Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0442

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta' Ottubru 2004.
    CaixaBank France vs Ministère de l'Économie, des Finances et de l'Industrie.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Conseil d'État - Franza.
    Libertà ta' stabbiliment - Stabbilimenti ta' kreditu - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi remunerazzjoni fuq kontijiet ta' depożitu 'a vista'.
    Kawża C-442/02.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:586

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    5 ta' Ottubru 2004 (*)

    "Libertà ta' stabbiliment – Stabbilimenti ta' kreditu – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi remunerazzjoni fuq kontijiet ta' depożitu 'a vista'"

    Fil-kawża C-442/02

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Conseil d'État (Franza), b'deċiżjoni tas-6 ta' Novembru 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta' Diċembru 2002, fil-proċedura

    Caixa Bank France

    vs

    Ministère de l'Économie, des Finances et de l'Industrie,

    Fil-preżenza ta':

    Banque fédérale des banques populaires e. a.,

     

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, C. Gulmann, J.-P. Puissochet, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), Presidenti ta' l-Awla, R. Schintgen,  N. Colneric, M. S. von Bahr,  R. Silva de Lapuerta, u M. K. Lenaerts, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M . A. Tizzano,

    Reġistratur:  M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,

     

    wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

    - għal Caixa Bank France, minn M. Dany, avocat, u M. G. Castello, amministratur direttur ġenerali,

    - għall-Banque fédérale des banques populaires et., minn A. Barav, avocat u barrister,

    - għar-Repubblika Franċiża, minn R. Abraham, G. de Bergues, D. Petrausch et F. Alabrune, bħala aġenti, u M. E. Fernández-Bollo, bħala espert nazzjonali,

    - mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn  M. Patakia u M. G. Zavvos, bħala aġenti,

    wara li semgħet  il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta' Marzu 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba ta' deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 43 KE.

     Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

    2       Skond l-Artikolu L. 312-3 tal-Code monétaire et financier, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għal dan il-każ:

    "Bla ħsara għall kull dispożizzjoni kuntrarja, huwa pprojbit għal kull stabbiliment ta' kreditu li jirċievi flus mill-pubbliku għal kontijiet 'a vista' jew kontijiet għal inqas minn ħames snin, b'kull mezz li jkun, li jsir ħlas fuq dawk il-flus li jaqbeż dak iffissat bir-regolament mill-Kumitat ta' Regolamentazzjoni Bankarja u Finanzjarja jew mill-Ministru responsabbli għall-Ekonomija."

    3       Ir-Regolament Nru 86-13 tal-Comité de la réglementation bancaire et financière (Kumitat ta' Regolamentazzjoni Bankarju u Finanzjarju) approvat b'deċiżjoni tal-Ministre de l'Èconomie et des Finances (Ministru ta' l-Ekonomija u Finanzi), ta' l-14 ta' Mejju 1986 (JORF tal-15 ta' Mejju 1986 p.6330), ipprojbixxa r-remunerazzjoni tal-kontijiet 'a vista'.

    4       L-imsemmija projbizzjoni tapplika għal kontijiet f'EUR miftuħa minn residenti ta' Franza, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom.

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    5       Mit-18 ta' Frar 2002, Caixa Bank France (aktar 'il quddiem "Caixa Bank"), kumpannija Franċiża li għandha l-bażi tagħha fi Franza u li hija kumpannija sussidjarja ta' Caixa Holding, kumpannija Spanjola li għandha l-bażi tagħha fi Spanja, b'investimenti tal-grupp Caixa fl-istabbilimenti ta' kreditu stabbiliti taħt dak l-isem fi Spanja u f'pajjiżi oħrajn ta' l-Unjoni Ewropea, tikkumerċjalizza fi Franza kont ta' depożitu 'a vista' jagħti 2 % fis-sena li jibda minn bilanċ ta' 1,500 EUR. B'deċiżjoni tal-Kumitat ta' Regolamentazzjoni Bankarju u Finanzjarju tas-16 ta' April 2002, Caixa Bank ġiet, minn naħa, ipprojbita milli tikkonkludi kuntratti ġodda ma' residenti ta' Franza, għal remunerazzjoni ta' kontijiet 'a vista' f'EUR, u, min-naħa l-oħra, li tħassar klawżoli f'kuntratti eżistenti li pprovdew għal remunerazzjoni għal dawn il-kontijiet.

