Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002TJ0093

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla Estiża) tat-18 ta' Jannar 2005.
Confédération nationale du Crédit mutuel vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Għajnuna mogħtija mill-Istat - Miżuri adottati mir-Repubblika Franċiża favur Crédit mutuel - "Livret bleu" - Deċiżjoni 2003/216/KE - Obbligu ta' motivazzjoni - Rikors għal annullament.
Kawża T-93/02.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2005:11

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

18 ta’ Jannar 2005(*)

"Għajnuna mogħtija mill-Istat – Miżuri adottati mir-Repubblika Franċiża favur Crédit mutuel – "Livret bleu" – Deċiżjoni 2003/216/KE – Obbligu ta’ motivazzjoni – Rikors għal annullament"

Fil-kawża T 93/02,

Confédération nationale du Crédit mutuel, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn A. Carnelutti u J.-P Gunther, avukati,

rikorrenti,

sostnuta mir-

Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u F. Million, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Rozet, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/216/KE, tal-15 ta’ Jannar 2002, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat mir-Repubblika Franċiża lil Crédit mutuel (ĠU 2003, L 88, p. 39), taħt forma ta’ kumpens żejjed mogħti għall-ispejjeż ta' ġbir u ta’ l-amministrazzjoni tat-tifdil irregolat taħt is-sistema tal-"Livret bleu",

 

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

(It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn J. Pirrung, President, V. Tiili, A. W. H. Meij, M. Vilaras u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Ġunju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       B’dan ir-rikors il-Konfederazzjoni Nazzjonali ta’ Crédit mutuel titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/216/KE, tal-15 ta’ Jannar 2002, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat mir-Repubblika Franċiża lil Crédit mutuel (ĠU 2003 L 88, p. 39 iktar ‘il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

 Crédit mutuel

2       Crédit mutuel huwa grupp bankarju deċentralizzat, magħmul minn netwerk ta’ friegħi lokali ta’ Crédit mutuel bl-istatus ta’ kumpanniji kooperattivi. Kull fergħa lokali ta’ Crédit mutuel għandha taderixxi ma' federazzjoni reġjunali u kull federazzjoni għandha taderixxi mal-Konfederazzjoni nazzjonali ta’ Crédit mutuel, korp ċentrali tan-netwerk skond l-Artikoli L511-30 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju Franċiż. Dan il-korp, li huwa r-rikorrent f’din il-kawża, għandu l-istatus ta’ assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ profitt.

3       In-numru ta’ friegħi lokali ta’ Crédit mutuel, li kull waħda minnhom jista’ jkollha counter wieħed jew iżjed, għaddiet minn 2,031 fl-1991 għal 1,820 fl-2001. Fil-waqt ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dawn il-friegħi kienu l-proprjetà ta’ madwar 5.7 miljun soċju. Bejn l-1999 u l-2001 Crédit mutuel kien il-ħames bank Franċiż għad-depożiti u t-tielet għan-netwerk tiegħu ta’ counters.

 Livret bleu

4       Il-"Livret bleu", stabbilit bil-liġi 75-1242, tas-27 ta’ Diċembru 1975, liġi finanzjarja ta’ rettifika għall-1975 (JORF it-28 ta’ Diċembru 1975, p. 13435), huwa prodott ta' tifdil irregolat, maħsub għall-pubbliku ġenerali, li d-dritt esklużiv ta' tqassim tiegħu ngħata lil Crédit mutuel mill-awtoritajiet pubbliċi.

5       Ir-rata ta’ imgħax min-naħa ta’ Crédit mutuel fuq id-depożiti tal-"Livret bleu" hija rregolata mill-Istat. Ir-rata ta’ imgħax wara li titħallas it-taxxa għal min ifaddal hija identika għal dik tal-"Livret A" (imqassam mill-Caisses d’épargne u minn La Poste, li huwa l-prodott prinċipali fil-kompetizzjoni ta’ tifdil irregolat. Din ir-rata kienet ta’ 3% fis-sena fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. L-ammont tad-depożiti għal kull ktejjeb ma jistax jaqbeż limitu, identiku għal dak stabbilit għall-"Livret A", li għal konsumaturi privati kien ta’ 100,000 Frank Franċiż (FRF) (EUR 15,245) mill-1991 u ta’ EUR 15,300 mill-1 ta’ Jannar 2002.

6       L-imgħax tad-depożiti fuq il-"Livret bleu" huwa suġġett għal trattament tat-taxxa li jidderoga mir-regoli ġenerali li japplikaw għat-tassazzjoni tat-tifdil. Filwaqt li l-leġiżlazzjoni ġenerali tat-taxxa tippermetti lill-persuni fiżiċi jagħżlu, b’mod partikolari rigward l-imgħaxijiet ta’ depożiti li d-debitur tagħhom joqgħod fi Franza, tnaqqis tat-taxxa mis-sors minflok taxxa fuq id-dħul, ma jeżistix tali dritt ta’ għażla għar-rimunerazzjoni tal-"Livret bleu", li huwa suġġett, fil-każijiet kollha, għal tnaqqis tat-taxxa mis-sors. Madankollu dan it-tnaqqis issir fuq terz ta’ l-imgħax.

7       Il-fondi miġburin mill-"Livret bleu", li l-ammont tagħhom matul is-snin 90 varja minn 80 sa 100 biljun ta’ FRF, kienu suġġetti mill-bidu għal diversi tipi ta’ allokazzjonijiet. Għall-ewwel, Crédit mutuel kellha l-obbligu li jalloka l-50% tar-riżorsi (kwota miżjuda għal 65% fl-1983) għall-użu ta’ interess ġenerali (iktar ‘il quddiem l-"UIĠ") intiżi b’mod partikolari għall-finanzjament ta’ awtoritajiet lokali u għas-sottoskrizzjonijiet ta’ titoli maħruġa mill-Istat u mill-istituzzjonijiet pubbliċi tiegħu, filwaqt li l-bqija baqgħu fid-dispożizzjoni libera tal-bank.

8       Mid-digriet tas-27 ta’ Settembru 1991 (JORF tas-26 ta' Novembru 1991, p. 15383), parti dejjem tikber tal-fondi ġiet allokata għall-finanzjament ta' bini għal skopijiet soċjali, b’mod partikolari permezz taċ-ċentralizzazzjoni tar-riżorsi fil-Caisse des dépôts et consignations (iktar ‘il quddiem is-"CDC"), li tassenja l-fondi lilha għall-finanzjament ta’ bini għal skopijiet soċjali billi tagħti self lill-korpi ta’ amministrazzjoni ta’ djar bil-kera mnaqqsa, fuq l-eżempju ta’ l-użu tal-fondi tal-"Livret A" tal-Caisses d’épargne u tal-Posta. Wara d-digriet tas-27 ta’ Settembru 1991, il-fondi kollha miġbura mil-"Livret bleu" huma allokati għall-finanzjament ta’ bini għal skop soċjali, u l-ammont totali li kien jeżisti fil-31 ta’ Diċembru 1990 kellu jiġu trasfertit progressivament għand is-CDC b’porzjonijiet annwali ta’ 10% sa l-2000. Illum, il-fondi kollha huma ċċentralizzati għand is-CDC.

9       Mill-1991 is-CDC iħallas lil Crédit mutuel, għall-fondi ċċentralizzati biss, rimunerazzjoni ekwivalenti għar-rata grossa ta’ imgħax ffissata mill-awtoritajiet pubbliċi, ittrasferita lil min ifaddal, kif ukoll kummissjoni ta’ senserija ta’ 1.3% tat-total (iktar ‘il quddiem il-"kummissjoni ta' ġbir").

10     Matul il-perijodu eżaminat bid-deċiżjoni kkontestata, jistgħu jiġu distinti tliet tipi ta’ użu tal-fondi tal-"Livret bleu":

–       il-fondi ċċentralizzati għand is-CDC mill-1991 (intiżi għall-finanzjament ta’ bini għal skopijiet soċjali u suġġett għall-ħlas tal-kummissjoni ta' ġbir);

–       l-UIĠ l-oħra differenti mill-fondi msemmija fuq (magħmula fuq kollox minn self fit-tul lill-awtoritajiet pubbliċi; iktar ‘il quddiem l-"UIĠ l-oħra");

–       l-impjiegi liberi. 

Madankollu kien maħsub li l-aħħar żewġ kategoriji ta’ użi jiġu eliminati progressivament matul dak il-perijodu.

11     Il-"Livret bleu" kellu rwol importanti għal Crédit mutuel. L-importanza relattiva tiegħu, f’termini kwantitattivi, madankollu naqset matul is-snin ta’ qabel l-2002. Il-kwota tal-"Livret bleu" fid-depożiti ta’ Crédit mutuel, li kienet ta’ 70% fl-1975 u baqgħet madwar 60% fl-1985, naqset għal livell ta’ inqas minn 25% wara l-1997.

 Proċedura amministrattiva

12     Fil-25 ta’ Jannar 1991, il-Kummissjoni rċeviet ilment rigward l-għajnuna mogħtija mir-Repubblika Franċiża lil Crédit mutuel permezz tal-"Livret bleu". B’ittra tas-6 ta’ Frar 1998 il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Franċiżi bid-deċiżjoni tagħha li tibda proċedura ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2) tal-KE (ĠU C 146, p. 6).

13     Fit-18 ta’ Ġunju 1988, Crédit mutuel bagħat ittra lill-Kummissjoni fejn ippreżenta argumenti intiżi għar-rifjut tad-deskrizzjoni bħala għajnuna mogħtija mill-Istat tal-miżuri li huma l-oġġett tad-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedimenti, flimkien ma’ inkartament ta' kontabbiltà analitika dwar il-"Livret bleu". Diversi partijiet interessati wkoll, fosthom dawk li ressqu l-ilment, ippreżentaw ukoll l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni.

14     Wara li rat l-inkartament ippreżentat minn Crédit mutuel, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel verifika tal-kontabbiltà analitika tal-"Livret bleu". Għal dan il-għan hija inkarigat lil konsulent, u r-rapport tiegħu ġie sottomoess għal eżami lill-awtoritajiet Franċiżi u lill-Crédit mutuel fl-10 ta’ Jannar 2000. F’Mejju ta’ l-2000 ir-rikorrenti qabbdet konsulent ieħor b’xogħol li kien jinkludi l-kontroll tal-metodoloġija tax-xogħlijiet tal-kontabbiltà analitika ta’ Crédit mutuel u l-istabbiliment tal-kont tal-qligħ u t-telf tal-"Livret bleu". Dan l-inkarigu ntemm f’Settembru 2000 bil-preżentazzjoni ta’ rapport dettaljat. F’April 2001 il-Kummissjoni estendiet il-kuntratt tal-konsulent tagħha, sabiex jidentifika d-differenzi bejn iż-żewġ studji ta’ kontabbiltà u jistabbilixxi l-emendi ta’ informazzjoni jew ta' metodu li jekk ikun il-każ jistgħu jiġu legalment adottati u integrati fil-evalwazzjoni preċedenti tiegħu. Fit-23 ta’ Lulju 2001 ir-rapport finali tal-konsulent ġie ppreżentat lill-awtoritajiet Franċiżi. Crédit mutuel u l-konsulent tiegħu esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom fir-rigward tal-konklużjonijiet finali tal-konsulent tal-Kummissjoni.

