Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0316

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta’ residenza li jinħarġu liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu

    COM/2024/316 final

    Brussell, 23.7.2024

    COM(2024) 316 final

    2024/0187(CNS)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta’ residenza li jinħarġu liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Fis-17 ta’ April 2018, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta’ residenza li jinħarġu liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu 1 . Il-Kummissjoni pproponiet li l-Parlament u l-Kunsill jsejsu r-regolament fuq l-Artikolu 21(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Abbażi ta’ dik il-proposta, fl-20 ta’ Ġunju 2019, il-Parlament u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2019/1157 2 , li ilu japplika mit-2 ta’ Awwissu 2021.

    Fil-kawża Landeshauptstadt Wiesbaden 3 , il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolament (UE) 2019/1157 huwa invalidu minħabba li ġie adottat bi żball abbażi tal-Artikolu 21(2) tat-TFUE u skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Skont il-Qorti, ir-Regolament (UE) 2019/1157 huwa waħda mill-miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni speċifiku tal-Artikolu 77(3) tat-TFUE, li jipprevedi proċedura leġiżlattiva speċjali u, b’mod partikolari, l-unanimità fil-Kunsill.

    Filwaqt li ddikjarat li r-Regolament (UE) 2019/1157 huwa invalidu, il-Qorti ddeċidiet li “l-effetti tar-Regolament 2019/1157 jinżammu sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż sentejn mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara d-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ regolament ġdid, ibbażat fuq l-Artikolu 77(3) TFUE, maħsub biex jissostitwih”.

    L-għan ta’ din il-proposta huwa li tinbeda l-proċedura biex ir-regolament ġdid dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta’ residenza li jinħarġu liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu jiġi adottat fuq il-bażi ġuridika xierqa, jiġifieri l-Artikolu 77(3) tat-TFUE.

    Essenzjalment, din il-proposta tirriproduċi t-test tar-Regolament (UE) 2019/1157 kif ġie adottat mill-Parlament u mill-Kunsill. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-limitazzjonijiet fuq id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, li jirriżultaw mill-obbligu li l-medium ta’ memorja tal-karti tal-identità jinkludi żewġ marki tas-swaba’, ma jmorrux kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità 4 .

    Madankollu, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li t-test jiġi adattat f’ċerti aspetti minuri. Dawn l-adattamenti huma spjegati fit-taqsima dwar “Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta”.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

    L-Unjoni toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun żgurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-ġestjoni tal-fruntieri esterni, l-ażil, l-immigrazzjoni kif ukoll il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu. Ħafna mill-miżuri ta’ sigurtà tal-Unjoni jiddependu fuq is-sigurtà tad-dokumenti tar-residenza u tal-identità – bħall-kontrolli sistematiċi stabbiliti mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen 5 fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.

    Skont l-Artikolu 77(1) TFUE, u kif innotat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Landeshauptstadt Wiesbaden 6 , l-Unjoni għandha tiżviluppa politika bl-għan li tiżgura n-nuqqas ta’ kwalunkwe kontroll fuq il-persuni, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni, biex isiru kontrolli fuq il-persuni u monitoraġġ effiċjenti tal-qsim tal-fruntieri esterni, u għall-introduzzjoni gradwali ta’ sistema ta’ ġestjoni integrata għal tali fruntieri. Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-passaporti, il-karti tal-identità, il-permessi ta’ residenza jew kwalunkwe dokument ieħor bħal dan imsemmi jiffurmaw parti integrali minn kwalunkwe politika tal-Unjoni bħal din. Fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni, id-dokumenti koperti mir-regolament propost jippermettulhom, b’mod partikolari, li jiċċertifikaw li huma jibbenefikaw mid-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri msemmi fl-Artikolu 20(2)(a) TFUE u, għaldaqstant, li jeżerċitaw dan id-dritt.

    Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 tistipula l-kundizzjonijiet għall-eżerċitar tad-dritt ta’ moviment liberu u residenza (kemm temporanju kif ukoll permanenti) fl-Unjoni għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom. Dik id-Direttiva tipprovdi li, flimkien ma’ karti tal-identità jew passaport validu, iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom jistgħu jidħlu u jgħixu fi Stat Membru ieħor u japplikaw għad-dokumenti ta’ residenza xierqa. Madankollu, id-Direttiva 2004/38/KE ma tirregolax il-format u l-istandards biex il-karti tal-identità jintużaw għad-dħul fi Stat Membru jew għall-ħruġ minnu. Bl-istess mod, ma tipprevedix standards speċifiċi għad-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom minbarra t-titolu tagħhom.

    Din il-proposta hija konsistenti bis-sħiħ mal-miżuri ta’ politika eżistenti li huma deskritti hawn fuq, għaliex iżżomm l-istandards tas-sigurtà introdotti mir-Regolament (UE) 2019/1157 applikabbli għall-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom u għad-dokumenti ta’ residenza maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu.

    2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Landeshauptstadt Wiesbaden 8 , l-Artikolu 77(3) TFUE jagħti lill-Unjoni kompetenza li tadotta dispożizzjonijiet dwar passaporti, karti tal-identità, permessi ta’ residenza jew kwalunkwe dokument ieħor bħal dan maħsub biex jiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri u li huma garantiti fl-Artikolu 20(2)(a) TFUE. Il-Qorti ddeċidiet li mill-għan u l-komponenti ewlenin tar-Regolament (UE) 2019/1157 –li jissaħħu l-istandards ta’ sigurtà applikabbli għall-karti tal-identità u d-dokumenti ta’ residenza u li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti, b’mod partikolari f’termini ta’ sigurtà, li jirregolaw tali dokumenti – li dan huwa wieħed mill-miżuri li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni speċifiku tal-Artikolu 77(3) TFUE 9 . L-istess japplika għal din il-proposta, li tirreplika r-Regolament (UE) 2019/1157 bl-eċċezzjoni ta’ aġġustamenti limitati li ma jaffettwawx il-fini u l-komponenti ewlenin tiegħu.

    L-Artikolu 77(3) tat-TFUE jipprevedi proċedura leġiżlattiva speċjali. Meta jadotta miżuri skont l-Artikolu 77(3) TFUE, il-Kunsill għandu jaġixxi b’mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    L-Unjoni hija impenjata li tiżgura l-moviment liberu tal-persuni f’żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Karti tal-identità u dokumenti ta’ residenza siguri huma elementi essenzjali biex tiġi żgurata l-fiduċja meħtieġa għall-moviment liberu f’dik iż-żona.

    Jekk ma jkunx hemm standard komuni fil-livell tal-Unjoni, huwa probabbli li jerġgħu jitfaċċaw l-ostakli għall-moviment liberu, li jirriżultaw mill-problemi fl-aċċettazzjoni ta’ ċerti dokumenti osservati qabel l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1157 10 . L-istess japplika għad-diskrepanzi fis-sigurtà li ġew esperjenzati qabel u li jirriżultaw minn dokumenti mhux siguri biżżejjed. In-nuqqas ta’ azzjoni fil-livell tal-Unjoni jirriżulta wkoll fi problemi aktar prattiċi għaċ-ċittadini tal-Unjoni, għall-awtoritajiet nazzjonali u għan-negozji f’kuntest fejn iċ-ċittadini jgħixu u jivvjaġġaw fl-Unjoni. Joħroġ biċ-ċar li l-indirizzar ta’ problemi sistemiċi bħal dawn billi jinżamm livell għoli ta’ sigurtà fir-rigward tal-karti tal-identità nazzjonali u d-dokumenti ta’ residenza jirrikjedi azzjoni kontinwa fuq skala tal-Unjoni.

    L-għanijiet ta’ kwalunkwe inizjattiva li tittieħed biex ma jerġgħux jitfaċċaw problemi bħal dawn ma jistgħux jinkisbu f’livell nazzjonali. Id-dokumenti koperti minn din il-proposta għandhom dimensjoni Ewropea intrinsika minħabba r-rabta tagħhom mal-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. L-Istati Membri diġà kkonfermaw il-ħtieġa li jaġixxu fil-livell tal-Unjoni billi adottaw ir-Regolament (UE) 2019/1157.

    Ir-regolament propost ma jirrekjedix lill-Istati Membri joħorġu dokumenti li mhumiex jinħarġu bħalissa.

    Proporzjonalità

    L-azzjoni tal-Unjoni tista’ tikkontribwixxi konsiderevolment biex jiġu indirizzati l-isfidi deskritti hawn fuq. Iċ-ċittadini tal-Unjoni jħabbtu wiċċhom ma’ ostakli fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom jekk ma jkunux jistgħu jkunu ċerti li d-dokumenti tagħhom se jiġu aċċettati b’mod ċert barra mill-Istat(i) Membru/i minn fejn jinħarġu.

