This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62002CJ0105
Judgment of the Court (First Chamber) of 5 October 2006.#Commission of the European Communities v Federal Republic of Germany.#Failure of a Member State to fulfil obligations - Communities' own resources - Undischarged TIR carnets - Failure to forward the corresponding own resources.#Case C-105/02.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-5 ta' Ottubru 2006.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Riżorsi proprji tal-Komunitajiet - Carnets TIR mhux approvati - Nuqqas ta' twettiq ta' l-obbligu li jiġu trażmessi r-riżorsi proprji korrispondenti.
Kawża C-105/02.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-5 ta' Ottubru 2006.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Riżorsi proprji tal-Komunitajiet - Carnets TIR mhux approvati - Nuqqas ta' twettiq ta' l-obbligu li jiġu trażmessi r-riżorsi proprji korrispondenti.
Kawża C-105/02.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:637
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
5 ta' Ottubru 2006 (*)
“Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Riżorsi proprji tal-Komunitajiet – Carnets TIR mhux approvati – Nuqqas ta' twettiq ta' l-obbligu li jiġu trażmessi r-riżorsi proprji korrispondenti”
Fil-kawża C-105/02
li għandha suġġett għan rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fil-21 ta' Marzu 2002,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Wilms, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn W.‑D. Plessing u R. Stüwe, bħala aġenti, assistiti minn D. Sellner, Rechtsanwalt,
konvenuta
sostnuta minn:
Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn M. Wimmer u A. Snoecx, bħala aġenti, assistiti minn B. van de Walle de Ghelcke, Avocat,
parti intervenjenti
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-4 ta' Mejju 2005,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta 8 ta' Diċembru 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:
– billi ma ħarġitx regolarment ċerti dokumenti ta' tranżitu (carnets TIR), bil-konsegwenza li r-riżorsi proprji li jirriżultaw minnhom ma ġewx ikkontabbilizzati korrettament u lanqas ġew mqegħda għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fit-termini stabbiliti,
– billi ma kkomunikatx lill-Kummissjoni l-ammonti doganali l-oħra kollha mhux ikkontestati li ngħataw trattament simili (reġistrazzjoni fil-kontijiet "B" minflok reġistrazzjoni fil-kontabbiltà "A") dwar in-nuqqas ta’ ħruġ ta' carnets TIR mid-dwana Ġermaniża mis-sena 1994 sa' l-emenda ta' l-ordni tal-Ministru Federali tal-Finanzi tal-11 ta' Settembru 1996(III B 1- Z 0912 – 31/96, iktar ‘il qudiem “l-ordni federali ta’ l-1996”),
ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi li għandha skond ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1552/89 tal-Kunsill, tad-29 ta' Mejju 1989, li tapplika d-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom dwar is-sistema ta' riżorsi proprji tal-Komunitajiet (ĠU L 155, p. 1), issostitwit, b'effett mill-31 ta' Mejju 2000, permezz tar-Regolament tal-Kunsill, (KE, EURATOM) Nru 1150/2000, tat-22 ta' Mejju 2000, li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (ĠU L 130, p. 1).
Il-Kummissjoni titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li:
– ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha l-obbligu li tikkredita immedjatament il-kont tal-Kummissjoni bir-riżorsi proprji mhux miġbura mill-fatt ta' nuqqasijiet ta' twettiq ta' obbligu msemmija fil-paragrafi 1 u 2;
– ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha l-obbligu li tindika, fir-rigward ta' ammonti eventwali diġà rreġistrati fil-kont, id-data ta' l-iskadenza tal-kreditu, l-ammont dovut u, jekk ikun il-każ, id-data tad-depożitu,
– skond l-Artikoli 11 tar-Regolament Nru 1552/89, għall-perijodu sal-31 ta' Mejju 2000, u 11 tar-Regolament Nru 1150/2000, għall-perijodu wara l-31 ta' Mejju 2000, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija obbligata tħallas lill-baġit Komunitarju l-imgħaxijiet dovuti f'każ ta' reġistrazzjoni kontabbli tardiva.
Il-Kuntest Ġuridiku
Il-konvenzjoni TIR
2 Il-Konvenzjoni doganali dwar it-trasport internazzjonali ta' oġġetti koperti b'[carnets] tat-TIR (iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni TIR") ġiet iffirmata f'Ġinevra (l-Iżvizzera) fl-14 ta' Novembru 1975. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tifforma parti minn din il-Konvenzjoni, kif ukoll il-Komunità Ewropea li approvatha permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78, tal-25 ta' Lulju 1978 (ĠU L 252, p. 1). Din il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ għall-Komunità fl-20 ta' Ġunju 1983 (ĠU L 31, p. 13).
3 Il-Konvenzjoni TIR tipprevedi, b'mod partikolari, li l-merkanzija ttrasportata taħt l-iskema TIR, li hija tistabbilixxi, mhijiex suġġetta għall-ħlas jew għad-depożitu tad-dazji u tat-taxxi għall-importazzjoni jew għall-esportazzjoni lill-uffiċċji doganali ta' tranżitu.
4 Għall-implemetazzjoni ta' dawn il-faċilitajiet, il-Konvenzjoni TIR teżiġi li l-merkanzija jkollha magħha, matul it-trasport kollu tagħha, dokument uniformi, il-carnet TIR, li jservi sabiex tiġi vverifikata r-regolarità ta' t-tranżazzjoni. Hija tirrikjedi wkoll li t-trasport iseħħ bil-garanzija ta' assoċjazzjonijiet magħrufa mill-partijiet kontraenti, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6 tagħha.
5 L-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni TIR jipprovdi li:
"Bla ħsara għal dawn il-kundizzjonijiet u garanziji kif għandha tistabbilixxi, kull Parti Kontraenti tista’ tawtorizza assoċjazzjonijiet biex joħorġu [Carnets] TIR, jew direttament jew permezz ta’ assoċjazzjonijiet korrespondenti, u biex jaġixxu bħala garanti."
6 Il-carnet TIR huwa kompost minn serje ta' folji li jinkludu parti nru 1 u parti nru 2, bil-mammiet korrispondenti, li fuqhom tidher l-informazzjoni kollha neċessarja. Żewġ partijiet jintużaw għal kull territorju li jgħaddu minnu. Fil-bidu ta' t-tranżazzjoni ta' trasport, il-parti nru 1 jiġi ppreżentat lill-uffiċċju doganali ta' tluq, l-approvazzjoni sseħħ mir-ritorn tal-parti nru 2 mill-uffiċċju doganali ta' ħruġ li jinsab fl-istess territorju doganali. Din il-proċedura tiġi rripetuta f’kull territorju li jgħaddu minnu, billi jiġu użati żewġ partijiet differenti li jinsabu fl-istess carnet.
7 Il-carnets TIR huma stampati u ddistribwiti mill-International Road Transport Union (l-Unjoni Internazzjonali tat-Trasport, iktar 'il quddiem l-"UIT"), stabbilita f'Ġinevra. Id-distribuzzjoni lill-utenti hija assigurata permezz ta' l-assoċjazzjonijiet garanti f'kull Stat abilitat għal hekk mill-amministrazzjonijiet tal-partijiet kontraenti. Il-carnet TIR jinħareġ mill-assoċazzjoni garanti tal-pajjiż ta' tluq, filwaqt li l-garanzija pprovduta hija koperta mill-UIT u minn grupp ta' assiguraturi stabbilit fl-Iżvizzera (iktar 'il quddiem il-"grupp ta’ assiguraturi").
8 L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni TIR jgħid li:
"1. L-assoċjazzjoni [garanti] għandha tindaħal biex tħallas id-dazji u t-taxxi ta’ importazzjoni u esportazzjoni, flimkien ma kull imgħax li jkun baqa’, dovut skond il-liġijiet doganali u r-regolamenti tal-pajjiż li fih ġiet notata irregolarità f’konnessjoni ma’ operat TIR. Għandha tkun responsabbli, b’mod konġunt u wieħed wieħed mal-persuni li minnhom is-somom imsemmija fuq huma dovuti, għal ħlas ta’ dawn is-somom.
2. F’każijiet fejn il-liġijiet u r-regolamenti ta’ Parti Kontraenti ma jipprovdux għal ħlas ta’ dazji u taxxi ta’ importazzjoni u esportazzjoni kif provdut f[il-]paragrafu 1 hawn fuq, l-assoċjazzjoni [garanti] għandha tindaħal biex tħallas, fuq l-istess kundizzjonijiet, somma ugwali għall-ammont ta’ dazji u taxxi ta’ importazzjoni jew esportazzjoni u kull imgħax [ta' dewmien] li jkun baqa’.
3. Kull Parti Kontraenti għandha tistabbilixxi s-somma massima għal kull [carnet] TIR, li tista’ tkun qed tisħaq għalih l-assoċjazzjoni [garanti] fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ paragrafi 1 u 2 hawn fuq.
4. [Ir-responsabbiltà] ta’ l-assoċjazzjoni [garanti] lill-awtoritàjiet tal-pajjiż fejn l-uffiċċju doganali tal-ħruġ huwa lokat għandha tibda fil-ħin meta l-[carnet] TIR huwa [meħud] mill-uffiċċju doganali. Fil-pajjiżi sossegwenti li minnhom il-merkanzija hija trasportata skond il-proċedura TIR, din [ir-responsabbiltà] għandha tibda fil-ħin meta l-merkanzija hija importata […].
5. [Ir-responsabbiltà] ta’ l-assoċjazzjoni [garanti] m’għandhiex tkopri biss il-merkanzija li hija enumerata fil-[carnet] TIR imma anke kull merkanzija li, għalkemm mhux enumerata fiha, tista’ tinstab fit-taqsima siġillata tal-vettura tat-triq jew fil-container siġillat. M’għandhiex testendi għal xi merkanzija oħra.
6. Għall-għan li jiġu stabbiliti d-dazji u t-taxxi msemmija f’paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, il-partikolaritajiet tal-merkanzija kif imdaħħlin fil-[carnet] TIR għandhom, [fin-nuqqas ta' prova kuntrarja], jitqiesu korretti.