 Id-deċiżjoni kkontestata

15     Fil-15 ta’ Jannar 2002, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

16     Wara li ġabret fil-qosor il-fatti u l-osservazzjonijiet irċevuti matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni ttrattat fil-punt V tad-deċiżjoni kkontestata l-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ kumpens mogħtija lill-Crédit mutuel. Dan il-punt huwa maqsum f’ħames partijiet.

17     Il-punt V.1 tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwarda "d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri" u jwassal, fil-premessa 92, għall-konklużjoniji li ġejja:

"L-għajnuna potenzjali mogħtija lill-Crédit [m]utuel, fid-dawl tan-natura tagħha ta’ għajnuna għat-tħaddim, tas-sitwazzjoni ekonomika fis-settur bankarju fl-Ewropa kif ukoll tar-restrizzjonijiet fuq is-solvenza speċifiċi tas-settur bankarju, kellha effett fuq il-kummerċ mid-dħul fis-seħħ tal-"Livret bleu" u kellha effett dejjem jikber (...) ta' distorsjoni fuq il-kompetizzjoni fi ħdan is-settur finanzjarju. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-għajnuna potenzjali hija għajnuna ġdida fil-mument ta’ l-introduzzjoni tagħha fl-1975". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

18     Wara li eżaminat, fil-punt V.2 tad-deċiżjoni kkontestata, id-"deskrizzjoni tar-riżorsi ta’ l-Istat", il-Kummissjoni tesponi fil-premessa 100, li waħedha tifforma l-punt V.3, intitolat "[V]antaġġ fil-kompetizzjoni":

"Jekk il-kumpens irċevut minn Crédit [m]utuel minħabba l-missjoni ta’ servizz pubbliku, taħt forma ta’ kummissjoni ta' ġbir imħallsa mis-CDC, jaqbeż l-ispejjeż netti ta’ dan is-servizz pubbliku (wara li titqies it-totalità tal-benefiċċji u l-ispejjeż marbuta mat-twettiq ta’ din il-missjoni), il-Crédit [m]utuel jgawdi minn vantaġġ fil-kompetizzjoni fuq il-banek l-oħra inkwantu huwa jikseb riżorsi addizzjonali li ma jingħatawx lil banek oħra." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

19     Fil-premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata, li tinsab fil-punt V.4, dwar l-"Evalwazzjoni ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat", il-Kummissjoni tesponi l-mod tagħha kif tipproċedi fir-rigward l-istabbiliment ta' l-ammont ta’ l-għajnuna b'dan il-kliem:

"Safejn l-awtoritajiet Franċiżi invokaw l-eżistenza ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali marbut mas-sistema tal-"Livret bleu", il-Kummissjoni għandha tara li tikseb bilanċ tad-dħul u ta' l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu ma’ l-imsemmi servizz, sabiex jiġi stabbilit il-livell ġustifikat ta’ kumpens imħallas mill-Istat." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20     Wara d-diversi perizji ta’ kontabbiltà, il-Kummissjoni waslet għall-konstatazzjonijiet li ġejjin fir-rigward tar-riżultati tal-kont tal-qligħ u t-telf tal-"Livret bleu":

–       l-amministrazzjoni ta’ fondi trasferiti għand is-CDC wassal għal telf tul is-snin 90 kollha, iżda ħolqot bilanċ pożittiv fl-1998;

–       l-amministrazzjoni ta’ l-UIĠ l-oħra ħolqot profitti stmati, matul is-snin 90, għal ammonti annwali ta’ bejn id-59 u d-957 miljun FRF;

–       l-amministrazzjoni ta’ l-impjiegi liberi wasslet għal telf.

21     Dawn ir-riżultati huma miġburin fil-qosor, fil-premessa 179 tad-deċiżjoni kkontestata, fit-tabella li ġejja (f’miljuni ta’ FRF):

Sena

1991

1992

1993

1994

1995

1996

1997

1998

Total

Fondi trasferiti għand is-CDC

[...] (1)

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]

-399

UIĠ [Oħra]

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]

2,592

Impjiegi liberi

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]

-1,119

Marġni totali qabel it-tassazzjoni

1,096

505

301

-471

-135

-87

-156

20

1,074

 

22     Rigward l-istabbiliment tal-bilanċ globali tad-dħul u ta' l-ispejjeż marbuta mat-twettiq tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali konness mas-sistema tal-"Livret bleu", il-Kummissjoni tiddikjara:

"[109] Id-dħul ta’ l-UIĠ [l-oħra] għandu f’kull każ jittieħed in kunsiderazzjoni, peress li huwa parti integrali mill-obbligi imposti mill-Istat fil-kuntest tas-sistema tal-"Livret bleu". Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-esklużjoni ta’ ċerti użi li jħallu profitt twassal għal sitwazzjoni assurda: l-Istat ikollu jikkumpensa t-telf fuq ċerti użi, anki meta jsir biżżejjed profitt minn użi oħra fi ħdan il-"Livret bleu" u ma jittieħdux in kunsiderazzjoni.

[110] Is-sitwazzjoni hija inqas ċara fir-rigward ta’ l-impjiegi liberi, li wrew tnaqqis ta’ madwar 1 [biljun FRF] fil-perijodu eżaminat. Minħabba f'hekk, huma għandhom impatt fuq il-baġit ta’ l-Istat li, fin-nuqqas tagħhom, kien ikun f' bilanċ bil-ħtieġa li titnaqqas b'tali ammont il-kummissjoni ta' ġbir. Madankollu, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-ispejjeż netti ta' l-impjiegi liberi għandhom ikunu inklużi." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

23     Bħala evalwazzjoni finali, il-Kummissjoni tindika fil-premessa 180 tad-deċiżjoni kkontestata:

"Safejn is-somma tal-benefiċċji finanzjarji mdaħħla fil-kontijiet iġġenerati mil-"Livret bleu" (kummissjoni ta' ġbir, profitt mill-amministrazzjoni ta’ l-impjiegi l-oħra ta' interess ġenerali, profitt mill-amministrazzjoni tal-fondi għaliha stess, jiġifieri l-assi ġenerali) taqbeż l-ispejjeż sostnuti minn Crédit mutuel għall-amministrazzjoni ta' ġbir u tal-fondi, hemm trasferiment tar-riżorsi pubbliċi li jikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

24     Il-Kummissjoni għalhekk tistma l-ammont ta’ l-għajnuna akkumulata matul il-perijodu 1991-1998 bħala t-total tar-riżultati li jidhru fit-tabella riprodotta fil-punt 21 iktar 'il fuq, jiġifieri 1,074 miljun FRF.

25     Wara li eżaminat, fil-punt V.5, il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna lil Crédit mutuel mat-Trattat, il-Kummissjoni tikkonkludi, fil-punt VI tad-deċiżjoni kkontestata:

"[202] L-għoti lil Crédit mutuel tad-dritt ta' tqassim tal-"Livret bleu" jinkludi għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87(1), [KE]. Din l-għajnuna ma tista’ tibbenefika minn ebda deroga prevista fl-Artikolu 87(2) u (3), [KE].

[203] Id-deroga prevista fl-Artikolu 86(2), [KE] tista’ tkun applikata parzjalment biss, billi, kif intwera fil-verifika tal-kontijiet magħmula fuq inkarigu tal-Kummissjoni, il-kumpens mogħti fil-perijodu mhuwiex ristrett strettament għall-ispejjeż żejda relatati mas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Billi din kienet l-unika deroga possibbli li tippermetti l-eżenzjoni tal-miżuri in kwistjoni mill-obbligi previsti mir-regoli tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, mill-projbizzjoni preskritta fl-Artikolu 87(1) [KE], jirriżulta li l-parti tar-riżorsi ta’ l-Istat mogħtija lil Crédit mutuel li taqbeż l-ispejjeż netti għall-amministrazzjoni u l-ġbir tal-"Livret bleu", fid-dawl tal-marġni normali ta’ profitabbiltà, tikkostitwixxi kumpens eċċessiv ta’ l-ispejjeż tas-servizz pubbliku u għalhekk tikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat li m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

26     L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

"1. Il-miżuri adottati minn Franza favur Crédit mutuel għall-ġbir u l-amministrazzjoni tat-tifdil irregolat taħt is-sistema tal-"Livret bleu" jinkludu għajnuna mogħtija mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni.

"2.      Din l-għajnuna ma tista’ tibbenefika minn ebda deroga fil-kuntest ta' l-Artikolu 87(2) u (3), [KE]. Tista’ tkun eliġibbli parzjalment għad-deroga prevista fl-Artikolu 86(2) [KE], safejn hija meħtieġa għat-twettiq tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali fdat mill-Istat lil Crédit mutuel. L-għajnuna li taqbeż l-ispejjeż ta' ġbir u ta’ l-amministrazzjoni tal-"Livret bleu" ma tistax titqies li hija kompatibbli ma’ l-interess komuni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

27     Skond l-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata, "Franza għandha tiġbor lura mingħand Crédit mutuel l-għajnuna li hija inkompatibbli mas-suq komuni, li ngħatawlu mill-1 ta’ Jannar 1991". [traduzzjoni mhux uffiċjali] Dan il-paragrafu jinkludi wkoll indikazzjonijiet intiżi għall-istabbiliment ta' l-ammont ta’ l-għajnuna li Franza għandha tiġbor lura.

28     L-Artikolu 2(2) sa (5) jipprovdi:

"2. Franza għandha temenda r-rata tal-kummissjoni tal-fondi tal-"Livret bleu" mħallsa mis-[CDC] lil Crédit mutuel sabiex fil-futur tiġi eliminata kull għajnuna li taqbeż l-ispejjeż ta’ l-amministrazzjoni u l-ġbir li jistgħu jiġu kkunsidrati.

3. L-awtoritajiet Franċiżi għandhom jitolbu li Crédit mutuel jintroduċi u jippubblika kontijiet separati għal-"Livret bleu".

4. L-awtoritajiet Franċiżi għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni r-rapport annwali tal-bank u rapport għal kull tliet snin tal-kontijiet tal-"Livret bleu".

5. Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-verifiki ta’ kontabbiltà kollha li hija tqis xierqa sabiex ikun aċċertat li l-għajnuna lil Crédit mutuel hija strettament proporzjonata mas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali fdat lilha. Jekk tqis li huwa meħtieġ, hija għandha tqabbad konsulenti biex jivverifikaw il-kontabbiltà analitika tal-"Livret bleu."" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

29     B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Marzu 2002, ir-rikorrenti resqet dan ir-rikors.

30     B’digriet tal-11 ta’ Settembru 2002, ir-Repubblika Franċiża ġiet ammessa tintervjeni in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

31     Wara r-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tibda l-proċedura orali u, fl-ambitu tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, stiednet lill-partijiet jipproduċu ċerti dokumenti u għamlitilhom domandi bil-miktub. Il-partijiet taw ir-risposti tagħhom u pproduċew id-dokumenti fit-terminu stabbilit.

32     Il-partijiet instemgħu fit-trattazzjoni orali u fir-risposti tagħhom għad-domandi orali tal-Qorti tal-Prim’Istanza waqt is-seduta pubblika tat-8 ta’ Ġunju 2004. Huma ġew mistiedna jwieġbu, bil-miktub, għal żewġ domandi addizzjonali u għamlu dan fit-terminu stabbilit. Il-proċedura orali ngħalqet fl-14 ta’ Lulju 2004.

