This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62000TJ0069
Judgment of the Court of First Instance (Grand Chamber) of 14 December 2005.#Fabbrica italiana accumulatori motocarri Montecchio SpA (FIAMM) and Fabbrica italiana accumulatori motocarri Montecchio Technologies, Inc. (FIAMM Technologies) v Council of the European Union and Commission of the European Communities.#Non-contractual liability of the Community - Incompatibility of the Community regime governing the import of bananas with the rules of the World Trade Organisation (WTO) - Imposition by the United States of America of retaliatory measures in the form of increased customs duty levied on imports from the Community, pursuant to a WTO authorisation - Decision of the WTO Dispute Settlement Body - Legal effects - Community liability in the absence of unlawful conduct of its institutions - Causal link - Unusual and special damage.#Case T-69/00.
Arrêt du Tribunal de première instance (grande chambre) du 14' l-a' Diċembru 2005.
Fabbrica italiana accumulatori motocarri Montecchio SpA (FIAMM) u Fabbrica italiana accumulatori motocarri Montecchio Technologies, Inc. (FIAMM Technologies) vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità - Inkompatibbiltà tas-sistema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana mar-regoli ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) - Impożizzjoni mill-Istati Uniti ta' l-Amerika ta' miżuri ta' ritaljazzjoni fil-forma ta' dazju addizzjonali fuq importazzjonijiet li ġejjin mill-Komunità bl-awtorizzazzjoni tal-WTO - Deċiżjoni tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-WTO - Effetti legali - Responsabbiltà tal-Komunità fin-nuqqas ta' aġir illegali tal-korpi tagħha - Rabta kawżali - Dannu barra min-normal u speċjali.
Kawża T-69/00.
Arrêt du Tribunal de première instance (grande chambre) du 14' l-a' Diċembru 2005.
Fabbrica italiana accumulatori motocarri Montecchio SpA (FIAMM) u Fabbrica italiana accumulatori motocarri Montecchio Technologies, Inc. (FIAMM Technologies) vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità - Inkompatibbiltà tas-sistema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana mar-regoli ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) - Impożizzjoni mill-Istati Uniti ta' l-Amerika ta' miżuri ta' ritaljazzjoni fil-forma ta' dazju addizzjonali fuq importazzjonijiet li ġejjin mill-Komunità bl-awtorizzazzjoni tal-WTO - Deċiżjoni tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-WTO - Effetti legali - Responsabbiltà tal-Komunità fin-nuqqas ta' aġir illegali tal-korpi tagħha - Rabta kawżali - Dannu barra min-normal u speċjali.
Kawża T-69/00.
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2005:449
SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Awla Manja)
14 ta' Diċembru 2005(*)
"Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità – Inkompatibbiltà tas-sistema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana mar-regoli ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) – Impożizzjoni mill-Istati Uniti ta' l-Amerika ta' miżuri ta' ritaljazzjoni fil-forma ta' dazju addizzjonali fuq importazzjonijiet li ġejjin mill-Komunità bl-awtorizzazzjoni tal-WTO – Deċiżjoni tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-WTO – Effetti legali – Responsabbiltà tal-Komunità fin-nuqqas ta' aġir illegali tal-korpi tagħha – Rabta kawżali – Dannu barra min-normal u speċjali"
Fil-kawża T-69/00,
Fabbrica italiana accumulatori motocarri Montecchio SpA (FIAMM), stabbilita f'Montecchio Maggiore (l-Italja),
Fabbrica italiana accumulatori motocarri Montecchio Technologies, Inc.(FIAMM Technologies), stabbilita f'East Haven, Delaware (l-Istati Uniti),
rappreżentati minn I. Van Bael, A. Cevese u F. Di Gianni, avukati, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, rappreżentat minn G. Maganza, J. Huber, F. Ruggeri Laderchi u S. Marquardt, bħala aġenti,
u
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, rappreżentata inizjalment minn P. Kuijper, L. Gussetti, V. Di Bucci, C. Brown u E. Righini, u sussegwentement minn Kuijper, Gussetti, Di Bucci u Righini, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuti,
sostnuti mir-
Renju ta' Spanja, inizjalment rappreżentat minn R. Silva de Lapuerta, wara minn E. Braquehais Conesa, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
intervenjenti,
li għandha bħala suġġett rikors għal kumpens għad-danni allegatament ikkawżati mid-dazju addizzjonali impost mill-Istati Uniti ta' l-Amerika fuq l-importazzjoni ta' akkumulaturi stazzjonarji tar-rikorrenti, liema dazju kien awtorizzat mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) wara l-konstatazzjoni ta' l-inkompatibbiltà tas-sistema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana mal-Ftehim u l-Memoranda annessi mal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO,
IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Awla Manja),
komposta minn B. Vesterdorf, President, P. Lindh, J. Azizi, J. Pirrung, H. Legal, R. García-Valdecasas, V. Tiili, J. D. Cooke, A. W. H. Meij, M. Vilaras u N. Forwood, Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tal-11 ta' Marzu 2003 u tas-26 ta' Mejju 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest ġuridiku
1 Fil-15 ta' April 1994, il-Komunità ffirmat l-Att Finali li jinkorpora r-riżultati tan-negozjati kummerċjali multilaterali tal-Laqgħa ta' l-Urugwaj, il-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), kif ukoll il-Ftehim u l-Memoranda kollha li jinsabu fl-Annessi 1 sa 4 tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO (iktar 'il quddiem il-"Ftehim WTO").
2 Wara din il-firma, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 94/800/KE tat-22 ta' Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x'jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq[a fin-]negozjati multilaterali [tal-Laqgħa ta' l-]Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, p. 1).
3 Kif jirriżulta mill-preambolu tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO, il-ħsieb tal-partijiet kontraenti kien li jistabbilixxu ftehim "ibbażati fuq arranġamenti reċiproċi u vantaġġjużi għal kull parti, li jwasslu għal tnaqqis sostanzjali tat-tariffi doganali u ta' l-ostakoli l-oħra għall-kummerċ u għall-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fir-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali" [traduzzjoni mhux uffiċjali].
4 Il-paragrafu 2 ta' l-Artikolu II tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO jipprovdi:
"Il-ftehim u l-istrumenti legali relatati inklużi fl-Annessi 1, 2 u 3 […] huma parti integrali minn dan il-Ftehim u jorbtu lill-Membri kollha." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
5 L-Artikolu XVI, intitolat "Dispożizzjonijiet Mixxellanji", tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO, jipprovdi fil-paragrafu 4 tiegħu:
"Kull Membru għandu jassigura li l-liġijiet, regolamenti u proċeduri amministrattivi tiegħu jikkonformaw ma' l-obbligi tiegħu kif stabbiliti fil-Ftehim li jinsabu fl-Annessi." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
6 Barra minn hekk, il-Memorandum ta' Ftehim dwar ir-Regoli u l-Proċeduri li jirregolaw is-Soluzzjoni tat-Tilwim (iktar 'il quddiem "DSU"), li jinsab fl-Anness 2 tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO, jispeċifika, fl-aħħar sentenza tal-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 3 tiegħu, intitolat "Dispożizzjonijiet Ġenerali":
"Ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-[Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim] ma jistgħux iżidu jew inaqqsu d-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fil-Ftehim koperti." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
7 Skond l-Artikolu 3(7) tad-DSU:
"Qabel ma jressaq kawża, Membru għandu juża l-ġudizzju tiegħu biex jiddeċiedi jekk azzjoni taħt dawn il-proċeduri tistax twassal għal riżultat utli. L-għan tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim huwa li jikseb soluzzjoni pożittiva għal tilwima. Mingħajr dubju, huwa preferibbli li tinstab soluzzjoni li tkun aċċettabbli għall-partijiet kollha involuti fit-tilwima u li tkun konsistenti mal-Ftehim koperti. Fil-każ li ma tkunx tista' tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-partijiet kollha, l-ewwel għan tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim għandu normalment ikun li jikseb it-tneħħija tal-miżuri kkonċernati jekk jinstab li dawn huma inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' xi wieħed mill-Ftehim koperti. Ir-rimedju tal-kumpens għandu jintuża biss f'dawk il-każijiet fejn it-tneħħija immedjata tal-miżura in kwistjoni ma tkunx prattikabbli u bħala miżura temporanja sakemm titneħħa l-miżura li tkun inkompatibbli ma' Ftehim kopert. Ir-rimedju aħħari li d-[DSU] jipprovdi lill-Membru li jirrikorri għall-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim huwa li jissospendi l-applikazzjoni ta' konċessjonijiet jew obbligi oħra taħt il-Ftehim koperti, fuq bażi diskriminatorja fir-rigward tal-Membru l-ieħor, bil-kundizzjoni li l-[Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim] ikun awtorizza dawn il-miżuri." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
8 L-Artikolu 7 tad-DSU jipprovdi li l-gruppi speċjali għandhom jaslu għall-konstatazzjonijiet tagħhom sabiex jassistu lill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim (iktar 'il quddiem "DSB") fil-formulazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew fid-deċiżjoni fuq il-kwistjonijiet imressqa quddiem dan il-Korp. Skond l-Artikolu 12(7) tad-DSU, fil-każijiet fejn il-partijiet involuti fit-tilwima ma jaslux għal soluzzjoni sodisfaċenti għal partijiet kollha, il-grupp speċjali għandu jippreżenta l-konstatazzjonijiet tiegħu lid-DSB fil-forma ta' rapport bil-miktub.
9 L-Artikolu 17 tad-DSU jipprovdi li d-DSB għandu jistabbilixxi Bord ta' l-Appell permanenti li jkun inkarigat mis-smigħ ta' appelli dwar il-kwistjonijiet sottomessi lill-gruppi speċjali.
10 Skond l-Artikolu 19 tad-DSU, meta grupp speċjali jew il-Bord ta' l-Appell jikkonkludi li miżura mhix kompatibbli ma' Ftehim WTO, huwa għandu jirrakkomanda li l-Membru kkonċernat jieħu passi biex jagħmel din il-miżura kompatibbli ma' dak il-Ftehim. Minbarra li jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-grupp speċjali jew il-Bord ta' l-Appell jista' jissuġġerixxi lill-Membru kkonċernat modi kif jista' jimplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet.
11 L-Artikolu 21 tad-DSU, intitolat "Sorveljanza ta' l-Implimentazzjoni ta' Rakkomandazzjonijiet u Deċiżjonijiet", jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-konformità, fl-iqsar żmien possibbli, mar-rakkomandazzjonijiet jew mad-deċiżjonijiet tad-DSB hija meħtieġa sabiex tinstab soluzzjoni effettiva għat-tilwim fl-interess tal-Membri kollha.
12 Skond l-Artikolu 21(3) tad-DSU, il-Membru kkonċernat li ma jkunx jista' jikkonforma ruħu immedjatament mar-rakkomandazzjonijiet u mad-deċiżjonijiet tad-DSB, għandu jkollu terminu raġonevoli li fih jagħmel dan. Jekk ikun il-każ, dan it-terminu għandu jkun determinat permezz ta' arbitraġġ vinkolanti.
13 Fil-każ ta' nuqqas ta' ftehim dwar l-eżistenza jew il-kompatibbiltà ma' Ftehim WTO ta' miżuri meħuda sabiex Membru jikkonforma ruħu mar-rakkomandazzjonijiet jew mad-deċiżjonijiet tad-DSB, l-Artikolu 21(5) tad-DSU jispeċifika li din it-tilwima għandha tkun deċiża billi jiġu segwiti l-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim stabbiliti fid-DSU, inkluż, meta dan ikun possibbli, permezz ta' rikors għall-grupp speċjali oriġinali.
14 Skond l-Artikolu 21(6) tad-DSU, id-DSB għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew tad-deċiżjonijiet adottati u, sakemm id-DSB ma jiddeċidix mod ieħor, il-kwistjoni ta' l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew tad-deċiżjonijiet għandha titniżżel fuq l-aġenda tal-laqgħa tad-DSB wara li jgħaddu sitt xhur mid-data li fiha jkun ġie stabbilit it-terminu raġonevoli previst fil-paragrafu 3 u għandha tibqa' fuq l-aġenda tal-laqgħat tad-DSB sakemm din il-kwistjoni tiġi riżolta.
15 L-Artikolu 22 tad-DSU, intitolat "Kumpens u sospensjoni ta' konċessjonijiet", jipprovdi:
"1. Il-kumpens u s-sospensjoni ta' konċessjonijiet jew ta' obbligi oħra huma miżuri temporanji li jistgħu jintużaw fil-każ li r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet ma jkunux implimentati f'terminu raġonevoli. Madankollu, la l-kumpens u lanqas is-sospensjoni ta' konċessjonijiet jew ta' obbligi oħra m'huma preferibbli għall-implimentazzjoni sħiħa ta' rakkomandazzjoni biex miżura inkompatibbli tiġi reża kompatibbli mal-Ftehim koperti. Il-kumpens huwa volontarju u, jekk jingħata, għandu jkun kompatibbli mal-Ftehim koperti.
2. Jekk il-Membru kkonċernat ma jirrendix il-miżura dikjarata inkompatibbli ma' Ftehim kopert konformi ma' dan il-Ftehim jew jonqos, b'xi mod ieħor, milli jikkonforma ruħu mar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet fit-terminu raġonevoli stabbilit skond l-Artikolu 21(3), dan il-Membru għandu, jekk hekk jintalab u mhux aktar tard minn meta jiskadi t-terminu raġonevoli, jidħol f'negozjati mal-partijiet kollha li jkunu invokaw il-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim, bil-għan li jinstab kumpens aċċettabbli għall-partijiet kollha. Jekk fi żmien 20 jum minn meta jiskadi t-terminu raġonevoli ma jkunx intlaħaq ftehim dwar kumpens sodisfaċenti, kull parti li tkun invokat il-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim tista' titlob l-awtorizzazzjoni tad-DSB biex tissospendi, fir-rigward tal-Membru konċernat, l-applikazzjoni ta' konċessjonijiet jew ta' obbligi oħra taħt il-Ftehim koperti.
3. Meta tkun qed tikkunsidra liema konċessjonijiet jew obbligi oħra għandha tissospendi, il-parti li tkun għamlet ilment għandha tapplika l-prinċipji u l-proċeduri segwenti:
a) il-prinċipju ġenerali huwa li l-parti li tkun għamlet ilment għandha l-ewwel tfittex li tissospendi l-konċessjonijiet jew obbligi oħra li jolqtu l-istess settur(i) li fir-rigward tiegħu (tagħhom) il-grupp speċjali jew il-Bord ta' l-Appell sab ksur jew tixjin jew tnaqqis ieħor ta' benefiċċji;
b) jekk din il-parti jidhrilha li s-sospensjoni tal-konċessjonijiet jew ta' obbligi oħra li jolqtu l-istess settur(i) mhijiex possibbli jew effikaċi, hija tista' tfittex li tissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra li jolqtu setturi oħra taħt l-istess Ftehim;
c) jekk din il-parti jidhrilha li s-sospensjoni tal-konċessjonijiet jew obbligi oħra li jolqtu setturi oħra taħt l-istess Ftehim mhijiex possibbli jew effikaċi, u li ċ-ċirkustanzi huma gravi biżżejjed, hija tista' tfittex li tissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra taħt Ftehim kopert ieħor;
[...]
