EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0459

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-15 ta' Lulju 2004.
Willy Gerekens u Association agricole pour la promotion de la commercialisation laitière Procola vs État du grand-duché de Luxembourg.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour de cassation - il-Lussemburgu.
Talba għal deċiżjoni preliminari - Ħalib - Taxxa addizzjonali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib - Leġiżlazzjoni nazzjonali - Taxxa ffissata b'effett retroattiv - Prinċipji ġenerali taċ-ċertezza legali u tan-non-retroattività.
Kawża C-459/02.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:454

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)

15 ta’ Lulju 2004 (*)

"Talba għal deċiżjoni preliminari – Ħalib – Taxxa addizzjonali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Taxxa ffissata b'effett retroattiv – Prinċipji ġenerali taċ-ċertezza legali u tan-non-retroattività"

Fil-kawża C-459/02,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Lussemburgu) lill-Qorti tal-Ġustizzja u intiża sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiem dik il-qorti bejn

Willy Gerekens,

Association agricole pour la promotion de la commercialisation laitière Procola,

u

l-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu,

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju taċ-ċertezza legali u tan-non-retroattività fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kwoti tal-produzzjoni tal-ħalib adottata minflok leġiżlazzjoni preċedenti, meqjusa bħala diskriminatorja mill-Qorti tal-Ġustizzja, u li tippermetti li tiġi sanzjonata retroattivament il-produzzjoni li taqbeż dawn il-kwoti li sseħħ wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 856/84 tal-31 ta’ Marzu 1984 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 804/68 fuq l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 90, p. 10), u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 857/84 tal-31 ta’ Marzu 1984 li jadotta regoli ġenerali għall-applikazzjoni tat-taxxa prevista fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 90, p. 13), iżda taħt is-sistema tal-leġiżlazzjoni nazzjonali sostitwita, 

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, aġent President tat-Tielet Awla, R. Schintgen u N. Colneric (Relatur), Imhallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat is-sottomissjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–       għal W. Gerekens u l-association agricole pour la promotion de la commercialisation laitière Procola, minn F. Entringer, avocat,

–       għall-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, minn F. Hoffstetter, bħala aġent, assistit minn G. Pierret, avocat,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Berscheid u C. Cattabriga, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport ta’ l-Imħallef Relatur,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       B’sentenza ta’ l-14 ta’ Novembru 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Diċembru 2002, il-Cour de cassation ressqet, skond l-Artikolu 234 KE, domanda dwar l-interpretazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju taċ-ċertezza legali u tan-non-retroattività fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kwoti tal-produzzjoni tal-ħalib adottata minflok leġiżlazzjoni preċedenti, meqjusa bħala diskriminatorja mill-Qorti tal-Ġustizzja, u li tippermetti li tiġi sanzjonata retroattivament il-produzzjoni li taqbeż dawn il-kwoti li sseħħ wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 856/84 tal-31 ta’ Marzu 1984 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 804/68 fuq l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 90, p. 10), u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 857/84 tal-31 ta’ Marzu 1984 li jadotta regoli ġenerali għall-applikazzjoni tat-taxxa prevista fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 90, p. 13), iżda taħt is-sistema tal-leġiżlazzjoni nazzjonali sostitwita.

2       Din id-domanda tqajmet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, is-Sur Gerekens, produttur tal-ħalib, u l-association agricole pour la promotion de la commercialisation laitière Procola (iktar ’il quddiem "Procola") u, min-naħa l-oħra, l-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, minħabba fil-ħsara li din ta’ l-aħħar allegatament ikkawżat b’riżultat ta’ żbalji magħmula fl-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar it-taxxa addizzjonali fuq il-ħalib.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Ir-Regolamenti Nru 856/84 u Nru 857/84 introduċew, b’effett mill-1 ta’ April 1984, taxxa addizzjonali fuq il-kwantitajiet ta’ ħalib tal-baqra kkunsenjat li jaqbżu kwantità ta’ referenza li għandha tiġi stabbilita, għal kull produttur jew kull xerrej, fil-limitu ta’ kwantità globali garantita lil kull Stat Membru. Il-kwantità ta’ referenza eżenti mit-taxxa addizzjonali kienet ugwali għall-kwantità ta’ ħalib jew ta’ ekwivalenti tal-ħalib ekwivalenti kkunsenjata minn produttur jew mixtrija minn maħleb, skond il-formula magħżula mill-Istat Membru kkonċernat, matul is-sena ta’ referenza.

