This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 61964CJ0006
Judgment of the Court of 15 July 1964. # Flaminio Costa v E.N.E.L. # Reference for a preliminary ruling: Giudice conciliatore di Milano - Italy. # Case 6-64.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Lulju 1964.
Flaminio Costa vs E.N.E.L.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Giudice conciliatore di Milano - l-Italja.
Kawża 6-64.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Lulju 1964.
Flaminio Costa vs E.N.E.L.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Giudice conciliatore di Milano - l-Italja.
Kawża 6-64.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:1964:66
*A9* Giudice conciliatore di Milano, Sezione I, ordinanza del 16/01/1964 21/01/1964 (RG 1907/63)
- Il Foro italiano 1964 I p.460-464
- Il diritto negli scambi internazionali 1966 p.55-61
- Il Foro padano 1966 V Col.1-8
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
15 ta' Lulju 1964 (*)
Fil-kawża C-6/64
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE imressqa mill-giudice conciliatore di Milano, li tfittex li tikseb l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 102, 93, 53 u 37 ta' l-imsemmi Trattat fil-kawża pendenti quddiem din il-Qorti,
Flaminio Costa
vs
Enel - Ente Nazionale Energia Elettrica impresa già della Edisonvolta
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,
komposta minn A. M. Donner, President, Ch. L. Hammes u A. Trabucchi, Presidenti ta' Awla, L. Delvaux, R. Rossi, R. Lecourt (Relatur), W. Strauss, Imħallfin
Avukat Ġenerali: M. Lagrange,
Reġistratur: A. Van Houtte,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Permezz ta' digriet tas-16 ta’ Jannar 1964, debitament mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-giudice conciliatore di Milano, “wara li kkunsidra l-Artikolu 177 tat-Trattat tal-25 ta’ Marzu, 1957 li jistabbilixxi l-KEE, inkorporat fil-liġi Taljana bil-liġi nru. 1203 ta’ l-14 ta’Ottubru, 1957, u wara li kkunsidra l-allegazzjoni li l-liġi nru. 1643 tas-6 ta’ Diċembru 1962 u d-digrieti presidenzjali maħruġa in eżekuzzjoni ta’ dik il-liġi jiksru l-Artikoli 102, 93, 53 u 37 tat-Trattat imsemmi hawn fuq”, issospenda l-proċedimenti u ordna li l-proċess jintbagħat lill-Qorti tal-Ġustizzja.
Fuq l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 177
Ir-raġuni bbażata fuq il-mod li bih hi fformulata d-domanda
Qed isir l-ilment li l-intenzjoni wara d-domanda in kwistjoni kienet li tinkiseb, permezz ta’ l-Artikolu 177, deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta' liġi nazzjonali mat-Trattat.
Mill-Fkliem ta' dan l-Artikolu, madankollu, il-qrati jew tribunali ta' Stat Membru li kontra d-deċiżjoni tagħhom, bħal f’dan il-każ, ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju, għandhom jirreferu l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tkun tista' tingħata deċiżjoni preliminari fuq l-“interpretazzjoni tat-Trattat” meta tali kwistjoni titqajjem quddiemhom. Din id-dispożizzjoni la tagħti ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tapplika t-Trattat għal każ speċifiku u lanqas biex tiddeċiedi dwar il-validità ta’ dispożizzjoni ta’ liġi domestika b’relazzjoni għat-Trattat, kif tista' tagħmel fil-kuntest ta' l-Artikolu 169.
Madankollu, il-Qorti għandha s-setgħa li tagħżel minn fost id-domandi mhux ifformulati sewwa mill-Qorti nazzjonali biss dawk id-domandi relatati ma' interpretazzjoni tat-Trattat.
Konsegwentament għandha tingħata deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja mhux fuq il-validità ta’ liġi Taljana b’relazzjoni għat-Trattat, iżda biss fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli hawn fuq imsemmija fid-dawl tal-punti legali esposti mill-giudice conciliatore.
Ir-raġuni bbażata fuq in-nuqqas ta' ħtieġa li tingħata interpretazzjoni,
Qed isir l-ilment li l-Qorti ta’ Milan talbet interpretazzjoni tat-Trattat li ma kinitx meħtieġa għas-soluzzjoni tal-kawża quddiemha.