4. Il-livell tas-sospensjoni ta' konċessjonijiet jew ta' obbligi oħra awtorizzat mid-DSB għandu jkun ekwivalenti għal-livell tat-tixjin jew tnaqqis tal-benefiċċji.
[…]
6. Meta sseħħ is-sitwazzjoni deskritta fil-paragrafu 2, id-DSB għandu, jekk jiġi hekk mitlub, jawtorizza s-sospensjoni tal-konċessjonijiet u ta' obbligi oħra fi żmien 30 jum minn meta jiskadi t-terminu raġonevoli, sakemm ma jiddeċidix, b'vot unanimu, li jiċħad it-talba. Madankollu, jekk il-Membru kkonċernat jikkontesta l-livell ta' sospensjoni proposta, jew isostni li l-prinċipji u l-proċeduri stabbiliti fil-paragrafu 3 ma jkunux ġew segwiti meta parti li tkun għamlet ilment talbet l-awtorizzazzjoni biex tissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra […], il-kwistjoni għandha tkun sottomessa għall-arbitraġġ. L-arbitraġġ għandu jsir mill-grupp speċjali oriġinali, jekk il-membri tiegħu jkunu disponibbli, jew minn arbitru maħtur mid-Direttur Ġenerali, u għandu jkun konkluż fi żmien 60 jum minn meta jiskadi t-terminu raġonevoli. Il-konċessjonijiet jew obbligi oħra m'għandhomx ikunu sospiżi matul l-arbitraġġ.
7. L-arbitru li jaġixxi skond il-paragrafu 6, m'għandux jeżamina n-natura tal-konċessjonijiet jew ta' l-obbligi l-oħra li jkunu ser jiġu sospiżi, iżda għandu jiddetermina jekk il-livell ta' din is-sospensjoni huwiex ekwivalenti għal-livell tat-tixjin jew tat-tnaqqis tal-benefiċċji. […] Il-partijiet għandhom jaċċettaw id-deċiżjoni ta' l-arbitru bħala finali u l-partijiet konċernati m'għandhomx jitolbu arbitraġġ ieħor. Id-DSB għandu jkun infurmat b'din id-deċiżjoni fl-iqsar żmien possibbli u, jekk jiġi hekk mitlub, għandu jawtorizza s-sospensjoni tal-konċessjonijiet jew obbligi oħra jekk it-talba tkun kompatibbli mad-deċiżjoni ta' l-arbitru, sakemm id-DSB ma jiddeċidix, b'vot unanimu, li jiċħad it-talba.
8. Is-sospensjoni ta' konċessjonijiet u ta' obbligi oħra għandha tkun temporanja u għandha tkun applikata biss sakemm titneħħa l-miżura dikjarata inkompatibbli ma' Ftehim kopert, jew sakemm il-Membru li għandu jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet ikun sab soluzzjoni għat-tixjin jew għat-tnaqqis ta' benefiċċji jew sakemm tinstab soluzzjoni sodisfaċenti għall-partijiet kollha. Skond [l-Artikolu 21(6) tad-DSU], id-DSB għandu jibqa' jissorvelja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet adottati, inkluż f'dawk il-każijiet fejn ikun ingħata kumpens jew fejn ikunu ġew sospiżi konċessjonijiet jew obbligi oħra iżda fejn ir-rakkomandazzjonijiet biex miżura tiġi reża kompatibbli mal-Ftehim koperti ma jkunux ġew implimentati.
[...]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-fatti li wasslu għall-kawża
16 Fit-13 ta' Frar 1993, il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 404/93 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana (ĠU L 47, p. 1, iktar 'il quddiem l-"OKS banana"). Is-sistema li tirregola l-kummerċ ma' pajjiżi terzi, stabbilita fit-Titolu IV ta' dan ir-Regolament, kien jipprovdi dispożizzjonijiet preferenzjali fir-rigward tal-banana li ġejja minn ċerti Stati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) kofirmatarji tar-raba' Konvenzjoni AKP-KEE ta' Lomé tal-15 ta' Diċembru 1989 (ĠU 1991, L 229, p. 3).
17 Wara li fi Frar 1996 tressqu lmenti minn diversi Membri tal-WTO, inklużi l-Ekwador u l-Istati Uniti ta' l-Amerika, quddiem id-DSB, il-grupp speċjali stabbilit skond id-dispożizzjonijiet tad-DSU issottometta, fit-22 ta' Mejju 1997, ir-rapporti tiegħu li jikkonkludu li s-sistema ta' importazzjoni ta' l-OKS banana kienet inkompatibbli ma' l-obbligi assunti mill-Komunità taħt il-Ftehim WTO. Ir-rapporti tal-grupp speċjali rrakkomandaw ukoll li d-DSB jistieden lill-Komunità biex tikkonforma din is-sistema ma' l-obbligi tagħha taħt il-Ftehim WTO.
18 Wara li l-Komunità appellat, il-Bord ta' l-Appell permanenti, fid-9 ta' Settembru 1997, ikkonferma sostanzjalment il-konklużjonijiet tal-grupp speċjali u rrakkomanda li d-DSB jistieden lill-Komunità biex tikkonforma d-dispożizzjonijiet Komunitarji in kwistjoni mal-Ftehim WTO.
19 Fil-25 ta' Settembru 1997, id-DSB adotta r-rapporti tal-grupp speċjali u tal-Bord ta' l-Appell.
20 Fis-16 ta' Ottubru 1997, il-Komunità informat lild-DSB, skond l-Artikolu 21(3) tad-DSU, li hija kienet ħa tirrispetta kompletament l-obbligi internazzjonali tagħha.
21 Fis-17 ta' Novembru 1997, l-Istati li ressqu l-ilment talbu, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 21(3)(c) tad-DSU, li, permezz ta' arbitraġġ vinkolanti, jiġi stabbilit terminu raġonevoli li fih il-Komunità tkun marbuta li tikkonforma ruħha ma' l-obbligi tagħha.
22 Permezz ta' sentenza arbitrali ppubblikata fis-7 ta' Jannar 1998, l-arbitru stabbilixxa l-perijodu bejn il-25 ta' Settembru 1997 u l-1 ta' Jannar 1999 għal dan l-iskop.
23 Permezz tar-Regolament (KE) Nru 1637/98 ta' l-20 ta' Lulju 1998, li jemenda r-Regolament Nru 404/93 (ĠU L 210, p. 28), il-Kunsill emenda s-sistema li tirregola l-kummerċ fil-banana ma' pajjiżi terzi.
24 Il-preambolu tar-Regolament Nru 1637/98 jirreleva:
"(1) […] għadd ta' bdil huwa meħtieġ fid-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ ma' pajjiżi terzi li jinsabu fit-Titolu IV tar-Regolament […] Nru 404/93;
(2) […] [i]r-rabtiet internazzjonali tal-Komunità taħt [i]l-[WTO] u mal-firmatarji tar-Raba' Konvenzjoni ACP-KE [ta' Lomé] għandhom jitħarsu, filwaqt li jinkisbu fl-istess waqt l-għanijiet ta' l-[OKS banana];
[…]
(9) […] [i]t-tħaddim ta' dan ir-Regolament għandu jerġa['] jitqies fl-aħħar ta' perjodu xieraq ta' prova;
[…]"
25 Fit-28 ta' Ottubru 1998, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru. 2362/98 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 404/93 fir-rigward tas-sistema ta' importazzjoni tal-banana fil-Komunità (ĠU L 293, p.32). Dan it-test jinkludi d-dispożizzjonijiet kollha meħtieġa biex tkun implimentata s-sistema l-ġdida li tirregola l-kummerċ fil-banana ma' pajjiżi terzi, inklużi l-miżuri transitorji meħtieġa minħabba li dawn ir-regoli dettaljati iddaħħlu fis-seħħ fi żmien qasir ħafna.
26 Peress li dehrilhom li l-Komunità kienet stabbiliet sistema ta' importazzjoni tal-banana maħsuba biex izżomm fis-seħħ l-elementi illegali tas-sistema preċedenti, bi ksur tal-Ftehim WTO u tad-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta' Settembru 1997, l-Istati Uniti ta' l-Amerika, fl-10 ta' Novembru 1998, ippubblikaw, fil-Federal Register, il-lista provviżorja tal-prodotti ġejjin mill-Istati Membri tal-Komunità li huma kellhom il-ħsieb jissottomettu, bħala miżura ta' ritaljazzjoni, għal dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni.
27 Fil-21 ta' Diċembru 1998, l-Istati Uniti ta' l-Amerika ħabbru l-intenzjoni tagħhom li, mill-1 ta' Frar 1999, jew l-iktar tard, mit-3 ta' Marzu 1999, japplikaw dazju bir-rata ta' 100% fuq l-importazzjoni ta' prodotti Komunitarji mniżżla f'lista stabbilita mill-amministrazzjoni Amerikana.
28 Fl-14 ta' Jannar 1999, l-Istati Uniti ta' l-Amerika talbu lid-DSB, skond l-Artikolu 22(2) tad-DSU, li jiġu awtorizzati jissospendu, fir-rigward tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha, l-applikazzjoni ta' konċessjonijiet ta' tariffi u ta' obbligi relatati skond il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) ta' l-1994 u l-Ftehim Ġenerali tal-Kummerċ fis-Servizzi (GATS), għall-kummerċ li jammonta għal 520 miljun dollaru Amerikan (USD).
29 Waqt laqgħa tad-DSB li saret bejn il-25 ta' Jannar u l-1 ta' Frar 1999, il-Komunità kkontestat dan l-ammont minħabba li ma kienx jikkorrispondi għall-livell tat-tixjin jew tat-tnaqqis tal-benefiċċji li sofrew l-Istati Uniti ta' l-Amerika u sostniet li l-prinċipji u l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 22(3) tad-DSU ma kinux ġew rispettati.
30 Fid-29 ta' Jannar 1999, id-DSB iddeċieda, fuq talba tal-Komunità, li jissottometti din il-kwistjoni għall-arbitraġġ mill-grupp speċjali oriġinali, abbażi ta' l-Artikolu 22(6) tad-DSU, u ssospenda t-talba għal awtorizzazzjoni mressqa mill-Istati Uniti ta' l-Amerika sakemm ikun deċiż x'ammont ta' dazju kellu jkun awtorizzat biex jiġi impost bħala miżura ta' ritaljazzjoni.
31 Fit-3 ta' Marzu 1999, l-amministrazzjoni Amerikana imponiet fuq l-esportaturi Komunitarji ta' prodotti mniżżla fuq lista ġdida li stabbiliet hija stess, l-obbligu li jagħmlu garanzija bankarja għal 100% tal-valur tal-prodotti importati konċernati.
32 Permezz tad-deċiżjoni tad-9 ta' April 1999, l-arbitri, minn naħa, ikkunsidraw li diversi dispożizzjonijiet tas-sistema l-ġdida ta' importazzjoni ta' l-OKS banana kienu jmorru kontra dispożizzjonijiet tal-Ftehim WTO, u stabbilew il-livell tat-tixjin jew tat-tnaqqis ta' benefiċċji li sofrew l-Istati Uniti ta' l-Amerika bħala 191.4 miljuni USD fis-sena u, min-naħa l-oħra, ikkunsidraw li s-sospensjoni minn dan il-pajjiż ta' l-applikazzjoni, fir-rigward tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha, ta' konċessjonijiet ta' tariffi u ta' obbligi relatati skond il-GATT ta' l-1994, għall-valur massimu ta' kummerċ ta' 191.4 miljuni USD fis-sena, tkun kompatibbli ma' l-Artikolu 22(4) tad-DSU.
33 Fis-7 ta' April 1999, l-Istati Uniti ta' l-Amerika, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 22(7) tad-DSU, talbu lid-DSB tawtorizzahom jiġbru dazju fuq l-importazzjoni sal-limitu ta' dan l-ammont.
34 Permezz ta' stqarrija għall-istampa tad-9 ta' April 1999, il-United States Trade Representative (ir-rappreżentant speċjali ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika għall-affarijiet kummerċjali, iktar 'il quddiem ir-"rappreżentant speċjali" ħabbar il-lista tal-prodotti milquta mid-dazju fuq l-importazzjoni bir-rata ta' 100%. F'din il-lista ta' prodotti li ġejjin mill-Awstrija, mill-Belġju, mill-Finlandja, minn Franza, mill-Ġermanja, mill-Greċja, mill-Irlanda, mill-Italja, mil-Lussemburgu, mill-Portugall, minn Spanja, mill-Iżvezja jew mir-Renju Unit, kienu inklużi, b'mod partikolari, l-"akkumulaturi taċ-ċomb u l-aċidu, minbarra dawk użati biex iqabbdu magni bil-pistuni jew bħala sors primarju ta' enerġija għall-vetturi ta' l-elettriku". Kien indikat li r-rappreżentant speċjali kellu jippubblika d-deċiżjoni li introduċiet id-dazju ta' 100% fil-Federal Register u li huwa kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi t-3 ta' Marzu 1999 bħala d-data li fiha dan id-dazju kellu jibda jinġabar.
35 Din id-deċiżjoni, ippubblikata fid-9 ta' April 1999 fil-Federal Register (Volum 64, Nru 74, p. 19209 sa 19211), ġiet adottata abbażi ta' l-Artikolu 301 tat-Trade Act ta' l-1974 li jawtorizza lir-rappreżentant speċjali jieħu l-miżuri awtorizzati jekk jikkonstata li kien hemm ksur tad-drittijiet li l-Istati Uniti jgawdu taħt ftehim kummerċjali.
36 Mit-taqsima "Data tad-dħul fis-seħħ" tal-miżura ċċitata iktar 'il fuq jirriżulta li "[ir-rappreżentant speċjali] iddeċieda li dazju ad valorem ta' 100% ħa jkun applikat, b'effett mid-19 ta' April 1999, għall-prodotti mqiegħda għall-konsum u għal dawk li jinħarġu minn imħażen sabiex jiġu mqiegħda għall-konsum, fit-3 ta' Marzu 1999 jew wara din id-data".
37 Fis-6 ta' April 1999, grupp speċjali stabbilit fuq talba mressqa mill-Ekwador fit-18 ta' Diċembru 1998 skond l-Artikolu 21(5) tad-DSU, ikkonkluda wkoll li s-sistema Komunitarja ġdida ta' importazzjoni tal-banana kienet inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim WTO. Fis-6 ta' Mejju 1999, id-DSB approva r-rapport tal-grupp speċjali.
