Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CC0466

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Trstenjak - 8 ta' Marzu 2007.
    Albert Reiss Beteiligungsgesellschaft mbH vs Land Baden-Württemberg.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Landgericht Baden-Baden - il-Ġermanja.
    Direttiva 69/335/KEE - Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital - Liġi nazzjonali li tipprovdi għall-ġbir ta' drittijiet fuq att notarili li jikkonstata t-trasferiment ta' ishma f'kumpannija b'responsabbiltà limitata - Deċiżjoni ta’ tassazzjoni - Kwalifika bħala 'taxxa simili għal taxxa kapitali lill-kumpanniji' - Formalità preliminari - Taxxi fuq it-trasferiment ta' titoli - Taxxi li huma ta' natura remuneratorja.
    Kawża C-466/03.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:390

    KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

    GEELHOED

    ippreżentati fis-16 ta’ Ġunju 2005 1(1)

    Kawża C-466/03

    Albert Reiss Beteiligungsgesellschaft mbH

    vs

    Land Baden-Württemberg

    (talba għal deċiżjoni preliminari mil-Landgericht Baden‑Baden - il-Ġermanja)

    “Interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE ta’ l-10 ta’ Ġunju 1985 ─ Żieda fil-kapital ta’ kumpannija privata b’responsabbiltà limitata permezz ta’ kontribuzzjoni ta’ ishma miżmuma f’kumpannija oħra ─ Drittijiet mitluba għal att notarili li jawtentika t-trasferiment ta’ l-ishma”





    I –    Introduzzjoni

    1.        Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-Landgericht (Qorti Reġjonali) Baden-Baden (Il-Ġermanja) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-drittijiet imposti fir-rigward ta’ l-awtentikazzjoni minn nutar pubbliku ta’ kuntratt li permezz tiegħu l-ishma ta’ kumpannija huma ttrasferiti lil kumpannija oħra bħala kontribuzzjoni lejn iż-żieda tal-kapital ta’ din il-kumpannija ta’ l-aħħar, humiex ipprojbiti taħt l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 69/335 li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital.(2) Matul il-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tqajmet domanda oħra dwar jekk dawn id-drittijiet jistgħux ikunu permessi taħt l-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 12(1)(a) tad-direttiva fir-rigward ta’ taxxa fuq it-trasferiment ta’ titoli.

    II – Dispożizzjonijiet rilevanti

    A –    Id-dritt Komunitarju

    2.        Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 69/335 li huma rilevanti għal din il-kawża huma dawn li ġejjin.

    “Artikolu 3

    1. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva l-espressjoni ‘kumpannija [b’kapital]’ tfisser:

    (a) kumpanniji taħt il-liġijiet tal-Belġju, tal-Ġermanja, ta’ Franza, ta’ l-Italja, tal-Lussemburgu u ta’ l-Olanda magħrufa rispettivament bħala:

    […]

    –        société de personnes à responsabilité limitée/personenvennootschap met beperkte aansprakelijkheid, Gesellschaft mit beschränkter Haftung, société à responsabilité limitée, società a responsabilità limitata, société à responsabilité limitée;

    […]

    Artikolu 4

    1. L-operazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti [għat-taxxa] kapitali:

    (a) il-formazzjoni ta’ kumpannija [b’kapital];

    […]

    (ċ) żieda fil-kapital ta’ kumpannija [b’kapital] bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip;

    […]

    Artikolu 10

    Barra [t-taxxa] kapitali, l-Istati Membri m’għandhom jimponu ebda [taxxa] affattu, fir-rigward ta’ kumpanniji, ditti, assoċjazzjonijiet jew persuni ġuridiċi li jaħdmu għal profitt:

    (a) fir-rigward ta’ l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4;

    (b) fir-rigward ta’ kontribuzjonijiet, self jew il-provvista ta’ servizzi, li jsiru bħala parti mill-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4;

    (ċ) fir-rigward ta’ reġistrazzjoni jew kull formalità oħra meħtieġa qabel il-bidu ta’ negozju li għalih kumpannija, ditta, assoċjazzjoni, jew persuna ġuridika li taħdem għall-profitt tista’ tkun soġġetta għar-raġuni tal-forma ġuridika tagħha.

