This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62002CJ0148
Judgment of the Court of 2 October 2003.#Carlos Garcia Avello v Belgian State.#Reference for a preliminary ruling: Conseil d'État - Belgium.#Citizenship of the European Union - Handing down of surnames - Children of nationals of Member States - Dual nationality.#Case C-148/02.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Ottubru 2003.
Carlos Garcia Avello vs Stat Belġjan.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Conseil d'État - il-Belġju.
Kawża C-148/02.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Ottubru 2003.
Carlos Garcia Avello vs Stat Belġjan.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Conseil d'État - il-Belġju.
Kawża C-148/02.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2003:539
*A9* Conseil d'État, section d'administration, 15e chambre, arrêt nº 102.285 du 21/12/2001 (A.77.302/XV-8)
*P1* Conseil d'État, section d'administration, 15e chambre, arrêt nº 126.675 du 19/12/2003 (A.77.302/XV-8)
SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Seduta Plenarja)
2 ta’ Ottubru 2003 (*)
“Ċittadinanza ta’ l-Unjoni Ewropea – Trażmissjoni ta’ kunjomijiet – Tfal ta’ ċittadini ta’ Stati Membri – Nazzjonalità doppja”
Fil-Kawża C‑148/02,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, mill-Conseil d’État (il-Belġju) dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 17 KE u 18 KE fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti bejn
Carlos Garcia Avello
u
l-Istat Belġjan,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Seduta Plenarja),
komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President ta’ l-Awla, M. Wathelet, R. Schintgen u C. W. A. Timmermans, Presidenti ta’ Awla, D. A. O. Edward, A. La Pergola, P. Jann u V. Skouris, F. Macken u N. Colneric, S. von Bahr, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur) u A. Rosas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,
Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal C. Garcia Avello, minn P. Kileste, avukat,
– għall-Istat Belġjan, minn A. Snoecx, bħala aġent, assistita minn J. Bourtembourg, avukat,
– għall-Gvern Daniż, minn J. Bering Liisberg, bħala aġent,
– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewopej, minn J. L. Iglesias Buhigues, C. O'Reilly u D. Martin, bħala aġenti,
wara li rat ir-rapport tas-seduta,
wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ C. Garcia Avello, irrappreżentat minn P. Kileste, ta’ l-Istat Belġjan, irrappreżentat minn C. Molitor, avukat, tal-Gvern Daniż, irrappreżentat minn J. Molde, bħala aġent, tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn N. A. J. Bel, bħala aġent, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn J. L. Iglesias Buhigues, C. O’Reilly u D. Martin, fis-seduta tal-11 ta’ Marzu 2003,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Mejju 2003,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 B’sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2001, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ April 2002, il-Conseil d’État (Kunsill ta’ l-Istat) għamel, skond l-Artikolu 234 KE, domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 17 KE u 18 KE.
2 Din id-domanda qamet fil-kuntest tal-kawża bejn C. Garcia Avello, bħala rappreżentant legali ta’ wliedu, u l-Istat Belġjan dwar talba għal bidla fil-kunjom ta’ wliedu.
Il-kuntest ġuridiku
A ─ Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 12(1) KE jipprovdi kif ġej:
“Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, u bla ħsara għad-disposizzjonijiet speċjali inklużi hemm, kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.”
4 L-Artikolu 17 KE jipprovdi:
“1. Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru għandha tkun ċittadin ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tikkumplimenta u mhux tissostitwixxi ċ-ċittadinanza nazzjonali.
2. Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet mogħtija minn dan it-Trattat u jkunu marbutin bid-dmirijiet imposti minnu.”
5 L-Artikolu 18(1) KE jipprovdi kif ġej:
“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan it-Trattat u d-disposizzjonijiet meħuda biex dan jitwettaq.”
B ─ Il-leġiżlazzjoni u l-prassi nazzjonali
Id-dritt internazzjonali privat Belġjan
6 It-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan jipprovdi:
“Il-liġijiet dwar l-istat u l-kapaċità tal-persuni japplikaw għaċ-ċittadini Belġjani, ukoll jekk huma residenti barra l-pajjiż.”
