Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 61999TJ0228

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla Estiża) tas-6 ta' Marzu 2003.
    Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Għajnuniet mogħtija mill-Istat.
    Każijiet Magħquda T-228/99 u T-233/99.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2003:57

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

    tas-6 ta’ Marzu 2003 (*)

    “Għajnuna mill-Istat — Nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni — Ksur tad-drittijiet tad-difiża — Ksur ta’ formalitajiet essenzjali — Kunċett ta’ għajnuna — Ksur tal-Artikoli 87 KE u 295 KE — Investitur li jopera f’ekonomija tas-suq — Rata ta’ remunerazzjoni adegwata — Ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni”

    Fil-Kawżi magħquda T‑228/99 u T‑233/99,

    Westdeutsche Landesbank Girozentrale, stabbilit f’Düsseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentat minn F. Montag, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    Land Nordrhein‑Westfalen, irrappreżentat minn M. Schütte, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti

    sostnuti minn

    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn W.‑D. Plessing, bħala aġent, assistit minn H.‑F. Wissel, avukat,

    intervenjenti

    vs

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn K.‑D. Borchardt u V. Kreuschitz, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta

    sostnuta minn

    Bundesverband deutscher Banken eV, stabbilit f’Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentat minn H.‑J. Niemeyer, avukat,

    intervenjenti

    li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/392/KE, tat-8 ta’ Lulju 1999, dwar il-miżura implementata mill-Ġermanja favur il-Westdeutsche Landesbank — Girozentrale (WestLB) (ĠU 2000, L 150, p. 1),

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

    TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla Estiża),

    komposta minn R. M. Moura Ramos, President, V. Tiili, J. Pirrung, P. Mengozzi u A. W. H. Meij, Imħallfin,

    Reġistratur: D. Christensen, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 u s-6 ta’ Ġunju 2002,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    I –  Sfond tal-kwistjoni

    1        Dawn il-kawżi jirrigwardaw l-integrazzjoni tal-Wohnungsbauförderungsanstalt tal-Landes Nordrhein‑Westfalen (iktar ’il quddiem il-“WfA”) fi ħdan il‑Westdeutsche Landesbank Girozentrale (iktar ’il quddiem il-“WestLB”) (iktar ’il quddiem it-“trasferiment” jew it-“tranżazzjoni inkwistjoni”).

    A –  Rekwiżiti dwar kapital proprju imposti mid-Direttiva dwar il-fondi proprji u mid-Direttiva dwar is-solvenza

    2        B’mod konformi mad-Direttiva tal-Kunsill 89/647/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1989, fuq rapport ta’ solvenza għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 386, p. 14), u mad-Direttiva tal-Kunsill 89/299/KEE, tas-17 ta’ April 1989, dwar il-fondi proprji tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 124, p. 16), il-banek huma obbligati jkollhom kapital proprju ta’ mhux inqas minn 8 % tal-assi tagħhom b’riskji aġġustati u tat-tranżazzjonijiet tagħhom b’riskji mhux imniżżla fil-karta tal-bilanċ. B’mod konformi ma’ dawn id-direttivi, fl-1 ta’ Jannar 1992 saru xi emendi għall‑Kreditwesengesetz (liġi Ġermaniża dwar l-istituzzjonijiet ta’ kreditu), u r‑rekwiżiti l-ġodda daħlu fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju 1993.

    3        Fir-rigward tal-limitu l-ġdid ta’ 8 % stabbilit minn dawk id-direttivi, ta’ mill-inqas nofs l-ammont ikkonċernat għandu jikkonsisti f’“fondi proprji bażiċi” li jikkonsistu f’elementi ta’ kapital li l-istituzzjoni ta’ kreditu tista’ tiddisponi minnhom direttament u b’mod illimitat, sabiex tkopri t-telf li jista’ jkun hemm. Il‑fondi proprji bażiċi huma ta’ importanza vitali għal-livell globali ta’ fondi proprji li jkollu bank f’sens prudenzjali, inkwantu l-“fondi proprji kumplimentari” (fondi proprji tat-tieni kategorija) huma rikonoxxuti bħala garanzija għall‑attivitajiet riskjużi ta’ bank biss sal-ammont tal-fondi proprji bażiċi disponibbli.

    4        Barra minn hekk, il-kapaċità ta’ bank li jassumi riskji kbar hija limitata mid-daqs tal-fondi proprji tiegħu. Fil-mument tat-trasferiment tal-WfA, b’mod konformi mal-Artikolu 13 tal-Kreditwesengesetz, riskju individwali kbir ma setax jaqbeż il‑50 % tal-fondi proprji tal-istituzzjoni ta’ kreditu u t-total tar-riskji l-kbar kollha li jaqbżu l-15 % tal-fondi proprji ma setgħux jaqbżu dak l-ammont b’aktar minn tmien darbiet. Wara emenda li saret fl-1994 għall-Kreditwesengesetz sabiex tinġieb konformi mad-Direttiva tal-Kunsill 92/121/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1992, dwar is-sorveljanza u l-kontroll tar-riskji l-kbar tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 1993, L 29, p. 1), l-ammont massimu ta’ self individwali ġie limitat għal 25 % tal-fondi proprji tal-bank u l-ammont totali tar-riskji l-kbar li jaqbżu l-10 % tal-fondi proprji tal-bank ma jistgħux ikunu ogħla minn tmien darbiet il-fondi proprji.

    5        Barra minn hekk, l-Artikolu 12 tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 89/646/KEE, tal-15 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentarji u amministrattivi li jirrigwardaw l-aċċess għall-attività ta’ stabbilimenti ta’ kreditu u l-eżerċitar ta’ dik l-attività, u li temenda d-Direttiva 77/780/KEE (ĠU L 386, p. 1), jillimita d-daqs tal-investimenti f’istituzzjonijiet ta’ kreditu u stabbilimenti bankarji oħrajn. L-Artikolu 12 tal-Kreditwesengesetz, dispożizzjoni li mhijiex ibbażata fuq id-dritt Komunitarju, iżda li teżisti wkoll fi Stati Membri oħrajn, jipprevedi li l-ammont totali tal-investimenti għal żmien twil ─ fosthom investimenti fi stabbilimenti mhux finanzjarji ─ għandu jkun limitat għall-ammont totali tal-fondi proprji. Il-banek Ġermaniżi kellhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar il-fondi proprji sat-30 ta’ Ġunju 1993.

    B –  WestLB

    6        Il-WestLB huwa istituzzjoni ta’ kreditu taħt id-dritt pubbliku rregolat bil-leġiżlazzjoni tal-Land Nordrhein‑Westfalen (iktar ’il quddiem il-“Land”). Fil-31 ta’ Diċembru 1991, il-fondi proprji rikonoxxuti tal-WestLB telgħu għal 5.1 biljun mark Ġermaniż (DEM). Skont il-leġiżlazzjoni ta’ dak il-Land, il-WestLB għandu funzjoni tripla. Dan jaġixxi bħala bank ċentrali għall-banek tat-tfaddil lokali ta’ dak il-Land u, sa mis-17 ta’ Lulju 1992, għal dawk tal-Land Brandenburg ukoll. Huwa jaqdi wkoll il-kompiti ta’ bank tal-Istat u komunali, billi jwettaq b’mod partikolari tranżazzjonijiet finanzjarji f’isem l-azzjonisti tiegħu. Finalment iwettaq ukoll tranżazzjonijiet bankarji ġenerali.

    7        Il-WestLB huwa 100 % proprjetà tas-settur pubbliku. L-azzjonist prinċipali tiegħu huwa l-Land (43.2 %), waqt li l-azzjonisti l-oħrajn huma l-Landschaftsverband Rheinland u l-Landschaftsverband Westfalen‑Lippe (assoċjazzjonijiet muniċipali tar-reġjuni ta’ Rhineland u Westfalen‑Lippe), li għandhom 11.7 % mill-kapital kull wieħed, kif ukoll ir-Rheinischer Sparkassen- und Giroverband u l‑Westfälisch‑Lippischer Sparkassen- und Giroverband (assoċjazzjonijiet ta’ banek tat-tfaddil tar-reġjuni ta’ Rhineland u Westfalen‑Lippe), li għandhom 16.7 % tal-ishma kull wieħed. Fid-data tat-trasferiment, u ta’ mill-inqas sat-8 ta’ Lulju 1999, dawn il-porzjonijiet baqgħu l-istess.

    8        Skont il-karta tal-bilanċ tiegħu, il-grupp WestLB jinsab fit-tielet post fis-settur bankarju Ġermaniż, wara d-Deutsche Bank AG u d-Dresdner Bank AG. Il-grupp WestLB joffri servizzi finanzjarji lill-impriżi u lill-entitajiet pubbliċi u huwa preżenti wkoll fis-swieq internazzjonali tal-kapital, fejn jopera kemm f’ismu stess kif ukoll f’isem istituzzjonijiet oħrajn li joħorġu titoli ta’ kreditu. Bħal ħafna banek universali Ġermaniżi oħrajn, il-WestLB għandu wkoll ishma f’istituzzjonijiet finanzjarji u impriżi. Barra minn hekk, fl-1997, il-WestLB wettaq parti importanti mill-attivitajiet tiegħu barra mir-Repubblika Federali tal‑Ġermanja.

    C –  WfA

    9        Il-WfA ġiet stabbilita fl-1957 u, sal-31 ta’ Diċembru 1991, kienet topera bħala entità pubblika Ġermaniża; fuq dik il-bażi, kellha personalità ġuridika. Il-kapital inizzjali tagħha kien ta’ DEM 100 miljun u l-Land kien l-uniku azzjonist tagħha. Skont il-leġiżlazzjoni, l-uniku għan tal-WfA kien li tinkoraġġixxi l-kostruzzjoni ta’ bini permezz tal-għoti ta’ self mingħajr imgħax jew b’rata ta’ imgħax baxxa. Bħala entità ta’ interess pubbliku, hija kienet eżentata mit-taxxa fuq il-kumpanniji, mit-taxxa fuq il-kapital u mit-taxxa professjonali fuq il-kapital operattiv.

    10      Ir-responsabbiltà tal-Land għat-telf li jista’ jkun hemm u bħala garanti kien japplika għal-WfA, fil-kwalità tagħha bħala entità pubblika, għall-obbligi kollha tagħha. Dawk il-garanziji baqgħu ma nbidlux wara t-trasferiment.

    D –  Integrazzjoni tal-WfA fi ħdan il-WestLB

    11      B’mod konformi mal-Gesetz zur Regelung der Wohnungsbauförderung (liġi li tadotta regolament dwar l-għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ djar), adottata fit-18 ta’ Diċembru 1991 mill-parlament tal-Land, il-WfA ġiet ittrasferita, fl-1 ta’ Jannar 1992, lill-WestLB.

    12      It-trasferiment huwa ġġustifikat fil-preambolu tal-liġi minħabba ż-żieda tal-fondi proprji tal-WestLB bil-għan li l-istituzzjoni ta’ kreditu tkun tista’ tissodisfa rekwiżiti aktar stretti f’dan il-qasam, applikabbli sa mit-30 ta’ Ġunju 1993. Barra minn hekk, ir-raggruppament tal-attivitajiet ta’ għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ djar tal-WfA u tal-WestLB kellu jippermetti titjib tal-effettività tagħhom.

    13      Fil-kuntest tat-trasferiment, il-Land ikkanċella l-garanzija tal-WfA, li kienet tammonta għal madwar DEM 7.4 biljun fuq l-obbligi tagħha, fuq il-bażi ta’ self kapitali intiż biex tingħata għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ djar.

    14      Il-WestLB sar is-suċċessur esklużiv tal-WfA (bl-eċċezzjoni tal-garanzija tad-djun tal-Land marbuta mal-għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ djar, annullata qabel it‑trasferiment). Il-WfA saret entità pubblika indipendenti fuq il-livell ekonomiku u organizzattiv, mingħajr personalità ġuridika proprja fi ħdan il-WestLB. Il‑kapital inizjali u r-riżervi tal-WfA għandhom b’hekk jiġu kontabilizzati fil-karta tal-bilanċ tal-WestLB bħala riżervi speċjali. Minħabba r-responsabbiltà tiegħu għat-telf li jista’ jsir mil-WfA kif ukoll bħala garanti, il-Land jibqa’ dejjem responsabbli għall-obbligi li tidħol għalihom il-WfA.

    15      L-elementi tal-patrimonju tal-WfA, jiġifieri l-kapital tagħha, ir-riżervi, il-fondi ta’ għajnuna għad-djar, il-krediti l-oħrajn tagħha, kif ukoll il-profitti futuri fuq is-self għall-kostruzzjoni, baqgħu jiġu assenjati, wara t-trasferiment lill-WestLB, għall‑attivitajiet ta’ għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ djar, b’mod konformi mat‑tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(16) tal-liġi msemmija iktar ’il fuq fil-punt 11. Madankollu, dik il-liġi tattribwixxi wkoll funzjoni oħra lill-patrimonju ttrasferit: dan issa kellu jservi bħala kapital proprju, fis-sens tal-Kreditwesengesetz u b’hekk ukoll fis-sens tad-Direttiva 89/299, li għandu jintuża biex jiġi kkalkulat il-proporzjon ta’ solvenza tal-bank u li b’hekk iservi wkoll bħala garanzija għall‑attivitajiet kummerċjali, jiġifieri kompetittivi, tal-WestLB.

    16      Fl-okkażjoni tat-trasferiment, l-azzjonisti tal-WestLB kienu qablu, permezz ta’ emenda fil-kuntratt qafas, li l-assi intiżi għall-għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ djar kellhom dejjem jiġu ppreżervati, anki kieku l-WestLB kellu jsofri telf li jassorbu l-kapital inizjali. Il-kapital tal-WfA kellu jiġi msejjaħ bħala garanzija fuq livell intern biss wara li jkunu ġew imsejħa bħala garanzija l-fondi proprji l-oħrajn tal‑WestLB. Il-kuntratt qafas kien jippreċiża li r-responsabbiltà tal-azzjonisti tal‑WestLB għat-telf li jista’ jkollu l-istabbiliment testendi wkoll għar-riżervi speċjali tal-WfA. F’każ ta’ likwidazzjoni tal-WestLB, il-Land ikollu dritt prijoritarju fuq il-kapital tal-WfA. Ġie ddikjarat ukoll li ż-żieda fil-fondi proprji tal-WestLB permezz tal-assorbiment tal-WfA kienet tikkostitwixxi prestazzjoni fi flus mil-Land u li l-azzjonisti kellhom jiddefinixxu l-ammont ta’ remunerazzjoni annwali korrispondenti wara l-pubblikazzjoni tal-ewwel riżultati finanzjarji, sa mill-1992. Din id-deċiżjoni sussegwentement kienet suġġetta għal nota ta’ protokoll annessa mal-kuntratt qafas fil-11 ta’ Novembru 1993. Fiha kien ġie miftiehem li l-WestLB kellu jħallas lil-Land, f’każ ta’ profitti, remunerazzjoni annwali ta’ 0.6 % wara t-taxxa, għall-parti mill-kapital tal-WfA użata bħala garanzija għall-operat tal-WestLB.

    17      Minkejja dan il-ftehim intern intiż biex jiggarantixxi l-assi tal-WfA, ma teżisti ebda prijorità f’dak li jirrigwarda xi waħda miż-żewġ funzjonijiet tal-assi tal-WfA, jiġifieri l-assenjazzjoni tagħhom għall-kostruzzjoni ta’ djar, min-naħa waħda, u l‑kwalità tagħhom bħala kapital ta’ garanzija għall-WestLB fir-relazzjonijiet esterni ta’ dan tal-aħħar mal-kredituri tiegħu, min-naħa l-oħra. Il-WestLB jista’ jiddisponi direttament, u b’mod illimitat, mill-assi ttrasferiti biex ikopri telf jew, f’każ ta’ falliment, is-somom dovuti lill-kredituri tiegħu.

    18      Il-kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju, relatat mal-liġi dwar l-għajnuna għall‑kostruzzjoni tad-djar, konkluż bejn il-Land u l-WestLB jipprevedi li dan tal‑aħħar jista’ juża riżervi speċjali intiżi biex jikkonsolidaw l-attivitajiet proprji tiegħu biss kemm-il darba tkun żgurata l-funzjoni tal-WfA prevista mil-liġi.

    19      Il-WfA tilfet l-indipendenza ġuridika tagħha meta saret dipartiment tal-WestLB inkarigat mill-għoti ta’ għajnuna għall-bini ta’ djar. Madankollu, l-attivitajiet kummerċjali tagħha ma ġewx integrati għal kollox mal-WestLB. Il-WfA baqgħet entità distinta fi ħdan il-WestLB taħt id-denominazzjoni ta’ Wohnungsbauförderungsanstalt Nordrhein‑Westfalen ─ Anstalt der Westdeutschen Landesbank Girozentrale (istituzzjoni ta’ għajnuna għall‑kostruzzjoni tad-djar tal-Land ─ istituzzjoni tal-WestLB). Id-dipartiment il‑ġdid “Għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ djar” naturalment kien jidher fil-kontijiet tal-WestLB, iżda jżomm ukoll il-karta tal-bilanċ tiegħu, Fir-rigward ta’ dak li qabel kien id-dipartiment ta’ għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ djar tal-WestLB, dan ġie raggruppat flimkien mal-WfA.

    20      L-assi tal-WfA ttrasferiti lill-WestLB, jiġifieri l-kapital, ir-riżervi, l-assi l-oħrajn u l-profitti futuri, baqgħu assenjati għall-għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ djar u għaldaqstant għandhom jiġu ġġestiti wkoll indipendentement mill-attivitajiet l‑oħrajn tal-WestLB. Barra minn hekk, din is-separazzjoni hija neċessarja sabiex it-tranżazzjonijiet marbuta mal-għajnuna għad-djar ikunu jistgħu jkomplu jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ta’ interess pubbliku, b’mod konformi mad-dritt fiskali Ġermaniż. B’hekk, l-eżenzjonijiet fiskali li kienet tibbenefika minnhom l‑WfA ma ntilfux.

    II –  Proċedura amministrattiva

    21      B’ilment tat-23 ta’ Marzu 1993, il-Bundesverband deutscher Banken eV (federazzjoni tal-banek Ġermaniżi, iktar ’il quddiem il-“BdB”), li tirrappreżenta madwar 300 bank privat li għandhom is-sede tagħhom fil-Ġermanja, talbet lill‑Kummissjoni biex tiftaħ proċedura skont l-Artikolu 226 KE kontra r‑Repubblika Federali tal-Ġermanja. Il-BdB allegat li l-Bundesaufsichtsamt für das Kreditwesen (uffiċċju federali ta’ kontroll tal-kreditu) kien kiser l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/299, meta aċċetta li l-assi tal-WfA, li kienet ingħaqdet mal‑WestLB, kellhom jiġu kkunsidrati bħala fondi proprji tal-WestLB.

    22      B’ittra tal-31 ta’ Mejju 1994, il-BdB għarrfet lid-direttorat ġenerali “Kompetizzjoni” (DĠ IV) tal-Kummissjoni biċ-ċessjoni ta’ assi filwaqt li allegat li din kienet twassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni favur il-WestLB. Fil-21 ta’ Diċembru 1994, hija ressqet ilment uffiċjali quddiem il-Kummissjoni fejn talbet li din tal-aħħar tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fi Frar u f’Marzu 1995 u f’Diċembru 1996, għaxar banek, membri tal-BdB assoċjaw ruħhom mal-ilment ta’ din tal-aħħar.

    23      Sabiex tkun tista’ tiddetermina jekk iċ-ċessjoni ta’ assi kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet federali Ġermaniżi sabiex jagħtuha aktar informazzjoni, b’ittri tat-12 ta’ Jannar, tad-9 ta’ Frar, tal-10 ta’ Novembru u tat-13 ta’ Diċembru 1993, u mbagħad fis-16 ta’ Jannar 1996. Din l-informazzjoni ntbagħtet b’ittri tat-2 ta’ Frar u tas-16 ta’ Marzu 1993, tat-8 ta’ Marzu 1994, tat-12 u tas-26 ta’ April 1996 u tal-14 ta’ Jannar 1997. Id-diversi partijiet ikkonċernati bagħtu wkoll diversi dokumenti u ittri. Ir-rappreżentanti tal‑Kummissjoni ltaqgħu f’diversi okkażjonijiet mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet Ġermaniżi, tal-WestLB u ta’ banek reġjonali oħrajn, kif ukoll ma’ dawk li ressqu l-ilmenti.

    24      Wara dan l-iskambju ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni, b’deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 1997, fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura”). F’dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-miżura kkontestata probabbilment kienet tikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u li kienet teħtieġ aktar informazzjoni biex tapprofondixxi l-analiżi tagħha. B’mod partikolari, hija kellha bżonn tikseb informazzjoni dwar il-miżuri li permezz tagħhom il-Land seta’ jipparteċipa b’mod raġonevoli fil-profitti addizzjonali li setgħu jinkisbu mill-WestLB wara ż-żieda fil-kapital tiegħu; informazzjoni dwar ir-riperkussjonijiet tan-nuqqas ta’ likwidità tal-kapital ittrasferit, dwar il-fatt li l-influwenza tal-Land fuq il-WestLB ma żdiditx u dwar in-natura preferenzjali tar-remunerazzjoni fissa, kif ukoll dwar fatturi addizzjonali oħrajn involuti fl-iffissar ta’ remunerazzjoni adegwata; finalment, informazzjoni dwar l-ammont ta’ kapital tal-WfA intiż biex jiġu ggarantiti l-attivitajiet tal-WestLB, dwar il-valur tal-ammont li jaqbeż dik is‑somma mniżżel fil-karta tal-bilanċ tal-WestLB, dwar l-eżenzjonijiet fiskali, dwar l-annullament ta’ djun, dwar il-profitabbiltà tal-WestLB u dwar l-effetti eventwali tas-sinerġija.

    25      Id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE ġiet innotifikata lill-Gvern Ġermaniż b’ittra tat-23 ta’ Ottubru 1997. B’ittri tas-7 u tal-25 ta’ Novembru u tat-2 ta’ Diċembru 1997, ġie miftiehem li għall-finijiet ta’ pubblikazzjoni kellha titneħħa l-informazzjoni kunfidenzjali. Wara estensjoni tal‑iskadenza mitluba b’ittra tad-19 ta’ Novembru 1997 u mogħtija b’ittra tal-1 ta’ Diċembru 1997, il-Gvern Ġermaniż ikkomunika l-pożizzjoni tiegħu b’ittra tas-27 ta’ Frar 1998.

    26      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fil-5 ta’ Mejju 1998 (ĠU C 140, p. 9). Il‑Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżura inkwistjoni. Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mingħand WestLB (19 ta’ Mejju 1998), l-Association française des banques (26 ta’ Mejju 1998), il-British Bankers’ Association (2 ta’ Ġunju 1998) u l-BdB (4 ta’ Ġunju 1998). Hija bagħtithom lill-Gvern Ġermaniż b’ittra tal-15 ta’ Ġunju 1998 fejn tagħtu l-possibbiltà li jifformula l-kummenti tiegħu, li hija rċeviet b’ittra tal-11 ta’ Awwissu 1998.

    27      Fil-15 ta’ Jannar u fis-16 ta’ Settembru 1998, saru laqgħat mar-rappreżentanti tal‑BdB u fid-9 ta’ Settembru 1998, mar-rappreżentanti tal-WestLB. B’ittra tat-22 ta’ Settembru 1998, is-servizzi tal-Kummissjoni sejħu lill-awtoritajiet Ġermaniżi, lil WestLB u lill-BdB għal laqgħa dwar id-diversi aspetti tal-kwistjoni. Il-BdB bagħtet informazzjoni b’ittra tat-30 ta’ Ottubru 1998. Il-laqgħa li fiha kienu preżenti dawn it-tliet partijiet saret fl-10 ta’ Novembru 1998.

    28      Sussegwentement, is-servizzi tal-Kummissjoni talbu lill-awtoritajiet Ġermaniżi u lil BdB, b’ittra tas-16 ta’ Novembru 1998, biex jipprovdulhom informazzjoni u dokumenti addizzjonali. Wara estensjoni tal-iskadenza, il-BdB ipprovdiet l‑informazzjoni mitluba, b’ittra tal-14 ta’ Jannar 1999. Wara estensjoni tal‑iskadenza, l-awtoritajiet Ġermaniżi pprovdew informazzjoni permezz ta’ żewġ ittri tal-15 ta’ Jannar 1999 u b’ittra tas-7 ta’ April 1999. Peress li l-awtoritajiet Ġermaniżi rrifjutaw li jipprovdu ċerta informazzjoni lill-Kummissjoni, din tal‑aħħar ordnat li tintbagħat dik l-informazzjoni b’deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 1999, innotifikata lill-Gvern Ġermaniż b’ittra tal-24 ta’ Marzu 1999. Wara estensjoni tal-iskadenza, il-Gvern Ġermaniż onora dik id-deċiżjoni b’ittra tat-22 ta’ April 1999.

    29      Il-Kummissjoni ordnat li jsir studju indipendenti dwar ir-remunerazzjoni adegwata li l-Land kellu jitlob għat-trasferiment tal-WfA lil WestLB. Il-kumpannija ta’ konsulenza inkarigata b’dan il-kompitu (First Consulting) ipparteċipat f’laqgħa tripartita fl-10 ta’ Novembru 1998.

    III –  Id-deċiżjoni kkontestata

    30      Fit-8 ta’ Lulju 1999, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2000/392/KE, dwar il‑miżura implementata mill-Ġermanja favur il-Westdeutsche Landesbank ─ Girozentrale (WestLB) (ĠU 2000, L 150, p. 1, iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”). Id-deċiżjoni ġiet innotifikata fl-4 ta’ Awwissu 1999 lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li kkomunikatha lil-Land b’ittra tas-6 ta’ Awwissu 1999. Il-Land informa lil WestLB b’ittra tad-9 ta’ Awwissu 1999, li waslet għand il-WestLB fl-istess jum. Id-deċiżjoni tistabbilixxi fid-dispożittiv tagħha:

    “Artikolu 1

    L-għajnuna mill-Istat implementata mill-Ġermanja favur il-Westdeutsche Landesbank Girozentrale, għal ammont ta’ DEM 1 579 700 000 (EUR 807 700 000) mill-1992 sal-1998, hija inkompatibbli mas-suq komuni.

    Artikolu 2

    1. Il-Ġermanja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tirkupra mingħand il-benefiċjarja l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 u li diġà tpoġġiet għad-dispożizzjoni tagħha illegalment.

    2. L-irkupru għandu jsir b’mod konformi mal-proċeduri tad-dritt nazzjonali. L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata tinkludi l-interessi sa mid-data meta tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji, sad-data meta tiġi rkuprata. L-interessi għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi tar-rata ta’ referenza użata għall-kalkolu ta’ sussidju ekwivalenti fil-kuntest ta’ għajnuna reġjonali.

    Artikolu 3

    Il-Ġermanja għandha tinforma lill-Kummissjoni, f’terminu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, bil-miżuri li tkun ħadet biex tikkonforma ruħha magħha.

    [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    A –  Analiżi ġenerali

    31      Fil-premessi tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tagħti l-evalwazzjoni tagħha tal-miżura inkwistjoni. Din tista’ tiġi miġbura fil-qosor skont kif ġej.

    32      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-WestLB joffri s‑servizzi tiegħu b’kompetizzjoni kontra banek Ewropej oħrajn barra mill‑Ġermanja kif ukoll fil-Ġermanja. B’hekk, kull għajnuna favur il-WestLB twassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni u tostakola l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni. Skont il-konvenuta, peress li biex jiffunzjona u jestendi l-attivitajiet kummerċjali tiegħu bank għandu jkollu livell suffiċjenti ta’ kapital proprju rikonoxxut, il‑possibbiltajiet kummerċjali li għandu WestLB ġew influwenzati direttament mill-miżura implementata mill-Istat, li tiggarantixxi s-solvenza tal-WestLB.

    33      Sussegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tranżazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi trasferiment ta’ kapital pubbliku lil impriża. Dak il-kapital, peress li għandu valur kummerċjali u peress li ma kienx suġġett għal remunerazzjoni suffiċjenti, huwa riżors tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

    34      Sabiex jiġi vverifikat jekk iċ-ċessjoni ta’ kapital tal-Istat lil impriża pubblika tathiex vantaġġ u tistax b’hekk tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal‑Artikolu 87(1) KE, il-Kummissjoni għandha tapplika l-prinċipju tal-“investitur li jopera f’ekonomija tas-suq”.

    35      Il-Kummissjoni b’hekk tispjega fid-dettall l-analiżi tagħha tat-tranżazzjoni li saret fid-dawl tal-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq.

    36      Il-Kummissjoni tiddikjara, fl-ewwel lok, li minkejja l-fatt li l-Artikolu 295 KE jipprovdi li t-Trattat KE ma għandux jissostitwixxi l-kodiċi tal-proprjetà tad‑diversi Stati Membri, dan ma jiġġustifikax ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità. B’dan il-mod, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma tpoġġix f’dubju d‑dritt tal-Istati Membri li jassenjaw fondi speċjali għal proġetti ta’ interess ekonomiku ġenerali. Madankollu, ir-regoli tas-suq japplikaw meta fondi pubbliċi u assi oħrajn jintużaw għal attivitajiet kummerċjali. Konsegwentement, meta l‑Istat jiddeċiedi li juża għal finijiet kummerċjali kapital intiż li jintuża għal għanijiet pubbliċi, dak l-Istat għandu, skont il-Kummissjoni, jitlob remunerazzjoni skont is-suq.

    37      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda n-natura partikolari tat-tranżazzjoni, il-konvenuta ssostni li, meta Stat Membru jagħżel operazzjoni bħal dik inkwistjoni, għandu jiġi eżaminat fid-dettall sa liema grad din tista’ tirrappreżenta vantaġġ ekonomiku għall-parti tal-impriża suġġetta għall-kompetizzjoni.

    38      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tenfasizza li wieħed mill-metodi kif tinkiseb remunerazzjoni xierqa għall-kapital ipprovdut seta’ kien żieda fl-ishma li l-Land għandu fil-WestLB. Peress li dan ma sarx, il-Land kellu, b’mod konformi mad‑deċiżjoni kkontestata, u skont il-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq, jitlob li l-kapital li huwa kien ipprovda jiġi rremunerat b’mezzi oħrajn b’mod adattat. Fil-każ kuntrarju, skont il-Kummissjoni, il-Land ikun ta vantaġġ lil WestLB li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

    39      Fir-raba’ lok, il-konvenuta tispjega kif hija stabbilixxiet il-bażi tal-kapital użata għall-kalkolu tar-remunerazzjoni. Biex tiġi ffissata remunerazzjoni adegwata, kien meħtieġ li ssir distinzjoni bejn id-diversi elementi tar-riżervi speċjali tal-WfA, skont l-utilità tagħhom għall-WestLB.

    40      Il-Kummissjoni tfakkar li ammont totali ta’ DEM 5.9 biljuni tniżżel fil-karta tal‑bilanċ tal-WestLB bħala kapital proprju. Madankollu, il-Bundesaufsichtsamt für das Kreditwesen irrikonoxxa bħala fondi proprji bażiċi DEM 4 biljuni biss. Minn dan l-aħħar ammont, DEM 2.5 biljuni biss jistgħu effettivament jintużaw minn WestLB biex jiġu estiżi l-attivitajiet tiegħu suġġetti għall-kompetizzjoni, bħala fondi proprji pprovduti u skont id-dispożizzjonijiet dwar is-solvenza, u b’hekk kellhom jintużaw bħala l-bażi primarja għar-remunerazzjoni tal-Land. Id‑DEM 1.5 biljun li jifdal iservu biex jiggarantixxu l-attivitajiet ta’ għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ djar tal-WfA. Ammont ta’ 1,9 biljun DEM jidher ukoll fil‑karta tal-bilanċ, iżda mingħajr mhu rikonoxxut bħala li jikkorrispondi għal fondi proprji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ solvenza. B’hekk, l-ammont imniżżel fil-karta tal-bilanċ tal-WestLB, iżda li ma jistax iservi biex jiġu estiżi l-attivitajiet tiegħu suġġetti għall-kompetizzjoni, jammonta għal DEM 3.4 biljuni. Madankollu, inkwantu dan l-ammont jikkontribwixxi biex il-bank jidher aħjar f’għajnejn il‑kredituri, jista’ għallinqas ekonomikament jiġi pparagunat ma’ garanzija ─ avolja huwa mniżżel fil-karta tal-bilanċ bħala kapital proprju. B’hekk, peress li dan l-ammont għandu wkoll utilità ekonomika għall-WestLB, investitur li jopera f’ekonomija tas-suq kien jitlob remunerazzjoni. Madankollu, din tkun inqas mir‑remunerazzjoni għad-DEM 2.5 biljuni li jistgħu jservu biex jiġu estiżi l‑attivitajiet tal-WestLB suġġetti għall-kompetizzjoni.

