EUR-Lex De toegang tot het recht van de Europese Unie

Terug naar de EUR-Lex homepage

Dit document is overgenomen van EUR-Lex

Document 62001CJ0278

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Novembru 2003.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju ta' Spanja.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 76/160/KEE.
Kawża C-278/01.

ECLI-code: ECLI:EU:C:2003:635

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja)

25 ta’ Novembru 2003 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas  – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 228 KE – Sanzjonijiet pekunjarji – Pagament ta’ penalità – Kwalità ta’ l-ilma għall-għawm – Direttiva 76/160/KEE”

Fil-Kawża C-278/01

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Valero Jordana, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn S. Ortiz Vaamonde, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, li jiġi kkonstatat li, meta ma ħax il-miżuri neċessarji biex jiġi żgurat li l-kwalità ta’ l-ilma intern għall-għawm fit-territorju Spanjol tkun konformi mal-valuri ta’ limitu stabbiliti bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/160/KEE, tat-8 ta’ Diċembru 1975, dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 1 p. 26 - 32), minkejja l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva, ir-Renju ta’ Spanja ma eżegwiex is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-92/96, Ġabra p. I-505), u minħabba dan il-fatt naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 228 KE, kif ukoll, min-naħa l-oħra, biex ir-Renju ta’ Spanja jiġi ordnat iħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, pagament ta’ penalità ta’ EUR 45 600 għal kull jum ta’ dewmien fl-adozzjoni tal-miżuri neċessarji biex tiġi eżegwita s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, mill-jum minn meta s-sentenza tkun ingħatat f’din il-kawża sal-jum minn meta s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, tkun ġiet eżegwita,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja),

komposta minn V. Skouris, President, C. W. A. Timmermans, C. Gulmann u J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), Presidenti ta’ Awla, D. A. O. Edward, A. La Pergola, J.-P. Puissochet u R. Schintgen, F. Macken u N. Colneric, u S. von Bahr, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mischo,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet lill-partijiet u t-trattazzjoni tagħhom fis-seduta tas-6 ta’ Mejju 2003,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali u l-konklużjonijiet tiegħu fis-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 228 KE, ippreżentat rikors intiż, minn naħa, biex jiġi kkonstatat li, meta ma ħax il-miżuri neċessarji biex jiġi żgurat li l-kwalità ta’ l-ilma intern għall-għawm fit-territorju Spanjol tkun konformi mal-valuri ta’ limitu stabbiliti bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/160/KEE, tat-8 ta’ Diċembru 1975, dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 1 p. 26 - 32, iktar ’il quddiem id-‘Direttiva’), minkejja l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva, ir-Renju ta’ Spanja ma eżegwiex is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-92/96, Ġabra p. I-505), u minħabba dan il-fatt naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 228 KE, kif ukoll, min-naħa l-oħra, biex ir-Renju ta’ Spanja jiġi ordnat iħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, pagament ta’ penalità ta’ EUR 45 600 għal kull jum ta’ dewmien fl-adozzjoni tal-miżuri neċessarji biex tiġi eżegwita s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, mill-jum minn meta s-sentenza tkun ingħatat f’din il-kawża sal-jum minn meta s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, tkun ġiet eżegwita.

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2        Skond l-ewwel premessa tagħha, id-Direttiva hija intiża sabiex jiġu mħarsa l-ambjent u s-saħħa pubblika, bit-tnaqqis tat-tniġġis ta’ l-ilma għall-għawm u li dan l-ilma jiġi mħares minn deterjorament akbar.

3        Fl-Artikoli 2 u 3 tagħha, id-Direttiva timponi fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu l-valuri applikabbli għall-ilma għall-għawm f’dak li jirrigwarda l-parametri fiżiċi, kimiċi u mikrobijoloġiċi indikati fl-anness tagħha, valuri li ma jistgħux ikunu inqas stretti minn dawk imsemmijin fil-kolonna I ta’ dan l-istess anness.

4        Skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, il-kwalità ta’ ilma għall-għawm għandha tikkonforma mal-valuri ta’ limitu stabbiliti skond l-Artikolu 3 f’terminu ta’ għaxar snin min-notifika tad-Direttiva.

5        Peress illi l-Artikolu 395 ta’ l-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ l-Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża u l-aġġustamenti għat-Trattati (ĠU 1985, L 302, p. 23) ma jipprevedix, favur ir-Renju ta’ Spanja, deroga għal dak li jikkonċerna d-Direttiva, il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm Spanjol għandu jkun konformi mal-valuri ta’ limitu stabbiliti mid-Direttiva b’effett mill-1 ta’ Jannar 1986.

