Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62001CJ0322

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Diċembru 2003.
    Deutscher Apothekerverband eV vs 0800 DocMorris NV u Jacques Waterval.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Landgericht Frankfurt am Main - il-Ġermanja.
    Direttivi 92/28/KEE u 2000/31/KE.
    Kawża C-322/01.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2003:664

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

    11 ta’ Diċembru 2003 (*)

    “Artikoli 28 KE u 30 KE – Direttivi 92/28/KEE u 2000/31/KE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi l-bejgħ bl-internet ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem minn spiżeriji stabbiliti fi Stat Membru ieħor – Ħtieġa ta’ preskrizzjoni medika għall-kunsinna – Projbizzjoni tar-reklamar għall-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali”

    Fil-Kawża C‑322/01,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE mil-Landgericht Frankfurt am Main (il-Ġermanja) u intiża biex tikseb, fil-kawża pendenti quddiemha bejn

    Deutscher Apothekerverband eV

    u

    0800 DocMorris NV,

    Jacques Waterval,

    deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE, kif ukoll ta’ l-Artikoli 1(3) u (4), 2 u 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/28/KEE, tal-31 ta’ Marzu 1992, dwar ir-reklamar fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 113, p. 13), moqrija flimkien mad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva fuq il-kummerċ elettroniku”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25 p. 399),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

    komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, C. Gulmann, J. N. Cunha Rodrigues u A. Rosas, Presidenti ta’ Awla, D. A. O. Edward (Relatur), A. La Pergola, J.‑P. Puissochet, R. Schintgen, F. Macken, N. Colneric, u S. von Bahr, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

    Reġistratur: H. A. Rühl, Amministratur Prinċipali,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

    –        għal Deutscher Apothekerverband eV, minn C. Dechamps, avukat, assistit minn J. Schwarze,

    –        għal 0800 DocMorris NV u M. Waterval, minn C. Koenig, professur,

    –        għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing u B. Muttelsee-Schön, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Elleniku, minn F. Georgakopoulos u D.Kalogiros, kif ukoll minn E.-M. Mamouna, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u R. Loosli-Surrans, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Irlandiż, minn D. J. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn N. Hyland, barrister,

    –        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

    –        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J.‑C. Schieferer, bħala aġent, assistit minn M. Núñez Müller, avukat,

    wara li rat ir-rapport tas-seduta,

    wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ Deutscher Apothekerverband eV, irrappreżentat minn C. Dechamps, assistit minn J. Schwarze, ta’ 0800 DocMorris NV u ta’ J. Waterval, irrappreżentati minn C. Koenig, tal-Gvern Ġermaniż, irrappreżentat minn W.‑D. Plessing, tal-Gvern Grieg, irrappreżentat minn D. Kalogiros u M. Apessos, bħala aġenti, tal-Gvern Franċiż, irrappreżentat minn R. Loosli‑Surrans, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn J.‑C. Schieferer, fis-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2002,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Marzu 2003,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        B’digriet tal-10 ta’ Awwissu 2001, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Awwissu 2001, il-Landgericht Frankfurt am Main għamlet, skond l-Artikolu 234 KE, tliet domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE, kif ukoll ta’ l-Artikoli 1(3) u (4), 2 u 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/28/KEE, tal-31 ta’ Marzu 1992, dwar ir-reklamar fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 113, p. 13), moqrija flimkien mad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).

    2        Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ kawża bejn Deutscher Apothekerverband eV (iktar ’il quddiem l-“Apothekerverband”) u 0800 DocMorris NV (iktar ’il quddiem “DocMorris”) u J. Waterval dwar il-bejgħ bl-internet ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem fi Stat Membru differenti min dak fejn DocMorris u J. Waterval huma stabbiliti.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

     Id-direttivi li jirregolaw il-bejgħ tal-prodotti mediċinali

    3        Id-Direttiva tal-Kunsill 65/65/KEE, tas-26 ta’ Jannar 1965, dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi relatati mal-prodotti mediċinali (ĠU 1965, 22, p. 369), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 93/39/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993 (ĠU L 214, p. 22, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 65/65”), tissuġġetta t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mediċinali għal awtorizzazzjoni minn qabel. L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:

    “L-ebda prodott mediċinali ma jista’ jitqiegħed fis-suq ta’ xi Stat Membru sakemm ma tinħariġx awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru skond din id-direttiva jew sakemm ma tingħatax awtorizzazzjoni skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2309/93, tat-22 ta’ Lulju 1993, li jistipula proċeduri tal-Komunità għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Valutazzjoni ta’ Prodotti Mediċinali [ĠU  Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 12, p. 151]

    Id-disposizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma għandhomx jaffetwaw is-setgħat ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri kemm fejn għandu x’jaqsam it-tfassil ta’ prezzijiet għall-prodotti mediċinali jew l-inklużjoni tagħhom fl-iskop ta’ skemi nazzjonali dwar sigurtà tas-saħħa, fuq il-bażi ta’ kondizzjonijiet ta’ saħħa u dawk ekonomiċi u soċjali.”

    4        Mit-18 ta’ Diċembru 2001, id-Direttiva 65/65 tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Novembru 2001, dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27 p. 69, iktar ’il quddiem l-“Kodiċi Komunitarju”). Skond l-Artikolu 6(1) tal-Kodiċi Komunitarju, li jidher fit-Titolu III tiegħu, bl-isem “Tqegħid fis-suq”, Kapitolu 1, li jirrigwarda l-“[a]wtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq”:

    “L-ebda prodott mediċinali ma jista’ jitqiegħed fis-suq ta’ Stat Membru kemm-il darba ma jkunx inħareġ permess ta’ tqegħid fis-suq mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru skond din id-direttiva jew jekk awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ma tkunx ingħatat skond ir-Regolament (KEE) Nru 2309/93”.

     Id-direttivi dwar il-klassifikazzjoni fir-rigward tal-provvista ta’ prodotti mediċinali

    5        Id-Direttiva 92/26/KEE, tal-31 ta’ Marzu 1992, fuq il-klassifikazzjoni għall-provvista ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 113, p. 5), kienet tipprovdi, fl-Artikolu 2(1) tagħha, li meta jagħtu awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jispeċifikaw il-klassifikazzjoni tal-prodott mediċinali, jew bħala prodott mediċinali suġġett għal preskrizzjoni medika, jew bħala prodott mediċinali mhux suġġett għal preskrizzjoni medika, u għal dan il-għan, huma għandhom japplikaw il-kriterji elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ l-istess direttiva. Skont din id-dispożizzjoni:

    “Prodotti mediċinali għandhom ikunu suġġetti għal preskrizzjoni medika meta:

    –        x’aktarx ikunu ta’ periklu dirett jew indirett, anke meta użati kif imiss, jekk utilizzati mingħajr preskrizzjoni medika,

    jew

    –        –       jintużaw ta’ spiss u fil-biċċa l-kbira mhux b’mod korrett, u bħala riżultat x’aktarx huma ta’ perikolu dirett jew indirett għas-saħħa tal-bniedem

    jew

    –        li jkun fihom sustanzi jew preparazzjonijiet tagħhom, li l-attività u/jew ir-reazzjonijiet ħżiena tagħhom jeħtieġu aktar investigazzjoni,

    jew

    –        huma, b’xi eċċezzjonijiet, preskritti minn tabib biex jiġu amministrati b’mod mhux orali.”

    6        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/26 kien jispeċifika li l-prodotti mediċinali mhux suġġetti għal preskrizzjoni huma dawk li ma jirriflettux il-kriterji elenkati fl-Artikolu 3 tagħha. Din id-direttiva tħassret u ġiet issostitwita bid-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI tal-Kodiċi Komunitarju, bl-isem “Klassifikazzjoni ta’ prodotti mediċinali”. L-Artikolu 70 ta’ l-istess Kodiċi jirrepeti, f’termini analogi, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/26, filwaqt li l-Artikoli 71(1) u 72 ta’ dan il-Kodiċi jirrepetu rispettivament, f’termini analogi wkoll, l-Artikoli 3(1) u 4 ta’ l-imsemmija direttiva.

     Id-direttivi dwar ir-reklamar tal-prodotti mediċinali

    7        L-Artikolu 1(3) u (4) tad-Direttiva 92/28 kien jipprovdi:

    “3. Għall-għanijiet ta’ din id-direttiva ‘reklamar ta’ prodotti mediċinali’ għandu jinkludi kull forma ta’ informazzjoni bieb-bieb, attività ta’ kkanvassjar jew inkoraġġiment bl-għan li jippromwovi l-preskrizzjoni, provvista, bejgħ jew konsum ta’ prodotti mediċinali; għandu jinkludi b’mod partikolari:

    –        ir-reklamar ta’ prodotti mediċinali għall-pubbliku ġenerali,

    –        ir-reklamar ta’ prodotti mediċinali għal persuni kkwalifikati biex jiktbuhom jew jipprovduhom,

    –        żjarat minn rappreżentanti li jbiegħu mediċini lil persuni kkwalifikati biex jiktbu prodotti mediċinali,

    –      il-provvista ta’ kampjuni,

    –        il-provvediment ta’ tħajjir għall-preskrizzjoni jew il-forniment ta’ prodotti mediċinali permezz ta’ rigal, offerta jew wegħda ta’ xi benefiċċju jew bonus, kemm fi flus kif ukoll b’oġġetti, ħlief fejn il-valur intrinsiku tagħhom ikun minimu,

    –        sponsorizzazzjoni ta’ laqgħat promozzjonali li għalihom jattendu persuni kkwalifikati biex jippreskrivu jew jissuplixxu prodotti mediċinali,

    –        sponsorizzazzjoni ta’ kungressi xjentifiċi li għalihom jattendu persuni kkwalifikati biex jippreskrivu jew jissupplixxu prodotti mediċinali u b’mod partikolari ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivjaġġar u akkomodazzjoni relatata miegħu.

    4.      Dawn li ġejjin mhumiex koperti minn din id-direttiva:

    –        l-ittikkettjar u l-fuljetti fil-pakkett, li huma suġġetti għad-disposizzjonijiet tad-Direttiva 92/27/KEE,

    –        korrispondenza, possibilment flimkien ma’ materjal ta’ natura mhux promozzjonali, meħtieġ biex titwieġeb xi mistoqsija speċifika dwar prodott mediċinali partikolari,

    –        stqarrijiet fattwali u informattivi u materjal referenzjali li għandu x’jaqsam, pereżempju, ma’ bidliet ta’ pakketti, twissijiet dwar reazzjonijiet ħżiena bħala parti minn prekawzjonijiet ġenerali dwar drogi, katalgi tal-kummerċ u listi ta’ prezzijiet, sakemm ma jkun fihom l-ebda riklamar dwar il-prodott,

    –        dikjarazzjonijiet dwar is-saħħa tal-bniedem jew mard, sakemm ma jkunx hemm referenza, anke indiretta, għal prodotti mediċinali.”

    8        L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 92/28 kien jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu kull reklamar ta’ prodott mediċinali li dwaru ma ngħatatx awtorizzazzjoni għal-tqegħid fis-suq skond il-liġi tal-Komunità.”

    9        L-Artikolu 3(1) sa (3) ta’ l-istess direttiva, li jinsab fil-Kapitolu II tagħha, bit-titolu “Ir-reklamar għall-pubbliku” kien jipprovdi:

    “1.      L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu r-reklamar lill-pubbliku ġenerali ta’ prodotti mediċinali li:

    –        huma disponibbli biss fuq preskrizzjoni medika, skond id-Direttiva 92/26/KEE,

    –        ikun fihom sustanzi psikotropiċi jew narkotiċi, taħt il-konvenzjonijiet internazzjonali,

    –        ma jistgħux ikunu reklamati lill-pubbliku ġenerali skond is-subparagrafu 2.

    2.      Prodotti mediċinali jistgħu jkunu reklamati mal-pubbliku ġenerali li, minħabba l-komposizzjoni u l-għanijiet tagħhom, huma maħsuba u magħmulin għal użu mingħajr l-indħil ta’ tabib għal għanijiet dijanjostiċi jew għall-preskrizzjoni jew il-monitoraġġ tal-kura, bil-parir ta’ l-ispiżjar, jekk ikun hemm bżonn.

    […]

    3.      Barra minn hekk l-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu, fit-territorju tagħhom, reklamar għall-pubbliku ġenerali ta’ prodotti mediċinali li l-prezz tagħhom jista’ jiġi mogħti lura.”

    10      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/28 jispeċifika l-elementi li ma jistgħux ikunu fir-reklamar ta’ prodott mediċinali lill-pubbliku inġenerali.

    11      Mit-18 ta’ Diċembru 2001, anki d-Direttiva 92/28 tħassret u ġiet issostitwita bil-Kodiċi Komunitarju. L-Artikolu 86 ta’ dan il-kodiċi, li jinsab fit-Titolu VIII tiegħu intitolat “Reklamar”, jirrepeti f’termini kważi identiċi l-Artikolu 1(3) u (4) ta’ din id-direttiva.

    12      L-Artikolu 87 tal-Kodiċi Komunitarju, li jissostitwixxi l-Artikolu 2 tad-Direttva 92/28 jipprovdi:

    “1      L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu kull reklamar ta’ prodott mediċinali li dwaru ma ngħatatx awtorizzazzjoni għal-tqegħid fis-suq skond il-liġi tal-Komunità.

    2.      Il-partijiet kollha tar-reklamar ta’ prodott mediċinali għandhom jikkonformaw mad-dettalji elenkati fis-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott.

    3.      Ir-reklamar ta’ prodott mediċinali:

    –        għandu jinkoraġġixxi l-użu razzjonali tal-prodott mediċinali, billi jippreżentah oġġettivament u mingħajr ma jkabbar iż-żejjed il-proprjetajiet tiegħu,

    –        ma għandux ikun qarrieqi.”

    13      L-Artikolu 88 tal-Kodiċi Komunitarju jirrepeti l-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/28 f’termini analogi, billi jagħmel riferiment, minflok għad-Direttiva 92/26, għat-Titolu VI ta’ l-istess kodiċi dwar il-klassifikazzjoni tal-prodotti mediċinali. Skond dan l-Artikolu 88(1) u (2):

    “1.      L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu r-reklamar lill-pubbliku ġenerali ta’ prodotti mediċinali li:

    –        huma disponibbli biss fuq preskrizzjoni medika, skond it-Titolu VI,

    –        ikun fihom sustanzi psikotropiċi jew narkotiċi, bħall-konvenzjonijiet internazzjonali […],

    –        ma jistgħux ikunu reklamati lill-pubbliku ġenerali skond is-subparagrafu 2.

    2.      Prodotti mediċinali jistgħu jkunu reklamati mal-pubbliku ġenerali li, minħabba l-komposizzjoni u l-għanijiet tagħhom, huma maħsuba u magħmulin għal użu mingħajr l-indħil ta’ tabib għal għanijiet dijanjostiċi jew għall-preskrizzjoni jew il-monitoraġġ tal-kura, bil-parir ta’ l-ispiżjar, jekk ikun hemm bżonn.