    L-isfidi kontinwi għas-sigurtà jixhdu r-rabta inseparabbli bejn il-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni u l-ġestjoni robusta tal-fruntieri esterni. Sa fejn il-karti tal-identità jistgħu jintużaw għall-qsim ta’ fruntieri esterni, il-miżuri biex jittejbu s-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri esterni, bħall-verifiki sistematiċi ma’ bażijiet tad-data fil-konfront tal-persuni kollha, inklużi ċ-ċittadini tal-Unjoni li jaqsmu l-fruntieri esterni, jiddgħajfu jekk l-istandards tas-sigurtà tal-karti tal-identità jiddeterjoraw. B’mod ġenerali, l-istandards minimi fir-rigward tal-informazzjoni li tingħata fid-dokumenti koperti minn din il-proposta u għall-karatteristiċi ta’ sigurtà komuni fost l-Istati Membri kollha li joħorġuhom, jiffaċiltaw l-eżerċitar tal-moviment liberu u jtejbu s-sigurtà fl-Unjoni u fil-fruntieri tagħha.

    L-armonizzazzjoni sħiħa tad-disinn tal-karti tal-identità mhijiex ġustifikata u qed tiġi proposta miżura proporzjonata li tiżgura tad-dokumenti bi standards minimi. Dan jinkludi l-użu obbligatorju tal-marki tas-swaba’, li huma mezz affidabbli u effettiv biex tiġi stabbilita b’ċertezza l-identità ta’ persuna, u miżura proporzjonata fid-dawl tal-objettivi tal-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu u r-residenza, il-ġlieda kontra l-produzzjoni ta’ karti tal-identità foloz u s-serq tal-identità, u biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ verifika tad-dokumenti ta’ identifikazzjoni 11 .

    Fir-rigward tal-karti ta’ residenza li jinħarġu lil membri tal-familja ċittadini ta’ pajjiżi terzi, jingħata s-suġġeriment biex jibqa’ jintuża l-istess format li diġà ġie miftiehem fil-livell tal-Unjoni rigward permessi ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz.

    Għażla tal-istrument

    Regolament huwa l-uniku strument legali li jiżgura l-applikazzjoni diretta u komuni tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri kollha. F’qasam fejn id-diverġenzi diġà kienu detrimentali għall-moviment liberu u s-sigurtà, regolament ikun jiżgura li tinżamm il-komunalità mixtieqa.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Valutazzjoni tal-impatt

    Ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt fit-tħejjija ta’ din il-proposta peress li essenzjalment tirriproduċi t-test tar-Regolament (UE) 2019/1157, li huwa stess kien ibbażat fuq proposta 12 li kienet akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt 13 . Għalhekk, din il-proposta mhijiex mistennija li twassal għal impatti ġodda. Barra minn hekk, din il-proposta tqis it-tagħlimiet li ttieħdu mir-rapport ta’ implimentazzjoni li ġie adottat fl-20 ta’ Settembru 2023 14 . Peress li lanqas biss għaddew tliet snin mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2019/1157 ma saret l-ebda evalwazzjoni.

    Drittijiet fundamentali

    Din il-proposta tħalli impatt pożittiv fuq id-dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-moviment liberu u r-residenza skont l-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) billi tindirizza d-diffikultajiet fir-rikonoxximent u n-nuqqasijiet fis-sigurtà kemm tal-karti tal-identità kif ukoll tad-dokumenti ta’ residenza.

    Din il-proposta timplika l-ipproċessar ta’ data personali, inkluża data bijometrika, jiġifieri immaġni tal-wiċċ u żewġ marki tas-swaba’. L-ipproċessar tad-data personali ta’ individwi, inklużi l-ġbir, l-aċċess għad-data personali u l-użu tagħha, jaffettwa d-dritt għall-privatezza u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali minquxa fl-Artikolu 7 u l-Artikolu 8 tal-Karta.

    B’mod partikolari, l-obbligu li fil-medium ta’ memorja tal-karti tal-identità u tal-karti ta’ residenza jiġu inklużi żewġ marki tas-swaba’, kif ukoll l-obbligi li tali data bijometrika tinġabar u tinħażen temporanjament għall-finijiet tal-produzzjoni tad-dokumenti, jikkostitwixxi limitazzjoni kemm għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata kif ukoll għad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali 15 .

    Il-limitazzjonijiet fuq dawk id-drittijiet għandhom ikunu previsti fil-liġi u jirrispettaw l-essenza ta’ dawk id-drittijiet. Barra minn hekk, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, tali limitazzjonijiet jistgħu jsiru f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet ta’ oħrajn 16 .

    Il-limitazzjonijiet, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk il-limitazzjonijiet, ser jiġu definiti fir-regolament. Il-Qorti tal-Ġustizzja argumentat li l-limitazzjoni li tinvolvi l-obbligu li jiġu inklużi żewġ marki tas-swaba’ fil-medium ta’ memorja ma tippreġudikax il-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, peress li l-informazzjoni pprovduta mill-marki tas-swaba’ ma tippermettix, fiha nnifisha, li tingħata stampa ġenerali tal-ħajja privata u tal-familja tas-suġġetti tad-data 17 .

    Kif innotat il-Qorti, l-objettivi speċifiċi tar-regolament, jiġifieri l-ġlieda kontra l-frodi tad-dokumenti u l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ verifika tad-dokumenti ta’ identifikazzjoni, jikkostitwixxu objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni. Barra minn hekk, il-Qorti sabet li l-inklużjoni ta’ żewġ marki tas-swaba’ sħaħ hija xierqa sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet ta’ interess ġenerali 18 . Fir-rigward tan-neċessità tal-inklużjoni tal-marki tas-swaba’, il-Qorti qieset li l-limitazzjonijiet imposti fuq id-drittijiet fundamentali garantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jirriżultaw mill-obbligu li fil-medium ta’ memorja jiġu inklużi żewġ marki tas-swaba’ sħaħ jidhru li jikkonformaw ma’ dak li huwa strettament meħtieġ 19 .

    Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-limitazzjonijiet li jirriżultaw mill-inklużjoni ta’ żewġ marki tas-swaba’ ma jidhrux li huma – fid-dawl tan-natura tad-data inkwistjoni, tan-natura tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar, tal-mod kif jitwettqu u tal-garanziji previsti – ta’ gravità sproporzjonata meta mqabbla mas-sinifikat tad-diversi għanijiet tar-regolament. Għaldaqstant, tali miżura għandha titqies li hija bbażata fuq bilanċ ġust bejn, minn naħa, dawn l-għanijiet u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali inkwistjoni. B’riżultat ta’ dan, fis-sentenza Landeshauptstadt Wiesbaden il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet garantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ma jmorrux kontra l-prinċipju tal- proporzjonalità 20 .

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Biex il-miżuri previsti jiġu implimentati b’mod effettiv, u biex ir-riżultati tagħhom jiġu mmonitorjati, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti tal-awtoritajiet nazzjonali u mal-aġenziji tal-Unjoni, bħall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

    Il-Kummissjoni se tadotta programm ta’ monitoraġġ biex timmonitorja l-outputs, ir-riżultati u l-impatti tar-regolament abbażi tal-programm ta’ monitoraġġ adottat skont ir-Regolament (UE) 2019/1157 21 .

    Il-Kummissjoni se tevalwa l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-Unjoni tal-qafas legali li jirriżulta 6 snin wara d-data tal-applikazzjoni tar-regolament. Dan se jiżgura li jkun hemm biżżejjed data disponibbli għall-evalwazzjoni.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Essenzjalment, din il-proposta mehmuża tirriproduċi t-test tar-Regolament (UE) 2019/1157 kif ġie adottat mill-Parlament u mill-Kunsill. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li t-test ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li jiġi adattat fl-aspetti li ġejjin:

    Sabiex titqies is-sentenza fil-kawża Landeshauptstadt Wiesbaden, il-bażi legali għar-regolament hija l-Artikolu 77(3) tat-TFUE.

    Fil-premessi tar-regolament, tneħħew ir-referenzi għad-dokumenti ta’ politika li ġew adottati diversi snin ilu.

    Ir-referenza espliċita fil-premessi għall-karta tal-passaport maħruġa mill-Irlanda tneħħiet, peress li l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni tar-regolament dment li ma tinnotifikax li tixtieq tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni tiegħu. F’każ bħal dan, filwaqt li l-karta tal-passaport maħruġa mill-Irlanda hija dokument tal-ivvjaġġar konformi mad-Dokument 9303 tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali dwar Dokumenti tal-Ivvjaġġar li Jinqraw minn Magna, din ma sservix skopijiet ta’ identifikazzjoni fl-Irlanda, u għalhekk jenħtieġ li ma titqiesx li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament.

