Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0298

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, għan-nom tal-Unjoni Ewropea, ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali

    COM/2024/298 final

    Brussell, 16.7.2024

    COM(2024) 298 final

    2024/0166(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar, għan-nom tal-Unjoni Ewropea, ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Din il-proposta tikkonċerna l-iffirmar ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (minn hawn ’il quddiem il-“Ftehim”).

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) tikkoordina l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet ta’ reati serji b’dimensjoni transfruntiera fl-Ewropa u lil hinn minnha. Bħala ċ-ċentru tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, il-Eurojust tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni.

    F’din id-dinja globalizzata, il-ħtieġa għal kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji involuti fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji ma tintemmx fil-fruntieri tal-Unjoni. Fi żminijiet li fihom il-kriminalità b’dimensjoni transfruntiera qiegħda tiżdied, huwa kruċjali li tinkiseb informazzjoni minn barra l-ġuriżdizzjoni proprja. Għaldaqstant, il-Europol jeħtiġilha tkun tista’ tikkoopera mill-qrib u tiskambja data personali mal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ ċerti pajjiżi terzi sa fejn ikun hemm bżonn sabiex twettaq il-kompiti tagħha fil-qafas tar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1727 1 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament tal-Eurojust”). Fl-istess waqt, huwa importanti li jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi għall-protezzjoni tad-data personali.

    Il-Eurojust tista’ tiskambja data personali operazzjonali ma’ pajjiżi terzi meta jiġi ssodisfat wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 56(2), il-punti minn (a) sa (c), tar-Regolament tal-Eurojust:

    ·Il-Kummissjoni tkun iddeċidiet, skont l-Artikolu 57 li l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni tkun żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni, jew fin-nuqqas ta’ tali deċiżjoni ta’ adegwatezza, salvagwardji xierqa jkunu ġew ipprovduti jew ikunu jeżistu skont l-Artikolu 58(1), jew fin-nuqqas kemm ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza u ta’ tali salvagwardji xierqa, deroga għal sitwazzjonijiet speċifiċi tkun tapplika skont l-Artikolu 59(1);

    ·ikun ġie konkluż ftehim ta’ kooperazzjoni li jippermetti l-iskambju ta’ data personali operazzjonali qabel it-12 ta’ Diċembru 2019 bejn il-Eurojust u dak il-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 26a tad-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI 2 ; jew

    ·ikun ġie konkluż ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jipprovdi għal salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-individwi.

    Bħalissa, il-Eurojust għandha fis-seħħ ftehimiet ta’ kooperazzjoni bbażati fuq l-Artikolu 26a tad-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI, li jipprevedu skambji ta’ data personali, mal-Montenegro, l-Ukrajna, il-Moldova, il-Liechtenstein, l-Iżvizzera, il-Maċedonja ta’ Fuq, l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Iżlanda, in-Norveġja, il-Georgia, l-Albanija u s-Serbja. Skont l-Artikolu 80(5) tar-Regolament tal-Eurojust dawn il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni għadhom validi.

    Minn mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament tal-Eurojust fit-12 ta’ Diċembru 2019 u skont it-Trattati, il-Kummissjoni hija responsabbli, f’isem l-Unjoni, min-negozjar ta’ ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi terzi dwar il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ data personali mal-Eurojust. Sa fejn ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha, f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament tal-Eurojust, il-Eurojust tista’ tistabbilixxi u żżomm relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni ma’ sħab esterni permezz ta’ arranġamenti ta’ ħidma. Madankollu, dawn waħedhom ma jistgħux ikunu bażi legali għall-iskambju ta’ data personali.

    Sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn il-Eurojust u ċerti pajjiżi terzi, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija, l-Armenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eġittu, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, it-Tuneżija u t-Turkija dwar kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ta’ dawk l-Istati terzi. 3

    Il-Kunsill ta dik l-awtorizzazzjoni fl-1 ta’ Marzu 2021 u adotta sett ta’ direttivi ta’ negozjati u ħatar kumitat speċjali biex jassisti lill-Kunsill f’dan il-kompitu 4 .

    F’Ġunju 2023, il-Kunsill tal-Ministri tal-Bożnija-Ħerzegovina approva l-ftuħ tan-negozjati mal-Kummissjoni Ewropea għal Ftehim internazzjonali dwar il-kooperazzjoni mal-Eurojust. L-ewwel ċiklu ta’ negozjati sar fil-25 ta’ Ottubru 2023 b’laqgħa ta’ segwitu fit-13 ta’ Diċembru 2023. In-negozjaturi waslu għal ftehim preliminari fis-16 ta’ Jannar 2024. L-Istati Membri tal-UE approvaw it-test fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill fil-livell tekniku fit-22 ta’ Marzu 2024 bi ftit emendi. Il-qbil finali tal-Bożnija-Ħerzegovina sar fl-10 ta’ April 2024. [In-negozjaturi ewlenin inizjalaw l-abbozz tat-test tal-Ftehim fi xx.xx.xxxx].

    Qabel ma jidħol fis-seħħ il-ftehim, il-Bożnija-Ħerzegovina hija meħtieġa tadotta liġi ġdida dwar il-protezzjoni tad-data personali, f’konformità mal-acquis tal-UE, u tiżgura l-kapaċità operazzjonali u l-indipendenza meħtieġa tal-Aġenzija għall-Protezzjoni tad-Data Personali.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Il-Ftehim ġie nnegozjat b’kunsiderazzjoni tad-direttivi ta’ negozjati komprensivi adottati mill-Kunsill flimkien mal-awtorizzazzjoni għan-negozjati fl-1 ta’ Marzu 2021. Il-Ftehim preżenti huwa konsistenti wkoll mal-politika eżistenti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

    F’dawn l-aħħar snin, sar progress sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni fl-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn l-aġenziji tal-Unjoni u l-pajjiżi terzi. Ir-Regolament (UE) 2023/2131 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1727 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI, fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni diġitali f’każijiet ta’ terroriżmu, 5 isaħħaħ il-qafas għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi min-naħa tal-Eurojust billi jipprevedi bażi legali solida għall-issekondar ta’ prosekutur ta’ kollegament lill-Eurojust u għall-kooperazzjoni mal-Eurojust.

    Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2022/838 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1727 fir-rigward tal-ġbir, il-preservazzjoni u l-analiżi fil-Eurojust ta’ evidenza relatata ma’ ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra 6 , għandu rabta qawwija mal-pajjiżi terzi. Iż-żewġ atti leġiżlattivi jenfasizzaw l-importanza ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi terzi għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Il-proposta hija wkoll konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni.

    F’Diċembru 2022, il-Kunsill Ewropew ta lill-Bożnija-Ħerzegovina l-istatus ta’ pajjiż kandidat. F’Diċembru 2023, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li kien se jiftaħ in-negozjati ta’ adeżjoni mal-Bożnija-Ħerzegovina, ladarba jintlaħaq il-livell neċessarju ta’ konformità mal-kriterji tas-sħubija. Fit-12 ta’ Marzu 2024, il-Kummissjoni Ewropea rrakkomandat li jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni mal-Bożnija-Ħerzegovina 7 , filwaqt li nnutat li l-adozzjoni tal-liġi l-ġdida dwar il-protezzjoni tad-data personali hija prekundizzjoni għall-implimentazzjoni tal-ftehim internazzjonali dwar il-kooperazzjoni mal-Eurojust, u rrakkomandat li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fost l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-adozzjoni ta’ approċċ strateġiku għall-ġlieda kontra r-reati serji u l-kriminalità organizzata fil-Bożnija-Ħerzegovina. Fil-21 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jiftaħ negozjati ta’ adeżjoni mal-Bożnija-Ħerzegovina u stieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tħejji l-qafas ta’ negozjar bil-ħsieb li dan jiġi adottat mill-Kunsill, ladarba jittieħdu l-passi rilevanti kollha fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2022.

    Il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu għall-Balkani tal-Punent, iffirmat fid-19 ta’ Novembru 2019, jirrikjedi li l-Bożnija-Ħerzegovina tiżgura li jkollha fis-seħħ l-istandards tal-protezzjoni tad-data meħtieġa għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali dwar il-kooperazzjoni mal-Eurojust, u sussegwentement li tiżgura impenn effettiv fil-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-iskambju ta’ informazzjoni għal każijiet multilaterali kontra t-terroriżmu kkoordinati mill-Eurojust, kif ukoll għal attivitajiet tal-Eurojust relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu b’mod ġenerali.

    Id-dokumenti strateġiċi eżistenti tal-Kummissjoni jirfdu l-ħtieġa li jittejbu l-effiċjenza u l-effettività tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fl-Unjoni Ewropea (UE), kif ukoll li titwessa’ l-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, l-Istrateġija dwar l-Unjoni tas-Sigurtà 8 , l-Aġenda tal-UE kontra t-Terroriżmu 9 , u l-Istrateġija tal-UE biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata 10 .

    F’konformità ma’ dawn id-dokumenti strateġiċi, il-kooperazzjoni internazzjonali ssaħħet ukoll fil-qasam tal-infurzar tal-liġi. Abbażi tal-awtorizzazzjoni tal-Kunsill 11 , il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim ma’ New Zealand dwar l-iskambju ta’ data personali mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (il-Europol).

    Fl-istess waqt huwa kruċjali li l-kooperazzjoni ġudizzjarja ma’ stati terzi tkun kompletament konformi mad-drittijiet fundamentali minquxa fit-Trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    Sett ta’ salvagwardji partikolarment importanti, b’mod partikolari dawk inklużi fil-Kapitolu II tal-Ftehim, jikkonċerna l-protezzjoni tad-data personali, li fl-UE hija dritt fundamentali. F’konformità mal-Artikolu 56(2), il-punt (c) tar-Regolament tal-Eurojust, il-Eurojust tista’ tittrasferixxi data personali lil awtorità ta’ pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali abbażi ta’ ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 218 TFUE li jipprevedi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-individwi.

    Il-Kapitolu II tal-Ftehim jipprevedi tali salvagwardji, inklużi b’mod partikolari dispożizzjonijiet li jiżguraw għadd ta’ prinċipji u obbligi tal-protezzjoni tad-data li jridu jiġu rispettati miż-żewġ Partijiet (l-Artikolu 10ff.), kif ukoll dispożizzjonijiet li jiżguraw drittijiet individwali infurzabbli (l-Artikolu 14ff.), superviżjoni indipendenti (l-Artikolu 21) u rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv għall-ksur tad-drittijiet u s-salvagwardji rikonoxxuti fil-Ftehim li jirriżulta mill-ipproċessar tad-data personali (l-Artikolu 22).

