This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62002CJ0189
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 28 June 2005.#Dansk Rørindustri A/S (C-189/02 P), Isoplus Fernwärmetechnik Vertriebsgesellschaft mbH and Others (C-202/02 P), KE KELIT Kunststoffwerk GmbH (C-205/02 P), LR af 1998 A/S (C-206/02 P), Brugg Rohrsysteme GmbH (C-207/02 P), LR af 1998 (Deutschland) GmbH (C-208/02 P) and ABB Asea Brown Boveri Ltd (C-213/02 P) v Commission of the European Communities.#Appeal - Competition - District heating pipes (pre-insulated pipes) - Article 85(1) of the EC Treaty (now Article 81(1) EC) - Cartel - Boycott - Fines - Guidelines on the method of setting fines - Non-retroactivity - Legitimate expectations - Lawfulness - Leniency notice - Obligation to state reasons.#Joined cases C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P to C-208/02 P and C-213/02 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-28 ta' Ġunju 2005.
Dansk Rørindustri A/S (C-189/02 P), Isoplus Fernwärmetechnik Vertriebsgesellschaft mbH et. (C-202/02 P), KE KELIT Kunststoffwerk GmbH (C-205/02 P), LR af 1998 A/S (C-206/02 P), Brugg Rohrsysteme GmbH (C-207/02 P), LR af 1998 (Deutschland) GmbH (C-208/02 P) u ABB Asea Brown Boveri Ltd (C-213/02 P) vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell.
Każijiet Magħquda C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-28 ta' Ġunju 2005.
Dansk Rørindustri A/S (C-189/02 P), Isoplus Fernwärmetechnik Vertriebsgesellschaft mbH et. (C-202/02 P), KE KELIT Kunststoffwerk GmbH (C-205/02 P), LR af 1998 A/S (C-206/02 P), Brugg Rohrsysteme GmbH (C-207/02 P), LR af 1998 (Deutschland) GmbH (C-208/02 P) u ABB Asea Brown Boveri Ltd (C-213/02 P) vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell.
Każijiet Magħquda C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:408
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
28 ta’ Ġunju 2005(*)
Werrej
I – Il-kuntest ġuridiku
Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali
Ir-Regolament Nru 17
Il-linji gwida
Il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni
II – Il-fatti li wasslu għall-kawża
III – Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenzi appellati
IV – It-talbiet tal-partijiet fl-appell
V – Il-motivi għal annullament tas-sentenzi appellati
VI – Fuq l-appelli
A – Fuq il-motivi dwar il-proċedura
1. Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, in kwantu din ta’ l-aħħar ċaħdet it-talba tal-grupp Henss/Isoplus li ċerti xhieda jinstemgħu permezz ta’ miżura istruttorja
2. Fuq il-motiv imqajjem minn ABB li tallega ksur ta’ l-Artikoli 44(1)(c), u 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza minħabba r-rifjut ta’ din ta’ l-aħħar li tikkunsidra l-parir legali mehmuż mar-replika
B – Fuq il-motivi dwar il-mertu li jirrigwardaw l-imputabbiltà tal-ksur
1. Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat minħabba l-kunsiderazzjoni ta’ ċerti impriżi fil-Grupp Henss/Isoplus u l-imputazzjoni tal-ksur lil dan il-grupp bħala “impriża” skond din id-dispożizzjoni
2. Fuq il-motivi ibbażati fuq ksur ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat in kwantu l-grupp Henss/Isoplus u Brugg ġew imputati li kisru r-regoli dwar il-kompetizzjoni minħabba l-fatt li huma ħadu sehem f’laqgħa li kellha għan antikompetittiv
C – Fuq il-motivi dwar il-merti, li jirrigwardaw id-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi
1. Fuq il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ non-retroattivitŕ minħabba l-applikazzjoni tal-linji gwida għall-ksur in kwistjoni
a) Fuq il-motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi
b) Fuq il-motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ non-retroattivitŕ
2. Fuq il-motivi bbażati fuq il-legalitŕ tal-metodu ta’ kalkolu ta’ l-ammont tal-multi kif stabbilit fil-linji gwida jew applikat fid-deċiżjoni kkontestata
a) Fuq il-motivi bbażati fuq ksur ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, matul l-iffissar, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ l-ammont tal-multi skond il-metodu ta’ kalkolu stabbilit fil-linji gwida
b) Fuq il-motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipji tal-proporzjonalitŕ u tat-trattament ugwali meta ġie ddeterminat, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ l-ammont tal-multi skond il-metodu ta’ kalkolu stabbilit mil-linji gwida
c) Fuq il-motivi mqajma mill-grupp Henss/Isoplus dwar ksur tad-drittijiet tad-difiża fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti
d) Fuq il-motiv imqajjem minn LR A/S dwar in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi mitiganti
e) Fuq il-motivi imqajma mill-grupp Henss/Isoplus u LR A/S dwar in-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ kunsiderazzjon tal-kooperazzjoni tagħhom matul il-proċedura amministrattiva
D – Fuq il-motivi bbżati fuq id-dritt għal smigħ xieraq u l-obbligu ta’ motivazzjoni
1. Fuq il-motivi bbażati fuq tad-dritt ta’ smigħ xieraq
2. Fuq il-motivi bbażati fuq ksur ta’ l-obbligu li tingħata motivazzjoni dwar il-kalkolu tal-multi
VII – Fuq l-ispejjeż
“Appell – Kompetizzjoni – Pajpijiet ta’ tisħin urban (pajpijiet pre-iżolati) –Artikolu 85(1) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 81(1) KE) – Akkordju – Bojkott – Multi – Linji gwida għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi – Non-retroattività – Aspettattivi leġittimi – Legalità – Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni”
Fil-kawżi magħquda C-189/02 P, C-202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P
li għandhom bħala suġġett appelli skond l-Artikolu 49 ta’ l-Istatut KE tal-Qorti tal-Gustizzja, li ġew ippreżentati f’din l-ordni: l-ewwel kawża fis-17 ta’ Mejju 2002, it-tieni kawża fid-29 ta’ Mejju 2002, l-erba’ kawżi ta’ wara fit-3 ta’ Ġunju 2002, u l-aħħar kawża fil-5 ta’ Ġunju 2002,
Dansk Rørindustri A/S, stabbilita f’Fredericia (Id-Danimarka), irrappreżentata minn K. Dyekjær-Hansen u K. Høegh, advokaterne, (C-189/02 P),
Isoplus Fernwärmetechnik Vertriebsgesellschaft mbH, stabbilita f’Rosenheim (Il-Ġermanja),
Isoplus Fernwärmetechnik Gesellschaft mbH, stabbilita f’Hohenberg (L-Awstrija),
Isoplus Fernwärmetechnik GmbH, stabbilita f’Sondershausen (Il-Ġermanja),
irrappreżentati minn P. Krömer, Rechtsanwalt, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu (C‑202/02 P),
KE KELIT Kunststoffwerk GmbH, stabbilita f’Linz (L-Awstrija), irrappreżentata minn W. Löble, Rechtsanwalt, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu (C-205/02 P),
LR af 1998 A/S, li qabel kienet Løgstør Rør A/S, stabbilita f’Løgstør (Id-Danimarka), irrappreżentata minn D. Waelbroeck, avocat u H. Peytz, advokat (C-206/02 P),
Brugg Rohrsysteme GmbH, stabbilita f’Wunstorf (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Jestaedt, H.-C. Salger, Rechtsanwälte, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu (C-207/02 P),
LR af 1998 (Deutschland) GmbH, li qabel kienet Lögstör Rör (Deutschland) GmbH, stabbilita f’Fulda (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn H.-J. Hellmann, Rechtsanwalt, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu (C‑208/02 P),
ABB Asea Brown Boveri Ltd, stabbilita f’Zurich (L-Iżvizzera), irrappreżentata minn A. Weitbrecht, Rechtsanwalt, J. Ruiz Calzado, abogado, u M. Bay, avvocato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu (C-213/02 P),
rikorrenti
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn W. Mölls, P. Oliver u H. Støvlbæk, bħala aġenti, assistiti minn A. Böhlke, Rechtsanwalt (C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02, C‑208/02 P), u R. Thompson, QC (C-206/02 u C-213/02 P), b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza
HFB Holding für Fernwärmetechnik Beteiligungsgesellschaft mbH & Co. KG,
HFB Holding für Fernwärmetechnik Beteiligungsgesellschaft mbH Verwaltungsgesellschaft,
irrappreżentati minn P. Krömer, Rechtsanwalt, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu (C-202/02 P),
rikorrenti fl-ewwel istanza
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans (Relatur) u R. Silva de Lapuerta, Presidenti ta’ Awla, C. Gulmann, R. Schintgen, N. Colneric, S. von Bahr u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Tizzano,
Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur, u M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Marzu 2004,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Lulju 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Dawn l-appelli ġew ippreżentati mill-impriżi Dansk Rørindustri A/S (iktar ’il quddiem “Dansk Rørindustri”) (C-189/02 P), Isoplus Fernwärmetechnik Vertriebsgesellschaft mbH, Isoplus Fernwärmetechnik Gesellschaft mbH u Isoplus Fernwärmetechnik GmbH (iktar ’il quddiem, kollettivament, il-“grupp Henss/Isoplus”) (C-202/02 P), KE KELIT Kunststoffwerk GmbH (iktar ‘il quddiem “KE KELIT”) (C-205/02 P), LR af 1998 A/S, li qabel kienet Løgstør Rør A/S (iktar ’il quddiem “LR A/S”) (C-206/02 P), Brugg Rohrsysteme GmbH (iktar ’il quddiem “Brugg”) (C-207/02 P), LR af 1998 (Deutschland) GmbH, li qabel kienet Lögstör Rör (Deutschland) GmbH (iktar ‘il quddiem “LR GmbH”) (C-208/02 P), u ABB Asea Brown Boveri Ltd (iktar ’il quddiem “ABB”) (C-213/02 P).
2 Bl-appelli tagħhom, dawn l-impriżi talbu l-annullament tas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-20 ta’ Marzu 2002 li jirrigwardaw lilhom, jiġifieri, rispettivament, is-sentenzi Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni (T-21/99, Ġabra p. II-1681), HFB et vs Il-Kummissjoni (T-9/99, Ġabra p. II‑1487), KE KELIT vs Il-Kummissjoni (T-17/99, Ġabra p. II‑1647), LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni (T-23/99, Ġabra p. II‑1705), Brugg Rohrsysteme vs Il-Kummissjoni (T-15/99, Ġabra p. II‑1613), Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni (T-16/99, Ġabra p. II-1633) u ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni (T-31/99, Ġabra p. II-1881) (iktar ’il quddiem, b’referenza għal waħda minn dawn is-sentenzi, is-“sentenza appellata Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni”, u b’referenza għas-sentenzi kollha hawn fuq imsemmija, is-“sentenzi appellati”).
3 Permezz tas-sentenzi appellati, il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod partikolari, naqqset il-multa imposta fuq ABB permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/60/KE tal-21 ta’ Ottubru 1998, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/35.691/E-4 – Pajpijiet Preiżolati) (ĠU 1999, L 24, p. 1, iktar il-quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), u essenzjalment ċaħdet ir-rikors għal annullament magħmul kontra din id-Deċiżjoni.
I – Il-kuntest ġuridiku
Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali
4 L-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ‘il quddiem il-“KEDB”), tistabbilixxi, fil-paragrafu 1 taħt l-intestatura “Nulla poena sine lege”:
“Ħadd ma għandu jitqies li jkun ħati ta’ reat kriminali minħabba f’xi att jew ommissjoni li ma kinux jikkostitwixxu reat kriminali skond liġi nazzjonali jew internazzjonali fil-ħin meta jkun sar. Lanqas ma għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta r-reat kriminali jkun sar.”
Ir-Regolament Nru 17
5 L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta’ Frar 1962, l-Ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), jistabbilixxi:
“1. Il-Kummissjoni tista' permess ta' deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi multi minn 100 sa 5000 unità ta' rendikont fejn, intenzjonalment jew b' negliġenza:
[…]
(b) dawn ifornu [jipprovdu] informazzjoni skorretta [b]’rispost[a] għat-talba magħmula skond l-Artikolu 11(3) jew (5)
[…]
2. Il-Kummissjoni tista' permezz ta' deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' [i]mpriżi multi minn 1000 sa 1000000 unità ta' rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % tal-[fatturat] fis-sena ta' negozju preċedenti ta' kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b' negliġenza:
a) dawn jiksru l-Artikolu 85(1) jew l-Artikolu 86 tat-Trattat, […]
[…]
Fl-iffissar ta' l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkunsidrati kemm il-gravità kif ukoll id-dewmien tal-ksur.”
Il-linji gwida
6 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta’ l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA”, ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-14 Jannar 1998 (ĠU C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), tiddikjara fil-preambolu tagħha:
“Il-prinċipji stabbiliti mil-[…] linji gwida għandhom jippermettu li jiġi assigurat it-trasparenza u n-natura oġġettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni kemm fir-rigward ta’ l-impriżi kif ukoll fir-rigward tal-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li jiġi affermat il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti mil-leġiżlatur lill-Kummissjoni sabiex tiffissa l-multi fil-limitu ta’ 10 % tal-fatturat globali ta’ l-impriżi. Din id-diskrezzjoni għandha, madankollu, issegwi linja politika koerenti u mhux diskriminatorja adattata għall-għanijiet tat-trażżin tal-ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.
Il-metodoloġija ġdida applikabbli għall-ammont tal-multa għandha ssegwi minn issa ’l quddiem l-iskema segwenti, li hija bbażata fuq l-iffissar ta’ ammont bażiku li mbagħad jista’ jiżdied sabiex jieħu kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi aggravanti u ta’ tnaqqis sabiex jiġu kkunsidrati ċirkustanzi mitiganti.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni
7 Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar eżenzjoni minn multi jew it-tnaqqis ta’ l-ammont tagħhom f’kawżi li jirrigwardaw akkordji , ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat-18 ta’ Lulju 1996 (ĠU C 207, p. 4, iktar ‘il quddiem il-“Komunikazzjoin fuq il-kooperazzjoni”), li abbozz tagħha kien ġie ppubblikat fid-19 ta’ Diċembru 1995 (ĠU C 341, p. 13, iktar ‘il quddiem l-“abbozz ta’ Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni”), il-Kummissjoni ddefinixxiet il-kundizzjonijiet li taħthom l-impriżi li jikkooperaw magħha matul investiazzjoni dwar akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-multa tagħha li kieku kienet tiġi imposta fuqhom, kif jirriżulta mill-punt 3 tal-Kapitolu A, ta’ din il-Komunikazzjoni.
8 Skond il-punt 5 tal-Kapitolu A, punt 5, ta’ l-imsemmija komunizkazzjoni:
“Il-kooperazzjoni ta’ impriża mal-Kummissjoni hija biss element wieħed fost elementi oħrajn li l-Kummissjoni tikkunsidra meta tiffissa multa. […]”.[Traduzzjoni mhux uffiċjali]
9 Il-punt 3 tal-Kapitolu E, ta’ l-istess Komunikazzjoni, li jirrigwarda l-proċedura, jistabbilixxi b’mod partikolari:
“[I]l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-fatt li din il-Komunikazzjoni toħloq aspettattivi leġittimi li fuqhom jibbażaw l-impriżi li jixtiequ jinfurmawha bl-eżistenza ta’ akkordju”.[Traduzzjoni mhux uffiċjali]
II – Il-fatti li wasslu għall-kawża
10 Il-fatti li wasslu għar-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u kif esposti fis-sentenzi appellati jistgħu, għall-finijiet ta’ din is-sentenza, jiġu miġbura fil-qosor skond kif ġej.
11 Ir-rikorrenti huma kumpanniji li joperaw fis-settur tat-tisħin urban. Huma jipproduċu, jew jikkumerċjalizzaw, pajpijiet pre-iżolati għat-tisħin urban.
12 Fuq ilment tat-18 ta’ Jannar 1995 mill-impriża Żvediża Powerpipe AB (iktar ‘il quddiem “Powerpipe”), il-Kummissjoni u r-rappreżentanti ta’ l-awtoritajiet dwar il-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri in kwistjoni wettqu ċerti verifiki, fit-28 ta’ Ġunju 1995, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17, għand għaxar impriżi jew assoċjazzjonijiet preżenti fis-settur tat-tisħin urban, inklużi r-rikorrenti jew ċerti stabbilimenti li jappartjenu lilhom.
13 Il-Kummissjoni, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, bagħtet talbiet għal informazzjoni lill-parti l-kbira ta’ l-impriżi involuti fil-fatti kkontestati.
14 Fl-20 ta’ Marzu 1997, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet lil uħud mir-rikorrenti u lill-impriżi l-oħrajn ikkonċernati, skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 99/63/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1963, dwar is-seduti previsti fl-Artiolu 19(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 (ĠU 1963, 127, p. 2268).
15 LL-impriżi kkonċernati instemgħu matul seduta li seħħet fl-24 u l-25 ta’ Novembru 1997.
16 Fil-21 ta’ Ottubru 1998, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, fejn hija kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ diversi impriżi, u b’mod partikolari ta’ uħud mir-rikorrenti, f’għadd ta’ ftehim u prattiċi miftiehma skond l-Artikolu 85(1) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 81(1) KE) (iktar ‘il quddiem l-“akkordju”).
17 Skond din id-deċiżjoni, ftehim kien ġie, lejn l-aħħar tas-sena 1990, bejn l-erba’ produtturi Daniżi ta’ pajpijiet tat-tisħin urban fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni ġenerali fuq is-suq nazzjonali tagħhom. Dan il-ftehim għaqqad ABB IC Møller A/S, il-kumpannija sussidjarja Daniża ta’ ABB, Dansk Rørindustri, magħrufa wkoll bl-isem Starpipe, LR A/S u Tarco Energi A/S (iktar ‘il quddiem “Tarco” u, għall-erba’ kumpanniji miġbura flimkien, il- “produtturi Daniżi”).
18 Waħda mill-ewwel miżuri kienet tikkonsisti f’koordinazzjoni ta’ żieda fil-prezzijiet kemm għas-suq Daniż kif ukoll għas-swieq ta’ l-esportazzjoni. Għall-finijiet ta’ tqassim tas-suq Daniż, ġew iffissati kwoti, li kellhom jiġu applikati u kkontrollati minn grupp ta’ kuntatt li jgħaqqad flimkien l-uffiċjali responsabbli għall-bejgħ ta’ l-impriżi kkonċernati.
19 Skond din l-istess deċiżjoni, żewġ produtturi Ġermaniżi, il-grupp Henss/Isoplus u Pan-Isovit GmbH [li wara saret Lögstör Rör (Deutschland) GmbH, u sussegwentement, LR GmbH], bdew jieħdu sehem, sa mill-Ħarifa ta’ l-1991, f’laqgħat regolari tal-produtturi Daniżi. Fil-kuntest ta’ dawn il-laqgħat, saru negozjati bil-għan li jinqasam is-suq Ġermaniż. Dawn wasslu, f’Awwissu ta’ l-1993, għal ftehim li jiffissaw kwoti ta’ bejgħ għal kull impriża parteċipanti.
20 Dejjem skond din id-deċiżjoni, intlaħaq ftehim bejn dawn il-produtturi kollha, fl-1994, bil-għan li jiġu ffissati kwoti għas-suq Ewropew kollu. Dan l-akkordju ta’ dimensjoni Komunitarja kien ġie strutturat fuq żewġ livelli. Il-grupp tad-diretturi, li jiġbor il-presidenti jew diretturi ġenerali ta’ l-impriżi parteċipanti fil-akkordju, kienu attribwixxew kwoti lil kull impriża kemm fir-rigward tas-suq kollu kif ukoll fuq kull wieħed mis-swieq nazzjonali, b’mod partikolari s-suq Daniż, Ġermaniż, Taljan, Olandiż, Awstrijak, Finlandiż u Żvediż. Għal ċerti swieq nazzjonali, ġie stabbilit grupp ta’ kuntatt, kompost minn uffiċjali lokali responsabbli tal-bejgħ, li kellhom id-dmir li jamministraw il-ftehim billi jassenjaw il-proġetti u jikkoordinaw is-sottomissjonijiet għal sejħiet għal offerti.
21 Rigward is-suq Ġermaniż, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi li, wara laqgħa tas-sitt produtturi Ewropej ewlenin, jiġifieri ABB, Dansk Rørindustri, il-grupp Henss/Isoplus, LR A/S, LR GmbH u Tarco, kif ukoll Brugg, fit-18 ta’ Awwissu 1994, saret l-ewwel laqgħa tal-grupp ta’ kuntatt għall-Ġermanja fis-7 ta’ Ottubru 1994. Il-laqgħat ta’ dan il-grupp baqgħu għaddejjin għal żmien twil wara l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni, fit-tmiem ta’ Ġunju 1995, għalkemm minn dak iż-żmien ’il quddiem bdew isiru barra l-Unjoni Ewropea, fi Zurich (L-Iżvizzera). Il-laqgħat f’din il-belt baqgħu isiru sal-25 ta’ Marzu 1996, jiġifieri xi jiem qabel li wħud minn dawn l-impriżi irċevew it-talbiet għal informazzjoni mill-Kummissjoni.
22 Bħala element ta’ l-akkordju, l-imsemmija deċiżjoni tiċċita, b’mod partikolari, l-adozzjoni u l-implementazzjoni ta’ miżuri miftiehma intiżi sabiex jeliminaw l-unika impriża importanti li ma kinitx tagħmel parti mill-akkordju, Powerpipe. Il-Kummissjoni tippreċiża li xi wħud mill-parteċipanti fl-akkordju rreklutaw “impjegati importanti” ta’ din il-kumpannija u taw x’jifhmu lil din ta’ l-aħħar li kellha tirtira mis-suq Ġermaniż.
23 Wara li Powerpipe ġiet assenjata proġett importanti fil-Ġermanja, f’ Marzu 1995, saret laqgħa f’Düsseldorf (l-Ġermanja), li fiha pparteċipaw is-seba’ impriżi li kienu ltaqgħu fit-18 ta’ Awwissu 1994. Huma ddeċidew, matul din il-laqgħa, li jimponu bojkott kollettiv kontra l-klijenti u l-fornituri ta’ Powerpipe. Dan il-bojkott sussegwentement ġie implementat.
24 Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet għalfejn mhux biss l-arranġament espress ta’ tqassim tas-swieq konkluż bejn il- produtturi Daniżi lejn l-aħħar ta’ l-1990, iżda wkoll id-diversi arranġamenti konklużi sa minn Ottubru 1991, setgħu flimkien jiġu kollettivament, bħala ftehim ipprojbit mill-Artikolu 85(1) tat-Trattat.
25 Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-akkordju fid-Danimarka u dak ta’ dimensjoni Komunitarja kienu biss espressjoni ta’ akkordju wieħed li beda fid-Danimarka, iżda li sa mill-bidu nett kellu bħala għan li fuq medda ta’ żmien twil jestendi l-kontroll tal-parteċipanti fuq is-suq komuni kollu. Skond il-Kummissjoni, il-ftehim li sar bejn il-produtturi kellu effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.
26 Fis-sentenzi appellati, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li m’huwiex ikkontestat li, fid-deċiżjoni kkontestata, l-ammont tal-multi kien ġie kkalkulat skond il-metodu previst mil-linji gwida, kif jirriżulta wkoll b’mod partikolari mill-punti 222 u 275 tas-sentenza kkontestata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni.
27 Minbarra dan, huwa paċifiku li d-deċiżjoni kkontestata ma tagħmel ebda referenza għal-linji gwida, li l-impriżi ma kinux ġew infurmati matul il- proċedura amministrattiva li l-metodu previst minn dawn il-linji gwida kien ser jiġi applikat għalihom u li l-imsemmi metodu b’mod partikolari ma kienx issemma fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u lanqas matul is-seduti meta instemgħu l-impriżi.
28 Għandu jingħad ukoll li, ħlief għall-grupp Henss/Isoplus, l-impriżi kollha affettwati mid-deċiżjoni kkontestata ngħataw mill-Kummissjoni tnaqqis tal-multa tagħhom skond il-Komunika dwar il-kooperazzjoni. Dan it-tnaqqis, mogħti fil-forma ta’ perċentwali applikat fuq l-ammont tal-multa li kien dovut fil-prinċipju, ingħatalhom b’kumpens għall-kooperazzjoni rispettiva tagħhom matul il-proċedura amministrattiva. Din il-kooperazzjoni kkonsistiet fil-fatt li rrinunzjaw li jikkontestaw l-elementi essenzjali tal-ksur jew li kkontribwew, fi gradi differenti, għall-konstatazzjoni tal-ksur.
29 Id-deċiżjoni kkontestata tikkonsisti f’dawn id-dispożizzjonijiet:
“Artikolu 1
ABB […], Brugg […], Dansk Rørindustri […], il-grupp Henss/Isoplus, [KE KELIT], Oy KWH Tech AB, Løgstør Rør A/S, Pan-Isovit GmbH, Sigma Tecnologie di rivestimento Srl u Tarco […] kisru d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, billi pparteċipaw, bil-mod u sal-grad indikat fir-raġunijiet mogħtija, f’għadd ta’ akkordji u prattiċi miftiehma li ġew stabbiliti, madwar Novembru jew Diċembru 1990, bejn l-erba’ produtturi Daniżi, li sussegwentement ġew estiżi għal swieq nazzjonali oħrajn, bil-parteċipazzjoni sussegwenti ta’ Pan-Isovit u Henss/Isoplus, u li wasslu biex jikkostitwixxu, sa l-aħħar ta’ l-1994, akkordju ġenerali li jkopri s-suq komuni kollu.
It-tul ta’ żmien tal-ksur kien skond kif ġej:
– fil-każ ta’ ABB, Dansk Rør[industri], Løgstør, Pan-Isovit […]: bejn wieħed u ieħor minn Novembru-Diċembru 1990, u ta’ mill-inqas sa Marzu jew April 1996,
– fil-każ [tal-grupp] Henss/Isoplus: bejn wieħed u ieħor minn Ottubru 1991, sa l-istess data,
– fil-każ ta’ Brugg: minn madwar Awwissu 1994, sa l-istess data,
– fil-każ ta’ [KE KELIT]: bejn wieħed u ieħor minn Jannar 1995, sa l-istess data,
[…]
Il-karatteristiċi prinċipali ta’ l-akkordju kienu:
– it-tqassim bejn il-produtturi tad-diversi swieq nazzjonali, u sussegwentement tas-suq Ewropew kollu, permezz ta’ sistema ta’ kwoti,
– l-assenjazzjoni ta’ swieq nazzjonali lil ċerti produtturi u l-organizzazzjoni ta’ l-irtirar tal-produtturi l-oħrajn,
– l-iffissar tal-prezzijiet tal-prodott u ta’ kull proġett,
– l-assenjazzjoni ta’ proġetti lil produtturi magħżula għal dan l-iskop u l-manipulazzjoni tal- proċeduri ta’ sottomissjoni għal sejħiet għall-offerti, bl-iskop li l-kuntratti in kwistjoni jiġu assenjati lil dawn il-produtturi,
– li jipproteġu l-akkordju kontra l-kompetizzjoni mill-unika impriża importanti li ma kinitx tagħmel parti, Powerpipe […], l-adozzjoni u l-implementazzjoni ta’ miżuri miftiehma intiżi sabiex ifixklu l-attività kummerċjali tagħha, li jikkawżaw ħsara għat-tmexxija bla tfixkil tan-negozju tagħha jew li purament u sempliċement tiġi eliminata mis-suq.