33     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 ta' din safejn hija tordna l-ħlas lura ta' l-għajnuna identifikata;

–       tikkundanna l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

34     Ir-Repubblika Franċiża, intervenjenti, titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tordna l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

35     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna r-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 Osservazzjonijiet preliminari

36     Ir-rikorrenti tqajjem seba' motivi in sostenn tat-talba tagħha għal annullament. Bl-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1), KE, hija ssostni li l-miżuri msemmija fid-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jiġu deskritti bħala għajnuna. It-tieni sar-raba’ motivi, imqajma sussidjarjament, huma intiżi sabiex juru li, jekk wieħed jippresuponi li hemm għajnuna, din tista’ tiġi deskritta biss bħala għajnuna eżistenti. Bil-ħames motiv, dan ukoll imqajjem sussidjarjament, ir-rikorrenti tirrileva li l-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999/KE, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat KE (ĠU L 83, p.1), inkwantu hija ordnat ir-rimbors ta’ l-għajnuna allegata. Bis-sitt motiv tagħha, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kisret id-drittijiet proċedurali tagħha u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 253 KE.

37     Mill-motivi kollha tal-partijiet jirriżulta li l-kwistjoni ewlenija f’din il-kawża hija dik ta’ l-identifikazzjoni, bid-deċiżjoni kkontestata, ta’ l-għajnuna, jiġifieri tal-miżura statali li tat vantaġġ lil Crédit mutuel. Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni kkontestata tindika b'mod ċar biżżejjed il-miżuri u l-vantaġġi deskritti, f'dan il-każ, bħala għajnuna li mhix kompatibbli mat-Trattat.

 Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata rigward l-identifikazzjoni ta’ l-għajnuna

 L-argumenti tal-partijiet

38     L-ilmenti tar-rikorrenti rigward l-identifikazzjoni ta’ l-għajnuna jinsabu, fl-ewwel lok, fit-tielet sal-ħames partijiet tas-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ l-ewwel u r-raba’ motivi, argumenti intiżi biex juru li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjenti u kontradittorja safejn hija tikkonċerna diversi aspetti tad-definizzjoni ta’ l-għajnuna. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tesponi argumenti dwar l-identifikazzjoni ta’ l-għajnuna fil-kuntest ta’ l-argumenti tagħha rigward l-ewwel, ir-raba’ u s-seba’ motivi.

39     L-argumenti tal-partijiet jirrigwardaw, essenzjalment, tliet aspetti tad-definizzjoni ta’ l-għajnuna in kwistjoni, jiġifieri:

–       l-identifikazzjoni tal-miżura li setgħet tat vantaġġ lil Crédit mutuel;

–       l-identifikazzjoni tar-riżorsi ta’ l-Istat li bihom il-vantaġġ in kwistjoni ngħata;

–       id-deskrizzjoni fir-rigward ta' l-iskema tal-"Livret bleu", bħala għajnuna ġdida mill-1975.

–       Fuq l-identifikazzjoni tal-miżura li tat vantaġġ

40     Fil-kuntest ta’ l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija ambigwa u kontradittorja fir-rigward ta’ l-identifikazzjoni tal-miżuri li, skond il-Kummissjoni, taw vantaġġ lil Crédit mutuel.

41     L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma identifikat l-ebda vantaġġ li jista’ jiġi deskritt minnu nnifsu bħala għajnuna mogħtija mill-Istat u, wara, li jista’ tiġi kkwantifikat faċilment.

42     Hija tenfasizza li l-uniku element identifikat mill-Kummissjoni li seta’ "jwassal għal għajnuna" (iżda mingħajr ma jkun minnu nnifsu għajnuna) hija l-kummissjoni ta' ġbir. Madankollu r-rikorrenti hija tal-fehma li l-Kummissjoni kkunsidrat b'mod impliċitu li l-vantaġġ kien ġej ukoll minn dħul ieħor tal-"Livret bleu", għaliex hija adottat "metodu globali", li skond dan, sabiex jiġi stmat jekk ir-rimunerazzjoni li Crédit mutuel jikseb għas-servizz tiegħu ta’ tqassim tal-"Livret bleu" hijiex adegwata, jittieħed in kunsiderazzjoni d-dħul kollu li Crédit mutuel jikseb mil-"Livret bleu" u l-ispejjeż kollha marbuta mat-tqassim ta’ dan il-prodott. Hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b'nuqqas ta’ ċarezza f'dan ir-rigward.

43     Ir-rikorrenti tikkritika r-raġunament tal-Kummissjoni, fl-ewwel lok, fir-rigward ta' l-evalwazzjoni tat-tneħħija parzjali mit-tassazzjoni u l-esklużività ta' distribuzzjoni tal-"Livret bleu"; fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-assi tal-"Livret bleu" u, fit-tielet lok, fir-rigward ta' l-evalwazzjoni tal-kummissjoni ta' ġbir.

44     Fl-ewwel lok, rigward it-tneħħija mit-tassazzjoni u l-esklużività, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni, minkejja li abbandunat kull pretensjoni relatata ma' l-"effett loss-leader" eventwali tal-"Livret bleu", tinsisti, impliċitament, bl-allegazzjoni li l-"Livret bleu", minħabba t-tneħħija mit-tassazzjoni minn fuqu u l-fatt li huwa jitqassam minn istituzzjoni ta’ kreditu waħda, jagħti vantaġġi partikolari lil Crédit mutuel. Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tosserva li fid-deċiżjoni kkontestata ma ngħatat l-ebda prova tal-fatt li l-esklużività mogħtija tikkostitwixxi vantaġġ. Skond hi, f’dan jidher difett ċar ta’ motivazzjoni, li għandu jitqajjem, jekk meħtieġ, ex officio.

45     Fit-tieni lok, fir-rigward ta' l-użi tal-"Livret bleu", ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b'nuqqas manifest ta’ motivazzjoni dwar il-kwistjoni jekk id-dħul ta’ l-UIĠ l-oħra jistax jiġi deskritt bħala vantaġġ. Fl-opinjoni tagħha, is-sempliċi fatt li dawn l-operazzjonijiet kienu kkostitwew wieħed mill-użi tas-somom iddepożitati taħt is-sistema tal-"Livret bleu" fl-ebda każ ma għandu jwassal għall-konklużjoni li Crédit mutuel kisbet kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk li jirriżultaw minn operazzjonijiet normali tas-suq.

46     Fit-tielet lok, ir-rikorrenti hija tal-fehma li linqas ma huwa possibbli li l-kummissjoni ta' ġbir tiġi kkunsidrata bħala vantaġġ ekonomiku mogħti b’kundizzjonijiet barra mis-suq. Hija tqis li l-Kummissjoni tinjora n-natura ta’ din il-kummissjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva wkoll li ma jidhirx ċar, mill-qari tad-deċiżjoni kkontestata, jekk l-għajnuna identifikata mill-Kummissjoni hijiex magħmula mill-kummissjoni ta' ġbir kollha kemm hi jew biss minn parti minnha u, f'dan il-każ, liema parti tista’ tiġi deskritta b'dan il-mod.

47     Fir-replika tagħha r-rikorrenti żżid li l-applikazzjoni tal-"metodu globali" fid-deċiżjoni kkontestata tinkludi kontradizzjoni manifesta u twassal għal riżultat inkoerenti. Hija tafferma li f'diversi punti tad-deċiżjoni kkontestata l-kummissjoni ta' ġbir biss hija deskritta bħala għajnuna potenzjali, filwaqt li l-użi l-oħra (UIĠ u impjiegi liberi) huma kkunsidrati biss għall-kalkolu ta’ l-ispiża netta tas-sistema. Hija ma teskludix li l-kummissjoni ta' ġbir tista’ tiġi deskritta bħala għajnuna jekk tidher li hija ogħla mill-ispejjeż ta’ amministrazzjoni tal-"Livret bleu" u jekk il-kundizzjonijiet l-oħra kollha ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87 KE jiġu sodisfatti, għaliex l-attività mħallsa tkun allura sors ta’ profitt u ma’ jkunx hemm bżonn li tiġi mħallsa. Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni madankollu qieset li l-ammont ta’ l-għajnuna ma jikkorrispondix għall-kummissjoni ta' ġbir, iżda mal-bilanċ (pożittiv) ta’ l-attività ta’ Crédit mutuel relatata mal-"Livret bleu". Il-Kummissjoni għalhekk inkludiet fl-ammont ta’ l-għajnuna l-benefiċċji kollha magħmulin minn Crédit mutuel u b’mod partikolari dawk ġejjin minn UIĠ oħrajn. Ir-rikorrenti tafferma li dik il-kontradizzjoni ma tippermettix li wieħed jifhem fiex tikkonsisti l-għajnuna identifikata mill-Kummissjoni u tiġġustifika waħedha l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

48     Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tiddeskrivi bħala mhux normali r-riżultati ta' l-azzjoni tal-Kummissjoni rigward l-ammonti li għandhom ikunu rimborsati lill-Istat minn Crédit mutuel. Hija tenfasizza li, meta jiġi eżaminat il-kont tal-qligħ u t-telf tal-"Livret bleu" bejn l-1991 u l-1998, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ewwel tliet snin biss iġġeneraw profitt li kien jammonta għal 1,096 miljun FRF fl-1991, 505 miljun FRF fl-1992 u 301 miljun FRF fl-1993. Skond din, dan il-profitt huwa dovut għal kollox minn dħul differenti mill-kummissjoni ta' ġbir, li matul l-istess snin ipproduċiet rispettivament dħul ta’ 8, 62 u 113 miljun FRF. Min-naħa l-oħra, matul is-snin 1994 sa 1997 ġie rreġistrat telf, filwaqt li l-kwota relattiva tal-kummissjoni ta' ġbir mid-dħul mil-"Livret bleu" baqgħet tiżdied. Ir-rikorrenti tenfasizza li l-kummissjoni ta' ġbir ma setgħatx tikkontribwixxi għall-profitti ta’ l-ewwel tliet snin, u li din lanqas ma ppreveniet telf matul l-erba' snin ta' wara. Skond ir-rikorrenti, minkejja li r-riżultati pożittivi ta’ l-ewwel tliet snin setgħu, f’dawn iċ-ċirkusanzi, jipprekludu l-ħlas ta’ kummissjoni ta’ ġbir matul dawn l-istess snin, m’huwiex min-naħa l-oħra ġġustifikat li wieħed jasal, permezz ta’ globalizzazzjoni fuq perijodu twil, għal rimborsi li jaqbeż b’mod sinjifikattiv id-dħul mill-kummissjoni ta' ġbir u mill-amministrazzjoni fis-snin meta ġie ġġenerat profitt nett.

49     Il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-test tad-deċiżjoni kkontestata mhuwiex ambigwu. In sostenn ta’ din it-teżi hija tirriferi għall-premessa 203 tad-deċiżjoni kkontestata (ara punt 25 iktar 'il fuq) u l-Artikolu 1(1) tal-parti operattiva tagħha (ara punt 26 iktar 'il fuq).

50     B’risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni tafferma li l-għoti tal-kummissjoni ta' ġbir huwa l-unika miżura li, skond id-deċiżjoni kkontestata, tat lil Crédit mutuel għajnuna mill-Istat. Skond din, dan jirriżulta b’mod ċar mill-premessi 14, 28, 30, 66, 98, 167 u 168 u, b’mod partikolari, mill-Artikolu (2)(2), tal-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata.

51     Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tafferma li d-deċiżjoni kkontestata ma ddeskrivietx bħala vantaġġi la l-eżenzjoni mit-taxxa u linqas id-dritt esklużiv ta' tqassim tal-"Livret bleu". Fl-opinjoni tagħha, jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata li t-tnaqqis tat-taxxa, li jimplika użu tar-riżorsi ta’ l-Istat, jibbenefika direttament lill-konsumaturi individwali u mhux lill-bank.

