Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62001CJ0283

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-Sitt Awla) tas-27 ta' Novembru 2003.
    Shield Mark BV vs Joost Kist h.o.d.n. Memex.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Hoge Raad der Nederlanden - l-Olanda.
    Approssimazzjoni tal-liġijiet - Direttiva 89/104/KEE - Artikolu 2.
    Kawża C-283/01.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2003:641

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    27 ta’ Novembru 2003 (*)

    “Trade marks – Approssimazzjoni ta’ liġijiet – Direttiva 89/104/KEE – Artikolu 2 – Sinjali li jistgħu jintużaw fi trade mark – Sinjali li jistgħu jkunu rrappreżentati grafikament – Sinjali ta’ ħoss – Notazzjoni mużikali – Deskrizzjoni bil-miktub – Onomatopea”

    Fil-Kawża C‑283/01

    li għandha bħala suġġett talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 234 KE, mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) intiża li tikseb, fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti bejn

    Shield Mark BV

    u

    Joost Kist h.o.d.n. Memex,

    deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn V. Skouris, li qed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, J. N. Cunha Rodrigues, J.‑P. Puissochet u R. Schintgen, u F. Macken (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

    Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati minn:

    –        għal Shield Mark BV, minn T. Cohen Jehoram u E. J Morée, avukati,

    –        għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,

    –        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A. Maitrepierre, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Taljan, minn U. Leanza, bħala aġent, assistit minn O. Fiumara, avvocato dello Stato,

    –        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

    –        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. E. Collins, bħala aġent, assistit minn D. Alexander, barrister,

    –        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. B. Rasmussen u H. H. Speyart, bħala aġenti,

    wara li rat ir-rapport għas-seduta,

    wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ Shield Mark BV, irrappreżentata minn T. Cohen Jehoram, tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn N. A. J. Bel, bħala aġent, kif ukoll tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn N. B. Rasmussen u H. van Vliet, bħala aġenti, fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2003,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ April 2003,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Lulju 2001, li waslet lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Lulju 2001, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) għamlet żewġ domandi preliminari taħt l-Artikolu 234 KE fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92, iktar ’il quddiem, id-“Direttiva”).

    2        Dawn id-domandi ġew magħmula fil-kuntest ta’ kawża bejn Shield Mark BV (iktar ’il quddiem, “Shield Mark”) u J. Kist li jeżerċita n-negozju tiegħu taħt l-isem “Memex”, fir-rigward tal-użu minn dan ta’ l-aħħar ta’ ħsejjes akustiċi fin-negozju tiegħu li kienu preċedentement irreġistrati minn Shield Mark mal-Bureau Benelux des marques (iktar ’il quddiem il-“BBM”) bħala trade marks ta’ ħoss.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3        Id-Direttiva għandha bħala għan, skond l-ewwel premessa tagħha, li jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, sabiex jiġu eliminati d-diskrepanzi eżistenti li jistgħu jfixklu l-moviment liberu tal-merkanzija kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Mandankollu, hekk kif jirriżulta mit-tielet premessa tagħha, hija mhijiex intiża li tagħmel approssimazzjoni kompleta ta’ l-imsemmija liġijiet.

    4        Is-seba’ premessa tad-Direttiva tipprovdi li “l-ksib ta’ l-merkanzija li din l-approssimazzjoni tal-liġijiet qed taspira għalihom [l-ksib ta’ l-għanijiet mfittxa minn din l-approssimazzjoni ta’ liġijiet] tirrikjedi li l-kondizzjonijiet għall-kiżba u ż-żamma ta’ trade mark irreġistrata huma, ġeneralment identiċi fl-Istati Membri kollha” u li “għal dan l-iskop, huwa neċessarju li jkunu elenkati eżempji ta’ sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark, dejjem jekk tali sinjali huma kapaċi li jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra”.

    5        L-Artikolu 2 tad-Direttiva, intitolat “Sinjali li trade mark jistgħu jikkonsistu minnhom [Sinjali li jistgħu jintużaw fi trade mark]”, fih il-lista ta’ eżempji msemmija fis-seba’ premessa. Huwa jipprovdi li:

    “Trade mark tista’ tikkonsisti minn xi [kwalunkwe] sinjal li jista’ jiġi magħmul [rrappreżentat] grafikament, b’mod partikolari bi kliem li jinkludu ismijiet personali, disinn, ittri, numri, l-għamla tal-merkanzija jew l-imballaġġ tagħhom, basta li tali sinjali jistgħu jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra.”

    6        Il-paragrafi (1)(a) u (1)(b) ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva, intitolat “Raġunijiet għar-rifjut jew invalidità” jipprovdu:

    “Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew jekk reġistrati għandhom ikunu suġġetti li jiġu dikjarati invalidi:

    a) sinjali li ma jistgħux jikkostitwixxu trade mark;

    b) trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva”.

     Il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-Benelux

    7        Ir-Renju tal-Belġju, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fasslu l-liġi tat-trade marks tagħhom f’liġi komuni, il-liġi uniformi tal-Benelux fuq it-trade marks (Trb. 1962, 58, u Trb. 1983, 187, iktar ’il quddiem, il-“LBM”), u r-responsabbiltà għall-implementazzjoni ta’ din il-liġi ġiet mogħtija lil istituzzjoni komuni, il-BBM.

