This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52024XC02975
Notice of initiation of an expiry review of the anti-subsidy measures applicable to imports of certain organic coated steel products originating in the People’s Republic of China
Notifika tal-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri antisussidji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar miksija b’materjal organiku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
Notifika tal-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri antisussidji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar miksija b’materjal organiku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
C/2024/2653
ĠU C, C/2024/2975, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2975/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
C/2024/2975 |
30.4.2024 |
Notifika tal-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri antisussidji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar miksija b’materjal organiku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
(C/2024/2975)
Wara l-pubblikazzjoni ta’ Notifika ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri antisussidji fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar miksija b’materjal organiku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “il-pajjiż ikkonċernat”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).
1. Talba għal rieżami
It-talba tressqet fit-2 ta’ Frar 2024 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar (“EUROFER”, “l-applikant”) f’isem l-industrija tal-Unjoni ta’ prodotti tal-azzar miksija b’materjal organiku fis-sens tal-Artikolu 10(6) tar-Regolament bażiku.
Verżjoni pubblika tat-talba u l-analiżi tal-livell ta’ sostenn għat-talba mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-file mill-partijiet interessati.
2. Il-prodott taħt rieżami
Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa ċerti prodotti tal-azzar miksi b’materjal organiku (“OCS”) jiġifieri prodotti rrumblati ċatti ta’ azzar mhux illigat u liga (li ma jinkludix l-azzar inossidabbli) li huma miżbugħin, mogħtija l-verniċ jew miksijin bi plastiks fuq mill-inqas naħa waħda, minbarra l-hekk imsejħa “sandwich panels” tat-tip użat għall-applikazzjonijiet tal-bini u li jikkonsistu f’żewġ folji tal-metall ta’ barra b’qalba stabbilizzanti ta’ materjal iżolanti bejniethom, minbarra dawk il-prodotti b’kisja finali ta’ trab taż-żingu (żebgħa rikka fiż-żingu, li fiha bil-piż 70 % jew aktar ta’ żingu), u esklużi dawk il-prodotti b’sottostrat b’kisja metallika ta’ kromju jew landa (“il-prodott taħt rieżami”), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7210 70 80, ex 7212 40 80, ex 7225 99 00, u ex 7226 99 70 (il-kodiċijiet TARIC 7210708011, 7210708091, 7212408001, 7212408021, 7212408091, 7225990011, 7225990091, 7226997011 u 7226997091). Il-kodiċijiet NM u TARIC huma pprovduti għall-fini ta’ informazzjoni biss mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja.
3. Miżuri eżistenti
Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazji kumpensatorji definittivi imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 215/2013 (3), kif emendat l-aħħar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/688 (4).
4. Raġunijiet għar-rieżami
It-talba hija msejsa fuq il-fatt li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx li tirriżulta f’kontinwazzjoni jew f’rikorrenza ta’ sussidjar u f’rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.
4.1. Allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ sussidjar
L-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li turi li l-iskemi ta’ sussidju soġġetti għal miżuri kumpensatorji fl-investigazzjoni oriġinali għadhom fis-seħħ u li l-produtturi tal-prodott taħt rieżami fil-pajjiż ikkonċernat ibbenefikaw u x’aktarx se jkomplu jibbenefikaw minn għadd ta’ sussidji mogħtija mill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fil-livell nazzjonali u provinċjali.
Abbażi tal-evidenza fit-talba, jidher li l-livell ta’ sussidjar għadu sostanzjali.
Il-prattiki tas-sussidji allegati jikkonsistu, fost l-oħrajn, minn (i) trasferiment dirett ta’ fondi; (ii) dħul tal-gvern mitluf jew mhux miġbur; u (iii) forniment mill-gvern ta’ prodotti jew servizzi għal remunerazzjoni inqas minn dik adegwata. Fost l-oħrajn, l-applikant allega l-eżistenza, pereżempju, ta’ self u għotjiet preferenzjali u eżenzjonijiet jew tnaqqis mit-taxxa. Allega wkoll il-provvista mill-gvern ta’ art, materjali ta’ input u elettriku għal remunerazzjoni inqas minn dik adegwata.
L-applikant jallega li l-miżuri deskritti huma sussidji ġaladarba jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tal-pajjiż ikkonċernat u jagħtu benefiċċju lill-produtturi tal-prodott taħt rieżami. Dawn is-sussidji huma allegati li huma speċifiċi għal intrapriża jew industrija jew grupp ta’ intrapriżi jew industriji jew kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni u għalhekk huma kumpensabbli.