    […]”

    14      L-Artikolu 90 tal-Kodiċi Komunitarju jirrepeti l-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/28.

     Id-direttivi fuq il-bejgħ mill-bogħod u l-kummerċ elettroniku

    15      Id-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3 p. 319) tirregola l-bejgħ mill-bogħod. Skond l-Artikolu 1 tagħha, l-oġġettiv ta’ din id-direttiva huwa li jkunu approssimati l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw il-kuntratti mill-bogħod bejn il-konsumaturi u l-fornituri.

    16      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 97/7 jipprovdi:

    “L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu, fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, dispożizzjonijiet aktar stretti kompatibbli mat-Trattat [KE], sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom, fejn xieraq, jinkludu projbizzjoni, fl-interess ġenerali, dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti jew servizzi, partikolarment prodotti mediċinali, fit-territorju tagħhom permezz ta’ kuntratti mill-bogħod, b’kunsiderazzjoni xierqa mogħtija lit-Trattat.”

    17      Id-Direttiva fuq il-kummerċ elettroniku hija intiża biex tiżgura l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni bejn l-Istati Membri. Skond il-ħdax-il premessa ta’ din id-direttiva:

    “Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-livell ta’ protezzjoni għal, partikolarment, is-saħħa pubblika u l-interessi tal-konsumatur, kif stabbilit b’atti tal-Komunità; fost oħrajn, [...] id-Direttiva 97/7/ [...] [tagħmel] parti minn element vitali ta’ protezzjoni tal-konsumatur f’materji kontrattwali [...] l-istess acquis tal-Komunità, li huwa applikabbli bis-sħiħ għal servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, tinkorpora ukoll partikolarment [...] id-Direttiva 92/38 [...]”

    18      Il-wieħed u għoxrin premessa tad-Direttiva fuq il-kummerċ elettroniku tippreċiża:

    “L-iskop ta’ qasam ikkordinat huwa mingħajr preġudizzju għal armonizzazzjoni futura fil-Komunità li tirrigwarda servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni u għal leġislazzjoni futura adottata f’livell nazzjonali bi qbil mal-liġi tal-Komunità; il-qasam kordinat ikopri biss ħtiġijiet li jirrigwardjaw attivitajiet online bħal ma hija informazzjoni minn, reklamar online, xiri online, kuntratti online u ma tikkonċernax il-ħtiġijiet legali ta’ Stati Membri li jirrigwardaw oġġetti bħal ma huma normi ta’ sigurtà, obbligu ta’ tikkettjar, jew responsabbilità għal oġġetti, jew il-ħtiġijiet ta’ Stati Membri li jirrigwardaw il-kunsinna jew it-trasport ta’ oġġetti, inkluża d-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċi; il-qasam kordinat ma jkoprix l-eżerċitar ta’ drittijiet ta’ irkupru minn awtoritajiet pubbliċi li jikkonċerna ċerti oġġetti bħal ma huma xogħolijiet ta’ l-arti.”

    19      L-Artikolu 1 tad-Direttiva fuq il-kummerċ elettroniku, intitolat “Għan u qasam ta’ applikazzjoni”, fil-paragrafi (1) sa (3) tiegħu jipprovdi:

    “1.      Din id-Direttiva tfittex li tikkontribwixxi għal funzjonament sewwa tas-suq intern billi tassigura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri ta' servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni.

    2.      Din id-Direttiva tressaq, sal-limiti meħtieġa għall-akkwist tal-għanijiet stipulati fil-paragrafu 1, ċerti disposizzjonijiet nazzjonali dwar servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni li jirrigwardaw is-suq intern, l-istabbiliment ta’ dawk li jipprovdu servizzi, komunikazzjonijiet kummerċjali, kuntratti elettroniċi, ir-responsabbilità ta’ intermedjarji, kodiċi ta’ kondotta, ftehim fuq kwistjonijiet barra mill-qorti, azzjonijiet ġudizzjarji u koperazzjoni bejn Stati Membri.

    3.      Din id-Direttiva tikkumplementa l-liġi tal-Komunità applikabbli għal servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni mingħajr preġudizzju għall-livell ta' protezzjoni ta’, partikolarment, interessi tas-saħħa pubblika u tal-konsumatur, kif stabbiliti b’atti tal-Komunità u leġislazzjoni nazzjonali li timplementahom sal-limiti li ma jirrestrinġix il-libertà li jkunu provduti servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni.”

    20      Skond l-Artikolu 3(2) ta’ l-istess direttiva:

    “L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor”

    21      L-Artikolu 3(4)(a) ta’ l-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jidderogaw mill-paragrafu 2 fir-rigward ta’ servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu mwettqa:

    a)      il-miżuri għandhom ikunu:

    i)      meħtieġa għal waħda minn dawn ir-raġunijiet:

    –        […]

    –        il-protezzjoni tas-saħħa pubblika,

    –        […]

    ii)      meħuda kontra servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l- informazzjoni mingħajr preġudizzju għall-għanijiet li hemm referenza għalihom f’punt (1) jew li jippreżentaw riskju serju u gravi għal dawk l-għanijiet;

    iii)  proporzjonat għal dawk l-għanijiet”.

    22      L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva fuq il-kummerċ elettroniku jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-direttiva qabel is-17 ta’ Jannar 2002.

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

     Il-bejgħ ta’ prodotti mediċinali

    23      Il-kummerċ tal-prodotti mediċinali fil-Ġermanja huwa rregolat mill- Arzneimittelgesetz (Liġi fuq il-prodotti mediċinali), fil-verżjoni tagħha tas-7 ta’ Settembru 1998 (BGB1. 1998 I, p. 2649, iktar ’il quddiem il-“AMG”).

    24      L-Artikolu 43(1) ta’ l-AMG jipprojbixxi l-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali li l-bejgħ tagħhom huwa rriżervat esklużivament għall-ispiżeriji. Skond din id-dispożizzjoni:

    “Il-prodotti mediċinali [...] li ma humiex għall-bejgħ liberu barra l-ispiżeriji skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 44 jew id-dispożizzjonijiet legali adottati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 45(1) jistgħu, bla ħsara għall-każ previst fl-Artikolu 47, jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni professjonalment jew kummerċjalment għall-konsum finali biss fl-ispiżeriji u mhux permezz tal-bejgħ bil-korrispondenza [...], ħlief għall-ispiżeriji, ma għandu jkun hemm l-ebda kummerċ ta’ prodotti mediċinali li huma rriżervati għal dawn ta’ l-aħħar skond l-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni.”

    25      L-AMG tistabbilixxi sensiela ta’ eċċezzjonijiet għal din il-projbizzjoni li, madankollu, ma humiex applikabbli fil-kawża prinċipali. Għalhekk, skond l-Artikolu 44 ta’ l-AMG, ċerti mediċini li ma humiex intiżi biex jintużaw bħala prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem ma humiex suġġetti għall-bejgħ esklużiv fi spiżerija. L-Artikolu 45(1) ta’ l-AMG jawtoritzza lill-Ministeru Federali kompetenti biex jawtorizza t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ ċerti preparazzjonijiet minbarra l-ispiżeriji. L-Artikolu 47 ta’ l-AMG jistabbilixxi eċċezzjonijiet invista tal-provvista diretta ta’ mediċini lill-isptarijiet mingħajr ma wieħed jirrikorri għall-ispiżeriji.

    26      L-Artikolu 73(1) ta’ l-AMG jistabbilixxi wkoll projbizzjoni għall-prodotti mediċinali li ma jikkonformawx ma’ din il-liġi fit-termini li ġejjin:

    “(1) Il-prodotti mediċinali suġġetti għal approvazzjoni jew għal reġistrazzjoni jistgħu jiddaħħlu fit-territorju li fih din il-liġi hija applikabbli biss […] jekk huma approvati jew irreġistrati għad-distribuzzjoni f’dan it-territorju jew jekk dawn huma eżenti mill-approvazzjoni jew mir-reġistrazzjoni u taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    1.      jekk il-prodott huwa importat minn Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej jew minn Stat ieħor li huwa parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, id-destinatarju għandu jkun imprenditur farmaċewtiku, bejjiegħ bl-ingross, veterinarju jew persuna li tmexxi spiżerija jew;

    2.      [...]”

    27      Il-punt 6a ta’ l-Artikolu 73(2) ta’ l-AMG jipprovdi deroga għal din il-projbizzjoni għal prodotti mediċinali li “jistgħu jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni fil-pajjiż ta’ provenjenza u li nxtraw mingħajr intermedjarju professjonali jew kummerċjali, fi kwantitajiet li ma jaqbżux il-bżonnijiet personali normali, fi Stat Membru tal-Komunità Ewropea jew Stat ieħor parti għall-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea”. Skond il-Gvern Ġermaniż, l-inklużjoni ta’ l-espressjoni “mingħajr intermedjarju professjonali jew kummerċjali” hija intiża biex tipprevjeni li l-importazzjoni individwali, għall-bżonnijiet personali, tiġi żviluppata għal livell professjonali, inkluż permezz ta’ bejgħ bil-korrispondenza, u b’hekk il-projbizzjoni tiġi evitata.

    28      Fir-rigward tal-bejgħ ta’ prodotti mediċinali fl-ispiżeriji, dawn ta’ l-aħħar għandhom jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Apothekenbetriebsordnung (Kodiċi ta’ Deontoloġija ta’ l-ispiżjara, iktar ’il quddiem l-“ABO”). L-Artikolu 2(2) ta’ l-ABO jipprovdi:

    “L-amministratur ta’ l-ispiżerija għandu jmexxi l-ispiżerija personalment. Huwa responsabbli għall-fatt li l-ispiżerija tiġi operata fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ”

    29      Barra minn hekk, l-ABO jobbliga lill-ispiżjar li jeżamina l-prodotti mediċinali li jiġu kkunsinnati lilu qabel ma jbiegħhom (Artikolu 12 ta’ l-ABO), li jkollu għażla sħiħa jew ikun f’pożizzjoni li jġib fi ftit sigħat preparazzjonijiet li l-klijenti tiegħu jkollhom bżonn (Artikolu 15), li jagħti personalment il-prodotti mediċinali lill-klijent jew permezz tal-persunal ta’ l-ispiżerija tiegħu li jkollu konoxxenza speċjali (Artikolu 17(1)), li jinforma u jikkonsulta mal-klijent, li jeżamina, jekk ikun il-każ, jekk ir-riċetta medika fihiex żbalji (Artikolu 17(2)), li f’każ ta’ dubju jitkellem mat-tabib li jkun ħareġ ir-riċetta (Artikolu 17(5)) u jipposponi l-provvista ta’ prodotti mediċinali f’każ ta’ suspett raġonevoli li hemm abbuż (Artikolu 17(8)).

    30      Għandu jingħad ukoll li l-Arzneimittelpreisverordnung (regolament fuq il-prezzijiet tal-prodotti mediċinali, iktar ’il quddiem l-“APO”) jistabbilixxi regolamentazzjoni tal-prezzijiet li bihom il-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika għandhom jinbiegħu lill-konsumaturi finali. Filwaqt li l-manifatturi tal-prodotti mediċi jistgħu jiffissaw liberament il-prezzijiet tagħhom, il-prezzijiet li bihom il-prodotti mediċinali jinbiegħu għall-konsum finali huma ffissati mill-APO b’mod li fl-ispiżeriji Ġermaniżi kollha, hemm prezz wieħed għall-istess prodott mediċinali.

     Id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar ir-reklamar tal-prodotti mediċinali.

    31      Skond l-Artikolu 3a tal-Heilmittelwerbegesetz (Liġi dwar ir-reklamar tal-prodotti mediċinali, iktar ’il quddiem il-“HWG”), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fid-19 ta’ Ottubru 1994, (BGB1. 1994 I, p. 3068):

    “Kull reklamar ta’ prodotti mediċinali li huma suġġetti għal awtorizzazzjoni u li ma humiex awtorizzati jew ikkunsidrati bħala awtorizzati bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-prodotti farmaċewtiċi huwa illegali.”

    32      l-Artikolu 8 tal-HWG jipprovdi:

    “(1) Kull reklamar għall-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali li l-provvista tagħhom hija riżervata għall-ispiżeriji huwa illegali . Din il-projbizzjoni ma tapplikax għal reklamar li jirrigwarda l-provvista ta’ prodotti mediċinali fil-każijiet previsti fl-Artikolu 47 tal-[AMG].

    (2) Barra minn dan, ir-reklamar għall-bejgħ ta’ prodotti mediċinali permezz tal-bejgħ fuq it-television jew ta’ ċerti prodotti mediċinali permezz ta’ l-importazzjoni individwali taħt il-punt 6a ta’ l- Artikolu 73(2) jew l-Artikolu 73(3) tal-[AMG] huwa illegali.”

    33      L-Artikolu 10 tal-HWG jipprovdi li:

    “(1) Fir-rigward ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika, ir-reklamar jista’ jiġi indirizzat biss lil tobba, lil dentisti, lil veterinarji, lil spiżjarja jew lil persuni awtorizzati li jinnegozjaw f’dawn il-prodotti mediċinali.

    (2) Fir-rigward ta’ prodotti mediċinali li huma intiżi biex jipprovdu rimedju, fil-bnedmin, għal problemi ta’ l-insomnja jew problemi psikiċi jew biex jinfluwenzaw il-burdata, ma huwa awtorizzat l-ebda reklamar barra l-ambjenti professjonali.”

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    34      L-Apothekerverband, li hija l-attur fil-kawża prinċipali, hija assoċjazzjoni li għandha bħala għan li tiddefendi u tippromwovi l-interessi ekonomiċi u soċjali tal-professjoni ta’ l-ispiżjara. Il-membri tagħha huma l-Landesapothekerverbände u l-Landesapothekervereine (federazzjonijiet u assoċjazzjonijiet ta’ spiżjara fil-livell tal-Länder) li jirrappreżentaw iktar minn 19 000 amministratur ta’ spiżeriji, li jiġbru l-maġġoranza tal-21 600 spiżerija fil-Ġermanja.

    35      DocMorris, l-ewwel konvenuta fil-kawża prinċipali, hija kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita f’Landgraaf (il-Pajjiżi l-Baxxi). Minbarra l-kummerċ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali, hija teżerċita wkoll attività farmaċewtika “klassika”, permezz ta’ spiżerija tradizzjonali, miftuħa għall-pubbliku, li tinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi. Kemm din l-attività kif ukoll is-sit ta’ l-internet tagħha huma koperti minn awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi Olandiżi u huma s-suġġett ta’ spezzjonijiet minn dawn ta’ l-aħħar. J. Waterval, it-tieni konvenut fil-kawża prinċipali, ċittadin Olandiż, huwa spiżjar approvat f’dan l-Istat Membru. Sat-30 ta’ Mejju 2001, huwa kien id-direttur ta’ DocMorris u għadu wieħed mir-rappreżentanti legali tagħha.