Peress illi, madankollu, l-Artikolu 177 huwa bbażat fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, huwa la jawtorizza lil din ta’ l-aħħar biex teżamina l-fatti tal-kawża u lanqas biex tistħarreġ ir-raġunijiet u l-iskop tat-talba għal interpretazzjoni.
Ir-raġuni bbażata fuq l-obbligu tal-Qorti nazzjonali li tapplika l-liġi nazzjonali
Il-gvern taljan jissottometti li t-talba tal-giudice conciliatore hija “assolutament inammissibbli”, għar-raġuni li peress illi l-Qorti nazzjonali għandha l-obbligu li tapplika l-liġi nazzjonali, hija ma tistax tagħmel użu mill-Artikolu 177.
B’kuntrast ma' Trattati internazzjonali normali, it-Trattat KEE ħoloq sistema legali tiegħu li, mal-bidu fis-seħħ tat-Trattat, sar parti integrali tas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri u li l-qrati tagħhom huma marbuta li japplikaw.
Fil-fatt, bil-ħolqien ta’ Komunità għal żmien illimitat, li għandha l-istituzzjonijiet tagħha, il-personalità tagħha, il-kapaċità legali tagħha, kapaċità ta’ rappreżentanza fuq il-livell internazzjonali u, aktar partikolarment, setgħat veri li jitnisslu minn limitazzjoni ta’ kompetenza jew minn trasferiment ta’ poteri mill-Istati lill-Komunità, l-Istati Membri limitaw id-drittijiet sovrani tagħhom, għalkemm f'oqsma limitati, u b'hekk ħolqu ġabra ta’ liġijiet li torbot kemm liċ-ċittadini tagħhom kif ukoll lilhom stess.
Din l-integrazzjoni, fil-liġijiet ta’ kull stat membru, ta’ dispożizzjonijiet imnissla minn fonti komunitarji, u aktar ġeneralment it-termini u l-ispirtu tat-Trattat, jagħmluha impossibli għall-Istati, bħala konsegwenza, li jagħtu preċedenza lil miżura unilaterali u sussegwenti fuq sistema legali aċċettata minnhom fuq il-bażi ta’ reċiproċità. Miżura bħal din ma tistax għalhekk tiġi infurzata kontra dik is-sistema legali.
Il-forza eżekuttiva tad-dritt komunitarju ma tistax tvarja minn stat wieħed għal ieħor skond il-liġijiet nazzjonali sussegwenti, mingħajr ma tippreġudika l-ksib ta’ l-għanijiet tat-Trattat stabbiliti fl-Artikolu 5(2), u mingħajr ma tagħti lok għal diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 7.
L-obbligi stipulati fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità ma jkunux inkundizzjonati, imma sempliċement kontinġenti, jekk ikunu kontestabbli minn atti leġiżlattivi sussegwenti tal-firmatarji.
Kull meta t-Trattat jagħti lill-Istati d-dritt li jaġixxu unilateralment, jagħmel dan b’dispożizzjonijiet ċari u preċiżi (bħal, per eżempju, fl-Artikoli 15, 93(3), 223, 224 u 225). Min-naħa l-oħra, talbiet a' Stati Membri għal awtorizzazzjoni biex jidderogaw mit-Trattat huma suġġetti għal proċeduri ta’ awtorizzazzjoni (per eżempju fl-Artikoli 8(4), 17(4), 25, 26, 73, it-tielet sub paragrafu ta’ l-Artikolu 93(2) u 266) li jitilfu l-iskop tagħhom li kieku l-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw għall-obbligi tagħhom permezz ta’ liġi ordinarja.
Il-preminenza tad-dritt komunitarju hija kkonfermata mill-Artikolu 189, li jgħid li regolament “għandu jkun jorbot” u “direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha”.
Din id-dispożizzjoni, li ma hija suġġetta għal ebda riżerva, ma tkunx tagħmel sens li kieku stat jista' unilateralment iħassar l-effetti tagħha permezz ta’ miżura leġiżlattiva li tkun tista' tipprevali fuq id-dritt komunitarju.