    8        B’effett mill-1 ta’ Jannar 1996, il-LBM ġiet emendata permezz tal-Protokoll tat-2 ta’ Diċembru 1992, li jemenda l-imsemmija liġi (Trb. 1993, 12, iktar ’il quddiem, il-“Protokoll”), bil-għan li d-Direttiva tiġi trasposta fis-sistema legali ta’ dawn it-tliet Stati Membri.

    9        Madankollu, ma kienx meqjus meħtieġ li l-LBM tiġi emendata sabiex l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva jiġu trasposti b’mod espliċitu. F’dan ir-rigward, is-sitt u s-seba’ sub-paragrafi tal-punt I.2 ta’ l-espożizzjoni tal-motivi tal-Protokoll jipprovdu:

    “L-Artikolu 2 tad-Direttiva li jirrigwarda s-sinjali li jistgħu jiġu protetti, ma jirrikjedix it-tibdil tal-LBM. Il-kliem ta’ dan l-Artikolu jikkorrispondi kważi kompletament ma’ l-Artikolu 1 tal-LBM. Għalkemm huwa minnu li, għall-kuntrarju ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva, l-Artikolu 1 tal-LBM ma jeħtieġx li s-sinjali għandhom jkunu jistgħu jiġu rrappreżentati grafikament, fil-prattika s-sinjali għandhom jissodisfaw dan ir-rekwiżit sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni bħala trade marks.

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva lanqas ma jagħti lok għal tibdil fil-LBM. Ir-raġunijiet għar-rifjut jew ta’ invalidità assoluta previsti fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu huma misjuba fl-Artikoli 1, 4(1) u 4(2) meħuda flimkien ma’ l-Artikolu 14 (A)(1) tal-LBM […]”

    10      L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 1 tal-LBM, li ma ġiex emendat mill-Protokoll, jipprovdi:

    “Jitqiesu li huma trade marks individwali ismijiet, disinni, timbri, siġilli, ittri, numri, għamliet ta’ prodotti jew ta’ ppakkjar jew kull sinjal ieħor li jservi sabiex jiddistingwi l-prodotti ta’ impriża.”

    11      L-Artikolu 1(b) tar-regolament ta’ implementazzjoni tal-LBM jipprovdi li “applikazzjoni għal trade mark fil-Benelux ssir bil-lingwa Franċiża jew Olandiża permezz tal-produzzjoni ta’ dokument li fih […] ir-riproduzzjoni tat-trade mark”

    12      Għalkemm qabel id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll fl-1 ta’ Jannar 1996, il-BBM ma kienet tagħmel ebda kontroll sostantiv tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark, u meta kien ikun hemm bżonn tali kontroll kien isir ex post facto fil-każ ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew fil-kuntest ta’ kontro-talba f’każ li jinvolvi l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark, minn dik id-data ’il quddiem hija bdiet teżamina l-applikazzjonijiet ippreżentati abbażi tar-raġunijiet assoluti tar-rifjut elenkati fil-LBM.

    13      Fir-rigward tat-trade marks ta’ ħoss, il-BBM inizjalment kien jikkunsidra li dawn setgħu jiġu rreġistrati. Madankollu, wara s-sentenza tal-Gerechtshof te ‘s Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi) tas-27 ta’ Mejju 1999 mogħtija fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, il-BBM ġeneralment irrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ trade marks ta’ ħoss.

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    14      Shield Mark hija proprjetarja ta’ erbatax-il trade mark irreġistrati mal-BBM, l-ewwel waħda fil-5 ta’ Ġunju 1992 u l-aħħar waħda fit-2 ta’ Frar 1999, għal diversi prodotti u servizzi fil-klassijiet 9 [programmi ta’ l-informatika rreġistrati (applikazzjonijiet) eċċ.], 16 (rivisti, gazzetti, eċċ.), 35 (reklamar, immaniġjar ta’ negozju, eċċ.) 41 (edukazzjoni, taħriġ, organizzazzjoni ta’ seminars fuq ir-reklamar, fuq is-sengħa tas-suq, fuq il-proprjetà intellettwali u fuq il-komunikazzjoni fil-qasam kummerċjali, eċċ.) u 42 (servizzi legali) tat-Trattat ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u tas-servizzi għall-fini tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrevedut u emendat.

    15      Erba’ minn dawn it-trade marks jikkonsistu f’mużika miktuba li għandha l-ewwel disa’ noti tal-kompożizzjoni mużikali “Für Elise” ta’ L. van Beethoven. Tnejn minnhom jinkludu l-kliem “trade mark ta’ ħoss, it-trade mark tikkonsisti fir-rappreżentazzjoni tal-melodija magħmula minn noti traskritti (grafikament) fuq il-ħames linji paralleli li fuqhom tinkiteb il-mużika”. Għal wieħed minn fost dawn it-tnejn, jissemma li “jindaqqu fuq il-pjanu”.