    36      Sa mit-8 ta’ Ġunju 2000, DocMorris u J. Waterval joffru għall-bejgħ taħt l-indirizz ta’ l-internet 0800 DocMorris, prodotti mediċinali għall-użu mill-bnedmin, kemm jekk suġġetti għal preskrizzjoni medika u anki jekk le, u dan, b’mod partikolari, fil-lingwa Ġermaniża intiżi għal konsumaturi finali li joqgħodu fil-Ġermanja. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jbiegħu esklużivament prodotti mediċinali awtorizzati, u l-awtorizzazzjoni nkisbet kemm fil-Ġermanja kif ukoll fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    37      Skond id-digriet tar-rinviju, dan is-sit ta’ l-internet huwa maqsum f’titoli bl-isem “Spiżerija”, “Forum tas-saħħa”, “Min aħna?”, “Kuntatt” u “Għajnuna”. Id-diversi prodotti mediċinali huma mqassma skond kategorija ta’ prodotti, taħt it-titoli “Analġeżiċi”, “Ipotensuri”, “Prodotti mediċinali kontra l-kanċer”, “Immunostimulanti”, “Prodotti mediċinali kontra l-kolesterol”, “Prodotti mediċinali għall-prostata/għall-virilità”, “Disintossikazzjoni” u oħrajn. Kull titolu jinkludi l-ewwel nett introduzzjoni komposta minn ċerti sentenzi. Imbagħad, il-prodotti mediċinali huma elenkati f’ordni alfabetiku skond l-isem, il-kontenut tal-pakkett jiġi deskritt u l-prezz huwa indikat f’euro. Fl-aħħar nett, informazzjoni iktar estensiva fuq il-prodott innifsu tista’ tinkiseb billi wieħed jikklikkja fuq ismu.

    38      Huwa spjegat ukoll li meta prodott mediċinali huwa suġġett għal preskrizzjoni medika, fuq is-sit tidher twissija maġenb id-deskrizzjoni tal-prodott. Prodott mediċinali partikolari huwa kklassifikat bħala suġġett għal preskrizzjoni medika meta jkun kkunsidrat bħala tali fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fi Stat Membru li fit-territorju tiegħu jkollu d-domiċilju l-konsumatur. F’dan ir-rigward, dejjem jiġu applikati l-iktar regoli severi dwar il-preskrizzjoni medika, u dawn jistgħu jkunu dawk tal-pajjiz ta’ provenjenza jew tal-pajjiż ta’ destinazzjoni tal-prodott mediċinali kkonċernat. Il-provvista ta’ dan it-tip ta’ prodott mediċinali ssir biss meta jiġi ppreżentat l-oriġinal tar-riċetta medika.

    39      Barra minn hekk, il-konsumatur għandu l-possibbiltà, meta jikklikkja fuq l-ikona xierqa, li jfittex prodott partikolari fil-firxa offruta mill-konvenuti fil-kawża prinċipali jew li jikkonsulta lill-bord ta’ esperti fuq kwistjonijiet tas-saħħa. B’mod ġenerali, il-konsumatur jista’ jikkuntattja lill-imsemmija konvenuti mhux biss b’komunikazzjoni bl-internet, iżda wkoll permezz ta’ freephone jew ittra.

    40      Il-kunsinna tista’ ssir b’diversi modi. Minn naħa, il-konsumatur jista’ jmur jirtira personalment l-ordni tiegħu mill-ispiżerija, li tinsab f’Landgraaf, belt li tinsab qrib il-fruntiera bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Ġermanja, u min-naħa l-oħra, mingħajr spejjeż supplimentari, jista’ jqabbad servizz ta’ kurrier, irrikmandat mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, biex jiġbor l-ordni u joħodha fl-indirizz indikat mid-destinatarju. Il-konsumatur jista’ juża wkoll, bi spejjeż tiegħu, servizz ta’ kurrier ieħor, irrikmandat ukoll mill-konvenuti, li jiġbor l-ordni u joħodha fl-indirizz tad-destinatarju. Tibqagħlu l-għażla li, bi spejjeż tiegħu, juża servizz ta’ kurrier ieħor.

    41      L-Apothekerverband tikkontesta, quddiem il-Landgericht Frankfurt am Main, l-offerta ta’ prodotti mediċinali deskritti fil-punti 36 sa 40 ta’ din is-sentenza u tal-provvista tagħhom permezz ta’ korrispondenza transkonfinali, billi tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet ta’ l-AMG u tal-HWG ma jippermettux l-eżerċizzju ta’ attività bħal din mill-konvenuti fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-projbizzjoni stabbilita minn dawn iż-żewġ liġijiet ma tistax tiġi kkontestata abbażi ta’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE.

    42      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jikkunsidraw li d-dritt nazzjonali diġà jawtorizza l-attività tagħhom u li, fi kwalunkwe każ, il-projbizzjoni ta’ bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali ma hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju.

    43      F’dan ir-rigward, il-Landgericht Frankfurt am Main tesprimi l-ewwel nett dubji fuq il-punt dwar jekk projbizzjonijiet, bħal dawk stabbiliti fl-Artikoli 43(1) u 73(1) ta’ l-AMG, jiksrux il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija. Imbagħad, jekk wieħed jassumi li hemm ksur ta’ l-Artikolu 28 KE, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex neċessarja għal protezzjoni effikaċi tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, fis-sens ta’ l-Artikolu 30 KE, jew jekk, fid-dawl ta’ l-armonizzazzjoni dejjem tikber tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tal-prodotti mediċinali, is-saħħa u l-ħajja tal-persuni jistgħux jiġu protetti b’mod daqstant effikaċi permezz ta’ miżuri inqas restrittivi tan-negozju Komunitarju, skond il-prinċipji li stabbiliet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza, tal-10 ta’ Novembru 1994, Ortscheit (C‑320/93, Ġabra p. I‑5243). Fl-aħħar nett, hija tistaqsi jekk il-projbizzjonijiet ta’ reklamar, kif stabbiliti mill-HWG, humiex kompatibbli mal-prinċipji ta’ moviment liberu tal-merkanżija u ta’ moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku.

    44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Frankfurt am Main iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1) Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-importazzjoni kummerċjali ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem għall-bejgħ esklużivament fi spiżerija, imwettqa permezz tal-bejgħ bil-korrispondenza minn spiżeriji approvati fi Stati Membri oħrajn, wara ordnijiet individwali magħmulin permezz ta’ l-internet mill-konsumatur finali, tikser il-prinċipji ta’ moviment liberu tal-merkanzija fis-sens ta’ l-Artikoli 28 KE et seq?

    a)      Projbizzjoni nazzjonali bħal din tikostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti fis-sens ta’ l-Artikolu 28 KE?

    b)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda fil-paragrafu a): l-Artikolu 30 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li projbizzjoni nazzjonali għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni hija ġġustifikata meta l-provvista ta’ prodotti mediċinali suġġett għal preskrizzjoni medika hija suġġetta għal kundizzjoni li l-ispiżerija li tibgħat il-prodott mediċinali tirċevi, minn qabel, l-oriġinal ta’ riċetta medika? Jekk ikun il-każ, liema rekwiżiti għandhom jiġu imposti fuq spiżerija bħal din għal dak li jirrigwarda l-kontroll ta’ l-ordni, tal-pakketti u ta’ l-irċevuta?

    c)      Ir-risposta għad-domandi 1(a) u (b) iktar ’il fuq tkun differenti fid-dawl ta’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE jekk il-kwistjoni tkun dwar l-importazzjoni ta’ prodotti mediċinali awtorizzati fl-Istat ta’ importazzjoni li spiżerija stabbilita fi Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea tkun xtrat minn qabel mingħand bejjiegħ bl-ingross ta’ l-istat ta’ importazzjoni?

    2)      Huwa kompatibbli ma’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE li projbizzjoni nazzjonali ta’ reklamar għall-bejgħ ta’ prodotti mediċinali bil-korrispondenza, kif ukoll għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem suġġetti għal preskrizzjoni medika u għal prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem għall-bejgħ esklużivament mill-ispiżeriji, li huma awtorizzati fl-Istat ta’ l-oriġini, imma mhux fl-Istat ta’ importazzjoni, tirċievi interpretazzjoni wiesgħa sal-punt li wieħed jikklassifika bħala reklamar projbit il-portal ta’ l-internet ta’ spiżerija ta’ Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea li, minbarra l-preżentazzjoni sempliċi ta’ l-impriża, jiddeskrivi d-diversi prodotti mediċinali billi jindika l-isem tal-prodott, jekk huwiex eventwalment suġġett għal preskrizzjoni medika, id-daqs ta’ l-ippakkjar kif ukoll il-prezz, u fl-istess ħin joffri l-possibbiltà li dawn il-prodotti mediċinali jiġu ordnati permezz ta’ formuli ta’ ordni online, b’mod li l-ordnijiet transkonfinali ta’ prodotti mediċinali bl-internet, inkluża l-kunsinna trankonfinali ta’ dawn il-prodotti mediċinali, isiru, fi kwalunkwe każ, sostanzjalment iktar diffiċli?

    a)      Fid-dawl ta’ l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2000/31 […], l-Artikoli 28 KE u 30 KE jeżigu li l-preżentazzjoni bl-internet ta’ spiżerija ta’ Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea, jew ċerti elementi ta’ din il-preżentazzjoni, jiġu esklużi mill-kunċett ta’ reklamar lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 1(3), u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/28 […], sabiex fil-prattika tiġi żgurata ukoll l-offerta ta’ ċerti servizzi tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni?

    b)      Restrizzjoni eventwali tal-kunċett ta’ reklamar, imposta taħt l-Artikoli 28 KE u 30 KE, tista’ tkun ġustifikata sa fejn hemm lok li l-formuli ta’ ordni online, li fihom biss l-informazzjoni minima meħtieġa biex issir ordni, u/jew elementi oħrajn tas-sit ta’ l-internet ta’ spiżerija ta’ Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea jiġu assimilati ma’ katalogi tal-bejgħ u/jew listi ta’ prezzijiet, fis-sens ta’ l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 92/28/KEE?

    3)      Fl-ipoteżi fejn ċerti aspetti parzjali tal-preżentazzjoni fuq l-internet ta’ spiżerija fi Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea jiksru dispożizzjonijiet dwar ir-reklamar farmaċewtiku, l-Artikoli 28 KE u 30 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kummerċ transkonfinali ta’ prodotti mediċinali li jsir permezz ta’ din il-preżentazzjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala legalment ammissibbli, minkejja r-reklamar projbit, biex tiġi żgurata implementazzjoni iktar effiċjenti tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija?”

     Fuq l-ewwel domanda

    45      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju sostanzjalment tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija taħt l-Artikoli 28 KE sa 30 KE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi l-importazzjoni kummerċjali ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem li l-bejgħ tagħhom huwa rriżervat esklużivament għall-ispiżeriji fl-Istat Membru kkonċernat, magħmul permezz tal-bejgħ bil-korrispondenza minn spiżeriji approvati fi Stati Membri oħrajn, wara ordnijiet individwali magħmulin bl-internet mill-konsumatur finali.

    46      Fid-dawl ta’ l-argumenti invokati, partikolarment mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata, l-ewwel nett, fir-rigward tal-prodotti mediċinali mhux awtorizzati fil-Ġermanja. Imbagħad, ser tiġi ttrattata fir-rigward tal-prodotti mediċinali li huma awtorizzati f’dan l-Istat Membru. Din l-aħħar kategorija terġa’ tinqasam bejn prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għall-preskrizzjoni medika u dawk li huma suġġetti għaliha.

     Il-prodotti mediċinali mhux awtorizzati fil-Ġermanja

    47      Fost id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 73(1) ta’ l-AMG jipprojbixxi, inġenerali, l-importazzjoni tal-prodotti mediċinali li huma suġġetti għal approvazzjoni jew reġistrazzjoni fit-territorju nazzjonali għall-fatt biss li ma ġewx approvati jew irreġistrati għaċ-ċirkolazzjoni fuq dan it-territorju. Għaldaqstant, l-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti mediċinali fit-territorju Ġermaniż hija eskluża għall-fatt biss li ma humiex awtorizzati, indipendentement mill-mod ta’ bejgħ.

    48      Jekk dispożizzjoni bħall-Artikolu 73(1) ta’ l-AMG hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju, ma jkunx hemm lok li jiġi eżaminat, għal din il-kategorija ta’ prodotti mediċinali, jekk l-Artikoli 28 KE sa 30 KE jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali li l-bejgħ tagħhom huwa riżervat esklużivament għall-ispiżeriji.

     Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

    49      Kemm il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 73 ta’ l-AMG, li tipprojbixxi l-importazzjoni tal-prodotti mediċinali li ma rċevewx l-awtorizzazzjoni meħtieġa f’dan is-sens, tintrabat mal-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mediċinali mhux awtorizzati fl-Istat Membru kkonċernat, stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 65/65, kif issostitwit mill-Artikolu 6(1) tal-Kodiċi Komunitarju. Għalhekk id-dritt nazzjonali għandu bħala għan li jiġi impedut li l-obbligu ta’ l-approvazzjoni eżistenti jiġi evitat.

    50      Il-Gvern Grieg jaqbel ma’ din il-pożizzjoni, u jsostni li l-possibbiltà li jiġu ordnati prodotti mediċinali mill-internet li ma jkunux irċevew l-awtorizzazzjoni meħtieġa fl-Istat Membru ta’ importazzjoni xxejjen, fis-sustanza, is-sistema ta’ awtorizzazzjoni ta’ ċirkulazzjoni ta’ l-ispeċjalitajiet farmaċewtiċi. Fil-fatt, il-manifatturi tal-prodotti mediċinali jkollhom il-possibbiltà li jiksbu awtorizzazzjoni fl-Istat Membru fejn il-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija l-inqas stretta biex imbagħad iqegħduhom fiċ-ċirkulazzjoni fl-Istat Membri fejn dawn il-prodotti mediċinali ma jkunux awtorizzati. Sitwazzjoni bħal din tekwivali għal libertà sħiħa ta’ importazzjoni tal-prodotti mediċinali, awtorizzati jew le, li jagħmel il-kontroll ta’ l-importazzjonijiet paralleli impossibbli.

    51      Skond il-konvenuti fil-kawża prinċipali, għal raġunijiet invokati fir-rigward ta’ prodotti mediċinali awtorizzati (ara l-punti 61 u 62 ta’ din is-sentenza), l-Artikolu 73(1) ta’ l-AMG għandu jiġi kkwalifikat bħala miżura li għandha effett ekwivalenti li tirrestrinġi ċ-ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija fis-sens ta’ l-Artikolu 28 KE.

     Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

    52      Kif osservaw ġustament il-Gvern Ġermaniż u dak Elleniku, kif ukoll il-Kummissjoni, il-projbizzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 73(1) tal-AMG tikkorrispondi mal-projbizzjoni, fil-livell Komunitarju, tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mediċinali mhux awtorizzati fl-Istat Membru kkonċernat, li kien previst fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 65/65, li ġie ssostitwit bl-Artikolu 6(1) tal-Kodiċi Komunitarju. Skond dawn id-dispożizzjonijiet, prodotti mediċinali, għalkemm ikunu awtorizzati fi Stat Membru, riedu jkunu suġġetti, biex ikunu jistgħu jidħlu fis-suq ta’ Stat Membru ieħor, għal awtorizzazzjoni mogħtija jew mill-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat ta’ l-aħħar, jew taħt is-sistema Komunitarja regolata minn dawn id-dispożizzjonijiet.