[…]
Artikolu 3
Dawn il-multi ġew imposti kontra l-impriżi elenkati fl-Artikolu 1, għall-ksur ikkonstatat fl-imsemmi Artikolu:
a) ABB […], multa ta’ ECU 70 000 000;
b) Brugg […], multa ta’ ECU 925 000;
c) Dansk Rørindustri […], multa ta’ ECU 1 475 000;
d) il-grupp Henss/Isoplus, multa ta’ ECU 4 950 000, li għaliha huma responsabbli in solidum dawn l-impriżi:
– HFB Holding für Fernwärmetechnik Beteiligungsgesellschaft mbH & Co. KG,
– HFB Holding für Fernwärmetechnik Beteiligungsgesellschaft mbH Verwaltungsgesellschaft,
– Isoplus Fernwärmetechnik Vertriebsgesellschaft mbH (li qabel kienet Dipl.-Kfm Walter Henss GmbH Rosenheim),
– Isoplus Fernwärmetechnik GmbH, Sondershausen,
– Isoplus Fernwärmetechnik Ges.mbH - stille Gesellschaft,
– Isoplus Fernwärmetechnik Ges.mbH, Hohenberg;
e) [KE KELIT], multa ta’ ECU 360 000;
[…]
g) Løgstør Rør A/S, multa ta’ ECU 8 900 000;
h) Pan-Isovit GmbH, multa ta’ ECU 1 500 000;
[…]”
III – Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenzi appellati
30 B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tmienja mill-għaxar impriżi ppenalizzati mid-deċiżjoni kkontestata, fosthom is-seba’ rikorrenti f’dan l-appell, ressqu rikorsi li permezz tagħhom ilkoll talbu l-annullament totali jew parzjali ta’ din id-deċiżjoni u, sussidjarjament, l-annullament tal-multa li ġiet imposta fuqhom jew it-tnaqqis ta’ l-ammont tagħha.
31 Permezz tas-sentenza appellata Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza:
annullat l-Artikolu 1 ta’ l-imsemmija deċiżjoni in kwantu din ikkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ Dansk Rørindustri fil-ksur akkużat matul matul il-perijodu bejn April u Awwissu 1994;
ċaħdet ir-rikors għall-bqija;
ordnat lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż tagħha u 90% ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni;
ordnat lill-Kummissjoni tbati 10% ta’ l-ispejjeż tagħha.
32 Permezz tas-sentenza kkontestata HFB et vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza:
– annullat l-Artikoli 3(d), u 5(d) tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ HFB Holding für Fernwärmetechnik Beteiligungsgesellschaft mbH & Co. KG u HFB Holidng für Fernwärmetechnik Beteiligungsgesellschaft mbH Verwaltungsgesellschaft;
ċaħdet ir-rikors għall-bqija;
ordnat li l-kumpanniji li jiffurmaw l-imsemmi gurpp ibatu l-ispejjeż tagħhom, inklużi dawk relatati mal-proċeduri interlokutorji, u biex ibatu 80% ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni, inklużi dawk relatati mal-proċedura sommarja;
ordnat lill-Kummissjoni tbati 20% ta’ l-ispejjeż tagħha, inklużi dawk relatati mal-proċedura sommarja.
33 Permezz tas-sentenzi appellati KE KELIT vs Il-Kummissjoni, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, Brugg Rohrsysteme vs Il-Kummissjoni u Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza:
– ċaħdet ir-rikors;
– ordnat lir-rikorrenti kkonċernati jbatu l-ispejjeż.
34 Permezz tas-sentenza appellata ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza:
– naqqset għal EUR 65 miljun l-ammont tal-multa imposta fuq ABB fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata;
– ċaħdet ir-rikors għall-bqija;
ordnat l-imsemmija rikorrenti tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll 90 % ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni;
ordnat lill-Kummissjoni tbati 10% ta’ l-ispejjeż tagħha.
IV – It-talbiet tal-partijiet fl-appell
35 Dansk Rørindustri titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:
– tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha fid-deċiżjoni kkontestata;
– sussidjarjament, tannulla s-sentenza kkontestata Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din ta’ l-aħħar tagħti deċiżjoni ġdida dwar l-ammont tal-multa;
– tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż ta’ l-imsemmija rikorrenti fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
36 Il-grupp Henss/Isoplus jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:
– tannulla s-sentenza kkontestata HFB et vs Il-Kummissjoni ħlief għall-ewwel punt tal-parti operattiva tagħha kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata;
– sussidjarjament, tannulla l-imsemmija sentenza appellata ħlief għall-ewwel punt tal-parti operattiva tagħha, u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din ta’ l-aħħar tagħlaq il-proċedura u tagħti sentenza ġdida;
– fuq bażi sussidjarja ulterjuri, tannulla s-sentenza appellata fit-tieni punt tal-parti opererattiva tagħha u tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta kontra fuq il-kumpanniji ta’ l-imsemmi grupp mid-deċiżjoni kkontestata ;
– tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż ta’ l-imsemmija kumpanniji fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
37 KE KELIT titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:
– tannulla s-sentenza appellata KE KELIT vs Il-Kummissjoni;
– sussidjarjament, tannulla l-imsemmija sentenza u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza biex tiġi eżaminata mill-ġdid;
– fuq bażi sussidjarja ulterjuri, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha fid-deċiżjoni kkontestata;
– fi kwalunkwe każ, tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż ta’ l-imsemmija rikorrenti fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
38 LR A/S titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:
– tannulla s-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni;
– tannulla id-deċiżjoni kkontestata li timponi fuqha multa jew, ta’ l-anqas, tnaqqas sostanzjalment l-ammont tagħha jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza;
– tiddikjara illegali, skond l-Artikolu 184 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 241 KE), il-linji gwida;
– tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
39 Brugg titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:
– tannulla s-sentenza appellata Brugg Rohrsysteme vs Il-Kummissjoni kif ukoll l-Artikoli 1 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata;
– sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa li ġie impost fuhqa mill-imsemmija deċiżjoni;
– fi kwalunkwe każ, tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż ta’ l-imsemmija rikorrenti fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
40 LR GmbH titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:
– tannulla s-sentenza appellata Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni u tiddeċiedi definittivament b’dan il-mod: tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn din tirrigwarda l-imsemmija rikorrenti jew, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa u tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż;
– fuq bażi aktar sussidjarja, tannulla l-imsemmija sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għal deċiżjoni.
41 ABB titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:
– tannulla l-punti 2 u 3 tal-parti operattiva tas-sentenza appellata ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni;
– tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata safejn din tirrigwarda l-imsemmija rikorrenti;
– tnaqqas ulterjorment l-ammont tal-multa li ġie impost fuqha permezz ta’ din id-deċiżjoni;
– sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza biex din tiddeċiedi b’mod konformi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;
– tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-proċeduri kollha, inklużi dawk esposti minn ABB fil-kuntest ta’ l-appell.
42 Il-Kummissjoni titlob, f’kull waħda minn dawn il-kawżi, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:
– tikkonferma s-sentenzi appellati;
– tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż ta’ din il-proċedura.
V – Il-motivi għal annullament tas-sentenzi appellati
43 Dansk Rørindustri tqajjem tlett motivi għal annullament:
ksur tar-Regolament Nru 17 u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u tat-trattament ugwali, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkundannatx il-fatt li l-ammont tal-multa impost fuq din ir-rikorrenti huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-ksur imwettaq;
– ksur tar-Regolament Nru 17 u tal-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ non-retroattività, in kwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkundannatx il-fatt li l-ammont tal-multa impost fuq l-imsemmija rikorrenti kien ġie iffissat fuq il-bażi tal-prinċipji tal-linji gwida meta dawn kienu sostanzjalment differenti mill-prinċipji li kienu fis-seħħ fil-mument ta’ l-atti in kwistjoni, tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u tas-seduta;
– ksur tad-drittijiet ta’ difiża, in kwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkundannatx il-fatt li, matul il-proċedura amministrattiva, Dansk Rørindustri ma kellhiex il-possibbiltà li tagħmel s-sottomissjonijiet tagħha dwar il-bidliet effettwati mill-linji gwida għall-prattika tal-Kummissjoni fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa għal ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.
44 Il-grupp Henss/Isoplus iqajjem seba’ motivi għal annullament, li xi wħud minnhom jikkonsistu f’diversi partijiet:
– l-illegalità tal-linji gwida fuq il-bażi ta’:
– nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni;
– ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali;
– ksur tad-drittijiet ta’ difiża;
– ksur tal-prinċipju ta’ non-retroattività;;
– ksur tad-dritt ta’ smigħ xieraq f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-linji gwida matul l-iffissar ta’ l-ammont tal-multi;
– ksur ta’ l-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 17 matul l-iffissar ta’ l-ammont tal-multi fuq il-bażi ta’:
– in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-kumpanniji kkonċernati;
– il-ksur tad-drittijiet ta’ difiża bħala dritt fundamentali matul l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti;
– ksur ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat fuq il-bażi tal-konsegwenzi ibbażati fuq il-parteċipazzjoni tal-kumpanniji kkonċernati f’laqgħa li kellha għan antikompetittiv;
– ksur ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat minħabba l-aggruppament tal-kumpanniji kkonċernati fil-grupp Henss/Isoplus u l-imputazzjoni ta’ ksur kontra dan il-grupp inkwantu “impriża”;
– proċedura vvizzjata minħabba r-rifjut tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tordna s-smigħ ta’ xhieda bħala miżura struttorja kif mitlub mir-rikorrenti;
– proċedura vvizzjata minħabba ċerti kontradizzjonijiet bejn is-sentenza appellata u il-proċess.
45 KE KELIT tqajjem ħames motivi għal annullament:
– ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ protezzjoni ta’ l- aspettattivi leġittimi minħabba d-determinazzjoni tal-multa skond il-linji gwida;
– ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tad-demwien tal-ksur;
– ksur tal-prinċipju ta’ non-retroattività;;
– ksur tad-drittijiet ta’ difiża;
– ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni.
46 LR A/S tqajjem erba’ motivi għal annullament:
– ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali kif ukoll tar-Regolament Nru 17, minħabba n-natura eċċessiva u diskriminatorja tal-multa u, sussidjarjament, l-illegalità tal-linji gwida;
– ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ non-retroattività; kif ukoll ta’ l-Artikolu 190 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 253 KE), in kwantu l-Kummissjoni b’mod skorrett marret kontra l-prattika preċedenti tagħha fir-rigward tal-kooperazzjoni u applikat b’mod retroattiv il-linji gwida kif ukoll kodiċi dwar il-kooperazzjoni aktar strett, u mill-inqas, in-nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ tali applikazzjoni retroattiva;
– ma ġewx ikkunsidrati biżżejjed iċ-ċirkustanzi attenwanti applikabbli għall-imsemmija rikorrenti;
– ma ġietx ikkunsidrata biżżejjed il-kooperazzjoni ta’ din ir-rikorrenti.
47 Brugg tqajjem ħames motivi għal annullament:
– ksur tal-prinċipji ta’ non-retroattività;, ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba, minħabba l-applikazzjoni tal-linji gwida għad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa;
– ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi minħabba l-bdil tal-metodu ta’ kalkolu tal-multa wara li l-imsemmija rikorrenti kkooperat;
– ksur tad-drittijiet ta’ difiża fuq il-bażi ta’ l-applikazzjoni tal-linji gwida mingħajr ma nstemgħet din ir-rikorrenti;
– ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali minħabba li ma tnaqqasx l- ammont bażiku ikkunsidrat għall-iffissar tal-multa de Brugg;
– żbalji fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat f’dak li jirrigwarda il-parteċipazzjoni ta’ l-imsemmija rikorrenti fil- bojkott kontra Powerpipe.
48 LR GmbH tqajjem erba’ moviti għal annullament:
– ksur tal-prinċipji ta’ non-retroattività u tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi fuq il-bażi ta’ l-applikazzjoni retroattiva tal-linji gwida;
– ksur ta’ l-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 17 u tal-prinċipju ta’ legalità ta’ l-azzjoni amministrattiva minħabba li l-Kummissjoni ma rrispettatx, fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħha, il-limiti ta’ l-użu awtorizzat ta’ dan il-poter previsti mill-imsemmija dispożizzjoni kif ukoll eżerċizzju żbaljat ta’ din id-diskrezzjoni fl-applikazzjoni f’dan il-każ ta’ din l-istess dispożizzjoni, minħabba l-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali għad-dannu ta’ LR GmbH;
– ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni imsmemi fl-Artikolu 190 tat-Trattat safejn id-deċiżjoni kkontestata ma tagħtix motivazzjoni dwar l-applikazzjoni retroattiva tal-linji gwida;
– ksur tad-drittijiet ta’ difiża fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ osservanza mill-Kummissjoni tad-dritt ta’ smigħ xieraq ta’ l-imsemmija rikorrenti fir-rigward ta’ tali applikazzjoni retroattiva.
49 ABB tqajjem tlett motivi għal annullament:
– ksur ta’ l-Artikoli 44(1)(c) u 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ din ta’ l-aħħar li tiċħad bħala inammissibbli parir legali mehmuż mar-replika;
– ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi in kwantu, b’mod partikolari fl-isfond tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, l-imsemmija rikorrenti setgħet tibbaża ruħha fuq il-prattika stabbilita mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa, b’hekk illi din ta’ l-aħħar ma setgħetx b’mod arbitrarju tieqaf din il-prattika;
– ksur ta’ l-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 17, in kwantu il-Qorti tal-Prim’Istanza approvat id-determinazzjoni mill-Kummissjoni tal-gravità tal-ksur imwettaq minn ABB mingħajr ma kkunsidrat il-fatturat ta’ din ta’ l-aħħar fis-suq pertinenti.
VI – Fuq l-appelli
50 Wara li l-partijiet u l-Avukat Ġenerali għamlu s-sottomissjonijiet tagħhom fuq dan il-punt, hemm lok, minħabba l-konnessjoni bejniethom, li l-kawżi preżenti jiġu magħquda għall-finijiet tas-sentenza, skond l-Artikolu 43 tar-Regoli tal- Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
A – Fuq il-motivi dwar il-proċedura
51 Fl-ewwel lok għandhom jiġu eżaminati il-motivi, imqajma mill- grupp Henss/Isoplus kif ukoll minn ABB, ibbażati fuq xi ksur tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.
1. Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, in kwantu din ta’ l-aħħar ċaħdet it-talba tal-grupp Henss/Isoplus li ċerti xhieda jinstemgħu permezz ta’ miżura istruttorja
52 Permezz tas-sitt motiv tiegħu, il-grupp Henss/Isoplus jakkuża lill- Qorti tal-Prim’Istanza li ċaħdet, fil-punti 36 sa 38 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni, it-talba tiegħu li jiġu mħarka bħala xhieda is-Sinjuri Boysen, B. Hansen, N. Hansen, Hybschmann, Jespersen u Volandt skond l-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Dan il-grupp jallega li dawn il-punti huma vvizzjati b’difett proċedurali.
53 Għall-kuntrarju tal-punt 37 ta’ l-imsemmija sentenza, it-talba biex jitħarku bħala xhieda s-sitt persuni in kwistjoni semmiet il-fatti li fuqhom il-verifika mix-xhieda kellha tiġi ordnata. Fil-punt 72 tar-rikors tal-grupp Henss/Isoplus li ġie ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ġie indikat li din it-talba kienet saret sabiex tipprova li l-impriżi ta’ l-imsemmi grupp ma kinux ħadu sehem fl-akkordju qabel Ottubru ta’ l-1994.
54 Dan il-motiv għandu jiġi miċħud.
55 Fil-fatt jirriżulta mill-punt 34 ta’ l-istess sentenza appellata li l-Qorti tal-Prim’Istanza fil-fatt ħadet att li dan is-smigħ kien mitlub “biex jiġi ppruvat li r-rikorrenti jew il-grupp Henss/Isoplus ma kinux ħadu sehem fi prattika/miżura illegali jew f’aġir simili ieħor skond l-Artikolu 85(1) tat-Trattat […] qabel Ottubru ta’ l-1994”.
56 Il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu fakkret fil-punt 36 ta’ l-imsemmija sentenza li, skond l-aħħar subparagrafu ta’ l-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, it-talba ta’ parti sabiex jiġi eżaminat xhud għandha tindika b’mod preċiż il-fatti li dwarhom ix-xhud jeħtieġ li jinstema’ u r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eżami tiegħu.
57 Fil-punt segwenti ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li, b’mod partikolari fil-punti 20, 40, 50, 66 sa 71, 94, 96, 125 u 142 tar-rikors, ġew iċċitati ċerti persuni li setgħu jinvervjenu bħala xhieda dwar il-fatti esposti f’kull wieħed mill-punti in kwistjoni, iżda l-ismijiet tas-sitt persuni li x-xiehda tagħhom ġiet mitluba espressament quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinux jinsabu f’dawn il-punti. Din ta’ l-aħħar b’hekk ikkonstatat illi għal dawn is-sitt persuni, il-grupp Henss/Isoplus naqas milli jispeċifika bi kwalunkwe mod il-fatti li fuqhom il-verifika mix-xhieda kellha tiġi mitluba.
58 Il-Qorti tal-Prim’Istanza waslet għall-konklużjoni, fil-punt 38 ta’ l-istess sentenza, illi ma kienx hemm lok li t-talba għat-taħrika tax-xhieda tintlaqa’, mingħajr ma kien meħtieġ li jiġi eżaminat jekk kienx hemm lok li tiġi eżaminata l-possibbiltà li jinstemgħu s-sitt persuni msemmija.
59 Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha quddiemha, minn naħa, ġabra konsiderevoli ta’ fatti preċiżi li għalihom il-grupp Henss/Isoplus kien offra li jġib provi fir-rikors tiegħu permezz tas-smigħ possibbli ta’ għadd ta’ persuni u, min-naħa l-oħra, talba formali għat-taħrika bħala xhieda ta’ sitt persuni oħrajn skond l-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ifformulata wkoll f’dan ir-rikors, bil-għan li jiġi ppruvat b’mod ġenerali li l-impriżi kkonċernati ta’ l-imsemmi grupp ma kinux ħadu sehem fl-akkordju qabel Ottubru ta’ l-1994, liema rikors madankollu ma għamilx referenza għall-fatti preċiżi li għalihom kienet qed issir offerta ta’ provi.
60 Minħabba n-nuqqas evidenti ta’ kjarezza fuq dan il-punt f’rikors li kien pjuttost voluminuż, il-Qorti tal-Prim’Istanza korrettament iddeċidiet li t-talba għas-smigħ tas-sitt persuni kkonċernati ma kinitx tindika bi preċiżjoni il-fatti li dwarhom kellhom jinstemgħu dawn il-persuni bħala xhieda.
61 Il-grupp Henss/Isoplus jissottometti wkoll li s-smigħ ta’ persuni minbarra l-imsemmija sitt persuni għandu jinftiehem mhux biss bħala sempliċi offerta ta’ provi iżda wkoll bħala talba għal eżami bħala xhieda, skond l-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.
62 Peremzz ta’ dan l-ilment, il-grupp Henss/Isoplus b’hekk jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod ħażin il-portata tar-rikors tiegħu.
63 Dan l-ilment mhuwiex fondat.
64 Fil-fatt jirriżulta minn dan ir-rikors, u b’mod partikolari mill-punt 145 li barra minn hekk jirreferi speċifikament għalih l-imsemmi rikorrent, li dan ta’ l-aħħar stess għamel distinzjoni bejn l-offerti ta’ prova tiegħu skond l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u t-talba formali tiegħu għal miżura struttorja li tikkonsisti fl-eżami bħala xhieda ta’ sitt persuni oħrajn skond l-Artikolu 68(1) ta’ l-istess Regoli tal-Proċedura. B’hekk ma ġietx ippruvata interpretazzjoni żbaljata fir-rigward ta’ dan il-punt.
65 Sussidjarjament, il-grupp Henss/Isoplus isostni li, anki jekk wieħed jassumi li t-talba tiegħu għall-eżami bħala xhieda tal-persuni kkonċernati ma ġietx ippreżentata b’mod skond l-imsemmi Artikolu 68(1), il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha fi kwalunkwe każ tordna ex officio dan l-eżami.
66 Il-multi imposti skond id-dritt dwar il-kompetizzjoni għandhom jiġu kkwalifikati bħala ta’ natura “kriminali” skond l-Artikolu 6 tal-KEDB, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija fi kwalunkwe każ obbligata, skond il-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni u skond il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju tad-dritt ta’ smigħ xieraq, li tħarrek u tisma’ lix-xhieda speċifikati b’mod partikolari mill-konvenuta.
67 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha diskrezzjoni sħiħa dwar jekk ikunx meħtieġ li jiġu ssupplementati l-elementi ta’ prova li jkollha quddiema f’kawżi li jkunu tressqu quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni, C-57/00 P et C-61/00 P, Ġabra p. I-9975, punt 47, u tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI, C-136/02 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 76).
68 Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kuntest ta’ kawża dwar il-liġi tal-kompetizzjoni, anki meta talba għall-eżami ta’ xhieda, li tiġi fformulata fir-rikors, tindika bi preċiżjoni il-fatti li fuqhom għandhom jinstemgħu ix-xhud jew ix-xhieda u r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eżami tagħhom, hija fid-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tevalwa r-relevanza tat-talba fir-rigward tas-suġġett tal-kawża u l-ħtieġa li teżamina x-xhieda ċċitati (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 70).
69 L-eżistenza ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi kkontestata billi jiġi invokat, bħal ma għamel il-grupp Henss/Isoplus, il-prinċipju ġenerali tad-dritt komunitarju li huwa meħud mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, li jistabbilixxi li kull persuna għandha dritt għal smigħ imparzjali, u b’mod aktar partikolari, dak li jirriżulta mill-paragrafu 3(d) ta’ dan l-istess Artikolu, li jistabbilixxi li kull persuna imputata għandha b’mod partikolari id-dritt li tottjeni l-attendenza u l-eżami ta’ xhieda favura tagħha taħt l-istess kundizzjonijiet bħax-xhieda kontra tagħha, prinċipju li jikkostitwixxi aspett partikolari tad-dritt għal proċess imparzjali.
70 Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li din l-aħħar dispożizzjoni ma tagħtix lil kull min huwa akkużat dritt assolut li jressaq xhieda quddiem qorti u li bħala regola hija fid-diskrezzjoni tal-qorti nazzjonali li tiddeċiedi dwar il-ħtieġa jew dwar jekk ikun xieraq li jiġi mħarrek xhud (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Pisano vs L-Italja tas-27 ta’ Lulju 2000, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra ta’ Sentenzi u Deċiżjonijiet, § 21; S.N. vs l-Iżvezja tat-2 ta’ Lulju 2002, Ġabra ta’ Sentenzi u Deċiżjonijiet, 2002-V, § 43, u Destrehem vs Franza tat-18 ta’ Mejju 2004, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra ta’ Sentenzi u Deċiżjonijiet, § 39).
71 Skond din il-ġurisprudenza, l-Artikolu 6(3) tal-KEDB ma jeħtieġx li jinstemgħu x-xhieda kollha iżda huwa intiż għal ‘equality of arms’ sħiħa, billi jiġi żgurat li l-proċedura kontenzjuża, ikkunsidrata fit-totalità tagħha, toffri lil min huwa akkużat opportunità adegwata u sodisfaċenti biex jikkontesta l-akkużi miġjuba kontrih (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Pisano vs l-Italja, iċċitata iktar ‘il fuq, § 21).
72 F’dan il-każ, huwa paċifiku li, kif jirriżulta wkoll mill-punt 21 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni, li l-Qorti tal-Prim’Istanza talbet, permezz ta’ miżura għall-organizzazzjoni tal-proċedura, lill-grupp Henss/Isoplus biex jirrispondi għal domandi bil-miktub kif ukoll biex jippreżenta ċerti dokumenti u li l-partijiet ikkonformaw ma’ dawn it-talbiet. Għalhekk il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi akkużata li naqset mill-obbligu tagħha li teżamina l-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 76).
73 Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, fil-punti 137 sa 181 ta’ l-imsemmija sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat għadd kbir ta’ dokumenti li ddaħħlu fil-proċess sabiex jiġi konkluż li l-Kummissjoni kellha d-dritt li tallega takkuża lill-grupp Henss/Isoplus li pparteċipa f’akkordju sa minn Ottubru ta’ l-1991 sa Ottubru ta’ l-1994.
74 Minn dan jirriżulta li l-imsemmi rikorrent kellu kull opportunità biex juri li l-impriżi li jaqgħu taħtu ma kinux ipparteċipaw fl- akkordju qabel Ottubru ta’ l-1994.
75 Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-istess rikorrent, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx obbligata li tordna ex uffiċio l-eżami tax-xhieda favur in kwistjoni.
76 Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-motiv eżaminat għandu jiġi miċħud.
2. Fuq il-motiv imqajjem minn ABB li tallega ksur ta’ l-Artikoli 44(1)(c), u 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza minħabba r-rifjut ta’ din ta’ l-aħħar li tikkunsidra l-parir legali mehmuż mar-replika
77 Permezz ta’ l-ewwel motiv tagħha, ABB issostni li, in kwantu ddeċidiet fil-punti 112 sa 114 tas-sentenza appellata ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, li l-parir legali tal-Professur J. Schwarze (iktar ‘il quddiem il-“parir legali”) mehmuża mar-replika tagħha ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ma setgħetx tiġi kkunsidrata la totalment u lanqas parzjalment, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikoli 44(1)(c), u 48(2), tar-Regoli tal- Proċedura tagħha.
78 Permezz ta’ l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ABB takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li għamlet żball ta’ dritt meta ddeċidiet, fil-punt 112 ta’ l-imsemmija sentenza appellata, li skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal- Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-preżentazzjoni tal-parir legali ma setgħetx tiġi ammessa billi dan il-parir jikkunsidra ċerti prinċipji ġenerali li jikkostitwixxu sottomissjonijiet mhux issollevati fir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
79 L-istess rikorrenti ssostni li peress li l-punti 115 sa 136 ta’ l-imsemmija sentenza jirrigwardaw biss il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ibbażat ruħha f’dan ir-rigward fuq il-premessa li l-imsemmija sottomissjoni kienet limitata għal dak il-prinċipju, b’hekk li kull prinċipju tad-dritt amministrattiv analizzat fil-parir legali jikkostitwixxi sottomissjoni ġdida u, għaldaqstant m’huwiex ammissibbli skond l-Artikolu 48(2), tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.
80 Madankollu, fil-fehma ta’ l-imsemmija rikorrenti, il-parir legali, in kwantu jirreferi b’mod partikolari għal ċerti prinċipji tad-dritt amministrattiv, jiżviluppa biss argumenti li jiċċaraw il-bażi ġuridika preċiża u b’mod speċjali l-portata tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi. Dawn l-argumenti huma intiżi essenzjalment biex juru li d-diskrezzjoni tal-Kummissjoni fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multa kienet limitata fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi preżenti.
81 L-istess rikorrenti b’hekk issostni li l-opinjoni legali għaldaqstant tqajjem biss argumenti invokati in sostenn ta’ sottomissjoni diġà mqajma fir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u ma tikkostitwixxix sottomissjoni ġdida.
82 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi parir legali, li fih total ta’ 101 paragrafu, jiżviluppa b’mod partikolari 6 prinċipji tad-dritt Komunitarju, jiġifieri l-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, il-prinċipju ta’ awtolimitazzjoni ta’ l-amministrazzjoni (“self-binding”), il-prinċipju ta’ estoppel, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni ġusta, il-prinċipju “venire contra factum proprium” u d-dritt għal proċess ġust, kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ difiża.
83 Jirriżulta mill-paragrafu 19 tal-parir legali li dawn il-prinċipji huma eżaminati bil-għan li jiġi stabbilit jekk id-dritt Komunitarju jinkludix regoli li jillimitaw id-diskrezzjoni tal-Kummissjoni biex timponi multi fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni u li tipprekludi li din l-istituzzjoni milli tbiddel il-prattika stabbilita tagħha f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi u tapplika prattika ġdida f’każ bħal dak preżenti.
84 Il-paragrafu 43 ta’ l-istess parir jindika li kull wieħed minn dawn il-prinċipji jista’, taħt aspetti differenti u possibilment fi gradi diversi, jirrestrinġi l-imsemmi diskrezzjoni tal-Kummissjoni.
