EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0057

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) ta' l-14 ta' Lulju 2005.
Compañía española para la fabricación de aceros inoxidables SA (Acerinox) vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Trattat KEFA - Kartelli - Ħlas addizzjonali fuq il-liga - Paralleliżmu fl-imġieba- Tnaqqis ta' l-ammont ta' l-ammenda - Kooperazzjoni waqt il-proċedura amministrattiva - Drittijiet tad-difiża.
Kawża C-57/02 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:453

62002J0057



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-57/02 P

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 49 ta' l-Istatut KEFA tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentata fit-22 ta' Frar 2002,

Compañía española para la fabricación de aceros inoxidables SA (Acerinox) , stabbilità f'Madrid (Spanja), rappreżentata minn A. Vandencasteele u D. Waelbroeck, avukati,

rikorrenti

bil-parti l-oħra fil-kawża li hija:

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej , rappreżentata minn A. Whelan, bħala aġent, assistit minn J. Flynn, barrister, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

koimposta minn P. Jann, President ta' Awla, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts u S. von Bahr (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta' Ottubru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. Permezz ta' l-appell tagħha, Compañía española para la fabricación de aceros inoxidables SA (Acerinox) (iktar 'il quddiem "Acerinox") titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-13 ta' Diċembru 2001, Acerinox vs il-Kummissjoni (T48/98, Ġabra. p. II3859, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li biha din ta' l-aħħar laqgħet biss parzjalment ir-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni 98/247/KEFA tal-Kummissjoni tal-21 ta' Jannar 1998 dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA (Kawża IV/35.814 - Ħlas addizzjonali fuq il-liga ) (ĠU L 100, p. 55, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2. Il-fatti li wasslu għar-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, hekk kif esposti minnha fis-sentenza kkontestata, jistgħu jiġu miġbura fil-qosor kif ġej għall-finijiet ta' din is-sentenza:

3. Acerinox hija kumpannija Spanjola li topera fil-qasam ta' l-istainless steel u, b'mod partikolari, fis-settur tal-prodotti ċatti.

4. Fis-16 ta' Marzu 1995, wara informazzjoni li dehret fl-istampa speċjalizzata u wara xi lmenti tal-konsumaturi, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, bis-saħħa ta' l-Artikolu 47 tat-Trattat KEFA, talbet lil-diversi produtturi ta' l- istainless steel sabiex jgħaddulha informazzjoni fuq iż-żieda komuni fil-prezzijiet, magħrufa bħala "ħlas addizzjonali fuq il-liga", talba li huma ssodisfaw.

5. Il-ħlas addizzjonali fuq il-liga huwa suppliment fuq il-prezz, ikkalkulat fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-komponenti tal-liga, li jiġi miżjud mal-prezz bażi ta' l- istainless steel . Il-valur tal-komponenti tal-liga użati mill-produtturi ta' istainless steel (nikil, kromju u molibdenu) jirrappreżenta proporzjon importanti mill-ispejjeż ta' produzzjoni. Il-prezzijiet ta' dawn il-komponenti huma varjabbli ħafna.

6. Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni miġbura, il-Kummissjoni, fid-19 ta' Diċembru 1995, indirizzat dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lil 19-il impriża, li fosthom Acerinox, b'talba.

7. F'Diċembru 1996 u f'Jannar 1997, wara serje ta' verifiki fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni, l-avukati jew irrappreżentanti ta' ċerti impriżi, fosthom Acerinox, infurmaw lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħhom li jikkopperaw. Fis-17 ta' Diċembru 1996, Acerinox bagħtet dikjarazzjoni f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni.

8. Fl-24 ta' April 1997, il-Kummissjoni indirizzat lil dawn l-impriżi dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ġdid li ssostitwiet dik tad-19 ta' Diċembru 1995.

9. Fil-21 ta' Jannar 1998, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

10. Skond din id-deċiżjoni, il-prezzijiet tal-komponenti tal-liga ta' l- istainless steel waqgħu ħafna fl-1993. Meta, minn Settembru 1993, il-prezzijiet tan-nikil għolew, il-profitti tal-produtturi naqsu b'mod konsiderevoli. Sabiex jaffrontaw din is-sitwazzjoni, il-biċċa l-kbira tal-produtturi ta' prodotti ċatti ta' l- istainless steel qablu, waqt laqgħa li saret f'Madrid fis-16 ta' Diċembru 1993 (iktar 'il quddiem il-laqgħa ta' Madrid"), li jgħollu b'mod miftiehem il-prezzijiet tagħhom billi jbiddlu l-parametri tal-kalkolu tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga. B'dan il-għan, huma ddeċidew li japplikaw, mill-1 ta' Frar 1994, ħlas addizzjonali fuq il-liga kkalkolat fuq il-formola utilizzata l-aħħar darba fl-1991 billi jadottaw għall-produtturi kollha, bħala valuri ta' referenza għall-komponenti tal-liga, dawk ta' Settembru 1993, meta l-prezz tan-nikil laħaq minimu storiku.

11. Id-deċiżjoni kkontestata tippreċiża li l-ħlas addizzjonali fuq il-liga, ikkalkolat fuq il-bażi tal-valuri ta' referenza li ġew iffissati mill-ġdid, ġie applikat mill-produtturi kollha għall-bejgħ tagħhom fl-Ewropa mill-1 ta' Frar 1994, barra milli fi Spanja u l-Portugall.

12. Fl-ewwel Artikolu tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li Acerinox, ALZ NV, Acciai Speciali Terni SpA (iktar 'il quddiem "AST"), Avesta Sheffield AB (iktar 'il quddiem "Avesta"), Krupp Hoesch Stahl AG, li mill-1 ta' Jannar 1995 saret Krupp Thyssen Nirosta GmbH, Thyssen Stahl AG, msejħa Krupp Thyssen Nirosta GmbH mill-1 ta' Jannar 1995 u Ugine SA, li saret Usinor SA (iktar 'il quddiem "Usinor") kienu kisru l-Artikolu 65(1) tat-Trattat KEFA waqt il-perijodu li jiddekorri minn Diċembru 1993 sa Novembru 1996 fil-każ ta' Avesta u sad-data tad-deċiżjoni kkontestata għall-impriżi l-oħra kollha, billi biddlu u applikaw b'mod miftiehem il-valuri ta' referenza tal-formola tal-kalkolu tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga. Skond il-Kummissjoni, din il-prattika kellha bħala għan u bħala effett ir-restrizzjoni u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni.

13. Permezz ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, ġew imposta l-ammendi li ġejjin:

- Acerinox: 3 530 000 ECU,

- ALZ NV: 4 540 000 ECU,

- AST: 4 540 000 ECU,

- Avesta: 2 810 000 ECU,

- Krupp Thyssen Nirosta GmbH: 8 100 000 ECU, u

- Usinor: 3 860 000 ECU.

Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

14. Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-13 ta' Marzu 1998, Acerinox resqet talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata safejn tikkonċernaha u, alternativament, għar-tnaqqis sostanzjali ta' l-ammont ta' l-ammenda li ġiet imposta fuqha permezz ta' din id-deċiżjoni.

15. Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonfermat id-deċiżjoni kkontestata fil-biċċa l-kbira.

16. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, fil-punt 45 tas-sentenza kkontestata, li Acerinox kellha tiġi kkunsidratha bħala li pparteċipat fil-kartell intiż għall-applikazzjoni ta' ħlas addizzjonali fuq il-liga, ikkalkolat fuq il-bażi tal-valuri ta' referenza miftiehma matul il-laqgħa ta' Madrid (iktar 'il quddiem il-"kartell") mis-16 ta' Diċembru 1993 għal dak li jirrigwarda l-Istati Membri kollha barra mir-Renju Spanjol u, għal dak li jirrigwarda lil dan ta' l-aħħar, l-iktar tard mill-14 ta' Jannar 1994. Fil-punt 64 ta' l-imsemmija sentenza, hi kkonkludiet li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-kartell ma kienx ta' karattru sporadiku, iżda li kien dam sa l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

17. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet ukoll, fil-punt 91 tas-sentenza kkontestata, li l-ammont ta' l-ammenda imposta fuq Acerinox ma kinitx tippermetti fid-dawl tas-serjetà tal-ksur. Hija kkunsidrat li l-imġieba ta' Acerinox ma ippermettix li tiġi mnaqqsa l-ammenda bl-istess mod bħal fil-każ ta' Usinor u Avesta li, għal dak li għandu x'jaqsam magħhom, kienu ammettew l-eżistenza tal-ftehim.

18. ll-Qorti tal-Prim'Istanza min-naħa l-oħra ddeċidiet, fil-punt 141 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta' trattament indaqs billi kkunsidrat li Acerinox kif ukoll żewġ impriżi oħra ma pprovdewx ebda element ġdid fis-sens ta' l-avviż tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' impożizzjoni ta' l-ammendi jew it-tnaqqis ta' l-ammont tagħhom fil-każijiet relati ma' kartelli (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar 'il quddiem il-"komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni"), minkejja li dawn kienu ammettew l-eżistenza tal-laqgħa ta' Madrid. Fil-punt 152 ta' l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li għandha tiġi konċessa lil dawn l-impriżi tnaqqis ta' 20% minflok ta' 10% bħal fid-deċiżjoni kkontestata, ta' l-ammenda li kienet ġiet imposta rispettivament fuqhom.

19. Il-Qorti tal-Prim'Istanza b'hekk naqqset l-ammenda imposta fuq Acerinox billi stabbilietha għal 3 136 000 Euro u ċaħdet ir-rikors għall-bqija.

20. Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkundannat lil Acerinox sabiex tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll żewġ terzi ta' dawk tal-Kummissjoni. Hija kkundannat lil din ta' l-aħħar sabiex tbati terz ta' l-ispejjeż tagħha.

It-talbiet tal-partijiet u l-motivi għall-annullament invokati in sostenn ta' l-appell

21. Acerinox titlob sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja:

- tannulla s-sentenza kkontestata;

- tannulla d-deċiżjoni kkontestata jew, ta' l-inqas, tnaqqas sostanzjalment l-ammont ta' l-ammenda, jew, alternattivament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, u

- tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

22. Il-Kummissjoni titlob sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja:

- tiċħad l-appell;

- alternativament, safejn s-sentenza kkontestata tista' tiġi parzjalment annullata, tiċħad it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u

- tordna lil Acerinox tbati l-ispejjeż.

23. Acerinox tqajjem is-sitt motivi segwenti in sostenn ta' l-appell tagħha:

- l-iżball ċar ta' interpretazzjoni li jwassal għal żball ta' motivazzjoni li jirrigwarda l-allegata parteċipazzjoni tagħha fil-kartell fi Spanja;

- il-motivazzjoni inkorretta taċ-ċaħda ta' l-argument dwar l-eżistenza ta' parallelliżmu ta' mġieba barra minn Spanja;

- l-iżball ta' dritt imwettaq f'dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tad-dewmien ta' l-allegata ksur;

- in-nuqqas ta' motivazzjoni għaċ-ċaħda ta' argument dwar id-dewmien tal-ksur allegata;

- l-iżball ta' motivazzjoni dwar il-proporzjonalità ta' l-ammenda, u

- il-ksur tad-drittijiet fundamentali tad-difiża f'dak li jikkonċerna t-tnaqqis ta' l-ammont ta' l-ammenda.

Fuq it-talba għall-preżentazzjoni ta' osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali u, alternattivament, għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri orali

24. Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta' Diċembru 2004, Acerinox talbet, li tiġi awtorizzata tippreżenta xi osservazzjonijiet bil-miktub bi tweġiba għall-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali u, alternattivament, li l-Qorti tal-Ġustizzja tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura.

25. Acerinox tixtieq tagħti l-opinjoni tagħha fuq il-punti ta' l-imsemmija talbiet li jirrigwarda, min-naħa, il-valur probatorju tal-faks msemmija fil-punt 37 tas-sentenza kkontestata, li kienet intbagħtet fl-14 ta' Jannar 1994 minn Avesta lis-sussidjarji tagħha (iktar 'il quddiem il-"faks ta' Jannar 1994"), u, min-naħa l-oħra, il-motivazzjoni tal-punt 90 ta' l-imsemmi sentenza.

26. F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura tagħha ma jipprovdux għall-possibbiltà li partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-Konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (ara d-digriet ta' l-4 ta' Frar 2000, Emesa Sugar, C-17/98, Ġabra p. I-665, punt 2). Għaldaqstant, it-talba sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet bil-miktub bi tweġiba għall-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali għandha tiġi miċħuda.

27. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' ex officio jew fuq talba ta' l-Avukat Ġenerali, jew ukoll fuq it-talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal- Proċedura tagħha, jekk hija tikkunsidra li hija m'għandhiex biżżejjed informazzjoni jew jekk il-każ għandu jiġi deċiż fuq il-bażi ta' argument li għadu ma ġiex dibattut bejn il-partijiet (ara s-sentenzi tad-29 ta' April 2004, il-Parlament vs Ripa di Meana et , C470/00 P, Ġabra, p. I-4167 punt 33, u ta' l-14 ta' Diċembru 2004, Swedish Match, C210/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25). Madankollu, fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tikkunsidra li hi għandha l-elementi kollha li għandha bżonn sabiex tiddeċiedi fuq dan l-appell. Konsegwentement, it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.

Fuq l-appell

Fuq l-ewwel motiv

L-argumenti tal-partijiet

28. Permezz ta' l-ewwel motiv tagħha, Acerinox tikkritika lill-Qorti tal-Prim'Istanza talli, interpretat, b'mod manifestament żbaljat l-argumenti tagħha dwar il-kwistjoni tal-parteċipazzjoni tagħha f'allegat kartell fi Spanja u li mmotivat is-sentenza kkontestata b'mod inkorrett fuq dan il-punt.

29. Dan il-motiv jikkonċerna l-punti 37 u 38 tas-sentenza kkontestata fejn il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat kif ġej:

37 [...] mill-proċess jirriżulta li, hekk kif ġie rrilevat fil-[punt] 33 [tal-motivi] tad-[deċiżjoni kkontestata], Avesta informat, permezz ta' faks ta' l-14 ta' Jannar 1994, li s-sussidjarji tagħha, inkluża dik fi Spanja, bil-pożizzjoni espressa minn xi kompetituri tagħha fuq id-data ta' applikazzjoni tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga fis-swieq nazzjonali tagħhom. F'dak li jikkonċerna, b'mod iktar partikolari, lil Acerinox, ġie indikat:

'Acerinox iddikjarat li l-ħlasijiet addizzjonali fuq il-liga ser japplikaw mill-1 ta' April 1994 (iva, April!)' [Acerinox have announced that surcharges will be applied from 1st [A]pril 1994 (yes April!!!)'].