    16      Erba’ trade marks oħra jikkonsistu “fl-ewwel disa’ noti ta’ ‘Für Elise’”. Tnejn minn dawn jinkludu l-kliem “trade mark ta’ ħoss, it-trade mark tikkonsisti fil-melodija deskritta”. Fir-rigward ta’ waħda minn dawn it-tnejn, jissemma wkoll li “tindaqq fuq il-pjanu”.

    17      Tliet trade marks oħra jikkonsistu fis-sekwenza ta’ noti mużikali “E, D#, E, D#, E, B, D, C, A”. Tnejn minnhom jinkludu l-kliem “trade mark ta’ ħoss, it-trade mark tikkonsisti fir-riproduzzjoni tal-melodija magħmula mis-sewekenza ta’ noti kif deskritti”. Minbarra dan, fir-rigward ta’ waħda minn fost dawn it-tnejn, jissemma li “jindaqqu fuq il-pjanu”.

    18      Tnejn mit-trade marks irreġistrati minn Shield Mark jikkonsistu fid-denominazzjoni “Kukelekuuuuu” (onomatopea li, fl-Olandiż, tissuġġerixxi serduk jidden). Wieħed minn dawn it-tnejn jinkludi l-kliem “trade mark ta’ ħoss, it-trade mark hija onomatopea li timita serduk jidden”.

    19      Fl-aħħar nett, trade mark oħra tikkonsisti “fil-ħoss ta’ serduk jidden” flimkien mal-kliem “trade mark ta’ ħoss, it-trade mark tikkonsisti fil-ħoss ta’ serduk jidden kif deskritt”.

    20      F’Ottubru 1992, Shield Mark nediet kampanja ta’ reklamar fuq ir-radju fejn kull wieħed mir-reklami kien jibda b’melodija (jingle) li tuża l-ewwel disa’ noti ta’ “Für Elise”. Minbarra dan, mill-1 ta’ Frar 1993, hija ħarġet skeda ta’ informazzjoni dwar is-servizzi li toffri fuq is-suq. Dawn l-iskedi jiġu murija fi stands f’libreriji u ħwienet li minnhom jinbiegħu l-gazzetti u l-medodija tindaqq kull darba li titneħħa waħda mill-iskedi mill-istand. Fl-aħħar nett, Shield Mark tippubblika applikazzjoni intiża għall-avukati u għall-ispeċjalisti tas-sengħa tas-suq u kull darba li tintuża d-diska ta’ din l-applikazzjoni, jinstema serduk jidden.

    21      J. Kist li jeżerċita attività ta’ konsulent fil-qasam tal-komunikazzjoni, b’mod partikolari fil-liġi tar-reklamar u fil-liġi tat-trade marks, jorganizza konferenzi fuq il-proprjetà intellettwali u fuq is-sengħa tas-suq u jippubblika rivista fuq dawn l-affarjiet.

    22      Matul kampanja ta’ reklamar li bdiet fl-1 ta’ Jannar 1995, J. Kist uża melodija magħmula mill-ewwel disa’ noti ta’ “Für Elise” u biegħ ukoll programm ta’ l-informatika li, meta jibda jintuża, jagħmel il-ħoss ta’ serduk jidden.

    23      Shield Mark ippreżentat rikors kontra J. Kist ibbażat fuq il-ksur tat-trade mark tagħha u fuq kompetizzjoni inġusta.

    24      Permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Mejju 1999, il-Gerechtshof te ‘s Gravenhage laqgħat ir-rikors ta’ Shield Mark sa fejn kien ibbażat fuq id-dritt dwar ir-responsabbiltà ċivili, imma ċaħditu sa fejn kien ibbażat fuq il-liġi tat-trade marks, minħabba li l-intenzjoni tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri tal-Benelux kienet li r-reġistrazzjoni ta’ ħsejjes bħala trade marks jiġu rrifjutati.

    25      Shield Mark ippreżentat appell quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden, li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      a)     L-Artikolu 2 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li ħsejjes jew storbju jistgħu jiġu kkunsidrati bħala trade marks?

    b)      Fil-każ li r-risposta għall-paragrafu (a) ta’ l-ewwel domanda tingħata fin-negattiv: is-sistema maħluqa mid-Direttiva timplika li l-ħsejjes jew l-istorbju għandhom jistgħu jiġu kkunsidrati bħala trade marks?

    2)      a)     Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda 1(a) tingħata fin-negattiv: liema huma l-kundizzjonijiet imposti mid-Direttiva li taħthom trade mark ta’ ħoss tista’ tiġi rrappreżentata b’mod grafiku fis-sens ta’ l-Artikolu 2 tagħha u, f’dan ir-rigward, kif għandha ssir applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark bħal din?

    b)      B’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tad-Direttiva imsemmija fil-paragrafu (a) jiġu ssodisfatti jekk il-ħoss jew l-istorbju jkun irreġistrat taħt wieħed minn dawn il-forom:

    –        noti ta’ mużika;

    –        deskrizzjoni bil-miktub taħt il-forma ta’ onomatopea;

    –        deskrizzjoni bil-miktub taħt forma oħra;

    –        rappreżentazzjoni grafika bħalma huwa graf li juri d-distribuzzjoni ta’ l-enerġija fi frekwenzi differenti ta’ ħoss;

    –        reġistrazzjoni ta’ ħsejjes annessa mal-formola ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni;

    –        reġistrazzjoni diġitali li tista’ tinstema’ fuq l-internet;

    –        diversi minn dawn il-metodi meħuda flimkien;

    –        xi forma oħra u, jekk dan huwa l-każ, liema waħda?”