7 Il-qrati Belġjani jibbażaw ruħhom fuq din id-dispożizzjoni sabiex japplikaw ir-regola li tipprovdi li l-istat u l-kapaċità tal-persuni huma rregolati mil-liġi nazzjonali tagħhom.
8 Skond l-Istat Belġjan, meta ċittadin Belġjan ikollu ċittadinanza waħda jew iktar fl-istess waqt, l-awtoritajiet Belġjani jagħtu preċedenza lin-nazzjonalità Belġjana, skond ir-regola konswetudinali ta’ l-oriġini, kodifikata bl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag, tat-12 ta’ April 1930, dwar ċerti kwistjonijiet marbuta mal-kunflitti tal-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza (League of Nations Treaty Series, Vol. 179, p. 89, iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag”), li jipprovdi li “persuna li għandha ċittadinanza doppja jew għadd ta’ ċittadinanzi tista’ tiġi kkunsidrata, minn kull stat li tiegħu hija għandha ċ-ċittadinanza, bħala ċittadin tiegħu”.
Il-Kodiċi Ċivili Belġjan
9 Skond l-Artikolu 335 tal-Kodiċi Ċivili, li jinsab fil-Kapitolu V, intitolat “Fuq l-effetti tal-filjazzjoni”, tat-Titolu VII (“Fuq il-filjazzjoni”):
“1. Wild li l-filjazzjoni paterna tiegħu biss hija stabbilita jew li hija stabbilita kemm il-filjazzjoni paterna u kif ukoll dik materna tiegħu għandu jkollu l-kunjom ta’ missieru għajr meta l-missier ikun miżżewweġ u jirrikonoxxi tifel konċepit matul iż-żwieġ minn mara oħra li mhijiex martu.
[...]”
10 L-Artikolu 2 tal-Kapitolu II, intitolat “Bdil tal-kunjom u ta’ l-ismijiet”, tal-Liġi tal-15 ta’ Mejju 1987, dwar il-kunjomijiet u l-ismijiet jipprovdi:
“Kull persuna li għandha raġuni sabiex tibdel isimha jew kunjomha għandha tippreżenta t-talba motivata lill-Ministru tal-Ġustizzja.
Dik it-talba għandha tiġi ppreżentata mill-persuna konċernata stess jew mir-rappreżentant legali tagħha.”
11 L-Artikolu 3, li jaqa’ taħt l-istess Kapitolu ta’ l-imsemmija liġi, jipprovdi:
“Il-Ministru tal-Ġustizzja jista’ jawtorizza bdil fl-isem sakemm l-ismijiet mitluba la jwasslu għal konfużjoni u lanqas ma jaffettwaw ħażin lill-applikant jew lil terzi.
Ir-Re jista’, b’eċċezzjoni, jawtorizza bdil fil-kunjom jekk jikkunsidra li t-talba hija bbażata fuq motivi serji u li l-kunjom la jwassal għal konfużjoni u lanqas ma jaffettwa ħażin lill-applikant jew lil terzi.”
Il-prassi amministrattiva fir-rigward ta’ bdil tal-kunjom
12 L-Istat Belġjan jindika li, sabiex inaqqas id-diffikultajiet marbuta mal-pussess taċ-ċittadinanza doppja, f’sitwazzjonijiet bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-awtoritajiet Belġjani jissuġġerixxu bdil fil-kunjom b’mod li t-tfal jingħataw l-ewwel parti biss tal-kunjom ta’ missierhom. B’eċċezzjoni, u b’mod partikolari fejn ma tantx hemm fatturi ta’ konnessjoni mal-Belġju, kunjom skond il-liġi barranija jista’ jingħata, b’mod partikolari fejn il-familja tkun għexet f’pajjiż barrani jew fejn il-wild ikun reġistrat taħt il-kunjom doppju, u dan sabiex ma jaffettwax l-integrazzjoni tal-wild b’mod ħażin. Reċentement, l-amministrazzjoni adottat pożizzjoni iktar flessibbli, b’mod partikolari fejn l-ewwel wild, li jkun twieled taħt ġurisdizzjoni Spanjola, ikollu kunjom doppju skond il-liġi Spanjola, filwaqt li t-tieni wild, li jkollu ċittadinanza Belġjana u Spanjola, ikollu l-kunjom doppju ta’ missieru skond l-Artikolu 335(1) tal-Kodiċi Ċivili, u dan sabiex tiġi stabbilita l-unità tal-kunjom fi ħdan il-familja.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
13 C. Garcia Avello, ċittadin Spanjol u I. Weber, ċittadina Belġjana, jirrisjedu l-Belġju fejn huma żżewġu fl-1986. Iż-żewġt itfal li twieldu minn dan iż-żwieġ, Esmeralda u Diego, li twieldu fl-1988 u fl-1992 rispettivament, għandhom ċittadinanza doppja Belġjana u Spanjola.