Minn dawn l-osservazzjonijiet isegwi li peress li hija mnissla minn fonti indipendenti, il-liġi li toħroġ mit-Trattat, ma tistax, minħabba n-natura speċjali u oriġinali tagħha, tkun suġġetta għal dispożizzjonijiet legali domestiċi, indipendentement minn kif ikunu fformulati, mingħajr ma tiġi mċaħħda min-natura tagħha bħala liġi komunitarja u mingħajr ma jitqajmu dubji dwar il-bażi legali tal-Komunità nnifisha.
It-trasferiment mill-Istati tad-drittijiet u l-obbligi li joħorġu mit-Trattat, mis-sistema legali domestika tagħhom favur is-sistema legali komunitarja, iġib miegħu limitazzjoni permanenti tad-drittijiet sovrani tagħhom, li kontra tagħha ma jistax jipprevali att unilaterali sussegwenti li jkun inkompatibbli mal-kunċett tal-Komunità. Konsegwentement l-Artikolu 177 għandu jiġi applikat minkejja kwalunkwe liġi domestika, kull meta titqajjem kwistjoni ta' interpretazzjoni tat-Trattat.
Id-domandi magħmula mill-giudice conciliatore rigward l-Artikoli 102, 93, 53 u 37 huma diretti biex jiġi ddikjarat l-ewwel nett jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipproduċux effetti diretti u jekk joħolqux drittijiet individwali li qrati nazzjonali għandhom jipproteġu, u, fil-każ ta' tweġiba affermattiva, x’inhi t-tifsira tagħhom.
Fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 102
L-Artikolu 102 jipprovdi li, jekk “ikollu raġuni għax jibża” li dispożizzjoni leġiżlattiva tista' toħloq "nuqqas ta' bilanċ [distorsjoni]", l-Istat Membru li jkun irid jipproċedi biha għandu “jikkonsulta l-kummissjoni”; il-Kummissjoni tista' tirrakkomanda lill-Istati l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa biex tiġi evitata l-imsemmija distorsjoni.
Dan l-Artikolu, li jaqa' taħt il-kapitolu dwar “approssimazzjoni ta’ liġijiet”, huwa intiż biex jipprevjeni li jiżdiedu d-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, fir-rigward ta’ l-għanijiet tat-Trattat.
Permezz ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri limitaw il-libertà tagħhom ta’ inizjattiva billi aċċettaw li jissuġġettaw ruħhom għal proċedura xierqa ta’ konsultazzjoni. Billi ntrabtu mingħajr ambigwità għal konsultazzjoni bil-quddiem mal-Kummissjoni f’dawk il-każijiet kollha fejn l-abbozzi leġiżlattivi tagħhom jistgħu joħolqu riskju, minkejja li jkun żgħir, ta’ distorsjoni possibbli, l-Istati intrabtu b’obbligu lejn il-Komunità, li jorbothom bħala stati, iżda li ma joħloqx drittijiet individwali li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu.
Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni hija marbuta li tassigura li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jiġu osservati, imma dan l-obbligu ma jagħtix lill-individwi d-dritt li jallegaw, fil-kuntest tad-dritt komunitarju u permezz ta’ l-Artikolu 177, in-nuqqas ta' l-Istat ikkonċernat li jwettaq uħud mill-obbligi tiegħu jew il-ksur ta' dmirijiet min-naħa tal-Kummissjoni.
Fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 93
Skond l-Artikolu 93(1) u (2), il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha “teżamina kostantement […] is-sistemi kollha ta' għajnuna li jeżistu f'dawk l-Istati” bil-għan li jiġu adottati miżuri xierqa meħtieġa għall-funzjonament tas-suq komuni.
Skond l-Artikolu 93(3), il-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin, dwar kull proġett biex tiġi mogħtija jew modifikata għajnuna, u l-Istat Membru kkonċernat ma jistax idaħħal fis-seħħ il-proġetti proposti tiegħu qabel ma tiġi kkompletata l-proċedura komunitarja, u, jekk ikun meħtieġ, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Dawn id-dispożizzjonijiet, li jinsabu fis-sezzjoni tat-Trattat intitolata “għajnuna mill-Istati”, huma ntiżi, minn naħa waħda, biex jeliminaw progressivament l-għajnuniet eżistenti u, min-naħa l-oħra, biex jevitaw li, fit-twettieq tal-politika interna ta' dawn l-Istati, jiddaħħlu xi għajnuniet ġodda “ta' kwalunkwe forma” li x'aktarx, direttament jew indirettament jiffavorixxu ċerti impriżi jew prodotti b’mod kunsiderevoli, u li jikkostitwixxu theddida, anki jekk potenzjali, ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni. Permezz ta' l-Artikolu 92, l-Istati Membri rrikonoxxew li għajnuniet bħal dawn huma inkompatibbli mas-suq komuni u għalhekk impliċitament intrabtu li ma joħolqux aktar minnhom, sakemm ma jaqgħux taħt id-derogi pprovduti fit-Trattat; fl-Artikolu 93, min-naħa l-oħra, huma sempliċement ftiehmu li jissuġġettaw ruħhom għal proċeduri xierqa kemm biex jiġu aboliti l-għajnuniet eżistenti, kif ukoll biex jiddaħħlu oħrajn ġodda.
