Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002TJ0138

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla Estiża) ta' l-14 ta' Novembru 2006.
    Nanjing Metalink International Co. Ltd vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
    Dumping - Importazzjoni ta' ferro-molibdenu li joriġina miċ-Ċina - Revoka ta' l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq - Artikolu 2(7)(b) u (ċ) u Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 384/96.
    Kawża T-138/02.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2006:343

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

    14 ta' Novembru 2006(*)

    "Dumping – Importazzjoni ta' ferro-molibdenu li joriġina miċ-Ċina – Revoka ta' l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq – Artikolu 2(7)(b) u (ċ) u Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 384/96"

    Fil-kawża T‑138/02,

    Nanjing Metalink International Co. Ltd, stabbilita f'Nanjing (Iċ-Ċina) irrappreżentata minn P. Waer, Avukat,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Marquardt, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch, Avukat,

    konvenut,

    sostnut mill-

    Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn T. Scharf u S. Meany, bħala aġenti,

    intervenjenti,

    li għandha bħala suġġett l-annullament ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jimponi dazji definittivi anti-dumping fuq importazzjonijiet tal-ferro-molibdenu li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 35, p. 1), safejn jimponi dazju anti-dumping fuq importazzjonijiet tal-ferro-molibdenu prodotti mir-rikorrenti,

    IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
    TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla Estiża),

    komposta minn J. Pirrung, A. W. H. Meij, N. J. Forwood, I. Pelikánová u S. Papasavvas, Imħallfin,

    Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta' Novembru 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

     Il-kuntest leġiżlattiv

    1       L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1996, L 56, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament ta' bażi"), huwa intitolat "Tistabbilixxi x-xiri taħt il-prezz [dumping]".

    2       Għall-finijiet tad-determinazzjoni ta' l-eżistenza ta' dumping, l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' bażi jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 6 tiegħu r-regoli ġenerali li jirrigwardaw il-metodu ta' determinazzjoni ta' l-ammont imsejjaħ "il-valur normali", fis-sens ta' l-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta' bażi.

    3       L-Artikolu 2(7) tar-Regolament ta' bażi jipprovdi regola speċjali li tirrigwarda l-metodu ta' determinazzjoni ta' dan il-valur normali għall-importazzjonijiet minn pajjiżi li m'għandhomx l-ekonomija tas-suq. Fiż-żmien meta nfetħet il-proċedura li wasslet għar-regolament ikkontestat f'din il-kawża, din id-dispożizzjoni kif emendata permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 905/98, tas-27 ta'April 1998 (ĠU L 128, p. 18) u permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2238/2000, tad-9 ta' Ottubru 2000 (ĠU L 257, p. 2) kienet tipprovdi kif ġej fis-subparagrafu (a):

    "Fil-każ ta' l-importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx l-ekonomija tas-suq, il-valur normali għandu jiġi stabilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn dan il-pajjiż terz għall-pajjiżi l-oħra, inkluża l-Komunità, jew fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kull bażi oħra raġjonevoli […]"

    4       Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 7(b) u (ċ) ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' bażi jinkludu eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 7(a) ta' l-istess Regolament. Huma jipprovdu:

    "b)      Fl-investigazzjonijiet kontra dumping li jirrigwardaw l-importazzjonijiet [...] mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-valur normali irid jiġi stabilit skond il-paragrafi 1 sa 6 [ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' bażi], jekk ikun muri, fuq il-bażi tal-pretensjonijiet issostanzjati kif xieraq minn produttur jew iktar bla ħsara għall-investigazzjoni u skond il-kriterji u l-proċeduri stabbiliti fis-subparagrafu (ċ) illi jipprevalu l-kondizzjonijiet ta' l-ekonomija tas-suq għal dan il-produttur jew dawn il-produtturi […] Meta dan ma jkunx il-każ, għandhom japplikaw ir-regoli stabbiliti fis-subparagrafu (a).

    (ċ)       Pretensjoni skond [il-paragrafu 7] (b) trid issir bil-kitba u jkun fiha biżżejjed evidenza illi l-produttur jopera skond il-kondizzjonijiet ta' l-ekonomija tas-suq, jiġifieri jekk:

    –       id-deċiżjonijiet tad-ditti rigward il-prezzijiet, l-infiq u inputs oħra, li jinkludu per eżempju l-materja prima, l-ispejjeż fuq it-teknoloġija u tax-xogħol, il-produzzjoni, il-bejgħ u l-investimenti, isiru bi tweġiba għas-sinjali tas-suq filwaqt li jirriflettu l-provvista u d-domanda, u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat f'dan ir-rigward, u n-nefqiet fuq inputs maġġuri jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq,

    –       […]

    Għandu jiġi stabbilit jekk il-produttur jilħaqx il-kriterja msemmija hawn fuq [fis-subparagrafu (ċ)] fi żmien tliet xhur mill-bidu ta' l-investigazzjoni, wara konsultazzjoni speċifika tal-Kumitat Konsultattivi u wara li l-industrija tal-Komunità tkun ingħatat l-opportunità li tikkommenta. Din id-deċiżjoni għandha tibqa' fis-seħħ matul l-investigazzjoni kollha."

    5       Barra minn hekk, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta' bażi jipprovdi:

    "Wara l-bidu tal-proċeduri, il-Kummissjoni […] għandha tibda investigazzjoni fil-livell Komunitarju. Investigazzjoni bħal din għandha tkopri kemm il-bejgħ taħt il-prezz [dumping] u l-ħsara u dawn għandhom jiġu investigati fl-istess ħin. Għall-iskop ta' sejba rappreżentattiva, perjodu ta' investigazzjoni għandu jiġi magħżul li, fil-każ ta' bejgħ taħt il-prezz [dumping] għandu, normalment, ikopri perjodu ta' mhux inqas min sitt xhur immedjatament qabel l-bidu tal-proċeduri. Informazzjoni li għandha x'taqsam ma perjodu wara l-perjodu ta' investigazzjoni ma għandhiex, normalment, tiġi kkunsidrata."