    53      Għaldaqstant, regola nazzjonali, bħal dik ta’ l-Artikolu 73(1) ta’ l-AMG, li biha Stat Membru jaqdi l-obbligi tiegħu ġejjin mid-Direttiva 65/65 u mill-Kodiċi Komuntarju, ma tiġix ikkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni fir-rigward ta’ l-Artikolu 28 KE [ara, f’dan is-sens, fil-kuntest tad-Direttiva 86/469/KEE tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 1986, fuq l-eżami ta’ annimali u laħam frisk għall-preżenza ta’ reżidwi (ĠU L 275, p. 36), sentenza tat-23 ta’ Marzu 2000, Berendse‑Koenen (C‑246/98, Ġabra p. I‑1777, punt 25)]. Għaldaqstant, l-Artikoli 28 KE sa 30 KE ma jistgħux jiġu invokati biex tiġi evitata s-sistema ta’ awtorizzazzjoni nazzjonali prevista fid-Direttiva 65/65 u l-Kodiċi Komunitarju, li t-traspożizzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali saret bl-Artikolu 73(1) ta’ l-AMG.

    54      Jirriżulta minn din il-konstatazzjoni li, għal dak li jirrigwarda l-prodotti mediċinali suġġetti għal awtorizzazzjoni, imma li ma jkunux kisbuha, ma hemmx lok li wieħed jeżamina jekk l-Artikoli 28 KE sa 30 KE jipprekludux id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

     Il-prodotti mediċinali awtorizzati fil-Ġermanja

    55      L-ewwel domanda hija iktar rilevanti għall-prodotti mediċinali li kisbu awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq Ġermaniż. B’mod partikolari, din id-domanda trid tiddetermina jekk il-projbizzjoni tal-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali li l-bejgħ tagħhom huwa riżervat esklużivament għall-ispiżeriji fl-Istat Membru kkonċernat, kif previst fl-Artikolu 43(1) ta’ l-AMG, tikkonformax mal-prinċipju taċ-ċikulazzjoni libera tal-merkanzija. Din id-domanda hija maqsuma fi tliet partijiet li hemm lok li jiġu ttrattati separatament.

     Fuq id-domanda biex ikun magħruf jekk il-projbizzjoni nazzjonali tal-bejgħ bil-korrispondenza tikkostitwixxix miżura li għandha effett ekwivalenti fis-sens ta’ l-Artikolu 28 KE [paragrafu a) ta’ l-ewwel domanda]


     Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

    56      Kemm l-Apothekerverband kif ukoll il-Kummissjoni, sostnuti f’dan ir-rigward mill-Gvernijiet Ġermaniż, Elleniku, Franċiż u Awstrijak, jikkunsidraw li ma hemmx ostakolu għaċ-ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija. Huma jsostnu li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 43(1) ta’ l-AMG, li ma tikkonċernax il-produzzjoni jew il-kompożizzjoni ta’ ċerti prodotti, imma esklużivament il-modalitajiet tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, tapplika bl-istess mod, fid-dritt u fil-fatt, għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti nazzjonali u dawk ġejjin minn Stati Membri oħrajn. Projbizzjoni bħal din ma tirrigwardax, għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 28 KE għar-raġunijiet msemmijin mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, Ġabra p. I‑6097, punti 15 sa 17), u tal-15 ta’ Diċembru 1993, Hünermund et (C‑292/92, Ġabra p. I‑6787, punt 21).

    57      Il-Gvern Franċiż jappoġġja din il-pożizzjoni, filwaqt li fakkar fis-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑391/92, Ġabra p. I‑1621), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 11 sa 13, aċċettat il-kompatibbiltà mat-Trattat ta’ monopolju ta’ bejgħ ta’ formula tal-ħalib tat-trabi fl-ispiżeriji filwaqt li enfasizzat ukoll li dan il-monopolju ma kellux bħala għan li jirregola l-iskambji ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri.

    58      Wara l-preċiżazzjonijiet ulterjuri li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress (C‑368/95, Ġabra p. I‑3689), u tat-13 ta’ Jannar 2000, TK‑Heimdienst (C‑254/98, Ġabra p. I‑151), l-Apothekerverband, appoġġjata mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Gvernijiet Ġermaniż, Franċiż u Awstrijak, issostni li l-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex bħala konsegwenza la li tipprovoka inugwaljanza fit-trattament bejn l-ispiżeriji nazzjonali u dawk stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, mill-aspett tal-possibbiltà li wieħed jirrikorri għall-bejgħ bil-korrispondenza, u lanqas li tirrendi t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ prodotti barranin iktar diffiċli minn dak tal-prodotti nazzjonali, b’mod partikolari billi tissuġġettahom għal spejjeż addizzjonali jew għal piżijiet li ma jkollhomx il-prodotti msemmijin l-aħħar.

    59      Billi l-Apothekerverband u l-Kummissjoni jirribattu l-argument li l-aċċess għas-suq Ġermaniż huwa imblukkat, filwaqt li jsostnu f’dan ir-rigward li, skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ ta’ l-AMG, l-importazzjoni u l-importazzjoni mill-ġdid ta’ prodotti farmaċewtiċi huma possibbli u pprattikati bħalissa, il-Gvern Ġermaniż jirrikonoxxi li l-esklużjoni tal-possibbiltà ta’ bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali tirrendi l-aċċess għas-suq Ġermaniż iktar diffiċli għall-ispiżeriji barranin. Fil-fatt, dawn ta’ l-aħħar huma obbligati li jiftħu l-ispiżerija tagħhom fil-Ġermanja. Madankollu, minħabba ir-rekwiżiti ta’ l-ABO dwar il-preżenza personali ta’ l-ispiżjar, l-ispiżeriji stabbiliti fil-Ġermanja lanqas huma ma jkollhom aċċess illimitat għas-suq kollu tal-Ġermanja. Isegwi li kull diffikultà ta’ sfruttament tas-suq Ġermaniż kollu kemm hu taffettwa bl-istess mod l-ispiżjara nazzjonali u l-ispiżjara barranin u għalhekk ma hijiex “miżura li għandha effett ekwivalenti” diskriminatorja fis-sens ta’ l-Artikolu 28 KE.

    60      Sussidjarjament, kemm l-Apothekerverband kif ukoll il-Gvernijiet Ġermaniż u Awstrijak isostnu li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 28 KE għandu jiġi ddelimitat b’mod li jippermetti lill-Istati Membri li jżommu marġni ta’ manuvra xieraq biex jorganizzaw aspetti ġenerali tal-bejgħ ta’ prodotti mediċinali li jirrigwardaw l-interess pubbliku. Għal din ir-raġuni, il-projbizzjoni ġenerali tal-bejgħ bil-korrispondenza tal-prodotti mediċinali li l-bejgħ tagħhom huwa riżervat esklużivament għall-ispiżeriji ma għandhiex tkun ikunsidrata bħala miżura ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 28 KE.

    61      Il-konvenuti fl-kawża prinċipali jiċħdu din l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali billi jikkunsidrawha bħala superfiċjali wisq. Skond huma, il-projbizzjoni tal-kummerċ farmaċewtiku bil-korrispondenza ma taffettwax bl-istess mod il-bejgħ tal-prodotti mediċinali u dawk tal-prodotti mediċinali li huma importati minn Stati Membri oħrajn. Din il-projbizzjoni, flimkien mar-regoli ta’ deontoloġija msemmijin fl-ABO, tagħmilha kważi impossibbli għall-ispiżeriji stabbiliti fl-Istati Membri l-oħrajn li jkollhom aċċess għas-suq Ġermaniż tal-konsumaturi finali tal-prodotti mediċinali. B’mod partikolari, bis-saħħa ta’ l-ABO, DocMorris ma tkunx tista’ tilħaq dan is-suq ħlief jekk l-ispiżjar responsabbli ta’ din il-kumpannija, wara li jkun irrinunzja għall-attivitajiet farmaċewtiċi tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi, jiftaħ spiżerija “tradizzjonali” fil-Ġermanja. Barra minn hekk, l-ispiżjara barranin ma jkunux intitolati li jitolbu awtorizzazzjoni biex ibiegħu prodotti mediċinali bil-korrispondenza f’dan l-Istat Membru ta’ l-aħħar ħlief jekk ma jkunux operaw l-ispiżerija tagħhom għal mill-inqas tliet snin.

    62      Barra minn hekk, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jirreferu għas-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1994, Centre d’insémination de la Crespelle (C‑323/93, Ġabra p. I‑5077, punt 29), tad-9 ta’ Lulju 1997, De Agostini U TV‑Shop (C‑34/95 sa C‑36/95, Ġabra p. I‑3843, punti 43 sa 47), u tat-23 ta’ Ottubru 1997, Franzén (C‑189/95, Ġabra p. I‑5909, punti 67 sa 73), kif ukoll fil-punti 27 sa 37 tas-sentenza TK‑Heimdienst, iċċitata iktar ’il fuq, u jikkonkludu li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tipprojbixxi, bħal fil-kawża li biha hija adita l-qorti tar-rinviju, l-aċċess għas-suq ta’ konsumaturi finali ta’ l-istat Membru ta’ importazzjoni jew tagħmlu iktar diffiċli minn dak tal-prodotti nazzjonali, hija tikkostitwixxi restrizzjoni fuq iċ-ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija anki jekk tkun biss leġiżlazzjoni fuq il-modalità tal-bejgħ li ma tirrigwardax il-karatterisitiċi tal-prodott ikkonċernat.

     Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

    63      Preliminarjament għandu jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 43(1) ta’ l-AMG tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/7. Issa, l-Artikolu 14 ta’ din il-liġi tippermetti lill-Istati Membri li “jintroduċu jew iżommu, fil-qasam kopert minn din id-direttiva, dispożizzjonijiet iktar stretti kompatibbli mat-Trattat [KE], sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur”. L-istess Artikolu 14 jippreċiża wkoll li “[d]awn id-dispożizzjonijiet għandhom, fejn xieraq, jinkludu projbizzjoni, fl-interess ġenerali, dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti jew servizzi, partikolarment prodotti mediċinali, fit-territorju tagħhom permezz ta’ kuntratti mill-bogħod, b’kunsiderazzjoni xierqa mogħtija lit-Trattat”.

    64      Huwa veru li kull miżura nazzjonali f’settur li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti f’livell Komunitarju għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni, u mhux tat-Trattat (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker U Lesage (C‑37/92, Ġabra p. I‑4947, punt 9), u tat-13 ta’ Diċembru 2001, DaimlerChrysler (C‑324/99, Ġabra p. I‑9897, punt 32). Madankollu l-poter mogħti lill-Istati Membri bl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 97/7 għandu jiġi eżerċitat fl-osservanza tat-Trattat, kif hemm espressament stabbilit f’din id-dispożizzjoni.

    65      Għalhekk, dispożizzjoni bħal din ma teskludix il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikoli 28 KE sa 30 KE.

    66      F’dan ir-rigward, skond ġurisprudenza stabbilita, il-miżuri kollha li jistgħu jfixklu b’mod dirett jew indirett, b’mod effettiv jew potenzjali, il-kummerċ fi ħdan il-Komunità għandhom jitqiesu bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti bħar-restrizzjonijiet kwantitattivi u, fuq dik il-bażi, li huma pprojbiti mill-Artikolu 28 KE [ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville (8/74, Ġabra p. 837, punt 5), u tad-19 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑420/01, Ġabra p. I-6445, punt 25)]. 

    67      Għalkemm miżura ma jkollhiex l-għan li tirregola l-iskambji tal-merkanzija bejn l-Istati Membri, dak li huwa importanti huwa l-effett li jkollha, attwali jew potenzjali, fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. B’applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, jikkostitwixxu miżuri li għandhom effett ekwivalenti, ipprojbiti mill-Artikolu 28 KE, l-ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija li jirriżultaw, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, mill-applikazzjoni għal merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra, fejn hija legalment immanifatturata u kkummerċjalizzata, ta’ regoli dwar il-kundizzjonijiet li din il-merkanzija trid tissodisfa, anki jekk dawn ir-regoli huma applikati indistintament għall-prodotti kollha, inkwantu din l-applikazzjoni ma tistax tkun iġġustifikat minn għan ta’ interess ġenerali tali li jipprevali fuq ir-rekwiżiti tal-moviment liberu tal-merkanzija (ara s-sentenza tal-20 ta’ Frar 1979, ReweZentral, magħrufa bħala “Cassis de Dijon” (120/78, Ġabra p. 649, punti 6, 14 u 15), kif ukoll is-sentenzi ċċitati Keck U Mithouard, punt 15 u Familiapress, punt 8).

    68      Barra minn hekk, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Keck U Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, anki jekk regoli kummerċjali ma jirrigwardawx il-karatteristiċi attwali tal-prodotti imma jirregolaw l-arranġamenti għall-bejgħ tagħhom, jistgħu jikkostitwixxu miżuri li għandhom effett ekwivalenti fis-sens ta’ l-Artikolu 28 KE jekk huma ma jissodisfawx żewġ kundizzjonijiet. Dawn il-kundizzjonijiet jikkonsistu f’li dawn ir-regoli għandhom, minn naħa, japplikaw għall-operaturi kollha kkonċernati li jeżerċitaw l-attività tagħhom fuq it-territorju nazzjonali u, min-naħa l-oħra, jaffettwaw bl-istess mod, fid-dritt u fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti nazzjonali u dawk ġejjin minn Stati Membri oħrajn [ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Keck U Mithouard, punt 16, u Hünermund et, punt 21, kif ukoll is-sentenza tad-9 ta’ Frar 1995, Leclerc‑Siplec (C‑412/93, Ġabra p. I‑179, punt 21)].

    69      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt preċedenti, il-projbizzjoni taħt l-Artikolu 43(1) ta’ l-AMG tapplika għall-operaturi kollha kkonċernati, kemm jekk huma nazzjonali jew barranin, b’mod li din il-kundizzjoni tkun sodisfatta għalkollox.

    70      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat l-fatt li l-“kummerċjalizzazzjoni” ta’ prodott f’suq nazzjonali tista’ tinvolvi diversi fażijiet li jiġu bejn il-mument tal-manifattura ta’ prodott u l-bejgħ eventwali tiegħu lill-konsumatur finali.