4       Skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5c(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68 tas-27 ta’ Ġunju 1968, fuq organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 148, p. 13), kif emendat mir-Regolament Nru 856/84 (iktar ’il quddiem ir-"Regolament Nru 804/68"):

"[…]

Is-sistema tat-taxxa hija implimentata f’kull reġjun tat-territorju ta’ l-Istati Membri skond waħda mill-formuli li ġejjintorju:

Formula A

–       Titħallas taxxa minn kull produttur tal-ħalib fuq il-kwantitajiet ta’ ħalib u/jew ta’ ekwivalenti tal-ħalib li huwa jkun ikkunsenja lil xerrej u li matul il-perijodu ta’ tnax-il xahar in kwistjoni jaqbżu l-kwantità ta’ referenza li għandha tiġi stabbilita.

Formula B

–       Titħallas taxxa minn kull xerrej ta’ ħalib jew ta’ prodotti oħra tal-ħalib fuq il-kwantitajiet ta’ ħalib jew ta’ ekwivalenti tal-ħalib jew lili jkunu ġew ikkunsenjati lilu minn produtturi u li matul il-perijodu ta’ tnax-il xahar in kwistjoni jaqbżu l-kwantità ta’ referenza li għandha tiġi stabbilita.

–       Ix-xerrej li jrid iħallas it-taxxa għandu jgħaddi din it-taxxa biss fuq il-produtturi li żiedu l-kunsenji tagħhom, proporzjonalment għas-sehem tagħhom fil-qbiż tal-kwantità ta’ referenza tax-xerrej."

5       L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 857/84 jiddisponi:

"1.      Il-kwantità ta’ referenza msemmija fl-Artikolu 5c(1) tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 għanda tkun ugwali għall-kwantità ta’ ħalib jew ta’ ekwivalenti tal-ħalib ikkunsenjata mill-produttur matul is-sena 1981 (formula A), jew għall-kwantità ta’ ħalib jew ta’ ekwivalenti tal-ħalib mixtrija minn xerrej matul is-sena 1981 (formula B), miżjuda b’1 %.

2.      Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li fuq it-territorju tagħhom il-kwantità ta’ referenza msemmija fil-paragrafu 1 tkun ugwali għall-kwantità ta’ ħalib jew ta’ ekwivalenti tal-ħalib ikkunsenjata jew mixtrija matul is-sena 1982 jew is-sena 1983, b’applikazzjoni ta’ perċentaġġ stabbilit b’mod li ma tinqabiżx il-kwantità garantita stabbilita fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68. Dan il-perċentaġġ jista’ jinbidel skond il-livell tal-kunsenji ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni taxxabbli, skond iċ-ċaqliq fil-kunsenji f’ċerti reġjuni bejn l-1981 u l-1983 jew skond iċ-ċaqliq fil-kunsenji ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni taxxabbli matul l-istess perijodu, taħt il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 30 tar-Regolament (KEE) Nru 804/68.

3.      Il-perċentaġġi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jistgħu jiġu adattati mill-Istati Membri biex jiżguraw l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 3 u 4."

6       L-Artikolu 4(1)(a) u (2) ta’ l-istess Regolament jipprovdi:

"1.      Sabiex titwettaq ir-ristrutturazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib fuq livell nazzjonali, reġjonali jew taż-żoni ta’ ġbir, l-Istati Membri jistgħu, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-formuli A u B:

a)      jagħtu lill-produtturi, li jimpenjaw irwieħhom li jwaqqfu l-produzzjoni tal-ħalib b’mod definittiv, kumpens mħallas f’pagament annwali wieħed jew iktar;

[…]

2.      L-ammonti indikattivi li jsiru disponibbli jiġu miżjuda, skond il-bżonn, mar-riżerva msemmija fl-Artikolu 5."

7       L-Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1371/84 tas-16 ta’ Mejju 1984, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tat-taxxa addizzjonali msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 (ĠU L 132, p. 11), jiddisponi:

"1.      Fil-kuntest tal-formula B, il-kwantità ta' referenza tax-xerrej għandha tiġi adattata biex, b’mod partikolari, jittieħdu in kunsiderazzjoni:

