IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.3.2025
COM(2025) 132 final
2025/0068(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port stabbilit permezz tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port, b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-deċiżjonijiet meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tar-reġim tal-UE dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (PSC) kif stabbilit fid-Direttiva 2009/16/KE.
2.Kuntest tal-Proposta
2.1.Il-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port
Il-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi (“MtQ ta’ Pariġi”) jipprevedi reġim ta’ spezzjoni internazzjonali għall-bastimenti barranin f’portijiet nazzjonali oħra minn uffiċjali tal-PSC biex jiġi vverifikat li l-kompetenza tal-kaptan, tal-uffiċjali u tal-ekwipaġġ abbord, il-kundizzjoni tal-bastiment u tat-tagħmir tiegħu jkunu konformi mar-rekwiżiti tal-konvenzjonijiet internazzjonali, u li l-bastiment ikun attrezzat u operat f’konformità mal-liġi internazzjonali applikabbli. L-MtQ ta’ Pariġi ġie ffirmat fis-26 ta’ Jannar 1982.
Id-Direttiva 2009/16/KE (kif emendata) tinkludi l-proċeduri u l-għodod tal-MtQ ta’ Pariġi. L-Istati Membri kollha tal-UE li għandhom portijiet marittimi, kif ukoll il-Kanada, l-Iżlanda, il-Montenegro, in-Norveġja, u l-Federazzjoni Russa huma membri tal-PMoU. L-Unjoni Ewropea mhix membru tal-MtQ ta’ Pariġi.
2.2.L-att previst tal-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port tal-MtQ ta’ Pariġi
Biex il-PSC fl-Unjoni jiffunzjona, iridu jittieħdu għadd ta’ deċiżjonijiet kull sena fil-kuntest tal-MtQ ta’ Pariġi. Dawn jinkludu l-impenn annwali ta’ spezzjoni ta’ kull Stat Membru, ir-rati medji ta’ defiċjenza u detenzjoni meħtieġa għall-profil tar-riskju tal-bastimenti użat biex jiġu mmirati l-bastimenti għall-ispezzjoni, u l-aġġornamenti fl-istruzzjonijiet u fil-linji gwida dwar kif għandhom isiru l-ispezzjonijiet.
Dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu b’kunsens waqt il-laqgħa annwali tal-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port (PSCC) li ssir f’Mejju ta’ kull sena. Filwaqt li l-Memorandum ta’ Qbil ma għandux setgħat ta’ infurzar fir-rigward tal-awtoritajiet tal-membri tal-MtQ ta’ Pariġi, bis-saħħa tad-Direttiva 2009/16/KE id-deċiżjonijiet li jieħu l-korp kompetenti xieraq tal-MtQ ta’ Pariġi jsiru vinkolanti għall-Istati Membri tal-UE.
3.IL-POŻIZZJONI LI TRID TITTIEĦED F’ISEM L-UNJONI
Skont l-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni f’organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-MtQ ta’ Pariġi meta dawn jintalbu jadottaw atti li jkollhom effetti legali, trid tiġi adottata b’Deċiżjoni tal-Kunsill wara proposta tal-Kummissjoni.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/381 stabbiliet il-pożizzjoni li trid tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-PSCC għall-perjodu 2016-2019; u warajha d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/722 għamlet l-istess għall-perjodu 2020-2024.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ġiet stabbilita abbażi ta’ approċċ b’żewġ livelli. Id-Deċiżjoni nnifisha tistabbilixxi l-prinċipji ta’ gwida u l-orjentazzjonijiet tal-pożizzjoni tal-Unjoni fuq bażi pluriennali. Din ġiet aġġustata għal kull laqgħa annwali tal-PSCC permezz ta’ dokumenti informali tal-Kummissjoni li jridu jiġu diskussi mill-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport Marittimu tal-Kunsill. Din il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni għall-PSCC għall-perjodu 2025-2029.
