Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0379

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-Sitt Awla) tas-7 ta' Ottubru 2004.
Skatteministeriet vs Imexpo Trading A/S.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Østre Landsret - id-Danimarka.
Tariffa komuni tad-dwana - Titoli tat-tariffi - Klassifikazzjoni fin-nomenklatura kkumbinata - Sostenji għal siġġijiet bir-roti.
Kawża C-379/02.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:595

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (is-Sitt Awla)

7 ta' Ottubru 2004 (*)

"Tariffa komuni tad-dwana – Titoli tat-tariffi - Klassifikazzjoni fin-nomenklatura kkumbinata – Sostenji għal siġġijiet bir-roti"

Fil-kawża C-379/02

Li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, ippreżentata mill-Østre Landsret (id-Danimarka), b'deċiżjoni tal-15 ta' Ottubru 2002, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta' Ottubru 2002, fil-proċedura

Skatteministeriet

vs

Imexpo Trading A/S,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (is-Sitt Awla),

komposta minn J.-P. Puissochet (Relatur), President ta' l-Awla, S. von Bahr u A. Borg Barthet, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L.A. Geelhoed,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta' Lulju 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Imexpo Trading A/S, minn H.S. Hansen, T. Kristjánsson u P Stanstrup, advokaterne,

·għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent, assistit minn P. Biering, advokat,

·għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M.J. Schieferer u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li nstema' l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-nomenklatura kkumbinata, li hemm fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1734/96, tad-9 ta' Settembru 1996 (ĠU L 238, p. 1), mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2086/97, ta' l-4 ta' Novembru 1997 (ĠU L 312, p. 1), u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2204/99, tat-12 ta' Ottubru 1999 (ĠU L 278, p. 1, iktar 'il quddiem "in-nomenklatura kkumbinata").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Impexo Trading A/S (iktar 'il quddiem "Impexo") u Skatteministeriet (il-Ministeru tat-Taxxi u tas-Sisa) fir-rigward tal-klassifikazzjoni tat-tariffa tas-sostenji tas-siġġijiet bir-roti.

 Il-kuntest ġuridiku

3       In-nomenklatura kkumbinata għandha bħala għan li tapplika t-tariffa komuni tad-dwana u li tiffaċilita l-istabbiliment ta' statistiċi ta' kummerċ estern tal-Komunità u ta' politika oħra komunitarja dwar l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-merkanizija. Hija tidentifika l-merkanzija li hija s-suġġett ta' tranżazzjonijiet komunitarji ta' esportazzjoni jew ta' importazzjoni u tiffissa t-tariffa tad-dwana applikabbli għall-merkanzija importata.

4       In-nomenklatura kkumbinata hija bbażata fuq is-sistema armonizzata dinjija ta' deskrizzjoni u ta' kodifikazzjoni tal-merkanzija (iktar 'il quddiem is-"sistema armonizzata"), li minnha jittieħdu t-titolu u s-subtitolu ta' sitt ċifri, filwaqt li s-seba' u t-tmien ċifra jiffurmaw subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha. Is-sistema armonizzata tirriżulta mill-Konvenzjoni internazzjonali ffirmata fi Brussell fl-14 ta' Ġunju 1983, kif ukoll il-Protokoll tagħha li jemendaha, ta' l-24 ta' Ġunju 1986, li ġew approvati mill-Komunità bid-Deċiżjoni 87/369/KEE tal-Kunsill, tas-7 ta' April 1987 (ĠU L 198, p. 1). Din il-Konvenzjoni ġiet elaborata taħt l-awspiċju tal-Kunsill ta' kooperazzjoni tad-dwana, magħruf l-aktar bħala l-"Organizzazzjoni dinjija tad-dwani" mill-1994, istitwita mill-Konvenzjoni internazzjonali dwar in-nomenklatura għall-klassifikazzjoni tal-merkanzija fit-tariffi tad-dwani, iffirmata fi Brussell fil-15 ta' Diċembru 1950.

5       Sabiex tagħti l-iktar spjegazzjonijiet wiesgħa fuq l-applikazzjoni ta' sistema armonizzata, l-Organizzazzjoni dinjija tad-dwani regolarment tippubblika noti li jispjegaw is-sistema armonizzata. Barra minn hekk, sabiex tassigura l-applikazzjoni tan-nomenklatura kkumbinata, il-Kummissjoni telabora noti ta' spjegazzjoni ta' din in-nomenkaltura bis-saħħa tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru. 2658/87. Dawn in-noti, li huma regolarment ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, ma jissostitwixxux in-noti ta' spjegazzjoni tas-sistema armonizzata, imma għandhom jiġu kkunsidrati bħala noti li jikkumplementaw lil dawn ta' l-aħħar u għandhom jiġu kkonsultati flimkien.

