l-opportunitajiet ta' sajd relattiva għas-sena 2003, fid-dawl ta' l-allokazzjoni preċedenti u ċ-ċirkustanza, imsemmija f'punt 31 ta' din is-sentenza, li l-bastimenti Spanjoli ma kinux stadu għall-ispeċi kkonċernati fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku għal aktar minn għoxrin sena.

    42     Minn dan isegwi li l-argumenti mqajma fil-kawża C-87/03 dwar ksur tal-prinċipju ta' l-istabbiltà relattiva għandhom jiġu miċħuda.

     Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni

     L-osservazzjonijiet tal-partijiet

    43     Il-Gvern Spanjol isostni li, minn meta skada l-perijodu tranżitorju, il-bastimenti Spanjoli kellhom jibbenefikaw mhux biss mill-ugwaljanza fl-aċċess għall-ibħra Komunitarji, ħaġa li dan mhijiex ikkontestata lilhom, imma wkoll għar-riżorsi tagħhom, li jimplika l-allokazzjoni ta' kwoti tas-sajd fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku. Bil-fatt li r-Renju ta' Spanja ma ġiex allokat tali kwoti, ir-Regolament Nru 2341/2002 ma jirrispettax il-kundizzjonijiet ta' trattament ugwali u joħloq diskriminazzjoni kontra s-sajjieda Spanjoli.

    44     L-ebda raġuni oġġettiva ma tiġġustifika din id-diskriminazzjoni. Għandha tiġi rispettata r-regola ġenerali ta' l-applikabbiltà sħiħa tad-dritt Komunitarju kollu għall-Istati Membri ġodda mill-waqt ta' l-adeżjoni tagħhom. Id-derogi għal din ir-regola, previsti minn Att ta' adeżjoni, huma temporanji u għandhom jiġu interpretati b'mod restrittiv.

    45     Għalkemm, qabel il-31 ta' Diċembru 2002, ir-Renju ta' Spanja ma setax jinvoka l-attivitajiet ta' sajd li kienu jeżerċitaw il-bastimenti Spanjoli fil-Baħar tat-Tramuntana matul il-perijodu ta' referenza tas-snin 1973 sa 1978, peress li kienet tapplika s-sistema eċċezzjonali prevista mill-Att ta' Adeżjoni, kien xorta oħra wara din id-data. Minn issa 'l quddiem dawn l-attivitajiet għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex jemendaw l-allokazzjoni ta' l-opportunitajiet ta' sajd fis-seħħ sa l-adeżjoni tiegħu mal-Komunità u matul il-perijodu tranżitorju. B'hekk ir-Renju ta' Spanja kellu jiġi allokat kwoti ta' sajd proporzjonali għal dak li l-bastimenti Spanjoli kienu jistadu qabel id-dħul fis-seħħ tas-sistema Komunitarja ta' konservazzjoni tar-riżorsi.

    46     Il-Gvern Spanjol iżid li, fin-nuqqas ta' perijodu tranżitorju, ir-Renju ta' Spanja kien jipparteċipa fl-allokazzjoni ta' kwoti ġodda li bdew iseħħu mill-1986, abbażi ta' tliet elementi: l-ewwel nett, il-qabdiet tas-sajjieda Spanjoli fil-Baħar tat-Tramuntana matul is-snin 1973 sa 1976, jiġifieri l-perijodu li ttieħed in kunsiderazzjoni għall-ewwel twaqqif tal-prinċipju ta' l-istabbiltà relattiva; it-tieni nett, il-qbid ta' l-istess speċi f'żoni konnessi u, it-tielet nett, il-bżonnijiet tas-sajjieda Spanjoli f'qabdiet inċidentali.

    47     Skond il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit, ir-Regolament Nru 2341/2002 ma joħloqx diskriminazzjoni kontra r-Renju ta' Spanja. Fil-fatt, dan huwa ttratat fl-istess manjiera bħall-Istati Membri li ma bbenefikawx mill-allokazzjoni inizjali ta' kwoti magħmula qabel l-adeżjoni tagħhom fil-Komunità u li jikkostitwixxu madwar nofs l-imsemmija Stati. Dawn l-istituzzjonijiet u r-Renju Unit jenfasizzaw li l-Gvern Spanjol ma jagħmilx id-distinzjoni li għandha ssir bejn il-kunċett ta' aċċess għall-ibħra Komunitarji u l-kunċett ta' aċċess għar-riżorsi tagħhom.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    48     Ir-rispett tal-prinċipju tat-trattament ugwali jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b'mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b'mod ugwali sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara b'mod partikolari s-sentenza tas-17 ta' Ottubru 1995, Fishermen's Organisations et, C-44/94, Ġabra p. I‑3115, punt 46).