    6       Fl-aħħar nett, l-Artikolu 11(3) tar-Regolament ta' bażi jipprovdi:

    "Il-bżonn ta' l-impożizzjoni kontinwa ta' miżuri tista’ tiġi riveduta wkoll, fejn garantita, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq it-talba ta' Stat Membru, jew sakemm ikun għadda perjodu raġjonevoli ta' mill-inqas sena mill-impożizzjoni tal-miżura definittiva, fuq talba minn kwalunkwe esportatur jew importatur jew mill-produtturi tal-Komunità li jkun fiha biżżejjed evidenza li tissostanzja l-bżonn għal reviżjoni interim bħal din.

    Reviżjoni interim għanda tinbeda fejn […] il-miżura eżistenti mhix, jew ma għadhiex iktar, biżżejjed sabiex tirribatti għall-bejgħ taħt il-prezz [dumping] li jkun qiegħed jikkawża ħsara. […]"

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    7       Ir-rikorrenti hija kumpannija Ċiniża li tipproduċi u tesporta l-ferro-molibdenu, b'mod partikolari lejn il-Komunità Ewropea.

    8       Fid-9 ta' Novembru 2000, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta' ftuħ ta' proċedura anti-dumping fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet ta' ferro-molibdenu li joriġinaw miċ-Ċina (ĠU C 320, p. 3).

    9       L-investigazzjoni mmexxija fil-kuntest ta' din il-proċedura rrigwardat il-perijodu mill-1 ta' Ottubru 1999 sat-30 ta' Settembru 2000 (iktar 'il quddiem il-"perijodu ta' investigazzjoni").

    10     Fil-ftuħ ta' l-investigazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet lill-impriżi kkonċernati kwestjonarji fuq l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq, previst fl-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament ta' bażi. Ir-rikorrenti imliet dan il-kwestjonarju u talbet sabiex tibbenefika mill-imsemmi status. B'ittra tal-21 ta' Marzu 2001, il-Kummissjoni laqgħet din it-talba.

    11     Fit-3 ta' Awissu 2001, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1612/2001 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjoniet ta' ferro-molibdenu li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 214, p. 3, iktar 'il quddiem ir-"Regolament provviżorju"). Il-premessa 24 ta' dan ir-Regolament jipprovdi li kienet biss ir-rikorrenti li ssodisfat il-kundizzjonijiet għall-kisba ta' l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq.

    12     Għar-rikorrenti, ir-rata tad-dazju provviżorju stabbilita permezz ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament provviżorju kienet ta' 3,6%. Għal tliet impriżi oħra kkonċernati, ir-rati tad-dazju provviżorju kienu ta' 9,8, 12,7 u 17,2 % rispettivament. Għall-impriżi l-oħra kollha kkonċernati, ir-rata kienet ta' 26,3%.

    13     Fit-28 ta' Jannar 2002, fuq proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 215/2002 li jimponi dazji definittivi anti-dumping fuq importazzjonijiet tal-ferro-molibdenu li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 35, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament ikkontestat"). Il-premessi 11 sa 17 tar-Regolament ikkontestat jipprovdu:

    "(11) Kien stabbilit li l-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża tal-Minerali u l-Metalli (CCCMC) għamlet laqgħa ftit wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament Proviżorju, li waqqfet grupp ta' produtturi Ċniżi FeMo [...] Il-produtturi kkonċernati ngħataw allokazzjonijiet speċifiċi ta' esportazzjoni li jidhru li kienu determinati billi tqies il-livell tad-dazji proviżorji tagħhom anti-dumping [...] Il-kumpannja li ngħatat il-MET [l-istatus ta' ekonomija tas-suq] u kellha d-dazju l-aktar baxx (3,6 %) [jiġifieri r-rikorrenti] kienet allokata kwota ta' esportazzjoni akbar mill-kapaċità ta' esportazzjoni tagħha [...] Barra dan, il-grupp inkluda bħala mira dikjarata li jkunu evitati d-dazji anti-dumping.

    (12) Il-partijiet kollha kkonċernati [...] ngħataw l-opportunità li jirrispondu għal dan is-sejbien. Kienu riċevuti wara risposti mill-partijiet kollha bl-eċċezzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ […]

    (13) […] dan l-arranġament huwa b'mod ċar inkompatibbli mal-kriterju tad-determinazzjoni libera ta' prezzijiet ta' esportazzjoni u kwantitajiet li jenħtieġ li jkun sodisfatt jekk għandu jingħata [l-istatus ta' ekonomija tas-suq] […] jew jekk jinżammx. Barra dan, dawn ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni li kienu adottati taħt l-awspiċi tal-Kamra tal-Kummerċ, bi ftehim ma' diversi kumpanniji propjetà ta' l-Istat, jissuġġerixxi b'mod ċar l-influwenza sinifikanti ta' l-Istat, u riskju serju ta' evitar tad-dmirijiet. Barra dan, patt bħal dan huwa tentattiv ċar u deliberat biex ikunu kanalizzati l-esportazzjonijiet ta' kumpannija waħda permezz ta' kumpannija oħra b'dażju aktar baxx ta' anti-dumping għall-finijiet li dawn id-dazji jkunu evitati […]