38 Fid-19 ta' April 1999, id-DSB awtorizza lill-Istati Uniti ta' l-Amerika biex jimponu dazji fuq l-importazzjonijiet li ġejjin mill-Komunità sal-limitu tal-valur ta' kummerċ ta' 191.4 miljun USD fis-sena.
39 Fil-25 ta' Mejju 1999, il-Komunità ikkontestat il-miżuri ta' ritaljazzjoni Amerikani għall-perijodu bejn it-3 ta' Marzu 1999 u d-19 ta' April 1999 quddiem l-awtoritajiet tal-WTO, b'mod partikolari minħabba li dawn daħlu fis-seħħ fit-3 ta' Marzu 1999.
40 Minħabba li l-grupp speċjali li quddiemu l-Komunità ressqet l-ilment tagħha ikkunsidra li d-dħul fis-seħħ ta' dan id-dazju addizzjonali Amerikan fit-3 ta' Marzu 1999 kien imur kontra d-dispożizzjonijiet tad-DSU, huwa ddifferixxa d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din il-miżura għad-19 ta' April 1999.
41 Fil-kuntest ta' negozjati mal-partijiet kollha interessati, il-Komunità ipproponiet li tagħmel xi emendi fl-OKS banana l-ġdida. Dawn l-emendi ġew introdotti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 216/2001 tad-29 ta' Jannar 2001 li jemenda r-Regolament Nru 404/93 (ĠU L 31, p. 2).
42 Skond il-preambolu tar-Regolament Nru 216/2001:
"(1) Kien hemm kuntatti numerużi mill-qrib ma' pajjiżi fornituri u ma' partijiet oħra interessati biex jiġi solvut it-tilwim imqanqal mir-reġim ta' l-importazzjoni stabbilit bir-Regolament […] Nru 404/93 u biex jiġu kkunsidrati l-konklużjonijiet tal-grupp speċjali mwaqqaf bis-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim ta[l-WTO].
(2) Analiżi ta' l-alternattivi kollha ppreżentati mill-Kummissjoni tissuġġerixxi li t-twaqqif ta' sistema ta' importazzjoni għal żmien medju bbażata fuq l-applikazzjoni ta' dazju doganali b'rata xierqa u l-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali ta' l-importazzjoni minn pajjiżi A[K]P tipprovdi l-aħjar garanzija, l-ewwelnett li jinkisbu l-għanijiet ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq fir-rigward tal-produzzjoni tal-Komunità u d-domanda mill-konsumatur, u t-tieni, li jkun hemm konformità mar-regoli dwar il-kummerċ internazzjonali, u t-tielet li jiġi evitat aktar tilwim.
(3) Iżda, sistema bħal din għandha tiġi introdotta malli jitlestew in-negozjati ma' l-imsieħba tal-Komunità b'konformità mal-proċeduri tal-WTO, b'mod partikolari l-Artikolu XXVIII tal-[GATT]. Ir-riżultat ta' dawn in-negozjati għandu jitressaq għall-approvazzjoni tal-Kunsill li għandu wkoll, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, jistabbilixxi l-livell applikabbli tat-Tariffi Komuni Doganali.
(4) Sakemm jidħol fis-seħħ dak ir-reġim, il-Komunità għandha tiġi fornuta taħt diversi kwoti tat-tariffi miftuħa għall-importazzjoni mill-pajjiżi kollha u mmaniġġati b'konformità mar-rakommandazzjonijiet magħmula mi[d-DSB].
(5) In vista ta' l-obbligi kuntrattwali lejn il-pajjiżi A[K]P u l-ħtieġa li jiġu ggarantiti lilhom kondizzjonijiet xierqa tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni ta' preferenza fit-tariffa ta' EUR 300 għal kull tunnellata metrika lill-banana li toriġina f'dawk il-pajjiżi għandha tippermetti li jinżammu l-flussi kummerċjali in kwistjoni. Din sa tkun tinvolvi b'mod partikolari l-applikazzjoni fuq importazzjoni bħal din ta' dazju doganali ta' żero taħt [… il-]kwoti tat-tariffa.
(6) Il-Kummissjoni għandha tiġi awtorizzata biex tiftaħ negozjati ma' pajjiżi [fornituri] li jkollhom interess sostanzjali li jfornu s-suq tal-Komunità biex jipprovaw jiksbu allokazzjoni negozjata ta' l-ewwel żewġ kwoti tat-tariffi. Il-Kummissjoni għandha wkoll tingħata l-awtorità biex tistabbilixxi regoli għall-immaniġġar tal-kwoti tat-tariffi mwaqqfa b'dan ir-Regolament […]"
43 Fil-11 ta' April 2001, l-Istati Uniti ta' l-Amerika u l-Komunità kkonkludew Memorandum ta' Ftehim li jiddefinixxi "l-metodi li jistgħu jwasslu għal soluzzjoni għat-tilwima li ilha teżisti dwar is-sistema ta' importazzjoni tal-banana" fil-Komunità. Dan il-Memorandum jipprovdi li l-Komunità tintrabat li tintroduċi "sistema bbażata biss fuq tariffi għall-importazzjonijiet tal-banana mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2006". Dan id-dokument jiddefinixxi l-miżuri li l-Komunità tintrabat li tieħu matul il-perijodu interim li jiskadi fl-1 ta' Jannar 2006. Min-naħa tagħhom, l-Istati Uniti ta' l-Amerika ntrabtu li jissospendu provviżorjament l-applikazzjoni tad-dazju addizzjonali li kienu awtorizzati jimponu fuq l-importazzjonijiet Komunitarji. Madankollu, l-Istati Uniti ta' l-Amerika speċifikaw, permezz ta' komunikazzjoni lid-DSB tas-26 ta' Ġunju 2001, li dan il-Memorandum ta' Ftehim "ma jammontax fih innifsu għal soluzzjoni aċċettata mill-partijiet kollha skond l-Artikolu [3(6) tad-DSU u li,] barra minn hekk, in vista tal-miżuri li l-partijiet kollha għad iridu jieħdu, ikun ukoll prematur li dan il-punt jitneħħa mill-aġenda tad-DSB".
44 Permezz tar-Regolament (KE) Nru 896/2001 tas-7 ta' Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament Nru 404/93 rigward l-arranġamenti għall-importazzjoni tal-banana fil-Komunità (ĠU L 126, p. 6), il-Kummissjoni ddefiniet ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema Komunitarja l-ġdida ta' importazzjoni tal-banana introdotta permezz tar-Regolament Nru 216/2001.
45 L-Istati Uniti ta' l-Amerika ssospendew l-applikazzjoni tad-dazju addizzjonali tagħhom b'effett mit-30 ta' Ġunju 2001. Mill-1 ta' Lulju 2001 id-dazju tagħhom fuq l-importazzjoni ta' l-akkumulaturi stazzjonarji li ġejjin mill-Komunità tnaqqas għar-rata oriġinali tiegħu ta' 3.5%.
46 Mill-istatistiċi prodotti mill-Kummissjoni fuq talba tal-Qorti tal-Prim'Istanza, jirriżulta li l-valur totali c.i.f. (prezz, assikurazzjoni u ġarr) ta' l-importazzjonijiet lejn l-Istati Uniti ta' akkumulaturi taċ-ċomb u l-aċidu li ġejjin mill-Komunità ammonta għal 33 748 879 USD fl-1998, għal 21 825 385 USD fl-1999, għal 15 938 040 USD fl-2000 u, finalment, għal 15 617 997 USD fl-2001.
47 Fabbrica italiana accumulatori motocarri Montecchio SpA (FIAMM) u Fabbrica italiana accumulatori motocarri Montecchio Technologies, Inc. (FIAMM Technologies) jeżerċitaw l-attività tagħhom, b'mod partikolari, fis-settur ta' l-akkumulaturi stazzjonarji użati prinċipalment fis-settur tat-telekomunikazzjoni u inklużi mal-prodotti milquta mid-dazju addizzjonali mid-19 ta' April 1999 sat-30 ta' Ġunju 2001.
Il-proċedura
48 Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-23 ta' Marzu 2000, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors għal kumpens għad-danni allegatament ikkawżati minn dan id-dazju addizzjonali.
49 Permezz ta' digriet tal-President tar-Raba' Awla tal-11 ta' Settembru 2000, ir-Renju ta' Spanja ġie awtorizzat jintervjeni sabiex isostni t-talbiet tal-konvenuti.
50 Fuq talba tal-Kummissjoni mressqa taħt it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, din il-kawża ntbagħtet quddiem Awla Estiża komposta minn ħames imħallfin permezz ta' deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' Lulju 2002.
51 Din il-kawża ġiet assenjata lill-Ewwel Awla Estiża fis-7 ta' Ottubru 2002 permezz tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' Lulju 2002 dwar il-kompożizzjoni ta' l-Awli u l-assenjazzjoni tal-kawżi lil dawn l-Awli.
52 Wara l-impediment ta' l-Imħallef oriġinarjament maħtur bħala l-Imħallef Relatur minħabba t-tmiem tal-kariga tiegħu, il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza ħatar Imħallef Relatur ġdid permezz ta' deċiżjoni tat-13 ta' Diċembru 2002.
53 Permezz ta' digriet tal-President ta' l-Ewwel Awla Estiża tat-3 ta' Frar 2003, mogħti wara li nstemgħu l-partijiet, din il-kawża u l-kawżi konnessi T-151/00 u T-301/00 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.
54 Is-sottomissjonijiet orali u t-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu waqt is-seduta ta' l-Ewwel Awla Estiża tal-11 ta' Marzu 2003.
55 Permezz ta' deċiżjoni tat-23 ta' Marzu 2004, il-Qorti tal-Prim'Istanza fetħet mill-ġdid il-proċedura orali f'din il-kawża.
56 Fl-1 ta' April 2004, il-Qorti tal-Prim'Istanza, wara li semgħet il-partijiet, iddeċidiet li tibgħat quddiem l-Awla Manja tal-Qorti tal-Prim'Istanza l-kawżi magħquda T‑69/00, T‑151/00 u T‑301/00, kif ukoll il-kawżi konnessi T‑320/00, T‑383/00 u T‑135/01.
57 Permezz ta' digriet tad-19 ta' Mejju 2004, il-President ta' l-Awla Manja, wara li sema' l-partijiet, għaqqad is-sitt kawżi msemmija iktar 'il fuq għall-finijiet tal-proċedura orali.
58 Abbażi tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza stiednet lill-partijiet iwieġbu bil-miktub għal sensiela ta' mistoqsijiet qabel is-seduta. Il-partijiet debitament ipprovdew l-informazzjoni mitluba.
59 Is-sottomissjonijiet orali u t-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu waqt is-seduta ta' l-Awla Manja tas-26 ta' Mejju 2004.
It-talbiet tal-partijiet
60 Fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza:
– tikkundanna lill-konvenuti jħallsuhom is-somma ta' 10 760 798.85 EUR (20 835 811 027.16 Liri Taljani) jew somma oħra li l-Qorti jidhrilha li tkun raġonevoli, b'riżerva li din is-somma tiġi aġġornata fil-kors tal-proċedimenti, flimkien ma' l-interessi, bir-rata li tapplika taħt il-liġi Taljana, dekorribbli mill-mument meta r-rikorrenti effettivament ħallsu d-dazji miżjuda b'96.5% lill-amministrazzjoni doganali Amerikana bir-rata ta' 96.5% sa meta jsir il-ħlas finali, kif ukoll l-interessi moratorji bir-rata ta' 8% fil-każ li s-somma li l-konvenuti jiġu kkundannati jħallsu ma titħallasx mill-ewwel wara li tingħata s-sentenza;
– tikkundanna lill-konvenuti jħallsu l-ispejjeż.
61 Mitluba jaġġornaw l-ammont ta' dannu allegat, ir-rikorrenti speċifikaw, fil-kors tal-proċedimenti, li huma soffrew telf ta' 12 139 521 EUR minħabba l-ħlas tad-dazju addizzjonali biss.
62 Il-konvenuti, sostnuti mir-Renju ta' Spanja, jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza:
– tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew bħala infondat;
– tikkundanna lir-rikorrenti jħallsu l-ispejjeż.
Fuq l-ammissibbiltà
63 Mingħajr ma jqajmu eċċezzjoni formali taħt l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, il-konvenuti josservaw li r-rikors huwa inammissibbli, minn naħa, minħabba li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura u, min-naħa l-oħra, minħabba li l-Qorti tal-Prim'Istanza mhijiex kompetenti.
Fuq il-fatt li r-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura
L-argumenti tal-partijiet
64 Il-konvenuti jsostnu li, kuntrarjament għar-rekwiżiti ta' l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors ma jindikax b'mod ċar l-att ta' l-istituzzjonijiet li jwassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u lanqas ma jesponi b'mod ċar l-aġir, kemm jekk att pożittiv jew ommissjoni, allegat fil-konfront ta' l-istituzzjonijiet konvenuti.
65 Ir-rikorrenti jidhrilhom, għall-kuntrarju, li huma indikaw b'mod preċiż biżżejjed l-aġir li huma qegħdin jallegaw fil-konfront tal-konvenuti, jiġifieri n-nuqqas ta' adozzjoni, fit-terminu mogħti mid-DSB, ta' dispożizzjonijiet li jemendaw b'mod utli r-Regolament Nru. 404/93, bi ksur ta' l-obbligi assunti mill-Komunità taħt il-Ftehim WTO.
66 Ir-rikorrenti jsostnu li l-kwistjoni jekk il-Komunità kisritx ir-regoli tal-WTO deliberatament, bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji kkontestati, jew b'ommissjoni, minħabba li naqset li tikkonforma dawn id-dispożizzjonijiet ma' dawk tal-Ftehim WTO, hija purament kwistjoni ta' terminoloġija.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
67 Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 21 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza permezz ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 53 ta' l-istess Statut, u skond l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u jinkludi sunt tar-raġunijiet imressqa. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed biex il-konvenut ikun jista' jipprepara d-difiża tiegħu u biex il-Qorti tal-Prim'Istanza tkun tista' tippronunzja ruħha fuq ir-rikors, jekk dan ikun il-każ, mingħajr ma tkun meħtieġa informazzjoni oħra. Bil-għan li jiġu garantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ li, sabiex rikors ikun ammissibbli, l-elementi essenzjali ta' fatt u ta' dritt li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, ta' l-inqas b'mod sommarju iżda b'mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess.
68 Sabiex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, rikors li jitressaq sabiex jinkiseb kumpens għal danni allegatament ikkawżati mill-istituzzjonijiet Komunitarji, bħalma huwa l-każ f'din il-kawża, għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġu identifikati kemm l-aġir li r-rikorrent ikun qiegħed jakkuża lill-istituzzjonijiet bih kif ukoll ir-raġunijiet li abbażi tagħhom ir-rikorrent ikun jidhirlu li hemm rabta kawżali bejn din l-aġir u d-dannu li huwa jippretendi li jkun sofra (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' Jannar 1998, Dubois et Fils vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-113/96, Ġabra p. II-125, punti 29 u 30).