    Artikolu 12

    1. Minkejja l-Artikoli 10 u 11, l-Istati Membri jistgħu jimponu:

    (a) [taxxi] fuq it-trasferiment ta’ titoli, kemm jekk imposti b’rata [fissa] u kemm jekk le;

    […]

    (e) [taxxi] mħallsa [bħala miżati] jew drittijiet;

    […]”

    B –    Id-dritt nazzjonali

    3.        Taħt l-Artikolu 36(2) tal-Gesetz über die Kosten in Angelegenheiten der freiwilligen Gerichtsbarkeit (il-Liġi Federali dwar it-tassazzjoni ta’ proċeduri mhux kontenzjużi; magħrufa wkoll bħala: Kostenordnung, iktar ’il quddiem “KostO”), (3) id-drittijiet fissi għall-awtentikazzjoni ta’ kuntratti huma imposti darbtejn.

    4.        L-Artikolu 15(3) tal-Gesetz betreffend die Gesellschaften mit beschränkter Haftung (4) (il-Liġi dwar il-kumpanniji privati b’responsabbiltà limitata; iktar ’il quddiem “GGmbH”), jistabbilixxi li t-trasferiment ta’ ishma minn soċji għandu jsir permezz ta’ kuntratt awtentikat minn nutar.

    III – Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

    5.        Fit-30 ta’ Lulju 2002 Albert Reiss Beteiligungsgesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “ARBmbH”) iddeċidiet li tikkonverti l-kapital nominali tagħha b’valur par ta’ DEM 100 000 f’EUR u żżidu għal EUR 100 000 b’kontribuzzjoni mhux pekunjarja fil-kapital tal-kumpannija. Il-kontribuzzjoni fil-kapital tal-kumpannija kienet tikkonsisti fil-pussess ta’ l-uniku sehem f’ARKU Maschinenbau GmbH. F’dan il-mument is-Sur Albert Reiss kien l-uniku azzjonist taż-żewġ kumpanniji. Il-kuntratt li jikkonċerna l-kontribuzzjoni tal-kapital kien ġie anness ma’ l-att formali li jikkonstata d-deċiżjoni li jiżdied il-kapital.

    6.        Iż-żieda fil-kapital kienet irreġistrata fir-reġistru kummerċjali f’Amtsgericht (Qorti lokali) Baden-Baden fl-4 ta’ Novembru 2002. Barra minn drittijiet oħra, ġiet imposta taxxa, magħrufa bħala ‘taxxa 20/10’ (darbtejn ir-rata tat-taxxa normali), taħt l-Arikolu36(2) tal-KostO fir-rigward tat-trasferiment ta’ ishma f’ARKU Maschinenbau GmbH fl-ammont ta’ EUR 11 424,00 li jiżdied bit-taxxa fuq il-valur miżjud, abbażi tal-valur ta’ l-operazzjoni li jikkorrispondi għall-valur attwali ta’ l-ishma ttrasferiti ta’ EUR 3 763 443,90.

    7.        ARBmbH ikkontestat din l-istima f’kawża quddiem l-Amtsgericht Baden-Baden. Dik il-qorti ddikjarat il-kawża infondata għar-raġunijiet li l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 69/335 mhuwiex rilevanti, li r-rekwiżiti formali u speċifiċi għat-trasferiment ta’ ishma f’kumpannija privata b’responsabbiltà limitata huma bbażati fuq l-Artikolu 15(3) tal-GGmbH u li l-obbligu tal-ħlas tad-drittijiet japplika għall-persuna responsabbli irrispettivament minn jekk tkunx involuta kumpannija b’kapital jew persuna fiżika.

    8.        Sussegwentement, ARBmbH ressqet appell kontra dan id-digriet quddiem il-Landgericht Baden‑Baden u ssottomettiet li t-taxxa fir-rigward ta’ l-awtentikazzjoni notarili ta’ kuntratt li jirrigwarda t-trasferiment ta’ sehem f’kumpannija privata b’responsabbiltà limitata, meħtieġa taħt l-Artikolu 15(3) tal-GGmbHG, hija taxxa pprojbita taħt l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 69/335.