6        Skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva, kif emendat mid-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE, tat-23 ta’ Diċembru, 1991, biex tistandardizza u tirrazzjonalizza rapporti dwar l-implimentazzjoni ta’ ċerti direttivi fuq l-ambjent (ĠU L 377, p. 48):

“Kull sena, u għall-ewwel darba sal-31 ta’ Diċembru, 1993, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fis-sena li tkun għaddejja. Ir-rapport għandu jkun imsejjes fuq kwestjonarju jew punti prinċipali magħmula mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/692/KEE. Il-kwestjonarju jew punti prinċipali għandhom jintbagħtu lill-Istati Membri sitt xhur qabel ma jibda l-perjodu li għalih ikun sar ir-rapport. Ir-rapport għandu jsir lill-Kummissjoni qabel l-aħħar tas-sena in kwistjoni.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport tal-Komunità dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva fi żmien erba’ xhur minn meta tirċievi r-rapporti mill-Istati Membri.”

 Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja

7        Bis-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, meta ma ħax il-miżuri neċessarji biex il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm intern fit-territorju Spanjol tkun konformi mal-valuri ta’ limitu stabbiliti taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva.

 Il-proċedura prekontenzjuża

8        Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Marzu 1998, il-Kummissjoni fakkret lill-awtoritajiet Spanjoli dwar il-ħtieġa li jikkonformaw ma’ l-obbligi li jirriżultaw mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq.

9        B’risposta, b’ittri tal-5, tal-11, u tad-19 ta’ Ġunju 1998 kif ukoll tal-5 ta’ Jannar u tat-12 ta’ Marzu 1999, l-awtoritajiet Spanjoli infurmaw lill-Kummissjoni bil-miżuri adottati jew li qed jiġu adottati għall-konformità mas-sentenza msemmija, fosthom l-eżekuzzjoni ta’ ċerti proġetti ta’ tisfija ta’ l-ilma ta’ l-iskart urban fil-kuntest tal-pjan nazzjonali ta’ tisfija tal-1995, is-superviżjoni, il-monitoraġġ u s-sanzjonijiet għar-rimi u l-projbizzjoni fuq l-għawm f’żoni identifikati bħala li ma jikkonformawx, l-adozzjoni ta’ ċerti miżuri speċifiċi u t-tnedija, fl-1999, ta’ studju taż-żoni tal-għawm, ir-rimi li jaffettwa d-diversi żoni, il-karatteristiċi kwalitattivi ta’ l-ilma għall-għawm u l-effett tar-rimi f’kull żona kif ukoll is-soluzzjonijiet previsti u proposti skond il-konklużjonijiet li jkun hemm.

10      Fl-24 ta’ Jannar 2000, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju ta’ Spanja, skond l-Artikolu 228 KE, ittra ta’ intimazzjoni, billi kkunsidrat li ma kienx ħa l-miżuri neċessarji biex jikkonforma mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, imsemmija iktar ’il fuq.

11      B’ittra tas-26 ta’ Mejju 2000, l-awtoritajiet Spanjoli indikaw lill-Kummissjoni li l-Ministeru ta’ l-Ambjent kien ikkummissjona studju fuq l-istat ta’ l-ilma intern li jintuża għall-għawm skond id-Direttiva, studju li, fil-fehma ta’ dawn l-awtoritajiet, kellu jintemm matul is-sena 2000. Dawn ta’ l-aħħar indikaw ukoll l-għanijiet u l-portata ta’ l-istudju, kif ukoll l-iskeda ta’ l-azzjonijiet li kellhom jittieħdu biex ikun hemm konformità mad-Direttiva li, skond l-istimi, kellha tintlaħaq fl-2005.

12      Billi ġie ikkunisidrat li dawn il-miżuri ma ppermettewx li jintwera li kien intemm in-nuqqas tat-twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni, fis-27 ta’ Lulju 2000, bagħtet opinjoni motivata lir-Renju ta’ Spanja taħt l-Artikolu 228 KE. Hija kkonkludiet hemmhekk li, billi naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva, meta m’adottax il-miżuri neċessarji biex il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm intern fit-territorju Spanjol tkun konformi mal-valuri ta’ limitu stabbiliti bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva, dan l-Istat Membru ma eżegwiex is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, u naqas b’dan il-mod mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 228 KE. Il-Kummissjoni fakkret lil dan l-Istat Membru li, jekk il-kwistjoni tittieħed quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija kienet ser tipproponi l-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penalità. Hija stabbiliet terminu ta’ xahrejn biex ir-Renju ta’ Spanja jadotta l-miżuri neċessarji biex jikkonforma ma’ l-opinjoni motivata.