     Fuq l-ewwel domanda

    26      Permezz tal-paragrafu (a) ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li sinjali ta’ ħoss jistgħu jiġu kkunsidrati bħala trade marks. Fil-każ ta’ risposta negattiva, permezz tal-paragrafu (b) ta’ l-ewwel domanda tagħha hija tistaqsi jekk dan l-artikolu jimplikax li sinjali ta’ ħoss għandhom ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala trade marks.

     Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    27      Skond Shield Mark, mis-sbatax-il premessa tad-Direttiva jirriżulta li l-Artikolu 2 tagħha ma fihx lista eżawrjenti ta’ sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark. Għalhekk, is-sinjali kollha li jistgħu jservu sabiex jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra jistgħu, bħala regola, iservu bħala trade mark. Skond hi, minn dan jirriżulta li peress li huwa ċar li sinjali ta’ ħoss jistgħu jservu għall-dan l-iskop, huma jistgħu jservu bħala trade marks.

    28      Din l-interpretazzjoni hija, b’mod partikolari, kkorroborata mill-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Sieckmann (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, C‑273/00, Ġabra p. I‑11737), mix-xogħlijiet preliminari tad-Direttiva u mid-dokumenti tal-Kunsill aċċessibbli għall-pubbliku li jirrigwardaw kemm l-adozzjoni tad-Direttiva kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p.146), kif ukoll mil-Linji Gwida ta’ eżami ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI).

    29      Il-Gvern Olandiż, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Taljan, il-Gvern Awstrijak u l-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidraw li l-ħsejjes huma adatti sabiex jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra. Skond dawn il-gvernijiet, peress li l-lista fl-Artikolu 2 tad-Direttiva ta’ sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark hija biss waħda indikattiva, jirriżulta li l-ħsejjes jistgħu jikkostitwixxu trade marks.

    30      Il-Gvern Franċiż u l-Gvern Awstrijak iżidu li fid-dawl tal-għan tad-Direttiva, li huwa li jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, il-ħsejjes għandhom ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala trade marks meta dawn jistgħu jiġu rrappreżentati b’mod grafiku.

    31      Il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 2 tad-Direttiva jirrikjedi li sabiex sinjal ikun jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark, dan irid ikun jista’ jiġi rrappreżentat grafikament u għandu jkun kapaċi jiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra. Skond din, jirriżulta mis-sistema stabbilita mill-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva li n-natura distintiva fis-sens ta’ l-Artikolu 2, għall-kuntrarju ta’ l-Artikolu 3, ma tirrigwardax il-kwistjoni dwar jekk sinjal jistax jassumi natura distintiva għall-prodotti jew għas-servizzi li fir-rigward tagħhom issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark, iżda tirrigwarda iktar il-ħtieġa li s-sinjal inkwistjoni jkollu natura distintiva b’mod ġenerali, irrispettivament mid-diversi kategoriji ta’ prodotti jew ta’ servizzi.

    32      Il-ħsejjes jew l-istorbju jistgħu jiġu nnotati mill-persuna umana li tista’ timmemorizzahom u jippermettu li l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża jiġu sseparati minn dawk ta’ impriżi oħra. Minbarra dan, huma jistgħu jiġu rrappreżentati grafikament.

    33      Peress li l-lista ta’ sinjali fl-Artikolu 2 tad-Direttiva li jistgħu jikkostitwixxu trade mark mhijiex eżawrjenti, il-Kummissjoni tiddeduċi li, bħala regola, is-sinjali li jikkonsistu fi ħsejjes jew storbju jistgħu jiġu rreġistrati bħala trade marks bil-kundizzjoni li jistgħu jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi mingħajr riskju ta’ konfużjoni u jistgħu jiġu rrappreżentati grafikament b’mod ċar, preċiż u konsistenti li jippermetti lil terzi persuni jifhmu mingħajr diffikultà liema trade mark qedha tiġi protetta.

     Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

    34      Fir-rigward tal-paragrafu (a) ta’ l-ewwel domanda, l-Artikolu 2 tad-Direttiva għandu bħala għan li jiddefinixxi t-tipi ta’ sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade marks. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li trade marks jistgħu jkunu “b’mod partikolari […] kliem li jinkludu ismijiet personali, disinn, ittri, numri, l-għamla tal-merkanzija jew l-imballaġġ tagħhom […]”. Huwa veru li din id-dispożizzjoni ssemmi biss sinjali li jistgħu jiġu pperċepiti viżivament, tat-tip bidimensjonali jew tridimensjoni, u li jistgħu għalhekk jiġu rrappreżentati permezz ta’ ittri jew karattri miktubin jew stampa (sentenza Sieckmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