52     Rigward l-użi tal-"Livret bleu", il-Kummissjoni tafferma li huwa żbaljat li jiġi sostnut li d-deċiżjoni kkontestata kkunsidrat id-dħul ("benefiċċji") normali mill-amministrazzjoni tal-"Livret bleu" bħala li jikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni. Hija tal-fehma li din l-akkuża tirriżulta minn konfużjoni bejn, minn naħa, il-kunċett ta’ vantaġġ fil-kompetizzjoni li jirriżulta minn kumpens żejjed mir-riżorsi ta’ l-Istat ta’ l-ispejjeż netti tal-missjoni ta’ interess ekonomiku ġenerali u, min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ vantaġġi ekonomiċi kkunsidrati (l-istess kif jitqiesu wkoll il-piżijiet u l-ispejjeż sostnuti) sabiex jiġu stabbiliti l-ispejjeż netti għat-twettiq ta’ dik il-missjoni. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata (riprodotta fil-punt 18 iktar 'il fuq) tesponi mingħajr ambigwità l-kwistjoni tal-vantaġġ fil-kompetizzjoni. Waqt is-seduta l-Kummissjoni spjegat, wara domanda mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li xi wħud mis-siltiet tad-deċiżjoni kkontestata li jsemmu l-kunċett ta’ vantaġġi fil-kuntest ta’ l-ispiża tar-riżorsi tal-"Livret bleu" jinsabu fit-taqsima ddedikata għall-istabbiliment tal-bilanċ ta’ l-attività u għalhekk jirrigwardaw esklużivament it-tieni kunċett imsemmi hawn fuq.

53     Fir-rigward ta’ l-argumenti ppreżentati fir-replika, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti tagħmel allegazzjoni sostanzjalment differenti mill-allegazzjoni oriġinali tar-rikors. Hija tqis li r-rikorrenti tinjora d-definizzjoni ta’ l-għajnuna kif tirriżulta mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u ma tqisx il-fatt li x-xogħol tal-kontabbiltà analitika ppermetta li jiġi stabbilit bilanċ mhux biss ta' l-ispejjeż marbuta mat-twettiq tal-missjoni tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali mogħtija lil Crédit mutuel, iżda wkoll bilanċ tar-riżorsi kollha (dħul mill-operazzjoni kummerċjali u riżorsi ta’ l-Istat) miksuba mit-twettiq ta’ din il-missjoni. Il-Kummissjoni tfakkar li l-bilanċ ta’ dan il-kont jirrappreżenta "l-parti tar-riżorsi ta’ l-Istat mogħtija lil Crédit mutuel li taqbeż il-kopertura ta’ l-ispejjeż netti ta’ l-amministrazzjoni u ta' ġbir tal-"Livret bleu" wara li jitqies marġni normali ta’ profitabbiltà".

54     Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-ammont ta’ 1,074 miljun FRF imsemmi fil-premessa 178 u fl-Artikolu 2(1), tad-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi effettivament, għall-perijodu 1991-1998, l-ammont tar-riżorsi pubbliċi rċevut matul dan il-perijodu li jaqbeż l-ispejjeż ta' ġbir u ta’ l-amministrazzjoni tal-"Livret bleu".

–       Fuq l-identifikazzjoni tar-riżorsi ta’ l-Istat

55     Ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-Kummissjoni ma mmotivatx biżżejjed id-deskrizzjoni, bħala riżorsi ta’ l-Istat, ta’ ċerti elementi preżenti fl-iskema tal-"Livret bleu".

56     Fl-ewwel lok, rigward l-eżenzjoni parzjali mit-taxxa, ma ngħatat l-ebda motivazzjoni għall-fatt li l-iskema tal-"Livret bleu" iwassal għal tassazzjoni ta' persuni li altrimenti mhumiex taxxabbli. Ir-rikorrenti tfakkar li fid-deċiżjoni kkontestata kkonstatat li l-konsumaturi biss jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni.

57     Fit-tieni lok, ma jirriżultax mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jekk id-dħul ta’ l-UIĠ l-oħra huwiex deskritt bħala riżorsi ta’ l-Istat. Id-deċiżjoni kkontestata tillimita ruħha li tikkunsidra li huma parti mis-sistema tal-"Livret bleu", mingħajr dettalji oħra. Ir-rikorrenti ssostni li, jekk din l-osservazzjoni tfisser li dawn hema riżorsi ta’ l-Istat, din hija ambigwa u, għalhekk, mhux adegwata. Fir-replika hija ssostni li huwa kontradittorju li l-Kummissjoni tiċħad li d-dħul ta’ l-UIĠ l-oħra seta’ jiġi deskritt bħala riżorsi ta’ l-Istat proprju meta fid-deċiżjoni kkontestata dan id-dħul kien inkorporat fl-ammont tas-somom li Crédit mutuel għandu jitħallas lura lill-Istat. Fl-opinjoni tagħha, ma jistax jiġi kkunsidrat li somom partikolari kienu s-suġġett ta’ talba għal rimbors mingħajr ma ġew deskritti bħala għajnuna mogħtija mill-Istat u, għaldaqstant, assimilati ma’ riżorsi ta’ l-Istat.

58     Fit-tielet lok, ir-rikorrenti u l-intervenjenti huma tal-fehma li l-Kummissjoni ma mmotivatx biżżejjed il-konstatazzjoni tagħha li l-kummissjoni ta' ġbir hija riżorsa ta’ l-Istat.

59     Il-Kummissjoni tenfasizza li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 253 KE jobbligawha tagħti motivazzjoni biss tal-pożizzjonijiet adottati f'miżura legali. Hija ssostni li l-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tinsab fil-premessa 203 tesponi mingħajr l-iċken ambigwità li, safejn l-intervent finanzjarju ta’ l-Istat joħloq kumpens żejjed ta’ l-ispejjeż netti kkawżati mill-missjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali fdata lil Crédit mutuel, dan il-kumpens żejjed jikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni.

60     Hija tafferma li d-deċiżjoni kkontestata ma ddeskrivietx l-eżenzjoni mit-taxxa bħala riżorsa ta’ l-Istat jew bħala vantaġġ għal Crédit mutuel.

61     Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll it-teżi li d-deċiżjoni kkontestata tikkunsidra d-dħul mill-UIĠ l-oħra bħala riżorsi ta’ l-Istat. Hija tfakkar li l-argument tar-rikorrenti u ta' l-intervenjenti f’dan ir-rigward jirriżulta minn konfużjoni bejn, minn naħa, il-vantaġġ fil-kompetizzjoni li jirriżulta minn kumpens żejjed mill-Istat ta’ l-ispejjeż tal-missjoni ta’ interess ekonomiku ġenerali li għandu Crédit mutuel, u min-naħa l-oħra, il-vantaġġi ekonomiċi kkunsidrati għall-istabbiliment ta' l-ispejjeż netti ta’ din il-missjoni.

62     Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tenfasizza li d-deċiżjoni kkontestata tikkundanna bħala riżorsa ta’ l-Istat il-kummissjoni ta' ġbir biss, imħallsa mill-1991. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni żiedet, b’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li dan jirriżulta b’ċertezza fil-premessa 14 u mill-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija biżżejjed fir-rigward tad-deskrizzjoni ta’ din il-kummissjoni bħala riżorsa ta’ l-Istat.

–       Fuq id-deskrizzjoni ta' l-iskema tal-"Livret bleu" bħala għajnuna fil-mument ta’ l-introduzzjoni tagħha fl-1975

63     Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tafferma, fil-premessa 92, li s-sistema tal-"Livret bleu" għandha tiġi deskritta bħala għajnuna ġdida mill-1975, mingħajr ma tat ebda motivazzjoni f’dan ir-rigward. Il-kunsiderazzjonijiet magħmula f’dan il-kuntest, rigward l-evalwazzjoni ta’ l-impatt fuq il-kummerċ u fuq il-kompetizzjoni, ma jindikawx il-motivi għaliex fl-1975 din is-sistema kellha n-natura ta’ għajnuna. Barra minn hekk, din id-deskrizzjoni hija kontradetta mill-affermazzjonijiet tad-deċiżjoni li huwa impossibbli li wieħed imur iktar lura mill-1991 sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza eventwali ta’ għajnuna. Waqt is-seduta r-rikorrenti sostniet li teżisti kontradizzjoni evidenti bejn l-affermazzjoni li l-għajnuna tmur lura għall-1975 u dik li l-finanzjament tal-"Livret bleu" hija skema ta’ għajnuniet jew għajnuna ġdida mill-1991. Fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni fixklet żewġ għajnuniet allegati, dik ta’ l-1975 u dik ta’ l-1991, u din il-konfużjoni tinsab ukoll fil-metodu użat għall-kalkolu ta’ l-għajnuna allegata. Ir-rikorrenti hija tal-fehma li din il-konfużjoni tagħmilha diffiċli li d-deċiżjoni kkontestata tinftiehem.

64     F’dan il-kuntest ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħatx tiddeskrivi l-iskema tal-"Livret bleu" bħala għajnuna ġdida mingħajr ma tipprova minn qabel l-eżistenza ta' għajnuna. Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda prova ta' l-eżistenza ta’ għajnuna fil-mument tal-ħolqien tal-"Livret bleu".

65     Il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata biżżejjed fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-"Livret bleu" ta’ għajnuna mill-1975. Hija tfakkar li l-analiżi kkritikata hija żviluppata fil-punt V.1 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat "id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri". B’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija ppreċiżat, waqt is-seduta, li hija għamlet l-analiżi li tinsab f’din it-taqsima tad-deċiżjoni qabel ma ddikjarat ruħha fuq l-elementi l-oħra karatteristiċi u kostituttivi tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat u, b’mod partikolari qabel ma ħadet pożizzjoni fuq il-kwistjoni tar-riżorsi ta’ l-Istat. L-analiżi ta’ l-effetti tal-"Livret bleu" fuq il-kummerċ u fuq il-kompetizzjoni mill-1975 jiġi spjegat, skond il-Kummissjoni, bil-fatt li hija kellha tiddeċiedi rigward l-argumenti li qajmu dawk li ressqu l-ilment, b’mod partikolari, element ta’ għajnuna li tirriżulta mill-"effett loss-leader" tal-"Livret bleu", peress li dan l-effett, meta wieħed jassumi li jinkludi element ta’ għajnuna, kien jeżisti mill-introduzzjoni tal-"Livret bleu" fl-1975. Barra minn hekk, hija tirriferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il-Kummissjoni (T-298/97, T-312/97, T-313/97, T-315/97, T-600/97 sa T-607/97, T-1/98, T-3/98 sa T-6/98 u T-23/98, Ġabra p. II-2319, punti 142 sa 148), li tgħid li, hija għandha l-obbligu li teżamina jekk, fil-mument meta ġiet stabbilita l-għajnuna, is-suq ikkonċernat kienx miftuħ għall-kompetizzjoni. Hija tosserva li l-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, li tinkludi l-konklużjoni ta’ din it-taqsima, titkellem dwar "għajnuna potenzjali", li turi li l-miżura għadha ma ġietx deskritta definittivament f'dak l-istadju. Fl-opinjoni tagħha, il-fatt li l-aġġettiv "potenzjali" ma jidhirx fil-bqija tat-test tad-deċiżjoni kkontestata huwa spjegat bi sforz ta’ kitba konċiża u b'motivi ta’ kontinġenza materjali.