L-approċċ previst f’din il-proposta hu dovut għall-karatteristiċi tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-MtQ ta’ Pariġi. Skont ir-regoli interni tal-MtQ ta’ Pariġi, l-aħħar jum għas-sottomissjoni tad-dokumenti mill-membri tiegħu u t-taskforces inkarigati bl-iżvilupp ta’ linji gwida u struzzjonijiet, hu sitt ġimgħat qabel il-laqgħa tal-PSCC. F’dak il-punt biss, dawn id-dokumenti jkunu lkoll disponibbli, u l-Kummissjoni tkun tista’ tibda l-analiżi tagħha biex tħejji proposta għal pożizzjoni kkoordinata tal-Unjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE, li mbagħad trid tiġi adottata mill-Kunsill. Billi ż-żmien għal din l-analiżi, għat-tħejjija tal-proposta tal-Kummissjoni u għall-adozzjoni mill-Kunsill hu qasir, il-proċess biex tiġi speċifikata l-pożizzjoni tal-Unjoni minn sena għall-oħra hu stipulat fl-Anness 2.
Abbażi tad-Direttiva 2009/16/KE, l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva fuq is-suġġett tal-MtQ ta’ Pariġi.
4.Bażi Legali
4.1. Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hix membru tal-korp jew parti għall-ftehim.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port hu korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-MtQ ta’ Pariġi.
L-att li l-MtQ ta’ Pariġi hu mitlub jadotta jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-att previst jista’ jinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri d-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port għax il-PSCC tal-MtQ ta’ Pariġi jadotta għadd ta’ deċiżjonijiet li jridu jittieħdu kull sena biex id-direttiva tiffunzjona tajjeb.
L-att previst ma jissupplimentax u ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għalhekk, il-bażi legali proċedurali tad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun identifikabbli bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment wieħed inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mat-trasport marittimu. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 100(2) tat-TFUE.
4.3. Konklużjoni
Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2025/0068 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Memorandum ta’ Qbil dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port (“MtQ ta’ Pariġi”) ġie ffirmat f’Pariġi fis-26 ta’ Jannar 1982 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1982. Barra minn hekk, skont it-Taqsima 7.1 tal-MtQ ta’ Pariġi, il-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port (“PSCC”) hu magħmul minn rappreżentant ta’ kull waħda mill-awtoritajiet marittimi u tal-Kummissjoni u għandu l-kompetenzi stabbiliti fit-Taqsima 7.3. Jixraq tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-PSCC, peress li d-deċiżjonijiet li jieħu l-korp kompetenti tal-MtQ ta’ Pariġi jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, pereżempju billi jistabbilixxu l-impenn ta’ spezzjoni, ir-rati medji ta’ defiċjenza u ta’ detenzjoni użati fil-profil tar-riskju tal-bastimenti biex jintgħażlu l-bastimenti għall-ispezzjoni u biex jiġu aġġornati l-istruzzjonijiet u l-linji gwida tal-ispetturi li jwettqu l-ispezzjonijiet.
(2)Id-Direttiva 2009/16/KE tistabbilixxi r-reġim legali tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port u tirriformola u ssaħħaħ il-leġiżlazzjoni preċedenti tal-Unjoni f’dan il-qasam, li ilha fis-seħħ mill-1995. Dak ir-reġim legali tal-Unjoni hu bbażat fuq l-istruttura ta’ qabel tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port, li hu organizzazzjoni internazzjonali stabbilita fl-1982. Fir-rigward tal-Istati Membri, id-Direttiva 2009/16/KE iġġib b’mod effettiv il-proċeduri, l-għodod u l-ħidma tal-MtQ ta’ Pariġi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.
(3)Il-PSCC tal-MtQ ta’ Pariġi jiltaqa’ kull sena, u fil-laqgħat tiegħu jiddeċiedi dwar għadd ta’ punti fl-aġenda meħtieġa għat-tħaddim tad-Direttiva 2009/16/KE.
(4)Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tkopri l-perjodu 2025-2029.
(5)Il-pożizzjoni tal-Unjoni trid tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni, li l-awtoritajiet marittimi tagħhom huma membri tal-PSCC tal-MtQ ta’ Pariġi, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa annwali tal-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port (“PSCC”) tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port (“MtQ ta’ Pariġi”) hi stabbilita fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat annwali tal-PSCC tal-MtQ ta’ Pariġi hi stabbilita fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi vvalutata u, meta xieraq, riveduta mill-Kunsill wara proposta tal-Kummissjoni, l-aktar tard għal-laqgħa annwali tal-PSCC tal-MtQ ta’ Pariġi fl-2029.
Artikolu 4
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-PSCC tal-MtQ ta’ Pariġi, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,