    9.        Fid-dawl tal-fatt li r-riżultat tal-proċedimenti quddiemha jiddependi fuq l-interpretazzjoni li tingħata lill-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 69/335 f’dawn iċ-ċirkustanzi u wara li ġie stabbilit li r-rekwiżiti sabiex tapplika eċċezzjoni taħt l-Artikolu 12 tad-Direttiva 69/335, b’mod partikolari l-Artikolu 12(1)(e) mhumiex sodisfatti, il-Landgericht Baden‑Baden iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u tirreferi s-segwenti domanda preliminari taħt l-Artikolu 234 KE:

    L-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE, ta’ l-10 ta’ Ġunju 1985, jinkludi wkoll id-drittijiet għall-awtentikazzjoni notarili tat-trasferiment ta’ ishma f’kumpannija privata b’responsabbiltà limitata?

    10.      Il-Gvern tal-Land Baden‑Württemberg (iktar ’il quddem il-“Land”) u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjoni tagħhom bil-miktub.

    11.      Fl-analiżi ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja inizjalment iddeċidiet li tagħti d-deċiżjoni tagħha permezz ta’ digriet motivat taħt l-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, wara xi oġġezzjonijiet mil-Land li mhux l-aspetti kollha tar-risposta għad-domanda preliminari setgħu jiġu dedotti mill-ġurisprudenza eżistenti, hija reġgħet eżaminat il-kwistjoni u ddeċidiet li tagħti sentenza dwar id-domanda preliminari.

    IV – Il-mertu

    12.      Id-domanda preliminari mressqa mil-Landgericht hija miktuba f’termini pjuttost ġenerali u ma fihiex l-elementi kollha li huma rilevanti biex tingħata tweġiba li tkun utli sabiex tissolva l-kawża li għandha quddiemha. Għandu jiġi speċifikat li, abbażi ta’ l-informazzjoni fil-proċess, id-domanda tirreferi għal dik is-sitwazzjoni fejn id-drittijiet ikkonċernati huma imposti min-nutara li huma uffiċjali tal-Land u li t-trasferiment ta’ ishma huwa relatat maż-żieda fil-kapital ta’ kumpannija b’kapital. Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mil-Land, jidher li r-riżultat tal-kawża jista’ jiddependi fuq l-applikabbiltà possibbli ta’ l-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 69/335. Huwa għalhekk neċessarju li r-risposta għad-domanda preliminari tingħata fid-dawl ta’ dawn l-aspetti.

    13.      Il-Land tissottometti li r-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun fin-negattiv. Hija tosserva li l-obbligu ta’ awtentikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 15(3) tal-GGmbH mhuwiex indirizzat lill-kumpannija li l-ishma tagħha ġew ittrasferiti (ARKU Maschinenbau), iżda lill-azzjonist ta’ qabel (Mr Albert Reiss) u lill-azzjonist il-ġdid (ARBmbH). Huma dawn li huma responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, u mhux il-kumpannija li l-ishma tagħha ġew ittrasferiti. Għal din ir-raġuni, fil-fehma tagħha, l-operazzjoni taqa’ barra mill-iskop ta’ l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 69/335. Il-Land imbagħad tindika li, l-iktar l-iktar, dak id-dritt jista’ jaqa’taħt l-Artikolu 10(b) tad-Direttiva 69/335, peress li d-dritt impost huwa l-korrispettiv għall-provvista ta’ servizz bħala parti minn operazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 69/335, jiġifieri, iż-żieda fil-kapital ta’ ARBmbH. Madankollu, irrispettivament minn jekk id-dritt in kwistjoni jiksirx l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 69/335, huwa għandu jiġi kkunsidrat bħala taxxa fuq it-trasferiment ta’ titoli fis-sens ta’ l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 69/335 u huwa għalhekk eżenti mill-projbizzjoni fid-dispożizzjoni preċedenti.

    14.      Il-Kummissjoni tieħu l-pożizzjoni opposta u tirreferi għall-ġurisprudenza konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi li l-drittijiet miġburin min-nutara pubbliċi fir-rigward tal-formalitajiet meħtieġa għaż-żieda fil-kapital huma pprojbiti taħt l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 69/335. (5) Għalkemm tindika li l-awtentikazzjoni notarili ta’ trasferiment ta’ ishma bħala tali hija indipendenti mill-forma legali tal-partijiet kontraenti, hija tirrimarka li f’dan il-każ it-trasferiment huwa kundizzjoni imperattiva għaż-żieda fil-kapital ta’ ARBmbH. Din toħroġ mill-fatt li l-kuntratt dwar it-trasferiment ta’ l-ishma jinsab anness ma’ l-att li jikkonstata ż-żieda fil-kapital. Minħabba li t-trasferiment ta’ ishma għandu jiġi meqjus bħala parti integrali mill-operazzjoni taż-żieda fil-kapital u l-ħlas huwa impost fir-rigward ta’ formalità marbuta ma’ dik l-operazzjoni, l-istess ħlas għandu jiġi meqjus bħala pprojbit mill-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 69/335. Hija żżid tgħid li taħt l-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 69/335, dawn id-drittijiet ma jistgħux jeċċedu l-ammont ta’ l-ispejjeż magħmula effettivament.