[…]

d)      il-każijiet ta' bdil imsemmija fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KEE) Nru 857/84, li jinkludi l-każ ta' bidla minn xerrej għal ieħor magħmula minn produtturi."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8       Il-leġiżlazzjoni Komunitarja ġiet implementata fil-Lussemburgu b’mod partikolari, għall-ewwel perijodu ta’ applikazzjoni mill-1 ta’ April 1984 sal-31 ta’ Marzu 1985, permezz tar-Regolament tal-Gran Dukat tat-3 ta’ Ottubru 1984 dwar l-applikazzjoni, fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tas-sistema ta’ taxxa addizzjonali fuq il-ħalib (Mémorial 1984, p. 1486, iktar ’il quddiem ir-"Regolament tal-Gran Dukat ta’ l-1984") u, għall-perijodi ta’ wara, permezz tar-Regolament tal-Gran Dukat tat-12 ta’ Novembru 1985 li jġib l-istess titolu (Mémorial 1985, p. 1256, iktar ’il quddiem ir-"Regolament tal-Gran Dukat ta’ l-1985").

9       Miż-żewġ formuli possibbli ta’ implementazzjoni previsti fl-Artikolu 5c tar-Regolament Nru 804/68, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu għażel il-formula B.

10     Skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 857/84, dan l-Istat Membru żamm is-sena 1981 bħala sena ta’ referenza. Madankollu, ġew applikati għall-kwantitajiet ta’ bażi hekk determinati ċerti ko-effiċjenti li ħadu in kunsiderazzjoni ċ-ċaqliq fil-kwantitajiet ta’ ħalib ikkunsenjati lid-diversi xerrejja bejn l-1981 u l-1983 meta mqabbel maċ-ċaqliq medju fil-kunsenji fil-Lussemburgu.

11     Il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża kienet tippermetti wkoll li l-kwantitajiet ta’ referenza individwali tal-produtturi li jkunu waqqfu l-produzzjoni b’mod volontarju, jiġu assenjati lill-imħaleb, meqjusa bħala xerrejja, li lilhom ikunu twettqu l-kunsenji, minflok ma jiġu assenjati lir-riserva nazzjonali, għalkemm din il-possibbiltà ma kinitx prevista, fil-kuntest tal-formula B, fid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 857/84, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament Nru 1371/84 u l-Artikolu 4(1)(a) u (2) tar-Regolament Nru 857/84.

12     Fir-rigward ta’ din il-leġiżlazzjoni (iktar ’il quddiem il-"leġiżlazzjoni l-antika"), il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal-25 ta’ Novembru 1986, Klensch et (201/85 u 202/85, Ġabra p. 3477), iddeċidiet:

"1)      Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 40(3) tat-Trattat tipprekludi Stat Membru milli jagħżel is-sena 1981 bħala sena ta’ referenza, fis-sens ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 857/84 tal-31 ta’ Marzu 1984, meta, minħabba fil-kundizzjonijiet fis-suq tagħha, l-applikazzjoni ta’ din l-għażla fit-territorju tagħha twassal għal diskriminazzjoni bejn produtturi fil-Komunità.

2)      L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 857/84 tal-31 ta’ Marzu 1984, jipprekludi, ħlief fil-każijiet speċifiċi previsti fil-leġizlazzjoni, li Stat Membru li jkun għażel is-sena 1981 bħala sena ta’ referenza fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jiddetermina l-kwantità ta’ referenza tax-xerrejja billi japplika għall-kwantità ta’ ħalib mixtrija minnhom waqt dan il-perijodu perċentaġġ li jvarja skond il-livell tal-kunsenji ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni taxxabbli.

3)      Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 857/84 tal-31 ta’ Marzu 1984, jipprekludi lil Stat Membru li jkun għażel il-formula B milli jassenja l-kwantità ta’ referenza individwali ta’ produttur li jkun waqqaf l-attività tiegħu lill-kwantià ta’ referenza tax-xerrej li lilu dan il-produttur ikun qed jikkunsenja l-ħalib fil-mument tal-waqfien, minflok ma jassenja din il-kwantità lir-riżerva nazzjonali."