    Fil-premessi tar-regolament, qed tiżdied referenza għall-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-inklużjoni obbligatorja tal-marki tas-swaba’ fuq il-medium ta’ memorja hija kompatibbli mad-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali kif inhu garantit fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

    Il-premessa dwar it-tneħħija gradwali ta’ dokumenti li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tar-regolament ġiet adattata biex tirrifletti l-fatt li l-iskadenzi stabbiliti mir-Regolament (UE) 2019/1157 jenħtieġ li jibqgħu japplikaw.

    Jiżdiedu premessi biex jirriflettu n-nonparteċipazzjoni rispettivi tal-Irlanda u d-Danimarka.

    Se ssir konsultazzjoni ġdida mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

    Peress li l-Kummissjoni ma rċevietx notifika skont l-Artikolu 5(3), il-punt (b), tar-Regolament UE 2019/1157, ir-referenzi għal tali notifiki tneħħew.

    Skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2019/1157, ċerti karti ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru ma baqgħux validi mal-iskadenza tagħhom jew sat-3 ta’ Awwissu 2023, skont liema data ġiet l-ewwel. Peress li din id-data hija fil-passat, ir-regolament sempliċement jiddikjara li tali karti ta’ residenza ma għadhomx validi.

    Skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (UE) 2019/1157, id-data bijometrika maħżuna fil-medium ta’ memorja tal-karti tal-identità u tad-dokumenti ta’ residenza, jiġifieri l-immaġni tal-wiċċ u żewġ marki tas-swaba’ tad-detentur, għandha tintuża biss mill-persunal awtorizzat kif xieraq tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u tal-aġenziji tal-Unjoni. Minħabba l-firma elettronika fuq il-medium ta’ memorja tal-karti tal-identità, l-identifikazzjoni tad-detentur billi tiġi vverifikata d-data fil-medium ta’ memorja huwa metodu aktar affidabbli minn kontroll viżiv tad-dokument, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet ta’ identifikazzjoni mill-bogħod. Għaldaqstant, iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu ikunu jixtiequ jużaw id-data fil-medium ta’ memorja tal-karta tal-identità tagħhom, inkluża l-immaġni tal-wiċċ, biex jidentifikaw lilhom infushom ma’ entitajiet privati, bħal banek jew trasportaturi tal-ajru. Għalhekk, il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni ġiet adattata biex tiddikjara li l-marki tas-swaba’ biss jistgħu jiġu aċċessati esklużivament minn persunal awtorizzat kif xieraq tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u tal-aġenziji tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, il-protezzjoni kriptografika ma tippermettix lil persuni mhux awtorizzati jaċċessaw il-marki tas-swaba’ fuq il-medium ta’ memorja.

    Sabiex l-awtoritajiet tal-Istati Membri jitnaqqsulhom l-obbligi ta’ rapportar, l-obbligu li tinżamm lista tal-awtoritajiet kompetenti b’aċċess għad-data bijometrika maħżuna fuq il-medium ta’ memorja u li din tintbagħat lill-Kummissjoni darba fis-sena, qiegħed jitneħħa.

    Ir-regoli dwar ir-rapportar u l-evalwazzjoni ġew simplifikati sabiex lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jitnaqqsulhom l-obbligi ta’ rapportar. L-Artikolu 13 tar-Regolament jipprevedi li minflok li r-regolament jiġi evalwat kull sitt snin, il-Kummissjoni se tagħmel evalwazzjoni waħda sitt snin wara li r-Regolament jidħol fis-seħħ, li tiffoka speċifikament fuq għadd ta’ elementi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament.

    Minħabba li l-Istati Membri diġà qed japplikaw ir-Regolament (UE) 2019/1157, id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament ma jeħtieġx postponiment tal-iskadenza. Għaldaqstant, ir-Regolament jenħtieġ li jibda japplika malli jidħol fis-seħħ.

    2024/0187 (CNS)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta’ residenza li jinħarġu liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 77(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 22 ,

    Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali,

    Billi:

    (1)It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) huwa intiż li jiffaċilita l-moviment liberu tal-persuni filwaqt li jiżgura l-ħarsien u s-sigurtà tal-popli tal-Ewropa, billi jistabbilixxi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-TUE u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    (2)Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tikkonferixxi fuq kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt ta’ moviment liberu, soġġett għal ċerti limitazzjonijiet u kundizzjonijiet. Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 23 tagħti effett lil dak id-dritt. L-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) jipprevedi wkoll il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza. Il-libertà ta’ moviment tinvolvi d-dritt ta’ ħruġ u ta’ dħul fl-Istati Membri b’karta tal-identità jew passaport validu.

    (3)Skont id-Direttiva 2004/38/KE, l-Istati Membri jridu joħorġu u jġeddu l-karti tal-identità u l-passaporti liċ-ċittadini tagħhom f’konformità mal-liġijiet nazzjonali. Barra minn hekk, dik id-Direttiva tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom jirreġistraw mal-awtoritajiet rilevanti. L-Istati Membri huma meħtieġa joħorġu ċertifikati ta’ reġistrazzjoni liċ-ċittadini tal-Unjoni taħt il-kundizzjonijiet stipulati fih. Skont dik id-Direttiva, l-Istati Membri huma obbligati wkoll joħorġu karti ta’ residenza lil membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u, mal-applikazzjoni, joħorġu dokumenti li jiċċertifikaw residenza permanenti kif ukoll joħorġu karti ta’ residenza permanenti.

    (4)Id-Direttiva 2004/38/KE jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jirrifjutaw, itemmu jew jirtiraw kwalunkwe dritt konferit minn dik id-Direttiva f’każ ta’ abbuż tad-drittijiet jew frodi. Skont dik id-Direttiva, il-falsifikazzjoni ta’ dokumenti jew il-preżentazzjoni falza ta’ fatt materjali li jikkonċerna l-kundizzjonijiet marbuta mad-dritt ta’ residenza ġew identifikati bħala każijiet tipiċi ta’ frodi.

    (5)Qabel ma ġew adottati r-regoli fil-livell tal-Unjoni kienu jeżistu differenzi konsiderevoli bejn il-livelli ta’ sigurtà tal-karti tal-identità nazzjonali u d-dokumenti ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor. Tali differenzi jżidu r-riskju ta’ falsifikazzjoni u frodi tad-dokumenti u jwasslu wkoll għal diffikultajiet prattiċi għaċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu.

    (6)Dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-identità siguri huma kruċjali kull darba li jkun meħtieġ li tiġi stabbilita l-identità ta’ persuna bla ebda dubju. Livell għoli ta’ sigurtà tad-dokumenti huwa importanti għall-prevenzjoni ta’ abbużi u theddid għas-sigurtà interna, b’mod partikolari relatati mat-terroriżmu u l-kriminalità transfruntiera. Fil-passat, il-karti tal-identità nazzjonali mhux siguri biżżejjed kienu fost l-aktar dokumenti foloz li ntużaw ta’ sikwit għall-ivvjaġġar fl-Unjoni.

    (7)Sabiex jiskoraġġixxu l-frodi tal-identità, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-falsifikazzjoni u l-kontrafazzjoni tad-dokumenti ta’ identifikazzjoni u l-użu ta’ tali dokumenti falsifikati jew kontrafatti jiġu penalizzati b’mod adegwat mil-liġi nazzjonali tagħhom.

    (8)Il-ħruġ ta’ karti tal-identità awtentiċi u siguri jirrikjedi proċess ta’ reġistrazzjoni tal-identità affidabbli u dokumenti “oriġinaturi” siguri biex isostnu l-proċess tal-applikazzjoni. Fid-dawl taż-żieda fl-użu ta’ dokumenti “oriġinaturi” foloz, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni jenħtieġ li jkomplu jaħdmu flimkien id-dokumenti “oriġinaturi” jkunu anqas vulnerabbli għall-frodi.

    (9)Dan ir-Regolament ma jirrikjedix li l-Istati Membri jintroduċu karti tal-identità jew dokumenti ta’ residenza meta ma jkunux previsti mil-liġi nazzjonali, u lanqas ma jaffettwa l-kompetenza tal-Istati Membri li joħorġu, taħt il-liġi nazzjonali, dokumenti ta’ residenza oħra li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, pereżempju karti ta’ residenza maħruġa lir-residenti kollha fit-territorju tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom. Barra minn hekk, dan ir-Regolament ma jaffettwax il-prinċipju, li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-intitolament għad-dritt ta’ moviment liberu u residenza jista’ jiġi attestat bi kwalunkwe mezz ta’ prova.