7. Meta jsir dovut ħlas ta’ somom imsemmija f’paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritàjiet kompetenti għandhom safejn ikun possibbli je[ż]iġu ħlas mill-persuna jew persuni direttament responsabbli qabel ma [jressqu lment quddiem] l-assoċjazzjoni [garanti]."
Is-sistemi tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet
9 L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89, li jinsab fit-Titolu 1 intitolat "Dispożizzjonijiet Ġenerali", jipprovdi:
"1. Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta' dan ir-regolament, għandu jiġi kkonstatat dritt tal-Komunitajiet għar-riżorsi tagħha proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom hekk kif l-ammont dovut jiġi kkomunikat mis-servizz kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-debitur. Din il-komunikazzjoni għandha ssir malli d-debitur ikun magħruf u l-ammont tad-dritt jista’ jiġi kkalkulat mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti, b'ħarsien tad-dispożizzjonijiet Komunitarji kollha applikabbli f’dan il-qasam.
[…]" [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
10 Din id-dispożizzjoni ġiet emendata, b'effett mill-14 ta' Lulju 1996, permezz tar-Regolament (Euratom, KE) Nru 1355/96 tal-Kunsill, tat-8 ta' Lulju 1996 (ĠU L 175, p. 3), li t-terminoloġija tagħha ġiet ripetuta fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1150/2000, li jipprevedi:
"1. Għall-iskop li jkun applikat dan ir-Regolament, l-intitolament tal-Komunità għar-riżorsi tagħha proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom għandhom ikunu stabbiliti malli l-kundizzjonijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom bir-regolamenti tad-dwana jkunu twettqu rigward id-dħul għall-intitolament fil-kontabbiltà u n-notifikazzjoni tad-debitur.
2. Id-data tat-twaqqif li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1 għandu tkun id-data tad-dħul fil-kotba tal-kontabbiltà li hemm dispożizzjoni dwarhom fir-regolament doganali.
[…]"
11 L-Artikolu 6(1) u (2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1552/89, li jinsab fit-Titolu II, intitolat "Kontabbiltà tar-riżorsi tagħha" [li sar l-Artikolu 6(1) u (3)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1150/2000], jipprovdi li:
"1. Kontabbiltà tar-riżorsi proprji għandha tinżamm mit-Teżor ta’ kull Stat Membru jew mill-korp maħtur minn kull Stat Membru u tinqasam skond it-tipi ta’ riżorsi.
2. a) Id-drittijiet ikkonstatati skond l-Artikolu 2 għandhom, bla ħsara għall-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, jiġu rreġistrati fil-kotba tal-kontijiet [ġeneralment magħrufa bħala l-”kontabbiltà A”] mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19 tat-tieni xahar ta’ wara dak li matulu jkun ġie kkonstatat id-dritt.
b) Id-drittijiet ikkonstatati u li ma jkunux irreġistrati fil-kotba tal-kontabbiltà msemmija fil-punt (a), għaliex ikunu għadhom ma ġewx irkuprati u l-ebda garanzija ma tkun ġiet ipprovduta għandhom jiġu rreġistrati, fit-terminu previst fil-punt (a), f'kotba tal-kontijiet separati [ġeneralment magħrufa bħala l-"kontabbiltà B". L-Istati Membri jistgħu jadottaw din il-proċedura meta d-drittijiet ikkonstatati u koperti mill-garanziji jkunu suġġetti għal kontestazzjonijiet u jkunu jistgħu jiġu mibdula wara li jitqajmu xi kontestazzjonijiet." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
12 L-Artikolu 9 tar-Regolamenti Nru 1552/89 u 1150/2000, li jinsab fit-Titolu III intitolat "[It-tqegħid għad-dispożizzjoni] tar-riżorsi [proprji]", huwa fformulat kif ġej:
1. Skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10, kull Stat Membru għandu [jirreġistra] r-riżorsi […] proprji fil-kont miftuħ f'isem il-Kummissjoni mat-Teżor tiegħu jew mal-korp li jkun ħatar.
Dan il-kont għandu jinżamm mingħajr ħlasijiet.
2. L-ammonti [rreġistrati] għandhom ikunu kkonvertiti mill-Kummissjoni u mdaħħla fil-kontijiet tagħha […]."
13 Skond l-Artikolu 10(1) tar-Regolamenti, rispettivament, Nri 1552/89 u 1150/2000, li jinsabu fl-istess Titolu III:
"Wara tnaqqis ta' 10 % bħala spejjeż tal-ġbir bi qbil ma' l-Artikolu 2(3) [tad-Deċiżjonijiet 88/376 u 94/728 rispettivament], ir-reġistrazzjoni tar-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) [ta' dawn id-Deċiżjonijiet] għandha sseħħ mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni [xahar] ta' wara x-[xahar] li fih id-dritt kien ġie kkonstatat bi qbil ma' l-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament.
B'danakollu, għal drittijiet murija fil-kontabbiltà [B] skond [l-Artikoli, rispettivament, 6(2)(b) u 6(3)(b),]ir-reġistrazzjoni] għand[ha] [s]sir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta' wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li fih [id-drittijiet] ikunu rkuprati."
14 Skond l-Artikolu 11 tar-Regolamenti Nri 1552/89 u 1150/2000, li jinsab ukoll fl-imsemmi Titolu III:
"Kull dewmien biex is[s]ir [ir-reġistrazzjoni] fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jagħti bidu għal pagament ta' imgħax mill-Istat Membru kkonċernat bir-rati ta' l-imgħax applikabbli fis-suq monetarju ta' dak l-Istat, fid-data li suppost ikun seħħ, għal tranżazzjonijiet ta' żmien qasir ta' finanzjament publiku, miżjud b'żewġ punti perċentwali. Din ir-rata għandha tkun miżjuda bi 0.25 ta' punt perċentwali għall kull xahar ta' dewmien. Ir-rata miżjuda għandha tkun applikata għal perijodu kollu tad-dewmien."
15 L-Artikolu 17 (1) u (2) ta' dawn ir-Regolamenti, li jinsab fit-Titolu VII intitolat “Dispożizzjonijiet dwar il-kontroll”, jipprovdi:
"1. Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-ammont korrispondenti ta[d-dritt ikkonstatat] permezz ta' l-Artikolu 2 [jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-]Kummissjoni kif speċifikat f'dan ir-Regolament.
2. Stati Membri għandhom ikunu ħielsa mill-obligi li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu mad-[dritt ikkonstatat biss] jekk, għal raġunijiet ta' force majeure, dawn l-ammonti ma jkunux ġew miġbura. B'żieda, Stati Membri jistgħu jinjoraw din l-obligazzjoni biex jagħmlu ammonti bħal dawn disponibbli lill-Kummissjoni f'każijiet speċifiċi jekk, wara studju komplet taċ-ċirkostanzi relevanti kollha tal-każ individwali, jkun jidher li l-irkupru jkun impossibli għal żmien fit-tul minħabba raġunijiet li ma jkunux jistgħu jiġu attribwiti lilhom. [...]"
16 L-Artikolu 18 tar-Regolament nru 1552/89 [li sar l-Artikolu 18 tar-Regolament nru 1150/2000] jipprovdi:
"1. Stati Membri għandhom iwettqu verifiki u inkjesti li jirrigwardaw l-amministrazzjoni u li [jqegħdu għad-dispożizzjoni] r-riżorsi [...] proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b), [tad-Deċiżjonijiet, rispettivament, 88/376 u 94/728]. Il-Kummissjoni għandha teżerċita l-poteri tagħha kif speċifikati f'dan l-Artikolu.
2. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom:
– iwettqu miżuri ta' spezzjonar addizzjonali fuq it-talba tal-Kummissjoni. Fit-talba tagħha, l-Kummissjoni għandha tistqarr ir-raġunijiet għal spezzjonar addizzjonali,
– jassoċja[w] lill-Kummissjoni, fuq it-talba tagħha, ma' miżuri ta' spezzjona[r] li hu[m]a jwettqu.
Stati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw dawn il-miżuri ta' spezzjonar. Meta l-Kummissjoni tkun assoċjata ma[‘] dawn il-miżuri, Stati Membri għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha d-dokumenti ta' [prova] msemmija fl-Artikolu 3.
[…]"
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
17 L-ordni Federali ta’ l-1996 jipprovdi:
"Fir-rigward tat-talbiet ta' ħlas tad-dazji fuq l-importazzjoni fil-kuntest ta’ l-iskemi ta' tranżitu Komunitarju jew ta’ l-iskemi ta' tranżitu komuni, il-krediti huma kkunsidrati li huma ggaranti biss meta garanzija isolata tkun ġiet ipprovduta għal kull tranżazzjoni ta' tranżitu u meta din il-garanzija tkun għadha ma bdietx.
Il-krediti l-oħra kollha li jirriżultaw mill-iskemi ta' tranżitu Komunitarju, mill-iskemi ta' tranżitu komuni jew mill-iskemi TIR jitqiesu li mhumiex iggarantiti. […]"
Il-proċedura prekontenzjuża
18 Waqt kontroll tar-riżorsi proprji tradizzjonali mwettaq mill-Kummissjoni fil-Ġermanja mill-24 sat-28 ta' Novembru 1997, ġew ikkonstatati, fil-kuntest ta’ l-iskema ta' tranżitu doganali, każijiet ta' nuqqas ta' ħlas jew ħlas tard tar-riżorsi proprji tal-Kummissjoni, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ kontabbiltà imsemmija fl-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolament Nru 1552/89. Skond il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma kinux ħarġu regolarment ċerti dokumenti ta' tranżitu fil-kuntest ta’ l-iskemi ta' tranżitu doganali, billi bbażaw ruħhom fuq l-ordni Federali ta' l-1996. Dan huwa l-każ ta' 509 carnets TIR li jirrigwardaw is-snin 1993 sa 1995, li d-drittijiet kkonċernati jammontaw għall-ammont totali ta' madwar 20 miljun DEM. L-uffiċċji doganali kienu ċertament indirizzaw fi żmien utli talba għal ħlas tad-drittijiet, billi jistabbilixxu terminu għall-assoċazzjoni garanti, iżda l-ebda ħlas ma kien ġie effettwat u l-awtoritajiet Ġermaniżi ma kinux irrikorrew għall-proċeduri legali biex jinġabru s-somom dovuti, meta kellhom effettivament jagħmlu dan. Skond il-Kummissjoni, l-irkupru tad-drittijiet in kwistjoni ġie sospiż, tabilħaqq ma ġiex mibdi, peress li l-Gvern Ġermaniż kien għadda ftehim ma' l-assoċjazzjonijiet garanti, li permezz tagħhom irrinunzja provviżorjament li jinvoka d-drittijiet tiegħu.