69 Kif jirriżulta mill-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li sofrew dannu minħabba n-nuqqas ta' l-istituzzjonijiet konvenuti li jemendaw is-sistema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana b'tali mod li, tikkonforma ma' l-obbligi assunti mill-Komunità taħt il-Ftehim WTO fit-terminu mogħti mid-DSB.
70 Għalhekk, għall-kuntrarju ta' dak li jsostnu l-konvenuti, ir-rikors jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġu identifikati l-aġir li r-rikorrenti qegħdin jakkużawhom bih u li huma jqisu bħala l-kawża tad-dannu li sofrew.
71 Barra minn hekk, mill-argumenti mressqa mill-konvenuti dwar l-ammissibbiltà tar-rikors jirriżulta li huma setgħu jippreparaw b'mod utli d-difiża tagħhom dwar il-kundizzjonijiet li jwasslu għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. Dan ifisser li l-Qorti tal-Prim'Istanza qiegħda f'pożizzjoni li tippronunzja ruħha dwar dan ir-rikors b'għarfien sħiħ tal-provi li jinsabu fil-proċess u f'konformità mal-prinċipju tal-kontradittorju.
72 Għaldaqstant hemm lok li tkun miċħuda l-kontestazzjoni mressqa mill-konvenuti fis-sens li r-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura.
Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza
L-argumenti tal-partijiet
73 Il-Kummissjoni jidhrilha li l-impożizzjoni tad-dazju addizzjonali fuq il-prodotti importati mir-rikorrenti fit-territorju ta' l-Istati Uniti tirriżulta minn deċiżjoni tal-Gvern ta' dan l-Istat u mhux minn att ta' istituzzjoni Komunitarja.
74 Barra minn hekk, it-test ta' l-Artikolu 288 KE jimplika l-ħtieġa ta' rabta diretta bejn l-att in kwistjoni u l-attivitajiet tal-Komunità, billi l-kompetenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tiddependi biss mill-allegazzjoni formali tar-rikorrenti li d-dannu li sofrew kien ikkawżat minn atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità.
75 Billi jallegaw li l-Gvern Amerikan qatt ma kien iżid id-dazji fuq l-importazzjoni in kwistjoni li kieku ma kienx awtorizzat mid-DSB wara l-konstatazzjoni ta' l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Komunitarja mar-regoli tal-WTO, ir-rikorrenti mhumiex jippruvaw li deċiżjoni bħal din hija imputabbli direttament lill-istituzzjonijiet Komunitarji. Għall-kuntrarju, din il-pretensjoni tipprova li l-att li r-rikorrenti jilmentaw dwar l-effetti tiegħu huwa att adottat mill-Istati Uniti ta' l-Amerika fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tiddikjara li hija kompetenti biex tiddeċiedi dan ir-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Lulju 1987, Étoile commerciale u CNTA vs il-Kummissjoni, 89/86 u 91/86, Ġabra. p. 3005, punti 18 sa 20).
76 Ir-rikorrenti jidhrilhom li wieħed ma jistax raġonevolment jiċħad l-eżistenza ta' rabta kawżali bejn id-dannu li sofrew u l-aġir ta' l-istituzzjonijiet konvenuti. M'hemm l-ebda dubju li l-Gvern Amerikan ma kienx jintroduċi dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni tal-prodotti tar-rikorrenti li kieku ma kienx ġie awtorizzat mid-DSB wara li l-Komunità kisret ir-regoli tal-WTO. Għandu jitqies li l-kawża tad-dannu mġarrab tinsab fil-fatt li r-reazzjoni ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika kienet il-konsegwenza tal-ksur tal-Ftehim WTO mill-Komunità.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
77 Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 235 KE u tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 288 KE, meta jinqraw flimkien, jagħtu kompetenza lill-qorti Komunitarja biex tieħu konjizzjoni ta' rikorsi għal kumpens għal danni kkawżati mill-istituzzjonijiet Komunitarji jew mill-impjegati tagħhom fit-twettiq ta’ dmirijiethom.
78 F'dan il-każ, ir-rikorrenti qegħdin jitolbu kumpens għal dannu li sofrew minħabba ż-żieda fid-dazju fuq l-importazzjoni imposta mill-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika fuq il-prodotti tagħhom, skond l-awtorizzazzjoni mogħtija mid-DSB wara li ġiet kkonstatat li s-sistema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana hija inkompatibbli mal-Ftehim WTO.
79 Ir-rikors huwa bbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità li skond ir-rikorrenti hija stabbilita minħabba li l-kawża tad-dannu li sofrew tinsab fl-adozzjoni, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, ta' leġiżlazzjoni li d-DSB ikkunsidrat li hija inkompatibbli mal-Ftehim WTO.
80 Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza hija kompetenti, skond l-Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE, biex tieħu konjizzjoni tal-preżenti talba għal kumpens għal danni li, b'differenza mis-sitwazzjoni fis-sentenza invokata mill-Kummissjoni Étoile commerciale u CNTA vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar il' fuq f'punt 75, ma tibbażax l-allegata responsabbiltà tal-Komunità biss fuq deċiżjoni ta' istituzzjoni nazzjonali.
81 Ċertament, skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex il-Komunità tinżamm responsabbli, jeħtieġ li d-dannu allegat ikun imputabbli għall-aġir ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji. Madankollu, din hija kundizzjoni sostantiva, li għandha tkun analizzata fil-kuntest ta' l-eżami dwar jekk teżistix rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn id-dannu allegat u l-aġir ta' l-istituzzjonijiet u li ma tippermettix li tkun eskluża l-kompetenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, sakemm ikun allegat li d-dannu huwa imputabbli għall-aġir ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji.
82 Għaldaqstant, hemm lok li jkunu miċħuda l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni dwar l-inkompetenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza mingħajr preġudizzju għall-kunsiderazzjoni tar-rabta kawżali bejn l-aġir tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u d-dannu allegat li ħa ssir fil-kuntest ta' l-eżami tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali.
83 F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors għandu jkun iddikjarat ammissibbli.
Fuq il-mertu
84 It-talba għal kumpens għal danni mressqa mir-rikorrenti hija bbażata prinċipalment fuq ir-regoli dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità minħabba aġir illegali tal-korpi tagħha. Ir-rikorrenti jitolbu wkoll l-applikazzjoni, b'analoġija, tar-regoli dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali applikabbli għall-Istati Membri fil-każ ta' ksur ta' l-obbligi Komunitarji tagħhom kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 226 KE. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jinvokaw ir-regoli dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali li l-Komunità tista' tinkorri anki fin-nuqqas ta' aġir illegali tal-korpi tagħha.
Fuq ir-responsabbiltà tal-Komunità minħabba aġir illegali tal-korpi tagħha
85 L-ewwel nett, għandu jkun imfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, biex ikun hemm ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE, għal aġir illegali tal-korpi tagħha, iridu jiġu sodisfatti numru ta' kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità ta' l-aġir allegat fil-konfront ta' l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta' rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1981, Oleifici Mediterranei vs il-KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Lulju 1996, International Procurement Services vs il-Kummissjoni, T-175/94, Ġabra p. II-729, punt 44, tas-16 ta' Ottubru 1996, Efisol vs il-Kummissjoni, T-336/94, Ġabra p. II-1343, punt 30, u tal-11 ta' Lulju 1997, Oleifici Italiani vs il-Kummissjoni, T-267/94, Ġabra p. II-1239, punt 20).
86 Jekk xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfata, ir-rikors għandu jkun miċħud kollu kemm hu mingħajr il-ħtieġa li jkunu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Settembru 1994, KYDEP vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-146/91, Ġabra p. I-4199, punti 19 u 81, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Frar 2002, Förde-Reederei vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-170/00, Ġabra p. II-515, punt 37).
87 L-aġir illegali allegat fil-konfront ta' istituzzjoni Komunitarja għandu jikkonsisti fi ksur suffiċjentement gravi ta' regola tad-dritt intiża biex tagħti drittijiet lil individwi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 42).
88 Il-kriterju deċiżiv biex jiġi determinat jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta huwa dak tan-nuqqas manifest u gravi ta' l-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata li tosserva l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha.
89 Meta din l-istituzzjoni jkollha biss marġni ta' diskrezzjoni konsiderevolment imnaqqas, jekk mhux saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista' jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' ksur suffiċjentement gravi (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs il-Kummissjoni, T-198/95, T-171/96, T-230/97, T-174/98 u T-225/99, Ġabra p. II-1975, punt 134, u ta' l-10 ta' Frar 2004, Afrikanische Frucht-Compagnie u Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-64/01 u T-65/01, Ġabra p. II-521, punt 71).
90 Huwa fid-dawl ta' dawn l-osservazzjonijiet li għandha tkun eżaminata t-talba għal kumpens imressqa mir-rikorrenti.
L-argumenti tal-partijiet
– Fuq l-illegalitajiet allegati fil-konfront ta' l-istituzzjonijiet konvenuti
91 Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kunsill u l-Kummissjoni ma kkonformawx is-sistema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana ma' l-obbligi assunti mill-Komunità taħt il-Ftehim WTO, fit-terminu ta' ħmistax-il xahar mogħti lilhom mid-DSB. Id-dazju addizzjonali Amerikan, li kkawża dannu gravi lir-rikorrenti, huwa l-konsegwenza diretta taż-żamma fis-seħħ ta' din is-sistema, li d-DSB ikkonstata li hija inkompatibbli mal-Ftehim WTO.
92 Ir-rikorrenti jikkunsidraw li ż-żamma fis-seħħ ta' din is-sistema tikser ċerti prinċipji fundamentali ta' l-ordni ġuridiku Komunitarju, fosthom il-prinċipju pacta sunt servanda. Taħt dan l-ewwel kap, fid-dawl tan-natura vinkolanti tal-Ftehim WTO u tad-DSU, il-Komunità naqset mill-obbligi imposti fuqha bħala membru tal-WTO.
93 Il-konvenuti kisru wkoll il-prinċipji tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali. Kull ċittadin għandu jkun jista' jgawdi ċ-ċertezza legali li mhux ħa jkollu jassumi l-konsegwenzi ta' l-aġir illegali ta' l-awtoritajiet Komunitarji. Ir-rikorrenti jasserixxu li huma kellhom aspettattiva leġittima, mhux fiż-żamma għal dejjem tal-konċessjonijiet ta' tariffi negozjati ma' l-Istati Uniti fil-forma ta' dazju fuq l-importazzjoni oriġinali bir-rata ta' 3.5%, iżda fil-fatt li dawn il-konċessjonijiet ma kinux sejrin jinbidlu minħabba aġir illegali ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità. Issa, il-Komunità m'adattatx il-leġiżlazzjoni tagħha għar-regoli tal-WTO, minkejja li kienet, minn naħa, assigurat lill-imsieħba kummerċjali tagħha li l-intenzjoni tagħha kienet li tirrispetta d-deċiżjonijiet tad-DSB u, min-naħa l-oħra, gawdiet minn proroga eċċezzjonali tat-terminu mogħti għal dan l-iskop.
94 L-istituzzjonijiet konvenuti kisru wkoll id-dritt tar-rikorrenti għal proprjetà u għal inizjattiva ekonomika, drittijiet protetti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR), iffirmata f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950. F'dan il-każ, ir-rikorrenti kienu kostretti li jħallsu dazji għoljin ħafna fuq l-importazzjonijiet tagħhom ta' akkumulaturi fl-Istati Uniti u jmexxu l-impjanti ta' produzzjoni tagħhom f'post ieħor.
95 Fl-aħħar nett, il-Kunsill u l-Kummissjoni kisru l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba billi ma kkonformawx il-leġiżlazzjoni Komunitarja in kwistjoni mar-regoli tal-WTO u billi ssottovalutaw l-effet li l-adozzjoni tal-miżuri ta' ritaljazzjoni seta' jkollha fuq l-attività tal-persuni li jaqgħu taħt l-amministrazzjoni tagħhom.
96 L-istituzzjonijiet konvenuti jwieġbu li l-Komunità dejjem kellha l-intenzjoni li tikkonforma ruħha ma' l-obbligi internazzjonali kollha tagħha, fosthom dawk li jirriżultaw mill-Konvenzjonijiet ta' Lomé u mill-Ftehim WTO.
97 Minħabba li n-negozjati u l-għoti ta' kumpens huma metodu ta' soluzzjoni tat-tilwim, ir-rikorrenti ma setgħu jibnu l-ebda aspettattiva leġittima li s-sistema ta' importazzjoni tal-banana kienet se tiġi emendata, minflok ma jsiru negozjati għal kumpens. Barra minn hekk, pretensjoni għal kumpens kontra l-Komunità ma tistax tkun ibbażata fuq l-eżistenza ta' dritt kweżit għaż-żamma ta' konċessjoni kummerċjali min-naħa ta' Stat terz, fin-nuqqas ta' xi obbligu tal-Komunità li taġixxi sabiex takkwista livell partikolari ta' konċessjonijiet ta' tariffi.
98 L-allegati restrizzjonijiet għad-dritt għal proprjetà ma jistgħu b'ebda mod jitqabblu ma' esproprjazzjoni u ma jaqbżux il-limiti tar-riskji normali inerenti f'kull attività kummerċjali.
99 Fl-aħħar nett, ma sar l-ebda ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba. Il-Kummissjoni, sabiex tevita tneħħija unilaterali ta' konċessjonijiet, innegozjat mal-membri kollha kkonċernati tal-WTO sabiex issib soluzzjoni aċċettabbli għal kulħadd u ppruvat tikseb mingħand l-Istati Uniti ta' l-Amerika kumpens fil-forma ta' aċċess ta' ċerti prodotti Amerikani għas-suq Komunitarju.
– Fuq in-natura ġuridika tar-regoli li allegatament kisru l-konvenuti
100 Ir-rikorrenti josservaw li l-prinċipji kollha li kisru l-konvenuti huma regoli superjuri u huma maħsubin biex jipproteġu lill-individwi. Qabel l-impożizzjoni tad-dazju addizzjonali Amerikan, ir-regoli tal-WTO offrew direttament lir-rikorrenti d-dritt li jimportaw il-prodotti tagħhom fl-Istati Uniti billi jħallsu d-dazju fuq l-importazzjoni oriġinali bir-rata mnaqqsa ta' 3.5%. Anki jekk jiġi kkunsidrat li l-Ftehim WTO m'għandhomx jitqiesu bħala direttament applikabbli, tali effett għandu jiġi rikonoxxut lid-deċiżjoni tad-DSB li kkundannat lill-Komunità, liema deċiżjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f'dan ir-rigward mill-ġurisprudenza Komunitarja.