85 Fil-paragrafi 44 sa 96 tal-parir legali, ebda wieħed mill-imsemmijia prinċipji m’huwa analizzat separatament u applikat għall-każ preżenti.
86 Fil-punti 97 sa 101 ta’ l-istess parir, huwa konkluż li, f’dan il-każ, id-diskrezzjoni tal-Kummissjoni kienet effettivament limitata fis-sens li din ma setgħetx twarrab il-prattika preċedenti tagħha.
87 Fil-punt 98 ta’ l-istess parir, huwa indikat li dawn il-prinċipji, safejn huma vinkolanti, huma simili.
88 Jirriżulta mit-tqassim u l-kontenut tal-parir legali li, għalkemm hemm ċerta kontroll bejn il-prinċipji tad-dritt amministrattiv invokati f’dan il-parir u s-sottomissjonijiet imqajma fir-rikors, l-għan tar-rikors mhuwiex b’mod ċar limitat għall-espożizzjoni ta’ l-argumenti li jippreċiżaw jew li jestendu s-sosttomissjoni dwar il-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, kif issostni ABB, iżda jiżviluppa għadd ta’ prinċipji awtonomi, bil-għan li juru li f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma setgħetx twarrab il-prattika preċedenti tagħha fil-qasam ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi jikkostitwixxi biss wieħed mis-sitt prinċipji invokati għal dan l-iskop.
89 Għaldaqstant, kif sostniet il-Kummissjoni, jirriżulta mill-kitba tal-parir legali li din kellha l-intenzjoni li tinvoka ċerti prinċipji għall-ewwel darba li ma kinux ġew sollevati fir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
90 Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv invokat minn ABB għandha tiġi miċħuda.
91 Permezz tat-tieni parti ta’ l-ewwel motiv tagħha, l-istess rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ dritt meta ddeċidiet, fil-punt 113 tas-sentenza appellata ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, li l-parir legali ma setax jiġi kkunsidrat, la totalment u lanqas parzjalment, peress li skond l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal- Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u espożizzjoni sommarja ta’ l-eċċezzjonijiet invokati.
92 Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkonstatat ebda difett fir-rikors jew fir-replika li setgħet tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. B’konsegwenza, kienet żbaljat meta ddeċidiet li ABB riedet tikkumpensa eċċezzjoni insuffiċjenti permezz ta’ referenza ġenerali għall-parir legali. Barra hekk, ma kienx permess li tiġi invokata b’analoġija l-imsemmija dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kif għamlet din ta’ l-aħħar fl-istess punt ta’ l-imsemmija sentenza appellata.
93 F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li jiġi mfakkar mill-ġdid ir-raġunament segwit mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 113 tas-sentenza appellata ABB Brown Boveri vs Il-Kummissjoni.
94 Il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li jirriżulta mill-Artikolu 44(1)(c), tar- Regoli tal-Proċedura tagħha li l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt li fuqhom ikun ibbażat rikors għandhom joħorġu, b’koll mod ta’ mill-inqas b’mod sommarju, mill-kitba stess tar-rikors u li b’hekk m’huwiex biżżejjed li ssir referenza fir-rikors għal tali elementi li jinbsabu fl-anness tiegħu.
95 Il-Qorti tal-Prim’Istanza irreferiet b’mod partikolari għall- ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-obbligu tal- Kummissjoni, f’kull rikors ippreżentat skond l-Artikolu 226 KE, li tindika l-ilmenti preċiżi li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja tkun mitluba tagħti deċiżjoni, kif ukoll, b’mod ta’ mill-inqas sommarju, l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt li fuqhom ikunu bbażati dawn l-ilmenti.
96 F’dan ir-rigward, jirriżulta effettivament minn din il-ġurisprudenza li dan l-obbligu ma jkunx sodisfatt jekk l-ilmenti tal-Kummissjoni jkunu jidhru fir-rikors biss fil-forma ta’ referenza sempliċi għal motivi indikati fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata, jew ukoll fil-parti tar-rikors iddedikata għall-kuntest ġuridiku (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-52/90, Ġabra p. I-2187, punti 17 u 18; tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-375/95, Ġabra p. I‑5981, punt 35, u tad-29 ta’ Novembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-202/99, Ġabra p. I-9319, punti 20 u 21).
97 Il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret ukoll illi m’huwiex il-kompitu tagħha li toqgħod tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu l-bażi ta’ rikors, peress li dawn għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali.
98 Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li, bl-istess mod, żgur ma kienx il-kompitu tagħha, meta wieħed iqis li parti mill-parir legali ma setgħetx tiġi kkunsidrata, li toqgħod tfittex u tidentifika f’dan il-parir legali il-partijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala annessi li jsostnu u jissupplimentaw is-sottomissjonijiet ta’ ABB fuq punti speċifiċi.
99 Fir-rigward tal-motivi mogħtija qabilha, din il-konklużjoni għandha tiġi mifhuma fis-sens li l-funzjoni purament probatorja u strumentali ta’ l-annessi timplika li, peress li l-parir legali jinkludi, minbarra l-eċċezzjonijiet ġodda u għaldaqstant mhux ammissibbli, elementi ta’ dritt li fuqhom ċerti eċċezzjonijiet imqajma fir-rikors huma bbażati, dawn l-elementi kellhom jiġu inklużi fit-test innifsu tar-replika li magħha dan il-parir legali huwa anness jew, ta’ mill-inqas, tiġi identifikata b’mod ċar fis-sottomissjoni.
100 In kwantu applikat dawn il-kriterji u in kwantu ddeċidiet li, f’dan il-każ, dawn il-kriterji ma ġewx sodisfatti, il-Qorti tal-Prim’Istanza m’għamlet ebda żball ta’ dritt.
101 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward m’applikatx ħażin il-portata tar-replika ppreżentata quddiema. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-punt 31 ta’ l-imsemmija replika jagħmel biss referenza ġenerali għall-parir legali. Barra hekk, il-fatt invokat minn ABB li, f’ċerti punti ta’ l-istess replika jsiru xi referenzi, fil-forma ta’ noti f’qiegħ il-paġna, għal xi partijiet ta’ dan il-parir ma jqiegħedx in kiwstjoni l-konklużjoni li għaliha wasslet il-Qorti tal-Prim’Istanza fuq dan il-punt.
102 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv eżaminat għandu jiġi miċħud.
B – Fuq il-motivi dwar il-mertu li jirrigwardaw l-imputabbiltà tal-ksur
103 Fit-tieni lok għandhom jiġu eżaminati il-motivi dwar il-mertu imqajma mill-grupp Henss/Isoplus u minn Brugg li permezz tagħhom dawn ir-rikorrenti jikkontestaw is-sentenzi appellati li jikkonċernawhom fuq ċerti punti dwar l-imputabblità tal-ksur attwribwita lilhom fid-deċiżjoni kkontestata u kkonfermata mill-Qorti tal-Prim’Istanza.
1. Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat minħabba l-kunsiderazzjoni ta’ ċerti impriżi fil-Grupp Henss/Isoplus u l-imputazzjoni tal-ksur lil dan il-grupp bħala “impriża” skond din id-dispożizzjoni
104 Permezz tal-ħames motiv tiegħu, il-grupp Henss/Isoplus jakkuża lill- Qorti tal-Prim’Istanza li ddeċidiet, fil-punti 54 sa 68 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni, li l-Kummissjoni kienet koretta meta fid-deċiżjoni kkontestata kkunsidrat ċerti impriżi fi ħdan il-grupp imputat il-ksur lil dan il-grupp.
105 L-istess rikorrent issostni, l-ewwelnett, li fil-punt 66 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ dritt meta ċaħdet l-argument tiegħu li impriża, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni, għandha neċessarjament ikollha personalità ġuridika.
106 Madankollu, dan m’huwiex il-każ la għall-grupp “Henss/Isoplus”, fuq il-preżunzjoni li dan jikkostitwixxi entità ekonomika, u lanqas għas-Sur Henss bħala l-persuna li skond l-imsemmija sentenza appellata, kienet tikkontrolla d-diversi impriżi li jappartjenu lill-imsemmi grupp.
107 Il-grupp Henss/Isoplus isostni li l-argument tiegħu jista’ jiġi bbażat fuq l-Artikolu 1 tal-protokoll 22 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3), li minnu jirriżulta li l-kunċett ta’ “impriża” skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni ifisser kull entità ġuridika (“Rechtssubjekt” fil-verżjoni Ġermaniża) li teżerċita attivitajiet ta’ natura kummerċjali jew ekonomika.
108 Dan huwa b’mod partikolari ikkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA dwar il-kompetizzjoni (sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1962, Klöckner-Werke u Hoesch vs L-Awtorità Għolja, 17/61 u 20/61, Ġabra p. 617, u Mannesmann vs L-Awtorità Għolja, 19/61, Ġabra p. 675).
109 F’sentenzi oħrajn, b’mod partikolari dawk iċċitati mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 66 ta’ l-imsemmija sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx għadha b’mod definittiv iddeċidiet il-kwistjoni ta’ prinċipju dwar jekk il-kwalifikazzjoni ta’ impriża skond id-dritt dwar il-kompetizzjoni teħtieġ fiċ-ċirkustanzi kollha li l-entità in kwistjoni jkollha personalità ġuridika (sentenzi ta’ l-14 ta’ Lulju 1972, ICI vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, du 21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, Ġabra p. 215; tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm, 170/83, Ġabra p. 2999, u tat- 23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C-41/90, Ġabra p. I-1979).
110 Jekk huwa veru,, skond l-imsemmi rikorrent, li l-ksur imwettaq minn impriża li jkollha l-personalità ġuridika tagħha jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent tagħha, jiġifieri kumpannija holding, meta din tkun tikkontrollaha u b’hekk tkun tikkostitwixxi l-istess unità ekonomika (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitata iktar ‘il fuq ICI vs Il-Kummissjoni, kif ukoll Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni), din l-imputazzjoni madankollu teħtieġ li l-entità ta’ kontroll stess ikollha personalità ġuridika.
111 Madankollu, persuna fiżika, bħas-Sur Henss fil-każ preżenti, ma tistax, fil-kapaċità unika tagħha bħala membru jew azzjonista, tiġi kkwalifikata bħala “impriża” skond l-Artikolu 85(1) tat-Trattat. Għaldaqstant, din il-ġurisprudenza mhijiex relevanti għal dan il-każ.
112 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest tal-liġi dwar il-kompetizzjoni il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament mill-istat ġuridiku ta’ din l-entità u mill-metodu ta’ finanzjament tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C-309/99, Ġabra p. I-1577, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
113 Jirriżulta b’mod ċar minn din il-ġurisprudenza li l-kunċett ta’ impriża għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni ma jeħtieġx li l-unità ekonomika in kwistjoni jkollha personalità ġuridika. Din l-interpretazzjoni lanqas m’hija limitata, kif isostni l-grupp Henss/Isoplus, għall-kawżi preżenti li taw lok għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħas-sentenzi Hydrotherm jew Höfner u Elser, iċċitati iktar ‘il fuq, iżda hija interpretazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali.
114 L-argument ibbażat fuq il-verżjoni Ġermaniża ta’ l-Artikolu 1 tal-Protokoll 22 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, b’mod partikolari, il-kunċett ta’ “suġġett ta’ dritt” (“Rechtssubjekt”) li jinsab fih ma jippermettix li din l-interpretazzjoni tiġi kkontestata.
115 Il-kunċett ta’ “suġġett ta’ dritt” mhux neċessarjament jeskludi l-persuni fiżiċi. Fi kwalunkwe każ, dan il-kunċett ma jinsabx fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħrajn li ma jinkludux il-kunċett ta’ “entità”.
116 Il-grupp Henss/Isoplus isostni, sussegwentement, li impriżi li mhumiex konnessi bejniethom fir-rigward ta’ kapital u lanqas fir-rigward tal-liġi tal-kumpanniji u li, minħabba dan il-fatt, ma jiddependux fuq impriża ta’ kontroll ma jistgħux ikunu grupp minħabba l-uniku fatt ta’ l-eżistenza ta’ eventwali konnessjonijiet bejn persuni fiżiċi li mhumiex impriżi.
117 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li hija ġurisprudenza kostanti li l-aġir antikompetittiv ta’ impriża jista’ jiġi imputat lil impriża oħra meta din ma tkunx iddeterminat l-aġir tagħha fuq is-suq b’mod awtonomu, iżda tkun essenzjalment applikat id-direttivi maħruġa mill-impriża l-oħra, meta jiġu kkunsidrati b’mod partikolari il-konnessjonijiet ekonomiċi u legali li jkunu jgħaqqduhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, C-294/98 P, Ġabra p. I-10065, punt 27).
118 Huwa minnu li ċ-ċirkustanza li l-kapital awtorizzat ta’ żewġ kumpanniji kummerċjali distinti jappartjeni lill-istess persuna jew lill-istess familja m’huwiex biżżejjed, inkwantu tali, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ unità ekonomika li għandha l-konsegwenza, skond id-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni, li l-aġir ta’ kumpannija waħda jista’ jiġi imputat lill-oħra u li waħda tista’ tiġi obbligata tħallas multa ta’ l-oħra (ara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni, C-196/99 P, Ġabra p. I-11005, punt 99).
119 Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ddeduċietx l-eżistenza ta’ l-unità ekonomika li tikkostitwixxi l-grupp Henss/Isoplus mill-uniku fatt li l-impriżi kkonċernati kienu kkontrollati mill-perspettiva tal-kapital awtorizzat tagħhom minn persuna waħda, f’dan il-każ is-Sur Henss.
120 Fil-fatt jirriżulta mill-punti 56 sa 64 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza waslet għall-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ l-imsemmija unità ekonomika fid-dawl ta’ għadd ta’ elementi li jistabbilixxu l-kontroll mis-Sur Henss tal-kumpanniji kkonċernati, fosthom, minbarra l-fatt li dan ta’ l-aħħar jew martu kellhom kiemm direttament jew indirettament, l-ishma kollha jew kważi kollha ta’ dawn il-kumpanniji, il-fatt li s-Sur Henss kien jeżerċita funzjonijiet ċentrali fi ħdan l-istrutturi ta’ ġestjoni ta’ dawn il-kumpanniji kif ukoll il-fatt li din il-persuna kienet tirrappreżenta matul il-laqgħat tal-bord tad-diretturi, kif indikat fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, id-diversi impriżi u li dawn ta’ l-aħħar kienu ġew assenjata kwota waħda taħt l-akkordju.
121 Il-grupp Henss/Isoplus jsostni wkoll, sussidjarjament, li d-diversi impriżi miġbra flimkien mill-Kummissjoni ma jaqgħux taħt l-istess entità ekonomika peress li l-awtonomija tagħhom m’hijiex miċħuda u ma jiddependux fuq istruzzjonijiet esterni. Permezz ta’ dan l-argument, dan ir-rikorrent issostni li l-impriżi kkonċernati ma kinux, b’ebda mod, taħt il-kontroll de facto tas-Sur Henss.
122 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kunsiderazzjonijiet bħal dawk li ħadet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 56 sa 64 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni, bil-għan li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ unità ekonomika, huma bbażati fuq serje ta’ konstatazzjonijiet ta’ natura fattwali li ma jistgħux jiġu diskussi fil-kuntest ta’ appell, ħlief fil-każ ta’ distorsjoni tal-fatti relevanti jew ta’ l-elementi ta’ prova ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jew inkella meta l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet ta’ din ta’ l-aħħar tkun tirriżulta mid-dokumenti li jinsabu fl-atti tal-proċess (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, punt 37, u Mag Instrument vs UASI, punti 39 u 76).
123 Fir-rigward tal-punt 57 ta’ l-imsemmija sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ddeċidietx, kif isostni l-grupp Henss/Isoplus, li matul il-perijodu ta’ referenza, jiġifieri t-tul ta’ żmien tal-ksur ikkunsidrat mill-Kummissjoni, minn Ottubru 1991 sa Marzu/April 1996, is-Sur Henss kien mhux biss direttur iżda wkoll azzjonist ta’ Isoplus Fernwärmetechnik Vertriebsgesellschaft mbH. Fuq dan il-punt ma teżisti ebda kontradizzjoni ma’ l-atti tal-proċess, u għaldaqstant id-difett proċedurali allegat f’dan ir-rigward mill-imsemmi rikorrent bħala parti mis-seba’ motiv tiegħu għandu jiġi miċħud.
124 Għal dak li jirrigwarda l-punt 58 ta’ l-istess sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ddeċidietx kif qed isostni l-istess rikorrent, jiġifieri li matul il-perijodu ta’ referenza, is-Sur Henss kellu l-maġġoranza ta’ l-ishma ta’ Isoplus Fernwärmetechnik Gesellschaft mbH permezz ta’ l-intermedju ta’ mandatarju, iżda qatt ma eżerċita l-funzjonijiet ta’ direttur.
125 Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-kritika speċifika ta’ l-imsemmija punti 57 u 58 ma tistabbilixxi ebda distorsjoni tal-fatti rilevanti jew ta’ l-elementi ta’ prova min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza u lanqas ma tiżvela l-eżistenza ta’ ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet minn din ta’ l-aħħar li jirriżultaw mid-dokumenti li ddaħħlu fl-atti tal-proċess.
126 Fir-rigward ta’ Isoplus Fernwärmetechnik GmbH, il-grupp Henss/Isoplus isostni li s-Sur Henss u l-konjuġi Papsdorf qatt ma kienu diretturi u li barra minn hekk l-ishma f’din il-kumpannija kienu miżmuma, matul il-perijodu ta’ referenza, għal terza persuna minn Isoplus Fernwärmetechnik Gesellschaft mbH f’isimha stess, għal terza persuna mill-konjuġi Papsdorf permezz ta’ l-intermedju ta’ din il-kumpannija ta’ l-aħħar, li aġixxiet bħala mandatarju, u għal terza persuna minn persuni fiżiċi oħrajn permezz ta’ l-intermedju ta’ l-imsemmi mandatarju.
127 Dawn il-fatti huma l-istess bħal dawk ikkunsidrati mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 59 ta’ l-imsemmija sentenza appellata, u għalhekk distorsjoni tal-fatti rilevanti jew ta’ element ta’ prova fuq dan il-punt ma ġietx stabbilita. Barra minn hekk, ebda ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma tirriżulta mid-dokumenti mdaħħla fl-atti tal-proċess.
128 Il-grupp Henss/Isoplus isostni wkoll li jirriżulta minn dawn il-fatti li l-kumpannija Isoplus Fernwärmetechnik GmbH ma kinitx taqa’ taħt il-kontroll tas-Sur Henss u tal-konjuġi Papsdorf.
129 Dan l-ilment m’huwiex ammissibbli peress li jqajjem il-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ unità ekonomika kienu effettivament preżenti f’dan il-każ. Fil-fatt, tali ezami, li huwa bbażat fuq evalwazzjoni tal-fatti, ma jistax bħala tali jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ appell (ara s-sentenza Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 30).
130 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi kkritikata li ddeċidiet, wara li għamlet evalwazzjoni ġenerali u, bħala regola, finali ta għadd ta’ informazzjoni fattwali, li d-diversi impriżi li jikkostitwixxu l-grupp Henss/Isoplus għandhom, għal dawn il-għan,, jiġu kkunsidrati li jaqgħu taħt entità ekonomika waħda.
131 Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.
2. Fuq il-motivi ibbażati fuq ksur ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat in kwantu l-grupp Henss/Isoplus u Brugg ġew imputati li kisru r-regoli dwar il-kompetizzjoni minħabba l-fatt li huma ħadu sehem f’laqgħa li kellha għan antikompetittiv
132 Permezz tar-raba’ u l-ħames motivi tagħhom rispettivament, il-grupp Henss/Isoplus u Brugg, kull wieħed f’dak li jirrigwarda lilu, ilment li li l-Qorti tal-Prim’Istanza talli ddeċidiet, fil-punti 223 sa 227 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni u 52 sa 66 tas-sentenza appellata Brugg vs Il-Kummissjoni, li l-Kummissjoni kienet korretta meta fid-deċiżjoni kkontestata sabithom ħatja tal-ksur jew parti minn fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni tagħhom f’laqgħat li kellhom għan antikompettiv.
133 Il-grupp Henss/Isoplus jikkontesta b’mod partikolari li l-parteċipazzjoni, qabel Ottubru 1994, tas-Sur Henss f’laqgħat b’għan antikompettiv kienet tiġġustifika l-konklużjoni li dan il-grupp kellu jiġi kkunsidrat li pparteċipa fl-akkordju li rriżulta minn dawn il-laqgħat, li kienu jikkonċernaw il-perijodu bejn Ottubru 1991 u Ottubru 1994.
134 Brugg issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljat meta kkonkludiet mill-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa ta’ l-24 ta’ Marzu 1995, li matulha ġiet diskuss il-bojkott kontra Powerpipe, li din kienet prova li hija kienet effettivament ipparteċipat f’dan il-bojkott.
135 Il-grupp Henss/Isoplus jibbaża ruħu, b’analoġija, fuq il-ġurisprudenza li tistabbilixxi li l-Kummissjoni tista’ tirrifjuta l-aċċess għal ċerti dokumenti għar-raġuni li impriża f’pożizzjoni dominanti tista’ tadotta miżuri ta’ ritaljazzjoni kontra impriża li tkun ikkollaborat f’investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ April 1995, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, C-310/93 P, Ġabra p. I-865, punti 26 u 27, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-1 ta’ April 1993, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, T-65/89, Ġabra p. II-389, punt 33).
136 Minn dan jirriżulta li anki jekk l-impriżi ekonomikament dgħajfa ma jitbiegħdux pubblikament mill-kontenut ta’ laqgħat li l-għan taħghom huwa b’mod ċar antikompetittiv u li għalihom kienu ġew imsejħa minn impriżi f’pożizzjoni dominanti u ekonomikament aktar b’saħħithom minnhom, dawn l-impriżi li jinsabu f’pożizzjoni aktar dgħajfa għandhom jiġu eżonerati mir-responsabbiltà tagħhom għall-parteċipazzjoni f’akkordju illegali meta jimplementawx ir-riżultati ta’ dawn il-laqgħat.
137 F’dan il-każ, il-grupp Henss/Isoplus m’għamilx denunzja dwar il-kontenut tal-laqgħat li għalihom kien attenda, minħabba l-fatt tal-parteċipazzjoni b’mod partikolari ta’ ABB, impriża f’pożizzjoni dominanti, u ta’ LR A/S, impriża ferm aktar b’saħħitha minnu.
138 Madankollu, dan ta’ l-aħħar ma implementax ir-riżultati ta’ l-imsemmija laqgħat, kif jirriżulta mit-tnaqqis kontinwu tal-prezzijiet fuq is-suq tal- pajpijiet pre-insulati bejn Ottubru 1991 u Ottubru 1994.
139 Brugg issostni li, bħala sempliċi bejjiegħa bl-imnut tal-prodotti kkonċernati, hija ma setgħetx timplementa azzjoni ta’ bojkott.
140 Minbarra dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljat meta rrilevat, fil-punt 62 tas-sentenza appellata Brugg Rohrsysteme vs Il-Kummissjoni, li peress li Powerpipe kienet kompetitriċi diretta ta’ Brugg fuq is-suq Ġermaniż, din ta’ l-aħħar kellha interess f’kull miżura ta’ bojkott kontra Powerpipe mill-parteċipanti l-oħrajn fl-akkordju.
141 Madankollu, Il-Qorti tal-Ġustizzja hija tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta ċaħdet dawn l-ilmenti.
142 Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża in kwistjoni tkun ħadet sehem f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehim ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma tkun opponiet b’mod manifest, biex tiġi ppruvata b’mod sodisfaċenti l-parteċipazzjoni ta’ l-imsemmija impriża fl-akkordju. Meta l-parteċipazzjoni f’dawn il-laqgħat tiġi stabbilita, l-oneru huwa fuq din l-impriża sabiex iġġib provi li juru li l-parteċipazzjoni tagħha f’dawn il-laqgħat ma kellha ebda skop antikompetittiv, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa f’dawn il-laqgħat b’perspettiva differenti minnhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra . I-123, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).
143 F’dan ir-rigward, l-approvazzjoni b’mod taċitu ta’ inizjattiva illeċita minn impriża, mingħajr ma titbiegħed pubblikament mill-kontenut tagħha jew mingħajr ma tiddenunzjaha lill-entitajiet amministrattivi, għandha l-effett li tinkoraġġixxi l-kontinwazzjoni tal-ksur u tikkomprometti l-iskoperta tagħha. Din il-kompliċità tikkostitwixxi mod passiv ta’ parteċipazzjoni għall-ksur li b’hekk huwa ta’ natura li tinvolvi-responsabbiltà ta’ l-impriża fil-kuntest ta’ ftehim wieħed (ara s-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 84).
144 Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li impriża ma timplementax ir-riżultati ta’ laqgħa li għandha għan antikompettiv mhijiex ta’ natura li teżoneraha mir-responsabbiltà tagħha għal parteċipazzjoni f’akkordju, sakemm hija ma tkunx tbiegħedet pubblikament mill-kontenut tiegħu (ara s-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).
145 Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, huwa biżżejjed li ftehim ikollu bħala għan ir-restrizzjoni, il-prevenzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, indipendentement mill-effetti konkreti tiegħu. B’konsegwenza, fil-każ ta’ ftehim li jsiru matul laqgħat bejn impriżi kompetituri, ikun hemm ksur ta’ din id-dispożizzjoni meta dawn il-laqgħat ikollhom dan il-għan u għaldaqstant ikunu intiżi sabiex jorganizzaw b’mod artifiċjali l-funzjonament tas-suq. F’każ bħal dan, ir-responsabbiltà ta’ impriża partikolari għall-ksur hija validament stabbilita meta din tkun ipparteċipat f’dawn il-laqgħat waqt li kienet taf x’kien l-għan tagħhom, anke jekk sussegwentement hija ma tkunx implementat xi waħda jew oħra mill-miżuri li jkunu ftehmu dwarhom matul dawn il-laqgħat. Ir-regolarità ta’ parteċipazzjoni ta’ l-impriża fil-laqgħat kif ukoll l-implementazzjoni bejn wieħed u ieħor sħiħa tal-miżuri miftehma għandhom konsegwenzi mhux fuq l-eżistenza tar-responsabbiltà tagħha, iżda safejn tilħaq ir-responsabbiltà tagħha u b’hekk fuq l-ammont tal-penali (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punti 508 sa 510).
146 Minn dan jirriżulta li ċ-ċirkustanza, irrilevata minn Brugg, li hija ma impleimentatx u li barra minn hekk ma setgħetx timplementa l-miżura ta’ bojkott miftiehma matul il-laqgħa ta’ l-24 ta’ Marzu 1995 mhijiex ta’ natura li teżoneraha mir-responsabbiltà tagħha għall-parteċipazzjoni tagħha f’din il-miżura, ħlief jekk hija tbiegħdet pubblikament mill-kontenut tagħha, li m’huwiex allegat mill-imsemmija rikorrenti.
147 Huwa veru, kif issostni Brugg u kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 62 tas-sentenza appellata Brugg vs Il-Kummissjoni, li f’dan ir-rigward m’huwiex importanti li din ir-rikorrenti kellha interess f’kull miżura ta’ bojkott kontra waħda mill-kompetituri diretti tagħha eżerċitat mill-parteċipanti l-oħrajn fl-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 335).
148 Madanakollu dan huwa ilment magħmul kontra motiv sussidjarju ta’ din is-sentenza li ma jistax iwassal għall-annullament tagħha u b’hekk huwa inoperattiv (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2002, Hirschfeldt vs AEE, C-184/01 P, Ġabra p. I-10173, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
149 Fil-każ ta’ Brugg, barra minn hekk, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li, għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma din ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-parteċipazzjoni tagħha fil-bojkott kontra Powerpipe bħala ċirkustanza aggravanti, peress li l-unika ċirkustanza aggravanti kkunsidrata fir-rigward tagħha kienet tikkonċerna t-tkomplija tal-ksur wara l-investigazzjonijiet.