    15.      Għalkemm il-kwistjoni eżatta mqajma fit-talba għal deċiżjoni preliminari għadha ma ġietx ittrattata espliċitament mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġurisprudenza dwar id-Direttiva 69/335 tipprovdi gwida suffiċjenti sabiex tingħata tweġiba għad-domanda dwar l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 10(ċ) tad-direttiva fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża. Min-naħa l-oħra, l-aspett li jikkonċerna l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 12(1)(a) tad-direttiva huwa relattivament ġdid u hemm bżonn li jingħata attenzjoni iktar mill-qrib.

    16.      L-ewwel nett, huwa utli li tiġi mfakkra l-funzjoni ta’ l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 69/335 fl-iskema tad-direttiva kollha. Id-Direttiva 69/335 tissostitwixxi t-tipi varji ta’ taxxi indiretti imposti mill-Istati Membri fuq il-ġbir ta’ kapital permezz ta’ taxxa kapitali waħda. Din it-taxxa għandu tintalab darba biss fuq il-bażi ta’ struttura armonizzata u rati armonizzati. Il-projbizzjoni fl-Artikolu 10 ta’ taxxi oħra b’karatteristiċi simili għat-taxxa kapitali hija maħsuba sabiex tipproteġi din is-sistema ta’ taxxa kapitali waħda u sabiex tassigura li din ma tiġix evitata, b’mod intenzjonali jew b’mod mhux intenzjonali permezz ta’ l-introduzzjoni ta’ dawn it-taxxi. (6) Dan l-għan kien kjarament il-prinċipju ta’ gwida għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina l-iskop ta’ din id-dispożizzjoni.

    17.      Id-domanda dwar jekk id-drittijiet notarili, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, jappartjenux għall-kategorija ta’ ‘ebda [taxxa] affattu’ fis-sens ta’ l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 69/335 kienet diġà ngħatat risposta għaliha mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-29 ta’ Settembru 1999, Modelo (7) u, fuq l-istess linji, fid-digriet tagħha fil-kawża Gründerzentrum. (8) Infatti dan ta’ l-aħħar kien japplika għas-sitwazzjoni fil-Land Baden‑Württemberg. Skond dik il-ġurisprudenza(9), id-drittijiet jikkostitwixxu taxxa għall-iskopijiet tad-Direttiva 69/335:

    –        meta dawn jinġabru għall-pubblikazzjoni ta’ atti notarili li jikkonstataw operazzjoni li taqa’taħt id-Direttiva 69/335,

    –        taħt sistema fejn in-nutara huma impjegati mill-Istat,

    –        u meta d-drittijiet in kwistjoni huma parzjalment imħallsa lil dak l-Istat għall-finanzjament tal-proġetti tiegħu.

    Fid-dawl tal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbiliet li s-sistema notarili tal-Land Baden‑Württemberg hija ta’dan it-tip, id-drittijiet ikkonċernati huma min-natura tagħhom stess taxxi fis-sens ta’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva 69/335 u huma pprojbiti safejn huma relatati ma’ operazzjoni jew tranżazzjoni li taqa’ taħt dik id-dispożizzjoni.

    18.      Il-projbizzjoni ta’ l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 69/335 tapplika fir-rigward tar-reġistrazzjoni jew ta’ kwalunkwe formalità meħtieġa għal bidu negozju, li kumpannija tista’ tkun suġġetta għaliha minħabba l-forma legali tagħha. Waqt li spjegat ir-raġuni fundamentali għal din il-projbizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja f’Denkavit Internationaal (10) osservat li dan huwa ġġustifikat bil-fatt illi minkejja li t-taxxi in kwistjoni mhumiex imposti fuq kontribuzzjonijiet ta’ kapital bħala tali, huma xorta waħda imposti minħabba l-formalitajiet marbuta mal-forma legali tal-kumpannija, jiġifieri, minħabba l-istrument użat għaż-żieda ta’ kapital. L-eżistenza kontinwa tagħhom tista’ ttellef l-għanijiet tad-direttiva. (11)