    (10)Dan ir-Regolament ma jżommx lill-Istati Membri milli jaċċettaw, b’mod mhux diskriminatorju, dokumenti li mhumiex dokumenti tal-ivvjaġġar għal skopijiet ta’ identifikazzjoni, bħal liċenzji tas-sewqan.

    (11)Dokumenti ta’ identifikazzjoni li jinħarġu lil ċittadini li d-dritt ta’ moviment liberu tagħhom ġie ristrett f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali, u li espressament jindikaw li ma jistgħux jintużaw bħala dokumenti tal-ivvjaġġar, jenħtieġ li ma jitqisux bħala dokumenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (12)Dokumenti tal-ivvjaġġar konformi mad-Dokument 9303 tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) dwar id-Dokumenti tal-Ivvjaġġar li Jinqraw minn Magna (“Dokument ICAO 9303”), li ma jservux skopijiet ta’ identifikazzjoni fl-Istati Membri emittenti, jenħtieġ li ma jitqisux li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (13)Dan ir-Regolament ma jaffettwax lill-Istati Membri fir-rigward tal-użu ta’ karti tal-identità u dokumenti ta’ residenza b’funzjoni eID għal skopijiet oħra, u lanqas ma jaffettwa r-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 , li jipprevedi r-rikonoxximent reċiproku ta’ identifikazzjonijiet elettroniċi fl-aċċess għas-servizzi pubbliċi madwar l-Unjoni kollha u li jgħin liċ-ċittadini li jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor, billi jirrikjedi rikonoxximent reċiproku tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika dment li jitħarsu ċerti kondizzjonijiet. Jenħtieġ li karti tal-identità mtejba jiżguraw identifikazzjoni aktar faċli u jikkontribwixxu għal aċċess aħjar għas-servizzi.

    (14)Verifika xierqa tal-karti tal-identità u tad-dokumenti ta’ residenza tirrikjedi li l-Istati Membri jużaw it-titolu korrett għal kull tip ta’ dokument kopert b’dan ir-Regolament. Sabiex jiffaċilita l-iċċekkjar ta’ dokumenti koperti b’dan ir-Regolament fl-Istati Membri l-oħra, jenħtieġ li t-titolu tad-dokument jidher ukoll f’mill-anqas lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni. Meta bħala karti tal-identità l-Istati Membri diġà jużaw denominazzjonijiet stabbiliti sew għajr it-titolu “karta tal-identità”, jenħtieġ li huma jkunu jistgħu jkomplu jagħmlu dan fil-lingwa jew lingwi uffiċjali tagħhom. Madankollu, jenħtieġ li fil-futur ma tiddaħħal ebda denominazzjoni ġdida.

    (15)Il-karatteristiki tas-sigurtà huma neċessarji biex jiġi vverifikat jekk dokument huwiex awtentiku u biex tiġi stabbilita l-identità ta’ persuna. L-istabbiliment ta’ standards minimi tas-sigurtà u l-integrazzjoni ta’ data bijometrika fil-karti tal-identità u fil-karti ta’ residenza ta’ membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru huma passi importanti biex l-użu tagħhom fl-Unjoni jsir aktar sigur. Jenħtieġ li l-inklużjoni ta’ dawn l-identifikaturi bijometriċi tippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni jibbenefikaw bis-sħiħ mid-dritt ta’ moviment liberu tagħhom.

    (16)Il-ħżin ta’ immaġni tal-wiċċ u żewġ marki tas-swaba’ (“data bijometrika”) fuq il-karti ta’ residenza u tal-identità, kif diġà previst fir-rigward tal-passaporti bijometriċi għal ċittadini tal-Unjoni u tal-permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, jirrappreżenta taħlita xierqa ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni affidabbli b’riskju mnaqqas ta’ frodi, bl-iskop li tissaħħaħ is-sigurtà tal-karti ta’ residenza u tal-identità. Kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-inklużjoni obbligatorja tal-marki tas-swaba’ fuq il-mezz ta’ ħżin hija kompatibbli mad-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali kif inhu garantit fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

    (17)Bħala prattika ġenerali, jenħtieġ li l-Istati Membri, għall-verifika tal-awtentiċità tad-dokument u l-identità tad-detentur, jivverifikaw primarjament l-immaġni tal-wiċċ u, meta jkun meħtieġ biex jikkonfermaw l-awtentiċità tad-dokument u l-identità tad-detentur mingħajr ebda dubju, l-Istati Membri jenħtieġ li jivverifikaw il-marki tas-swaba’ ukoll.

    (18)Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, f’każijiet meta verifika ta’ data bijometrika ma tikkonfermax l-awtentiċità tad-dokument jew l-identità tad-detentur tiegħu, kontroll manwali obbligatorju jitwettaq minn persunal ikkwalifikat.

    (19)Dan ir-Regolament ma jipprevedix bażi legali għall-istabbiliment jew iż-żamma ta’ bażijiet ta’ data fil-livell nazzjonali għall-ħżin ta’ data bijometrika fl-Istati Membri, li hija kwistjoni ta’ liġi nazzjonali li trid tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, fosthom ir-rekwiżiti dwar in-neċessità u l-proporzjonalità. Barra minn hekk, dan ir-Regolament ma jipprevedix bażi ġuridika għall-istabbiliment jew iż-żamma ta’ bażi ta’ data ċentralizzata fil-livell tal-Unjoni.

    (20)L-identifikaturi bijometriċi jenħtieġ li jinġabru u jinħażnu fil-medium ta’ memorja tal-identità u fid-dokumenti ta’ residenza għall-finijiet ta’ verifika tal-awtentiċità tad-dokument u tal-identità tad-detentur. Minħabba l-firma elettronika fuq il-medium ta’ memorja tal-karti tal-identità, l-identifikazzjoni tad-detentur permezz tal-medium ta’ memorja, li fiha l-istess data bijografika bħal dik stampata fuq id-dokument, hija aktar affidabbli minn verifika viżiva tad-dokument. Għalhekk, iċ-ċittadini tal-Unjoni jenħtieġ li jitħallew jużaw id-data maħżuna fil-medium ta’ memorja tal-karta tal-identità tagħhom biex jidentifikaw ruħhom ma’ entitajiet privati. Madankollu, il-verifika tal-marki tas-swaba’ maħżuna fil-medium ta’ memorja jenħtieġ li ssir minn persunal debitament awtorizzat biss u meta jkun hemm obbligu legali li d-dokument jiġi ppreżentat biss.

    (21)Id-data bijometrika maħżuna għall-fini tal-personalizzazzjoni tal-karti tal-identità jew tad-dokumenti ta’ residenza jenħtieġ li jinżammu b’mod sigur ħafna u biss sad-data li jinġabar id-dokument u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn 90 jum mid-data ta’ meta jinħareġ id-dokument. Wara dak il-perjodu, dik id-data bijometrika jenħtieġ li titħassar jew tinqered minnufih. Dan jenħtieġ li jsir mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe pproċessar ieħor ta’ din id-data skont il-liġi nazzjonali u tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

    (22)Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jitqiesu l-ispeċifikazzjonijiet tad-Dokument 9303 tal-ICAO dwar dokumenti li jinqraw minn magna li jiżguraw interoperabbiltà globali inkluż b’rabta mal-qari tad-dokumenti minn magna u l-użu ta’ spezzjoni viżiva.

    (23)Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk jinkludux il-ġeneru ta’ persuna fuq dokument kopert minn dan ir-Regolament. Meta Stat Membru jinkludi l-ġeneru ta’ persuna fuq tali dokument, jenħtieġ li jintużaw l-ispeċifikazzjonijiet tad-Dokument 9303 tal-ICAO “F”, “M” jew “X”, jew l-inizjali unika korrispondenti użata fil-lingwa jew lingwi ta’ dak l-Istat Membru, kif ikun xieraq.

    (24)Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-istandards tas-sigurtà futuri u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi adottati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 25 jitqiesu kif xieraq għall-karti tal-identità u karti ta’ residenza. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 26 . Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 27 jgħin lill-Kummissjoni. Meta jkun neċessarju, jenħtieġ li jkun possibbli li l-atti ta’ implimentazzjoni adottati jibqgħu sigrieti sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ kontrafazzjoni u falsifikazzjonijiet.