14 Skond id-dritt Belġjan, l-uffiċjal inkarigat mill-istat ċivili Belġjan niżżel, fiċ-ċertifikat tat-twelid tat-tfal, il-kunjom patronimiku tal-missier, jiġifieri “Garcia Avello” bħala l-kunjom tat-tfal.
15 Fis-7 ta’ Novembru 1995, permezz ta’ talba motivata mibgħuta lill-Ministru tal-Ġustizzja, C. Garcia Avello u martu, fil-kapaċità tagħhom ta’ rappreżentanti legali taż-żewġ uliedhom, talbu li l-kunjom patronimiku tat-tfal jinbidel għal “Garcia Weber”, fejn ġie indikat li skond prassi stabbilita fid-dritt Spanjol, il-kunjom tat-tfal ta’ koppja miżżewġa għandu jkun kompost mill-ewwel kunjom ta’ missierhom segwit minn dak ta’ ommhom.
16 Mill-proċess jirriżulta li t-tfal in kwistjoni ġew irreġistrati bil-kunjom “Garcia Weber” fil-Konsolat ta’ l-Ambaxxata Spanjola fil-Belġju.
17 Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Lulju 1997, l-awtoritajiet Belġjani ssuġġerew lir-rikorrent fil-kawża prinċipali li jbiddel il-kunjom patronimiku ta’ wliedu għal “Garcia” minflok il-bidla mixtieqa. Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Awwissu 1997, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u martu rrifjutaw dan is-suġġeriment.
18 Permezz ta’ ittra ta’ l-1 ta’ Diċembru 1997, il-Ministru tal-Ġustizzja informa lil C. Garcia Avello li t-talba tiegħu ġiet miċħuda billi indika: “Il-Gvern iqis li ma hemmx raġunijiet suffiċjenti sabiex jiġi propost lill-Maestà Tiegħu r-Re jilqa’ t-talba tiegħek sabiex il-kunjom patronimiku tiegħek jinbidel għal “Garcia Weber”. Fil-fatt, kull talba intiża sabiex il-kunjom ta’ l-omm jiżdied ma’ dak tal-missier, għal wild, normalment tiġi miċħuda minħabba l-fatt li fil-Belġju, it-tfal jieħdu kunjom missierhom”.