13      B’risposta għal din l-opinjoni, il-Gvern Spanjol bagħat żewġ ittri, li jġibu d-data tas-26 u tas-27 ta’ Settembru 2000, fejn informa lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ pjan ta’ azzjoni, bil-grad ta’ konformità tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm matul l-istaġuni tal-għawm 1998 u 1999 kif ukoll it-twettiq ta’ pjan nazzjonali ta’ tindif u tisfija ta’ l-ilma ta’ l-iskart urban.

14      Fil-11 ta’ Jannar 2001 saret laqgħa bejn il-Ministeru ta’ l-Ambjent Spanjol u d-Direttorat Ġenerali ta’ l-Ambjent tal-Kummissjoni, biex il-Gvern Spanjol ikun jista’ jikkompleta l-informazzjoni dwar l-imsemmija miżuri.

15      Fis-16 ta’ Jannar 2001, il-Ministru ta’ l-Ambjent Spanjol indirizza lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-ambjent ittra li magħha bagħat pjan ta’ azzjoni ġdid u fejn intrabat li jlesti l-azzjonijiet neċessarji fl-2003.

16      Fis-26 ta’ Marzu 2001, l-awtoritajiet Spanjoli bagħtu lill-Kummissjoni rapport imwettaq mill-Ministeru għall-Ambjent fuq il-progress fl-azzjonijiet meħuda biex tiġi eżegwita s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll ittra tas-Segretarju ta’ l-Istat responsabbli mill-ilma u l-kosta.

17      Billi r-Renju ta’ Spanja ma eżegwiex din is-sentenza, il-Kummissjoni ddeċidiet li tintroduċi dan ir-rikors.

 It-talbiet tal-partijiet

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara li, meta ma ħax il-miżuri neċessarji biex jiżgura li l-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm intern fit-territorju Spanjol tkun konformi mal-valuri ta’ limitu stabbiliti taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva, minkejja l-obbligu tiegħu taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva, ir-Renju ta’ Spanja ma eżegwiex is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, u naqas minħabba dan milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 228 KE;

–        tordna lir-Renju ta’ Spanja li jħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, pagament ta’ penalità ta’ EUR 45 600 kull jum għad-dewmien fl-adozzjoni tal-miżuri neċessarji biex tiġi eżegwita s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, mill-jum minn meta s-sentenza tkun ingħatat f’din il-kawża sal-jum meta s-sentenza msemmija Il-Kummissjoni vs Spanja tkun ġiet eżegwita;

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja jħallas l-ispejjeż.

19      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad ir-rikors kollu kemm hu;

–        sussidjarjament, tiċħad it-talba għall-pagament ta’ penalità ta’ kuljum;

–        ulterjorment b’mod sussidjarju, timponi pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum li ma jaqbżux EUR 11 400;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

20      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni sostniet, għal dak li jirrigwarda l-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm intern fit-territorju Spanjol, li l-perċentwali taż-żoni tal-għawm li tikkonforma mal-valuri obbligatorji tad-Direttiva kienet ta’ 73 % għall-istaġun tal-għawm 1998, ta’ 76.5 % għall-istaġun tal-għawm 1999 u ta’ 79.2 % għall-istaġun tal-għawm 2000.

21      Matul il-proċedura, hija informat lill-Qorti tal-Ġustizzja wkoll li din il-perċentwali kienet ta’ 80 % għall-istaġun tal-għawm 2001 u ta’ 85.1 % għall-istaġun tal-għawm 2002.

22      Ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax dawn iċ-ċifri, li jirriżultaw ukoll mir-rapporti li huwa stess bagħat lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva emendata.

23      Madankollu r-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li hemm lok li r-rikors jiġi miċħud għaliex il-Kummissjoni ma stennietx għal żmien biżżejjed biex setgħet tikkonkludi li s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, ma ġietx eżegwita. Skond ir-Renju ta’ Spanja, terminu itwal minn dak li tat il-Kummissjoni, jiġifieri mit-12 ta’ Frar 1998, data li fiha ngħatat l-imsemmija sentenza, sas-27 ta’ Settembru 2000, data ta’ l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata mogħtija f’dan il-każ, kien meħtieġ biex tiġi eżegwita s-sentenza fl-intier tagħha, wara li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi partikolari tad-Direttiva u ta’ l-ilma Spanjol.