6       L-interpretazzjoni tan-nomenklatura kkumbinata tinsab fit-titolu I tar-regoli ġenerali tagħha.

7       Ir-regola ġenerali 1 tiddisponi li:

"Il-formulazzjoni tat-titolu tas-sezzjonijiet, tal-kapitoli u tas-subkapitoli huwa kkunsidrat li għandu biss valur indikattiv, għaliex il-klassifikazzjoni hija ddeterminata legalment mit-termini tat-titoli u tan-noti tas-sezzjonijiet jew tal-kapitoli, sakemm dawn it-titoli u n-noti ma jitolbux mod ieħor, u skond ir-regoli li ġejjin."

8       Ir-regola ġenerali 3 tiddisponi li:

"Meta merkanzija tidher li trid tiġi kklassifikata taħt żewġ titoli jew aktar [...], il-klassifikazzjoni ssir kif ġej:

a)      It-titolu l-aktar speċifiku għandu jkollu priorità fuq it-titoli li huma aktar ġenerali. [...]

b)      [...]

c)      Fil-każ fejn [ir-regola 3(a) ma tippermettix] li tiġi affettwata l-klassifikazzjoni, il-merkanzija hija kklassifikata fl-aħħar pożizzjoni ta' l-ordni numerika fost dawk li l-aktar huma validi li jittieħdu in kunsiderazzjoni."

9       Fl-aħħar, skond ir-regola ġenerali 6:

"Il-klassifikazzjoni tal-merkanzija taħt is-sub-titoli ta' l-istess titolu hija legalment ddeterminata mit-termini ta' dawn is-sub-titoli u tan-noti tas-sub-titoli kif ukoll, mutatis mutandis, mir-regoli t'hawn fuq, basta li jistgħu jiġu kkomparati biss is-sub-titoli ta' l-istess livell. Fl-aħħar ta' dawn ir-regoli, in-noti tas-sezzjonijiet u tal-kapitoli huma ugwalment applikabbli salv għal dispożizzjonijiet kuntrarji."

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10     Imexpo timporta fil-Komunità biċċiet tal-materjal tal-plastik f'forom diversi, speċjalment maħsuba sabiex jitpoġġew fiż-żona ta' l-art użata minn siġġijiet bir-roti sabiex jiffaċilitaw il-moviment tagħhom filwaqt li jipproteġu l-art li jgħaddu minn fuqha (iktar 'il quddiem is-"sostenji għas-siġġijiet bir-roti").

11     L-awtoritajiet tad-dwana Daniżi u Imexpo jesprimu opinjonijiet diverġenti fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta' dawn is-sostenji għas-siġġijiet bir-roti fin-nomenklatura kkumbinata. L-awtoritajiet Daniżi jqisu li għandhom jiġu kklasifikati fil-kapitolu 39, dwar materjal tal-plastik u xogħlijiet b'dan il-materjal, fis-subtitolu 3918 10 90, li jikkonċerna b'mod partikolari l- "kisi ta' l-art b'materjal tal-plastik, kif ukoll li jwaħħal, f'rollijiet jew f'forom ta' madum jew ta' ċangatura" (titolu 3918), b'materjal tal-polimer tal-klorur tal-vinil (subtitolu 3918 10), li huma differenti minn dawk li jikkonsistu f'sostenn imħallat, miksi jew kopert minn kloru tal-polivinil (subtitolu 3918 10 90). Impexo tqis, minn naħa tagħha, li s-sostenji għas-siġġijiet bir-roti li hija timporta għandhom jiġu kklassifikati fil-kapitolu 94, li jikkonċerna b'mod partikolari l-għamara, taħt is-subtitolu 9403 70 90, dwar għamara, bl-eċċezzjoni tas-sedili, ta' l-għamara mediko-kirurġika, tas-siġġijiet għal ħanut tax-xagħar u siġġijiet simili (titolu 9403), magħmula mill-plastik (subtitolu 9403 70), barra minn dawk iddestinati għall-ajruplani (subtitolu 9403 70 90).