13     Wara s-sentenza Klensch et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Conseil d’État (il-Lussemburgu), permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Frar 1987, annulla d-deċiżjonijiet ministerjali li kienu jistabbilixxu l-kwoti individwali abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawżi pendenti quddiemu.

14     Fuq il-livell leġiżlattiv, ir-Regolament tal-Gran Dukat ta’ l-1985 kif ukoll dispożizzjonijiet oħra preċedenti ġew abrogati permezz ta’ l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Grand Dukat tas-7 ta’ Lulju 1987, dwar l-applikazzjoni, fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tas-sistema ta’ taxxa addizzjonali fuq il-ħalib (Mémorial 1987, p. 850, iktar ’il quddiem ir-"Regolament tal-Gran Dukat ta’ l-1987"), li stabbilixxa sistema ġdida ta’ taxxa (iktar ’il quddiem il-"leġiżlazzjoni l-ġdida ").

15     Ir-Regolament tal-Gran Dukat ta’ l-1987 ingħata effett retroattiv permezz tal-liġi tas-27 ta’ Awwissu 1987 li għamel applikabbli għas-snin tal-ħalib ta’ qabel l-1987/88 id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Gran Dukat tas-7 ta’ Lulju 1987 dwar l-applikazzjoni, fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tas-sistema ta’ taxxa addizzjonali fuq il-ħalib (Mémorial 1987, p. 1698). L-uniku Artikolu ta’ din il-liġi jipprovdi li dan ir-Regolament huwa applikabbli għall-perijodi ta’ tnax-il xahar ta’ applikazzjoni tat-taxxa addizzjonali fuq il-ħalib li bdew fit-2 ta’ April 1984, fl-1 ta’ April 1985 u fl-1 ta’ April 1986, rispettivament, u jipprovdi għal assenjazzjoni ġdida tal-kwantitajiet ta’ referenza abbażi ta’ dan l-istess Regolament.

16     L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Gran Dukat ta’ l-1987 iżomm l-għażla mwettqa qabel mill-awtoritajiet Lussemburgiżi, jiġifieri l-formula B. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament jagħżel bħala sena ta’ referenza mhux iktar l-1981, iżda l-1983, li fiha l-kwantitajiet ta’ ħalib ikkunsenjati naqsu b'perċentaġġ totali li jirrappreżenta t-total ta’ żewġ fatturi, li wieħed minnhom huwa determinat skond il-volum tal-kunsenji ta’ ħalib lil xerrej mill-fornitur ikkonċernat matul is-sena 1983 u l-ieħor skond iż-żieda, matul din l-aħħar sena, fil-kunsenji ta' ħalib lil xerrej meta pparagunat ma’ dawk li twettqu fl-1981 mill-istess azjenda. Ir-Regolament ma jipprovdix iktar għall-assenjazzjoni tal-kwantitajiet ta’ referenza individwali tal-produtturi li jkunu waqqfu l-attività tagħhom lix-xerrej ta’ dawn ta' l-aħħar.

17     Wara l-implementazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni l-ġdida, il-Ministeru ta’ l-Agrikoltura Lussemburgiż stabbilixxa l-kwoti għal diversi xerrejja għal kull sena tal-ħalib mit-2 ta’ April 1984. L-awtoritajiet Lussemburgiżi m’applikaw lil ebda produttur ikkonċernat taxxa ogħla minn dik li kienet tiġi applikata bir-Regolamenti tal-Gran Dukat ta’ l-1984 u ta’ l-1985. L-iktar sitwazzjoni favorevoli ġiet applikata.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18     Is-Sur Gerekens huwa wieħed mill-64 produtturi tal-ħalib Lussemburgiżi affiljati ma’ Procola li kienu mitluba jħallsu taxxa addizzjonali fuq il-ħalib għall-perijodi tal-ħalib 1985/1986 u 1986/1987. Jirriżulta minn ittra mibgħuta fil-15 ta’ Marzu 1988 mill-Ministeru għall-Agrikoltura Lussemburgiż lil Procola li, fir-rigward tas-Sur Gerekens, it-taxxa dovuta taħt il-leġiżlazzjoni l-antika kienet ta’ 297 298 LUF, filwaqt li t-taxxa dovuta taħt il-leġiżlazzjoni l-ġdida kienet tammonta għal 114 860 LUF. Intgħażel dan l-aħħar ammont abbażi tas-sitwazzjoni l-iktar favorevoli għall-produttur, iżda miegħu ġew miżjuda 14 334 LUF bħala interessi għad-dewmien fil-ħlas. Is-Sur Gerekens u Procola talbu lill-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu jħallashom lura din is-somma, billi invokaw ir-retroattività illegali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Din it-talba hija bbażata fuq l-allegati danni li sofrew minħabba fl-iżbalji magħmula minn dan l-Istat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar it-taxxa addizzjonali fuq il-ħalib.