150 Bl-istess mod, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 142 sa 145 ta’ din is-sentenza, iċ-ċirkustanza rilevata mill-grupp Henss/Isoplus tal-parteċipazzjoni fl-akkordju ta’ impriżi dominanti jew partikolarment b’saħħithom li setgħu jieħdu miżuri ta’ ritaljazzjoni kontra l-parteċipanti l-oħrajn, li huma b’mod ċar inqas b’saħħithom, f’każ li dawn jitbiegħdu ruħhom pubblikament mill-kontenut tal-laqgħat li għandhom għan antikompetittiv, m’għandha ebda effett fuq l-eżistenza tar-responsabbiltà ta’ dawn l-aħħar impriżi li tirriżulta mill-fatt tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-miżura antikompetittiva, iżda tista’, jekk ikun il-każ, ikollha konsegwenzi fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell ta’ penali.
151 Kif irrelevat b’mod rilevanti l-Kummissjoni, l-argument oppost huwa inaċċettabbli, peress li minnu jirriżulta distinzjoni fil-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat skond id-daqs ta’ l-impriżi, b’mod li l-impriżi inqas b’saħħithom jiġu ffavoriti.
152 Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-aggravji eżaminati għandhom jiġu miċħuda.
C – Fuq il-motivi dwar il-merti, li jirrigwardaw id-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi
153 Ir-rikorrenti kollha jikkritikaw is-sentenzi appellati fir-rigward tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom.
154 Fl-ewwel lok ser jiġu indirizzati l-ilmenti bbażati fuq il-ksur ta’ ċerti prinċipji minħabba l-applikazzjoni tal-linji gwida għal ksur bħal dawk fil-każ preżenti, u, fit-tieni lok, dawk relatati mal-legalità tal-metodu ta’ kalkolu tal-multi adottat mil-linji gwida jew applikat fid-deċiżjoni kkontestata.
1. Fuq il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ non-retroattività minħabba l-applikazzjoni tal-linji gwida għall-ksur in kwistjoni
155 Il-parti l-kbira tar-rikorrenti jikkritikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli ddeċidiet li, billi applikat il-linji gwida għall-każijiet preżenti fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ non-retroattività;.
a) Fuq il-motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi
156 Permezz tal-motivi rispettivi tagħhom, Dansk Rørindustri (it-tieni motiv), KE KELIT (l-ewwel motiv), LR A/S (it-tieni motiv), Brugg (l-ewwel u t-tieni motivi), LR GmbH (it-tieni parti ta’ l-ewwel motiv) u ABB (it-tieni motivi) isostnu sostanzjalemnt li huma kienu intitolati jkollhom aspettattivi leġittimi fuq il-bażi tal-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, li hija kienet tapplika fiż-żmien meta twettqu l-ksur.
157 Din tikkonsisti fi prattika koerenti u li kien ilha tiġi applikata għal żmien twil li tikkonsisti fil-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi fuq il-bażi tal-fatturat miksub mill-prodott in kwistjoni fis-suq ġeografikament rilevanti (iktar ‘il quddiem il-“fatturat rilevanti”), ammont li barra minn hekk f’ebda każ ma jaqbeż l-ammont massimu tal-multa msemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, jiġifieri 10 % tal-fatturat dinji ta’ l-impriża mill-prodotti kollha flimkien (iktar ‘il quddiem il-“fatturat globali”).
158 Isegwi wkoll minn din il-prattika li l-ammont massimu tal-multa m’għandux jaqbeż l-10 % tal-fatturat rilevanti.
159 Skond l-imsemmija rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx, mingħajr ma tmur konta l-aspettattivi leġittimi taghħom, tapplika kontra tagħhom il-metodu ta’ kalkolu stabbilit fil-linji gwida, li kienu ġew adottati kemm wara l-ksur kif ukoll wara s-seduti, li huma l-aħħar stadju tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, peress li dan il-metodu huwa radikalment ġdid.
160 Il-karatteristika ġdida ta’ dan il-metodu hija dovuta l-aktar għall-fatt li tikkonsisti fit-teħid bħala punt ta’ tluq il-kalkolu ċerti ammonti bażiċi predefiniti li jirriflettu l-gravità tal-ksur u li m’humiex minnhom infushom relatati mal-fatturat rilevanti. Dan l-ammont bażiku jista’ sussegwentement jiżdied jew jitnaqqas skond it-tul ta’ żmien tal-ksur u ċ-ċirkustanzi aggravanti jew mitiganti possibilment applikabbli u jista’, fi stadju ulterjuri, ukoll jiġi mnaqqas f’każ ta’ eventwali kooperazzjoni mal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva.
161 L-istess rikorrenti jippreċiżaw li l-Kummissjoni ma setgħetx titbiegħed arbitrarjament mill-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha jew kellha, ta’ mill-inqas, tavżhom fi żmien biżżejjed dwar din il-modifika jew tagħti raġunijiet speċifiċi dwar l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu ġdid.
162 Huma jsostnu wkoll li l-aspettattiva li huma kellhom fuq il-bażi tal-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, fil-qasam tal-kalkolu tal-multi, kienet aktar u aktar leġittima minħabba li d-deċiżjoni tagħhom li jikkooperaw mal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq din il-prattika u, b’mod partikolari, fuq il-benefiċċji li huma setgħu jipprevedu li jiksbu mill-kooperazzjoni tagħhom fid-dawl ta’ l-imsemmija prattika.
163 L-aspettattiva leġittima bbażata fuq il-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni testendi, skond it-termini stess a’ din il-komunikazzjoni, għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa li jservi bħala bażi ta’ kalkolu, ammont li għalih jiġi applikat il-perċentwali ta’ tnaqqis mogħti fuq il-bażi tal-kooperazzjoni.
164 L-ewwelnett, il-motivi mqajma minn Dansk Rørindustri u KE KELIT ta’ ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.
165 Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, li parti f’kawża titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja eċċezzjoni li hija ma ssollevatx quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ifisser li l-parti tkun qed titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fl-appelli hija limitata, kawża aktar wiesa’ minn dik li tkun tressqet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk hija limitata għal eżami ta’ l-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-eċċezzjonijiet li kienu ġew diskussi quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, C-458/98 P, Ġabra p. I-8147, punt 74).
166 Għandu jiġi kkonstatat li, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, Dansk Rørindustri u KE KELIT ma qajmux eċċezzjoni bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi minħabba l-applikazzjoni tal-linji gwida.
167 Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda dawn ir-rikorrenti, dawn jikkonsistu f’eċċezzjonijiet ġodda li b’hekk huma inammissibbli fl-istadju ta’ l-appell.
168 Rigward il-mertu, LR A/S, Brugg, LR GmbH u ABB jikkritikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza li kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, rispettivament fil-punti 241 sa 248 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, 137 sa 144 tas-sentenza appellata Brugg Rohrsysteme vs Il-Kummissjoni, 248 sa 257 tas-sentenza appellata Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni u 122 sa 136 tas-sentenza appellata ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, in kwantu ċaħdet l-eċċezzjonijiet li huma kienu qajmu fuq dan il-bażi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
169 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Prim’Istanza korrettament fakkret li l-fatt li l-Kummissjoni applikat, fl-imgħoddi, multi ta’ ċertu livelli għal ċerti tipi ta’ ksur ma jfissx li hija ma tistax tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 17, jekk dan ikun meħtieġ sabiex tassigura l-implimentazzjoni tal-politika Komunitarja dwar il-kompetizzjoni, iżda li għall-kuntrarju, l-applikazzjoni effettiva tar-regoli Komunitarju dwar il-kompetizzjoni teżiġi li l-Kummissjoni tkun tista’ f’kull ħin tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika (sentenzi ta’ 7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 109, u Aristrain vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 81).
170 Fil-fatt, ir-rwol ta’ sorveljanza mogħti lill-Kummissjoni taħt l-Artikoli 85(1) u 86 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 82 KE) ma jinvolvix biss il-kompitu li tinvestiga u tippenalizza każijiet ta’ ksur individwali, iżda jinkludi wkoll id-dmir li ssegwi politika ġenerali biex tapplika, fir-rigward tal-kompetizzjoni, il-prinċipji stabbiliti fit-Trattat u li tidderieġi l-aġir ta’ l-impriżi f’din id-direzzjoni (ara s-sentenza Musique Diffusion française vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 105).
171 Madankollu, kif irrilevat il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-operaturi ma jistgħux iqiegħdu aspettattivi leġittimi fuq iż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tiġi mmodifikata mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-setgħa ta’ diskrezzjoni tagħha (sentenza ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C-350/88, Ġabra p. I-395, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
172 Dan il-prinċipju japplika b’mod ċar fil-kuntest tal-politika dwar il-kompetizzjoni li hija kkaratterizzata minn setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni, b’mod partikolari fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi.
173 Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta wkoll meta ddeduċiet li l-impriżi involuti fi proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal multa ma jistgħux ikollhom aspettattiva leġittima mill-fatt li l-Kummissjoni ma taqbiżx il-livell ta’ multi imposti preċedentement, b’mod illi fil-każ preżenti, ir-rikorrenti ma setgħux b’mod partikolari jkollhom aspettattiva leġittima fuq il-livell ta’ multi kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/601/KE tat-13 ta’ Lulju 1994 dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat tal-KE (IV/C/33.833 – Kartunċin) (ĠU L 243, p. 1). [Traduzzjoni mhux uffiċjali]. Kif tirreleva wkoll il-Kummissjoni, isegwi li aspettattiva leġittima lanqas ma tista’ tiġi bbażata fuq metodu ta’ kalkolu tal-multi.
174 Diversi rikorrenti jsostnu li din il-ġurisprudenza hija kkontestata mis- sentenza tat-12 ta’ Novembru 1987, Ferriere San Carlo vs Il-Kummissjoni (344/85, Ġabra p. 4435, punti 12 u 13). F’din is-sentenza, l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li peress li l-operatur in kwistjoni ma kienx ġie individwalment avżat fi żmien biżżejjed dwar it-tmiem ta’ prattika tal-Kummissjoni li kienet ilha tiġi segwita għal sentejn, u li kienet tikkonsisti fit-tolleranza ta’ ċertu qbiż ta’ kwoti, il-multa imposta minn din l-istituzzjoni għal dan il-qbiż kien imur kontra l-aspettattivi leġittimi li l-operatur in kwistjoni seta’ kellu fiż-żamma ta’ din il-prattika.
175 Madanakollu, kif irrilevat il-Kummissjoni, kull prinċipju li jista’ jiġi dedott minn din is-sentenza ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġi invokat fil-kuntest speċifiku tal-poteri ta’ sorveljanza li għandha l-Kummissjoni fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni, li għalihom japplikaw il-prinċipji mfakkra fil-punti 169 u 170 ta’ din is-sentenza.
176 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat ukoll korrettament li l-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma kinitx esklussivament ibbażata fuq il-fatturat rilevanti u li, għaldaqstant, ma setgħux jinħolqu aspettattivi leġittimi fuq il-bażi ta’ din il-prattika.
177 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li il-Qorti tal-Prim’Istanza biss hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll biex tevalwa l-elementi ta’ prova. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn l-elementi ta’ prova b’hekk ma tikkostitwix, ħlief f’każ tad- distorsjoni tagħhom, kwistjoni ta’ dritt li tista’ tiġi sottomessa, bħala tali, għall-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Mag Instrument vs UASI, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 39).
178 LR A/S, Brugg, LR GmbH u ABB ma jikkontestawx l-eżistenza tad-deċiżjonijiet li għalihom tirreferi l-Qorti tal-Prim’Istanza, iżda jsostnu li dawn huma każijiet iżolati. F’dan ir-rigward, huma jirreferu għal diversi deċiżjonijiet u pożizzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni li minnhom jirriżulta li, għall-kuntrarju, prattika deċiżjonali li hija biżżejjed koerenti u ċara kienet ġiet stabbilita fir-rigward tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi skond il-perċentwal tal-fatturat rilevanti.
179 Madanakollu, dan l-argument, anki jekk kien eżatt, ma jurix li kien hemm xi distorsjoni tal-fatti jew ta’ l-elementi ta’ prova ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Fir-realtà, din hija kritika ta’ evalwazzjoni fattwali u b’hekk sovrana ta’ din ta’ l-aħħar. Għaldaqstant dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat fl-istadju ta’ appell.
180 Rigward l-allegazzjoni ta’ l-imsemmija rikorrenti li jsostnu li jirriżulta mill-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni li l-ammont massimu tal-multa ma jistax jaqbeż il-limitu ta’ 10 % tal-fatturat rilevanti, din ukoll hija kwistjoni ta’ natura fattwali li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi fil-kuntest ta’ appell.
181 Madankollu għandu jiġi rrilevat, kif barra minn hekk għamlet il-Kummissjoni, li dan il-limitu f’ebda każ ma jirriżulta mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, peress li l-limitu previst f’din id-dispożizzjoni jirrigwarda l-fatturat globali u mhux il-fatturat rilevanti ta’ l-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 119).
182 L-istess rikorrenti jsostnu wkoll li huma setgħu jibbażaw aspettattiva leġittima fuq il-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kalkolu tal-multi, safejn id-deċiżjoni tagħhom li jikkooperaw mal-Kummissjoni kienet neċessarjament ibbażata fuq din il-prattika u, b’mod partikolari, fuq il-benefiċċji li huma setgħu jipprevedu mill-kooperazzjoni tagħhom fid-dawl ta’ din il-prattika.
183 Huma jissottomettu, b’mod partikolari b’analoġija mas-sentenza tat-28 ta’ April 1988, Mulder (120/86, Ġabra p. 2321, punt 24), li l-Kummissjoni tat inċentiv għal din il-kooperazzjoni permezz tal-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u ma kinitx f’an il-kż ibbenefikat, b’mod li hija kienet impenjat ruħha li ma timmodifikax sussegwentement il-bażi li fuqha ġiet offerta din il-kooperazzjoni.
184 Huma jsostnu li, jekk il-Kummissjoni kellha d-dritt li timmodifika kif xtaqet hi l-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, hemm riskju li l-aspettattivi leġittimi li l-operaturi jistgħu jipprevedu mill-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, jiġifieri d-dritt li jibbenefikaw minn tnaqqis tal-multa tagħhom, isiru biss illużjoni.
185 L-operataturi b’hekk għandhom jevalwaw il-benefiċċji ta’ possibbiltà ta’ kooperazzjoni u għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jikkalkulaw bil-quddiem l-ammont assolut tal-multa dovut li skond dawn huma jiddeċiedu jekk jikkooperawx jew le.
186 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif għamlet ukoll il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 143 tas-sentenza appellata Brugg vs Il-Kummissjoni kif ukoll fil-punti 127 u 128 tas-sentenza appellata ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, li ma jistax jiġi dedott mill-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni li din il-komunikazzjoni tista’ setgħtet tagħti lok għal aspettattivi leġittimi fuq il-metodu ta’ kalkolu jew fuq livell ta’ l-ammont tal-multi.
187 Fil-fatt jirriżulta mill-punt 3 tal-Kapitolu E, punt 3, tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni li l-Kummissjoni hija konxja mill-fatt li din il-komunikazzjoni toħloq aspettattivi leġittimi li fuqhom jibbażaw l-impriżi li jixtiequ jinfurmawha dwar l-eżistenza ta’ akkordju. Il-punt 5 tal-Kapitolu A ta’ din il-komunikazzjoni jiddikjara li l-kooperazzjoni ta’ impriża ma’ l-imsemmija istituzzjoni hija biss element wieħed fost elementi oħra li din ta’ l-aħħar tikkunsidra fl-iffissar ta’ l-ammont ta’ multa.
188 Isegwi minn qari konġunt ta’ l-imsemmija punti li l-aspettattivi leġittimi li l-operaturi jistgħu jidderivaw mill-istess komunikazzjoni huma limitati għall-assigurazzjoni li jistgħu jibbenefikaw minn ċertu perċentwali ta’ tnaqqis, iżda li din il-komunikazzjoni ma testendix għall-metodu ta’ kalkolu tal-multi u lanqas, a fortiori, għal livell determinat tal-multa li tista’ tiġi kkalkulata fil-mument meta l-operatur jiddeċiedi li jikkonkretizza l-intenzjoni tiegħu li jikkoopera mal-Kummissjoni.
189 Barra minn hekk, LR A/S u LR GmbH jikkritikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ddeċidiet, fil-punti 244 sa 246 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni u 255 sa 257 tas-sentenza appellata Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta li ssegwi l-prattika tagħha fil-qasam tat-tnaqqis ta’ multi fuq il-bażi tal-kooperazzjoni ta’ dawn ir-rikorrenti kif kienet teżisti fiż-żmien meta seħħet l-imsemmija kooperazzjoni, jiġifieri l-prattika ddikjarata fl-abbozz tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u li hija kkunsidrata li tikkorrispondi ma dik diġà adottata fid-Deċiżjoni 94/601. Dawn ir-rikorrenti jikkritikaw ukoll lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ddeċidiet fl-imsemmija punti li l-Kummissjoni kellha tapplika l-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, meta din ġiet adottata wara li seħħet il-kooperazzjoni u li kienet inqas favorevoli għaż-żewġ rikorrenti mill-imsemmija prattika.
190 Dawn ir-rikorrenti jsostnu, fis-sustanza, li huma setgħu jibbażaw fuq aspettattiva leġittima fuq din il-prattika tal-Kummissjoni u li din ta’ l-aħħar b’hekk ma setgħetx tapplika l-verjoni definittiva tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni li kienet inqas favorevoli għalihom.
191 Madankollu, għandu jingħad li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta ċaħdet din l-eċċezzjoni, għar-raġuni li l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux ikollhom aspettattivi leġittimi fiż-żamma ta’ din il-prattika peress li, fil-qasam ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni għandha setgħa ta’ diskrezzjoni li jippermettilha li f’kull mument tgħolli l-livell ġenerali tal-multi, fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 17, jekk dan ikun meħtieġ biex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja dwar il-kompetizzjoni, kif huwa mfakkar fil-punti 169 u 170 ta’ din is-sentenza.
192 B’hekk isegwi, kif korrettament iddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni tat, fil-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, ċerta rata ta’ tnaqqis għal aġir partikolari ma jimplikax li hija marbuta takkorda l-istess tnaqqis proporzjonali matul l-evalwazzjoni ta’ aġir simili fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ulterjuri.
193 Il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet ukoll, b’mod korrett, li LR A/S u LR GmbH bl-ebda mod ma setgħu jemmnu, fil-mument meta huma għamlu kuntatt mal-Kummissjoni, li din ta’ l-aħħar kienet ser tapplika, għall-każ tagħhom, il-metodu stabbilit fl-abbozz tagħha tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, peress li jirriżulta b’mod ċar minn dan it-test li dan kien għadu abbozz.
194 Fl-aħħarnett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi kkritata talli ddeċidiet, fil-punt 245 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, li l-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni setgħet tistabbilixxi aspettattiva leġittima li b’hekk torbot lill-Kummissjoni biex tapplikaha.
195 Il-punt 3 tal-Kapitolu E ta’ l-istess komunikazzjoni jsemmi espressament li “il-Kummissjoni hija konxja tal-fatt li din il-komunikazzjoni toħloq aspettattivi leġittimi li fuqhom jibbażaw l-impriżi li jixtiequ jinnotifikawha dwar l-eżistenza ta’ akkordju”.
196 Il-punt 245 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni għandu jinftiehem fis-sens li l-operaturi ekonomiċi setgħu ikollhom aspettattivi leġittimi fl-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni meta ma jkunux iġġustifikati li jkollhom aspettattivi leġittimi fl-allegata prattika preċedenti tal-Kummissjoni,
197 Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-motivi eżaminati għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.
b) Fuq il-motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ non-retroattività
198 Permezz tal-motivi rispettivi tagħhom, Dansk Rørindustri (it-tieni motiv), il-grupp Henss/Isoplus (ir-raba’ parti ta’ l-ewwel motiv), KE KELIT (it-tielet motiv), LR A/S (it-tieni motiv), Brugg (l-ewwel motiv) u LR GmbH (l-ewwel motiv), jikkritikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza, f’dak li jirrigwardhom, li ddeċidiet, fil-punti 162 sa 182 tas-sentenza appellata Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, 487 sa 496 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni, 108 sa 130 tas-sentenza appellata KE KELIT vs Il-Kummissjoni, 217 sa 238 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, 106 sa 129 tas-sentenza appellata Brugg Rohrsysteme vs Il-Kummissjoni u 215 sa 238 tas-sentenza appellata Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, li, meta applikat f’dan il-każ il-metodu ta’ kalkolu ta’ l-ammont tal-multi kif previst fil-linji gwida, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ non-retroattività;.
199 L-ewwelnett għandu jiġi indirizzat il-motiv imqajjem minn LR A/S fejn dan jikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma kkundannatx id-deċiżjoni kkontestata fuq il-kwistjoni tal-ksur fuq il-bażi li din kienet ivvizzjata mill-fatt ta’ l-applikazzjoni allegatament retroattiva tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.
200 Għandu jiġi kkonstatat li din l-eċċezzjoni ma ġietx imqajma quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. B’hekk skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 165 ta’ din is-sentenza, din hija eċċezzjoni ġdida u, għaldaqstant, hija inammissibbli fl-istadju ta’ appell.
201 Fid-diversi sentenzi appellati, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dawn l-ilmenti fuq il-bażi ta’ raġunament fis-sustanza identiku. Dan jista’ jiġi ssintesizzat kif ġej.
202 Il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat, l-ewwelnett u b’mod korrett, li l-prinċipju ta’ non-retroattività tal-liġijiet kriminali, li jinsab fl-Artikolu 7 tal-KEDB bħala dritt fundamentali, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li japplika meta multi jiġu imposti għal ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u li dan il-prinċipju jeziġi li l-penalitajiet imposti jikkorrispondu għal dawk li kienu stabbiliti fiż-żmien meta twettaq il-ksur.
203 Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, sussegwentement, li l-linji gwida jibqgħu fil-kuntest ġuridiku li jirregola d-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi, skond kif definit, qabel il-ksur, fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17.
204 Fil-fatt, il-metodu ta’ kalkolu tal-multi previst mil-linji gwida jibqa’ bbażat fuq il-prinċipji li jistabbilixxu din id-dispożizzjoni, peress li l-kalkolu dejjem isir fuq il-bażi tal-gravità u tad-dewmien tal-ksur u li l-multa ma tistax taqbeż l-ammont massimu ta’ 10% tal-fatturat globali.
205 Il-linji gwida b’hekk ma jimmodifikawx il-kuntest ġuridiku tal-penalitajiet, peress li dawn jibqgħu definiti unikament mir-Regolament Nru 17. Il-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma tagħmilx parti minn dan il-kuntest ġuridiku.
206 Fl-aħħarnett, skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, ma kienx hemm aggravazzjoni retroattiva tal-multi anki jekk il-linji gwida jistgħu, f’ċerti każijiet, jinvolvu żieda tagħhom. Dan isegwi mill-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multi skond ir-Regolament Nru 17. Din ta’ l-aħħar tista’, f’kull mument, tgħolli l-livell tal-multi għall-bżonnijiet tal-politika tagħha dwar il-kompetizzjoni, bil-kundizzjoni li tibqa’ fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 17, kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 169 ta’ din is-sentenza.
207 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din l-analiżi hija bbażata essenzjalment fuq il-premessa li l-linji gwida ma jagħmlux parti mill-kuntest ġuridiku li jiddetermina l-ammont tal-multi, billi dan il-kkuntest huwa kkostitwit esklużivament mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, b’tali mod li l-applikazzjoni tal-linji gwida għal ksur imwettaq qabel l-adozzjoni tagħhom ma tistax tmur kontra l-prinċipju ta’ non-retroattività;.
208 Din il-premessa mhijiex eżatta.
209 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet iddeċidiet, f’sentenza dwar miżuri ta’ ordni interna adottati mill-amministrazzjoni, li, għalkemm ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala regola ta’ dritt li l-amministrazzjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, dawn madankollu jikkostitwixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prattika li għandha tiġi segwita li l-amministrazzjoni ma tistax titbiegħed minnha, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kumpatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali. B’hekk dawn il-miżuri jikkostitwixxu att ta’ natura ġenerali u l-uffiċjali u aġenti in kwistjoni jistgħu jinvokaw l-illegalità tagħhom in sostenn ta’ rikors kontra deċiżjonijiet individwali meħuda fuq il-bażi tagħhom (ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Libéros vs Il-Kummissjoni, C-171/00 P, Ġabra p. I-451, punt 35).
210 Din il-ġurisprudenza tapplika a fortiori għar-regoli ta’ kondotta itniżi sabiex jipproduċu effetti esterni, bħal ma huwa l-każ tal-linji gwida li huma intiżi għal operaturi ekonomiċi.
211 Peress li adottat dawn ir-regoli ta’ kondotta u peress li stqarret permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom li hija kienet ser tapplikhom minn hemm ‘il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, l-istituzzjoni in kwistjoni għamlet restrizzjoni fuqha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ diskrezzjoni tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma ssib ruħha li qed tikkommetti ksur, skond il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tat-trattament ugwali jew tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi. Għaldaqstant ma jistax jiġi eskluż li, taħt ċerti kundizzjonijiet u skond il-kontenut tagħhom, dawn ir-regoli ta’ kondotta li għandhom portata ġenerali jista’ jkollhom effetti ġuridiċi.
212 Barra minn hekk, kif ireleva wkoll, fis-sustanza, l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-ġurisprudenza li għaliha ssir referenza fil-punt 209 ta’ din is-sentenza dwar l-effetti ġuridiċi ta’ dawn ir-regoli ta’ kondotta tikkonferma l-mertu tall-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 420 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni u 276 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, li tistabbilixxi li l-linji gwida, anki jekk dawn ma jikkostitwixxux il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata, li hija bbażata fuq l-Artikoli 3 u 15(2), tar-Regolament Nru 17, jistgħu madankollu jkunu s-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità skond l-Artikolu 184 KE.
213 Għaldaqstant il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta, fil-punt 418 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni u l-punt 274 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, irrilevat li l-linji gwida, għalkemm ma jikkostitwixxux il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata, jiddeterminaw, b’mod ġenerali u fl-astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multi imposti minn din id-deċiżjoni u jassiguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali ta’ l-impriżi.
214 Bl-istess mod kif l-ammissibbiltà ta’ l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra regoli ta’ kondotta bħal-linji gwida mhijiex soġġetta għall-eżiġenza li dawn ikunu jikkostitwixxu l-bażi ġuridika ta’ l-att li l-illegalità tiegħu hija invokata, ir-rilevanza tal-linji gwida fir-rigward tal-prinċipju ta’ non-retroattività ma tippreżupponix li dawn jiffurmaw il-bażi ġuridika għall-impożizzjoni tal-multi in kwistjoni.
215 F’dan il-kuntest, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 7(1) tal-KEDB, li barra minn hekk ġiet invokata minn bosta mir-rikorrenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti Ewropew tad-Drittijiet tal-Bniedem S.W. u C.R. vs Ir-Renju Unit tat-22 ta’ Novembru 1995, Serje A Nri. 335-B u 335-C, § 34 sa 36 u § 32 sa 34; Cantoni vs Franza tal-15 ta’ Novembru 1996, Ġabra ta’ Sentenzi u Deċiżjonijiet, 1996-V, § 29 sa 32, u Coëme et vs Il-Belġju tat-22 ta’ Ġunju 2000, Ġabra ta’ Sentenzi u Deċiżjonijiet, 2000-VII, § 145).
216 Fil-fatt jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li l-kunċett ta’ “dritt” skond l-imsemmi Artikolu 7(1) jikkorrispondi ma’ dak ta’ “liġi” użat f’dispożizzjonijiet oħrajn tal-KEDB u jħaddan kemm id-dritt ta’ oriġini leġiżlattiva kif ukoll dak li joħroġ mill-ġurisprudenza.