    19.      B’mod aktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 69/335 tkopri mhux biss drittijiet imħallsa għar-reġistrazzjoni ta’ kumpanniji ġodda, iżda wkoll drittijiet li jitħallsu minn kumpanniji għar-reġistrazzjoni ta’ żidiet fil-kapital minħabba li dawn ukoll huma imposti minħabba formalità essenzjali konnessa mal-forma legali tal-kumpanniji in kwistjoni. Filwaqt li reġistrazzjoni ta’ żieda fil-kapital mhijiex, strettament, formalità meħtieġa għall-bidu ta’ negozju minn kumpannija, xorta hija neċessarja sabiex jitkompla dan in-negozju. (12)

    20.      Id-dritt in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija imposta fir-rigward ta’ l-attestazzjoni notarili ta’ trasferiment ta’ ishma minn membri ta’ kumpannija b’kapital. Din hija formalità essenzjali sabiex iseħħ trasferiment bħal dan taħt l-Artikolu 15(3) tal-GGmbH. F’sens ġenerali, dan l-obbligu japplika irrispettivament mill-forma legali tal-persuna li tagħmel it-trasferiment u tal-benefiċjarju tiegħu. B’dan il-mod, id-dritt impost fir-rigward ta’ din il-formalità jkun għalhekk jidher li jaqa’ barra mit-termini ta’ l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 69/335. Madankollu, dan ir-riżultat mhuwiex iġġustifkat fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża li fiha hemm relazzjoni legali u ekonomika diretta bejn it-trasferiment ta’ ishma u ż-żieda fil-kapital ta’ ARBmbH. Jiena naqbel mal-Kummissjoni li, f’din is-sitwazzjoni, it-trasferiment ta’ ishma għandu jkun ikkunsidrat bħala parti integrali mill-operazzjoni taż-żieda fil-kapital. Ċertament, it-trasferiment kien intiż għall-finanzjament taż-żieda fil-kapital tal-kumpannija b’kapital benefiċjarja u l-kuntratt kien anness ma’ l-att li rreġistra ż-żieda fil-kapital. F’ċirkustanzi bħal dawn, id-drittijiet kollha imposti fir-rigward ta’ formalitajiet stabbiliti minn liġi nazzjonali għall-ikkompletar ta’ l-elementi varji ta’ l-operazzjoni taż-żieda fil-kapital, huma konnessi mal-forma legali tal-kumpannija kkonċernata u għandhom ikunu kkunsidrati bħala taxxi pprojbiti mill-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 69/335.

    21.      Li jiġi deċiż mod ieħor ikun ifisser li jkun permess li tiġi imposta taxxa addizzjonali fuq operazzjoni ta’ ġbir ta’ kapital. Dan ikun kuntrarju għall-prinċipju ta’ taxxa kapitali waħda u jdgħajjef l-effettività ta’ l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 69/335 fil-protezzjoni ta’ dan il-prinċipju.

    22.      B’kuntrast, fejn m’hemm l-ebda rabta ekonomika u legali bejn it-trasferiment ta’ ishma u l-ġbir jew iż-żieda tal-kapital ta’ kumpannija b’kapital, kif inhi s-sitwazzjoni f’kawża parallela li tinsab pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, (13) kwalunkwe drittijiet imposti minn nutar pubbliku f’sistema kif deskritta fil-paragrafu 17 iktar ’il fuq għall-ikkompletar ta’ formalitajiet fir-rigward tat-trasferiment ta’ ishma, jaqgħu barra mill-iskop ta’ l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 69/335.

    23.      Fl-aħħar nett, dwar l-applikabbilità ta’ l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 69/335 jiena nirrimarka li l-fatt li l-kumpannija, li l-ishma tagħha qegħdin jiġu ttrasferiti, (ARKU Maschinenbau) mhijiex id-debitur tad-drittijiet notarili fir-rigward ta’ l-attestazzjoni tat-trasferiment, kif sostna l-Land, huwa irrelevanti. L-iktar importanti huwa li dritt li hu impost huwa konness b’mod formali ma’ operazzjoni li taqa’ taħt l-iskop tad-direttiva u li potenzjalment tista’ tiskoraġġixxi l-moviment liberu tal-kapital.