    Huwa meħtieġ li jinstab bilanċ bejn it-tisħiħ tas-sigurtà u s-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-data u l-privatezza. Il-Kummissjoni żgurat li l-Ftehim jipprevedi bażi legali għall-iskambju ta’ data personali fil-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali filwaqt li jipprevedi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-individwi.

    2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi legali

    L-Artikolu 218(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi deċiżjonijiet “li [j]awtorizza[w] l-iffirmar tal-ftehim u, jekk meħtieġ, l-applikazzjoni provviżorja tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ.” Billi l-mira tal-proposta hija li tingħata awtorizzazzjoni għall-iffirmar tal-Ftehim, il-bażi legali proċedurali hija l-Artikolu 218(5) TFUE.

    Il-bażi legali sostantiva tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst. Jekk l-att previst ikollu żewġ miri jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn il-miri jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, att legali jrid jissejjes fuq bażi legali sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-mira jew komponent ewlieni jew predominanti. Il-proposta għandha żewġ għanijiet u komponenti ewlenin, jiġifieri l-kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-Bożnija-Ħerzegovina f’materji kriminali kif ukoll li jiġu stabbiliti salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u drittijiet u libertajiet fundamentali oħra tal-individwi għal din il-kooperazzjoni. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva jeħtieġ li tkun l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 85 TFUE.

    Għaldaqstant, din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 85 TFUE flimkien mal-Artikolu 218(5) TFUE.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Ir-Regolament tal-Eurojust jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar it-trasferimenti ta’ data personali mill-Eurojust barra mill-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 56(2) tiegħu jelenka sitwazzjonijiet li fihom il-Eurojust tista’ tittrasferixxi legalment data personali lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-pajjiżi terzi. Mid-dispożizzjoni jirriżulta li għal trasferimenti strutturali ta’ data personali mill-Eurojust għall-Bożnija-Ħerzegovina, hija meħtieġa l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali vinkolanti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina, li jipprevedi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali oħra tal-individwi. F’konformità mal-Artikolu 3(2) TFUE, il-Ftehim għalhekk jaqa’ taħt il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk, din il-proposta mhijiex soġġetta għal analiżi tas-sussidjarjetà.

    Proporzjonalità

    L-objettivi tal-Unjoni fir-rigward ta’ din il-proposta kif stabbiliti hawn fuq jistgħu jinkisbu biss billi jsir ftehim internazzjonali vinkolanti li jipprevedi l-miżuri ta’ kooperazzjoni meħtieġa, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni xierqa tad-drittijiet fundamentali. Id-dispożizzjonijiet tal-ftehim huma limitati għal dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu l-objettivi ewlenin tiegħu. L-azzjoni unilaterali tal-Istati Membri mal-Bożnija-Ħerzegovina ma tirrappreżentax alternattiva, peress li l-Eurojust għandha rwol uniku. L-azzjoni unilaterali lanqas ma tipprovdi bażi suffiċjenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn il-Eurojust u l-pajjiżi terzi u ma tiżgurax il-protezzjoni neċessarja tad-drittijiet fundamentali.

    Għażla tal-istrument

    F’konformità mal-Artikolu 56 tar-Regolament tal-Eurojust, fin-nuqqas ta’ konstatazzjoni tal-adegwatezza, il-Eurojust tista’ twettaq trasferiment strutturali ta’ data personali operazzjonali lejn pajjiż terz abbażi biss ta’ ftehim internazzjonali skont l-Artikolu 218 TFUE li jipprevedi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi (l-Artikolu 56(2)(c)). F’konformità mal-Artikolu 218(5) TFUE, l-iffirmar ta’ tali ftehim huwa awtorizzat b’deċiżjoni tal-Kunsill.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Mhux applikabbli.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Mhux applikabbli.

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Fil-proċess tan-negozjati, il-Kummissjoni ma użatx għarfien espert estern.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Mhux applikabbli.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Mhux applikabbli.

    Drittijiet fundamentali

    L-iskambju ta’ data personali u l-ipproċessar tagħha mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jikkostitwixxu interferenza mad-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data. Madankollu, il-Ftehim jiżgura n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ kwalunkwe interferenza bħal din billi jiggarantixxi l-applikazzjoni ta’ salvagwardji adegwati tal-protezzjoni tad-data personali li tiġi ttrasferita, f’konformità mad-dritt tal-UE.

    Il-Kapitolu II jipprevedi l-protezzjoni tad-data personali. Abbażi ta’ dan, l-Artikoli 9 sa 20 jistabbilixxu prinċipji fundamentali tal-protezzjoni tad-data, inklużi l-limitazzjoni tal-iskop, il-kwalità tad-data u r-regoli applikabbli għall-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data, l-obbligi applikabbli għall-kontrolluri, inkluż dwar iż-żamma, iż-żamma ta’ rekords, is-sigurtà u fir-rigward ta’ trasferimenti ulterjuri, drittijiet individwali infurzabbli, inkluż dwar l-aċċess, ir-rettifika u t-teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet, is-superviżjoni indipendenti u effettiva kif ukoll ir-rimedju amministrattiv u ġudizzjarju.

    Is-salvagwardji jkopru l-forom kollha ta’ pproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-Bożnija-Ħerzegovina. L-eżerċitar ta’ ċerti drittijiet individwali jista’ jiġi ttardjat, limitat jew irrifjutat fejn meħtieġ u proporzjonat, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet u l-interessi fundamentali tas-suġġett tad-data, għal raġunijiet importanti ta’ interess pubbliku, b’mod partikolari biex jiġu evitati riskji għal investigazzjoni jew prosekuzzjoni kriminali li tkun għaddejja. Dan huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni.

    Barra minn hekk, kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Bożnija-Ħerzegovina se jiżguraw li awtorità pubblika indipendenti responsabbli għall-protezzjoni tad-data (awtorità superviżorja) tissorvelja kwistjonijiet li jaffettwaw il-privatezza tal-individwi sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali taħt il-Ftehim.

    F’konformità mal-Artikolu 29(3) tal-Ftehim, il-Ftehim ma għandux japplika qabel ma ż-żewġ partijiet jinnotifikaw lil xulxin bl-issodisfar tal-obbligi li jinsabu fil-Ftehim, inklużi dawk relatati mal-protezzjoni tad-data personali, u tiġi aċċettata din in-notifika. Barra minn hekk, u biex jissaħħu aktar is-salvagwardji għall-protezzjoni tad-data personali, l-Artikolu 29(4) tal-Ftehim jiddikjara li Parti tista’ tipposponi t-trasferiment tad-data personali sakemm il-Parti l-oħra ma tkunx ipprevediet fil-liġi s-salvagwardji u l-obbligi li jinsabu fil-Kapitolu II tal-Ftehim (L-iskambju tal-Informazzjoni u l-protezzjoni tad-data) u implimentathom.

    Barra minn hekk, il-Ftehim jiggarantixxi li l-iskambju ta’ data personali bejn il-Eurojust u l-Bożnija-Ħerzegovina jkun konsistenti kemm mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jiżguraw li l-interferenzi mad-drittijiet fundamentali garantiti mill-Karta jkunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħqu ġenwinament l-objettivi ta’ interess ġenerali segwiti mfittxija, soġġett għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja fuq il-baġit tal-Unjoni.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Ma hemmx bżonn ta’ pjan ta’ implimentazzjoni, peress li l-Ftehim se jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu ż-żewġ Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri rispettivi tlestew.

    Fir-rigward tal-monitoraġġ, l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina għandhom iwettqu b’mod konġunt rieżami tal-implimentazzjoni tal-Ftehim sena wara d-data tal-applikazzjoni tiegħu, u f’intervalli regolari minn dakinhar ’il quddiem, u addizzjonalment jekk dan jintalab minn xi waħda mill-Partijiet u jiġi deċiż b’mod konġunt. Barra minn hekk, il-Partijiet għandhom jevalwaw b’mod konġunt il-Ftehim 4 snin wara d-data tal-applikazzjoni tiegħu.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    L-Artikolu 1 jinkludi l-objettivi tal-Ftehim.

    L-Artikolu 2 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kooperazzjoni.

    L-Artikolu 3 jinkludi d-definizzjonijiet tat-termini importanti tal-Ftehim.

    L-Artikolu 4 jistabbilixxi l-obbligu tal-Bożnija-Ħerzegovina li taħtar mill-inqas punt ta’ kuntatt wieħed fi ħdan l-awtoritajiet kompetenti domestiċi tagħha, li ma jistax ikun identiku għall-Prosekutur ta’ Kollegament. Għandu jinħatar punt ta’ kuntatt dwar kwistjonijiet ta’ terroriżmu wkoll.

    L-Artikolu 5 jipprevedi l-issekondar tal-Prosekutur ta’ Kollegament lill-Eurojust.

    L-Artikolu 6 jipprevedi l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Bożnija-Ħerzegovina f’laqgħat operazzjonali u strateġiċi fil-Eurojust.

    L-Artikolu 7 jipprevedi li l-Eurojust tista’ tassisti lill-Bożnija-Ħerzegovina biex tistabbilixxi Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunti u tista’ tintalab tipprovdi assistenza finanzjarja jew teknika.

    L-Artikolu 8 jipprevedi l-possibbiltà li l-Eurojust tistazzjona Maġistrat ta’ Kollegament fil-Bożnija-Ħerzegovina.

    L-Artikolu 9 jistabbilixxi l-iskopijiet tal-ipproċessar tad-data skont il-Ftehim.

    L-Artikolu 10 jelenka l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tad-data applikabbli skont il-Ftehim.

    L-Artikolu 11 jiggarantixxi salvagwardji addizzjonali għall-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali u kategoriji differenti ta’ suġġett tad-data.

    L-Artikolu 12 jillimita t-teħid ta’ deċiżjonijiet kompletament awtomatizzat bl-użu ta’ data personali trasferita skont il-Ftehim.

    L-Artikolu 13 jirrestrinġi t-trasferiment ulterjuri tad-data personali li tiġi riċevuta.

    L-Artikolu 14 jipprevedi d-dritt ta’ aċċess, inkluż li tinkiseb konferma dwar jekk id-data personali relatata mas-suġġett tad-data hijiex ipproċessata skont il-Ftehim kif ukoll informazzjoni essenzjali dwar l-ipproċessar.

    L-Artikolu 15 jipprevedi d-dritt ta’ rettifika, tħassir u restrizzjoni tal-ipproċessar, taħt ċerti kundizzjonijiet.