    (25)Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-istabbiliment ta’ proċeduri xierqa u effettivi għall-ġbir ta’ identifikaturi bijometriċi u li tali proċeduri jikkonformaw mad-drittijiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta, fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tal-Kunsill tal-Ewropa u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-aħjar interess tat-tfal ikun kunsiderazzjoni primarja matul il-proċedura tal-ġbir. Għal dak il-għan, il-persunal kwalifikat jenħtieġ li jirċievi taħriġ xieraq dwar prattiki ta’ ġbir ta’ identifikaturi bijometriċi adatti għat-tfal.

    (26)Meta l-Istati Membri jiltaqgħu diffikultajiet biex jiġbru l-identifikaturi bijometriċi, jenħtieġ li jiżguraw li jkun hemm stabbiliti proċeduri xierqa li jirrispettaw id-dinjità tal-persuna kkonċernata. Għalhekk, jenħtieġ li jitqiesu kunsiderazzjonijiet speċifiċi relatati mal-ġeneru u mal-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal u tal-persuni vulnerabbli.

    (27)L-introduzzjoni ta’ standards minimi ta’ sigurtà u standards tal-format jenħtieġ li tippermetti lill-Istati Membri jaċċettaw l-awtentiċità ta’ dawk id-dokumenti meta ċ-ċittadini tal-Unjoni jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu. L-introduzzjoni ta’ standards tas-sigurtà msaħħa jenħtieġ li tipprovdi garanziji suffiċjenti lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-entitajiet privati sabiex tippermettilhom jafdaw l-awtentiċità tal-karti tal-identità meta jintużaw miċ-ċittadini tal-Unjoni għal finijiet ta’ identifikazzjoni.

    (28)Is-sinjal ta’ distinzjoni fil-forma tal-kodiċi tal-pajjiż b’żewġ ittri tal-Istat Membru li joħroġ id-dokument stampat fin-negattiv f’rettangolu blu u mdawwar bi 12-il stilla safra jiffaċilita l-ispezzjoni viżiva tad-dokument, b’mod partikolari meta d-detentur ikun qiegħed jeżerċita d-dritt ta’ moviment liberu.

    (29)Filwaqt li tinżamm l-għażla li jiġu previsti karatteristiċi nazzjonali addizzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li dawk il-karatteristiċi ma jnaqqsux l-effiċjenza tal-karatteristiċi ta’ sigurtà komuni, jew inkella jaffettwaw b’mod negattiv il-kompatibbiltà transfruntiera tal-karti tal-identità, bħall-kapaċità li l-karti tal-identità jinqraw minn magni li jintużaw minn Stati Membri li ma jkunux ħarġu l-karti tal-identità.

    (30)L-introduzzjoni ta’ standards tas-sigurtà fil-karti tal-identità u fil-karti ta’ residenza ta’ membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru jenħtieġ li ma tirriżultax f’żieda sproporzjonata fit-tariffi għaċ-ċittadini tal-Unjoni jew għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz. Jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu dan il-prinċipju meta joħorġu sejħiet għall-offerti.

    (31)L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li d-data bijometrika tidentifika lill-persuna li tinħarġilha karta tal-identità b’mod korrett. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw il-ġbir ta’ identifikaturi bijometriċi, b’mod partikolari l-immaġni tal-wiċċ, permezz ta’ reġistrazzjoni diretta mill-awtoritajiet nazzjonali li joħorġu karti tal-identità.

    (32)Jenħtieġ li l-Istati Membri jiskambjaw ma’ xulxin tali informazzjoni skont kif ikun meħtieġ rigward l-aċċess, l-awtentikazzjoni u l-verifika tal-informazzjoni li tinsab fil-medium ta’ memorja sigur. Il-formati użati għall-medium ta’ memorja sigur jenħtieġ li jkunu interoperabbli, inkluż fir-rigward ta’ punti awtomatizzati tal-qsim tal-fruntiera.

    (33)Id-Direttiva 2004/38/KE tindirizza s-sitwazzjoni meta ċittadini tal-Unjoni, jew membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li ma jkollhomx id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa jridu jingħataw kull opportunità raġonevoli biex juru li huma koperti mid-dritt ta’ moviment liberu b’mezzi oħra. Tali mezzi jistgħu jinkludu dokumenti ta’ identifikazzjoni użati fuq bażi provviżorja u karti ta’ residenza maħruġa lil tali membri tal-familja.

    (34)Dan ir-Regolament jirrispetta l-obbligi stabbiliti fil-Karta u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà. Għalhekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jaħdmu mal-Kummissjoni biex jintegraw karatteristiċi addizzjonali li jagħmlu l-karti tal-identità aktar aċċessibbli u faċli biex jintużaw minn persuni b’diżabbiltà, bħal persuni b’vista batuta. L-Istati Membri jeħtiġilhom jesploraw l-użu ta’ soluzzjonijiet, bħal apparati tar-reġistrazzjoni mobbli, għall-ħruġ ta’ karti tal-identità lil persuni li ma jkunux kapaċi jżuru l-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ tal-karti tal-identità.

    (35)Jenħtieġ li dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni jinkludu informazzjoni speċifika li tiżgura li huma jiġu identifikati bħala tali fl-Istati Membri kollha. Dan jenħtieġ li jiffaċilita r-rikonoxximent tal-użu tad-dritt ta’ moviment liberu miċ-ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll tad-drittijiet li huma inerenti għal dan l-użu, iżda jenħtieġ li l-armonizzazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa xieraq biex tiġi indirizzata d-dgħufija tad-dokumenti attwali. L-Istati Membri huma ħielsa li jagħżlu l-format li fih jinħarġu dawn id-dokumenti u jistgħu joħorġuhom f’format konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tad-Dokument 9303 tal-ICAO.

    (36)Rigward id-dokumenti ta’ residenza li jinħarġu lil membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, huwa xieraq li jintużaw l-istess format u karatteristiċi ta’ sigurtà bħal dawk previsti fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 kif emendat permezz tar-Regolament (UE) 2017/1954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 28 . Minbarra li jagħtu prova tad-dritt ta’ residenza, dawk id-dokumenti jeżentaw ukoll lid-detenturi meta jkunu qed jakkumpanjaw jew jiltaqgħu ma’ ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Unjoni, u mingħajrhom ikunu soġġetti għal obbligu ta’ viża.

    (37)Id-Direttiva 2004/38/KE tipprevedi li dokumenti li jinħarġu lil membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru jridu jissejħu “Karta ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni”. Sabiex tiġi faċilitata l-identifikazzjoni tagħhom, il-karti ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni jenħtieġ li juru titolu u kodiċi standardizzati.

    (38)Filwaqt li jitqiesu kemm ir-riskju għas-sigurtà kif ukoll il-kostijiet imġarrba mill-Istati Membri, il-karti tal-identità kif ukoll il-karti ta’ membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu eliminati gradwalment. Fir-rigward ta’ dokumenti li ma jkollhomx karatteristiċi importanti ta’ sigurtà, jew li ma jkunux jinqraw minn magna, huwa meħtieġ perjodu ta’ eliminazzjoni gradwali iqsar.

    (39)Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 29 japplika fir-rigward tad-data personali li trid tiġi pproċessata fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Huwa neċessarju li jiġu speċifikati aktar salvagwardji li japplikaw għad-data personali proċessata, u b’mod partikolari għad-data sensittiva bħall-identifikaturi bijometriċi. Jenħtieġ li s-suġġetti tad-data jkunu konxji li fid-dokumenti tagħhom jeżisti medium ta’ memorja li jkun fih id-data bijometrika tagħhom, inkluża l-aċċessibbiltà tiegħu mingħajr kuntatt kif ukoll id-drabi kollha meta tintuża d-data maħżuna fil-karti tal-identità u fid-dokumenti ta’ residenza tagħhom. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li s-suġġetti tad-data jkollhom aċċess għad-data personali pproċessata fil-karti tal-identità u d-dokumenti ta’ residenza tagħhom u li jkollhom id-dritt li jirrettifikawha permezz tal-ħruġ ta’ dokument ġdid meta tali data tkun żbaljata jew mhux kompluta. Il-medium ta’ memorja jenħtieġ li jkun sigur ħafna u li jipproteġi b’mod effettiv id-data personali maħżuna fuqu minn aċċess mhux awtorizzat.

    (40)L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu responsabbli mill-ipproċessar xieraq tad-data bijometrika, mill-ġbir sal-integrazzjoni tad-data fil-medium ta’ memorja sigur ħafna, f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.

    (41)Jenħtieġ li l-Istati Membri joqogħdu attenti speċjalment meta jikkooperaw ma’ fornitur tas-servizzi estern. Jenħtieġ li tali kooperazzjoni ma teskludi l-ebda responsabbiltà tal-Istati Membri li tinħoloq taħt id-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali b’rabta mal-ksur ta’ obbligi fir-rigward ta’ data personali.