19     Billi t-talbiet tas-Sur Gerekens u Procola ġew miċħuda kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, huma appellaw quddiem il-Cour de cassation.

20     Billi qieset li l-kawża li tressqet quddiemha tqajjem kwistjoni ta' interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li għadha ma kinitx is-suġġett ta’ deċiżjoni preliminari mogħtija f’każ simili, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

"Il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju taċ-ċertezza legali u tan-non-retroattività jipprekludu li, għall-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja li timponi kwoti ta’ produzzjoni, bħal dik stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 856/84 tal-31 ta’ Marzu 1984 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 804/68 fuq l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib […] u mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 857/84 tal-31 ta’ Marzu 1984 li jadotta regoli ġenerali għall-applikazzjoni tat-taxxa prevista fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib […], Stat Membru jadotta, minflok leġiżlazzjoni preċedenti meqjusa bħala diskriminatorja mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, leġiżlazzjoni ġdida li tippermetti li tiġi sanzjonata retroattivament il-produzzjoni li taqbeż il-kwoti ta’ produzzjoni li sseħħ wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti Komunitarji, iżda taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali li ġiet sostitwita?"

 Fuq id-domanda preliminari

21     Ir-rekwiżiti li joħorġu mill-protezzjoni tal-prinċipji ġenerali rikonoxxuti fis-sistema ġuridika Komunitarja jorbtu lill-Istati Membri anki meta jkunu qed jimplementaw leġiżlazzjoni Komunitarja.

22     Fost dawn il-prinċipji ġenerali hemm iċ-ċertezza legali (ara s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz (C-453/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 24).

23     Għalkemm, bħala regola ġenerali, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jipprekludi att Komunitarju milli jkollu effett minn data preċedenti għall-pubblikazzjoni tiegħu, jista’, eċċezzjonalment, jiġri mod ieħor meta l-għan li jrid jintlaħaq hekk jitlob u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament irrispettati (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest, C-143/88 u C-92/89, Ġabra p. I-415, punt 49, u tat-22 ta’ Novembru 2001, l-Olanda vs il-Kunsill, C‑110/97, Ġabra p. I-8763, punt 151).

24     Bl-istess mod, il-prinċipju taċ-ċertezza legali ma jiġix miksur minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun applikabbli retroattivament, meta l-għan li jrid jintlaħaq hekk jitlob u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament irrispettati.

25     L-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li tiġi implementata s-sistema ta’ taxxa addizzjonali fuq il-ħalib, skond l-obbligu impost fuq l-Istati Membri bl-Artikolu 5c(1) tar-Regolament Nru 804/68. Din is-sistema tfittex li tistabbilixxi mill-ġdid l-ekwilibriju bejn l-offerta u t-talba fis-suq tal-ħalib, li huwa kkaratterizzat minn produzzjoni żejda strutturali, billi tillimita l-produzzjoni tal-ħalib (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 1988, Erpelding, 84/87, Ġabra p. 2647, punt 26). L-għan tagħha jista’ biss jintlaħaq jekk il-kwantitajiet kollha prodotti li b’xi mod jew ieħor jidħlu fis-suq u b’hekk jinfluwenzaw l-offerta u t-talba jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-ewwel perijodu ta’ tnax-il xahar li jibda fl-1 ta’ April 1984.

26     Għalhekk, Stat Membru jxekkel dan l-għan u jqiegħed fil-periklu l-effikaċja tas-sistema ta’ taxxa addizzjonali fuq il-ħalib jekk ma jissostitwix leġiżlazzjoni nazzjonali intiża biex timplementaha li tirriżulta mhux konformi mad-dritt Komunitarju b’leġiżlazzjoni ġdida li jkollha effett retroattiv. Ma jista’ jkun hemm l-ebda eċċezzjoni għall-obbligu li jiġu implementati regolamenti li jistabbilixxu s-sistema ta’ taxxa fuq il-ħalib, billi dawn huma obbligatorji fl-aspetti kollha tagħhom minn meta jidħlu fis-seħħ.