    L-Artikolu 16 jipprevedi n-notifika tal-ksur tad-data personali li jaffettwa d-data personali ttrasferita skont il-Ftehim, filwaqt li jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti rispettivi jinnotifikaw lil xulxin kif ukoll lill-awtorità superviżorja rispettiva tagħhom dwar dak il-ksur mingħajr dewmien, u biex jieħdu miżuri sabiex itaffu l-effetti negattivi possibbli tiegħu.

    L-Artikolu 17 jipprevedi l-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data dwar ksur ta’ data personali li x’aktarx ikollu effett serju fuq id-drittijiet u l-libertajiet tiegħu.

    L-Artikolu 18 jinkludi regoli dwar il-ħżin, ir-rieżami, il-korrezzjoni u t-tneħħija tad-data personali.

    L-Artikolu 19 jirrekjedi ż-żamma ta’ reġistrazzjonijiet tal-ġbir, l-alterazzjoni, l-aċċess, id-divulgazzjoni inkluż trasferimenti ulterjuri, il-kombinazzjoni u t-tħassir tad-data personali.

    L-Artikolu 20 jinkludi obbligi dwar is-sigurtà tad-data, filwaqt li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi għall-protezzjoni tad-data personali skambjata skont dan il-Ftehim.

    L-Artikolu 21 jirrekjedi s-superviżjoni u l-infurzar effettivi tal-konformità mas-salvagwardji stabbiliti fil-Ftehim, filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm awtorità pubblika indipendenti responsabbli għall-protezzjoni tad-data (awtorità superviżorja) biex tissorvelja kwistjonijiet li jaffettwaw il-privatezza tal-individwi, inklużi r-regoli domestiċi rilevanti skont il-Ftehim għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.

    L-Artikolu 22 jipprevedi rimedju amministrattiv u ġudizzjarju, filwaqt li jiżgura li s-suġġetti tad-data jkollhom id-dritt għal rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv għall-ksur tad-drittijiet u tas-salvagwardji rikonoxxuti fil-Ftehim li jirriżulta mill-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

    L-Artikolu 23 jipprevedi li l-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata u sensittiva mhux klassifikata tal-UE jkunu rregolati minn arranġament ta’ ħidma dwar il-kunfidenzjalità konkluż bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina.

    L-Artikolu 24 jipprevedi r-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti. Pereżempju, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu responsabbli għal kwalunkwe dannu kkawżat lil individwu kaġun ta’ żbalji legali jew fattwali fl-informazzjoni skambjata.

    L-Artikolu 25 jipprevedi li fil-prinċipju, kull Parti għandha ġġarrab l-ispejjeż tagħha stess assoċjati mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

    L-Artikolu 26 jipprevedi l-konklużjoni ta’ arranġament ta’ ħidma bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina.

    L-Artikolu 27 jipprevedi r-relazzjoni ma’ strumenti internazzjonali oħra, filwaqt li jiżgura li l-Ftehim la jippreġudika u lanqas jaffettwa d-dispożizzjonijiet legali fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni previst fi kwalunkwe trattat, ftehim jew arranġament bejn il-Bożnija-Ħerzegovina u kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 28 jipprevedi n-notifika tal-implimentazzjoni tal-Ftehim.

    L-Artikolu 29 jipprevedi d-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni tal-Ftehim.

    L-Artikolu 30 jipprevedi l-emendi tal-Ftehim.

    L-Artikolu 31 jipprevedi r-rieżami u l-evalwazzjoni tal-Ftehim.

    L-Artikolu 32 jipprevedi soluzzjoni tat-tilwim u klawsola ta’ sospensjoni.

    L-Artikolu 33 jinkludi dispożizzjonijiet dwar it-terminazzjoni tal-Ftehim.

    L-Artikolu 34 jipprevedi mod ta’ kif isiru n-notifiki f’konformità ma’ dan il-Ftehim.

    L-Artikolu 35 jirreferi għat-testi awtentiċi.

    2024/0166 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar, għan-nom tal-Unjoni Ewropea, ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 85 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)L-Artikoli 47 u 52 tar-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 12 jipprevedu li l-Eurojust tista’ tistabbilixxi u tibqa’ żżomm kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi abbażi ta’ strateġija ta’ kooperazzjoni.

    (2)L-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprevedi wkoll li l-Eurojust tista’ tittrasferixxi data personali lil awtorità ta’ pajjiż terz, fost l-oħrajn, abbażi ta’ ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jistabbilixxi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi.

    (3)Fl-1 ta’ Marzu 2021, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Bożnija-Ħerzegovina għal ftehim dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

    (4)In-negozjati dwar il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (“il-Ftehim”) ġew iffinalizzati b’suċċess, fil-livell tat-timijiet tan-negozjati, f’Jannar 2024. Wara li l-Istati Membri approvaw it-test fil-livell tekniku fit-22 ta’ Marzu 2024, il-Bożnija-Ħerzegovina tat il-qbil finali tagħha fl-10 ta’ April 2024. [It-test tal-Ftehim ġie inizjalat fi xx.xx.xxxx].

    (5)Il-Ftehim jippermetti t-trasferiment ta’ data personali bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina, bil-għan li jiġu miġġielda r-reati serji u t-terroriżmu u tiġi protetta s-sigurtà tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha.

    (6)Il-Ftehim jiżgura r-rispett sħiħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, rikonoxxut fl-Artikolu 7, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, rikonoxxut fl-Artikolu 8 u d-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust, rikonoxxut mill-Artikolu 47. B’mod partikolari, il-Ftehim jinkludi salvagwardji adegwati għall-protezzjoni tad-data personali trasferita mill-Eurojust skont il-Ftehim.

    (7)L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament (UE) 2018/1727 u għalhekk qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    (8)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (9)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-Opinjoni tiegħu [xxx] fi [xx.xx.xxxx].

    (10)Għaldaqstant, il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat għan-nom tal-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard,

    (11)F’konformità mat-Trattati, sta għall-Kummissjoni li tiżgura l-iffirmar tal-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (“il-Ftehim”) huwa b’dan approvat għan-nom tal-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi.

    It-test tal-Ftehim li għandu jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    .

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI, ĠU L 295, p. 138, 21.11.2018.
    (2)    ĠU L 063 , 06/03/2002 P. 0001 – 0013.
    (3)    Ir-Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija, l-Armenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eġittu, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, it-Tuneżija u t-Turkija dwar kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ta’ dawk l-Istati terzi, id-19 ta’ Novembru 2020, COM(2020) 743 final.
    (4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija, l-Arġentina, l-Armenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Brażil, il-Kolombja, l-Eġittu, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, it-Tuneżija u t-Turkija dwar kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ta’ dawk l-Istati terzi, ara 6153/21 + ADD 1, id-Deċiżjoni tal-Kunsill adottata bi proċedura bil-miktub fl-1 ta’ Marzu 2021 (CM 1990/21).
    (5)    Ir-Regolament (UE) 2023/2131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Ottubru 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI, fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni diġitali f'każijiet ta' terroriżmu.
    (6)    Ir-Regolament (UE) 2022/838 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1727 fir-rigward tal-preservazzjoni, l-analiżi u l-ħżin fil-Eurojust ta’ evidenza relatata ma’ ġenoċidju, delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u reati kriminali relatati.
    (7)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Rapport dwar il-progress fil-Bożnija-Ħerzegovina ( https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52024DC0129 ).
    (8)    COM(2020) 605 final, 24.7.2020.
    (9)    COM(2020) 795 final, 9.12.2020.
    (10)    COM(2021) 170 final, 14.4.2021.
    (11)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 7047/20, it-23 ta’ April 2020, u d-Dokument tal-Kunsill CM 2178/20, it-13 ta’ Mejju 2020.
    (12)    Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI, (ĠU L 295, p. 138, 21.11.2018).
    Top

    Brussell, 16.7.2024

    COM(2024) 298 final

    ANNESS

    tal-Proposta għal

    Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar l-iffirmar, għan-nom tal-Unjoni Ewropea, ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali


    ANNESS

    (abbozz)

    Ftehim

    bejn

    l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina

    dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali

    L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

    u

    L-BOŻNIJA-ĦERZEGOVINA,

    minn hawn ’il quddiem imsejħa flimkien bħala “l-Partijiet”,

    Wara LI KKUNSIDRAW ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI 1 , “ir-Regolament tal-Eurojust”, kif applikat f’konformità mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 47, l-Artikolu 52(1) u l-Artikolu 56(2) tar-Regolament tal-Eurojust,

    Wara LI KKUNSIDRAW, b’mod partikolari, l-Artikolu 56(2), il-punt (c) tar-Regolament tal-Eurojust, li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali għat-trasferiment ta’ data personali mill-Eurojust lejn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, u li skonthom il-Eurojust tista’ tittrasferixxi data personali lejn pajjiż terz abbażi ta’ ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Filwaqt LI JIKKUNSIDRAW l-interessi kemm tal-Eurojust kif ukoll tal-Bożnija-Ħerzegovina fl-iżvilupp ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja mill-qrib u dinamika f’materji kriminali biex jiġu indirizzati l-isfidi maħluqa mir-reati serji, b’mod partikolari l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, filwaqt li jiġu żgurati salvagwardji xierqa fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, inkluża l-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali,

    KONVINTI li l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Eurojust u l-Bożnija-Ħerzegovina se tkun ta’ benefiċċju reċiproku u tgħin fl-iżvilupp tal-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja tal-Unjoni,

    Filwaqt LI JIKKUNSIDRAW il-livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni u fil-Bożnija-Ħerzegovina, u li l-prinċipju tan-newtralità bejn il-ġeneri jenħtieġ li jiggwida l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, jiġifieri li d-data statistika kollha miġbura, irreġistrata u pproċessata matul l-implimentazzjoni tal-Ftehim jenħtieġ li tkun diżaggregata skont il-ġeneru,

    Filwaqt LI JINNUTAW li l-Bożnija-Ħerzegovina rratifikat il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (ETS Nru 108) għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data Personali, magħmula fi Strasburgu fit-28 ta’ Jannar 1981, u l-Protokoll emendatorju tagħha (CETS Nru 223), magħmul fi Strasburgu fl-10 ta’ Ottubru 2018, li t-tnejn li huma għandhom rwol fundamentali fis-sistema tal-protezzjoni tad-data tal-Eurojust,

    Filwaqt LI JIRRISPETTAW il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (ETS Nru 5) għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, magħmula f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u li hija riflessa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u fil-Kostituzzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:


    Kapitolu I

    Objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u dispożizzjonijiet komuni

    Artikolu 1

    Objettivi

    1.L-objettiv kumplessiv ta’ dan il-Ftehim huwa li jsaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina fil-ġlieda kontra r-reati serji.

