EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0513

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fl-Italja

COM/2024/513 final

Brussell, 8.7.2024

COM(2024) 513 final

2024/0172(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fl-Italja


2024/0172 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fl-Italja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mill-Italja,

Billi:

1.Skont l-Artikolu 126 tat-TFUE, l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern.

2.Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi pubbliċi sodi bħala mezz sabiex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli, b’saħħtu u inklużiv mirfud minn stabbiltà finanzjarja, u b’hekk jappoġġa l-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni għal impjieg u tkabbir sostenibbli.

3.Il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (PDE) skont l-Artikolu 126 TFUE, kif iċċarata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv ( 1 ) (li tifforma parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir) tipprevedi deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. Il-Protokoll Nru 12 dwar il-PDE, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE jistabbilixxi dispożizzjonijiet ulterjuri relatati mal-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 ( 2 ) jistipula regoli u definizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Il-qafas ta’ governanza ekonomika riformat tal-UE, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97. Ir-riforma żammet ir-regoli tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-defiċit ġeneralment l-istess, filwaqt li għall-Istati Membri bi proporzjon tad-dejn tal-gvern ogħla minn 60 % tal-PDG, il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-dejn se tiffoka fuq tluq mill-perkors tan-nefqa netta li se jiġi stabbilit mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 abbażi tal-pjanijiet fiskali-strutturali ta’ terminu medju li għandhom jiġu ppreżentati mill-Istati Membri. Peress li l-Kunsill għadu ma stabbiliex il-perkors tan-nefqa netta għall-Italja, il-Kummissjoni ma tistax tivvaluta l-konformità mal-kriterju tad-dejn f’konformità mar-regoli l-ġodda. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni tal-Kunsill tikkonċerna biss l-eċċess tal-proporzjon tad-defiċit tal-gvern mal-prodott domestiku gross (PDG) fir-rigward tal-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG.

4.Skont l-Artikolu 126(5) TFUE, jekk il-Kummissjoni tqis li jkun jeżisti defiċit eċċessiv fi Stat Membru jew li jista’ jkun hemm, trid tindirizza opinjoni lill-Istat Membru kkonċernat u tgħarraf lill-Kunsill kif xieraq. Il-Kummissjoni, wara li kkunsidrat ir-rapport tagħha adottat skont l-Artikolu 126(3) TFUE u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju adottat skont l-Artikolu 126(4) TFUE, ikkonkludiet li jeżisti defiċit eċċessiv fl-Italja. Għaldaqstant, fit-8 ta’ Lulju 2024, il-Kummissjoni indirizzat tali opinjoni lill-Italja u infurmat lill-Kunsill kif xieraq. ( 3 )

5.L-Artikolu 126(6) TFUE jistipula li l-Kunsill irid jikkunsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru interessat ikun jixtieq jagħmel, qabel ma jiddeċiedi, wara stima kumplessiva, jekk jeżistix defiċit eċċessiv. Fil-każ tal-Italja, l-istima kumplessiva twassal għall-konklużjonijiet segwenti.

6.Skont id-data vvalidata mill-Eurostat fit-22 ta’ April 2024 ( 4 ), id-defiċit tal-gvern estiż fl-Italja laħaq 7,4 % tal-PDG fl-2023, u d-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 137,3 % tal-PDG. Ir-rapport tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 126(3) TFUE qies li l-eċċess tad-defiċit fuq il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG fl-2023 mhuwiex eċċezzjonali, peress li la jirriżulta minn avveniment mhux tas-soltu u lanqas minn reċessjoni ekonomika severa fis-sens tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fl-2023 il-PDG reali tal-Italja kiber b’0,9 % tal-PDG, wara tkabbir tal-PDG ta’ 4,0 % fl-2022. L-eċċess ippjanat fuq il-valur referenzjarju tat-Trattat ukoll mhuwiex temporanju, ibbażat fuq it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2024 tal-Kummissjoni, li jipprojetta li d-defiċit tal-gvern estiż jibqa’ ’l fuq minn 3 % tal-PDG fl-2024 u fl-2025. Kollox ma’ kollox, id-defiċit għall-2023 kien ’il fuq u mhux qrib il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG. L-eċċess mhuwiex meqjus bħala eċċezzjonali kif definit mit-Trattat u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u mhuwiex temporanju. Għalhekk, il-kriterju tad-defiċit kif definit mit-Trattat u r-Regolament (KE) Nru 1467/97 prima facie mhuwiex issodisfat.