66     Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tindika li l-fatt rilevanti f’dan il-proċess jirriżulta mill-użu li għamel Crédit mutuel mill-fondi miġbura permezz tal-"Livret bleu" li huwa kellu fid-dispożizzjoni tiegħu. Fl-opinjoni tagħha huwa f'dan ir-rigward li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

67     B'mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tinżamm distinta mill-kwistjoni tal-mertu tal-motivi, peress li din ta' l-aħħar taqa' taħt il-legalità tal-mertu (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 67, u tat-22 ta’ Marzu 2001, C-17/99, Franza vs Il-Kummissjoni, Ġabra p I-2481, punt 35).

68     Il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura ta’ l-att in kwistjoni u għandha turi b'mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament ta' l-istituzzjoni, li adottat l-att, b’tali mod li dawk ikkonċernati jkunu jistgħu l-ġustifikkazzjonijiet tal-miżura adottata u l-imħallef kompetenti jkun jista’ jeżerċita l-istħarriġ tiegħu. L-eżiġenza ta' motivazzjoni għandha tiġi evalwata skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skond il-kontenut ta’ l-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji ta’ l-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minnu jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Il-motivazzjoni m’għandhiex neċessarjament tispeċifika l-elementi kollha fil-fatt u fid-dritt li huma rilevanti, safejn il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta' att tissodisfax l-eżiġenzi ta' l-Artikolu 253 KE għanda tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni wkoll tal-kuntest tagħha, kif ukoll tar-regoli legali li jirregolaw is-suġġett in kwistjoni (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġusizzja tat-13 ta’ Marzu 1985, L-Olanda u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il-Kummissjoni, 296/82 u 318/82, Ġabra p. 809, punt 19; ta' l-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C-350/88, Ġabra p. I-395, punti 15 u 16; tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-56/93. Ġabra p. I-723, punt 86; Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 67 iktar 'il fuq, punt 63, u Franza vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar 'il fuq, punti 35 u 36).

69     Dwar il-kwistjoni jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex immotivata biżżejjed rigward l-identifikazzjoni ta’ l-għajnuna li ġiet ikkunsidrata inkompatibbili mat-Trattat, għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk din id-deċiżjoni tippermettix lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-miżura jew il-miżuri ta' l-Istat meqjusa mill-Kummissjoni bħala għajnuna u lill-Qorti tal-Prim’Istanza li teżerċita l-istħarriġ tagħha stess fuq l-evalwazzjoni ta’ dawn il-miżuri. Min-naħa l-oħra, mhuwiex rilevanti, fil-kuntest ta’ l-analiżi tal-motivazzjoni, jekk id-deskrizzjoni ta’ dawk il-miżuri bħala għajnuna hijiex iġġustifikata.

–       Parti operattiva u "Konklużjoni" tad-deċiżjoni kkontestata

70     L-ewwel nett għandu jiġi osservat li l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li "l-miżuri adottati mir-[Repubblika Franċiża] favur Crédit mutuel bħala ġbir u amministrazzjoni tat-tifdil irregolat taħt is-sistema tal-"Livret bleu" jinkludu għajnuna mogħtija mill-Istat li m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni", ma jindikax b'mod espliċitu liema huma l-miżuri Statali relatati ma' l-iskema tal-"Livret bleu" li skond din id-deċiżjoni kienu taw għajnuna lil Crédit mutuel.

71     Ma jistax jintlaqa' l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-Artikolu 2(2) tal-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata tindika b’mod ċar li hija biss l-kummissjoni ta' ġbir li ġiet ikkunsidrata għal dan il-għan.

72     Ċertament, din id-dispożizzjoni, li tobbliga lir-Repubblika Franċiża temenda r-rata tar-rimunerazzjoni tal-fondi tal-"Livret bleu" imħallsa mis-CDC b’mod li fil-ġejjieni kull għajnuna li taqbeż l-ispejjeż ta’ l-amministrazzjoni u ta' ġbir, tirreferi biss għall-kummissjoni ta' ġbir. Madankollu hija ma tidentifikax l-għajnuna, iżda miżuri li r-Repubblika Franċiża hija marbuta tadotta fil-futur biex tevita li tagħti għajnuna taħt l-għamla ta’ kummissjoni ta' ġbir. Issa, huwa paċifiku li t-trasferiment tal-fondi tal-"Livret bleu" għand is-CDC ġie kkompletat fl-1999 u li, minn dan il-waqt, il-kummissjoni ta' ġbir hija l-uniku dħul li Crédit mutuel jieħu mill-amministrazzjoni tal-"Livret bleu". Għalhekk, dan il-punt tal-parti operattiva ma jippermetti ebda konklużjoni dwar id-definizzjoni ta’ l-għajnuna li nstabet l-inkompatibbli mas-suq komuni fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata għas-snin qabel it-trasferiment komplet.

73     Minn dan isegwi li l-indikazzjoni ta’ l-għajnuna fil-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata mhijiex biżżejjed sabiex tippermetti lil dawk ikkonċernati u lill-Qorti tal-Prim’Istanza li jagħrfu l-miżura jew il-miżuri, f'dan il-każ, bħala għajnuna.

74     Skond ġurisprudenza stabbilita sew, il-parti operattiva ta’ att ma tistax tiġi mifruda mill-motivazzjoni tiegħu u għandha tiġi interpretata, jekk hemm bżonn, fid-dawl tal-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni, C-355/95 P,Ġabra. p. I-2549, punt 21; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ottubru 1997, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, T-213/95 u T-18/96, Ġabra p. II-1739, punt 104; tal-11 ta’ Marzu 1999, T‑136/94, Eurofer vs Il-Kummissjoni, T-136/94, Ġabra p. II-263, punt 171, u Alzetta et vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar 'il fuq, punt 163).

75     F’dan ir-rigward, fil-punt VI tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat "Konklużjoni", il-Kummissjoni tikkonstata, fil-premessa 202: "l-għoti lil Crédit mutuel tad-dritt ta' tqassim tal-"Livret bleu" jinkludi għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87 [(1)] KE." [traduzzjoni mhux uffiċjali] Il-premessa 203 invokata mill-Kummissjoni (riprodotta fil-punt 25 iktar 'il fuq) tirreferi għall-"kumpens mogħti" u għall-"miżuri in kwistjoni" qabel ma tikkonstata li "parti mir-riżorsi ta’ l-Istat mogħtija lil Crédit mutuel li taqbeż [l-ispejjeż ta’ l-amministrazzjoni u ta' ġbir] tal-"Livret bleu", wara li jitqies marġni normali ta’ profitabbiltà, tikkostitwixxi (...) għajnuna mogħtija mill-Istat (...)". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

76     Peress li l-premessa 202 tal-motivi ma tagħmel l-ebda preċiżjoni fir-rigward tal-parti operattiva, u peress li l-premessa 203 ma tidentifikax b'mod espliċitu l-miżuri kkontestati, għandu jiġi eżaminat jekk l-analiżi, li saret fid-deċiżjoni kkontestata, tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex intervent mill-Istat ikun jista’ jiġi deskritt bħala għajnuna, tippermettix li jiġu identifikati bi preċiżjoni l-miżuri li huma kkunsidrati li taw għajnuna lil Crédit mutuel.

–       Analiżi tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat

77     Skond l-Artikolu 87(1) KE, għandhom jiġu sodisfatti erba’ kundizzjonijiet f’dan ir-rigward. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista' jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett huwa għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba' nett huwa għandu jwassal għal distorsjoni jew jhedded li jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C-280/00, Ġabra p. I-7747, punt 75).

78     Il-Kummissjoni eżaminat il-kundizzjonijiet fil-punti V.1-V.4 (premessi 76 sa 181) tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu., fl-analiżi tagħha hija ma segwietx ,l-ordni li fihom dawn il-kundizzjonijiet ġew imsemmija. Fil-fatt hija ikkunsidrat, qabel kollox, fil-punt V.1, "id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri", qabel ma eżaminat, fil-punt V.2 id-"deskrizzjoni ta' riżorsi ta’ l-Istat". Hija kompliet bil-punt V.3 intitolat "[Vantaġġ fil-kompetizzjoni]", u fl-aħħar nett, iddedikat il-punt V.4 għall-"evalwazzjoni ta’ l-ammont ta' l-għajnuna mogħtija mill-Istat". Kif jirriżulta iktar 'il quddiem, mill-analiżi tal-kontenut ta’ dawn id-diversi punti, din l-ordni ta’ l-analiżi tnissel ċerti problemi ta’ komprensjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat, skond l-ordni magħżula tal-Kummissjoni, jekk il-konsiderazzjonijiet li jinsabu f’dawn l-erba’ punti jippermettux l-identifikazzjoni tal-miżuri li taw lok għall-għajnuna kkontestata.

–       Analiżi tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ l-effett fuq il-kummerċ

79     Il-Kummissjoni tibda biex teżamina, fil-premessi 76 sa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet imsemmijin fil-punt 77 iktar 'il fuq. L-analiżi tagħha hija maqsuma fi tliet stadji, l-ewwel wieħed jikkostitwixxi studju dettaljat ta’ l-"(...) effett ta’ l-għajnuna fuq il-kummerċ mill-1975", it-tieni wieħed huwa preżentazzjoni ta' l-"ikkopmpletar tal-liberalizzazzjoni tas-settur bankarju fl-Unjoni Ewropea mit-tmiem tas-snin 70 u t-tisħiħ tal-kompetizzjoni" u t-tielet huwa riferenza għall-"pożizzjoni ta' Crédit mutuel fis-suq bankarju Franċiż".

80     Rigward, fl-ewwel lok, l-analiżi ta’ l-effetti fuq il-kummerċ mill-1975 (premessa 76 sa 84 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jingħad li din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata tagħti l-impressjoni li l-Kummissjoni qieset li l-miżuri adottati fl-1975 kienu jinkludu għajnuna lil Crédit mutuel, mingħajr madankollu ma tippreċiża liema minn dawn il-miżuri kienu kkunsidrati f’dan ir-rigward. Il-fatt li l-Kummissjoni enfasizzat, matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-għajnuna hija magħmula mill-kummissjoni ta' ġbir stabbilita fl-1991 ma jistax ħlief joħloq konfużjoni f’dan ir-rigward.

81     L-ispjegazzjonijiet mogħtija waqt is-seduta mill-Kummissjoni dwar dan l-approċċ, wara domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ma jistgħux jeskludu l-impressjoni li l-Kummissjoni setgħet qieset li l-għajnuna in kwistjoni tirriżulta, almenu parzjalment, mill-miżuri adottati fl-1975.