    41      Fil-ħames lok, il-Kummissjoni tispjega fid-dettall kif hija kkalkulat ir‑remunerazzjoni adegwata għall-kapital.

    B –  Analiżi dwar ir-remunerazzjoni adegwata għall-kapital

    42      Preliminarjament, il-Kummissjoni tafferma li, fir-rigward tar-regoli tat-Trattat KE dwar l-għajnuna mill-Istat, it-tranżazzjoni għandha titqies bħala kontribuzzjoni ta’ kapital u mhux bħala garanzija u li għaldaqstant għandha tiġi evalwata r‑remunerazzjoni għall-kapital. Madankollu, għall-finijiet tal-kalkolu tar‑remunerazzjoni adegwata, il-Kummissjoni tista’ tipparaguna parti minn dak il‑kapital ma’ garanzija, peress li din ma tistax tintuża mill-WestLB bħala kapital proprju klassiku, minħabba n-natura partikolari tagħha.

    43      Sussegwentement, il-Kummissjoni, filwaqt li tenfasizza fl-ewwel lok li n-natura unika tal-integrazzjoni tal-WfA fi ħdan il-WestLB tagħmilha diffiċli li jsir paragun ma’ strument finanzjarju eżistenti fis-suq, tispjega għalfejn hija tal-fehma li l-paragun li sar mill-Gvern Ġermaniż mal-istrumenti ibridi applikabbli għall‑kapital proprju ma jikkostitwixxix bażi rilevanti għall-kalkolu tar‑remunerazzjoni adegwata għall-kapital tal-WfA, minħabba l-karatteristiċi partikolari ta’ din tal-aħħar.

    44      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tirreferi għar-riperkussjonijiet tan-nuqqas ta’ likwidità fuq il-kalkolu tar-remunerazzjoni għall-kapital. L-ewwel nett, iċ-ċessjoni tal-assi tal-WfA ma pprovdietx likwidità addizzjonali lill-WestLB, inkwantu l-assi ttrasferiti u d-dħul kollu tal-WfA kellhom ikomplu, skont il-liġi, jiġu assenjati għall-għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ djar. Il-WestLB b’hekk jassumi spejjeż ta’ finanzjament supplimentari, sal-ammont tal-kapital, meta jakkwista l-fondi meħtieġa fis-swieq finanzjarji sabiex jestendi l-portata tal-attivitajiet li jinfetħu b’dak il-kapital proprju addizzjonali. Minħabba dawk l-ispejjeż ta’ finanzjament addizzjonali, li mhumiex iġġenerati f’każ ta’ kapital proprju normali, ikollu jsir tnaqqis korrispondenti sabiex tiġi kkalkulata r-remunerazzjoni adegwata.

    45      Madankollu, b’differenza mill-WestLB u l-Gvern Ġermaniż, il-Kummissjoni hija tal-fehma li ma jistax jiġi kkunsidrat it-total tar-rati ta’ imgħaxijiet ta’ rifinanzjament. Għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż supplimentari tal‑WestLB biss l-ispejjeż netti, minħabba n-natura partikolari tal-kapital ittrasferit. B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-WestLB trid tassumi “spejjeż ta’ likwidità” addizzjonali, sal-ammont tal-“ispejjeż ta’ rifinanzjament wara t-tnaqqis tat-taxxi”. Il-Kummissjoni taċċetta l-istudji sottomessi mill-Gvern Ġermaniż dwar l-ammont ta’ remunerazzjoni, li jagħtu l-perċentwal ta’ 8.26 % bħala rata ta’ rifinanzjament xierqa fuq medda ta’ żmien twil. Meta jiġu applikati r-rati tat-taxxa Ġermaniżi, tinkiseb rata netta ta’ 4.2 % għall-ispejjeż ta’ rifinanzjament.

    46      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tispjega kif hija ħadmet il-kalkolu tar‑remunerazzjoni adegwata tal-ammont ta’ DEM 2.5 biljuni, li tikkorrispondi għaż-żieda fil-kapital proprju disponibbli għall-WestLB.

    47      Hija tfakkar li l-esperti esterni mqabbda mill-Kummissjoni jaffermaw li wieħed għandu jibbaża ruħhu fuq ir-redditu mill-investiment użat fil-qasam bankarju waqt li jiġi adattat għall-karatteristiċi tat-tranżazzjoni. Barra minn hekk, matul l‑investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll diversi dikjarazzjonijiet u studji ta’ banek ta’ investiment u ta’ kumpanniji ta’ konsulenza dwar ir-redditi attwali u previsti tal-kapital proprju u tal-investimenti, kif ukoll id‑dikjarazzjonijiet sottomessi mid-diversi partijiet.

    48      Il-Kummissjoni tiddikjara li, fuq il-bażi ta’ dik l-informazzjoni, tal-esperjenza tagħha f’dan il-qasam, tal-istatistiċi tas-suq u tad-deċiżjonijiet preċedenti tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat, hija tassumi remunerazzjoni minima prevista ta’ 12 % wara t-taxxa fuq dik l-kontribuzzjoni ta’ kapital, fid-data tat-trasferiment.

    49      Biex tikkalkula r-remunerazzjoni adegwata, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll il‑fatt li investitur li jopera f’ekonomija tas-suq kien jitlob redditu ikbar fuq il‑kontribuzzjoni ta’ kapital, minħabba l-karatteristiċi partikolari tat-tranżazzjoni.

    50      Din iż-żieda hija spjegata minn tliet fatturi. Fl-ewwel lok, il-volum ta’ kapital ittrasferit kien kunsiderevoli, l-effett tiegħu kien determinanti għall-WestLB fil‑kuntest tad-dispożizzjonijiet dwar is-solvenza, u dak il-bank għamel inqas profitti mill-medja ta’ banek oħrajn. Fit-tieni lok, il-Land huwa espost għal riskju aktar għoli f’każ ta’ insolvenza tal-WestLB, minħabba l-integrazzjoni tal-WfA. Barra minn hekk, il-Land ma rċieva ebda dritt ta’ vot minn dik l-integrazzjoni. Sabiex ikun jista’ jaċċetta tali riskju mingħajr ma tiġi msaħħa l-influwenza tiegħu fi ħdan l-impriża, investitur li jopera f’ekonomija tas-suq kien jitlob, bħala kumpens, remunerazzjoni akbar. Finalment, in-natura tal-investiment tal-Land hija ta’ investiment fuq medda ta’ żmien twil f’titoli mhux ikkwotati. Minħabba l‑kundizzjonijiet partikolari tat-trasferiment tal-WfA, il-Land m’għandux il‑possibbiltà li jirtira l-kapital u li b’hekk itemm l-investiment tiegħu. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li f’dan il-każ, iż-żieda minima adattata, minħabba l-karatteristiċi partikolari tat-tranżazzjoni, hija ta’ 1.5 %.

    51      Hija tikkonkludi li remunerazzjoni adegwata għall-kapital inkwistjoni tammonta għal 9.3 %, jew 12 % tar-redditu normali għall-investiment b’żieda ta’ 1.5 % għall-karatteristiċi partikolari tat-tranżazzjoni, bi tnaqqis ta’ 4.2 % għall-ispejjeż ta’ rifinanzjament li għandu jassumi l-WestLB minħabba n-nuqqas ta’ likwidità tal-kapital ittrasferit.

    52      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tispjega kif hija kkalkulat ir-remunerazzjoni adegwata tal-ammont ta’ DEM 3.4 biljuni, ammont imniżżel fil-karta tal-bilanċ tal-WestLB, iżda li ma jistax iservi biex jiġu estiżi l-attivitajiet tiegħu suġġetti għall-kompetizzjoni. Hija tfakkar li, fid-deċiżjoni biex tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, hija indikat rata ta’ 0.3 % msemmija mill-Gvern Ġermaniż bħala kummissjoni adegwata fuq il-garanzija bankarja għal bank bħall WestLB. Hija tikkunsidra li dan l-ammont huwa ogħla mill-kopertura normali tal-garanziji bankarji ta’ dan it-tip u li barra minn hekk, għalkemm il‑garanziji bankarji fil-prinċipju huma assoċjati ma’ ċerti tranżazzjonijiet u limitati fiż-żmien, il-WestLB, min-naħa l-oħra, għandu għad-dispożizzjoni tiegħu riżervi speċjali tal-WfA mingħajr limitu ta’ żmien. Skont il-Kummissjoni, dawn iż-żewġ fatturi jeħtieġu żieda fir-rata tar-remunerazzjoni fil-medda ta’ bejn 0.5 u 0.6 %. Inkwantu l-primjums ta’ garanzija ġeneralment jikkostitwixxu spejjeż operattivi, li b’hekk jitnaqqsu mill-profitti taxxabbli, minn naħa, u peress li r‑remunerazzjoni għall-kapital tal-WfA titlħallas lil-Land fuq il-profitti wara t‑taxxa, min-naħa l-oħra, dik ir-rata għandha tiġi adattata. B’hekk, skont il‑Kummissjoni, remunerazzjoni ta’ 0.3 % wara t-taxxa hija adattata għal dan it-tip ta’ kapital.

    53      Fil-ħames lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-eventwali sinerġiji u ekonomiji li jistgħu jirriżultaw għal-Land u għall-WfA mit-trasferiment ta’ din tal-aħħar u mill-integrazzjoni tagħha fi ħdan il-WestLB ma jistgħux jitqiesu bħala remunerazzjoni għall-kontribuzzjoni tal-fondi proprji bażiċi fil-WestLB. Peress li dawk is-sinerġiji ma jnaqqsux il-perspettivi ta’ użu tal-kapital ittrasferit u ma jżidux l-ispejjeż li jirriżultaw mit-trasferiment għall-WestLB, dawn m’għandu jkollhom ebda effett fuq l-ammont ta’ remunerazzjoni li investitur li jopera f’ekonomija tas-suq jista’ jitlob mill-bank għall-kapital proprju pprovdut. Min‑naħa l-oħra, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-ammont ta’ DEM 33 miljun imħallas mill-WestLB fl-1992 bħala pensjonijiet tal-WfA jifforma parti mir‑remunerazzjoni għat-trasferiment imħallsa mill-WestLB.

    54      Finalment, fuq il-bażi tal-kalkoli li saru iktar ’il fuq dwar il-kapital li għandu jiġi kkunsidrat u r-remunerazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni tiddefinixxi l-element ta’ għajnuna mill-Istat eżistenti fit-tranżazzjoni inkwistjoni. Hija tikkunsidra bħala konformi mas-suq remunerazzjoni ta’ 9.3 % wara t-taxxa għall-parti tal-kapital utilizzabbli mill-WestLB biex jiggarantixxi l-attivitajiet kummerċjali tiegħu, jiġifieri DEM 2.5 biljuni fit-tmiem tal-1993, u 0.3 % wara t-taxxa għad-differenza bejn dan l-ammont u l-fondi proprji ta’ DEM 5.9 biljuni mniżżla fil-karta tal‑bilanċ tal-WestLB, jew DEM 3.4 biljuni fit-tmiem tal-1993. Skont il‑Kummissjoni, għandha tiġi kkunsidrata wkoll ir-remunerazzjoni ta’ 0.6 % li l‑WestLB kien ilu jħallas sa mill-1993 fuq l-ammont li jista’ juża sabiex jiggarantixxi l-attivitajiet kummerċjali tiegħu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni taċċetta li jiġu kkunsidrati l-ħlasijiet ta’ pensjonijiet tal-WfA mill-WestLB, fl‑1992, bħala remunerazzjoni addizzjonali għal-Land. L-element ta’ għajnuna huwa kkalkulat bħala d-differenza bejn is-somom effettivament imħallsa u l‑ħlasijiet li jkunu konformi mas-suq. Skont il-Kummissjoni, it-total tal-għajnuna kkalkulat b’dan il-mod huwa ta’ DEM 1 579 700 000 mill-1992 sal-1998.

    55      Wara li kkonkludiet l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ investitur li jopera f’ekonomija tas-suq għat-tranżazzjoni inkwistjoni, il‑Kummissjoni tagħti wkoll l-analiżi tagħha dwar aspetti oħrajn ta’ din it‑tranżazzjoni qabel ma tippreżenta l-konklużjonijiet finali tagħha.

    56      Fir-rigward tal-eżenzjonijiet fiskali li jibbenefikaw minnhom l-attivitajiet ta’ għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ djar tas-“settur WfA” tal-WestLB, il-Kummissjoni tirrimarka li dawn iżidu l-profitti tal-WfA (jew inaqqsu t-telf tagħha), u b’hekk li l-kapital nett tagħha jista’ jiżdied. B’hekk il-WestLB jista’ wkoll ikollu ammonti akbar biex jiggarantixxu l-attivitajiet tas-settur kompetittiv tiegħu. Madankollu, inkwantu li din il-parti tiżdied, il-bażi użata għall-kalkolu tar-remunerazzjoni li għandha titħallas lil-Land tipprogressa wkoll. Il-Kummissjoni tikkonkludi f’dan ir-rigward li, jekk ir-remunerazzjoni tkun iffissata għal rata adegwata, l‑eżenzjonijiet fiskali għall-għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ djar ma joħolqu ebda distorsjoni fil-kompetizzjoni favur il-WestLB. Hija tfakkar li, skont il-kalkoli spjegati iktar ’il fuq fil-punti 51 u 52, remunerazzjoni adegwata tammonta għal 9.3 % f’dak li jirrigwarda l-ammont korrispondenti għaż-żieda fil-kapital proprju disponibbli tal-WestLB u għal 0.3 % fir-rigward tal-ammont li tniżżel fil-karta tal‑bilanċ tal-WestLB, iżda li ma jistax iservi biex jiġu estiżi l-attivitajiet tiegħu suġġetti għall-kompetizzjoni.

    57      Fir-rigward tar-rinunzja tal-obbligu ta’ garanzija, il-Kummissjoni tikkunsidra li din żiedet il-valur tal-WfA. Madankollu, peress li r-remunerazzjoni li għandu jħallas il-WestLB ġiet ikkalkulata fuq l-evalwazzjoni tal-WfA wara dik ir‑rinunzja, jiġifieri wara li ġiet ikkunsidrata din iż-żieda fil-valur, l-annullament tal-garanzija ma jirrappreżenta ebda vantaġġ għall-WestLB jekk ir‑remunerazzjoni tkun konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq.

    58      Il-Kummissjoni tikkonkludi, fuq il-bażi tal-evalwazzjoni preċedenti, li l-kriterji kollha previsti fl-Artikolu 87(1) KE huma sodisfatti u li, peress li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet derogatorji previsti fl-Artikoli 86(2) KE u 87(2) u (3) KE mhix applikabbli f’dan il-każ, l-għajnuna ma tistax titqies bħala kumpatibbli mat‑Trattat.

     Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    59      B’atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Ottubru 1999, ir‑rikorrenti ressqu dawn ir-rikorsi.

    60      B’digriet tat-22 ta’ Awwissu 2000 tal-President tar-Raba’ Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti, u l-BdB tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal‑konvenuta.

    61      Permezz tal-istess digriet, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat talba għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti u approvat dak it-trattament fir-rigward ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fl-atti tal-proċess. Dak id-digriet ġie rrettifikat b’digriet tat-23 ta’ Ottubru 2000.

    62      B’digriet tal-11 ta’ Lulju 2001 tal-President tar-Raba’ Awla Estiża tal-Qorti tal‑Prim’Istanza, wara li nstemgħu l-partijiet, iż-żewġ kawżi ġew magħquda għall‑finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, b’mod konformi mal-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

    63      Minħabba l-modifika tal-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza sa mill‑20 ta’ Settembru 2001, l-Imħallef Relatur ġie assenjat għat-Tieni Awla Estiża u għaldaqstant dawn il-kawżi ġew assenjati lil dik l-awla.

    64      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Ir-rikorrenti, il-konvenuta u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrispondew għad-domandi bil-miktub li saru mill-Qorti tal‑Prim’Istanza u l-konvenuta ppreżentat id-dokumenti mitluba abbażi tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

    65      B’digriet tad-29 ta’ Mejju 2002, il-President tat-Tieni Awla Estiża tal-Qorti tal‑Prim’Istanza laqa’ proviżorjament it-talba għal trattament kunfidenzjali li saret mir-rikorrenti fir-rigward ta’ ċerti elementi li jinsabu f’wieħed mid-dokumenti msemmija fil-punt preċedenti.

    66      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi li sarulhom mill‑Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tal-5 u tas-6 ta’ Ġunju 2002.

    67      Matul dik is-seduta, meta saritilhom talba espressa f’dan is-sens, il-partijiet intervenjenti ma ppreżentawx osservazzjonijiet fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti għat-trattament kunfidenzjali ta’ ċerti elementi li jinsabu f’wieħed mid-dokumenti li pproduċiet il-Kummissjoni fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza. B’hekk, għandu jiġi kkonfermat id-digriet li, fuq bażi proviżorja, approva t-trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ dawk l-elementi.

    68      Il-WestLB jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    –        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    –        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

    69      Il-Land jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    –        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    –        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż;

    –        tordna lill-BdB tbati l-ispejjeż tagħha.

    70      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, parti intervenjenti, titlob li l-Qorti tal‑Prim’Istanza jogħġobha:

    –        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    –        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

    71      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    –        tiċħad iż-żewġ rikorsi bħala infondati;

    –        tordna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

    72      Il-BdB, parti intervenjenti, titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    –        tiċħad iż-żewġ rikorsi bħala infondati;

    –        tordna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż, inklużi tagħha stess.

     Fuq il-mertu

    73      Insostenn tar-rikors tiegħu, il-WestLB jinvoka ħames motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li rriżenjat biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, fuq il-kompożizzjoni irregolari tal-Kummissjoni, fuq il-ksur tad-drittijiet tad‑difiża, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE. Il-Land jinvoka erba’ motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza u fuq il-kompożizzjoni irregolari tal-Kummissjoni, fuq il-ksur tad-drittijiet tad‑difiża, fuq il-ksur ta’ formalitajiet essenzjali u fuq il-ksur tal-Artikoli 87(1) KE u 295 KE.

    74      Matul is-seduta, meta ġew mistoqsija mill-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ddikjaraw li qed jirrinunzjaw mill-motiv ibbażat fuq il-kompożizzjoni irregolari tal-Kummissjoni fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    75      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ser tanalizza, fl-ewwel lok, il-motiv ibbażat fuq in‑nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, fit-tieni lok, il-motiv ibbażat fuq il‑ksur tad-drittijiet tad-difiża u, fit-tielet lok, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ formalitajiet essenzjali, f’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tad-dritt tas-smigħ tar‑Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-allegati konstatazzjonijiet żbaljati ta’ ċirkustanzi ta’ fatt u l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ newtralità.

    76      Fir-raba’ lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal‑Artikoli 87(1) KE u 295 KE, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat li ngħatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fl‑aħħar lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza ser tanalizza l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni flimkien mal-motiv, ippreżentat fuq bażi sussidjarja, dwar il-ksur taż-żewġ dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem ukoll il-“prinċipju tal-investitur privat”).

    IV –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata

    A –  Argumenti tal-partijiet

    77      Ir-rikorrenti jsostnu li, minħabba li l-Kummissjoni rriżenjat fis-16 ta’ Marzu 1999, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet limitata, fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha, għall-indirizzar ta’ kwistjonijiet kurrenti u urġenti. Peress li d-deċiżjoni ma taqax f’dan l-ambitu, din għandha tiġi annullata.

    78      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li, billi l-konsegwenzi ġuridiċi tar-riżenja volontarja tal-membri kollha tal-Kummissjoni mhumiex iddefiniti espressament fit-Trattat KE, wieħed għandu japplika b’analoġija t-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201 KE, peress li din hija l-unika dispożizzjoni tat‑Trattat li tirrigwarda r-riżenja kollettiva tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il‑funzjonijiet ta’ din tal-aħħar kellhom ikunu limitati għall-indirizzar ta’ kwistjonijiet kurrenti.

    79      L-Artikolu 215 KE ma jistax japplika f’dan il-każ. Ir-riżenja tal-Kummissjoni ma kinitx volontarja, peress li din saret bl-iskop uniku li tiġi antiċipata l-adozzjoni ċerta ta’ mozzjoni ta’ ċensura mill-Parlament Ewropew. Il-Land jgħid ukoll li, jekk it-Trattat jillimita l-kompetenzi tal-Kummissjoni għall-indirizzar ta’ kwistjonijiet kurrenti f’każ ta’ adozzjoni ta’ mozzjoni ta’ ċensura, ċertament imur kontra l-effett utli tal-Artikolu 201 KE jekk il-Kummissjoni titħalla tevita dik ir‑restrizzjoni permezz ta’ riżenja preventiva volontarja. Barra minn hekk, il-Land huwa tal-fehma li, sabiex jiġi evitat li wieħed idur mal-Artikolu 201 KE, f’każ ta’ riżenja kollettiva, għandha tiġi applikata l-istess limitazzjoni bħal dik li tapplika f’każ ta’ adozzjoni ta’ mozzjoni ta’ ċensura.

    80      Barra minn hekk, il-limitazzjoni tal-kompetenzi tal-Kummissjoni li tirriżenja għal kwistjonijiet kurrenti tirriżulta wkoll minn prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li huwa bbażat fuq is-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, il-Land jirreferi għal parir tas-servizz ġuridiku tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Jannar 1995.

    81      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li r-riżenzja tal-membri kollha tal-Kummissjoni ma tistax titqies bħala serje ta’ riżenji individwali. L-Artikolu 215 KE jikkonċerna biss ir-riżenja ta’ membru wieħed jew ta’ diversi membri tal-Kummissjoni u b’hekk jippreżumi li l-Kummissjoni jkun għad għandha funzjoni u tkun b’hekk tista’ tkompli topera. Huma jsostnu li jekk ir-riżenja kollettiva tal-Kummissjoni titqies bħala s-somma ta’ riżenji individwali, dan iwessa’ b’mod illegali l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 215 KE u jirrestrinġi d-drittijiet tal-Parlament fil‑proċedura tal-ħatra ta’ Kummissjoni ġdida. Huma jikkontestaw il-fatt li l‑Parlament jista’ jadotta mozzjoni ta’ ċensura tal-Kummissjoni anki wara riżenja tal-membri kollha ta’ din tal-aħħar u jfakkru li abbozz ta’ tali mozzjoni ġie miċħud bħala inammissibbli mill-President tal-Parlament.

    82      Fuq bażi sussidjarja, ir-rikorrenti jallegaw li l-funzjonijiet tal-konvenuta kienu limitati wkoll għall-indirizzar ta’ kwistjonijiet kurrenti u urġenti peress li l-Kummissjoni kienet marbuta bid-dikjarazzjoni tagħha stess tas-17 ta’ Marzu 1999, kif ukoll mil-linji gwida tagħha tat-23 ta’ Marzu 1999 dwar l-attivitajiet li għalihom riedet tillimita ruħha wara r-riżenja tagħha. F’dan ir-rigward, il-WestLB josserva li l-Qorti tal-Ġustizzja spiss iddeċidiet li d-dikjarazzjonijiet ta’ portata ġenerali tal-Kummissjoni huma ta’ natura vinkolanti fir-rigward ta’ din tal-aħħar anki jekk ma jkunux fil-forma ta’ att ġuridiku previst fl-Artikolu 249 KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punti 34 sa 36; sentenzi tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il‑Kummissjoni, T‑380/94, Ġabra p. II‑2169, punt 57, u tal-5 ta’ Novembru 1997, Ducros vs Il‑Kummissjoni, T‑149/95, Ġabra p. II‑2031, punt 61).

    83      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jargumentaw li d-deċiżjoni kkontestata hija każ mudell u preċedent fid-dritt tal-għajnuna mill-Istat, u b’hekk mhijiex kwistjoni kurrenti jew urġenti.

    84      Huma tal-fehma li d-deċiżjoni kkontestata tinsab ferm lil hinn mill-atti ta’ tmexxija ta’ kuljum. L-integrazzjoni tal-WfA mal-WestLB hija distinta minn kull miżura oħra li tista’ tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat minħabba l‑istruttura partikolari tagħha. Barra minn hekk, għall-ewwel darba, il‑Kummissjoni applikat il-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq għal impriża stabbli billi ġġiegħla tħallas redditu medju fis-settur ikkonċernat fuq il-kapital introdott mill-investitur pubbliku (iktar ’il quddiem ir-“redditu medju”). Barra minn hekk, hija wkoll proċedura li l-eżitu tagħha huwa determinanti għal każijiet simili oħrajn.

    85      Huma jgħidu wkoll li l-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija proċedura nfetħitx qabel ir-riżenja hija assolutament irrilevanti, għaliex kieku kien hekk, il-Kummissjoni tkun tista’ tibqa’ taħdem bl-istess mod bħal qabel ir-riżenja. Fir-rigward tal‑argument tal-konvenuta fejn qalet li ma kienx meħtieġ li jiġu eżaminati fatti jew ċirkustanzi ġodda matul il-proċedura ta’ eżami formali, il-Land jirribatti li, b’mod kuntrarju, kien matul dik il-proċedura li bdiet tidher l-importanza vera tal‑investigazzjoni u li l-unika ħaġa determinanti hija d-deċiżjoni ta’ għeluq tal‑proċedura. B’hekk, meta jitqiesu l-karatteristiċi partikolari u l-importanza primordjali tal-kawża, id-deċiżjoni kkontestata, li għalqet il-proċedura, ma tistax tiġi kkwalifikata bħala deċiżjoni li tifforma parti integrali mill-kwistjonijiet kurrenti indirizzati mill-Kummissjoni.

    86      Id-deċiżjoni lanqas ma kienet tikkonċerna kwistjoni urġenti. Il-Kummissjoni ma kellhiex taġixxi biex tevita danni addizzjonali għall-Komunità jew għal individwi. Il-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat mhijiex suġġetta għal terminu ta’ skadenza. Barra minn hekk, il-proċedura kienet ilha għaddejja sa mill-1994.

    87      Il-Land josserva wkoll li l-prattika preċedenti tal-Kummissjoni matul perijodu interim jikkonferma l-opinjoni tiegħu li l-Kummissjoni ma kienx għad għandha kompetenza biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata peress li ma kinitx affari ordinarja li tifforma parti mit-tmexxija ta’ kuljum ta’ kwistjonijiet pubbliċi u li l-adozzjoni tagħha lanqas ma kienet urġenti. L-unika Kummissjoni li l-mandat tagħha kien skada u li baqgħet teżerċita l-funzjonijiet tagħha sa meta nħatret Kummissjoni ġdida kienet il-Kummissjoni ppreseduta minn J. Delors, li, matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, żammet strettament mal-prinċipju li tadotta biss deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet kurrenti u realment urġenti. Ebda deċiżjoni ta’ għeluq ta’ proċedura formali għall-investigazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat ma ttieħdet matul il-perijodu tranżitorju msemmi iktar ’il fuq.

    88      Il-Kummissjoni, sostnuta minn BdB, tikkontesta l-fatt li r-riżenja tal-Kummissjoni taħt il-presidenza ta’ J. Santer f’Marzu 1999 wasslet ġuridikament għal‑limitazzjoni tas-setgħat tagħha li tindirizza affarijiet kurrenti u, fuq bażi sussidjarja, issostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata f’tali kuntest.

    89      Il-konvenuta tikkunsidra bħala inammissibbli l-preżentata mil-Land tal-parir tas‑servizz ġuridiku tal-Kummissjoni, imsemmi fil-punt 80 iktar ’il fuq, minħabba li huwa dokument intern u nkiseb b’mod illegali. Hija titlob ukoll lill-Qorti tal‑Prim’Istanza biex tirtira dak id-dokument mill-atti tal-proċess tal-Kawża T‑233/99, b’mod konformi mal-Artikolu 64(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

    B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    90      Preliminarjament, b’mod konformi mal-Artikoli 49 u 64(4) tar-Regoli tal‑Proċedura, għandha tiġi analizzata t-talba tal-Kummissjoni biex jiġi ordnat l‑irtirar mill-atti tal-proċess tal-Kawża T‑233/99 il-parir tas-servizz ġuridiku tal‑Kummissjoni dwar l-portata tas-setgħat ta’ dik l-istituzzjoni wara l-iskadenza tal-mandat tal-membri tagħha.

    91      Peress li d-dokument inkwistjoni huwa dokument intern tal-Kummissjoni u l-Land ma kienx f’pożizzjoni li jiġġustifika l-fatt li kisbhu b’mod regolari, għandha tiġi milqugħa t-talba tal-konvenuta (ara, b’analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 1986, LAISA vs Il‑Kunsill, 31/86, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 5, u d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Marzu 1998, Carlsen et vs Il‑Kunsill, T‑610/97 R, Ġabra p. II‑485, punti 36 sa 41 u 45 sa 49).

    92      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija tal-fehma li dak il-parir ma fih ebda aspett deċiżiv għall-finijiet tal-istħarriġ tal-legalità min-naħa tal-Qorti Komunitarja (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 1986, ICI vs Il‑Kummissjoni, 212/86, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 5 sa 8, u tal-20 ta’ Marzu 1991, Advanced Nuclear Fuels vs Il‑Kummissjoni, C‑308/90, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 12; sentenza tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tal-10 ta’ Marzu 1992, Hüls vs Il‑Kummissjoni, T‑9/89, Ġabra p. II‑499, punti 85 u 86).

    93      Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti essenzjalment jinvokaw l-illegalità tad‑deċiżjoni kkontestata minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kienet limitata, fl‑eżerċitar tal-funzjonijiet tagħha, għal kwistjonijiet kurrenti u urġenti u li d‑deċiżjoni ma kinitx tikkonċerna kwistjoni ta’ dak it-tip.

    94      Għandu jiġi eżaminat jekk, indipendentement mill-kwistjoni jekk il-poteri tal‑Kummissjoni kinux limitati fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dik id-deċiżjoni tistax tiġi kkwalifikata bħala att li jirrigwarda kwistjoni kurrenti.

    95      Ir-rikorrenti argumentaw li d-deċiżjoni kienet tikkonċerna miżura li hija distinta mill-istruttura partikolari tagħha mill-miżuri l-oħrajn sottomessi lill-Kummissjoni u li, għall-ewwel darba, il-Kummissjoni applikat il-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq għal impriża stabbli biex tiġi mġiegħla tħallas redditu medju. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tiswa bħala preċedent għal kwistjonijiet simili.

    96      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tikkostitwixxi inizjattiva politika ġdida, u b’hekk tmur lil hinn mis-setgħat ta’ Kummissjoni limitata għall-ġestjoni ta’ kwistjonijiet kurrenti.

    97      Effettivament, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk din il-kawża tikkontjeni ċerti differenzi meta mqabbla ma’ dawk indirizzati qabel mill-konvenuta fil-qasam tal‑għajnuna mill-Istat, f’kull każ, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni limitat ruħha li tapplika f’din il-kawża sistema ġuridika kkostitwita minn regoli u prinċipji li ilhom ferm stabbiliti.

    98      Tali applikazzjoni tifforma parti mill-missjoni ta’ sorveljanza attribwita lill‑Kummissjoni mill-Artikolu 211 KE u, b’mod partikolari, mill-obbligu tagħha li tissorvelja l-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE b’mod li jiġi żgurat li l‑għajnuna mogħtija mill-Istati jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma ma toħloqx distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni fil-kompetizzjoni billi tiffavorixxi lil ċerti impriżi.

    99      Tali obbligu jaqa’ taħt it-twettiq ta’ wieħed mill-kompiti essenzjali tal-Komunità, li jikkonsisti f’li tiżgura li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, kif previst fl-Artikolu 3(1)(g) KE.

    100    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna kawża li tirrigwarda t-tmexxija ta’ kwistjonijiet kurrenti.

    101    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li l-mod kif il-Kummissjoni applikat id-dritt Komunitarju f’din il-kawża biddel in-natura ta’ din il-kwistjoni.

    102    Effettivament, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq għal impriżi stabbli, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kienet diġà eżaminat fil-passat il-konformità ta’ ċerti miżuri ma’ dan il-prinċipju, minkejja l-fatt li l-impriża benefiċjarja ta’ dik il-miżura kienet għamlet profitti (Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/365/KE, tal-1 ta’ Ottubru 1997, dwar l-għajnuna li Franza tat lil SFMI‑Chronopost, ĠU 1998, L 164, p. 37, punti I.B u II), u li, barra minn hekk, tali orjentament kien ġie mħabbar mill-Kummissjoni fil-punti 22 u 23 tal-komunikazzjoni tagħha tal-1993 lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal‑Artikoli [87] u [88] tat-Trattat [KE] u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal‑Kummissjoni 80/723/KEE għall-impriżi pubbliċi tas-settur tal-manifattura (ĠU C 307, p. 3, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1993”, ara l-punt 211 iktar ’il quddiem).