24      Fil-fatt, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ikun hemm bżonn ta’ diversi staġuni tal-għawm biex jiġu ddeterminati s-sorsi veri tat-tniġġis u, meta tinstab il-problema, is-soluzzjoni tkun teħtieġ it-tħejjija u l-eżekuzzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni, saħansitra programmi twal ta’ titjib ta’ prattiċi agrikoli. Is-soluzzjoni għal problemi tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm tinkiseb permezz tat-twettiq ta’ xogħlijiet kultant importanti li jkunu jeħtieġu approċċ strett minħabba direttivi Komunitarji fuq il-kuntratti pubbliċi. Barra minn hekk, wieħed għandu jikkunsidra n-numru kbir ta’ żoni tal-għawm iddikjarati mill-awtoritajiet Spanjoli, kif ukoll il-fatt li l-mogħdijiet ta’ l-ilma fi Spanja m’għandhomx fluss qawwi, meta mqabbla mal-mogħdijiet ta’ l-ilma fil-maġġoranza ta’ l-Istati Membri l-oħrajn. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha tistenna t-tmiem tat-twettiq ta’ l-iskeda ta’ azzjoni li kienet intbagħtitilha b’risposta għall-ittra ta’ intimazzjoni, li kienet inizjalment imħabbra għall-aħħar tas-sena 2005, kif inhu indikat fl-ittra tas-26 ta’ Mejju 2000 ta’ l-awtoritajiet Spanjoli, u, sussegwentement, għall-2003, kif inhu speċifikat fl-ittra tas-16 ta’ Jannar 2001 tal-Ministru ta’ l-Ambjent Spanjol.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

25      Bis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta ma ħax il-miżuri neċessarji biex il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm intern fit-territorju Spanjol tkun konformi mal-valuri ta’ limitu stabbiliti taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva.

26      Skond l-Artikolu 228(1) KE, ir-Renju ta’ Spanja kien obbligat li jieħu l-miżuri li jwasslu għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza.

27      L-Artikolu 228 KE ma jispeċifikax it-terminu li fih għandha ssir l-eżekuzzjoni ta’ sentenza. Madankollu, skond ġurisprudenza kostanti, l-importanza ta’ applikazzjoni immedjata u uniformi tad-dritt Komunitarju teħtieġ li din l-eżekuzzjoni tibda minnufih u titlesta kemm jista’ jkun malajr (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-387/97, Ġabra p. I-5047, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Skond l-Artikolu 228(2) KE jekk l-Istat Membru involut jonqos milli jieħu l-miżuri neċessarji biex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti fiż-żmien indikat mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha, din tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja billi tindika s-somma ta’ ħlas f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penalità li tikkunsidra illi l-Istat Membru involut għandu jħallas skond iċ-ċirkustanzi.

29      Biex isir dan, il-Kummissjoni għandha tevalwa ċ-ċirkustanzi hekk kif ikunu ma’ l-iskadenza tat-terminu stabbilit minnha fl-opinjoni motivata tagħha adottata abbażi ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 228(2) KE.

30      Għandu jiġi osservat li, bejn l-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, u l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata f’dan il-każ, għaddew tliet staġuni tal-għawm. Anki jekk l-eżekuzzjoni ta’ l-imsemmija sentenza tfisser operazzjonijiet kumplessi fit-tul, kif jallega l-Gvern Spanjol, hemm lok li jiġi kkunsidrat li tali terminu huwa biżżejjed biex jittieħdu l-miżuri li jwasslu għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 228 KE.

31      Il-kunsiderazzjonijiet invokati mill-Gvern Spanjol u t-teħid in kunsiderazzjoni tal-kumplessità u t-tul ta’ l-operazzjonijiet meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, ma jistgħux iwasslu għalhekk għaċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors.

32      Għal dak li jikkonċerna l-miżuri meħuda mir-Renju ta’ Spanja fir-rigward ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-imsemmija sentenza, l-istatistika l-iktar riċenti kkomunikata lill-Qorti tal-Ġustizzja tindika li kien hemm ċertu progress fir-rata ta’ konformità ta’ l-ilma għall-għawm in kwistjoni mal-valuri obbligatorji stabbiliti skond id-Direttiva, fejn laħqet il-85.1 % għall-istaġun tal-għawm tal-2002. Minkejja dan, huwa paċifiku li l-ilma għall-għawm intern fit-territorju Spanjol għadu mhux konformi mal-valuri obbligatorji msemmijin.