    71      Biex jiġi ddeterminat jekk miżura partikolari taffettwax bl-istess mod il-“kummerċjalizzazzjoni” tal-prodotti nazzjonali u dawk ġejjin minn Stati Membri oħrajn, għandha tiġi identifikata l-portata tal-miżura restrittiva inkwistjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-projbizzjoni fuq l-ispiżjara li jirreklamaw ’il barra minn spiżerija prodotti parafarmaċewtiċi li kienu awtorizzati joffru għall-bejgħ ma affettwatx il-possibbiltà għall-operaturi ekonomiċi oħrajn li ma humiex spiżjara li jirreklamaw dawn il-prodotti (ara s-sentenza Hünermund et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19). B’mod analogu, il-projbizzjoni tat-tixrid ta’ messaġġi ta’ reklamar kif kienet il-kwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Leclerc‑Siplec, iċċitata iktar ’il fuq, ma kellhiex portata estiża, għaliex kienet tirrigwarda ċerta forma ta’ promozzjoni (reklamar televiżiv) ta’ ċertu metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni (distribuzzjoni) ta’ prodotti (ara s-sentenza Leclerc‑Siplec, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

    72      Iżda, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ir-rilevanza ta’ l-argument li projbizzjoni li jsir ir-reklamar televiżiv kien iċaħħad operatur mill-uniku forma ta’ reklamar effikaċi li kien jippermettilu li jippenetra suq nazzjonali (ara s-sentenza De Agostini U TV‑Shop, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43). Barra minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li fir-rigward ta’ prodotti, bħax-xorb alkoħoliku, li l-konsum tagħhom huwa marbut ma’ prattiċi soċjali tradizzjonali kif ukoll ma’ drawwiet u ma’ użanzi lokali, projbizzjoni ta’ kull reklamar intiż għall-konsumaturi permezz ta’ riklami fl-istampa, fuq ir-radju u fuq it-televiżjoni, permezz ta’ materjal mhux mitlub mibgħut bil-posta jew permezz tat-twaħħil ta’ kartelluni fuq it-toroq pubbliċi, hija ta’ natura li tfixkel iktar l-aċċess għas-suq ta’ prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra milli l-aċċess għas-suq ta’ prodotti nazzjonali, li magħhom il-konsumatur huwa naturalment iktar familjari (ara s-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Gourmet International Products (C‑405/98, Ġabra p. I‑1795, punti 21 u 24).

    73      Fir-rigward tal-projbizzjoni kif prevista fl-Artikolu 43(1) ta’ l-AMG, huwa stabbilit li din id-dispożizzjoni tfisser kemm ir-rekwiżit li ċerti prodotti mediċinali ma jkunux jistgħu jinbiegħu ħlief fl-ispiżeriji kif ukoll projbizzjoni ta’ bejgħ bil-korrispondenza ta’ dawn l-affarijiet. Huwa veru li projbizzjoni ta’ bejgħ bil-korrispondenza bħal din tista’ tiġi kkunsidrata bħala s-sempliċi konsegwenza tar-rekwiżit tal-bejgħ esklużiv fi spiżerija. Madankollu, il-miġja ta’ l-internet bħala mezz ta’ bejgħ transkonfinali timplika li l-portata u, b’hekk, l-effett ta’ din il-projbizzjoni jiġu eżaminati minn aspett usa’ minn dak li jipproponu l-Apothekerverband, il-Gvernijiet Ġermaniż, Franċiż u Awstrijak, kif ukoll il-Kummissjoni (ara l-punti 56 sa 59 ta’ din is-sentenza).

    74      Fil-fatt, projbizzjoni bħal dik fil-kawża oriġinali iktar tostakola lill-ispiżeriji li jinsabu barra l-Ġermanja milli dawk li jinsabu fit-territorju Ġermaniż. Jekk għal dawn ta’ l-aħħar ftit jista’ jingħad kontra l-fatt li din il-projbizzjoni ċċaħħadhom minn mezz supplimentari jew alternattiv li jilħqu s-suq Ġermaniż ta’ konsumaturi finali tal-prodotti mediċinali, jibqa’ l-fatt li tibqagħlhom il-possibbiltà li jbiegħu l-prodotti mediċinali fl-ispiżeriji tagħhom. Iżda, l-internet jibqa’ mezz iktar importanti għall-ispiżeriji li ma humiex stabbiliti fit-territorju Ġermaniż biex jiksbu aċċess dirett għas-suq Ġermaniż. Projbizzjoni li għandha impatt ikbar fuq spiżeriji stabbiliti barra t-territorju Ġermaniż tista’ timpedixxi l-aċċess għas-suq ta’ prodotti minn Stati Membri oħrajn iktar milli timpedixxi l-aċċess għal prodotti domestiċi.

    75      Għaldaqstant, din il-projbizzjoni ma taffettwax bl-istess mod il-bejgħ tal-prodotti mediċinali nazzjonali u dak tal-prodotti mediċinali ġejjin minn Stati Membri oħrajn.

    76      Għalhekk ir-risposta għall-paragrafu a) ta’ l-ewwel domanda, għandha tkun li projbizzjoni nazzjonali ta’ bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali fejn il-bejgħ huwa riżervat esklużivament għall-ispiżeriji fl-Istat Membru kkonċernat, kif stabbilit fl-Artikolu 43(1) ta’ l-AMG tikkoswtitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti fis-sens ta’ l-Artikolu 28 KE.

     Fuq il-ġustifikazzjoni eventwali tal-projbizzjoni tal-bejgħ bil-korrispondenza [il-paragrafu b) ta’ l-ewwel domanda,]

    77      Fil-paragrafu b) ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju fis-sustanza qed tistaqsi jekk il-projbizzjoni ta’ bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali li l-bejgħ tagħhom huwa riżervat esklużivament għall-ispiżeriji hijiex ġustifikata taħt l-Artikolu 30 KE, meta l-kunsinna ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika tkun subordinata f’li qabel tiġi riċevuta, mill-ispiżerija li tkun qed tibgħathom, l-oriġinal ta’ riċetta medika. F’dan ir-rigward, tagħmel id-domanda liema rekwiżiti, jekk ikun il-każ, għandhom jiġu imposti fuq din l-ispiżerija għal dak li jikkonċerna l-kontroll ta’ l-ordni, li jintbagħat il-pakkett u meta dan jiġi riċevut.

     Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

    78      Fil-livell tal-prinċipji applikabbli fil-kawża prinċipali, kemm l-Apothekerverband kif ukoll il-konvenuti fil-kawża prinċipali, u l-Gvernijiet Ġermaniż u Franċiż, isostnu li l-Artikolu 30 KE jibqa’ applikabbli sakemm l-armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tkunx twettqet għalkollox [ara s-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1989, Schumacher (215/87, Ġabra p. 617, punt 15), tal-21 ta’ Marzu 1991, Delattre (C‑369/88, Ġabra p. I‑1487, punt 48), tas-16 ta’ April 1991, Eurim‑Pharm (C‑347/89, Ġabra p. I‑1747, punt 26), tat-8 ta’ April 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑62/90, Ġabra p. I‑2575, punt 10), u Ortscheit, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14].

    79      Kemm il-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvernijiet Ġermaniż u Franċiż jaqblu fuq il-fatt li, fost il-beni u l-interessi protetti mill-Artikolu 30 KE, is-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ewwel post u huma l-Istati Membri li, fil-limiti imposti mit-Trattat, għandhom jiddeċiedu fuq il-livell li huma fi ħsiebhom jiżguraw il-protezzjoni u, b’mod partikolari, il-grad ta’ strettezza tal-kontrolli li għandhom isiru. Issa, skond il-ġurisprudenza f’dan il-qasam, kull leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha effett restrittiv għandha tkun neċessarja u proporzjonata.

    80      F’dan ir-rigward, kemm l-Apothekerverband kif ukoll il-Gvernijiet Ġermaniż u Awstrijak jikkunsidraw li ma huwiex possibbli li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa tal-popolazzjoni b’mod li huwa inqas restrittiv ta’ l-iskambji intrakomunitarji milli dak applikat fil-Ġermanja, li jipprovdi għal projbizzjoni totali tal-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali li l-bejgħ tagħhom huwa riżervat esklużivament għall-ispiżeriji (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11, u tal-14 ta’ Diċembru 2000 Il-Kummissjoni vs Franza (C-55/99, Ġabra p. I‑11499, punt 42).

    81      L-Apothekerverband tippreċiża li l-għan insegwit mill-projbizzjoni tal-bejgħ bil-korrispondenza ta’ dawn il-prodotti mediċinali huwa li l-klijent jiġi ggarantit, meta jsir ix-xiri ta’ prodott mediċinali, informazzjoni u parir ippersonalizzat, mogħtija mill-ispiżjar, kif ukoll is-sigurtà tal-prodotti mediċinali u l-farmakoviġilanza.

    82      F’dan ir-rigward l-Apothekerverband, sostnuta fuq dan il-punt mill-Gvernijiet Helleniku u Awstrijak, tisħaq li, għal dak li jirrigwarda d-domandi marbutin ma’ prodott mediċinali partikolari, anki jekk ix-xerrej bil-korrispondenza jista’ jieħu parir fuq l-internet jew bit-telefown, possibbiltà bħal din ma tiħux post parir mogħti fi spiżerija, matul konverżazzjoni wiċċ imb’wiċċ diretta mal-klijent. Il-kundizzjoni fiżika u l-istat psikoloġiku ta’ dan ta’ l-aħħar, kif iġib ruħu, l-istil ta’ ħajja tiegħu u l-mediċini li jieħu fil-preżent huma fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati matul konsultazzjoni bħal dik.

    83      F’dan ir-rigward il-Gvern Awstrijak jirrileva li numru mdaqqas ta’ prodotti mediċinali ordnati bl-internet jiġu għand id-destinatarju f’imballaġġ deterjorat jew mhux suffiċjenti, spiss mingħajr ittikkettjar jew mingħajr fuljett ta’ informazzjoni fil-lingwa tad-destinatarju.

    84      Barra minn hekk, l-Apothekerverband issostni li, b’differenza mill-ispiżeriji tradizzjonali, l-ispiżeriji purament virtwali jistgħu jinħolqu mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ investiment importanti u b’kapital mill-inqas, u minn kwalunkwe persuna. Billi fil-preżent l-attivitajiet ta’ dan it-tip ta’ spiżeriji ma humiex suġġetti għal kontroll biżżejjed, il-protezzjoni meħtieġa tal-ħajja u tas-saħħa tal-bniedem teħtieġ li jkun hemm kontroll preventiv.

    85      Barra minn hekk, il-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali jipperikola wkoll l-eżistenza ta’ spiżeriji tradizzjonali. Filwaqt li spiżeriji li jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom bl-internet jistgħu joqgħodu jagħżlu “l-aħjar bukkuni”, jiġifieri ċerti setturi ekonomikament interessanti, l-ispiżeriji tradizzjonali, li jaqgħu taħt l-ABO, huma marbutin minn sensiela ta’ obbligi li jiswew ħafna flus, partikolarment dak li jkollhom għażla kompleta ta’ prodotti, li jkollhom ħażna ta’ kwantità minima ta’ prodotti mediċinali u li jiżguraw servizz ta’ l-obbligu. Dan iġib miegħu distorzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni.

    86      B’mod iktar partikolari, l-Apothekerverband tenfasizza li għal dak li jikkonċerna l-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika, l-ispiżeriji Ġermanizi kollha huma legalment kostretti li japplikaw il-prezzijiet iffissati mill-APO, li jinkisbu permezz taż-żidiet applikati għall-prezz tal-bejgħ tal-produtturi li huma ffissati liberament minn dawn ta’ l-aħħar. Iżda, l-impriżi li jikkummerċjalizzaw prodotti mediċinali bil-korrispondenza li jiġu minn barra ma humiex suġġetti għar-rekwiżiti ta’ l-ABO. Huma jieħdu vantaġġ minn dan biex joffru firxa limitata ta’ prodotti, essenzjalment komposti minn mediċini għoljin, li joffru bi prezzijiet li huma kompetittivi pparagunati ma’ dawk fi spiżeriji tradizzjonali.

    87      Għaldaqstant, skond l-Apothekerverband, il-projbizzjoni li jinbiegħu prodotti mediċinali bil-korrispondenza tagħmel parti integrali mis-sistema ta’ sigurtà soċjali li l-oġġettiv tagħha huwa li tiġi ggarantita provvista ta’ prodotti mediċinali affidabbli, bilanċjata u aċċessibbli għall-popolazjoni kollha f’kull ħin. Din ma tistax tiġi mmodifikata jew imħassra b’mod iżolat mingħajr ma titpoġġa fid-dubju din is-sistema fil-kumpless tagħha. F’dan ir-rigward, l-Apothekerverband tinvoka kunsiderazzjonijiet marbutin mal-protezzjoni tas-sistema ta’ sigurtà soċjali u tal-livell ibbilanċjat tas-servizz mediku u ta’ l-isptar, kif żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Vanbraekel et (C‑368/98, Ġabra p. I‑5363, punti 47 sa 49), u Smits u Peerbooms (C‑157/99, Ġabra p. I‑5473, punti 72 sa 74).

    88      Il-Gvern Elleniku jaqbel ma’ din il-pożizzjoni, filwaqt li jfakkar l-importanza mogħtija lill-metodu ta’ distribuzzjoni tal-prodotti mediċinali fl-ispiżerija u r-rwol ta’ l-ispiżjar kemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll minn ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju [ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq punt 20, kif ukoll id-Direttiva 85/432/KEE tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 1985, li tikkonċerna l-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet fil-qasam tal-farmaċija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1 p. 129) u d-Direttiva 85/433/KEE tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 1985, dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali fil-farmaċija, inklużi miżuri sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet fil-qasam tal-farmaċija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1 p. 132)].

    89      Il-Gvern Irlandiż huwa favur projbizzjoni pura u sempliċi fir-rigward tal-provvista tal-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika bl-internet. Huwa jirrikonoxxi li l-kontroll ta’ l-awtentiċità tar-riċetti mediċi huwa ffaċilitat mill-konoxxenzi u l-esperjenza lokali ta’ l-ispiżjara li huma f’kuntatt kontinwu u ta’ kuljum mal-pazjenti u t-tobba tar-reġjun tagħhom. F’dan ir-rigward isostni li l-fatt li tiġi permessa l-kunsinna ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika wara li tiġi rċevuta minn qabel ordni u mingħajr kontroll ieħor iżid bil-bosta r-riskju li l-preskrizzjonjiet mediċi ikunu suġġetti għal użu abbużiv u skorrett. Barra minn hekk isostni li t-tobba, fil-prinċipju, ma jippreskrivux ħlief prodotti mediċinali li jistgħu jiġu kkunsinnati lill-pazjenti tagħhom, prodotti mediċinali li jidhru, għalhekk, fost dawk li huma awtorizzati fuq it-territorju ta’ l-Istat Membru fejn it-tobba jipprattikaw il-professjoni tagħhom. Madankollu, tabib jista’ jippreskrivi prodott mediċinali mhux awtorizzat fl-Istat Membru fejn jeżerċita jekk ikun jaf li dak il-prodott mediċinali jista’ jinkiseb fuq l-internet mingħand “spiżerija virtwali”. Għalhekk, prodotti mediċinali li ma humiex awtorizzati fi Stat Membru jistgħu jiġu kkummerċjalizzati f’dan l-Istat Membru mingħajr ma jiġu infurmati l-awtoritajiet tiegħu.