Fid-dawl tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ħejjiet memorandum dwar is-suffiċjenza tal-evidenza, li jinkludi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-evidenza kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha u li abbażi tagħha l-Kummissjoni tniedi dan ir-rieżami ta’ skadenza. Dan il-memorandum jista’ jinstab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati.
Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tinvestiga prattiki oħrajn ta’ sussidju rilevanti li jistgħu jiġu żvelati matul l-investigazzjoni.
4.2. Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu
L-applikant allega probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu mill-pajjiż ikkonċernat. F’dan ir-rigward l-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta’ importazzjoni tal-prodott taħt rieżami mir-RPĊ lejn l-Unjoni x’aktarx li jiżdied minħabba l-eżistenza ta’ kapaċità sostanzjali mhux użata fir-RPĊ, tnaqqis fid-domanda domestika, l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, u miżuri restrittivi tal-kummerċ introdotti minn ġuriżdizzjonijiet oħra.
Fl-aħħar nett, l-applikant jallega li l-industrija tal-Unjoni tinsab f’sitwazzjoni vulnerabbli u li kwalunkwe rikorrenza ta’ importazzjonijiet sostanzjali bi prezzijiet sussidjati mill-pajjiż ikkonċernat x’aktarx twassal għal rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.
5. Proċedura
Wara li ġie kkonsultat il-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ddeterminat li jeżistu provi biżżejjed ta’ probabbiltà ta’ sussidjar u ta’ dannu biex jiġi ġustifikat il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, u b’dan tagħti bidu għal rieżami f’konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku.
Ir-rieżami ta’ skadenza jiddetermina jekk huwiex probabbli li l-iskadenza tal-miżuri twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza tas-sussidjar tal-prodott taħt rieżami li joriġina mir-RPĊ u għar-rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.
Il-Gvern tal-pajjiż ikkonċernat ġie mistieden għal konsultazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 10(7) tar-Regolament bażiku.
Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet għall-investigazzjoni anti-dumping separata li għadha għaddejja u li tkopri l-istess prodott. Il-produtturi esportaturi, l-industrija tal-Unjoni, u l-partijiet interessati kollha f’dik l-investigazzjoni anti-dumping huma mistiedna jirreġistraw separatament għal din l-investigazzjoni u jippreżentaw l-informazzjoni rilevanti skont il-modalitajiet u l-iskedi ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika mingħajr ma titqies l-informazzjoni possibbilment ippreżentata fil-kuntest tal-investigazzjoni anti-dumping. L-informazzjoni jew il-kummenti ppreżentati fil-kuntest tal-investigazzjoni anti-dumping mhux se jitqiesu awtomatikament f’din l-investigazzjoni, u l-partijiet iridu jippreżentaw, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, l-informazzjoni kollha li tikkonċerna din l-investigazzjoni b’mod separat fil-kuntest ta’ din il-proċedura.
5.1. Il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu kkunsidrat
L-investigazzjoni dwar il-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza ta’ sussidjar se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami”). L-istħarriġ dwar ix-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu se jkopri l-perjodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 2020 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).
5.2. Kummenti dwar it-talba u l-bidu tal-investigazzjoni
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar it-talba (inklużi l-kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-rikorrenza tad-dannu u l-kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għat-talba) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5).
Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
5.3. Proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tas-sussidjar
F’rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni teżamina l-esportazzjonijiet li saru lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami u, irrispettivament mill-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, tqis jekk is-sitwazzjoni tal-kumpaniji li jipproduċu u li jbigħu l-prodott taħt rieżami fil-pajjiż ikkonċernat hijiex tali li l-esportazzjonijiet bi prezzijiet issussidjati lejn l-Unjoni x’aktarx li jitkomplew jew jirrikorru jekk il-miżuri jiskadu.
Għalhekk, il-produtturi kollha (6) tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
5.3.1. Investigazzjoni tal-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat
Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ produtturi esportaturi fir-RPĊ li huma involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex il-Kummissjoni tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, hija tista’ tillimita l-produtturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għar-rieżami preżenti, huma b’dan mitlubin li jippreżentaw ruħhom u jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi fil-link li ġej:
https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2721 .
L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.9 ta’ hawn taħt.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun tal-produtturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat.
Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.
Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi fil-kampjun se jkollhom jibagħtu kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni se żżid nota fil-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien 3 ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-kampjun.
Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat se tkun disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati fid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-kampjun: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2721 .
Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun, iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun, se jitqiesu li jkunu kkooperaw.