    103    Fir-rigward tar-rekwiżit dwar redditu medju, għandu jiġi kkunsidrat li dan tal‑aħħar jikkostitwixxi biss strument analitiku għall-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq (ara l-punti 243 sa 277 iktar ’il quddiem).

    104    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata setgħet tiswa bħala preċedent għal kawżi simili lanqas ma jeskludi l-konklużjoni li din il-kawża għandha titqies li tidħol fl-ambitu ta’ ġestjoni ta’ kwistjonijiet kurrenti.

    105    Dan il-motiv b’hekk għandu jiġi miċħud, mingħajr mhu meħtieġ li tittieħed deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-argument dwar l-allegata limitazzjoni tas-setgħat tal-Kummissjoni b’riżultat tar-riżenja tagħha.

    V –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

    A –  Argumenti tal-partijiet

    106    Ir-rikorrenti, sostnuti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, josservaw li l‑Kummissjoni kisret id-dritt tas-smigħ tar-rikorrenti, kif ukoll dak tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, meta rrifjutat li tagħtihom aċċess għar-rapport ta’ First Consulting, kif ukoll għaż-żewġ ittri tal-BdB tat-30 ta’ Ottubru 1998 u tal-14 ta’ Jannar 1999 (iktar ’il quddiem iż-“żewġ ittri tal-BdB”), u b’hekk il-possibbiltà li jippreżentaw il-pożizzjoni tagħhom dwar dawk id-dokumenti, inkluż dwar il-parir tal-professur Schulte‑Mattler mehmuż mal-aħħar waħda minn dawk l-ittri. Barra minn hekk, il-Land josserva li fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni adottat rata ta’ redditu adegwat wara t-taxxa u b’hekk ferm ogħla minn dik mistennija skont l‑ilment tal-BdB li tat bidu għall-proċedura u skont l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni, li jsemmu rata qabel it-taxxa. Peress li r‑Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Land ma setgħux jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward, kien hemm ksur tad-drittijiet tad‑difiża.

    107    Fir-rigward tar-rapport ta’ First Consulting, fuq bażi preliminari, ir-rikorrenti u r‑Repubblika Federali tal-Ġermanja jenfasizzaw li dan jikkostitwixxi element essenzjali tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    108    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti josservaw li għandu dritt għas-smigħ mhux biss l-Istat Membru li lilu hija indirizzata d-deċiżjoni mogħtija fil-kuntest tal-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat, iżda wkoll l-impriża li hija preżunta li hija l-benefiċjarja tal‑għajnuna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 1992, Il-Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑48/90 u C‑66/90, Ġabra p. I‑565, punti 50 u s‑segwenti). Għalkemm dak id-dritt ġie rikonoxxut fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 86 KE, għandu jiġi rikonxxut a fortiori fil-proċedura dwar għajnuna bbażata fuq l-Artikolu 87 KE. Huma jiċħdu l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et u British Midland Airways vs Il‑Kummissjoni (T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra p. II‑2405, punti 57 sa 64), inkwantu r-referenza li tinsab fiha għall-partijiet ikkonċernati tirrigwarda biss lill-kompetituri, bl-esklużjoni tal-benefiċjarji tal‑għajnuna.

    109    F’kull każ, il-WestLB, appoġġat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, isostni li huwa ma ġiex assoċjat mal-proċedura amministrattiva fi grad adegwat meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża (sentenza British Airways et u British Midland Airways vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Diċembru 1999, Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, T‑158/96, Ġabra p. II‑3927, punt 45). Huwa jsostni wkoll li l‑prinċipji tal-prattika amministrattiva tal-Kummissjoni dwar id-dritt tas-smigħ ta’ terzi, fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, għandhom jiġu trasposti, b’analoġija, fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat. Huwa biss b’dan il-mod li jista’ jiġi sodisfatt ir-rekwiżit ifformulat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tagħha British Airways et u British Midland Airways vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

    110    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li mhuwiex fil-kompetenza tal-Kummissjoni biex tiddeċiedi jekk dokumenti partikolari fihomx jew le informazzjoni utli għall‑partijiet ikkonċernati, iżda hija għandha tagħti aċċess lill-impriżi kkonċernati għad-dokumenti kollha inkriminanti u ġustifikattivi li hija tkun ġabret matul l-investigazzjoni, ħlief għal dokumenti kunfidenzjali (sentenzi tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 54; tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑30/91, Ġabra p. II‑1775, punt 101, u ICI vs Il‑Kummissjoni, T‑36/91, Ġabra p. II‑1847, punt 111).

    111    Fir-rigward tad-dritt li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet previst fl-Artikolu 20 tar‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal‑KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), il-WestLB huwa tal-fehma li dan l-artikolu sempliċement jesprimi l-prinċipju ġenerali tad‑dritt tas-smigħ u ma jistax jirrestrinġi l-portata tiegħu fid-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat.

    112    Il-Land jissottometti li jista’ jinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu stess, peress li l-uniku suġġett ta’ din il-proċedura kien att adottat minnhu u, b’hekk, bħala l-uniku donatur tal-għajnuna, il-pożizzjoni tiegħu fil-proċedura hija differenti minn dik ta’ parti oħra kkonċernata mill-proċedura.

    113    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-portata tad-dritt li wieħed jinstema’, ir-rikorrenti jinvokaw il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biex jikkontestaw l-evalwazzjoni li tgħid li dritt li wieħed jinstema’ jista’ jiġi eżerċitat b’mod utli u effettiv jekk ikun relatat biss mal-fatti, iżda mhux mal-evalwazzjoni ta’ dawk il-fatti mill‑Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 27, u Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 40/85, Ġabra p. 2321, punt 28).

    114    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argument li r-rapport ta’ First Consulting ma setax jiġi kkomunikat inkwantu kien dokument intern, billi jallegaw li dak ir-rapport ma setax jingħata tali klassifikazzjoni. Il-WestLB jinvoka insostenn tal-pożizzjoni tiegħu l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli tal-proċedura interna għat-trattament ta’ talbiet ta’ aċċess għall-fajl fil-każ ta’ applikazzjoni tal-artikoli [81] u [82] tat-Trattat KE, tal-Artikoli 65 u 66 tat-Trattat KEFA u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (ĠU 1997, C 23, p. 3), dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi.

    115    Barra minn hekk, il-WestLB u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jfakkru li, matul il-laqgħa tal-10 ta’ Novembru 1998, M. Power, id-direttur tad-DĠ IV, kien wiegħed aċċess għar-rapport ta’ First Consulting qabel l-għeluq tal-proċedura amministrattiva, u jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tisma’, fil-kuntest tal‑proċedura orali quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, lil P. Fleischer u lil G. Knoke, fil-kwalità tagħhom bħala parteċipanti f’dik il-laqgħa, bħala xhieda dwar dik il-kwistjoni.

    116    Fir-rigward taż-żewġ ittri tal-BdB, imsemmija fil-premessi 9 u 10 tad-deċiżjoni, ir-rikorrenti u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jenfasizzaw l-importanza tagħhom għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u jikkritikaw lill‑Kummissjoni talli ma bagħtithomlhomx.

    117    Il-Land jallega li s-sempliċi possibbiltà ta’ influwenza negattiva fuq il-proċedura hija suffiċjenti biex il-ksur tad-drittijiet tad-difiża jwassal għall-annullament tad‑deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “Boussac”, C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punt 31, u l‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’dik is-sentenza, Ġabra p. I‑328 punt 24). Huwa wkoll tal-fehma li dik l-interpretazzjoni biss hija konformi mat-tifsira fundamentali tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża, inkwantu kull parti interessata fil-proċedura għandha tinstema’ fuq il-kwistjonijiet prinċipali kollha u għandha tkun tista’ tippreżenta d-difiża tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli.

    118    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-BdB, tikkontesta l-argument tar-rikorrenti u ssostni, fl-ewwel lok, li huma m’għandhomx dritt tas-smigħ matul il-proċedura dwar għajnuna mill-Istat, fit-tieni lok, li f’din il-kawża huma ġew involuti b’mod adegwat fil-proċedura u, fit-tielet lok, li kieku ħadet inkunsiderazzjoni kwalunkwe osservazzjonijiet mir-rikorrenti jew mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir‑rigward tar-rapport ta’ First Consulting u tal-ittri tal-BdB, hija ma kinitx ser tasal għal deċiżjoni differenti minn dik ikkontestata.

    B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    119    Fl-ewwel lok, b’mod konformi mal-Artikoli 49 u 65 tar-Regoli tal-Proċedura, għandha tiġi analizzata t-talba biex jinstemgħu P. Fleischer u G. Knoke, fil‑kwalità tagħhom bħala parteċipanti fil-laqgħa tal-10 ta’ Novembru 1998, bħala xhieda dwar il-kwistjoni jekk matul dik il-laqgħa M. Power, direttur tad-DĠ IV, wiegħedtx lir-rikorrenti u lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja l-aċċess għar‑rapport ta’ First Consulting qabel l-għeluq tal-proċedura amministrattiva.

    120    Il-Qorti tal-Prim’Istanza hija tal-fehma li s-smigħ ta’ dawk ix-xhieda ma tirrappreżenta ebda aspett deċiżiv għall-istħarriġ tal-legalità li jrid isir mill-qorti Komunitarja, inkwantu l-kwistjoni rilevanti biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ ksur eventwali tad-drittijiet tar-rikorrenti jew tar-Repubblika Federali tal‑Ġermanja mhijiex jekk M. Power wegħedhomx aċċess għal dak id-dokument, iżda jekk il-Kummissjoni kellhiex l-obbligu li tagħtihom tali aċċess (ara, b’analoġija, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq).

    121    Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, il-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża fi kwalunkwe proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jiġi żgurat anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika. Dak il-prinċipju jeħtieġ li l-persuna kkonċernata tkun tpoġġiet f’pożizzjoni, sa mill‑istadju tal-proċedura amministrattiva, li tkun tista’ tikkomunika b’mod utli l‑pożizzjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, l-ilmenti u ċ-ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Marzu 2000, Kish Glass vs Il‑Kummissjoni, T‑65/96, Ġabra p. II‑1885, punt 32).

    122    Il-proċedura amministrattiva dwar l-għajnuna mill-Istat hija miftuħa biss kontra l-Istat Membru kkonċernat. L-impriżi li jibbenefikaw mill-għajnuna u l-entitajiet territorjali infrastatali li jagħtu l-għajnuna, bħar-rikorrenti, bl-istess mod bħall-kompetituri tal-benefiċjarji tal-għajnuna, huma kkunsidrati biss bħala “persuni kkonċernati” f’dik il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

    123    Barra minn hekk, hija ġurisprudenza kostanti li, matul il-fażi tal-eżami msemmija fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni għandha d-dmir li tintima lill-partijiet ikkonċernati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il‑Kummissjoni, C‑198/91, Ġabra p. I‑2487, punt 22; tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni, C‑225/91, Ġabra p. I‑3203, punt 16, u tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 59).

    124    Fir-rigward ta’ dak id-dmir, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tikkostitwixxi mezz adegwat għall-finijiet li l-partijiet ikkonċernati kollha jiġu nnotifikati bil-ftuħ ta’ proċedura (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni, 323/82, Ġabra p. 3809, punt 17), waqt li ppreċiżat li “dik il-komunikazzjoni hija intiża esklużivament biex tikseb, min-naħa tal-partijiet ikkonċernati, l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikseb kjarifiki fl-azzjoni futura tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1973, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, 70/72, Ġabra p. 813, punt 19, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ottubru 1996, Skibsværftsforeningen et vs Il‑Kummissjoni, T‑266/94, Ġabra p. II‑1399, punt 256).

    125    Din il-ġurisprudenza essenzjalment tagħti lill-partijiet ikkonċernati r-rwol ta’ sorsi ta’ informazzjoni għall-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva miftuħa abbażi tal-Artikolu 88(2) KE. Minn dan isegwi li l-partijiet ikkonċernati, mhux talli ma jistgħux igawdu d-drittijiet tad-difiża rikonoxxuti lill-persuni li kontrihom tinfetaħ proċedura, iżda għandhom biss id-dritt li jkunu involuti fil-proċedura amministrattiva fi grad adegwat waqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni (sentenzi British Airways et u British Midland Airways vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 59 u 60).

    126    F’din il-kawża, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni kisret id-dritt tas-smigħ tagħhom u dak tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minn naħa waħda, billi rrifjutat li tagħtihom aċċess għar-rapport ta’ First Consulting, għaż-żewġ ittri tal-BdB u għall-parir espert tal-professur Schulte‑Mattler mehmuż ma’ waħda minn dawk l-ittri u, min-naħa l-oħra, minħabba l-fatt li fid-deċiżjoni tagħha hija adottat rata ta’ redditu wara t-taxxa mingħajr ma semmiet dan il-fatt qabel.

    127    Fir-rigward tar-rikorrenti, għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja n-natura ristretta tad-drittijiet tal-parteċipazzjoni u għall-informazzjoni kif imsemmi iktar ’il fuq, huma madankollu kellhom il-possibbiltà li jikkomunikaw utilment il-pożizzjoni tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, l-ilmenti u ċ-ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni kontra t-tranżazzjoni inkwistjoni.

    128    Effettivament, l-elementi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, dwar il‑parteċipazzjoni diretta u indiretta tar-rikorrenti fil-proċedura amministrattiva, jindikaw b’mod ċar li huma kellhom l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar il-fatti u l-ilmenti allegati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

    129    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, b’mod partikolari, li r-rikorrenti kellhom il‑possibbiltà, minn naħa waħda, li jiddiskutu l-aspetti differenti tal-kawża matul id-diversi laqgħat mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li jippreżentaw lill-konvenuta dokumenti biex jissostanzjaw il-pożizzjonijiet tagħhom. Per eżempju, fir-rigward tar-remunerazzjoni adegwata tat-tranżazzjoni inkwistjoni, il-WestLB ipprovda lill-Kummissjoni b’parir espert ta’ bank ta’ investiment li huwa kien inkariga biex jevalwa dik ir-remunerazzjoni. F’dan il‑kuntest, a fortiori, ir-rikorrenti mhumiex fondati meta jsostnu li r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni jew l-għażla tar-rata ta’ redditu adottata ostakolaw l-involviment tagħhom fil-proċedura amministrattiva fi grad adattat għaċ-ċirkustanzi tal-kawża.

    130    Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tanalizza u tagħmel referenza frekwenti għall-argumenti tar-rikorrenti. Hija kkonfermata wkoll mill-fatt li, kif ser jiġi evalwat iktar ’il quddiem, id-dritt tas‑smigħ tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja lanqas ma ġie miksur f’dan il-każ.

    131    F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-motiv għandu jiġi miċħud f’dak li jirrigwarda l‑ilment dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tas-smigħ tar-rikorrenti.

    132    Madankollu, għandu jiġi mfakkar li n-natura ristretta tad-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati ma taffettwax id-dmir tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 253 KE, li timmotiva b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni finali tagħha (sentenza British Airways et u British Midland Airways vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 64 u 94).

    133    Fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad‑dritt tas-smigħ tagħha ser jiġi analizzat iktar ’il quddiem fil-kuntest tal-eżami tal-ħarsien mill-Kummissjoni tal-formalitajiet essenzjali.

    VI –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ formalitajiet essenzjali

    134    Ir-rikorrenti josservaw li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn ksur ta’ formalitajiet essenzjali fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 230 KE. Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina tliet partijiet. L-ewwel parti tirrigwarda d-dritt tas-smigħ tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, it-tieni parti tirrigwarda l-allegati konstatazzjonijiet żbaljati ta’ ċirkustanzi fattwali, u t-tielet parti tirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ newtralità.

    A –  L-ewwel parti: id-dritt tas-smigħ tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    1.     Argumenti tal-partijiet

    135    Ir-rikorrenti u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jsostnu li d-dritt tas-smigħ ta’ din tal-aħħar ġie miksur inkwantu ġiet imċaħħda l-aċċess għar-rapport ta’ First Consulting u għall-ittri tal-BdB. F’dan ir-rigward, dawn il-partijiet jissollevaw l‑argumenti msemmija iktar ’il fuq fil-punti 106, 107, 110, 113, 114, 116 u 117. Il‑WestLB jallega li r-rifjut ta’ aċċess fir-rigward ta’ First Consulting imur kontra l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li jipprovdi li l-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati li l-Kummissjoni tirċievi wara l-pubblikazzjoni tad‑deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura fil-Ġurnal Uffiċjali għandhom jintbagħtu lill‑Istat Membru kkonċernat. Dik id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis‑sens li l-Istat Membru għandu jkun f’pożizzjoni li jikkomunika l-pożizzjoni tiegħu dwar l-informazzjoni kollha determinanti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. Il-WestLB huwa tal-fehma li, bħala benefiċjarju tal-għajnuna, huwa għandu dritt proprju tiegħu li l-Kummissjoni tirrispetta l-proċedura prevista fir‑Regolament Nru 659/1999, peress li huwa wkoll fl-interess tal-impriża kkonċernata li l-proċedura relatata mad-dritt tal-għajnuna mill-Istat tiġi segwita b’mod regolari. Ma jistax jiġi eskluż li, fuq il-bażi tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-gvern federali, il-Kummissjoni kienet tirrikonoxxi l-iżbalji tagħha u tasal għal deċiżjoni differenti minn dik li ġiet adottata finalment.

    136    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li d-dritt tas-smigħ tagħha għandu jiġi eżaminat fil-kuntest ta’ din il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, waqt li tinvoka d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑376/99, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), li, fuq il-bażi tat‑tielet subparagrafu tal-Artikolu 47 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, issospendiet il-proċedura relatata mar-rikors li hija ressqet quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja kontra d-deċiżjoni kkontestata. Hija tal-fehma li huwa biss taħt dik il-kundizzjoni li din il-proċedura tqajjem l-istess kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, bħall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    137    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-BdB, issostni li r-rikorrenti jistgħu jallegaw biss il‑ksur tad-drittijiet proċedurali proprji tagħhom, u li l-eċċezzjoni stabbilita mill‑Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Ġunju 1997, Air Inter vs Il‑Kummissjoni (T‑260/94, Ġabra p. II‑997), dwar il-ksur ta’ formalitajiet obbligatorji, mhijiex applikabbli għal din il-kawża, peress li tali ksur ma seħħx.

    138    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li l-Ġermanja tista’ tinvoka d‑dritt tas-smigħ tagħha f’din il-proċedura, billi tinvoka f’dan ir-rigward ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 37 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, is-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Chemie Linz vs Il‑Kummissjoni (C‑245/92 P, Ġabra p. I‑4643), u d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Novembru 1999, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill [C‑329/99 P(R), Ġabra p. I‑8343].

    2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    139    Fuq bażi preliminari, il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina l-kwistjoni dwar l‑eżistenza ta’ dritt tar-rikorrenti u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jinvokaw id-dritt tas-smigħ ta’ dak l-Istat Membru fil-kuntest ta’ din il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

    140    Minn naħa waħda, f’dak li jirrigwarda d-dritt tar-rikorrenti li jinvokaw id-dritt tas‑smigħ tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għandu jiġi mfakkar li l‑proċedura amministrattiva ta’ eżami tal-għajnuna mill-Istat hija miftuħa biss kontra l-Istat Membru kkonċernat u li d-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni għall-finijiet ta’ dik il-proċedura huma indirizzati lill-Istati Membri kkonċernati (sentenza Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 88(2) KE, l-Istat Membru kkonċernat huwa responsabbli biex jeżegwixxi l-eventwali deċiżjoni li tittieħed mill-Kummissjoni biex titneħħa jew tiġi mmodifikata l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni.

    141    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward tar-rwol ċentrali tal-Istat Membru kkonċernat f’dik il-proċedura, għandu jiġi kkunsidrat li s-smigħ ta’ dak l-Istat fl-istess proċedura jikkostitwixxi formalità essenzjali li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha jwassal għan-nullità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw it-tneħħija jew il-modifika ta’ għajnuna (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1991, Interhotel vs Il‑Kummissjoni, C‑291/89, Ġabra p. I‑2257, punt 17; Oliveira vs Il‑Kummissjoni, C‑304/89, Ġabra p. I‑2283, punt 21, u Air Inter vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80).

    142    Għaldaqstant, l-impriża li tibbenefika mill-għajnuna, l-istess bħall-entità territorjali infrastatali li tkun tat dik l-għajnuna, għandhom interess leġittimu li jinvokaw tali difett tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, inkwantu l-eventwali nuqqas ta’ osservanza tad-dritt tas-smigħ tal-Istat Membru seta’ kellu effett fuq il-legalità tal-att ikkontestat (ara, b’analoġija, is-sentenza Oliveira vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

    143    F’kull każ, għandu jiġi mfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-qorti Komunitarja tista’ teżamina ex officio l-ksur ta’ formalitajiet essenzjali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Diċembru 1954, Franza vs L‑Awtorità Għolja, 1/54, Ġabra p. 7; L‑Italja vs L‑Awtorità Għolja, 2/54, Ġabra p. 73; tal-20 ta’ Marzu 1959, Nold vs L‑Awtorità Għolja, 18/57, Ġabra p. 89; Interhotel vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14, u Oliveira vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).

    144    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-possibbiltà għar-Repubblika Federali tal‑Ġermanja li tinvoka f’din il-kawża d-dritt tas-smigħ proprju tagħha, għandu jiġi kkonstatat li ma teżisti ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju jew preċedent fil-ġurisprudenza li jmorru kontra dik il-possibbiltà.

    145    Min-naħa l-oħra, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li r-raba’ subparagrafu tal‑Artikolu 37 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprekludix li l-intervenjent jinvoka argumenti differenti minn dawk tal-parti li tkun qed issostni, kemm-il darba jkunu intiżi biex isostnu t-talbiet ta’ dik il-parti (sentenzi tal-Qorti tal‑Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L‑Awtorità Għolja, 30/59, Ġabra p. 1; tad-19 ta’ Novembru 1998, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill, C‑150/94, Ġabra p. I‑7235, punt 36, u tat-8 ta’ Lulju 1999, ICI vs Il‑Kummissjoni, C‑200/92 P, Ġabra p. I‑4399, punti 31 sa 33, 37 u 38). F’din il-kawża, huwa ċar li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja mhux qed tippreżenta talbiet differenti minn dawk tar-rikorrenti. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ din il‑kwistjoni, ir-rikorrenti u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja qegħdin jippreżentaw eżattament l-istess argument, jiġifieri, li kien hemm ksur tad-dritt tas-smigħ ta’ din tal-aħħar.

    146    L-argumenti tal-konvenuta f’dan ir-rigward mhumiex rilevanti. Minbarra r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 37 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li diġà ssemma, l‑Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jipprovdi biss li “[l]-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis”. Barra minn hekk, is‑sentenza Chemie Linz vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, tapplika l‑ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-intervenjent jista’ jsostni t-talbiet ta’ rikorrent, anki jekk b’argumenti differenti minnu, iżda ma jistax jippreżenta talbiet li ma jikkorrispondux mat-talbiet tar-rikorrent (ara wkoll is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, ICI vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 sa 33). Finalment, id-digriet Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punti 92 sa 97), sempliċement tiddikjara li, fil-kuntest ta’ talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att, l-intervenjent, għalkemm jista’ jasserixxi l-interessi tiegħu, ma jistax iwessa’ s-suġġett tal-kawża billi jasserixxi d-dritt proprju tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja proviżorja favurih.

    147    Għaldaqstant, għandu jiġi rikonoxxut favur ir-rikorrenti u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja d-dritt li jinvokaw f’din il-proċedura l-ksur tad-dritt tas-smigħ ta’ dak l-Istat Membru, bħala ksur ta’ formalità essenzjali tal-proċedura amministrattiva inkwistjoni.

    148    Fir-rigward tar-rilevanza ta’ dan l-ilment, għandu jiġi mfakkar li, kif issemma’ fil‑punt 121 iktar ’il fuq, il-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża fi kwalunkwe proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jiġi żgurat anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika. Dan il-prinċipju jeżiġi li l-persuna li kontriha l-Kummissjoni tkun fetħet proċedura amministrattiva tkun tpoġġiet f’pożizzjoni, matul dik il-proċedura, li tikkomunika utilment il-pożizzjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, ilmenti u ċirkustanzi allegati mill‑Kummissjoni.

    149    F’din il-kawża, ir-rikorrenti u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jsostnu li l‑Kummissjoni kisret id-dritt tas-smigħ ta’ dak l-Istat Membru, minn naħa waħda, billi ċaħħdet lill-Gvern Ġermaniż l-aċċess għar-rapport ta’ First Consulting, għaż‑żewġ ittri tal-BdB u għall-parir espert tal-professur Schulte‑Mattler mehmuż ma’ waħda minn dawk l-ittri u, min-naħa l-oħra, minħabba l-fatt li hija adottat fid‑deċiżjoni tagħha rata ta’ redditu wara t-taxxa u b’hekk ferm ogħla minn dik mistennija skont l-ilment tal-BdB li tat bidu għall-proċedura u skont l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni, li kienu jsemmu rata qabel it-taxxa.

    150    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rifjut ta’ aċċess tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għal dawk id-dokumenti u l-għażla ta’ rata ta’ redditu wara t-taxxa ostakolawx lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja milli tikkomunika utilment il-pożizzjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, l-ilmenti u ċ‑ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni insostenn tal-konklużjoni tagħha dwar l‑eżistenza ta’ ksur tad-dritt Komunitarju kkonstatata fid-deċiżjoni kkontestata.

    151    Fir-rigward tad-dokumenti msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r‑rapport ta’ First Consulting ġie fformulat kważi fit-tmiem tal-proċedura amministrattiva. Dan ġabar u kkummenta dwar il-pożizzjonijiet tad-diversi partijiet f’dik il-proċedura u, fuq diversi punti essenzjali, il-Kummissjoni żvijjat mill-pożizzjoni li kienet qed tiddefendi. L-ittra tal-BdB tat-30 ta’ Ottubru 1998 tirrispondi għal domandi li saru mill-Kummissjoni matul il-laqgħa bilaterali mal‑BdB li kienet saret fis-16 ta’ Settembru 1998 u tieħu pożizzjoni fuq ċerti aspetti ta’ rapport ta’ espert ippreżentat mill-WestLB.

    152    L-ittra tal-BdB tal-14 ta’ Jannar 1999 tittratta dwar kwistjoni diskussa matul il‑laqgħa multilaterali ta’ esperti tal-10 ta’ Novembru 1998, billi tippreżenta f’dan ir-rigward ir-rapport tal-professur Schulte‑Mattler li ġie mehmuż ma’ dik l-ittra. L-istess ittra tinsisti fil-qosor ħafna dwar ċerti punti tal-analiżi tat-tranżazzjoni inkwistjoni u ttenni t-talba biex il-proċedura twassal għal deċiżjoni. Ir-rapport tal‑professur Schulte‑Mattler jiżviluppa l-eżami tal-kwistjoni dwar ir-redditu tal‑kapital proprju fil-kuntest tal-analiżi tat-tranżazzjoni inkwistjoni.

    153    L-importanza tal-aċċess għal dawk id-dokumenti għandha tiġi eżaminata fil‑kuntest tal-proċedura amministrattiva kollha (ara d-deskrizzjoni ta’ dik il‑proċedura fil-punti 23 u 25 sa 28 iktar ’il fuq). Saħansitra qabel il-ftuħ tal‑proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, il-konvenuta talbet lill-awtoritajiet Ġermaniżi biex jipprovdulha informazzjoni u r-rappreżentanti tagħha ltaqgħu f’diversi okkażjonijiet mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet Ġermaniżi. Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura spjegat fid-dettall l-analiżi proviżorja tal‑Kummissjoni dwar it-tranżazzjoni inkwistjoni, b’mod partikolari fir-rigward tar-remunerazzjoni adegwata għall-kapital provenjenti mil-WfA, u kkonkludiet, fuq bażi proviżorja, li t-tranżazzjoni kienet tinkludi “probabbilment elementi ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu [87](1) [KE]” (deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, punt 11). Wara l-ftuħ ta’ dik il-proċedura, il-Kummissjoni bagħtet lill-Gvern Ġermaniż l-osservazzjonijiet li kienu ppreżentawlha l-partijiet ikkonċernati, li fuqhom dak il-gvern ifformula l-kummenti tiegħu. L-awtoritajiet Ġermaniżi ġew mistiedna wkoll u kienu preżenti għal laqgħa multilaterali li saret fl-10 ta’ Novembru 1998 biex jiddiskutu diversi aspetti tat-tranżazzjoni inkwistjoni. Sussegwentement, il-Kummissjoni talbet ukoll u kisbet informazzjoni addizzjonali mingħand il-Gvern Ġermaniż.

    154    Dawn il-kuntatti kollha bejn l-awtoritajiet Ġermaniżi u l-Kummissjoni kkonċernaw diversi aspetti tat-tranżazzjoni inkwistjoni, inklużi dawk dwar il‑kwistjonijiet li essenzjalment kienu jirrigwardaw id-dokumenti deskritti fil‑punti 151 u 152 iktar ’il fuq. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata bl-analiżi ddettaljata li saret fid-deċiżjoni kkontestata tal-pożizzjoni tal-Gvern Ġermaniż, inkluż fir-rigward ta’ dawn il-kwisjtonijiet.

    155    Fir-rigward tal-użu fid-deċiżjoni kkontestata ta’ rata ta’ redditu wara t-taxxa, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ssemmi redditu wara t-taxxa u tiddikjara, ukoll b’referenza għal dak it-tip ta’ redditu, li “[kien] ferm dubjuż li investitur li jopera f’ekonomija tas-suq, jekk wieħed jikkunsidra r-redditu li normalment jistenna minn investiment, [kien ser] jaċċetta remunerazzjoni fissa ta’ 0,6 % għall-kapital investit fil-WestLb”, waqt li tispeċifika li “[a]nki jekk f’dan l-istadju ma jiġix iffissat il-kriterju ta’ paragun definittiv, wieħed jista’ jikkunsidra li dak il-valur huwa nettament inqas minn dak li kien ser jeżiġi investitur li jopera f’ekonomija tas-suq għal investiment analogu” (punt 7.2).

    156    Barra minn hekk, hekk kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, la l-ilment tal‑BdB, u lanqas l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni ma jikkostitwixxu atti li jistgħu jagħtu lok għal aspettattivi rilevanti mil-lat ġurifiku, u li l-Kummissjoni tkun obbligata li tikkunsidra meta tifformula d-deċiżjoni finali. Finalment, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja effettivament setgħet tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tar-redditu adegwat tat-tranżazzjoni inkwistjoni u hija ma tistax tinvoka ksur tad-dritt tas‑smigħ tagħha billi tibbaża sempliċement fuq il-fatt li hija ma kinitx taf, qabel l‑adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, it-tip tar-rata ta’ redditu li dik id-deċiżjoni użat.

    157    Lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 659/1999 ġie miksur, inkwantu l-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati li l-konvenuta rċeviet f’din il-kawża, wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, effettivament ġew ikkomunikati mill-Kummissjoni lill-Gvern Ġermaniż u d-dokumenti msemmija mir-rikorrenti insostenn tal-ilment tagħhom ġew ippreżentati lill-Kummissjoni f’fażi sussegwenti għall-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, dawk id-dokumenti, essenzjalment, jikkostitwixxu biss żvilupp jew kjarifika fir-rigward tal-pożizzjonijiet li diġà kienu esprimew il-partijiet fil-proċedura amministrattiva, kif issemma fil-punti 151 u 152 iktar ’il fuq.

    158    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha l-possibbiltà li tikkomunika utilment il-pożizzjoni tagħha dwar ir-realtà u r‑rilevanza tal-fatti, l-ilmenti u ċ-ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni insostenn tal-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza tal-ksur tad-dritt Komunitarju kkonstatata fid-deċiżjoni kkontestata.

    159    Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex ivvizzjata b’illegalità minħabba l-ksur ta’ formalità essenzjali li tirriżulta min-nuqqas ta’ ħarsien tad‑dritt tas-smigħ tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. B’hekk, f’dan ir‑rigward, l-ilment tar-rikorrenti u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandu jiġi miċħud.