    49     Għalhekk il-kwistjoni hija jekk is-sitwazzjoni tar-Renju ta' Spanja hijiex paragunabbli ma' dik ta' l-Istati Membri li akkwistaw kwoti ta' sajd fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku bir-Regolament Nru 2341/2002.

    50     Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat il-kwistjoni ta' eventwali diskriminazzjoni kontra l-Istati Membri li ma kinux akkwistaw ċerti kwoti ta' sajd wara l-adeżjoni tagħhom mal-Komunità.

    51     F'punt 41 tas-sentenza Il-Portugall u Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, ir-Repubblika Portugiża sostniet li l-flotta Portugiża kienet eżerċitat attivitajiet ta' sajd fl-ibħra ta' Greenland mis-sena 1973 sas-sena 1977, jiġifieri matul parti mill-perijodu ta' referenza inizjali, u enfasizzat li l-kwantitajiet maqbuda mill-flotta tagħha kienu paragunabbli ma' dawk maqbuda mill-flotta Ġermaniża u superjuri ferm għal dawk maqbuda mill-flotta tar-Renju Unit.

    52     Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li s-sitwazzjoni tar-Repubblika Portugiża ma kinitx paragunabbli ma' dik ta' l-Istati Membri oħra li jibbenefikaw mill-allokazzjoni. Hija ddeċidiet li, safejn l-Att ta' Adeżjoni ma mmodifikax is-sitwazzjoni eżistenti fil-qasam ta' l-allokazzjoni tar-riżorsi esterni, jibqa' applikabbli l-acquis communautaire u li, għalhekk, l-Istati l-Membri l-ġodda ma jistgħux jinvokaw ċirkustanzi li jkunu seħħew qabel l-adeżjoni, fosthom b'mod partikolari l-attivitajiet ta' sajd matul il-perijodu ta' referenza, sabiex iwarrbu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni. Mill-waqt ta' l-adeżjoni tagħhom, huma jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni bħall-Istati Membri esklużi mill-allokazzjonijiet bis-saħħa tal-prinċipju ta' l-istabbiltà relattiva ta' l-attivitajiet ta' sajd, ikkonkretizzata, għal dak li jirrigwarda l-ftehim konklużi qabel l-adeżjoni, fl-allokazzjoni magħmula fl-1983 (sentenza Il-Portugall u Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punti 43 u 44).

    53     Dan ir-raġunament huwa applikabbli għal dawn il-kawżi. Minn dan jirriżulta li r-Renju ta' Spanja ma jinsabx f'sitwazzjoni paragunabbli ma' dik ta' l-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom ibbenefikaw minn kwoti fl-allokazzjoni inizjali u li, konsegwentement, il-Gvern Spanjol ma jistax jinvoka l-attivitajiet ta' sajd tal-bastimenti Spanjoli bejn is-snin 1973 u 1976 fil-baħar tat-Tramuntana, matul il-perijodu ta' referenza inizjali. Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni tiegħu hija paragunabbli ma' dik ta' l-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom m'akkwistawx tali kwoti, kemm jekk dawn l-Istati Membri eżerċitaw attività ta' sajd fl-ilmijiet tal-Baħar tat-Tramuntana u/jew tal-Baħar Baltiku matul il-perijodu ta' referenza inizjali, kemm jekk le.

    54     Għandu jingħad ukoll li t-tmiem tal-perijodu tranżitorju bl-ebda mod ma jibdel din is-sitwazzjoni.

    55     Fil-fatt, il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit sostnew ġustament li għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta' aċċess għall-ibħra u dak ta' aċċess għar-riżorsi. Għalkemm wara t-tmiem tal-perijodu tranżitorju, ir-Renju ta' Spanja jista' jaċċedi mill-ġdid għall-ilmijiet tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Baħar Baltiku, minn dan ma jirriżultax li l-bastimenti Spanjoli jista' jkollhom aċċess għar-riżorsi ta' dawn iż-żewġ ibħra fl-istess proporzjon bħall-Istati Membri li pparteċipaw fl-allokazzjoni inizjali jew f'allokazzjonijiet sussegwenti.

    56     Kif jirriżulta minn punt 41 ta' din is-sentenza, il-Kunsill seta' jqis li peress li l-bastimenti Spanjoli kienu ilhom ma jistadu fl-ilmijiet tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Baħar Baltiku għal aktar minn għoxrin sena, in-nuqqas ta' allokazzjoni ta' kwoti ma kisirx il-prinċipju ta' l-istabbiltà relattiva ta' l-attivitajiet ta' sajd tal-popolazzjonijiet ikkonċernati. Minn dan jirriżulta li l-Kunsill seta' wkoll jikkunsidra li r-Renju ta' Spanja ma kienx f'sitwazzjoni ekwivalenti għal dik ta' l-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom reċentement kienu stadu, matul il-perijodu ta' referenza rilevanti, f'dawn l-ibħra.