82     L-ewwel nett, l-affermazzjoni li l-eżami ta’ l-effetti fuq il-kummerċ sar qabel dak tar-riżorsi ta’ l-Istat turi li hemm problema rigward il-metodu segwit mill-Kummissjoni f’dan il-każ. Ċertament, il-kriterju tal-kapaċità ta' miżura li tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri jifred kamp ta' applikazzjoni ta’ l-istħarriġ ta’ l-għajnuna min-naħa tal-Kummissjoni u kamp riżervat għall-azzjoni awtonoma ta’ l-Istati Membri, u l-Kummissjoni m’għandhiex setgħat li tintervjeni fir-rigward ta’ miżura Statali jekk dik l-imsemmija kundizzjoni ma tiġix sodisfatta. Għaldaqstant huwa xieraq, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami dwar sistema kumplessa magħmula minn diversi miżuri Statali, bħal-"Livret bleu", li l-Kummissjoni tivverifika b'mod provviżorju, fil-mument tal-bidu tal-proċedura u qabel ma tibda l-analiżi tal-miżuri individwali, jekk din is-sistema meħuda globalment tistax taffettwa jistax jolqot il-kummerċ. Madankollu, fid-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, din l-evalwazzjoni provviżorja għandha tiġi ssostitwita b’evalwazzjoni definittiva ta’ l-effetti potenzjali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-miżuri deskritti definittivament bħala għajnuna. Dan jgħodd iktar u iktar meta d-deċiżjoni finali tiddeskrivi bħala għajnuna parti biss mill-miżuri msemmija fil-proċedura ta’ eżami, u li huwa, skond il-Kummissjoni, preċiżament il-każ in kwistjoni. L-argument sostnut mill-Kummissjoni ma jistax jeskludi l-ambigwità maħluqa, mill-fatt li l-eżami ta’ l-effetti tal-"Livret bleu" fuq il-kummerċ fl-1975 jinsab fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tad-deskrizzjoni bħala għajnuna tal-miżuri adottati fl-1975.

83     Imbagħad, l-obbligu li tingħata risposta lil dawk li ressqu l-ilment ma jistax iġiegħel lill-Kummissjoni li tieħu l-approċċ li ħadet. Jekk huwa minnu li l-ilmenti li l-Kummissjoni kellha quddiemha kienu jirreferu għall-miżuri adottati fl-1975, u li għalhekk hija kellha teżaminahom, xejn ma kien jobbligaha tikkonstata li dawn il-miżuri setgħu jaffettwaw il-kummerċ, jekk hija kien jidhrilha li dawn ma setgħux jiġu deskritti bħala għajnuna għal motivi oħra.

84     Fl-aħħar nett, rigward il-konsegwenzi li għandhom jiġu dedotti mis-sentenza Alzetta et vs Il-Kummissjoni (punt 65 iktar 'il fuq), il-Kummissjoni tosserva ġustament li, biex tistabbilixxi jekk għajnuna mogħtija fil-kuntest ta' l-iskema ta' għajnuna għandhiex tiġi deskritta bħala eżistenti jew ġdida, l-obbligu li tivverifika jekk fil-mument ta’ l-istabbiliment ta’ din l-iskema s-suq interessat kienx miftuħ għall-kompetizzjoni hija għandha. Issa, din l-ispjegazzjoni tikkonferma l-impressjoni li, skond id-deċiżjoni kkontestata, l-iskema ta’ għajnuna eżaminat ġiet stabbilita fl-1975.

85     Fit-tieni lok, l-eżami tal-konsegwenzi tal-liberalizzazzjoni tas-settur bankarju fil-premessi 85 sa 89 tad-deċiżjoni kkontestata twassal għall-konstatazzjoni li "l-effett fuq il-kummerċ ta’ l-għajnuna mogħtija lil istituzzjoni ta' kreditu sar estremament serju" sa mill-1990. Minkejja li l-kummissjoni ta' ġbir mhijiex imsemmija fil-premessi 85 sa 89 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn jistgħu jinftehmu li huma intiżi biex juru li din il-miżura jkollha kellha effett kunsiderevoli fuq il-kummerċ. Din l-analiżi ma tagħti l-ebda kjarifika dwar il-kwistjoni jekk, minbarra l-kummissjoni ta' ġbir, kinux ikkunsidrati miżuri oħra fil-bidu ta’ l-għajnuna fil-kwistjoni.

86     Fir-tielet lok, l-ispjegazzjonijiet li jidhru fil-premessi 90 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-pożizzjoni ta’ Crédit mutuel fis-suq bankarju Franċiż, minn naħa, huma intiżi biex jirrifjutaw l-argument li l-kompetenza territorjali limitata tal-friegħi lokali ta’ Crédit mutuel teskludi kwalunkwe impatt ta' l-għajnuna fuq il-kummerċ, u min-naħa l-oħra, jinkludu xi kunsiderazzjonijiet fil-qosor rigward id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, fejn il-Kummissjoni tafferma b’mod partikolari:

"Crédit mutuel huwa impriża bi qligħ (...). Kumpens żejjed eventwali ta’ l-ispejjeż netti ta' ġbir u ta’ amministrazzjoni tal-missjonijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali jippermettilha li tkabbar il-profitti tagħha u li takkumula iktar il-fondi tagħha. Issa, ir-rabta ta' solvenza (...) li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni bankarja Ewropeja tintroduċi obbligu li jillimita l-kapaċitajiet ta’ tkabbir ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Kull għajnuna għat-tħaddim, safejn hija ssaħħaħ il-fondi proprji tagħha, għandha effett kunsiderevoli ta’ lieva li tippermetti li jingħelbu dawn ir-restrizzjonijiet. Minn dawn is-sistemi ta’ obbligu ta’ solvenza jirriżulta li l-evalwazzjoni ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni hija iktar faċli fil-każ ta’ għajnuna lil istituzzjonijiet ta’ kreditu. Jekk l-għajnuna, għandha l-effett dirett jew indirett, ta' żjieda tal-fondi proprji, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni tista’ tiġi riflessa fi żjieda ta' attivitajiet tal-bank." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

87     Il-premessi 90 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata ma jiddeċiedux għalhekk, b’mod definittiv, fuq l-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-każ partikolari, imma huma limitati biex jagħtu xi dettalji dwar il-kriterji ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni biħsiebha tadotta. Dawn il-premessi ma jippermettux li jiġi stabbilit jekk, minbarra l-kummissjoni ta' ġbir, miżuri oħra setgħux jikkontribwixxu, skond id-deċiżjoni kkontestata, għal kumpens żejjed ta’ l-ispejjeż ta' ġbir u ta’ amministrazzjoni, għal żjieda tal-fondi proprji u, b’dan il-mod, għal distorsjoni tal-kompetizzjoni.

88     Fl-aħħar nett, il-konklużjoni ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata (riprodotta fil-punt 17 iktar 'il fuq), tuża kliem partikolarment vag rigward l-identifikazzjoni ta’ l-għajnuna, billi tirriferi għall-"għajnuna potenzjali mogħtija lil Crédit mutuel" li għandha "natura ta’ għajnuna għat-tħaddim" u, billi tosserva li "l-għajnuna potenzjali [kienet] għajnuna ġdida fil-mument ta’ l-introduzzjoni tagħha fl-1975". [traduzzjoni mhux uffiċjali] F’din il-konklużjoni l-kummissjoni ta' ġbir lanqas ma hija msemmija.

89     Jekk huwa minnu li l-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata tiddeskrivi bħala "potenzjali" l-għajnuna li l-effetti tagħha qed jiġu eżaminati, għandu jiġi osservat li din id-deskrizzjoni ma tidhirx, fil-premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata, rigward "l-analiżi ġuridika tan-natura ta’ l-għajnuna li ġejja mil-‘Livret bleu’". Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li "din kienet għajnuna ġdida mit-tmiem tas-sena 1975". Ċertament il-Kummissjoni wara tikkonstata li l-ammont ta’ din l-għajnuna ma jistax ikun ikkalkolat għall-perijodu qabel is-sena 1991. Madankollu dan ma jfissirx li, skond id-deċiżjoni kkontestata, ma kien hemm ebda għajnuna qabel l-1991. Il-kliem użat jindika, pjuttost, li l-Kummissjoni setgħet tqis li, diġà qabel l-1991 kienu jeżistu miżuri li setgħu jikkostitwixxu għajnuna, iżda li hija baqgħet lura milli li tikkalkula l-entità tagħhom.

90     Fl-ispjegazzjoni, waqt is-seduta, tan-nuqqas ta’ l-aġġettiv "potenzjali" fil-premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata li sar sforz ta’ kitba konċiża u raġunijiet ta’ "sempliċi kontinġenza materjali", il-Kummissjoni tirrikonoxxi biss li t-test tad-deċiżjoni kkontestata fih xi punti dgħajfa, mingħajr ma jeskludi l-inċertezzi dwar il-kontenut ta' din id-deċiżjoni li jirriżultaw minnha.

91     Minn dan isegwi li l-analiżi tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ l-effett fuq il-kummerċ tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li jiġi stabbilit b’mod ċar liema huma l-miżuri li huma parti mis-sistema tal-"Livret bleu" li jitqiesu, fid-deċiżjoni kkontestata, li għandhom effett fuq il-kummerċ u li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni.

–       Analiżi tar-riżorsi ta’ l-Istat

92     Fit-tieni lok, il-Kummissjoni eżaminat, fil-premessi 93 sa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni tar-riżorsi ta’ l-Istat li bihom, fl-opinjoni tagħha, ingħatat l-għajnuna in kwistjoni. Għandu jiġi osservat li r-raġunament segwit f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata la huwa ċar u lanqas eżawrjenti.

93     Fil-premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tħabbar il-pjan li ġej:

"[Hija] ser tivverifika (...) liema huma r-riżorsi ta’ l-Istat li Crédit mutuel seta' bbenefika minnhom: (1) il-vantaġġ fiskali mogħti lil min ifaddal; (2) il-kummissjoni ta' ġbir (...); 3) id-dħul li jiġi [mill-UIĠ l-oħra]; 4) il-vantaġġi u l-ispejjeż eventwali indiretti marbuta mas-sistema tal-"Livret bleu." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

94     Fl-ewwel lok, rigward l-eżenzjoni mit-taxxa, id-deċiżjoni kkontestata tindika li s-sistema tinvolvi l-użu tar-riżorsi ta’ l-Istat u l-adozzjoni ta’ skema iktar favorevoli għal min ifaddal meta mqabbla mas-sitwazzjoni normali, u li hemm spiża għall-Istat. Hija tkompli, fil-premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata:

"Jidher li minn din l-għajnuna jieħdu benefiċċju direttament il-konsumaturi individwali u mhux il-bank, għaldaqstant Crédit mutuel ma jistax jitqies bħala benefiċjarju dirett ta’ l-għajnuna fiskali. Madankollu, din l-għajnuna ta' natura soċjali hija assoċjata ma’ prodott imqassam minn operatur wieħed, Crédit mutuel. L-għajnuna għalhekk ma tissodisfax il-kundizzjoni ta’ kompatibbiltà stabbilita fl-Artikolu 87(2)(a) [KE], li jipprovdi li l-għajnuna tingħata "mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini tal-prodotti kkonċernati". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

95     Din l-analiżi ma tippermettix li jiġi stabbilit b’mod ċar jekk il-Kummissjoni qisietx li l-eżenzjoni mit-taxxa tista' tikkostitwixxi trasferiment ta' riżorsi ta’ l-Istat favur Crédit mutuel. Madanakollu ma tistax tiġi eskluża tali interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li, biex tiġi aċċertata l-eżistenza ta’ intervent favur impriża permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, mhux meħtieġ li din tkun benefiċjarja diretta. Fil-fatt, mill-Artikolu 87(2)(a), KE jirriżulta li għajnuna ta' natura soċjali mogħtija lil konsumaturi individwali tista’ tidħol fl-ambitu ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(1) KE. Bl-istess mod, il-fatt li Stat Membru jirrinunzja għad-dħul fiskali jista’ jimplika trasferiment indirett ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li jista’ jiġi deskritt bħala għajnuna favur operaturi ekonomiċi differenti minn dawk li l-vantaġġ fiskali jingħatalhom direttament (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-156/98, Ġabra p. I‑6857, punti 24 sa 28).