    90      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jinvokaw diversi argumenti kontra l-perikli allegatament preżenti fil-bejgħ bil-korrispondenza tal-prodotti mediċinali. Fl-ewwel lok, il-garanzija ta’ parir kwalifikat mogħti lill-klijent mill-ispiżjar, meta jiġi pprovdut prodott mediċinali, ma jiġġustifikax projbizzjoni totali, taħt l-Artikolu 30 KE, tal-bejgħ bil-korrispondenza. Fil-fatt, il-funzjonijiet ta’ pariri u kontroll jistgħu jiġu eżerċitati wkoll mill-ispiżjar meta ma jkunx fil-preżenza tal-klijent, imma jibgħat lill-klijent il-mediċini wara li jkun tah parir b’attenzjoni u jkun vverifika bir-reqqa l-ordni.

    91      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jżidu li, fil-każ ta’ ordni bl-internet, il-klijent ikollu l-possibbiltà li jkellem lill-ispiżjar fuq it-telefown jew bil-miktub (pereżempju bl-email). Huma jippreċiżaw li l-livell ta’ parir mogħti b’dan il-mod jista’ anki jkun superjuri għall-parir farmaċewtiku normali mogħti fl-ispiżerija fil-preżenza tal-klijent.

    92      Skond il-konvenuti fil-kawża prinċipali, l-argument li l-“ispiżjar virtwali” ma huwiex f’pożizzjoni li jieħu huwa stess l-inizjattiva biex jagħti parir, ma huwiex ġustifikat. Fil-fatt, l-informazzjoni meħtieġa biex jittieħed jew jiġi użat b’mod xieraq prodott mediċinali tiġi kkommunikata bil-miktub, mill-ispiżjar meta jintbagħat il-prodott mediku. Din l-inizjattiva tista’ tiġi msaħħa, jekk ikun il-każ, b’sejħa telefonika mill-ispiżerija lill-klijent.

    93      Dwar il-ħtieġa allegata tal-preżenza fiżika tal-klijent fix-xiri ta’ prodott mediċinali, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jfakkru wkoll li l-parti l-kbira tal-konsumaturi lanqas biss jiġu personalment biex ifittxu prodotti mediċinali fl-ispiżerija.

    94      Fit-tieni lok, fir-rigward tan-nuqqas allegat ta’ kontroll tal-“ispiżeriji virtwali”, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jissottomettu li dawn jibqgħu suġġetti għas-sorveljanza ta’ l-istat kif ukoll għar-rekwiżiti ta’ kontroll intern ta’ l-ordnijiet. Minn naħa, huma jippreċiżaw li DocMorris tkun suġġetta għall-kontroll ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-istat ta’ oriġini, jiġifieri l-Ispettur ta’ l-istat ta’ l-ispiżeriji Olandiżi. Din is-sorveljanza tkopri l-proċeduri u l-operazzjonijiet kollha mwettqa fil-kuntest tat-tmexxija ta’ spiżerija u tal-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali. Min-naħa l-oħra, skond id-dritt Olandiż, l-ispiżeriji kollha huma obbligati li jirreġistraw ir-regoli ta’ sigurtà interni u l-proċeduri operattivi f’manwal ta’ kwalità. DocMorris ikkonformat mar-regoli ta’ l-European Association of Mail Service Pharmacies li tagħha hija membru, li fihom dispożizzjonijiet iktar dettaljati rigward il-kontroll ta’ l-ordnijiet, ta’ l-ippakkettjar u ta’ l-irċevuta tagħhom.

    95      Il-miżuri ta’ sigurtà interni imposti minn DocMorris jassiguraw li l-ipproċessar ta’ l-ordnijiet kif ukoll is-servizzi ta’ pariri jsiru esklużivament minn spiżjara approvati u assistenti kwalifikati fit-teknika farmaċewtika fl-osservanza tar-rekwiżiti ta’ kwalità determinati. Il-fatt li x-xiri ta’ prodott mediċinali jsir fi spiżerija ta’ Stat Membru ieħor ma huwiex rilevanti wara li titqies iċ-ċirkustanza li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-professjoni ta’ spiżjar u dawk li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-professjoni huma armonizzati fil-livell Komunitarju (ara fir-rigward tad-Direttiva 85/432, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schumacher, punt 20, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 19).

    96      Fit-tielet lok, fir-rigward tar-riskji marbutin mal-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika, l-ispiżjar, b’mod konformi mar-rekwiżiti ta’ l-European Association of Mail Service Pharmacies, għandu jiżgura li dawn il-prodotti mediċinali ma jintbagħtux ħlief wara li jiġi rċevut mill-ispiżerija kkonċernata l-oriġinal tar-riċetta medika, magħmula minn tabib jew dentista, u li l-persuna li ser tirċievi l-prodott mediċinali huwa tassew id-detentur ta’ din ir-riċetta.

    97      Bis-saħħa ta’ l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom prodott mediċinali għandu jiġi suġġett għal preskrizzjoni medika (ara d-Direttiva 92/26, kif issostitwita mit-Titolu VI tal-Kodiċi Komunitarju), jeżisti livell ta’ protezzjoni uniformi fi ħdan il-Komunità. Fil-każ li, b’mod eċċezzjonali, ikun hemm differenza ta’ klassifikazzjoni tal-prodott mediċinali bejn l-Istat Membru ta’ provenjenza u dak li fih għandha ssir l-importazzjoni, DocMorris tipproċedi dejjem abbażi ta’ l-iktar leġiżlazzjoni nazzjonali stretta, sabiex ma jiġux evitati regoli nazzjonali dwar il-bżonn għal preskrizzjoni.

    98      Fir-raba’ lok, fir-rigward ta’ l-istadju avanzat ta’ l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet fuq l-awtorizzazzjoni tal-prodotti mediċinali fi ħdan il-Komunità kif ukoll tas-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit hemm hekk [ara r-Regolament Nru 2309/93, kif ukoll id-Direttivi 93/39 u 2000/38/KE tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Ġunju 2000, li temenda il- Kapitolu Va (Farmakoviġilanza) tad-Direttiva 75/319/KEE tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi dwar l-ispeċjalitajiet farmaċewtiċi (ĠU L 139, p. 28)], wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju li l-prodotti mediċinali li huma awtorizzati fi Stat Membru ma jistgħux ikunu ta’ periklu għas-saħħa b’mod tant gravi li hija ġġustifikata projbizzjoni kategorika tal-kummerċ transkonfinali ta’ prodotti mediċinali magħmul bil-korrispondenza.

    99      Fil-ħames lok, l-użu ta’ l-internet ma joħloqx riskji addizzjonali għas-saħħa, li jista’ jiġi evitat biss bi projbizzjoni assoluta fuq il-kummerċ bil-korrispondenza fi prodotti mediċinali. Madankollu, il-potenzjal tekniku ta’ l-internet, partikolament il-kapaċità li jiġi ppreparat kontenut interattiv mfassal individwalment għall-klijent ikkonċernat, jista’ jintuża biex tiġi żgurata l-aħjar protezzjoni tas-saħħa.

    100    Fl-aħħar nett, il-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi ġġustfikata mill-aspett ekonomiku li l-popolazzjoni inġenerali hija pprovduta bi prodotti mediċinali skond il-bżonnijiet tagħha. F’dan ir-rigward, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jenfasizzaw li, billi kull “spiżerija virtwali” għandha tkun approvata bħala spiżerija miftuħa għall-pubbliku fl-Istat Membru fejn hija stabbilita, il-possibbiltà tal-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali ma għandhiex tkun inkluża bħala alternattiva li tista’ tikkompeti ma’ l-ispiżeriji miftuħin għall-pubbliku, imma bħala offerta kumplimentari għall-bejgħ tagħhom. Billi huwa marbut mar-rekwiżiti nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini, huwa eskluż li “spiżjar virtwali” jillimita ruħu biex ibiegħ firxa ta’ prodotti bi prezzijiet għoljin.

    101    Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jikkonkludu li la l-Gvern Ġermaniż u lanqas l-Apothekerverband ma wrew li l-kummerċ ta’ prodotti mediċinali transkonfinali magħmul bil-korrispondenza jikkostitwixxi theddida għas-saħħa li ma tistax titwarrab ħlief bi projbizzjoni kategorika ta’ dan it-tip ta’ kummerċ. Fil-verità, is-saħħa tista’ tiġi protetta b’mod effettiv ukoll bil-leġiżlazzjoni xierqa, partikolarment mir-rekwiżiti fir-rigward ta’ kontroll ta’ l-ordni, ta’ l-ippakkettjar u kif jiġi riċevut, kif meħtieġ mill-Istat Membru ta’ provenjenza tal-prodotti mediċinali.

     Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

    102    Kif isostnu l-partijiet fil-kawża prinċipali, l-Istati Membri ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Kummissjoni, l-Artikolu 30 jibqa’ japplika fil-kuntest tal-produzzjoni u l-kummerċ­jal­izz­azzjoni ta’ l-ispeċjalitajiet farmaċewtiċi sakemm l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tkunx twettqet kompletament f’dan is-suġġett (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schumacher, punt 15; Delattre, punt 48; Eurim‑Pharm, punt 26; Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 10, u Ortscheit, punt 14). F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-bejgħ ta’ prodotti mediċinali lill-konsumaturi finali ma huwiex suġġett għal armonizzazzjoni Komunitarja kompleta.

    103    Skond ġurisprudenza kostanti, is-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ogħla post fost il-beni u l-interessi protetti mill-Artikolu 30 KE, u huwa obbligu ta’ l-Istati Membri, fil-limiti imposti mit-Trattat, li jiddeċiedu f’liema livell għandhom l-intenzjoni jassiguraw il-protezzjoni tiegħu (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schumacher, punt 17; Eurim‑Pharm, punt 26, u Ortscheit, punt 16).

    104    Madankollu, leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li hija ta’ natura li jkollha effett restrittiv jew tali effett fuq l-importazzjonijiet ma hijiex kompatibbli mat-Trattat ħlief safejn huwa neċessarju sabiex jiġu protetti b’effikaċja s-saħħa u l-ħajja tal-persuni. Leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali ma tibbenifikax mid-deroga prevista fl-Artikolu 30 KE fejn is-saħħa u l-ħajja tal-persuni jistgħu jiġu mħarsa bl-istess effettività permezz ta’ miżuri inqas restrittivi għall-kummerċ Komunitarju (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schumacher, punti 17 u 18; Delattre, punt 53; Eurim‑Pharm, punt 27; Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punti 10 u 11, kif ukoll Ortscheit, punt 17).

    105    Fil-kawża prinċipali, il-fatt stess li l-“ispiżerija virtwali” hija suġġetta għall-kontroll ta’ l-awtoritajiet Olandiżi ma huwiex fid-dubju, b’mod li ma jistgħux jiġu milqugħa l-argumenti magħmulin mill-Apothekerverband biex issostni, b’mod ġenerali, li l-kontroll li tkun suġġetta għalih din l-ispiżerija ma huwiex biżżejjed, imqabbel ma’ dak li hija suġġetta għalih spiżerija tradizzjonali.

    106    L-argumenti li jistgħu jiġġustifikaw il-projbizzjoni tal-kummerċ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali huma dawk biss li jirrigwardaw il-ħtieġa li jingħata parir personalizzat lill-klijent u li tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar fil-kunsinna tal-prodotti mediċinali, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi kkontrollata l-awtentiċità ta’ l-ordnijiet mediċi u biex tiġi ggarantita provvista ta’ prodotti mediċinali estiża u adattata għall-bżonnijiet.

    107    Meta jitqiesu b’mod ġenerali, il-maġġoranza ta’ dawn il-ġustifikazzjonijiet huma bbażati fuq il-perikli potenzjali tal-prodotti mediċinali u, għalhekk, fuq l-attenzjoni li għandha tingħata lil kull aspett tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, għanijiet li huma wkoll dawk tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam farmaċewtiku. Għalhekk, u fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġu kkunsidrati, meta jsir l-eżami tal-ġustifikazzjonijiet invokati biex jiġi pprojbit il-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali, id-diversi dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li jista’ jkollhom impatt fuq din il-kwistjoni.

    108    Fl-ewwel lok, il-Kodiċi Komunitarju jistabbilixxi, fit-Titolu VI tiegħu, bl-isem “Klassifikazzjoni ta’ prodotti mediċinali”, li l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom, meta jawtorizzaw t-tqegħid fis-suq ta’ prodott mediċinali, jippreċiżaw il-klassifikazzjoni tiegħu, jiġifieri jekk huwiex suġġett għal preskrizzjoni medika jew le. Għalkemm huma dawn l-awtoritajiet li għandhom jiddeterminaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti mediċinali, huma għandhom minkejja dan jibbażaw ruħhom fuq il-kriterji enumerati fl-Artikolu 71(1) tal-Kodiċi msemmi, jiġifieri fuq dawk li jirrigwardaw il-perikli potenzjali marbutin ma’ l-użu tal-prodott mediċinali kkonċernat (ara l-punti 5 u 6 ta’ din is-sentenza).

    109    Fit-tieni lok, din id-distinzjoni bejn il-prodotti mediċinali suġġetti għall-preskrizzjoni medika u dawk li ma humiex, li hija bbażata fuq dawk il-kriterji u għalhekk tikkonċerna l-perikolu potenzjali tal-prodott ikkonċernat, tiġi applikata fil-leġiżlazzjoni Komunitarji dwar ir-reklamar għall-prodotti mediċinali. Kif ingħad fil-punti 7 sa 13 ta’ din is-sentenza, ir-reklamar għall-prodotti mediċinali suġġetti għall-preskrizzjoni medika huwa pprojbit (Artikolu 88(1) tal-Kodiċi Komunitarju), filwaqt li, inġenerali, ir-reklamar għall-prodotti mediċinali li huma maħsuba u kkonċepiti biex jiġu użati mingħajr intervent tat-tabib, huwa permess, bir-riżerva li jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet (ara l-Artikolu 88(2) tal-Kodiċi Komunitarju).

    110    Minbarra d-distinzjoni msemmija fil-punt preċedenti, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 97/7, li jirregola l-bejgħ mill-bogħod għall-protezzjoni tal-konsumaturi, jippermetti lill-Istati Membri li jadottaw, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, miżuri li jipprojbixxu, għal raġunijiet ta’ interess ġenerali, il-kummerċjalizzazzjoni fuq it-territorju tagħhom, permezz ta’ kuntratt mill-bogħod, ta’ ċerti beni jew servizzi “partikolarment prodotti mediċinali”. Din l-aħħar dispożizzjoni tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur Komunitarju ma kellux l-intenzjoni li jeskludi l-possibbiltà għal Stat Membru li jipprojbixxi l-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali għas-sempliċi fatt li teżisti armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mediċinali fi ħdan il-Komunità, kif ukoll sistema ta’ rikonoxximent reċiproku u ta’ dispożizzjonijiet intiżi kemm għall-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar ċerti attivitajiet tal-qasam ta’ l-ispiżerija kif ukoll ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi fil-farmaċija.