19 Fid-29 ta’ Jannar 1998, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, fil-kapaċità tiegħu ta’ rappreżentant legali ta’ wliedu Esmeralda u Diego, ressaq talba għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Conseil d’Etat, li fid-dawl ta’ l-argumenti tal-partijiet u wara li ddeċieda li l-Artikolu 43 KE mhuwiex rilevanti peress li d-dritt ta’ stabbiliment manifestament mhuwiex in kwistjoni fir-rigward tat-tfal minuri kkonċernati mit-talba in kwistjoni, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:
“Il-prinċipji tad-dritt Komunitarju dwar iċ-ċittadinanza Ewropea u l-moviment liberu tal-persuni, stabbiliti speċifikament fl-Artikoli 17 u 18 tat-Trattat tal-25 ta’ Marzu 1957 li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lill-awtorità amministrattiva Belġjana, li quddiemha għandha talba għal bdil ta’ kunjom ta’ tfal minuri residenti fil-Belġju u li għandhom ċittadinanza doppja Belġjana u Spanjola, u li hija mmotivata, mingħajr ċirkustanzi speċifiċi oħra, fuq il-fatt li dawn it-tfal għandu jkollhom il-kunjom li għalih huma għandhom dritt skond il-liġi u t-tradizzjoni Spanjoli, milli tirrifjuta dan il-bdil billi ssostni li din it-tip ta’ talba “normalment tiġi miċħuda minħabba li fil-Belġju, l-ulied jieħdu l-kunjom ta’ missierhom”, speċjalment meta l-attitudni ġeneralment adottata mill-awtorità tirriżulta mill-fatt li hija tikkunsidra li l-għoti ta’ kunjom differenti jista’, fil-kuntest tal-ħajja soċjali fil-Belġju, joħloq inċertezza dwar il-filjazzjoni tal-wild ikkonċernat, iżda li, sabiex ittaffi l-inkonvenjenti marbuta maċ-ċittadinanza doppja, tissuġġerixxi lill-applikanti f’din is-sitwazzjoni li jadottaw biss l-ewwel kunjom tal-missier u li deċiżjoni favorevoli tista’ tittieħed biss eċċezzjonalment, meta ma tantx hemm fatturi ta’ konnessjoni mal-Belġju jew meta jkun jaqbel li tiġi stabbilita l-unità tal-kunjom bejn l-aħwa kollha?”
Fuq id-domanda preliminari
20 L-ewwel nett għandu jiġi eżaminat jekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu kemm l-Istat Belġjan kif ukoll il-Gvernijiet tad-Danimarka u tal-Pajjiżi l-Baxxi, is-sitwazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw iċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni.
21 L-Artikolu 17 KE jagħti lil kull persuna li għandha ċ-cittadinanza ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop, C‑224/98, Ġabra p. I‑6191, punt 27). Ulied C. Garcia Avello igawdu minn dan l-istatus peress li għadhom iċ-ċittadinanza ta’ żewġ Stati Membri.
22 Kif osservat bosta drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R, C‑413/99, Ġabra p. I‑7091, punt 82) l-istatus ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri.
23 Dan l-istatus jippermetti li ċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li jkunu jinsabu fl-istess sitwazzjoni jiksbu, fil-qasam ta’ l-applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat KE u indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C‑184/99, Ġabra p. I‑6193, punt 31, u D’Hoop, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).
24 Fost is-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt Komunitarju hemm dawk li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, b’mod partikolari dawk li jaqgħu taħt il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati, kif mogħtija mill-Artikolu 18 KE (sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 1998 Bickel u Franz, C‑274/96, Ġabra p. I‑7637, punti 15 u 16, kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Grzelczyk, punt 33, u D’Hoop, punt 29).
25 Għalkemm, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kunjom ta’ persuna jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri, dawn ta’ l-aħħar għandhom madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw id-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1997, Dafeki, C‑336/94, Ġabra p. I‑6761, punti 16 sa 20), u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri mogħtija lill kull ċittadin ta’ l-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2000, Elsen, C‑135/99, Ġabra p. I‑10409, punt 33).
26 Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni, stabbilita fl-Artikolu 17 KE, għaldaqstant mhijiex intiża li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat anki għal sitwazzjonijiet nazzjonali interni li ma għandhom ebda rabta mad-dritt Komunitarju (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1997, Uecker u Jacquet, C‑64/96 u C‑65/96, Ġabra p. I‑3171, punt 23).
27 Madankollu, tali rabta mad-dritt Kommunitarju teżisti fir-rigward ta’ persuni li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik ta’ wlied C. Garcia Avello, li huma ċittadini ta’ Stat Membru u li legalment jirresjedu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.