    2.Dan il-Ftehim jippermetti t-trasferiment ta’ data personali bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina, sabiex tiġi appoġġata u msaħħa l-azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni u dawk tal-Bożnija-Ħerzegovina, kif ukoll il-kooperazzjoni tagħhom fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati serji, b’mod partikolari l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, filwaqt li jiġu żgurati salvagwardji xierqa fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, inklużi l-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali.

    Artikolu 2

    Kamp ta’ applikazzjoni

    Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina jikkooperaw fl-oqsma tal-attivitajiet u fl-ambitu tal-kompetenza u l-kompiti tal-Eurojust, kif stabbilit fir-Regolament tal-Eurojust, kif applikat f’konformità mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u f’dan il-Ftehim.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)“Eurojust” tfisser l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali, stabbilita mir-Regolament tal-Eurojust, inkluża kwalunkwe emenda sussegwenti tagħha;

    (2)“Stati Membri” tfisser l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

    (3)“awtorità kompetenti” tfisser, għall-Unjoni, għall-Eurojust u, għall-Bożnija-Ħerzegovina, awtorità domestika b’responsabbiltajiet skont il-liġi domestika relatati mal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inkluża l-implimentazzjoni ta’ strumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali; kif elenkati fl-Anness II ta’ dan il-Ftehim;

    (4)“korpi tal-Unjoni” tfisser istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji, kif ukoll missjonijiet jew operazzjonijiet stabbiliti skont il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni, stabbiliti mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew abbażi tagħhom, kif elenkati fl-Anness III ta’ dan il-Ftehim;

    (5)“reati serji” tfisser il-forom ta’ kriminalità fil-kompetenza tal-Eurojust, b’mod partikolari dawk elenkati fl-Anness I ta’ dan il-Ftehim, inklużi reati kriminali relatati;

    (6)“reati kriminali relatati” tfisser ir-reati kriminali mwettqa sabiex jinkisbu l-mezzi għat-twettiq ta’ reati serji, sabiex jiġu ffaċilitati jew jitwettqu reati serji jew sabiex tiġi żgurata l-impunità għal dawk li jwettqu reati serji;

    (7)“Assistent” tfisser persuna li tista’ tassisti lil Membru Nazzjonali, kif imsemmi fil-Kapitolu II, it-Taqsima II, tar-Regolament tal-Eurojust, u l-Viċi Membru Nazzjonali, jew il-Prosekutur ta’ Kollegament, kif imsemmi fir-Regolament tal-Eurojust u fl-Artikolu 5 ta’ dan il-Ftehim rispettivament;

    (8)“Prosekutur ta’ Kollegament” tfisser persuna li għandha l-kariga ta’ prosekutur pubbliku jew imħallef fil-Bożnija-Ħerzegovina f’konformità mal-liġi domestika tagħha u li tkun sekondata lill-Eurojust mill-Bożnija-Ħerzegovina, skont l-Artikolu 5 ta’ dan il-Ftehim;

    (9)“Maġistrat ta’ Kollegament” tfisser maġistrat kif imsemmi fir-Regolament tal-Eurojust, li jiġi stazzjonat mill-Eurojust fil-Bożnija-Ħerzegovina skont l-Artikolu 8 ta’ dan il-Ftehim;

    (10)data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal identifikatur bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna;

    (11)“ipproċessar” tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jitwettqu fuq data personali jew settijiet ta’ data personali, kemm jekk b’mezzi awtomatizzati jew le, bħall-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħżin, l-adattament jew l-alterazzjoni, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, id-divulgazzjoni bit-trażmissjoni, it-tixrid jew modi oħra li jrenduha/jrenduhom disponibbli, l-allinjament jew il-kombinazzjoni, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

    (12)data ġenetika” tfisser id-data personali relatata mal-karatteristiċi ġenetiċi tal-individwu li jkunu ntirtu jew ġew akkwiżiti, li tagħti informazzjoni unika dwar il-fiżjoloġija jew is-saħħa ta’ dak l-individwu, li tirriżulta b’mod partikolari minn analiżi ta’ kampjun bijoloġiku tal-individwu inkwistjoni;

    (13)data bijometrika” tfisser data personali li tirriżulta mill-ipproċessar tekniku speċifiku relatat mal-karatteristiċi fiżiċi, fiżjoloġiċi jew komportamentali ta’ persuna fiżika, li tippermetti jew tikkonferma l-identifikazzjoni unika ta’ dik il-persuna fiżika, bħal immaġnijiet tal-wiċċ jew data dattiloskopika;

    (14)“informazzjoni” tfisser data personali u mhux personali;

    (15)data mhux personali” tfisser data li mhijiex data personali;

    (16)“ksur tad-data personali” tfisser ksur tas-sigurtà li jwassal, inċidentalment jew illegalment, għal qerda, telf, alterazzjoni, divulgazzjoni mhux awtorizzata, aċċess għad-data personali trażmessa, maħżuna jew altrimenti pproċessata;

    (17)“Awtorità ta’ superviżjoni” tfisser awtorità responsabbli għall-protezzjoni tad-data f’konformità mal-Artikolu 21, u li kienet soġġetta għal notifika skont l-Artikolu 28(3).

    Artikolu 4

    Punti ta’ kuntatt

    1.Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha taħtar mill-inqas punt ta’ kuntatt wieħed fost l-awtoritajiet kompetenti domestiċi tagħha biex tiffaċilita l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina. Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha taħtar wieħed mill-punti ta’ kuntatt tagħha bħala l-punt ta’ kuntatt tagħha għal kwistjonijiet ta’ terroriżmu wkoll. Il-Prosekutur ta’ Kollegament ma għandux ikun punt ta’ kuntatt.

    2.Il-punt ta’ kuntatt tal-Bożnija-Ħerzegovina għandu jiġi nnotifikat lill-Unjoni. Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha tinforma lill-Eurojust fl-eventwalità li jinbidel il-punt ta’ kuntatt.

    Artikolu 5

    Prosekutur ta’ Kollegament u l-persunal

    1.Sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni prevista f’dan il-Ftehim, il-Bożnija-Ħerzegovina għandha tissekonda Prosekutur ta’ Kollegament lill-Eurojust.

    2.Il-mandat u t-tul ta’ żmien tas-sekondar tal-Prosekutur ta’ Kollegament għandhom jiġu ddeterminati mill-Bożnija-Ħerzegovina bi qbil mal-Eurojust.

    3.Il-Prosekutur ta’ Kollegament jista’ jkun assistit minn Assistent wieħed jew aktar u persunal ieħor ta’ appoġġ, skont l-ammont ta’ xogħol u bi qbil mal-Eurojust. Meta jkun meħtieġ, l-Assistenti jistgħu jissostitwixxu lill-Prosekutur ta’ Kollegament jew jaġixxu għan-nom tiegħu.

    4.Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha tiżgura li l-Prosekutur ta’ Kollegament u l-Assistenti tal-Prosekutur ta’ Kollegament ikunu kompetenti biex jaġixxu fir-rigward tal-awtoritajiet ġudizzjarji barranin.

    5.Il-Prosekutur ta’ Kollegament u l-Assistenti tiegħu għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni li tinsab fir-rekords kriminali domestiċi, fir-reġistri ta’ persuni arrestati, fir-reġistri tal-investigazzjonijiet, fir-reġistri tad-DNA jew f’reġistri oħra tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Bożnija-Ħerzegovina meta tali informazzjoni tkun meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom, f’konformità mal-liġi domestika tagħha.

    6.Il-Prosekutur ta’ Kollegament u l-Assistenti tiegħu għandu jkollhom is-setgħa li jikkuntattjaw direttament lill-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina.

    7.Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha tinforma lill-Eurojust dwar il-portata u n-natura eżatta tas-setgħat ġudizzjarji li jingħataw lill-Prosekutur ta’ Kollegament u lill-Assistenti tiegħu fil-Bożnija-Ħerzegovina sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom f’konformità ma’ dan il-Ftehim.

    8.Id-dettalji tal-kompiti tal-Prosekutur ta’ Kollegament u tal-Assistenti tiegħu, id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u l-kostijiet involuti għall-Eurojust għandhom ikunu rregolati minn arranġament ta’ ħidma konkluż bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina f’konformità mal-Artikolu 26.

    9.Id-dokumenti ta’ ħidma tal-Prosekutur ta’ Kollegament u tal-Assistenti tiegħu għandhom jitqiesu invjolabbli mill-Eurojust.


    Artikolu 6

    Laqgħat operazzjonali u strateġiċi

    1.Il-Prosekutur ta’ Kollegament, l-Assistenti tiegħu u rappreżentanti oħra tal-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina, inklużi l-punti ta’ kuntatt imsemmija fl-Artikolu 4, jistgħu jipparteċipaw f’laqgħat fir-rigward ta’ kwistjonijiet strateġiċi fuq stedina tal-President tal-Eurojust u f’laqgħat fir-rigward ta’ kwistjonijiet operazzjonali bl-approvazzjoni tal-Membri Nazzjonali kkonċernati.

    2.Il-Membri Nazzjonali, il-Viċi Membri Nazzjonali u l-Assistenti tagħhom, id-Direttur Amministrattiv tal-Eurojust u l-persunal tal-Eurojust jistgħu jattendu laqgħat organizzati mill-Prosekutur ta’ Kollegament, l-Assistent(i) tal-Prosekutur ta’ Kollegament, jew rappreżentanti oħra tal-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina, fosthom il-punti ta’ kuntatt imsemmija fl-Artikolu 4.

    Artikolu 7

    Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunti

    1.Il-Eurojust tista’ tassisti lill-Bożnija-Ħerzegovina biex tistabbilixxi skwadri ta’ investigazzjoni konġunti (SIK) mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru skont il-bażi legali applikabbli ta’ bejniethom, filwaqt li tippermetti l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, bħal ftehimiet dwar assistenza reċiproka.

    2.Il-Eurojust tista’ tintalab tipprovdi assistenza finanzjarja jew teknika biex topera SIK li tkun tappoġġa operazzjonalment.

    Artikolu 8

    Maġistrat ta’ Kollegament

    1.Għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja mal-Bożnija-Ħerzegovina, il-Eurojust tista’ tistazzjona Maġistrat ta’ Kollegament fil-Bożnija-Ħerzegovina f’konformità mar-Regolament tal-Eurojust.

    2.Id-dettalji tal-kompiti tal-Maġistrat ta’ Kollegament u d-drittijiet u l-obbligi tiegħu kif ukoll il-kostijiet involuti, għandhom ikunu rregolati minn arranġament ta’ ħidma konkluż bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina kif imsemmi fl-Artikolu 26.