101 Il-konvenuti jwieġbu li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim WTO joħolqu biss drittijiet għall-partijiet kontraenti u mhux għall-individwi. L-istess għandu jingħad għad-deċiżjonijiet tad-DSB li kull ma jagħmlu hu li jinterpretaw ir-regoli tal-WTO.
102 Il-Ftehim WTO huma maħsuba biex jirregolaw u jiġġestixxu r-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali bejn is-suġġetti tad-dritt internazzjonali biss. Il-konċessjonijiet ta' tariffi miftiehma bejn il-membri tal-WTO jippermettu l-aċċess għal suq nazzjonali iżda madankollu ma jiggarantixxux tali aċċess jew livell determinat tal-prezz f'dan is-suq, u lanqas ma jagħtu direttament lill-operaturi dritt għal trattament ta' tariffa partikolari jew dritt li jista' jkun infurzat kontra l-istituzzjonijiet Komunitarji.
103 Il-Komunità li, fuq bażi temporanja u matul il-perijodu neċessarju biex tinstab soluzzjoni għat-tilwima dwar il-banana, issofri s-sospensjonijiet tal-konċessjonijiet Amerikani, tinsab, minħabba f'hekk, f'konformità sħiħa mar-regoli tal-WTO, u ż-żieda tad-dazji Amerikani fuq l-importazzjoni ta' l-akkumulaturi hija sempliċi applikazzjoni ta' dawn ir-regoli.
104 Minħabba li l-Ftehim WTO ma jistgħux ikunu invokati mir-rikorrenti, inqas u inqas ma jista' jiġi allegat li nkiser il-prinċipju pacta sunt servanda jew li nkisret l-aspettattiva leġittima li tqiegħdet fl-osservanza ta' dawn il-Ftehim.
– Fuq il-gravità tal-vjolazzjonijiet allegati
105 Ir-rikorrenti jsostnu li l-vjolazzjonijiet imwettqa mill-konvenuti huma gravi biżżejjed biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. Għandhom ikunu kkunsidrati, minn naħa, il-livell ta' ċarezza u ta' preċiżjoni tar-regoli li nkisru u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta' marġni ta' diskrezzjoni li kellhom l-istituzzjonijiet Komunitarji biex jikkonformaw il-leġiżlazzjoni Komunitarja inkompatibbli mal-Ftehim WTO, meta jitqiesu d-dettalji preċiżi mogħtija f'dan ir-rigward mir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB. Barra minn hekk, il-Komunità kompliet tikser id-dritt tal-WTO u, għaldaqstant, id-dritt Komunitarju, anki wara li skada t-terminu ta' ħmistax-il xahar li ngħatalha mill-arbitru biex tikkonforma ruħha mar-regoli tal-WTO.
106 Il-konvenuti jqisu li huma inqas u inqas ma qabżux il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, meta wieħed iqis kemm kienu kumplikati s-sitwazzjonijiet li kellhom jiġu riżolti u kemm kienu diffiċli l-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni. Wieħed ma jistax jakkuża lill-konvenuti li ma ħadux il-miżuri meħtieġa meta r-Regolamenti Nru 1637/98 u Nru 2362/98, li huma s-suġġett ta' proċedura ġdida mressqa mill-Istati Uniti, stabbilixxew sistema Komunitarja ta' importazzjoni divera mis-sistema oriġinali.
107 F'dan ir-rigward, għandu jkun imfakkar ir-rwol li kellha s-sospensjoni tal-konċessjonijiet prevista fl-Artikolu 22 tad-DSU, li hija l-aħjar soluzzjoni wara l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tad-DSB. Mill-Artikolu 3(7) tad-DSU, li jiffavorixxi l-għażla ta' soluzzjoni milħuqa bi ftehim bejn il-partijiet kollha, jirriżulta li l-organi kompetenti tal-membri tal-WTO jgawdu setgħa diskrezzjonali wiesa' li tippermettilhom jinħallu, anki jekk temporanjament, mill-obbligi tagħhom taħt il-Ftehim WTO.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
– Fuq il-kwistjoni preliminari jekk ir-regoli tal-WTO jistgħux ikunu invokati
108 Qabel ma tiġi eżaminata l-legalità ta' l-aġir ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji, għandha tiġi deċiża l-kwistjoni jekk il-Ftehim WTO jagħtux lill-individwi suġġetti għad-dritt Komunitarju d-dritt li jinvokawhom fil-qorti biex jikkontestaw il-validità ta' leġiżlazzjoni Komunitarja f'sitwazzjoni fejn id-DSB ikun iddikjara li kemm din il-leġiżlazzjoni kif ukoll il-leġiżlazzjoni adotatta sussegwentament mill-Komunità, b'mod partikolari bil-għan li tikkonforma ruħha mar-regoli tal-WTO konċernati, kienu inkompatibbli ma' dawn l-istess regoli.
109 F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti qegħdin jinvokaw il-prinċipju pacta sunt servanda li effettivament huwa wiħed mir-regoli tad-dritt li l-istituzzjonijiet Komunitarji huma obbligati li jħarsu fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom bħala prinċipju fundamentali ta' kull ordni ġuridiku u, b'mod partikolari, ta' l-ordni ġuridiku internazzjonali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Ġunju 1998, Racke, C-162/96, Ġabra p. I-3655, punt 49).
110 Madankollu, il-prinċipju pacta sunt servanda ma jistax, f'dan il-każ, jiġi invokat b'mod effikaċi kontra l-istituzzjonijiet konvenuti, billi, skond ġurisprudenza stabbilita, il-Ftehim WTO, minħabba n-natura u l-istruttura tagħhom, mhumiex, bħala regola, inklużi fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom il-qorti Komunitarja teżamina l-legalità ta' l-azzjoni ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Novembru 1999, il-Portugall vs il-Kunsill, C-149/96, Ġabra p. I-8395, punt 47; digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Mejju 2001, OGT Fruchthandelsgesellschaft, C-307/99, Ġabra p. I-3159, punt 24; sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Marzu 2002, Omega Air et, C-27/00 u C-122/00, Ġabra p. I-2569, punt 93; tad-9 ta' Jannar 2003, Petrotub u Republica vs il-Kunsill, C-76/00 P, Ġabra p. I-79, punt 53, u tat-30 ta' Settembru 2003, Biret International vs il-Kunsill, C-93/02 P, Ġabra p. I-10497, punt 52).
111 Fil-fatt, minn naħa, il-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO huwa bbażat fuq arranġamenti reċiproċi u vantaġġjużi għal kull parti, ħaġa li tiddistingwieh mill-ftehim konklużi mill-Komunità ma' Stati terzi li jistabbilixxu ċerta nuqqas ta' simmetrija ta' l-obbligi. Issa, huwa paċifiku li wħud mill-aktar imsieħba kummerċjali importanti tal-Komunità ma jinkludux il-Ftehim WTO fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom l-organi ġudizzjarji ta' dawn l-Istati jeżaminaw il-legalità tar-regoli tad-dritt intern tagħhom. Għaldaqstant, eżami tal-legalità ta' l-azzjoni ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji fid-dawl ta' dawn ir-regoli taf twassal għal nuqqas ta' bilanċ fl-applikazzjoni tar-regoli tal-WTO billi ċċaħħad lill-organi leġiżlattivi jew eżekuttivi tal-Komunità mill-marġni ta' manuvrabilità li jgawdu l-organi simili ta' l-imsieħba kummerċjali tal-Komunità (sentenza il-Portugall vs il-Kunsill, iċċitata f'punt 110 iktar 'il fuq, punti 42 sa 46).
112 Min-naħa l-oħra, jekk l-organi ġudizzjarji jkunu obbligati li ma japplikawx regoli tad-dritt intern li jkunu inkompatibbli mal-Ftehim WTO, l-organi leġiżlattivi jew eżekuttivi tal-partijiet kontraenti jkunu konsegwentement imċaħħda mill-possibbiltà, provduta fl-Artikolu 22 tad-DSU, li jsibu soluzzjonijiet innegozjati, anki jekk fuq bażi temporanja, bil-għan li jaslu għal kumpens aċċettabbli għall-partijiet kollha (sentenza il-Portugall vs il-Kunsill, iċċitata f'punt 110 iktar 'il fuq, punti 39 u 40).
113 Minn dan isegwi li l-eventwali ksur tar-regoli tal-WTO mill-istituzzjonijiet konvenuti ma jistax, bħala regola, iwassal biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2001, Cordis vs il-Kummissjoni, T-18/99, Ġabra p. II-913, punt 51; Bocchi Food Trade International vs il-Kummissjoni, T-30/99, Ġabra p. II-943, punt 56, u T. Port vs il-Kummissjoni, T-52/99, Ġabra p. II-981, punt 51).
114 Huwa biss fis-sitwazzjoni fejn il-Komunità kellha l-intenzjoni li timplimenta obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-WTO jew fiċ-ċirkustanza fejn l-att Komunitarju jirreferi b'mod espress għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Ftehim WTO li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha teżamina l-legalità ta' l-aġir ta' l-istituzzjonijiet konvenuti fid-dawl tar-regoli tal-WTO (ara, għal dak li jirrigwarda l-GATT ta' l-1947, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1989, Fediol vs il-Kummissjoni, 70/87, Ġabra p. 1781, punti 19 sa 22, u tas-7 ta' Mejju 1991, Nakajima vs il-Kunsill, C-69/89, Ġabra p. I-2069, punt 31, kif ukoll, għal dak li jirrigwarda l-Ftehim WTO, is-sentenzi il-Portugall vs il-Kunsill, iċċitata f'punt 127 iktar 'il fuq, punt 49, u Biret International vs il-Kunsill, iċċitata f'punt 110 iktar 'il fuq, punt 53).
115 Issa, minkejja d-deċiżjoni tad-DSB li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta' miżuri meħuda minn membru mar-regoli tal-WTO, l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ eċċezzjonijiet ma tapplika fil-każ in eżami.
– Fuq l-eċċezzjoni bbażata fuq l-intenzjoni li jkun implimentat obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-WTO
116 Meta, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta' Settembru 1997, il-Komunità ntrabtet li tikkonforma ruħha mar-regoli tal-WTO, hija ma kellhiex l-intenzjoni li tassumi obbligu partikolari fil-kuntest tal-WTO li jista' jiġġustifika eċċezzjoni għall-impossibbiltà li r-regoli tal-WTO jkunu invokati quddiem il-qorti Komunitarja u li jippermetti lil din ta' l-aħħar teżamina l-legalità ta' l-aġir ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji fid-dawl ta' dawn ir-regoli.
117 Huwa minnu li, ipparagunat mal-GATT ta' l-1947, id-DSU saħħaħ il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-adozzjoni tar-rapporti tal-gruppi speċjali.
118 Fil-fatt, l-Artikolu 3(7) tad-DSU jenfasizza li, normalment, l-ewwel għan tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim huwa li jitneħħew il-miżuri li jkunu ġew dikjarati inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim WTO. Bl-istess mod, l-Artikolu 22(1) tad-DSU jiffavorixxi l-implimentazzjoni sħiħa ta' rakkomandazzjoni biex miżura inkompatibbli tiġi reża kompatibbli mal-Ftehim WTO.
119 Barra minn hekk, skond l-Artikolu 17(14) tad-DSU, rapport tal-Bord ta' l-Appell li jkun ġie adottat, bħal f'dan il-każ, mid-DSB għandu jkun aċċettat mingħajr kundizzjonijiet mill-partijiet involuti fit-tilwima. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 22(7) jispeċifika li l-partijiet imsemmija għandhom jaċċettaw bħala finali d-deċiżjoni ta' l-arbitru li tiddetermina l-livell tas-sospensjoni tal-konċessjonijiet.
120 Minkejja dan, jibqa' l-fatt li d-DSU jagħti, f'kull każ, importanza lin-negozjati bejn il-membri tal-WTO li jkunu partijiet f'tilwima (sentenza il-Portugall vs il-Kunsill, iċċitata f'punt 110 iktar 'il fuq, punti 36 sa 40).
121 Fil-fatt, id-DSU joffri lill-membru tal-WTO konċernat diversi metodi kif jimplimenta rakkomandazzjoni jew deċiżjoni tad-DSB li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta' miżura mar-regoli tal-WTO.
122 Meta t-tneħħija immedjata tal-miżura inkompatibbli ma tkunx possibbli, l-Artikolu 3(7) tad-DSU jipprovdi l-possibbiltà li l-membru milqut jingħata kumpens jew l-awtorizzazzjoni li jissospendi l-applikazzjoni ta' konċessjonijiet jew l-eżekuzzjoni ta' obbligi oħra fuq bażi temporanja sakemm titneħħa l-miżura inkompatibbli (ara s-sentenza il-Portugall vs il-Kunsill, iċċitata f'punt 110 iktar 'il fuq, punt 37).
123 Skond l-Artikolu 22(2) tad-DSU, jekk il-membru tal-WTO in kwistjoni jonqos mill-obbligu tiegħu li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB fit-terminu mogħti lilu, huwa għandu, jekk hekk jintalab u mhux aktar tard mill-iskadenza tat-terminu, jidħol f'negozjati mal-membru li jkun għamel l-ilment bil-għan li jinstab kumpens aċċettabbli għaż-żewġ partijiet.
124 Jekk, fi żmien 20 jum mill-iskadenza tat-terminu raġonevoli previst fl-Artikolu 21(3) tad-DSU biex il-membru konċernat jikkonforma ruħu mar-regoli tal-WTO, ikun għadu ma ntlaħaqx ftehim dwar kumpens sodisfaċenti, il-parti li tkun għamlet l-ilment tista' titlob lid-DSB biex jawtorizzaha tissospendi, fil-konfront tal-membru konċernat, l-applikazzjoni ta' konċessjonijiet jew ta' obbligi oħra li jirriżultaw mill-Ftehim WTO.
125 Anki meta jiskadi t-terminu mogħti biex il-miżura li tkun ġiet dikjarata inkompatibbli tiġi reża kompatibbli mar-regoli tal-WTO u wara l-awtorizzazzjoni u l-adozzjoni ta' miżuri ta' kumpens jew ta' sospensjoni ta' konċessjonijiet skond l-Artikolu 22(6) tad-DSU, tibqa' tingħata importanza, f'kull każ, lin-negozjati bejn il-partijiet involuti fit-tilwima.
126 Fil-fatt, l-Artikolu 22(8) tal-DSU jenfasizza n-natura temporanja tas-sospensjoni ta' konċessjonijiet jew ta' obbligi oħra u jipprovdi li din għandha tapplika biss "sakemm titneħħa l-miżura dikjarata inkompatibbli ma' Ftehim kopert, jew sakemm il-Membru li għandu jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet ikun sab soluzzjoni għat-tixjin jew għat-tnaqqis ta' benefiċċji jew sakemm tinstab soluzzjoni sodisfaċenti għall-partijiet kollha".
127 Din l-istess dispożizzjoni tipprovdi wkoll li, skond l-Artikolu 21(6), id-DSB għandu jibqa' jissorvelja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew tad-deċiżjonijiet adottati.