19 Skond l-awtoritajiet Ġermaniżi, l-ammonti kkonċernati kellhom jitqiesu li kienu mhux iggarantiti fis-sens ta' l-ordni Federali ta' l-1996. Konsegwentement, huma kienu rreġistraw dawn l-ammonti fil-kontabbiltà B, minkejja li ammont ta' 50000 USD kien ġie mogħti bħala garanzija konvenzjonali għal carnet TIR fil-kuntest tal-Konvenzjoni TIR.
20 Dan l-aġir ġie kkritikat mill-Kummissjoni, li ssostni li l-garanzija konvenzjonali għandha tiġi kkunsidrata bħala garanzija isolata jew bażika, b'tali mod li l-krediti kkonċernati kellhom, sakemm huma ma ġewx ikkuntestati, jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà A.
21 B'ittra tad-19 ta' Diċembru 1987, il-Kummissjoni għaldaqstant talbet lill-awtoritajiet Ġermaniżi jikkomunikawlha l-kontenut tal-ftehim imsemmija fil-punt 18 ta’ din is-sentenza u dak ta' ftehim oħra analogi konklużi eventwalment ma' assoċjazzjonijiet oħra garanti, kif ukoll sabiex jindikawlha, fir-rigward tar-riżorsi kkonstatati stess u mhux koperti li jirrilevaw mill-carnet TIR mhux maħruġa, f’liema mument u taħt liema forma jopera t-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom lill-Kummissjoni.
22 B'ittra tat-22 ta' Jannar 1998, l-awtoritajiet Ġermaniżi sostnew li ż-żieda ta' frodi li jirrigwardaw it-tranżazzjonijiet ta' tranżitu taħt il-kopertura ta' carnet TIR wasslet għar-rexissjoni tal-kuntratt ta' assigurazzjoni mill-grupp ta’ assiguraturi fil-5 ta' Diċembru 1994 u għas-sospensjoni tal-ħlasijiet minn dan il-grupp lill-assoċjazzjonijiet garanti Ġermaniżi, assigurati mill-ġdid permezz ta' l-intermedjarju ta' l-UIT. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rinunzja provviżorja mill-awtoritajiet Ġermaniżi għal azzjoni sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom quddiem il-liġi kienet indispensabbli sabiex tevita l-falliment ta' dawn l-assoċjazzjonijiet, u għaldaqstant, il-waqa' tas-sistema TIR fl-Unjoni Ewropea kollha. Barra minn hekk, proċedura ta' arbitraġġ bejn l-UIT u l-imsemmija grupp għadha sejra. Skond l-imsemmija awtoritajiet, il-krediti li jirriżultaw min-nuqqas ta approvazzjoni ta' tranżazzjonijiet ta' tranżitu jistgħu jitqiesu li huma koperti mill-garanziji fis-sens tar-Regolament Nru 1552/89 biss jekk il-garanziji pprovduti jirrigwardaw tranżazzjonijiet individwali u jekk joffru protezzjoni għall-kompetituri minn riskju reali, li mhuwiex il-każ f'din iċ-ċirkustanza.
23 B'ittra tat-30 ta' Marzu 1998, il-Kummissjoni reġgħet talbet it-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji kkonċernati, peress li qieset li l-krediti li jirriżultaw min-nuqqas ta’ approvazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ tranżitu, ikkonstatati matul il-verifika tar-riżorsi proprji f'Novembru 1997, kienu koperti mill-garanziji.
24 B'ittra tat-22 ta' Mejju 1998, l-awtoritajiet Ġermaniżi rrispondew li huma ma setgħux jirrispondu għal din it-talba, għaliex ikunu ta’ piż inutli fuq il-baġit Ġermaniż, billi l-garanziji kkonċernati ma jkoprux ħlief parti mill-ammont tad-drittijiet, kieku kellhom jagħmlu hekk. Qabel l-adozzjoni ta' l-ordni Federali ta' l-1996, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet irreġistrat il-krediti ggarantiti kumplessivament fil-kontabbiltà A u kienet qegħdet għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji indipendentement mill-ħlas jew le tad-drittijiet, anki jekk Stati Membri oħra kienu kompetenti għall-irkupru tad-drittijiet minħabba ksur jew irregolaritajiet magħmula fuq it-territorju tagħhom. Din l-ispiża eċċessiva li tagħfas fuq il-baġit Ġermaniż ma kinitx iktar aċċettabbli.
25 B'ittra tat-8 ta' Ġunju 1998, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Ġermaniżi, b'mod partikolari, jikkomunikawlha l-informazzjoni mitluba preċedentement għall-finijiet tal-kalkolu ta' l-imgħaxijiet ta' dewmien eventwali fuq il-bażi ta' l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89. Fir-risposta tagħhom tat-18 ta' Settembru segwenti, l-imsemmija awtoritajiet iddikjaraw mill-ġdid il-pożizzjoni tagħhom li ġiet espressa fl-ittri tat-22 Jannar u tat-22 ta' Mejju 1998.
26 B'ittra tat-30 ta' Ottubru 1998, il-Kummissjoni talbet lill-Gvern Ġermaniż iħallas ċertu ammont bħala depożitu fuq id-drittijiet dovuti qabel l-aħħar jum mit-tieni xahar wara li ntbagħtet din l-ittra kif ukoll sabiex jikkomunikalha l-ammonti doganali l-oħra kollha mhux ikkuntestati li ġew irreġistrati fil-kontabbiltà B minflok fil-kontabbiltà A u dwar il-carnets TIR mhux maħruġa mill-uffiċċji doganali Ġermaniża matul is-snin 1994 sa 1998.
27 B'ittra ta' l-4 ta' Marzu 1999, l-awtoritajiet Ġermaniżi ddikjaraw mill-ġdid il-perspettiva tagħhom u indikaw lill-Kummissjoni li huma jirrifjutaw li jissodisfaw it-talbiet tagħha.
28 B'ittra ta' l-24 ta' Marzu 1999, u wara bl-ittra ta' notifika tal-15 ta' Novembru 1999, il-Kummissjoni kkontestat l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1552/89, sostnuta mill-Gvern Ġermaniż. Hija ssostni li, bil-kontra ta’ dak li jiddikjaraw l-awtoritajiet Ġermaniżi, huma in kwistjoni mhux il-garanziji kumplessivi mogħtija għal diversi krediti, iżda l-garanziji għal kull carnet TIR, li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ikopru l-kreditu kollu jew parzjalment.
29 Ir-rifjut persistenti li jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-kontenut tal-ftehim konklużi ma' l-assoċjazzjonijiet garanti jmur kontra l-Artikolu 10 KE. Barra minn hekk, fir-rigward b'mod partikolari ta’ carnets TIR in kwistjoni relatati mas-snin 1993 u 1994, dawn mhumiex ikkonċernati mit-twaqqif tal-kuntratt ta' assigurazzjoni mill-ġdid li seħħ fit-tmiem tas-sena 1994. Fir-rigward tal-carnets TIR li jirrigwardaw is-sena 1995, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet irrinunzjat provviżorjament milli titlob il-krediti tagħha mingħand l-assoċazzjoni garanti bil-kundizzjoni li r-responsabbiltà tagħha tibqa' valida sa' livell ta' "kontribuzzjoni personali approprjata" u li hija ċċedi l-krediti tagħha lill-assigurant mill-ġdid bħala garanzija. Konsegwentement, il-krediti tas-sena ta' l-1995 u tas-snin segwenti kienu wkoll irkuprati permezz tal-garanziji u kellhom – almenu parzjalment – jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà A u jitqegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, billi huma ma kinux ġew ikkuntestati fit-termini stabbiliti. Fir-rigward tar-rinunzja provviżorja għall-irkupru ta' l-ammonti rreġistrati fil-kontabbiltà B, il-Kummissjoni tfakkar li l-awtoritajiet Ġermaniżi huma, skond l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1552/89, marbuta li jieħdu bl-attenzjoni meħtieġa l-miżuri neċessarji kollha sabiex jipproċedu għall-ġbir tar-riżorsi proprji kkonstatati.
30 Fil-komunikazzjoni tagħhom ta' l-1 ta' Frar 2000, l-awtoritajiet Ġermaniżi żammew u żviluppaw il-perspettiva tagħhom, u dan billi bagħtu lill-Kummissjoni l-ftehim konklużi ma' l-assoċjazzjonijiet garanti dwar ir-rapport tal-ħlas.
31 Fit-8 ta' Novembru 2000, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Skond il-Kummissjoni, id-djun ma kellhomx jitqiesu li huma kkontestati minħabba l-proċedura ta' arbitraġġ bejn l-UIT u l-grupp ta’ assiguraturi. Il-krediti prinċipali ma kinux ġew ikkontestati mid-debituri u wieħed m'għandux jinterpreta r-rifjut ta’ l-imsemmi grupp li jassumi r-responsabbiltà tad-debitur bħala kontestazzjoni tal-krediti prinċipali. Fl-aħħar nett, ir-rinunzja provviżorja ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi għall-krediti tagħhom irrigwardat purament u sempliċiment ir-responsabbiltà ta’ assiguraturi wara l-assoċjazzjonijiet garanti. F'dan ir-rigward, l-obbligu tad-debituri u, għaldaqstant, l-obbligu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja mhumiex affettwati fir-rigward tal-baġit Komunitarju. Kuntrarjament għall-opinjoni ta' dan l-Istat Membru, ma kienx hemm lok li jiġi applikat l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1552/89, li mhuwiex applikabbli ħlief meta l-ammonti tar-riżorsi proprji ma setgħux jiġu imposti għall-raġunijiet ta' force majeure (l-ewwel fażi ta’ l-imsemmija dispożizzjoni) jew meta huwa definittivament impossibbli li wieħed jipproċedi għall-irkupru għal raġunijiet li mhumiex imputabbli lill-Istati Membri (it-tieni fażi ta’ l-istess dispożizzjoni).