217 Din id-dispożizzjoni, li tistabbilixxi b’mod partikolari il-prinċipju tal- legalità tar-reati u l-penalitajiet (nullum crimen, nulla poena sine lege), għalkemm ma tistax tiġi interpretata li ma tippermettix il-kjarifika gradwali tar-regoli ta’ responsabbiltà kriminali, tista’ skond l-imsemmija ġurisprudenza, tipprekludi l-applikazzjoni retroattiva ta’ interpretazzjoni ġdida ta’ regola li tistabbilixxi ksur.
218 Skond l-imsemmija ġurisprudenza, dan japplika b’mod partikolari f’każ ta’ interpretazzjoni ġudizzjarja li r-riżultat tagħha ma kienx raġonevolment prevedibbli fil-mument meta twettaq il-ksur, b’mod partikolari fid-dawl ta’ l-interpretazzjoni adottata f’dak iż-żmien fil-ġurisprudenza dwar id-dispożizzjoni legali in kwistjoni.
219 Jirriżulta minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li l-portata tal-kunċett ta’ prevedibbiltà jiddependi ħafna mill-kontenut tat-test in kwistjoni, il-qasam li hija tkopri kif ukoll in-numru u l-kwalità tad-destinatarji tagħha. Il-prevedibbiltà tal-liġi ma tipprekludix li l-persuna in kwistjoni jkollha tirrikorri għal parir ta’ kjarifika biex tevalwa, sa grad raġonevoli skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att partikolari. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-professjonisti, li huma mdorrijin jagħtu prova li jimxu bi prudenza kbira fl-eżerċizzju tas-sengħa tagħhom. F’dan ir-rigward huma mistennija jagħtu attenzjoni partikolari biex jevalwaw ir-riskji li jista’ jkun hemm (ara s-sentenza Cantoni vs Franża, iċċitata iktar ‘il fuq, § 35).
220 Barra minn hekk, dawn il-prinċipji huma riflessi fil-il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li skond din l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut tad-Direttiva meta hija tinterpreta r-regoli relevanti tal-liġi nazzjonali tagħha huwa limitat għall-prinċipji ġenerali tad-dritt li jagħmlu parti mid-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari dawk taċ-ċertezza legali u ta’ non-retroattività; (ara, s-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1987, Kolpinghuis Nijmegen, 80/86, Ġabra p. 3969, punt 13).
221 Skond din il-ġurisprudenza, din l-interpretazzjoni ma tistax effettivament twassal għall-impożizzjoni fuq individwu ta’ obbligu previst minn Direttiva mhux trasposta u lanqas, a fortiori, ma twassal li tiddetermina jew taggrava, fuq il-bażi tad-Direttiva u fin-nuqqas ta’ liġi li ttieħdet biex timplementaha, ir-responsabbiltà penali ta’ dawk li aġixxew bi ksur tad-dispożizzjonijiet Komunitarji tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kolpinghuis Nijmegen, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 14, u s-sentenza tas-26 ta’ Settembru 1996, Arcaro, C-168/95, Ġabra p. I-4705, punt 42).
222 Skond din il-ġurisprudenza dwar żviluppi ġodda fil-ġurisprudenza, il-modifika ta’ politika repressiva, f’dan il-każ il-politika ġenerali dwar il-kompetizzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-multi, b’mod partikolari jekk din tkun operata permezz ta’ l-addozzjoni ta’ regoli ta’ kondotta bħal-linji gwida, jista’ jkollha effetti fir-rigward tal-prinċipju ta’ non-retroattività;.
223 Fil-fatt, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-effetti ġuridiċi u l-portata ġenerali tagħhom, kif indikat ukoll fil-punt 211 ta’ din is-sentenza, dawn ir-regoli ta’ kondotta jaqgħu, bħala prinċipju, taħt il- kunċett ta’ “liġi” skond l-Artikolu 7(1) tal-KEDB.
224 Kif ġie rrilevat ukoll fil-punt 219 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi kkontrollat il-ħarsien tal-prinċipju ta’ non-retroattività, għandu jiġi vverifikat jekk il-modifika in kwistjoni kinitx raġonevolment prevedibbli fil-mument meta twettaq il-ksur in kwistjoni.
225 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrilevaw bosta mir-rikorrenti, il-bidla prinċipali fil-linji gwida tikkonsisti prinċipalment fit-teħid bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu ammont bażiku, li jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ kategoriji previsti f’dan ir-rigward mill-imsemmija linji gwida, dawn il-kategoriji jirriflettu d-diversi gradi ta’ gravità tal-ksur, iżda li, bħala tali, m’għandhom ebda relazzjoni mal-fatturat rilevanti. Dan il-metodu huwa essenzjalment ibbażat fuq sistema ta’ tariffi għall-multi, li madankollu hija relattiva u flessibbli.
226 Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk dan il-metodu ġdid ta’ kalkolu tal-multi, jekk wieħed jassumi li dan kellu effett aggravanti fuq il-livell tal-multi imposti, kienx raġonevolment prevedibbli fil-mument meta ġew imwettqa l-ksur in kwistjoni.
227 Kif diġà ġie mfakkar fil-punt 169 ta’ din is-sentenza fir-rigward tal-motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal tipi differenti ta’ ksur ma jċaħħadhiex mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 17, jekk dan ikun meħtieġ sabiex tassigura l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja dwar il-kompetizzjoni iżda li, għall-kuntrarju, l-applikazzjoni effettiva tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni teżiġi li l-Kummissjoni tkun tista’ f’kull mument tadatta l-livell tal-multi għall-ħtiġijiet ta’ din il-politika.
228 Minn dan jirriżulta, kif diġà ġie deċiż fil-punt 173 ta’ din is-sentenza, li l-impriżi involuti fi proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal multa ma jistgħux jiksbu aspettattivi leġittimi mill-fatt li l-Kummissjoni ma tkunx ser taqbeż il-livell tal-multi imposti preċedentement u lanqas f’metodu ta’ kalkolu tal-multi.
229 B’konsegwenza, l-imsemmija impriżi għandhom jikkunsidraw il-possibbiltà li, f’kull ħin, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tgħolli l-livell ta’ l-ammont tal-multi meta mqabbel ma’ dak applikat fil-passat.
230 Dan japplika mhux biss meta l-Kummissjoni tgħolli l-livell ta’ l-ammont tal-multi meta tiddeċiedi dwar multi f’każijiet individwali, iżda wkoll meta din iż-żieda ssir permezz ta’ l-applikazzjoni, bħal fil-każ preżenti, ta’ regoli ta’ kondotta li għandhom portata ġenerali bħal-linji gwida.
231 Għandu jiġi konkluż li, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 219 ta’ din is-sentenza, il-linji gwida u, b’mod partikolari, il-metodu ġdid ta’ kalkolu tal-multi li dawn jintroduċu, jekk wieħed jassumi li dan kellu effett aggravanti fuq il-livell tal-multi imposti, kienu raġonevolment prevedibbli għal impriżi bħar-rikorrenti fil-mument meta ġew imwettqa l-ksur in kwistjoni.
232 Għaldaqstant, meta applikat il-linji gwida fid-deċiżjoni kkontestata għal ksur imwettqa qabel l-addozzjoni tagħhom, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ non-retroattività;.
233 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, il-motivi eżaminati kollha għandhom jiġu miċħuda.
2. Fuq il-motivi bbażati fuq il-legalità tal-metodu ta’ kalkolu ta’ l-ammont tal-multi kif stabbilit fil-linji gwida jew applikat fid-deċiżjoni kkontestata
234 Permezz tal-motivi rispettivi tagħhom, Dansk Rørindustri (l-ewwel motiv), il-grupp Henss/Isoplus (l-ewwel u t-tielet motivi), KE KELIT (l-ewwel u t-tieni motivi), LR A/S (l-ewwel u t-tielet motivi), Brugg (ir-raba’ motiv), LR GmbH (it-tieni motiv) u ABB (it-tielet motiv) jikkritikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ċaħdet l-eċċezzjonijiet tagħhom li kienu juru li ċerti aspetti tal-metodu ta’ kalkolu ta’ l-ammont tal-multa stabbilit mil-linji gwida jew li ġew applikati fid-deċiżjoni kkontestata jmorru kontra l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, u kontra ċerti prinċipji ġenerali, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali, kif ukoll id-drittijiet tad-difiża.
235 F’dan ir-rigward, il-grupp Henss/Isoplus u LR GmbH, prinċipalment, u LR A/S, sussidjarment, jikkontestaw il-legalità tal-linji gwida, fuq il-premessa li l-illegalità tal-metodu ta’ kalkolu applikat f’dan il-każ hija inerenti fil-linji gwida.
236 L-ammissibbiltà ta’ l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajjem għal dan l-iskop mill-imsemmija rikorrenti u ammess mill-Qorti tal-Prim’Istanza ma jistax jiġi kkontestat.
237 Fir-rigward ta’ l-effetti ġuridiċi li jistgħu jipproduċu regoli ta’ kondotta bħal-linji gwida, u peress li dawn jinkludu dispożizzjonijiet ta’ portata ġenerali fejn huwa paċifiku li ġew applikati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, kif ġie rrilevat ukoll fil-punti 209 sa 214 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li teżisti konnessjoni diretta bejn din id-deċiżjoni u l-linji gwida.
a) Fuq il-motivi bbażati fuq ksur ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, matul l-iffissar, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ l-ammont tal-multi skond il-metodu ta’ kalkolu stabbilit fil-linji gwida
238 Dansk Rørindustri, il-grupp Henss/Isoplus, LR A/S, LR GmbH u ABB isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball fid-dritt meta ddeċidiet li l-metodu ta’ kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, kif applikat fid-deċiżjoni kkontestata, ma jiksirx l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.
239 Il-grupp Henss/Isoplus, LR A/S u LR GmbH isostnu li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti li tadotta l-linji gwida.
240 Fl-ewwel lok għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ l-ammonti tal-multi, għandhom jiġu kkunsidrati t-tul ta’ żmien u l-elementi kollha li jistgħu jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur (ara s-sentenza Musique Diffusion française vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 129).
241 Il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ għadd kbir ta’ elementi, fosthom iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-effett disważiv tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrenti tal-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod obbligatorju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 465).
242 Fost l-elementi li jistgħu jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur hemm l-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol li kull waħda minnhom kellha fl-istabbiliment tal-prattiċi miftiehma, il-qligħ li dawn setgħu jiksbu minn dawn il-prattiċi, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Komunità (ara s-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 129).
243 Isegwi, minn naħa waħda, li huwa permessibbli, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-multa, li jiġi kkunsidrat ukoll il-fatturat globali ta’ l-impriża li jikkostitwixxi indikazzjoni, għalkemm approssimattiva u mhux perfetta, tad-daqs u s-saħħa ekonomika ta’ l-impriża tagħha kif ukoll tal-parti minn din iċ-ċifra li hija ta’ provenjenza mill-merkanzija li huma s-suġġett tal-ksur u li b’hekk jistgħu jagħtu indikazzjoni tad-daqs tiegħu. Jirriżulta, min-naħa l-oħra, li m’għandhiex tingħata importanza sproporzjonata għal ebda wieħed minn dawn iż-żewġ ċifri meta mqabbla ma’ elementi oħrajn li għandhom jiġu kkunsidrati, u għaldaqstant, li l-iffissar ta’ multa adattata ma tistax tkun ir-riżultat ta’ kalkolu sempliċi bbażat fuq il-fatturat globali. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-merkanzija kkonċernata tirrappreżenta biss porzjon żgħir ta’ din iċ-ċifra (ara s-sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 121, u tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 111).
244 Għandu jiġi mfakkar, fit-tieni lok, li fil-kuntest ta’ l-appell, l-iskop tal-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa, minn naħa waħda, li jeżamina kemm il-Qorti tal-Prim’Istanza ikkunsidrat, b’mod ġuridikament korrett, il-fatturi kollha essenzjali essenzjali għall-evalwazzjoni tal-gravità ta’ aġir partikolari fid-dawl ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat u l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u, min-naħa l-oħra, li jiġi vverifikat jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza irrispondiet b’mod sodisfaċenti għall-finijiet ta’ dritt l-argumenti kollha invokati mir-rikorrenti għat-tneħħija jew it-tnaqqis tal-multa (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 128, u tad-29 ta’ April 2004, British Sugar vs Il-Kummissjoni, C-359/01 P, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47).
245 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-natura allegatament sproporzjonata tal-multa, għandu jiġi mfakkar li ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta din tiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta’ dritt fil-kuntest ta’ appell, li tissostitwixxi, minħabba motivi ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddeċiedi fl-eżerċizzju tal-ġuriżdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multi imposti kontra impriżi għal l-ksur minnhom tad-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, punt 129, u British Sugar vs Il-Kummissjoni, punt 48).
246 Isegwi li motiv għandu jiġi ddikjarat inammissibbli kemm-il darba għandu bħala għan eżami mill-ġdid tal-multi (ara s-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, punt 129, u British Sugar vs Il-Kummissjoni, punt 49).
247 Dansk Rørindustri, il-grupp Henss/Isoplus, LR A/S, LR GmbH u ABB isostnu, fl-ewwel lok, li l-metodu ta’ kalkolu applikat f’dan il-każ, in kwantu jikkonsisti fit-teħid bħala punt ta’ tluq l-ammonti bażiċi ddefiniti ml-linji gwida li m’humiex iddeterminati skond il-fatturat rilevanti, imur kontra l-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 17, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.
248 Huma jsostnu li dan jikkonsisti f’metodu ta’ kalkolu mekkaniku li ma jikkunsidrax, jew ta’ l-anqas li jikkunsidra b’mod mhux suffiċjenti, il-fatturat rilevanti u l-eżiġenza ta’ aġġustament individwali tal-multi għal kull impriża kkonċernata.
249 Il-grupp Henss/Isoplus, LR A/S u LR GmbH isostnu fuq din il-bażi li, peress li adottat dan il-metodu ta’ kalkolu fil-linji gwida, il-Kummissjoni qabżet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha mogħtija lilha mir-Regolament Nru 17, u li dawn il-linji gwida b’hekk huma illegali minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza ta’ din l-istituzzjoni.
250 Madankollu, jirriżulta mill-analiżi fil-fond tal-kontenut tal-linji gwida, li saret b’mod partikolari fil-punti 223 sa 232 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, kif huwa ddikjarat ukoll fil-ewwel subparagrafu tal-punt 1 ta’ dawn il-linji gwida, l-ammont bażiku għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi huwa ddeterminat skond il-gravità u d-dewmien tal-ksur, l-uniċi kriterji adottati mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, u b’hekk b’mod konformi mal-kuntest ġuridiku tal-penalitajiet kif definiti minn din id-dispożizzjoni.
251 Kif jirriżulta wkoll b’mod partikolari mill-punti 225 sa 230 ta’ din is-sentenza appellata, i-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat din il-konklużjoni fuq l-analiżi segwenti tal-linji gwida:
“225 Skond il-linji gwida, il-Kummissjoni tieħu bħala punt ta’ tluq, fil-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, ammont determinat skond il- gravità tal-ksur […]. L-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tikkunsidra n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan ikun jista’ jiġi kkwantifikat u l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat (l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 A). F’dan il-kuntest, il-ksur huma kklassifikati taħt tliet kategoriji, jiġifieri ‘ksur ftit gravi’, li għalihom l-ammont tal- multi maħsub huwa ta’ bejn 1 000 u miljun ECU, ‘ksur gravi’, li għalihom l-ammont tal-multi maħsub jista’ jvarja bejn miljun u 20 miljun ECU, u l-‘ksur gravi ħafna’, li għalihom l-ammont tal-multi maħsub jaqbeż l-20 miljun ECU (l-ewwel u t-tielet subinċizi tat-tieni subparagrafu tal-punt 1 A). F’kull waħda minn dawn il-kategoriji, u b’mod partikolari għall-kategoriji msejħa ‘gravi’ u ‘gravi ħafna’, l-iskala tal-penalitajiet previsti tippermetti li jingħata trattament differenti lill-impriżi skond in-natura tal-ksur imwettaq (it-tielet subparagrafu tal-punt 1 A). Barra minn hekk, huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ l-awturi tal-ksur li jagħmlu ħsara sostanzjali lil operaturi oħrajn, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa għal livell li jkun ta’ natura biżżejjed dissważiva (punt 1 A, ir-raba’ paragrafu).
226 Barra minn hekk, jista’ jiġi kkunsidrat il-fatt li l-impriżi ta’ daqs kbir spiss ikollhom infrastrutturi suffiċjenti sabiex ikollhom għarfien legali u ekonomiku sabiex ikunu jistgħu jifhmu aħjar in-natura illeċita ta’ l-aġir tagħhom u l-konsegwenzi li jista’ jirriżulta minnu taħt il-liġi tal-kompetizzjoni (il-ħames subparagrafu tal-punt 1 A).
227 F’kull waħda mit-tliet kategoriji hawn fuq imsemmija, jista’ jkun meħtieġ li jiġi kkunsidrat, f’ċerti każijiet, l-ammont determinat, bil-għan li jiġi kkunsidrat il-piż speċifiku, u b’hekk l-impatt reali, ta’ l-aġir illeċitu ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta jkun hemm diskrepanza kunsiderevoli bejn id-daqs ta’ l-impriżi li jkunu l-awturi ta’ ksur ta’ l-istess natura u li jiġi adattat konsegwentement il-punt ta’ tluq ġenerali skond in-natura speċfika ta’ kull impriża […] (is-sitt subparagrafu tal-punt 1 A).
228 Rigward il-fattur li jirrigwarda t-tul ta’ żmien tal-ksur, il-linji gwida jagħmlu distinzjoni bejn ksur għal żmien qasir (b’mod ġenerali inqas minn sena), li għalihom l-ammont stabbilit għall- gravità ma jistax jiżdied iktar, il-ksur għal żmien medju (b’mod ġenerali bejn sena u ħames snin), li għalihom dan l-ammont jista’ jkompli jiżdied sa 50 %, u l-ksur għal żmien twil (b’mod ġenerali aktar minn ħames snin), li għalihom dan l-ammont jista’ jiżdied għal kull sena b’10 % (l-ewwel u t-tielet subinċiżi ta’ l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 B).
229 Sussegwentement il-linji gwida jiċċitaw, bħala eżempju, lista ta’ ċirkustanzi aggravanti u mitiganti li jistgħu jiġu kkunsidrati biex jiżdied jew jitnaqqas l-ammont bażiku u wara jirreferu għall-kkomunikazzjoni [dwar il-kooperazzjoni].
230 Bħala rimarka ġenerali, huwa ppreċiżat li r-riżultat finali tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa skond dan il-qafas (ammont bażiku miżjuda jew imnaqqas fuq il-bażi ta’ perċentwali ta’ aggravazzjoni jew mitigazzjoni) f’ebda każ ma jista’ jaqbeż l-10 % tal-fatturat dinji ta’ l-impriżi, skond l-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 17 [punt 5(a)]. Minbarra dan, il-linji gwida jipprovdu li għandhom jiġu kkunsidrati, skond iċ-ċirkustanzi u wara li jsiru l-kalkoli hawn fuq deskritti, ċerti fatturi oġġettivi bħall-kuntest ekonomiku speċifiku, il-vantaġġ ekonomiku jew finanzjarju eventwalment miksub mill-awturi tal-ksur, il-karatteristiċi partikolari ta’ l-impriżi in kwistjoni kif ukoll il-kapaċità kontributtiva reali tagħhom f’kuntest soċjali partikolari, sabiex jiġi adattat finalment l-ammont tal-multi maħsub [punt 5(b)].”
252 Il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tiddeduċi mingħajr ma tagħmel żball ta’ dritt li, in kwantu ddikjarat fil-linji gwida tagħha l-metodu li hija kienet qed taħseb li ttapplika għall-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li l-Kummissjoni baqgħet fil-kuntest legali impost minn din id-dispożizzjoni u bl-ebda mod ma qabbżet is-setgħa diskrezzjonali li ġiet mogħtija lilha mil-leġiżlatur, kif huwa indikat fil-punt 432 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni u l-punt 277 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni.
253 Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta fuq dan il-punt meta ċaħdet l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità li saru kontra l-linji gwida u bbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li tadotthom.
254 Din il-konklużjoni ma tiġix ikkontestata mill-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti, jiġifieri li, pererss li l-Kummissjoni esponiet fil-linji gwida tagħha metodu ta’ kalkolu ta’ l-ammont tal-multi mhux ibbażat fuq il-fatturat ta’ l-impriżi kkonċernati, din l-istituzzjoni tbiegħdet mill-interpretazzjoni tal-ġurispridenza dwar l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17.
255 Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod partikolari fil-punt 442 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni u l-punt 278 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, il-Kummissjoni m’hijiex obbligata, matul id-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi skond il-gravità u d-dewmien tal-ksur in kwistjoni, li taħdem il-kalkolu tal-multa bi tluq minn ammonti bbażati fuq il-fatturat ta’ l-impriżi kkonċernati.
256 Kif esponiet il-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod partikolari fil-punti 443 u 444 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni kif ukoll fil-punti 280 u 281 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, din il-konklużjoni hija bbażata b’mod ċar fuq prinċipji li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punti 240 sa 243 ta’ din is-sentenza, joħorġu mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17.
257 Jirriżulta fil-fatt minn dawn il-prinċipji li, bla ħsara għall-ħarsien tal-limitu għola stabbilit f’din id-dispożizzjoni u li jirreferi għall-fatturat globali (ara s-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 119), huwa possibbli għall- Kummissjoni li tikkunsidra l-fatturat ta’ l-impriża in kwistjoni sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur matul id-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa, iżda li m’għandhiex tingħata importanza sproporzjonata lil din iċ-ċifra meta mqabbla ma’ elementi oħrajn li għandhom jiġu evalwati.
258 F’dan ir-rigward għandu jingħad ukoll, kif irrilevat korrettament il-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod partikolari fil-punt 447 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni u fil-punt 283 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, li, għalkemm il-linji gwida ma jipprevedux li l-ammont tal-multi jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-fatturat globali jew tal-fatturat rilevanti, dawn ma jipprekludux li l-imsemmija ċifri tal-fatturat jiġu kkunsidrati għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa kemm-il sabiex jiġu mħarsa l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u meta ċ-ċirkustanzi jeżiġu dan.
259 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, b’mod partikolari fil-punti 284 u 285 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni:
“284 Jirriżulta, fil-fatt, li fl-applikazzjoni tal-linji gwida, il-fatturat ta’ l-impriżi kkonċernati jista’ jiġi kkunsidrat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kapaċità ekonomika effettiva ta’ l-awturi tal-ksur li jagħmlu ħsara sostanzjali lil operaturi oħrajn u tal-ħtieġa li jiġi żgurat li l-multa tkun ta’ natura biżżejjed dissważiva jew meta jiġi kkunsidrat il-fatt li l-impriżi ta’ daqs kbir spiss ikollhom infrastrutturi suffiċjenti li jippermettulhom li jkollhom għarfien legali u ekonomiku sabiex ikunu jistgħu jifhmu aħjar in-natura illeċita ta’ l-aġir tagħhom u l-konsegwenzi li jista’ jirriżulta minnu taħt il-liġi tal-kompetizzjoni (ara l-punt 226 iktar ‘il fuq). Il-fatturat ta’ l-impriżi kkonċernati jista’ jiġi kkunsidrat ukoll fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-piż speċifiku, u b’hekk ta’ l-impatt reali, ta’ l-aġir illeċitu ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta jkun hemm diskrepanza kunsiderevoli fid-daqs ta’ l-impriżi li jkunu l-awturi ta’ ksur ta’ l-istess natura (ara l-punt 227 iktar ‘il fuq). Bl-istess mod, il-fatturat ta’ l-impriżi jista’ jagħti indikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku jew finanzjarju eventwalment miksub mill-awturi tal-ksur jew ta’ karatteristiċi partikolari oħrajn tagħhom li, skond iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu kkunsidrati (ara l-punt 230 iktar ‘il fuq).
285 Barra minn hekk, il-linji gwida jistabbilixxu li l-prinċipju ta’ penali ugwali għall-istess aġir jista’ jwassal, meta ċ-ċirkustanzi hekk jeżieġu, l-applikazzjoni ta’ ammonti differenzjati għall-impriżi kkonċernati mingħajr ma din id-differenza ssegwi kalkolu aritmetiku (punt 1 A, is-seba’ paragrafu).”
260 Għall-kuntrarju, peress li l-metodu ta’ kalkolu stabbilit fil-linji gwida, in kwantu dan jipprevedi li jiġu kkunsidrati għadd kbir ta’ elementi għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur biex jiġi ffissat l-ammont tal-multa, li fosthom jinkludi b’mod partikolari l-qligħ miksub mill-ksur jew il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-multi jkollhom effett dissważiv, jidher li jikkorrispondi aħjar mal-prinċipji stabbiliti mir-Regolament Nru 17 kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, milli ma’ l-allegata prattika preċedenti tal-Kummissjoni invokata mir-rikorrenti, li fiha l-fatturat rilevanti kellu rwol predominanti u relattivament mekkaniku.
261 B’hekk ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li l-metodu ta’ kalkolu tal-linji gwida, in kwantu dan jikkonsisti fit-teħid bħala punt ta’ tluq ta’ ammonti bażiċi li mhumiex determinati skond il-fatturat rilevanti, imur kontra l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.
262 Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-deċiżjoni kkontestata stess turi barra minn hekk li l-metodu tal-linji gwida jippermetti li jiġi kkunsidrat il-fatturat peress li, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qassmet lir-rikorrenti f’erba’ gruppi skond id-daqs tagħhom, u konsegwentement għamlet distinzjoni sostanzjali fl-ammonti bażiċi.
263 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat fil-punti 295 sa 297 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni:
“295 Għandu jiġi osservat, sussegwentement, li l-Kummissjoni, bil-għan li tikkunsidra d-diskrepanza fid-daqs bejn l-impriżi li ħadu sehem fil-ksur, qassmet lill-impriżi f’erba’ kategoriji skond l-importanza tagħhom fis-suq tal-Komunità, bla ħsara għal aġġustamenti destinati biex tiġi kkunsidrata l-ħtieġa ta’ dissważjoni effettiva it-tieni sar’raba’ subparagrafu tal-([punt] 166, [tal-motivi] tad-deċiżjoni). Jirriżulta mill-[punti] 168 sa 183 [ta’ l-istess motivi] li l-erba’ kategoriji kienu ġew imposti, f’ordni ta’ importanza, punti ta’ tluq ta’ 20 miljun, 10 miljuni, 5 miljuni u miljun ECU.
296 Rigward id-determinazzjoni tal-punti ta’ tluq għal kull waħda mill-kategoriji, il-Kummissjoni spjegat, fuq domanda li saritilha mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li dawn l-ammonti jirriflettu l-importanza ta’ kull impriża fis-settur tal-pajpijiet pre-iżolati, waqt li ġew ikkunsidrati d-daqs u l-piż tagħha meta mqabbla ma’ ABB u fil-kuntest ta’ l-akkordju. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni kkunsidrat mhux biss il-fatturat tagħhom fuq is-suq in kwistjoni, iżda wkoll l-importanza relattiva li l-membri ta’ l-akkordju kienu attribwixxew għal kull wieħed minnhom, kif jirriżulta mill-kwoti previsti fi ħdan l-akkordju, li jinsabu fl-anness 60 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, u tar-riżultati miksuba u previsti fl-1995, li jinsabu fl-annessi 169 sa 171 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.
297 Barra minn hekk, il-Kummissjoni żiedet ukoll il-punt ta’ tluq għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa imposta kontra ABB, sa 50 miljun ECU, sabiex tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni tagħha bħala waħda mill-gruppi prinċipali Ewropej ([punt] 168 [tal-motivi] tad-deċiżjoni).”