33      Il-Kummissjoni osservat ukoll li l-Gvern Spanjol kien naqqas matul is-snin in-numru ta’ żoni tal-għawm fl-ilma għall-għawm intern mingħajr ma ġġustifika dan it-tnaqqis. Skond il-Kummissjoni, 39 żona kienu tneħħew fl-1998, 10 fl-1999 u 14 fl-2000. In-numru ta’ żoni tal-għawm fl-ilma għall-għawm intern għadda minn 302 fl-1996 għal 202 fl-2000. Għalhekk, ir-Renju ta’ Spanja qed jipprova jikkonforma mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, mhux billi jtejjeb il-kwalità ta’ dan l-ilma imma billi joħloq l-espedjent li jnaqqas in-numru ta’ l-imsemmija żoni ta’ l-għawm.

34      Mingħajr ma ssir deċiżjoni dwar il-fondatezza ta’ dan l-argument, biżżejjed jingħad li mhuwiex rilevanti għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu f’dan il-każ peress li l-Kummissjoni bbażat dan ir-rikors fuq ċifri li jidhru fir-rapporti annwali tagħha u esposti fil-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza, li ma jinkludux żoni li tneħħew mil-lista taż-żoni tal-għawm.

35      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li jiġi kkonstatat li, meta ma ħax il-miżuri neċessarji biex jiżgura li l-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm intern fit-territorju Spanjol tkun konformi mal-valuri ta’ limitu stabbiliti taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva, minkejja l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva, ir-Renju ta’ Spanja ma ħax il-miżuri kollha li jwasslu għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, u naqas minħabba dan milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 228 KE.

 Fuq id-determinazzjoni tal-pagament tal-penalità

 L-argumenti tal-partijiet

36      Fuq il-bażi tal-metodu ta’ kalkolu stabbilit fil-Komunikazzjonijiet tagħha 96/C 242/07 tal-21 ta’ Awwissu 1996 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [228] KE, (ĠU C 242, p. 6), u 97/C 63/02 tat-28 ta’ Frar 1997 fuq il-metodu għall-kalkolu tal-penalità prevista mill-Artikolu [228] KE (ĠU C 63, p. 2), il-Kummissjoni tipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq ir-Renju ta’ Spanja l-pagament ta’ penalità ta’ EUR 45 600 għal kull jum ta’ dewmien bħala sanzjoni talli ma eżegwiex is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, mill-jum meta tingħata s-sentenza f’din il-kawża sal-jum minn meta s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, tkun ġiet eżegwita.

37      Il-Kummissjoni tqis li l-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penalità hija l-iktar strument xieraq sabiex jintemm, fl-iqsar żmien possibbli, il-ksur ikkonstatat u li, f’dan il-każ, pagament ta’ penalità ta’ EUR 45 600 għal kull jum ta’ dewmien huwa adatt għall-gravità u għat-tul ta’ żmien tal-ksur, fid-dawl tal-ħtieġa li s-sanzjoni tkun effettiva. Dan l-ammont huwa kkalkolat bil-multiplikazzjoni ta’ bażi uniformi ta’ EUR 500 b’koeffiċjent ta’ 4 (fuq skala minn 1 sa 20) għall-gravità tal-ksur, koeffiċjent ta’ 2 (fuq skala minn 1 sa 3) għat-tul ta’ żmien tal-ksur u koeffiċjent ta’ 11.4 (ibbażat fuq il-prodott domestiku gross ta’ l-Istat Membru in kwistjoni u fuq in-numru ta’ voti fil-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea), li huwa meqjus li jirrappreżenta l-kapaċità ta’ ħlas ta’ l-Istat Membru in kwistjoni.

38      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-pagament ta’ penalità ta’ kuljum m’huwiex il-mekkaniżmu xieraq biex issir l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq. Dan il-pagament ta’ penalità mhux ser jieqaf milli jkun applikabbli jekk l-Istat Membru jadotta l-miżuri neċessarji kollha għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza. Jeħtieġ li wieħed jistenna li jkollu disponibbli data rigward l-istaġun tal-għawm ta’ wara biex jiġi vverifikat jekk ir-riżultat miksub huwiex dak mixtieq. Il-Kummissjoni kellha teżamina kemm kien opportun li tipproponi pagament ta’ penalità annwali li jitħallas skond id-disponibbiltà tar-riżultati ta’ kull staġun tal-għawm. Ma hemm l-ebda sens li jiġi impost pagament ta’ penalità ta’ kuljum biex jiġi osservat obbligu li ma jistax jiġi sodisfatt ħlief minn sena għal sena.