    111    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandhom jiġu eżaminati l-ġustifikazzjonijiet invokati mill-Apothekerverband fir-rigward tal-prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, minn naħa, u min-naħa l-oħra għall-prodotti mediċinali li huma suġġetti b’dan il-mod.

     Il-prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika

    112    Għal dak li jirrigwarda l-prodotti mediċinali mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika, l-ebda raġuni invokata ma tista’ tiġġustifika validament il-projbizzjoni assoluta tal-bejgħ bil-korrispondenza tagħhom.

    113    Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-ħtieġa li l-klijent jiġi informat u jingħata parir meta jinxtara l-prodott mediċinali, ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li jingħataw informazzjoni u parir adegwati. Barra minn dan, kif jargumentaw ġustament l-konvenuti fil-kawża prinċipali, ix-xiri bl-internet jista’ joffri vantaġġi, bħall-possibbiltà li ssir ordni mid-dar jew mill-uffiċċju, mingħajr il-bżonm ta’ spostament, u li d-domandi jistgħu jsiru b’mod kalm lill-ispiżjara. Dawn huma vantaġġi li għandhom jiġu kkunsidrati.

    114    Fir-rigward ta’ l-argument li l-kapaċità li jirreaġixxu tal-“ispiżjara virtwali” tkun inqas minn dik ta’ l-ispiżjara fl-ispiżerija, l-iżvantaġġi li ġew invokati f’dan ir-rigward jikkonċernaw, minn naħa, l-użu possibbilment ħażin, tal-prodott mediċinali kkonċernat, u min-naħa l-oħra, l-abbuż potenzjali ta’ dan ta’ l-aħħar. Fir-rigward ta’ l-użu possibbilment ħażin tal-prodott mediċinali, riskju bħal dak jista’ jitnaqqas bis-saħħa ta’ l-argument ta’ l-elementi interattivi li jeżistu fuq l-internet li l-klijent irid juża qabel ma dan ikun jista’ jixtri. Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ abbuż, ma huwiex evidenti li, għal dawk li jixtiequ jakkwistaw b’mod abbużiv prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, ix-xiri magħmul fl-ispiżeriji tradizzjonali fil-verità joħloq iktar diffikultajiet milli x-xiri bl-internet.

    115    Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-kategorija ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, il-kunsiderazzjonijiet dwar il-kunsinna tagħhom ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw il-projbizzjoni assoluta tal-bejgħ tagħhom bil-korrispondenza.

    116    Fit-tielet lok, fir-rigward tar-raġunijiet fuq il-ħtieġa li tiġi ggarantita l-provvista ta’ prodotti mediċinali estiża u adattata għall-bżonnijiet, għandu jiġi rrilevat li skond il-konvenuti fil-kawża prinċipali (ara l-punt 100 ta’ din is-sentenza), l-“ispiżerija virtwali” Olandiża hija suġġetta għal obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku bħal dawk imsemmijin mill-Apothekerverband, b’tali mod li, f’dan ir-rigward, ma hijiex f’pożizzjoni iktar favorevoli minn dik ta’ l-ispiżeriji Ġermanizi. Barra minn hekk, l-APO, li tiffissa l-prezz ta’ bejgħ finali tal-prodotti mediċinali, tapplika biss għal dawk li huma suġġetti għal preskrizzjoni medika u għalhekk ma tkunx ġustifikata l-projbizzjoni tal-bejgħ bil-korrispondenza tal-prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għaliha u li l-ispiżeriji Ġermaniżi jistgħu jiffissaw il-prezzijiet tagħhom liberament.

     Il-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika

    117    Għal dak li jirrigwarda l-prodotti mediċinali li huma suġġetti għal preskrizzjoni medika, il-provvista lill-pubbliku teħtieġ kontroll iktar strett. Kontroll bħal dan jista’ jkun ġustifkat fir-rigward, minn naħa, tal-perikli l-iktar gravi li jistgħu joffru dawn il-prodotti mediċinali (ara l-Artikolu 71(1) tal-Kodiċi Komunitarju) u, min-naħa l-oħra, tas-sistema ta’ prezzijiet fissi applikabbli għal din il-kategorija ta’ prodotti mediċinali li tagħmel parti mis-sistema tas-saħħa Ġermaniża.

    118    Fir-rigward ta’ l-ewwel kunsiderazzjoni, il-fatt li jista’ jkun hemm differenzi fil-mod kif dawk il-prodotti mediċinali jiġu kklassifikati mill-Istati Membri, u għalhekk li prodott mediċinali partikolari jista’ jkun suġġett għal preskrizzjoni fi Stat Membru wieħed imma mhux f’ieħor, ma jfissirx li l-ewwel Stat Membru jitlef id-dritt li jieħu azzjoni iktar stretta fir-rigward għal dak it-tip ta’ prodott mediċinali.

    119    Peress li jista’ jkun hemm riskji fl-użu ta’ prodotti mediċinali, il-ħtieġa li tkun tista’ tiġi vverifikata b’mod iktar effikaċi u responsabbli l-awtentiċità tar-riċetti tat-tobba u biex jiġi żgurat li l-prodott mediċinali jingħata jew lill-klijent personalment, jew lil persuna li ġiet fdata mill-klijent biex tiġbru, tista’ tiġġustifika projbizzjoni ta’ bejgħ bil-korrispondenza. Kif osserva l-Gvern Irlandiż, jekk il-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni jiġu permessi li jingħataw kif tiġi rċevuta preskrizzjoni u mingħajr ebda kontroll ieħor dan jista’ jżid ir-riskju li l-preskrizzjonijiet jiġu abbużati jew jiġu użati b’mod skorrett. Barra minn hekk, il-possibiltà reali li l-ittikkettjar ta’ prodott mediċinali, mixtri fi spiżerija stabbilita fi Stat Membru li ma jkunx dak fejn joqgħod ix-xerrej, ikun f’lingwa li ma tkunx ta’ dan ta’ l-aħħar, jista’ jkollu konsegwenzi iktar ta’ ħsara meta jkunu prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika.

    120    L-Apothekerverband qajmet ukoll argumenti li jirrigwardaw l-integrità tas-sistema tas-saħħa Ġermaniża fis-sens li, billi l-ispiżeriji Ġermaniżi huma kostretti skond l-APO li jbiegħu l-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni bi prezzijiet fissi, jekk jiġi premess il-bejgħ transkonfinali ta’ dawn il-prodotti mediċinali bi prezzijiet mhux ikkontrollati dan jista’ jwassal biex tiġi ppreġudikata s-sopravivenza tagħhom, u għalhekk l-integrità ta’ dik is-sistema.

    121    Dan l-argument jeħtieġ l-eżami tar-raġuni għas-sistema stabbilita mill-APO, li tiffissa l-prezz tal-bejgħ tal-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika.

    122     F’dan ir-rigward, għalkemm l-għanijiet ta’ natura purament ekonomika ma jistgħux jiġġustifikaw ostakolu għall-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-merkanżija, ma jistax jiġi eskluż li riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali jista’ jikkostitwixxi, fih innifsu, raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku li tista’ tiġġustifika ostakolu bħal dak [ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kohll, punt 41; Vanbraekel et, punt 47; Smits U Peerbooms, punt 72, u tat-13 ta’ Mejju 2003, Müller‑Fauré u Van Riet (C‑385/99, Ġabra p. I‑11819, punti 72 u 73)]. Barra minn hekk, suq nazzjonali tal-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika, jista’ jiġi kkaratterizzat minn fatturi mhux kummerċjali b’mod li leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa l-prezzijiet li bihom jinbiegħu ċerti prodotti mediċinali għandha tinżamm sa fejn tagħmel parti integrali mis-sistema ta’ saħħa nazzjonali.

    123    Madankollu, la l-Apothekerverband u lanqas l-Istati Membri li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ma ppreżentaw argumenti dwar il-ħtieġa ta’ l-APO. Għaldqastant, fin-nuqqas ta’ argumenti bħal dawn, ma jistax jiġi deċiż li, fir-rigward ta’ mediċini suġġetti għal preskrizzjoni, il-projbizzjoni fuq il-bejgħ bil-korrispondenza fil-Ġermanja tista’ tkun ġġustifikata għal raġunijiet ta’ bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali jew l-integrità tas-sistema tas-saħħa nazzjonali.

    124    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għall-paragrafu b) ta’ l-ewwel domanda, għandha tingħata risposta fis-sens li l-Artikolu 30 KE jista’ jiġi invokat biex jiġġustifika projbizzjoni nazzjonali ta’ bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali li l-bejgħ tagħhom huwa riżervat esklużivament għall-ispiżeriji fl-Istat Membru kkonċernat sa fejn il-projbizzjoni tkopri prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika. Iżda l-Artikolu 30 KE ma jistax jiġi invokat biex jiġġustifika projbizzjoni assoluta ta’ bejgħ bil-korrispondenza tal-prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika fl-Istat Membru kkonċernat.

     Fuq l-importazzjoni mill-ġdid tal-prodotti mediċinali [il-paragrafu c) ta’ l-ewwel domanda]

    125    Fil-paragrafu c) ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-domandi 1(a) u (b) li jirrigwardaw, minn naħa, jekk l-Artikolu 43(1) ta’ l-AMG jammontax għal miżura li għandha effett ekwivalenti u, min-naħa l-oħra, fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni eventwali għaliha, għandhomx jiġu evalwati b’mod differenti, fid-dawl ta’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE, meta l-prodotti mediċinali huma importati fi Stat Membru fejn huma awtorizzati, billi nxtraw minn qabel minn spiżerija fi Stat Membru ieħor mingħand grossist fl-Istat Membru ta’ importazzjoni.

     Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

    126    Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jfakkru li l-Artikolu 28 KE jipprojbixxi kull ostakolu għall-importazzjonijiet, indipendentement mill-post tal-produzzjoni tal-merkanzija. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet espressament li l-importazzjoni mill-ġdid tidħol fil-qasam tal-protezzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija [ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 1996, Schmit (C‑240/95, Ġabra p. I‑3179, punt 10), tat-12 ta’ Novembru 1996, Smith & Nephew U Primecrown (C‑201/94, Ġabra p. I‑5819, punti 18 sa 22), tal-5 ta’ Diċembru 1996, Merck U Beecham (C‑267/95 u C‑268/95, Ġabra p. I‑6285), u tat-12 ta’ Ottubru 1999, Upjohn (C‑379/97, Ġabra p. I‑6927, punti 13 u 14)]. Huma jsostnu li, kuntrarjament għall-pożizzjoni esposta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 1974, Van Binsbergen (33/74, Ġabra p. 1299), u tal-10 ta’ Jannar 1985, Leclerc et (229/83, Ġabra p. 1), l-importazzjoni mill-ġdid ta’ prodotti mediċinali awtorizzati minn spiżerija stabbilita fi Stat Membru ieħor ma tikkostitwixxix evitar abbużiv tad-dispożizzjonijiet nazzjonali obbligatorji. Filwaqt li ssottomettew li t-tranżazzjoni kummerċjali transkonfinali inkwistjoni quddiem il-qorti nazzjonali saret f’żewġ stadji separati ta’ kummerċjalizzazzjoni u, barra minn hekk, f’livelli differenti tas-suq (l-ewwel, il-prodotti mediċinali ġew esportati mill-grossisti Ġermaniżi lill-ispiżeriji stabbiliti fi Stat Membru ieħor u mbagħad it-tieni, ġew importati mill-ġdid fil-livell ta’ bejgħ bl-imnut lill-klijenti privati finali), il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li dik it-tranżazzjoni timmerita protezzjoni taħt l-Artikolu 28 KE billi tikkontribwixxi preċiżament għat-twettiq tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. Huma jsostnu li barra minn hekk, ma hemmx lok li jkun hemm użu abbużiv tal-moviment liberu tal-merkanzija għas-sempliċi raġuni li l-bejgħ bil-korrispondenza jsegwi preċiżament l-oġġettiv li jikkostitwixxi l-qalba tal-moviment liberu tal-merkanzija [ara, għal dak li jirrigwarda l-libertà ta’ stabbiliment, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros (C‑212/97. Ġabra p. I‑1459)].

     Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja


     Jekk l-Artikolu 43(1) ta’ l-AMG jikkostitwixxix miżura li għandha effett ekwivalent għal restrizzjoni kwantitattiva

    127     Fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-Artikolu 43(1) ta’ l-AMG huwiex miżura li għandha effett ekwivalenti fis-sens ta’ l-Artikolu 28 KE, il-post tal-manifattura ta’ prodott ma huwiex sinjifikattiv. Għaldaqstant, prodott maħdum fit-territorju ta’ Stat Membru, li huwa esportat imbagħad importat mill-ġdid f’dan l-istess Stat, jikkostitwixxi prodott importat bl-istess mod bħal prodott maħdum fi Stat Membru ieħor li jiddaħħal direttament fit-territorju nazzjonali (ara, f’dan is-sens is-sentenzi, iċċitati iktar ’il fuq, Leclerc et, punt 26, u Schmit, punt 10).

    128    Din l-analiżi tibqa’ valida anki jekk d-dritt li jirregola l-bejgħ tal-prodotti fil-kawża prinċipali, jiġifieri il-prodotti mediċinali, ma huwiex armonizzat fil-livell Komunitarju, b’mod li prodott li jiġi mill-Istat ta’ importazzjoni jista’, fil-prinċipju, mill-fatt taċ-ċirkulazzjoni trans­konfinali tiegħu, jibbenefika mill-protezzjoni tad-dritt Komunitarju.

    129    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tammetti li, fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, li evalwazzjoni bħal dik ma tapplikax fil-każ fejn elementi oġġettivi jistabbilixxu li l-prodotti inkwistjoni ġew esportati għall-iskop biss li jerġgħu jiġu importati bil-għan li tiġi evitata leġiżlazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali (ara s-sentenza Leclerc et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

    130    Fil-kawża li biha hija adita l-qorti tar-rinviju, sa fejn l-operatur ekonomku li kien esporta l-prodotti mediċinali ma kienx involut fl-importazzjoni mill-ġdid tagħhom, l-importazzjoni mill-ġdid tal-prodotti mediċinali mill-konvenuti fil-kawża prinċipali ma kellhiex in-natura ta’ użu abbużiv għaċ-ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija.

    131    Konsegwentement, billi dispożizzjoni bħall-Artikolu 43(1) ta’ l-AMG jista’ jkollha bħala effett li tirrestrinġi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti mediċinali ġejjin minn Stati Membri oħrajn, l-analiżi li tgħid li dik id-dispożizzjoni għandha titqies bħala miżura li għandha effett ekwivalenti ma tistax tkun limitata għall-prodotti mediċinali li joriġinaw fl-Istati Membri li ma jkunux l-Istati Membri ta’ importazzjoni, imma tirrigwarda wkoll il-prodotti mediċinali li nxtraw mingħand il-grossisti stabbiliti fl-Istat Membru ta’ importazzjoni.