    24.      Id-domanda li għandha tiġi diskussa issa hija jekk, kif sostnut mil-Land, id-dritt fir-rigward tat-trasferiment ta’ ishma jistax ikun eskluż mill-projbizzjoni ta’ l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 69/335 bħala “[taxxi] fuq it-trasferiment ta’ titoli” fis-sens ta’ l-Artikolu 12(1)(a) tad-direttiva. Skond din id-dispożizzjoni, “[m]inkejja l-Artikoli 10 u 11”, dawn it-taxxi jistgħu jkunu imposti mill-Istati Membri b’rata fissa jew b’rata li mhijiex fissa.

    25.      Fis-sentenza Codan, (14) il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tinterpreta l-Artikolu 12(1)(a) tad-direttiva fil-kuntest ta’ kawża li kienet tixbah lill-kawża fil-kawża prinċipali. Codan bdiet minħabba l-imposizzjoni ta’ taxxa fid-Danimarka fuq it-trasferiment ta’ ishma f’sitwazzjoni li fiha l-kumpannija akwirenti żiedet il-kapital b’ammont ekwivalenti għall-valur ta’ l-ishma ttrasferiti. Id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti nazzjonali ffokat fuq jekk l-Artikolu 12(1)(a) tad-direttiva japplikax għat-taxxi fuq it-trasferiment ta’ titoli, irrispettivament minn jekk il-kumpannija li ħarġet dawk l-ishma kinitx awtorizzata li tinnegozja fil-Borża u irrispettivament minn jekk it-trasferiment ta’ ishma kienx sar permezz tal-Borża jew direttament bejn il-persuna li tagħmel it-trasferiment u l-benefiċjarju tiegħu. Il-qorti nazzjonali ma rreferiet l-ebda domanda dwar il-possibbiltà ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva 69/335 peress li l-partijiet fil-kawża prinċipali qablu li l-operazzjoni kienet taqa’ taħt l-iskop tad-direttiva. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet risposta għad-domanda preċiża magħmula mill-qorti Daniża u ma tkellmitx espliċitament dwar l-iskop ta’ l-Artikolu 12(1)(a) jew dwar ir-relazzjoni bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikoli 10 u 11 tad-direttiva.

    26.      Ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 12 fuq naħa u l-Artikoli 10 u 11 fuq in-naħa l-oħra hija ddeterminata permezz ta’ l-ewwel kliem tad-dispożizzjoni ta’ qabel li jirreferu direttament għall-aħħar żewġ dispożizzjonijiet. Madankollu, il-mod li fih din ġiet espressa jidher li jvarja xi ftit minn verżjoni lingwistika għal oħra ta’ l-Artikolu 12. Filwaqt li wħud mill-verżjonijiet lingwistiċi jistabbilixxu b’mod ċar li l-Artikolu 12 huwa deroga mill-Artikoli 10 u 11 (“Par dérogation”, “In Abweichung”, “in deroga“, “In afwijking”, “Em derrogação”; “poiketen”), verżjonijiet lingwistiċi oħra jużaw terminoloġija li tissuġġerixxi li l-Artikolu 12 jipprova jiddetermina l-iskop tiegħu fir-rigward l-Artikoli 10 u 11 (“Notwithstanding”, “No obstante”, “Uanset”, “Utan hinder”). Din id-differenza hija sinjifikattiva. Jekk l-Artikolu 12 tad-direttiva għandu jinftiehem bħala deroga mill-Artikoli 10 u 11, dan ikun jimplika li t-taxxa msemmija f’din id-dispożizzjoni jistgħu jkunu imposti minkejja l-fatt li dawn jaqgħu taħt l-iskop tal-projbizzjonijiet li jinsabu f’dawn l-aħħar żewġ dispożizzjonijiet. Jekk, għall-kuntrarju, jiddetermina l-iskop ta’ l-Artikoli 10 u 11, dan ikun jissuġġerixxi li t-taxxi kkonċernati jistgħu jaqgħu biss taħt l-iskop ta’ l-Artikoli 10 u 11 jew ta’ l-Artikolu 12.