    6       Caixa Bank appellat kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Conseil d’État, li ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    "1.      Fis-silenzju tad-Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill 2000/12/KE ta' l-20 ta' Marzu 2000, il-projbizzjoni imposta minn Stat Membru għal stabbilimenti bankarji stabbiliti fit-territorju tiegħu, li jikkumpensa kontijiet 'a vista' u flus oħrajn li jkunu kkumpensati, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment?

    2.      Fil-każ ta' risposta pożittiva għall-ewwel domanda, x'inhi n-natura tar-raġunijiet ta' interess ġenerali li jistgħu, jekk inhu l-każ, jiġu invokati biex jiġġustifikaw din it-tip ta' restrizzjoni?"

     Fuq id-domandi preliminari

    7       Għandu jiġi rrilevat preliminarjament li d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/12/KE ta' l-20 ta' Marzu 2000, dwar l-aċċess għan-negozju ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 126, p. 1), mhijiex applikabbli fil-każ bħal dan li hemm fil-kawża prinċipali, sa fejn, b'mod partikolari, din id-Direttiva ma tużax ir-restrizzjonijiet għall-istabbiliment tal-kumpanniji, li, bħal Caixa Bank, jagħmlu użu tad-dritt ta' l-istabbiliment fi Stat Membru kif ukoll kumpanniji sussidjarji ta' stabbilimenti ta' kreditu stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

    8       B'dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju ssaqsi fis-sustanza jekk l-Artikolu 43 KE jipprekludix leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tipprojbixxi lil stabbiliment ta' kreditu, sussidjarja ta' kumpannija ta' Stat Membru ieħor, li tikkumpensa l-kontijiet ta' depożitu f'EUR, miftuħa minn residenti ta' l-ewwel Stat Membru.

    9       Id-dritt ta' stabbiliment previst fl-Artikolu 43 KE, moqri flimkien ma' l-Artikolu 48 KE, jingħata kemm lil persuni fiżiċi li huma ċittadini ta' Stat Membru kif ukoll lil persuni morali fis-sens ta' din l-aħħar dispożiżżjoni. Huwa jinkludi, bla ħsara ta' l-eċċezzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti, l-aċċess fit-territorju ta' dan l-Istat Membru ieħor għal kull xorta ta' attivitajiet mhux remunerata u l-eżerċizzju tagħhom, kif ukoll il-kostituzzjoni u tmexxija ta' impriżi, il-ħolqien ta' aġenziji, fergħat jew sussidjarji (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta' Mejju 1999, Pfeiffer, Ġabra p. I-2835, punt 18).

    10     Is-sitwazzjoni ġuridika ta' kumpannija bħal Caixa Bank taqa' fl-ambitu tal-liġi Komunitarja skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 43 KE.

    11     L-Artikolu 43 KE timponi t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' l-istabbiliment. Għandhom jiġu kkunsidrati bħala restrizzjonijiet bħal dawn, il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jimpedixxu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta' din il-libertà (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta' Novembru 1995, Gebhard, C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 37, ta' l-1 ta' Frar 2001, Mac Quen et., C-108/96, Ġabra p. I-837, punt 26, u tas-17 ta' Ottubru 2002, Payroll et., C-79/01, Ġabra p. I-8923, punt 26).