    Kapitolu II

    Skambju ta’ informazzjoni u protezzjoni tad-data

    Artikolu 9

    Il-finijiet tal-ipproċessar ta’ data personali

    1.Id-data personali mitluba u riċevuta skont dan il-Ftehim għandha tiġi pproċessata biss għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, fil-limiti tal-Artikolu 10(6) u l-mandati rispettivi tal-awtoritajiet kompetenti.

    2.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jindikaw b’mod ċar, mhux aktar tard mill-mument tat-trasferiment tad-data personali, l-iskop(ijiet) speċifiku/speċifiċi li għalihom tkun qiegħda tiġi ttrasferita d-data personali.

    Artikolu 10

    Prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tad-data

    1.Kull Parti għandha tipprevedi li d-data personali ttrasferita u sussegwentement ipproċessata skont dan il-Ftehim tkun:

    (a)ipproċessata b’mod ġust, legali, b’mod trasparenti u biss għall-finijiet li għalihom tkun ġiet ittrasferita f’konformità mal-Artikolu 9;

    (b)adegwata, rilevanti, u mhux eċċessiva għall-finijiet li għalihom tiġi pproċessata;

    (c)tkun akkurata u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata; kull Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu kull pass raġonevoli biex jiżguraw li d-data personali li ma tkunx akkurata, titħassar jew tiġi rettifikata mingħajr dewmien żejjed, filwaqt li jitqiesu l-finijiet li għalihom tiġi pproċessata;

    (d)tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar żmien milli jkun neċessarju għall-finijiet li għalihom id-data personali tkun qiegħda tiġi pproċessata;

    (e)ipproċessata b’mod li tiżgura s-sigurtà xierqa tad-data personali, inkluż il-protezzjoni kontra pproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara inċidentali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa.

    2.L-awtorità kompetenti li tittrasferixxi d-data personali (“l-awtorità trasferenti”) tista’ tindika, fil-mument tat-trasferiment tad-data personali, kwalunkwe restrizzjoni fuq l-aċċess għaliha jew l-użu li għandu jsir minnha, f’termini ġenerali jew speċifiċi, inkluż fir-rigward tat-trasferiment ulterjuri, it-tħassir jew il-qerda tagħha wara ċertu perjodu ta’ żmien, jew l-ipproċessar ulterjuri tagħha. Meta l-ħtieġa għal tali restrizzjonijiet issir evidenti wara t-trasferiment tad-data personali, l-awtorità trasferenti għandha tinforma lill-awtorità kompetenti li tirċievi d-data personali (“l-awtorità riċeventi”) kif xieraq.

    3.Kull Parti għandha tiżgura li l-awtorità riċeventi tikkonforma ma’ kwalunkwe restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali jew l-użu tagħha indikata mill-awtorità trasferenti kif imsemmi fil-paragrafu 2.

    4.Kull Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex ikunu jistgħu juru li l-ipproċessar tad-data jikkonforma ma’ dan il-Ftehim u li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data kkonċernati jkunu protetti.

    5.Kull Parti għandha tikkonforma mas-salvagwardji previsti f’dan il-Ftehim irrispettivament min-nazzjonalità tas-suġġett tad-data kkonċernat u mingħajr diskriminazzjoni.

    6.Kull Parti għandha tiżgura li d-data personali ttrasferita skont dan il-Ftehim ma tkunx inkisbet bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti mil-liġi internazzjonali vinkolanti fuq il-Partijiet.

    Kull Parti għandha tiżgura li d-data personali riċevuta ma tintużax biex tintalab, tingħata jew tiġi eżegwita l-piena tal-mewt jew kwalunkwe forma ta’ trattament krudili jew inuman.

    7.Kull Parti għandha tiżgura li jinżamm rekord tat-trasferimenti kollha tad-data personali skont dan l-Artikolu u tal-finijiet ta’ tali trasferimenti.

    Artikolu 11

    Kategoriji ta’ suġġetti tad-data u kategoriji speċjali ta’ data personali

    1.It-trasferiment ta’ data personali fir-rigward ta’ vittmi ta’ reat kriminali, xhieda jew persuni oħra li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar reati kriminali għandu jkun permess biss meta strettament neċessarju u proporzjonat f’każijiet individwali għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reat serju.

    2.L-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija ma’ trade union, ta’ data ġenetika, ta’ data bijometrika bil-għan li tiġi identifika b’mod uniku persuna fiżika, ta’ data dwar is-saħħa jew ta’ data dwar il-ħajja sesswali jew orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika, għandu jkun permess biss meta verament ikun neċessarju u proporzjonat f’każijiet individwali għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reat serju.

    3.Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-ipproċessar tad-data personali skont il-paragrafu 1 u 2 ikun soġġett għal salvagwardji addizzjonali, inklużi restrizzjonijiet fuq l-aċċess, miżuri ta’ sigurtà addizzjonali u restrizzjonijiet fuq trasferimenti ulterjuri.

    Artikolu 12

    Ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali

    Deċiżjonijiet li jkunu bbażati biss fuq l-ipproċessar awtomatizzat tad-data personali ttrasferita, inkluż it-tfassil ta’ profili, li jipproduċu effett legali negattiv fuq is-suġġett tad-data jew jaffettwawh b’mod sinifikanti, għandhom ikunu pprojbiti, dment li ma jkunux awtorizzati bil-liġi, għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati serji, li tipprevedi salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, inkluż mill-inqas id-dritt li jinkiseb intervent tal-bniedem.

    Artikolu 13

    Trasferiment ulterjuri tad-data personali li tiġi riċevuta

    1.Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jkunu pprojbiti milli jittrasferixxu data personali riċevuta skont dan il-Ftehim lil awtoritajiet oħra tal-Bożnija-Ħerzegovina, sakemm ma jkunux ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)Il-Eurojust tkun tat l-awtorizzazzjoni espliċita tagħha minn qabel;

    (b)it-trasferiment ulterjuri jkun biss għall-fini li għalih id-data tkun ġiet ittrasferita f’konformità mal-Artikolu 9; u

    (c)it-trasferiment ikun soġġett għall-istess kundizzjonijiet u salvagwardji bħal dawk li japplikaw għat-trasferiment oriġinali.

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(2), ma hija meħtieġa l-ebda awtorizzazzjoni minn qabel meta d-data personali tiġi kondiviża bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina.

    2.Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jkunu pprojbiti milli jittrasferixxu data personali riċevuta skont dan il-Ftehim lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)it-trasferiment ulterjuri jkun jikkonċerna data personali għajr dik koperta mill-Artikolu 11;

    (b)il-Eurojust tkun tat l-awtorizzazzjoni espliċita tagħha minn qabel; u

    (c)l-għan tat-trasferiment ulterjuri jkun l-istess bħall-iskop tat-trasferiment mill-Eurojust.

    3.Il-Eurojust għandha tagħti l-awtorizzazzjoni tagħha skont il-paragrafu 2, il-punt (b), biss jekk u sakemm ikunu fis-seħħ deċiżjoni ta’ adegwatezza, ftehim ta’ kooperazzjoni, jew ftehim internazzjonali li jipprevedi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, fis-sens tar-Regolament tal-Eurojust, li f’kull każ ikopru t-trasferiment ulterjuri.

    4.L-Unjoni għandha tiżgura li l-Eurojust tkun ipprojbita milli titrasferixxi data personali riċevuta skont dan il-Ftehim lill-korpi tal-Unjoni mhux elenkati fl-Anness III, lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)it-trasferiment jikkonċerna d-data personali għajr dik koperta mill-Artikolu 11;

    (b)Il-Bożnija-Ħerzegovina tkun tat l-awtorizzazzjoni espliċita tagħha minn qabel;

    (c)l-iskop tat-trasferiment ulterjuri jkun l-istess bħall-iskop tat-trasferiment mill-awtorità trasferenti tal-Bożnija-Ħerzegovina; u

    (d)f’każ ta’ trasferiment ulterjuri lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, ikunu fis-seħħ deċiżjoni ta’ adegwatezza, ftehim ta’ kooperazzjoni, jew ftehim internazzjonali li jipprevedi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, fis-sens tar-Regolament tal-Eurojust, li f’kull każ ikopru t-trasferiment ulterjuri.

    Il-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ma japplikawx meta d-data personali tiġi kondiviża mill-Eurojust mal-korpi tal-Unjoni elenkati fl-Anness III jew mal-awtoritajiet responsabbli fl-Istati Membri għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati serji.

    Artikolu 14

    Dritt ta’ aċċess

    1.Il-Partijiet għandhom jipprevedu li s-suġġett tad-data jkollu d-dritt li jikseb konferma mill-awtoritajiet li jipproċessaw id-data personali ttrasferita skont dan il-Ftehim dwar jekk id-data personali relatata miegħu tkunx qiegħda tiġi pproċessata jew le skont dan il-Ftehim, u fejn dan ikun il-każ, aċċess għal mill-inqas l-informazzjoni dwar dan li ġej:

    (a)il-finijiet u l-bażi legali għall-ipproċessar, il-kategoriji tad-data kkonċernata, u, fejn applikabbli, ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri li lilhom tkun ġiet iddivulgata jew tkun se tiġi ddivulgata d-data personali;

    (b)l-eżistenza tad-dritt li mingħand l-awtorità jinkisbu r-rettifika jew it-tħassir, jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali;

    (c)fejn possibbli, il-perjodu previst li matulu d-data personali tkun se tinħażen, jew jekk mhux possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dan il-perjodu;

    (d)il-komunikazzjoni, b’lingwaġġ ċar u sempliċi, tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata u ta’ kwalunkwe informazzjoni disponibbli dwar is-sorsi ta’ din id-data;

    (e)id-dritt li jitressaq ilment quddiem l-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 21 u d-dettalji ta’ kuntatt tagħha.

    F’każijiet li fihom jiġi eżerċitat id-dritt ta’ aċċess imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-awtorità trasferenti għandha tiġi kkonsultata fuq bażi mhux vinkolanti qabel ma tittieħed deċiżjoni finali dwar it-talba għall-aċċess.

    2.Il-Partijiet għandhom jipprevedu li l-awtorità kkonċernata tindirizza t-talba mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet xhur minn meta tiġi riċevuta t-talba.