27     Konsegwentement, l-għan imfittex minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali jeżiġi li, sabiex is-sistema ta’ taxxa addizzjonali fuq il-ħalib tiġi implimentata b’mod korrett u effikaċi, l-applikazzjoni ta’ din is-sistema għandha tkun b’effett retroattiv.

28     F’dak li jirrigwarda l-eventwali ksur taċ-ċertezza legali tal-persuni kkonċernati, għandu jiġi mfakkar li kull operatur ekonomiku li istituzzjoni tkun nisslet fih tamiet iġġustifikati jista’ jibbenefika mill-prinċipju tal-protezzjoni taċ-ċertezza legali (sentenza tal-15 ta’ April 1997, Irish Farmers Association et, C-22/94, Ġabra p. I-1809, punt 25).

29     Il-prinċipju tal-protezzjoni taċ-ċertezza legali jista’ biss jiġi invokat fil-konfront ta’ leġiżlazzjoni safejn l-awtoritajiet pubbliċi nfushom ikunu preċedentement ħolqu sitwazzjoni li tista’ tnissel ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Weidacher, C-179/00, Ġabra p. I-501, punt 31). Minbarra dan, meta operatur ekonomiku prudenti u għaqli jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura ta’ natura li tista’ taffettwa l-interessi tiegħu, ma jistax jinvoka tali prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Irish Farmers Association et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

30     F’din il-kawża, ir-rikorrenti ma jinvokawx xi aspettattiva li r-Regolamenti tal-Gran Dukat ta’ l-1984 u ta’ l-1985 jibqgħu japplikaw għal dejjem. Huma jistrieħu biss fl-aspettattiva tagħhom li l-leġiżlazzjoni l-ġdida ma tkunx retroattiva.

31     Issa mill-istorja kronoloġika ta’ din il-leġiżlazzjoni, kif ġiet spjegata fid-dettall mill-istess rikorrenti fil-kawża prinċipali fis-sottomissjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma joħorġux biżżejjed elementi li permezz tagħhom jista’ jiġi konkluż li l-operaturi ekonomiċi setgħu jkollhom aspettattiva leġittima fil-fatt li ż-żmien bejn l-1 ta’ April 1984 u d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Gran Dukat ta’ l-1987 ma kienx ser ikun kopert minn leġiżlazzjoni nazzjonali intiża biex tiġi implementata s-sistema Komunitarja ta’ taxxa addizzjonali fuq il-ħalib.

32     Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar mill-imsemmija sottomissjonijiet li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti qatt ma taw lok għall-iċken dubju dwar il-fatt li r-Regolamenti tal-Gran Dukat ta’ l-1984 u ta’ l-1985 kienu ser jiġu sostitwiti b’leġiżlazzjoni ġdida b’effett retroattiv. Kien biss il-mod kif kellu jingħata tali effett lil din il-leġiżlazzjoni li kien is-suġġett ta’ diskussjoni fuq livell nazzjonali, sabiex jiġi żgurat li tali retroattività tkun konformi mad-dritt Lussemburgiż.

33     Għalhekk, operaturi ekonomiċi bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien imisshom stennew li r-Regolament tal-Gran Dukat ta’ l-1987 kien ser jiġi implementat b’effett retroattiv. Minbarra dan, setgħu jipprevedu l-adozzjoni ta’ tali miżura minħabba li s-sitwazzjoni ta’ produzzjoni żejda fis-suq tal-ħalib baqgħet tippersisti u minħabba l-obbligu ta’ l-Istat Membri li jimplimentaw is-sistema tat-taxxa addizzjonali fuq il-ħalib mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, jiġifieri l-1 ta’ April 1984. Għalhekk, mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti Nru 856/84 u Nru 857/84, ma setgħux jistennew li l-produtturi ma kinux ser ikunu suġġetti għal taxxa addizzjonali fuq il-kwantitajiet ta’ ħalib tal-baqra prodotti li jaqbżu l-kwoti assenjati lil dawn il-produtturi.