32 Il-Kummissjoni talbet mill-ġdid lill-awtoritajiet Ġermaniżi li jqegħdu immedjatament għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, bħala depożitu, l-ammont ta' 10552875 DEM li jikkorrispondu għall-ammont relatat ma' n-nuqqas ta’ ħruġ tal-carnets TIR marbuta mas-snin ta' l-1996 u ta' l-1997, sabiex jiġu evitati l-imgħaxijiet ta' dewmien supplementari; li tikkomunikalha l-ammonti doganali oħra mhux ikkuntestati li ngħataw trattament analogu fir-rigward tan-nuqqas ta’ ħruġ ta' carnets TIR mill-uffiċċji doganali Ġermaniżi mis-sena ta' l-1994 sa' l-emenda ta' l-ordni Federali ta' l-1996, u li jqegħdu immedjatament għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji kkonċernati, sabiex jevitaw l-imgħaxijiet ta' dewmien supplementari. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet mistiedna tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma' l-opinjoni motivata fi żmien xahrejn li jibda min-notifika ta' din ta' l-aħħar.
33 Il-Gvern Ġermaniż irrisponda għall-opinjoni motivata b'ittra ta' l-10 ta' Jannar 2001, li fiha huwa jirrepeti l-perspettiva sostnuta preċedentement, jiġifieri li biss l-ammonti rkuprati permezz ta' garanziji li "huma miġbura direttament u immedjatament" għandhom jitqegħdu għad-dispożizzjoni tal-Komunità. Issa, dan mhuwiex il-każ tal-garanziji in kwistjoni skond il-Konvenzjoni TIR, għax l-assoċjazzjonijiet nazzjonali ma setgħux iktar jibbażaw ruħhom fuq il-kontromandat ta' l-UIT u din ta' l-aħħar ma setgħatx iktar toqgħod fuq il-prestazzjonijiet tal-grupp ta’ assiguraturi minħabba l-ammont ħafna iktar għoli tad-danni mhux previst fil-kuntratti ta' assigurazzjoni u dovut għall-frodi iktar gravi tal-kriminalità organizzata. L-ammont tal-garanzija, jiġifieri 60024 EUR, ma jkoprix il-krediti għall-merkanzija. Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni TIR li, fil-każ ta' nuqqas ta’ approvzzjoni ta' tranżazzjoni TIR, id-debitur dirett għandu jiġi mfittex l-ewwel. Ir-responsabbiltà ta' l-assoċjazzjonijiet garanti ma tistax tiġi mfittxija ħlief fil-każ ta' falliment ta' dan ir-rikors.
34 Barra minn hekk, il-krediti għandhom jiġu kkunsidrati li huma kkontestati fis-sens ta' l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1552/89, billi huma s-suġġett ta' kontestazzjonijiet bejn l-assoċjazzjonijiet garanti u l-amministrazzjoni. Barra minn hekk, rikorsi amministrattivi jew proċeduri ġudizzjarji quddiem il-qrati Ġermaniżi għadhom pendenti, ħaġa li tiġġustifika r-reġistrazzjoni ta' l-ammonti fil-kontabbiltà B. Fl-aħħar nett, il-ftehim ma' l-imsemmija assoċjazzjonijiet ma jikkostitwixxix rinunzja għad-drittijiet tiegħu minn dawn ta' l-aħħar, iżda sempliċiment in-nuqqas provviżorju ta' eżekuzzjoni ta' dawn id-drittijiet, ħaġa li hija indispensabbli sabiex iwaqqaf falliment inevitabbli.
35 Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.
36 B'digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Settembru 2002, ir-Renju tal-Belġju ġie ammess sabiex jintervjeni in sostenn tat-talbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Fuq ir-rikors
Fuq il-motiv ibbażat fuq l-inammissibbiltà parzjali tar-rikors
L-argumenti tal-partijiet
37 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mir-Renju tal-Belġju, issostni li r-rikors huwa parzjalment inammissibbli, għaliex, permezz tat-tielet, ir-raba' u l-ħames talbiet, il-Kummissjoni qed tobbliga lill-parti konvenuta, rispettivament, sabiex "takkredita immedjatament il-kont tal-Kummissjoni bir-riżorsi proprji mhux miġbura minħabba l-fatt tan-nuqqasijiet ta' twettiq ta' obbligu" ikkonċernati b'din il-proċedura, sabiex "tindika, fir-rigward ta' ammonti eventwali diġà ddepożitati fil-kont, id-data ta' l-iskadenza tal-kreditu, l-ammont dovut u, jekk ikun il-każ, id-data tad-depożitu", u sabiex "tiddepożita lill-baġit Komunitarju l-imgħaxijiet dovuti fil-każ ta' reġistrazzjoni tardiva fil-kontabbiltà".
38 Jirriżulta ċarament mill-Artikolu 228(1)KE li r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa biss li jikkonstata n-nuqqas mingħajr ma tkun tista' tobbliga lill-parti konvenuta tadotta komportament partikolari, filwaqt li huma l-korpi nazzjonali li għandhom jiddeċiedu fuq il-konsegwenzi li għandhom jirriżultaw mill-konstazzjoni tan-nuqqas, filwaqt li huwa mifhum li dan ta' l-aħħar għandu jieqaf mingħajr dewmien. L-obbligi relatati man-nuqqas li jinġieb fit-tmiem jistgħu ċertament jidhru fil-motivi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda mhux fid-dispożittiv tagħha (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-20 ta' Marzu 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 303/84, Ġabra p. 1171, punt 19).
39 Għaldaqstant it-tielet u l-ħames talbiet għandhom jiġu miċħuda, billi, taħt kopertura ta' dawn it-talbiet, il-Kummissjoni, fir-realtà, qed issostni rikorsi għal ħlas. L-istess għandu jingħad dwar ir-raba' talba, li permezz tagħha l-Kummissjoni qed tagħmel talba għal stħarriġ mhux ċara, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax ħlief tikkonstata, jekk ikun il-każ, il-ksur ta' l-obbligi ta' informazzjoni u ta' lealtà (sentenza tas-7 ta' Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-10/00, Ġabra p. I-2357). Barra minn hekk, din l-aħħar talba, barra l-fatt li ma kinitx ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, taqleb l-oneru tal-prova tan-nuqqas, li huwa fuq il-Kummissjoni u mhux l-Istat Membru akkużat.
40 Skond il-Kummissjoni, il-kliem ta' l-Artikolu 228 KE ma jżommx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħmel dikjarazzjonijiet utli għall-eliminazzjoni ta' nuqqas. Fir-rigward tar-raba' talba, il-Kummissjoni tosserva li hija tiddependi ħafna mill-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri sabiex tivverifika jekk dawn ta' l-aħħar jiddepożitawx korrettament l-ammont tar-riżorsi proprji dovuti. L-Istati Membri huma suġġetti għal obbligu partikolari ta' kotranżazzjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, punti 88 et seq), espliċitament ikkonkretizzat fl-Artikolu 18(2) u (3) tar-Regolament Nru 1552/89, b'mod li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità, teżiġi mill-parti konvenuta, kif hija kienet għamlet mill-bidu tal-proċedura amministrattiva, l-informazzjoni neċessarja sabiex tivverifika l-eżistenza u l-portata tan-nuqqas li hija kienet tiddeskrivi b'mod konklużiv. Dan huwa preċiżament l-obbjettiv li jissemma fit-tieni u r-raba' talbiet.
41 Fir-rigward tal-ħames talba, il-Kummissjoni tirrileva li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89 jinkludi obbligu preċiż u inkundizzjonat ta' depożitu ta' imgħaxijiet ta’ dewmien u li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlet riferiment għal dan l-obbligu f'rikorsi oħra għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 19). Fil-każ ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu ta' ħlas, l-Istat Membru ma jkollu l-ebda setgħa ta' diskrezzjoni fir-rigward tal-mod kif ipoġġi tmiem għan-nuqqas.
42 Matul is-seduta, il-Kummissjoni rriformulat il-ħames talba fis-sens li issa hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li "ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89 billi ma takkreditax il-baġit Komunitarju bl-imgħaxijiet dovuti".
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
43 Permezz tat-tielet u tar-raba' talbiet tar-rikors tagħha, kif ukoll permezz tal-ħames minn dawn it-talbiet fil-verżjoni inizjali tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tordna r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, rispettivament, sabiex "tirreġistra immedjatament il-kont tal-Kummissjoni bir-riżorsi proprji mhux miġbura mill-fatt tan-nuqqasijiet ta' twettiq ta' obbligu msemmija fil-paragrafi 1 u 2", "tindika, fir-rigward ta' ammonti eventwali diġà ddepożitati fil-kont, id-data ta' l-iskadenza tal-kreditu, l-ammont dovut u, jekk ikun il-każ, id-data tad-depożitu" u "tiddepożita lill-baġit Komunitarju l-imgħaxijiet dovuti f'każ ta' reġistrazzjoni tardiva fil-kontabbiltà", b'applikazzjoni ta' l-Artikoli 11 tar-Regolament Nru 1552/89, għall-perijodu sal-31 ta' Mejju 2000, u 11 tar-Regolament Nru 1150/2000, għall-perijodu wara l-31 ta' Mejju 2000.
44 Huwa kostanti li r-rikors ippreżentat skond l-Artikolu 226 KE għandu bħala għan li jikkonstata n-nuqqas ta' twettiq minn Stat mill-obbligi Komunitarji tiegħu. Il-konstatazzjoni ta' dan in-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu jorbot, skond it-termini stess ta' l-Artikolu 228 KE, l-Istat Membru kkonċernat sabiex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimxi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, din ta' l-aħħar ma tistax tordna lil dan l-Istat jieħu mizuri partikolari (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-14 ta' April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-104/02, Ġabra p. I-2689, punt 49).