28 Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-fatt li l-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali għandhom ukoll iċ-ċittadinanza ta’ l-Istat Membru fejn huma ilhom jirresjedu sa minn twelidhom u li, skond l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat, għalhekk hija l-unika ċittadinanza rikonoxxuta minn dan l-Istat. Fil-fatt, Stat Membru ma jistax jillimita l-effetti ta’ l-għoti tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor billi jeżiġi kundizzjoni addizzjonali għar-rikonoxximent ta’ din in-nazzjonalità fir-rigward ta’ l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali previsti mit-Trattat (ara, f’dan is-ses, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et, C‑369/90, Ġabra p. I‑4239, punt 10). Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag, li fuqha jibbaża ruħu r-Renju tal-Belġju sabiex jirrikonoxxi biss in-nazzjonalità jus fori meta jkun hemm diversi nazzjonalitajiet, li waħda minnhom tkun dik Belġjana, ma jimponix obbligu iżda sempliċement jipprovdi għażla għall-partijiet kontraenti sabiex jagħtu prijorità lil din in-nazzjonalità fuq kwalunkwe nazzjonalità oħra.
29 Għaldaqstant, fil-kawża prinċipali, ulied ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jistgħu jinvokaw id-dritt, previst fl-Artikolu 12 KE, li ma jsofrux diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza fir-rigward tar-regolamenti li jirregolaw kunjomhom.
30 Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikoli 12 KE u 17 KE jipprekludux lill-awtorità amministrattiva Belġjana milli tirrifjuta talba għal bdil fil-kunjom f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali.
31 F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati bl-istess mod (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, National Farmers’ Union et, C‑354/95, Ġabra p. I‑4559, punt 61). Tali trattament jista’ jkun iġġustifikat biss jekk ikun ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti miċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati u proporzjonati ma’ l-għanijiet leġittimament imfittxa (ara, b’mod partikolari, is-sentenza D’Hoop, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).
32 Fil-każ odjern, huwa paċifiku li l-persuni li minbarra ċ-ċittadinanza Belġjana għandhom ukoll iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor huma, bħala regola ġenerali, trattati bl-istess mod bħal persuni li għandhom iċ-ċittadinanza Belġjana biss, u dan abbażi tal-fatt li, fil-Belġju, il-persuni li għandhom ċittadinanza Belġjana huma meqjusa esklużivament bħala Belġjani. L-istess bħal fil-każ taċ-ċittadini Belġjani, iċ-ċittadini Spanjoli li għandhom ukoll iċ-ċittadinanza Belġjana, normalment ma jingħatawx id-dritt li jbiddlu kunjomhom billi fil-Belġju, it-tfal jieħdu kunjom missierhom.
33 Il-prassi amministrattiva Belġjana, li, kif jirriżulta mill-punt 12 ta’ din is-sentenza u mid-domanda preliminari, tippermetti derogi minn din ir-regola, ma tikkunsidrax bħala deroga aċċettabbli l-każ ta’ persuni li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali u li jixtiequ jirrimedjaw għad-diskrepanza f’kunjomhom li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ żewġ Stati Membri.
34 Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni jinsabux f’sitwazzjoni identika jew jekk, bil-kontra ta’ dan, is-sitwazzjoni tagħhom hijiex differenti, u jekk dan huwa l-każ il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jkun jimplika li ċ-ċittadini Belgjani li, bħal ulied C. Garcia Avello, għandhom ukoll iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor, jistgħu jinvokaw id-dritt tagħhom għal trattament differenti minn dak mogħti lil persuni li għandhom ċittadinanza Belġjana biss, sakemm it-trattament ikkontestat ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.
35 B’kuntrast ma persuni li għandhom biss ċittadinanza Belġjana, iċ-ċittadini Belġjani li għandhom ukoll ċittadinanza Spanjola għandhom kunjomijiet differenti taħt iż-żewġ sistemi legali konċernati. B’mod iktar speċifiku, f’sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tfal ikkonċernati qed jinċaħdilhom id-dritt li jkollhom il-kunjom li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-liġi ta’ l-Istat Membru li tistabbilixxi kunjom missierhom.
36 Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa paċifiku li din id-differenza fil-kunjomijiet tista’ tikkawża lit-tfal ikkonċernati inkonvenjenti serji kemm fuq livell professjonali kif ukoll fuq dak privat li jirriżultaw, b’mod partikolari, mid-diffikultajiet sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw, fi Stat Membru fejn dawn it-tfal ikunu ċittadini, mill-effetti legali ta’ atti jew ta’ dokumenti stabbiliti bil-kunjom rikonoxxut fi Stat Membru ieħor li tiegħu huma jkunu wkoll ċittadini. Kif ikkonstatat fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, is-soluzzjoni proposta mill-awtoritajiet amministrattivi li t-tfal jitħallew jieħdu biss l-ewwel kunjom ta’ missierhom ma tikkostitwixxix rimedju għas-sitwazzjoni ta’ kunjomijiet differenti li l-persuni kkonċernati jixtiequ jevitaw.