34     Lanqas ma jista’ jiġi kkontestat l-effett retroattiv tar-Regolament tal-Gran Dukat ta’ l-1987 abbażi ta’ l-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li, mill-aspett ekonomiku, it-taxxa addizzjonali kellha l-effetti kollha ta’ miżura penali safejn tippenalizza l-produttur li jkun qabeż il-kwota tiegħu approporzjon eżatt ta’ din il-produzzjoni żejda.

35     Huwa minnu li l-prinċipju tan-non-retroattività tad-dispożizzjonijiet kriminali huwa prinċipju komuni għas-sistemi ġuridiċi kollha ta’ l-Istati Membri, stabbilit bħala dritt fondamentali fl-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, li tagħmel parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħhom (is-sentenzi ta’ l-10 ta’ Lulju 1984, Kirk, 63/83, Ġabra p. 2689, punt 22, u tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra p. I-4023, punt 42).

36     Madankollu, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-taxxa addizzjonali ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sanzjoni analoga għall-penalitajiet previsti fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 536/93 tad-9 ta’ Marzu 1993, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tat-taxxa addizzjonali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 57, p. 12) (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Marzu 2004, Cooperativa Lattepiù et, C‑231/00, C-303/00 u C-451/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 74, u Azienda Agricola Ettore Ribaldi et, C-480/00 sa C-482/00, C‑484/00, C-489/00 sa C‑491/00 u C-497/00 à C-499/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 58).

37     Fil-fatt, it-taxxa addizzjonali fuq il-ħalib tikkostitwixxi restrizzjoni li tirriżulta mir-regoli tal-politika tas-suq jew tal-politika strutturali. Hija tagħmel parti minn interventi intiżi biex jirregolarizzaw is-swieq agrikoli u hija intiża biex tiffinanzja l-ispejjeż tas-settur tal-ħalib. Minn dan jirriżulta li, minbarra l-għan evidenti tagħha li tobbliga lill-produtturi tal-ħalib jirrispettaw il-kwantitajiet ta’ referenza assenjati lilhom, it-taxxa addizzjonali għandha wkoll għan ekonomiku safejn hija intiża biex tikseb għall-Komunità l-fondi neċessarji biex tiddisponi mill-produzzjoni magħmula mill-produtturi li taqbeż il-kwoti tagħhom (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Cooperativa Lattepiù et, punti 74 u 75, u Azienda Agricola Ettore Ribaldi et, punti 58 u 59).

38     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li t-tweġiba għad-domanda mressqa għandha tkun li l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju taċ-ċertezza legali u tan-non-retroattività ma jipprekludux li, għall-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja li timponi kwoti ta’ produzzjoni, bħal dik stabbilita mir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 856/84 u Nru 857/84, Stat Membru jadotta, minflok leġiżlazzjoni preċedenti meqjusa bħala diskriminatorja mill-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni ġdida li tapplika retroattivament għall-produzzjoni li taqbeż il-kwoti ta’ produzzjoni li sseħħ wara d-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-Regolamenti, iżda taħt is-sistema tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li ġiet sostitwita.

 Fuq l-ispejjeż

39     L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Lussemburgiż u mill-Kummissjoni, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),

bi tweġiba għad-domanda li tressqet quddiemha mill-Cour de cassation, permezz ta’ sentenza ta’ l-14 ta’ Novembru 2002, taqta’ u tiddeċiedi:

Il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju taċ-ċertezza legali u tan-non-retroattività ma jipprekludux li, għall-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja li timponi kwoti ta’ produzzjoni, bħal dik stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 856/84 tal-31 ta’ Marzu 1984 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 804/68 fuq l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib u mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 857/84 tal-31 ta’ Marzu 1984 li jadotta regoli ġenerali għall-applikazzjoni tat-taxxa prevista fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, Stat Membru jadotta, minflok leġiżlazzjoni preċedenti meqjusa bħala diskriminatorja mill-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni ġdida li tapplika retroattivament għall-produzzjoni li taqbeż il-kwoti ta’ produzzjoni li sseħħ wara d-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-Regolamenti, iżda taħt is-sistema tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li ġiet sostitwita.

Rosas

Schintgen

Colneric

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-15 ta' Lulju 2004.

R. Grass

 

A. Rosas

Reġistratur

 

President tat-Tielet Awla


** Lingwa tal-kawża il-Franciż.

Top