5.3.2. Investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati (7) (8)
L-importaturi mhux relatati tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni, inklużi dawk li ma jkunux ikkooperaw fl-investigazzjoni li tkun wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.
Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi mhux relatati u li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha mhux relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inkluż dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika billi jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness ta’ din in-Notifika.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.
Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-importaturi mhux relatati magħrufa kollha u lill-assoċjazzjonijiet magħrufa ta’ importaturi kollha dwar il-kumpaniji li jkunu ntgħażlu bħala parti mill-kampjun.
Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien 3 ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-kampjun.
Sabiex tikseb informazzjoni li tqis bħala meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati fil-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi mhux relatati se tkun disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati fid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-kampjunar.
5.4. Proċedura għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni
Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà jew le ta’ rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni, il-produtturi fl-Unjoni tal-prodott taħt rieżami huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
Minħabba li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex ittemm l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.
Il-Kummissjoni għażlet b’mod proviżorju kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jistgħu jinstabu fil-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati.
Il-partijiet interessati huma b’dan mistednin jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, li jqisu li hemm raġunijiet għaliex jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni se tinnotifika lill-produtturi u/jew lill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni magħrufin kollha bil-kumpaniji li finalment ikunu ntgħażlu biex ikunu fil-kampjun.
Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu inklużi fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi mhux relatati se tkun disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati fid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-kampjunar. Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni
5.5. Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni
Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ sussidjar u ta’ rikorrenza tad-dannu, se tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri kumpensatorji tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.
Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni.
L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tingħata fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata fil-format ta’ test liberu jew billi jimtela’ kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni.
Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott taħt rieżami, hija disponibbli fil-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2721. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku se titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali li tissostanzja l-validità tagħha.
5.6. Partijiet interessati
Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.
Il-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li rendew disponibbli informazzjoni f’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3.1, 5.3.2 u 5.4 se jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.
Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw ruħhom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat. Il-fatt li wieħed jiġi kkunsidrat bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.
L-aċċess għall-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ Tron.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet tal-paġna sabiex ikollok aċċess (9).
5.7. Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub
Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
5.8. Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni
Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel bil-miktub mill-partijiet interessati.
Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ mhux se jintużaw biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhux fil-file. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.
5.9. Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza
L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni li tkun soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu (a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment ta’ difiża tal-kummerċ u (b) li tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.
Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (10). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni waqt din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.
Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni “Sensitive” huma mitlubin jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties”. Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli. Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed juru li jaqblu mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ ” ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://circabc.europa.eu/ui/group/2e3865ad-3886-4131-92bb-a71754fffec6/library/8b8ed0a2-9f75-4195-bf72-7f7c62b9ae4f/details. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika li jagħtu jkun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni oħra dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inkluż il-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
Il-Kummissjoni Ewropea |
Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ |
Id-Direttorat G |
Uffiċċju: CHAR 04/039 |
1049 Bruxelles/Brussel |
BELGIQUE/BELGIË |
TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi
Posta elettronika għal kwistjonijiet relatati mas-sussidji:
TRADE-R813-R814-OCS-DUMPING-SUBSIDY@ec.europa.eu
Posta elettronika għal kwistjonijiet relatati mad-dannu:
TRADE-R813-R814-OCS-INJURY@ec.europa.eu
6. Skeda tal-investigazzjoni
L-investigazzjoni għandha normalment tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament bażiku.
7. Preżentazzjoni tal-informazzjoni
Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fil-perjodi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsima 5 ta’ din in-Notifika.
Sabiex l-investigazzjoni titlesta sal-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni mhix se taċċetta iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali.
8. Possibbiltà għal kummenti dwar is-sottomissjonijiet ta’ partijiet oħra
Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet tal-partijiet interessati l-oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.
Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħrajn b’reazzjoni għad-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet definittivi, jiġu ppreżentati fi żmien 5 ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar il-konstatazzjonijiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduti minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal din id-divulgazzjoni ulterjuri jsiru fi żmien ġurnata mill-iskadenza għal kummenti dwar din id-divulgazzjoni ulterjuri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-qafas ta’ żmien deskritt huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.
9. Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika
Jenħtieġ li kull estensjoni għal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika tiġi rikjesta biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata. Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni għall-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji normalment tkun limitata għal 3 ijiem, u bħala regola ma taqbiżx is-7 ijiem. Fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika tal-Bidu, l-estensjonijiet ikunu limitati għal 3 ijiem sakemm ma jintweriex li hemm ċirkostanzi eċċezzjonali.