7.Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2024, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Italja huwa ppjanat li jilħaq 4,3 % tal-PDG fl-2024. It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni ( 5 ) jindika defiċit ta’ 4,4 % tal-PDG, ’il fuq u mhux qrib il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG.

8.F’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 126(3) TFUE, il-Kummissjoni analizzat ukoll il-fatturi rilevanti kollha fir-rapport tagħha skont l-Artikolu 126(3) TFUE. Kif stabbilit fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, meta tiġi vvalutata l-konformità abbażi tal-kriterju tad-defiċit, jekk il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG jaqbeż il-valur referenzjarju, għandhom jitqiesu l-fatturi rilevanti fil-passi ta’ wara r-rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE u li jwasslu għad-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv biss jekk — qabel ma jitqiesu dawn il-fatturi rilevanti — id-defiċit tal-gvern estiż jibqa’ qrib il-valur referenzjarju l-eċċess tiegħu ’il fuq mill-valur referenzjarju jkun temporanju. Fil-każ tal-Italja, din il-kundizzjoni doppja mhijiex issodisfata. Għaldaqstant, il-fatturi rilevanti ma jitqisux fil-passi li jwasslu għal din id-Deċiżjoni.

9.Fid-dawl tal-iskadenza tal-20 ta’ Settembru 2024 għall-preżentazzjoni tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju f’konformità mal-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kunsill jieħu nota li l-pass li jmiss fil-proċedura, jiġifieri r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE dwar il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, se jittieħed flimkien mal-opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-abbozz tal-pjanijiet baġitarji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 473/2013. Dan l-approċċ jippermetti li tiġi żgurata l-konsistenza bejn ir-rekwiżiti baġitarji skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u l-perkors ta’ aġġustament stabbilit fil-pjanijiet fiskali-strutturali ta’ terminu medju. L-iffaċilitar ta’ tali konsistenza filwaqt li tiġi evitata lakuna fis-sorveljanza skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, jirrikjedi li l-pjanijiet fiskali-strutturali ta’ terminu medju tal-Istati Membri jiġu ppreżentati fil-pront. Din l-iskeda ta’ żmien hija eċċezzjonali u marbuta mat-tranżizzjoni għall-qafas il-ġdid, u għalhekk ma toħloqx preċedent. Il-Kunsill jieħu nota wkoll li, fin-nuqqas ta’ preżentazzjoni fil-pront tal-pjan ta’ terminu medju, ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) se tikkunsidra t-trajettorja referenzjali trażmessa mill-Kummissjoni lill-Istat Membru ddeterminata skont ir-Regolament (UE) 2024/1263.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn stima kumplessiva jirriżulta li jeżisti defiċit eċċessiv fl-Italja minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-defiċit.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ()    ĠU L 209, 2.8.1997, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/2024-04-30 .
(2) ()    ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.
(3) ()    Id-dokumenti kollha relatati mal-PDE għall-Italja jinsabu fi: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/corrective-arm-excessive-deficit-procedure/closed-excessive-deficit-procedures/italy_en .
(4) ()    L-Indikaturi tal-euro tal-Eurostat ippubblikati fit-22 ta’ April 2024. Ara: https://ec.europa.eu/eurostat/en/web/products-euro-indicators/w/2-22042024-AP .
(5) ()    Tbassir Ekonomiku Ewropew - Rebbiegħa 2024, European Economy-Institutional Paper, Nru 286, il-15 ta’ Mejju 2024.
Top