    12     Il-projbizzjoni ta' remunerazzjoni għal kontijiet ta' depożitu 'a vista', kif previst mil-leġiżlazzjoni Franċiża, tikkostitwixxi għall-kumpanniji ta' Stati Membri oħrajn barra r-Repubblika Franċiża restrizzjoni serja ta' l-eżerċizzju ta' l-attivitajiet tagħhom permezz ta' l-intervent intermedjarju ta' sussidjarja f'dan l-aħħar Stat Membru, li jaffettwa l-aċċess tagħhom fis-suq. Għalhekk din l-interdizzjoni għandha tkun analizzata bħala restrizzjoni skond l-Artikolu 43 KE.

    13     Fil-fatt, l-imsemmija projbizzjoni żżomm stabbilimenti li huma sussidjarji ta' kumpanniji barranin, mill-ġbir tal-kapital mill-pubbliku u tneħħi l-possibbiltà ta' kompetizzjoni iktar effettiva, billi ssir remunerazzjoni fuq kontijiet 'a vista', ma' l-istabbilimenti ta' kreditu tradizzjonalment ibbażati fl-Istat Membru ta' stabbiliment, li għandhom xibka wiesgħa ta' fergħat u għalhekk iktar opportunitajiet minn dawk sussidjarji, li jiġbru l-kapital mill-pubbliku.

    14     Għalhekk, meta stabbilimenti ta' kreditu, sussidjarji ta' kumpannija barranija, ifittxu li jippruvaw jidħlu fis-suq ta' Stat Membru ieħor, jikkompetu permezz tar-rata ta' remunerazzjoni fuq kontijiet ta' depożitu 'a vista', dan jikkostitwixxi wieħed mill-metodi iktar effikaċi għal dan il-għan. L-aċċess għas-suq għal dawn l-istabbilimenti huwa għalhekk iktar diffiċli bi projbizzjoni bħal din.

    15     Jekk il-Gvern Franċiż sostna matul is-seduta li jeżistu forom ta' kontijiet li jikkumparaw ma' kontijiet ta' depożitu 'a vista', kif inhuma l-kontijiet fissi ta' 15 il-ġurnata, li mhumiex milquta mir-restrizzjoni ta' remunerazzjoni u li kkontribwew li jippermettu lil stabbilimenti ta' kreditu bħal Caixa Bank li jikkompetu ma' stabbilimenti ta' kreditu Franċiż fil-ġbir ta' fondi mill-pubbliku u jżidu s-sehem tagħhom fis-suq, dan l-istess Gvern madankollu ammetta li dawn il-kontijiet, kuntrarjament għal kontijiet ta' depożitu 'a vista', ma jħallux l-użu ta' karti bankarji jew ċekkijiet. Il-projbizzjoni in kwistjoni tikkawża retsrizzjoni għall-istabbilimenti ta' kreditu, bħal Caixa Bank fl-attività tagħhom ta' ġbir ta' kapital mill-pubbliku, li ma jistgħux jirrimedjaw għall-eżistenza tal-forom l-oħrajn ta' kontijiet li d-depożiti jiġu rremunerati.

    16     Ir-restrizzjoni għall-eżerċizzju u għall-iżvilupp ta' l-attivitajiet mill-imsemmija sussidjarji, fejn il-projbizzjoni ħolqot dan, hija aktar importanti meta jiġi ikkonstatat li t-teħid ta' depożiti mill-pubbliku u l-għoti ta' krediti jirrappreżentaw l-attivitajiet prinċipali ta' stabbilimenti ta' kreditu (ara, f'dan is-sens, b'mod partikolari, l-Artikolu 1(1) u Anness I tad-Direttiva 2001/1).

    17     Jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li, meta bħal fil-kawża prinċipali, miżura bħal din tapplika għall-persuni jew għall-impriżi kollha li jeżerċitaw attività fit-territorju ta' l-Istat Membru li jilqagħhom, din tista' tiġi ġġustifikata jekk tissodisfa raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali, kif ukoll tkun adatta għall-ksib ta' l-għan li timmira għalih, u ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ sabiex tikseb dan (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-4 ta' Lulju 2000, Haim, C-424/97, Ġabra, p. I-5123, punt 57; Mac Quen et., iċċitata aktar 'il-fuq, punt 26, u tal-15 ta' Jannar 2002, il-Kummissjoni vs l-Italja, C-439/99, Ġabra p. I-305, punt 23).