    57     Konsegwentement, bil-fatt li fir-Regolament Nru 2341/2002 il-Kunsill ma ttrattax lir-Renju ta' Spanja bl-istess mod bħall-Istati Membri li pparteċipaw fl-allokazzjoni inizjali tal-kwoti ta' sajd, qabel l-adeżjoni ta' dan ir-Renju, jew fl-allokazzjonijiet sussegwenti, matul il-perijodu tranżitorju, il-Kunsill m'aġixxiex f'mod diskriminatorju kontrih.

    58     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni għandu jiġi miċħud.

     Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur ta' l-Att ta' Adeżjoni

     L-osservazzjonijiet tal-partijiet

    59     Il-Gvern Spanjol jikkunsidra li, bil-fatt li r-Renju ta' Spanja ma ġiex allokat parti mill-kwoti ta' sajd li kienu s-suġġett ta' allokazzjoni għaż-żona ta' l-ibħra Komunitarji tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Baħar Baltiku, wara l-adeżjoni ta' dan l-Istat Membru mal-Komunità, ir-Regolament Nru 2341/2002 jestendi l-perijodu tranżitorju lil hinn mill-perijodu previst fl-Att ta' Adeżjoni u konsegwentement jikser id-dispożizzjonijiet tiegħu.

    60     Raġunament simili japplika għal dak li jikkonċerna n-nuqqas ta' reviżjoni fl-imsemmi Regolament tal-kriterju ta' allokazzjoni ffissat għall-Baħar tat-Tramuntana, qabel l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja mal-Komunità.

    61     Il-Gvern Spanjol iqis li l-estensjoni tad-derogi previsti fl-Att ta' Adeżjoni lil hinn mill-perijodu tranżitorju ffissat f'dan l-Att tammonta għal ksur tan-natura eċċezzjonali, tranżitorja u limitata tagħhom, kif ukoll ta' l-għan tagħhom, jiġifieri, l-integrazzjoni progressiva ta' Stat Membru ġdid fil-Komunità.

    62     Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit isostnu, min-naħa tagħhom, li d-dispożizzjonijiet ta' l-Att ta' Adeżjoni ma baqgħux aktar applikabbli fl-iskadenza tal-perijodu tranżitorju u għalhekk ma jistgħux aktar ikunu kriterju għad-determinazzjoni tal-legalità tal-miżuri adottati mill-Kunsill.

    63     Barra minn hekk, l-Att ta' Adeżjoni la jitlob u lanqas jipprevedi reviżjoni tas-sistema ta' allokazzjoni tal-kwoti.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    64     Għandu jiġi mfakkar li l-Artikoli 154 sa 166 ta' l-Att ta' Adeżjoni jiddefinixxu s-sistema applikabbli fis-settur tas-sajd għall-perijodu tranżitorju biss. Għalhekk dawn l-Artikoli ma jistgħux, bħala regola, iservu ta' bażi għal pretensjonijiet li jirrigwardaw perijodu li jibda f'data li tiġi wara li jispiċċa l-perijodu tranżitorju.

    65     Barra minn hekk, imkien ma jirriżulta mill-Att ta' Adeżjoni li l-Kunsill kien obbligat li fil-futur jemenda l-kriterju ta' allokazzjoni ta' l-opportunitajiet ta' sajd adottat qabel l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja jew wara din l-adeżjoni, matul il-perijodu tranżitorju.

    66     Anki jekk is-sistema applikabbli matul il-perijodu tranżitorju hija min-natura tagħha temporanja, minn dan ma jirriżultax li r-restrizzjonijiet kollha previsti fiha jieqfu awtomatikament meta jintemm dan il-perijodu, jekk dawn jirriżultaw ukoll mill-acquis communautaire applikabbli għall-Istat Membru. Issa kif ġie kkonstatat f'punt 29 ta' din is-sentenza, l-acquis commanautaire jinkludi l-kriterju ta' allokazzjoni ffissat bil-leġiżlazzjoni eżistenti fil-mument ta' l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja. Dan il-kriterju ta' allokazzjoni, bħala regola, jibqa' fis-seħħ sakemm ma jkunx ġie emendat b'att tal-Kunsill. Għal dak li jirrigwarda l-allokazzjonijiet ta' kwoti magħmula matul il-perijodu tranżitorju, dawn mhumiex regolati bl-Att ta' Adeżjoni imma bir-regolamenti li jistabbilixxu l-kwoti in kwistjoni u bil-prinċipju ta' l-istabbiltà relattiva.

    67     Għalhekk, bil-fatt li l-Kunsill m'allokax ċerti kwoti ta' sajd fil-Baħar tat-Tramuntana lir-Renju ta' Spanja bir-Regolament Nru 2341/2002, huwa bl-ebda mod ma kiser l-Att ta' Adeżjoni.