128 F'każ ta' nuqqas ta' ftehim dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri meħuda sabiex membru jikkonforma ruħu mar-rakkomandazzjonijiet u mad-deċiżjonijiet tad-DSB, l-Artikolu 21(5) tad-DSU jipprovdi li t-tilwima għandha tkun deċiża "billi jiġu segwiti dawn il-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim", li jinkludu t-tfittxija ta' soluzzjoni negozjata mill-partijiet.
129 La l-iskadenza tat-terminu mogħti mid-DSB lill-Komunità biex tikkonforma s-sistema tagħha ta' importazzjoni tal-banana mad-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta' Settembru 1997 u lanqas id-deċiżjoni tad-9 ta' April 1999 li permezz tagħha l-arbitri tad-DSB espressament ikkonstataw l-inkompatibbiltà tas-sistema l-ġdida ta' importazzjoni tal-banana stabbilita bir-Regolamenti Nru 1637/98 u Nru 2362/98 ma wasslu għall-eżawriment tal-metodi għas-soluzzjoni tat-tilwim offruti mid-DSU.
130 F'dan il-kuntest, eżami mill-qorti Komunitarja tal-legalità ta' l-aġir ta' l-istituzzjonijiet konvenuti fid-dawl tar-regoli tal-WTO jista' jkollu l-effett li jdgħajjef il-pożizzjoni tan-negozjaturi Komunitarji fit-tfittxija għal soluzzjoni tat-tilwima aċċettabbli għall-partijiet kollha u konformi mar-regoli tal-WTO.
131 F'dawn iċ-ċirkustanzi, jekk l-organi ġudizzjarji jkunu obbligati li ma japplikawx regoli tad-dritt intern li jkunu inkompatibbli mal-Ftehim WTO, l-organi leġiżlattivi jew eżekuttivi tal-partijiet kontraenti jkunu konsegwentement imċaħħda mill-possibbiltà, provduta b'mod partikolari fl-Artikolu 22 tad-DSU, li jsibu soluzzjoni nnegozjata, anki jekk fuq bażi temporanja (sentenza il-Portugall vs il-Kunsill, iċċitata f'punt 110 iktar 'il fuq, punt 40).
132 Għaldaqstant, ir-rikorrenti huma żbaljati kemm meta mill-Artikoli 21 u 22 tad-DSU jiddeduċu obbligu li jorbot lill-membru tal-WTO li jikkonforma ruħu, fi żmien speċifikat, mar-rakkomandazzjonijiet u mad-deċiżjonijiet ta' l-organi tal-WTO, kif ukoll meta jsostnu li d-deċiżjonijiet tad-DSB huma eżekuttivi fin-nuqqas ta' oppożizzjoni unanima mill-partijiet kontraenti.
133 Barra minn hekk, meta, permezz tar-Regolament Nru 216/2001, il-Kunsill emenda mill-ġdid is-sistema ta' importazzjoni tal-banana, huwa fittex li jirrikonċilja diversi għanijiet diverġenti. Fil-fatt, il-preambolu tar-Regolament Nru 216/2001 jirrileva, fl-ewwel premessa tiegħu, li saru kuntatti numerużi u mill-qrib bil-għan, b'mod partikolari, li "jiġu kkunsidrati l-konklużjonijiet tal-grupp speċjali" u, fit-tieni premessa, li s-sistema ta' importazzjoni ġdida prevista tipprovdi l-aħjar garanzija kemm "li jinkisbu l-għanijiet ta' l-[OKS banana] fir-rigward tal-produzzjoni tal-Komunità u d-domanda mill-konsumatur" u kemm li "jkun hemm konformità mar-regoli dwar il-kummerċ internazzjonali".
134 Fl-aħħar mill-aħħar, kien bi tpattija għall-fatt li l-Komunità ntrabtet li tistabbilixxi sistema unikament abbażi ta' tariffi fir-rigward ta' l-importazzjonijiet tal-banana qabel l-1 ta' Jannar 2006 li l-Istati Uniti ta' l-Amerika aċċettaw, skond Memorandum ta' Ftehim konkluż fil-11 ta' April 2001, li jissospendu provviżorjament l-impożizzjoni tad-dazju addizzjonali tagħhom.
135 Issa, riżultat bħal dan seta' jiġi kompromess b'intervent mill-qorti Komunitarja fis-sens li teżamina, bil-għan li jiġi kkumpensat id-dannu li sofriet ir-rikorrenti, il-legalità ta' l-aġir adottat f'dan il-każ mill-istituzzjonijiet konvenuti fid-dawl tar-regoli tal-WTO.
136 F'dan ir-rigward, għandu jkun irrilevat li, bħalma enfasizzaw espressament l-Istati Uniti ta' l-Amerika, il-Memorandum ta' Ftehim tal-11 ta' April 2001 ma jammontax, fih innifsu, għal soluzzjoni aċċettata mill-partijiet kollha fis-sens ta' l-Artikolu 3(6) tad-DSU u li l-kwistjoni ta' l-implimentazzjoni mill-Komunità tar-rakkomandazzjonijiet u tad-deċiżjonijiet tad-DSB baqgħet imniżżla, fit-12 ta' Lulju 2001, jiġifieri wara li tressaq dan ir-rikors, fl-aġenda tal-laqgħa tad-DSB.
137 Minn dan isegwi li meta l-istituzzjonijiet konvenuti emendaw is-sistema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana in kwistjoni, huma ma kellhomx l-intenzjoni li jimplimentaw obbligi partikolari li jirriżultaw mir-regoli tal-WTO li fid-dawl tagħhom id-DSB kien ikkonstata l-inkompatibbiltà ta' l-imsemmija sistema.
138 Barra minn hekk, f'dan ir-rigward għandu jkun irrilevat li, kif jirriżulta mill-premessi tar-Regolament Nru 1637/98, f'dan il-każ il-Kunsill kellu l-intenzjoni li jirrikonċilja, billi jagħmel użu mid-diversi metodi definiti mid-DSU, l-obbligi internazzjonali assunti mill-Komunità fil-kuntest tal-WTO ma' dawk assunti fir-rigward ta' firmatarji oħra tar-Raba' Konvenzjoni ta' Lomé, u dan filwaqt li jħares ukoll l-għanijiet ta' l-OKS banana.
139 L-Artikolu 20(e) tar-Regolament Nru. 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 1637/98, jikkonferma din l-intenzjoni. Safejn jispeċifika li d-dispożizzjonijiet li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta biex tapplika t-Titolu IV tar-Regolament Nru 404/93, dwar il-kummerċ tal-banana ma' pajjiżi terzi, jinkludu l-miżuri meħtieġa biex ikunu rispettati l-obbligi li jirriżultaw mill-ftehim konklużi mill-Komunità skond l-Artikolu 300 KE, l-Artikolu 20(e) jiġbor l-obbligi konvenzjonali kollha assunti mingħajr ma jagħti preċedenza lill-obbligi assunti mill-Komunità fil-kuntest tal-Ftehim WTO.
140 Barra minn hekk, fid-disa' premessa tar-Regolament Nru 1637/98, il-leġiżlatur Komunitarju rriżerva espressament il-possibbiltà li jeżamina t-tħaddim ta' dan ir-Regolament wara li jgħaddi perijodu xieraq ta' prova.
– Fuq l-eċċezzjoni bbażata fuq ir-referenza espressa għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Ftehim WTO
141 L-OKS banana, kif stabbilita bir-Regolament Nru 404/93 u kif emendata aktar tard, ma tistax titqies li tagħmel referenza espressa għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Ftehim WTO (ara, f'dan is-sens, id-digriet OGT Fruchthandelsgesellschaft, iċċitat f'punt 127 iktar 'il fuq, punt 28).
142 B'mod partikolari, mill-preamboli tad-diveri regolamenti li jemendaw is-sistema ta' importazzjoni tal-banana, ma jirriżultax li l-leġiżlatur Komunitarju rrefera għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Ftehim WTO meta kellu l-intenzjoni li jirrendi din is-sistema konformi ma' l-istess Ftehim.
143 Fil-fatt, ir-Regolament Nru 2362/98 ma fih l-ebda referenza espressa għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Ftehim WTO (sentenzi Cordis vs il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 130 iktar 'il fuq, punt 59; Bocchi Food Trade International vs il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 130 iktar 'il fuq, punt 64, u T. Port vs il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 130 iktar 'il fuq, punt 59).
144 Minn dan isegwi li, f'dan il-każ, minkejja l-konstatazzjoni ta' inkompatibbiltà min-naħa tad-DSB, ir-regoli tal-WTO ma jammontawx għal regoli li fid-dawl tagħhom tista' tkun eżaminata l-legalità ta' l-aġir ta' l-istituzzjonijiet, la abbażi ta' obbligi partikolari li l-Komunità kellha l-intenzjoni li timplimenta u lanqas abbażi ta' referenza espressa għal dispożizzjonijiet preċiżi.
145 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma jistgħux jallegaw b'mod effikaċi, għall-finijiet tat-talba tagħhom għal kumpens għal danni, li l-aġir allegat fil-konfront tal-Kunsill u tal-Kummissjoni imur kontra r-regoli tal-WTO.
146 L-ilmenti mressqa mir-rikorrenti abbażi tal-ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali, tal-ksur tad-dritt tagħha għal proprjetà u għal inizjattiva ekonomika u, fl-aħħar nett, tan-nuqqas ta' osservanza tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba jistrieħu kollha fuq il-premessa li l-aġir allegat fil-konfront ta' l-istituzzjonijiet konvenuti jmur kontra r-regoli tal-WTO.
147 Minħabba li dawn ir-regoli mhumiex inklużi fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom il-qorti Komunitarja teżamina l-legalità ta' l-aġir ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji, dawn l-ilmenti għandhom, konsegwentement, ikunu miċħuda wkoll.
148 Minn dan isegwi li l-aġir ta' l-istituzzjonijiet konvenuti ma jistax jitqies li huwa vvizzjat b'illegalità, mingħajr ma jeħtieġ li jkunu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar in-natura ġuridika tar-regoli u tal-prinċipji li allegatament ġew miksura u dwar l-allegata gravità ta' dan il-ksur.
149 Minħabba li ma jistax jiġi ppruvat li l-aġir allegat fil-konfront ta' l-istituzzjonijiet konvenuti huwa illegali, waħda mit-tliet kundizzjonijiet kumulattivi meħtieġa biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal aġir illegali ta' l-istituzzjonijiet tagħha mhix sodisfatta.
150 F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-azzjoni għal danni tar-rikorrenti bbażata fuq dawn ir-regoli dwar ir-responsabbiltà għandha tkun miċħuda mingħajr il-ħtieġa, f'dan il-kuntest, li jkun eżaminat jekk kinux sodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra dwar, rispettivament, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta' rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Settembru 1999, Lucaccioni vs il-Kummissjoni, C-257/98 P, Ġabra p. I-5251, punt 14, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' April 2002, EVO vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-220/96, Ġabra p. II-2265, punt 39).
Fuq l-applikazzjoni, b'analoġija, tar-regoli dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta' l-Istati Membri
151 Ir-rikorrenti jsostnu, fis-sustanza, li d-deċiżjoni ta' l-arbitri tad-9 ta' April 1999 li awtorizzat il-miżuri ta' ritaljazzjoni fil-konfront ta' l-esportazzjonijiet Komunitarji tista' tiġi mqabbla ma' sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, abbażi ta' l-Artikolu 226 KE, tikkonstata n-nuqqas ta' Stat Membru li jwettaq obbligi Komunitarji tiegħu. Dan għaldaqstant iwassal lill-qorti Komunitarja biex tirrikonoxxi li r-rikorrenti għandhom dritt għall-kumpens tad-dannu kkawżat mill-aġir illegali tal-konvenuti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Novembru 1991, Francovich et, C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357), u tal-5 ta' Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029).
152 L-istituzzjonijiet konvenuti jqisu li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta' l-Istati Membri għal ksur ta' l-obbligi Komunitarji tagħhom ma tapplikax f'dan il-każ.
153 Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li huwa biżżejjed li tikkonstata li, anki jekk wieħed jassumi li r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB jistgħu jitqabblu mas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza, it-talba għal kumpens għal danni mressqa mir-rikorrenti hija bbażata fuq l-applikazzjoni, b'analoġija, fir-rigward tal-Komunità, ta' regoli dwar ir-responsabbiltà msejsa fuq il-premessa ta' aġir illegali ta' l-istituzzjonijiet konvenuti.
154 Billi f'dan il-każ ma ġietx ippruvata l-illegalità ta' l-aġir allegat fil-konfront tal-partijiet ikkonċernati, talba bħal din ma tistax, għaldaqstant, ma tiġix miċħuda bħala infondata.
Fuq ir-responsabbiltà tal-Komunità fin-nuqqas ta' aġir illegali tal-korpi tagħha
Fuq il-prinċipju tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fin-nuqqas ta' aġir illegali tal-korpi tagħha
– L-argumenti tal-partijiet
155 Ir-rikorrenti jikkunsidraw li, anki jekk jitqies li l-konvenuti setgħu leġittimament jinjoraw id-deċiżjonijiet tal-WTO, jinsabu, fi kwalunkwe każ, sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-ġurisprudenza Komunitarja biex tiġi stabbilita r-responsabblità mhux kuntrattwali tal-Komunità għad-danni kkawżati mill-korpi tagħha anki fin-nuqqas ta' azzjoni illegali min-naħa tagħhom, jiġifieri, ir-realtà tad-dannu mġarrab, ir-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-aġir ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji, kif ukoll in-natura barra min-normal u speċjali ta' dan id-dannu (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' April 1998, Dorsch Consult vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-184/95, Ġabra p. II-667, punt 59, ikkonfermata fuq appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Ġunju 2000, Dorsch Consult vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-237/98 P, Ġabra p. I-4549).
156 Il-konvenuti jwieġbu li l-prinċipju tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fin-nuqqas ta' aġir illegali tal-korpi tagħha ma għandux jitqies bħala prinċipju ġenerali komuni għas-sistemi legali ta' l-Istati Membri fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE. Fi kwalunkwe każ, il-ġurisprudenza Komunitarja għadha qatt ma stabbiliet prinċipju bħal dan u r-rikorrenti ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stretti marbuta ma' dawn ir-regoli dwar responsabbiltà li huma imposti mis-sistemi legali nazzjonali li jagħrfu dan il-prinċipju.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
157 Meta, bħal f'dan il-każ, l-illegalità ta' l-aġir allegat fil-konfront ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji ma tkunx stabbilita, ma jfissirx b'daqshekk li l-intrapriżi li, bħala kategorija ta' operaturi ekonomiċi, ikollhom ibatu parti sproporzjonata tal-piżijiet li jirriżultaw minn restrizzjoni ta' l-aċċess għal swieq ta' esportazzjoni, ma jkunu jistgħu fl-ebda każ jiksbu kumpens abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1987, De Boer Buizen vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, 81/86, Ġabra p. 3677, punt 17).