    (15) Fir-rigward tal-MET [ta' l-istatus ta' l-ekonomija tas-suq] mogħti li[r-rikorrenti], jitfakkar li l-kumpannija ddikjarat fir-risposta tagħha għall-kwestjonarju li d-deċiżjonijiet tagħha dwar inter alia l-prezzijiet, il-produzzjoni u l-bejgħ saru b'risposta għas-sinjali tas-suq li jirriflettu l-provista u d-domanda u mingħajr interferenza sinifikanti ta' l-Istat. Ikun enfasizzat li l-għoti tal-MET għandu, skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku, ikun ibbażat fuq evidenza ċara li l-produttur jopera skond kondizzjonijiet ta' l-ekonomija tas-suq. Iżda, f'dan il-każ [ir-rikorrenti] tidher li qed tallinja l-operazzjonijiet tagħha u d-deċiżjonijiet tan-negozju mhux biss mal-kumpanniji li naqsu li jissodisfaw il-kriterji MET imma wkoll mad-ditti propjetà ta' l-Istat li ma kkoperawx fil-proċediment […] B'mod ċar, dan imur kontra d-dikjarazzjonijiet tagħha ta' qabel u huwa inkompatibbli ma' wieħed mill-kriterji ewlenin għall-għoti tal-ME li fost oħrajn, deċiżjonijiet rigward il-prezzijiet, l-produzzjoni u l-bejgħ isiru b'risposta għas-sinjali tas-suq.

    (16) Fil-valutazzjoni tagħha ta' jekk kumpannija għandhiex tingħata l-MET, il-Kummissjoni tibbaża l-konklużjonijiet tagħha l-aktar fuq is-sitwazzjoni matul il-perjodu investigattiv (IP). Jekk il-kriterji msemmija fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku tħarsu f'dan il-perjodu, il-Kummissjoni tista' raġonevolment tassumi li l-kumpannija topera fil-ġejjieni b'grad suffiċjenti ta' indipendenza mill-Istat u skond standards ta' l-ekonomija tas-suq. Iżda, fil-każ preżenti l-kumpannija li dehret taġixxi skond standards ta' l-ekonomja tas-suq matul l-IP immodifikat l-aġir tagħha minn mindu rċeviet l-marġini individwali tagħha tad-dumping. Konsegwentement, jidher issa li din il-kumpannija ma toperax iżjed skond il-priċnċipji ta' l-ekonomija tas-suq skond l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Bażiku, imma li hija suġġetta għall-interferenza esterna u parti fir-restrizzjonijiet ta' l-esportazzjoni f'termini ta' prezzijiet u kwantitajiet. Jidher wkoll li l-kumpannija ma toperax mingħajr interferenza sinifikanti ta' l-Istat. Waqt li informazzjoni dwar perjodu wara dak ta' l-IP m'għandux normalment ikun ikkonsidrat, f'dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, huwa xieraq li jitqiesu l-iżviluppi ġodda li għandhom l-effett li jirrendu l-konklużjonijiet ta' qabel manifestament bla bażi.

    (17) Fid-dawl ta' din l-informazzjoni ġdida għalhekk, huwa konkluż li s-sejbien tal-MET dwar din il-kumpannija ma treġix aktar. Barra dan, dazju individwali mhux aktar xieraq għal din il-kumpannija. Il-MET mogħti qabel [lir-rikorrenti] għalhekk huwa b'dan irrevokat u ser tkun minn issa ‘l quddiem suġġetta għall-marġini [ta' dumping ikkalkulat fuq skala nazzjonali] għaċ-Ċina."

    14     L-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament ikkontestat jipprovdu:

    "Artikolu 1

    1. Dazju definittiv anti-dumping huwa hawnhekk impost fuq importazzjonijiet ta' ferro-molibdenu [...] li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

    2. Ir-rata tad-dazju definittiv anti-dumping applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera, qabel id-dazju, għall-prodott deskritt fil-paragrafu 1 għandu jkun ta' 22,5 %.

    […]

    Artikolu 2

    L-ammonti miġbura bħala dazju anti-dumping proviżorju impost mir-Regolament Proviżorju tal-Kummissjoni għandu jinġabar definittivament bir-rata tad-dazju preskritt fl-Artikolu 1, jew bir-rata ta' dazju proviżorju meta dan huwa anqas. Kull ammont miġbur li jaqbeż ir-rata definittiva tad-dazji anti-dumping għandu jinħeles."

     Proċedura

    15     B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-26 ta' April 2002, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

    16     Fl-4 ta' Lulju 2002, il-Kunsill ippreżenta r-risposta tiegħu.

    17     Fis-6 ta' Awissu 2002, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni biex issostni l-Kunsill.

    18     Fit-3 ta' Settembru 2002, ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika.

    19     B'digriet tas-7 ta' Ottubru 2002, il-President tat-Tieni Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza awtorizza l-intervent tal-Kummissjoni. Din ta' l-aħħar madankollu irrinunzat għall-preżentata ta' nota ta' intervent.

    20     Fit-23 ta' Ottubru 2002, il-Kunsill ippreżenta l-kontroreplika.

    21     B'ittri tas-27 ta' Novembru u tad-19 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill, fuq talba tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ippreżenta l-annessi tar-risposta. Il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza sussegwentement iffissa terminu sabiex jippermetti lir-rikorrenti tikkompleta r-replika peress li dawn l-annessi kienu jinkludu elementi ġodda. Madankollu din ta' l-aħħar ma ppreżentatx osservazzjonijiet.

    22     It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi bil-miktub u orali tal-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu fis-seduta tas-16 ta' Novembru 2004.