38 F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-verita ta' l-affermazzjonijiet li ġew attribwiti lilha, imma tillimita ruħha sabiex issostni li dikjarazzjoni bħal din turi, anki b'mod iktar ċar, in-nuqqas ta' eżistenza ta' ftehim jew prattika miftiehma, fid-data tal-laqgħa ta' Madrid, dwar l-applikazzjoni differita tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga fi Spanja. Madankollu l-fatt jibqa' li affermazzjoni bħal din tikkostitwixxi il-prova li, fl-14 ta' Jannar 1994, Acerinox kienet f'kull każ uriet l-intenzjoni tagħha li tapplika ħlas addizzjonali fuq il-liga fi Spanja, skond il-modalitajiet miftiehma mill-impriżi konċernati matul il-laqgħa ta' Madrid, u kienet għalhekk żammet mal-ftehim."

30. Acerinox ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza b'mod inkorrett iddeċiediet, fil-punt 38 tas-sentenza kkontestata, li hija ma kinitx ikkontestat il-verità ta' l-allegazzjonijiet espressi minn Avesta fil-faks tagħha ta' Jannar 1994. Hija ssostni li hija kkontestat espressament il-valur probatorju ta' din il-faks fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u li l-motivazzjoni fuq dan il-punt tas-sentenza kkontestata hija ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-provi.

31. Il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv huwa kemm inammissibbli kif ukoll mhuwiex fondat. Huwa inammissibbli safejn Acerinox tipprova tgħaddi b'nuqqas ta' motivazzjoni dak li, fir-realtà, jikkostitwixxi evalwazzjoni ta' fatt.

32. F'kull każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament kkonkludiet mill-imsemmija faks li, jekk Acerinox eżitat, f'Diċembru 1993, milli tipparteċipa fil-kartell fi Spanja, l-eżitazzjonijiet tagħha kienu sparixxew minn Jannar 1994.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

33. Hemm lok li jiġi rrilevat li, fir-rikors tagħha ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza kontra d-deċiżjoni kkontestata, Acerinox kitbet, safejn jikkonċerna l-kontenut tal-faks ta' Jannar 1994, li "[d]in l-informazzjoni dwar id-'dikjarazzjoni' magħmula mir-rikorrenti, li fiha nnfisha kienet inkoerenti ma' l-attitudni adottata mill-bqija ta' l-industrija, ma kinitx eżatta. L-ebda 'dikjarazzjoni' bħal din ma saret."

34. B'hekk, mit-termini stess tar-rikors ta' Acerinox quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, jirriżulta li din ta' l-aħħar ikkontestat il-verità ta' l-affermazzjonijiet li ġew attribwiti lilha fl-imsemmija faks. Minn dan jirriżulta li billi indikat l-oppost, il-Qorti tal-Prim'Istanza b'mod inkorrett ppreżentat il-perspettiva ta' Acerinox.

35. Il-faks ta' Jannar 1994 għalhekk ikkostitwiet element ta' prova determinanti li jwassal biex juri l-parteċipazzjoni ta' Acerinox f'kartell fis-suq Spanjol.

36. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat, bħalma ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-Konklużjonijiet tiegħu, li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma setgħatx taċċetta l-faks ta' Jannar 1994 bħala element ta' prova mingħajr ma tispjega r-raġuni għalfejn kellha tiġi miċħuda l-kontestazzjoni ta' din il-faks minn Acerinox. Billi naqset milli twieġeb għal argument invokat fuq dan il-punt minn din ta' l-aħħar, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-obbligu ta' motivazzjoni li għandha bis-saħħa ta' l-Artikolu 30 u l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 46, ta' l-Istatut KEFA tal-Qorti tal-Ġustizzja.

37. L-ewwel motiv imqajjem minn għaldaqstant Acerinox għandu jiġi milqugħ safejn huwa intenzjonat li juri nuqqas ta' motivazzjoni fis-sentenza kkontestata f'dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni ta' din l-impriża f'kartell fi Spanja.

38. Minn dan jirriżulta li s-sentenza kkontestata għandha tiġi annullata safejn tikkonkludi dwar il-parteċipazzjoni ta' Acerinox f'kartell fis-suq Spanjol, minħabba li din l-impriża ma kkontestatx il-verità ta' l-affermazzjonijiet li ġew attribwiti lilha fil-faks ta' Jannar 1994.

39. Peress illi dan l-annullament tas-sentenza kkontestata huwa biss parzjali, jeħtieġ li l-motivi ta' l-appell ikomplu jiġu eżaminati.

Fuq it-tieni motiv

L-argumenti tal-partijiet

40. Permezz tat-tieni motiv tagħha, Acerinox tikkritika lill-Qorti tal-Prim'Istanza talli mmotivat ir-rifjut ta' l-argument li l-involviment tagħha barra minn Spanja jirrifletti biss paralleliżmu ta' mġieba u mhux l-implimentazzjoni ta' prattika miftiehma b'mod inadegwat.

41. Skond Acerinox, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament kkonstatat, fil-punt 42 tas-sentenza kkontestata, li hija applikat ħlas addizzjonali fuq il-liga f'mumenti differenti f'diversi Stati Membri. Iżda, ħafna siltiet kemm tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tas-sentenza kkontestata stess jenfażizzaw li l-għan tal-laqgħa ta' Madrid kien, għall-kuntrarju, li jżid simultanjament il-prezzijiet ta' dan il-ħlas addizzjonali fuq il-liga.

42. Acerinox hi ta' l-opinjoni li huwa f'dan il-kuntest li għandhu jiġi evalwat l-argument tagħha li l-imġieba tagħha kienet biss tirrifletti adattament għall-kundizzjonijiet tas-suq u ma kinitx tirriżulta minn ftehim bejn l-impriżi.

43. Acerinox tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma stabbilixxietx, fil-punt 43 tas-sentenza kkontestata, ir-rabta ta' kawżalità meħtieġa bejn il-laqgħa ta' Madrid u l-imġieba tagħha fis-suq, u li hija għaldaqstant ma mmotivatx b'mod adegwat il-konstatazzjoni tagħha dwar l-allegata parteċipazzjoni ta' Acerinox fil-ksur barra minn Spanja. Din il-konstatazzjoni għandha għaldaqstant tiġi miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja.

44. Il-Kummissjoni tissottometti li l-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet l-argument ta' Acerinox billi bbażat ruħha fuq elementi ta' fatt li ma jistgħux jerġgħu jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja, bħall-preżenza ta' Acerinox fil-laqgħa ta' Madrid, l-attitudni ta' din ta' l-aħħar matul il-laqgħa, jiġifieri li hi ma tbiegħdetx ruħha mill-parteċipanti l-oħra f'din il-laqgħa, kif ukoll ir-realtà u d-dati ta' l-applikazzjoni tal-ħlasijiet addizzjonali fuq il-liga f'diversi Stati Membri. Il-Qorti tal-Prim'Istanza b'hekk ikkonstatat li t-tariffi applikati minn Acerinox f'dawn ta' l-aħħar ma rriżultawx minn adattament ta' l-imġieba osservata fis-suq, imma minn ftehim.

45. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, f'kull każ, ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 41 sa 43 tas-sentenza kkontestata juri b'mod ċar l-eżistenza ta' relazzjoni ta' kawżalità bejn il-ftehim li jirriżulta mil-laqgħa ta' Madrid u l-imġieba ta' Acerinox fis-suq. Din ir-rabta ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li din ta' l-aħħar implimentat il-ħlasijiet addizzjonali fuq il-liga xi ftit wara d-data prevista.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

46. Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim'Istanza spjegat b'mod korrett, fil-punt 30 tas-sentenza kkontestata, ir-regola applikabbli fuq l-oneru tal-prova meta tiġi stabbilità l-parteċipazzjoni ta' impriżi f'laqgħat li għandhom karattru manifestament anti-kompetittiv. B'hekk hija fakkret, filwaqt li bbażat ruħha fuq is-sentenzi tat-8 ta' Lulju 1999, Huls vs il-Kummissjoni (C199/92 P, Ġabra. p. I-4287 punt 155), u Montecatini vs il-Kummissjoni (C235/92 P, Ġabra p. I-4539, punt 181), li hija l-impriża kkonċernata li għandha provi ta' natura li jistgħu jistabilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull ħsieb anti-kompettitiv, billi turi li hija kienet indikat lill-konkorrenti tagħha li hija kienet qed tipparteċipa f'dawk il-laqgħat b'intenzjoni differenti minn tagħhom.

47. Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet ħsieb li tapplika din ir-regola liċ-ċirkostanzi ta' din il-kawża. Hija l-ewwelnett innutat, fil-punt 31 tas-sentenza kkontestata, min-naħa, li ma kienx kkontestat li Acerinox kienet ipparteċipat fil-laqgħa ta' Madrid u, min-naħa l-oħra, li din il-laqgħa kienet timplika ftehim bejn ċerti produtturi ta' prodotti ta' l- i stainless steel ċatti fuq komponent tal-prezz finali ta' dawn ta' l-aħħar, bi ksur ta' l-Artikolu 65(1) tat-Trattat KEFA.

48. Il-Qorti tal-Prim'Istanza mbagħad ikkunsidrat jekk Acerinox kinitx biegħdet ruħha l-oħra mil-parteċipanti l-oħra fl-imsemmija laqgħa, billi wriet l-intenzjoni tagħha li ma tapplikax il-ħlas addizzjonali fuq il-liga fis-Stati Membri oħra barra mir-Renju ta' Spanja.

49. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punt 41 tas-sentenza kkontestata, li Acerinox ma kinitx ġabet il-prova ta' tali tbegħid. Bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni, hija rrilevat, għall-kuntrarju, billi bbażat ruħha fuq dikjarazzjoni magħmula minn Acerinox, li din il-kumpannija ma ppretendietx li, waqt il-laqgħa ta' Madrid, kienet adottat l-istess attitudni bħal dik deċiża fir-rigward ta' l-applikazzjoni tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga fi Spanja, imma ammettiet li "l-maġġoranza tal-parteċipanti kienu favur applikazzjoni ta' ħlas addizzjonali fuq il-liga mill-iktar fis possibbli." Il-Qorti tal-Prim'Istanza ppreċiżat sussegwentement, fil-punt 42 ta' l-imsemmija sentenza, li Acerinox applikat ħlas addizzjonali fuq il-liga f'diversi pajjiżi Ewropej, f'dati differenti, bejn ix-xhur ta' Frar u ta' Mejju 1994.

50. Minn dan il-Qorti tal-Prim'Istanza iddeduċiet, fil-punt 43 tas-sentenza kkontestata, li Acerinox ma tistax validament issostni li l-allinjament tal-ħlasijiet addizzjonali tagħha fuq il-liga ma' dawk applikati mill-produtturi l-oħra li joperaw f'dawk is-swieq kien ir-riżultat ta' sempliċi paralleliżmu ta' mġieba peress illi dan l-allinjament kien ġie ppreċedut minn ftehim bejn l-impriżi kkonċernati, li kellu bħala għan l-użu u l-applikazzjoni ta' valuri identiċi ta' referenza fil-formola ta' kalkolu tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga.

51. Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet, fil-punt 45 tas-sentenza kkontestata, li Acerinox kellha tiġi kkunsidrata bħala li pparteċipat fil-kartell peress illi dan kien jirrigwarda l-applikazzjoni ta' l-adebittament fuq il-liga fi Stati Membri oħra barra Spanja.

52. Mill-analiżi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza jirriżulta li din applikat b'mod korrett ir-regola ta' dritt imfakkra fil-punt 46 ta' din il-kawża. Għaldaqstant, hija kkonstatat, fl-ewwel lok li l-parteċipazzjoni ta' Acerinox f'laqgħa li kellha karattru manifestament anti-kompetittiv, fit-tieni lok, in-nuqqas ta' prova miġjuba minn din l-impriża li tistabbilixxi li hija kienet tbiegħdet mill-għanijiet ta' din il-laqgħa li jirrigwardaw il-kalkolu tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga kif ukoll l-użu tiegħu u, fit-tielet lok, l-applikazzjoni minn Acerinox tal-ħlasijiet addizzjonali fuq il-liga skond il-formola stabbilita matul l-imsemmija laqgħa, qabel ma warrbet l-possibilità li din l-applikazzjoni kienet ir-riflessjoni ta' paralleliżmu ta' mġieba.

53. Il-Qorti tal-Prim'Istanza b'hekk stabbiliet l-eżistenza ta' rabta bejn il-laqgħa ta' Madrid u l-imġieba ta' Acerinox fl-Istati Membri oħra barra minn Spanja u, għaldaqstant, hija mmotivat bis-sħiħ il-konklużjoni tagħha li din l-impriża għandha tiġi kkunsidrata li pparteċipat fil-kartell f'dawn l-Istati.

54. Minn dan jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

Fuq it-tielet motiv

L-argumenti tal-partijiet

55. Permezz tat-tielet motiv, Acerinox ikkritikat lill-Qorti tal-Prim'Istanza talli kienet applikat kriterju ġuridiku b'mod żbaljat sabiex tevalwa d-dewmien tal-ksur allegata.

56. Skond Acerinox, meta ddeċidiet, fil-punt 64 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni setgħat ġustament tikkunsidra li l-ksur damet sejra sa Jannar 1998, mingħajr ma semmiet l-eżistenza ta' xi ftehim bejn il-partijiet wara l-ewwel xhur tas-sena 1994, anki jekk il-kartell kien meqjus li ntemm, il-Qorti tal-Prim'Istanza applikat b'mod inkorrett il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f'dan il-qasam, hekk kif ġiet imfakkra fil-punt 63 ta' l-imsemmija sentenza. Id-dewmien tal-ksur, safejn kien hemm waħda, kienet illimitata sa' l-ewwel nofs ta' l-1994.

57. L-imsemmija ġurisprudenza turi li ksur tar-regoli ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 81 KE) u, b'analoġija, ta' dawk ta' l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA jibqa' fis-seħħ biss meta jibqa' ċerta kollużjoni bejn l-impriżi kkonċernati. Iżda ma ġie muri bl-ebda mod li l-ħlas addizzjonali fuq il-liga kien is-suġġett ta' rieżami ftehim ġdid regolari u kkoordinnat minn dawn l-impriżi.

58. Il-Kummissjoni ssostni li t-tielet motiv huwa bbażat fuq premessa żbaljata, safejn ebda element tas-sentenza kkontestata ma jista' jiġi interpretat bħala konstatazzjoni li l-kartell ma kienx baqa' fis-seħħ xi ftit xhur wara l-bidu tas-sena 1994.