96     Id-deċiżjoni kkontestata hija, għaldaqstant, ambigwa f'dak li jikkonċerna d-deskrizzjoni ta’ l-eżenzjoni mit-taxxa fid-dawl tal-kriterju tar-riżorsi ta’ l-Istat.

97     Fit-tieni lok, il-Kummissjoni teżamina l-"[m]issjoni ta’ interess pubbliku fdata lil Crédit mutuel" u tesponi, fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata:

"Crédit mutuel ġie fdat b'missjoni ta' tqassim tal-"Livret bleu" marbuta ma’ prerogattivi u obbligi stretti. Il-prerogattivi jikkonsistu fit-tqassim esklużiv tal-"Livret bleu" u tal-ħlas [tal-] kummissjoni ta' ġbir [...]. Dawn l-obbligi jirrigwardaw l-użu tar-riżorsi miġbura permezz tal-"Livret bleu". Dawn l-obbligi inbidlu maż-żmien [..]. Illum il-fondi kollha huma trasferiti għand is-CDC, li jħallas lil Crédit mutuel, għall-fondi trasferiti biss, rimunerazzjoni ekwivalenti għar-rata ta’ imgħax grossa ffissata mill-awtoritajiet pubbliċi, ittrasferita lil min ifaddal, flimkien ma' kummissjoni ta’ senserija ta’ 1.3%. Għandu jiġi osservat li peress li s-CDC hija impriża pubblika li tibbenefika minn riżorsi pubbliċi biex twettaq il-missjoni ta’ interess ġenerali, il-kummissjoni ta' ġbir għandha tkun ikkunsidrata bħala riżorsa ta’ l-Istat. L-imgħaxijiet jitħallsu lil min ifaddal, għalhekk Crédit mutuel tirċievi biss din il-kummissjoni, li hija parti integrali mill-missjoni ta’ servizz pubbliku li għandha Crédit mutuel u għalhekk hija imputabbli lill-Istat." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

98     Il-kummissjoni ta' ġbir hija għalhekk deskritta b’mod ċar bħala riżorsa ta’ l-Istat.

99     Fit-tielet lok, fir-rigward tad-dħul ta' l-UIĠ l-oħra, il-Kummissjoni tiddikjara, fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata:

"Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni rċevuta, in-natura obbligatorja ta’ dawn l-impjiegi flimkien mal-fatt li l-kundizzjonijiet tar-rata kienu rregolati mill-Istat u mhux stabbiliti liberament mis-suq, jikkonfermaw li għandu jiġi kkunsidrat li l-[UIĠ l-oħra] huma parti integrali mis-sistema tal-"Livret bleu". Iktar 'il quddiem ser jintwera li dawn il-kundizzjonijiet rregolati ppermettew lil Crédit mutuel jieħu vantaġġi importanti ħafna fuq dawn il-fondi. Id-definizzjoni ta’ dawn [l-UIĠ] ġiet emendata bis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1991: l-impjiegi koperti huma issa esklużivament is-self għal finanzjament ta’ bini għal skop soċjali u l-allokazzjoni fil-kont għand is-CDC [...]. Pero kien bil-mod ħafna, matul is-snin 90, li dawn l-impjiegi l-ġodda ssostitwew il-qodma: il-ġbir il-ġdid biss ġie allokat b’mod immedjat u għal kollox għal dawn l-impjiegi l-ġodda mill-1991". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

100   Jirriżulta mit-test iċċitat iktar 'il fuq li l-Kummissjoni ma tiddeskrivix espliċitament id-dħul ta’ l-UIĠ l-oħra bħala riżorsi ta’ l-Istat. Madankollu, deskrizzjoni bħal din lanqas ma tidher li hija eskluża. Fil-fatt mhux ċar is-sinjifikat, f’dan il-kuntest, ta’ l-osservazzjoni li "l-UIĠ [l-oħra] huma parti integrali mis-sistema tal-"Livret bleu", fid-dawl tal-fatt li affermazzjoni simili kienet saret fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata biex tiġġustifika li l-kummissjoni ta' ġbir kienet imputabbli lill-Istat (ara l-punt 98 preċedenti).

101   Għalhekk, daqstant ieħor huwa ambigwu fid-deċiżjoni kkontestata, ir-riżultat ta’ l-analiżi tal-kwistjoni jekk id-dħul miksub minn Crédit mutuel mill-amministrazzjoni ta’ l-UIĠ l-oħra jikkostitwixxix trasferiment ta’ riżorsi ta’ l-Istat.

102   Fir-raba’ lok, rigward l-analiżi tal-vantaġġi u ta’ l-ispejjeż indiretti eventwali marbuta mas-sistema tal-"Livret bleu", imsemmija fil-premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li din ma ssirx f’din il-parti tad-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, ċerti spjegazzjonijiet dwar il-vantaġġi u l-ispejjeż indiretti tas-sistema tal-"Livret bleu" jidhru, minn naħa, fil-parti ddedikata għall-evalwazzjoni ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat, b’mod partikolari fil-premessi 119 sa 127, fejn il-Kummissjoni teżamina l-"effetti [eventwali] loss-leader" tal-"Livret bleu", u, min-naħa l-oħra, fil-parti dwar il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mat-Trattat, b’mod partikolari fil-premessi 190 sa 194, li jirrigwardaw il-kwistjoni jekk Crédit mutuel kienx obbligat li jkollu counters f’żoni rurali. Madankollu ma saret l-ebda evalwazzjoni tal-vantaġġi indiretti eventwali fid-dawl tal-kundizzjonijiet tar-riżorsi ta’ l-Istat.

103   Fil-qosor, għandu jkun osservat li, għalkemm l-analiżi tal-kwistjoni tar-riżorsi ta’ l-Istat magħmula fid-deċiżjoni kkontestata hija ċara rigward il-kummissjoni ta' ġbir, hija ambigwa fir-rigward tad-deskrizzjoni ta’ l-eżenzjoni mit-taxxa u tad-dħul ta’ l-UIĠ l-oħra u inkompleta rigward il-vantaġġi l-oħra li l-Kummissjoni riedet teżamina.

–       Analiżi tal-vantaġġ fil-kompetizzjoni

104   Il-punt V.3 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat "Vantaġġ fil-kompetizzjoni", jinkludi biss il-premessa 100, riprodotta fil-punt 18 iktar 'il fuq.

105   Dan il-punt tad-deċiżjoni kkontestata jillimita ruħu li jsemmi l-kriterju li l-Kummissjoni biħsiebha tapplika sabiex jiġi stabbilit jekk f'dan il-każ jistax jiġi kkonstatat vantaġġ fil-kompetizzjoni u, b’hekk, jekk kinux sodisfatti t-tielet u r-raba’ kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 87(1) KE, imsemmija fil-punt 77 iktar 'il fuq. Għandu jiġi enfasizzat li dan il-kriterju huwa definit, fil-premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata, b’referenza biss għall-kummissjoni ta' ġbir u ma jsemmi l-ebda miżura oħra li tifforma parti mis-sistema tal-"Livret bleu".

106   L-analiżi ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, li jirrigwardaw, minn naħa, il-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju, u min-naħa l-oħra, il-kwistjoni jekk il-miżura eżaminata twassalx għal distorsjoni jew thedded li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, tidher ukoll fil-punt V.4 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat "Evalwazzjoni ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat", li tinkludi l-premessi 101 sa 181. Dawn l-ispjegazzjonijiet huma wkoll ftit li xejn ċari fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-ħlas tal-kummissjoni ta' ġbir hijiex l-unika miżura kkunsidrata li tqieset li tat lil Crédit mutuel vantaġġ fil-kompetizzjoni jew jekk miżuri oħra adottati fil-kuntest ta' l-isekma tal-"Livret bleu" kellhomx sehem ukoll.

107   Il-Kummissjoni tiddefinixxi, l-ewwel nett, il-"[m]etodi tal-kunsiderazzjonijiet tat-totalità tad-dħul u ta' l-ispejjeż marbuta mal-fondi tal-"Livret bleu" u tippreċiża, f'dan ir-rigward, fil-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata:

"Is-sistema finanzjarja relatata mal-"Livret bleu" ta’ Crédit mutuel għandu jiġi evalwat fid-dawl ta’ l-istruttura ġenerali ta’ din l-iskema ta’ tifdil, jiġifieri għandha titqies it-totalità ta’ l-ispejjeż u tal-profitti li jirriżultaw minn din is-sistema, b’mod partikolari mill-profitti li jiġu direttament mill-użu tal-fondi miġbura permezz tal-missjoni ta’ distribuzzjoni ta’ dan il-prodott ta’ tifdil eżentat mit-taxxa." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

108   Dan il-kliem jagħti l-impressjoni li l-eżenzjoni mit-taxxa tal-"Livret bleu" ittieħdet in kunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk din is-sistema tatx vantaġġ lil Crédit mutuel.

109   L-impressjoni li l-eżenzjoni mit-taxxa kienet ġiet ikkunsidrata hija kkonfermata mill-premessa 108, li tgħid "(id-) depożiti tal-"Livret bleu" ippermettew lil Crédit mutuel li jikseb riżorsa b’kundizzjonijiet iktar vantaġġjużi milli kieku kien jiġri b’sempliċi finanzjament mill-ġdid fis-swieq finanzjarji". Barra minn hekk, fil-premessa 111, il-Kummissjoni tosserva li l-"ispejjeż tar-riżorsi" li jiġu mil-"Livret bleu" huma "differenti mill-ispejjeż normali tas-suq". Il-premessa 117 issemmi n-"natura speċifika ta’ dan il-mod ta' ġbir ta' riżorsi". Bl-istess mod il-premessa 175 tiġġustifika l-kunsiderazzjoni ta' l-impjiegi liberi għaliex huma "mqiegħda ma’ riżorsa speċifika, jiġifieri depożiti miġbura minħabba l-monopolju ta' distribuzzjoni tal-"Livret bleu". L-istess premessa tosserva wkoll li "(f’)kundizzjonijiet ta’ suq kompetittivi, huwa probabbli li Crédit mutuel ma kienx ikun kapaċi jikseb din ir-riżorsa bl-istess spiża". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

110   Il-partijiet ikkwotati huma ambigwi dwar id-definizzjoni tal-miżura jew il-miżuri li taw lok għall-vantaġġ fil-kompetizzjoni mogħti lil Crédit mutuel.

111   L-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni li għandha ssir distinzjoni, minn naħa, bejn il-kunċett "ta’ vantaġġ fil-kompetizzjoni li jirriżulta minn kumpens żejjed ta’ l-ispejjeż ikkawżati mit-twettiq ta’ missjoni ta’ interess ekonomiku ġenerali" u min-naħa l-oħra, il-kunċett "ta’ vantaġġi ekonomiċi" ikkunsidrat fil-kuntest tal-bilanċ globali tal-"Livret bleu" intiż sabiex jivverifika jekk hemmx kumpens żejjed, ma jagħtix iċ-ċarezza meħtieġa.

112   Ċertament, diversi siltiet tad-deċiżjoni kkontestata fejn jissemmew il-vantaġġi, b’mod partikolari l-premessi 106, 107, 180 u 198, jistgħu jinftehmu li jirreferu għall-vantaġġ ekonomiku kkunsidrat fil-kuntest tal-bilanċ globali. Min-naħa l-oħra, meta hija tindika diversi drabi, b’mod partikolari fil-premessi 108, 111 u 175, li Crédit mutuel kiseb riżorsi b’kundizzjonijiet iktar vantaġġużi mill-kundizzjonijiet tas-suq, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal vantaġġ fil-kompetizzjoni li jirriżulta mill-iskema tal-"Livret bleu" u mhux biss għal vantaġġ ekonomiku li għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-bilanċ globali ta’ din l-iskema.