     It-talbiet tal-partijiet

    23     Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

    –       tannulla l-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat safejn jimponi dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' ferro-molibdenu prodotti minnha;

    –       tikkundanna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż.

    24     Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

    –       tiċħad ir-rikors;

    –       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

     Id-dritt

    25     In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi. L-ewwel wieħed jinqasam f'żewġ partijiet, ibbażati rispettivament fuq ksur ta' l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta' bażi u fuq ksur ta' l-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta' bażi. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill eċċeda l-poteri tiegħu.

     L-argumenti tal-partijiet

    26     Preliminarjament, ir-rikorrenti tenfasizza li hija tikkontesta l-fatti dikjarati fir-Regolament ikkontestat fir-rigward ta' l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq. Il-fatt li hija ma qajmitx motiv f'dan ir-rigward m'għandux jiġi interpretat bħala rikonoxximent ta' dawn il-fatti.

    27     Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jirrispondi li l-fatti dikjarati fir-Regolament ikkontestat għandhom ikunu preżunti li huma eżatti, peress li r-rikorrenti ma torbot l-ebda konsegwenza ġuridika mal-kontestazzjoni tagħhom.

     Fuq l-ewwel motiv

    –       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta' bażi

    28     Ir-rikorrenti ssostni li, billi rrevokalha, matul l-investigazzjoni, l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq li kien ġie mogħti lilha, il-Kunsill kiser l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta' bażi, peress li l-aħħar sentenza ta' din id-dispożizzjoni tipprovdi, bla eċċezzjoni, li d-deċiżjoni fir-rigward ta' l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq għandha tibqa' fis-seħħ matul l-investigazzjoni kollha.

    29     Ir-rikorrenti tiddikjara li l-Artikolu 11(3) tar-Regolament ta' bażi jipprovdi mezz manifestament adegwat sabiex issir reviżjoni tal-miżuri preċedenti, f'kull mument u fuq l-inizjattiva ta' l-istituzzjonijiet, li kien jiggarantixxi r-rispett tar-regoli proċedurali tar-Regolament ta' bażi.

    30     Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza ta' din il-parti.

    –       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta' bażi

    31     Ir-rikorrenti ssostni li, billi bbaża ruħu fuq fatti sussegwenti għall-perijodu ta' l-investigazzjoni sabiex jirrevokalha l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq u sabiex jimponi dazji anti-dumping nettament ogħla fuq l-importazzjonijiet ta' ferro-molibdenu prodotti minnha, il-Kunsill kiser l-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta' bażi.

    32     Fil-fatt, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Lulju 1996, Sinochem Heilongjiang vs Il-Kunsill (T-161/94, Ġabra p. II-695), u ta' l-20 ta' Ġunju 2001, Euroalliages vs Il-Kummissjoni (T-188/99, Ġabra p. II-1757), jindikaw li l-uniċi eċċezzjonijiet li jippermetti t-terminu "normalment" li jinsab fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta' bażi jirrigwardaw biss l-ipoteżi fejn l-elementi sussegwenti għall-perijodu ta' l-investigazzjoni jittieħdu in kunsiderazzjoni għar-rinunzja għall-impożizzjoni jew għaż-żamma tad-dazji anti-dumping.

    33     Ir-rikorrenti iżżid li jirriżulta minn dawn is-sentenzi li l-Qorti tal-Prim'Istanza tagħti l-ikbar importanza lill-fatt li, sabiex id-dazji anti-dumping ikunu jistgħu jiġu imposti jew miżmuma, il-fatti rilevanti jkunu ġew ikkonstatati permezz ta' investigazzjoni, ħaġa li madankollu ma kinitx seħħet f'dan il-każ.

    34     Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza ta' din il-parti.

     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill eċċeda l-poteri tiegħu

    35     Ir-rikorrenti ssostni li, billi rrevokalha, matul l-investigazzjoni, l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq li kien ġie mogħti lilha, il-Kunsill eċċeda l-poteri tiegħu, peress li r-Regolament ta' bażi ma jipprovdix proċedura għal tali revoka matul investigazzjoni u peress li, għall-kuntrarju, l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta' bażi jipprojbixxi espressament tali revoka.

    36     Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza ta' dan il-motiv.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

     Osservazzjonijiet preliminari

    37     Għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv tallega li, billi rrevoka l-istatus mogħti lir-rikorrenti, il-Kunsill kiser l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta' bażi, u li t-tieni motiv jallega li, b'dan l-aġir tiegħu, il-Kunsill eċċeda l-poteri tiegħu.

    38     Issa, li kieku kellu jiġi konkluż li, billi rrevoka l-istatus mogħti lir-rikorrenti, il-Kunsill kiser l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta' bażi, ikollu jiġi konkluż ukoll li, b'dan l-aġir, huwa eċċeda l-poteri tiegħu. Għall-kuntrarju, li kieku kellu jiġi konkluż li l-Kunsill ma kisirx din id-dispożizzjoni, isegwi li huwa lanqas ma eċċeda l-poteri tiegħu f'dan il-każ.

    39     Konsegwentement, billi, kif josserva l-Kunsill, it-tieni motiv ma jżid xejn ma' l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv, dawn iż-żewġ motivi għandhom jiġu eżaminati flimkien.