    (42)Huwa neċessarju li f’dan ir-Regolament tiġi speċifikata l-bażi għall-ġbir u l-ħżin tad-data fuq il-medium ta’ memorja tal-karti tal-identità u d-dokumenti ta’ residenza. F’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali u b’osservanza tal-prinċipji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jaħżnu data oħra fuq medium ta’ memorja għal servizzi elettroniċi jew finijiet oħra relatati mal-karta tal-identità jew mad-dokument ta’ residenza. Jenħtieġ li l-ipproċessar ta’ din id-data oħra, inkluż il-ġbir tagħha u l-iskopijiet li għalihom tista’ tintuża, jiġi awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali. Id-data nazzjonali kollha għal tali finijiet jenħtieġ li tkun fiżikament jew loġikament separata mid-data bijometrika msemmija f’dan ir-Regolament u jenħtieġ li tiġi proċessata skont ir-Regolament (UE) 2016/679.

    (43)F’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar 30 , jenħtieġ li, sitt snin wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tagħmel evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament, fosthom abbażi tal-informazzjoni li tinġabar permezz ta’ arranġamenti ta’ monitoraġġ speċifiċi, sabiex tivvaluta l-effetti reali ta’ dan ir-Regolament u l-ħtieġa li tittieħed kwalunkwe azzjoni ulterjuri. Għall-fini tal-monitoraġġ, l-Istati Membri jenħtieġ li jiġbru statistika dwar l-għadd ta’ karti tal-identità u dokumenti ta’ residenza li joħorġu.

    (44)Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li titjieb is-sigurtà u sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritti tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

    (45)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u ma hijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

    (46)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

    (47)Ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta, inklużi id-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-integrità tal-persuna, il-projbizzjoni ta’ trattament inuman jew degradanti, id-dritt għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u għan-nondiskriminazzjoni, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tal-anzjani, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt ta’ moviment liberu u d-dritt għal rimedju effettiv. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkonformaw mal-Karta meta jimplimentaw dan ir-Regolament.

    (48)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 31 u ta l-opinjoni tiegħu fi XXXX 32 ,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Kapitolu I
    Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

    Artikolu 1
    Suġġett

    Dan ir-Regolament isaħħaħ l-istandards tas-sigurtà applikabbli għall-karti tal-identità li jinħarġu mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom, kif ukoll għad-dokumenti ta’ residenza li jinħarġu mill-Istati Membri liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu.

    Artikolu 2
    Kamp ta’ applikazzjoni

    Dan ir-Regolament japplika għal:

    (a)karti tal-identità li jinħarġu mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom stess, kif imsemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38/KE;

    (b)ċertifikati ta’ reġistrazzjoni li jinħarġu f’konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/38/KE liċ-ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru ospitanti għal aktar minn tliet xhur, u għal dokumenti li jiċċertifikaw residenza permanenti maħruġa, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2004/38/KE, liċ-ċittadini tal-Unjoni malli japplikaw;

    (c)karti ta’ residenza li jinħarġu f’konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38/KE lil membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u karti ta’ residenza permanenti li jinħarġu f’konformità mal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/38/KE lil membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru,.

    Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal dokumenti ta’ identifikazzjoni maħruġa fuq bażi provviżorja b’perjodu ta’ validità ta’ anqas minn sitt xhur.

    Kapitolu II
    Karta tal-identità Nazzjonali

    Artikolu 3
    Standards tas-sigurtà/format/speċifikazzjonijiet

    1.Il-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri għandhom jiġu prodotti fil-format ID-1 u għandu jkollhom parti li tinqara minn magna (machine-readable zone, MRZ). Tali karti tal-identità għandhom ikunu bbażati fuq l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards minimi tas-sigurtà stipulati fid-Dokument 9303 tal-ICAO u għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (c), (d), (f) u (g) tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 kif emendat permezz tar-Regolament (UE) 2017/1954.

    2.L-elementi tad-data inklużi fil-karti tal-identità għandhom jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fil-parti 5 tad-Dokument 9303 tal-ICAO.

    B’deroga mill-ewwel subparagrafu, in-numru tad-dokument jista’ jiddaħħal fiż-żona I u l-indikazzjoni tal-ġeneru ta’ persuna għandha tkun fakultattiva.

    3.Id-dokument għandu jkollu t-titolu ta’ “Karta tal-identità” jew deżinjazzjoni nazzjonali oħra stabbilita sew fil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat Membru emittenti u bil-kliem “Karta tal-Identità” f’mill-anqas waħda mil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni.

    4.Fuq in-naħa ta’ quddiem, il-karta tal-identità għandu jkun fiha l-kodiċi tal-pajjiż b’żewġ ittri tal-Istat Membru li joħroġ il-kard, stampat fin-negattiv f’rettangolu blu u mdawwar bi 12-il stilla safra.

    5.Il-karti tal-identità għandhom jinkludu medium ta’ memorja sigur ħafna li għandu jkun fih data bijometrika li tikkonsisti esklużivament f’immaġni tal-wiċċ tad-detentur tal-karta u żewġ marki tas-swaba’ f’formati diġitali interoperabbli. Fir-rigward tal-ġbir tal-identifikaturi bijometriċi, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif stabbiliti mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2018)7767 33 kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2021) 3726 34 .

    6.Il-medium ta’ memorja għandu jkollu l-kapaċità li jiggarantixxi l-integrità, l-awtentitċità u l-kunfidenzjalità tad-data. Id-data li tinħażen għandha tkun aċċessibbli f’forma mingħajr kuntatt u tinżamm sigura kif previst fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2018)7767 kif emendat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2021) 3726. L-Istati Membri għandhom jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa biex jawtentikaw il-medium ta’ memorja u biex jaċċedu għad-data bijometrika msemmija fil-paragrafu 5 u jivverifikawha.

    7.It-tfal ta’ taħt it-12-il sena jistgħu ikunu eżentati mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba’.

    It-tfal ta’ taħt is-6 snin għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba’.

    Il-persuni li għalihom ikun fiżikament impossibbli li jagħtu l-marki tas-swaba’għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba’.

    8.Meta jkun meħtieġ u proporzjonat għall-għan li jrid jintlaħaq, l-Istati Membri jistgħu jdaħħlu tali dettalji u osservazzjonijiet għall-użu nazzjonali, kif meħtieġ skont il-liġi nazzjonali tagħhom. L-effiċjenza tal-istandards minimi tas-sigurtà u l-kompatibbiltà transfruntiera tal-karti tal-identità ma għandhomx jitnaqqsu bħala riżultat.

    9.Meta l-Istati Membri jinkorporaw interfaċċa doppja jew mezz ta’ ħżin separat fil-karta tal-identità, il-medium ta’ memorja addizzjonali għandu jikkonforma mal-istandards tal-ISO rilevanti u ma għandux jinterferixxi mal-mezz ta’ ħżin imsemmi fil-paragrafu 5.

    10.Meta l-Istati Membri jaħżnu data għas-servizzi elettroniċi, bħall-gvern elettroniku u l-kummerċ elettroniku, fil-karti tal-identità, tali data nazzjonali għandha tkun fiżikament jew loġikament separata mid-data bijometrika msemmija fil-paragrafu 5.

    11.Meta l-Istati Membri jżidu karatteristiċi tas-sigurtà addizzjonali fil-karti tal-identità, dawn ma għandhom bl-ebda mod jaffettwaw il-kompatibbiltà transfruntiera ta’ tali karti tal-identità u l-effiċjenza tal-istandards minimi tas-sigurtà.

    Artikolu 4
    Perjodu ta’ validità

    1.Il-karti tal-identità għandu jkollhom perjodu ta’ validità minimu ta’ ħames snin u perjodu ta’ validità massimu ta’ għaxar snin.

    2.B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu perjodu ta’ validità ta’:

    (a)anqas minn ħames snin, għall-karti tal-identità maħruġa lill-minorenni;

    (b)f’każijiet eċċezzjonali, anqas minn ħames snin, għall-karti tal-identità li jinħarġu lil persuni f’ċirkostanzi speċjali u limitati u meta l-perjodu ta’ validità tagħhom ikun limitat f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali;

    (c)aktar minn 10 snin, għall-karti tal-identità li jinħarġu lil persuni minn 70 sena ’l fuq.

    3.L-Istati Membri għandhom joħorġu karta tal-identità li jkollha validità ta’ 12-il xahar jew anqas meta jkun temporanjament fiżikament impossibbli li jittieħdu l-marki tas-swaba’ ta’ kwalunkwe saba’ tal-applikant.