37 F’dawn iċ-ċirkustanzi, iċ-ċittadini Belġjani li għandhom kunjomijiet differenti minħabba liġijiet differenti applikabbli għalihom minħabba n-nazzjonalità tagħhom, jistgħu jinvokaw diffikultajiet speċifiċi għas-sitwazzjoni tagħhom li jiddistingwuhom minn persuni li għandhom biss ċittadinanza Belġjana u li huma identifikabbli b’kunjom wieħed biss.
38 Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, l-awtoritajiet amministrattivi Belġjani jirrifjutaw li jqisu li talbiet għal bdil tal-kunjom magħmula minn ċittadini Belġjani f’sitwazzjoni bħal dik ta’ wlied ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, intiżi sabiex jevitaw diskrepanza fil-kunjomijiet, huma bbażati fuq “raġunijiet serji”, fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tal-Liġi tal-15 ta’ Mejju 1987, iċċitata iktar ’il fuq, u dan biss għar-raġuni li, fil-Belġju, it-tfal li għandhom ċittadinanza Belġjana jieħdu, skond id-dritt Belġjan, kunjom missierhom.
39 Għandu jigi eżaminat jekk il-prassi in kwistjoni tistax tkun iġġustifikata mir-raġunijiet invokati, b’mod sussidjarju, kemm mill-Istat Belġjan kif ukoll mill-Gvernijiet tad-Danimarka u tal-Pajjiżi l-Baxxi.
40 L-Istat Belġjan jissottometti li l-prinċipju ta’ l-immutabbiltà tal-kunjomijiet huwa prinċipju bażilari fl-ordni soċjali u għadu element essenzjali tagħha, u li r-Re jista’ jawtorizza bidla fil-kunjom f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss, u dan mhuwiex il-każ fil-kawża prinċipali. L-istess bħall-Istat Belġjan, il-Gvern Olandiż jissottometti li l-ksur tad-drittijiet ta’ wlied ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ridott in kwantu dawn dejjem jistgħu jinvokaw iċ-ċittadinanza Spanjola tagħhom u l-kunjom mogħti lilhom skond il-liġi Spanjola f’kull Stat Membru ieħor għajr il-Belġju. Il-prassi in kwistjoni tippermetti li jiġi evitat riskju ta’ konfużjoni dwar l-identità u l-filjazzjoni tal-persuni kkonċernati. Skond il-Gvern Daniż, din il-prassi, in kwantu tapplika l-istess regoli kemm għaċ-ċittadini Belġjani li huma wkoll ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, u kif ukoll għall-persuni li għandhom biss ċittadinanza Belġjana, tikkontribwixxi biex tiffaċilita l-integrazzjoni fil-Belġju ta’ dawn ta’ l-ewwel, u b’dan il-mod tippermetti wkoll li jintlaħaq l-għan imfittex mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