    3.Il-Partijiet jistgħu jipprevedu l-possibbiltà li jdewmu, jirrifjutaw jew jirrestrinġu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, sa fejn u sakemm tali dewmien, rifjut jew restrizzjoni jikkostitwixxu miżura li tkun neċessarja u proporzjonata, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet u l-interessi fundamentali tas-suġġett tad-data, sabiex:

    (a)jiġu evitati l-ostakli għal inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew ġuridiċi;

    (b)jiġi evitat li l-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali jiġu preġudikati;

    (c)tiġi protetta s-sigurtà pubblika;

    (d)tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali; jew

    (e)jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn, bħall-vittmi u x-xhieda.

    4.Il-Partijiet għandhom jipprevedu li l-awtorità kkonċernata tinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub dwar:

    (a)kwalunkwe dewmien, rifjut jew restrizzjoni tal-aċċess u r-raġunijiet għal dan; u

    (b)il-possibbiltà li jitressaq ilment quddiem l-awtorità superviżorja rispettiva jew li jintalab rimedju ġudizzjarju.

    L-informazzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, tista’ titħalla barra meta dan jimmina l-fini tad-dewmien, tar-rifjut jew tar-restrizzjoni skont il-paragrafu 3.

    Artikolu 15

    Dritt għal rettifika, tħassir jew restrizzjoni

    1.Il-Partijiet għandhom jipprevedu li s-suġġett tad-data jkollu d-dritt li jikseb mill-awtoritajiet li jipproċessaw id-data personali ttrasferita skont dan il-Ftehim ir-rettifika ta’ data personali dwar is-suġġett tad-data li ma tkunx akkurata. Filwaqt li jitqiesu l-finijiet tal-ipproċessar, id-dritt li tinkiseb rettifika jinkludi d-dritt li d-data personali mhux kompluta ttrasferita skont dan il-Ftehim tiġi kompluta, inkluż permezz tal-forniment ta’ dikjarazzjoni komplementari.

    2.Il-Partijiet għandhom jipprevedu li kwalunkwe suġġett tad-data jkollu d-dritt li jikseb mill-awtoritajiet li jipproċessaw id-data personali ttrasferita skont dan il-Ftehim it-tħassir ta’ data personali li tikkonċerna s-suġġett tad-data meta l-ipproċessar tad-data personali jikser l-Artikolu 10(1) jew l-Artikolu 11(2), jew meta d-data personali tkun trid titħassar sabiex ikun hemm konformità ma’ obbligu legali li għalih ikunu soġġetti l-awtoritajiet.

    3.Il-Partijiet jistgħu jipprovdu l-possibbiltà li l-awtoritajiet iħallu li ssir restrizzjoni fl-ipproċessar minflok ir-rettifika jew it-tħassir tad-data personali kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 meta:

    (a)l-akkuratezza tad-data personali tiġi kkontestata mis-suġġett tad-data u l-akkuratezza jew in-nuqqas ta’ akkuratezza tagħha ma tkunx tista’ tiġi aċċertata; jew

    (b)id-data personali tkun trid tinżamm għal finijiet ta’ evidenza.

    4.L-awtorità trasferenti u l-awtorità li tipproċessa d-data personali għandhom jinfurmaw lil xulxin bil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3. L-awtorità li tipproċessa d-data għandha tirrettifika, tħassar, jew tirrestrinġi l-ipproċessar tad-data personali kkonċernata f’konformità mal-azzjoni li tittieħed mill-awtorità trasferenti.

    5.Il-Partijiet għandhom jipprevedu li l-awtorità li tkun irċeviet talba skont il-paragrafu 1 jew 2 tinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub mingħajr dewmien żejjed li d-data personali tkun ġiet rettifikata jew imħassra, jew li l-ipproċessar tagħha jkun ġie ristrett.

    6.Il-Partijiet għandhom jipprevedu li l-awtorità li tkun irċeviet talba skont il-paragrafu 1 jew 2 tinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub dwar:

    (a)kwalunkwe rifjut tat-talba u r-raġunijiet għal dan;

    (b)il-possibbiltà li jressaq ilment quddiem l-awtorità superviżorja rispettiva; u

    (c)l-possibbiltà li jintalab rimedju ġudizzjarju.

    L-informazzjoni elenkata fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, tista’ titħalla barra skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(3).

    Artikolu 16

    Notifika ta’ ksur tad-data personali lill-awtoritajiet ikkonċernati

    1.Fl-eventwalità ta’ ksur tad-data personali li jaffettwa d-data personali ttrasferita skont dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet rispettivi tagħhom jinnotifikaw lil xulxin kif ukoll lill-awtorità superviżorja rispettiva tagħhom dwar dan il-ksur mingħajr dewmien, sakemm il-ksur tad-data personali ma jkunx probabbli li jirriżulta f’riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, u li jieħdu miżuri biex itaffu l-effetti negattivi possibbli tiegħu.

    2.Minn tal-anqas, in-notifika għandha tiddeskrivi:

    (a)in-natura tal-ksur tad-data personali, inklużi, fejn hu possibbli, il-kategoriji u l-għadd ta’ suġġetti tad-data kkonċernati u l-kategoriji u l-għadd ta’ rekords tad-data personali kkonċernati;

    (b)il-konsegwenzi probabbli tal-ksur tad-data personali;

    (c)il-miżuri meħuda jew proposti li jridu jittieħdu mill-awtorità li tipproċessa d-data sabiex tindirizza l-ksur tad-data personali, inkluż il-miżuri meħuda biex jittaffew l-effetti negattivi possibbli.

    3.Meta, u sakemm, ma jkunx possibbli li tiġi pprovduta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 fl-istess ħin, l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta f’fażijiet mingħajr dewmien żejjed.

    4.Il-Partijiet għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet rispettivi tagħhom jiddokumentaw kwalunkwe ksur tad-data personali li jaffettwa d-data personali ttrasferita skont dan il-Ftehim, inklużi l-fatti dwar il-ksur, l-effetti tiegħu u l-azzjoni ta’ rimedju li tkun ittieħdet, u b’hekk jippermettu li l-awtorità superviżorja rispettiva tagħhom tivverifika l-konformità ma’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 17

    Komunikazzjoni lis-suġġett tad-data dwar il-ksur tad-data personali

    1.Meta l-ksur tad-data personali kif imsemmi fl-Artikolu 16 x’aktarx jirriżulta f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi, il-Partijiet għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet rispettivi tagħhom jikkomunikaw il-ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien żejjed.

    2.Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data skont il-paragrafu 1 għandha tiddeskrivi b’lingwaġġ ċar u sempliċi n-natura tal-ksur tad-data personali u jkun fiha mill-anqas l-elementi previsti fl-Artikolu 16(2), il-punti (b) u (c).

    3.Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tkun meħtieġa jekk tkun issodisfata xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)id-data personali kkonċernata mill-ksur tkun soġġetta għal miżuri ta’ protezzjoni teknoloġiċi u organizzattivi xierqa li jagħmlu d-data ma tinqara minn l-ebda persuna li ma tkunx awtorizzata taċċessaha;

    (b)ikunu ttieħdu miżuri sussegwenti li jiżguraw li r-riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data ma jkunx għadu probabbli li jimmaterjalizza;

    (c)tali komunikazzjoni tkun tinvolvi sforz sproporzjonat, b’mod partikolari minħabba l-għadd ta’ każijiet involuti. Jekk dan ikun il-każ, l-awtorità għandha toħroġ komunikazzjoni pubblika jew miżura simili li biha s-suġġetti tad-data jiġu informati b’mod daqstant ieħor effettiv.

    4.Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data tista’ tiġi ttardjata, ristretta jew titħalla barra skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(3).

    Artikolu 18

    Ħżin, rieżami, korrezzjoni u tneħħija tad-data personali

    1.Il-Partijiet għandhom jipprevedu limiti ta’ żmien xierqa li jridu jiġu stabbiliti għall-ħżin tad-data personali li tiġi riċevuta skont dan il-Ftehim, jew għal rieżami perjodiku tal-ħtieġa għall-ħżin ta’ tali data, sabiex din id-data ma tkunx maħżuna għal aktar milli jkun neċessarju għall-finijiet li għalihom tkun ġiet ittrasferita.

    2.Fi kwalunkwe każ, il-ħtieġa li d-data tibqa’ maħżuna għandha tiġi rieżaminata mhux aktar tard minn tliet snin wara t-trasferiment tad-data personali.

    3.Meta awtorità trasferenti jkollha raġuni biex temmen li d-data personali li tkun ittrasferiet preċedentement ma tkunx korretta, ma tkunx akkurata, ma tkunx għadha aġġornata, jew ma kellhiex tiġi ttrasferita, hija għandha tinforma lill-awtorità riċeventi, li għandha tirrettifika jew tħassar id-data personali u tinnotifika lill-awtorità trasferenti dwar dan.

    4.Meta awtorità kompetenti jkollha raġuni biex temmen li d-data personali li tkun irċeviet preċedentement ma tkunx korretta, ma tkunx akkurata, tkun skaduta, jew ma kellhiex tiġi ttrasferita, hija għandha tinforma lill-awtorità trasferenti, li min-naħa tagħha għandha tieħu pożizzjoni dwar il-kwistjoni.

    Meta l-awtorità trasferenti tikkonkludi li d-data personali ma kinitx korretta, ma kinitx akkurata, kienet skaduta, jew ma kellhiex tiġi ttrasferita, hija għandha tinforma lill-awtorità riċeventi, li għandha tirrettifika jew tħassar id-data personali u tibgħat notifika dwar dan lill-awtorità trasferenti.

    Artikolu 19

    Reġistrazzjoni u dokumentazzjoni

    1.Il-Partijiet għandhom jipprevedu li jinżammu r-reġistrazzjonijiet jew dokumentazzjoni oħra tal-ġbir, l-alterazzjoni, l-aċċess, id-divulgazzjoni, inkluż it-trasferiment ulterjuri, il-kombinament u t-tħassir tad-data personali. Għal aktar ċertezza, huma għandhom jiżguraw li jkun possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit liema data personali ġiet aċċessata, minn min u meta.

    2.Ir-reġistrazzjonijiet jew id-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jingħataw lill-awtorità superviżorja jekk titlobhom u għandhom jintużaw biss għall-verifika tal-legalità tal-ipproċessar tad-data, l-awtomonitoraġġ u l-iżgurar tal-integrità u s-sigurtà xierqa tad-data.

    Artikolu 20

    Sigurtà tad-data

    1.Il-Partijiet għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi biex jipproteġu d-data personali ttrasferita skont dan il-Ftehim.