     Fuq l-ilmenti mqajma fil-kuntest ta' l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv u tat-tieni motiv, ibbażati rispettivament fuq il-ksur ta' l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta' bażi u ta' użu ħażin ta' poter

    40     Għandu jiġi rilevat, l-ewwel nett, li jirriżulta mill-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta' bażi li l-metodu ta' determinazzjoni tal-valur normali jvarja skond jekk il-produtturi kkonċernati jistabbilixxu jew le li jissodisfaw il-kriterji pprovduti fl-Artikolu 2(7)(ċ) ta' l-imsemmi Regolament u, għaldaqstant, li l-kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq jipprevalu fil-konfront tagħhom. Fil-fatt, meta jiġi kkunsidrat li produttur jopera f'kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq, il-valur normali tal-prodotti tiegħu jiġi ddeterminat skond ir-regoli applikabbli għall-pajjiżi li għandhom ekonomija tas-suq, previsti fl-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament ta' bażi. Min-naħa l-oħra, meta ma jiġix ikkunsidrat li l-produttur jopera f'kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq, il-valur normali jiġi ddeterminat skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament ta' bażi.

    41     F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-metodu ta' determinazzjoni tal-valur normali ta' prodott previst fl-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament ta' bażi huwa eċċezzjoni għall-metodu speċifiku previst għal dan il-fini fl-Artikolu 2(7)(a), billi dan ta' l-aħħar huwa applikabbli, bħala regola, fil-każ ta' importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi li m'għandhomx ekonomija tas-suq (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, T-35/01, Ġabra p. II-3663, punt 50).

    42     It-termini oriġinali ta' l-Artikolu 2(7) tar-Regolament ta' bażi ġew emendati permezz tar-Regolament Nru 905/98, imbagħad permezz tar-Regolament Nru 2238/2000, billi l-Kunsill ikkunsidra li r-riformi magħmula f'ċerti pajjiżi, fosthom iċ-Ċina, kienu biddlu sostanzjalment l-ekonomija ta' dawn il-pajjiżi u wasslu biex tfaċċaw impriżi suġġetti għall-kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq. Għalhekk, il-ħames premessa tal-preambulu tar-Regolament Nru 905/98 tisħaq fuq l-importanza li tiġi riveduta il-prattika anti-dumping segwita fir-rigward ta' dawn il-pajjiżi, billi tippreċiża li l-valur normali ta' prodott jista' jiġi stabbilit skond ir-regoli li japplikaw għall-pajjiżi li għandhom ekonomija tas-suq, fil-każijiet fejn seta' jiġi muri li l-kundizzjonijiet tas-suq kienu jipprevalu għal produttur wieħed jew iktar suġġetti għall-investigazzjoni li tirrigwarda l-manifattura u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Skond is-sitt premessa ta' l-istess Regolament, "jrid jitwettaq eżami dwar jekk jipprevalux il-kondizzjonijiet tas-suq jew le fuq il-bażi tal-pretensjonijiet issostanzjati kif xieraq minn produttur jew iktar [suġġetti] għal investigazzjoni [u] li jixtiequ jibbenefikaw mill-possibilità li jkollhom il-valur normali [tal-prodott in kwistjoni] stabbilit fuq il-bażi tar-regoli li japplikaw għall-pajjiżi [li għandhom] ekonomija tas-suq" (sentenza Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 51).

    43     Kif josserva l-Kunsill, billi tiddetermina l-għażla tal-metodu użat għall-kalkolu tal-valur normali, ir-risposta li tingħata għall-kwistjoni jekk il-produttur ikkonċernat joperax fil-kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq għandha effett fuq il-kalkolu tal-marġni ta' dumping u, għaldaqstant, fuq l-ammont tad-dazju anti-dumping definittiv impost mill-Kunsill. Barra minn hekk, l-għoti ta' l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq timplika wkoll konsegwenzi fir-rigward tal-mod kif ser titmexxa l-investigazzjoni, peress li, meta jiġu applikati l-paragrafi (1) sa (6) ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' bażi, il-Kummissjoni tiddetermina l-valur normali fuq il-bażi ta' l-informazzjoni kkomunikata mill-esportatur ikkonċernat u tista', għal dan il-għan, tivverifika l-eżatezza tagħha. Min-naħa l-oħra, dan mhuwiex il-każ meta l-valur normali huwa ddeterminat skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament ta' bażi.

    44     Huwa għalhekk li l-aħħar subparagrafu ta' l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta' bażi jipprovdi li l-kwistjoni jekk il-produttur ikkonċernat joperax f'kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq għandha tiġi deċiża fi żmien tliet xhur mill-ftuħ tal-proċedura u li d-deċiżjoni għandha tibqa' fis-seħħ matul l-investigazzjoni kollha. Din id-dispożizzjoni għandha b'mod partikolari bħala għan li tassigura li din il-kwistjoni ma tiġix deċiża abbażi ta' l-effett tagħha fuq il-kalkolu tal-marġni ta' dumping. Għalhekk, l-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta' bażi tipprojbixxi lill-istituzzjonijiet milli jevalwaw mill-ġdid l-informazzjoni li huma diġà kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom fi żmien id-determinazzjoni inizjali ta' l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq.

    45     Għaldaqstant, l-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta' bażi m'għandhiex twassal sabiex il-valur normali jkun iddeterminat skond ir-regoli applikabbli għall-pajjiżi li għandhom ekonomija tas-suq meta, matul l-investigazzjoni u, jekk ikun il-każ, wara l-adozzjoni ta' miżuri provviżorji, jirriżulta li l-parti kkonċernata ma toperax fil-kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq fis-sens ta' l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta' bażi.