    18     Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk ir-raġunijiet imressqa mill-Gvern Franċiż jissodisfawx dawn il-kriterji.

    19     Sabiex jiġġustifika r-restrizzjoni tal-libertà ta' stabbiliment li tirriżulta mid-dispożizzjoni in kwistjoni, il-Gvern Franċiż invoka kemm il-protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll l-inċentivazzjoni għat-tfaddil għal żmien medju u fit-tul.

    20     L-ewwel nett, il-projbizzjoni fil-kawża prinċipali hija meħtieġa sabiex is-servizzi bankarji ta' bażi jinżammu mingħajr ħlas. Id-dħul ta' kumpens ta' kontijiet ta' depożitu 'a vista' iżid ħafna l-ispejjeż kummerċjali sostnuti mill-banek, li, biex jiġu kkumpensati, iżidu l-fatturazzjoni u s-sistema ta' tariffi għal servizzi bankarji varji li bħalissa huma pprovduti b'xejn, partikolarment il-ħruġ ta' ċekkijiet.

    21     Għandu madankollu jiġi rrilevat li, waqt li l-protezzjoni tal-konsumaturi tissemma fost r-raġunijiet imperattivi li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal-liberta fundamentali ggarantita mit-Trattat KE, il-projbizzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi, anki jekk wieħed jassumi li tippreżenta b'mod definittiv għall-konsumatur ċerti vantaġġi, miżura li tmur lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jinkiseb l-imsemmi għan.

    22     Fil-fatt, anki jekk wieħed jassumi li t-tneħħija tal-projbizzjoni ta' remunerazzjoni għal kontijiet ta' depożitu 'a vista' iġġib inevitabbilment għall-konsumatur żjieda fl-ispiża tas-servizzi bankarji bażiċi jew il-ħruġ ta' ċekkijiet, jista' partikolarment jitqies li b'hekk jippermetti lil konsumatur li jagħżel bejn kont ta' depożiti 'a vista' mhux remunerat u ċerti servizzi bankarji bażiċi li jinżammu b'xejn, u kont ta' depożitu 'a vista' ma' stabbiliment ta' kreditu li jista' jitlob ħlas għal servizzi bankarji li qabel kienu mogħtija b'xejn, bħal ħruġ ta' ċekkijiet.

    23     Rigward it-tħassib ta' l-awtoritajiet Franċiżi li jħeġġu t-tfaddil fit-tul, għandu jiġi osservat li, waqt li l-projbizzjoni ta' remunerazzjoni għal kontijiet ta' depożitu huwa adatt għat-tħeġġiġ ta' tfaddil medju u fit-tul, madankollu din hija miżura li tmur lil hinn minn dak meħtieġ għall-kisba ta' dan l-għan.

    24     Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, hemm lok li jingħataw risposti lid-domandi preliminari fis-sens li l-Artikolu 43 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tipprojbixxi lil stabbiliment ta' kreditu, sussidjarja ta' kumpannija ta' Stat Membru ieħor, li teffettwa remunerazzjoni ta' l-kontijiet ta' depożitu 'a vista' f'EUR, miftuħa minn residenti fl-ewwel Stat Membru.

     Fuq l-ispejjeż

    25     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta' u tiddeċiedi li:

    L-Artikolu 43 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tipprojbixxi lil stabbiliment ta' kreditu, sussidjarja ta' kumpannija ta' Stat Membru ieħor, li teffettwa remunerazzjoni ta' kontijiet ta' depożitu 'a vista' f'EUR, miftuħa minn residenti fl-ewwel Stat Membru.

    Firem.


    * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top