    35      Madankollu, hekk kif jirriżulta kemm mit-termini ta’ l-imsemmi Artikolu 2 kif ukoll mis-seba’ premessa tad-Direttiva, li tirreferi għal “lista ta’ eżempji” ta’ sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark, din il-lista mhijiex eżawrjenti. Għalhekk, għalkemm l-imsemmija dispożizzjoni ma ssemmix is-sinjali li ma jistgħux fihom infushom jiġu pperċepiti viżivament, bħalma huma l-ħsejjes, hija ma teskludihomx espressament (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tas-sinjali ta’ xamm, is-sentenza Sieckmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

    36      Barra minn hekk, hekk kif sostnew Shield Mark, il-gvernijiet intervenjenti u l-Kummissjoni, is-sinjali ta’ ħsejjes mhumiex, min-natura tagħhom, inadatti sabiex jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra.

    37      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 2 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħsejjes jistgħu jikkostitwixxu trade mark, sakemm huma jistgħu wkoll ikunu s-suġġett ta’ rappreżentazzjoni grafika, liema kwistjoni sejra tiġi ttrattata fil-kuntest ta’ l-eżami tat-tieni domanda.

    38      Fir-rigward tal-paragrafu (b) ta’ l-ewwel domanda, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2 tad-Direttiva ma jipprekludix li ħsejjes jiġu rreġistrati bħala trade marks. Għaldaqstant, bħala regola, l-Istati Membri ma jistgħux jeskludu tali reġistrazzjoni.

    39      Fil-fatt, għalkemm id-Direttiva mhijiex intiża li tapprossima totalment il-liġijiet ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-trade marks, mis-sbatax-il premessa tad-Direttiva jirriżulta b’mod ċar li l-kisba u ż-żamma ta’ dritt fuq trade mark irreġistrata huma suġġetti għall-istess kundizzjonijiet fl-Istati Membri kollha.

    40      F’dan ir-rigward, hekk kif jirrileva l-Gvern Franċiż, ma għandhomx jeżistu differenzi bejn Stat Membru u ieħor dwar in-natura tas-sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark.

    41      Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 2 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sinjali ta’ ħsejjes għandhom ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala trade marks sakemm ikunu adatti sabiex jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra u jkunu jistgħu jiġu rrappreżentati grafikament.

     Fuq it-tieni domanda

    42      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċċara l-kundizzjonijiet li taħthom sinjal ta’ ħoss jista’ jiġi rrappreżentat grafikament fis-sens ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva u, b’mod partikolari, jekk noti ta’ mużika, deskrizzjoni bil-miktub taħt il-forma ta’ onomatopea, deskrizzjoni bil-miktub taħt forma oħra, rappreżentazzjoni grafika bħalma huwa graf li juri d-distribuzzjoni ta’ l-enerġija fi frekwenzi differenti ta’ ħoss, reġistrazzjoni ta’ ħsejjes annessa mal-formola ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni, reġistrazzjoni diġitali li tista’ tinstema’ fuq l-internet, diversi minn dawn il-metodi meħuda flimkien, jew kwalunkwe forma oħra jissodisfawx l-eżiġenzi ta’ rappreżentazzjoni grafika.

     Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    43      L-ewwel nett, Shield Mark, il-gvernijiet intervenjenti u l-Kummissjoni jaqblu li kwalunkwe rappreżentazzjoni grafika ta’ sinjal ta’ ħoss għandu jissodisfa diversi eżiġenzi sabiex dan is-sinjal ikun jista’ jikkostitwixxi trade mark.

    44      Għalhekk, skond Shield Mark, ir-rappreżentazzjoni grafika għandha tkun ċara, preċiża u li tinftiehem, mingħajr sforz eċċessiv, għal terzi persuni. Skond il-Gvern Olandiż, hija għandha tkun kompleta, ċara u preċiża sabiex wieħed jista’ jkun jaf x’inhuwa s-suġġett ta’ l-esklużività tal-proprjetarju tat-trade mark, u għandha tinftiehem minn dawk li jkollhom interess li jikkonsultaw ir-reġistru tat-trade marks. Il-Gvern Franċiż isostni li r-rappreżentazzjoni grafika għandha tkun ċara u preċiża, għalkemm mhuwiex meħtieġ li l-perċezzjoni tas-sinjal mill-pubbliku tkun immedjata; minbarra dan, is-sinjal protett għandu jinftiehem. Skond il-Gvern Taljan, din ir-rappreżentazzjoni għandha tkun adatta sabiex tesprimi l-ħoss, tagħmlu jinftiehem u tiddistingwih. Il-Gvern Awstrijak jikkunsidra li l-ħoss ta’ sinjal ta’ ħoss għandu jirriżulta b’mod ċar mir-rappreżentazzjoni grafika jew għandu jista’ jiġi dedott b’mod ċar biżżejjed, b’tali mod li l-portata ta’ protezzjoni possibbli tat-trade mark tkun rikonoxxuta b’mod ċar biżżejjed. Skond il-Gvern tar-Renju Unit, ir-rappreżentazzjoni grafika għandha tkun kompleta biżżejjed meta tittieħed waħedha, ċara, preċiża u tinftiehem, mingħajr sforzi eżaġerati, mill-persuni li jikkonsultaw ir-reġistru tat-trade marks. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tallega li din ir-rappreżentazzjoni għandha tkun ċara, preċiża, konsistenti u tippermetti lil terzi li jifhmu b’faċilità liema hija t-trade mark li qedha tiġi protetta.