264 Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-linji gwida jipprevedu ammont bażiku li jaqbez EUR 20 miljun għal ksur gravi ħafna bħal f’dan il-każ, dan l-ammont ġie aġġustat b’mod sinifikanti fid-deċiżjoni kkontestata għall-impriżi kollha kkonċernati skond il-metodu adottat mill-Kummissjoni kif imfakkar mill-Qorti tal-Prim’Istanza, kif ġie rrilevat fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.
265 Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-punt ta’ tluq ġie ffissat għal EUR 10 miljun għal LR A/S, impriża tat-tieni kategorija, EUR 5 miljun għal Dansk Rørindustri, il-grupp Henss/Isoplus u LR GmbH, impriżi tat-tielet kategorija, u għal miljun EUR għal Brugg, impriża tar-raba’ kategorija. Għal dak li jirrigwarda lil ABB, ġie stabbilit punt ta’ tluq speċifiku ta’ EUR 50 miljun.
266 Jirriżulta mill-analiżi tal-kontenut tal-linji gwida li saret mill-Qorti tal-Prim’Istanza, kif ġie rrilevat ukoll fil-punt 251 ta’ din is-sentenza, li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, dan ma jikkonsistix f’metodu ta’ kalkolu aritmetiku li ma jippermettix aġġustamenti individwali tal-multi għal kull impriża kkonċernata skond il-gravità relatata mal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur.
267 Kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-analiżi turi għall-kuntrarju li l-linji gwida fihom elementi differenti ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni li teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ġurisprudenza tagħha f’dan ir-rigward ġiet imfakkra fil-punti 240 sa 243 ta’ din is-sentenza.
268 Kif ġie kkonstatat fil-punt 264 ta’ din is-sentenza, il-metodu tal-linji gwida kif applikat fid-deċiżjoni kkontestata jinkludi wkoll aġġustamenti sinifikavti ta’ l-ammont tal-multi skond il-karatteristiċi partikolari ta’ kull operatur, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ammonti bażiċi.
269 Safejn il-motivi tar-rikorrenti għandhom jiġu interpretati bħala li jikkritikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli ma kkundannatx id-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi li l-fatturat rilevanti tagħhom ġie kkunsidrat b’mod insuffiċjenti, dawn għandhom jiġu miċħuda.
270 Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha jirriżulta li l-fatturat huwa biss wieħed mill-fatturi li peremzz tagħhom il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra għall-finijiet tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, kif huwa indikat ukoll fil-punt 243 ta’ din is-sentenza, u peress li mhuwiex ikkontestat li, fid-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmi fatturat ġie fil-fatt ikkunsidrat, għandu jiġi kkonstatat li ebda żball ta’ dritt fuq dan il-punt ma jirriżulta mis-sentenzi appellati.
271 Peress li, bil-motivi tagħhom, ir-rikorrenti jixtiequ jikkritikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza li għamlet ċerti żbalji dwar il-konstatazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-fatti, huwa biżżejjed li jiġi indikat li ebda distorsjoni tal-fatti ma ntweriet u li ebda ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma tirriżulta mid-dokumenti li jinsabu fl-atti tal-proċess.
272 Dansk Rørindustri, il-grupp Henss/Isoplus, LR A/S u LR GmbH isostnu, sussegwentement, li peress li l-ammonti bażiċi mhumiex iddeterminati skond il-fatturat rilevanti ta’ kull impriża iżda f’ammonti assoluti li huma partikolarment għoljin fir-rigward ta’ l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, il-limitu ta’ 10 % tal-fatturat globali, stabbilit fl-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 17, huwa diġà maqbuż f’dan l-istadju inizjali tal-kalkolu għall-impriżi tad-daqs tagħhom b’mod li, b’mod definittiv, f’sitwazzjoni bħal din, l-ammont finali tal-multa impost huwa kkalkulat b’mod aritmetiku fuq il-bażi tal-fatturat globali biss.
273 F’din l-ipoteżi, ir-riżultat ikun li l-aġġustamenti fuq il-bażi tad-dewmien tal-ksur jew minħabba ċirkustanzi aggravanti jew mitiganti, peress li dawn jinħadmu fuq ammont li huwa għola mil-livell tal-limitu ta’ 10 % tal-fatturat globali, ma jistgħux jiġu riflessi fuq l-ammont finali tal-multa, u, għaldaqstant, mhumiex ikkunsidrati jew jiġu kkunsidrati biss b’mod astratt jew teoretiku.
274 Madankollu, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jeżiġi li dawn l-elementi jiġu kkunsidrati b’mod effettiv matul il-kalkolu tal-multa u għandhom jiġu riflessi b’mod konkret fl-ammont finali tal-multa.
275 Il-grupp Henss/Isoplus, LR A/S u LR GmbH isostnu wkoll, fuq din il-bażi, li peress li adottat dan il-metodu ta’ kalkolu fil-linji gwida, il-Kummissjoni qabżet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha bbażata fuq ir-Regolament Nru 17, b’mod illi l-linji gwida huma illegali minħabba nuqqas ta’ kompetenza ta’ l-imsemmija instituzzjoni.
276 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod partikolari fil-punti 287 sa 290 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, li jwassal għal ċaħda ta’ dan l-argument, mhuwiex ivvizzjat minn żball fid-dritt.
277 Fil-fatt il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta ddeċidiet, essenzjalment, li l-limitu massimu ta’ l-ammont tal-multa stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 għandu jinftiehem fis-sens li l-ammont tal-multa finalment impost fuq impriża ma jistax jaqbeż dan il-limitu u li l-linji gwida huma konsistenti ma’ dan il-prinċipju, kif jirriżulta wkoll mill-punt 5(a) ta’ dawn ta’ l-aħħar.
278 Kif iddeċidiet korrettament il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 17 b’hekk ma jipprojbixxix lill-Kummissjoni li tirreferi, għall-kalkolu tagħha, għal ammont intermedjarju li jaqbeż dan l-istess limitu. Dan lanqas ma jipprojbixxi li jiġu effettwati operazzjonijiet ta’ kalkolu intermedjarji li jikkunsidraw il-gravità u d-dewmien tal-ksur fuq ammont ogħla mill-imsemmi limitu.
279 Jekk jirriżulta li, fuq il-bażi tal-kalkolu, l-ammont finali tal-multa għandu jitnaqqas bl-istess ammont ta’ dak li jaqbeż l-imsemmi ogħla limitu, il-fatt li ċerti fatturi bħall-gravità u d-dewmien tal-ksur mhumiex effettivament riflessi fl-ammont tal-multa imposta huwa biss konsegwenza sempliċi ta’ l-applikazzjoni ta’ dan l-ogħla limitu għall-imsemmi ammont finali.
280 Kif sostniet il-Kummissjoni, l-imsemmi l-ogħla limitu huwa intiż sabiex jevita li jiġu imposti multi meta jkun prevedibbli li l-impriżi, minħabba d-daqs tagħhom, kif iddeterminat mill-fatturat globali tagħhom, għalkemm b’mod approssimattiv u imperfett, ma jkunux f’pożizzjoni li jħallsuhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 119 u 121).
281 Dan b’hekk jikkonsisti f’limitu, applikabbli b’mod uniformi għall- impriżi kollha u fformulat skond id-daqs ta’ kull waħda minnhom, li għandu l-għan li jevita multi ta’ livell eċċessiv u sproporzjonat.
282 Għaldaqstant dan il-limitu massimu għandu għan distint u awtonomu meta mqabbel ma’ dak tal-kriterji tal-gravità u tad-dewmien tal-ksur.
283 L-unika konsegwenza possibbli ta’ dan il-limitu hija li l-ammont tal-multa kkalkulat fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji jiġi mnaqqas sal-livell massimu awtorizzat. L-applikazzjoni tiegħu timplika li l-impriża in kwistjoni ma tħallasx il-multa li, bħala prinċipju, tkun dovuta skond l-evalwazzjoni bbażata fuq l-imsemmija kriterji.
284 Dan huwa aktar il-każ jekk, f’każ bħal f’dan preżenti għal Dansk Rørindustri, il-grupp Henss/Isoplus, LR A/S u LR GmbH, l-aġġustamenti in kwistjoni huma ta’ natura li jżidu aktar l-ammont tal-multa.
285 Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, għal dawn ir-rikorrenti, ebda ċirkostanza mitiganti ma ġiet stabbilita mill-Kummissjoni u li l-ammont bażiku jista’ biss jiġi aġġustat ’il fuq abbażi tal-fatturi kkunsidrati mill-Kummissjoni, jiġifieri fuq il-bażi tad-dewmien tal-ksur u minħabba ċerti ċirkustanzi aggravanti.
286 Isegwi li l-applikazzjoni tal-limitu ogħla kellha bħala effett li l-imsemmija rikorrenti ma kinux soġġetti għal żidiet li, bħala prinċipju, kienu dovuti fuq il-bażi ta’ l-imsemmija fatturi aggravanti.
287 Kuntrarjament għal dak li sostnew Dansk Rørindustri u LR A/S, l-applikazzjoni tal-limitu ogħla taħt l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, b’hekk ma timplikax li l-ammont tal-multa ġie kkalkulat biss fuq il-bażi tal-fatturat globali ta’ l-impriża.
288 Iċ-ċirkustanza li l-ammont finali tal-multa huwa ugwali għall-imsemmi limitu ogħla ma tfissirx li dan ġie kkalkulat biss fuq il-bażi ta’ dan il-limitu iżda li l-imsemmi ammont, li bħala regola kellu jiġi ffissat skond il-gravità u d-dewmien tal-ksur, ġie mnaqqas sal-livell ta’ l-imsemmi limitu.
289 LR A/S b’hekk ma tistax tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza li kkontradixxiet lilha nnifisha meta ddeċidiet, minn naħa waħda, li skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur matul id-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa ma tistax issir fuq il-bażi ta’ fattur wieħed, u min-naħa l-oħra, li fid-deċiżjoni kkontestata l-ammonti tal-multi setgħu jiġu ffissati sal-livell ta’ l-imsemmi ogħla limitu.
290 Il-grupp Henss/Isoplus isostni, b’referenza għall-ħames subinċiż tal-punt 2 tal-linji gwida, li dawn ta’ l-aħħar introduċew ċirkustanza aggravanti ġdida, ibbażata fuq il-qligħ illeċitu li impriża setgħet tikseb permezz tal-ksur.
291 Huwa jsostni li din iċ-ċirkustanza ma taqax taħt l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Hemm ukoll riskju li l-qligħ ta’ l-impriża jiġi meqjus darbtejn, peress li diġà jkun ġie kkunsidrat matul id- determinazzjoni tal-gravità tal-ksur. Għaldaqstant il-linji gwida huma, fuq dan il-punt, minħabba dan il-punt, illegali minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li taddotthom.
292 Fil-fatt il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta ddeċidiet, fil-punti 454 sa 456 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-qligħ li l-impriżi setgħu jiksbu mill-prattiċi tagħhom jagħmlu parti mill-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u li l-kunsiderazzjoni ta’ dan l-element huwa intiż sabiex tiġi żgurata n-natura dissważiva tal-multa (ara s-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 129).
293 Huwa għaldaqstant ċar li dan huwa element li jista’ jiġi kkunsidrat skond l-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 17, irrispettivament mir-referenza espliċita tiegħu fil-linji gwida.
294 L-imsemmija linji gwida jipprevedu li għandha tiġi kkunsidrata, bħala ċirkustanza aggravanti, il-ħtieġa li tiżdied il-penali sabiex taqbeż il-qligħ illeċitu miksub permezz tal-ksur, meta din l-istima tkun oġġettivament possibbli. Kif sostniet il-Kummissjoni, isegwi li din iċ- ċirkustanza aggravanti hija intiża sabiex tgħolli l-ammont bażiku jekk stima oġġettiva ta’ dan il-qligħ illeċitu tkun tippermetti li jiġi kkonstatat li l-livell ta’ l-ammont bażiku m’huwiex biżżejjed biex jinnewtralizza l-qligħ li impriża tagħmel mill-ksur.
295 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-linji gwida ma fihom ebda riskju inerenti li l-qligħ jiġi kkunsidrat darbtejn.
296 Isegwi li l-motivi mqajma għandhom jiġu miċħuda.
b) Fuq il-motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipji tal-proporzjonalità u tat-trattament ugwali meta ġie ddeterminat, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ l-ammont tal-multi skond il-metodu ta’ kalkolu stabbilit mil-linji gwida
297 Dansk Rørindustri, il-grupp Henss/Isoplus, KE KELIT, LR A/S, Brugg u LR GmbH jikkritikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza in kwantu din ċaħdet il-motivi tagħhom ibbażati fuq ksur tal-prinċipji tal-proporzjonalità u, skond il-każ, tat-trattament ugwali fil-kuntest matul id-determinazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ l-ammont tal-multi skond il-metodu ta’ kalkolu previst mil-linji gwida.
298 L-imsemmija rikorrenti jsostnu essenzjalment li, skond il-metodu previst fil-linji gwida, l-ammonti bażiċi m’humiex iddeterminati skond il-fatturat rilevanti iżda skond l-ammonti stabbiliti li huma ffissati għal livelli partikolarment għoli għal impriżi tad-daqs tagħhom, jiġifieri impriżi żgħar u ta’ daqs medju, li fid-deċiżjoni kkontestata jissejħu impriżi tat-tieni u t-tielet kategoriji.
299 Minn dan jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda dawn l-impriżi, il-limitu ogħla ta’ 10 % tal-fatturat globali stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 huwa diġà maqbuż f’dan l-istadju inizjali tal-kalkolu, b’mod li, sakemm ma jsirx eventwali tnaqqis skond il-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-multi li ġew imposti fuqhom huma effettivament iffissati għal-livell ta’ l-imsemmi limitu ogħla u b’hekk jikkorrispondu għall-ammont massimu tal-multa.
300 Dan il-livell ta’ l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti in kwistjoni ikkostitwixxi trattament inugwali u ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità li huma partikolarment manifesti meta mqabbla ma’ dak ta’ l-ammont tal-multa imposta fuq ABB, l-unika impriża multinazzjonali attiva fis-settur tat-tisħin urban u l-mexxejja inkontestata ta’ l-akkordju, peress li dan l-aħħar ammont jirrappreżenta biss perċentwali ferm żgħir tal-fatturat globali ta’ ABB qabel it-tnaqqis fuq il-bażi tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, jiġifieri 0.36 %.
301 L-ewwelnett għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli il-motiv imqajjem minn LR A/S, li jallega ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali, liema ksur huwa allegat li jirriżulta mill-fatt li l-ammont massimu tal-multa ġie impost fuq din ir-rikorrenti minkejja iċ-ċirkustanzi mitiganti segwenti li hija tikkunsira bħala mhux kontestati:
– hija mhijiex il-mexxejja ta’ l-akkordju;
– hija kienet soġġetta għal pressjoni kunsiderevoli min-naħa ta’ ABB, impriża ferm aktar b’saħħitha minnha. Il-ksur li ġiew akkużat li ġie mwettaq minn LR A/S huwa ferm inqas gravi minn dak akkużat lil ABB;
– LR A/S, li kisbet biss 36.8 % tal-fatturat tagħha fuq is-suq tal-prodott rilevanti, m’hijiex impriża li tispeċjalizza fi prodott wieħed;
– l-akkordju inizzjalment kien limitat għad-Danimarka u ma kiseb dimensjoni Komunitarja biss matul perijodu relattivament qasir;
− m’hemm ebda prova tal-qligħ li LR A/S setgħet kisbet mill-ksur;
– jeżistu għadd ta’ ċirkustanzi mitiganti oħrajn.
302 Bil-mod kif huwa fformulat, dan il-motiv għandu bħala għan eżaminazzjoni mill-ġdid b’mod ġenerali tal-multa imposta kontra LR A/S u, għaldaqstant, huwa inammissibbli fl-istadju ta’ appell skond il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 245 u 246 ta’ din is-sentenza.
303 Għandu jiġi mfakkar ukoll li, fil-kuntest ta’ appell, il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan li, minn naħa waħda, jeżamina kemm il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, b’mod ġuridikament korrett, il-fatturi kollha essenzjali sabiex tevalwa l-gravità ta’ aġir partikolari fid-dawl ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat u ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u, min-naħa l-oħra, li tivverifika jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza rrispondietx, b’mod suffiċjenti għall-finijiet ta’ dritt l-argumenti kollha invokati mir-rikorrenti li jitolbu t-tneħħija jew it-tnaqqis tal-multa, kif diġà ġid indikat fil-punt 244 ta’ din is-sentenza.
304 Madankollu, fil-punti 198 sa 210 tas-sentenza appellata Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, 292 sa 301 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, u 299 sa 305 tas-sentenza appellata Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tiddeċiedi, mingħajr ma tikkommetti żball li jista’ jiġi kkundannat fl-istadju ta’ appell, li l-livell ta’ l-ammont tal-multa impost kontra r-rikorrenti li jaqa’ taħt it-tieni u t-tielet kategoriji ma setax jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi trattament inugwali b’mod partikolari fir-rigward tal-livell ta’ l-ammont tal-multa imposta fuq ABB.
305 Il-Qorti tal-Prim’Istanza waslet għal din il-konklużjoni wara eżaminazzjoni ddettaljata tal-metodu ta’ kalkolu ta’ l-ammont tal-multi kif applikat fid-deċiżjoni kkontestata.
306 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza esponiet li l-ammonti tal-multi kienu ġew stabbiliti fuq il-bażi ta’ ammonti bażiċi, li huma stess ġew iddeterminati minn ammont possibbli ta’ EUR 20 miljun indikat fil-linji gwida għal ksur gravi ħafna u li saru aġġustamenti għall-impriżi kollha kkonċernati, b’mod partikolari skond id-daqs rispettiv tagħhom u l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur.
307 B’hekk, l-ammont bażiku ġie ffissat għal EUR 5 miljun għal Dansk Rørindustri, LR A/S u LR GmbH. Il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat ukoll li l-ammont bażiku stabbilit għal ABB ġie miżjud għal 50 miljun euro sabiex tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni tagħha bħala waħdamill-gruppi Ewropej ewlenin fis-settur in kwistjoni.
308 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat ukoll li l-ammont bażiku stabbilit għal ABB, wara li ġie miżjud fuq il-bażi tad-dewmien tal-ksur, ġie miżjud għal darb’oħra b’50 % fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi aggravanti, fosthom il-fatt li kienet il-mexxejja ta’ l-akkordju.
309 Barra minn hekk jidher li l-perċentwali stabbiliti f’dan ir-rigward għal Dansk Rørindustri, LR A/S u LR GmbH kienu ġew iffissati għal livelli kunsiderevolment inferjuri minħabba r-rwoli rispettivi u inqas strumentali li dawn l-impriżi kellhom fl-akkordju, kif jirriżulta wkoll, b’mod partikolari, mill-punt 306 tas-sentenza appellata Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni.
310 Fil-punti 210 tas-sentenza appellata Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, 298 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, u 304 tas-sentenza appellata Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet mingħajr ma għamlet żball ta’ dritt li, fir-rigward tal-fatturi rilevanti kollha li ġew ikkunsidrati, id-differenza bejn il-punt ta’ tluq stabbilit għal Dansk Rørindustri, LR A/S u LR GmbH, minn naħa waħda, u dak stabbilit għal ABB, min-naħa l-oħra, huwa oġġettivament ġustifikat.
311 Il-korrettezza ta’ din il-konklużjoni hija barra minn hekk imsaħħa wkoll mill-bosta kunsiderazzjonijiet fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni kkontestata skond id-dewmien tal-ksur u taċ-ċirkustanzi aggravanti u li huma differenzjati sew skond il-gravità tal-parteċipazzjoni ta’ kull impriża kkonċernata fil-ksur in kwistjoni.
312 Kif iddeċidiet korrettament il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod partikolari fil-punti 442 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni u 278 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, isegwi mill-prinċipji mfakkra fil-punti 240 sa 243 ta’ din is-sentenza li l-Kummissjoni mhijiex obbligata, meta tiddetermina l-ammont tal-multi skond il-gravità u d-dewmien tal-ksur in kwistjoni, li tiżgura, f’każ fejn jiġu imposti multi fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi li jirriżultaw mill-kalkoli tagħha għall-impriżi kkonċernati jirriflettu kull differenza fosthom fir-rigward tal-fatturat globali tagħhom jew il-fatturat rilevanti tagħhom.
313 Għaldaqstant il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mill-grupp Henss/Isoplus safejn din kienet fondata fuq l-allegata illegalità tal-linji gwida minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, minħabba l-fatt li l-metodu ta’ kalkolu stabbilit fil-linji gwida mhuwiex ibbażat fuq il-fatturat ta’ l-impriżi kkonċernati.
314 B’hekk il-motiv imqajjem fuq dan il-punt mill-grupp Henss/Isoplus ma jistax jiġi aċċettat.
315 Il-Qorti tal-Prim’Istanza, ukoll b’mod korrett, iddeduċiet il-prinċipji mfakkra fil-punti 240 sa 243 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li imponiet punt ta’ tluq li wassal għal ammont finali ta’ multa ogħla, bħala perċentwal tal-fatturat globali, għal dak tal-multa imposta kontra ABB.
316 Barra minn hekk kien essenzjalment fuq il-bażi ta’ l-istess raġunament bħal dak sinteżizzat fil-punti 306 sa 310 ta’ din is-sentenza li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 303 u 304 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, caħdet l-argument skond liema l-Kummissjoni ma kkunsidratx b’mod suffiċjenti l-fatturat rilevanti ta’ LR A/S, li allegatament kien wassal biex tiġi imposta multa diskriminatorja fuq din il-kumpannija meta mqabbla mal-multi imposti fuq l-impriżi tat-tielet kategorija.
317 Il-motiv imqajjem fuq dan il-punt minn LR A/S, safejn huwa ammissibbli, ma jistax jiġi aċċettat.
318 Il-motiv ibbażat fuq allegata diskriminazzjoni fir-rigward ta’ l-impriżi tar-raba’ kategorija u li ġie mqajjem mill-imsemmija rikorrenti mhuwiex ammissibbli fil-kuntest ta’ dan l-appell, peress li jirriżulta mir-rikors li din il-kumpannija ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li din l-eċċezzjoni ma ġietx imqajma.
319 Fuq il-bażi ta’ l-istess raġunament żviluppat fil-punti 306 sa 301 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet ukoll tiddeċiedi mingħajr ma tikkommetti ebda żball ta’ dritt li l-multi kif imposti ma kinux sproporzjonati.
320 Peress li, fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura proporzjonata ta’ l-ammont tal-multi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, b’mod ġuridikament korrett, il-fatturi kollha essenzjali biex tiġi evalwata l-gravità ta’ aġir partikolari fid-dawl ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat u ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u li, min-naħa l-oħra, mhuwiex li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx irrispondiet b’mod suffiċjenti għall-finijiet ta’ dritt għall-argumenti kollha invokati mir-rikorrenti li talbu t-tneħħija jew it-tnaqqis tal-multa, l-argumenti mressqa minnhom intiżi sabiex juru li xi fattur ma kienx ġie kkunsidrat b’mod suffiċjenti mill-Qorti tal-Prim’Istanza, huma inammissibbli fl-istadju ta’ appell.
321 Dansk Rørindustri u LR GmbH jikkritikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma kkundannatx id-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-limitu massimu ogħla stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 għall-ammont finali tal-multa kellu l-konsegwenza li, għal ċerti impriżi fosthom dawn ir-rikorrenti, l-aġġustamenti ta’ l-ammont bażiku favorevoli għal dawn l-impriżi f’termini assoluti jew relattivi, ma ġewx riflessi fuq dan l-ammont finali peress li ġew applikati fuq ammont li jaqbeż il-limitu ogħla filwaqt li, għal impriżi oħrajn involuti f’dan l-istess akkordju, dawn l-aġġustamenti ġew effettivament riflessi fl-ammont finali tal-multa li ġiet imposta kontrihom. Dan ir-riżultat imur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali.
322 F’dan ir-rigward, LR GmbH tikkritika l-fatt li d-dewmien relattivament iqsar tal-ksur stabbilit kontr atagħha meta mqabbel ma’ ma’ dak ta’ impriżi oħra bħal ABB ma ġiex rifless fl-ammont finali tal-multa tagħha waqt li, għal impriżi oħrajn bħal Brugg u KE KELIT, dan kien tassew il-każ, biex b’hekk l-ammont finali tal-multa tagħhom ma kellux għalfejn jitnaqqas għal-livell tal-limitu ogħla msemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Dansk Rørindustri tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod partikolari peress li hija ssostni li t-tnaqqis tad-dewmien tal-ksur ma ġiex rifless fl-ammont finali tal-multa tagħha.
323 Madanakollu, kif jirriżulta wkoll mill-punti 278 sa 283 ta’ din is-sentenza, dan ir-riżultat ma jistax jiġi kkritikat fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress li huwa sempliċement il-konsegwenza ta’ l-applikazzjoni ta’ l-imsemmi limitu massimu għall-ammont finali tal-multa, u dan peress li għal dawn ir-rikorrenti, il-limitu ogħla in kwistjoni irriżulta li kien inqabeż.
324 Għandhom jiġu eżaminati wkoll tliet ilmenti speċifiċi bbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ proporzjonalità.
325 Fl-ewwel lok, fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv tagħha, LR A/S tikkritika lill-Qorti tal-Prim'Istanza li ċaħdet, fil-punt 308 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, l-argument tagħha skond liema l-multa kienet sproporzjonata, peress li l-Kummissjoni ma kinitx ikkunsidrat il-kapaċità ta’ din ir-rikorrenti li tħallas il-multa u kienet għaldaqstant iffissat l-ammont tagħha f’livell li jhedded is-sopravvivenza tagħha.
326 Dan il-motiv ma jistax jiġi aċċettat.
327 Fil-fatt il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta ddeċidiet fuq dan il-punt li l-Kummissjoni mhijiex obbligata, meta tiddetermina l-ammont tal-multa, li tikkunsidra l-qagħda finanzjarja prekarja ta’ impriża, peress li r-rikonoxximent ta’ dan l-obbligu iwassal sabiex jagħti vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi li huma l-inqas adattati għall-kondizzjonijiet tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punti 54 u 55).
328 Sussegwentement, permess tat-tieni motiv tagħha, KE KELIT tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ddeċidiet, fil-punti 167, 169 u 170 tas-sentenza appellata KE KELIT vs Il-Kummissjoni, li l- Kummissjoni ma setgħetx tiġi kkritikata talli żiedet b’10 % il-multa imposta fuqha, fuq il-bażi tat-tul ta’ żmien tal-ksur li ġiet akkużata bih, jiġifieri madwar ħmistax-il xahar, meta kieku dan it-tul ta’ żmien kien ta’ tnax-il xahar, ma kien ikun hemm ebda żieda fuq din il-bażi.
329 Fir-rigward ta’ ksur ta’ żmien medju skond it-tieni subinċiż ta’ l- ewwel subparagrafu tal-punt 1.B tal-linji gwida − jiġifieri ksur ta’ bejn sena u ħames snin li għalih tista’ tiġi applikata żieda massima sa 50 % −, iż-żieda, dovuta fuq il-bażi ta’ tliet xhur li bihom jinqabeż il-perijodu ta’ sena li għalih ebda ammont addizzjonali m’hu previst, kif jirriżulta wkoll mill-ewwel subinċiż ta’ l-ewwel subparagrafu tal-punt 1.B., ta’ l-istess linji gwida, kellha tiġi kkalkulata b’mod lineari għal kull xahar żejjed. Iż-żieda dovuta b’hekk kellha tkun ta’ 1.042 % għal kull xahar, 50 % maqsum fi 48 xahar, jiġifieri 3.126 % għat-tliet xhur żejda.
330 Dan il-metodu lineari huwa meħtieġ skond il-prinċipju ta’ trattament ugwali li jistabbilixxi li d-differenzi bejn l-impriżi li jipparteċipaw f’akkordju f’dak li jirrigwarda d-dewmien tal-ksur għandhom jiġu riflessi fl-ammont tal-multa.