Bil-fatt illi ntrabtu espressament li jinfurmaw lill-Kummissjoni “fil-ħin” bil-proġetti ta' għajnuna, u billi aċċettaw li jissuġġettaw ruħhom għall-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 93, l-Istati daħlu f’obbligu mal-Komunità, li jorbothom bħala Stati iżda ma joħloqx drittijiet individwali ħlief fil-każ ta' l-aħħar dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 93(3), li m'għandux x'jaqsam mal-kwistjoni mqajma f'din il-kawża.
Min-naħa
tagħha, il-Kummissjoni hija marbuta li tassigura li d-dispożizzjonijiet
ta’ dan l-Artikolu jiġu osservati, u hija meħtieġa, b’kooperazzjoni ma'
l-Istati Membri, li teżamina kostantement is-sistemi eżistenti ta’
għajnuna. Madankollu, dan l-obbligu ma jagħtix lill-individwi d-dritt li
jallegaw, fil-kuntest tad-dritt komunitarju u permezz ta’ l-Artikolu
177, in-nuqqas ta' l-istat ikkonċernat li jwettaq uħud mill-obbligi
tiegħu jew il-ksur ta' dmirijiet min-naħa tal-Kummissjoni.
Fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 53
Bl-Artikolu 53 l-Istati Membri jintrabtu li ma jdaħħlux restrizzjonijiet ġodda fuq id-dritt ta’ stabbiliment fit-territorju tagħhom ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra, ħlief kif ipprovdut xort'oħra fit-Trattat. L-obbligu li b'hekk intrabtu bih l-Istati sempliċement jammonta legalment għal dmir li ma jaġixxux, li la hu suġġett għal xi kundizzjoni u lanqas, f’dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni jew l-effett tiegħu, għall-adozzjoni ta’ xi miżura, jew mill-Istati jew mill-Kummissjoni.
Għalhekk huwa sħiħ, legalment komplet u konsegwentement jista' jipproduċi effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-individwi.
Din il-projbizzjoni espressa, li daħlet fis-seħħ permezz tat-Trattat fil-Komunità kollha, b’hekk saret parti integrali tas-sistema legali ta’ l-Istati Membri, tifforma parti mil-liġi tagħhom stess u teffettwa direttament liċ-ċittadini tagħhom, li favorihom ħolqot drittijiet individwali li qrati nazzjonali għandhom jipproteġu.
L-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 53 li qed tiġi mitluba, teħtieġ li dan jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-kapitolu li jirrigwarda d-dritt ta’ stabbiliment li fih jinsab. Wara li jipprovdi, fl-Artikolu 52, għall-abolizzjoni progressiva tar-“restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment ta' ċittadini ta' Stat Membri fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor", dan il-kapitolu, fl-Artikolu 53, jipprovdi wkoll li dawn l-Istati m’għandhomx jintroduċu "restrizzjonijiet ġodda fuq id-dritt ta’ stabbiliment fit-territorji tagħhom taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri oħra”.
Il-kwistjoni għalhekk hija, taħt liema kundizzjonijiet iċ-ċittadini ta’ stati Membri oħra għandhom dritt ta’ stabbiliment. Din hija ttrattata fl-Artikolu 52(2), fejn jingħad li l-libertà ta’ stabbiliment tinkludi d-dritt li jinbdew u jkunu eżerċitati attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom u li jiġu kkostitwiti u mmexxija impriżi “taħt il-kundizzjonijiet stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta' stabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu stess”.