    45      It-tieni nett, fir-rigward tal-forom aċċettabbli tar-rappreżentazzjoni grafika ta’ sinjali ta’ ħoss, Shield Mark, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Awstrijak u l-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw li mużika bil-miktub hija rappreżentazzjoni grafika għall-finijiet ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva.

    46      Shield Mark u l-Gvern Franċiż jikkunsidraw li riferiment għal xogħol magħruf, bħalma huma “l-ewwel disa’ noti ta’ ‘Für Elise’” jikkostitwixxu rappreżentazzjoni grafika. Il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni ma jaqblux ma’ dan.

    47      Għall-kuntrarju tal-Gvern Franċiż u l-Gvern tar-Renju Unit, Shield Mark u l-Kummissjoni jikkunsidraw li d-deskrizzjoni ta’ melodija permezz tat-traskrizzjoni tan-noti li minnhom hija magħmula, bħal “E, D#, E, D#, E, B, D, C, A”, għandha tkun ikkunsidrata bħala rappreżentazzjoni grafika tal-melodija kkonċernata.

    48      Shield Mark, kif ukoll il-Gvern Franċiż u l-Gvern Awstrijak, essenzjalment jammettu li graf li juri d-distribuzzjoni ta’ l-enerġija fi frekwenzi differenti ta’ ħoss jikkostitwixxi rappreżentazzjoni grafika, filwaqt li l-Gvern Awstrijak iżid li tali applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija ammissibbli sakemm tkun flimkien ma’ riproduzzjoni akustika fuq strument li jirreġistra d-data, u l-Gvern Franċiż isostni li dan il-metodu ta’ rappreżentazzjoni jista’ jiġi anness miegħu reġistrazzjoni tal-ħoss jew reġistrazzjoni diġitali. Min-naħa l-oħra, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li, b’mod ġenerali, din il-forma ta’ rappreżentazzjoni grafika ma tistax tiġi aċċettata u l-Kummissjoni ma taċċettax li, fl-istat attwali tat-teknoloġija, graf li juri d-distribuzzjoni ta’ l-enerġija fi frekwenzi differenti ta’ ħoss jista’ jkun forma ammissibbli ta’ rappreżentazzjoni grafika meta titressaq applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark.

    49      Kuntrarjament għall-Gvern Franċiż u l-Gvern Awstrijak, Shield Mark u, f’ċerti ċirkustanzi (fejn id-deskrizzjoni hija ċara u mhux ambigwa), il-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni, jikkunsidraw li l-onomatopea tista’ tiġi rreġistrata wkoll.

    50      Fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ ħsejjes annessa ma l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, il-Gvern Franċiż isostni li dan jista’ jkun anness ma’ graf li juri d-distribuzzjoni ta’ l-enerġija fi frekwenzi differenti ta’ ħoss jew spettrogramm u l-Gvern Awstrijak isostni li dan għandu jkun anness ma’ graf li juri d-distribuzzjoni ta’ l-enerġija fi frekwenzi differenti ta’ ħoss. Min-naħa l-oħra, dan l-allegat metodu ta’ “rappreżentazzjoni grafika” bħala mezz ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark huwa kkontestat minn Shield Mark, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni.

     Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

    51      L-ewwel nett, hemm lok li jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 59).

    52      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, bil-għan li tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess, hija għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom il-kawża tressqet quddiemha mill-qorti nazzjonali. Fil-fatt, l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu jkun hemm f’rinviju għal deċiżjoni preliminari jinvolvi li, min-naħa tagħha, il-qorti nazzjonali tikkunsidra l-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

    53      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali jekk il-problema hija ta’ natura ipotetika (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, Gantner Electronic, C‑111/01, Ġabra p. I‑4207, punt 36).

    54      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li Shield Mark ma ppreżentatx applikazzjoni għal reġistrazzjoni taħt il-forma ta’ graf li juri d-distribuzzjoni ta’ l-enerġija fi frekwenzi differenti ta’ ħoss, ta’ reġistrazzjoni ta’ ħsejjes, ta’ reġistrazzjoni diġitali jew ta’ diversi minn dawn il-metodi meħuda flimkien, u għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ rilevanza, ma tistax tingħata risposta għad-domanda magħmula sa fejn din tirrigwarda dawn il-metodi ta’ rappreżentazzjoni.

    55      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li kwalunkwe rappreżentazzjoni grafika għandha tissodisfa, fis-sentenza Sieckmann, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet tirrigwarda s-sinjali tax-xamm, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 2 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex jikkostitwixxi trade mark, sinjal li ma jistax minnu nnifsu jkun ipperċepit viżivament, irid ikun jista’ jiġi rrappreżentat b’mod grafiku, b’mod partikolari permezz ta’ immaġini, linji jew karattri, u jrid ikun irrappreżentat b’mod ċar, preċiż u komplet meħud waħdu, faċilment aċċessibbli, li jista’ jinftiehem, durabbli u oġġettiv.