331 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza stess ipproċediet b’dan il-mod fil-punti 214 sa 216 tas-sentenza appellata Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, peress li hija naqqset il-multa b’1 % għal kull xahar li fih, skond l-istess Qorti, il-ksir ma kienx ġie stabbilit.
332 Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali in kwantu ma applikatx l-istess metodu fir-rigward ta’ KE KELIT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Weig vs Il-Kummissjoni, C-280/98 P, Ġabra p. I-9757, punt 63).
333 Dan il-motiv mhuwiex fondat.
334 Fil-punti 167 sa 171 tas-sentenza appellata KE KELIT vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, essenzjalment, li t-tul ta’ żmien tal-ksur stabbilit fir-rigward ta’ KE KELIT ma kienx sproporzjonat minħabba l-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kinitx ibbażat fuq dan il-metodu lineari.
335 Kif jirriżulta wkoll mill-punti 170 u 178 dwar il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li għalihom tirreferi l-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 170 ta’ l-imsemmija sentenza, il-Kummissjoni kkunsidrat, għall-impriżi kollha, il-fatt li fl-ewwel lok, fil-bidu l-arranġamenti kienu mhux kompluti u kellhom effett limitat barra mis-suq Daniż, fit-tieni lok, li dawn ta’ l-aħħar ġew sospiżi bejn it-tmiem ta’ l-1993 u l-bidu ta’ l-1994 u, fit-tielet lok, li dawn laħqu l-aktar forma żviluppata tagħha biss meta l-akkordju ġie stabbilit fuq livell Komunitarju fl-1994 u l-1995.
336 Fir-rigward tas-setgħa ta’ diskrezzjoni wiesgħa li l-Kummissjoni għandha fil-qasam tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tiddeduċi mingħajr ma tagħmel żball fid-dritt li ż-żieda abbażi tat-tul ta’ żmien tal-ksur stabbilit fil-konfront ta’ KE KELIT ma kinitx ivvizzjata minn ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.
337 Għal dak li jikkonċerna l-argument imqajjem minn KE KELIT u bbażat fuq is-sentenza appellata Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-eżerċizzju ta’ kompetenza ta’ ġuriżdizzjoni sħiħa ma jistax iwassal, fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi, f’diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw f’akkordju kontra l-Artikolu 85(1) tat-Trattat u li, jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha l-ħsieb li twarrab speċifikament fir-rigward ta’ waħda minn dawn l-impriżi l-metodu ta’ kalkolu applikat mill-Kummissjoni u li hi ma kienx qed jiġi kkontestat, huwa neċessarju li hija tagħti raġunijiet għal dan fis-sentenza appellata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, C-338/00 P, Ġabra p. I-9189, punt 146).
338 Madankollu, dan il-prinċipju mhuwiex applikabbli f’dan il-każ, peress li huwa paċifiku li l-ammont tal-multa impost fuq KE KELIT ma kienx ġie ddeterminat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tal-ġuriżdizzjoni sħiħa tagħha iżda mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.
339 Barra minn hekk, jirriżulta minn qari flimkien tal-punti 55 u 215 tas-sentenza appellata Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kellhiex il-ħsieb li twarrab il-metodu ta’ kalkolu applikat mill-Kummissjoni, iżda, għall-kuntrarju, riedet tiżgura li t-tliet fatturi li ġew ikkunsidrati minnha matul l-evalwazzjoni tat-tul ta’ żmien tal-ksur, kif ġie indikat ukoll fil-punt 335 ta’ din is-sentenza, jiġi rifless fil-perjodu stabbilit għal Dansk Rørindustri.
340 Barra minn hekk, ma ġiex stabbilit li s-sitwazzjoni ta’ KE KELIT hija kumparabbli ma’ dik ta’ Dansk Rørindustri, b’mod partikolari peress li, fil-każ ta’ l-ewwel impriża, kien hemm ksur ta’ tul ta’ żmien medju fis-skond il-punt 1. B. tal-linji gwida, jiġifieri ta’ bejn sena u ħames snin, waqt li t-tieni impriża nstabet akkużata bi ksur ta’ żmien twil skond din l-istess dispożizzjoni, jiġifieri għal aktar minn ħames snin.
341 Finalment, permezz tar-raba’ motiv tagħha, Brugg tikkritika l-punti 149 sa 157 tas-sentenza appellata Brugg vs Il-Kummissjoni.
342 Skond din ir-rikorrenti, proporzjon ta’ ħamsa b’wieħed, li kien adegwat per se, ġie applikat mill-Kummissjoni bħala punt ta’ tluq speċifiku għall-kalkolu tal-multa rispettivament għall-impriżi tat-tielet u tar-raba’ kategoriji.
343 Madankollu, peress li l-ammont bażiku stabbilit għall-impriżi tat-tielet kategorija kien diġà qabeż il-limitu ogħla ta’ 10 % stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, dan il-proporzjon ġie abbandunat minħabba t-tnaqqis ta’ dan l-ammont għal livell tal-limitu massimu.
344 Għaldaqstant hemm lok, skond l-imsemmija rikorrenti, li jitnaqqas ukoll l-ammont bażiku stabbilit għall-impriżi tar-raba’ kategorija, sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid f’dan l-istadju tal-kalkolu l-proporzjon ta’ ħamsa b’wieħed.
345 Dan il-motiv għandu jiġi miċħud.
346 Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta ċaħdet dan il-motiv għar-raġuni, imsemmija fil-punt 155 tas-sentenza appellata Brugg Rohrysteme vs Il-Kummissjoni, li ma setgħetx titqies bħala diskriminazzjoni ċ-ċirkustanza li l-punt ta’ tluq li ttieħed in kunsiderazzjoni għall-impriżi tat-tielet kategorija, wassal għal ammonti li kellhom jiġu mnaqqsa, sabiex jiġi kkunsidrat il-limitu ta’ 10 % tal-fatturat stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, meta dan it-tnaqqis ma kienx meħtieġ għall-impriżi tar-raba’ kategorija. Din id-differenza fit-trattament fil-fatt kienet biss konsegwenza diretta tal-limitu massimu li għalih huma soġġetti l-multi skond l-imsemmija Regolament, fejn il-legalità mhux qed tiġi kkontestata u li tapplika biss, ovvjament, f’każijiet fejn l-ammont tal-multa previst ikun qabeż l-10 % tal-fatturat ta’ l-impriża in kwistjoni, kif ġie indikat ukoll fil-punti 278 sa 283 ta’ din is-sentenza.
347 Jirriżulta minn dak kollu li ntqal hawn fuq li l-motivi invokati mir-rikorrenti fuq il-bażi ta’ ksur tal-prinċipji tal-proporzjonalità u tat- trattament ugwali għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.
c) Fuq il-motivi mqajma mill-grupp Henss/Isoplus dwar ksur tad-drittijiet tad-difiża fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti
348 Permezz tat-tielet parti ta’ l-ewwel motiv tiegħu, il-grupp Henss/Isoplus jikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza li għamlet żball ta’ dritt meta ċaħdet, fil-punti 474 sa 481 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni, l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fil-konfront tal-linji gwida u, b’mod partikolari, it-tieni subinċiż tal-punt 2 tagħhom li jipprevedi żieda ta’ l-ammont bażiku “minħabba ċirkustanzi aggravanti bħal, per eżempju, [...] [ir-] rifjut ta’ kull kooperazzjoni, jew tentattivi ta’ xkiel matul l-iżvolġiment ta’ l-investigazzjoni”.
349 Skond dan ir-rikorrent, il-linji gwida jikkostitwixxu, fuq dan il-punt, ksur tad-drittijiet ta’ difiża u, għaldaqstant, għandhom jiġu ddikjarati inapplikabbli fil-konfront tiegħu, peress li din iċ-ċirkustanza aggravanti tapplika minn meta impriża teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha, b’mod partikolari jekk hija tirrifjuta, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, li tagħti informazzjoni skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, għar-raġuni li din tista’ tikkontribwixxi li tinkriminaha.
350 Dan il-motiv ma jistax jiġi aċċettat.
351 Fil-fatt, kif fakkret korrettament il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 475 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni, l-aġir ta’ impriża matul il-proċedura amministrattiva jista’ jagħnek parti mill-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati biex jiġi ffissat l-ammont tal-multa (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Finnboard vs Il-Kummissjoni, C-298/98 P, Ġabra p. I-10157, punt 56).
352 Kif jirriżulta wkoll mill-punt 478 tas-sentenza appellata, it-tieni subinċiż tat-tieni punt tal-linji gwida għandhom jiġu mifhuma fis-sens li impriża li, waqt li tikkontesta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, ma toffri ebda kollaborazzjoni oħra ħlief għal dik li hija obbligata tagħti skond ir-Regolament Nru 17 ma tiġix esposta, għal din ir-raġuni, għal multa akbar (ara s-sentenza Finnboard vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 58).
353 Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza aggravanti li tikkonsisti r-rifjut ta’ kull kooperazzjoni, jew f’tentattivi ta’ xkiel matul l-iżvolġiment ta’ l-istħarriġ, ma tistax tiġi applikata fil-każ ta’ sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet ta’ difiża.
354 Barra hekk, permezz tat-tieni parti tat-tielet motiv tiegħu, il-grupp Henss/Isoplus jikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza li għamlet żball ta’ dritt meta ddeċidiet, fil-punti 555 sa 565 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni, li d-dritt fundamentali tiegħu li jiddefendi ruħu ma ġiex miksur in kwantu l-Kummissjoni kkunsidrat bħala ċirkustanza aggravanti fil-konfront tiegħu l-fatt li huwa pprova jqarraq lill-Kummissjoni dwar ir-relazzjonijiet effettivi bejn l-impriżi fi ħdan dan il-grupp.
355 Skond l-imsemmi rikorrent, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet takkużah li kkontesta l-eżistenza ta’ relazzjonijiet rregolati mil-liġi tal-kumpanniji u li ma żvelax relazzjonijiet ta’ fiduċja strettament kunfidenzjali bejn diversi kumpanniji.
356 Il-grupp Henss/Isoplus isostni li huwa aġixxa b’dan il-mod fl-eżerċizzju tad-dritt tiegħu li jiddefendi ruħu, b’tali mod li dawn li fatti ma setgħux jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni bħala ċirkustanzi aggravanti kontra tiegħu.
357 Dan l-argument jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-punti 556 sa 560 ta’ l-imsemmija sentenza appellata.
358 Fil-fatt, permezz ta’ dawn il-punti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, matul il-proċedura amministrattiva, l-imsemmi grupp ma llimitax ruħu biex jikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti kif ukoll il-pożizzjoni ġuridika tal-Kummissjoni, iżda pprovdielha informazzjoni mhux kompluta u parzjalment ineżatta.
359 Il-Qorti tal-Prim’Istanza waslet għal din il-konklużjoni wara evalwazzjoni li bħala prinċipju kienet sovrana, ta’ l-elementi ta’ prova ppreżentati lilha u, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ eżaminazzjoni tar-risposti għat-talbiet għal informazzjoni kif ukoll ta’ osservazzjonijiet dwar id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet mressqa mill-grupp Henss/Isoplus.
360 Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jissuġġerixxi l-imsemmi rikorrent, il-punt 557 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni ma jimplikax li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li t-talba għal informazzjoni tar-rikorrent, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, kienet tinkludi domanda speċifikament dwar ir-relazzjonijiet ta’ fiduċja bejn l-impriżi ta’ l-imsemmi grupp, relazzjonijiet li dwarhom il-Kummissjoni ma kellhiex u kif ukoll ma setgħetx tkun taf dwarhom.
361 Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement ikkonstat li, f’risposta għal domanda aktar ġenerali, fejn ir-rikorrent in kwistjoni ntalab jispeċifika kull informazzjoni dwar il-laqgħat li saru mal- kumpanniji kompetituri u, b’mod partikolari, dwar il-parteċipanti f’dawn il-laqgħat, l-ismijiet tagħhom, l-impriża u l-funzjoni,, l-imsemmi rikorrent ipprovda ċerta informazzjoni mhux kompluta u, parzjalment, mhux eżatta.
362 Għaldaqstant huwa ċar li fuq dan il-punt m’hemm ebda kontradizzjoni bejn din il-konstatazzjoni u l-atti tal-proċess. Għalhekk, il-proċedura vvizzjata allegata f’dan ir-rigward mill-grupp Henss/Isoplus bħala parti mis-seba’ motiv tiegħu għandha tiġi miċħuda.
363 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, il-motivi imqajma mill-grupp Henss/Isoplus u bbażati fuq ksur tad-drittijiet ta’ difiża fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti għandhom jiġu miċħuda.
d) Fuq il-motiv imqajjem minn LR A/S dwar in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi mitiganti
364 Permezz tat-tielet motiv tagħha, LR A/S tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ddeċidiet, fil-punti 336 sa 346 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra leġittimament li ebda ċirkustanza mitiganti ma kellha tiġi stabbilita fir-rigward tagħha.
365 Fuq dan il-punt, LR A/S issostni, l-ewwelnett, li hija kellha tibbenefika minn tnaqqis minħabba ċ-ċirkustanzi mitiganti segwenti:
– il-pożizzjoni subordinata tagħha meta mqabbla ma’ ABB, l-aktar operatriċi l-aktar b’saħħitha u l-uniku grupp multinazzjonali fis-settur tat-tisħin urban kif ukoll il-mexxejja ta’ l-akkordju;
– il-pressjoni ekonomika li ABB eżerċitat fuq LR A/S kemm biex tipparteċipa fl-akkordju kif ukoll biex teżegwixxi d-deċiżjonijiet meħuda mill-kartell;
– il-fatt li l-ksur akkużat lil ABB kien ħafna aktar serji minn dak stabbilit kontra LR A/S.
366 Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta ddeċidiet, b’mod partikolari fil-punt 338 ta’ l-imsemmija sentenza appellata, li d-daqs medju ta’ l-imsemmija rikorrenti ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza mitiganti.
367 Għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-pożizzjoni tagħha fil-konfront ta’ ABB, LR A/S issostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 339 ta’ l-istess sentenza appellata, ir-rekwiżit li jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha fuq il-bażi tal-fatturi individwali rilevanti kollha kien jeħtieġ li l-pressjoni li saret minn ABB fuq l-impriżi l-oħrajn li pparteċipaw fl-akkordju, fosthom LR A/S, għandu jwassal għal aġġustament sabiex titnaqqas il-multa tagħha u mhux biss aġġustament għal żieda tal-multa ta’ ABB.
368 Barra minn hekk, dan l-aħħar aġġustament ma jiżgurax li l-multa tirrifletti d-differenzi possibbli bejn is-sitwazzjoni ta’ LR A/S u dik ta’ impriżi oħrajn li ma kinux soġġetti jew kienu soġġetti fuq skala iżgħar għal dawn il-pressjonijiet, u li b’hekk din twassal għal diskriminazzjoni sistematika kontriha meta mqabbla ma’ dawn l-impriżi.
369 Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi kkritikata li ċaħdet dan l-ilment, għar-raġuni li LR A/S kien imissha ddenunzjat il-pressjonijiet li hija kienet soġġetta għalihom lill-awtoritajiet kompetenti u li tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17, pjuttost milli tipparteċipa fl-akkordju.
370 Fil-fatt l-eżistenza ta’ dawn il-pressjonijiet b’ebda mod ma tbiddel xejn mir-realtà u l- gravità tal-ksur imwettaq mill-imsemmija rikorrenti.
371 Fl-aħħarnett, LR A/S tikkontesta l-punt 345 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-introduzzjoni minn din ir-rikorrenti ta’ programm ta’ konformità ma tistax tiġi kkwalifikata bħala ċirkustanza mitiganti li twassal għal tnaqqis tal-multa. Hija b’hekk issotni li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tapplika prattika ferm stabbilita.
372 Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.
373 Il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-fatt m’għamlet ebda żball fid-dritt meta ddeċidiet, fil-punt in kwistjoni ta’ l-imsemmija sentenza, li, għalkemm huwa ċertament importanti li LR A/S kienet ħadet miżuri biex tevita li jitwettaq ksur ġdid fil-futur tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni minn membri tal-personal tagħha, dan il-fatt ma jbiddel xejn mir-realtà tal-ksur li ġie kkonstat f’dan il-każ. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet korrettament li, din iċ-ċirkostanza per se ma tobbligax lill-Kummissjoni li tnaqqas, fuq il-bażi ta’ ċirkustanza mitiganti, l-ammont tal-multa ta’ din ir-rikorrenti.
374 Fl-isfond ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-motv eżaminat għandu jiġi miċħud.
e) Fuq il-motivi imqajma mill-grupp Henss/Isoplus u LR A/S dwar in-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ kunsiderazzjon tal-kooperazzjoni tagħhom matul il-proċedura amministrattiva
375 Permezz ta’ l-ewwel parti tat-tielet motiv tiegħu, il-grupp Henss/Isoplus jikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ddeċidiet, fil-punti 607 sa 623 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni, li l-Kummissjoni kienet korretta meta rrifjutat li tagħtih il-benefiċċju ta’ tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa fuq il-bażi tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u li, b’hekk, l-imsemmija istituzzjoni ma kisritx l-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 17 fuq dan il-punt.
376 F’dan ir-rigward, il-grupp Henss/Isoplus jikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-ewwel lok, li ddeċidiet, fil-punti 609 u 610 ta’ l-imsemmija sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet korretta meta rrifjutat li tagħtih il-benefiċċju ta’ tnaqqis skond is-sitt subinċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, għar-raġuni li tali tnaqqis jippresupponi li dan kien ksur li ma jaqax taħt il-qasam ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, filwaqt li akkordju bħal dak in kwistjoni b’mod ċar jaqa’ taħt dan il-qasam, kif deskritt fil-punt 1 tal-Kapitolu A ta’ din il-komunikazzjoni.
377 Il-mod kif huwa miktub il-punt 1 tal-Kapitolu A ma jindikax li l-imsemmija komunikazzjoni tapplika biss għal tali ksur.
378 Lanqas ma jirriżulta mill-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni li l-Kummissjoni ma tisatx tikkunsidra ammissjonijiet jew kooperazzjoni parzjali fuq il-bażi ta’ din il-komunikazzjoni. Interpretazzjoni daqshekk restrittiva tkun fi kwalunkwe każ kontra l-Artikolu 6 tal-KEDB u l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju.
379 L-argument tal-grupp Henss/Isoplus fuq dan il-punt huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbalata tal-punti 609 u 610 ta’ l-istess sentenza appellata.
380 Fil-fatt, fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni tas-sitt subinċiż tal-punt 3 tal-linji gwida li barra minn hekk ma tiżvela ebda żball ta’ dritt, il-Qorti tal-Prim’Istanza llimitat ruħha li tikkonstata li ċ-ċirkustanza mitiganti speċifika msemmija fiha tapplika biss għal ksur li ma jaqax taħt il-qasam ta’ applikazzjoni tal-komunika dwar il-kooperazzjoni.
381 Fil-fatt, m’huwiex ikkontestat, kif tafferma l-Qorti tal-Prim’Istanza, li kien hemm akkordju f’dan il-każ u, b’konsegwenza, ksur li jaqa’ b’mod ċar taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmija komunikazzjoni.
382 Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta kkonkludiet li l-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma kkunsidratx il-kooperazzjoni ta’ dan ir-rikorrent skond l-imsemmija ċirkustanza mitiganti.
383 Il-grupp Henss/Isoplus isostni, sussegwentement, li l-aħħar frażi tal-punt 615 ta’ l-imsemmija sentenza appellata hija vvizzjata b’difett proċedurali peress li l-atti tal-proċess jindikaw li, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, il-kumpanniji kollha li jappartjenu f’dan il-grup ammettew li kienu pparteċipaw fl-akkordju fuq livell Komunitarju bejn it-tmiem tas-sena 1994 u l-bidu tas-sena 1996.
384 Permezz ta’ dan l-ilment, l-imsemmi rikorrent jikkritika essenzjalment lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ddeċidiet li l-kontestazzjoni mill-kumpannija kkonċernati ta’ l-imsemmi grupp fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju, ma kinitx limitata għall-perijodu qabel Ottubru 1994 iżda kienet tgħodd għat-tul ta’ żmien kollu tal-ksur stabbilit.
385 Madankollu, l-argument żviluppat f’dan ir-rigward mill-grupp Henss/Isoplus quddiem l-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma jippermetti li jiġi stabbilit li, fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx ikkunsidrat il-portata tar-risposta għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet billi interpretatha b’mod li, f’dan id-dokument, il-kumpanniji kkonċernati ta’ dan il-grupp ikkontestaw il-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju għat-tul ta’ żmien kollu ta’ din il-parteċipazzjoni.
386 B’hekk ma jirriżultax mid-dokumenti li jinsabu fl-atti tal-proċess li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq dan il-punt huma vvizzjati b’ineżattezza materjali.
387 Il-grupp Henss/Isoplus isostni, fl-aħħarnett, li, kuntrarjament ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni kienet obbligata, skond il-Kapitolu D tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li tnaqqaslu b’mod sinifikanti l-ammont tal-multa.
388 Bid-differenza tal-Kapitoli B u C ta’ din il-komunikazzjoni, l-għoti ta’ tnaqqis skond il-Kapitolu D ma jeħtieġx kooperazzjoni permanenti u totali iżda huwa soġġett biss għall-kondizzjoni li tkun ingħatat, qabel ma tintbagħat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, ċerta informazzjoni jew ċerti dokumenti jew elementi oħra ta’ provi li jikkontribwixxu biex tiġi kkonfermata r-realtà tal-ksur imwettaq.
389 Madankollu, kemm il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 617 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni, kif ukoll il-Kummissjoni, matul is-seduta u fil-punti 110 u 180 ta’ l-eċċezzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata, irrikonoxxew li l-kooperazzjoni u l-ammissjoniiet tar-rikorrenti, anke jekk kienu biss parzjali, kienu jissodisfaw fil-prinċipju l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-ewwel subinċiż tal-punt 2 tal-Kapitolu D, tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.
390 Skond il-grupp Henss/Isoplus, huwa ma setax jiġi miċħud il-benefiċċju ta’ dan it-tnaqqis fuq il-bażi ta’ l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew għall-fatt li huwa astjena, fl-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ difiża tiegħu, li jiżvela lill-Kummissjoni ċerti ċirkustanzi, li pprovda lill-Kummissjoni informazzjoni żbaljata jew li kkontesta ċerti fatti.
391 Dan l-ilment għandu jiġi miċħud.
392 Żgur li, kif irrileva l-istess rikorrent, li jirriżulta mill-punt 617 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet li huwa kien ikkoopera, għalkemm mhux determinanti b’mod, u kif ukoll li għamel ammissjonijiet, għalkemm parzjali.
393 Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta u ma kkommettiet ebda żball ta’ dritt li jista’ jiġi impunjat fl-istadju ta’ appell meta ddeċidiet li dawn l-elementi ta’ informazzjoni mogħtija mill-imsemmi rikorrent u li setgħu, fil-prinċipju, jaqgħu taħt is-sitwazzjonijiet li jippermettu tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa fuq il-bażi tal-punt 2 tal- Kapitolu D tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, mhux neċessarjament kellhom iwasslu lill-Kummissjoni li tagħti tnaqqis lir-rikorrent fuq il-bażi ta’ din il-komunikazzjoni.
394 Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha setgħa ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-kitba stess ta’ dan il-punt 2, u b’mod partikolari, il-kliem introduttivi “Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ […]”.
395 Barra minn hekk u fuq kollox, tnaqqis fuq il-bażi tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma jistax ikun iġustifikat ħlief meta l-informazzjoni pprovduta, u b’mod aktar ġenerali, l-aġir ta’ l-impriża in kwistjoni, ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati f’dan ir-rigward li juru kooperazzjoni ġenwina min-naħa tagħha.
396 Kif jirriżulta wkoll mill-kunċett innifsu ta’ kooperazzjoni, kif intwera b’mod ċar fil-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, u b’mod partikolari fl-introduzzjoni u fl-ewwel punt tal-Kapitolu D ta’ din il-komunikazzjoni, fil-fatt huwa biss meta l-aġir ta’ l-impriża in kwistjoni juri dan l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jista’ jingħata tnaqqis fuq il-bażi ta’ l-imsemmija komunikazzjoni.
397 Madankollu, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 618 u 622 ta’ l-imsemmija sentenza appellata, f’dan il-każ, il-grupp Henss/Isoplus, billi pprovda informazzjoni mhux kompluta u parzjalment ineżatta, ma jistax jibbaża ruħu fuq tali aġir.
398 Kuntrarjament għal dak li jsostni l-isemmi rikorrent, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tbiegħdetx minn allegat prinċipju tad-dritt kriminali skond liema kull ammissjoni, anki jekk parzjali, għandha b’mod imperattiv tagħti lok għal tnaqqis tal-multa, u lanqas ma kisret id-drittijiet ta’ difiża jew tal-prinċipju “non bis in idem”.
399 Fir-rigward ta’ tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa fejn l-għan huwa li jingħata kumpens lil impriża għal kontribut matul il-proċedura amministrattiva li tkun ippermettiet lill-Kummissjoni tikkonstata ksur b’inqas diffikultà u, jekk ikun il-każ, li ttemm dan il-ksur, ikun assurd jekk, kif issostni l-imsemmija istituzzjoni, hija tkun obbligata li tagħti dan it-tnaqqis meta l-kontribut in kwistjoni mhux talli ma jkunx ippermetta li jintlaħaq dan il-għan iżda, għall-kuntrarju, ikun impedixxa dan.
400 Kif diġà ġie deċiż fil-punti 358 sa 362 ta’ din is-sentenza, il-grupp Henss/Isoplus ma jistax, f’sitwazzjoni bħal din, jallega li d-drittijiet ta’ difiża tiegħu ġew miksura.
401 Fil-fatt, l-imsemmi rikorrent ma kienx obbligat li jikkoopera b’ebda mod jew li jagħmel ammissjoni. Barra minn hekk, id-drittijiet tad-difiża ma jimplikawx dritt li wieħed jagħti informazzjoni mhux sħiħa u, parzjalment mhux eżatta.
402 Ksur tal-prinċipju “non bis in idem”, jekk huwa fondat fuċ iċ-ċirkustanza li l-aġir in kwistjoni kien diġà ġie kkunsidrat bħala ċirkustanza aggravanti, ma jistax tiġi aċċettat.
403 Il-fatt li ma jingħatax kumpens lil impriża għal kooperazzjoni li ma tkunx ippermettiet lill-Kummissjoni li tikkonstata ksur b’inqas diffikultà u, jekk ikun il-każ, li ttemm dan il-ksur ma jistax jiġi kkwalifikat bħala penali li tiżdied mal-piena li tikkostitwixxxi r-rikonoxximent ta’ ċirkustanza aggravanti.
404 Permezz tar-raba’ motiv tagħha, LR A/S issostni li l-punti 359 sa 370 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni huma vvizzjati bi żball ta’ dritt in kwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza approvat fiha l-livell tat-tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa mogħti mill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-kooperazzjoni ta’ din ir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, jiġifieri ta’ 30 %, meta skond din ir-rikorrenti, hija kellha dritt, fuq din il-bażi, għal tnaqqis akbar.
405 Fl-ewwel lok, kif diġà ġie deċiż fil-punti 191 sa 196 ta’ din is-sentenza b’risposta għat-tieni motiv ta’ l-istess rikorrenti, din ta’ l-aħħar ma setgħat tibbaża fuq ebda aspettattiva leġittima fir-rigward ta’ l-allegata prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni li din kienet teżisti meta ngħatat il-kooperazzjoni u li, f’dan il-każ, kienet tkun aktar vantaġġjauża mill-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.
406 Għaldaqstant, ir-raba’ motiv imqajjem minn LR A/S, in kwantu huwa intiż li jikkontesta fuq din il-bażi l-punti 361 u 366 ta’ l-imsemmija sentenza appellata, għandu jiġi miċħud.