41 L-ebda waħda minn dawn ir-raġunijiet ma tista’ validament tiġġustifika l-prassi in kwistjoni.
42 F’dak li jirrigwarda, minn naħa, il-prinċipju ta’ l-immutabbiltà tal-kunjomijiet bħala mezz intiż li jevita riskju ta’ konfużjoni dwar l-identità u l-filjazzjoni tal-persuni, għandu jiġi osservat li, għalkemm huwa ċertament minnu li dan il-prinċipju jiffaċilita r-rikonoxximent ta’ l-identità tal-persuni u l-filjazzjoni tagħhom, madankollu dan mhuwiex daqstant indispensabbli li ma jistax jaċċetta l-introduzzjoni ta’ prassi li tippermetti li tfal ċittadini ta’ Stat Membru, li jkunu wkoll ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, ikollhom kunjom magħmul minn elementi oħra barra dawk previsti mil-ligi ta’ l-ewwel Stat Membru, u li huwa wkoll imniżżel fir-reġistru uffiċjali ta’ l-Istat Membru l-ieħor. Barra minn hekk, huwa paċifiku li minħabba, b’mod partikolari, l-iskala ta’ l-immigrazzjoni fi ħdan l-Unjoni, fl-istess Stat Membru jikkoeżistu diversi sistemi nazzjonali għall-għoti tal-kunjomijiet, bil-konsegwenza li l-filjazzjoni ma tistax tiġi evalwata fil-ħajja soċjali ta’ Stat Membru abbażi biss tas-sistema applikabbli għaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat. Għandu jingħad ukoll li sistema li tippermetti li jingħataw partijiet mill-kunjomijiet taż-żewġ ġenituri lill-ulied, mhux talli ma tikkawżax konfużjoni dwar ir-rabta ta’ filjazzjoni tat-tfal iżda talli, bil-kontra ta’ dan, tista’ tikkontribwixxi għat-tisħiħ tar-rikonoxximent ta’ din ir-rabta fir-rigward taż-żewġ ġenituri.
43 F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, l-għan ta’ integrazzjoni mfittex mill-prassi in kwistjoni, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fid-dawl tal-koeżistenza fl-Istati Membri ta’ sistemi differenti ta’ għoti tal-kunjomijiet applikabbli għall-persuni li jirrisjedu fil-Belġju, prassi bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali la hija neċessarja u lanqas adegwata sabiex tiffavorixxi l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra fil-Belġju.
44 In-natura sproporzjonata tar-rifjut min-naħa ta’ l-awtoritajiet Belġjani li jilqgħu talbiet bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija iktar evidenti meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li, kif jidher ċar mill-punt 12 ta’ din is-sentenza u mid-domanda preliminari, il-prassi in kwistjoni diġà tippermetti derogi mill-applikazzjoni tas-sistema Belġjana relatata mat-trażmissjoni tal-kunjom f’sitwazzjonijiet simili għal dik li fiha jinsabu wlied ir-rikorrent fil-kawża prinċipali.
45 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula hawn fuq, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikoli 12 KE u 17 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, lill-awtorità amministrattiva ta’ Stat Membru milli tirrifjuta li tilqa’ talba għal bdil tal-kunjom magħmula f’isem tfal minuri li jirrisjedu f’dak l-Istat u li għandhom ċittadinanza doppja ta’ l-imsemmi Stat u ta’ Stat Membru ieħor, meta l-għan ta’ din it-talba jkun li t-tfal ikunu jistgħu jieħdu l-kunjom li huma intitolati għalih skond d-dritt u t-tradizzjoni tat-tieni Stat Membru.
Fuq l‑ispejjeż
46 L-ispejjeż sostnuti mill-Gvernijiet tad-Danimarka u tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll mill-Kummissjoni, għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jiġu rimborsati. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Seduta Plenarja),
b’risposta għad-domanda magħmula lilha mill-Conseil d’État, permezz tas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2001, taqta’ u tiddeċiedi:
– L-Artikolu 12 KE u l-Artikolu 17 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, lill-awtorità amministrattiva ta’ Stat Membru milli tirrifjuta li tilqa’ talba għal bdil tal-kunjom magħmula f’isem tfal minuri li jirresjedu f’dak l-Istat u li għandhom ċittadinanza doppja ta’ l-imsemmi Stat u ta’ Stat Membru ieħor, meta l-għan ta’ din it-talba jkun li t-tfal ikunu jistgħu jieħdu l-kunjom li huma intitolati għalih skond id-dritt u t-tradizzjoni tat-tieni Stat Membru.
Rodríguez Iglesias |
Wathelet |
Schintgen |
Timmermans |
Edward |
La Pergola |
Jann |
Skouris |
Macken |
Colneric |
von Bahr |
Cunha Rodrigues |
Rosas |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-2 ta’ Ottubru 2003.
Reġistratur |
Il-President |
R. Grass |
G. C. Rodríguez Iglesias |
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.