    B –  It-tieni parti: konstatazzjonijiet żbaljati ta’ ċirkustanzi fattwali

    1.     Argumenti tal-partijiet

    160    Il-Land jargumenta li, minn ċerti aspetti, id-deskrizzjoni tal-fatti li ngħatat mill‑Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata hija inkompleta u żbaljata. Huwa tal‑fehma, fl-ewwel lok, li l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessi 13 u s‑segwenti tad-deċiżjoni kkontestata huma inkompleti fir-rigward tal-istruttura tas-sistema bankarja Ġermaniża, il-kompiti u l-funzjoni tal-WestLB, kif ukoll fir‑rigward tal-funzjonijiet pubbliċi li jridu jitwettqu minnu. Fit-tieni lok, il-Land isostni li fid-deċiżjoni kkontestata hemm konstatazzjonijiet żbaljati ta’ ċirkustanzi fattwali li r-rwol tagħhom huwa determinanti fl-evalwazzjoni żbaljata li saret f’din il-kawża. Huwa jikkontesta li l-WestLB huwa impriża li teħtieġ miżuri korrettivi, li t-trasferiment tal-WfA lill-WestLB huwa irrevokabbli u li t-trasferiment tal‑patrimonju tal-WfA kien l-uniku mod għall-WestLB biex jissodisfa r-rekwiżiti prudenzjali l-ġodda mingħajr ma jitnaqqsu l-assi b’riskji aġġustati.

    161    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument li jgħid li kieku fid-deċiżjoni kkontestata ġew ikkunsidrati l-elementi msemmija mil-Land, dan kien iwassal għal evalwazzjoni ġuridika differenti minn dik li tinsab f’dik id-deċiżjoni. Fir-rigward tal-allegati konstatazzjonijiet żbaljati tal-fatti, il-konvenuta tikkontesta li fid‑deċiżjoni kkontestata sostniet li l-każ tal-WestLB jirrappreżenta każ ta’ miżuri korrettivi. Hija tispjega għalfejn huwa leġittimu li jiġi sostnut li l-Land jitlef, ta’ mill-inqas parzjalment, id-dritt tiegħu li jiddisponi mill-assi tal-WfA u ssostni mill-ġdid li l-WestLB ma kellu ebda possibbiltà oħra għajr l-integrazzjoni tal-assi tal-WfA biex jissodisfa l-kriterji l-ġodda ta’ solvenza mingħajr ma jnaqqas l-assi b’riskji aġġustati.

    2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    162    Għalkemm fil-kuntest tal-ilment qed tiġi allegata motivazzjoni żbaljata, għandu jiġi mfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, anki jekk premessa ta’ att ikkontestat ikun fiha dikjarazzjoni fattwalment żbaljata, dak id-difett formali ma jistax iwassal għall-annullament ta’ dak l-att jekk il-premessi l-oħrajn fihom infushom ikunu jipprovdu motivazzjoni suffiċjenti (sentenzi tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-20 ta’ Ottubru 1987, Spanja vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 119/86, Ġabra p. 4121, punt 51, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Jannar 1999, Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech‑Stahlwerke vs Il‑Kummissjoni, T‑129/95, T‑2/96 u T‑97/96, Ġabra p. II‑17, punt 160). Il-kwistjoni tal‑motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ser tiġi analizzata iktar ’il quddiem, fil‑kuntest tal-eżami tal-ħames motiv.

    163    Barra minn hekk, għalkemm fil-kuntest tal-ilment qed tiġi kkritikata l‑preżentazzjoni tal-fatti li jsostnu l-applikazzjoni, f’din il-kawża, tal-prinċipju tal‑investitur li jopera f’ekonomija tas-suq, għandu jiġi kkunsidrat li, minn naħa waħda, il-Land ma weriex sa liema grad l-allegata preżentazzjoni żbaljata tal-fatti mogħtija mill-Kummissjoni wasslet lill-konvenuta biex tagħmel evalwazzjoni ġuridika jew ekonomika żbaljata tat-tranżazzjoni inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, dik il-kwistjoni taqa’ taħt l-analiżi tal-merti ta’ din il-kawża, li ssir iktar ’il quddiem fil-kuntest tal-eżami tas-sitt motiv (ara, b’mod partikolari, il-punti 336, 350 u 351, 405 u 419 iktar ’il quddiem).

    C –  It-tielet parti: ksur tal-prinċipju ta’ newtralità

    1.     Argumenti tal-partijiet

    164    Il-Land isostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ imparzjalità tagħha billi ffavorixxiet lill-BdB matul il-proċedura u billi ddeskriviet b’mod misgwidanti ċ‑ċirkustanzi fattwali. Huwa jallega li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ imparzjalità tagħha billi talbet biss lill-BdB, minbarra t-talba tagħha lill‑awtoritajiet Ġermaniżi, biex ipoġġu għad-dispożizzjoni tagħha dokumenti u billi rrifjutat li tiżvela d-dokumenti pprovduti mill-BdB lill-partijiet ikkonċernati l‑oħrajn. Fir-rigward tal-preżentazzjoni miżgwidanti taċ-ċirkustanzi fattwali, huwa jikkontesta, b’mod partikolari, il-paragun tal-WestLB ma’ bank kummerċjali indipendenti kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata.

    2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    165    Fir-rigward tal-allegata deskrizzjoni miżgwidanti taċ-ċirkustanzi fattwali, dan l‑ilment essenzjalment huwa l-istess bħal dak ibbażat fuq il-konstatazzjonijiet żbaljati ta’ ċirkustanzi fattwali, li għadu kif ġie analizzat fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv.

    166    Fir-rigward tal-invokazzjoni tal-fatt li l-Kummissjoni ma żvelatx ċerti dokumenti tal-BdB, dan l-ilment huwa l-istess bħall-argument dwar il-ksur tad-drittijiet tad‑difiża, li diġà ġie analizzat u miċħud iktar ’il fuq, jew bħal dak dwar il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li ser jiġi eżaminat iktar ’il quddiem, fil-kuntest tal‑ħames motiv.

    167    Fir-rigward tal-obbligu ta’ imparzjalità, huwa minnu li l-Kummisjoni għandha l‑obbligu li teżamina każ b’mod diliġenti u imparzjali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Artikolu 88 KE. Dak l-obbligu huwa rifless fid-dritt għal amministrazzjoni tajba li huwa parti mill-prinċipji ġenerali tal-Istat ta’ dritt li huma komuni fit-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri (f’dan is-sens, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Jannar 2002, max.mobil vs Il‑Kummissjoni, T‑54/99, Ġabra p. II‑313, punti 48 u 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    168    Iżda f’din il-kawża, l-argument ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ imparzjalità ma jistax jiġi milqugħ. Effettivament, il-Kummissjoni ma ffavorixxietx lill-BdB matul il-proċedura amministrattiva. Minn naħa waħda, hija talbet f’diversi okkażjonijiet informazzjoni mingħand ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma kellhom ebda xkiel biex jipprovdu dokumenti u informazzjoni, iżda kellhom, għall-kuntrarju, l-opportunità li jippreżentaw u li jissostanzjaw il‑pożizzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, il-proċedura amministrattiva dwar l‑għajnuna mill-Istat mhijiex proċedura inter partes fir-rigward tar-rikorrenti.

    169    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel u t-tielet parti ta’ dan il-motiv għandhom jiġu miċħuda. It-tieni parti ser tiġi analizzata iktar ’il quddiem, fil‑kuntest tal-eżami tal-ħames u s-sitt motivi.

    VII –  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 87(1) KE u 295 KE, fir‑rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat

    170    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-Artikoli 87(1) KE u 295 KE, inkwantu tinterpreta b’mod żbaljat il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat.

    171    Fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, il-Land isostni li t-tranżazzjoni inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat fis‑sens tal-Artikolu 87(1) KE. Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni wessgħet il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat billi applikat il‑prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq għal impriża li tagħmel qligħ u billi interpretat dak il-prinċipju b’mod li teżiġi ta’ mill-inqas redditu medju fis-settur ikkonċernat fuq il-kapital li kkontribwixxa l-investitur pubbliku.

    A –  L-ewwel parti: eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat

    1.     Argumenti tal-partijiet

    172    Il-Land jallega li t-tranżazzjoni inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Huwa jsostni li ma jkunx hemm riżorsi tal-Istat meta dan tal-aħħar, mingħajr ma joħroġ mir-rwol tiegħu ta’ proprjetarju jew ta’ imprenditur, jagħmel kontribuzzjoni ta’ kapital f’impriża li tagħmel qligħ b’mod sostenibbli u għal finijiet esklużivament imprenditorjali. Huwa jallega li t-tranżazzjoni seħħet għaliex, mill-perspettiva tiegħu ta’ imprenditur, kienet tippermetti li l-patrimonju tal-WfA jintuża b’mod aktar għaqli minn perspettiva ekonomika.

    173    Għal-Land, l-eżistenza ta’ għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat għandha tiġi pprovata qabel ma tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk dik il-miżura kellhiex l‑effett li twassal għal trattament favorevoli.

    174    Il-Land, appoġġat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jargumenta li jista’ jiġi evalwat jekk kontribuzzjoni ta’ kapital tikkostitwixxix għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat biss billi tiġi mqabbla mat-tranżazzjonijiet imwettqa minn investitur f’kundizzjonijiet normali ta’ ekonomija tas-suq, u b’hekk biss billi tiġi adottata l-perspettiva ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, fid-deċiżjoni tagħha, il‑Kummissjoni sempliċement ikkonstatat li l-impriża ġiet trattata b’mod favorevoli, billi rrikjediet, b’mod żbaljat, li l-kontribuzzjoni ta’ kapital ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet imprenditorjali min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi tkun dejjem akkumpanjata b’remunerazzjoni adegwata.

    175    F’dan ir-rigward, il-Land isostni li l-idea tal-Kummissjoni li għandha tiġi żgurata remunerazzjoni adegwata hija barranija għall-essenza proprja ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet imprenditorjali. Meta ssir tali kontribuzzjoni, ma teżistix relazzjoni ta’ reċiproċità u “remunerazzjoni” li għandha tiġi stabbilita b’mod fiss. L-investitur jibbaża biss fuq il-fatt li l-impriża benefiċjarja ser tagħmel qligħ fuq dak il-kapital, li b’hekk imur għand l-investitur. Sadanittant, iż-żieda fil-valur tal-impriża tikkostitwixxi parti essenzjali mir‑redditu li jakkwista l-investitur permezz tal-kontribuzzjoni ta’ kapital tiegħu. Il-fatt li r-riżorsi jkunu esposti għal ċerti riskji u li dik ir-remunerazzjoni ma tistax tkun iggarantita huwa preċiżament karatteristika tal-kontribuzzjoni ta’ kapital ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet imprenditorjali.

    176    Il-Kummissjoni tirrispondi li r-riżorsi tal-Istat jibqgħu riżorsi tal-Istat, anki jekk jintużaw fil-kuntest ta’ “attività imprenditorjali” imwettqa mill-Istat. Jekk il‑kontribuzzjoni ta’ riżorsi tal-Istat ma tikkostitwixxix għajnuna, dan mhuwiex għaliex dik il-kontribuzzjoni tkun saret fil-kuntest ta’ attività imprenditorjali mwettqa mill-Istat, iżda biss għaliex dan tal-aħħar ikun kiseb remunerazzjoni adegwata għal dik il-kontribuzzjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi mistħarreġ jekk l‑Istat, meta juża riżorsi finanzjarji, ikunx qed jaġixxi bl-istess mod bħal imprenditur privat f’sitwazzjoni paragunabbli.

    177    Il-Kummissjoni ssostni li l-metodu tagħha biex tiddetermina l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat ma eskludiex il-perspettiva tal-investitur f’ekonomija tas-suq, waqt li ġew ikkunsidrati wkoll il-perspettivi tal-impriża benefiċjarja u tal‑kompetituri tagħha. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Land u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dik il-pożizzjoni la tmur kontra l-prattika deċiżjonali tagħha u lanqas kontra l-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Ufex et vs Il‑Kummissjoni, T‑613/97, Ġabra p. II‑4055, punt 69).

    2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    178    Fuq bażi preliminari, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 87(1) KE jiddikjara li kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall‑kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi hija, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, inkompatibbli mas-suq komuni.

    179    Sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kkwalifikati bħala għajnuna fis-sens tal‑Artikolu 87(1) KE, dawn għandhom, minn naħa waħda, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu attribwibbli lill-Istat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, Ġabra p. I‑4397, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    180    Madankollu, dik id-dispożizzjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn l-interventi statali skont il-kawżi jew l-għanijiet tagħhom, iżda tiddefinihom skont l-effetti tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Settembru 1996, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑241/94, Ġabra p. I‑4551, punti 19 u 20). Il-kunċett ta’ għajnuna b’hekk jikkostitwixxi kunċett oġġettiv li jiddependi biss mill-kwistjoni jekk miżura statali tagħtix jew le vantaġġ lil impriża jew impriżi partikolari (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il‑Kummissjoni, T‑67/94, Ġabra p. II‑1, punt 52, u tal-10 ta’ Mejju 2000, SIC vs Il‑Kummissjoni, T‑46/97, Ġabra p. II‑2125, punt 83).

    181    L-argument tal-Land, essenzjalment, jammonta għal asserzjoni li jekk riżorsi tal-Istat jintużaw bl-aktar mod għaqli mil-lat ekonomiku, dawk ir-riżorsi ma jibqgħux jikkwalifikaw bħala riżorsi tal-Istat. Madankollu, kif irrilevat il-Kummissjoni, ir-riżorsi ma jieqfux ikunu hekk għas-sempliċi raġuni li l-użu ta’ dawk ir-riżorsi jkun analogu għal dak li jsir minn investitur privat. Effettivament, il-kwistjoni jekk l-Istat ġabx ruħu bħala imprenditur taqa’ taħt il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u mhux taħt l-eżami tan-natura, pubblika jew le, tar-riżorsi inkwistjoni.

    182    F’din il-kawża, mhuwiex ikkontestat li l-WfA kienet entità pubblika li kellha fondi pubbliċi u li l-uniku azzjonist tagħha kien il-Land. Il-kapital tagħha ġie inkorporat fil-kapital tal-WestLB permezz ta’ liġi ppromulgata mill-parlament tal-Land. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tranżazzjoni inkwistjoni timplika li ġew ipprovduti riżorsi tal-Istat.

    183    Għaldaqstant, din il-parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

    B –  It-tieni parti: twessigħ illegali tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat

    184    Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni wessgħet b’mod illegali l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, fl-ewwel lok, bi ksur tal-Artikolu 295 KE, fit-tieni lok, inkwantu hija tapplika l-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq għal impriża li tagħmel qligħ u, fit-tielet lok, inkwantu tinterpreta dak il-prinċipju b’mod li teżiġi ta’ mill-inqas redditu medju fis-settur ikkonċernat fuq il-kapital ikkontribwit mill-investitur pubbliku.

    1.     Ksur tal-Artikolu 295 KE

    a)     Argumenti tal-partijiet

    185    Ir-rikorrenti jargumentaw li l-Artikolu 295 KE jikkostitwixxi restrizzjoni ta’ kompetenza favur l-Istati Membri u li għandu jinstab kompromess bejn id-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni u s-setgħa tal-Istati Membri li jiddefinixxu b’mod awtonomu s-sistemi tal-proprjetà tagħhom. Għalkemm il-libertà tal-Istati Membri li tirriżulta mill-Artikolu 295 KE ma tistax isservi biex jiġu evitati l-obbligi l-oħra tat-Trattat KE, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE ma jistgħux jiġu interpretati b’mod daqstant wiesgħa li l-ambitu ta’ protezzjoni tal-Artikolu 295 KE jiġi ristrett sal-punt li l-Istati Membri ma jkollhom prattikament ebda diskrezzjoni fil-ġestjoni tagħhom tal-impriżi pubbliċi jew fiż-żamma tal-ishma li huma jkollhom f’dawn tal-aħħar. Din id-dispożizzjoni b’hekk timponi limiti impliċiti għall-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

    186    Il-Land jenfasizza l-impossibbiltà li ssir distinzjoni netta bejn l-oqsma ta’ attività, pubbliċi u privati, tal-impriżi pubbliċi u jargumenta li, ukoll skont l-Artikolu 295 KE, bħala investitur jew imprenditur, l-Istat jista’ jibbaża ruħu fuq kunsiderazzjonijiet oħrajn apparti kriterji purament ta’ qligħ, b’mod partikolari kunsiderazzjonijiet ta’ natura strateġika jew fuq medda ta’ żmien twil, bħat-tisħiħ jew l-estensjoni ta’ ishma eżistenti jew il-kisba ta’ sinerġiji.

    187    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-relazzjoni bejn l-Artikolu 295 KE u s-sistema Komunitarja ta’ għajnuna mill-Istat hija rregolata mill-Artikolu 86 KE. B’mod ġenerali, l-atti tal-Istat li jibbenefikaw mill-protezzjoni tal-Artikolu 295 KE ma jistgħux jiġu eżentati mill-applikazzjoni tal-Artikolu 87 KE ħlief jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 86(2) KE. Jekk dawk il-kundizzjonijiet ma jkunux sodisfatti, l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma tinterferixxix mal-kontenut essenzjali tal-Artikolu 295 KE, għaliex l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli ma żżommx lill-Istat milli jkompli jmexxi impriżi pubbliċi jew li jipparteċipa f’tali impriżi.

    188    Għall-Kummissjoni, il-fatt li l-impriża pubblika tassumi wkoll funzjonijiet pubbliċi mhuwiex ikkunsidrat bħala karatteristika partikolari għall-kalkolu tar-remunerazzjoni adegwata għall-investiment, għaliex it-twettiq ta’ dawk il-funzjonijiet huwa protett b’mod suffiċjenti u eżawrjenti mill-Artikolu 86(2) KE.

    189    Għal dak li jirrigwarda l-kunsiderazzjonijiet kummerċjali li jiġġustifikaw miżura finanzjarja tal-Istat, bħall-kunsiderazzjonijiet ta’ natura strateġika jew fuq medda ta’ żmien twil, dawn ma jibbenefikawx minn protezzjoni partikolari abbażi tal-Artikolu 295 KE. Dawn jikkostitwixxu biss elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk l-kontribuzzjoni ta’ kapital issirx jew le skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq.

    b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    190    L-Artikolu 295 KE jipprovdi:

    “Dan it-Trattat għandu jkun bla ebda preġudizzju għas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri.”

    191    L-Artikolu 86 KE jistabbilixxi:

    “1. Dwar impriżi pubbliċi u impriżi li lilhom jagħtu drittijiet speċjali jew esklusivi, l-Istati Membri ma għandhom la jiddekretaw u lanqas iżommu fis-seħħ miżuri kuntrarji għar-regoli f’dan it-Trattat, b’mod partikolari, għal dawk li hemm fl-Artikolu 12 u fl-Artikoli 81 sa 89 inklużi.

    2. Kull impriża responsabbli biex topera servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali jew li jkollha l-karattru ta’ monopolju fiskali għandha tkun soġġetta għar-regoli ta’ dan it-Trattat, b’mod partikolari dawk li jirreferu għall-kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża. L-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiżviluppa b’mod kuntrarju għall-interessi tal-Komunità.

    […]”

    192    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm is-sistema ta’ proprjetà għadha taqa’ taħt il-kompetenza ta’ kull Stat Membru skont l-Artikolu 295 KE, dik id-dispożizzjoni m’għandhiex l-effett li teżenta s-sistemi ta’ proprjetà eżistenti fl-Istati Membri mir-regoli fundamentali tat-Trattat (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Novembru 1984, Fearon, 182/83, Ġabra p. 3677, punt 7; tal-1 ta’ Ġunju 1999, Konle, C‑302/97, Ġabra p. I‑3099, punt 38, u tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑367/98, Ġabra p. I‑4756, punt 48).

    193    B’hekk, u b’mod konformi mal-Artikolu 86(1) KE, ir-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat, li huma regoli fundamentali, huma applikabbli mingħajr distinzjoni għall-impriżi pubbliċi u dawk privati (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Ġunju 2000, EPAC vs Il‑Kummissjoni, T‑204/97 u T‑270/97, Ġabra p. II‑2267, punt 122).

    194    Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-Artikolu 295 KE jillimita l-portata tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

    195    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, dik l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-impriżi indipendentement mis-sistema ta’ proprjetà li huma suġġetti għaliha m’għandhiex l-effett li tirrestrinġi l-ambitu ta’ protezzjoni tal-Artikolu 295 KE u li twassal biex l-Istati Membri ma jkollhom prattikament ebda diskrezzjoni fil-ġestjoni tagħhom tal-impriżi pubbliċi, fiż-żamma tal-ishma li jkollhom f’dawn tal-aħħar, jew f’li jitqiesu kunsiderazzjonijiet oħrajn apparti kriterji purament ta’ qligħ.

    196    Effettivament, anki jekk jitqies li l-interessi msemmija f’dak l-argument jistgħu jopponu l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Artikolu 86(2) KE inkwantu dik id-dispożizzjoni tipprevedi li l-impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jew li għandhom in-natura ta’ monopolju fiskali jistgħu jevitaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni jekk dawn tal-aħħar jostakolaw it-twettiq fid-dritt jew fil-fatt tal-funzjoni partikolari mogħtija lil dawk l-impriżi.

    197    F’din il-kawża, ir-rikorrenti ma sostnewx li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 86(2) KE biex jeżentaw lill-WestLB mill-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni huma sodisfatti.

    198    Finalment, għandu jiġi osservat li l-argument tal-Land, li jgħid li l-Istat, bħala investitur jew imprenditur, jista’ jibbaża ruħhu fuq kunsiderazzjonijiet oħrajn apparti kriterji ta’ qligħ fuq żmien qasir, għandu jiġi analizzat, mhux fid-dawl tal-Artikolu 295 KE, iżda fil-kuntest tal-eżami tal-aġir tal-Land fil-perspettiva ta’ investitur li jopera f’ekonomija tas-suq.

    199    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-argument ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 295 KE mhuwiex fondat.

    2.     Applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq għal impriża li tagħmel qligħ

    a)     Argumenti tal-partijiet

    200    Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni applikat il-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq għal impriża li tagħmel qligħ. Huma jenfasizzaw li l-WestLB għamlet qligħ għal numru ta’ snin u li hija mistennija li tagħmel tali qligħ fil-futur. Il-WestLB issostni li dan il-prinċipju, kif applikat fil-kuntest ta’ miżuri statali intiżi biex jagħtu appoġġ lil impriżi, ma jistax jiġi traspost mingħajr distinzjoni għal miżuri mmirati lejn impriżi li jagħmlu qligħ. Il-kwistjoni ta’ profitabbiltà fuq medda ta’ żmien twil titlef ir-rilevanza tagħha kull meta impriża tkun diġà wriet il-vijabbiltà ekonomika tagħha billi tiddistribwixxi regolarment dividendi. Barra minn hekk, l-investiment f’impriża li ma tkunx għadha vijabbli jkun suġġett għal riskju akbar minn investiment f’impriża stabbli u, b’dak il-mod, ir-redditu mistenni minn investitur li jopera f’ekonomija tas-suq ikun differenti skont jekk tkunx tinsab f’sitwazzjoni waħda jew l-oħra.

    201    Ir-rikorrenti jaffermaw li l-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq ġie applikat mill-Kummissjoni u aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja biss fir-rigward ta’ impriżi li kienu għaddejjin minn ristrutturar. Il-Land jikkontesta r-rilevanza tal-ġurisprudenza ċċitata mill-BdB f’dan ir-rigward u jallega li huwa l-kompitu tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi, matul il-kontroll ta’ aġir, li ebda investitur li jopera f’ekonomija tas-suq ma kien ser jaġixxi b’dak il-mod, għaliex inkella jinqaleb l-oneru tal-prova. Insostenn tal-argumenti tiegħu, huwa jinvoka l-punti 2 u 16 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1993 u l-punt 20 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “Alfa Romeo” (C‑305/89, Ġabra p. I‑1603). Skont il-Land, l-Artikolu 295 KE jipprekludi kontroll pożittiv tal-awtoritajiet pubbliċi li jeħtieġ li dawn tal-aħħar jistabbilixxu li kull investitur li jopera f’ekonomija tas-suq kien ser jaġixxi bl-istess mod.

    202    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u tenfasizza li l-importanti huwa li jiġi ddeterminat jekk il-kontribuzzjoni ta’ kapital mill-Istat f’impriża pubblika għandhiex titqies bħala tranżazzjoni kummerċjali “normali” jew jekk l-Istat marx lil hinn mir-rwol tiegħu ta’ imprenditur. Jekk l-Istat jipprovdi kapital lil impriża pubblika b’kundizzjonijiet li mhumiex dawk tas-suq, huwa ma jkunx qed jaġixxi bħala imprenditur, iżda jkun qed jiffavorixxi lil dik l-impriża pubblika billi jagħtiha vantaġġ meta mqabbla mal-kompetituri tagħha li jkunu jistgħu jiksbu kapital addizzjonali biss bil-kundizzjonijiet tas-suq. Dak il-vantaġġ ikun rilevanti għad-dritt dwar l-għajnuna, indipendentement mill-qligħ li jista’ jsir mill-impriża pubblika.

    203    Il-Kummissjoni ssostni li jekk dan il-prinċipju ma jiġix applikat għal impriżi li jagħmlu qligħ, dan ikollu l-konsegwenza li l-Istat ikun jista’, mingħajr ebda kontroll, ipoġġi għad-dispożizzjoni tal-impriżi tiegħu li ma jagħmlux telf mezzi finanzjarji bla limitu mingħajr kumpens adegwat, biex b’hekk jinħolqu distorsjonijiet fil-kompetizzjoni kontra l-Artikolu 87(1) KE.

    204    Madankollu, il-Kummissjoni tammetti li r-rekwiżiti dwar il-provi li hija għandha ġġib meta tapplika dan il-prinċipju għal impriżi li jagħmlu qligħ huma aktar stretti milli f’każijiet fejn hija tapplikah għal impriżi li jagħmlu telf jew li jkunu jeħtieġu ristrutturar.

    205    Il-Kummissjoni tammetti li l-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq ġie applikat l-aktar, fil-prattika preċedenti tal-Kummissjoni u fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każijiet fejn l-Istat ipprovda kapital f’impriżi li jagħmlu telf jew li jeħtieġu ristrutturar. Iżda hija targumenta li dan il-fatt ma jeskludix l-applikazzjoni tiegħu għal impriżi li jkunu jagħmlu qligħ u li dan diġà ġie enfasizzat kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    206    Kif ġie mfakkar iktar ’il fuq, fil-punt 178, l-Artikolu 87(1) KE għandu l-għan li jevita li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun affettwat minn vantaġġi mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi li, taħt diversi forom, iwasslu għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi jiffavorixxu ċerti impriżi jew ċerti produtturi.

    207    B’hekk, sabiex jiġi evalwat jekk miżura statali tikkostitwixxix għajnuna, għandu jiġi stabbilit jekk l-impriża benefiċjarja tirċevix vantaġġ ekonomiku li hija ma kinitx ser tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, Ġabra p. I‑3547, punt 60; tad-29 ta’ April 1999, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑342/96, Ġabra p. I‑2459, punt 41; tad-29 ta’ Ġunju 1999, DM Transport, C‑256/97, Ġabra p. I‑3913, punt 22, u s-sentenza SIC vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78).

    208    Fil-prinċipju, il-kwistjoni jekk l-impriża li tibbenefika minn għajnuna tagħmilx qligħ jew le mhijiex determinanti fiha nfisha biex jiġi stabbilit jekk jeżistix tali vantaġġ. Min-naħa l-oħra, dik il-kwistjoni għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-kwistjoni jekk l-investitur pubbliku ġabx ruħu bħala investitur li jopera f’ekonomija tas-suq jew jekk l-impriża benefiċjarja rċevitx vantaġġ ekonomiku li hija ma setgħetx tikseb fil-kundizzjonijiet normali tas-suq.

    209    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-prattika tal-Kummissjoni u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi biss każijiet fejn il-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq ġie applikat għal impriżi għaddejjin minn ristrutturar la hu preċiż u lanqas ma jista’ jpoġġi f’dubju l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

    210    Fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi mfakkar li, minbarra l-fatt li hija qatt ma limitat espressament l-applikazzjoni ta’ dak il-prinċipju għall-impriżi li jagħmlu telf, il-ġurisprudenza spiss użat formulazzjonijiet dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat li ma jeskludux, iżda li għall-kuntrarju jippresupponu l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq għal impriżi li jagħmlu qligħ (f’dan ir-rigward, minbarra l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 207 iktar ’il fuq, ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, Ġabra p. I‑877, punt 13, u SFEI et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 58 sa 62).

    211    Għal dak li jirrigwarda l-prattika tal-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li fil-punt 22 tal-komunikazzjoni tagħha tal-1993, hija ddikjarat li d-dritt Komunitarju dwar l-għajnuna mill-istat għandu jiġi applikat “għall-impriżi pubbliċi, tkun xi tkun is-sitwazzjoni tagħhom, u mhux biss għal dawk li jirreġistraw telf, kif huwa l-każ attwalment”. B’hekk, l-argument li r-rikorrenti jidderivaw mill-punti 2 u 16 tal-istess komunikazzjoni ma jistax jintuża biex tiġi evitata l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq għal impriżi li jagħmlu qligħ.

    212    Barra minn hekk, kif tfakkar il-BdB, fid-Deċiżjoni 98/365, iċċitata iktar ’il fuq, dwar SFMI‑Chronopost, minkejja l-fatt li l-impriżi li bbenefikaw mill-miżuri inkwistjoni kienu rreġistraw qligħ fil-kontijiet tagħhom, il-konvenuta eżaminat jekk it-tranżazzjonijiet inkwistjoni kinux konformi mal-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq.

    213    Finalment, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq għal impriżi li jagħmlu qligħ tikkostitwixxi żvilupp fir-rigward tal-prattika normali preċedenti tal-Kummissjoni u l-ġurisprudenza Komunitarja, il-bażi ġuridika ta’ dik l-applikazzjoni ma tistax tiġi kkontestata. Effettivament, dik l-applikazzjoni ma tmur kontra l-ebda regola ġuridika Komunitarja iżda, kif ġie spjegat iktar ’il fuq, hija fil-fatt konformi mar-regoli tat-Trattat applikabbli f’dan il-qasam.

    214    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali għaliex tapplika l-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq għal impriża li tagħmel qligħ, għandu jiġi miċħud.

    3.     Rekwiżit ta’ redditu medju fis-settur ikkonċernat fuq il-kapital ipprovdut mill-investitur pubbliku

    a)     Argumenti tal-partijiet

    215    Ir-rikorrenti jsostnu li r-rekwiżit impost mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ta’ redditu minimu li jikkorrispondi għar-redditu medju fis-settur ikkonċernat fuq il-kapital ipprovdut mill-investitur pubbliku, fl-ewwel lok, huwa inkompatibbli mal-Artikolu 87(1) KE, b’mod partikolari peress li jinjora l-effett maħluq mill-kwalità tal-proprjetarju, fit-tieni lok, imur kontra kemm il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1993 kif ukoll il-prattika preċedenti tagħha u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, fit-tielet lok, imur kontra l-Artikolu 295 KE.

     i) Fuq in-nuqqas ta’ kompatibbiltà tar-rekwiżit ta’ redditu medju mal-Artikolu 87(1) KE

    216    Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni bbażat ruħha esklużivament fuq redditu medju biex tiddetermina r-redditu adegwat għall-kapital ipprovdut u li b’hekk ikkunsidrat li l-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq huwa interessat biss li jtejjeb ir-redditu, mingħajr ma kkunsidrat li hemm investituri privati li jsegwu għanijiet oħrajn, bħal dawk marbuta ma’ kunsiderazzjonijiet relatati ma’ strateġiji imprenditorjali, soċjali, kulturali jew oħrajn. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-applikazzjoni tar-redditu medju tostakola b’mod illeċitu l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, f’dak li jirrigwarda l-investitur, l-impriża u t-tranżazzjoni inkwistjoni, kif ukoll it-tqabbil ta’ dik it-tranżazzjoni mal-aġir ta’ impriżi oħrajn f’sitwazzjoni paragunabbli. Il-Land isostni li l-Kummissjoni tkun qed tabbuża mis-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha f’każijiet ekonomiċi kumplessi, meta hija tibbaża ruħha fuq ir-redditu medju bħala kriterju ta’ tqabbil, mingħajr ma tikkunsidra l-paragunabbiltà tal-impriżi. Huwa jafferma li huwa diffiċli ħafna biex jiġi stabbilit redditu medju fis-settur bankarju, minħabba d-differenzi li jeżistu bejn l-istabbilimenti bankarji.

    217    Il-WestLB jikkunsidra li l-Kummissjoni żviluppat idea żbaljata tal-investitur privat. Huwa jsostni li anki investitur li jsegwi prinċipju ta’ profitabbiltà wkoll japplika strateġija ta’ diversifikazzjoni tar-riskji u jqassam il-kapital tiegħu fis-suq. Huwa jagħmel ukoll investimenti li jkunu jinsabu f’livell medju jew iktar baxx mill-iskala ta’ qligħ u li, minħabba dak il-fatt, ikunu jirrappreżentaw livell ta’ riskju relattivament baxx. B’hekk, l-Istat jirċievi kumpens adegwat għall-investiment tiegħu jekk, fi ħdan il-meded osservabbli fis-suq, huwa jikseb mill-investiment tiegħu redditu li jikkorrispondi għar-riskju li jkun assuma.