    56      Dawn il-kundizzjonijiet japplikaw ukoll għas-sinjali ta’ ħoss li, bħas-sinjali tax-xamm, ma jistgħux minnhom infushom, jiġu pperċepiti viżivament.

    57      It-tieni nett, fir-rigward tal-forom aċċettabbli ta’ rappreżentazzjoni grafika, għalkemm huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi f’kull każ konkret quddiemha jekk is-sinjal jistax jikkostitwixxi trade mark u għaldaqstant jistax ikun is-suġġett ta’ reġistrazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija madankollu kompetenti sabiex tagħti indikazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk rappreżentazzjoni permezz ta’ noti ta’ mużika jew rappreżentazzjoni li tuża l-lingwa miktuba humiex rappreżentazzjonijiet grafiċi ta’ sinjal ta’ ħoss fis-sens ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva.

    58      Għandu jiġi enfasizzat mill-ewwel li sinjal ma jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark ta’ ħoss meta, fl-applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni tiegħu, l-applikant ikun nesa jinnota li s-sinjal inkwistjoni għandu jiġu mifhum bħala sinjal ta’ ħoss. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-awtorità kompetenti fil-qasam ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks, kif ukoll il-pubbliku, b’mod partikolari l-operaturi ekonomiċi, huma intitolati jikkunsidraw li hija trade mark verbali jew figurattiva kif irrappreżentata grafikament fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

    59      L-ewwel nett, fir-rigward tar-rappreżentazzjoni ta’ sinjal ta’ ħoss permezz ta’ deskrizzjoni bil-lingwa miktuba, ma jistax jiġi eskluż a priori li tali metodu ta’ rappreżentazzjoni grafika tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punt 55 ta’ din is-sentenza. Madankollu, fir-rigward ta’ sinjali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, rappreżentazzjoni grafika bħal “l-ewwel disa’ noti ta’ Für Elise’” jew “il-ħoss ta’ serduk jidden” mhumiex, fost affarjiet oħra, preċiżi u ċari u għalhekk ma jippermettux li tiġi ddeterminata l-portata tal-protezzjoni mitluba. Għaldaqstant, hija ma tistax tkun rappreżentazzjoni grafika ta’ dak is-sinjal fis-sens ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva.

    60      Fir-rigward ta’ l-onomatopea, għandu jiġi kkonstatat li teżisti nuqqas ta’ konsistenza bejn l-onomatopea nfisha, kif din tiġi ppronuċjata, u l-ħoss jew l-istorbju attwali, jew is-sekwenza ta’ ħsejjes jew storbju attwali, li hija allegatament timita fonetikament. B’hekk, meta sinjal ta’ ħoss huwa rrappreżentat grafikament permezz ta’ sempliċi onomatopea, mhuwiex possibbli li l-awtoritajiet kompetenti u l-pubbliku, b’mod partikolari l-operaturi ekonomiċi, jiddeċiedu jekk is-sinjal protett huwiex l-onomatopea nfisha, kif ippronunċjata, jew il-ħoss jew storbju attwali. Minbarra dan, l-onomatopea tista’ tkun ipperċepita b’mod differenti, skond l-individwu jew minn Stat Membru għall-ieħor. Dan huwa minnu fil-każ ta’ l-onomatopea Olandiża “Kukelekuuuuu”, li tipprova tittraskrivi l-ħoss ta’ serduk jidden, u li hija differenti mill-onomatopea korrispondenti fl-erba’ lingwi l-oħra pprattikati fl-Istati Membri tal-Benelux. Għalhekk, sempliċi onomatopea mingħajr ebda preċiżjoni ulterjuri ma tistax tikkostitwixxi rappreżentazzjoni grafika tal-ħoss jew tal-istorbju li hija allegatament tittraskrivi fonetikament.

    61      Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-noti ta’ mużika, li huma metodu komuni ta’ rappreżentazzjoni tal-ħsejjes, sekwenza ta’ noti mingħajr ebda preċiżjoni ulterjuri, bħalma huma, “E, D#, E, D#, E, B, D, C, A”, mhumiex rappreżentazzjoni grafika fis-sens ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva. Fil-fatt, deskrizzjoni bħal din, li la hija ċara, la preċiża, u lanqas kompleta minnha nfisha, ma tippermettix li jiġi ddeterminat, b’mod partikolari, il-grad ta’ l-għoli jew it-tul tal-ħsejjes li jiffurmaw il-melodija li qed tintalab li tiġi rreġistrata u li huma parametri essenzjali sabiex wieħed ikun jaf x’inhija din il-melodija u, għaldaqstant, sabiex tiġi ddefinita t-trade mark infisha.