407 L-istess rikorrenti ssostni, fit-tieni lok, li hija kellha tingħata tnaqqis akbar minħabba l-fatt li kienet l-ewwel impriża li kkooperat mal-Kummissjoni, li b’hekk wassal lill-impriżi l-oħrajn biex jagħmlu l-istess.
408 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-punti 363 sa 365 ta’ l-imsemmija sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni sovrana ta’ l-elementi ta’ natura fattwali, li l-ammont tat-tnaqqis mogħti lil LR A/S għall-kooperazzjoni tagħha kien adattat, b’mod speċjali peress li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni ma kinitx lesta li tagħti tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa ta’ 50 % lill-impriżi li ma tawhiex informazzjoni qabel ma rċevew talba għal informazzjoni u huwa paċifiku li l-istess rikorrenti bagħtet dokumenti lil din l-istituzzjoni biss wara li rċeviet din it-talba għal informazzjoni mingħandha.
409 Fit-tielet lok, LR A/S tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ċaħdet, fil-punt 368 ta’ l-istess sentenza, l-argument tagħha li jsostni li hija kellha dritt għal eżenzjoni tal-multa għall-perijodu wara li saru l-investigazzjonijiet minħabba li hija kienet l-ewwel impriża li kienet żvelat li l-akkordju kien kompla wara l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni.
410 Il-motiv espost mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 368 tas-sentenza appellata, skond liema l-ksur, u b’hekk it-tnaqqis, għandu jiġi kkunsidrat fit-totalità tiegħu matul l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni, mhuwiex determinanti u ma jipprekludix l-għoti ta’ tnaqqis akbar.
411 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet mingħajr ma kkommettiet żball fid-dritt li jista’ jiġi impunjat fl-istadju ta’ appell, li l-fatt li l-akkordju kompla, b’mod partikolari wara l-investigazzjonijiet effettwati, kien jikkostitwixxi aspett li ma jistax jiġi sseparat mill-ksur u li dan seta’ jiġi kkunsidrat biss b’mod globali, fl-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.
412 Għal dak li jirrigwarda l-ammont tat-tnaqqis, li ġie kkontestat minn LR A/S, ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 368 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni u li huwa bbażat fuq il-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni mhuwiex ivvizzjat bi żball ta’ dritt rigward l-interpretazzjoni ta’ l-istess komunikazzjoni. Għaldaqstant, dan l-ilment ma jistax jiġi aċċettat.
413 LR A/S issostni, fir-raba’ lok, li in kwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fil-punti 240 sa 245 tas-sentenza appellata ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, li ABB kellha tibbenefika minn tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa ta’ aktar minn 30 % fuq il-bażi taċ-ċirkustanza li din ir-rikorrenti, b’mod partikolari kuntrarjament għall-każ tagħha, ma kkontestatx il-materjalità tal-fatti prinċipali wara li rċeviet id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, l-imsemmija Qorti ppenalizzat lil LR A/S minħabba s-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet tagħha tad-difiża. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipji fundamentali kif stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikolu 6 tal-KEDB u li fuq kollox irriservat trattament diskriminatorju kontriha.
414 Fil-fatt, jirriżulta mill-punt 243 tas-sentenza appellata ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fejn irreferiet għat-tieni subparagafu tal-punt 26 u l-ħames paragrafu tal-punt 27 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ ABB, LR A/S sostniet li, qabel l-1994 l-akkordju ma kienx jestendi lil hinn mis-suq Daniż u li, minbarra dan, ma kienx hemm akkordju kontinwu. Barra minn hekk, hija ċaħdet li kienet ipparteċipat f’azzjonijiet bl-iskop li jeliminaw Powerpipe jew li implementat dawn is-sanzjonijiet.
415 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi akkużata bi trattament diskriminatorju kontra LR A/S meta mqabbla ma’ ABB.
416 Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni LR A/S, din ma ġietx ippenalizzata meta mqabbla ma’ ABB għas-sempliċi fatt li eżerċitat id-drittijiet tad-difiża tagħha.
417 Fil-fatt, f’dan il-każ, ABB, għall-kuntrarju ta’ l-impriżi l-oħrajn fosthom LR A/S, għażlet li tirrinunzja għad-dritt li tikkontesta l-fatti prinċipali deskritti mill-Kummissjoni kif ukoll il-konklużjonijiet ta’ din ta’ l-aħħar, u f’dan ir-rigward, ikkooperat b’mod sħiħ ma’ din l-istituzzjoni sabiex tkun tista’ tibbenefika minn tnaqqis addizzjonali ta’ l-ammont tal-multa.
418 Għaldaqstant din kienet għażla libera li saret minn ABB u li permezz tagħha kisbet trattament favorevoli mill-Kummissjoni.
419 Din l-għażla fil-fatt kienet miftuħa wkoll għal LR A/S. Ma jsegwix li, peress li ma ngħatax tnaqqis addizzjonali lil LR A/S, minħabba li hija kienet iddeċidiet li ma tagħmilx din l-għażla, li din l-impriża kienet mġiegħla tixhed taħt it-theddida ta’ penali bi ksur ta’ l-Artikolu 6 tal-KEDB, jew li ġiet ippenalizzata minħabba li s-sempliċi eżerċiżżju tad-drittijiet tad-difiża tagħha.
420 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-raba’ motiv imqajjem minn LR A/S għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.
D – Fuq il-motivi bbżati fuq id-dritt għal smigħ xieraq u l-obbligu ta’ motivazzjoni
1. Fuq il-motivi bbażati fuq tad-dritt ta’ smigħ xieraq
421 Permezz tal-motivi rispettivi tagħhom, Dansk Rørindustri (it-tielet motiv), il-grupp Henss/Isoplus (l-ewwel żewġ motivi), KE KELIT (ir-raba’ motiv), Brugg (it-tielet motiv) u LR GmbH (ir-raba’ motiv) jikkritikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli ċaħdet il-motivi tagħhom ibbażati fuq ksur ta’ dritt ta’ smigħ xieraq minħabba l-fatt li, matul il-proċedura amministrattiva u b’mod partikolari bħala risposta għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, huma ma kinux fil-pożizzjoni li ippreżentaw is-sottomissjonijiet tagħhom dwar il-kwistjoni ta’ l-applikazzjoni allegatament retroattiva tal-linji gwida fil-każ preżenti, peress li l-Kummissjoni f’ebda mument tal-proċedura amministrattiva ma indikat l-intenzjoni tagħha li tapplikhom.
422 L-ewwelnett, għandu jiġi kkonstatat, kif sostniet korrettament il-Kummissjoni, li l-motiv imqajjem minn Dansk Rørindustri għal dan il-għan ma kienx imqajjem quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u b’hekk jikkostitwixxi motiv/eċċezzjoni ġdid u, għaldaqstant, huwa inammissibbli fl-istadju ta’ appell.
423 Fir-replka tagħha, din ir-rikorrenti sostniet essenzjalment li din ma tikkostiwixxix eċċezzjoni ġdida, peress li din setgħet tiġi dedotta impliċitament mill-eċċezzjonijiet u l-argumenti żviluppati minnha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-iffissar tal-multa.
424 Jirriżulta madankollu mill-atti tal-proċess li l-imsemmija rikorrenti la fir-rikors u lanqas fir-replika ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma qajmet din l-eċċezzjoni dwar id-dritt ta’ smigħ xieraq in sostenn ta’ l-eċċezzjonijiet l-oħra mqajma minnha fl-ewwel istanza.
425 Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, fuq dan il-punt, l-appell ma jindikax u barra minn hekk lanqas ma jippermetti li jiġu identifikati l-punti jew il-parti tas-sentenza kkontestata konċernata li huma kkontestati.
426 Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, jirriżulta mill-Artikolu 168 A tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 225 KE), l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 51(1) ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 112(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ l-inammissibbiltà ta’ appell jew ta’ eċċezzjoni ikkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 497 u l-ġurisprudenza ċċitata).
427 Għal dak li jirrigwarda l-eċċezzjonijiet mressqa fuq dan il-punt mill-grupp Henss/Isoplus, KE KELIT, Brugg u LR GmbH, ħlief għal xi aspetti speċifiċi għal dawn ir-rikorrenti li ser jiġu indirizzati aktar ‘il quddiem safejn huma kkritikati f’dan l-appell, il-Qorti tal-Prim’Istanza essenzjalment ċaħditom għall-istess motivi, fil-punti 310 sa 322 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni, 75 sa 89 tas-sentenza appellata KE KELIT vs Il-Kummissjoni, 82 sa 98 tas-sentenza appellata Brugg vs Il-Kummissjoni u 192 sa 206 tas-sentenza appellata Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni.
428 Fl-imsemmija sentenzi appellati, il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwelnett fakkret b’mod korrett li, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-Kummissjoni tindika espressament fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tagħha li hija ser tikkunsidra jekk għandhomx jiġu imposti multi kontra l-impriżi kkonċernati, u li hija tiddikjara l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jagħtu lok għal multa, bħall-gravità u d-dewmien tal-ksur allegat u l-fatt li tkun għamlet dan “intenzjonalment jew b’negliġenza”, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt ta’ l-impriżi għal smigħ xieraq. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet korrettament ukoll li, meta tagħmel hekk, hija tkun qed tagħtihom l-elementi meħtieġa biex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni ta’ ksur, iżda wkoll kontra li jiġu imposti multa (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 21).
429 Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat sussegwentement li, għal kull waħda mill-imsemmija rikorrenti, jirriżulta mid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li din fiha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tibbaża l-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa li timponi fuq l-impriżi in kwistjoni, sabiex tikkonkludi li, f’dan ir-rigward, id-dritt ta’ dawn ir-rikorrenti għal smigħ xieraq jiġi debitament irrispettat.
430 Fir-rigward ta’ evalwazzjoni ta’ elementi ta’ prova, jiġifieri d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet ta’ kull waħda mill-istess rikorrenti, il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju ta’ appell huwa limitat biss għal każijiet ta’ distorsjoni ta’ dawn l-elementi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Mag Instrument vs UASI, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 39).
431 Madankollu, l-argumenti tal-grupp Henss/Isoplus, ta’ KE KELIT, ta’ Brugg u ta’ LR GmbH ma jurux li saret distorsjoni, b’tali mod li din il-parti tas-sentenzi appellati in kwistjoni ma tistax tiġi kkontestata.
432 L-imsemmija rikorrenti jsostnu li il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball fid-dritt meta ddeċidiet li d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet ta’ kull waħda mir-rikorrenti in kwistjoni kienet tinkludi elementi suffiċjenti li jippermettu li d-dritt ta’ smigħ xieraq jiġi rrispettat u li jirriżulta li, f’dan il-każ, il-ħarsien ta’ dan id-dritt ma jeħtieġx aktar u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata, matul il-proċedura amministrattiva, li tikkomunika lill-imsemmija rikorrenti l-intenzjoni tagħha li tapplika metodu ġdid ta’ kalkolu tal-multi.
433 L-istess rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li f’dan il-każ l-intenzjoni li jiġu taapplika l-linji gwida kellha tissemma’ matul il-proċedura amministrattiva, peress li dawn ir-regoli jikkostitwixxu bidla fundamentali tal-metodu ta’ kalkolu għall-multi u li barra minn hekk din kienet tikkonsisti f’applikazzjoni retroattiva. F’dawn il-kundizzjonijiet, din l-informazzjoni tikkostitwixxi element neċessarju għad-difiża ta’ dawn ir- rikorrenti fuq il-kwistjoni tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi.
434 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta fakkret li, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għoti ta’ indikazzjonijiet dwar il-livell tal-multi maħsuba, ukoll meta l-impriżi ma kinux jinsabu f’pożizzjoni li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-ilmenti mressqa kontrihom, jikkostitwixxi antiċipazzjoni mhux xierqa tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 21, u Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 19).
435 Il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet ukoll, b’mod korrett, li skond din l-istess ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tindika, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, il-possibbiltà li ssir bidla fil-politika tagħha f’dak li jirrigwarda l-livell ta’ l-ammont tal-multi, possibbiltà li tiddependi minn kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ politika tal-kompetizzjoni mingħajr relazzjoni diretta maċ-ċirkustanzi partikolari tal-każijiet in kwistjoni (ara s-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 22).
436 Żġur li, jidher li l-linji gwida jikkostitwixxu metodu ta’ kalkolu ġdid ta’ l-ammont tal-multi li jistabbilixxi bidla importanti f’dan il-qasam, b’mod partikolari fir-rigward tas-sistema ta’ tariffi, għalkemm relattivi u flessibbli, ta’ l-ammonti bażiċi previsti li huma jipprevedu bħala l-punti ta’ tluq ta’ dan il-kalkolu.
437 Madankollu, kif jirriżulta wkoll miċ-ċaħda ta’ l-ilmenti relatati ma’ l-allegata illegalità tal-linji gwida, kif diġà ġie deċiż fil-punti 250 sa 253 ta’ din is-sentenza, dan il-metodu ġdid jibqa’ bbażat fuq il-kriterji imperattivi tal-gravità u tad-dewmien tal-ksur previsti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 in kwantu dan jikkonsisti essenzjalment li jippreċiża l-mod kif il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tapplika dawn il-kriterji għall-iffissar ta’ l-ammont tal-multi.
438 Huwa minnu li l-linji gwida jinkludu preċiżjonijiet importanti dwar dan is-suġġett u li jista’ jkun mixtieq li l-Kummissjoni tipprovdi lill-impriżi dawn il-preċiżjonijiet, kemm-il darba dan ma jimplikax li hija tkun qed tantiċipa b’mod mhux xieraq id-deċiżjoni tagħha.
439 Xorta jibqa’ l-fatt, kif iddeċidiet korrettament il-Qorti tal-Prim’Istanza, li d-dritt ta’ smigħ xieraq fir-rigward tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi ma jkoprix il-mod kif il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tapplika l-kriterji imperattivi tal-gravità u tad-dewmien tal-ksur għad- determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi.
440 Rigward ta’ l-argument ta’ l-istess rikorrenti fejn huma jsostnu li kellhom dritt li għal smigħ xieraq fir-rigward ta’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tapplika retroattivament il-linji gwida, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġie deċiż fil-punt 231 ta’ din is-sentenza, il-metodu ta’ kalkolu ġdid li dawn ta’ l-aħħar kienu jfissru, kien raġonevolment prevedibbli għall-impriżi in kwistjoni fiz-zmien meta ġew imwettqa l-ksur in kwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw id-dritt għal smigħ xieraq fir-rigward ta’ l-applikazzjoni retroattiva tal-linji gwida. Dan l-ilment għaldaqstant għandu wkoll jiġi miċħud.
441 Għandhom jiġu indirizzati sussegwentement xi argumenti speċifiċi mressqa minn xi wħud mir-rikorrenti in sostenn tal-motivi tagħhom ibbażati fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq.
442 Il-grupp Henss/Isoplus jikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza li indikat, fil-punt 312 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni, li, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi, l-impriżi jibbenefikaw minn garanzija supplementari rigward id-drittijiet tad-difiża tagħhom, meta l-Qorti tal-Prim’Istanza tiġġudika fil-kompetenza ta’ ġuriżdizzjoni sħiħa u tista’ b’mod partikolari tneħħi jew tnaqqas il-multa, skond l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17.
443 Skond dan ir-rikorrent, huwa għandu dritt, skond l-istess Regolament, għal żewġ livelli ta’ ġuriżduzzjoni sħiħa, jiġifieri quddiem il-Kummissjoni u quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u b’hekk ma jistax jiġi mċaħħad minn wieħed minn dawn il-livelli ta’ ġurisdizzjoni permezz tal-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq fir-rigward tal-kalkolu tal-multa. Il-ksur tad-drittijiet ta’ difiża li sar fl-istadju tal-proċedura amministrattiva ma jistax jiġi rregolarizzat matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
444 Dan il-motiv mhuwiex fondat.
445 Kif osservat il-Kummissjoni, fil-punt 312 tas-sentenza appellata HFB et vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza iddeċidiet, unikament u korrettament, li l-kompetenza tagħha ta’ ġuriżdizzjoni sħiħa f’dak li jirrigwarda l-multi tikkostitwixxi garanzija supplementari. Hija la ddeċidiet u lanqas issuġġeriet, kif isostni l-grupp Henss/Isoplus, li din tikkonsisti f’sostituzzjoni tal-livell ta’ ġurisdizzjoni li tikkostitwixxi l-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, li tippermetti lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tirregolarizza xi ksur tad-drittijiet tad-difiża li jkun seħħ fl-istadju ta’ din il-proċedura.
446 Barra minn hekk l-istess rikorrent isostni wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ dritt meta ċaħdet il-motiv tiegħu bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq peress li, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanza aggravanti prevista fit-tieni subinċiż tal-punt 2 tal-linji gwida – jiġifieri r-rifjut ta’ kull kooperazzjoni, jew tentattivi ta’ xkiel matul l-iżvolġiment ta’ l-investigazzjoni – ġiet stabbilita kontra tiegħu mingħajr ma kien ġie infurmat dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproċedi b’dan il-mod u, konsegwentement, mingħajr ma nstema’ f’dan ir-rigward.
447 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat peress li jirriżulta b’mod ċar mill-atti tal-proċess li din iċ-ċirkustanza ma tistax tkun is-suġġett tald-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet peress li din seħħet matul din il-fażi tal-proċedura amministrattiva, jiġifieri fir-risposta għall-imsemmija dikjarazzjoni ppreżentata mill-grupp Henss/Isoplus, u kompliet sussegwentement.
448 Brugg tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ċaħdet, fil-punt 97 tas-sentenza appellata Brugg Rohrsysteme vs Il-Kummissjoni, l-argument tagħha fejn hija sostniet li matul is-seduta l-Kummissjoni tatha x’tifhem li l-multa kienet ser tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-fatturat rilevanti tagħha. Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza fl-imsemmi punt ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni talbet espressament lil Brugg, matul is-seduta, biex tikkonferma li-imsemmi fatturat. Skond l-istess rikorrenti, il-Kummissjoni f’ebda mument ma indikat li kienet ser tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq il-linji gwida.
449 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-ilment, l-imsemmija rikorrenti għandha l-ħsieb li tikkontesta, permess ta’ affermazzjoni sempliċi, l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li ma tikkostitwixxix, ħlef jekk kien hemm distorsjoni ta’ l-elementi ta’ prova, kwistjoni ta’ dritt soġġetta, bħala tali, għall-kontoll tal-Qorti tal-Ġustizzja.
450 Għaldaqstant, peress li l-istess rikorrenti ma tinvoka ebda argument ta’ natura li jistabbilixxi kwalunkwe distorsjoni ta’ l-elementi ta’ prova in kkonċernati, kif eżaminati fil-punti 94 sa 97 tas-sentenza appellata Brugg Rohrysteme vs Il-Kummissjoni, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.
2. Fuq il-motivi bbażati fuq ksur ta’ l-obbligu li tingħata motivazzjoni dwar il-kalkolu tal-multi
451 Permezz tal-motivi tagħhom, KE KELIT (il-ħames motiv), LR A/S (it-tieni motiv) u LR GmbH (it-tielet motiv) jikkritikaw lill-Qorti tal-Ġustizzja li ddeċidiet, rispettivament fil-punt 205 tas-sentenza appellata KE KELIT vs Il-Kummissjoni, il-punt 390 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni u l-punt 374 tas-sentenza appellata Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tispeċifika jekk u għal liema raġuni hija kienet qed tapplika l-linji gwida f’dan il-każ.
452 KE KELIT u LR GmbH isostnu li, meta tiġi kkunsidrata l-importanza tal-bidliet li l-linji gwida jagħmlu għall-metodu ta’ kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, ir-raġunijiet ta’ din il-bidla u l-applikazzjoni retroattiva tal-linji gwida fil-każ preżenti kellhom jiġu spjegati b’mod speċifiku fid-deċiżjoni kkontestata. LR A/S issostni li din id-deċiżjoni kellha tkun motivata dwar il-punt ta’ l-applikazzjoni retroattiva tal-linji gwida u tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.
453 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar fl-ewwel lok li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni tal-portata ta’ l-obbligu li tingħata motivazzjoni tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt li hija soġġetta għall-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, peress li l-kontroll tal-legalità ta’ deċiżjoni li jsir f’dan il-kuntest mill-Qorti tal-Ġustizzja għandu neċessarjament jikkunsidra l-fatti li fuqhom il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun ibbażat biex tasal għall-konklużjoni jekk il-motivazzjoni kinitx suffiċjenti jew insuffiċjenti (ara f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-20 ta’ Novembru 1997, Il-Kummissjoni vs V, C-188/96 P, Ġabra p. I-6561, punt 24).
454 Għal dak li jirrigwarda l-ilment ta’ l-imsemmija rikorrenti fejn huma jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata kellha tagħti motivazzjoni dwar il-punt ta’ l-applikazzjoni retroattiva tal-linji gwida, għandu jiġi mfakkar li ġie deċiż fil-punt 231 ta’ din is-sentenza li l-metodu ta’ kalkolu ġdid li jinsab fil-linji gwida kien raġonevolment prevedibbli għall-impriżi in kwistjoni fil-mument meta ġew imwettqa l-ksur in kwisjtoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-applikazzjoni retroattiva tal-linji gwida ma teħtieġx li tingħata motivazzjoni speċifika. Għaldaqstant dan l-ilment għandu wkoll jiġi miċħud.
455 Fir-rigward tal-motiv imqajjem minn LR A/S dwar ksur ta’ l-obbligu li tingħata motivazzjoni fuq il-punt ta’ l-applikazzjoni retroattiva tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, dan ukoll għandu jiġi miċħud.
456 Għall-istess motivi bħal dawk imsemmija fil-punti 227 sa 231 ta’ din is-sentenza, il-komunika dwar il-kooperazzjoni, anki fl-ipoteżi li din kellha effett aggravanti fuq il-livell tal-multi imposti, kienet raġonevolment prevedibbli għall-impriżi fosthom l-imsemmija rikorrenti, fil-mument meta ġew imwettqa l-ksur in kwistjoni b’tali mod li l-applikazzjoni ta’ din il-komunikazzjoni għall-ksur imwettqa qabel l-adozzjoni tagħha ma kisritx il-prinċipju ta’ non-retroattività;.
457 Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata m’għandhiex tkun motivata fuq il-punt ta’ l-applikazzjoni retroattiva tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.
458 Fit-tliet sentenzi appellati KE KELIT vs Il-Kummissjoni, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni u Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza affermat li l-Kummissjoni ma setgħetx tiġi kkritikata talli ma spjegatx il-kuntest ġuridiku applikabbli għall-każ preżenti, b’mod partikolari l-applikazzjoni tal-linji gwida.
459 Jirriżulta wkoll mis-sentenzi appellati u b’mod partikolari mill-punt 209 tas-sentenza appellata LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, li, f’ebda mument tal-proċedura amministrattiva ma ġie ddikjarat mill-Kummissjoni li hija kellha l-intenzjoni li tapplika l-linji gwida.
460 Qari tad-deċiżjoni kkontestata juri li din ma tagħmel ebda referenza espliċita għal-linji gwida.
461 Hemm lok li jiġi mfakkar li dawn ta’ l-aħħar jikkostitwixxu regoli ta’ kondotta ta’ portata ġenerali li l-Kummissjoni għandha l-obbligu, bħala prinċipju, li tapplika. Isegwi li l-legalità ta’ deċiżjoni li tapplika l-linji gwida, għal deċiżjoni kkontestata, tista’ tiġi evalwata fr-rigward tagħhom, kif ġie deċiż ukoll fil-punt 211 ta’ din is-sentenza.
462 Skond ġurisprudenza kostanti, l-obbligu li tingħata motivazzjoni għal deċiżjoni individwali għandu bħala iskop li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-kontroll tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni u li tagħti lill-parti interessata indikazzjoni suffiċjenti biex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata b’mod ġust jew jekk hijiex possibilment ivvizzjata b’difett li jagħti lok għal kontestazzjoni tal-validità tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C-199/99 P, Ġabra P. I-11177, punt 145).
463 Għaldaqstant il-motivazzjoni, bħala prinċipju, għandha tiġi kkomunikata lill-interessata fl-istess żmien mad-deċiżjoni li takkużah. In-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi regolarizzat mill-fatt li l-parti interessata ssir taf bir-raġunijiet għad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punt 22).
464 Isegwi li għandu jiġi vverifikat jekk, fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi kinux jafu b’ċertezza suffiċjenti li l-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi effetwat f’dan ir-rigward kien inħadem fuq il-bażi tal-metodu ta’ kalkolu ġdid previst mil-linji gwida sabiex ikunu jistgħu jikkontestaw, jekk ikun il-każ, il-legalità ta’ din id-deċiżjoni fir-rigward ta’ l-imsemmija linji gwida.
465 Fis-sentenzi appellati, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, korrettament, li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni tapplika, b’mod partikolari, funzjoni tal-kuntest u tar-regoli kollha li jirregolaw il-kwistjoni. Hija kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tispeċifika jekk u għal liema motivi hija kienet ser tapplika l-linji gwida f’dan il-każ, peress li l-introduzzjoni ta’ dawn tiddikjara li “il-metodoloġija ġdida applikabbli għall-ammont tal-multa ser issegwi minn issa ’quddiem is-skema segwenti”. Il-Kummissjoni b’hekk impennjat ruħha li tapplika l-imsemmija linji matul l-iffissar ta’ l-ammont tal-multi għal ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.
466 Madankollu għandu jiġi kkonstatat li s-silta mill-introduzzjoni tal-linji gwida ċċitata fil-punt preċedenti ma tistabbilixxix b’mod ċar u mingħajr ambigwità li hija intenzjonata sabiex tiddetermina l-qasam ta’ applikazzjoni tagħhom ratione temporis, sabiex b’hekk tkopri ksur, bħal dawk fil-każ preżenti, li seħħu qabel l-adozzjoni ta’ dawn il-linji gwida.
467 Ta’ mill-inqas, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat fil-punt 375 tas-sentenza appellata Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, li, fi kwalunkwe każ, fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata relatati ma’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 17, b’mod partikolari fil-punti 163 sa 168 tal-motivi ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni espressament ħadet konsiderazzjoni fuq il-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa li huma analogi għal dawk li jinsabu fil-premessi tal-linji gwida.
468 Eżami tal-motivi kollha tad-deċiżjoni kkontestata relatati mal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa, jiġifieri l-punti 168 sa 183 ta’ l-imsemmija deċiżjoni, jikkonferma li din kellha raġonevolment tinftiehem mill-impriżi kkonċernati bħala li tinkludi applikazzjoni f’dak li jirrigwardhom tal-linji gwida u tal-metodu ta’ kalkolu ġdid previst minnhom.
469 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tikkonkludi li d-deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjentement motivata.
470 Għaldaqstant, il-motivi mqajma minn KE KELIT, LR A/S et LR GmbH, ibbażati fuq ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni dwar il-kalkolu tal-multi, għandhom jiġu miċħuda.
VII – Fuq l-ispejjeż
471 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta' appell skond l-Artikolu 118 ta' l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Dansk Rørindustri, il-grupp Henss/Isoplus, KE KELIT, LR A/S, Brugg, LR GmbH u ABB tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitluba mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeciedi:
1) Il-kawżi C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P huma magħqudin flimkien għall-finijiet ta’ din is-sentenza.
2) L-appelli huma miċħuda.
3) Dansk Rørindustri A/S, Isoplus Fernwärmetechnik Vertriebsgesellschaft mbH, Isoplus Fernwärmetechnik Gesellschaft mbH, Isoplus Fernwärmetechnik GmbH, KE KELIT Kunststoffwerk GmbH, LR af 1998 A/S, Brugg Rohrsysteme GmbH, LR af 1998 (Deutschland) GmbH u ABB Asea Brown Boveri Ltd għandhom ibatu l-ispejjeż.
Firem
* Lingwi tal-kawża: id-Daniż, u l-Ġermaniż u l-Ingliż.