45 Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fil-kuntest ta' rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, tiddeċiedi fuq l-ilmenti relatati mat-talbiet intiżi, bħal f'dan il-każ, li jordnaw lil Stat Membru jirreġistra fil-kont ammonti determinanti, jagħti informazzjoni dwar ċerti ammonti u depożiti, u jiddepożita l-imgħaxijiet ta’ dewmien.
46 Fir-rigward tar-riformulazzjoni tal-ħamest talba, għandu jiġi mfakkar li, prinċipalment, parti ma tistax, matul istanza, tbiddel is-suġġett stess tal-kawża u l-mertu tar-rikors għandu jkun eżaminat biss fir-rigward tat-talbiet li jinsabu fir-rikors introduttiv ta' l-istanza (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta' Settembru 1979, Il-Kummissjoni vs Franza, 232/78, Ġabra p. 2729, punt 3; tas-6 ta' April 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-256/98, Ġabra p. I-2487, punt 31, u ta' l-4 ta' Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-508/03, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 61).
47 Skond ġurisprudenza kostanti wkoll (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta' Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-365/97, Ġabra p. I-7773, punt 23, u tas-27 ta' April 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-441/02, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 59), l-ittra ta' notifika indirizzata mill-Kummissjoni lill-Istat Membru, kif ukoll l-opinjoni motivata maħruġa minn din ta' l-aħħar jiddelimitaw is-suġġett tal-kawża li ma jistax iktar, għaldaqstant, jiġi estiż. Fil-fatt, il-possibbiltà għall-Istat Membru kkonċernat li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu tikkostitwixxi, anki jekk iqis li m'għandux bżonn jagħmel użu minnha, garanzija essenzjali mitluba mit-Trattat KE u l-osservanza tagħha hija forma sostanzjali tar-regolarità tal-proċedura li tikkonstata nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu.
48 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li ma jistax f'kull ipoteżi tiġi mitluba koinċidenza perfetta bejn it-terminoloġija ta' l-ilmenti fl-ittra ta' notifika, id-dispożittiv ta' l-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors, peress li s-suġġett tal-kawża ma ġiex estiż jew imbiddel, iżda, għall-kuntrarju, sempliċiment ristrett (sentenza tas-27 ta' April 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 61 u l-ġurisprudenza ċitata).
49 Fid-dawl ta' din il-ġurisprudenza, il-Gvern Ġermaniż seta' korrettament jikkunsidra, kemm fl-istadju tal-proċedura prekontenzjuża kif ukoll matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura segwita quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li ma kellux jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-ħames talba billi din ta' l-aħħar kienet analizzata f'talba ta' inġunzjoni kontra tiegħu. It-talba għal riformulazzjoni tal-Kummissjoni, ippreżentata għall-ewwel darba fis-seduta u li tkun tista' tittrasforma l-imsemmija talba ta' inġunzjoni, magħmula mill-Kummissjoni fir-replika tagħha għall-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mqajma f'dan ir-rigward mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fid-difiża tagħha, f'talba ta' konstatazzjoni ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, għandha għaldaqstant tiġi miċħuda bħala inammissibbli.
50 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ qabel, it-talbiet ta' dan ir-rikors, li għandhom il-għan li jordnaw lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jirreġistraw fil-kont tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji mhux ittrasferiti, li jiddepożitaw l-imgħaxijiet ta’ dewmien skond l-Artikolu 11 tar-Regolamenti Nri 1552/89 u 1150/2000 u li jikkomunikaw l-informazzjoni fuq ammonti oħra mhux miġbura, għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.
51 L-eżami ta' dan ir-rikors huwa b'hekk limitat għall-evalwazzjoni ta' l-ilmenti magħmula fil-kuntest ta' l-ewwel u tat-tieni talbiet, jiġifieri, minn naħa, in-nuqqas ta’ ħruġ regolari ta' 509 carnets TIR fir-rigward tas-snin 1993 sa 1995 u n-nuqqas ta' kontabbiltà korretta u tqegħid għad-dispożizzjoni għall-Kummissjoni tar-riżorsi proprji rispettivi kif ukoll, min-naħa l-oħra, ir-rifjut li jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni d-drittijiet l-oħra mhux ikkuntestati fir-rigward ta' l-ebda ħruġ regolari ta' carnets TIR mis-sena ta' l-1994 sax-xahar ta' Settembru 1996, li kellhom ukoll jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà B.
Fuq il-mertu
Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-irregolaritajiet li jaffettwaw it-trattament ta' ċerti carnets TIR, il-kontabbiltà skorretta u nuqqas li jitqegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti rispettivi
– L-argumenti tal-partijiet
52 Il-Kummissjoni ssostni li, billi l-krediti kkonċernati permezz ta' din il-proċedura li kienu ġew irkuprati permezz ta’ garanziji, huma kellhom jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà A b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolament Nru 1552/89. Fil-fatt, fis-sistemi TIR, il-ħlas tad-dazji doganali huwa rkuprat permezz ta' garanzija, jiġifieri l-carnets maħruġa mill-assocazzjonijiet garanti, li huma solidalment responsabbli għall-ħlas tad-drittijiet u tat-taxxi mad-debitur prinċipali fil-każ ta' irregolaritajiet jew frodi mwettqa fil-kuntest ta' tranżazzjoni TIR.
53 Il-Kummissjoni ssostni li l-kontabbiltà B mhumiex intiżi li jipproteġu l-Istat Membru minn piż eċċessiv li jolqot il-baġit tagħhom, iżda sabiex jippermetti lill-Kummissjoni ssegwi aħjar l-azzjoni ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' l-irkupru tar-riżorsi proprji, b'mod partikolari, fil-każ ta' frodi u irregolaritajiet. Dan l-obbjettiv kien isir assurd jekk kull Stat Membru kien ikun liberu li jevalwa l-kwalità tal-garanziji skond id-diskrezzjoni tiegħu u li jiddeċiedi waħdu, mingħajr ma jiftiehem mal-Kummissjoni, dwar il-mument li fih kreditu bħala garanzija għandu jiġi rreġistrat f'kont partikolari jew ieħor.
54 Jirriżulta mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1552/89, moqri fit-totalità tiegħu, li reġistrazzjoni tad-drittijiet fil-kontabbiltà A ma tissuponix li l-garanzija tkun "miġbura direttament u immedjatament". Hija għandha sempliċiment tkun tista' tinġabar fil-każ fejn, matul il-preżentazzjoni tal-garanzija, id-debitur insolventi ma jistax fit-tmiem tal-kont iħallas id-dejn doganali.
55 Skond il-Kummissjoni l-awtoritajiet Ġermaniżi, filwaqt li jikkontestaw kumplessivament li l-garanzija ta' ammont ta' 60024 EUR kull carnet TIR kienet biżżejjed fil-maġġoranza tal-każijiet sabiex tkopri l-krediti ta' dazji doganali għall-merkanzija intaxxata sew, ma jikkontestawx b'mod konkret li l-garanziji kienu, f'dan il-każ, suffiċjenti sabiex ikopru l-krediti. Huma ma jikkontestaw lanqas li l-garanziji in kwistjoni kienu biżżejjed almenu sabiex ikopru parzjalment il-krediti fil-każijiet kollha, b'mod li huma kellhom, almenu f’din il-miżura, jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà A, sa fejn evalwazzjoni oħra ma tkunx neċessarja minħabba t-tmiem tal-kuntratt ta assigurazzjoni mill-ġdid mill-grupp ta’ assiguraturi sa l-aħħar tas-sena ta' l-1994.
56 Sa fejn tkun id-data li fiha l-tranżazzjoni TIR bdiet u dik li fiha l-garanzija ġiet mogħtija li hija determinanti, il-krediti preċedenti għas-sena ta' l-1995, kellhom f'kull każ, jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà A u jitqegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Fir-rigward tal-krediti maħluqa mis-sena ta' l-1995, l-affermazzjoni ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi, li skondha f'din id-data l-krediti kellhom ikunu kkunsidrati bħala mhux iggarantiti minħabba t-tmiem tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni mill-ġdid mill-grupp ta’ assiguraturi, kellha twassal lil dawn l-awtoritajiet li ma jawtorizzawx il-proċedura TIR minħabba n-nuqqas ta' garanzija. Jekk madankollu huma aċċettawha u kitbu l-krediti fil-kontabbiltà B, huma għandhom, għal dan ir-raġuni, jassumu wkoll ir-riskju marbut ma' l-irkupru ta' dawn il-krediti. Wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju li garanzija almenu parzjali kienet mogħtija. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet irrinunzjat provviżorjament li titlob il-krediti dovuti mill-assoċazzjoni garanti bil-kundizzjoni li din ta' l-aħħar tibqa' responsabbli sal-limitu ta' kontribuzzjoni personali approprjata u li hija ċċedi l-krediti tagħha fuq l-assiguratur il-ġdid bħala garanzija. Konsegwentement, il-krediti tas-sena ta' l-1995 u tas-snin sussegwenti kienu rkuprati permezz tal-garanziji u kellhom – almenu parzjalment – jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà A u jitqegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, sakemm huma ma kinux ġew ikkontestati fit-termini stipulati.
57 Il-fatt li l-assoċjazzjonijiet garanti huma responsabbli biss sussidjarjament mhuwiex daqstant importanti meta l-krediti ma jkunux jistgħux jiġu rkuprati mingħand id-debitur prinċipali. Ir-responsabbiltà sussidjarja hija garanzija komplementari ttrasferita fiż-żmien, li tawtorizza l-kreditur ikopri l-assi mill-garanti meta dawk tad-debitur ikunu insuffiċjenti. Skond l-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni TIR, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jsostnu d-drittijiet tagħhom mingħand assoċjazzjonijiet garanti.
58 Il-Kummissjoni tenfasizza li hija tirreferi biss f'din il-proċedura għal krediti kkonstatati legalment. It-tieni frażi ta' l-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament Nru 1552/89, fir-rigward tad-drittijiet li "jkunu ġew ikkontestati", ma tapplikax meta l-garanzija mogħtija minn kreditur tiġi kkontestata mill-fatt li l-garanti ma jikkontestax il-kreditu prinċipali, iżda biss li l-kapaċità tiegħu li jħallas il-garanzija hija inċerta.