    Artikolu 5
    Eliminazzjoni gradwali

    1.Il-karti tal-identità li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 3 ma għandhomx jibqgħu validi malli jiskadu jew sat-3 ta’ Awwissu 2031, skont liema data minnhom tiġi l-ewwel.

    2.B’deroga mill-paragrafu 1:

    (a)il-karti tal-identità li ma jissodisfawx l-istandards tas-sigurtà minimi stabbiliti fil-parti 2 tad-Dokument 9303 tal-ICAO jew li ma jkunux jinkludu parti funzjonali li tinqara minn MRZ, kif definit fil-paragrafu 3, ma għandhomx jibqgħu validi malli jiskadu jew sat-3 ta’ Awwissu 2026, skont liema data minnhom tiġi l-ewwel;

    (b)karti tal-identità ta’ persuni minn 70 sena ’l fuq fit-2 ta’ Awwissu 2021, li jissodisfaw l-istandards tas-sigurtà minimi stabbiliti fil-parti 2 tad-Dokument 9303 tal-ICAO u li jkollhom parti funzjonali li tinqara minn MRZ funzjonali, kif definit fil-paragrafu 3, ma għandhomx jibqgħu validi meta jiskadu.

    3.Għall-finijiet tal-paragrafu 2, MRZ funzjonali għandha tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)parti li tinqara minn magna konformi md-Dokument 9303 tal-ICAO;

    (b)kwalunkwe parti oħra li tinqara mill-magni li, fir-rigward tagħha, l-Istat Membru emittenti jinnotifika r-regoli meħtieġa biex l-informazzjoni fiha tkun tista’ tinqara jew tintwera.

    Kapitolu III
    Dokumenti ta’ residenza għal ċittadini tal-Unjoni

    Artikolu 6
    Informazzjoni minima li trid tiġi indikata

    Id-dokumenti ta’ residenza li jinħarġu mill-Istati Membri liċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom jindikaw mill-anqas dan li ġej:

    (a)it-titolu tad-dokument fil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat u f’mill-anqas waħda mil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni;

    (b)referenza ċara li d-dokument inħareġ lil ċittadin tal-Unjoni f’konformità mad-Direttiva 2004/38/KE;

    (c)in-numru tad-dokument;

    (d)l-isem (il-kunjom u l-isem/ismijiet) tad-detentur;

    (e)id-data tat-twelid tad-detentur;

    (f)l-informazzjoni li trid tiġi inkluża fiċ-ċertifikati u d-dokumenti ta’ reġistrazzjoni li jiċċertifikaw ir-residenza permanenti, maħruġa f’konformità mal-Artikoli 8 u 19 tad-Direttiva 2004/38/KE, rispettivament;

    (g)l-awtorità emittenti;

    (h)fuq quddiem, il-kodiċi tal-pajjiż b’żewġ ittri tal-Istat Membru li joħroġ id-dokument, stampat fin-negattiv f’rettangolu blu u mdawwar bi tnax-il stilla safra.

    Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jieħu l-marki tas-swaba’, għandu japplika l-Artikolu 3(7) kif ikun xieraq.

    Kapitolu IV
    Karti ta’ residenza tal-membri tal-familja li ma jkollhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru

    Artikolu 7
    Format uniformi

    1.Meta joħorġu karti ta’ residenza lil membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, l-Istati Membri għandhom jużaw l-istess format stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 kif emendat permezz tar-Regolament (UE) 2017/1954, u kif implimentat mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2018)7767 kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2021) 3726.

    2.B’deroga mill-paragrafu 1, karta għandha ġġib it-titolu “Karta ta’ residenza” jew “Karta ta’ residenza permanenti” . L-Istati Membri għandhom jindikaw li dawn id-dokumenti nħarġu lil membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni f’konformità mad-Direttiva 2004/38/KE. Għal dan il-fini, l-Istati Membri għandhom jużaw il-kodiċi standardizzat “Membru tal-Familja UE Art 10 DIR 2004/38/KE” jew “Membru tal-Familja UE Art 20 DIR 2004/38/KE”, fil-kamp tad-data [10], kif jissemma fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 kif emendat permezz tar-Regolament (UE) 2017/1954.

    3.L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu data għall-użu nazzjonali f’konformità mad-dritt nazzjonali. Meta jdaħħlu u jaħżnu din id-data, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti li jinsabu stipulati fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002, kif emendat mir-Regolament (UE) Nru 2017/1954.

    Artikolu 8
    Eliminazzjoni gradwali tal-karti ta’ residenza eżistenti

    1.Il-karti ta’ residenza ta’ membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7, ma għandhomx jibqgħu validi malli jiskadu jew sat-3 ta’ Awwissu 2026, skont liema data minnhom tiġi l-ewwel.

    2.B’deroga mill-paragrafu 1, il-karti ta’ residenza ta’ membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti minimi tas-sigurtà stabbiliti fil-parti 2 tad-dokument 9303 tal-ICAO jew li ma jinkludux MRZ funzjonali konformi mal-parti 3 tad-dokument 9303 tal-ICAO, ma għandhomx jibqgħu validi.

    Kapitolu V
    Dispożizzjonijiet komuni

    Artikolu 9
    Punt ta’ kuntatt

    1.Kull Stat Membru għandu jaħtar mill-anqas awtorità ċentrali waħda bħala punt ta’ kuntatt għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Meta Stat Membru jkun ħatar aktar minn awtorità ċentrali waħda, għandu jaħtar liema minn dawk l-awtoritajiet se tkun il-punt ta’ kuntatt għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Huwa għandu jikkomunika isem dik l-awtorità lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. Jekk Stat Membru jibdel l-awtorità li jkun ħatar, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kif xieraq.

    2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-punti ta’ kuntatt ikunu konxji mill-informazzjoni u s-servizzi ta’ assistenza rilevanti fil-livell tal-Unjoni inklużi fil-Gateway Diġitali Unika stabbilita fir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 35 u li jkunu jistgħu jikkooperaw ma’ tali servizzi.

    Artikolu 10
    Ġbir ta’ identifikaturi bijometriċi

    1.L-identifikaturi bijometriċi għandhom jinġabru biss minn persunal kwalifikat u awtorizzat kif xieraq maħtur mill-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ ta’ karti tal-identità jew karti ta’ residenza għall-fini li jiġu integrati fil-medium ta’ memorja sigur ħafna previst fl-Artikolu 3(5) għall-karti tal-identità u fl-Artikolu 7(1) għall-karti ta’ residenza. B’deroga mill-ewwel sentenza, il-marki tas-swaba’ għandhom jinġabru biss minn persunal kwalifikat u awtorizzat kif xieraq ta’ dawk l-awtoritajiet, ħlief fil-każ tal-applikazzjonijiet li jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari tal-Istat Membru.

    Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-identifikaturi bijometriċi mal-identità tal-applikant, l-applikant għandu jidher personalment mill-anqas darba matul il-proċess ta’ ħruġ għal kull applikazzjoni.

    2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm proċeduri xierqa u effettivi għall-ġbir ta’ identifikaturi bijometriċi u li dawk il-proċeduri jikkonformaw mad-drittijiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta, fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

    Meta jkun hemm diffikultajiet fil-ġbir tal-identifikaturi bijometriċi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm jużaw proċeduri xierqa li jirrispettaw id-dinjità tal-persuna kkonċernata.

    3.Barra meta jkun obbligatorju għall-fini ta’ pproċessar f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali, l-identifikaturi bijometriċi li jinħażnu għall-fini tal-personalizzazzjoni tal-karti tal-identità jew tad-dokumenti ta’ residenza għandhom jinżammu b’mod sigur ħafna u biss sad-data meta jinġabar id-dokument u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 90 jum mid-data tal-ħruġ ta’ dak id-dokument. Wara dan il-perjodu, dawn l-identifikaturi bijometriċi għandhom jitħassru jew jinqerdu minnufih.

    Artikolu 11
    Protezzjoni ta’ data personali u responsabbiltà

    1.Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679, l-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sigurtà, l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità tad-data miġbura u maħżuna għall-fini ta’ dan ir-Regolament.

    2.Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet responsabbli mill-ħruġ ta’ karti tal-identità u ta’ dokumenti ta’ residenza għandhom jitqiesu bħala l-kontrollur imsemmi fl-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) 2016/679 u għandu jkollhom ir-responsabbiltà li jipproċessaw id-data personali.

    3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ il-kompiti tagħhom kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2016/679, inkluż l-aċċess għad-data personali kollha u għall-informazzjoni kollha meħtieġa kif ukoll aċċess għal kwalunkwe bini jew tagħmir ta’ pproċessar tad-data tal-awtoritajiet kompetenti.