10. Nonkooperazzjoni
F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti konklużjonijiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.
Fejn jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.
Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.
In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandux jiġi kkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata kkonċernata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja lill-Kummissjoni immedjatament.
11. Uffiċjal tas-Seduta
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għall-aċċess għall-file, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.
L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti interessata/partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati kompletament. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Dawn is-seduti ta’ smigħ jenħtieġ li jsiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.
Kwalunkwe talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma tipperikolax l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta malajr kemm jista’ jkun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-oqfsa ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi tal-amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.
Għal iktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_en?prefLang=mt
12. Possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku
Billi dan ir-rieżami ta’ skadenza qed jinbeda f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawn il-miżuri jitħassru jew jinżammu f’konformità mal-Artikolu 22(3) tar-Regolament bażiku.
Jekk xi parti interessata tqis li jkun ġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku.
Il-partijiet li jixtiequ jitolbu rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’din in-Notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.
13. Ipproċessar ta’ data personali
Kull data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).
Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W
(1) ĠU C 274, 3.8.2023, p. 18.
(2) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 215/2013 tal-11 ta’ Marzu 2013 li jimponi dazju kumpensatorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar miksija b’materjal organiku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 73, 11.3.2013, p. 16).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/688 tat-2 ta’ Mejju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ta’ azzar miksi b’materjal organiku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 116, 3.5.2019, p. 39).
(5) Ir-referenzi kollha għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika se jkunu referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.
(6) Produttur huwa kwalunkwe kumpanija (f’dan il-każ fil-pajjiż ikkonċernat) li tipproduċi l-prodott taħt rieżami, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami.
(7) Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss importaturi li mhumiex relatati ma’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju f’isem dawn il-produtturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu sħab rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tkun tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-ishma maħruġa bi dritt tal-vot tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tkun tikkontrolla direttament jew indirettament lill-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien ikunu jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(8) Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, u mhux biss biex jiġi determinat l-interess tal-Unjoni.
(9) F’każ ta’ problemi tekniċi kkuntattja lis-servizz ta’ assistenza tad-DĠ Kummerċ (Trade Service Desk) permezz tal-posta elettronika trade-service-desk@ec.europa.eu jew bit-telefon +32 22979797.
(10) Dokument immarkat “Sensitive” huwa dokument li jitqies li hu kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens. Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(11) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
ANNESS
□ |
Verżjoni “Sensitive” (sensittiva) |
□ |
Verżjoni “For inspection by interested parties” (għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati) |
(immarka l-kaxxa xierqa) |
RIEŻAMI TA’ SKADENZA TAL-MIŻURI ANTISUSSIDJI APPLIKABBLI GĦALL-IMPORTAZZJONIJIET TA’ ĊERTI PRODOTTI TAL-AZZAR MIKSIJA B’MATERJAL ORGANIKU LI JORIĠINAW MIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA
INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI
Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni rigward il-kampjunar li saret fil-punt 5.3.2. tan-Notifika tal-bidu.
Jenħtieġ li kemm il-verżjoni “Sensitive” kif ukoll il-verżjoni “For inspection by interested parties” jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-notifika tal-bidu.
1. DETTALJI TAL-KUNTATT U TAL-IDENTITÀ
Agħti dawn id-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:
Isem tal-kumpanija |
|
Indirizz |
|
Persuna ta’ kuntatt |
|
Indirizz tal-Email: |
|
Numru tat-telefon |
|
2. FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ
Indika l-fatturat totali f’euro (EUR) tal-kumpanija, il-valur f’euro (EUR) u l-volum f’tunnellati tal-importazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami tal-prodott taħt rieżami kif definit fin-Notifika tal-bidu.
|
Tunnellati |
Valur f’euro (EUR) |
Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR) |
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina |
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami (kwalunkwe oriġini) |
|
|
Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tal-prodott taħt rieżami |
|
|
3. ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)
Agħti dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott taħt rieżami. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott taħt rieżami, il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.
Isem u lokalità tal-kumpanija |
Attivitajiet |
Tip ta’ relazzjoni |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
4. INFORMAZZJONI OĦRA
Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.
5. ĊERTIFIKAZZJONI
Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fuq il-post sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, din se titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx huma bbażati fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.
Firma tal-uffiċjal awtorizzat:
Isem u kariga tal-uffiċjal awtorizzat:
Data:
(1) F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu sħab rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tkun tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-ishma maħruġa bi dritt tal-vot tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tkun tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2975/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)