113   F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet fis-seduta li ma ġibditx konsegwenzi ġuridiċi mill-elementi ħlief dak tal-kummissjoni ta' ġbir Madankollu, anki jekk din l-affermazzjoni titqies korretta, il-fatt li jissemmew f’diversi punti tad-deċiżjoni kkontestata "vantaġġi" li, fl-aħħar mill-aħħar, ma jitqisux għall-finijiet ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-għajnuna, mingħajr ma dan jiġi indikat espliċitament, joħloq konfużjoni li trendi iktar diffiċli li d-deċiżjoni kkontestata tiftiehem f'dak li jikkonċerna dan il-punt.

114   Barra minn hekk, it-teżi li l-kummissjoni ta' ġbir biss ġiet ikkunsidrata assolutament mhijiex kompatibbli ma’ l-analiżi magħmula, li saret fil-premessi 119 sa 127 tad-deċiżjoni kkontestata, ta' l-"effetti loss-leader" inerenti fl-iskema tal-"Livret bleu" u invokati minn dawk li ressqu l-ilment. Skond dawn ta’ l-aħħar, id-dritt esklużiv ta' distribuzzjoni ta’ prodott ta' tifdil attraenti minħabba l-eżenzjoni tiegħu mit-taxxa għandu mnejn jippermetti lil Crédit mutuel li jiġbed u jżomm miegħu klijentela, u wara n-netwerk ikun jista' jbiegħ lil din ta’ l-aħħar prodotti u servizzi bankarji oħrajn. Il-Kummissjoni tispjega, fil-premessi 126 u 127 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma kkunsidratx dawn l-effetti fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, għaliex ma kienx possibbli li jiġu evalwati bi preċiżjoni l-effetti finanzjarji. Issa, dawn l-"effetti indotti" tal-"Livret bleu" m’għandhom l-ebda rabta mal-ħlas tal-kummissjoni ta' ġbir, iżda huma konnessi esklużivament mad-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ prodott ta’ tifdil eżenti mit-taxxa. L-analiżi ta’ tali effetti tikkontribwixxi għalhekk sabiex toħloq l-impressjoni li d-dritt esklużiv u l-eżenzjoni mit-taxxa huma parti mill-miżuri li jikkostitwixxu l-għajnuna kkonstata fid-deċiżjoni kkontestata. Ċertament il-Kummissjoni kellha tirrispondi għall-argumenti ta’ dawk li ressqu l-ilment fuq dan il-punt u kien inevitabbli, f'dan il-kuntest, li hija tiddikjara ruħha fuq miżuri differenti mill-kummissjoni ta' ġbir. Madankollu, sabiex tkun evitata interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li biha dawn il-miżuri kkontribwew għall-għoti ta’ l-għajnuna kkontestata, kien meħtieġ, iktar u iktar, li l-Kummissjoni tindika b’mod ċar li hija kkunsidrat biss il-kummissjoni ta' ġbir bħala sors ta’ għajnuna, jekk dik kienet effettivament il-pożizzjoni tagħha.

115   L-impressjoni li l-kummissjoni ta' ġbir ma kinitx l-unika miżura kkunsidrata bħala għajnuna mogħtija lil Crédit mutuel hija msaħħa wkoll mir-riżultat ta' l-evalwazzjoni ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna fil-punt V.4 tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa istruttiv f'dan ir-rigward li timtela t-tabella tar-riżultati tal-kont tal-qligħ u t-telf tal-"Livret bleu", riprodotta fil-punt 21 iktar 'il fuq, bid-data li għandha x'taqsam mal-kummissjoni ta' ġbir, provduta mill-partijiet b’risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza:

Sena

1991

1992

1993

1994

1995

1996

1997

1998

Total

Kummissjoni ta' ġbir

10

60

110

240

390

490

540

780

2 621

Fondi trasferiti

[...] (2)

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]

-399

UIĠ [oħra]

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]

2 592

Impjiegi liberi

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]

-1 119

Għajnuna mhux kapitalizzata

1 096

505

301

-471

-135

-87

-156

20

1 074

 

116   Din it-tabella tikkonferma t-teżi tar-rikorrenti li l-ammont ta’ l-għajnuna kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata huwa spjegat essenzjalment bil-fatt li kienu kkunsidrati l-profitti magħmula minn Crédit mutuel bejn l-1991 u l-1993, meta l-kummissjoni ta' ġbir kienet għadha ma kkontribwietx b’mod sinjifikattiv għar-riżultati ta’ l-amministrazzjoni tal-"Livret bleu", filwaqt li l-benefiċċji ta' l-iskema tal-"Livret bleu" ġew essenzjalment mid-dħul li ġie mill-UIĠ l-oħra.

117   L-isproporzjon bejn l-ammont ta’ l-għajnuna relatata ma' dawn is-snin u l-ammont tal-kummissjoni ta' ġbir imħallas matul l-istess perijodu huwa impressjonanti u, ma’ l-ewwel daqqa t’għajn, jidher diffiċli li jiġi ġġustifikat jekk l-għajnuna tirriżulta effettivament mill-ħlas biss ta’ din il-kummissjoni, mingħajr ma tkun ikkunsidrata għal dan il-għan l-ebda waħda mill-miżuri preċedenti adottati fil-kuntest tal-"Livret bleu". F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-analiżi tal-vantaġġ fil-kompetizzjoni kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li tiġi kkonfermata t-teżi tal-Kummissjoni li l-kummissjoni ta' ġbir biss ġiet deskritta bħala għajnuna.

118   Konsegwentement, billi l-Kummissjoni ma esprimietx b’mod ċar, fid-deċiżjoni kkontestata, il-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta’ l-identifikazzjoni tal-miżuri li taw l-għajnuna in kwistjoni lil Crédit mutuel, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fuq l-evalwazzjoni ta' l-iskema tal-"Livret bleu" magħmula fid-deċiżjoni kkontestata.

119   Fl-aħħar nett, ir-raġunament segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermettix li tiġi eskluża l-possibbiltà, imsemmija mir-rikorrenti, li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda, essenzjalment, żewġ għajnuniet potenzjali, mogħtija rispettivament fl-1975 u fl-1991, mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejniethom b’mod ċar fl-analiżi tagħha.

120   Għandu jingħad ukoll li l-Kummissjoni ma setgħatx tqis, fl-analiżi tagħha, il-kjarifiki magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, rigward il-miżuri statali maħsuba biex jikkompensaw l-ispejjeż marbuta mat-twettiq tal-missjonijiet ta’ interess pubbliku, b’mod partikolari fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 77 iktar 'il fuq. Jekk ċerti punti dgħajfa fir-raġunament adottat fid-deċiżjoni kkontestata jistgħu jiġu spjegati bil-fatt li fid-data ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma setgħatx tibbenefika mit-tagħlim li jirriżulta minn din il-ġurisprudenza, kien madankollu meħtieġ, fid-dawl tal-kumplessità ta’ dan il-proċess, li r-raġunament tal-Kummissjoni jkun spjegat kjarament b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-miżuri li bihom ingħatat l-għajnuna in kwistjoni lil Crédit mutuel.

121   Issa, mill-analiżi preċedenti jirriżulta li r-raġunament segwit fid-deċiżjoni kkontestata, b'mod globali, ma jippermettix li jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni kkunsidratx l-eżenzjoni mit-taxxa, id-dritt tat-tqassim esklużiv u l-kundizzjonijiet ta' rimunerazzjoni ta’ l-UIĠ l-oħra, minbarra l-kummissjoni ta' ġbir, bħala miżuri li taw lil Crédit mutuel l-għajnuna in kwistjoni.

122   Konsegwentement id-deċiżjoni kkontestata mhijiex immotivata biżżejjed f'dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-miżuri deskritti bħala għajnuna.

123   Ċertament, il-Kummissjoni indikat, matul din il-proċedura, li skond id-deċiżjoni kkontestata l-kummissjoni ta' ġbir biss tat lok għall-għajnuna in kwistjoni. Madankollu għandu jiġi osservat li dan ir-raġunament, espost mill-aġenti tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ma jidhirx fid-deċiżjoni kkontestata u huwa kontradett minn diversi partijiet tal-motivazzjoni tagħha, eżaminati iktar 'il fuq.

124   Issa, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et (C-137/92 P Ġabra p. I‑2555, punti 66 sa 68), il-parti operattiva u l-motivi ta’ deċiżjoni, li bilfors għandha tkun immotivata skond l-Artikolu 235 KE, jikkostitwixxu ħaġa indiviżibbli, b’mod li huwa l-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni biss, li huwa kompetenti, bis-saħħa tal-prinċipju tal-kolleġjalità, li jadotta fl-istess waqt it-tnejn li huma, hekk kif hija esklużivament fil-kompetenza tal-kulleġġ kull emenda fil-motivi li ma tikkostitwixxix sempliċement korrezzjoni ortografika jew grammatikali.

125   Dawn il-kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-prinċipju ta' kolleġġjalità huma daqstant ieħor rilevanti għad-deċiżjoni kkontestata f'dan il-każ, li kellha tkun immotivata wkoll skond l-Artikolu 253 KE, u li biha l-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni eżerċita s-setgħa speċifika li ngħatat mill-Artikolu 88 KE li jiddikjara ruħu fuq il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat mas-suq komuni.

126   Konsegwentement l-argumentazzjoni ppreżentata mill-aġenti tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tirrimedja għan-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-329/93, C-6295 u C-63/95, Ġabra p. I-5151, punti 47 u 48, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Ġunju 1998,British Airways et vs British Midland Airways vs Il-Kummissjoni, T-371/94 u T-394/94, Ġabra p. II‑2405, punti 116-119).

127   Konsegwentement id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm lok li jiġu evalwati l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

128   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-konvenuta tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mir-rikorrenti, skond it-talbiet ta' din ta' l-aħħar f'dan is-sens.

129   Skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

taqta' u tiddeciedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/216/KE, tal-15 ta’ Jannar 2002, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat li ngħatat mir-Repubblika Franċiża lil Crédit mutuel, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tar-rikorrenti.

3)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Pirrung

Tiili

Meij

Skouris

 

       Forwood

Moqri f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta' Jannar 2005.

Reġistratur

 

      President

H. Jung

 

       J. Pirrung

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Crédit mutuel

Livret bleu

Proċedura amministrattiva

Id-deċiżjoni kkontestata

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata rigward l-identifikazzjoni ta’ l-għajnuna

L-argumenti tal-partijiet

– Fuq l-identifikazzjoni tal-miżura li tat vantaġġ

– Fuq l-identifikazzjoni tar-riżorsi ta’ l-Istat

– Fuq id-deskrizzjoni ta' l-iskema tal-"Livret bleu" bħala għajnuna fil-mument ta’ l-introduzzjoni tagħha fl-1975

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

– Parti operattiva u "Konklużjoni" tad-deċiżjoni kkontestata

– Analiżi tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat

– Analiżi tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ l-effett fuq il-kummerċ

– Analiżi tar-riżorsi ta’ l-Istat

– Analiżi tal-vantaġġ fil-kompetizzjoni

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1 –      - Data konfidenzjali tħalliet barra.


2 –      - Data konfidenzjali tħalliet barra.

Top