    218    Il-Land jenfasizza li għadd ta’ impriżi jagħmlu qligħ aktar baxx minn dak tal-kompetituri tagħhom għal numru ta’ snin, mingħajr ma dan iwassal għall-eliminazzjoni tagħhom mis-suq, iżda biss redditu aktar baxx mill-kapital investit, liema deċiżjoni hija fid-diskrezzjoni tal-investitur.

    219    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tistax tallega li użat il-kriterju ta’ redditu medju biss bħala “valur bażi”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiddeċiedi li teżisti għajnuna mill-Istat mingħajr ma tkun stabbiliet li ebda investitur privat f’sitwazzjoni paragunabbli ma kien ser jagħmel investimenti f’kundizzjonijiet bħal dawk tat-tranżazzjoni inkwistjoni. Dan ifisser, f’din il-kawża, li l-Kummissjoni kellha turi li r-redditu mistenni mil-Land huwa manifestament inqas mill-marġni li fi ħdanhom investitur privat fl-istess sitwazzjoni kien ser jinvesti l-kapital tiegħu. Skont il-Land, il-limitu inferjuri ta’ dik il-marġni biss, u mhux medja ta’ dik il-marġni jista’, l-iktar l-iktar, jitqies bħala valur minimu.

    220    Il-WestLB jallega wkoll li r-rewiżit ta’ redditu medju jwassal għal monopolizzazzjoni fis-suq li tmur kontra l-għanijiet tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni. Jekk l-investituri jkomplu jinvestu biss f’impriżi li joffru redditu ta’ mill-inqas medju, kull kontribuzzjoni ta’ kapital f’tali impriżi twassal għal żieda supplimentari fir-redditu medju tas-settur ikkonċernat. B’hekk, kull żieda fir-redditu medju tnaqqas in-numru ta’ impriżi li jkun għadhom f’pożizzjoni li joffru tali kapital u li jkunu għadhom jistgħu jiksbu kontribuzzjoni ta’ kapital. Maż-żmien, tali żieda kostanti fil-profitabbiltà medja twassal biex jibqa’ biss impriża waħda.

    221    F’kull każ, il-Land jafferma li huwa f’ebda mument ma pprovda kapital waqt li rrinunzja parzjalment jew totalment għal remunerazzjoni adegwata. Għall-kuntrarju, huwa jirrimarka li huwa l-ikbar azzjonist tal-WestLB, li kiseb il-ħlas ta’ dividendi, li l-qligħ tiegħu żdied bil-kontribuzzjoni tal-WfA u li, finalment, ibbenefika mill-ftehim dwar ħlas bil-quddiem tal-profitti ta’ 0.6 %. Barra minn hekk, l-investiment ma impona prattikament ebda spiża fuq il-Land u huwa kiseb qligħ li kieku ma kienx ser jikseb mod ieħor. Kull investitur privat f’sitwazzjoni paragunabbli kien jaġixxi bl-istess mod.

    222    Il-WestLB u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkritikaw ukoll lill-Kummissjoni talli fid-deċiżjoni kkontestata ma kkunsidratx l-effett maħluq mill-kwalità ta’ proprjetarju, effett li jimmanifesta ruħu meta investitur, li diġà jkollu ishma f’impriża li fiha jkun jixtieq jinvesti, iżid il-valur tal-kapital eżistenti billi jdaħħal kapital ġdid. Dan l-effett spiss iwassal biex investitur li diġà jkun għamel investimenti f’impriża jipprovdilha kapital addizzjonali, minkejja li, fil-mument ta’ dak l-investiment, il-profitabbiltà tagħha tkun inqas mill-medja.

    223    Il-Land jgħid ukoll b’mod partikolari li, jekk l-investitur ikollu maġġoranza tal-ishma f’impriża, wieħed għandu jippreżumi li jkun hemm interess fuq medda ta’ żmien twil li jimmotiva l-investiment u mhux sempliċement l-għan li jinkiseb profitt fi żmien qasir.

    224    It-teħid inkunsiderazzjoni tal-effett maħluq mill-kwalità ta’ proprjetarju jippermetti wkoll li ssir distinzjoni bejn għajnuna u kontribuzzjonijiet ta’ kapital li ma jikkostitwixxux għajnuna. B’hekk, meta mill-perspettiva ta’ xerrej potenzjali, il-valur ta’ impriża jiżdied, wara kontribuzzjoni ta’ kapital, ta’ mill-inqas bil-valur ta’ dik il-kontribuzzjoni, investitur li jopera f’ekonomija tas-suq kien huwa stess jagħmel dik il-kontribuzzjoni, tal-inqas jekk kien il-proprjetarju tal-impriża. Jekk, wara l-kontribuzzjoni ta’ kapital, il-valur tal-impriża jiżdied b’inqas mill-valur tal-kontribuzzjoni, allura tikkostitwixxi għajnuna. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tgħid ukoll li, għall-finijiet ta’ dak il-kalkolu, huwa irrilevanti jekk il-Land huwiex l-uniku proprjetarju tal-WestLB. Barra minn hekk, hija tilmenta li l-Kummissjoni naqset milli tagħmel dak il-kalkolu.

    225    B’risposta għall-osservazzjonijiet tal-BdB f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-effett maħluq mill-kwalità ta’ proprjetarju ma japplikax biss għal ċerti proprjetarji, iżda għall-kontribuzzjonijiet kollha ta’ kapital f’impriżi fejn l-investitur diġà jkollu ishma.

    226    Finalment, il-WestLB jallega li, f’ekonomija dinamika, kontinwament ikun hemm opportunitajiet ġodda ta’ investiment bi qligħ li r-redditu minnhom ikun akbar mir-redditu mis-suq tal-kapital bi proporzjon għar-risku. Il-proprjetarju ta’ bank li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet aktar stretti dwar il-fondi proprji, isib ruħu f’sitwazzjoni fejn irid jagħżel bejn li jikkontribwixxi fondi proprji ġodda minn barra jew li ma jkunx jista’ jipprovdi lill-klijentela tiegħu bl-istess krediti bħal fil-passat, huwa fost dawk li jistgħu jiksbu redditu akbar fuq dawk l-opportunitajiet ġodda ta’ investiment.

    227    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti u ssostni li r-redditu medju ma jikkostitwixxix il-punt finali tal-eżami intiż biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ għajnuna, iżda valur bażi, li fuq il-bażi tiegħu ssir evalwazzjoni konkreta tal-karatteristiċi partikolari l-oħrajn tal-investiment biex tiġi stabbilita “remunerazzjoni adegwata”. Il-Kummissjoni ssostni li, f’din il-kawża, hija wettqet evalwazzjoni konkreta u kkunsidrat il-karatteristiċi partikolari tat-tranżazzjoni inkwistjoni. Dan jirriżulta per eżempju mit-tnaqqis li sar minnha biex tikkunsidra l-inkonvenjenzi marbuta man-nuqqas ta’ likwidità tal-kapital (premessi 202 sa 205 tad-deċiżjoni kkontestata) jew taż-żieda li saret biex jiġu kkunsidrati karatteristiċi partikolari oħrajn, bħal dik dwar l-ammont tal-kapital tal-WfA meta mqabbla mal-fondi proprji l-oħrajn ta’ garanzija tal-WestLB (premessi 220 u 221).

    228    Il-Kummissjoni ssostni wkoll li hija ma kellhiex għalfejn tikkunsidra l-effett maħluq mill-kwalità ta’ proprjetarju, ta’ mill-inqas skont il-formulazzjoni proposta mill-WestLB u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Hija tallega li tali approċċ ma jikkunsidrax investimenti alternattivi barra mill-impriża, li kull investitur kien jeżamina waqt li jikkunsidra l-valur assolut u relattiv tal-investiment inkwistjoni fit-tranżazzjoni inkwistjoni. Hija ssostni wkoll li mhuwiex biżżejjed li l-awtoritajiet pubbliċi jkollhom ishma f’impriża partikolari sabiex kull kontribuzzjoni ġdida ta’ kapital titqies awtomatikament bħala konformi mal-prinċipji tal-ekonomija tas-suq. Investitur li jopera f’ekonomija tas-suq ikun irid ikun jaf, fi kwalunkwe każ, jekk l-investiment globali tiegħu, li jikkonsisti f’fondi diġà investiti u f’kontribuzzjonijiet ġodda ta’ kapital, jippermettilhux li jistenna redditu adegwat.

     ii) Fuq il-kontradizzjoni bejn id-deċiżjoni kkontestata u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1993, il-prattika preċedenti tagħha u l-ġurisprudenza

    229    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jsostnu li r-rekwiżit ta’ redditu medju jikkontradixxi l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu investitur pubbliku skont il-punti 27 sa 29 tal-komunikazzjoni tal-1993. Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li jgħid li dik il-marġni ta’ diskrezzjoni hija fuq kollox preżenti meta r-redditu futur ikun varjabbli, per eżempju meta l-kontribuzzjonijiet ta’ fondi proprji jkunu remunerati fil-forma ta’ dividendi u ta’ żidiet fil-valur, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li dik il-perspettiva ma tikkorrispondix mal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu investitur li jopera f’ekonomija tas-suq, li jsib f’dak is-suq, ukoll fil-qasam tar-remunerazzjonijiet fissi, varjetà ta’ redditi differenti.

    230    Fit-tieni lok, il-WestLB tiċċita diversi deċiżjonijiet tal-Kummissjoni biex tikkonkludi li, biex tiċħad l-eżistenza ta’ għajnuna, dik l-istituzzjoni tirreferi b’mod preponderanti għall-fatt li l-impriża li tibbenefika mill-kontribuzzjoni ta’ kapital hija redditizja fuq medda ta’ żmien twil [ara, b’mod partikolari, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/278/KE, tal-31 ta’ Jannar 1996, dwar ir-rikapitalizzazzjoni tal-kumpanija Iberia (ĠU L 104, p. 25), u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-impriża Duferco Clabecq riprodotta fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat-22 ta’ Jannar 1998 (ĠU C 20, p. 3)].

    231    Fit-tielet lok, il-WestLB jallega li r-rekwiżit ta’ redditu medju bħala redditu minimu mhuwiex kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li diġà rrikonoxxiet li meta l-miżuri statali jippermettu li tiġi żgurata profittabbiltà tal-impriża fuq medda ta’ żmien twil, l-investiment ma jikkostitwixxix għajnuna. Huwa jinvoka, b’mod partikolari, il-ġurisprudenza li tgħid li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-importanza ta’ ċerti objettivi li jistgħu jimmotivaw investiment privat, minbarra l-profitabbiltà, bħal politika strutturali, globali jew settorjali bbażata fuq perspettivi ta’ profitabbiltà fuq medda ta’ żmien twil (sentenza Alfa Romeo, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20); jew l-għan li tinżamm ir-reputazzjoni ta’ ditta jew li tingħata direzzjoni ġdida lill-attivitajiet tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑303/88, Ġabra p. I‑1433, punt 21); jew inkella kunsiderazzjonijiet marbuta mal-lokalizzazzjoni, bħal dawk imsemmija mill-Avukat Ġenerali van Gerven fil-punt 14 tal-konklużjonijiet tiegħu dwar l-aħħar sentenza ċċitata (Ġabra p. I‑1451), meta jirreferi għall-fatt li holding privata importanti ma tistax tibqa’ għal kollox insensittiva għall-impjiegi u għall-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun fejn topera. B’hekk, il-WestLB isostni li t-tranżazzjoni inkwistjoni hija bbażata wkoll fuq kunsiderazzjonijiet ta’ lokalizzazzjoni u li, għal-Land, Landesbank b’saħħtu huwa element importanti għall-ekonomija u għar-reputazzjoni tal-grupp ta’ impriżi pubbliċi tal-Land.

    232    Il-Land jiddikjara wkoll li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur ta’ daqs paragunabbli kienx ser jagħmel il-kontribuzzjonijiet ta’ kapital fil-kundizzjonijiet inkwistjoni (sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 40/85, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13). Fl-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat reċentement li l-aġir ta’ entità pubblika għandu jkun distint b’mod ċar minn dak ta’ investitur privat fl-istess sitwazzjoni biex jiġi kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat (sentenza DM Transport, iċċitata iktar ’il fuq).

    233    Il-Kummissjoni, sostnuta minn BdB, tikkontesta li hemm kontradizzjoni bejn id-deċiżjoni kkontestata u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1993, għaliex il-marġni diskrezzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ta’ fondi proprji nżammet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li dik il-marġni diskrezzjonali ma tistax tkopri l-każ ta’ deċiżjonijiet li b’mod ċar ma jkunux ittieħdu f’kundizzjonijiet tas-suq, kif huwa l-każ tat-tranżazzjoni inkwistjoni. L-Istati Membri għandhom dik il-marġni diskrezzjonali b’mod speċjali meta r-redditu futur ikun jiddependi mir-riżultati ekonomiċi reali tal-impriża, bħal meta l-kontribuzzjonijiet ta’ fondi proprji jiġu remunerati fil-forma ta’ dividendi jew żidiet fil-valur.

     iii) Fuq il-ksur tal-Artikolu 295 KE permezz tar-rekwiżit ta’ redditu medju

    234    Ir-rikorrenti jsostnu, fl-ewwel lok, li r-rekwiżit ta’ redditu minimu fil-forma ta’ redditu medju jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra l-impriżi pubbliċi meta mqabbla mal-impriżi privati u diskriminazzjoni kontra l-awtoritajiet pubbliċi, bħala investituri, meta mqabbla mal-investituri privati.

    235    Għall-kuntrarju tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li rrikonoxxiet espressament li l-attivitajiet ta’ impriżi pubbliċi u privati jistgħu jsegwu objettivi fundamentalment differenti [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Lulju 1982, Franza et vs Il‑Kummissjoni, 188/80 sa 190/80, Ġabra p. 2545, punt 21, dwar id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE, tal-25 ta’ Ġunju 1980, fuq it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 20)], il-Kummissjoni bbażat ruħha esklużivament fuq prinċipju ta’ profitabbiltà li hija trid tapplika, mingħajr ebda distinzjoni, għall-impriżi kemm pubbliċi kif ukoll privati. Barra minn hekk, l-introduzzjoni tal-kriterju ta’ redditu medju, li jiddependi mis-settur kollu kkonċernat, ma jippermettix lill-impriżi pubbliċi li jsegwu għanijiet oħrajn, bħal funzjonijiet esklużivament ta’ interess ġenerali li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 86(2) KE.

    236    Il-WestLB isostni wkoll li l-approċċ tal-Kummissjoni jnaqqas kunsiderevolment il-libertà ta’ investiment tal-awtoritajiet pubbliċi meta mqabbla mal-investituri privati. Waqt li investitur privat għandu d-dritt kollu li jinvesti f’impriżi bi profitabbiltà inqas mill-medja, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jinvestu biss f’impriżi li jilħqu ta’ mill-inqas redditu medju. B’hekk, mill-approċċ tal-Kummissjoni jirriżulta li l-investituri privati jistgħu jsegwu l-investimenti tagħhom skont firxa ta’ motivi aktar wiesgħa minn dik tal-awtoritajiet pubbliċi. Il-Land jenfasizza li d-deċiżjonijiet ta’ investiment meħuda kemm mill-investituri pubbliċi kif ukoll mill-investituri privati mhumiex iggwidati esklużivament mir-redditu mistenni, iżda wkoll minn kunsiderazzjonijiet oħrajn, bħal objettivi strateġiċi, bħal per eżempju t-titjib jew il-konsolidazzjoni ta’ ishma eżistenti.

    237    Fit-tieni lok, il-WestLB isostni li r-rekwiżit ta’ redditu medju għall-impriżi pubbliċi jwassal għal pressjoni indiretta lejn il-privatizzazzjoni. Peress li l-profitabbiltà tal-impriżi pubbliċi hija inqas mill-medja, huma ma jistgħux ikopru l-ħtiġijiet ta’ kapital addizzjonali, għall-kuntrarju tal-impriżi privati li jkollhom l-istess profitabbiltà. B’hekk, l-Istati Membri jiġu suġġetti għal pressjoni biex jipprivatizzaw dawk l-impriżi sabiex jevitaw li jisparixxu mis-suq.

    238    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-BdB, tikkontesta wkoll l-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-rekwiżit ta’ redditu medju jmur kontra l-Artikolu 295 KE. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tiċħad l-argument li l-użu ta’ redditu medju biex tiġi kkalkulata r-“remunerazzjoni adegwata” jwassal għal diskriminazzjoni kontra l-impriżi pubbliċi u l-awtoritajiet pubbliċi bħala investituri.

    239    Minn naħa waħda, fir-rigward tal-impriżi pubbliċi, il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li l-użu tal-kriterju ta’ redditu medju jżommhom milli jsegwu funzjonijiet pubbliċi.

    240    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi, il-Kummissjoni tafferma li l-libertà ta’ investiment tal-Istat mhijiex imnaqqsa meta mqabbla ma’ dik ta’ investituri privati, iżda li tikkonsisti sempliċement f’li jiġu evalwati l-investimenti fid-dawl tal-kundizzjonijiet fis-seħħ fis-suq inkwistjoni meta jikkonċernaw il-parti ta’ impriża pubblika li tkun suġġetta għall-kompetizzjoni.

    241    Fir-rigward tal-interessi kummerċjali paragunabbli tal-investituri pubbliċi u privati, il-Kummissjoni ssostni li l-użu tal-kriterju ta’ redditu medju ma jimplika ebda diskriminazzjoni. L-investitur pubbliku, bħal kull kontributur ta’ kapital privat, anki jekk l-investiment tiegħu huwa influwenzat minn kunsiderazzjonijiet strateġiċi jew fit-tul, jistenna fl-aħħar mill-aħħar redditu adegwat. Barra minn hekk, huwa ma jeżaminax biss il-kwistjoni jekk l-impriża inkwistjoni hijiex redditizja, iżda wkoll jekk ir-redditu jikkorrispondix għar-rata normali tas-suq. L-applikazzjoni ta’ dawk l-istess kriterji għal investitur pubbliku b’hekk ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni, iżda tirrifletti biss l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq.

    242    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tiċħad l-argument li l-użu korrett tal-kriterju ta’ redditu medju jwassal għal obbligu ta’ privatizzazzjoni. Minn naħa waħda, dak ir-reddittu japplika, bħala valur ta’ referenza, biss għall-attivitajiet kompetittivi ta’ impriża pubblika u, min-naħa l-oħra, is-settur pubbliku tal-attivitajiet tal-impriżi pubbliċi jibbenefika mill-protezzjoni partikolari tal-Artikolu 86(2) KE. Ma jkunx hemm obbligu ta’ privatizzazzjoni, iżda obbliu ta’ aġir konformi mas-suq fis-settur ta’ attivitajiet suġġetti għall-kompetizzjoni.

    b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    243    Kif ġie mfakkar fil-punti 206 u 207 iktar ’il fuq, l-Artikolu 87(1) KE għandu l-għan li jevita li l-kummerċ bejn l-Istat Membri jkun afettwat minn vantaġġi mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi, li, ta’ kwalunkwe forma, iwasslu għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi jiffavorixxu ċerti impriżi jew ċerti produtturi. Għaldaqstant, sabiex jiġi evalwat jekk miżura statali tikkostitwixxix għajnuna, għandu jiġi ddeterminat jekk l-impriża benefiċjarja tirċevix vantaġġ ekonomiku li hija ma kinitx ser tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

    244    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza kostanti, l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi fil-kapital ta’ impriża, taħt kwalunkwe forma, jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat meta l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 87 KE jkunu sodisfatti.

    245    Sabiex jiġi stabbilit jekk tali intervent jikkwalifikax bħala għajnuna mill-Istat, għandu jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat li jopera f’kundizzjonijiet normali ta’ ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem “investitur privat”), ta’ daqs li jista’ jiġi pparagunat ma’ dak ta’ korpi li jiġġestixxu s-settur pubbliku, kienx ser jipproċedi biex jagħmel il-kontribuzzjoni ta’ kapital inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1990, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑142/87, Ġabra p. I‑959, punt 29, u Alfa Romeo, iċċitata iktar ’il fuq, punti 18 u 19). B’mod partikolari, huwa rilevanti li wieħed isaqsi jekk investitur privat kienx iwettaq it-tranżazzjoni inkwistjoni taħt l-istess kundizzjonijiet u, jekk dan ma jkunx il-każ, li jiġi eżaminat taħt liema kundizzjonijiet huwa seta’ wettaq dik it-tranżazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 1998, Cityflyer Express vs Il‑Kummissjoni, T‑16/96, Ġabra p. II‑757, punt 51).

    246    Finalment, il-paragun bejn l-aġir ta’ investituri pubbliċi u privati għandu jiġi stabbilit b’referenza għall-attitudni li investitur privat kien ikollu fiż-żmien tat-tranżazzjoni inkwistjoni, meta wieħed iqis l-informazzjoni disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli f’dak il-mument (sentenza Cityflyer Express vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76).

    247    F’din il-kawża, fuq bażi preliminari, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, id-domanda inkwistjoni hija jekk, b’mod ġenerali, il-Kummissjoni hijiex awtorizzata li tuża l-valur ta’ redditu medju fis-settur ikkonċernat bħala strument analitiku sabiex jiġi stabbilit l-aġir ta’ investitur privat.

    248    Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni jekk, f’din il-kawża, l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat hijiex ivvizzjata jew le b’illegalità, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-iffissar konkret ta’ rata ta’ redditu medju li ġiet ikkunsidrata mill-Kummissjoni, taqa’ taħt l-analiżi tal-ħames motiv, li ser jiġi eżaminat iktar ’il quddiem.

    249    Fl-ewwel lok, essenzjalment, ir-rikorrenti jsostnu li l-użu ta’ redditu medju jmur kontra l-Artikolu 87(1) KE. Huma jallegaw li l-Kummissjoni bbażat ruħha esklużivament fuq redditu medju biex tiddetermina r-remunerazzjoni adegwata għat-tranżazzjoni inkwistjoni, mingħajr ma kkunsidrat iċ-ċirkustanzi partikolari kollha tal-kawża, billi qieset li investitur privat huwa interessat biss fl-aħjar redditu, u billi ma kkunsidratx l-effett maħluq mill-kwalità ta’ proprjetarju.

    250    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-redditu medju jikkostitwixxi biss strument analitiku użat fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE.

    251    B’hekk, minn naħa waħda, ir-redditu medju ma jistax ikun kriterju awtomatiku biex jiġu ddeterminati l-eżistenza u d-dimensjoni ta’ għajnuna mill-Istat. Lanqas ma jeżenta lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tagħmel analiżi kompleta tal-elementi kollha rilevanti tat-tranżazzjoni inkwistjoni u tal-kuntest tagħha, inkluża s-sitwazzjoni tal-impriża benefiċjarja u tas-suq ikkonċernat, sabiex tivverifika jekk l-impriża benefiċjarja rċevitx vantaġġ ekonomiku li hija ma kinitx ser tikseb fil-kundizzjonijiet normali tas-suq.

    252    Min-naħa l-oħra, l-użu ta’ redditu medju bħala strument analitiku huwa suġġett għar-regoli kollha tad-dritt Komunitarju dwar l-għajnuna mill-Istat. Per eżempju, l-użu ta’ redditu medju ma jistax jeżenta lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tikkunsidra l-possibbiltà li l-għajnuna inkwistjoni tista’ eventwalment tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tiġi awtorizzata permezz tal-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 86(2) KE.

    253    Barra minn hekk, l-użu ta’ redditu medju ma jaffettwax l-obbligu li għandha l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 253 KE, li timmotiva b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni finali tagħha dwar l-eżistenza u d-dimensjoni tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni.

    254    Taħt dawn il-kundizzjonijiet, l-użu tar-redditu medju tas-settur ikkonċernat bħala strument analitiku, fost oħrajn, jista’ jkun iġġustifikat fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat, biex jiġi stabbilit jekk, u jekk ikun il-każ, sa liema punt, l-impriża benefiċjarja rċevitx vantaġġ ekonomiku li hija ma kinitx ser tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

    255    Effettivament, l-aġir ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq huwa ggwidat minn perspettivi ta’ profitabbiltà (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Alitalia vs Il‑Kummissjoni, T‑296/97, Ġabra p. II‑3871, punt 84). B’hekk, l-użu ta’ redditu medju għandu jikkorrispondi mal-idea li investitur privat infurmat, jiġifieri, investitur li jkun jixtieq jimmassimizza l-profitti tiegħu, iżda mingħajr ma jassumi riskji żejda meta mqabbel mal-parteċipanti l-oħrajn fis-suq, fil-kalkolu tiegħu tar-remunerazzjoni adegwata mistennija mill-investiment tiegħu, jeżiġi fil-prinċipju redditu minimu ekwivalenti għar-redditu medju tas-settur ikkonċernat.

    256    F’din il-kawża, għandu jiġi enfasizzat li l-użu ta’ redditu medju sar fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat għal impriża li tagħmel qligħ. Barra minn hekk, sabiex jiġu kkalkulati l-eżistenza u l-ammont tal-għajnuna, kien neċessarju għall-Kummissjoni li tuża valur ta’ referenza fil-paragun li hija għamlet bejn it-tranżazzjoni inkwistjoni u l-aġir ta’ investitur privat.

    257    Fir-rigward tal-argumenti dderivati mill-fatt li investitur privat mhuwiex interessat biss fit-titjib tar-redditu mill-investimenti tiegħu u li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-effett maħluq mill-kwalità ta’ proprjetarju, għandu jiġi mtenni li l-użu ta’ redditu medju ma jeżentax lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tanalizza l-elementi rilevanti kollha tat-tranżazzjoni inkwistjoni u tal-kuntest tagħha. Din il-kwistjoni ser tiġi analizzata iktar ’il quddiem, fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni f’din il-kawża tal-prinċipju tal-investitur privat.

    258    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li s-sempliċi użu mill-Kummissjoni ta’ redditu minimu li jikkorrispondi għar-redditu medju fis-settur ikkonċernat bħala strument analitiku, użat fil-kuntest tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti kollha ta’ din il-kawża, ma jmurx kontra l-Artikolu 87(1) KE.

    259    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1993, il-prattika preċedenti tagħha u l-ġurisprudenza.

    260    Fir-rigward tal-punt 27 tal-komunikazzjoni msemmija, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni tirrikonoxxi hemmhekk li l-investitur għandu jkollu marġni diskrezzjonali biex jipproċedi għall-analiżi tar-riskju tal-investiment, iżda hija tiddikjara li, biex tkun tista’ ssir dik l-evalwazzjoni, “l-impriżi pubbliċi għandhom, bl-istess mod bħall-impriżi privati, japplikaw kriterji ta’ profitabbiltà”. Fil-punt 29, hija ttenni l-idea li “kull deċiżjoni ta’ investiment kummerċjali tippresupponi marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevoli”, iżda hija tintegra din l-idea f’analiżi aktar ġenerali dwar il-mod kif għandu jiġi stabbilit jekk tali għajnuna mill-Istat teżistix jew le, liema ħaġa lanqas ma tippermetti li jiġi sostnut l-argument tar-rikorrenti.

    261    Barra minn hekk, kif tirrimarka l-Kummissjoni, tista’ ssir distinzjoni bejn l-istima tar-redditu probabbli ta’ proġett, fejn l-investitur pubbliku għandu ċerta marġni diskrezzjonali, u l-eżami li dak l-investitur jagħmel biex jiddetermina jekk ir-redditu jidhirx li huwa suffiċjenti biex iwettaq l-investiment inkwistjoni, fejn il-marġni ta’ diskrezzjoni hija inqas wiesgħa, peress li t-tranżazzjoni inkwistjoni tista’ tiġi mqabbla ma’ possibiltajiet oħrajn ta’ investiment tal-kapital.

    262    Fir-rigward tal-allegata kontradizzjoni bejn ir-rekwiżit ta’ redditu medju u l-prattika tal-Kummissjoni kif ukoll tal-ġurisprudenza, ibbażata fuq il-fatt li la l-Kummissjoni u lanqas il-qorti Komunitarja ma eżiġew preċedentement tali redditu biex jiddeterminaw jekk teżistix jew le għajnuna mill-Istat, għandu jiġi kkunsdirat li, fi kwalunkwe każ, dik il-prattika jew il-ġurisprudenza lanqas ma eskludew il-possibbiltà li jiġi impost tali rekwiżit. Għall-kuntrarju, il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat tesprimi kriterju materjali li jimplika li l-possibbiltà li jintuża r-redditu medju fl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 207 iktar ’il fuq u, per eżempju, is-sentenzi Banco Exterior de España, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13, u SFEI et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 58 sa 62).

    263    Finalment, għandu jiġi mfakkar li, anki jekk l-użu ta’ redditu medju fl-applikazzjoni ta’ dak il-prinċipju jikkostitwixxi żvilupp fir-rigward tal-prattika preċedenti tal-Kummissjoni u l-ġurisprudenza Komunitarja, madankollu, il-bażi ġuridika ta’ dak l-użu ma titpoġġiex f’dubju. Effettivament, fil-limiti msemmija iktar ’il fuq (ara l-punti 250 sa 253 u 255), dak l-użu ma jmur kontra ebda regola ġuridika Komunitarja, iżda, kif għadu kif ġie spjegat, huwa konformi mar-regoli applikabbli f’dak il-qasam.

    264    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1993, il-prattika preċedenti tal-konvenuta u l-ġurisprudenza ma jistgħux ipoġġu f’dubju l-legalità tal-użu ta’ redditu medju fl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat, taħt il-kundizzjonijiet spjegati iktar ’il fuq.

    265    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jissottomettu li l-użu mill-Kummissjoni ta’ redditu medju jmur kontra l-Artikolu 295 KE, b’mod partikolari minħabba l-fatt li dak l-użu joħloq diskriminazzjoni kontra l-impriżi pubbliċi meta mqabbla mal-impriżi privati u diskriminazzjoni kontra l-awtoritajiet pubbliċi, meta jaġixxu bħala investituri, meta mqabbla ma’ investituri privati.

    266    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kif ġie mfakkar fil-punt 193 iktar ’il fuq, ir-regoli tal-kompetizzjoni huma applikabbli mingħajr distinzjoni għall-impriżi pubbliċi u privati u li l-Artikolu 295 KE ma jmurx kontra dak il-prinċipju.

    267    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza kostanti, jirriżulta mill-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-impriżi pubbliċi u privati li l-kapital li jitpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ impriża, direttament jew indirettament, mill-Istat, f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, ma jistax jiġi kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat (sentenza L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 231, punt 20, u s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

    268    F’dan il-kuntest, l-użu ta’ redditu medju, bħala strument analitiku fl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat, huwa ġustament intiż biex jistabbilixxi jekk it-tranżazzjoni inkwistjoni saritx f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq.

    269    Sakemm l-użu ta’ redditu medju jirrispetta l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 250 sa 253 u 255 iktar ’il fuq, ma jistax jitqies bħala vvizzjat bi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-impriżi pubbliċi u l-impriżi privati, jew bejn l-investituri pubbliċi u l-investituri privati.

    270    Effettivament, inkwantu l-Kummissjoni għandha dejjem teżamina l-elementi rilevanti kollha tat-tranżazzjoni inkwistjoni u l-kuntest tagħha, hija għandha tikkunsidra jekk investitur privat infurmat, fil-pożizzjoni tal-investitur pubbliku inkwistjoni, kienx ser jaċċetta bħala remunerazzjoni adegwata redditu inqas mir-redditu medju tas-settur ikkonċernat, minħabba kunsiderazzjonijiet ekonomiċi oħrajn minbarra t-titjib tar-redditu tiegħu. L-istess osservazzjoni tapplika għall-argument ibbażat fuq id-diskriminazzjoni bejn impriżi pubbliċi u privati, inkwantu l-karatteristiċi partikolari tat-tranżazzjoni inkwistjoni relatati mal-impriża benefiċjarja għandhom jiġu kkunsidrati wkoll fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat.

    271    Barra minn hekk, għandu jingħad li r-rekwiżit li jeżiġi li jiġi kkunsidrat l-aġir tal-investitur privat infurmat sabiex jiġi evalwat l-aġir tal-investitur pubbliku, filwaqt li l-aġir ta’ kwalunkwe investitur privat mhuwiex suġġett għal tali restrizzjoni, lanqas ma jista’ jitqies li jagħti lok għal diskriminazzjoni fir-rigward tal-investitur pubbliku.