59. Skond il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament iddeċidiet, fil-punt 61 tas-sentenza kkontestata, li ż-żamma minn Acerinox tal-valuri ta' referenza miftiehma matul il-laqgħa ta' Madrid waqt il-perijodu kollu kkonċernat ma tistax tiġi spjegata b'mod ieħor ħlief l-eżistenza ta' ftehim li kien baqa' jeżisti wara l-ewwel xhur tas-sena 1994.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60. F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta' Acerinox, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma kkunsidratx jekk l-kartell kienx ġie fit-tmiem tiegħu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fil-21 ta' Jannar 1998. Għall-kuntrarju, mill-punti 60, 61, 63 u 64 tas-sentenza kkontestata jirriżulta li, skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-kartell baqa' jeżisti sakemm ġiet adottata din id-deċiżjoni.

61. Fil-punt 60 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li, sad-data imsemmija, Acerinox u l-impriżi l-oħra komplew japplikaw il-valuri ta' referenza miftiehma matul il-laqgħa ta' Madrid. Fil-punt 61 ta' l-imsemmija sentenza, hija fakkret li s-suġġett tal-ksur attribwita lil Acerinox kien jikkonsisti fl-iffissar ta' l-ammont tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga fuq il-bażi ta' formola ta' kalkolu b'valuri ta' referenza identiċi għal dawk tal-kompetituri tagħha u stabbiliti flimkien mal-produtturi l-oħra fil-kuntest ta' ftehim ma' dawn ta' l-aħħar. Minn dan il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeduċiet li ż-żamma minn din l-impriża ta' dawn il-valuri ta' referenza, fil-formola ta' kalkolu tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga li hija applikat, ma tistax tiġi spjegata b'mod ieħor ħlief l-eżistenza ta' ftehim.

62. Fil-punt 63 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat li l-effetti tal-kartell kienu komplew sa l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma dan il-kartell ma ġie formalment mitmum. Minn dan il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet, fil-punt 64 ta' l-imsemmija sentenza, li, safejn Acerinox ma kinitx irrinunċjat qabel ma ġiet adottata din id-deċiżjoni, li tapplika l-valuri ta' referenza miftiehma matul il-laqgħa ta' Madrid, il-Kummissjoni setgħat tikkunsidra, b'mod korrett, li l-ksur kienet kompliet sa din id-data.

63. Għalhekk hemm lok li jiġi kkunsidrat, hekk kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 107 tal-Konklużjonijiet tiegħu, li l-argument ta' Acerinox li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet applikat b'mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata ma' l-applikazzjoni tar-regoli ta' kompetizzjoni fuq l-effetti ta' kartell formalment intemm u m'huwiex, f'kull każ, applikabbli peress illi huwa fondat fuq il-premessa żbaljata li l-kartell kien intemm fis-sena 1994.

64. Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

Fuq ir-raba' motiv

L-argumenti tal-partijiet

65. Permezz tar-raba' motiv tagħha, li jikkonċerna l-punt 62 tas-sentenza kkontestata, Acerinox tikkritika l-Qorti tal-Prim'Istanza talli ma mmotivatx iċ-ċaħda ta' l-argument li, f'Lulju 1994, il-prezz tan-nikil kien laħaq il-livell oriġinali tiegħu, b'tali mod li l- prattika miftiehma allegata kienet waqfet milli jkollha xi tip ta' effett minn dik id-data.

66. Acerinox issostni li m'hemmx kontestazzjoni fuq il-fatt li l-formola tal-kalkolu tal- ħlas addizzjonali fuq il-liga ilha tintuża 25 sena. Peress illi l-iskop ta' l-imsemmija prattika jikkonsisti biss f'li timmodifika, billi tbaxxih, il-valur li jwassal għall-ħlas addizzjonali pre-eżistenti fuq il-liga, il-fatt li l-prezz tan-nikil laħaq, matul ix-xaħar ta' Lulju 1994, il-livell li kien preċedentement stabbilit, huwa relevanti. Fil-fatt, skond Acerinox, hija f'din id-data li l-prattika miftiehma li tikkonsisti fit-tnaqqis tal-valur li jwassal għall-ħlas addizzjonali waqaf awtomatikament milli jkollu xi tip ta' effett, peress illi l-ħlas addizzjonali fuq il-liga kien xorta waħda applikabbli bis-saħħa tal-formola pre-eżistenti.

67. Il-Kummissjoni ssostni li Acerinox ma tistax sempliċement tafferma li l-ħlas addizzjonali fuq il-liga kellu jigi mħallas f'kull każ, kemm jekk huwa bbażat fuq il-formola użat qabel l-implimentazzjoni tal-kartell jew wara dan ta' l-aħħar. Ir-rabta bejn il-prezzijiet tan-nikil f'Lulju 1994 u l-limitu preċedenti li jwassal għall-ħlas addizzjonali fuq il-liga kienet dovuta għall-ċirkostanzi ekonomiċi fortunati u tiddependi fuq l-evoluzzjoni tas-suq tan-nikil. Dak li hu importanti, skond il-Kummissjoni, hu li l-ħlas addizzjonali fuq il-liga applikabbli bis-saħħa tal-formola ġdid ta' kalkolu ta' dan ta' l-aħħar kien minn dejjem superjuri għal dak pagabbli bis-saħħa tal-metodu preċedenti, huma x'inhuma l-prezzijiet tan-nikil.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68. Fil-punt 62 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li, safejn il-valuri ta' referenza tal-komponenti ta' il-liga li huma s-suġġett tal-ksur baqgħu l-istess, il-fatt li l-prezz tan-nikil reġa' laħaq, f'data partikolari, il-"livell inizjali" ma kienx ifisser li l-ksur kienet waqfet milli tipproduċi effetti anti-komprtittivi, iżda sempliċement li l-ħlas addizzjonali fuq il-liga kellu jiġi kkalkolat preċisament billi tali evoluzzjoni tittieħed in konsiderazzjoni. Il-Qorti tal-Prim'Istanza, għal dan il-motiv, ċaħdet l-argument ta' Acerinox bħala mhux fondat.

69. F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet l-argument ta' Acerinox billi weġbitu b'mod motivat. Fil-fatt, mill-punt 62 tas-sentenza kkontestata jirriżulta li t-tnaqqis miftiehem tal-valur ta' referenza tan-nikil kien jimplika li ħlas addizzjonali fuq il-liga kien applikabbli jekk il-prezzijiet ta' din is-sustanza prima kienu għola minn dan il-valur ġdid. Madankollu, Acerinox ma tispjega bl-ebda mod ir-raġuni għalfejn it-tnaqqis fil-prezzijiet tan-nikil minn Lulju 1994 kellu jżomm il-kartell milli jipproduċi l-effetti tiegħu.

70. F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ġustament l-argument ta' Acerinox bħala mhux rilevanti.

71. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi rrifjutat r-raba' motiv bħala manifestament mhux fondat.