    2.Fir-rigward tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data, il-Partijiet għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ miżuri mfassla biex:

    (a)jiċħdu l-aċċess għat-tagħmir li jipproċessa d-data użat għall-ipproċessar tad-data personali lil persuni mhux awtorizzati (“il-kontroll tal-aċċess għat-tagħmir”);

    (b)jipprevjenu li jkun hemm il-qari, l-ikkupjar, l-immodifikar jew it-tneħħija mhux awtorizzata tal-mezzi tad-data (“il-kontroll tal-mezzi tad-data”);

    (c)jipprevjenu li tiddaħħal data personali mingħajr awtorizzazzjoni u li din id-data personali maħżuna tiġi spezzjonata, immodifikata jew mħassra mingħajr awtorizzazzjoni (“il-kontroll tal-ħżin”);

    (d)jipprevjenu lil persuni mhux awtorizzati jużaw sistemi ta’ pproċessar awtomatizzat tad-data bl-użu ta’ tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data (kontroll tal-utenti);

    (e)jiżguraw li l-persuni awtorizzati li jużaw sistema ta’ pproċessar awtomatizzat tad-data jkollhom aċċess biss għad-data personali koperta mill-awtorizzazzjoni għall-aċċess tagħhom (“il-kontroll tal-aċċess għad-data”);

    (f)jiżguraw li jkun possibbli li jiġi verifikat u stabbilit lil liema entitajiet tista’ tiġi trażmessa jew ġiet trażmessa d-data personali bl-użu ta’ tagħmir ta’ komunikazzjoni tad-data (“il-kontroll tal-komunikazzjoni”);

    (g)jiżguraw li jkun possibbli li jiġi verifikat u stabbilit liema data personali tkun iddaħħlet f’sistemi ta’ pproċessar awtomatizzat tad-data u meta u minn min din id-data personali tkun iddaħħlet (“il-kontroll tal-input”);

    (h)jipprevjenu li matul it-trasferiment jew it-trasportazzjoni tal-mezzi tad-data, id-data personali tinqara, tiġi kkupjata, immodifikata jew mħassra mingħajr awtorizzazzjoni (“il-kontroll tat-trasport”);

    (i)jiżguraw li s-sistemi installati jistgħu, f’każ ta’ interruzzjoni, jiġu rrestawrati minnufih (“ir-restawr”);

    (j)jiżguraw li l-funzjonijiet tas-sistema jaħdmu mingħajr ħsara, li kull ħsara li tfeġġ fil-funzjonijiet tiġi rrappurtata minnufih (“l-affidabbiltà”) u li d-data personali maħżuna ma tkunx tista’ tikkorrompi ruħha meta s-sistema ma taħdimx sew (“l-integrità”).

    Artikolu 21

    Awtorità superviżorja

    1.Il-Partijiet għandhom jipprevedu li jkun hemm awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar, li tkun responsabbli għall-protezzjoni tad-data biex tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u tiżgura l-konformità miegħu, għall-fini tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.

    2.Il-Partijiet għandhom jiżguraw li:

    (a)kull awtorità superviżorja taġixxi b’indipendenza sħiħa fit-twettiq tal-kompiti tagħha u fl-eżerċitar tas-setgħat tagħha;

    (b)kull awtorità superviżorja ma jkollha l-ebda influwenza esterna, la diretta u lanqas indiretta, u la titlob u lanqas taċċetta struzzjonijiet;

    (c)il-membri ta’ kull awtorità superviżorja jingħataw mandat sigur, inklużi salvagwardji kontra t-tneħħija arbitrarja.

    3.Il-Partijiet għandhom jiżguraw li kull awtorità superviżorja jkollha r-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji, il-bini u l-infrastruttura meħtieġa għat-twettiq effettiv tal-kompiti tagħha u għall-eżerċitar tas-setgħat tagħha.

    4.Il-Partijiet għandhom jiżguraw li kull awtorità superviżorja jkollha setgħat effettivi ta’ investigazzjoni u ta’ intervent biex teżerċita sorveljanza fuq il-korpi li tissorvelja, u biex tinvolvi ruħha fi proċedimenti legali.

    5.Il-Partijiet għandhom jiżguraw li kull awtorità superviżorja jkollha s-setgħat li tisma’ u tindirizza l-ilmenti minn individwi dwar l-użu tad-data personali tagħhom.

    Artikolu 22

    Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv

    1.Il-Partijiet għandhom jiżguraw li, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data jkollu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv meta jqis li d-drittijiet tiegħu garantiti skont dan il-Ftehim ikunu nkisru b’segwitu għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu f’nuqqas ta’ konformità ma’ dan il-Ftehim.

    2.Id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv għandu jinkludi d-dritt għal kumpens għal kwalunkwe dannu kkaġunat lis-suġġett tad-data minn tali pproċessar b’segwitu għall-ksur ta’ dan il-Ftehim u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-qafas legali rispettiv ta’ kull Parti.


    Kapitolu III

    Kunfidenzjalità tal-informazzjoni

    Artikolu 23
    Skambju ta’ informazzjoni klassifikata jew informazzjoni sensittiva mhux klassifikata tal-UE

    Jekk ikun neċessarju skont dan il-Ftehim, l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata jew sensittiva mhux klassifikata tal-Unjoni u tal-Bożnija-Ħerzegovina, u l-protezzjoni tagħha għandhom jiġu rregolati minn arranġament ta’ ħidma konkluż bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina.


    Kapitolu IV

    Responsabbiltà

    Artikolu 24

    Responsabbiltà u kumpens

    1.L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu responsabbli, f’konformità mal-oqfsa legali rispettivi tagħhom, għal kwalunkwe dannu kkawżat lil individwu bħala riżultat ta’ żbalji legali jew fattwali fl-informazzjoni skambjata. Sabiex tiġi evitata r-responsabbiltà skont l-oqfsa legali rispettivi tagħhom fil-konfront ta’ individwu li jġarrab id-dannu, la l-Eurojust u lanqas l-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina ma jistgħu jsostnu li l-parti l-oħra ttrasferiet informazzjoni mhux akkurata.

    2.Jekk awtorità kompetenti tkun ħallset kumpens lil individwu skont il-paragrafu 1, u r-responsabbiltà tagħha tkun ir-riżultat tal-użu ta’ informazzjoni minnha li tkun ġiet ikkomunikata bi żball mill-awtorità kompetenti l-oħra, jew ikkomunikata kaġun ta’ nuqqas min-naħa tal-awtorità kompetenti l-oħra li tikkonforma mal-obbligi tagħha, l-awtorità kompetenti l-oħra għandha tħallas lura l-ammont li jkun tħallas bħala kumpens, sakemm l-informazzjoni ma tkunx intużat bi ksur ta’ dan il-Ftehim.

    3.Il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina ma għandhomx jesiġu ma’ xulxin li jħallsu lura kumpens għal danni punittivi jew mhux kumpensatorji.


    Kapitolu V

    Dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 25

    Spejjeż

    Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jġarrbu l-ispejjeż tagħhom stess, li jirriżultaw matul l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim jew fl-arranġament ta’ ħidma.

    Artikolu 26

    Arranġament ta’ ħidma

    1.Id-dettalji tal-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom ikunu rregolati minn arranġament ta’ ħidma konkluż bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina f’konformità mar-Regolament tal-Eurojust.

    2.L-arranġament ta’ ħidma għandu jissostitwixxi kwalunkwe arranġament ta’ ħidma eżistenti konkluż bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina.

    Artikolu 27

    Rabta ma’ strumenti internazzjonali oħra

    Dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim bilaterali jew multilaterali dwar il-kooperazzjoni jew trattat ta’ assistenza legali reċiproka, kwalunkwe ftehim jew arranġament ieħor ta’ kooperazzjoni, jew relazzjoni ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja fil-livell ta’ ħidma f’materji kriminali bejn il-Bożnija-Ħerzegovina u kwalunkwe Stat Membru, u ma għandux jaffettwa jew iħalli impatt b’xi mod ieħor fuqhom.

    Artikolu 28

    Notifika ta’ implimentazzjoni

    1.Il-Partijiet għandhom jipprevedu li kull awtorità kompetenti tqiegħed għad-disponibbiltà tal-pubbliku d-dettalji ta’ kuntatt tagħha kif ukoll dokument li jistabbilixxi, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi, informazzjoni dwar is-salvagwardji għad-data personali garantiti skont dan il-Ftehim, inkluża informazzjoni li tkopri mill-inqas il-punti msemmija fl-Artikolu 14(1), il-punti (a) u (c), u l-mezzi disponibbli għall-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data. Kull Parti għandha tiżgura li tagħti kopja ta’ dak id-dokument lill-parti l-oħra.

    2.Jekk ma jkunux diġà fis-seħħ, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jadottaw regoli li jispeċifikaw kif se tiġi infurzata fil-prattika l-konformità mad-dispożizzjonijiet rigward l-ipproċessar tad-data personali. Kopja ta’ dawk ir-regoli għandha tintbagħat lill-Parti l-oħra u lill-awtorità superviżorja rispettiva tagħha.

    3.Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar l-awtorità superviżorja responsabbli għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u għall-iżgurar tal-konformità miegħu f’konformità mal-Artikolu 21.

    Artikolu 29

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    1.Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat mill-Partijiet f’konformità mal-proċeduri proprji tagħhom.

    2.Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu ż-żewġ Partijiet jkunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 jkunu ġew ikkompletati.

    3.Dan il-Ftehim għandu japplika mill-ewwel jum wara d-data li fiha jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)il-Partijiet ikunu ffirmaw arranġament ta’ ħidma kif imsemmi fl-Artikolu 26;

    (b)il-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-obbligi stipulati f’dan il-Ftehim ġew implimentati, inklużi dawk stipulati fl-Artikolu 28; u

    (c)kull Parti tkun infurmat lill-Parti l-oħra li n-notifika skont il-punt (b) ta’ dan is-subparagrafu ġiet aċċettata.

    Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin bil-miktub u jikkonfermaw l-issodisfar tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu.

    4.Parti tista’ tipposponi t-trasferiment tad-data personali fl-eventwalità li, u għall-perjodu kollu li fih, il-Parti l-oħra ma tibqax tipprevedi u timplimenta s-salvagwardji u l-obbligi li jinsabu fil-Kapitolu II (Skambju tal-informazzjoni u protezzjoni tad-data) ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 30

    Emendi

    1.Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat bil-miktub, fi kwalunkwe ħin, b’kunsens reċiproku bejn il-Partijiet permezz ta’ notifika bil-miktub skambjata bejniethom.

    2.L-aġġornamenti tal-Annessi ta’ dan il-Ftehim jistgħu jiġu maqbula bejn il-Partijiet permezz ta’ skambju ta’ noti diplomatiċi.

    Artikolu 31

    Rieżami u evalwazzjoni

    1.Il-Partijiet għandhom jirrieżaminaw b’mod konġunt l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ, u f’intervalli regolari minn dakinhar ’il quddiem, u meta dan jintalab minn xi waħda mill-Partijiet u jiġi deċiż bejn il-Partijiet.