39      Sussidjarjament, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-ammont tal-pagament ta’ penalità propost huwa, fi kwalunkwe każ, eċċessiv. Għal dak li jikkonċerna l-koeffiċjent dwar kemm idum il-ksur, in-numru mnaqqas ta’ staġuni tal-għawm li għaddew minn meta ngħatat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, kien jiġġustifika koeffiċjent mhux ta’ 2 imma ta’ 1. Fir-rigward tal-koeffiċjent dwar il-gravità tal-ksur, wieħed għandu jikkunsidra li, sa mill-preżentata tar-rikors f’din il-kawża, il-perċentwali ta’ konformità taż-żoni tal-għawm fl-ilma għall-għawm intern fit-territorju Spanjol bil-valuri obbligatorji tad-Direttiva laħqet 79.2 %. Hemm bżonn ukoll li jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li r-Renju ta’ Spanja ma kienx ibbenefika mill-għaxar snin ta’ perijodu ta’ implementazzjoni li kellhom l-Istati Membri l-oħrajn. Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ elementi, għandu jkun hemm tnaqqis tal-koeffiċjent relatat mal-gravità tal-ksur minn 4 għal 2. Meta jiġu applikati dawn iż-żewġ korrezzjonijiet għall-kalkolu tal-pagament tal-penalità ta’ kuljum, l-ammont tiegħu jitnaqqas għal EUR 11 400.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40      Il-Qorti tal-Ġustizzja, billi sabet li r-Renju ta’ Spanja ma kkonformax mas-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, tista’ timponi fuqu, taħt it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 228(2) KE, il-ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagament ta’ penalità.

41      F’dan ir-rigward, irid jiġi mfakkar li l-proposti tal-Kummissjoni ma jistgħux jorbtu idejn il-Qorti tal-Ġustizzja u jikkostitwixxu biss bażi utli ta’ riferiment. Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi s-somom f’daqqa jew il-pagamenti ta’ penalità b’tali mod li dawn ikunu, minn naħa, adatti għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu li ġie kkonstatat kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas ta’ l-Istat Membru in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 89 u 90).

42      Huwa ċar li pagament ta’ penali jista’ jħeġġeġ lill-Istat Membru li naqas, sabiex iwaqqaf, fl-iqsar żmien possibbli, il-ksur konstatat. Sabiex jiġi impost f’dan il-każ, jeħtieġ li jiġu eżaminati, l-ewwel nett, il-frekwenza tal-pagament tal-penalità propost, it-tieni, jekk l-ammont tiegħu għandux jibqa’ l-istess jew jitnaqqasx; u t-tielet, il-kalkolu eżatt ta’ l-ammont tiegħu.

43      F’dak li jirrigwarda l-frekwenza tal-pagament ta’ penalità propost f’dan il-każ, għandu jitfakkar li, skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva emendata, il-konstatazzjoni ta’ l-istat ta’ l-ilma tal-għawm issir fuq bażi annwali. Skond din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri huma obbligati li jikkomunikaw lill-Kummissjoni rapport fuq l-implementazzjoni tad-Direttiva kull sena. Ir-rapport għandu jintbagħat lill-Kummissjoni qabel l-aħħar tas-sena in kwistjoni.

44      Minn dan isegwi li l-konstatazzjoni eventwali tat-tmiem tal-ksur tista’ sseħħ biss darba fis-sena meta jintbagħtu dawk ir-rapporti.

45      Pagament ta’ penalità ta’ kuljum jista’ għalhekk ikun dovut għal perijodu li matulu r-rekwiżiti imposti mid-Direttiva jkunu diġà ġew sodisfatti, ukoll jekk ikun possibbli biss li dan jiġi aċċertat wara li d-Direttiva tkun ġiet implementata. L-Istat Membru għalhekk jista’ jkun meħtieġ li jħallas il-penalità għal perijodi meta l-ksur ikun fil-fatt spiċċa.

46      Il-pagament ta’ penalità m’għandux jiġi impost fuq bażi ta’ kuljum imma fuq bażi annwali, wara l-preżentazzjoni tar-rapport annwali dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva mill-Istat Membru kkonċernat.

47      Għal dak li jirrigwarda n-natura fissa ta’ l-ammont tal-pagament ta’ penalità propost mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li huwa partikolarment diffiċli għall-Istati Membri li jimplementaw kompletament id-Direttiva, kif irrimarka l-Avukat Ġenerali fil-punti 66 u 67 tal-konklużjonijiet tiegħu.