Fuq il-ħames motiv

L-argumenti tal-partijiet

72. Permezz tal-ħames motiv tagħha, Acerinox tikkritika lill-Qorti tal-Prim'Istanza talli ma ħaditx in kunsiderazzjoni, fil-punt 90 tas-sentenza kkontestata, is-sehem tas-suq rispettiv ta' l-impriżi kkonċernati fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta' l-ammenda. Hija ssostni, b'mod partikolari, li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma kkunsidratx l-argument tagħha li d-differenza bejn il-perċentwali tagħha tas-suq u dak ta' Usinor, li hija ta' 7 punti, kienet tirrappreżenta 65% tal-perċentwali tagħha u kellha għalhekk tiġi kkunsidrata bħala sinifikanti ħafna. Barra minn hekk, il-fatt li din id-differenza hija waħda kbira m'huwiex ħlief wieħed mill-kriterji rilevanti għall-applikazzjoni ta' varjazzjoni applikabbli, skond il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li stabbiliet xi linji gwida għall-kalkolu ta' l-ammendi imposti bis-saħħa ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta' l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar 'il quddiem il-"linji gwida"). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma mmotivatx biżżejjed l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità fl-ammenda imposta fuq Acerinox.

73. Il-Kummissjoni ssostni li l-perċentwali ta' 65% huwa inkorett u li l-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament iddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li d-differenza bejn l-ishma fis-suq miżmuma mill-impriżi kkonċernati ma kinitx waħda kbira u li ma kinitx tiġġustifika li ammont ta' l-ammendi jiġi mwieżen skond is-sehem fis-suq ta' l-impriżi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

74. Il-Qorti tal-Prim'Istanza vverifikat il-fondatezza tal-formola użat mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-ammont ta' l-ammenda billi rreferiet, fil-punt 77 tas-sentenza kkontestata, għal-linji gwida. Hija rrilevat, fil-punti 78 sa 81 ta' din is-sentenza, li l-Kummissjoni kienet stabbiliet il-punt ta' tluq ta' l-ammont ta' l-ammenda skond il-gravità tal-ksur, konformement ma' l-imsemmija linji gwida.

75. F'dak li jikkonċerna d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jwieżenx dan l-ammont abbażi ta' l-impriżi kkonċernati, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, fil-punt 90 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni setgħet ġustament tibbaża ruħha b'mod partikolari fuq id-daqs u l-qawwa ekonomika ta' l-imsemmija impriżi billi kkonstatat li kienu kollha ta' dimensjoni kbira, wara li kienet preċedentement irrilevat li s-sitt impriżi kkonċernati kienu jirrappreżentaw iktar minn 80% tal-produzzjoni Ewropea ta' prodotti lesti ta' l- i stainless steel.

76. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ppreċiżat, fl-istess punt 90, li l-paragun magħmul minn Acerinox bejn is-sehem fis-suq tagħha, li kien ta' madwar 11%, u dawk ta' Ursinor, Ast u Avesta, li kienu jirrappreżentaw rispettivament madwar 18, 15 u 14% ta' l-imsemmi suq, mhuwiex ta' natura li jiżvela "differenza konsiderevoli" bejn dawn l-impriżi, fis-sens tas-sitt paragrafu tal-punt 1, A, tal-linji gwida, li tiġġustifika neċessarjament differenzjar għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

77. F'dan ir-rigward, għandha ssir riferenza għal-linji gwida. Is-sitt paragrafu tal-punt 1, A, ta' dawn jipprovdi li, fil-każ ta' ksurjiet li jinvolvu diversi impriżi, wara li l-ammont ta' l-ammenda ikun ġie determinat skond il-gravità tal-ksur, "jista' jkun appropjat li jiġu mwieżna, f'ċerti każijiet, l-ammonti stabbiliti [...] sabiex jiġi kkunsidrat il-kobor speċifiku, u konsegwentement l-impatt reali fuq il-kompetizzjoni, ta' l-imġieba illegali ta' kull impriża, b'mod partikolari meta jkun differenza konsiderevoli fid-daqs ta' l-impriżi li kkommettew ksur ta' l-istess natura."

78. Meta ddeċidiet li d-differenza bejn is-sehem fis-suq ta' Acerinox, li hu ta' madwar 11%, u dawk ta' Usinor, AST u Avesta, li huma ta' bejn 14 u 18% ta' l-istess suq, ma kinitx waħda konsiderevoli u meta ma aċċettatx il-perċentwali ta' 65% invokata minn Acérinox, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma ikkommettiet l-ebda żball ta' evalwazzjoni. Fil-fatt, hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni, din il-perċentwali hija żbaljata fis-sens li tagħti impressjoni sproporzjonata tad-differenza fl-ishma fis-suq ta' l-impriżi konċernati, ibbażata fuq paragun li m'huwiex rilevanti.

79. Barra minn hekk, barra mill-karattru allegatament konsiderevoli tad-differenza bejn l-ishma fis-suq rispettivi ta' Usinor u Acerinox, din ta' l-aħħar ma tressaq ebda kriterju ieħor li jista' jiġġustifika li jiġu mwieżna l-ammonti ta' l-ammendi, skond is-sitt paragrafu tal-punt 1, A, tal-linji gwida.

80. Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim'Istanza mmotivat korrettament il-konklużjoni li waslet għaliha, billi indikat li d-differenza bejn l-ishma fis-swieq ta' l-impriżi kkonċernati ma kinitx ta' natura li tiġġustifika li l-ammenda imposta fuq Acerinox tiġi mwieżna u ddeċidiet ġustament li l-ammont ta' tali ammenda ma kienx sproporzjonat.

81. F'dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li l-ħames motiv jiġi miċħud bħala mhux fondat.

Fuq is-sitt motiv

L-argumenti tal-partijiet

82. Permezz tas-sitt motiv tagħha, Acerinox issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkommettiet żball ta' dritt meta rrifjutat li tikkonċedilha tnaqqis ta' l-ammenda li ġiet imposta fuqha fuq l-istess livell li ngħata lill-impriżi l-oħra li pparteċipaw fil-kartell, peress illi hija kkontestat l-oġġezzjonijiet indirizzati lilha, minkejja li kienet ikkooperat mal-Kummissjoni b'mod paragunabbli ma' dak ta' dawk l-impriżi. Dan ir-rifjut huwa diskriminatorju u jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fondamentali tad-difiża.

83. Acerinox issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza rrikonoxxiet, fil-punt 139 tas-sentenza kkontestata, li l-grad ta' kooperazzjoni ta' l-imsemmija impriżi mal-Kummissjoni kien paragunabbli mill-perspettiva ta' l-ammissjoni tas-sustanza tal-fatti, jiġifieri l-parteċipazzjoni ta' dawn ta' l-aħħar fil-laqgħa ta' Madrid, in-natura tad-diskussjonijiet matul din il-laqgħa u l-miżuri meħuda sabiex jiġi applikat il-ħlas addizzjonali fuq il-liga. Il-Qorti tal-Prim'Istanza, madankollu, illimitat għal 20% it-tnaqqis ta' l-ammenda mogħtija lil Acerinox filwaqt li dan it-tnaqqis huwa ta' 40% fil-każ ta' Usinor. Acerinox issostni li l-attitudni tal-Qorti tal-Prim'Istanza prattikament tfisser li l-impriżi konċernati huma ttrattati b'mod differenti skond kif huma ddeċidew li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom bi tweġiba għad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet.