    46     Fil-fatt, il-paragrafu 7(a) ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' bażi jipprovdi metodu speċifiku ta' determinazzjoni tal-valur normali f'każ ta' importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi li m'għandhomx ekonomija tas-suq, preċiżament minħabba l-fatt li l-informazzjoni li fuqha hija bbażata d-determinazzjoni tal-valur normali, kif previst fil-paragrafi (1) sa (6) ta' dan l-istess Artikolu, mhijiex ikkunsidrata bħala li tikkostitwixxi elementi affidabbli għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur normali. Issa, għalkemm il-paragrafu 7(b) ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' bażi jipprovdi, għal ċerti pajjiżi, eċċezzjoni għall-metodu ta' determinazzjoni tal-valur normali previst fil-paragrafu 7(a), din l-eċċezzjoni għandha tingħata interpretazzjoni stretta (sentenza Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 50) u, konsegwentement, ma tistax tapplika meta, wara bdil fis-sitwazzjoni fattwali jew wara li jiġu żvelati elementi ġodda li ma setgħux raġonevolment ikunu magħrufa mill-Kummissjoni meta ġie ddeterminat l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq fi żmien tliet xhur mill-ftuħ tal-proċedura anti-dumping, jirriżulta li l-produttur ikkonċernat ma jissodisfax il-kriterji li għandha tissodisfa impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq.

    47     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta' bażi għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprojbixxi lill-istituzzjonijiet milli jevalwaw mill-ġdid l-elementi li huma kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom fi żmien id-determinazzjoni inizjali ta' l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq. Din id-dispożizzjoni madankollu ma tipprekludix li l-għoti ta' l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq ma jinżammx meta bdil fis-sitwazzjoni fattwali li fuq il-bażi tagħha ngħata dan l-istatus ma jippermettix iktar li jiġi kkunsidrat li l-produttur ikkonċernat jopera fil-kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq.

    48     F'dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament ikkontestat ikkonstata li, ftit ta' żmien wara l-impożizzjoni ta' dazji anti-dumping provviżorji, ir-rikorrenti kienet ipparteċipat fi grupp ta' produtturi Ċiniżi tal-ferro-molibdenu organizzat taħt l-awspiċji tal-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża tal-Metalli u Minerali, li fil-kuntest tiegħu l-produtturi kkonċernati kienu ngħataw allokazzjonijiet speċifiċi ta' esportazzjoni li dehru li kienu ġew iddeterminati billi tqies il-livell tad-dazji anti-dumping provviżorji tagħhom.

    49     Fil-premessa 15 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill irrileva li, minkejja li r-rikorrenti ddikjarat "li d-deċiżjonijiet tagħha dwar inter alia l-prezzijiet, il-produzzjoni u l-bejgħ saru b'risposta għas-sinjali tas-suq [...] u mingħajr interferenza sinifikanti ta' l-Istat", din ta' l-aħħar kienet madankollu "allinja[t] l-operazzjonijiet tagħha u d-deċiżjonijiet tan-negozju mhux biss mal-kumpanniji li naqsu li jissodisfaw il-kriterji MET [għall-għoti ta' l-istatus ta' ekonomija tas-suq] imma wkoll mad-ditti propjetà ta' l-Istat li ma kkoperawx fil-proċediment" u, "[b]arra dan, [hija dehret] lesta li taqbel li tesporta prodotti li ma [kellhiex] kapaċità li tipproduċi bi prezzijiet minimi stabbiliti mill-grupp." Il-Kunsill għalhekk ikkunsidra li "[b]'mod ċar, dan [kien] imur kontra d-dikjarazzjonijiet [...] ta' qabel [tar-rikorrenti] u huwa inkompatibbli ma' wieħed mill-kriterji ewlenin għall-għoti tal-ME [ta' l-istatus ta' ekonomija tas-suq] li fost oħrajn, deċiżjonijiet rigward il-prezzijiet, l-produzzjoni u l-bejgħ isiru b'risposta għas-sinjali tas-suq."

    50     Fil-premessa 16 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill żied:

    "[I]r-[rikorrenti] li dehret taġixxi skond [l-i]standards [stabbiliti fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament ta' bażi] matul l-IP [il-perijodu ta' l-investigazzjoni] immodifikat l-aġir tagħha minn mindu rċeviet l-marġini individwali tagħha tad-dumping. Konsegwentement, jidher issa li din il-kumpannija ma toperax iżjed skond il-priċnċipji ta' l-ekonomija tas-suq skond l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Bażiku, imma li hija suġġetta għall-interferenza esterna u parti fir-restrizzjonijiet ta' l-esportazzjoni f'termini ta' prezzijiet u kwantitajiet. Jidher wkoll li l-kumpannija ma toperax mingħajr interferenza sinifikanti ta' l-Istat."

    51     Jirriżulta għalhekk mir-Regolament ikkontestat li l-bażi fattwali li fuqha l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha sabiex tagħti lir-rikorrenti l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq inbidlet, wara l-impożizzjoni tad-dazji anti-dumping provviżorji, b'riżultat tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fi ħdan il-grupp ta' produtturi Ċiniżi tal-ferro-molibdenu.

    52     Għalkemm ir-rikorrenti tikkontesta l-eżattezza tal-fatti kif dikjarati fil-premessi 11 sa 17 tar-Regolament ikkontestat, li fuqhom hija bbażata r-revoka ta' l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq, għandu madankollu jiġi kkonstatat li hija ma ġġib l-ebda prova li tista' tqiegħed fid-dubju l-veraċità tagħhom. Għaldaqstant hemm lok li din il-kontestazzjoni tiġi miċħuda u li wieħed jibbaża ruħu fuq il-fatti kif ġew stabbiliti fir-Regolament ikkontestat.