48      Fid-dawl ta’ dan il-fatt partikolari, huwa konċepibbli li l-Istat Membru konvenut jista’ jirnexxilu jżid kunsiderevolment il-grad ta’ l-implementazzjoni tad-Direttiva imma mhux li jimplementaha għal kollox f’terminu qasir. Jekk l-ammont tal-pagament tal-penalità kellu jibqa’ l-istess, dan jibqa’ dovut kollu kemm hu sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx implementa għal kollox id-Direttiva.

49      F’dawn il-kundizzjonijiet, sanzjoni li ma tikkunsidrax il-progress eventwali li jagħmel Stat Membru fl-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi tiegħu, la tkun xierqa għaċ-ċirkustanzi u lanqas proporzjonata man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat.

50      Biex il-pagament ta’ penalità jkun xieraq għaċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ u proporzjonat man-nuqqas li jitwettaq obbligu kkonstatat, l-ammont tiegħu għandu jikkunsidra l-progress li għamel l-Istat Membru konvenut fl-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq. Għal dan l-iskop, għandu jiġi impost fuq dan l-Istat il-ħlas annwali ta’ ammont ikkalkulat skond il-perċentwalijiet taż-żoni tal-għawm fl-ilma intern Spanjol li għadhom m’humiex konformi mal-valuri obbligatorji stabbiliti bis-saħħa tad-Direttiva.

51      Il-pagament isir dovut mill-mument meta l-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm li tintlaħaq fl-ewwel staġun tal-għawm wara l-għoti ta’ din is-sentenza tiġi kkonstatata u, jekk ikun xieraq, fil-mument meta sussegwentement tiġi kkonstatata kull sena.

52      Għal dak li jirrigwarda l-ammont tal-pagament ta’ penalità, il-kriterji bażiċi li għandhom jiġu kkunsidrati huma, fil-prinċipju, it-tul tal-ksur, il-livell ta’ gravità tiegħu u l-kapaċità ta’ l-Istat Membru in kwistjoni li jħallas (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 92).

53      Fir-rigward tat-tul taż-żmien tal-ksur, għandu jiġi rrikonoxxut li l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, mill-Istat Membru kkonċernat diffiċilment tista’ titwettaq fi żmien qasir. F’dan il-każ partikolari, din l-eżekuzzjoni tippresupponi li jiġu identifikati l-problemi, jitħejjew pjanijiet ta’ azzjoni u jiġu implementati l-pjanijiet. F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi kkunsidrat, fost l-oħrajn, il-fatt li d-direttivi Komunitarji fuq il-kuntratti pubbliċi jimponu b’mod sinjifikanti li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jiġu stabbiliti b’mod eżawrjenti qabel ma tinbeda l-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratti pubbliċi, mingħajr ma jkunu jistgħu jiġu emendati wara. Barra minn hekk, dawn id-direttivi jimponu fuq l-awtoritajiet kontraenti ċerti termini li ma jistgħux jitqassru, u jillimitaw strettament il-possibbiltà li wieħed jirrikorri għal proċeduri ta’ urġenza.

54      Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l-koeffiċjent ta’ 2 (fuq skala ta’ 1 sa 3) propost mill-Kummissjoni biex jitqies it-tul taż-żmien tal-ksur f’dan il-każ jidher li huwa sever iżżejjed u li koeffiċjent ta’ 1.5 huwa iktar xieraq.

55      Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Gvern Spanjol li jgħid li jrid jiġi kkunsidrat, biex jiġi stabbilit il-pagament ta’ penalità, il-fatt li 79.2 % taż-żoni tal-għawm ikkonċernati kienu diġà konformi mal-valuri ta’ limitu tad-Direttiva fil-mument ta’ l-introduzzjoni ta’ dan ir-rikors. Jirriżulta mill-proċess li l-Kummissjoni, fil-proposta tagħha, diġà ħadet in kunsiderazzjoni l-grad ta’ implementazzjoni tad-Direttiva milħuq mill-awtoritajiet Spanjoli meta tjiebet ir-rata ta’ konformità ta’ l-ilma in kwistjoni minn 54.5 % fl-1992 għal 79.2 % fl-2000.

56      Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tal-Gvern Spanjol li ma bbenefikax mill-perijodu ta’ għaxar snin għall-implementazzjoni li kellhom l-Istati Membri l-oħrajn. Fil-fatt ir-Renju ta’ Spanja seta’ talab perijodu tranżitorju għall-applikazzjoni tad-Direttiva meta aderixxa mal-Komunitajiet Ewropej. Billi m’għamilx talba bħal din ma jistax issa jinqeda bin-nuqqas tiegħu li jagħmel hekk, biex jitlob tnaqqis tal-pagament ta’ penalità.