    27.      Il-prinċipji għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju f’każ ta’ diverġenza fil-verżjonijiet lingwistiċi huma stabbiliti sew. Waqt li tisħaq fuq il-bżonn ta’ uniformità fl-interpretazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet, b’mod konsistenti, li f’każ ta’ diverġenza fil-verżjonijiet lingwistiċi, id-dispożizzjoni in kwistjoni għandha tkun interpretata b’referenza għall-għan u l-iskema ġenerali tar-regoli li tifforma parti minnhom.(15)

    28.      Għal dak li jikkonċerna l-għan tad-Direttiva 69/335, il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-ġdid fis-sentenza Codan, waqt li rreferiet għall-premessi tal-preambolu tad-direttiva, fakkret li din “hija intiża […] sabiex tinkoraġġixxi l-moviment liberu tal-kapital li huwa kkunsidrat bħala essenzjali għall-ħolqien ta’ unjoni ekonomika li l-karatteristiċi tagħha huma simili għal dawk ta’ suq intern. Għal dak li jikkonċerna taxxi fuq il-ġbir ta’ kapital, il-fatt li jintlaħaq dan l-għan jissopponi t-tneħħija ta’ taxxi indiretti li jkunu fis-seħħ fl-Istati Membri sa dakinhar u minflok tiġi imposta taxxa darba biss fis-suq komuni u fl-istess livell fl-Istati Membri kollha.” (16) Kif diġà għidt fil-paragrafu 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 10 tad-direttiva huwa b’mod aktar speċifiku intiż sabiex jassigura li t-taxxa kapitali waħda ma tkunx evitata b’mod volontarju jew b’mod involontarju permezz ta’ l-introduzzzjoni ta’ taxxi oħra fuq il-ġbir jew iż-żieda tal-kapital.

    29.      Kemm iż-żewġ għanijiet tad-Direttiva 69/335 kif ukoll il-funzjoni ta’ l-Artikolu 10 fis-sistema tad-direttiva għandhom għalhekk ikunu deċiżivi fid-determinazzjoni tal-mod kif l-Artikolu 12 għandu jkun interpretat. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex, fi kwalunkwe każ, tkun interpretata b’mod li jirriskja li jaffettwa l-effettività jew l-“effet utile” tad-direttiva.

    30.      Fuq il-bażi ta’ dan ir-raġunament, jiena jidhirli li jekk tkun permessa, taħt l-Artikolu 12 tad-direttiva, l-impożizzjoni ta’ dritt li jkun ġie kkunsidrat bħala taxxa indiretta fuq il-ġbir ta’ kapital fis-sens ta’ l-Artikolu 10 tad-direttiva, din id-dispożizzjoni tkun qed tiġi pprivata mill-għan tagħha. Huwa għal din ir-raġuni li jiena nikkunsidra li l-Artikolu 12 ma jistax ikun meqjus bħala deroga mill-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 10. Pjuttost, huwa jiddetermina l-iskop ta’ dik id-dispożizzjoni billi jindika kategoriji ta’ taxxi li minn natura tagħhom normalment ma jfixklux il-ġbir jew iż-żieda tal-kapital.

    31.      Fid-dawl ta’ l-interpretazzjoni mogħtija hawn fuq ta’ l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 69/335, l-Artikolu 12(1)(a) tad-direttiva ma jistax jeżenta d-drittijiet fuq l-awtentikazzjoni ta’ operazzjonijiet li huma ekonomikament u legalment konnessi mal-ġbir jew maż-żieda tal-kapital ta’ kumpannija b’kapital. Dan jista’ japplika biss għat-trasferiment ta’ ishma fejn ma teżisti l-ebda relazzjoni bħal din. Jekk l-Artikolu 12(1)(a) ikun interpretat b’mod ieħor, dan jista’ jdgħajjef l-effettività tas-sistema tat-taxxa kapitali waħda introdott mid-Direttiva 69/335.