    2.Il-Partijiet għandhom jevalwaw dan il-Ftehim b’mod konġunt erba’ snin wara d-data tal-applikazzjoni.

    3.Il-Partijiet għandhom jiddeċiedu minn qabel dwar id-dettalji tar-rieżami u għandhom jikkomunikaw lil xulxin il-kompożizzjoni tat-timijiet rispettivi tagħhom. Kull tim għandu jinkludi esperti rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data u l-kooperazzjoni ġudizzjarja. Soġġett għal-liġijiet applikabbli, kwalunkwe parteċipant fir-rieżami għandu jkun obbligat jirrispetta l-kunfidenzjalità tad-diskussjonijiet u jkollu l-awtorizzazzjonijiet tas-sigurtà xierqa. Għall-finijiet ta’ kwalunkwe rieżami, il-Partijiet għandhom jiżguraw aċċess għad-dokumentazzjoni, għas-sistemi u għall-persunal rilevanti.

    Artikolu 32

    Soluzzjoni tat-tilwim u klawsola ta’ sospensjoni

    1.Jekk tinqala’ tilwima b’rabta mal-interpretazzjoni, l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, u kwalunkwe kwistjoni relatata miegħu, ir-rappreżentanti tal-Partijiet għandhom jidħlu f’konsultazzjonijiet u f’negozjati bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni li dwarha jkun hemm qbil reċiproku.

    2.Minkejja l-paragrafu 1, fl-eventwalità ta’ ksur materjali jew ta’ noneżekuzzjoni tal-obbligi skont dan il-Ftehim jew, jekk ikun hemm indikazzjoni li tali ksur materjali jew noneżekuzzjoni tal-obbligi x’aktarx li jseħħu fil-futur qrib, kwalunkwe Parti tista’ tissospendi l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim kompletament jew parzjalment permezz ta’ notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra.

    Tali notifika bil-miktub ma għandhiex issir qabel ma l-Partijiet ikunu daħlu f’konsultazzjonijiet għal perjodu raġonevoli mingħajr ma jkunu waslu għal soluzzjoni.

    Is-sospensjoni għandha tidħol fis-seħħ 20 jum mid-data li fiha tiġi riċevuta tali notifika. Tali sospensjoni tista’ titneħħa mill-Parti li twettaq is-sospensjoni permezz ta’ notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra. Is-sospensjoni għandha titneħħa immedjatament malli tiġi riċevuta tali notifika.

    3.Irrispettivament minn kwalunkwe sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, l-informazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim u li tkun ġiet ittrasferita qabel is-sospensjoni tiegħu għandha tkompli tiġi pproċessata f’konformità ma’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 33

    Terminazzjoni

    1.Kull Parti tista’ tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub bl-intenzjoni tagħha li ttemm dan il-Ftehim. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ tliet xhur wara d-data li fiha tiġi riċevuta n-notifika.

    2.L-informazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim ittrasferita qabel it-terminazzjoni tiegħu għandha tkompli tiġi pproċessata f’konformità ma’ dan il-Ftehim, kif ikun fis-seħħ fid-data tat-terminazzjoni.

    3.F’każ ta’ terminazzjoni, il-Partijiet għandhom jaqblu dwar it-tkomplija tal-użu u l-ħżin tal-informazzjoni li tkun diġà ġiet ikkomunikata bejniethom. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim, kwalunkwe Parti hija intitolata li titlob li l-informazzjoni li tkun ikkomunikat tinqered jew tintbagħtilha lura.

    Artikolu 34

    Notifiki

    1.In-notifiki li jsiru f’konformità mal-Artikolu 29(2) għandhom jintbagħtu:

    (a)għall-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Ministeru għall-Ġustizzja tal-Bożnija-Ħerzegovina;

    (b)għall-Unjoni, lis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

    Kwalunkwe notifika oħra li ssir f’konformità ma’ dan il-Ftehim għandha tintbagħat:

    (a)għall-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Ministeru għall-Ġustizzja tal-Bożnija-Ħerzegovina;

    (b)għall-Unjoni, lill-Kummissjoni Ewropea.

    2.L-informazzjoni dwar id-destinatarju tan-notifiki msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tiġi aġġornata permezz tal-mezzi diplomatiċi.

    Artikolu 35

    Testi awtentiċi

    Dan il-Ftehim għandu jitfassal f’żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bil-Kroat, bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bl-Irlandiż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż kif ukoll bil-lingwi u bis-sistemi ta’ kitba użati uffiċjalment fil-Bożnija-Ħerzegovina, bit-testi kollha jkunu ugwalment awtentiċi. Fil-każ ta’ diverġenza, għandu jipprevali t-test bl-Ingliż.

    B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji sottoskritti, debitament awtorizzati għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.

    Għall-Unjoni Ewropea

    Għall-Bożnija-Ħerzegovina



    ANNESS I

    Forom ta’ reati serji(l-Artikolu 3, il-punt (5))

    terroriżmu,

    kriminalità organizzata,

    traffikar tad-droga,

    attivitajiet ta’ ħasil tal-flus,

    reati konnessi ma’ sustanzi nukleari u radjuattivi,

    faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti,

    traffikar tal-bnedmin,

    reati konnessi ma’ vetturi bil-mutur,

    omiċidju volontarju u offiżi gravi fuq il-persuna,

    kummerċ illeċitu ta’ organi u tessuti tal-bniedem,

    ħtif ta’ persuna, żamma illegali u teħid ta’ ostaġġi,

    razziżmu u ksenofobija,

    serq u serq aggravat,

    traffikar illeċitu ta’ beni kulturali, inklużi oġġetti antiki u opri tal-arti,

    ingann u frodi,

    reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni,

    abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq finanzjarju,

    rikattar organizzat u estorsjoni,

    falsifikazzjoni u piraterija tal-prodotti,

    falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u traffikar tagħhom,

    falsifikazzjoni ta’ flus u ta’ mezzi ta’ ħlas,

    kriminalità permezz tal-kompjuter,

    korruzzjoni,

    traffikar illeċitu fl-armi, munizzjon u splussivi,

    traffikar illeċitu fi speċi ta’ annimali fil-periklu,

    traffikar illeċitu fi speċi u varjetajiet ta’ pjanti fil-periklu,

    reati ambjentali, inkluż it-tniġġis mill-bastimenti,

    traffikar illeċitu ta’ sustanzi ormonali u ta’ promoturi oħrajn ta’ tkabbir,

    abbuż sesswali u sfruttament sesswali, inkluż materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal u s-solleċitazzjoni tat-tfal għal skopijiet sesswali,

    ġenoċidji, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra.

    Il-forom ta’ reati msemmija f’dan l-Anness għandhom jiġu vvalutati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina f’konformità mal-liġi tal-Bożnija-Ħerzegovina.


    ANNESS II

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina u l-kompetenzi tagħhom

    (l-Artikolu 3, il-punt (3))

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina, li lilhom il-Eurojust tista’ tittrasferixxi d-data huma kif ġej:

    Awtorità

    Deskrizzjoni tal-kompetenzi

    Il-Ministeru għall-Ġustizzja tal-Bożnija-Ħerzegovina

    L-awtorità ċentrali ta’ koordinazzjoni għall-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali u bejn l-entitajiet f’materji kriminali (pereż. assistenza legali reċiproka u kuntatti ma’ tribunali internazzjonali);

    Estradizzjonijiet;

    Karigi amministrattivi relatati mal-korpi ġudizzjarji fil-livell tal-istat.

    L-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Bożnija-Ħerzegovina 

    L-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina, l-uffiċċji tal-prosekuturi kantonali

    L-Uffiċċju tal-Prosekutur tar-Repubblika Srpska, l-uffiċċji tal-prosekuturi distrettwali

    L-Uffiċċju tal-Prosekutur tad-Distrett ta’ Brčko tal-Bożnija-Ħerzegovina

    L-awtoritajiet domestiċi kompetenti għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali;

    L-awtoritajiet domestiċi kompetenti biex jimplimentaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja;

    Il-Qorti tal-Bożnija-Ħerzegovina

    Il-Qorti Suprema tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina, il-qrati kantonali u l-qrati muniċipali fil-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina

    Il-Qorti Suprema tar-Repubblika Srpska, il-qrati distrettwali u l-qrati bażiċi fir-Repubblika Srpska

    Il-Qorti Bażika tad-Distrett ta’ Brčko tal-Bożnija-Ħerzegovina u l-Qorti tal-Appell tad-Distrett ta’ Brčko tal-Bożnija-Ħerzegovina

    L-awtoritajiet domestiċi kompetenti biex jaġixxu fuq talbiet u mozzjonijiet tal-prosekuturi matul l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali;

    L-awtoritajiet domestiċi kompetenti biex jimplimentaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali;

    L-Aġenzija Statali ta’ Investigazzjoni u Protezzjoni,

    Il-Pulizija tal-Fruntieri tal-Bożnija-Ħerzegovina,

    Id-Direttorat għall-Koordinazzjoni tal-Korpi tal-Pulizija tal-Bożnija-Ħerzegovina

    Il-Ministeru għall-Affarijiet Interni tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina (l-Amministrazzjoni tal-Pulizija tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina), il-ministeri kantonali tal-affarijiet interni (l-amministrazzjonijiet tal-pulizija kantonali) fil-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina

    Il-Ministeru għall-Affarijiet Interni tar-Repubblika Srpska (l-Amministrazzjoni tal-Pulizija, l-Amministrazzjoni tal-Pulizija Kriminali, l-Amministrazzjoni għall-Kriminalità Organizzata u r-Reati Serji, l-Amministrazzjoni għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu u l-Estremiżmu)

    Il-Pulizija tad-Distrett ta’ Brčko tal-Bożnija-Ħerzegovina

    L-awtoritajiet domestiċi kompetenti biex iwettqu miżuri investigattivi taħt is-superviżjoni tal-prosekutur kompetenti;


    ANNESS III

    Lista ta’ korpi tal-Unjoni

    (l-Artikolu 3, il-punt (4))

    Korpi tal-Unjoni li magħhom il-Eurojust tista’ tikkondividi data personali:

    Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

    L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)

    L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex)

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

    Missjonijiet jew operazzjonijiet stabbiliti skont il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni, limitati għall-infurzar tal-liġi u l-attivitajiet ġudizzjarji

    L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol)

    L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE)

    (1)    Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU UE, 21.11.2018, L 295 p. 138).
    Top