    272    Effettivament, il-prinċipju ta’ ugwaljanza jipprojbixxi li jiġu ttrattati b’mod differenti sitwazzjonijiet paragunabbli, billi jinħoloq żvantaġġ għal ċerti operaturi meta mqabbla ma’ oħrajn, mingħajr ma dik id-differenza fit-trattament tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ differenzi oġġettivi ta’ ċerta importanza (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Lulju 1999, Wirtschaftsvereinigung Stahl vs Il‑Kummissjoni, T‑106/96, Ġabra p. II‑2155, punt 103). L-investitur pubbliku ma jinsabx fl-istess sitwazzjoni bħall-investitur privat. Dan tal-aħħar jista’ jiddependi biss fuq ir-riżorsi tiegħu stess biex jiffinanzja l-investimenti tiegħu u b’hekk irid jagħmel tajjeb bl-assi tiegħu għall-konsegwenzi tal-għażliet tiegħu. Għall-kuntrarju, l-investitur pubbliku għandu aċċess għal riżorsi li jirriżultaw mill-fatt li huwa jeżerċita poter pubbliku, b’mod partikolari dawk provenjenti mit-taxxi. B’hekk, peress li s-sitwazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ investituri mhumiex identiċi, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-aġir tal-investitur privat infurmat għall-finijiet li jiġi evalwat l-aġir tal-investitur pubbliku ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni fir-rigward ta’ dan tal-aħħar.

    273    Finalment, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, l-użu ta’ redditu medju ma jwaqqafx lill-impriżi pubbliċi milli jwettqu funzjonijiet ta’ interess ġenerali protetti mill-Artikolu 86(2) KE, peress li l-Kummissjoni għandha dejjem tikkunsidra l-possibbiltà li l-għajnuna inkwistjoni tissodisfa eventwalment il-kundizzjonijiet stilupati minn dik id-dispożizzjoni biex tiġi awtorizzata.

    274    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, fiċ-ċirkustanzi spjegati iktar ’il fuq, l-użu ta’ redditu medju fl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat lanqas ma jmur kontra l-Artikolu 295 KE.

    275    Minn dan isegwi li l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq l-illegalità tal-użu fid-deċiżjoni kkontestata ta’ redditu medju fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat ma jistax jiġi aċċettat.

    276    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni parti tar-raba’ motiv tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wessgħet b’mod illegali l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, għandha tiġi miċħuda.

    277    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-Artikoli 87(1) KE u 295 KE, inkwantu l-Kummissjoni tat interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    VIII –  Fuq il-ħames u s-sitt motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikoli 87(1) KE u 295 KE, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat, fit-tieni lok, tal-fatt li skont il-Kummissjoni t-tranżazzjoni inkwistjoni toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u, fit-tielet lok, tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq

    278    Fuq bażi preliminari, għal dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih jiġi adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, b’tali mod, minn naħa waħda, li l-qorti Komunitarja tkun tista’ twettaq l-istħarriġ tagħha tal-legalità u, min-naħa l-oħra, sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-miżura meħuda, biex b’hekk ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le (sentenzi Skibsværftsforeningen et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 230, u EPAC vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

    279    Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ dritt, inkwantu l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Skibsværftsforeningen et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 230, u tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il‑Kummissjoni, T‑298/97, T‑312/97, T‑313/97, T‑315/97, T‑600/97 sa T‑607/97, T‑1/98, T‑3/98 sa T‑6/98 u T‑23/98, Ġabra p. II‑2319, punt 175).

    280    B’mod partikolari, il-Kummissjoni mhijiex meħtieġa li tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-partijiet ikkonċernati, iżda huwa biżżejjed li hija ssemmi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li huma ta’ importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il‑Kummissjoni, T‑459/93, Ġabra p. II‑1675, punt 31, u EPAC vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

    281    F’dak li jirrigwarda, per eżempju, il-kwalifika ta’ miżura ta’ għajnuna, l-obbligu ta’ motivazzjoni jeħtieġ li jiġu indikati r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura inkwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE (sentenza EPAC vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

    282    Fir-rigward tal-analiżi tal-mertu tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi mfakkar li l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kwistjoni jekk investiment jissodisfax il-kriterju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq timplika evalwazzjoni ekonomika kumplessa. Meta l-Kummissjoni tadotta att li jinvolvi evalwazzjoni ekonomika daqstant kumplessa, hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dak l-att, għalkemm fil-prinċipju huwa “komplet” fir-rigward tal-kwistjoni jekk miżura taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, huwa limitat għall-verifika tal-ħarsien tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-awtur tad-deċiżjoni bl-evalwazzjoni tagħha stess (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, BFM u EFIM vs Il‑Kummissjoni, T‑126/96 u T‑127/96, Ġabra p. II‑3437, punt 81, u Alitalia vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 105, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    283    L-analiżi mill-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ dawn il-motivi hija intiża biex jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, jew jekk hijiex ivvizzjata bi ksur tal-Artikoli 87(1) KE u 295 KE. F’dan l-aħħar rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina b’mod partikolari jekk il-Kummissjoni wetqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq fir-rigward tat-tranżazzjoni inkwistjoni.

    A –  L-ewwel parti: ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat

    1.     Argumenti tal-partijiet

    284    Il-Land isostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti skont il-liġi l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat użati fit-tranżazzjoni inkwistjoni.

    285    Il-Kummissjoni tikkontesta li ma mmotivatx l-użu ta’ riżorsi tal-Istat fit-tranżazzjoni inkwistjoni. Hija tfakkar li spjegat li l-WfA hija impriża pubblika li tuża fondi pubbliċi u li l-kontribuzzjoni ta’ tali patrimonju fil-forma ta’ kapital lil impriża neċessarjament timplika li tpoġġew għad-dispożizzjoni riżorsi tal-Istat.

    2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    286    Kif ġie enfasizzat fil-punt 182 iktar ’il fuq u kif ġie spjegat fil-premessi 27 sa 30 u 38 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa stabbilit li l-WfA kienet entità pubblika mogħnija b’fondi pubbliċi, li l-Land kien l-uniku azzjonist tal-WfA u li hija ġiet inkorporata fil-WestLB permezz ta’ liġi ppromulgata mill-parlament tal-Land. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa evidenti li t-tranżazzjoni inkwistjoni timplika li tpoġġew għad-dispożizzjoni riżorsi tal-Istat. B’hekk, il-motivazzjoni pprovduta f’dan ir-rigward mid-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjenti.

    B –  It-tieni parti: ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u ksur tal-Artikolu 87(1) KE, għal dak li jirrigwarda l-fatt li t-tranżazzjoni inkwistjoni toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri

    1.     Argumenti tal-partijiet

    287    Il-WestLB, waqt li jibbaża fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 1985, Il-Pajjiżi l-Baxxi u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il‑Kummissjoni (296/82 u 318/82, Ġabra p. 809, punt 24), jallega li l-Kummissjoni kisret ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fir-rigward tal-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ restrizzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni hija limitata għal konstatazzjonijiet ta’ natura ġenerali dwar il-liberalizzazzjoni tas-swieq finanzjarji u għal referenza li l-WestLB huwa preżenti f’pajjiżi barranin.

    288    Barra minn hekk, fuq bażi sussidjarja, f’każ li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat adottata fid-deċiżjoni kkontestata hija korretta, il-WestLB jargumenta li t-trasferiment tal-WfA lill-WestLB ma toħloqx distorsjoni fil-kompetizzjoni u ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Anki jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha tipprova li din toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, li ma kienx il-każ. Is-sempliċi fatt li l-WestLB ma jeżerċitax l-attivitajiet tiegħu biss fil-Land Nordrhein‑Westfalen iżda wkoll f’pajjiżi barranin mhuwiex biżżejjed biex tiġi preżunta distorsjoni fil-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ir-referenza għall-preambolu tal-liġi tal-Land dwar it-trasferiment tal-WfA lill-WestLB fiha nfisha ma tistax tistabbilixxi r-restrizzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri. Ir-restrizzjoni tal-kummerċ trid tiġi ppruvata b’mod oġġettiv u l-motivi tal-leġiżlatur mhumiex rilevanti f’dan il-kuntest.

    289    Il-Kummissjoni tallega li hija mmotivat b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni kkontestata dwar l-eżistenza ta’ distorsjoni fil-kompetizzjoni u l-fatt li ġie affettwat il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Hija tfakkar li indikat l-eżistenza ta’ rabta stretta bejn il-fondi proprji ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u l-attivitajiet bankarji tiegħu u l-fatt li l-WestLB “joffri s-servizzi tiegħu f’kompetizzjoni ma’ banek Ewropej oħrajn”. Il-BdB jiddikjara wkoll li r-rikorrenti pparteċipaw fil-proċedura u b’hekk jafu d-dettalji kollha tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-punt inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Settembru 2000, CETM vs Il‑Kummissjoni, T‑55/99, Ġabra p. II‑3207, punti 76 u s-segwenti u 100 u s-segwenti).

    290    Barra minn hekk, għall-Kummissjoni, it-tranżazzjoni inkwistjoni tista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni peress li tat lil WestLB vantaġġi li ppermettewlu jnaqqas l-ispejjeż biex jilħaq kriterji iktar stretti ta’ solvenza. Din saħħet ukoll il-pożizzjoni tiegħu meta mqabbla ma’ dik ta’ kompetituri oħrajn, kemm fil-kummerċ nazzjonali kif ukoll fil-kummerċ intrakomunitarju, li huwa biżżejjed biex tiġi preżunta l-eżistenza ta’ distorsjoni fil-kompetizzjoni u l-fatt li ġie affettwat il-kummerċ bejn l-Istati Membri (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saggio fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra p. I‑6857, I‑6864, punt 24, u tal-Avukat Ġenerali Cosmas fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑288/96, Ġabra p. I‑8237, I‑8241, punti 106 u s-segwenti). Il-BdB jiddikjara wkoll li, peress li l-WestLB iħallas għall-kapital tal-WfA interessi li mhumiex konformi mas-suq, huwa qed jirċievi għajnuna għall-operat. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għajnuna għall-operat hija preżunta fiha nnifisha li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u r-rikorrenti ma kkonfutatx dik il-preżunzjoni.

    291    Fir-rigward tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni tfakkar il-motivi tal-liġi tal-Land dwar it-trasferiment tal-WfA lill-WestLB, li jispjegaw li t-tranżazzjoni inkwistjoni li kienet qed tiġi diskussa kienet intiża biex issaħħaħ “il-kapaċità kompetittiva nazzjonali u internazzjonali” ta’ dan tal-aħħar.

    2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    292    Fir-rigward tal-motivazzjoni tal-punt li qed jiġi eżaminat, għandu jiġi mfakkar, minbarra l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 278 sa 281 iktar ’il fuq, li anki fil-każijiet fejn jirriżulta miċ-ċirkustanzi li fihom tkun ingħatat l-għajnuna li din hija ta’ tali natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha ta’ mill-inqas issemmi dawk iċ-ċirkustanzi fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1988, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, 57/86, Ġabra p. 2855, punt 15; tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il‑Ġermanja et vs Il‑Kummissjoni, C‑329/93, C‑62/95 u C‑63/95, Ġabra p. I‑5151, punt 52, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il‑Kummissjoni, T‑214/95, Ġabra p. II‑717, punt 64).

    293    Għandu jiġi kkonstatat li fid-deċiżjoni kkontestata l-konvenuta semmiet, b’mod partikolari, il-fatt li l-WestLB kien bank kummerċjali ġenerali b’orjentazzjoni internazzjonali; li l-preżenza barranija tiegħu hija l-aktar b’saħħitha fl-Ewropa; li l-attivitajiet barranin tiegħu kienu jirrappreżentaw, fl-1997, 48 % tad-dħul tiegħu mhux ikkonsolidat; li joffri s-servizzi tiegħu f’kompetizzjoni ma’ banek Ewropej oħrajn; li teżisti rabta stretta bejn il-fondi proprji ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u l-attivitajiet bankarji tagħha (premessi 17 sa 20, 55 sa 66 u 157 sa 160 tad-deċiżjoni kkontestata).

    294    B’dan il-mod, il-konvenuta semmiet b’mod ċar biżżejjed il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li huma ta’ importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni f’dan ir-rigward. Din il-motivazzjoni tippermetti lir-rikorrenti u lill-qorti Komunitarja li tkun taf ir-raġunijiet għalfejn il-konvenuta kkunsidrat li t-tranżazzjoni inkwistjoni kienet tagħti lok għal distorsjoni fil-kompetizzjoni u kienet taffettwa l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni.

    295    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tagħmel analiżi ekonomika bil-figuri estremament dettaljata, peress li hija kienet spjegat il-mod kif l-effetti fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri kienu ċari.

    296    Finalment, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li turi l-effett reali li dik l-għajnuna kellha fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Effettivament, kieku l-Kummissjoni kienet obbligata li ġġib tali prova, dan iwassal biex jiffavorixxi lill-Istati Membri li jagħtu għajnuna bi ksur tal-obbligu ta’ notifika previst mill-Artikolu 88(3) KE, għad-detriment ta’ dawk li jinnotifikaw l-għajnuna fi stadju ta’ abbozz (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Vlaams Gewest vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67; CETM vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 103, u tat-30 ta’ Jannar 2002, Keller u Keller Meccanica vs Il‑Kummissjoni, T‑35/99, Ġabra p. II‑261, punt 85).

    297    Għaldaqstant, din il-parti tal-ħames u s-sitt motivi għandha tiġi miċħuda għal dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni.

    298    Fir-rigward tal-fondatezza tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, anki għajnuna ta’ importanza relattivament żgħira tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri meta s-settur li fih topera l-impriża benefiċjarja jkollha kompetizzjoni dinamika (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1987, Franza vs Il‑Kummissjoni, 259/85, Ġabra p. 4393, punt 24, u tal-21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27; sentenza Vlaams Gewest vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

    299    Barra minn hekk, meta għajnuna finanzjarja mogħtija minn Stat permezz ta’ riżorsi tal-Istat issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi kompetituri oħrajn fil-kummerċ intrakomunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li ġew affettwati mill-għajnuna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, 730/79, Ġabra p. 2671, punt 11; sentenzi Vlaams Gewest vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50; CETM vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86).

    300    Finalment, għajnuna intiża biex tillibera lill-impriżi benefiċjarji mill-ispejjeż kollha jew minn parti minnhom li huma normalment kien ikollhom jassumu fil-kuntest tal-ġestjoni kurrenti jew tal-attivitajiet normali tagħhom, fil-prinċipju toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenzi Siemens vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 48 u 77, u Vlaams Gewest vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

    301    F’din il-kawża, għandu jiġi enfasizzat li t-tranżazzjoni inkwistjoni saħħet il-pożizzjoni tal-WestLB meta mqabbla ma’ dik tal-kompetituri tiegħu. Peress li d-daqs tat-tranżazzjoni u tal-WestLB, bl-istess mod bħall-preżenza sostanzjali ta’ dan tal-aħħar fis-swieq internazzjonali, hija manifesta, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata, il-konvenuta ġustament ikkonkludiet li t-tranżazzjoni inkwistjoni setgħet toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    302    Din il-konstatazzjoni ġiet ikkonfermata mill-motivi tal-liġi tal-Land dwar it-trasferiment tal-WfA lill-WestLB, li jsemmu li t-tranżazzjoni inkwistjoni kienet intiża biex issaħħaħ “il-kapaċità kompetittiva nazzjonali u internazzjonali” ta’ din tal-aħħar.

    303    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li din il-parti għandha tiġi miċħuda fit-totalità tagħha.

    C –  It-tielet parti: ksur tal-Artikoli 87(1) KE u 295 KE, għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq, u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ ċerti elementi kkunsidrati fil-kalkolu tar-remunerazzjoni adegwata

    304    Ir-rikorrenti, sostnuti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jinvokaw ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ ċerti elementi kkunsidrati fil-kalkolu tar-remunerazzjoni adegwata għall-kontribuzzjoni inkwistjoni, u sussidjarjament, f’każ li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat tiġi ġġudikata bħala korretta mill-Qorti tal-Prim’Istanza, jikkontestaw l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq li saret mid-deċiżjoni kkontestata. Fl-ewwel lok, huma jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tat-tranżazzjoni inkwistjoni. Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-kapital proprju li ma jistax jintuża mill-WestLB biex jestendi l-attivitajiet kummerċjali tiegħu, minn naħa waħda, huma jinvokaw nuqqas ta’ motivazzjoni dwar l-iffissar tar-remunerazzjoni għal dak il-kapital fir-rata ta’ 0,3 % wara t-taxxa u, min-naħa l-oħra, isostnu li l-vantaġġ patrimonjali li rċieva WestLB ma jikkonċernax dak il-kapital. Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kapital tal-WfA utilizzabbli għall-finijiet li jiġu ggarantiti t-tranżazzjonijiet kummerċjali tal-WestLB, ir-rikorrenti, minn naħa waħda, jallegaw nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ diversi elementi tal-kalkolu tar-remunerazzjoni adegwata u, min-naħa l-oħra, jikkontestaw il-fondatezza tar-remunerazzjoni li ġiet ikkalkulata mill-Kummissjoni.

    1.     Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi partikolari tat-tranżazzjoni inkwistjoni

    a)     Argumenti tal-partijiet

    305    Ir-rikorrenti, u b’mod partikolari l-Land, jallegaw li l-Kummissjoni wetqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni li saret fid-deċiżjoni kkontestata tal-prinċipju tal-investitur privat billi ma kkunsidratx ċerti karatteristiċi partikolari tat-tranżazzjoni inkwistjoni.

    306    Huma jallegaw li, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-investitur, it-tranżazzjoni inkwistjoni kienet l-uniku att li jippermetti li tittejjeb il-profitabbiltà tal-WfA u li jiġi implementat il-kunċett ta’ bank tal-Istat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet prudenzjali l-ġodda. Fit-tieni lok, fid-dawl tal-missjoni ta’ interess ġenerali tal-WfA, ma kienx possibbli li jinkiseb xi redditu fuq il-patrimonju tiegħu. Peress li, minħabba t-tranżazzjoni inkwistjoni, il-Land seta’ jikseb dħul importanti filwaqt li jżomm il-limitazzjonijiet tal-patrimonju tal-WfA, it-tranżazzjoni kienet tikkostitwixxi l-aktar użu ekonomiku għaqli ta’ dak il-patrimonju.

    307    Fit-tielet lok, f’każ ta’ irtirar jew xoljiment tal-WestLB, il-valur tal-WfA, li possibbilment ikun żdied, imur lura biss għand il-Land. Fir-raba’ lok, peress li l-patrimonju tal-WfA jikkostitwixxi garanzija tat-tieni grad fir-relazzjonijiet interni, azzjoni ta’ garanzija kontra l-patrimonju tal-WfA hija ferm improbabbli, anki fil-każ improbabbli ta’ telf mill-WestLB. Fil-ħames lok, it-tranżazzjoni pproduċiet effetti ta’ sinġerija li jammontaw għal DEM 30 miljun fis-sena, li huma parti mir-redditu mistenni.

    308    Fis-sitt lok, ir-rikorrenti jirrimarkaw li l-patrimonju tal-WfA mhuwiex kapital likwidu, iżda għandu assenjazzjoni preċiża, li t-tranżazzjoni inkwistjoni ma mmodifikatx, u li tnaqqas il-valur tiegħu. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat l-iżvantaġġi marbuta man-nuqqas ta’ likwidità tal-patrimonju tal-WfA. Ir-rikorrenti huma tal-fehma li, biex tiġi kkalkulata r-remunerazzjoni adegwata, l-unika perspettiva rilevanti hija dik tal-investitur. Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 45 iktar ’il fuq), it-tnaqqis fiskali tal-ispejjeż ta’ rifinanzjament tal-WestLB mhuwiex rilevanti għal dak il-kalkolu u r-rata ta’ rifinanzjament ta’ 8.26 % għandha titnaqqas totalment mir-rata ta’ redditu fuq kapital proprju likwidu. Barra minn hekk, l-iffrankar tat-taxxa fuq il-kumpanniji huwa fiskalment newtrali, għaliex min-naħa tal-investitur ikun hemm tnaqqis fl-assi li jirriżulta mill-proċedura ta’ tpaċija tat-taxxa fuq il-kumpanniji li kienet fis-seħħ fil-Ġermanja fiż-żmien tat-tranżazzjoni inkwistjoni. Finalment, minħabba n-nuqqas ta’ trasferiment ta’ assi likwidi, ir-riskju tal-Land huwa mnaqqas b’mod konsiderevoli, li kellu jwassal lill-Kummissjoni biex tagħmel tnaqqis addizzjonali fir-remunerazzjoni adegwata.

    309    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, sostnuta mill-BdB, tikkunsidra li hija ħadet inkunsiderazzjoni b’mod korrett il-karatteristiċi partikolari tat-tranżazzjoni inkwistjoni u tispjega għalfejn dawn m’għandhomx iwasslu għal evalwazzjoni differenti minn dik tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-ewwel lok, hija tal-fehma li kkunsidrat is-sitwazzjoni inizjali tal-Land, bħala investitur, iżda tenfasizza li l‑evalwazzjoni tagħha ta’ dik is-sitwazzjoni hija differenti minn dik tar-rikorrenti. Fit-tieni lok, hija tikkontesta r-rilevanza tal-argumenti tar-rikorrenti dwar il‑missjoni ta’ interess pubbliku tal-WfA billi targumenta, b’mod partikolari, li r‑rikorrenti jamalgamaw ir-rwol tal-Istat bħala imprenditur u r-rwol tiegħu ta’ sovran.

    310    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tissottometti li d-dritt prijoritarju tal-Land għar-remunerazzjoni tiegħu għat-tranżazzjoni inkwistjoni huwa pjuttost il-konsegwenza neċessarja tal-fatt li l-Land ma bbenefikax minn drittijiet ta’ proprjetà akbar wara ċ-ċessjoni tal-assi. Fir-raba’ lok, hija tikkontesta r-rilevanza tal-argument li l-patrimonju tal-WfA jikkostitwixxi biss garanzija tat-tieni grad fir-relazzjonijiet interni, waqt li tirrimarka li l-garanzija disponibbli qabel it-tranżazzjoni kienet ta’ DEM 5,1 biljun u li l-assi tal-WfA kienu evalwati skont il-karta tal-bilanċ tal-WestLB għal DEM 5,9 biljun, li minnhom 4 biljuni ġew irrikonoxxuti mill-Bundesaufsichtsamt für das Kreditwesen. Fil-ħames lok, hija tal-fehma li l-effetti ta’ sinerġija m’għandhomx jitqiesu bħala parti mir-remunerazzjoni għall-kapital tal-WfA, peress li dawn ma nvolvew ebda spiża għall-WestLB.

    311    Fis-sitt lok, għal dak li jirrigwarda n-natura speċifika tal-fondi tal-WfA, hija ssostni, b’mod partikolari, li l-fatt li l-kapital tal-WfA ġie aċċettat bħala fondi proprji bażiċi juri li huwa attwalment disponibbli għall-WestLB biex ikun jista’ jassorbi kwalunkwe telf. Dawk il-fondi b’hekk jagħtu vantaġġ kompetittiv lill-WestLB fis-suq tas-servizzi finanzjarji.

    312    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni wkoll li hija kkunsidrat korrettament l-inkonvenjent marbut man-nuqqas ta’ likwidità tal-fondi fil-kalkolu tar-remunerazzjoni adegwata. Hija tallega li, biex tiġi stabbilita r-remunerazzjoni adegwata fuq il-bażi tal-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq, il-fattur determinanti huwa l-mod kif il-benefiċjarju jikkunsidra l-vantaġġ konkret li jingħata lilu. B’hekk, l-ispejjeż netti ta’ rifinanzjament biss, jiġifieri, l-ispejjeż li mhumiex ikkumpensati b’taxxa aktar baxxa, għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż addizzjonali ġġustifikati min-natura partikolari tal-kapital ittrasferit. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li hija tikkunsidra li l-kreditu fiskali inerenti fil-proċedura ta’ tpaċija m’għandu ebda rwol fil-kalkolu tar-remunerazzjoni adegwata. Hija tallega wkoll li tnaqqis addizzjonali mmotivat mir-riskju mnaqqas għal-Land mhuwiex fondat.

    b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    313    Fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni argumenti tar-rikorrenti, fuq bażi preliminari, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat, mhuwiex biżżejjed li jiġi mqabbel ir-redditu li l-Land kiseb mit-tranżazzjoni inkwistjoni ma’ dak li kien jikseb mill-patrimonju tal-WfA qabel dik it-tranżazzjoni. Effettivament, mhuwiex ikkontestat li l-patrimonju tal-WfA, li l-uniku skop tiegħu huwa li jinkoraġġixxi l-kostruzzjoni ta’ djar, ma kienx suġġett għal-loġika ta’ investitur privat. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi mqabbel ir-redditu miksub mil-Land permezz tat-tranżazzjoni inkwistjoni mar-redditu li investitur privat ipotetiku, li jinsab safejn hu possibbli fl-istess sitwazzjoni tal-Land, kien jeżiġi għal dik it-tranżazzjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza DM Transport, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

    314    Għandu jiġi enfasizzat li, normalment, investitur privat ma jikkuntentax ruħu bil-fatt li investiment ma jikkawżalux telf, jew li jagħtih profitti limitati. Effettivament, huwa jfittex massimizzazzjoni raġonevoli tar-redditu fuq l-investiment tiegħu, skont iċ-ċirkustanzi preżenti u kemm-il darba jissodisfa l-interessi tiegħu fuq medda ta’ żmien qasir, medju u twil, inkluż fil-każ ta’ investiment f’impriża li fiha huwa diġà jkollu ishma.

    315    B’hekk, għal dak li jirrigwarda l-pożizzjoni tal-Land bħala investitur, il-fatt li t-tranżazzjoni inkwistjoni hija raġonevoli għal-Land ma jeżentahx mill-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju dwar l-għajnuna mill-Istat. Dan il-fatt ma jeliminax il-ħtieġa li wieħed ikun jaf jekk dik it-tranżazzjoni ssaħħaħx il-pożizzjoni tal-WestLB billi tagħtih vantaġġ li kieku ma kienx jikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

    316    L-istess osservazzjoni tapplika għall-argument ippreżentat mir-rikorrenti fit-tieni lok, li jgħid li t-tranżazzjoni kienet tikkostitwixxi l-aktar użu ekonomiku għaqli tal-patrimonju tal-WfA. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni ma għamlitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tar-remunerazzjoni mistennija għat-tranżazzjoni inkwistjoni minn investitur privat, il-profitti li l-Land kien jikseb mill-parteċipazzjoni tiegħu fiż-żieda fil-volum ta’ negozju tal-WestLB. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma allegawx li tali żieda qabżet dik miksuba minn impriżi bankarji oħrajn matul l-istess perijodu f’ċirkustanzi simili. Fin-nuqqas ta’ tali prova, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-profitti għal-Land li jirriżultaw miż-żieda fil-volum tan-negozju tal-WestLB huma konsegwenza speċifika tat-tranżazzjoni inkwistjoni, b’mod li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tar-redditu mistenni mit-tranżazzjoni inkwistjoni minn investitur privat. Fi kwalunkwe każ, għandu jingħad li l-allegata żieda ġġenerat ukoll profitti għall-membri l-oħrajn tal-WestLB, mingħajr ma kkontribwew xejn, li lanqas mhu konformi mal-aġir ta’ investitur li jopera f’ekonomija tas-suq.

    317    Finalment, għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Land dwar iż-żieda fid-dħul fiskali, għandu jiġi enfasizzat li l-pożizzjoni tal-Land bħala entità pubblika u l-pożizzjoni tiegħu bħala imprenditur m’għandhomx jiġu mħallta. Dik iż-żieda fid-dħul fiskali hija għal kollox irrilevanti għal investitur privat.

    318    Fir-rigward tat-tielet argument, li jgħid li f’każ ta’ rtirar jew xoljiment tal-WestLB, il-valur tal-WfA, li possibbilment ikun żdied, imur lura biss għand il-Land, għandu jiġi osservat, minn naħa waħda, li ż-żieda ta’ dak il-valur hija inċerta u li l-argument jippresupponi ipoteżi li mhijiex deżiderevoli għar-rikorrenti u li tmur kontra l-objettivi tat-tranżazzjoni inkwistjoni. Effettivament, dak l-argument jippresupponi li l-WestLB jiġi xolt jew li l-patrimonju tal-WfA jiġi rtirat minn dak tal-WestLB. Fiż-żewġ każijiet, it-tranżazzjoni inkwistjoni, li permezz tagħha l-WfA ġiet integrata fi ħdan il-WestLB, tkun sfat fix-xejn. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-valur tal-WfA, li possibbilment ikun żdied, imur lura għand il-Land f’każ ta’ separazzjoni b’ebda mod ma jnaqqas id-distorsjoni li t-tranżazzjoni inkwistjoni, fil-frattemp, tista’ tipproduċi għall-kompetizzjoni, u lanqas ma jeskludi l-possibbiltà li dik it-tranżazzjoni tista’ tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku mogħti mil-Land lill-WestLB, li dan tal-aħħar ma jkunx kiseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

    319    Fir-rigward tar-raba’ argument tar-rikorrenti, dwar il-fatt li l-patrimonju tal-WfA jikkostitwixxi garanzija tat-tieni grad fir-relazzjonijiet interni bejn l-azzjonisti tal-WestLB, lanqas ma jista’ jitqies li l-Kummissjoni għamlet żball manifest meta kkunsidrat li dak il-fatt ma kienx jiġġustifika tnaqqis tar-remunerazzjoni mitluba għat-tranżazzjoni inkwistjoni. Effettivament, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li dik il-garanzija teżisti biss fir-relazzjonijiet bejn id-diversi azzjonisti. Għall-kuntrarju, fuq il-livell tar-relazzjonijiet esterni, il-patrimonju tal-WfA ma jibbenefika minn ebda protezzjoni fir-relazzjonijiet tal-WestLB mal-kredituri tiegħu. Barra minn hekk, anki fir-rigward tar-relazzjonijiet interni, l-importanza tal-kontribuzzjoni tal-WfA meta mqabbla mal-kapital proprju kollu tal-WestLB, jiġifieri DEM 5,9 biljuni meta mqabbla mad-DEM 11-il biljun li kienu jikkostitwixxu l-ammont totali tal-kapital proprju tal-WestLB wara t-tranżazzjoni inkwistjoni, jew madwar 53,63 % tal-ammont totali, tirrelativizza b’mod kunsiderevoli l-importanza tan-natura allegatament dgħajfa tar-riskju ta’ garanzija impost fuq il-kontribuzzjoni mwettqa mit-tranżazzjoni inkwistjoni.

    320    Fir-rigward tal-ħames argument, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ effetti ta’ sinerġija li allegatament kellhom jiġu kontabilizzati fil-kalkolu tar-redditu mistenni, għandu jiġi mfakkar li, kif ġie enfasizzat fil-punt 314 iktar ’il fuq, normalment, investitur privat ma jikkuntentax ruħu bil-fatt li jevita telf, jew li jikseb redditu limitat għall-investiment tiegħu, iżda jipprova jimmassimizza r-redditu fuq il-patrimonju tiegħu skont iċ-ċirkustanzi preżenti u l-interessi tiegħu. Fl-ewwel lok, wieħed għandu jirrimarka li dawk l-effetti ta’ sinerġija b’ebda mod ma jirrappreżentaw spiża jew żvantaġġ għall-WestLB, li għalihom din tal-aħħar għandha tirċievi kumpens fil-forma ta’ redditu aktar baxx fuq il-kapital investit. Huwa b’hekk plawżibbli li investitur privat fil-pożizzjoni tal-Land ma kienx ser jaċċetta redditu aktar baxx għall-investiment tiegħu minħabba vantaġġ indirett li jikseb minn dan tal-aħħar, iżda li ma joħloq ebda żvantaġġ għall-WestLB. Barra minn hekk, kieku l-WestLB, minflok ma kkonkluda t-tranżazzjoni inkwistjoni mal-Land, kellu jikseb finanzjament mingħand investitur privat li ma setax jibbenefika minn dawk l-effetti ta’ sinerġija, huwa dejjem kien ikollu jħallas remunerazzjoni konformi ma’ dik offruta fis-suq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-fatt li jistgħu jeżistu effetti ta’ sinerġija li jibbenefikaw indirettament lil-Land jikkostitwixxi għal dan tal-aħħar vantaġġ addizzjonali dderivat mit-tranżazzjoni inkwistjoni li ma kienx jiġġustifika t-tnaqqis tal-ammont tal-element ta’ għajnuna mill-Istat stmat mill-Kummissjoni.