84. Il-Kummissjoni hi ta' l-opinjoni li, għall-kuntrarju ta' Usinor u Avesta li kkooperaw billi ammettew il-parteċipazzjoni tagħhom fil-kollużjoni, Acerinox ma setgħatx tibbenefika mill-istess tnaqqis ta' l-ammenda li giet konċessa liż-żewġ impriżi l-oħra.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

85. Sabiex jiġi stabbiliet jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza kkommettiet żball ta' dritt bil-konċessjoni ta' tnaqqis ta' l-ammenda imposta inqas sinifikanti minn dak allokat lill-Usinor u Avesta, għandha ssir riferenza għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-medda tas-setgħat tal-Kummissjoni fir-rigward tal-proċeduri ta' investigazzjoni preliminari u ta' proċeduri amministrattivi, fid-dawl tan-neċessità li jiġi assigurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

86. Skond is-sentenza tat-18 ta' Ottobru 1989, Orkem vs il-Kummissjoni (374/87, Ġabra p. 3283, punti 34 u 35), il-Kummissjoni hija fid-dritt li tobbliga impriża tipprovdilha l-informazzjoni kollha neċessarja li tikkonċerna l-fatti li hija jista' jkollha għarfien dwarhom, imma hija ma tistax timponi fuq din l-impriża l-obbligu li tipprovdi tweġibiet li bihom hija tiġi mwassla sabiex tammetti l-eżistenza tal-ksur li huwa għall-Kummissjoni li ġġib il-prova tiegħu.

87. Madankollu, anki jekk il-Kummissjoni ma tistax tobbliga impriża tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fi ksur, hija m'hijiex b'dan imwaqqfa milli tieħu in kunsiderazzjoni, fl-iffissar ta' l-ammont ta' l-ammenda, ta' l-għajnuna li din l-impriża, volontarjament, ipprovdietha sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur.

88. F'dan ir-rigward, mis-sentenza tas-16 ta' Novembru 2000, Finnboard vs il-Kummissjoni (C298/98 P, Ġabra p. I10157), u b'mod partikolari mill-punti 56, 59 u 60 tagħha, jirriżulta li l-Kummissjoni tista' tieħu in konsiderazzjoni, għall-finijiet ta' l-iffissar ta' l-ammont ta' ammenda, l-għajnuna li ngħatat lilha mill-impriża kkonċernata biex tikkonstata l-eżistenza ta' ksur b'inqas diffikultà u, b'mod partikolari, tal-fatt li impriża ammettiet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur. Hija tista' tikkonċedi diminuzzjoni sinifikattiva ta' l-ammont ta' l-ammenda tagħha lill-impriża li għenitha b'dan il-mod u talloka diminuzzjoni sostanzjalment inqas sinifikattiva lil impriża oħra li sempliċement ma ċaħditx l-allegazzjonijiet prinċipali ta' fatt li fuqhom il-Kummissjoni bbażat it-talbiet tagħha.

89. Hekk kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 140 tal-Konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi enfażizzat li l-ammissjoni ta' impriża tal-ksur allegat ghandha tkun ta' karattru purament volontarju. Din ta' l-aħħar mhija bl-ebda mod kostretta li tammetti l-eżistenza tal-kartell.

90. Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-teħid in kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni tal-grad ta' kooperazzjoni magħha ta' l-impriża kkonċernata, inkluż l-ammissjoni tal-ksur, għall-finijiet ta' l-impożizzjoni ta' ammenda ta' ammont iżgħar, ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża.

91. Huwa f'dan is-sens li għandha tiġi mifhuma l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u, b'mod partikolari, il-parti D tagħha, li tgħid li l-Kummissjoni tista' tikkonċedi lil impriża tnaqqis ta' 10 sa 50% ta' l-ammont ta' l-ammenda li kienet tiġi imposta fuqha f'każ ta' nuqqas ta' kooperazzjoni, b'mod partikolari meta din l-impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax is-sustanza tal-fatti li fuqhom din ta' l-aħħar tibbaża l-akkużi tagħha. Konsegwentement, it-tip ta' kooperazzjoni pprovduta mill-impriża kkonċernata u li tista' tagħti lok għal tnaqqis ta' ammenda m'hijiex limitata għall-ammissjoni tas-sustanza tal-fatti, imma tinkludi wkoll l-ammissjoni tal-parteċipazzjoni fil-ksur.

92. Fil-kawża preżenti, fil-punt 146 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza fakkret li, skond id-deċiżjoni kkontestata, Usinor u Avesta biss kienu rrikonoxxew l-eżistenza tal-kollużjoni. Hija ppreċiżat li, skond din id-deċiżjoni, Acerinox ammettiet li l-kollużjoni kienet seħħet filwaqt li ċaħdet li kienet ipparteċipat fih, b'tali mod li l-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni kienet iktar limitata minn dik ta' Usinor u Avesta.

93. Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punt 147 tas-sentenza kkontestata, li, jekk Acerinox ammettiet is-sustanza tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha, li ġġustifika tnaqqis ta' 10% ta' l-ammont ta' l-ammenda imposta fuq din il-kumpannija, mill-proċess ma jirriżulta bl-ebda mod li hija kienet ammettiet, b'mod espress, l-involviment tagħha fil-ksur.

94. Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat, fil-punt 148 tas-sentenza kkontestata, li tnaqqis ta' l-ammenda imposta huwa ġustifikat biss jekk l-imġieba ta' l-impriża kkonċernata ppermettiet lill-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-ksur b'inqas diffikultà u li dan m'huwiex il-każ peress illi, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, din l-impriża ċaħdet kull parteċipazzjoni fil-ksur.

95. Il-Qorti tal-Prim'Istanza minn dan ġustament ikkonkludiet, fil-punt 149 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni b'mod korrett ikkunsidrat, fid-dawl tat-tweġiba ta' Acerinox għad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, li din ta' l-aħħar ma kinitx ġabet ruħha b'mod li jiġġustifika tnaqqis supplementarju ta' l-ammont ta' l-ammenda minħabba l-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva.

96. Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

97. Mill-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu jirriżulta li biss l-ewwel motiv invokat minn Acerinox sabiex issostni l-appell tagħha huwa fondat.

Fuq il-konsegwenzi ta' l-annullament parzjali tas-sentenza kkontestata

98. Konformement ma' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 61, ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell huwa fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, hija tista' għaldaqstant jew taqta' definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, inkella tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza biex din tiddeċidiha.

99. Fil-każ preżenti, il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża f'dak li jikkonċerna l-motiv imressaq minn Acerinox fuq in-nuqqas ta' prova tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur fuq is-suq Spanjol u, b'mod partikolari, fuq in-nuqqas ta' valur probatorju tal-faks ta' Jannar 1994.

L-argumenti tal-partijiet

100. Quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, Acerinox sostniet li, minkejja li kienet ipparteċipat fil-laqgħa ta' Madrid, hija rrifjutat, matul din il-laqgħa, li tipparteċipa fis-sistema komuni tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga u, konsegwentement, hi qatt ma pparteċipat f'xi ftehim bl-iskop li tapplika dan il-ħlas addizzjonali fuq il-liga. Fil-fehma tagħha, il-faks ta' Jannar 1994 li tindika, skond il-punt 33 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li "Acerinox kienet iddikjarat li l-ħlasijiet addizzjonali fuq il-liga ser japplikaw mill-1 ta' April 1994 (iva April)", ma tikkostitwixxi bl-ebda mod prova tal-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell, b'mod partikolari fis-suq Spanjol.