    62      Min-naħa l-oħra, mużika miktuba diviża f’battuti u li turi, b’mod partikolari, il-kjavi (treble clef, bass clef, jew alto jew tenor clef), in-noti ta’ mużika u l-waqfiet li l-forma tagħhom (għan-noti: semibreve, minim, crotchet, quaver, semiquaver, eċċ.; għall-waqfiet: semibreve rest, minim rest, crotchet rest, quaver rest, eċċ.) tindika l-valur relattiv u, fejn meħtieġ, l-accidentals (nota b’nofs ton, b’nofs ton għola, jew naturali) – dawn id-dettalji kollha jservu sabiex jiġi ddeterminat il-grad ta’ l-għoli jew it-tul tal-ħsejjes – tista’ tikkostitwixxi rappreżentazzjoni preċiża tas-sekwenza ta’ ħsejjes li jiffurmaw il-melodija li qed tintalab li tiġi rreġistrata. Dan il-metodu ta’ rappreżentazzjoni grafika tal-ħsejjes jissodisfa r-rekwiżiti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li tali rappreżentazzjoni għandha tkun ċara, preċiża, kompleta minnha nfisha, faċilment aċċessibbli, li tinftiehem, durabbli u oġġettiva.

    63      Għalkemm tali rappreżentazzjoni ma tinftiehemx immedjatament, xorta waħda jibqa’ l-fatt li hija tista’ tinftiehem faċilment, u b’hekk l-awtoritajiet kompetenti u l-pubbliku, b’mod partikolari l-operaturi ekonomiċi, jistgħu jkunu jafu eżattament x’inhuwa s-sinjal li qed jintalab li jiġi rreġistrat bħala trade mark.

    64      Ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun:

    –        l-Artikolu 2 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li sinjal li minnu nnifsu ma jistax jiġi pperċepit viżivament, jista’ jikkostitwixxi trade mark sakemm jista’ jkun irrappreżentat grafikament, b’mod partikolari permezz ta’ figuri, linji jew karattri, sakemm ir-rappreżentazzjoni tiegħu tkun ċara, preċiża, kompleta minnha nfisha, faċilment aċċessibbli, li tinftiehem, durabbli u oġġettiva;

    –        Fil-każ ta’ sinjal ta’ ħoss, dawn ir-rekwiżiti mhumiex sodisfatti meta s-sinjal jiġi rrappreżentat grafikament permezz ta’ deskrizzjoni li tirrikorri għal-lingwa miktuba, bħall-indikazzjoni li s-sinjal huwa magħmul minn noti li jiffurmaw xogħol mużikali magħruf jew l-indikazzjoni li huwa l-għajta ta’ annimal, jew permezz ta’ sempliċi onomatopea mingħajr ebda preċiżjoni ulterjuri, jew permezz ta’ sekwenza ta’ noti ta’ mużika mingħajr ebda preċiżjoni ulterjuri. Min-naħa l-oħra, meta s-sinjal huwa rrappreżentat permezz ta’ mużika miktuba diviża f’battuti u li fiha, b’mod partikolari, il-kjavi, in-noti ta’ mużika u l-waqfiet li l-forma tagħhom tindika l-valur relattiv u, fejn ikun meħtieġ, l-accidentals, dawn ir-rekwiżiti jkunu sodisfatti.

     Fuq l-ispejjeż

    65      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Olandiż, mill-Gvern Franċiż, mill-Gvern Taljan, mill-Gvern Awstrijak u mill-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    b’risposta għad-domandi magħmula lilha mill-Hoge Raad der Nederlanden, permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Lulju 2001, taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      L-Artikolu 2 ta’ l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li sinjali ta’ ħsejjes għandhom ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala trade marks sakemm ikunu adatti sabiex jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra u jkunu jistgħu jiġu rrappreżentati grafikament.

    2)      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li sinjal li minnu nnifsu ma jistax jiġi pperċepit viżivament, jista’ jikkostitwixxi trade mark sakemm jista’ jkun irrappreżentat grafikament, b’mod partikolari permezz ta’ figuri, linji jew karattri, sakemm ir-rappreżentazzjoni tiegħu tkun ċara, preċiża, kompleta minnha nfisha, faċilment aċċessibbli, li tinftiehem, durabbli u oġġettiva.

    –      Fil-każ ta’ sinjal ta’ ħoss, dawn ir-rekwiżiti mhumiex sodisfatti meta s-sinjal jiġi rrappreżentat grafikament permezz ta’ deskrizzjoni li tirrikorri għal-lingwa miktuba, bħall-indikazzjoni li s-sinjal huwa magħmul minn noti li jiffurmaw xogħol mużikali magħruf jew l-indikazzjoni li huwa l-għajta ta’ annimal, jew permezz ta’ sempliċi onomatopea mingħajr ebda preċiżjoni ulterjuri, jew permezz ta’ sekwenza ta’ noti ta’ mużika mingħajr ebda preċiżjoni ulterjuri. Min-naħa l-oħra, meta s-sinjal huwa rrappreżentat permezz ta’ mużika miktuba diviża f’battuti u li fiha, b’mod partikolari, il-kjavi, in-noti ta’ mużika u l-waqfiet li l-forma tagħhom tindika l-valur relattiv u, fejn ikun meħtieġ, l-accidentals, dawn ir-rekwiżiti jkunu sodisfatti.

    Skouris

    Cunha Rodrigues

    Puissochet

    Schintgen

     

          Macken

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Novembru 2003.

    R. Grass

     

          V. Skouris

    Reġistratur

     

          President


    * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top