    321    Fir-rigward tas-sitt argument, dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura limitata tal-kontribuzzjoni tal-WfA lill-WestLB, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-kwistjoni hawnhekk hija li tkun magħrufa l-importanza eżatta tan-nuqqas ta’ likwidità tal-kapital tal-WfA għall-kalkolu tar-remunerazzjoni adegwata għat-tranżazzjoni inkwistjoni. B’mod aktar preċiż, il-partijiet ma jaqblux dwar il-kwistjoni jekk, għal tali kalkolu, għandux jiġi kkunsidrat jew le l-fatt li l-ispejjeż ta’ rifinanzjament tal-WestLB, bħala spejjeż operattivi, inaqqsux id-dħul taxxabbli tiegħu u b’hekk it-taxxa fuq il-kumpanniji li huwa obbligat iħallas.

    322    Għandu jiġi mfakkar li l-għan tal-Artikolu 87(1) KE huwa li jevita li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jiġi affettwat b’vantaġġi mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi li, fi kwalunkwe forma, iwasslu għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi jiffavorixxu ċerti impriżi jew produtturi.

    323    Sabiex jiġi stabbilit jekk l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi fil-kapital ta’ impriża jikkwalifikax bħala għajnuna mill-Istat, għandu jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili investitur li jopera f’kundizzjonijiet normali ta’ ekonomija tas-suq, ta’ daqs li jista’ jiġi mqabbel ma’ dak tal-korpi li jiġġestixxu s-settur pubbliku, kienx jipproċedi għall-kontribuzzjoni ta’ kapital inkwistjoni. B’mod partikolari, huwa rilevanti li wieħed isaqsi jekk investitur privat kienx ser iwettaq it-tranżazzjoni inkwistjoni taħt l-istess kundizzjonijiet, u jekk le, li jiġi eżaminat f’liema kundizzjonijiet huwa seta’ jagħmel dan (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 245 iktar ’il fuq).

    324    F’din il-kawża, b’mod konformi mar-raġunament spjegat fil-punt 313 iktar ’il fuq, għandu jiġi stabbilit ir-redditu li investitur privat ipotetiku, li jsib ruħu sa fejn hu possibbli fl-istess sitwazzjoni tal-Land, kien jeżiġi għat-tranżazzjoni inkwistjoni.

    325    Kif issemma fil-punti 180, 207 u 243 iktar ’il fuq, l-objettiv finali huwa li jiġi ddeterminat jekk l-impriża benefiċjarja rċevitx vantaġġ ekonomiku li hija ma kinitx ser tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

    326    F’dan ir-rigward, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, ma jistax jingħad, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tat-tnaqqis fiskali tal-ispejjeż ta’ rifinanzjament tal-WestLB, li, biex tiġi kkalkulata r-remunerazzjoni adegwata, hija rilevanti biss il-perspettiva tal-investitur.

    327    Effettivament, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju dwar l-għajnuna mill-Istat, ma jistax jitqies li l-eżerċizzju mentali li jikkonsisti fil-verifika dwar jekk tranżazzjoni saritx f’kundizzjonijiet normali tal-ekonomija tas-suq neċessarjament irid isir b’referenza għall-uniku investitur, jew għall-unika impriża li tkun ibbenefikat mill-investiment, meta hija l-interazzjoni bejn id-diversi aġenti ekonomiċi li fil-fatt tikkaratterizza l-ekonomija tas-suq.

    328    B’hekk, fil-kuntest ta’ negozji f’kundizzjonijiet normali tal-ekonomija tas-suq, għal investitur privat li jinsab fl-istess sitwazzjoni bħal-Land, kien ikun impossibbli li jiġi injorat in-nuqqas ta’ likwidità tal-kapital tal-WfA. Tali investitur kien ikollu jikkunsidra l-perspettiva tal-WestLB u l-fatt li, għal din tal-aħħar, il-kapital tal-WfA kellu utilità limitata. Effettivament, huwa ma kienx ikun jista’ jitlob għal dak il-kapital remunerazzjoni simili għal dik fuq kapital likwidu.

    329    Bl-istess mod, b’mod partikolari fi tranżazzjoni bħat-tranżazzjoni inkwistjoni, li kienet tikkonċerna ammont ta’ kapital kunsiderevoli, huwa ġġustifikat li wieħed jaħseb li investitur privat kien jikkunsidra l-ispejjeż effettivi għall-WestLB tan-nuqqas ta’ likwidità tal-kapital tal-WfA u, b’hekk, it-tnaqqis fiskali parzjali tal-ispejjeż ta’ rifinanzjament riżultanti.

    330    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li l-iffrankar tat-taxxa fuq il-kumpanniji huwa globalment newtrali fuq livell fiskali, peress li għall-investitur dan ikun ifisser tnaqqis fil-kreditu li jirriżulta mit-tpaċija fiskali, għandu jiġi osservat li, kif ser jintwera iktar ’il quddiem (ara l-punti 388 sa 393), il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra l-proċedura ta’ tpaċija relatata mat-taxxa fuq il-kumpanniji li kienet fis-seħħ fil-Ġermanja fiż-żmien tat-tranżazzjoni inkwistjoni ma jistax ipoġġi inkwistjoni l-legalità tal-kalkolu f’din il-kawża tar-remunerazzjoni adegwata.

    331    Bħala konklużjoni, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-elementi rilevanti kollha tat-tranżazzjoni inkwistjoni biex tiġi kkalkulata r-remunerazzjoni adegwata għaliha, il-Kummissjoni kkunsidrat li n-nuqqas ta’ likwidità tal-kapital tal-WfA kellu jiġi kkunsidrat skont l-ispejjeż netti ta’ rifinanzjament relatati u, b’hekk, skont il-fatt li l-ispejjeż ta’ rifinanzjament wasslu għal tnaqqis fit-taxxa fuq il-kumpanniji li kellha titħallas mill-WestLB. Għaldaqstant, is-sitt argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

    332    Finalment, għandu jiġi eżaminat ukoll l-argument ippreżentat mir-rikorrenti fil-kuntest tal-kontestazzjoni tagħhom tal-użu ta’ redditu medju, jiġifieri li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li l-investituri privati jistgħu jsegwu għanijiet oħrajn apparti t-titjib tar-redditu mill-kapital tagħhom, per eżempju minħabba l-effett maħluq mill-kwalità ta’ proprjetarju (ara l-punti 216 u 222 sa 226 iktar ’il fuq).

    333    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jillimitaw ruħhom għal dikjarazzjoni ġenerali dwar, minn naħa waħda, l-importanza tal-fatt li l-investituri privati jistgħu jsegwu għanijiet oħrajn apparti t-titjib tar-redditu mill-investiment tagħhom u, min-naħa l-oħra, li dik il-kunsiderazzjoni kellha tapplika għal-Land f’din il-kawża.

    334    Madankollu, huma ma jispjegawx b’mod konkret kif dik il-kunsiderazzjoni tpoġġi f’dubju l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, huma ma jispjegawx għalfejn u sa liema grad preċiż tiġġustifika tnaqqis tal-element ta’ għajnuna mill-Istat ikkalkulat mill-Kummissjoni fir-rigward tar-redditu li seta’ jistenna l-Land fuq il-kapital tal-WfA b’mod konformi mal-prinċipju tal-investitur privat. Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit li r-rikorrenti ma wrewx ir-rilevanza f’din il-kawża ta’ dik il-kunsiderazzjoni u b’hekk ma jistgħux jikkritikaw leġittimament lill-Kummissjoni talli ma ħadithiex inkunsiderazzjoni.

    335    Barra minn hekk, b’mod partikolari fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-effett maħluq mill-kwalità ta’ proprjetarju, għandu jiġi mfakkar li, kif issemma fil-punt 314 iktar ’il fuq, normalment, investitur privat ma jikkuntentax ruħu li jevita telf jew li jikseb redditu limitat għall-investiment tiegħu, iżda jipprova jimmassimizza r-redditu mill-patrimonju tiegħu skont iċ-ċirkustanzi u l-interessi tiegħu, inkluż fil-każ ta’ investiment f’impriża li fiha diġà jkollu ishma.

    336    Barra minn hekk, fir-rigward tal-kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-elementi rilevanti kollha tat-tranżazzjoni inkwistjoni u tal-kuntest tagħha, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, kif issemma fil-punt 197 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma invokawx iċ-ċirkustanza li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali minħabba l-fatt li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 86(2) biex il-WestLB jiġi eżentat mill-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni kienu sodisfatti f’din il-kawża.

    337    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-eżami li sar tal-kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-karatteristiċi partikolari tat-tranżazzjoni inkwistjoni ma weriex żball manifest ta’ evalwazzjoni. B’hekk, l-ilment ibbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

    2.     Remunerazzjoni adegwata għall-ammont ta’ DEM 3,4 biljun tal-patrimonju tal-WfA li ma jistax jintuża bħala garanzija għat-tranżazzjonijiet proprji tal-WestLB

    a)     Argumenti tal-partijiet

    338    Il-Land jissottometti li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex immotivata b’mod suffiċjenti fir-rigward tal-iffissar tar-remunerazzjoni adegwata b’rata ta’ 0.3 % wara t-taxxa tal-kapital proprju assenjat għall-garanzija tal-krediti li ma jistgħux jintużaw mill-WestLB. Huwa jsostni li mhuwiex possibbli li wieħed jifhem għal liema raġunijiet il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni ċerti fatturi ─ b’mod partikolari l-importanza tal-ammont inkwistjoni u ċ-ċirkustanza li r-riżervi speċjali tal-WfA tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-WestLB għal perijodu mingħajr limitu ─ u kif dawk il-fatturi ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tar-rata ta’ remunerazzjoni adegwata adottata.

    339    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward. Huma jsostnu li ebda remunerazzjoni ma kellha titħallas fir-rigward tad-DEM 3.4 biljun li ma jistgħux jintużaw mill-WestLB biex jestendi l-attivitajiet tiegħu. Huma jikkunsidraw li dik il-parti tal-kontribuzzjoni ma tipprovdix vantaġġ ekonomiku lil dak il-bank, peress li, fuq dak l-ammont, DEM 1.5 biljun jikkostitwixxu l-kapital ta’ garanzija għat-tranżazzjonijiet tal-WfA u mhux għat-tranżazzjonijiet tal-WestLB u li l-kumplament, jiġifieri DEM 1.9 biljun, lanqas ma jiġi kkunsidrat mill-kredituri tal-bank, li għalihom tgħodd biss il-klassifikazzjoni tiegħu fit-tul, li ma nbidlitx mit-tranżazzjoni inkwistjoni.

    340    Il-konvenuta tfakkar li indikat b’mod suffiċjenti fil-premessa 221 tad-deċiżjoni kkontestata kif hija waslet għar-rata ta’ 0.3 % wara t-taxxa biex tiddetermina r-remunerazzjoni adegwata għall-kapital mhux utilizzabbli mill-WestLB. Hija tindika li r-rata ta’ 0.3 %, li, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ġiet indikata mill-Gvern Ġermaniż bħala kummissjoni ta’ garanzija għall-WestLB, ġiet miżjuda sabiex jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi partikolari tal-kapital, jiġifieri d-daqs tal-ammont u l-fatt li tpoġġa għad-dispożizzjoni għal perijodu mingħajr limitu, u, sussegwentement, ġiet imnaqqsa għal valur wara t-taxxa.

    341    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ammont ta’ DEM 3,4 biljun li ma setax iservi bħala garanzija għat-tranżazzjonijiet proprji tal-WestLB għandu utilità ekonomika għal dan tal-aħħar, peress li huwa mniżżel fil-karta tal-bilanċ tal-WestLB bħala fondi proprji addizzjonali u b’hekk iżid il-kredibbiltà tiegħu, billi jikkostitwixxi garanzija addizzjonali għall-kredituri. Barra minn hekk, hija tikkontesta l-argument dwar l-importanza tal-klassifikazzjoni ta’ dak il-bank. B’hekk, hija tal-fehma li l-ammont imsemmi għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll sabiex tiġi stabbilita r-remunerazzjoni adegwata għat-trasferiment tal-WfA.

    b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    342    Fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt, għandu fl-ewwel lok jiġi osservat li, fil-premessa 220 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li l-kapital inkwistjoni għandu valur materjali għall-WestLB, li l-funzjoni ekonomika tiegħu hija paragunabbli ma’ dik ta’ garanzija u li, biex jieħu tali riskju, investitur privat kien jeżiġi remunerazzjoni adegwata.

    343    Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rata ta’ 0.3 % tar-remunerazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 221 tad-deċiżjoni kkontestata, u kif ġie kkonfermat mir-rikorrenti matul is-seduta, dik ir-rata kienet ġiet indikata mill-Gvern Ġermaniż bħala kummissjoni ta’ garanzija adattata għal bank bħall-WestLB.

    344    B’hekk, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata, minn naħa waħda, spjegat b’mod ċar ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li kienet iġġustifikata remunerazzjoni għal dak il-kapital u, min-naħa l-oħra, ipprovdiet l-elementi li jippermettu lir-rikorrenti u lill-qorti Komunitarja jifhmu r-raġunijiet għall-għażla tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kalkolu tar-remunerazzjoni għall-kapital inkwistjoni. B’hekk, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

    345    Fir-rigward tal-fondatezza ta’ dik l-għażla, għandu jiġi rrilevat li, inkwantu l-kapital inkwistjoni ta vantaġġ lill-WestLB, billi żied is-solvenza tiegħu, huwa ġġustifikat li jiġi kkunsidrat li investitur privat kien ser jeżiġi remunerazzjoni għal dak il-kapital. Fir-rigward tar-rata applikata mill-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jingħad mill-ġdid li din kienet ġiet indikata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u li huwa irrilevanti f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni, biex tasal għal dik ir-rata, l-ewwel applikat żieda u mbagħad tnaqqis. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jinvokaw il-fatt li l-WestLB ma kellu jħallas ebda remunerazzjoni għall-kapital inkwistjoni, iżda ma jispjegawx għalfejn ir-rata finali ffissata mill-Kummissjoni bħala remunerazzjoni adegwata għal dak il-kapital kellha tkun differenti.

    346    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni għal dak li jirrigwarda r-remunerazzjoni kkalkulata għall-ammont ta’ DEM 3.4 biljun tal-patrimonju tal-WfA li ma jistax jintuża bħala garanzija għat-tranżazzjonijiet proprji tal-WestLB. Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

    3.     Remunerazzjoni adegwata għall-ammont ta’ DEM 2.5 biljun tal-patrimonju tal-WfA li jista’ jintuża bħala garanzija għat-tranżazzjonijiet proprji tal-WestLB

    347    Ir-rikorrenti, sostnuti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, isostnu, fl-ewwel lok, li dik ir-remunerazzjoni kellha tiġi kkalkulata billi jiġi kkunsidrat il-profil ta’ riskju speċifiku tal-patrimonju tal-WfA, li huwa paragunabbli għal dak ta’ strumenti ibridi relatati ma’ fondi proprji. Fit-tieni lok, huma jikkunsidraw li ma kienx neċessarju li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-Land fil-kapital azzjonarju tal-WestLB sabiex it-tranżazzjoni inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Fit-tielet lok, huma jissottomettu li r-rata ta’ redditu finali ta’ 9.3 % li eżiġiet il-Kummissjoni għal dak l-ammont tal-patrimonju tal-WfA mhijiex immotivata fir-rigward ta’ xi wħud mill-elementi tagħha u mhijiex fondata f’diversi aspetti.

    a)     Paragunabbiltà tat-trasferiment tal-patrimonju tal-WfA ma’ strumenti relatati ma’ fondi proprji

     Argumenti tal-partijiet

    348    Il-WestLB jargumenta li l-profil ta’ riskju tal-patrimonju tal-WfA mhuwiex paragunabbli ma’ dak tal-kapital azzjonarju, iżda ma’ dak ta’ strumenti ibridi relatati ma’ fondi proprji, bħal ishma passivi, ‘perpetual preferred shares’ (ishma privileġġati għal żmien indefinit) u titoli parteċipattivi. B’hekk, ir-remunerazzjoni adegwata għat-tranżazzjoni inkwistjoni għandha tiġi kkalkulata, mhux billi jiġi mqabbel it-trasferiment tal-WfA ma’ żieda fil-kapital azzjonarju, iżda billi jiġi pparagunat ma’ dawk l-istrumenti ibridi u mar-remunerazzjonijiet imħallsa minnhom, li l-valuri tagħhom (bejn 9.3 u 10.3 %) huma differenti minn dawk li eżiġiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata bħala redditu bażi (12 %). Barra minn hekk, il-WestLB jikkontesta l-fondatezza tal-osservazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata.

    349    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-BdB, tikkontesta dan l-argument billi ssostni li, minħabba karatteristiċi partikolari tal-patrimonju tal-WfA, il-paragun ma’ strumenti ibridi relatati ma’ fondi proprji ma jikkostitwixxix bażi adegwata biex tiġi ddeterminata r-remunerazzjoni adegwata għat-tranżazzjoni inkwistjoni. Hija tispjega kif il-patrimonju tal-WfA jirrappreżenta għadd ta’ differenzi meta mqabbel ma’ kull wieħed mill-istrumenti ta’ paragun imsemmija mill-WestLB.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    350    L-għażla tal-Kummissjoni fir-rigward tal-elementi ta’ paragun għall-iffissar ta’ rata ta’ remunerazzjoni adegwata tal-parti tal-patrimonju tal-WfA inkwistjoni ma tistax tiġi kkwalifikata bħala manifestament żbaljata. Fil-fatt, il-Kummissjoni, fil-premessi 193 sa 201 tad-deċiżjoni kkontestata, tispjega għalfejn hija tal-fehma li d-differenzi bejn l-istrumenti ibridi u t-tranżazzjoni inkwistjoni huma tali li l-paragun tat-tranżazzjoni inkwistjoni ma’ dawk l-istrumenti huwa biss ta’ valur limitat. B’mod partikolari, hija tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istrumenti ibridi msemmija mir-rikorrenti ġeneralment jikkostitwixxu biss parti żgħira mill-fondi proprji ta’ bank, għall-kuntrarju tal-assi tal-WfA, li jirrappreżentaw kważi nofs il-fondi proprji bażiċi tal-WestLB.

    351    F’dawn iċ-ċirkustanzi, inkwantu l-paragunabbiltà tat-patrimonju tal-WfA ma’ dawk l-istrumenti ibridi tikkonċerna qasam ta’ ċerta kumplessità ekonomika, li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-limiti tal-isħarriġ ġudizzjarju ta’ dak l-att, l-eżami tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward ma weriex żball manifest ta’ evalwazzjoni li jista’ jpoġġi f’dubju l-legalità tiegħu.

    b)     Neċessità li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-Land fil-WestLB

     Argumenti tal-partijiet

    352    Il-WestLB jallega li, sabiex it-tranżazzjoni inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, ma kienx neċessarju li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-Land fil-kapital azzjonarju tal-WestLB, peress li l-Land jirċievi remunerazzjoni adegwata għall-patrimonju tal-WfA.

    353    Il-Kummissjoni tapprova l-prinċipju tal-affermazzjoni tal-WestLB u tispjega li hija sempliċement iddikjarat fil-premessi 182 u 184 tad-deċiżjoni kkontestata li tali żieda fil-parteċipazzjoni tal-Land fil-kapital tal-WestLB kienet wieħed mill-mezzi biex jinkiseb redditu adegwat għall-kontribuzzjoni ta’ kapital inkwistjoni, u li fin-nuqqas ta’ dan il-Land kien ikollu jikseb remunerazzjoni adegwata b’mod ieħor.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    354    Għandu jiġi kkunsidrat li dan l-argument tar-rikorrenti huwa mingħajr skop. Effettivament, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jaqblu dwar il-fatt li, sabiex it-tranżazzjoni inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, ma kienx ikun meħtieġ li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-Land fil-kapital azzjonarju tal-WestLB, kieku l-Land irċieva remunerazzjoni adegwata għall-patrimonju tal-WfA. B’hekk, huwa meħtieġ biss li jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni wetqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li r-remunerazzjoni li tirriżulta mit-tranżazzjoni inkwistjoni ma kinitx adegwata, f’kuntest fejn il-Land ma żiedx il-parteċipazzjoni tiegħu fil-kapital azzjonarju tal-WestLB.

    c)     Fuq ir-rata ta’ redditu finali ta’ 9.3 %

    355    Ir-rikorrenti jissottomettu li r-rata ta’ redditu finali ta’ 9.3 % li eżiġiet il-Kummissjoni bħala remunerazzjoni adegwata għat-tranżazzjoni inkwistjoni mhijiex immotivata fir-rigward ta’ ċerti elementi tagħha u mhijiex fondata f’diversi aspetti.

    356    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jinvokaw nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-iffissar għal 12 % tar-rata ta’ redditu bażi wara t-taxxa għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni finali adegwata (iktar ’il quddiem ir-“rata ta’ redditu bażi”), u huma jallegaw li dik ir-rata hija żbaljata. Fit-tieni lok, huma jsostnu li hemm nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward taż-żieda għal riskji ta’ 1.5 % li ġiet effettwata mill-Kummissjoni fil-kalkolu tar-remunerazzjoni finali adegwata u jsostnu li dik iż-żieda mhijiex iġġustifikata.

     i) Fuq ir-rata ta’ 12 % ta’ redditu bażi


     Argumenti tal-partijiet

    357    Ir-rikorrenti jallegaw li d-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li wieħed ikun jaf il-kriterji li fuq il-bażi tagħhom ġiet iffissata r-rata ta’ redditu bażi f’livell ta’ 12 % wara t-taxxa. Huma jsostnu wkoll li l-Kummissjoni ma kinitx fondata meta eżiġiet rata ta’ dak il-livell.

    358    Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda t-tip ta’ rata ta’ redditu bażi użata mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti jenfasizzaw li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’ambigwità dwar il-punt jekk ir-rata indikata tikkorrispondix għar-redditu fuq il-fondi proprji (Return on Equity, iktar ’il quddiem l-“RoE”), jew għar-redditu fuq l-investiment (Return on Investment, iktar ’il quddiem l-“RoI”), li huma differenti. Huma wkoll tal-fehma li d-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li wieħed jifhem għalfejn il-Kummissjoni tuża redditu mistenni wara t-taxxa. Il-Land jgħid ukoll li, għalkemm, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni finalment ippreċiżat li r-redditu mistenni minn investitur seta’ biss ikun ir-redditu mistenni “wara t-taxxa” mħallsa mill-impriża, iżda “qabel it-taxxa” imħallsa mill-investitur, dan ma jirriżultax b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata.

    359    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jikkontestaw ir-rilevanza f’dan ir-rigward tal-interpretazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha. Barra minn hekk, il-WestLB jgħid ukoll li l-fatt li fid-deċiżjoni tagħha l-Kummissjoni effettivament ibbażat ruħha fuq redditu wara t-taxxa jirriżulta minn abbozz tad-deċiżjoni kkontestata u jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex tordna lill-Kummissjoni tippreżenta l-verżjonijiet kollha tal-abbozz tad-deċiżjoni kkontestata.

    360    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti, sostnuti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, isostnu li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra l-eżistenza ta’ kreditu tat-taxxa li jirriżulta mill-proċedura ta’ tpaċija relatata mat-taxxa fuq il-kumpanniji li kienet fis-seħħ fil-Ġermanja fiż-żmien tat-tranżazzjoni inkwistjoni. Huma jallegaw li l-Kummissjoni assimilat b’mod żbaljat ir-redditu qabel it-taxxa tal-investitur mar-redditu wara t-taxxa mħallsa mill-impriża. Huma jsostnu li, peress li dik l-assimilazzjoni ma tikkunsidrax il-konsegwenzi għall-persuni kkonċernati tas-sistema fiskali applikabbli għalihom, ir-riżultati tal-paragun tar-redditi li saret mill-Kummissjoni ġew iddeformati għad-detriment tar-rikorrenti, biex b’hekk saret distorsjoni fl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq f’din il-kawża.

    361    Huma jirrimarkaw li, għall-kuntrarju ta’ investituri oħrajn, meta l-Land iħallas taxxa fuq id-dividendi, huwa m’għandux dritt għal kreditu tat-taxxa biex inaqqas mid-debitu fiskali tiegħu relatat mat-taxxa fuq id-dħul l-ammont li jikkorrispondi għat-taxxi fuq il-profitti diġà mħallsa mill-impriża li l-Land jirċievi d-dividendi minnhom. Permezz ta’ din il-proċedura ta’ kumpens, l-RoE wara t-taxxa mħallsa mill-impriża dejjem ikun differenti mill-RoI qabel it-taxxa tal-investitur, b’ammont ta’ mill-inqas ugwali għal dak tal-kreditu fiskali relatat mat-taxxa fuq il-kumpanniji.

    362    Ir-rikorrenti jikkonkludu li, biex tiġi żgurata l-paragunabbiltà tar-redditi, għandu jiġi attribwit kreditu fittizju lill-investituri li mgħandhomx dritt għal dan il-kreditu tat-taxxa. B’hekk, skont il-WestLB, meta ffissat ir-rata ta’ redditu bażi ta’ 12 %, il-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni kreditu tat-taxxa fittizju ta’ 5.5 % bħala element ta’ dħul tal-Land. Alternattivament, hija setgħet naqqset minn 12 għal 6.45 % ir-RoI qabel it-taxxa. Għal-Land, id-distribuzzjoni ta’ dividend ta’ mhux aktar minn 6.48 % biss seta’ jintalab mingħand il-WestLB.

    363    Fir-rigward tal-argument tal-BdB u tal-konvenuta li l-proċedura ta’ tpaċija ma tapplikax għar-remunerazzjoni miftiehma għall-kapital tal-WfA, ir-rikorrenti jsostnu li l-interess tal-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward jikkonsisti fit-tqabbil tal-approċċ adottat mill-Kummissjoni mas-sitwazzjoni fiskali ta’ investitur privat li jopera f’ekonomija tas-suq, li dik l-istituzzjoni tieħu bħala mudell.

    364    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jallegaw li hemm nuqqas ta’ motivazzjoni dwar l-iffissar tal-valur tar-rata ta’ redditu bażi utilizzata mill-konvenuta.

    365    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jikkontestaw ir-rilevanza tal-elementi kkunsidrati fil-premessa 209 tad-deċiżjoni kkontestata u jirrimarkaw, b’mod partikolari, li s-sempliċi referenza għad-Deċiżjoni 98/490/KE tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Mejju 1998, dwar l-għajnuna mogħtija minn Franza lill-grupp Crédit Lyonnais (ĠU L 221, p. 28), mingħajr spjegazzjoni dwar is-similaritajiet li jeżistu bejn iż-żewġ kawżi, ma tistax tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti.

    366    Il-Land isostni li n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija wisq aktar evidenti inkwantu l-Kummissjoni tibbaża ruħha esklużivament, mid-dehra għall-ewwel darba f’dik id-deċiżjoni, fuq ir-redditi futuri mistennija, biex b’hekk teżiġi redditu minimu. Hija ma tibbażax ruħha, per eżempju, fuq ir-redditi offruti minn impriżi paragunabbli, effettivament imwettqa fis-settur ekonomikament paragunabbli tal-Istat Membru kkonċernat. Il-proġezzjonijiet biex jiġu ddeterminati r-redditi mistennija u l-parametri determinanti f’dan ir-rigward ma jirriżultawx mill-motivi tad-deċiżjoni. Barra minn hekk, b’risposta għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-Land josserva li, minkejja l-fatt li s-siltiet tad-deċiżjoni kkontestata ċċitati mill-konvenuta effettivament isemmu li huma r-redditi mistennija li jiggwidaw prinċipalment l-għażla ta’ investitur skont din tal-aħħar, dawk is-siltiet ma jagħtux il-proġezzjonijiet u l-parametri li investitur jieħu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward.

    367    Il-WestLB jiddikjara wkoll li l-Kummissjoni ma indirizzatx il-kwistjoni dwar liema huwa s-suq inkwistjoni jew is-“settur ikkonċernat” li fi ħdanu għandu jkun mistenni r-redditu medju li fuq il-bażi tiegħu hija bbażat id-deċiżjoni tagħha, kwistjoni wara kollox fundamentali sabiex jiġi ddeterminat fi proċedura li tidħol fl-ambitu tad-dritt dwar l-għajnuna r-redditu medju li jista’ jiġi offrut fi ħdan fergħa ekonomika partikolari.

    368    Il-Land isostni wkoll li, peress li ma kkunsidratx ċerti argumenti essenzjali tal-analiżi u d-data u l-informazzjoni ppreżentati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tar-rata ta’ redditu bażi, il-Kummissjoni ma offriet ebda motivazzjoni f’dan ir-rigward (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 1993, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑364/90, Ġabra p. I‑2097, punti 44 u 45).

    369    Il-Kummissjoni toġġezzjona li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tar-rata ta’ redditu bażi ta’ 12 % wara t-taxxa, u ssostni li dik ir-rata hija fondata.

    370    Fl-ewwel lok, il-konvenuta tikkontesta l-affermazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex immotivata fir-rigward tat-tip ta’ rata ta’ redditu bażi li hija użat.

    371    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni, appoġġata mill-BdB, tikkontesta l-argument li l-kreditu tat-taxxa li jirriżulta mill-proċedura ta’ tpaċija kellu jiġi kkunsidrat bħala element tar-remunerazzjoni tal-investitur. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan il-kreditu tat-taxxa huwa intiż biss biex jikkumpensa t-telf li jirriżulta minn taxxa doppja. Hija tikkontesta wkoll il-fondatezza tal-osservazzjonijiet relatati mal-qasam fiskali li saru mir-rikorrenti f’dan ir-rigward u tispjega għalfejn il-kalkoli tal-piż fiskali ma jistgħux jiġu kkunsidrati globalment biex jiġi ddeterminat ir-redditu medju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq.

    372    Il-BdB u l-Kummissjoni jsostnu wkoll li l-proċedura ta’ imputazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji hija assolutament inapplikabbli għar-remunerazzjoni miftiehma għall-kapital tal-WfA, għaliex dik ir-remunerazzjoni hija fissa waqt li dik il-proċedura tapplika fil-Ġermanja biss meta l-investitur jirċievi mingħand l-impriża kumpens fil-forma ta’ parteċipazzjoni fil-profitti.

    373    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tal-valur tar-rata ta’ redditu bażi użata mill-konvenuta, din tal-aħħar tenfasizza li, fil-premessa 209 tad-deċiżjoni kkontestata, hija semmiet espressament il-bażijiet tal-kalkolu tar-rata inkwistjoni, jiġifieri l-esperjenza tagħha stess, diversi dikjarazzjonijiet u studji ta’ banek ta’ investiment u ta’ kumpanniji ta’ konsulenza dwar ir-redditi reali u mistennija tal-kapital proprju u tal-investimenti, id-dikjarazzjonijiet tal-pożizzjonijiet ikkomunikati mill-partijiet ikkonċernati kif ukoll deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni dwar kapital imqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ bank pubbliku minn Stat.

    374    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-BdB, targumenta li l-ispjegazzjonijiet f’dan ir-rigward li jinsabu fil-premessi 206 sa 209 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jinqraw fid-dawl tal-koerenza sistematika tagħhom u, b’mod speċjali, fil-kuntest tad-diversi skambji ta’ informazzjoni li kien hemm dwar dan is-suġġett bejn il-Kummissjoni u l-parteċipanti fil-proċedura amministrattiva u waqt li jitqies il-fatt li l-Kummissjoni għamlet referenza għal kriterji li l-WestLB kien jaf bħala operatur ekonomiku fis-settur.

    375    Il-konvenuta hija tal-fehma li l-ġurisprudenza ma teħtiġx li hija tipprovdi lir-rikorrenti lista dettaljata tal-metodi u tas-sorsi ta’ informazzjoni, jew spjegazzjoni tar-raġunament matematiku segwit fil-każ speċifiku, billi tindika l-elementi kollha tal-kalkolu użat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1995, Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et, C‑466/93, Ġabra p. I‑3799, punt 16; tad-29 ta’ Frar 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑122/94, Ġabra p. I‑881, punt 29; tat-12 ta’ Novembru 1998, L‑Italja vs Il‑Kunsill, C‑352/96, Ġabra p. I‑6937, punt 41).

    376    Il-Kummissjoni tallega li fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq, hija akkwistat esperjenza importanti dwar il-kwistjonijiet relatati mal-kontribuzzjonijiet ta’ kapital mill-awtoritajiet pubbliċi, mar-redditi mistennija mill-investituri u dwar it-tranżazzjonijiet relatati ma’ kapital fis-settur tas-servizzi finanzjarji. Il-Kummissjoni tfakkar, minn naħa waħda, li fid-deċiżjoni kkontestata, ħadet inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fl-istudju ta’ First Consulting, li b’hekk iservu biex jimmotivaw dik id-deċiżjoni, u, min-naħa l-oħra, li ħadet inkunsiderazzjoni d-dokumenti ppreżentati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kif jirriżulta mill-ispjegazzjoni ddettaljata dwar ir-rapport ta’ Lehman Brothers.