59 Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-kunsiderazzjonijiet tar-Renju tal-Belġju fuq il-possibbiltà ta' kontestazzjoni tad-drittijiet mill-assoċazzjoni li tiggarantixxi huma ta' natura ipotetika, billi l-eżistenza tal-krediti kontenzjużi ma kinitx is-suġġett ta' kontestazzjonijiet. Kien hemm sempliċi tmiem tal-kuntratt ta' garanzija, li warajh l-Istat Membru kien ħareġ arbitrarjament rapport ta' ħlas u ma kienx qiegħed għad-dispożizzjoni tal-baġit Komunitarju l-ammonti ggarantiti skond l-obbligi li għandu taħt ir-Regolament Nru 1552/89. Dan il-komportament ma jistax jiġi sostnut mill-imsemmi baġit.
60 Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma ġabu l-ebda prova li tippermetti li tiġi elaborata l-affermazzjoni li tgħid li, permezz tar-rinunzja provviżorja tagħhom sabiex ikopru l-krediti in kwistjoni, huma kienu aġixxew fl-interess tal-Komunità sabiex jevitaw it-twaqqigħ tas-sistema TIR. F'dan il-każ, dawn l-awtoritajiet kellhom jiftiehmu, fl-interess tal-Komunità, mal-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra qabel ma jiddeċiedu dwar din ir-rinunzja. L-approċċ unilaterali ta' l-imsemmija awtoritajiet juri preċiżament nuqqas mit-twettiq ta' l-obbligu ta' kooperazzjoni li jinsab fl-Artikolu 10 KE, bħall-fatt li kienu damu biex jissodisfaw it-talba ripetuta kemm il-darba mill-Kummissjoni li jikkomunikawlha l-modalitajiet tal-ftehim konkluż bejn il-Gvern Federali u l-assoċazzjoni garanti kif ukoll dawk tal-ftehim eventwali magħmula ma' garanti oħra.
61 Fir-rigward tar-rinunzja provviżorja għall-irkupru ta' l-ammonti rreġistrati fil-kontabbiltà B, il-Kummissjoni ssostni li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu obbligati li jieħdu bl-attenzjoni rikjesta l-miżuri neċessarji kollha sabiex jipproċedu għall-imposta tar-riżorsi proprji kkonstatati (l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1552/89). Dan mhuwiex każ li jaqa’ taħt l-ewwel u t-tieni frażijiet ta' l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1552/89, peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tinvoka dan il-grupp ta' kundizzjonijiet innumerati f'din id-dispożizzjoni, billi hija ma rrispettatx il-proċedura prevista u l-kriterji materjali ta' applikazzjoni (imprevedibbiltà, ċirkustanzi eċċezzjonali) ta' din id-dispożizzjoni huma nieqsa. Avvenimenti ipotetiċi, bħat-twaqqigħ tas-sistema ta' assigurazzjoni ġdida, mhumiex biżżejjed sabiex jiġġustifikaw il-komportament ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi.
62 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, min-naħa tagħha, issostni li, peress li l-assoċjazzjonijiet garanti ma pprovdux iktar, mis-sena ta' l-1993, garanziji suffiċjenti għall-krediti maħruġa minn carnets TIR mhux approvati minħabba ż-żieda kbira ta’ rikors għall-grupp ta’ assiguraturi li rrifjutaw iktar u iktar sikwit li jassumu l-garanziji bil-kundizzjonijiet oriġinali, huwa ġġustifikat li l-awtoritajiet doganali, fl-ewwel stadju, irreġistraw il-krediti in kwistjoni fil-kontabbiltà B.
63 Skond l-istess test ta' l-Artikolu 6(2) u l-premessi ta' dan ir-Regolament, tar-Regolament Nru 1552/89 għandhom jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà A biss il-krediti ggarantiti li huwa ċert li l-garanzija tagħhom tista' effettivament tinġabar, li mhuwiex il-każ ta' l-assoċjazzjonijiet garanti mhux solventi, li l-patrimonju tagħhom huwa b'mod partikolari insuffiċjenti, jew ta' l-organizzazzjonijiet internazzjonali ta' garanzija (l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni TIR) mitmuma jew difettużi. Il-krediti mhux irkuprati, iżda ggarantiti, jinsabu prinċipalment fost id-"drittijiet li għadhom ma ġewx irkuprati" [l-Artikolu 6(2)(b) tar-regolament Nru 1552/89] u ma tistax issir eċċezzjoni minn dan il-prinċipju ħlief meta l-garanziji jkunu jidhru li jistgħu jinġabru bla diffikultà. L-Istati Membri mhumiex obbligati jiddepożitaw b'mod antiċipat il-krediti li mhumiex jew li huma insuffiċjentement iggarantiti.
64 Fis-sistemi doganali l-oħra, bid-differenza tas-sistema tal-carnets TIR li fiha l-amministrazzjonijiet doganali huma marbuta li jaċċettaw il-"garanzija" ddefinita fuq livell internazzjonali (garanzija, limitata għal kull carnet, ta' l-assoċazzjoni tal-pajjiż li fih seħħ id-dejn doganali), l-ammont tad-dejn doganali in kwistjoni jista' f'kull mument jiġi rkuprat permezz tal-garanzija [l-Artikolu 192 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 302, p. 1, iktar 'il quddiem il-"Kodiċi Doganali")]. Il-krediti doganali li mhumiex irkuprabbli minħabba s-sistema ta' garanzija maħluqa permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali ma jistgħux jiġu assimilati ma’ krediti garanti fis-sens tar-Regolament Nru 1552/89. Kieku ma kienx hekk, l-Istati Membri jkunu dejjem obbligati jużaw ir-riżorsi baġitarji ordinarji sabiex jassumu krediti mhux irkuprabbli mingħajr ma jkunu bl-ebda mod responsabbli ta' din l-impossibbiltà ta' rkupru.
65 Il-Kummissjoni tiddistingwi ħażin bejn il-perijodi qabel u wara l-1 ta' Jannar 1995. Ir-rexissjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni mill-ġdid mill-grupp ta' assiguraturi implika l-waqfa immedjata u retroattiva tal-ħlasijiet. Barra minn hekk, peress li l-garanzija għandha natura aċċessorja, qabel ma tkun tista' ddur legalment kontra l-assoċjazzjonijiet garanti, l-awtoritajiet Ġermaniżi kellhom jintroduċu u jtemmu l-proċeduri ta' riċerka u l-proċeduri fiskali (l-Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni TIR) għal matul diversi snin, għaldaqstant wara s-sena ta' l-1994.
66 Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, wara t-tmiem tal-kuntratt ta' assigurazzjoni mill-ġdid fl-aħħar tas-sena 1994, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma setgħux jirrifjutaw li jawtorizzaw l-użu tal-proċedura TIR, salv sabiex jaċċettaw, barra l-paraliżi kważi totali tal-kummerċ bejn il-Lvant u l-Punent, ksur unilaterali ta' parti integrali tad-dritt doganali Komunitarju (l-Artikolu 91 tal-Kodiċi Doganali). Fil-fatt, Stat Membru ma jistax, b’inizjattiva tiegħu stess, jeżiġi garanziji supplementari, ħlief bi ksur tad-dispożizzjonijiet tas-sistemi TIR.
67 Sussidjarjament, anki jekk wieħed kellu jikkunsidra li dan huwa każ ta' "krediti ggarantiti", l-imsemmija ammonti ma kellhomx jitqegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, billi huma ma setgħux jiġu rkuprati, b'mod partikolari għal raġunijiet ta' force majeure fis-sens ta' l-ewwel frażi ta' l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1552/89. Dawn l-ammonti ma kellhomx għaldaqstant jidhru la fil-kontabbiltà A u lanqas fil-kontabbiltà B, kemm jekk huwa kreditu prinċipali jew kreditu aċċessorju, bħal, per eżempju, garanzija. L-awtoritajiet Ġermaniżi kienu għamlu minn kollox biex jirkupraw il-krediti dovuti mill-assoċjazzjonijiet garanti (proċess-pilota kontra l-assoċjazzjonijiet garanti, kontroll ta' l-insuffiċenza tal-patrimonju ta' l-assoċjazzjonijiet).
68 Barra minn hekk, billi l-UIT kellha tintroduċi proċeduri twal ta' arbitraġġ kontra l-grupp ta’ assiguraturi, li għadhom dejjem pendenti, u l-ħolqien ekonomiku mill-ġdid ta' l-assoċjazzjonijiet garanti jieħu diversi snin, kien ċar mill-bidu nett li l-irkupru kien impossibbli fuq żmien twil, tabilħaqq għal dejjem, fis-sens tat-tieni frażi ta' l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1552/89, minħabba insuffiċenza manifesta u gravi tal-patrimonju ta' l-assoċjazzjonijiet garanti u tan-nuqqas ta' rieda min-naħa tal-grupp ta’ assiguraturi li jassumu r-responsabbiltà tal-ħlasijiet. Il-ftehim bejn l-assoċjazzjonijiet garanti kienu l-ewwel indiċi tar-ritorn lejn is-solvenza ta' dawn ta' l-aħħar, li jippermettilhom li jibdew mill-ġdid l-attivitajiet tagħhom.
69 Ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-Istati Membri m'għandhomx ipoġġu d-drittijiet doganali għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni ħlief meta dawn ta' l-aħħar ikunu effettivament imħallsa kollha u mhux, kif issostni din ta' l-aħħar, meta parti mid-drittijiet tkun koperta minn garanzija. Kull soluzzjoni oħra tikser il-finalità tal-kontabbiltà B, li tgħid li l-Istati Membri m'għandhomx iqegħdu għad-dispożizzjoni l-ammonti li ma jistgħux jirkupraw.