57      Hemm lok ukoll li jiġi mfakkar li l-konformità ta’ l-ilma għall-għawm mal-valuri ta’ limitu tad-Direttiva hija intiża biex tipproteġi s-saħħa pubblika u l-ambjent. Sa fejn il-ksur ikkonstatat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza jista’ jipperikola s-saħħa tal-bniedem u jagħmel ħsara lill-ambjent, dan huwa b’mod ċar sinjifikattiv.

58      Meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni dawn l-elementi, il-koeffiċjent ta’ 4 (fuq skala minn 1 sa 20) propost mill-Kummissjoni għalhekk jirrifletti b’mod xieraq il-grad ta’ gravità tal-ksur.

59      Il-proposta tal-Kummissjoni li jiġi mmultiplikat ammont bażi b’koeffiċjent ta’ 11.4, ibbażat fuq il-prodott domestiku gross tar-Renju ta’ Spanja u fuq in-numru ta’ voti li dan għandu fil-Kunsill, tikkostitwixxi mod xieraq kif tiġi riflessa l-kapaċità ta’ ħlas ta’ dan l-Istat Membru filwaqt li tinżamm differenza raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88).

60      Il-multiplikazzjoni ta’ l-ammont bażi ta’ EUR 500 bil-koeffiċjenti ta’ 11.4 (għall-kapaċità ta’ ħlas), ta’ 4 (għall-gravità tal-ksur) u ta’ 1.5 (għat-tul taż-żmien tal-ksur) twassal għal ammont ta’ EUR 34 200 kuljum, jiġifieri EUR 12 483 000 fis-sena. Dan l-ammont kien ibbażat fuq il-kunsiderazzjoni li 20 % taż-żoni tal-għawm ikkonċernati ma kinux jikkonformaw mal-valuri ta’ limitu tad-Direttiva, u għalhekk għandu jiġi diviż b’20 biex jinkiseb l-ammont li jikkorrispondi ma’ 1 % taż-żoni li ma jikkonformawx, jiġifieri EUR 624 150 fis-sena.

61      Għalhekk, tkun evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ jekk l-ammont tal-pagament tal-penalità jiġi stabbilit għal EUR 624 150 fis-sena u għal 1% taż-żoni tal-għawm li ma jikkonformawx mal-valuri ta’ limitu tad-Direttiva.

62      Għaldaqstant, ir-Renju ta’ Spanja għandu jiġi kkundannat iħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, pagament ta’ penalità ta’ EUR 624 150 fis-sena u għal 1 % taż-żoni tal-għawm fl-ilma intern Spanjol fejn in-nuqqas ta’ konformità tagħhom mal-valuri ta’ limitu stabbiliti taħt id-Direttiva jkun ġie ddikjarat għas-sena in kwistjoni, minn meta l-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm milħuqa fl-ewwel staġun tal-għawm wara l-għoti ta’ din is-sentenza tkun ġiet ikkonsatata, sas-sena li matulha s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, tiġi eżegwita għal kollox.

 Fuq l-ispejjeż

63      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Renju ta’ Spanja jiġi kkundannat għall-ispejjeż u peress li dan ta’ l-aħħar essenzjalment tilef il-kawża, hemm lok li r-Renju ta’ Spanja jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi ma ħax il-miżuri neċessarji biex jiġi żgurat li l-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm intern fit-territorju Spanjol tkun konformi mal-valuri ta’ limitu stabbiliti taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/160/KEE, tat-8 ta’ Diċembru 1975, dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm, minkejja l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva, ir-Renju ta’ Spanja ma ħax il-miżuri kollha li jwasslu għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-92/96), u minħabba dan il-fatt naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 228 KE.

2)      Ir-Renju ta’ Spanja huwa ordnat iħallas lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, fil-kont “riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, pagament ta’ penalità ta’ EUR 624 150 fis-sena u għall-1 % taż-żoni tal-għawm fl-ilma intern Spanjol fejn in-nuqqas ta’ konformità tagħhom mal-valuri ta’ limitu stabbiliti taħt id-Direttiva jkun ġie ddikjarat għas-sena in kwistjoni, minn meta l-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm milħuqa fl-ewwel staġun tal-għawm wara l-għoti ta’ din is-sentenza tkun ġiet ikkonsatata, sas-sena li matulha s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, tiġi eżegwita għal kollox.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Skouris

 

       Timmermans

Gulmann

Cunha Rodrigues

Edward

La Pergola

Puissochet

Schintgen

Macken

Colneric

von Bahr

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Novembru 2003.

Reġistratur

 

       Il-President

R. Grass

 

       V. Skouris


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Naar boven