12     Matul is-snin 1997, 1998, 1999 u 2000, il-merkanzija kklassifikata taħt is-subtitolu 3918 10 90 ġiet suġġetta għal dazju doganali ta' 10.7%, 10.1%, 9.5% u 8.9% rispettivament, filwaqt li l-merkanzija taħt subtitolu 9403 70 90 ġiet suġġetta għal dazju doganali ta' 2.2%, 1.1% u 0% rispettivament għall-aħħar sentejn.

13     Mitlub jieħu konjizzjoni ta' kwistjoni li tirrigwarda t-taxxi li jridu jitħallsu minn Impexo għal dawn is-snin, l-Østre Landsret qies li huwa neċessarju li jqiegħed quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

"L-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni tad- Dwana (ĠU L 256, p. 1), emendata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1734/96, tad-9 ta' Settembru 1996, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE Nru 2086/97, ta' l-4 ta' Novembru 1997, u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2204/99, tat-12 ta' Ottubru 1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sostenji tas-siġġijiet bir-roti, li huma taħt forom separati tal-plastik, fi plastik trasparenti,

–       –bi ġnub dritti, tondi jew imżerżqa, li jistgħu jinqatgħu bil-magna jew ippressati fil-forom,

–       –b'oġġetti li jaqbdu ma' l-art, fil-parti ta' taħt (għal art li hija miksija b'tapit) jew mingħajrhom (għal parquets jew art oħra riġida),

–       –bi, jew mingħajr, strixxa ta' kontra ż-żlieq,

–       –bi, jew mingħajr, manku b'toqba,

–       –li jservi bħala bażi ta' appoġġ għal siġġijiet, sabiex tiġi protetta l-kisja ta' l-art eżistenti u li għandu funzjoni ergonomika,

–       –u li, il-bqija, huma deskritti fil-fuljett anness (Anness 1)

għandhom, għal perijodu li jmur mill-15 ta' Lulju 1997 sal-20 ta' Marzu 2000, jiġu kklassifikati bħala materjal tal-plastik li jiksi l-art imsemmi fis-[subtitolu] 3918 10 90 tal-kapitolu 39, jew bħala għamara b'materjal tal-plastik, imsemmi fis-[sub-titolu] 9403 70 90 tal-kapitolu 94?"

 Fuq l-applikabbiltà ta' l-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura

14     Meta l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li r-risposta għad-domanda mressqa mill-Østre Landsret ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, hija, skond l-Artikolu 104 (3) tar-Regoli tal-Proċedura, informat lill-qorti tar-rinviju li hija tipproponi li tagħti deċiżjoni permezz ta' digriet motivat, u stiednet lill-interessati skond l-Artikolu 23 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom fuq dan is-suġġett.

15     Il-Gvern Daniż u l-Kummissjoni ma ressqux oppożizzjoni. Madankollu, b'ittra tas-16 ta' April 2004, Impexo sostniet ċerti argumenti li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrinunzja għal din il-proċedura semplifikata.

 Fuq id-domanda preliminari

16     Il-kriterju deċiżiv għal klassifikazzjoni tal-merkanzija fin-nomenklatura kkumbinata għandu jiġi mfittex b'mod ġenerali fil-karatteristika u l-kwalità tagħha hekk kif iddefinita mit-termini tat-titoli u tan-noti tas-sezzjonijiet jew tal-kapitoli, kif ukoll tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-nomenklatura kkumbinata, sakemm dawn ma jmorrux kontra dawn it-termini. Barra minnhekk, in-noti ta' spjegazzjoni tas-sistema armonizzata minnhom infushom jiffurmaw strumenti validi għall-interpretazzjoni tan-nomenklatura kkumbinata (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta' Mejju 1994, siemens Nixdorf, C-11/93, Ġabra p. I-1945, punti 11 u 12). L-istess jgħodd għan-noti ta' spjegazzjoni tan-nomenklatura kkumbinata.

17     F'dan il-każ, sostenji għal siġġijiet bir-roti b'materjal tal-plastik bħal dawk in kwistjoni fil-kawża preżenti jistgħu jiġu kkunsidrati bħala oġġetti li jiksu l-art. Fil-fatt, dawn jikkonsistu f'tapiti ta' forom diversi, li waħda mill-funzjonijiet tagħhom hija li jipproteġu l-kisi ta' l-art. Issa, minn naħa, is-sens komuni tat-terminu "kisi" jirreferi għal xi ħaġa li tkopri sabiex tipproteġi jew tikkonsolida u, min-naħa l-oħra, kisja li tgħatti kisja ta' l-art għandha hija stess tiġi kkunsidrata bħala kisja ta' l-art. Il-kliem tal-kapitolu 57 tan-nomenklatura kkumbinata, intitolat "Tapiti u kisi ieħor ta' l-art b'materjal tat-tessili", kif ukoll kliem ieħor analogu ta' ħafna mit-titoli ta' l-istess kapitolu, jikkonfermaw li tapit, fil-prinċipju għandu jiġi kkunsidrat bħala kisi ta' l-art.