158 Fil-fatt, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE jibbaża l-obbligu li jimponi fuq il-Komunità li tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha fuq il-"prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta' l-Istati Membri", mingħajr, għaldaqstant, ma jirrestrinġi l-portata ta' dawn il-prinċipji unikament għar-regoli dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal aġir illegali ta' l-imsemmija istituzzjonijiet.
159 Issa, id-drittijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali jippermettu, għalkemm f'livelli differenti, f'oqsma speċifiċi u skond metodi differenti, li individwi jiksbu, permezz ta' proċedimenti legali, kumpens għal ċerti danni, anki fin-nuqqas ta' azzjoni illegali min-naħa ta' min ikun ikkawża d-dannu.
160 Fil-każ ta' dannu kkawżat minn aġir ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità li ma jkunx ġie ppruvat li huwa illegali, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità tista' tkun stabbilita sakemm ikunu sodisfatti kumulattivament il-kundizzjonijiet dwar ir-realtà tad-dannu, dwar ir-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-aġir ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji u dwar in-natura barra min-normal u speċjali tad-dannu in kwistjoni (sentenza tal-15 ta' Ġunju 2000, Dorsch Consult vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata f'punt 155 iktar 'il fuq, punt 19).
161 Għaldaqstant, għandu jkun eżaminat jekk dawn it-tliet kundizzjonijiet humiex sodisfatti f'dan il-każ.
Fuq l-eżistenza ta' dannu reali u ċert
– L-argumenti tal-partijiet
162 Ir-rikorrenti jsostnu li d-dannu li sofrew jikkonsisti, minn naħa waħda, fiż-żieda ta' 96.5% fid-dazju fuq l-importazzjoni miġbur mill-amministrazzjoni Amerikana fuq l-importazzjonijiet tagħhom ta' akkumulaturi fl-Istati Uniti u, min-naħa l-oħra, fl-ispejjeż inkorsi għat-twaqqif u għar-rilokazzjoni ta' impjanti ta' produzzjoni ta' dawn il-prodotti tagħhom li huma kienu kostretti jagħmlu minħabba din il-miżura ta' ritaljazzjoni kummerċjali. Ma' dan għandu jiżdied it-telf ta' dħul mill-bejgħ minħabba l-konverżjoni mill-ġdid ta' l-impjanti ta' produzzjoni in kwistjoni.
163 Fil-kors tal-proċedimenti, ir-rikorrenti speċifikaw li bil-fatt li għaġġlu biex waqqfu impjant għall-produzzjoni ta' akkumulaturi fl-Istati Uniti u bil-fatt li kkonvertew sit li jinsab fi Stat terz f'fabbrika għall-manufattura ta' dawn il-prodotti, huma rnexxielhom inaqqsu kemm jista' jkun l-impatt negattiv tad-dazju addizjonali u jżommu s-sehem tagħhom fis-suq Amerikan. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tilfux volumi ta' bejgħ iżda sofrew biss dannu finanzjaru.
164 Il-konvenuti jwieġbu li l-kuntratti ta' bejgħ li r-rikorrenti għandhom mal-klijenti Amerikani tagħhom jaħsbu għal reviżjoni tal-prezzijiet tal-prodotti tagħhom u li ma ġiex ippruvat li l-partijiet ikkonċernati daħlu f'negozjati għal dan il-għan. Bil-fatt li ntrabtu bi klawsoli li jillimitaw iż-żieda tal-prezzijiet tagħhom, ir-rikorrenti għamlu lilhom infushom responsabbli għall-iżvantaġġi finanzjarji li allegatament irriżultaw mid-dazju addizzjonali. Il-konvenuti jżidu li l-ftehim ta' distribuzzjoni tar-rikorrenti, li jibbaża l-prezzijiet miftiehma max-xerrej fuq il-klawsola fob (free on board), iqiegħed ir-riskju tal-varjazzjoni fid-dazju fuq l-importazzjoni esklużivament fuq ix-xerrej. Fil-fatt, l-ammont ta' dazju fuq l-importazzjoni fl-Istati Uniti jiġi naturalment miżjud, flimkien ma' dak tat-trasport u ta' l-assikurazzjoni, mal-prezz fob miftiehem fil-bidu.
165 Ir-rikorrenti lanqas ma ppruvaw li ma kienx possibbli għalihom li jesportaw l-akkumulaturi tagħhom lejn pajjiżi oħra u b'hekk jevitaw kull tnaqqis ta' qligħ. Fl-aħħar nett, il-miżuri ta' rilokazzjoni li ħadu mhux talli ma tawx lok għal dannu, iżda tawhom aċċess għal produzzjoni b'teknoloġija avanzata li tirrendi iktar.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
166 Mill-argumenti mressqa mill-istituzzjonijiet konvenuti jirriżulta li, fis-sustanza, huwa qegħdin jillimitaw ruħhom li jiċħdu l-eżistenza ta' telf patrimonjali mġarrab mir-rikorrenti li mhuwiex ikkawżat mid-deċiżjonijiet tar-rikorrenti stess.
167 Minn dan isegwi li l-Kunsill u l-Kummissjoni, bħala prinċipju, mhumiex qed jikkontestaw in-natura reali u ċerta tad-dannu mġarrab mir-rikorrenti minħabba l-impożizzjoni tad-dazju addizzjonali Amerikan fuq l-importazzjoni ta' akkumulaturi li ġejjin mill-Komunità.
168 B'mod partikolari, bil-fatt fih innifsu li jammettu li l-kuntratt ta' distribuzzjoni konkluż mir-rikorrenti għandu bħala effett li jqiegħed ir-riskju tal-varjazzjoni fid-dazju fuq l-importazzjoni esklużivament fuq ix-xerrej, il-konvenuti ma jistgħux jiċħdu li r-rikorrenti kellhom, ta' l-anqas, neċessarjament isofru dannu kummerċjali minħabba ż-żieda inkontestabbli fil-prezzijiet tal-prodotti tagħhom fis-suq ta' l-Istati Uniti li ġiet ipprovokata miż-żieda f'daqqa għal 100% tad-dazju ad valorem Amerikan fuq l-importazzjoni.
169 Barra minn hekk, l-istatistiċi prodotti mill-Kummissjoni jikkorroboraw l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti minħabba li juru b'mod inkontestabbli li kien hemm tnaqqis sinifikanti fil-valur totali ta' l-importazzjonijiet fl-Istati Uniti ta' akkumulaturi taċ-ċomb u l-aċidu li ġejjin mill-Komunità.
170 F'dan il-kuntest, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-kundizzjoni dwar in-natura reali u ċerta tad-dannu li sofrew ir-rikorrenti hija sodisfatta.
Fuq ir-rabta kawżali bejn id-dannu mġarrab u l-aġir ta' l-istituzzjonijiet konvenuti
– L-argumenti tal-partijiet
171 Ir-rikorrenti jikkunsidraw li jkun biżżejjed li d-dannu mġarrab jirriżulta b'mod suffiċjentement dirett mill-aġir ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji u li f'dan ir-rigward mhuwiex neċessarju li jkun hemm rabta kawżali assolutament immedjata. F'dan il-każ, id-dazju addizzjonali Amerikan, fl-aħħar mill-aħħar, kien ikkawżat miż-żamma fis-seħħ ta' sistema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana inkompatibbli mar-regoli tal-WTO.
172 L-intenzjoni ta' l-awtoritajiet Amerikani li jadottaw miżuri ta' ritaljazzjoni u l-lista tal-prodotti milquta kienu magħrufin perfettament. Ftit li xejn jimporta li kull operatur Komunitarju seta' jintlaqat u li l-Istati Uniti ta' l-Amerika kellhom id-dritt li jindikaw is-setturi konċernati jew li jirreaġixxu permezz ta' għażliet oħra previsti jew tollerati mir-regoli tal-WTO.
173 Il-konvenuti jiċħdu kwalunkwe rabta kawżali bejn id-dannu allegat u l-aġir tagħhom. Id-dazju addizzjonali ma jirriżultax minn azzjoni tagħhom iżda minn att unilaterali ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika li indika wkoll liema operaturi Komunitarji kienu milquta. L-awtoritajiet Amerikani setgħu għażlu prodotti oħra minflok l-akkumulaturi u, barra minn hekk, eżentaw mid-dazju addizzjonali tagħhom il-prodotti li ġejjin minn ċerti Stati Membri tal-Komunità. Bl-istess mod, il-livell taż-żieda tat-tariffi ġie ffissat bil-libertà kollha mill-Gvern Amerikan.
174 Għaldaqstant, wieħed ma jistax jattribwixxi l-impożizzjoni ta' piż sproporzjonat fuq l-operaturi konċernati lill-Komunità. Barra minn hekk, l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar id-diskriminazzjoni li allegatament sofrew juru n-nuqqas ta' rabta kawżali bejn l-aġir tal-konvenuti u d-dannu allegat.
175 Tneħħija ta' konċessjonijiet min-naħa ta' membru tal-WTO la hija awtomatika u lanqas obbligatorja. Fil-fatt, il-proċedura prevista fl-Artikolu 22(1) u (2) tad-DSU tipprovdi għal negozjati dwar kumpens fil-forma ta' konċessjonijiet rigward l-aċċess għas-suq, fil-każ fejn ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB ma jiġux implimentati fi żmien raġonevoli.
176 Barra minn hekk, ma hemm l-ebda relazzjoni, lanqas indiretta, bejn l-OKS banana u d-deċiżjonijiet tar-rikorrenti li jħallsu d-dazju miżjud. L-ebda att tal-Komunità ma obbligahom jesportaw lejn l-Istati Uniti jew ikomplu jesportaw taħt iċ-ċirkustanzi l-ġodda, kif lanqas ma eskluda l-possibbiltà li l-prezz ta' l-importazzjoni jkun negozjat mill-ġdid jew li l-prodotti tagħhom ikunu esportati lejn pajjiż ieħor.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
177 Il-prinċipji komuni għas-sistemi legali ta' l-Istati Membri li għalihom jirreferi t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE, ma jistgħux ikunu invokati biex isostnu l-eżistenza ta' obbligu li jorbot lill-Komunità li tagħmel tajjeb għal kull konsegwenza dannuża, anki jekk remota, ta' l-aġir tal-korpi tagħha (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Ottubru 1979, Dumortier et vs il-Kunsill, 64/76 u 113/76, 167/78 u 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 21, u tat-30 ta' Jannar 1992, Finsider et vs il-Kummissjoni, C-363/88 u C-364/88, Ġabra p. I-359, punt 25; digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2000, Royal Olympic Cruises et vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-201/99, Ġabra p. II-4005, punt 26).
178 Fil-fatt, il-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali, mitluba mit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE, tippresupponi l-eżistenza ta' rabta suffiċjentement diretta ta' kawża u effett bejn l-aġir ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji u d-dannu (sentenza Dumortier et vs il-Kunsill, iċċitata f'punt 192 iktar 'il fuq, punt 21 u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Ottubru 2000, Fresh Marine vs il-Kummissjoni, T-178/98, Ġabra p. II-3331, punt 118, ikkonfermata fuq appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Lulju 2003, il-Kummissjoni vs Fresh Marine, C-472/00 P, Ġabra p. I-7541).
179 Ċertament, huwa veru li l-Istati Uniti ta' l-Amerika, fuq talba tagħhom stess, ġew sempliċement awtorizzati mid-DSB, u mhux marbuta, li jneħħu konċessjonijiet billi jgħollu d-dazji tagħhom fuq importazzjonijiet ta' prodotti li ġejjin mill-Komunità. Anki wara li kiseb din l-awtorizzazzjoni, il-Gvern Amerikan kellu l-fakultà li jfittex soluzzjoni tat-tilwima mal-Komunità mingħajr ma jieħu miżuri ta' ritaljazzjoni kontriha.
180 Huwa wkoll fl-eżerċizzju ta' fakultà ta' għażla diskrezzjonali li l-amministrazzjoni Amerikana, minn naħa, għażlet, permezz tal-miżura ta' ritaljazzjoni tagħha, li tolqot l-akkumulaturi, li minnhom hija stess eżentat l-akkumulaturi li ġejjin minn ċerti Stati Membri tal-Komunità, u, min-naħa l-oħra, stabbiliet żieda ta' 96.5% fir-rata tad-dazju fuq l-importazzjoni tal-prodotti milquta.
181 Minkejja dan, jibqa' l-fatt li fin-nuqqas tas-sistema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana in kwistjoni u ta' konstatazzjoni preliminari mid-DSB dwar l-inkompatibbiltà tagħha mar-regoli tal-WTO, l-Istati Uniti ta' l-Amerika la kienu jistgħu jitolbu u lanqas jiksbu l-awtorizzazzjoni tad-DSB biex jissospendu l-konċessjonijiet ta' tariffi tagħhom fuq prodotti li ġejjin mill-Komunità sal-livell tat-tixjin jew tat-tnaqqis ta' benefiċċji li jirriżulta miż-żamma fis-seħħ tas-sistema Komunitarja in kwistjoni.
182 Fil-fatt, kien abbażi ta' l-ammont tad-dannu li sofriet l-ekonomija Amerikana minħabba s-sistema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana dikjarata inkompatibbli mar-regoli tal-WTO li d-DSB iddetermina l-valur ta' kummerċ li sal-limitu tiegħu l-amministrazzjoni Amerikana kienet awtorizzata tissospendi l-konċessjonijiet ta' tariffi tagħha fir-rigward tal-Komunità.
183 F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tneħħija tal-konċessjonijiet fir-rigward tal-Komunità permezz ta' dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni għandha titqies bħala konsegwenza li tirriżulta oġġettivament, skond l-iżvolġiment normali u prevedibbli tas-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-WTO aċċettata mill-Komunità, miż-żamma fis-seħħ min-naħa ta' l-istituzzjonijiet konvenuti tas-sistema ta' importazzjoni tal-banana inkompatibbli mal-Ftehim WTO.
184 Għaldaqstant, id-deċiżjoni unilaterali ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika li jimponu dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni ta' akkumulaturi li ġejjin mill-Komunità mhix tali li tikser ir-rabta kawżali li teżisti bejn id-dannu li l-impożizzjoni ta' dan id-dazju addizzjonali ikkawżat lir-rikorrenti u ż-żamma fis-seħħ tas-sistema ta' importazzjoni tal-banana in kwistjoni min-naħa tal-konvenuti.
185 Fil-fatt, l-aġir ta' l-istituzzjonijiet konvenuti neċessarjament wassal għall-adozzjoni tal-miżura ta' ritaljazzjoni mill-amministrazzjoni Amerikana f'konformità mal-proċeduri mibdija mid-DSB u aċċettati mill-Komunità, b'mod li dan l-aġir għandu jitqies bħala l-kawża deċiżiva tad-dannu li sofrew ir-rikorrenti minħabba l-impożizzjoni tad-dazju addizzjonali Amerikan.