101. F'dak li jikkonċerna din il-faks, Acerinox tesprimi ruħha, fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, kif ġej:

"Din l-informazzjoni dwar id-'dikjarazzjoni' magħmula minn [Acerinox], li kienet infisha inkoerenti meta mqabbla ma' l-attitudni adottata mill-bqija ta' l-industrija, kienet ineżatta. Ebda 'dikjarazzjoni' ta' din ix-xorta ma kien saret. [...] l-uniku pajjiż fejn Acerinox ħarġet lista ta' prezzijiet pubbliċi u konsegwentement, fejn hija "ddikjarat" il-prezzijiet tagħha, kien Spanja. M'hemmx kontestazzjoni dwar il-fatt li l-ebda modifika ma kienet saret lil din il-lista ta' prezzijiet qabel l-20 ta' Mejju 1994, meta r-rikorrenti ddikjarat lill-Kummissjoni u l-klijenti tagħha bid-deċiżjoni tagħha biex minn Ġunju 1994, tikkonforma, il-ħlas addizzjonali tagħha fuq il-liga ma' dak digà applikat minn Frar mill-konkorrenti tagħha fi Stati Membri oħra".

102. Fir-replika tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, Acerinox iżżid li l-kliem li ġew attribwiti lilha fl-imsemmija faks " pjuttost jikkonfermaw l-assenza ta' kull ftehim jew prattika miftiehma fuq il-posponiment ta' l-applikazzjoni tal-ħlas addizzjonali mir-rikorrenti. M'hemmx kontestazzjoni dwar il-fatt li l-informazzjoni kienet żbaljata. Kieku kien hemm xi tip ta' ftehim jew prattika miftiehma, wieħed seta' jistenna li d-dikjarazzjoni tkun preċiża".

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

103. Għandu jiġi mfakkar, kif jiġi rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 200 tal-Konklużjonijiet tiegħu, li, f'każ ta' kontroversja fuq l-eżistenza ta' ksur tar-regoli ta' kompetizzjoni, hij a l-Kummissjoni li għandha ġġib il-prova tal-ksur li hija tikkonstata u li tipprovdi l-elementi ta' prova li jistgħu juru, skond il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu dan il-ksur.

104. F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ċerti punti kienu ġew stabbiliti mill-Kummissjoni u ma ġewx ikkontestati minn Acerinox:

- l-ewwelnett, il-Kummissjoni tippreċiża, fil-punt 21 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li Acerinox organizzat il-laqgħa ta' Madrid u li hija kienet waħda mill-parteċipanti f'din il-laqgħa;

- imbagħad, hekk kif Acerinox issemmi, hija applikat il-ħlas addizzjonali fuq il-liga, billi użat l-istess formula bħal dik adottata matul din il-laqgħa, minn Frar 1994 fid-Danimarka, imbagħad fi Stati Membri oħra bejn ix-xhur ta' Marzu u Ġunju segwenti. L-applikazzjoni tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga fi Spanja kienet prevista għal Ġunju ta' l-imsemmija sena;

- fl-aħħarnett, il-faks ta' Jannar 1994, miktuba mir-rappreżentant ta' Avesta fil-laqgħa ta' Madrid u mibgħuta wara din il-laqgħa, tippreżenta lil Acerinox bħala waħda mill-impriżi li kienu ipparteċipaw f'din il-laqgħa u waħda li kienet digà uriet l-intenzjoni tagħha sabiex tapplika il-ħlasijiet addizzjonali fuq il-liga.

105. Għal dak li jikkonċerna l-imsemmija faks, anki jekk Acerinox tpoġġi l-interpretazzjoni tagħha f'dubbju, hija ma tikkontesta la l-eżistenza tagħha u lanqas il-fatt li hija kien fiha l-kliem attribwiti għaliha. Peress illi din il-faks ġiet miktuba wara l-laqgħa ta' Madrid u peress li kienet tindika minn Jannar 1994, li, Acerinox kienet uriet l-intenzjoni tagħha li tapplika il-ħlasijiet addizzjonali fuq il-liga adottati matul din il-laqgħa, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tikkunsidra li hija kienet tikkostitwixxi dokument li jista' jipprova l-parteċipazzjoni ta' din l-impriża fil-ksur.

106. Il-fatt li d-data msemmija fil-faks ma kinitx tikkorrispondi ma' dawk ta' l-applikazzjoni effettiva tal-ħlasijiet addizzjonali fuq il-liga minn Acerinox fl-Istati Membri m'huwiex biżżejjed sabiex id-dokument jiġi miċħud bħala element ta' prova ta' l-intenzjoni murija minn din ta' l-aħħar li tipproċedi għal tali applikazzjoni.

107. Fid-dawl tal-fatti rrilevati fil-punt 104 ta' din is-sentenza, il-Kummissjoni setgħat, mingħajr ma twettaq żball ta' evalwazzjoni, tasal għall-konklużjoni li Acerinox kienet ipparteċipat fil-ftehim fl-Istati Membri kollha kkonċernati, inkluża Spanja.

108. Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-motiv mqajjem minn Acerinox sabiex issostni r-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, jiġifieri li l-faks ta' Jannar 1994 ma tistax isservi ta' element ta' prova li juri l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi kartell m'huwiex fondat u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

109. Konsegwentement, ir-rikors ta' Acerinox quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, safejn huwa bbażat fuq l-imsemmi motiv, għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

110. Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta' definittivament l-kontroversja hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Taħt l-ewwel paragrafu, l-Artikolu 69(2), ta' l-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta' l-appell skond l-Artikolu 118 tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, jekk tkun saret talba f'dan is-sens. Peress illi l-Kummissjoni talbet li Acerinox tiġi ordnata tbati l-ispejjeż u peress illi din ta' l-aħħar tilfet il-biċċa l-kbira tal-motivi tagħha fil-kuntest ta' l-appell kif ukoll l-uniku motiv tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li ġie kkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja wara l-annullament parzjali tas-sentenza kkontestata, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż ta' din l-istanza. F'dak li jirrigwarda l-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-Prim'Istanza li wasslu għas-sentenza kkontestata, dawn għandhom jiġu mħallsa skond il-modalitajiet stabbiliti fil-punt 3 tal-parti operattiva ta' din is-sentenza.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeciedi li:

1) Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-13 ta' Diċembru 2001, Acerinox vs il-Kummissjoni (T48/98), hija annullata safejn hija ċaħdet il-motiv mqajjem minn Compañía española para la fabricación de aceros inoxydables SA (Acerinox), ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni dwar l-allegata parteċipazzjoni ta' din ta' l-aħħar fi ftehim fuq is-suq Spanjol.

2) Il-bqija ta' l-appell huwa miċħud.

3) Ir-rikors għall-annullament ta' Compañía española para la fabricación de aceros inoxidables SA (Acerinox), safejn huwa fondat fuq il-motiv ibbażat fuq żball magħmul mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej billi tat valur probatorju lill-faks mibgħuta fl-14 ta' Jannar 1994 minn Avesta Sheffield AB lis-sussidjarji tagħha, huwa miċħud.

4) Compañía española para la fabricación de aceros inoxidables SA (Acerinox) hija ordnata tbati l-ispejjeż ta' din l-istanza. L-ispejjeż marbuta mal-proċedura fl-ewwel istanza li wasslet għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza msemmija fil-punt 1 tal-parti operattiva ta' din is-sentenza għandhom jiġu mħallsa skond il-modalitajiet stabbiliti fil-punt 3 tal-parti operattiva ta' dik is-sentenza.

Top