    32.      Fl-aħħarnett, fid-dawl tal-fatt li dan l-aspett kien imsemmi mill-Kummissjoni, jiena nżid ngħid li l-drittijiet notarili in kwistjoni lanqas jistgħu jiġu esklużi taħt l-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 69/335, li tipprovdi eċċezzjoni għall-Artikoli 10 u 11 tad-direttiva fir-rigward ta’ “[taxxi] mħallsa [bħala miżati] jew drittijiet”. Huwa diġà stabbilit li “id-distinzjoni magħmula bejn taxxi pprojbiti mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 69/335 u taxxi mħallsa bħala miżati jew drittijiet, li jistgħu jkunu imposti legalment, timplika li dawn ta’ l-aħħar jinkludu biss remunerazzjoni li l-ammont tagħha huwa kkalkulat fuq il-bażi tal-kost tas-servizz ipprovdut. Fejn l-ammont li għandu jitħallas mhuwiex relatat mal-kost tas-servizz in kwistjoni jew huwa kkalkulat, mhux b’referenza għall-kosti ta’ l-operazzjoni li għaliha jikkostitwixxi l-korrispettiv, iżda għall-kosti ta’ operazzjoni u kapitali kollha inkorsi mill-uffiċjal responsabbli għal dik l-operazzjoni, dan għandu jkun ikkunsdirat bħala taxxa li taqa’ esklussivament taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 69/335.” (17)

    V –    Konklużjoni

    33.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nikkonkludi li r-risposta għad-domanda preliminari magħmula mil-Landgericht Baden‑Baden għandha tkun li:

    L-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE ta’ l-10 ta’ Ġunju 1985, jipprojbixxi drittijiet għat-trasferiment ta’ ishma f’kumpanniji privati b’responsabbiltà limitata awtentikat min-nutar fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jiġifieri fejn in-nutara huma impjegati fis-servizz pubbliku u d-drittijiet huma parzjalment imħallsa lill-awtorità pubblika li timpjegahom, u huma użati għall-finanzjament tax-xogħol uffiċjali tagħha, u fejn it-trasferiment ta’ ishma huwa konness ekonomikament u legalment maż-żieda tal-kapital ta’ kumpannija b’kapital. Dritt bħal dan ma jistax ikun kkunsidrat bħala “[taxxi] fuq it-trasferiment ta’ titoli” fis-sens ta’ l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 69/335.


    1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


    2 – Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir ta’ kapital (ĠU L 249, p. 25), kif emendata mid-Direttiva 85/303/KEE ta’ l-10 ta’ Ġunju 1985 (ĠU L 156, p. 23, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 69/335”).


    3 – Liġi tas-26 ta’ Lulju 1957 (BGBl. I p. 960) kif emendata mil-Liġi tat-22 ta’ Frar 2002 (BGBl. I p. 981).


    4 – Liġi ta’ l-20 April 1892 (RGBl., p. 477) kif emendata mil-Liġi tad-19 ta’ Lulju 2002 (BGBl I p. 2681).


    5 – Ara s-sentenzi Fantask et, (C-188/95, Ġabra I‑6783, punt 22); Modelo, (C-56/98, Ġabra p. I‑6427, punt 25) u s-sentenza Modelo Continente, (C-19/99, Ġabra p. I‑7213, punt 25).


    6 – Ara l-aħħar premessa tal-preambolu. Ara wkoll, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 1999, C-56/98, Modelo, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, punt 27.


    7 – Sentenza Modelo (C-56/98), iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.


    8 – Digriet tal-21 ta’ Marzu 2002, Gründerzentrum (C-264/00, Ġabra I‑3333).


    9 – Ara l-punt 27 tad-digriet Gründerzentrum, iċċitat iktar ’il fuq. Ara wkoll, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 1999, Modelo, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 22.


    10 – Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1996 (C-2/94, Ġabra p. I‑2827).


    11 – Sentenzi Denkavit Internationaal et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, punt 23, u tad-29 ta’ Settembru 1999, Modelo, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 24.


    12 – Sentenza Fantask et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 22.


    13 – Organon Portugesa, C-193/04, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 20(5) ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser tagħti s-sentenza mingħajr konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali.


    14 – Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998 (C-236/97, Ġabra p. I‑8679).


    15 – Sentenza Codan, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, punt 26 u l-kawżi msemmija fiha. Ara wkoll, is-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Givane et (C-257/00, Ġabra p. I‑345 punt 37.


    16 – Sentenza Codan, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 27.


    17 – Ara, fost sentenzi oħra, is-sentenzi ta’ l-20 ta’ April 1993, Ponente Carni and Cispadana Costruzioni (C-71/91 u C-178/91, Ġabra p. I‑1915, fil-punti 41 u 42); tad-29 ta’ Settembru 1999, Modelo, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 29; tal-21 ta’ Ġunju 2001, SONAE (C-206/99, Ġabra p. I‑4679, punt 32) u digriet Grunderzentrum, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 31.

    Top