    53     Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li kulma tagħmel ir-revoka ta' l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq huwa li tislet il-konsegwenzi, għall-futur, tal-bdil ikkonstatat fiċ-ċirkustanzi rilevanti. Billi, b'dan il-mod, ir-revoka ta' dan l-istatus tipproduċi biss effetti ex nunc, din ta' l-aħħar bl-ebda mod ma tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet kweżiti tar-rikorrenti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Ġunju 1976, Elz vs Il-Kummissjoni, 56/75, Ġabra p. 1097, punt 18, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Novembru 1994, Dornonville de la Cour vs Il-Kummissjoni, T-498/93, Ġabra SP p. I-A-257 u II-813, punt 48).

    54     Fir-rigward ta' l-argument ibbażat fuq li r-revoka ta' l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq kien imissha twettqet fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament ta' bażi, għandu jiġi rrilevat, kif josserva l-Kunsill, li din id-dispożizzjoni tirrigwarda r-reviżjoni tal-miżuri definittivi adottati fi tmiem il-proċedura anti-dumping. Fil-fatt, il-proċedura ta' reviżjoni għandha bħala finalità li tadatta d-dazji imposti għat-tibdil li jseħħ, wara l-impożizzjoni ta' dawn id-dazji, fl-elementi li taw lok għalihom (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' Ġunju 2000, Medici Grimm vs Il-Kunsill, T‑7/99, Ġabra p. II‑2671, punt 82), u normalment tinvolvi l-użu ta' perijodu ta' investigazzjoni sussegwenti għall-adozzjoni tal-miżuri definittivi li hija għandha l-għan li tirrevedi. Min-naħa l-oħra, il-proċedura ta' reviżjoni m'għandhiex bħala għan li teżamina mill-ġdid l-elementi li kienu taw lok għal dawn id-dazji meta dawn ta' l-aħħar ikunu baqgħu ma nbidlux, billi tali reviżjoni tkun tikkonsisti, fir-realtà, fi ftuħ mill-ġdid tal-proċedura inizjali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Medici Grimm vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 85).

    55     F'dan il-każ, huwa paċifiku li l-Kummissjoni saret taf bl-elementi ġodda relatati ma' l-organizzazzjoni tal-grupp ta' produtturi Ċiniżi tal-ferro-molibdenu qabel it-tmiem tal-proċedura anti-dumping li kienet wasslet għall-impożizzjoni ta' dazji definittivi. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għaldaqstant kellhom is-setgħa, jekk mhux saħansitra l-obbligu, li jisiltu l-konsegwenzi minn din is-sitwazzjoni fattwali ġdida proprju fl-istadju ta' l-investigazzjoni inizjali, billi l-proċedura ta' reviżjoni prevista fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament ta' bażi ma tikkostitwixxix, f'dan ir-rigward, kuntest adegwat. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, kieku kellu jiġi aċċettat, l-argument tar-rikorrenti jwassal sabiex jobbliga lill-Kunsill li jimponi dazji anti-dumping definittivi ddeterminati abbażi ta' valur normali kkalkulat bi ksur ta' l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament ta' bażi. Għaldaqstant, tali konsegwenza ma tistax tiġi aċċettata.

    56     Barra minn hekk, safejn ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni li ssostni ksur tad-drittijiet tad-difiża, għandu jiġi rrilevat li, f'kull każ, jirriżulta mill-premessa 12 tar-Regolament ikkontestat u mid-dokumenti annessi mill-Kunsill mar-risposta li r-rikorrenti ngħatat l-opportunità li tressaq l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-konsegwenzi li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tislet mill-elementi ġodda li kienet ġiet informata bihom. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tallega ksur tad-drittijiet tad-difiża, kif rikonoxxuti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u implementati permezz ta' l-Artikolu 20 tar-Regolament ta' bażi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C-69/89, Ġabra p. I-2069, punt 108, u s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Settembru 1996, Climax Paper vs Il-Kunsill, T-155/94, Ġabra p. II-873, punt 116, u Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punti 288 sa 290).

    57     Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-Kunsill ma kisirx l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta' bażi billi rtira, fl-istadju ta' l-investigazzjoni inizjali, l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq mogħti lir-rikorrenti u għaldaqstant, ma eċċediex il-poteri mogħtija lilu permezz tar-Regolament ta' bażi.

     Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta' bażi

    58     Ir-rikorrenti ssostni li, billi bbaża ruħu fuq fatti sussegwenti għall-perijodu ta' l-investigazzjoni sabiex jirrevokalha l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq u sabiex jimponi dazji anti-dumping nettament ogħla fuq l-importazzjonijiet ta' ferro-molibdenu prodotti minnha, il-Kunsill kiser l-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta' bażi.

    59     F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha l-okkażjoni li tirrileva li l-iffissar ta' perijodu ta' investigazzjoni u l-projbizzjoni li jittieħdu in kunsiderazzjoni elementi sussegwenti għal dan il-perijodu huma intiżi sabiex jiggarantixxu li r-riżultati ta' l-investigazzjoni jkunu rappreżentattivi u affidabbli (sentenza Euroalliages vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 74). Fil-fatt, il-perijodu ta' investigazzjoni previst fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta' bażi għandu l-għan, b'mod partikolari, li jassigura li l-elementi li fuqhom hija bbażata d-determinazzjoni tad-dumping u tad-dannu ma jkunux influwenzati mill-aġir tal-produtturi kkonċernati sussegwenti għall-ftuħ tal-proċedura anti-dumping u għaldaqstant li d-dazju definittiv impost b'riżultat tal-proċedura jkun adegwat biex jirrimedja b'mod effettiv id-dannu li jirriżulta mid-dumping.