    377    Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi għad-Deċiżjoni 98/490 dwar Crédit Lyonnais biss safejn din tikkostitwixxi eżempju li juri li analiżi ddettaljati tas-settur bankarju Ewropew u l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq ippermettew ukoll li jiġi kkonstatat li hemm lok li jiġi ffissat għal 12 % ir-redditu mistenni għal investiment f’bank. Hija tispjega li hija mhux sempliċement ittrasponiet il-valur tar-rata msemmija fid-Deċiżjoni 98/490 u li hija rreferiet għaliha biss biex tenfasizza l-adegwatezza tar-rata ta’ remunerazzjoni adottata fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta r-rilevanza tar-referenza li saret mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għas-sentenza Alitalia vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, waqt li tenfasizza li f’din il-kawża r-rata ta’ redditu użata fid-Deċiżjoni 98/490 kienet biss wieħed mis-sorsi ta’ informazzjoni li għalihom irreferiet il-Kummissjoni. Barra minn hekk, dik ir-rata ma servitx biex jiġi eżaminat jekk l-investiment kienx jikkostitwixxi għajnuna, bħal fid-deċiżjoni li kienet is-suġġett tas-sentenza Alitalia vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, iżda serviet biss biex jiġi stabbilit jekk il-Crédit Lyonnais kienx vijabbli wara r-rijabilitazzjoni tiegħu.

    378    Fir-rigward tal-kalkolu tar-redditu minimu mistenni bir-rata bażi ta’ 12 % wara t-taxxa mħallsa mill-kumpannija, li, fl-1991, investitur kien jistenna mill-kapital tiegħu, jirriżulta mill-premessa 209 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-redditu medju miksub fis-settur bankarju, peress li, “fil-prattika, l-impriżi għandhom jikkonvinċu lill-investituri dwar il-kapaċità tagħhom li jipprovdu ta’ mill-inqas redditu medju fuq il-kapital ipprovdut”. F’dan il-kuntest, jekk “impriża ma tissodisfax [dawk] l-aspettattivi, l-investitur jikkunsidra li jinvesti f’impriża li toffri prospetti aħjar”.

    379    Il-Kummissjoni tallega li, fuq il-bażi tad-dokumenti li l-kontenut tagħhom huwa speċifikat fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti setgħu jifhmu għalfejn ir-redditu minimu mistenni ġie ffissat għal 12 % wara t-taxxa li għandha titħallas mill-impriża. Hija tgħid ukoll li dak il-valur ma tbiegħedx mill-valuri proposti fir-rapport ta’ Lehman Brothers, li l-WestLB kien ikkummissjona.

    380    Il-konvenuta tikkontesta wkoll il-kritika tal-Land li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-redditu reali ta’ impriżi paragunabbli, iżda li rreferiet, għall-ewwel darba fil-prattika tagħha, għal redditu futur mistenni, billi naqqset redditu minimu, mingħajr ma indikat il-proġezzjonijiet li kellhom jiġu stabbiliti u l-parametri essenzjali użati għal dak il-għan. Hija tammetti li essenzjalment ħadet inkunsiderazzjoni r-redditu mistenni, għaliex huwa dan tal-aħħar li jiggwida l-għażla ta’ investitur, iżda hija tallega li spjegat fid-dettall dan l-element (ara, per eżempju, il-premessi 162, 167, 171, 208 u 209 tad-deċiżjoni kkontestata).

    381    Finalment, il-Kummissjoni tiċħad li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argumenti essenzjali mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija eżaminat b’mod ferm dettaljat u fil-fond l-affermazzjonijiet u l-argumenti essenzjali kollha tal-partijiet ikkonċernati (ara, b’mod partikolari l-premessi 121 sa 138 tad-deċiżjoni).

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    382    Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-motivazzjoni tal-għażla, mill-Kummissjoni, ta’ rata ta’ redditu bażi kkalkulata wara t-taxxa, għandu jiġi enfasizzat li r-remunerazzjoni effettivament imħallsa mill-WestLB lil-Land tikkorrispondi għal redditu wara t-taxxa tal-impriża, iżda qabel it-taxxa tal-investitur. Ir-remunerazzjoni reali mħallsa annwalment mill-WestLB kienet ta’ 0.6 % wara t-taxxa dovuta mill-impriża jew 1.1 % qabel it-taxxa dovuta minnha.

    383    F’din il-kawża, il-Kummissjoni ffissat l-element ta’ għajnuna b’referenza għar-remunerazzjoni tal-Land wara t-taxxa dovuta mill-impriża prevista mit-tranżazzjoni inkwistjoni, li hija pparagunat mar-remunerazzjoni li hija qieset bħala adegwata għal dik it-tranżazzjoni. Dik il-konstatazzjoni tirriżulta, fl-ewwel lok mit-tabella Nru 7 tad-deċiżjoni kkontestata (premessa 232), li tnaqqas ir-“remunerazzjoni reali (wara t-taxxa)” mir-“remunerazzjoni konformi mas-suq”, kif ukoll mill-ispjegazzjoni li r-rata inkwistjoni tikkorrispondi għar-“redditu minimu mistenni ta’ 12 % wara t-taxxa” li tinsab fil-premessa 209 tad-deċiżjoni kkontestata. Din tirriżulta wkoll mill-premessa 69 u mill-aħħar sentenza tal-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata.

    384    B’hekk, jekk ir-remunerazzjoni reali ffissata mill-partijiet għat-tranżazzjoni inkwistjoni, li sservi bħala bażi għall-paragun li sar mill-Kummissjoni, tikkorrispondi għal redditu wara t-taxxa dovuta mill-impriża u qabel it-taxxa dovuta mill-investitur, allura, ir-remunerazzjoni adegwata kkalkulata mill-Kummissjoni ma setgħetx ħlief tikkorrispondi mal-istess tip ta’ redditu biex isservi bħala bażi għall-kalkolu tal-element ta’ għajnuna. Dan huwa fattur li r-rikorrenti u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma setgħux jinjoraw, peress li l-Kummissjoni mhux biss spjegat il-pożizzjoni tagħha f’termini teoretiċi, iżda, bħala konsegwenza, ikkalkulat ukoll l-ammonti preċiżi tal-għajnuna li għandha tiġi restitwita mill-WestLB skont l-istess kriterju.

    385    Barra minn hekk, fil-kuntest tad-deċiżjoni, ir-referenza li saret fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 45 tagħha għar-“redditi netti” hija ugwalment rilevanti għal dan il-għan. Il-fatt li l-kunċett ta’ “redditi netti” għandu jinftiehem bħala r-redditu wara t-taxxa dovuta mill-impriża, iżda qabel it-taxxa dovuta mill-investitur, jirriżulta loġikament mill-użu ta’ dak il-kunċett fil-kuntest tal-analiżi li saret fid-deċiżjoni kkontestata. Effettivament, dik id-deċiżjoni tanalizza t-tranżazzjoni inkwistjoni mill-perspettiva ta’ investitur privat, fejn ir-redditu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biex jagħżel l-investiment tiegħu huwa r-redditu wara t-taxxa dovuta mill-impriża.

    386    Bħala konklużjoni, għandu jiġi kkunsidrat li t-termini stess tad-deċiżjoni kkontestata jippermettu lir-rikorrenti u lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex jifhmu li r-rata ta’ redditu bażi użata mill-Kummissjoni tagħmel referenza għal redditu wara t-taxxa dovuta mill-impriża, iżda qabel it-taxxa dovuta mill-investitur. B’hekk, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni minħabba l-fatt li dik ir-rata hija wara t-taxxa għandu jiġi miċħud.

    387    F’dan ir-rigward, għandha tiġi miċħuda wkoll it-talba tal-WestLB biex il-Kummissjoni tiġi ordnata tippreżenta l-verżjonijiet kollha tal-abbozz tad-deċiżjoni kkontestata biex jiġi vverifikat it-tip ta’ rata ta’ redditu bażi użata mill-Kummissjoni. Effettivament, dawn ma jirrappreżentaw ebda aspett deċiżiv għall-istħarriġ tal-legalità li għandu jsir mill-qorti Komunitarja, peress li l-analiżi tat-test tad-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjenti biex jiġi vverifikat jekk l-obbligu ta’ motivazzjoni ġiex sodisfatt mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq).

    388    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument sostantiv dwar il-proċedura ta’ tpaċija relatata mat-taxxa fuq il-kumpanniji li kienet fis-seħħ fil-Ġermanja fiż-żmien tat-tranżazzjoni inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“proċedura tal-kreditu tat-taxxa”), għandu jiġi stabbilit jekk il-kreditu tat-taxxa li jirriżulta minn dik il-proċedura għandux jiġi kkunsidrat bħala element tar-remunerazzjoni tal-investitur, fil-kuntest tal-kalkolu tar-remunerazzjoni adegwata għat-tranżazzjoni inkwistjoni.

    389    Essenzjalment, dik il-proċedura hija kkaratterizzata mill-fatt li, biex tiġi evitata tassazzjoni doppja tal-profitti tal-kumpanniji, fl-ewwel lok, sabiex jiġi stabbilit id-dħul taxxabbli ta’ kull investitur, l-ammont imħallas mill-impriża bħala taxxa fuq il-profitti tal-kumpanniji jiġi imputat lill-azzjonist, fuq bażi pro rata skont il-kapital azzjonarju li huwa jkollu, bħala dħul, waqt li jiżdied ukoll l-ammont tad-dividendi li effettivament jirċievi dan tal-aħħar. It-taxxa fuq id-dħul li għandha titħallas mill-investitur b’hekk tiġi kkalkulata skont is-somma li tirriżulta minn din l-addizzjoni, iżda l-investitur jibbenefika, meta jiġi likwidat id-debitu fiskali, minn kreditu ta’ taxxa li jikkorrispondi għas-somma mħallsa mill-impriża bħala taxxa fuq il-profitti tal-kumpanniji, fuq bażi pro rata skont il-kapital azzjonarju li huwa jkollu, li b’hekk jitnaqqas mid-debitu fiskali tal-investitur.

    390    Ir-rikorrenti jsostnu li r-riżultati tal-paragun tar-redditi li sar mill-Kummissjoni ġew distorti għad-detriment tagħhom u b’kontradizzjoni mal-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq, minħabba l-fatt li ma ġiex ikkunsidrat il-kreditu tat-taxxa bħala parti mir-redditu tal-investitur.

    391    F’din il-kawża, fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li, kif għadu kif ġie spjegat (ara l-punt 386 iktar ’il fuq), mill-istess termini tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li t-tip ta’ rata ta’ redditu użat mill-Kummissjoni jikkorrispondi għal redditu wara t-taxxa dovuta mill-impriża, iżda qabel it-taxxa dovuta mill-investitur, biex b’hekk jirrigwarda biss id-dividendi effettivament imħallsa lil dan tal-aħħar. Ir-redditu użat mill-Kummissjoni bħala punt ta’ tluq tal-kalkolu tagħha b’hekk ma jinkludix il-kreditu tat-taxxa li minnu investitur privat seta’ jibbenefika fiż-żmien tat-tranżazzjoni inkwistjoni.

    392    Din l-għażla tal-Kummissjoni ma tistax titqies bħala manifestament żbaljata. Għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri fil-każ ta’ investituri privati, il-proċedura tal-kreditu tat-taxxa ma tapplikax għal-Land. Effettivament, il-proċedura tal-kreditu tat-taxxa hija intiża biss biex tikkumpensa l-possibbiltà ta’ tassazzjoni doppja tal-profitti tal-kumpanniji. Peress li l-Land mhuwiex suġġett għat-taxxa fuq id-dividendi li huwa jirċievi mingħand il-WestLB, dawk id-dividendi b’hekk mhumiex suġġetti għal tassazzjoni doppja.

    393    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-kreditu tat-taxxa ma ġiex ikkunsidrat biex tiġi stabbilita r-remunerazzjoni adegwata għall-investiment tal-Land ma joħloqx distorsjoni fil-paragun li sar mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

    394    Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-motivazzjoni tal-valur tar-rata ta’ redditu bażi użata mill-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li l-unika referenza li hemm f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata tinsab fil-premessa 209, li tipprovdi skont kif ġej:

    “Matul l-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat, flimkien mal-esperjenza tagħha, diversi dikjarazzjonijiet u studji ta’ banek ta’ investiment u ta’ kumpanniji ta’ konsulenza dwar ir-redditi reali u mistennija fuq kapital proprju u investiment, kif ukoll l-adozzjonijiet ta’ pożizzjoni kkomunikati mid-diversi partijiet. Fuq il-bażi ta’ dik l-informazzjoni, tal-esperjenza tagħha f’dan il-qasam, tal-istatistiċi tas-suq u tad-deċiżjonijiet preċedenti tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tassumi redditu minimu mistenni ta’ 12 % wara t-taxxa fuq dak l-investiment ta’ natura ta’ kapital proprju, fid-data tat-trasferiment. [...]”

    395    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, fih innifsu, it-test tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermettix li wieħed jifhem il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ta’ importanza essenzjali fl-għażla li saret mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar il-valur tar-rata ta’ redditu bażi biex tiġi kkalkulata r-remunerazzjoni adegwata. Effettivament, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sempliċement telenkat s-sorsi ta’ informazzjoni li użat bħala bażi għall-għażla tagħha, iżda ma tirriproduċix il-kontenut tagħhom b’mod li tispjega sa liema grad u abbażi ta’ liema kunsiderazzjonijiet hija kkunsidrat dawk is-sorsi biex tadotta d-deċiżjoni tagħha.

    396    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkunsidrat li r-referenzi li saru mill-Kummissjoni lanqas ma jippermettu li wieħed jifhem l-għażla tagħha f’dan ir-rigward. Effettivament, fir-rigward tad-“dikjarazzjonijiet u studji ta’ banek ta’ investiment u ta’ kumpanniji ta’ konsulenza”, kif ukoll tad-“dikjarazzjonijiet ta’ pożizzjonijiet ikkomunikati mid-diversi partijiet”, għandu jiġi osservat li tali referenza ġenerali għal dokumenti u dikjarazzjonijiet ta’ pożizzjonijiet, li kienu jipproponu analiżi opposti, b’riżultati differenti, ma tistax titqies bħala adattata biex tagħti spjegazzjoni tal-motivi tal-għażla tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li r-rapport ta’ First Consulting, li kien l-aktar qrib tal-valur tar-rata ta’ redditu bażi użata mill-Kummissjoni, ġie biss ikkomunikat lir-rikorrenti u lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja eżatt qabel il-proċedura orali f’dawn il-kawżi.

    397    Fir-rigward tal-“esperjenza fis-suġġett” tal-Kummissjoni, għandu jingħad li tali referenza ma tipprovdix ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata b’mod li l-qorti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità u li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom.

    398    Għal dak li jirrigwarda d-“deċiżjonijiet preċedenti dwar l-għajnuna mill-Istat” tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-unika referenza preċiża li saret mill-konvenuta fid-deċiżjoni kkontestata hija dik dwar id-Deċiżjoni 98/490 dwar Crédit Lyonnais. Madankollu, kif tafferma l-Kummissjoni, dik il-kawża tikkostitwixxi biss eżempju li jsostni l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iffissar ta’ rata ta’ redditu bażi f’din il-kawża. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni b’ebda mod ma tispjega fid-deċiżjoni kkontestata r-rilevanza f’din il-kawża tar-redditu meħtieġ f’kuntest ieħor.

    399    Fit-tielet lok, għandu jiġi analizzat l-argument tal-konvenuta li r-rikorrenti u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja setgħu jifhmu l-għażla tal-Kummissjoni minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura amministrattiva u l-għarfien tal-WestLB bħala operatur ekonomiku fis-settur. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinsisti fuq il-fatt li l-għażla tal-valur tar-rata ta’ redditu bażi li hija użat setgħet tinftiehem fil-kuntest ta’ diversi rapporti esperti skambjati matul il-proċedura amministrattiva u, b’mod partikolari, li dawk ir-rati ma tbiegħdux mill-valur imsemmi fir-rapport ta’ Lehman Brothers ipprovdut mill-WestLB.

    400    Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li r-rikorrenti pparteċipaw fil-proċedura, jew li l-WestLB huwa operatur ekonomiku fis-settur ikkonċernat, ma jimplikax li f’din il-kawża huma jinsabu f’pożizzjoni li jkunu jafu l-motivi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-għażla tagħha tal-valur tar-rata ta’ redditu bażi użata. Bl-istess mod, il-fatt li l-WestLB ipprovda rapport li jsemmi rata ta’ redditu simili għal dik tal-Kummissjoni mhuwiex biżżejjed fih innifsu biex jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata f’dan ir-rigward. Effettivament, is-sempliċi eżistenza ta’ dak ir-rapport, li adotta approċċ analitiku u ppropona remunerazzjoni finali li huma t-tnejn differenti minn dawk tad-deċiżjoni kkontestata, u li l-kontenut tiegħu lanqas mhu riprodott f’dik id-deċiżjoni, ma jistax jeżenta lill-Kummissjoni mill-obbligu li timmotiva l-valur tar-rata li hija użat.

    401    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li l-ġurisprudenza ma tobbligahiex tipprovdi lir-rikorrenti lista dettaljata tal-metodi u tas-sorsi ta’ informazzjoni, jew spjegazzjoni tar-raġunament matematiku segwit fil-każ speċifiku, għandu jiġi ppreċiżat li din l-affermazzjoni hija eżatta, iżda li, peress li tali rekwiżit mhuwiex inkwistjoni, il-ġurisprudenza ċċitata ma tistax tintuża bħala bażi għas-suffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-valur tar-rata ta’ redditu inkwistjoni.

    402    Effettivament, il-kritika li tista’ ssir lill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata mhijiex dwar in-nuqqas ta’ deskrizzjoni eżawrjenti tar-raġunament matematiku segwit f’din il-kawża, iżda, sempliċement, in-nuqqas ta’ spjegazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu lill-Kummissjoni biex tagħżel il-valur tar-rata ta’ redditu inkwistjoni.

    403    Finalment, għandu jiġi enfasizzat li, f’din il-kawża, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa ta’ importanza aktar fundamentali peress li l-valur tar-rata ta’ redditu bażi li eżiġiet il-Kummissjoni jikkostitwixxi element ċentrali tal-kalkolu tar-remunerazzjoni adegwata tat-tranżazzjoni inkwistjoni, li sar fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat.

    404    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE fir-rigward tal-iffissar għal 12 % tal-valur tar-rata ta’ redditu bażi użata fil-kalkolu tar-remunerazzjoni adegwata. B’hekk, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward għandu jiġi milqugħ.

    405    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar id-diversi argumenti li jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-valur ta’ dik ir-rata.

     ii) Fuq iż-żieda għal riskji ta’ 1.5 %


     Argumenti tal-partijiet

    406    Ir-rikorrenti huma tal-fehma li l-motivazzjoni tal-iffissar tar-rata ta’ żieda għar-riskji ta’ 1.5 % mhijiex suffiċjenti. Id-deċiżjoni sempliċement tirreferi għar-rapport ta’ First Consulting u ma tispjegax l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tat lil dik ir-rapport. Id-deċiżjoni lanqas ma tispjega għalfejn, fir-rigward tal-medda ta’ rati indikata mill-Kummissjoni bħala ġġustifikata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 49 ta’ dik id-deċiżjoni, il-valur medju ta’ dik il-medda għandu jitqies bħala l-valur minimu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkontestaw ir-rilevanza tal-ittra tal-Kummissjoni dwar l-impriża Sidmar imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 48 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-iffissar tar-rata taż-żieda. F’dan ir-rigward, huma jaffermaw li ma kinux jafu dwar dik l-ittra qabel din il-proċedura kontenzjuża u jikkontestaw ir-rilevanza tal-kontenut tagħha għal din il-kawża.

    407    Ir-rikorrenti jikkontestaw ukoll il-fondatezza tar-raġunijiet ippreżentati mill-Kummissjoni biex tistabbilixxi żieda fir-rata bażi tar-remunerazzjoni adegwata. F’dan ir-rigward, il-WestLB jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex tordna lill-Kummissjoni tikkomunika l-isem tal-bank Amerikan kif ukoll iċ-ċirkustanzi konkreti tal-kontribut ta’ kapital li hija tirreferi għalihom fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 47 tad-deċiżjoni kkontestata.

    408    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-BdB, tikkontesta l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni u ssostni l-fondatezza tad-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward.

    409    Hija tallega li spjegat fid-dettall, fil-premessi 210 u 215 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tiġi stabbilita r-rata ta’ 1.5 % ta’ żieda relatata mar-riskji, kif ukoll l-importanza tagħhom u l-effett tagħhom fuq ir-remunerazzjoni li investitur li jopera f’ekonomija tas-suq kien jeżiġi għall-kontribuzzjoni tiegħu ta’ kapital. Hija tikkunsidra li l-fatt li għażlet il-valur medju fuq il-bażi ta’ żewġ valuri estremi indikati mill-espert tagħha jista’ jinftiehem mal-ewwel, meta jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet ippreżentati fid-deċiżjoni kkontestata. Il-konvenuta ssostni wkoll li l-fatturi li jeħtieġu l-applikazzjoni ta’ żieda jikkostitwixxu wkoll il-parametri implementati biex tiġi ddeterminata r-rata ta’ dik iż-żieda u li, peress li ma jeżistix mudell matematiku li jippermetti li tiġi kkalkulata r-rata preċiża taż-żieda, il-Kummissjoni għandha tirrikorri għas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

    410    Il-konvenuta tallega wkoll li, peress li għamlet il-kalkoli tagħha kollha biex tiddetermina r-remunerazzjoni adegwata fuq il-bażi tal-valuri wara t-taxxa, huwa loġiku li ż-żieda għar-riskji ta’ 1.5 % tkun, hija wkoll, neċessarjament valur wara t-taxxa dovuta mill-impriża.

    411    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li, fid-deċiżjoni kkontestata, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 48 tagħha, hija għamlet referenza għal ittra li, fil-25 ta’ Lulju 1984, kienet indirizzat lill-Istat Belġjan fir-rigward tal-impriża Sidmar. Hija tiddikjara li dik l-ittra ssemmi li, minħabba l-fatt li ishma mingħajr dritt tal-vot għandhom jagħtu dividend preferenzjali ogħla mil-livell normali, kull kontribuzzjoni ta’ kapital mingħajr dritt tal-vot tiġġustifika żieda ta’ 2 %. Il-Kummissjoni tgħid ukoll li, matul il-proċedura amministrattiva, hija infurmat lir-rikorrenti dwar il-prattika deċiżjonali tagħha, li ġiet segwita fid-deċiżjoni kkontestata. Hija tikkonkludi li, fid-dawl tar-rata baxxa applikata, b’referenza għall-ittra msemmija iktar ’il fuq u għad-diskussjonijiet dettaljati dwar il-kundizzjonijiet li kellhom jiġu kkunsidrati, investituri ta’ esperjenza bħall-WestLB u l-Land jistgħu jifhmu mingħajr diffikultà d-deċiżjoni tal-Kummissjoni anki mingħajr spjegazzjonijiet mingħand din tal-aħħar dwar il-metodu li hija segwiet.

    412    Finalment, hija tinvoka l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 375 iktar ’il fuq insostenn tal-pożizzjoni tagħha dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward taż-żieda inkwistjoni.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    413    Fir-rigward tal-motivazzjoni taż-żieda ta’ 1.5 % tar-redditu bażi, għandu jiġi kkonstatat li l-premessi 210 u 215 tad-deċiżjoni kkontestata jsemmu l-motivi li wasslu lill-Kummissjoni biex tqis li r-rata ta’ redditu bażi kellha tkun suġġetta għal żieda. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-motivazzjoni tal-fatt li r-rata ta’ żieda kienet rata wara t-taxxa tirriżulta loġikament mill-fatt li l-Kummissjoni kienet ikkalkulat ukoll rata ta’ redditu bażi wara t-taxxa.

    414    Madankollu, għal dak li jirrigwarda l-motivazzjoni tal-valur tar-rata taż-żieda nfisha, għandu jiġi osservat li n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 49 tad-deċiżjoni kkontestata tagħmel referenza għar-rapport ta’ First Consulting. Dik in-nota sempliċement tiddikjara li dak ir-rapport, li ġie ppreżentat bħala “studju espert ikkummissjonat mill-Kummissjoni”, “jenfasizza li investitur li jopera f’ekonomija tas-suq kien jistenna żieda għal kull waħda minn dawk iċ-ċirkustanzi partikolari, [imsemmija fit-test tad-deċiżjoni,] u jipproponi li tiġi ffissata żieda minn 1 sa 2 % għal dawk it-tlett aspetti kollha”.

    415    Barra minn hekk, in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 48 tal-istess deċiżjoni tiddikjara:

    “Il-Kummissjoni diġà kkonstatat f’diversi deċiżjonijiet li l-ishma mingħajr dritt ta’ vot għandhom jagħtu dividend preferenzjali, ogħla mil-livell normali (ara, per eżempju, l-ittra indirizzata mill-Kummissjoni lill-Istat Belġjan, tal-25 ta’ Lulju 1984, dwar l-impriża Sidmar).”

    416    Huwa evidenti li t-test tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermettix li wieħed jifhem b’mod ċar ir-raġunament tal-konvenuta dwar l-għażla tagħha tal-valur tar-rata ta’ żieda applikata f’din il-kawża. Barra minn hekk, qabel il-proċedura kontenzjuża, ir-rikorrenti la kellhom aċċess għar-rapport ta’ First Consulting u lanqas għall-ittra dwar l-impriża Sidmar, li huma setgħu jikkonsultaw biss eżatt qabel il-proċedura orali f’dawn il-kawżi. Barra minn hekk, dik l-ittra, ta’ Lulju 1984, tirrigwarda impriża tal-azzar Belġjana u mhuwiex possibbli li wieħed jifhem għalfejn raġunament użat għal dik l-impriża f’dak iż-żmien seta’ japplika għat-tranżazzjoni inkwistjoni.

    417    Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 375 iktar ’il fuq, dan għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet imsemmija fil-punti 401 u 402 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, il-grad ta’ motivazzjoni meħtieġ minn dik il-ġurisprudenza ma ntlaħaqx f’din il-kawża fir-rigward tal-iffissar tar-rata ta’ żieda.

    418    Minn dak li ntqal iktar’il fuq jirriżulta li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE fir-rigward tar-rata ta’ żieda ta’ 1.5 % tar-rata ta’ redditu bażi użata biex tiġi kkalkulata r-remunerazzjoni adegwata. L-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward b’hekk għandu jiġi aċċettat.

    419    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar l-argumenti relatati mal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata dwar dan il-punt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas mhu meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar it-talba tar-rikorrenti fil-kawża T‑228/99 biex il-Kummissjoni tiġi ordnata tikkomunika l-isem tal-bank Amerikan kif ukoll iċ-ċirkustanzi konkreti tal-kontribuzzjoni ta’ kapital li għalihom hija rreferiet fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47 tad-deċiżjoni kkontestata.

    IX –  Konklużjonijiet

    420    Mill-eżami tal-motivi kollha ssollevati f’dawn il-kawżi jidher li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fuq żewġ elementi li ntużaw għall-kalkolu tar-remunerazzjoni adegwata tat-tranżazzjoni inkwistjoni, relatati, rispettivament, mal-valur tar-rata ta’ redditu bażi ta’ 12 % u mal-valur tar-rata ta’ żieda ta’ 1.5 % ta’ dik ir-rata ta’ redditu bażi (ara l-punti 394 sa 404 u 414 sa 418 iktar ’il fuq). Il-Qorti tal-Prim’Istanza hija tal-fehma li dawk iż-żewġ elementi huma ta’ importanza essenzjali fl-iskema ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, dik id-deċiżjoni għandha tiġi annullata.

     Fuq l-ispejjeż

    421    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti, kif mitlub mir-rikorrenti.

    422    Skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Il-BdB, bħala parti intervenjenti, peress li tilfet, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża),

    taqta’ u tiddeċiedi

    1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/392/KE, tat-8 ta’ Lulju 1999, dwar il-miżura implementata mill-Ġermanja favur il-Westdeutsche Landesbank ─ Girozentrale (WestLB), hija annullata.

    2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti, kif ukoll l‑ispejjeż tagħha stess.

    3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Bundesverband deutscher Banken eV għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

    Moura Ramos

    Tiili

    Pirrung

    Mengozzi

     

          Meij

    Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Marzu 2003.

    Reġistratur

     

          President

    H. Jung

     

          R. M. Moura Ramos

    Werrej


    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    I –  Sfond tal-kwistjoni

    A –  Rekwiżiti dwar kapital proprju imposti mid-Direttiva dwar il-fondi proprji u mid-Direttiva dwar is-solvenza

    B –  WestLB

    C –  WfA

    D –  Integrazzjoni tal-WfA fi ħdan il-WestLB

    II –  Proċedura amministrattiva

    III –  Id-deċiżjoni kkontestata

    A –  Analiżi ġenerali

    B –  Analiżi dwar ir-remunerazzjoni adegwata għall-kapital

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    Fuq il-mertu

    IV –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata

    A –  Argumenti tal-partijiet

    B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    V –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

    A –  Argumenti tal-partijiet

    B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    VI –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ formalitajiet essenzjali

    A –  L-ewwel parti: id-dritt tas-smigħ tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    1.  Argumenti tal-partijiet

    2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    B –  It-tieni parti: konstatazzjonijiet żbaljati ta’ ċirkustanzi fattwali

    1.  Argumenti tal-partijiet

    2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    C –  It-tielet parti: ksur tal-prinċipju ta’ newtralità

    1.  Argumenti tal-partijiet

    2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    VII –  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 87(1) KE u 295 KE, fir‑rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat

    A –  L-ewwel parti: eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat

    1.  Argumenti tal-partijiet

    2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    B –  It-tieni parti: twessigħ illegali tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat

    1.  Ksur tal-Artikolu 295 KE

    a)  Argumenti tal-partijiet

    b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    2.  Applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq għal impriża li tagħmel qligħ

    a)  Argumenti tal-partijiet

    b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    3.  Rekwiżit ta’ redditu medju fis-settur ikkonċernat fuq il-kapital ipprovdut mill-investitur pubbliku

    a)  Argumenti tal-partijiet

    i) Fuq in-nuqqas ta’ kompatibbiltà tar-rekwiżit ta’ redditu medju mal-Artikolu 87(1) KE

    ii) Fuq il-kontradizzjoni bejn id-deċiżjoni kkontestata u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1993, il-prattika preċedenti tagħha u l-ġurisprudenza

    iii) Fuq il-ksur tal-Artikolu 295 KE permezz tar-rekwiżit ta’ redditu medju

    b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    VIII –  Fuq il-ħames u s-sitt motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikoli 87(1) KE u 295 KE, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat, fit-tieni lok, tal-fatt li skont il-Kummissjoni t-tranżazzjoni inkwistjoni toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u, fit-tielet lok, tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq

    A –  L-ewwel parti: ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat

    1.  Argumenti tal-partijiet

    2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    B –  It-tieni parti: ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u ksur tal-Artikolu 87(1) KE, għal dak li jirrigwarda l-fatt li t-tranżazzjoni inkwistjoni toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri

    1.  Argumenti tal-partijiet

    2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    C –  It-tielet parti: ksur tal-Artikoli 87(1) KE u 295 KE, għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-prinċipju tal-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq, u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ ċerti elementi kkunsidrati fil-kalkolu tar-remunerazzjoni adegwata

    1.  Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi partikolari tat-tranżazzjoni inkwistjoni

    a)  Argumenti tal-partijiet

    b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    2.  Remunerazzjoni adegwata għall-ammont ta’ DEM 3,4 biljun tal-patrimonju tal-WfA li ma jistax jintuża bħala garanzija għat-tranżazzjonijiet proprji tal-WestLB

    a)  Argumenti tal-partijiet

    b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    3.  Remunerazzjoni adegwata għall-ammont ta’ DEM 2.5 biljun tal-patrimonju tal-WfA li jista’ jintuża bħala garanzija għat-tranżazzjonijiet proprji tal-WestLB

    a)  Paragunabbiltà tat-trasferiment tal-patrimonju tal-WfA ma’ strumenti relatati ma’ fondi proprji

    Argumenti tal-partijiet

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    b)  Neċessità li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-Land fil-WestLB

    Argumenti tal-partijiet

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    c)  Fuq ir-rata ta’ redditu finali ta’ 9.3 %

    i) Fuq ir-rata ta’ 12 % ta’ redditu bażi

    Argumenti tal-partijiet

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    ii) Fuq iż-żieda għal riskji ta’ 1.5 %

    Argumenti tal-partijiet

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    IX –  Konklużjonijiet

    Fuq l-ispejjeż




    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Top