     Fuq jekk hemmx ġustifikazzjoni

    132    Fir-rigward tar-risposta li għandha tingħata dwar il-ġustifikazzjoni tal-projbizzjoni tal-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali, hemm bżonn li ssir ukoll distinzjoni bejn, minn naħa, il-prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika u, min-naħa l-oħra, dawk li huma suġġetti għal preskrizzjoni bħal dik. Dwar l-ewwel kategorija, il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom ġie kkonstatat, fil-punti 112 sa 116 ta’ din is-sentenza, li dik il-projbizzjoni ma hijiex iġġustifikata, japplikaw bl-istess mod għall-prodotti importati mill-ġdid. Għalhekk, ma hemmx lok li, fir-rigward ta’ l-Artikolu 28 KE, tiġi mmodifikata r-risposta għall- paragrafu b) ta’ l-ewwel domanda.

    133    Fir-rigward tal-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika, il-kunsiderazzjonijiet dwar l-importazzjoni mill-ġdid tagħhom, jiġifieri, b’mod partikolari, il-fatt li l-prodotti mediċinali importati mill-ġdid ma jkunux suġġetti għall-APO minħabba x-xiri bl-internet, billi diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tar-risposta mogħtija għall-paragrafu b) ta’ l-ewwel domanda, ma hemmx lok li din ir-risposta tiġi mmodifikata.

    134    Għalhekk, għall-paragrafu c) ta’ l-ewwel domanda għandha tingħata risposta fis-sens li l-paragrafi a) u b) ta’ l-ewwel domanda ma għandhomx għalfejn jiġu evalwati b’mod differenti meta l-prodotti mediċinali jiġu importati fi Stat Membru fejn huma awtorizzati, wara li jkunu ġew akkwistati minn qabel minn spiżerija stabbilita fi Stat Membru ieħor mingħand grossisti stabbiliti f’dan l-Istat Membru ta’ importazzjoni.

     Fuq it-tieni domanda

    135    Bl-ewwel parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi sostanzjalment jekk, fil-kuntest ta’ projbizzjoni nazzjonali tar-reklamar għall-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali, l-Artikoli 28 KE u 30 KE jipprekludux interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “reklamar”, fejn huma kklassifikati bħala “reklamar projbit” diversi aspetti tal-portal ta’ l-internet ta’ spiżerija stabbilita fi Stat Membru, b’mod li l-ordnijiet transkonfinali ta’ prodotti mediċinali bl-internet isiru ferm iktar diffiċli.

    136    Din id-domanda tippresupponi li bejgħ legali ta’ prodotti mediċinali bl-internet jikkoinċidi mal-projbizzjoni legali tar-reklamar ta’ dawk il-prodotti, li jistgħu jaffettwa ħażin dan il-bejgħ. Għalhekk, għandu jiġi ppreċiżat li qed isiru żewġ domandi separati, jiġifieri, l-ewwel nett, dik tal-kompatibbiltà tal-projbizzjonijiet nazzjonali fuq ir-reklamar għall-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali ma’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE u t-tieni nett, il-kwistjoni jekk, sa fejn dawn il-projbizzjonijiet (jew uħud minnhom) huma kompatibbli, interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “reklamar”, li jkollu l-effett li jagħmel il-bejgħ bl-internet iktar diffiċli, tkunx kompatibbli wkoll ma’ dawn id-dispożizzjonijiet.

    137    Huwa biss meta projbizzjoni fuq ir-reklamar li huwa kompatibbli mad-dritt Komunitarju tikkoinċidi ma’ bejgħ bl-internet li huwa kompatibbli wkoll mad-dritt Komunitarju li jkun meħtieġ li jiġi kkunsidrat kemm għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ l-kunċett ta’ “reklamar”, kif ukoll il-paragrafi a) u b) tat-tieni domanda.

     Fuq il-kompatibbiltà tal-projbizzjonijiet ta’ reklamar mad-dritt Komunitarju

    138    Kif intqal fil-punti 31 sa 33 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tistabbilixxi tliet tipi ta’ projbizzjonijiet ta’ reklamar fuq il-prodotti mediċinali. Għandu jiġi ddeterminat jekk, fost dawn il-projbizzjonijiet, kull waħda minnhom tikkonformax mad-dritt Komunitarju. L-ewwel nett, fir-rigward ta’ l-Artikolu 3 tal-HWG li jistabbilixxi, sostanzjalment, projbizzjoni tar-reklamar fuq il-prodotti mediċinali li huma suġġetti għal awtorizzazzjoni imma li ma kisbuhiex, biżżejjed li wieħed jara li dik il-projbizzjoni tikkonforma ma’ dik fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 92/28, issostitwit mill-Artikolu 87(1) tal-Kodiċi Komunitarju. Għalhekk ma hijiex kwistjoni li tiġi eżaminata l-konformità ta’ dik il-projbizzjoni mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

    139    Fit-tieni lok, l-Artikolu 10(1) tal-HWG jistabbilixxi, b’mod ġenerali, projbizzjoni tar-reklamar għal prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika. Kif intqal fir-rigward ta’ l-Artikolu 3 tal-HWG, projbizzjoni kif hemm fl-Artikolu 10(1) ta’ din il-liġi tikkonforma, kif qalet il-Kummissjoni, mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/28, issostitwiet bl-Artikolu 88 (1) tal-Kodiċi Komunitarju, li wkoll jagħmel projbizzjoni simili fil-livell Komunitarju. Għaldaqstant, minħabba l-fatt li projbizzjoni nazzjonali bħal dik tikkostitwixxi miżura ta’ traspożizzjoni nazzjonali ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni Komunitarja, ma huwiex il-każ li jiġi ddubitat jekk tikkonformax mat-Trattat.

    140    Fit-tielet lok, l-Artikolu 8(1) tal-HWG jistabbilixxi projbizzjoni fuq ir-reklamar għall-bejgħ bil-korrispondenza tal-prodotti mediċinali li l-provvista tagħhom hija riżervata esklużivament għall-ispiżeriji. Fil-paragrafu 2 tiegħu, dan l-Artikolu jipprojbixxi wkoll ir-reklamar fuq il-bejgħ ta’ prodotti mediċinali permezz ta’ l-importazzjoni individwali, taħt il-punt 6a ta’ l-Artikolu 73(2) jew (3) ta’ l-AMG. Skond l-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, din l-aħħar projbizzjoni, moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 73(1) ta’ l-AMG trid timpedixxi li l-possibbiltà ta’ importazzjoni individwali ta’ prodotti mediċinali mhux awtorizzati twassal, minħabba r-reklamar li jkun sar, biex tiġi ppreġudikata s-sistema ta’ awtorizzazzjoni meta, taħt l-AMG, possibbiltà bħal dik hija prevista biss bħala eċċezzjoni. Fi kwalunkwe każ, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 171 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta mill-proċess trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju li din tikkunsidra li l-unika projbizzjoni li jagħmel l-Artikolu 8(1) tal-HWG tapplika għall-bejgħ bil-korrispondenza tal-prodotti mediċinali. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8(2) tal-HWG ma jagħmlux parti mill-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża prinċipali.

    141    Għal dak li jirrigwarda l-projbizzjoni taħt l-Artikolu 8(1) tal-HWG, għandu jiġi osservat li din ma għandhiex korollarju preċiż fil-livell tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. F’dan ir-rigward meta l-Artikolu 88(1) tal-Kodiċi Komunitarju jipprojbixxi r-reklamar għall-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika, il-paragrafu (2) ta’ din id-dispożizzjoni jippermetti, inġenerali, ir-reklamar għal prodotti mediċinali previsti u kkonċepiti biex jiġu użati mingħajr l-intervent ta’ tabib, imma, jekk ikun hemm bżonn, bil-parir ta’ l-ispiżjar.

    142    Il-Gvern Awstrijak jistrieħ fuq dik id-dispożizzjoni biex josserva li anki jekk dak it-tip ta’ reklamar huwa, fil-prinċipju, ammissibbli, u inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-Artikolu 88 ta’ dak il-kodiċi ma jippreċiżax sa fejn l-parir ta’ l-ispiżjar huwa meħtieġ, wieħed għandu jassumi li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni f’din il-kwistjoni. Għaldaqstant, dan il-Gvern jikkunsidra li projbizzjoni tar-reklamar bl-internet huwa ġustifikat ukoll għall-prodotti mediċinali li l-bejgħ tagħhom huwa riżervat esklużivament għall-ispiżeriji u li ma humiex suġġetti għall-preskrizzjoni medika.

    143    F’dan ir-rigward għandha titfakkar ir-risposta mogħtija għall-paragrafu b) ta’ l-ewwel domanda, fil-punti 112 sa 116 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tal-projbizzjoni tal-bejgħ bil-korrisponenza tal-prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika. B’din ir-risposta, ġie deċiż li din il-projbizzjoni ma tistax tkun ġustifikata, għal dak li jikkonċerna dawn il-prodotti mediċinali, mill-ħtieġa allegata tal-preżenza fiżika ta’ spiżjar matul ix-xiri ta’ dan it-tip ta’ prodotti mediċinali.

    144    Jirriżulta li l-Artikolu 88(2) tal-Kodiċi Komunitarju, li jawtorizza r-reklamar lill-pubbliku ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, ma jistax jiġi interpretat bħala li jeskludi r-reklamar għall-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali abbażi tal-ħtieġa allegata tal-preżenza fiżika ta’ spiżjar. Għaldaqstant, l-Artikolu 88(1) tal-Kodiċi Komunitarju, li jipprojbixxi r-reklamar għal prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika, huwa kontra projbizzjoni bħal dik stabbilita fl-Artikolu 8(1) tal-HWG sa fejn din il-projbizzjoni tolqot prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika.

     Fuq il-portata tal-kunċett “reklamar lill-pubbliku” taħt l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 1(3), u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/28.

    145    Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li l-uniċi projbizzjonijiet ta’ reklamar li hemm taħt l-Artikoli 3a u 10 tal-HWG, jiġifieri dawk li jikkonċernaw, minn naħa, il-prodotti mediċinali mhux awtorizzati u, min-naħa l-oħra, il-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika, jikkonformaw mad-dritt Komunitarju. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-portata ta’ kull waħda minn dawn il-projbizzjonijiet jistax ikollha l-effett li tipprojbixxi l-bejgħ ta’ prodotti mediċinali bl-internet, biex jiġi ddeterminat jekk hemmx lok li tingħata interpretazzjoni tal-kunċett “reklamar lill-pubbliku” speċjalment fir-rigward tal-portata ta’ dan il-kunċett.

    146    Għal dak li jikkonċerna projbizzjoni bħal dik fl-Artikolu 3a tal-HWG, biżżejjed li jiġi mfakkar li t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni anki ta’ prodotti mediċinali fit-territorju ta’ Stat Membru fejn huma suġġetti għal awtorizzazzjoni imma li ma kisbuhiex huwa pprojbit fi-livell Komunitarju. Għalhekk, ma jistax jiġi sostnut li din hija projbizzjoni li ma tħallix il-bejgħ legali ta’ prodotti mediċinali bl-internet.

    147    Fir-rigward tal-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix projbizzjoni ta’ bejgħ bħal dan, li jfisser li l-projbizzjoni li jsir reklamar għall-bejgħ bil-korrispondenza ta’ din il-kategorija ta’ prodotti mediċinali ma hijiex kkunsidrata iktar bħala ta’ natura tali li tipprevjeni forma ta’ bejgħ legali ta’ prodotti mediċinali.

    148    Invista ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel parti tat-tieni domanda hija li l-Artikolu 88(1) tal-Kodiċi Komunitarju jipprekludi projbizzjoni nazzjonali li jsir reklamar għall-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali fejn il-provvista hija riżervata esklużivament għall-ispiżeriji fl-Istat Membru kkonċernat, kif stabbilit fl-Artikolu 8(1) tal-HWG, sa fejn din il-projbizzjoni tolqot prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika.

    149    Għaldaqstant, u inkunsiderazzjoni tar-risposta mogħtija għall-paragrafu b) ta’ l-ewwel domanda, għandu jiġi osservat li ma teżistix, fil-kawża prinċipali, projbizzjoni ta’ reklamar konformi mad-dritt Komunitarju li jista’ jkollha bħala effett il-projbizzjoni ta’ bejgħ legali tal-prodotti mediċinali bl-internet. Għalhekk, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-paragrafi a) u b) tat-tieni domanda.

     Fuq it-tielet domanda

    150    Invista tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

     Fuq l-ispejjeż

    151    L-ispejjeż sostnuti mill-Gvernijiet Ġermaniż, Elleniku, Franċiż, Irlandiż u Awstrijak, kif ukoll mill-Kummissjoni, li ppreżentaw l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI,

    Bi tweġiba għad-domandi li tressqu quddiemha mil-Landgericht Frankfurt am Main, bid-digriet tal-10 ta’ Awwissu 2001, taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      a)     Projbizzjoni nazzjonali ta’ bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali fejn il-bejgħ huwa riżervat esklużivament għall-ispiżeriji fl-Istat Membru kkonċernat, kif stabbilit fl-Artikolu 43(1) ta’ l-arzneimittelgesetz (Liġi fuq il-prodotti mediċinali), fil-verżjoni tagħha tas-7 ta’ Settembru 1998, tikkoswtitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti fis-sens ta’ l-Artikolu 28 KE.

             b)     L-Artikolu 30 KE jista’ jiġi invokat biex jiġġustifika projbizzjoni nazzjonali ta’ bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali li l-bejgħ tagħhom huwa riżervat esklużivament għall-ispiżeriji fl-Istat Membru kkonċernat sa fejn il-projbizzjoni tkopri prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika. Iżda l-Artikolu 30 KE ma jistax jiġi invokat biex jiġġustifika projbizzjoni assoluta ta’ bejgħ bil-korrispondenza tal-prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika fl-Istat Membru kkonċernat.

             c)     Il-paragrafi a) u b) ta’ l-ewwel domanda ma għandhomx għalfejn jiġu evalwati b’mod differenti meta l-prodotti mediċinali jiġu importati fi Stat Membru fejn huma awtorizzati, wara li jkunu ġew akkwistati qabel minn spiżerija stabbilita fi Stat Membru ieħor mingħand grossisti stabbiliti f’dan l-Istat Membru ta’ importazzjoni.

    2)      L-Artikolu 88(1) tad-Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Novembru 2001, dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, jipprekludi projbizzjoni nazzjonali li jsir reklamar għall-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali fejn il-provvista hija riżervata esklużivament għall-ispiżeriji fl-Istat Membru kkonċernat, kif stabbilit fl-Artikolu 8(1) tal-Heilmittelwerbegesetz (Liġi dwar ir-reklamar tal-prodotti mediċinali), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fid-19 ta’ Ottubru 1994, sa fejn din il-projbizzjoni tolqot prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika.

    Skouris

    Jann

    Timmermans

    Gulmann

    Cunha Rodrigues

    Rosas

    Edward

    La Pergola

    Puissochet

    Schintgen

    Macken

    Colneric

     

          von Bahr

     

    Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Diċembru 2003.

    Reġistratur

     

           Il-President

    R. Grass

     

           V. Skouris


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top