    4.Il-kooperazzjoni mal-fornituri tas-servizzi esterni ma għandha teskludi l-ebda responsabbiltà min-naħa ta’ Stat Membru li tista’ tirriżulta skont id-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali dwar ksur ta’ obbligi fir-rigward tad-data personali.

    5.Informazzjoni f’forma li tinqara minn magna għandha tiġi inkluża biss f’karta tal-identità jew dokument ta’ residenza f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti.

    6.Id-data li tinħażen fil-medium ta’ memorja tal-karti tal-identità u d-dokumenti ta’ residenza għandha tintuża biss f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali għall-finijiet tal-verifikazzjoni:

    (a)tal-awtentiċità tal-karta tal-identità jew id-dokument ta’ residenza;

    (b)tal-identità tad-detentur permezz ta’ karatteristiċi komparabbli direttament disponibbli meta jkun obbligatorju bil-liġi li l-karta tal-identità jew id-dokument ta’ residenza jintwerew.

    Iż-żewġ marki tas-swaba’ li jinħażnu fil-medium ta’ memorja għandhom jiġu aċċessati biss minn persunal awtorizzat kif xieraq tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u tal-aġenziji tal-Unjoni.

    Artikolu 12
    Monitoraġġ

    1.Sa [sena wara li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ], il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm dettaljat għall-monitoraġġ tal-outputs, tar-riżultati u tal-impatt ta’ dan ir-Regolament, inkluż l-impatt tiegħu fuq id-drittijiet fundamentali.

    2.Il-programm ta’ monitoraġġ għandu jistipula l-mezzi li permezz tagħhom se tinġabar id-data u evidenza oħra meħtieġa, u kull meta jinġabru. Huwa għandu jispeċifika l-azzjoni li trid tittieħed mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fil-ġbir u fl-analiżi tad-data u ta’ evidenza oħra.

    3.L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni d-data u l-evidenza oħra meħtieġa għal tali monitoraġġ.

    Artikolu 13
    Evalwazzjoni

    1.Mhux aktar tard minn [sitt snin wara li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ], il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet prinċipali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. B’mod partikolari, ir-rapport għandu jiffoka fuq:

    (a)l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq id-drittijiet fundamentali;

    (b)il-mobbiltà taċ-ċittadini tal-Unjoni;

    (c)l-effikaċja ta’ verifika bijometrika fl-iżgurar tas-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar;

    (d)il-possibbiltà ta’ aktar armonizzazzjoni viżiva tal-karti tal-identità.

    2.L-Istati Membri u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija ta’ dawn ir-rapporti lill-Kummissjoni.

    Artikolu 14
    Speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali

    1.Sabiex jiġi żgurat, meta jkun xieraq, li l-karti tal-identità u d-dokumenti ta’ residenza msemmija fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 2 jikkonformaw ma’ standards minimi tas-sigurtà futuri, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali, relatati ma’ dan li ġej:

    (a)karatteristiċi u rekwiżiti ta’ sigurtà addizzjonali, inklużi standards msaħħa ta’ protezzjoni kontra l-falsifikazzjoni u l-kontrafazzjoni;

    (b)speċifikazzjonijiet tekniċi dwar il-medium ta’ memorja tal-karatteristiċi bijometriċi msemmija fl-Artikolu 3(5) u s-sigurtà tagħhom, inkluża l-prevenzjoni ta’ aċċess mhux awtorizzat u l-faċilitazzjoni tal-validazzjoni;

    (c)rekwiżiti għall-kwalità u standards tekniċi komuni għall-immaġni tal-wiċċ u l-marki tas-swaba’.

    Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2).

    2.F’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2) jista’ jiġi deċiż li l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu jibqgħu sigrieti u ma jiġux ppubblikati. F’tali każ, għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni biss tal-korpi maħtura mill-Istati Membri bħala responsabbli għall-istampar u tal-persuni debitament awtorizzati minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni.

    3.Kull Stat Membru għandu jaħtar korp wieħed li jkollu r-responsabbiltà għall-istampar tal-karti tal-identità, u korp wieħed li jkollu r-responsabbiltà tal-istampar tal-karti ta’ residenza ta’ membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, u għandu jikkomunika l-ismijiet ta’ dawn il-korpi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. L-Istati Membri għandhom ikunu intitolati jibdlu tali korpi maħtura u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kif xieraq.

    L-Istati Membri jistgħu wkoll jiddeċiedu li jaħtru korp wieħed li jkollu r-responsabbiltà tal-istampar kemm tal-karti tal-identità kif ukoll tal-karti ta’ residenza ta’ membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni u għandhom jikkomunikaw l-isem ta’ dan il-korp lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

    Żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu ukoll jaħtru korp uniku għal dawk il-finijiet u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kif xieraq.

    Artikolu 15
    Proċedura tal-Kumitat

    1.Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1683/95. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 16
    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)     COM(2018) 212 final .
    (2)    Ir-Regolament (UE) 2019/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 67, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1157/oj ).
    (3)    Is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2024, C-61/22, Landeshauptstadt Wiesbaden, ECLI:EU:C:2024:251.
    (4)    Is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2024, C-61/22, Landeshauptstadt Wiesbaden, ECLI:EU:C:2024:251, il-paragrafu 124.
    (5)    Ir-Regolament (UE) 2017/458 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar it-tisħiħ tal-verifiki fuq il-fruntieri esterni ma’ bażijiet ta’ data relevanti (ĠU L 74, 18.3.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/458/oj ).
    (6)    Is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2024, C-61/22, Landeshauptstadt Wiesbaden, ECLI:EU:C:2024:251, paragrafu 51.
    (7)    Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2004/38/oj ).
    (8)    Is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2024, C-61/22, Landeshauptstadt Wiesbaden, ECLI:EU:C:2024:251, il-paragrafu 54.
    (9)    Is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2024, C-61/22, Landeshauptstadt Wiesbaden, ECLI:EU:C:2024:251, il-paragrafu 59-61.
    (10)    Għal deskrizzjoni aktar dettaljata dwar is-sitwazzjoni qabel l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1157, ara SWD(2018) 110 final .
    (11)    Ara s-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2024, C-61/22, Landeshauptstadt Wiesbaden, ECLI:EU:C:2024:251.
    (12)     COM(2018) 212 final .
    (13)     SWD(2018) 110 final .
    (14)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) 2019/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu ( COM(2023) 538 final ).
    (15)    Is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2024, C-61/22, Landeshauptstadt Wiesbaden, ECLI:EU:C:2024:251, il-paragrafu 73 sa 74.
    (16)    Is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2024, C-61/22, Landeshauptstadt Wiesbaden, ECLI:EU:C:2024:251, il-paragrafu 76.
    (17)    Is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2024, C-61/22, Landeshauptstadt Wiesbaden, ECLI:EU:C:2024:251, il-paragrafi 80 sa 81.
    (18)    Għal dak l-għan, ara s-sentenza tas-7 Ottubru 2013, Schwarz, C‑291/12, EU:C:2013:670, il-paragrafi 36 sa 38, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, A u Oħrajn, C‑70/18, EU:C:2019:823, il-paragrafu 46 u l-ġurisprudenza msemmija, u s-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2024, C-61/22, Landeshauptstadt Wiesbaden, ECLI:EU:C:2024:251, il-paragrafi 87 sa 89.
    (19)    Is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2024, C-61/22, Landeshauptstadt Wiesbaden, ECLI:EU:C:2024:251, il-paragrafu 105.
    (20)    Is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2024, C-61/22, Landeshauptstadt Wiesbaden, ECLI:EU:C:2024:251, il-paragrafi 123 sa 124.
    (21)    SWD(2021) 45 final.
    (22)    ĠU C […], […], p. […].
    (23)    Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2004/38/oj ).
    (24)    Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj ).
    (25)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta’ Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz (ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/1030/oj ).
    (26)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj ).
    (27)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1995/1683/oj ).
    (28)    Ir-Regolament (UE) 2017/1954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ĠU L 286, 1.11.2017, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1954/oj ).
    (29)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj ).
    (30)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2016/512/oj .
    (31)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj ).
    (32)    ĠU C […], […], p. […].
    (33)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2018)7767 tat-30 ta’ Novembru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-format uniformi għal permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiż terz u li tħassar id-Deċiżjoni C(2002)3069.
    (34)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C (2021) 3726 tal-4 ta’ Ġunju 2021 li temenda l-Anness III tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C (2018) 7767 fir-rigward tal-lista ta’ referenzi normattivi.
    (35)    Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1724/oj ).
    Top