Għaldaqstant, l-Artikolu 53 ikun ġie osservat sakemm l-ebda miżura ġdida ma tissuġġetta l-istabbiliment ta' ċittadini ta' Stati Membri oħra għal regoli aktar stretti minn dawk li japplikaw għaċ-ċittadini tal-pajjiż ta’ stabbiliment, indipendentement mis-sistema legali li tirregola l-impriżi.
Fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 37
L-Artikolu 37(1) jipprovdi li Stati Membri għandhom progressivament jadattaw il-“monopolji nazzjonali ta’ xorta kummerċjali” sabiex jiġi assigurat li ebda diskriminazzjoni li tirrigwarda l-kundizzjonijiet ta' provvista u kkerċjalizzar ta' prodotti ma tkun teżisti bejn iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri. Skond l-Artikolu 37(2), l-Istati Membri għandhom l-obbligu li ma jeħdux miżuri ġodda li jmorru kontra din id-dispożizzjoni.
B'dan il-mod, l-Istati Membri intrabtu b’obbligu doppju: L-ewwel nett, wieħed attiv intiż biex il-monopolji nazzjonali tagħhom jiġu adattati, u t-tieni nett, wieħed passiv intiż biex jiġu evitati miżuri ġodda. L-interpretazzjoni mitluba tirrigwarda t-tieni obbligu flimkien ma' xi aspetti ta’ dak ta' l-ewwel li huma meħtieġa għal din l-interpretazzjoni. L-Artikolu 37(2) fih projbizzjoni assoluta: mhux obbligu li wieħed jagħmel xi ħaġa iżda obbligu li wieħed ma jagħmilx xi ħaġa. Dan l-obbligu mhuwiex marbut ma' xi riżerva li l-implementazzjoni tiegħu hi suġġetta għal xi att pożittiv ta' liġi nazzjonali. Din il-projbizzjoni hija essenzjalment waħda li kapaċi tipproduċi effetti diretti fir-relazzjonijiet legali bejn l-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħhom.
Projbizzjoni espressa b'mod daqshekk ċar li daħlet fis-seħħ permezz tat-Trattat fil-Komunità kollha, u b’hekk saret parti integrali tas-sistema legali ta’ l-Istati Membri, tifforma parti mil-liġi tagħhom stess u teffettwa direttament liċ-ċittadini tagħhom, li favorihom ħolqot drittijiet individwali li qrati nazzjonali għandhom jipproteġu.
Minħabba l-komplessità tal-kliem ta' l-Artikolu 37 u l-fatt li l-Artikoli 37(1) u 37(2) jirkbu fuq xulxin, l-interpretazzjoni mitluba tagħmilha neċessarja li dawn jiġu eżaminati bħala parti mill-kapitolu li fih jinsabu. Dan il-kapitolu jittratta l-“eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi bejn Stati Membri”.
L-għan tar-referenza fl-Artikolu 37(2) għall- “prinċipji stabbiliti fil-paragrafu (1)” huwa għalhekk li jipprevjeni li tiddaħħal “diskriminazzjoni [ġdida] bejn iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri” li tirrigwarda "l-kundizzjonijiet ta' provvista jew kkerċjalizzar ta' prodotti wara li speċifika l-għan b’dan il-mod, l-Artikolu 37(1) jindika, sabiex jipprojbixxihom, il-metodi li bihom dan l-għan jista' jiġi mxejjen.
Għalhekk, permezz tar-referenza fl-Artikolu 37(2), il-monopolji jew korpi ġodda speċifikati fl-Artikolu 37(1) huma pprojbiti safejn dawn għandhom it-tendenza li jintroduċu każijiet ġodda ta’ diskriminazzjoni rigward il-kundizzjonijiet ta' provvista jew marketing ta' prodotti. Għaldaqstant, il-Qorti li quddiemha tkun qed tinstema' l-kawża prinċipali għandha l-ewwel nett teżamina jekk dan l-għan ikunx effettivament qed jiġi imfixkel, jiġifieri jekk xi diskriminazzjoni ġdida bejn iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri rigward il-kundizzjonijiet ta' provvista jew marketing ta' prodotti tirriżultax mill-miżura nnifisha li tkun in kwistjoni, jew hijiex se tkun il-konsegwenza tagħha.
Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-mezzi indikati fl-Artikolu 37(1). Dan ma jwaqqafx il-ħolqien tal-monopolji nazzjonali kollha, imma sempliċement dawk “ta’ xorta kummerċjali”, u dan biss safejn dawn għandhom it-tendenza li jintroduċu l-każijiet ta’ diskriminazzoni msemmija. Biex jaqgħu taħt din il-projbizzjoni, il-monopolji nazzjonali u l-korpi in kwistjoni għandhom, l-ewwel nett, ikollhom bħala l-għan tagħhom tranżazzjonijiet li jirrigwardaw prodott kummerċjali li jista' jkun is-suġġett ta’ kompetizzjoni u kummerċ bejn stati Membri, u t-tieni nett, ikollhom rwol effettiv f’dan il-kummerċ.
Hija l-Qorti li quddiemha tkun qed tinstema' l-kawża prinċipali li għandha teżamina f'kull każ jekk l-attività ekonomika kkonċernata għandhiex x'taqsam ma' tali prodott li, bis-saħħa tan-natura tiegħu u tal-kundizzjonijiet tekniċi jew internazzjonali li għalihom ikun suġġett, ikun kapaċi jkollu tali rwol fl-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet bejn ċittadini ta’ l-Istati Membri.
Fuq l-ispejjeż
1 L-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u mill-gvern Taljan biex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Qorti, ma jistgħux jitħallsu lura; f'dan il-każ il-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża pendenti quddiem il-giudice conciliatore ta' Milan, in-natura ta' kwistjoni imqajma quddiem din il-Qorti: hija din il-Qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,
Fuq it-talba ta’ l-inammissibbiltà bbażata fuq l-Artikolu 177 taqta' u tiddeċiedi li,
Billi miżura unilaterali sussegwenti ma tistax tiġi infurzata kontra d-dritt komunitarju, id-domandi magħmula mill-giudice conciliatore di Milano skond l-Artikolu 177 huma ammissibbli safejn għandhom x'jaqsmu, f'dan il-każ, ma' l-interpretazzjoni ta' dispożizzjonijiet tat-Trattat KEE,
taqta' u tiddeċiedi wkoll li:
1) L-Artikolu 102 ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tista' toħloq drittijiet individwali li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu;
2) Dawk is-siltiet individwali ta’ l-Artikolu 93 li magħhom għandha x'taqasam id-domanda, lanqas ma jinkludu tali dispożizzjoni;
3) L-Artikolu 53 jikkostitwixxi regola komunitarja kapaċi li toħloq drittijiet individwali li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu. Dan jipprojbixxi kull miżura ġdida li jkollha bħala għan li tissuġġetta l-istabbilimenti ta’ ċittadini ta' Stati Membri oħra għal regoli aktar stretti minn dawk li japplikaw għaċ-ċittadini tal-pajjiż ta’ stabbiliment, indipendentement mis-sistema legali li tirregola l-impriżi.
4) L-Artikolu 37(2) jikkostitwixxi fid-dispożizzjonijiet kollha tiegħu regola ta’ dritt komunitarju kapaċi li toħloq drittijiet individwali li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu.
Fil-kuntest tad-domanda magħmula, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom bħala l-għan tagħhom il-projbizzjoni ta’ miżuri ġodda li jmorru kontra l-prinċipji stipulati fl-Artikolu 37(1), jiġifieri kull miżura li għandha bħala l-għan jew l-effett tagħha diskriminazzjoni ġdida bejn iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-kundizzjonijiet ta' provvista u marketing ta' prodotti, permezz ta’ monopolji jew korpi li għandhom, l-ewwel nett, ikollhom bħala l-għan tagħhom tranżazzjonijiet li jirrigwardaw prodott kummerċjali kapaċi li jkun is-suġġett ta’ kompetizjoni u kummerċ bejn Stati Membri, u t-tieni nett ikollhom rwol effettiv f’dan il-kummerċ;
u tiddeċiedi wkoll li:
Id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż ta’ din l-istanza hija f'idejn il-giudice conciliatore di Milano.
Donner | Hammes | Trabucchi |
Delvaux | Rossi | Lecourt |
Strauss |
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-15 ta' Lulju 1964.
A. Van Houtte | A. M. Donner |
Reġistratur | President |
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.