70 Il-Gvern Belġju jqis wkoll li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kisritx il-prinċipju tal-lealtà Komunitarja. Billi kkonkludiet xi moratorji ma' l-assoċjazzjonijiet garanti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet, kif hija spjegat, evitat dannu anki ikbar għas-sistema TIR, għax, fil-każ ta' proċeduri legali, dawn l-assoċjazzjonijiet kienu jaqgħu immedjatament f’falliment, li kien iwassal għall-waqa' tas-sistema TIR u għal sitwazzjoni ta' impossibbiltà ta' rkupru msemmi fit-tieni frażi ta' l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1552/89. Barra minn hekk, mhuwiex leali min-naħa tal-Kummissjoni li takkuża lill-Istati Membri li ma kinux ħallsu l-obbligi li huma għandhom skond id-dritt Komunitarj, filwaqt li l-Kummissjoni kienet taf bil-problemi ta' ħlas li ltaqgħu magħhom l-assoċjazzjonijiet garanti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
71 B'dan l-ilment, il-Kummissjoni takkuża sostanzjalment lill-awtoritajiet Ġermaniżi li kienu rrinunzjaw unilateralment għall-irkupru ġudizzjarju mingħand l-assoċjazzjonijiet garanti tal-krediti kkonstatati dwar il-carnets TIR ikkonċernati f’din il-proċedura, li kienu kkontabbilizzaw ħażin ir-riżorsi proprji rispettivi billi ma inkludewhomx fil-kontabbiltà A, u li ma qegħduhomx għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fi żmien utli, bi ksur, b'mod partikolari, ta' l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1552/89.
72 Għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li l-Gvern Ġermaniż ma jikkontestax li l-proċeduri ta' rkupru ġudizzjarju li huma relatati mal-carnets TIR kontenzjużi ġew sospiżi, tabilħaqq ma nbdewx, safejn dawn il-ftehim ġew konklużi ma' l-assoċjazzjonijiet garanti, li għalihom l-awtoritajiet Ġermaniżi rrinunzjaw provviżorjament li jinvokaw id-drittijiet tagħhom. Dan il-Gvern jammetti wkoll li l-ammont rispettiv tal-krediti ġie rreġistrat fil-kontabbiltà B u li l-imsemmija krediti, li nħolqu bi tranżazzjonijiet TIR, ġew definittivament ikkonstatati bejn l-1993 u l-1995, b'tali mod li dawn huma drittijiet ikkonstatati fis-sens ta' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1552/89. Min-naħa l-oħra, l-istess Gvern jikkontesta li, billi għamel hekk, huwa kiser l-obbligi tiegħu skond ir-Regolament Nru 1552/89.
73 Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar fil-punt 66 tas-sentenza tal-15 ta' Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-392/02, Ġabra p. I- 9811), skond l-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament Nru 1552/89, l-Istati Membri huma obbligati li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex l-ammonti li jikkorrispondu għad-drittijiet ikkonstatati skond l-Artikolu 2 ta' l-istess Regolament jitqegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. L-Istati Membri huma dispensati minn dan biss jekk l-irkupru ma jkunx seta’ jiġi effettwat għal raġunijiet ta' force majeure jew meta jidher li huwa definittivament impossibbli li wieħed jipproċedi għall-irkupru għar-raġunijiet li ma jistgħux jiġu imputati lilhom.
74 Fir-rigward tal-kontabbiltà tar-riżorsi proprji, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1552/89 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom iżommu kontabbiltà ta' l-imsemmija riżorsi għand it-Teżor pubbliku jew il-korp maħtur minnhom. B’applikazzjoni tal-paragrafu 2(a) u (b) ta' l-istess Artikolu, l-Istati Membri huma obbligati li jirreġistraw fil-kontabbiltà A d-drittijiet ikkonstatati skond l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu d-dritt jiġi kkonstatat, bla ħsara għall-fakultà li tirreġistra fil-kontabbiltà B, fl-istess terminu, d-drittijiet ikkonstatati li jkunu għadhom "ma ġewx irkuprati u li l-ebda garanzija ma tkun ġiet ipprovduta" għalihom, kif ukoll id-drittijiet ikkonstatati u li għalihom "garanzija tkun ġiet ipprovduta [u] jkunu ġew [ikkontestati] u jistgħu, ma[r-riżoluzzjoni] tal-kwistjonijiet li jkunu qamu, jkunu suġġetti għal tibdil"
75 Għal finijiet tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji, l-Artikolu 9(1), tar-Regolament Nru 1552/89 jgħid li kull Stat Membru għandu jirreġistra r-riżorsi proprji fil-kont miftuħ għal dan il-għan f'isem il-Kummissjoni, skond il-metodi ddefiniti fl-Artikolu 10 ta' l-imsemmi Regolament. Skond il-paragrafu 1 ta' din id-dispożizzjoni, wara tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' ġbir, ir-reġistrazzjoni tar-riżorsi proprji għandha sseħħ mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar ta' wara x-xahar li fih id-dritt kien ġie kkonstatat skond l-Artikolu 2 ta' l-istess Regolament, bl-eċċezzjoni tad-drittijiet irreġistrati fil-kontabbiltà B b’applikazzjoni ta' l-Artikolu 6(2)(b) ta’ dan ir-Regolament Nru 1150/2000 li għalihom ir-reġistrazzjoni għandu jsir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta' wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li fih id-drittijiet jiġu "rkuprati".
76 Fil-kuntest ta' din il-proċedura, il-Gvern Ġermaniż ma kienx sostna li d-drittijiet kontenzjużi kienu ġew ikkuntestati fit-termini stipulati u kienu jistgħu, mas-soluzzjoni tal-kwistjonijiet li jkunu qamu, jkunu suġġetti għal tibdil fis-sens ta' l-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament Nru 1552/89. F'dan il-każ, huwa kostanti li t-tibdil jirrigwarda l-eżekuzzjoni tal-garanziji u mhux l-eżistenza jew l-ammont tal-krediti kontenzjużi, billi dan l-ammont kien ġie definittivament ikkonstatat.
77 Il-Gvern Ġermaniż isostni li d-drittijiet in kwistjoni mhux irkuprati setgħu madankollu jiġu rreġistrati korrettament fil-kontabbiltà B billi kienu effettivament irkuprati permezz tal-garanziji fis-sens ta' l-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament Nru 1552/89. L-imsemmi Gvern ma jikkontestax fiha nnifisha l-kwalifika tal-garanzija pprovduta mill-assoċjazzjonijiet garanti fil-kuntest ta' tranżazzjoni TIR bħala "garanzija" fis-sens ta' l-imsemmija dispożizzjoni. Huwa jsostni li, fir-rigward tal-falliment tas-sistema ta' garanzija li fuqha hija bbażata s-sistema ta' tranżitu taħt il-kopertura ta' carnet TIR mis-sena 1993, wara r-rifjut tal-grupp ta' assiguraturi li jirrimborsaw l-assoċjazzjonijiet garanti Ġermaniżi, l-imsemmija garanziji ma kinux inġabru minħabba l-insolvenza ta' dawn l-imsemmija assoċjazzjonijiet, b'tali mod li d-drittijiet in kwistjoni kellhom jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà B bħala krediti mhux iggarantiti.
78 Għandu jiġi rrilevat li d-drittijiet u l-obbligi ta' l-assoċjazzjoni garanti prevista fil-kuntest tal-Konvenzjoni TIR huma t-tnejn irregolati mill-imsemmija Konvenzjoni, mid-dritt Komunitarju u mill-kuntratt ta' garanzija, skond id-dritt Ġermaniż, li hija kkonkludiet mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (sentenza tat-23 ta' Settembru 2003, BGL, C-78/01, Ġabra p. I-9543, punt 45).
79 Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 193 tal-Kodiċi Doganali, il-garanzija mitluba bil-għan li jiġi assigurat il-ħlas ta' dejn doganali tista' tiġi kkostitwita permezz ta' garanti, u, skond l-Artikolu 195 ta' l-istess Kodiċi, il-garanti għandu jintrabat bil-miktub li jħallas in solidum mad-debitur l-ammont iggarantit tad-dejn doganali li l-ħlas tiegħu jsir dovut.
80 Fir-rigward b'mod iktar partikolari tat-trasport ta' merkanzija taħt il-kopertura ta' carnets TIR, li jinsab fl-Artikolu 91(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, jirriżulta mill-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni TIR li, permezz tal-kuntratt ta' garanzija, l-assoċjazzjonijiet garanti jintrabtu bl-istess mod li jħallsu d-dazji doganali dovuti mid-debituri u huma obbligati in solidum ma' l-imsemmija debituri għall-ħlas ta' l-imsemmija ammonti, anki jekk, skond il-paragrafu 7 ta' l-istess Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, sakemm huwa possibbli, jitolbu direttament il-ħlas mingħand id-debituri qabel ma jippreżentaw talba quddiem l-assoċjazzjoni garanti.
81 F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkuntestat li l-garanzija mogħtija mill-assoċjazzjonijiet fil-kuntest ta' tranżazzjoni TIR taqa’ taħt il-kunċett ta' "garanti" fis-sens ta' l-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament Nru 1552/89.
82 Għandu madankollu jiġi ppreċiżat li, skond l-Artikolu 8(3) tal-Konvenzjoni TIR, huma l-Istati Membri li għandhom jiffissaw l-ammont massimu, għal kull carnet TIR, tas-somom li jistgħu jiġu mitluba mill-assoċazzjoni garanti.
83 Għaldaqstant, kif tammetti barra minn hekk il-Kummissjoni, id-drittijiet ikkonstatati fir-rigward ta' tranżazzjonijiet TIR għandhom prinċipalment jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà A u mqegħda għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1552/89 sal-limitu tal-garanzija miftiehma fil-kuntest tas-sistemi TIR anki jekk, fejn ikun il-każ, l-ammont tad-dejn doganali jaqbeż l-imsemmi ammont.
84 Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva ġustament fil-punti 89 u 89 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-interpretazzjoni hija konformi ma' l-għanijiet ta’ l-implementazzjoni tal-kontabbiltà B li hija intiża, barra minn hekk, bħalma huwa indikat fil-ħames premessa tar-Regolament Nru 1552/89, li tippermetti lill-Kummissjoni li ssegwi aħjar l-azzjoni ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' l-irkupru tar-riżorsi proprji, li għandha tieħu in kunsiderazzjoni r-riskju finanzjarju li jinkorru.