18     Sabiex taqa' taħt it-titolu 3918, kisi ta' l-art tal-materjal tal-plastik għandu wkoll jiġi ppreżentat f'rombli jew taħt forma ta' madum jew ċangaturi. Dan jirriżulta mill-istess kliem ta' l-ewwel parti ta' dan it-titolu "Kisi ta' l-art bil-materjal tal-plastik, kif ukoll li jeħel, f'rombli jew taħt forom ta' madum jew ta' ċangaturi […]" u dan huwa kkonfermat mill-ewwel inċiż tan-nota ta' spjegazzjoni tas-sistema armonizzata għal dan it-titolu, li tgħid: "l-ewwel parti ta' dan it-titolu tkopri l-materjal tal-plastik tat-tip normalment użat bħala kisi ta' l-art, f'rombli jew taħt forom ta' madum jew ta' ċangaturi. Irid jiġi indikat li l-kisi ta' l-art li jeħel jibqa' kklassifikat f'dan it-titolu".

19     Huwa kostanti li sostenji bħal dawk fil-kawża prinċipali ma jiġux f'rombli. Fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni ma jaqblux, min-naħa l-oħra, fuq in-natura tagħhom ta' madum jew ta' ċangaturi. Il-Kummissjoni tqis li dawn huma pjuttost biċċiet tal-plastik. Madankollu, skond is-sens komuni, iċ-ċangaturi u l-madum huma tip partikolari ta' biċċiet iddisinjati sabiex jiksu l-art. Impexo ssostni li l-madum u ċ-ċangaturi huma ġeneralment iddisinjati sabiex jiksu, flimkien ma' unitajiet oħra simili, wiċċ ta' art u li, ġaladarba jitpoġġew, il-kisi li jsir, fil-prinċipju, ma jistax jitneħħa, u dan ma jikkorispondix mal-karatteristiċi tas-sostenji għas-siġġijiet bir-roti. Madankollu, għalkemm huwa mingħajr dubju li dan it-tip ta' użu huwa wieħed mill-aktar frekwenti minn dan it-tip ta' prodotti, maduma jew ċangatura ma titlifx il-kwalità tagħha jekk tintuża b'mod iżolat fuq il-wiċċ li hija trid tipproteġi jew tiddekora u jekk ma tiġix imwaħħla b'mod stabbli. Sostenn għas-siġġijiet bir-roti jidher, b'dan il-mod, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dimensjonijiet tagħhom, qisu ċangatura, jiġifieri bħal biċċa plastik iddestinata li titpoġġa fuq wiċċ, f'dan il-każ il-wiċċ li fuqu s-siġġu tar-roti ser jimxi u li bih ser jiġi użat.

20     Il-prodotti in kwistjoni, konsegwentement jaqblu mad-definizzjoni ta’ "kisi ta’ l-art b’materjal tal-plastik, kif ukoll li jeħel, f’rombli jew taħt forom ta’ madum jew ċangaturi [...]" imsemmija fit-titolu 3918 tan-nomenklatura kkumbinata.

21     Fil-kuntest ta’ klassifikazzjoni fin-nomenklatura kkumbinata, meta merkanzija taqbel mad-definizzjoni ta’ titolu, xorta waħda tista’ tqum il-kwistjoni jekk din taqbilx ukoll mad-definizzjoni ta’ titolu ieħor li huwa aktar speċifiku fir-rigward tagħha, jew li minn ta' l-inqas jiddeskriviha bl-istess mod. B’mod partikolari, f’dan il-każ, f'kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali mitluba tieħu konjizzjoni dwar jekk jaqbilx li jinżamm titolu differenti mit-titolu 3918, u dan jew b'applikazzjoni tan-noti tal-kapitolu 39, jew b'applikazzjoni tar-regola ġenerali Nru 3, iċċitata fil-punt 8 ta’ din is-sentenza.