    60     Għandu wkoll jiġi osservat li l-impożizzjoni tad-dazji anti-dumping ma jikkostitwixxix sanzjoni ta' aġir preċedenti iżda miżura ta' difiża u ta' protezzjoni kontra l-kompetizzjoni żleali li tirriżulta mill-prattiċi ta' dumping. Huwa għaldaqstant neċessarju li l-investigazzjoni ssir fuq il-bażi ta' informazzjoni kemm jista' jkun attwali sabiex ikunu jistgħu stabbiliti dazji anti-dumping li huma adegwati sabiex jipproteġu l-industrija Komunitarja kontra l-prattiċi ta' dumping (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, C-458/98 P, Ġabra p. I-8147, punti 91 u 92).

    61     Minn dan isegwi li, bl-użu tat-terminu "normalment", l-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta' bażi jippermetti eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni li tittieħed in kunsiderazzjoni informazzjoni relattiva għal perijodu sussegwenti għall-perijodu ta' l-investigazzjoni. Fir-rigward ta' ċirkustanzi favorevoli għall-impriżi kkonċernati bl-investigazzjoni, ġie deċiż li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jistgħux ikunu obbligati jieħdu in kunsiderazzjoni elementi relattivi għal perijodu sussegwenti għal dak ta' l-investigazzjoni, sakemm dawn l-elementi ma jiżvelawx żviluppi ġodda li jirrendu manifestament inadegwata l-impożizzjoni prevista ta' dazju anti-dumping (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Sinochem Heilongjang vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 88, u Euroalliages vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 75). Jekk, min-naħa l-oħra, xi elementi relattivi għal perijodu sussegwenti għall-perijodu ta' l-investigazzjoni jiġġustifikaw l-impożizzjoni jew iż-żieda ta' dazju anti-dumping, minħabba li jirriflettu l-aġir attwali ta' l-impriżi kkonċernati, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat, fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li l-istituzzjonijiet għandhom id-dritt, jekk mhux saħansitra l-obbligu, li jeħduhom in kunsiderazzjoni.

    62     F'dan il-każ, kif ġie kkonstatat fil-punti 48 sa 51 iktar 'il fuq, jirriżulta mir-Regolament ikkontestat li, b'riżultat tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti, wara l-impożizzjoni tad-dazji anti-dumping provviżorji, fil-grupp ta' produtturi Ċiniżi tal-ferro-molibdenu, din ta' l-aħħar ma ssodisfatx iktar il-kundizzjonijiet sabiex tiġi kkunsidrata bħala impriża li topera f'ekonomija tas-suq. Dawn l-elementi, li kienu relattivi għal perijodu sussegwenti għall-perijodu ta' l-investigazzjoni, kellhom neċessarjament jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni u mill-Kunsill peress li n-nuqqas li jittieħdu in kunsiderazzjoni kien iwassal għall-impożizzjoni ta' dazji anti-dumping definittivi manifestament inadegwati, billi kienu jiġu ddeterminati abbażi ta' valur normali kkalkulat bi ksur ta' l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament ta' bażi.

    63     Minn dan isegwi li l-Kunsill applika l-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta' bażi b'mod korrett billi ħa in kunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-grupp ta' produtturi Ċiniżi tal-ferro-molibdenu sussegwenti għall-perijodu ta' l-investigazzjoni u billi, konsegwentement, irrevokalha l-benefiċċju ta' l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq sabiex jevita l-impożizzjoni ta' miżuri definittivi manifestament inadegwati.

    64     Fir-rigward ta' l-argument ibbażat, fil-kuntest ta' l-ilment relattiv għall-ksur ta' l-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta' bażi, fuq li ma kinitx saret investigazzjoni ulterjuri fil-kuntest ta' reviżjoni interim skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament ta' bażi, għandu jiġi rrilevat, kif ġie diġà indikat fil-punti 55 u 56, li, minn naħa, l-elementi ġodda relattivi għall-organizzazzjoni tal-grupp ta' produtturi Ċiniżi tal-ferro-molibdenu setgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni qabel l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi, billi l-proċedura ta' reviżjoni interim ma tikkostitwixxix kuntest adegwat f'dan ir-rigward u, min-naħa l-oħra, li l-garanziji proċedurali ġew irrispettati billi r-rikorrenti ngħatat l-opportunità li tressaq l-osservazzjonijiet tagħha fuq dawn l-elementi ġodda. Jirriżulta wkoll mid-dokumenti annessi mar-risposta li l-Kummissjoni vverifikat l-informazzjoni li kienet ġiet ikkomunikata lilha, kif jixhed il-faks tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni fiċ-Ċina tal-5 ta' Frar 2002. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, għal darb'oħra, li għalkemm ir-rikorrenti tikkontesta, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, l-eżattezza tal-fatti kif dikjarati fir-Regolament ikkontestat, din ta' l-aħħar ma ġġib l-ebda prova li tista' tqiegħed fid-dubju l-veraċità tagħhom.

    65     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li t-tieni parti ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

    66     Peress illi ebda waħda mill-motivi tar-rikorrenti ma setgħat tiġi milqugħa, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

     Fuq l-ispejjeż

    67     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 87(4) ta' dawn ir-Regoli, l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

    68     Peress li r-rikorrenti tilfet, u peress li l-Kunsill talab li din ta' l-aħħar tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, hemm lok li r-rikorrenti tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

    taqta' u tiddeċiedi:

    1)      Ir-rikors huwa miċħud.

    2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill.

    3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

    Pirrung

    Meij

    Forwood

    Pelikánová

     

           Papasavvas

    Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta' Novembru 2006.

    Ir-Reġistratur

     

           Il-President

    E. Coulon

     

           J. Pirrung


    * Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top