186 Anki qabel ma d-DSB awtorizza lill-Istati Uniti ta' l-Amerika, fid-19 ta' April 1999, biex jimponu d-dazju addizzjonali tagħhom fuq l-importazzjoni, l-istituzzjonijiet konvenuti kienu konxji ta' l-imminenza tal-miżuri ta' ritaljazzjoni Amerikani.
187 Sa mill-10 ta' Novembru 1998, l-Istati Uniti ta' l-Amerika ppubblikaw il-lista provviżorja tal-prodotti li ġejjin mill-Komunità li huma kellhom il-ħsieb jissottomettu għal dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni, u fil-21 ta' Diċembru 1998 ikkonfermaw l-applikazzjoni ta' dan id-dazju, fil-futur qarib, b'rata ta' 100%.
188 Mit-3 ta' Marzu 1999, id-data li fiha kien impost fuq l-esportaturi Komunitarji l-obbligu li jagħmlu garanzija bankarja ta' 100% tal-valur tal-prodotti importati konċernati, il-konvenuti ma setgħux jibqgħu jinjoraw l-intenzjoni soda ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika li jimponu dazju addizzjonali. Ma seta' jibqa' l-ebda dubju wara l-istqarrija għall-istampa tad-9 ta' April 1999 fejn ir-rappreżentant speċjali ħabbar il-lista tal-prodotti milquta mid-dazju addizzjonali.
189 L-oġġezzjonijiet li l-konvenuti jibbażaw fuq in-nuqqas ta' kwalunkwe relazzjoni bejn is-sistema ta' importazzjoni tal-banana in kwistjoni u d-deċiżjoni, li huma jattribwixxu lir-rikorrenti, li jitħallas id-dazju addizzjonali, fuq l-allegat nuqqas ta' obbligu tar-rikorrenti li jkomplu bil-kummerċ ta' l-akkumulaturi tagħhom fis-suq Amerikan u fuq l-allegata possibbiltà li jinnegozjaw mill-ġdid il-prezz tal-prodotti tagħhom jew li jesportawhom lejn swieq oħra, mhumiex rilevanti fir-rigward tar-rabta kawżali.
190 Dawn il-kunsiderazzjonijiet, li jikkonċernaw biss il-miżuri li r-rikorrenti setgħu kienu kostretti jadottaw biex jevitaw il-ħlas tad-dazju addizzjonali u jnaqqsu d-dannu kummerċjali tagħhom, ma jistgħux joħolqu dubju dwar l-eżistenza tar-rabta kawżali suffiċjentement diretta li ġiet stabbilita bejn l-aġir tal-konvenuti u d-dannu li sofrew ir-rikorrenti minħabba l-impożizzjoni tad-dazju addizzjonali.
191 Għaldaqstant, hemm lok li tkun aċċettata l-eżistenza tar-rabta kawżali diretta meħtieġa bejn, minn naħa, l-aġir ta' l-istituzzjonijiet konvenuti fir-rigward ta' l-importazzjonijiet tal-banana fil-Komunità u, min-naħa l-oħra, id-dannu li sofrew ir-rikorrenti minħabba l-impożizzjoni tad-dazju addizzjonali Amerikan.
Fuq in-natura barra min-normal u speċjali tad-dannu mġarrab
– L-argumenti tal-partijiet
192 Ir-rikorrenti jikkunsidraw li n-natura barra min-normal u speċjali tad-dannu mġarrab tirriżulta mid-diskriminazzjoni doppja kkawżata mill-aġir ta' l-istituzzjonijiet konvenuti.
193 Fl-ewwel lok, id-dazju addizzjonali jolqot il-kategorija ferm speċifika ta' l-operaturi ekonomiċi msemmija fil-lista speċjali stabbilita mill-amministrazzjoni Amerikana.
194 Ir-rikorrenti sofrew diskriminazzjoni meta mqabbla ma' intrapriżi oħra milquta mill-miżuri ta' ritaljazzjoni, minħabba li waħedhom ġarrbu l-piż ta' kważi 6% ta' l-ammont totali ta' 191.4 miljun USD indikat fid-deċiżjoni tal-Gvern Amerikan li imponiet il-miżuri ta' ritaljazzjoni.
195 Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti jqisu lilhom infushom vittmi ta' diskriminazzjoni mhux biss meta mqabbla ma' l-intrapriżi li jipproduċu akkumulaturi industrijali, iżda wkoll meta mqabbla ma' l-intrapriżi Komunitarji kollha minħabba li, potenzjalment, kollha setgħu ntlaqtu mis-sanzjonijiet.
196 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jenfassizaw li r-riskju li għalih ikun espost operatur li f'daqqa waħda jiġi obbligat iħallas dazju projbittiv fuq l-esportazzjonijiet tiegħu minħabba tilwima kummerċjali f'settur differenti minn dak li jopera fih, ma jistax jitqies bħala riskju normali għal intrapriża.
197 Ir-rikorrenti jżidu li l-interess li jinżammu fis-seħħ ċerti regoli ta' l-OKS banana ma jistax jiġi validament ikkwalifikat bħala interess ġenerali fundamentali tal-Komunità li l-importanza tiegħu tiġġustifika konsegwenzi negattivi għal ċerti operaturi. Il-kwistjoni ma tinvolvix it-tneħħija iżda l-adattament ta' l-OKS banana għall-ordni ġuridiku tal-WTO.
198 L-istituzzjonijiet konvenuti jwieġbu li l-kundizzjonijiet meħtieġa biex ikun hemm dannu barra min-normal u speċjali mhumiex sodisfatti f'dan il-każ. Minn naħa, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fis-suq Amerikan setgħet tinbidel f'kull mument b'riżultat ta' atti unilaterali min-naħa ta' l-Istati Membri jew b'riżultat ta' ftehim bejn il-Komunità u l-Istati Uniti ta' l-Amerika. Barra minn hekk, il-grupp ta' operaturi milquta mill-miżuri Amerikani ma kienx wieħed limitat b'tali mod li d-dannu tagħhom ikun jista' jitqies bħala barra min-normal u speċjali.
199 Individwu jsofri dannu barra min-normal u speċjali biss jekk ikun milqut b'mod iktar partikolari jew differenti u ħafna aktar gravi mill-operaturi ekonomiċi l-oħra kollha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Diċembru 1984, Biovilac vs KEE, 59/83, Ġabra p. 4057, punt 28). Issa, għall-kuntrarju, id-dazju addizzjonali Amerikan laqat bl-istess mod lill-operaturi kollha li jesportaw akkumulaturi ġejjin mill-Komunità lejn l-Istati Uniti.
200 Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ikkonstatat ċerta responsabbiltà minħabba f'telf sproporzjonat li ċerti operaturi kellhom isofru b'riżultat ta' atti adottati legalment (sentenza De Boer Buizen vs il-Kunsill, iċċitata f'punt 157 iktar 'il fuq, punt 17), dak il-każ, b'differenza mill-każ in eżami, kien dwar att li llimita l-kummerċ u li kien adottat mill-Komunità. L-intrapriżi in kwistjoni ma jistgħux jingħataw kumpens ħlief jekk ikunu sofrew dannu patrimonjali sproporzjonat meta mqabbel mad-distributuri l-oħra ta' l-istess prodotti.
201 Iż-żieda tad-dazju Amerikan fuq l-importazzjoni, li seħħet ħames xhur wara li tħabbret, mhijiex avveniment li jista' jkun ikkwalifikat bħala barra min-normal, mhux biss minħabba li l-Ftehim WTO u, saħansitra mill-1947, il-GATT, joffru l-possibbiltà li d-dazji jkunu emendati taħt l-Artikolu XXVIII tal-GATT, iżda wkoll minħabba l-fatt li diversi strumenti li jipproteġu l-kummerċ jaġixxu b'mod ekwivalenti permezz ta' żieda fid-dazji.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
202 Fir-rigward tad-danni li jistgħu jsofru l-operaturi ekonomiċi minħabba l-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji, dannu, minn naħa, ikun barra min-normal meta jaqbeż il-limiti tar-riskji ekonomiċi inerenti fl-attivitajiet tas-settur konċernat u, min-naħa l-oħra, ikun speċjali meta jolqot kategorija partikolari ta' operaturi ekonomiċi b'mod sproporzjonat meta mqabbla ma' operaturi oħra (sentenza tat-28 ta' April 1998, Dorsch Consult vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata f'punt 155 iktar 'il fuq, punt 80, u s-sentenza Afrikanische Frucht-Compagnie u Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata f'punt 89 iktar 'il fuq, punt 151).
203 F'dan il-każ ma ġiex ippruvat li r-rikorrenti sofrew, minħabba l-inkompatibbiltà tas-sistema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana mal-Ftehim WTO, dannu li jaqbeż il-limiti tar-riskji inerenti fl-attività tagħhom bħala esportaturi.
204 Huwa veru li l-għan tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO huwa, kif rilevat fil-preambolu tiegħu, li titwaqqaf sistema kummerċjali multilaterali integrata li tinkludi r-riżultati ta' l-isforzi li saru qabel biex il-kummerċ ikun liberalizzat.
205 Madankollu, għandu jkun ikkunstatat li l-eventwalità ta' sospensjoni ta' konċessjonijiet ta' tariffi, miżura prevista fil-Ftehim WTO u ċirkustanza li seħħet f'dan il-każ, hija waħda mill-bidliet fiċ-ċirkustanzi inerenti fis-sistema attwali tal-kummerċ internazzjonali. Għaldaqstant, din il-bidla fiċ-ċirkustanzi għandha bilfors tiġi mġarrba minn kull operatur li jiddeċiedi li jqiegħed il-prodotti tiegħu fis-suq ta' wieħed mill-membri tal-WTO.
206 Kif irrilevaw ir-rikorrenti stess, id-deċiżjoni ta' l-arbitri tad-9 ta' April 1999 enfasizzat li n-natura temporanja li l-Artikolu 22(1) tad-DSU jagħti lis-sospensjoni tal-konċessjonijiet tindika li l-għan ta' din is-sospensjoni huwa li twassal lill-membru tal-WTO li fil-konfront tiegħu jkunu ttieħdu proċeduri biex jirrispetta r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB.
207 Barra minn hekk, mill-Artikolu 22(3)(b) u (c) tad-DSU, strument internazzjonali li kien is-suġġett ta' miżuri ta' pubbliċità xierqa biex ikun assigurat l-għarfien tiegħu mill-operaturi Komunitarji, jirriżulta li l-membru tal-WTO li jagħmel l-ilment jista' jfittex li jissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra f'setturi li jkunu differenti minn dak li fir-rigward tiegħu il-grupp speċjali jew il-Bord ta' l-Appell ikun ikkonstata ksur mill-membru konċernat, u li jaqgħu jew taħt l-istess Ftehim jew taħt ftehim tal-WTO ieħor.
208 Għaldaqstant, ir-rikorrenti huma żbaljati meta jsostnu li l-possibbiltà li jkunu applikati miżuri ta' ritaljazzjoni min-naħa ta' Stat terz minħabba tilwima f'settur totalment differenti minn tagħhom ma tistax titqies bħala riskju normali.
209 Minn dan isegwi li r-riskji li t-tqegħid fis-suq Amerikan mir-rikorrenti ta' l-akkumulaturi tagħhom jista', għal din ir-raġuni, ikun espost għalihom, m'għandhomx jitqiesu bħala estranji għar-riskji normali tal-kummerċ internazzjonali fl-istat attwali ta' kif inhu organizzat.
210 Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess irrilevaw fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom li l-konċessjonijiet ta' tariffa li kienu ġew negozjati ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika fil-forma ta' dazju fuq l-importazzjoni oriġinali bir-rata mnaqqsa ta' 3.5%, ma kinux ta' natura immutabbli.
211 Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, m'hemmx lok li d-dannu li sofriet ir-rikorrenti jkun ikkwalifikat bħala barra min-normal.
212 Tali konstatazzjoni hija biżżejjed biex teskludi kull dritt għal kumpens għal danni fuq din il-bażi. Għaldaqstant, mhux meħtieġ li l-Qorti tal-Prim'Istanza tippronunzja ruħha dwar il-kundizzjoni li d-dannu jrid ikun speċjali.
213 Minn dan isegwi li t-talba għal kumpens għal danni mressqa mir-rikorrenti abbażi tar-regoli dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fin-nuqqas ta' aġir illegali tal-korpi tagħha għandha tkun miċħuda.
214 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors għandu jkun miċħud fl-intier tiegħu bħala infondat.
Fuq l-ispejjeż
215 Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.
216 Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, l-ispejjeż tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif mitlub miż-żewġ istituzzjonijiet konvenuti.
217 Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
218 Minn dan isegwi li r-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Awla Manja)
taqta' u tiddeċiedi :
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Ir-rikorrenti għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, l-ispejjeż tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.
3) Ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.
Vesterdorf |
Lindh |
Azizi |
Pirrung |
Legal |
García-Valdecasas |
Tiili |
Cooke |
Meij |
Vilaras |
Forwood |
Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-14 ta' Diċembru 2005
Reġistratur |
il-President |
E. Coulon |
B. Vesterdorf |
Werrej
Il-kuntest ġuridiku
Il-fatti li wasslu għall-kawża
Il-proċedura
It-talbiet tal-partijiet
Fuq l-ammissibbiltà
Fuq il-fatt li r-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
Fuq il-mertu
Fuq ir-responsabbiltà tal-Komunità minħabba aġir illegali tal-korpi tagħha
L-argumenti tal-partijiet
– Fuq l-illegalitajiet allegati fil-konfront ta' l-istituzzjonijiet konvenuti
– Fuq in-natura ġuridika tar-regoli li allegatament kisru l-konvenuti
– Fuq il-gravità tal-vjolazzjonijiet allegati
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
– Fuq il-kwistjoni preliminari jekk ir-regoli tal-WTO jistgħux ikunu invokati
– Fuq l-eċċezzjoni bbażata fuq l-intenzjoni li jkun implimentat obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-WTO
– Fuq l-eċċezzjoni bbażata fuq ir-referenza espressa għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Ftehim WTO
Fuq l-applikazzjoni, b'analoġija, tar-regoli dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta' l-Istati Membri
Fuq ir-responsabbiltà tal-Komunità fin-nuqqas ta' aġir illegali tal-korpi tagħha
Fuq il-prinċipju tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fin-nuqqas ta' aġir illegali tal-korpi tagħha
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
Fuq l-eżistenza ta' dannu reali u ċert
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
Fuq ir-rabta kawżali bejn id-dannu mġarrab u l-aġir ta' l-istituzzjonijiet konvenuti
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
Fuq in-natura barra min-normal u speċjali tad-dannu mġarrab
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
Fuq l-ispejjeż
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.