22     F’dan il-każ, Impexo ssostni li s-sostenji għas-siġġijiet bir-roti li hija timporta jaqgħu taħt is-subtitolu 9403 70 90 dwar ċerta għamara b'materjal tal-plastik. Jekk dan hu l-każ, huwa fil-fatt it-titolu 9403 li għandu jiġi pprivileġġat meta mqabbel mat-titolu 3918, peress li n-nota 2(u) tal-kapitolu 39 tippreċiża : "Il-kapitolu preżenti ma jikkomprendix […] l-oġġetti ta’ kapitolu 94 (għamara, […])". Skond ir-regola ġenerali 1 għall-interpretazzjoni ta’nomenklatura kkumbinata, din in-nota tipprevali fuq ir-regola ġenerali 3 b’mod partikolari taħt l-ittra (a), li tindika li t-titolu l-aktar speċifiku għandu jkollu prijorità fuq it-titoli li għandhom portata iktar ġenerali.

23     Għalhekk il-kwistjoni hija jekk is-sostenji għas-siġġijiet bir-roti b’materjal tal-plastik jistgħux effettivament jiġu kkunsidrati bħala għamara fis-sens tal-kapitolu 94. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet espliċiti fit-termini tat-titoli, subtitoli u noti tal-kapitolu 94 li jikkwalifikaw dawn il-prodotti bħala tali jew, bil-kontra, li jeskluduhom mill-kapitolu 94, hemm lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni n-noti ta’ spjegazzjoni tas-sistema armonizzata u, jekk huwa l-każ, tan-noti li jispjegaw in-nomenklatura kkumbinata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 1977 Dittmeyer, 69/76 u 70/76, Ġabra p. 231, punt 4, u tat-12 ta’ Marzu 1998, Laboratoires Sarget, C-270/96, Ġabra p. I‑1121, punt 16).

24     Issa, fil-kunsiderazzjonijiet ġenerali tan-noti ta’ spjegazzjoni tas-sistema armonizzata taħt il-kapitolu 94, huwa indikat:

"Skond dan il-kapitolu, għamara u mobbli tfisser

A)      l-oġġetti differenti mobbli li mhumiex inklużi fit-titoli l-aktar speċifiċi tan-Nomenklatura li huma magħmula sabiex jitqiegħdu fuq l-art […] u li jservu sabiex iżejnu, bi skop prinċipalment utilitarju, appartamenti […] uffiċini […]"

25     Meta jittieħdu in kunsiderazzjoni dawn l-indikazzjonijiet, jekk huwa minnu li s-sostenji għas-siġġijiet bir-roti tal-materjal tal-plastik, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, huma magħmula sabiex jitqiegħdu fuq l-art u jżejnu, bi skop prinċipalment utilitarju, tipi diversi ta’ postijiet, jidher li t-titolu 3918, li jinkludi l-"kisi ta’ l-art b’materjal tal-plastik, kif ukoll li jeħel, f’rombli jew taħt forom ta’ madum jew ċangaturi [...]", huwa aktar speċifiku mill-prodotti in kwistjoni li t-titolu 9403 intitolat "għamara oħra u l-partijiet tagħhom", li jkopri tipi ta’ għamara estremament varjati. Għalhekk, dawn il-prodotti ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala "għamara b’materjal tal-plastik" hekk kif previst taħt is-subtitolu 9403 70 90.

26     Għalhekk hemm lok li r-risposta għad-domanda li saret tkun li n-nomenklatura kkumbinata li tidher fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolamenti Nru 1734/96, 2086/97, 2261/98 u 2204/99, rispettivament, għandha tiġi interpretata fis-sens li, fi kwistjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, li fiha huwa sostnut b’mod kontradittorju mill-partijiet li s-sostenji għas-siġġijiet bir-roti b’materjal tal-plastik, bħal dawk tal-kawża prinċipali, jaqgħu taħt is-subtitolu 3918 10 90 u s-subtitolu 9403 70 90 tan-nomenklatura kkumbinata, għandu jiġi pprivileġġjat l-ewwel subtitolu.

 Fuq l-ispejjeż

27     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (is-sitt Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      In-nomenklatura kkumbinata li tidher fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni tad-Dwana, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1734/96, tad-9 ta' Settembru 1996, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2086/97, ta' l-4 ta' Novembru 1997, u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2204/99, tat-12 ta' Ottubru 1999 rispettivament, għandha tiġi interpretata fis-sens li, fi kwistjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, li fiha huwa sostnut b’mod kontradittorju mill-partijiet li s-sostenji għas-siġġijiet bir-roti b’materjal tal-plastik, bħal dawk tal-kawża prinċipali, jaqgħu taħt is-subtitolu 3918 10 90 u s-subtitolu 9403 70 90 tan-nomenklatura kkumbinata, għandu jiġi pprivileġġjat l-ewwel subtitolu.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

Top