    68     Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq ksur ta' l-Att ta' Adeżjoni għandu jiġi miċħud.

     Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2371/2002

     L-osservazzjonijiet tal-partijiet

    69     Il-Gvern Spanjol isostni li, ma' l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju, l-opportunitajiet il-ġodda ta' sajd allokati fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku matul is-snin 1992 sa 1998 għandhom jiġu allokati skond l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2371/2002 billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-interessi ta' kull Stat Membru u, konsegwentement, tar-Renju ta' Spanja wkoll.

    70     Dan il-Gvern jenfasizza mill-ġdid fil-kuntest ta' dan il-motiv li, fin-nuqqas tal-perijodu tranżitorju, dan l-Istat Membru kien jipparteċipa fl-allokazzjoni tal-kwoti l-ġodda magħmula mill-1986 'l quddiem.

    71     Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit isostnu li l-opportunitajiet ta' sajd li kienu s-suġġett ta' allokazzjoni ta' kwoti bejn l-Istati Membri wara l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja, bejn is-snin 1992 u 1998, mhumiex ġodda fis-sens ta' l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2371/2002 u lanqas, barra minn hekk, fis-sens ta' l-Artikolu 8(4)(iii) tar-Regolament Nru 3760/92 u li, konsegwentement, il-motiv invokat mill-Gvern Spanjol mhuwiex fondat.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    72     Għandu jiġi rilevat, kif isostni l-Kunsill, li r-Regolament Nru 2341/2002 mhuwiex fondat fuq ir-Regolament Nru 2371/2002, imma fuq ir-Regolament Nru 3760/92. Konsegwentement, l-allegazzjoni ta' ksur ta' l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2371/2002 mhijiex rilevanti.

    73     Madankollu hemm lok li jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmi Artikolu 20(2) jirriproduċu sostanzjalment dawk ta' l-Artikolu 8(4)(iii) tar-Regolament Nru 3760/92.

    74     Għalhekk, f'dan il-każ, il-motiv imqajjem mir-Renju ta' Spanja għandu jiġi eżaminat bħallikieku kien jirreferi għal dawn id-dispożizzjonijiet ta' l-aħħar.

    75     Il-Gvern Spanjol isemmi ċerti speċi li kienu s-suġġett ta' l-ewwel allokazzjoni matul il-perijodu tranżitorju imma ma jiċċita l-ebda regolament partikolari biex isostni l-affermazzjonijiet tiegħu.

    76     Min-naħa l-oħra, il-Kunsill u r-Renju Unit isemmu, mingħajr ma ġew kontradetti, żewġ Regolamenti li jidrilhom li huma previsti mir-Renju ta' Spanja, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 783/98 tas-7 ta' April 1998, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 45/98 li jiffissa, għal ċerti ħażniet ta' ħut u gruppi ta' ħażniet ta' ħut, il-qabdiet totali permessi għas-sena 1998 u ċerti kundizzjonijiet li fihom jista' jsir is-sajd għalihom (ĠU L 113, p. 8), u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1570/1999 tat-12 ta' Lulju 1999, li jiffissa, għal ċerti ħażniet u gruppi ta' ħażniet ta' ħut, il-qabdiet totali permessi għas-sena 1999 u ċerti kundizzjonijiet li fihom jista' jsir is-sajd għalihom (ĠU L 187, p. 5).

    77     Għandu jiġi kkonstatat li l-kwoti ta' sajd allokati bir-Regolament Nru 2341/2002 għas-sena 2003 u li jikkonċernaw l-ispeċi koperti biż-żewġ Regolamenti msemmija fil-punt preċedenti ma jikkostitwixxux kwoti stabbiliti għall-ewwel darba mill-Kunsill imma, għall-kuntrarju, jikkostitwixxu kwoti li kienu s-suġġett ta' allokazzjoni matul il-perijodu tranżitorju.

    78     Konsegwentement, dawn il-kwoti ma jikkostitwixxux opportunitajiet ġodda ta' sajd fis-sens ta' l-Artikolu 8(4)(iii) tar-Regolament Nru 3760/92, imma jikkonċernaw opportunitajiet ta' sajd eżistenti li jaqgħu taħt l-Artikolu 8(4)(ii) ta' l-imsemmi Regolament u suġġetti għall-prinċipju ta' l-istabbiltà relattiva.

    79     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-motiv tar-Renju ta' Spanja bbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2371/2002 għandu jiġi miċħud.

    80     Billi l-ebda wieħed mill-motivi invokati minn dan l-Istat Membru ma ġie milqugħ, il-preżenti rikorsi għandhom jiġu miċħuda.

     Fuq l-ispejjeż

    81     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta' Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill. Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 69(4), ir-Renju Unit u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

    1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

    2)      Ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż.

    3)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top