85 L-argumenti tal-Gvern Ġermaniż, li jgħidu li l-kriżi tas-sistemi TIR li wasslet għall-waqa' tas-sistema ta' garanzija, li fuqha hija bbażata din is-sistema, kellha bħala konsegwenza li, mill-bidu tas-sena ta' l-1993, il-krediti kontenzjużi ma kinux fir-realtà iktar iggarantiti, b'tali mod li l-ammonti rispettivi kellhom jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà B, m'għandhomx jiġu milqugħa.
86 Mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk is-sistema ta' garanzija implementata permezz tal-Konvenzjoni TIR ma ħadmitx iktar korrettament mill-bidu tas-sena ta' l-1993, jidher li, kif il-Kummissjoni sostniet, id-deċiżjoni unilaterali ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi, li jissospendi l-proċeduri kontenzjużi ta' rkupru kontra l-assoċjazzjonijiet garanti, li jikkonkludi moratorji ma' dawn ta' l-aħħar u li konsegwentement jirreġistra mill-ġdid l-imsemmija drittijiet, li kienu ġew definittivament ikkonstatati, fil-kontabbiltà B tikser, f’kull każ, l-obbligu li għandhom l-Istati Membri skond l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1552/89 li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex iqegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji fil-kundizzjonijiet previsti minn dan ir-Regolament.
87 Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 17(1), jikkostitwixxi espressjoni speċifika tal-kundizzjonijiet ta' kooperazzjoni leali li tirriżulta mill-Artikolu 10 KE, li skondhom l-Istati Membri, minn naħa, għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni l-problemi li jiltqagħu magħhom fl-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (ara b'analoġija b'mod partikolari s-sentenza tat-2 ta' Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-499/99, Ġabra p. I-6031, punt 24) u, min-naħa l-oħra, mhumiex awtorizzati jistabbilixxu miżuri ta' konservazzjoni nazzjonali kontra l-oġġezzjonijiet, ir-riżervi jew il-kundizzjonijiet li l-Kummissjoni tista' tifformula (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta' Mejju 1981, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, 804/79, Ġabra p. 1045, punt 32). Issa, f'dan il-każ, huwa kostanti li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja aġixxiet b'mod unilaterali u kontra l-oġġezzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni.
88 Dan l-obbligu tant huwa importanti li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fil-punt 54 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar 'il fuq, dħul insuffiċenti ta' riżors proprju għandu jiġi kkumpensat jew permezz ta' riżors proprju ieħor, jew permezz ta' rettifika ta' l-infiq.
89 Barra minn hekk, il-Gvern Ġermaniż ma jistax jinvoka l-eżistenza ta' każ ta' “force majeure” fis-sens ta' l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1552/89. Skond ġurisprudenza kostanti, il-kunċett ta' force majeure għandu jiftiehem fis-sens ta' ċirkustanzi barranin għal min li qed jinvokah, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja l-miżuri neċessarji kollha meħuda (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta' Frar 1987, Denkavit, 145/85, Ġabra p. 565, punt 11). Issa, billi aġixxiet b'mod unilaterali bil-mod deskritt fil-punt 86 ta' din is-sentenza, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ħaditx il-miżuri neċessarji kollha sabiex tevita l-konsegwenzi allegati.
90 F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-ewwel ilment huwa fondat.
Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ir-rifjut li jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni ammonti oħra rreġistrati bi żball fil-kontabbiltà B
– L-argumenti tal-partijiet
91 Il-Kummissjoni tirrileva li l-Artikolu 18(2) u (3) tar-Regolament Nru 1552/89 huwa illustrazzjoni, fil-qasam tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet, ta' l-obbligu ta' kooperazzjoni li għandhom jagħtu l-Istati Membri. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li hija tista', mingħajr ma tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità, teżiġi mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja l-komunikazzjoni tad-data neċessarja għall-verifika ta' l-eżistenza u tal-portata tan-nuqqas li hija resqet quddiem din il-qorti fil-kuntest ta' din il-proċedura.
92 Il-Gvern Ġermaniż jirrispondi li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka dritt ta' informazzjoni ġenerali. Dan id-dritt ma jeżistix fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea. L-obbligu ta' kollaborazzjoni leali li jinsab fl-Artikolu 10 KE ma jiġġustifikax li l-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri l-komunikazzjoni ta' informazzjoni mhux raġonevoli, għaliex li tissodisfa din it-talba jfisser li tipparalizza x-xogħol ta' l-uffiċċji doganali kompetenti għal diversi ġimgħat.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
93 Mill-Artikolu 10 KE jirriżulta li l-Istati Membri huma marbuta li jikkooperaw in bona fede f'kull inkjesta magħmula mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 226 KE u li jgħaddulha kull informazzjoni mitluba għal dan il-għan (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta' Marzu 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-478/01, Ġabra p. I-2351, punt 24).
94 Fir-rigward ta’ l-obbligu għall-Istati Membri li jieħdu, b'kooperazzjoni leali mall-Kummissjoni, il-miżuri li jippermettu li tiġi assigurata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet komunitarji dwar il-konstatazzjoni ta' eventwali riżorsi proprji, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jirriżulta b'mod partikolari minn dan l-obbligu, stabbilit b'mod aktar speċifiku fil-qasam ta' verifiki fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1552/89, li, meta l-Kummissjoni tiddependi ħafna fuq l-elementi pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat, dan huwa mistenni li jqiegħed id-dokumenti ta' prova u dokumenti oħra neċessarji għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, f'dawk il-kundizzjonijiet raġjonevoli, sabiex din tkun tista' tivverifika jekk u, jekk ikun il-każ, taħt liema miżura l-ammonti kkonċernati jirrigwardawx riżorsi proprji tal-Komunitajiet (sentenza tas-7 ta' Marzu, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, punti 89 sa 91).
95 Wara verifiki effettwati mill-aġenti tal-Kummissjoni fil-Ġermanja fix-xahar ta' Novembru 1997, li rrivelaw ċertu numru ta' każijiet ta' drittijiet definittivament ikkonstatati li jirrigwardaw tranżazzjonijiet TIR li ġew irreġistrati fil-kontabbiltà B, il-Kummissjoni kienet diversi drabi, u mix-xahar ta' Ottubru ta' l-1998, talbet lill-awtoritajiet Ġermaniżi jikkomunikawlha d-drittijiet l-oħra kollha mhux ikkontestati li ngħataw l-istess trattament kontabbli u li jirrigwardaw il-carnets TIR mhux maħruġa mill-uffiċċji doganali Ġermaniżi mill-bidu tas-sena ta' l-1994.
96 Billi ma ssodisfatx din it-talba, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi li għandha, iktar speċifikament dak bis-saħħa ta’ l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1552/89, li jgħid li l-Istati Membri huma b'mod partikolari obbligati li jeffettwaw verifiki supplementari fuq talba tal-Kummissjoni, talba li għandha tindika r-raġunijiet li jiġġustifikaw tali verifika.
97 Fil-fatt, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 95 ta' din is-sentenza, it-talba tal-Kummissjoni kienet motivata bil-konstatazzjoni, matul il-verifika effettwata fix-xahar ta' Novembru ta' l-1997, ta' ċertu numru ta' każijiet li, skond din l-istituzzjoni, irrivelaw ksur tar-Regolament Nru 1552/89. Il-Kummissjoni kienet għaldaqstant perfettament fid-dritt li titlob lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tipproċedi għal kontrolli komplementari fis-sens ta’ l-Artikolu 18(2) ta’ dan ir-Regolament sabiex tipprovdiha bl-informazzjoni fuq każijiet simili oħra matul il-perijodu kkonċernat.
98 F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni lment huwa wkoll fondat.
99 Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet ta’ qabel, għandu jiġi konkluż li:
– billi ma ħarġitx regolarment ċerti dokumenti ta' tranżitu (carnets TIR), bil-konsegwenza li r-riżorsi proprji li jirriżultaw minnhom ma ġewx ikkontabilizzati korrettament u lanqas imqegħda għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fit-termini stipulati,
– billi ma kkomunikatx lill-Kummissjoni l-ammonti l-oħra doganali kollha mhux ikkontestati li ngħataw trattament analogu (reġistrazzjoni fil-kontabbilta "B" minflok reġistrazzjoni fil-kontabbiltà "A") dwar in-nuqqas ta’ ħruġ ta' carnets TIR mid-dwana Ġermaniża mis-sena 1994 sa' l-emenda ta' l-ordni Federali ta' l-1996,
ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi li għandha skond ir-Regolament Nru 1552/89, issostitwit, b'effett mill-31 ta' Mejju 2000, bir-Regolament Nru 1150/2000.
Fuq l-ispejjeż
100 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Skond ir-raba' paragrafu ta' l-istess Artikolu, ir-Renju tal-Belġju għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) Billi ma ħarġitx regolarment ċerti dokumenti ta' tranżitu (carnets TIR), bil-konsegwenza li r-riżorsi proprji li jirriżultaw minnhom ma ġewx ikkontabilizzati korrettament u lanqas imqegħda għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fit-termini stipulati,
2) billi ma kkomunikatx lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej l-ammonti l-oħra doganali kollha mhux ikkontestati li ngħataw trattament analogu (reġistrazzjoni fil-kontabbiltà “B” minflok reġistrazzjoni fil-kontabbiltà “A”) dwar in-nuqqas ta’ ħruġ ta' carnets TIR mid-dwana Ġermaniża mis-sena 1994 sa' l-emenda ta' l-ordni tal-Ministru Federali tal-Finanzi ta' l-1996,
ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi li għandha skond ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1552/89 tal-Kunsill, tad-29 ta' Mejju 1989, li tapplika d-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom, dwar is-sistema ta' riżorsi proprji tal-Komunitajiet, issostitwit, b'effett mill-31 ta' Mejju 2000, permezz tar-Regolament tal-Kunsill, (KE, EURATOM) Nru 1150/2000, tat-22 ta' Mejju 2000, li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tal-Komunitajiet innifishom.
3) Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.
4) Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż.
5) Ir-Renju tal-Belġju għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.
Firem
* Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż.