EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0074

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul il-81 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u l-108 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni ta’ emendi tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL), il-Konvenzjoni għall-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra, il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), il-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabilità Baxx (il-Kodiċi IGF), il-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, 2011 (il-Kodiċi ESP tal-2011), il-Kodiċi Internazzjonali tal-Apparat għas-Salvataġġ tal-Ħajja (LSA), il-Kodiċi Internazzjonali għas-Sistemi tas-Sikurezza kontra n-Nirien (il-Kodiċi FSS) u l-Kodiċi tat-Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa tal-Baħħara (STCW).

COM/2024/74 final

Brussell, 20.2.2024

COM(2024) 74 final

2024/0040(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul il-81 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u l-108 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni ta’ emendi tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL), il-Konvenzjoni għall-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra, il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), il-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabilità Baxx (il-Kodiċi IGF), il-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, 2011 (il-Kodiċi ESP tal-2011), il-Kodiċi Internazzjonali tal-Apparat għas-Salvataġġ tal-Ħajja (LSA), il-Kodiċi Internazzjonali għas-Sistemi tas-Sikurezza kontra n-Nirien (il-Kodiċi FSS) u l-Kodiċi tat-Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa tal-Baħħara (STCW).


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-81 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC 81) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, li se ssir mit-18 sat-22 ta’ Marzu 2024, u fil-108 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (MSC 108) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, li se ssir mill-15 sal-24 ta’ Mejju 2024.

Matul l-MEPC 81, huwa previst li jiġu adottati emendi fir-rigward ta’:

(1)l-Artikolu V tal-Protokoll I tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL);

(2)l-Anness VI ta’ MARPOL, u;

(3)il-Konvenzjoni għall-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra.

Matul l-MSC 108, huwa previst li jiġu adottati emendi fir-rigward ta’:

(4)il-Kapitoli II-1, II-2 u V tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), 1974;

(5)il-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li Jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabilità Baxx (il-Kodiċi IGF);

(6)il-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, 2011 (il-Kodiċi ESP 2011);

(7)il-Kodiċi Internazzjonali tal-Apparat għas-Salvataġġ tal-Ħajja (LSA);

(8)il-Kodiċi Internazzjonali għas-Sistemi tas-Sikurezza kontra n-Nirien (il-Kodiċi FSS); u

(9)it-Taqsima A-VI/1 tal-Kodiċi tat-Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa tal-Baħħara (STCW).

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali

Il-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) tistabbilixxi l-OMI. L-iskop tal-OMI hu li tipprovdi forum għall-kooperazzjoni fil-qasam tar-regolamentazzjoni u l-prattiki relatati ma’ kwistjonijiet tekniċi ta’ kull tip li jaffettwaw it-trasport tal-merkanzija involut fil-kummerċ internazzjonali. Barra minn hekk, għandha l-għan li tħeġġeġ l-adozzjoni ġenerali tal-ogħla standards prattikabbli fi kwistjonijiet li jikkonċernaw is-sikurezza marittima, l-effiċjenza tan-navigazzjoni u l-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis tal-baħar mill-vapuri, filwaqt li tippromwovi kundizzjonijiet ekwi. Tittratta wkoll kwistjonijiet amministrattivi u legali relatati.

Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Marzu 1958.

L-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Konvenzjoni. L-Unjoni mhijiex parti għall-Konvenzjoni.

L-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Bastimenti (“MARPOL”), 1973, li daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Ottubru 1983 u għall-Anness VI, li daħal fis-seħħ fit-18 ta’ Mejju 2005. L-Unjoni mhijiex parti għas-MARPOL.

L-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (“SOLAS”), 1974, li daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju 1980. L-Unjoni mhijiex parti għal SOLAS.

2.2.L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali

L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) hija l-aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli għas-sikurezza u għas-sigurtà tat-trasport tal-merkanzija u għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar mill-vapuri. Hija l-awtorità li tistabbilixxi l-istandards globali għas-sikurezza, għas-sigurtà u għall-prestazzjoni ambjentali tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija. Ir-rwol prinċipali tagħha huwa li toħloq qafas regolatorju għall-industrija tat-trasport tal-merkanzija li jkun ġust u effettiv, u li dan jiġi adottat u implimentat b’mod universali.

Is-sħubija fl-OMI hija miftuħa għall-Istati kollha u l-Istati Membri kollha tal-UE huma membri tal-OMI. Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-OMI huma bbażati b’mod partikolari fuq il-Ftehim għall-Kooperazzjoni u l-Kollaborazzjoni konkluż bejn l-Organizzazzjoni Konsultattiva Marittima Intergovernattiva (IMCO) u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fl-1974.

Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (MSC) tal-OMI huwa magħmul mill-Membri kollha tal-OMI u jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena. Dan jittratta kwalunkwe kwistjoni fl-ambitu tal-Organizzazzjoni relatata mal-għajnuniet għan-navigazzjoni, mal-kostruzzjoni u mat-tagħmir tal-bastimenti, mal-persunal mil-lat ta’ sikurezza, mar-regoli għall-prevenzjoni ta’ kolliżjonijiet, mal-ġarr ta’ merkanzija perikoluża, mal-proċeduri u mar-rekwiżiti tas-sikurezza marittima, mal-informazzjoni idrografika, mal-ġurnali ta’ abbord u mar-reġistri tan-navigazzjoni, mal-investigazzjoni ta’ diżgrazzji marittimi, mal-għoti tal-għajnuna u mas-salvataġġ, u ma’ kwalunkwe kwistjoni oħra li taffettwa direttament is-sikurezza marittima.

Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC) tal-OMI huwa magħmul ukoll mill-Membri kollha tal-OMI u jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena. Dan jindirizza kwistjonijiet ambjentali li jaqgħu fl-ambitu tal-Organizzazzjoni fir-rigward tal-kontroll u l-prevenzjoni tat-tniġġis mill-vapuri koperti mit-trattat ta’ MARPOL, inkluż iż-żejt, il-kimiki li jinġarru bl-ingrossa, id-dranaġġ, l-iskart u l-emissjonijiet fl-arja mill-vapuri, inkluż is-sustanzi li jniġġsu l-arja u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Kwistjonijiet oħrajn koperti jinkludu l-ġestjoni tal-ilma tas-saborra, is-sistemi tal-antifouling, ir-riċiklaġġ tal-vapuri, l-istat ta’ preparazzjoni u ta’ rispons għat-tniġġis, u l-identifikazzjoni ta’ żoni speċjali u ta’ żoni tal-baħar li huma partikolarment sensittivi.

Kemm il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima kif ukoll il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI jipprovdu mekkaniżmi għat-twettiq ta’ kwalunkwe dmir assenjat lilhom mill-Konvenzjoni tal-OMI, mill-Assemblea tal-OMI jew mill-Kunsill tal-OMI, jew ta’ kwalunkwe dmir fl-ambitu msemmi hawn fuq li jista’ jiġi assenjat lilhom minn jew skont kwalunkwe strument internazzjonali ieħor, u aċċettat mill-OMI. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima u tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar, u tal-korpi sussidjarji tagħhom jiġu adottati mill-maġġoranza tal-Membri tagħhom.

2.3.L-atti previsti tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI

Bejn it-18 u t-22 ta’ Marzu 2024, matul il-81 sessjoni tiegħu, il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar għandu jadotta emendi ta’: l-Artikolu V tal-Protokoll I ta’ MARPOL, l-Anness VI ta’ MARPOL u l-Konvenzjoni għall-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra.

L-iskop tal-emendi previsti tal-Artikolu V tal-Protokoll I ta’ MARPOL huwa li jirrevedu l-proċeduri ta’ rapportar għat-telf ta’ kontejners biex jiġi evitat rapportar doppju.

L-iskop tal-emendi previsti tal-Anness VI ta’ MARPOL dwar fjuwils b’punt ta’ fjammabilità baxx u kwistjonijiet oħra relatati maż-żejt tal-fjuwil huwa li jiġi solvut ir-rekwiżit għall-ittestjar u li tiġi inkluża informazzjoni dwar il-punt ta’ fjammabilità fin-Nota ta’ Kunsinna tal-Bunker (BDN) għal fjuwils b’punt ta’ fjammabilità baxx, li kienet inkonsistenti mal-emendi reċenti tal-kapitolu II-2 ta’ SOLAS adottati fl-MSC 106. Fir-rigward tal-emendi tal-aċċessibbiltà tad-data fil-Bażi tad-Data tal-OMI dwar il-Konsum tal-Fjuwil mill-Bastimenti (DCS tal-OMI), u dwar l-inklużjoni ta’ data dwar ix-xogħol tat-trasport u livell imtejjeb ta’ granularità fid-DCS tal-OMI, l-iskop huwa li jiġi ottimizzat l-użu tad-DCS għall-benefiċċju tat-tfassil tal-politika dwar id-dekarbonizzazzjoni tat-tbaħħir.

L-iskop tal-emendi previsti tal-Konvenzjoni għall-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra huwa li jiġi promoss l-użu ta’ kotba tar-rekords elettroniċi skont il-Konvenzjoni.

2.4.L-atti previsti tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI

Bejn il-15 u l-24 ta’ Mejju 2024, matul il-108 sessjoni tiegħu, il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima għandu jadotta emendi ta’: il-Kapitoli II-1, II-2 u V ta’ SOLAS, il-Kodiċi IGF, il-Kodiċi ESP tal-2011, il-Kodiċi LSA, il-Kodiċi FSS u t-Taqsima A-VI/1 tal-Kodiċi STCW.

L-iskop tal-emendi previsti tal-Kapitoli II-1, II-2 u V ta’ SOLAS, 1974 huwa rispettivament, li jiġi żgurat l-irmunkar sikur għall-bastimenti, li tittejjeb is-sikurezza kontra n-nirien tal-bastimenti tal-passiġġieri, inklużi l-vapuri ro-ro tal-passiġġieri, u li jiġi ssimplifikat l-ipproċessar tar-rapporti dwar it-telf tal-kontejners.

L-iskop tal-emendi previsti tal-Kodiċi IGF huwa li tittejjeb is-sikurezza tal-bastimenti, inklużi l-vapuri tal-passiġġieri, bl-użu tal-gass naturali bħala fjuwil.

L-iskop tal-emendi previsti tal-Kodiċi ESP tal-2011 huwa li jiġu ċċarati l-Proċeduri għall-approvazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ ditta involuta fil-kejl tal-ħxuna tal-istrutturi tal-buq.

L-iskop tal-emendi previsti tal-Kodiċi LSA huwa li tiġi promossa s-sikurezza marittima billi jiġi rivedut it-tnaqqis tal-veloċità tal-opri tal-baħar tas-sopravivenza u d-dgħajjes tas-salvataġġ għall-vapuri tal-passiġġieri, billi tiġi żgurata prestazzjoni xierqa fl-ilma tal-ġkieket tas-salvataġġ għas-sikurezza tal-baħħara u billi jiżdiedu l-istandards tas-sikurezza tas-sistemi uniċi ta’ rilaxx u rbit b’ganċijiet tar-rilaxx fi stat ta’ tagħbija.

L-iskop tal-emendi previsti tal-Kodiċi FSS huwa li tittejjeb is-sikurezza kontra n-nirien tal-vapuri tal-passiġġieri, u b’mod partikolari tal-vapuri ro-ro tal-passiġġieri.

L-iskop tal-emendi previsti tat-taqsima A-VI/1 tal-Kodiċi STCW huwa li jiġi żgurat post tax-xogħol sikur għall-baħħara.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-81 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar

3.1.Emendi tal-Artikolu V tal-Protokoll I tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL)

L-MSC 103 kien qabel li fl-aġenda postbiennali tiegħu jinkludi output dwar “L-iżvilupp ta’ miżuri fir-rigward tad-detezzjoni u r-rapportar obbligatorju ta’ kontejners mitlufa fil-baħar li jistgħu jtejbu l-pożizzjonament, it-traċċar u l-irkupru ta’ tali kontejners”, b’żewġ sessjonijiet meħtieġa biex jitlesta l-punt, filwaqt li s-Sottokumitat dwar il-Ġarr tal-Merkanzija u tal-Kontejners (CCC) ġie assenjat bħala l-korp ta’ koordinazzjoni.

Is-CCC 8 qabel li jistabbilixxi Grupp ta’ Ħidma dwar l-Iżvilupp ta’ Miżuri Rigward id-Detezzjoni u r-Rappurtar Obbligatorju ta’ Kontejners Mitlufa fil-Baħar u, filwaqt li jqis il-kummenti li saru u d-deċiżjonijiet li ttieħdu fil-plenarja, tah struzzjoni biex, fost l-oħrajn, iħejji abbozzi ta’ emendi tal-Artikolu V tal-Protokoll I tal-Konvenzjoni MARPOL, abbażi ta’ sottomissjoni tal-UE (CCC 8/11/1).

Wara li qies ir-rapport tal-Grupp ta’ Ħidma, is-CCC 8 qabel dwar l-abbozzi ta’ emendi tal-Artikolu V tal-Protokoll I tal-Konvenzjoni MARPOL, bil-ħsieb li jiġu adottati b’mod simultanju mill-MEPC.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni kienet li tappoġġa b’mod attiv dawn l-emendi peress li kienu ġew inklużi f’sottomissjoni tal-UE (CC 8/11/1 (l-Awstralja et al.)).

L-MEPC 80 approva l-abbozzi ta’ emendi tal-Artikolu V tal-Protokoll I ta’ MARPOL, wara li nnota li l-MSC 107 kien approva l-abbozzi ta’ emendi b’rabta mal-kapitolu V ta’ SOLAS, bil-ħsieb li jiġu adottati fl-MEPC 81.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni kienet li tappoġġa b’mod attiv l-abbozzi ta’ emendi soġġetti għall-approvazzjoni tal-abbozzi ta’ emendi relatati tal-Kapitolu V ta’ SOLAS mill-MSC 107.

Għalhekk, l-Unjoni għandha tappoġġa dawn l-emendi, peress li huwa importanti li tiġi stabbilita sistema unika ta’ rapportar għat-telf ta’ kontejners, biex jiġu evitati rekwiżiti ta’ sottomissjoni duplikati u tiġi evitata l-konfużjoni, li jinvolvi r-riskju li ma jiġux irrapportati kontejners mitlufa fil-baħar.

3.2.Emendi tal-Anness VI ta’ MARPOL

Fir-rigward tal-emendi tal-Anness VI ta’ MARPOL relatati ma’ fjuwils b’punt ta’ fjammabilità baxx u kwistjonijiet oħra relatati maż-żejt tal-fjuwil:

L-MEPC 79, wara li permezz tar-riżoluzzjoni MEPC.362(79) adotta emendi tal-Anness VI ta’ MARPOL biex iżid punt ta’ fjammabilità mal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fin-Nota ta’ Kunsinna tal-Bunker (BDN), stieden lill-Istati Membri interessati u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali jissottomettu proposti lill-MEPC 80, filwaqt li saret referenza speċifika biex tiġi stabbilita eżenzjoni għall-fjuwils b’punt ta’ fjammabilità baxx fir-Regolament 18.4 tal-Anness VI ta’ MARPOL, ħalli tiġi solvuta l-kwistjoni taħt l-output eżistenti 3.7 (MEPC 79/15, il-paragrafu 3.37).

L-MEPC 80, wara li qies ir-rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Tniġġis tal-Arja u l-Effiċjenza Enerġetika, approva l-abbozzi ta’ emendi tar-Regolamenti 2, 14, 18 u l-Appendiċi I tal-Anness VI ta’ MARPOL, bil-ħsieb li jiġu adottati fl-MEPC 81.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni kienet li tirreferi d-diskussjoni tal-emendi lill-grupp ta’ ħidma dwar it-tniġġis tal-arja sabiex dawn ikunu jistgħu jitqiesu fid-dettall.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun li tappoġġa dawn l-emendi, sabiex jiġi solvut ir-rekwiżit għall-ittestjar u tiġi inkluża informazzjoni dwar il-punt ta’ fjammabilità fil-BDN għall-fjuwils b’punt ta’ fjammabilità baxx, li kienet inkonsistenti mal-emendi reċenti tal-Kapitolu II-2 ta’ SOLAS adottat fl-MSC 106.

Fir-rigward tal-emendi tal-Anness VI ta’ MARPOL dwar l-aċċessibbiltà tad-data fil-Bażi tad-Data tal-OMI dwar il-Konsum tal-Fjuwil mill-Bastimenti (DCS tal-OMI) u dwar l-inklużjoni ta’ data dwar ix-xogħol tat-trasport u livell imtejjeb ta’ granularità fid-DCS tal-OMI:

Fit-tmienja u sebgħin sessjoni tiegħu, l-MEPC approva fluss ta’ ħidma ddedikat dwar ir-reviżjoni tas-Sistema tal-Ġbir tad-Data dwar il-Konsum taż-Żejt tal-Fjuwil mill-Bastimenti (DCS) tal-OMI, filwaqt li stieden lill-Istati Membri interessati u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jissottomettu proposti konkreti għal sessjoni futura tal-ISWG-GHG (id-dokument MEPC 78/17, il-paragrafu 7.120).

Wara dan, il-Grupp ta’ Ħidma Intersessjonali dwar il-Gassijiet Serra (ISWG-GHG) fit-13-il sessjoni tiegħu kien iddiskuta proposta sottomessa fid-dokument ISWG-GHG 13/7 (l-Awstrija et al.) biex jiġi emendat id-DCS tal-OMI, filwaqt li jitqiesu l-bidliet futuri possibbli tal-modulu ta’ rapportar tal-GISIS tal-OMI, inklużi parametri ta’ rapportar addizzjonali u trasparenza mtejba.

L-MEPC 79 innota appoġġ wiesa’ għall-proposta biex tiġi inkluża data dwar ix-xogħol tat-trasport, l-użu possibbli ta’ teknoloġiji innovattivi u dwar il-livell ta’ granularità tad-data rrapportata u li, għaldaqstant, l-ISWG-GHG 14 ingħata struzzjoni biex iqis aktar l-abbozzi ta’ emendi tal-Appendiċi IX tal-Anness VI ta’ MARPOL, billi juża l-Anness 1 tad-dokument ISWG-GHG 13/7 bħala bażi, u l-kosponsors tad-dokument ISWG-GHG 13/7 ġew mistiedna jikkonsultaw ma’ dawk id-delegazzjonijiet li kienu esprimew tħassib biex jaħdmu fuq proposta riveduta possibbli.

L-ISWG-GHG 14 ħa nota tad-diversi sottomissjonijiet u stieden lill-MEPC 80 jinnota:

1.li kien hemm appoġġ wiesa’ fil-Grupp biex tiġi inkluża data dwar ix-xogħol tat-trasport u dwar livell imtejjeb ta’ granularità tad-data rrapportata fid-DCS tal-konsum taż-żejt tal-fjuwil mill-bastimenti tal-OMI,

2.li ġie espress tħassib dwar diversi kwistjonijiet, bħal, l-immaturità u ż-żmien tal-emendi proposti, it-tendenza li l-mekkaniżmu tas-CII, l-aċċessibbiltà tad-data u t-trasparenza jiġu kkumplikati żżejjed u li l-Grupp ma kienx f’pożizzjoni li jikkonkludi dwar dawn il-kwistjonijiet; u

3.li għandhom jitressqu l-proposti stabbiliti fid-dokumenti ISWG-GHG 14/4, ISWG-GHG 14/4/1, ISWG-GHG 14/4/2, kif ukoll il-kollazzjoni tal-emendi proposti stabbiliti fl-Anness 3 tad-dokument MEPC 80/WP.6, lill-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Tniġġis tal-Arja u l-Effiċjenza Enerġetika li mistenni jiġi stabbilit matul l-MEPC 80 għal aktar kunsiderazzjoni bil-ħsieb li jiġu ffinalizzati, filwaqt li jitqiesu l-kummenti li saru f’din is-sessjoni.

Il-Grupp innota li din il-kwistjoni ma hijiex se titqies mill-ġdid matul l-ISWG-GHG 15 u li kwalunkwe dokument ieħor dwar din il-kwistjoni għandu jiġi ppreżentat lill-MEPC 80.

Matul l-MEPC 80, ġie stabbilit il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Tniġġis tal-Arja u l-Effiċjenza Enerġetika biex jiġu diskussi diversi suġġetti, inklużi l-emendi proposti tal-Anness VI ta’ MARPOL dwar ir-reviżjoni tad-DCS tal-konsum taż-żejt tal-fjuwil mill-bastimenti tal-OMI, permezz tal-Anness 3 għad-dokument MEPC 80/WP.6 bħala bażi, bil-ħsieb li jiġu ffinalizzati l-abbozzi ta’ emendi tal-Anness VI ta’ MARPOL f’dik is-sessjoni.

L-MEPC 80 approva l-abbozzi ta’ emendi tal-Anness VI ta’ MARPOL, bil-ħsieb li jiġu adottati fl-MEPC 81.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun li tappoġġa dawn l-emendi, peress li jottimizzaw l-użu tad-DCS għall-benefiċċju tat-tfassil tal-politika dwar id-dekarbonizzazzjoni tat-tbaħħir u huma kompromess fost aċċess usa’ għad-data tad-DCS tal-OMI u l-kontroll tagħha mis-Segretarjat tal-OMI. Minn naħa waħda, l-impriżi ta’ konsulenza analitiċi u l-entitajiet ta’ riċerka jingħataw aċċess għad-data tad-DCS soġġetta għall-approvazzjoni tas-Segretarjat tal-OMI u min-naħa l-oħra, dawn jipprovdu l-possibbiltà għal kwalunkwe kumpanija li tiżvela d-data tad-DCS tal-bastimenti tagħha lill-pubbliku ġenerali fuq bażi volontarja.

3.3.Emendi tal-Konvenzjoni għall-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra

Matul l-MEPC 80, ġie stabbilit il-Grupp ta’ Rieżami tal-Ilma tas-Saborra. Dan ingħata struzzjoni, fost l-oħrajn, li jqis il-gwida proposta għall-użu ta’ kotba tar-rekords elettroniċi skont il-Konvenzjoni għall-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra (il-Konvenzjoni BWM) li tinsab fl-anness għad-dokument MEPC 79/4/10, u jagħti parir lill-Kumitat kif xieraq u skont l-eżitu tal-kunsiderazzjoni tal-gwida proposta għall-użu ta’ kotba tar-rekords elettroniċi skont il-Konvenzjoni tal-BWM, biex iqis l-emendi konsegwenzjali proposti tal-Konvenzjoni tal-BWM li jinsabu fid-dokument MEPC 79/4/9, u jagħti pariri lill-Kumitat kif xieraq.

Il-grupp ta’ ħidma ffinalizza l-abbozz ta’ Gwida għall-użu ta’ kotba tar-rekords elettroniċi skont il-Konvenzjoni tal-BWM u stieden lill-MEPC 80 jadotta l-abbozz ta’ riżoluzzjoni tal-MEPC dwar Gwida għall-użu ta’ kotba tar-rekords elettroniċi skont il-Konvenzjoni tal-BWM. Flimkien mal-finalizzazzjoni tal-abbozz ta’ gwida, il-Grupp indirizza wkoll xi kwistjonijiet bl-emendi konsegwenzjali proposti għar-Regolamenti A-1 u B-2 tal-Konvenzjoni, relatati ma’ kotba tar-rekords elettroniċi eżistenti li jistgħu ma jkunux allinjati mal-gwida u mal-verifika tal-entrati mill-kaptan.

Wara dan, l-MEPC 80 qies u approva abbozzi ta’ emendi tar-Regolamenti A-1 u B-2 tal-Konvenzjoni ta’ BWM rigward l-użu ta’ kotba tar-rekords elettroniċi skont il-Konvenzjoni, bil-ħsieb li jiġu adottati fl-MEPC 81.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun li tappoġġa dawn l-emendi, peress li jagħmlu pass eqreb lejn id-diġitalizzazzjoni billi jżommu kotba tar-rekords elettroniċi skont il-Konvenzjoni tal-BMW.

4.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-108 sessjoni tal-kumitat tas-sikurezza marittima

4.1.Emendi tal-Kapitoli II-1, II-2 u V tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), 1974

Fir-rigward tal-emendi tal-Kapitolu II-1 ta’ SOLAS, 1974:

L-MSC 103 qabel li s-Sottokumitat dwar id-Disinn u l-Kostruzzjoni tal-Bastimenti (SDC) jiġi fdat b’output ġdid dwar “L-iżvilupp ta’ emendi tar-Regolament ta’ SOLAS II-1/3-4 biex japplika r-rekwiżiti għat-tagħmir tal-irmunkar ta’ emerġenza għat-tankers għal tipi oħra ta’ bastimenti”, u l-2023 tkun is-sena tat-tlestija fil-mira.

Fl-SDC 8, l-Unjoni, flimkien mal-Awstralja, il-Kanada, il-Marokk, New Zealand u Vanuatu, ippreżentaw id-dokument SDC 8/12/1 b’appoġġ għal dan il-punt fl-aġenda li jipproponi li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament II-1/3-4, il-paragrafu 1, ta’ SOLAS (li attwalment japplika biss għal tankers b’piż mejjet ta’ mhux anqas minn 20 000 tunnellata) jiġi estiż għall-bastimenti l-ġodda kollha minbarra tankers b’tunnellaġġ gross ta’ 20 000 u aktar. Min-naħa l-oħra, iċ-Ċina (SDC 8/12) ipproponiet emenda tar-Regolament II-1/3-4 ta’ SOLAS applikabbli għall-bastimenti, minbarra tankers, ta’ aktar minn 150 000 tunnellaġġ gross.

Il-President irrimarka li ż-żewġ sottomissjonijiet taħt dan il-punt tal-Aġenda kienu wisq imbiegħda minn xulxin. Għalhekk, fid-dawl tan-nuqqas ta’ ħin, l-aħjar triq ’il quddiem tkun li d-diskussjoni tiġi differita għall-SDC 9.

L-SDC 9 stabbilixxa l-Grupp ta’ Esperti dwar l-Applikazzjoni ta’ Tagħmir tal-Irmunkar ta’ Emerġenza għat-Tankers għal Tipi Oħra ta’ Bastimenti u tah struzzjoni, filwaqt li qies il-kummenti u d-deċiżjonijiet li saru fil-plenarja, biex jiffinalizza l-abbozzi ta’ emendi tar-Regolament II-1/3-4 ta’ SOLAS, abbażi tad-dokument SDC 8/12/1. Wara li saret diskussjoni u meta jitqies li l-maġġoranza kbira esprimew appoġġ għall-proposta fid-dokument SDC 8/12/1, is-Sottokumitat qabel ma’ valur ta’ limitu ta’ 20 000 GT u ’l fuq għal bastimenti ġodda li jirrikjedu arranġamenti ta’ rmunkar ta’ emerġenza. Is-Sottokumitat stieden lill-MSC 107 japprova l-abbozzi ta’ emendi tar-Regolament II-1/3-4 ta’ SOLAS bil-ħsieb ta’ adozzjoni sussegwenti (SDC 9/16, l-Anness 9).

Il-pożizzjoni tal-Unjoni kienet li tappoġġa l-emendi proposti mill-Unjoni fir-Regolament II-1/3-4 ta’ SOLAS biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament II-1/3-4, il-paragrafu 1, ta’ SOLAS (attwalment applikabbli biss għal tankers ta’ mhux anqas minn 20 000 tunnellata ta’ piż mejjet) għall-bastimenti l-ġodda kollha minbarra tankers b’tunnellaġġ gross ta’ 20 000 u aktar.

L-MSC 107 approva abbozz ta’ emendi tar-Regolament II-1/3-4 ta’ SOLAS relatati ma’ rekwiżiti ġodda għall-bastimenti l-ġodda kollha minbarra tankers ta’ mhux anqas minn 20 000 GT li għandhom ikunu mgħammra b’arranġamenti ta’ rmunkar ta’ emerġenza, bil-ħsieb li jiġu adottati fl-MSC 108.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun li tappoġġa dawn l-emendi sabiex iżżid b’mod sostanzjali s-sikurezza u biex tiżgura li l-bastimenti l-ġodda kollha minbarra t-tankers, b’mod partikolari l-bastimenti tal-passiġġieri, b’tunnellaġġ gross ta’ 20 000 u aktar, ikunu jistgħu jiġu rmunkati b’mod sikur f’każ ta’ emerġenza.

Fir-rigward tal-emendi tal-Kapitolu II-2 ta’ SOLAS, 1974 dwar is-sikurezza kontra n-nirien, b’mod partikolari fuq il-vapuri tal-passiġġieri, u b’mod aktar speċifiku:

Il-prevenzjoni ta’ nirien u splużjonijiet – ir-Regolament 4:

L-abbozz ta’ emendi tal-kapitolu II-2 ta’ SOLAS approvati mill-MSC 105, u adottati mill-MSC 106, b’rabta mal-fornituri tal-fjuwil taż-żejt li naqsu milli jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt tal-fjammabilità, l-azzjonijiet kontra l-fornituri tal-fjuwil taż-żejt li nstabu li jipprovdu fjuwil taż-żejt li ma jikkonformax mar-rekwiżiti minimi tal-punt tal-fjammabilità, u d-dokumentazzjoni tal-punt ta’ fjammabilità tal-lott tal-fjuwil effettiv waqt il-bunkering.

L-MSC 105 approva wkoll il-pjan ta’ azzjoni aġġornat u l-istabbiliment tal-Grupp ta’ Korrispondenza dwar l-Iżvilupp ta’ Miżuri Ulterjuri sabiex Tittejjeb is-Sikurezza tal-Bastimenti Relatati mal-Użu taż-Żejt Fjuwil, biex jirrapporta lill-MSC 107, ħalli jkompli jiżviluppa l-abbozzi ta’ linji gwida għall-bastimenti biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet fejn ikollhom riżultati indikattivi tat-test li jissuġġerixxu li l-fjuwil taż-żejt fornut jista’ ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-punt tal-fjammabilità.

Il-Grupp ta’ Korrispondenza qabel li jkompli jiżviluppa rekwiżit ġenerali ta’ SOLAS li l-fjuwil taż-żejt ma għandux jipperikola s-sikurezza tal-bastiment, simili għall-Anness VI ta’ MARPOL, ir-Regolament 18.3.1.1.3, abbażi tal-Anness 3 fl-MSC 107/6. Il-Grupp iddiskuta wkoll it-tħassib espress fis-seduta plenarja dwar ir-referenza “ta’ ħsara għall-persunal”. Wara li nnota li t-terminu “ta’ ħsara għall-persunal” intuża fl-Anness VI ta’ MARPOL, il-Grupp qabel li juża l-istess terminu fl-abbozzi tal-emendi ta’ SOLAS. Fl-aħħar nett, il-Grupp qabel mal-abbozz tar-Regolament II-2/4.2.1.9 il-ġdid ta’ SOLAS, kif stabbilit fl-Anness 3 fl-MSC 107/WP.10, għall-approvazzjoni mill-Kumitat u għall-adozzjoni sussegwenti.

L-MSC 107 approva abbozzi ta’ emendi tar-Regolament II-2/4 ta’ SOLAS relatati mal-parametri tal-fjuwil taż-żejt minbarra l-punt tal-fjammabilità, bil-ħsieb li jiġu adottati fl-MSC 108.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-MSC 107 kienet li tkompli tiddiskuti l-ħidma fi grupp ta’ ħidma, peress li l-grupp ta’ korrispondenza ma ffinalizzax din il-ħidma.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun li tappoġġa dawn l-emendi peress li se jtejbu s-sikurezza tal-użu tal-fjuwil taż-żejt, b’mod partikolari fuq il-vapuri tal-passiġġieri.

Soppressjoni tan-nirien u Rekwiżiti speċjali – ir-Regolamenti 7, 9, 20 u 23:

L-MSC 97 qabel mal-output il-ġdid propost tal-UE dwar in-nirien fuq il-gverti ro-ro tal-vapuri tal-passiġġieri abbażi ta’ studju dwar l-aċċidenti li jseħħu fuq il-vapuri ro-ro tal-passiġġieri, filwaqt li jidentifika 14-il qasam ta’ interventi possibbli għat-titjib u għall-emendar tal-istrumenti.

Is-sitt sessjoni tas-Sottokumitat dwar is-Sistemi u t-Tagħmir tal-Vapuri (SSE) irnexxielha tiffinalizza l-abbozzi tal-linji gwida interim li kienu jinkludu diversi proposti li kienu riżultat dirett taż-żewġ studji ta’ FIRESAFE. Barra minn hekk, l-SSE 6 għamel progress tajjeb fl-iżvilupp ta’ abbozzi ta’ emendi tal-linji gwida riveduti għall-manutenzjoni u l-ispezzjoni ta’ sistemi u tagħmir għall-protezzjoni kontra n-nirien (MSC.1/Circ.1432).

L-SSE 8 żviluppa aktar l-abbozzi ta’ emendi tal-Kapitolu II-2 ta’ SOLAS u għall-Kodiċi FSS għal vapuri ro-ro tal-passiġġieri ġodda u eżistenti u stabbilixxa mill-ġdid il-Grupp ta’ Korrispondenza dwar il-Protezzjoni kontra n-Nirien biex ikompli jagħmel progress fil-ħidma b’mod intersessjonali, bit-termini ta’ referenza stabbiliti fil-paragrafu 6.26 tad-dokument SSE 8/20, u ta struzzjoni lill-Grupp biex jissottometti rapport għal din is-sessjoni.

L-SSE 9 qabel mal-abbozzi ta’ emendi tal-Kapitolu II-2 ta’ SOLAS dwar is-sikurezza kontra n-nirien fuq il-vapuri ro-ro tal-passiġġieri, kif stabbilit fl-Anness 5 tal-SEE 9/20, bil-ħsieb li jiġu approvati mill-MSC 107 u wara jiġu adottati mill-MSC 108.

L-SSE 9 innota wkoll li l-Grupp kien qies id-detezzjoni tan-nirien fi stazzjonijiet ta’ kontroll u fi spazji ta’ servizz remoti fuq bastimenti tal-merkanzija u kien qabel li t-terminu “stazzjon ta’ kontroll ċentrali b’ekwipaġġ kontinwu”, kif propost mir-rapport tal-Grupp ta’ Korrispondenza (SSE 9/6), għandu jiġi ssostitwit bit-terminu “l-istazzjonijiet ta’ kontroll u l-kmamar ta’ kontroll tal-merkanzija kollha”. Sussegwentement, is-Sottokumitat qabel mal-abbozzi ta’ emendi tar-Regolament II-2/7.5.5 ta’ SOLAS, kif stabbilit fl-Anness 5 tal-SSE 9/20, bil-ħsieb li jiġu approvati mill-MSC 107 u jiġu adottati mill-MSC 108.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-SSE 9 kienet li tappoġġa b’mod ġenerali r-rapport tal-Grupp ta’ Korrispondenza dwar il-Protezzjoni kontra n-Nirien (SSE 9/6) u tipproponi li dan id-dokument kif ukoll id-dokument SEE 9/6/1 (il-Ġappun) jiġu rriferuti lill-grupp ta’ ħidma dwar il-protezzjoni kontra n-nirien għal aktar diskussjoni dettaljata bil-ħsieb li jiġu ffinalizzati l-emendi tal-Kapitolu II-2 ta’ SOLAS u tal-Kodiċi FSS f’dik is-sessjoni.

L-MSC 107 approva abbozzi ta’ emendi tal-Kapitolu II-2 ta’ SOLAS dwar is-sikurezza kontra n-nirien tal-vapuri ro-ro tal-passiġġieri, kif stabbilit fil-paragrafu 14.16.2 tar-rapport MSC 107 (MSC 107/20) u fl-Anness 33 tal-MSC 107/20/Add. 1, bil-ħsieb li jiġi adottat fl-MSC 108.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-MSC 107 kienet li tappoġġa l-abbozz ta’ emenda tal-Kapitolu II-2 ta’ SOLAS iżda billi jitqiesu l-modifiki proposti mill-Ġappun (MSC 107/14/4).

Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun li tappoġġa dawn l-emendi peress li se jippreżentaw benefiċċji sinifikanti għas-sikurezza tal-ħajja fuq il-baħar billi ttejjeb l-istandards tas-sikurezza kontra n-nirien tal-vapuri tal-passiġġieri, u b’mod partikolari tal-vapuri ro-ro tal-passiġġieri.

Fir-rigward tal-emendi tal-Kapitolu V ta’ SOLAS, 1974 dwar is-sikurezza tan-navigazzjoni – ir-Regolamenti 31 u 32:

L-MSC 103 kien qabel li fl-aġenda postbiennali tiegħu jinkludi output dwar “L-iżvilupp ta’ miżuri fir-rigward tad-detezzjoni u r-rapportar obbligatorju ta’ kontejners mitlufa fil-baħar li jistgħu jtejbu l-pożizzjonament, it-traċċar u l-irkupru ta’ tali kontejners”, b’żewġ sessjonijiet meħtieġa biex jitlesta l-punt, filwaqt li s-Sottokumitat dwar il-Ġarr tal-Merkanzija u tal-Kontejners (CCC) ġie assenjat bħala l-korp ta’ koordinazzjoni.

Is-CCC 8 qabel li jistabbilixxi Grupp ta’ Ħidma dwar l-Iżvilupp ta’ Miżuri Rigward id-Detezzjoni u r-Rappurtar Obbligatorju ta’ Kontejners Mitlufa fil-Baħar u tah struzzjoni, filwaqt li jqis il-kummenti magħmula u d-deċiżjonijiet meħuda fil-plenarja, biex, fost l-oħrajn, iħejji abbozzi ta’ emendi tal-Kapitolu V ta’ SOLAS, abbażi ta’ sottomissjoni tal-UE (CCC 8/11/1).

Is-CCC 8 iffinalizza u qabel dwar l-abbozzi ta’ emendi tal-Kapitolu V ta’ SOLAS, kif stabbilit fl-Anness 7 tas-CCC 8/18, għas-sottomissjoni lill-MSC 107 għall-approvazzjoni u l-adozzjoni sussegwenti. Is-Sottokumitat approva wkoll il-fehmiet tal-Grupp ta’ Ħidma li l-abbozzi ta’ emendi għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2026, dment li l-emendi jiġu adottati qabel l-1 ta’ Lulju 2024 f’konformità maċ-ċiklu ta’ emendi ad hoc ta’ nofs it-terminu miftiehem mill-MSC 104 (CCC 8/WP.5, il-paragrafu 18).

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fis-CCC 8 kienet li tappoġġa b’mod attiv il-proposta fis-CCC 8/11/1 (l-Awstralja et al.) u tipproponi li, flimkien mad-dokumenti CCC 8/INF.7 (in-Netherlands) u CCC 8/INF.9 (Franza), issir referenza għal diskussjoni teknika fil-grupp ta’ ħidma dwar l-iżvilupp ta’ miżuri rigward id-detezzjoni u r-rapportar obbligatorju tal-kontejners mitlufa fil-baħar.

L-MSC 107 approva l-abbozzi ta’ emendi tal-Kapitolu V ta’ SOLAS fir-rigward tar-rapportar tat-telf tal-kontejners, bil-ħsieb li jiġu adottati fl-MSC 108.

L-Unjoni għandha tappoġġa dawn l-emendi minħabba li se jissimplifikaw l-ipproċessar tar-rapporti dwar it-telf tal-kontejners sabiex ikun hemm konformità mal-obbligi regolatorji, jiġi previst rekwiżit ta’ rapportar mill-Istat tal-bandiera lill-OMI, tiżdied is-sikurezza tan-navigazzjoni u jiġi pprevenut it-tniġġis.

4.2.Emendi tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabilità Baxx (il-Kodiċi IGF)

Is-CCC 8 qabel li jistabbilixxi l-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Emendi tal-Kodiċi IGF u r-Rieżami tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabilità Baxx (il-Kodiċi tal-IGC) u tah struzzjoni, filwaqt li jqis il-kummenti li saru u d-deċiżjonijiet li ttieħdu fis-seduta plenarja, li jiffinalizza diversi abbozzi ta’ emendi tal-Kodiċi IGF.

Is-CCC 8 qabel mal-abbozzi ta’ emendi tal-Kodiċi IGF, kif stabbilit fl-Anness 3 tas-CCC 8/18, biex jiġu sottomessi lill-MSC 107 għall-approvazzjoni u l-adozzjoni sussegwenti. F’dan il-kuntest, is-Sottokumitat approva r-rakkomandazzjoni tal-Grupp ta’ Ħidma li joħroġ ċirkolari tal-MSC dwar l-implimentazzjoni bikrija tal-abbozzi ta’ emendi tal-paragrafi 4.2.2 u 8.4.1 sa 8.4.3 tal-Kodiċi IGF, soġġett għall-adozzjoni mill-MSC 108 (CCC 8/WP.4, il-paragrafu 14).

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fis-CCC 8 kienet li tappoġġa l-istabbiliment ta’ grupp ta’ ħidma biex jiġu ffinalizzati l-emendi tal-Kodiċi IGF kif stabbilit fir-rapport tal-Grupp ta’ Korrispondenza (CCC 8/3), kif ukoll li tqis id-dokumenti CCC 8/3/1-3 (IACS) u CCC 8/3/4 (ir-Repubblika tal-Korea), u ta’ grupp ta’ ħidma dwar l-iżvilupp ta’ dispożizzjonijiet dwar is-sikurezza għal fjuwils alternattivi ġodda, b’mod partikolari biex jiġu ffinalizzati l-abbozzi ta’ linji gwida interim għall-bastimenti li jużaw fjuwils LPG u biex jiġu żviluppati aktar l-abbozzi ta’ linji gwida interim għall-bastimenti li jużaw l-idroġenu bħala fjuwil.

L-MSC 107 approva l-abbozzi ta’ emendi tal-Kodiċi IGF, bil-ħsieb li jiġu adottati fl-MSC 108, flimkien ma’ ċirkolari tal-MSC dwar l-implimentazzjoni bikrija tal-abbozzi ta’ emendi tal-paragrafi 4.2.2 u 8.4.1 sa 8.4.3 tal-Kodiċi IGF.

L-Unjoni għandha tappoġġa dawn l-emendi minħabba li se jtejbu s-sikurezza tal-bastimenti, inklużi l-vapuri tal-passiġġieri, permezz tal-gass naturali bħala fjuwil.

4.3.Emendi tal-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, 2011 (il-Kodiċi ESP tal-2011)

L-MSC 106 kien adotta emendi tal-partijiet A u B tal-Annessi A u B tal-Kodiċi ESP tal-2011, li tħejjew mill-SDC 8 f’konformità mal-proċedura għat-twettiq ta’ aġġornamenti regolari tal-Kodiċi miftiehma mill-MSC 92, li jeżenta aġġornamenti regolari għall-Kodiċi ESP tal-2011 miċ-ċiklu ta’ 4 snin għad-dħul fis-seħħ tal-emendi ta’ SOLAS (MSC 92/26, il-paragrafu 13.31). L-emendi għandhom jitqiesu li ġew aċċettati fl-1 ta’ Jannar 2024, u li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2024.

L-SDC 9 qies id-dokument SDC 9/6 (iċ-Ċina), li jipproponi li jiġu mmodifikati l-Proċeduri għall-approvazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ ditta involuta fil-kejl tal-ħxuna tal-istrutturi tal-buq, sabiex l-Amministrazzjonijiet ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt li jwettqu awditjar fuq ditta li twettaq kejl tal-ħxuna tal-istrutturi tal-buq. Wara kunsiderazzjoni, is-Sottokumitat qabel ma’ abbozz ta’ riżoluzzjoni tal-MSC dwar Emendi tal-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, 2011 (il-Kodiċi ESP tal-2011), kif stabbilit fl-Anness 3 tal-SDC 9/16, biex jiġu sottomessi lill-MSC 107 għall-approvazzjoni u għall-adozzjoni sussegwenti.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-SDC 9 kienet li tappoġġa l-proposta.

L-MSC 107 approva abbozzi ta’ emendi tal-Kodiċi ESP tal-2011, bil-ħsieb li jiġu adottati fl-MSC 108.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-MSC 107 kienet li tappoġġa l-proposta.

Għalhekk, l-Unjoni għandha tappoġġa dawn l-emendi minħabba li se jiċċaraw il-Proċeduri għall-approvazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ ditta involuta fil-kejl tal-ħxuna tal-istrutturi tal-buq fl-annessi tal-emendi tal-2019 għall-Kodiċi ESP tal-2011, b’referenza għall-Amministrazzjoni aktar milli b’referenza għal organizzazzjoni rikonoxxuta mill-Amministrazzjoni.

4.4.Emendi tal-Kodiċi Internazzjonali tal-Apparat għas-Salvataġġ tal-Ħajja (LSA)

Fir-rigward tal-emendi tat-tnaqqis minimu u massimu tal-veloċità tal-opri tal-baħar tas-sopravivenza u tad-dgħajjes tas-salvataġġ (il-paragrafi 6.1.2.8 u 6.1.2.10 tal-Kodiċi LSA):

L-MSC 99 qies id-dokument MSC 99/20/2 (il-Ġappun) u qabel li fl-aġenda postbiennali tiegħu jinkludi output dwar “L-iżvilupp ta’ emendi tal-Kodiċi LSA għar-reviżjoni tat-tnaqqis tal-veloċità tal-opri tal-baħar tas-sopravivenza u tad-dgħajjes tas-salvataġġ għall-bastimenti tal-merkanzija”, b’żewġ sessjonijiet meħtieġa biex jitlesta l-punt, filwaqt li s-Sottokumitat tal-SSE ġie assenjat bħala l-korp ta’ koordinazzjoni (MSC 99/22, il-paragrafi 20.14 sa 20.18). Il-Kumitat qabel ukoll li l-emendi li għandhom jiġu żviluppati għandhom japplikaw għall-bastimenti kollha tal-merkanzija li għalihom kien japplika l-Kapitolu III ta’ SOLAS u għat-tagħmir kollu għall-varar li juża rkaptu tar-rilaxx u winċijiet; u l-istrument li għandu jiġi emendat kien il-Kodiċi LSA, il-paragrafu 6.1.2.8.

L-SSE 9, wara li fakkar li l-output kien limitat għal emendi tal-bastimenti tal-merkanzija biss, innota l-konklużjoni tal-Grupp ta’ Ħidma tal-LSA li l-abbozzi tar-rekwiżiti riveduti għat-tnaqqis minimu tal-veloċità tal-opri tal-baħar tas-sopravivenza u tad-dgħajjes tas-salvataġġ ma jkollhom l-ebda effett fuq il-vapuri tal-passiġġieri, li diġà kellhom limitazzjoni tal-għoli tal-gruwa skont ir-Regolament III/24 ta’ SOLAS. Għalhekk, is-Sottokumitat stieden lill-MSC 107 jespandi l-applikazzjoni tal-abbozzi ta’ emendi msemmija hawn fuq għall-Kapitolu VI tal-Kodiċi tal-LSA għall-paragrafi 6.1.2.8 u 6.1.2.10 riveduti u għall-vapuri tal-passiġġieri, sabiex japplika wkoll it-tnaqqis massimu tal-veloċità, filwaqt li nnota li l-Grupp ħejja l-abbozzi ta’ emendi sabiex japplikaw kemm għall-vapuri tal-merkanzija kif ukoll għall-vapuri tal-passiġġieri.

Sussegwentement, is-Sottokumitat qabel ma’ abbozz ta’ riżoluzzjoni tal-MSC dwar emendi tal-Kodiċi LSA għal tnaqqis minimu u massimu tal-veloċità tal-opri tal-baħar tas-sopravivenza u tad-dgħajjes tas-salvataġġ, u l-iskeda ta’ kontroll/monitoraġġ u l-format tar-rekords, kif stabbilit fl-Anness 4 tal-SSE 9/20, bil-ħsieb li jiġu approvati mill-MSC 107 u wara jiġu adottati mill-MSC 108.

L-MSC 107 qabel li jimmodifika l-abbozzi ta’ emendi tal-paragrafu 6.1.2.10 tal-Kodiċi LSA kif issuġġerit fid-dokument MSC 107/14/5 u approva l-abbozzi ta’ emendi tal-Kodiċi LSA (il-paragrafi 6.1.2.8 u 6.1.2.10), bil-ħsieb li jiġu adottati fl-MSC 108.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-MSC 107 kienet li tappoġġa din id-deċiżjoni peress li se ttejjeb is-sikurezza fil-vapuri tal-passiġġieri.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun li tappoġġa l-emendi peress li dawn jippromwovu s-sikurezza marittima billi jirrevedu t-tnaqqis tal-veloċità tal-opri tal-baħar tas-sopravivenza u tad-dgħajjes tas-salvataġġ għall-vapuri tal-passiġġieri.

Fir-rigward tal-emendi tal-prestazzjoni fl-ilma tal-ġkieket tas-salvataġġ (il-paragrafu 2.2.1.6.2 tal-Kodiċi LSA):

L-MSC 101 kien inkluda output fl-aġenda postbiennali tal-Kumitat dwar “L-iżvilupp ta’ emendi tal-Kodiċi LSA u r-riżoluzzjoni MSC.81(70) biex tiġi indirizzata l-prestazzjoni fl-ilma tal-ġkieket tas-salvataġġ ta’ SOLAS”, bl-għan li tittejjeb il-prestazzjoni fl-ilma tal-ġkieket tas-salvataġġ ħalli jiġu mmitigati r-riskji li jeżistu meta l-baħħara jispiċċaw mgħaddsa fl-ilma, b’żewġ sessjonijiet meħtieġa biex jitlesta l-punt, filwaqt li assenja lis-Sottokumitat bħala l-korp ta’ koordinazzjoni.

L-SSE 9 qabel mal-abbozzi ta’ emendi tal-Kapitolu II tal-LSA, kif stabbilit fl-Anness 4 tal-SSE 9/20, bil-ħsieb li jiġu approvati mill-MSC 107 u wara jiġu adottati mill-MSC 108.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-SSE 9 kienet li tappoġġa l-fatt li t-taqsimiet rilevanti tal-SSE 9/3 (l-Annessi 2 u 3 tar-rapport tal-Grupp ta’ Korrispondenza tal-LSA) kif ukoll id-dokumenti ppreżentati f’dan il-punt fl-aġenda jiġu riferuti lill-grupp ta’ ħidma tal-LSA għal analiżi dettaljata bil-ħsieb li jiġu ffinalizzati f’din is-sessjoni.

L-MSC 107 approva l-abbozzi ta’ emendi tal-Kapitolu II tal-Kodiċi LSA dwar il-prestazzjoni fl-ilma tal-ġkieket tas-salvataġġ, bil-ħsieb li jiġu adottati fl-MSC 108.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni kienet li tappoġġa l-fatt li t-taqsimiet rilevanti tal-SSE 9/3 (l-Annessi 2 u 3 tar-rapport tal-Grupp ta’ Korrispondenza tal-LSA) kif ukoll id-dokumenti ppreżentati taħt dan il-punt fl-aġenda jiġu riferuti lill-grupp ta’ ħidma tal-LSA għal analiżi dettaljata bil-ħsieb li jiġu ffinalizzati f’din is-sessjoni.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun li tappoġġa l-emendi peress li dawn jippromwovu s-sikurezza marittima billi jiżguraw prestazzjoni xierqa fl-ilma tal-ġkieket tas-salvataġġ għas-sikurezza tal-baħħara.

Fir-rigward tal-emendi ta’ sistemi uniċi ta’ rilaxx u rbit f’fittings tad-dgħajjes tas-salvataġġ (il-paragrafi 4.4.7.6.8 u 4.4.7.6.17 tal-Kodiċi LSA)

L-MSC 99 qies id-dokument MSC 99/20/2 (il-Ġappun) u qabel li fl-aġenda postbiennali tiegħu jinkludi output dwar “L-iżvilupp ta’ emendi tal-Kodiċi LSA għar-reviżjoni tat-tnaqqis tal-veloċità tal-opri tal-baħar tas-sopravivenza u tad-dgħajjes tas-salvataġġ għall-bastimenti tal-merkanzija”, b’żewġ sessjonijiet meħtieġa biex jitlesta l-punt, filwaqt li s-Sottokumitat tal-SSE ġie assenjat bħala l-korp ta’ koordinazzjoni (MSC 99/22, il-paragrafi 20.14 sa 20.18).

L-SSE 7 qies l-abbozzi ta’ emendi tal-paragrafu 4.4.7.6.17 tal-Kodiċi LSA dwar sistemi uniċi ta’ rilaxx u ta’ rbit b’kapaċità ta’ rilaxx fi stat ta’ tagħbija u qabel mal-abbozzi ta’ emendi, fil-prinċipju (SSE 7/WP.3, l-Anness 5).

L-MSC 106 qies id-dokument MSC 106/11/1 (Bahamas et al.), li jidentifika konsegwenza mhux prevista tat-tħassir propost tal-paragrafu 4.4.7.6.8 fir-rigward tal-ganċijiet fi stat mhux ta’ tagħbija, u qabel li kienet meħtieġa aktar diskussjoni mill-SSE 9. Barra minn hekk, il-Kumitat iddefinixxa mill-ġdid l-ambitu tal-output biex jinkludi subparagrafi oħra tal-paragrafu 4.4.7.6 tal-Kodiċi LSA ħalli jipprovdi ċ-ċarezza meħtieġa għall-applikazzjoni konsistenti tar-rekwiżiti u jtih l-isem ġdid “Emendi tal-Kodiċi LSA li jikkonċernaw sistemi uniċi ta’ rilaxx u ta’ rbit b’kapaċità ta’ rilaxx fi stat ta’ tagħbija”.

L-SSE 9 qabel li jabbozza emendi tal-paragrafi 4.4.7.6.8 u 4.4.7.6.17 (diġà miftiehma mill-SSE 7) tal-Kapitolu IV tal-Kodiċi LSA dwar sistemi uniċi ta’ rilaxx u ta’ rbit, kif stabbilit fl-Anness 4 tal-SSE 9/20, bil-ħsieb li jiġu approvati mill-MSC 107 u wara jiġu adottati mill-MSC 108. F’dan ir-rigward, is-Sottokumitat qabel li l-ganċijiet solidi bi protezzjoni li tittella’ b’molla fuq il-parti t’isfel tal-ganċ għandhom jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-paragrafu 4.4.7.6.8 tal-Kodiċi LSA, kif immodifikati, fejn jerġgħu jiġu ssettjati awtomatikament.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-SSE 9 kienet li tiddiskuti aktar id-dokumenti rilevanti fil-grupp ta’ ħidma.

L-MSC 107 approva abbozzi ta’ emendi tal-paragrafi 4.4.7.6.8 u 4.4.7.6.17 tal-Kodiċi LSA dwar sistemi uniċi ta’ rilaxx u ta’ rbit, bil-ħsieb li jiġu adottati fl-MSC 108.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni kienet li tappoġġa l-emendi.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun li tappoġġa l-emendi fil-Kodiċi LSA peress li dawn jippromwovu s-sikurezza marittima billi jżidu l-istandards tas-sikurezza ta’ sistemi uniċi ta’ rilaxx u rbit bi snanar tar-rilaxx fi stat ta’ tagħbija billi jneħħu l-eżenzjonijiet previsti fil-paragrafu 4.4.7.6.17.

4.5.Emendi tal-Kodiċi Internazzjonali għas-Sistemi tas-Sikurezza kontra n-Nirien (il-Kodiċi FSS)

L-MSC 97 qabel mal-output il-ġdid propost tal-UE dwar in-nirien fuq il-gverti ro-ro tal-vapuri tal-passiġġieri abbażi ta’ studju dwar l-aċċidenti li jseħħu fuq il-vapuri ro-ro tal-passiġġieri, filwaqt li jidentifika 14-il qasam ta’ interventi possibbli għat-titjib u għall-emendar tal-istrumenti.

L-SSE 6 irnexxielu jiffinalizza l-abbozzi tal-linji gwida interim li kienu jinkludu diversi proposti li kienu riżultat dirett taż-żewġ studji ta’ FIRESAFE. Barra minn hekk, l-SSE 6 għamel progress tajjeb fl-iżvilupp ta’ abbozzi ta’ emendi tal-linji gwida riveduti għall-manutenzjoni u l-ispezzjoni ta’ sistemi u tagħmir għall-protezzjoni kontra n-nirien (MSC.1/Circ.1432). Eventwalment, l-MSC 101 approva l-linji gwida interim.

L-SSE 7 approva, fil-prinċipju, l-abbozzi ta’ emendi tal-Kodiċi FSS, il-Kapitoli 7 u 9, filwaqt li qies li l-grupp ta’ korrispondenza se jqis ukoll il-kwistjoni tar-rekwiżiti addizzjonali għas-sistema ta’ detezzjoni tas-sħana lineari fil-Kodiċi FSS.

L-SSE 8 żviluppa aktar l-abbozzi ta’ emendi tal-Kapitolu II-2 ta’ SOLAS u għall-Kodiċi FSS għal vapuri ro-ro tal-passiġġieri ġodda u eżistenti u stabbilixxa mill-ġdid il-Grupp ta’ Korrispondenza dwar il-Protezzjoni kontra n-Nirien biex ikompli jagħmel progress fil-ħidma b’mod intersessjonali, bit-termini ta’ referenza stabbiliti fil-paragrafu 6.26 tad-dokument SSE 8/20, u ta struzzjoni lill-Grupp biex jissottometti rapport għal din is-sessjoni.

L-SSE 9 qabel li jabbozza emendi tal-Kodiċi FSS, kif stabbilit fl-Anness 6 tal-SSE 9/20, bil-ħsieb li jiġu approvati mill-MSC 107 u li wara jiġu adottati mill-MSC 108, flimkien mal-adozzjoni tal-abbozzi ta’ emendi assoċjati ta’ SOLAS.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-SSE 9 kienet li tappoġġa b’mod ġenerali r-rapport tal-Grupp ta’ Korrispondenza dwar il-Protezzjoni kontra n-Nirien (SSE 9/6) u tipproponi li dan id-dokument kif ukoll id-dokument SSE 9/6/1 (il-Ġappun) jiġu riferuti lill-grupp ta’ ħidma dwar il-protezzjoni kontra n-nirien għal aktar diskussjoni dettaljata bil-ħsieb li jiġu ffinalizzati l-emendi tal-Kapitolu II-2 ta’ SOLAS u tal-Kodiċi FSS f’din is-sessjoni.

L-MSC 107 approva l-abbozzi ta’ emendi tal-Kodiċi FSS dwar is-sikurezza kontra n-nirien tal-vapuri ro-ro tal-passiġġieri, bil-ħsieb li jiġu adottati mill-MSC 108 flimkien mal-abbozzi ta’ emendi assoċjati ta’ SOLAS.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni kienet li tappoġġa dawn l-emendi.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun li tappoġġa dawn l-emendi peress li se jippreżentaw benefiċċji sinifikanti għas-sikurezza tal-ħajja fuq il-baħar billi se jtejbu s-sikurezza kontra n-nirien tal-vapuri tal-passiġġieri, u b’mod partikolari tal-vapuri ro-ro tal-passiġġieri.

4.6.Emendi tal-Kodiċi tat-Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa tal-Baħħara (STCW)

L-MSC 105 kien ikkonferma li l-Grupp ta’ Ħidma Tripartitiku Konġunt (JTWG) tal-ILO/OMI għandu jqis l-iżvilupp ta’ dispożizzjonijiet ta’ taħriġ li jindirizzaw il-bullying u l-fastidju fis-settur marittimu, inklużi l-Attakk Sesswali u l-Fastidju Sesswali (SASH), skont it-termini ta’ referenza l-ġodda tiegħu (MSC 105/20, il-paragrafu 16.14.1) u ta struzzjoni lis-Sottokumitat għall-Element Uman, it-Taħriġ u l-Għassa (HTW) biex jiżviluppa u jiffinalizza, bħala kwistjoni ta’ prijorità, id-dispożizzjonijiet ta’ taħriġ tal-STCW li jindirizzaw il-bullying u l-fastidju fis-settur marittimu, inkluż is-SASH, bħala parti mill-output il-ġdid dwar “Rieżami komprensiv tal-Konvenzjoni u l-Kodiċi STCW tal-1978”, filwaqt li jqis il-ħidma li għandha ssir f’koordinazzjoni mal-JTWG.

L-HTW 9 qabel mal-abbozzi ta’ emendi tat-Tabella A-VI/1-4 tal-Kodiċi STCW għall-prevenzjoni u r-rispons għall-bullying u l-fastidju, inklużi s-SASH, kif stabbilit fl-Anness 7 tal-HTW 9/15, għall-approvazzjoni mill-MSC 107 bil-ħsieb li jiġu adottati mill-MSC 108. Is-Sottokumitat qabel ukoll li l-abbozzi ta’ emendi għandhom jitqiesu mill-JTWG u għandhom jiġu riferuti lura għall-HTW 10 għall-kunsiderazzjoni finali, qabel l-adozzjoni tagħhom mill-Kumitat.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-HTW 9 kienet li tappoġġa d-dokumenti HTW 9/7/1 (l-Istati Uniti) u HTW 9/7/8 (il-Bahamas et al.) dwar is-sustanza, filwaqt li jitqies l-HTW 9/7/5 (ir-Repubblika tal-Korea) u tiġi kkonfermata l-importanza li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-fastidju u s-sikurezza psikoloġika, u waqt li jiġi indikat li f’konformità mal-MSC 105, it-tliet dokumenti għandhom jiġu diskussi bħala kwistjoni ta’ prijorità fil-grupp ta’ ħidma qabel ma jitqies ir-rieżami ġenerali.

L-MSC 107 approva abbozzi ta’ emendi tat-Tabella A-VI/1-4 tal-Kodiċi STCW għall-prevenzjoni u r-rispons għall-bullying u l-fastidju, inklużi s-SASH, bil-ħsieb li jiġu adottati fl-MSC 108. F’dan ir-rigward, il-Kumitat innota l-ftehim matul l-HTW 9 biex l-abbozzi ta’ emendi msemmija hawn fuq jiġu riferuti wkoll għat-tieni laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma Tripartitiku Konġunt tal-ILO/OMI biex jiġu identifikati u indirizzati l-kwistjonijiet tal-baħħara u l-element uman (JTAB), għal kunsiderazzjoni u parir għall-MSC 108, qabel ma jiġu adottati f’dik is-sessjoni.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni kienet li tappoġġa l-abbozz ta’ emendi.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun li tappoġġa dawn l-emendi peress li dawn se jiżguraw post tax-xogħol sikur għall-baħħara billi jinkludu fit-Taqsima A-VI/1 dwar “Rekwiżiti minimi obbligatorji għall-familjarizzazzjoni mas-sikurezza, taħriġ u struzzjoni bażiċi għall-baħħara kollha” kompetenza ġdida biex “Jingħata kontribut għall-prevenzjoni u r-rispons għall-bullying u l-fastidju, inklużi l-attakk sesswali u l-fastidju sesswali”.

5.Il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u l-kompetenza tal-UE

5.1.Emendi tal-Artikolu V tal-Protokoll I tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL)

Id-Direttiva 2002/59/KE 1 , kif emendata, tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità. L-Artikolu 17 jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li l-kaptan ta’ bastiment li jbaħħar fir-reġjun tat-tiftix u s-salvataġġ/iż-żona ekonomika esklużiva jew ekwivalenti tagħhom, jirrapporta minnufih lill-istazzjon kostali responsabbli għal dik iż-żona ġeografika: “… (d) kull roqgħa ta’ materjal ta’ tniġġis u kontenituri jew pakketti li jintlemħu jimxu mal-kurrent fil-baħar.” L-iskop huwa li l-awtoritajiet responsabbli (l-Istati kostali affettwati) isiru konxji, sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri f’waqthom. Għalhekk, fil-livell tal-UE, diġà hemm stabbilita sistema obbligatorja (SafeSeaNet) għar-rapportar ta’ kontejners mitlufa. Din is-sistema ta’ rapportar tal-inċidenti ilha prattika stabbilita mill-2012.

Barra minn hekk, id-Direttiva 2009/18/KE li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ aċċidenti fis-settur tat-trasport marittimu 2 tipprevedi li l-korpi tal-investigazzjoni tal-aċċidenti marittimi tal-Istati Membri jiġu infurmati mingħajr dewmien mill-awtoritajiet responsabbli u/jew mill-partijiet involuti, dwar l-okkorrenza tad-diżgrazzji u l-inċidenti kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Dan jinkludi t-telf ta’ kontejners fil-baħar.

Għalhekk, l-emendi tal-Artikolu V tal-Protokoll I tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL) jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv ir-rekwiżiti applikabbli skont id-Direttiva 2002/59/KE u d-Direttiva 2009/18/KE.

5.2.Emendi tal-Anness VI ta’ MARPOL

Id-Direttiva (UE) 2016/802 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi 3 tirrifletti r-rekwiżiti relatati mal-kubrit fil-fjuwil u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Anness VI rivedut ta’ MARPOL.

Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2015/757 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu 4 (ir-Regolament tal-UE dwar l-MRV) jistabbilixxi l-qafas legali għal sistema tal-UE biex timmonitorja, tirrapporta u tivverifika (MRV) l-emissjonijiet GHG. Ir-Regolament għandu l-għan li jipprovdi robusta u verifikabbli dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, jinforma lil dawk li jfasslu l-politika u jistimula l-adozzjoni fis-suq ta’ teknoloġiji u ta’ mġiba effiċjenti fl-enerġija. Dan jagħmlu billi jindirizza l-ostakli tas-suq bħan-nuqqas ta’ informazzjoni. Ir-Regolament daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2015.

Ir-Regolament (UE) 2021/1119 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika (il-Liġi tal-UE dwar il-Klima) 5 jistabbilixxi mira vinkolanti tal-Unjoni dwar il-klima għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra netti — emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti — b’mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-1990. Dan jinkludi wkoll l-għan tan-newtralità klimatika sal-2050 u għan ta’ aspirazzjoni għall-emissjonijiet netti negattivi wara dan iż-żmien.

Abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni tal-pakkett Lesti għall-Mira ta’ 55 % biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, il-leġiżlaturi tal-UE adottaw l-atti legali li ġejjin li jimmiraw speċifikament lejn l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mis-settur tat-tbaħħir:

·ir-reviżjoni tad-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni 6 u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-sistema tal-Unjoni għall-iskema ta’ skambju tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra 7 bid-Direttiva emendatorja (UE) 2023/959 8 biex l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) tiġi estiża għas-settur tat-trasport marittimu li għandha tibda tapplika mill-1 ta’ Jannar 2024 (flimkien mal-emendi meħtieġa għar-Regolament tal-UE dwar l-MRV 9 , biex jiġu riveduti r-regoli ta’ monitoraġġ u rapportar, anke permezz tar-reviżjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni u delegati rilevanti). 

·Ir-Regolament (UE) 2023/1805 jagħmel enfasi fuq l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fis-settur marittimu 10 (ir-Regolament FuelEU Maritime) u jawtorizza li l-użu tagħhom minn bastimenti li jidħlu fil-portijiet tal-UE jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.

Il-konformità mal-obbligi l-ġodda li jirriżultaw mill-estensjoni tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) għat-trasport marittimu u r-Regolament FuelEU Maritime se tibni fuq is-sistema ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika stabbilita mir-Regolament tal-UE dwar l-MRV.

Dawn l-atti tal-UE min-naħa tagħhom huma marbuta b’mod qawwi mal-miżuri tal-OMI dwar il-gassijiet serra bħas-Sistema tal-Ġbir tad-Data tal-OMI, l-Indiċi ta’ Bastiment Eżistenti għall-Effiċjenza Enerġetika (EEXI), u l-Indikatur tal-Intensità tal-Karbonju (CII) li għandhom l-għan li jiġbru u jippubblikaw informazzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika teknika u operazzjonali tal-bastimenti fuq bażi ta’ kull bastiment.

Kwalunkwe miżura tal-OMI dwar kwistjonijiet ta’ gassijiet serra, li se tirrikjedi l-monitoraġġ, il-verifika u r-rapportar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-tbaħħir, tista’ taffettwa r-Regolament tal-UE dwar l-MRV kif ukoll id-Direttiva tal-UE dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet u r-Regolament FuelEU Maritime.

Għalhekk, l-emendi tal-Anness VI ta’ MARPOL jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv ir-rekwiżiti applikabbli skont id-Direttiva (UE) 2016/802, ir-Regolament (UE) 2015/757, id-Direttiva 2003/87/KE, id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 u r-Regolament (UE) 2023/1805.

5.3.Emendi tal-Konvenzjoni għall-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra

Id-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll mill-Istat tal-port 11 għandha l-għan li tiżgura li l-bastimenti jirrispettaw ir-regoli tal-UE u dawk internazzjonali dwar is-sikurezza marittima u l-ambjent u qed tistabbilixxi kriterji komuni għall-ispezzjonijiet tal-bastimenti.

Wara proposta tal-Kummissjoni għar-reviżjoni tad-Direttiva, il-Konvenzjoni għall-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra se tiġi inkluża fil-lista ta’ Konvenzjonijiet (l-Artikolu 2, il-punt 1) li l-uffiċjali tal-kontroll tal-Istat tal-port għandhom jiżguraw l-applikazzjoni tagħha għal bastimenti b’bandiera barranija matul l-ispezzjonijiet tagħhom (l-Artikolu 13). Skont il-ġurisprudenza 12 tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-riskju ta’ effett jikkonċerna mhux biss ir-regoli kif inhuma, iżda wkoll l-iżvilupp futur prevedibbli tagħhom.

Għalhekk, l-emendi tal-Konvenzjoni għall-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv ir-rekwiżiti applikabbli skont id-Direttiva 2009/16/KE.

5.4.Emendi tal-Kapitoli II-1, II-2 u V tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), 1974

L-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE dwar ir-regoli u l-istandards tas-sikurezza għall-vapuri tal-passiġġieri 13 japplika SOLAS għall-vapuri tal-passiġġieri tal-Klassi A, filwaqt li l-Anness I, il-Kapitolu II-2 Il-Protezzjoni, id-Detenzjoni u t-Tifi tan-Nirien jistabbilixxi diversi rekwiżiti u oħrajn estensivi għall-vapuri tal-passiġġieri tal-Klassi B, C u D meta jkunu involuti fi vjaġġi domestiċi.

Barra minn hekk, l-Anness I jinkludi r-Regolamenti II-1/A-1/5 (it-Taqsima 1) u II-1/A-1/3-4 (it-Taqsima 2) li jiddikjaraw li l-bastimenti tal-Klassi B għandhom jiġu pprovduti bi proċedura ta’ rmunkar ta’ emerġenza speċifika għall-bastiment. Tali proċedura għandha tinġarr abbord il-bastiment għall-użu f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u għandha tkun ibbażata fuq arranġamenti u tagħmir eżistenti disponibbli abbord il-bastiment. Dawn ir-regolamenti jirreferu wkoll għal-“Linji Gwida għas-sidien/għall-operaturi dwar it-tħejjija ta’ proċeduri ta’ rmunkar ta’ emerġenza” (MSC.1/Circ.1255).

Id-Direttiva 2002/59/KE, kif emendata, li tirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li l-kaptan ta’ bastiment li jbaħħar fir-reġjun tat-tiftix u s-salvataġġ/iż-żona ekonomika esklużiva jew ekwivalenti tagħhom, jirrapporta minnufih lill-istazzjon kostali responsabbli għal dik iż-żona ġeografika: “… (d) kull roqgħa ta’ materjal ta’ tniġġis u kontenituri jew pakketti li jintlemħu jimxu mal-kurrent fil-baħar.” L-iskop huwa li l-awtoritajiet responsabbli (l-Istati kostali affettwati) isiru konxji, sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri f’waqthom. Għalhekk, fil-livell tal-UE, diġà hemm stabbilita sistema obbligatorja (SafeSeaNet) għar-rapportar ta’ kontejners mitlufa. Din is-sistema ta’ rapportar tal-inċidenti ilha prattika stabbilita mill-2012.

Barra minn hekk, id-Direttiva 2009/18/KE li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ aċċidenti fis-settur tat-trasport marittimu tipprovdi li l-aċċidenti marittimi tal-Istati Membri fis-settur tat-trasport marittimu jipprovdu li l-korpi tal-investigazzjoni tal-aċċidenti marittimi tal-Istati Membri jiġu infurmati mingħajr dewmien mill-awtoritajiet responsabbli u/jew mill-partijiet involuti, dwar l-okkorrenza tad-diżgrazzji u l-inċidenti kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Dan jinkludi t-telf ta’ kontejners fil-baħar.

Għalhekk, l-emendi tal-Kapitoli II-1, II-2 u V tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), 1974 jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv ir-rekwiżiti applikabbli skont id-Direttiva 2009/45/KE, id-Direttiva 2002/59/KE u d-Direttiva 2009/18/KE.

5.5.Emendi tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabilità Baxx (il-Kodiċi IGF)

L-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri involuti fi vjaġġi domestiċi japplika SOLAS, kif emendat, għall-vapuri tal-passiġġieri tal-Klassi A. Peress li l-Kodiċi IGI huwa Kodiċi obbligatorju skont SOLAS, huwa applikabbli wkoll għall-vapuri tal-passiġġieri skont din id-Direttiva.

Barra minn hekk, l-Anness I tad-Direttiva 2009/45/KE jinkludi żewġ Regolamenti relatati ma’ bastimenti li jużaw fjuwils b’punt ta’ fjammabilità baxx:

·ir-Regolament II-1/G/1: applikabbli għall-bastimenti Ġodda tal-Klassi B, C u D [u l-bastimenti eżistenti tal-Klassi B] – “Il-bastimenti, irrispettivament mid-data tal-kostruzzjoni, ikkonvertiti biex jużaw jew li jimpenjaw ruħhom li jużaw fjuwil gassuż jew likwidu li għandu punt ta’ fjammabilità aktar baxx minn dak permess mod ieħor skont ir-Regolament II-2/A/10, is-subparagrafu 1.1, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Kodiċi IGI, kif definit f’SOLAS II-1/2.28.”; u

·r-Regolament II-1/G/57: Ir-rekwiżiti għall-bastimenti li jużaw fjuwils b’punt ta’ fjammabilità baxx – “bastimenti li jużaw fjuwil gassuż jew likwidu li għandhom punt ta’ fjammabilità aktar baxx minn dak permess mod ieħor skont ir-Regolament II-2/4.2.1.1 għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-IGI, kif definit f’SOLAS II-1/2.28.

Għalhekk, l-emendi tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabilità Baxx (il-Kodiċi IGF) jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/45/KE.

5.6.Emendi tal-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, 2011 (il-Kodiċi ESP tal-2011)

Ir-Regolament (UE) Nru 530/2012 dwar l-introduzzjoni aċċellerata ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed 14 jagħmel l-applikazzjoni tal-Iskema tal-Verifika tal-Kondizzjoni (CAS) tal-OMI obbligatorja għal tankers taż-żejt b’buq wieħed li għandhom aktar minn 15-il sena. Il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt jew il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet (ESP) jispeċifika kif għandha ssir din il-valutazzjoni intensifikata. Peress li l-CAS tuża l-ESP bħala l-għodda biex tilħaq l-għan tagħha, kwalunkwe bidla fl-ispezzjonijiet tal-ESP, bħall-emendi kurrenti sabiex l-istħarriġ jiffoka biss fuq żoni ta’ suspett għall-kejl tal-ħxuna fl-ewwel stħarriġ ta’ tiġdid ta’ tankers taż-żejt b’buq doppju, se tkun applikabbli awtomatikament permezz tar-Regolament (UE) Nru 530/2012.

Għalhekk, l-emendi tal-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, 2011 (il-Kodiċi ESP tal-2011) jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 530/2012.

5.7.Emendi tal-Kodiċi Internazzjonali tal-Apparat għas-Salvataġġ tal-Ħajja (LSA)

Id-Direttiva 2014/90/UE dwar tagħmir tal-baħar 15 tiżgura l-moviment liberu ta’ tali tagħmir fl-Unjoni permezz tal-applikazzjoni uniformi tal-istrumenti internazzjonali rilevanti relatati mat-tagħmir tal-baħar li għandu jitqiegħed abbord bastimenti tal-UE. F’dan ir-rigward, ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1667 li jinkludi apparati għas-salvataġġ tal-ħajja u l-ġkieket tas-salvataġġ, fejn isiru referenzi għall-Kodiċi LSA u għar-riżoluzzjoni MSC.81(70).

Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE dwar vapuri tal-passiġġieri li joperaw domestikament japplika SOLAS għall-vapuri tal-passiġġieri tal-Klassi A. Barra minn hekk, f’konformità mal-istess Direttiva, il-bastimenti tal-Klassi B, C u D huma obbligati jaderixxu mad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-Kodiċi LSA u tal-Kapitolu III ta’ SOLAS.

Għalhekk, l-emendi tal-Kodiċi Internazzjonali tal-Apparat għas-Salvataġġ tal-Ħajja (LSA) jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/90/UE u tad-Direttiva 2009/45/KE.

5.8.Emendi tal-Kodiċi Internazzjonali għas-Sistemi tas-Sikurezza kontra n-Nirien (il-Kodiċi FSS)

L-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE japplika SOLAS, kif emendata, inkluż il-Kodiċi Internazzjonali għas-Sistemi tas-Sikurezza kontra n-Nirien (il-Kodiċi FSS), għall-vapuri tal-passiġġieri tal-Klassi A, filwaqt li l-Anness I, il-Kapitolu II-2 Il-Protezzjoni, id-Detezzjoni u t-Tifi tan-Nirien jistabbilixxi rekwiżiti varji u estensivi għall-vapuri tal-passiġġieri tal-Klassi B, C u D meta jkunu involuti fi vjaġġi domestiċi.

Għalhekk, l-emendi tal-Kodiċi Internazzjonali għas-Sistemi tas-Sikurezza kontra n-Nirien (il-Kodiċi FSS) jistgħu jaffettwaw b’mod deċiżiv l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/45/KE.

5.9.Emendi tal-Kodiċi tat-Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa tal-Baħħara (STCW)

Id-Direttiva (UE) 2022/993 tinkorpora l-Konvenzjoni STCW fid-dritt tal-Unjoni. Ir-rekwiżiti ta’ taħriġ u ċertifikazzjoni tal-baħħara huma regolati fid-dritt tal-Unjoni fid-Direttiva (UE) 2022/993. L-Artikolu 3 tad-Direttiva jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-baħħara li jservu fuq il-bastimenti jirċievu taħriġ li, bħala minimu, ikopri r-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW, kif stabbilit fl-Anness I tad-Direttiva, inkluż, meta xieraq, id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Kodiċi STCW (l-Artikolu 1(21) tad-Direttiva).

Għalhekk, l-emendi tal-Kodiċi tat-Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa tal-Baħħara (STCW) jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv l-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2022/993.

5.10.Il-kompetenza tal-UE

Is-suġġett tal-atti previsti jikkonċerna qasam li għalih l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva bis-saħħa tal-aħħar parti tal-Artikolu 3(2) tat-TFUE, peress li l-atti previsti jistgħu “jaffettwaw ir-regoli komuni jew ibiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom”.

6.Bażi legali

6.1.Bażi legali proċedurali

6.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hijiex membru tal-korp jew parti għall-ftehim. 16

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni”. 17

6.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u l-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI huma korpi stabbiliti permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.

L-atti li dawn iż-żewġ kumitati tal-OMI huma mitluba jadottaw jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali. L-atti previsti jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE li ġejja, u b’mod partikolari:

Id-Direttiva 2002/59/KE li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità. Dan għaliex din tirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li l-kaptan ta’ bastiment li jbaħħar fir-reġjun tat-tiftix u s-salvataġġ/iż-żona ekonomika esklużiva jew ekwivalenti tagħhom, jirrapporta minnufih lill-istazzjon kostali responsabbli għal dik iż-żona ġeografika: “… (d) kull roqgħa ta’ materjal ta’ tniġġis u kontenituri jew pakketti li jintlemħu jimxu mal-kurrent fil-baħar.” L-iskop huwa li l-awtoritajiet responsabbli (l-Istati kostali affettwati) isiru konxji, sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri f’waqthom. Għalhekk, fil-livell tal-UE, diġà hemm stabbilita sistema obbligatorja (SafeSeaNet) għar-rapportar ta’ kontejners mitlufa.

Id-Direttiva 2009/18/KE li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ aċċidenti fis-settur tat-trasport marittimu. Dan għaliex din tipprevedi li l-korpi tal-investigazzjoni tal-aċċidenti marittimi tal-Istati Membri jiġu infurmati mingħajr dewmien mill-awtoritajiet responsabbli u/jew mill-partijiet involuti, dwar l-okkorrenza tad-diżgrazzji u l-inċidenti kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Dan jinkludi t-telf ta’ kontejners fil-baħar.

Id-Direttiva (UE) 2016/802 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi. Dan għaliex din tirrifletti r-rekwiżiti relatati mal-kubrit fil-fjuwil u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Anness VI rivedut ta’ MARPOL.

Ir-Regolament (UE) 2015/757 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu. Dan għaliex jistabbilixxi l-qafas legali għal sistema tal-UE għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika (MRV) tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Il-konformità mal-obbligi l-ġodda li jirriżultaw mill-estensjoni tal-EU ETS għat-trasport marittimu u r-Regolament FuelEU Maritime se tibni fuq is-sistema ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika stabbilita mir-Regolament tal-UE dwar l-MRV.

Id-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ skambju tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni, kif emendati t-tnejn li huma bid-Direttiva (UE) 2023/959 li estendiet l-EU ETS għas-settur tat-trasport marittimu. Dan għaliex hija marbuta ħafna mal-miżuri tal-OMI dwar il-gassijiet serra bħas-Sistema tal-Ġbir tad-Data tal-OMI, l-Indiċi ta’ Bastiment Eżistenti għall-Effiċjenza Enerġetika (EEXI), u l-Indikatur tal-Intensità tal-Karbonju (CII) li għandu l-għan li jiġbor u jippubblika informazzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika teknika u operazzjonali tal-bastimenti fuq bażi ta’ kull bastiment.

Ir-Regolament (UE) 2023/1805 dwar l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju fit-trasport marittimu. Dan għaliex din hija marbuta ħafna mal-miżuri tal-OMI dwar il-gassijiet serra bħas-Sistema tal-Ġbir tad-Data tal-OMI, l-Indiċi ta’ Bastiment Eżistenti għall-Effiċjenza Enerġetika (EEXI), u l-Indikatur tal-Intensità tal-Karbonju (CII) li għandu l-għan li jiġbor u jippubblika informazzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika teknika u operazzjonali tal-bastimenti fuq bażi ta’ kull bastiment.

Id-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll tal-Istat tal-port. Dan għaliex, wara proposta tal-Kummissjoni, il-Konvenzjoni għall-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra se tiġi inkluża fil-lista ta’ Konvenzjonijiet (l-Artikolu 2, il-punt 1) li l-uffiċjali tal-kontroll tal-Istat tal-port għandhom jiżguraw li tapplika għal bastimenti b’bandiera barranija matul l-ispezzjonijiet tagħhom (l-Artikolu 13). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-riskju ta’ effett jikkonċerna mhux biss ir-regoli kif inhuma, iżda wkoll l-iżvilupp futur prevedibbli tagħhom.

Id-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri. Dan għaliex l-Artikolu 6(2)(a)(i) japplika SOLAS, kif ukoll il-Kodiċi FSS, għall-vapuri tal-passiġġieri tal-Klassi A, filwaqt li l-Anness I, il-Kapitolu II-2 Il-Protezzjoni, id-Detezzjoni u t-Tifi tan-Nirien jistabbilixxi diversi rekwiżiti u oħrajn estensivi għall-vapuri tal-passiġġieri tal-Klassi B, C u D meta jkunu involuti fi vjaġġi domestiċi. Barra minn hekk, peress li l-Kodiċi IGF huwa Kodiċi obbligatorju skont SOLAS, huwa applikabbli wkoll għall-vapuri tal-passiġġieri skont din id-Direttiva. Il-bastimenti tal-klassi B, C u D huma obbligati wkoll jaderixxu mad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-Kodiċi LSA u tal-Kapitolu III ta’ SOLAS.

Ir-Regolament (UE) Nru 530/2012 dwar l-introduzzjoni aċċellerata ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed. Dan minħabba li jagħmel l-applikazzjoni tal-Iskema ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjoni (CAS) tal-OMI obbligatorja għal tankers taż-żejt b’buq wieħed li għandhom aktar minn 15-il sena. Il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt jew il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet (ESP) jispeċifika kif għandha ssir din il-valutazzjoni intensifikata. Peress li l-CAS tuża l-ESP bħala l-għodda biex tilħaq l-għan tagħha, kwalunkwe bidla fl-ispezzjonijiet tal-ESP, bħall-emendi kurrenti sabiex l-istħarriġ jiffoka biss fuq żoni ta’ suspett għall-kejl tal-ħxuna fl-ewwel stħarriġ ta’ tiġdid ta’ tankers taż-żejt b’buq doppju, se tkun applikabbli awtomatikament permezz tar-Regolament (UE) Nru 530/2012.

Id-Direttiva 2014/90/UE dwar tagħmir tal-baħar. Dan għaliex il-ġkieket ta’ salvataġġ u t-tagħmir għas-salvataġġ kif ukoll ir-Riżoluzzjoni MSC.81(70) jiffurmaw parti mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1667.

Id-Direttiva (UE) 2022/993 dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara. Dan għaliex din tinkorpora l-Konvenzjoni STCW fid-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-Kodiċi STCW.

L-atti previsti ma jissupplimentawx jew ma jemendawx il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

6.2.Bażi legali sostantiva

6.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

6.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma relatati mat-trasport marittimu. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE.

6.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2024/0040 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul il-81 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u l-108 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni ta’ emendi tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL), il-Konvenzjoni għall-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra, il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), il-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabilità Baxx (il-Kodiċi IGF), il-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, 2011 (il-Kodiċi ESP tal-2011), il-Kodiċi Internazzjonali tal-Apparat għas-Salvataġġ tal-Ħajja (LSA), il-Kodiċi Internazzjonali għas-Sistemi tas-Sikurezza kontra n-Nirien (il-Kodiċi FSS) u l-Kodiċi tat-Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa tal-Baħħara (STCW).

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (“OMI”) daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Marzu 1958.

(2)L-OMI hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli għas-sikurezza u għas-sigurtà tat-trasport tal-merkanzija u għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar u tal-arja mill-vapuri. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma membri tal-OMI. L-Unjoni mhijiex membru tal-OMI.

(3)Skont l-Artikolu 38(a) tal-Konvenzjoni dwar l-OMI, il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar iwettaq tali funzjonijiet li huma kkonferiti jew li jistgħu jiġu kkonferiti lill-OMI permezz jew skont konvenzjonijiet internazzjonali għall-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis tal-baħar minn bastimenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-adozzjoni u l-emendar ta’ regolamenti jew ta’ dispożizzjonijiet oħrajn.

(4)Skont l-Artikolu 28(b) tal-Konvenzjoni dwar l-OMI, il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima jipprovdi mekkaniżmi għat-twettiq ta’ kwalunkwe dmir assenjat lilu f’konformità ma’ dik il-Konvenzjoni, mill-Assemblea tal-OMI jew mill-Kunsill tal-OMI, jew ta’ kwalunkwe dmir fl-ambitu ta’ dak l-Artikolu li jista’ jiġi assenjat lill-Kumitat tas-Sikurezza Marittima skont kwalunkwe strument internazzjonali ieħor, u aċċettat mill-OMI.

(5)Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI, fil-81 sessjoni tiegħu mit-18 ta’ Marzu sat-22 ta’ Marzu 2024, għandu jadotta emendi tal-Artikolu V tal-Protokoll I tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL), l-Anness VI ta’ MARPOL dwar fjuwils b’punt ta’ fjammabilità baxx u kwistjonijiet oħra relatati maż-żejt tal-fjuwil, dwar l-aċċessibbiltà tad-data fil-Bażi tad-Data tal-OMI dwar il-Konsum tal-Fjuwil mill-Bastimenti (DCS tal-OMI), u dwar l-inklużjoni ta’ data dwar ix-xogħol tat-trasport u livell imtejjeb ta’ granularità fid-DCS tal-OMI, u dwar il-Konvenzjoni dwar il-Konvenzjoni għall-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra.

(6)Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI, fil-108 sessjoni tiegħu mill-15 ta’ Mejju sal-24 ta’ Mejju 2024, għandu jadotta emendi tal-Kapitoli II-1, II-2 u V tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), 1974, il-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabilità Baxx (il-Kodiċi IGF), il-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, 2011 (il-Kodiċi ESP tal-2011), il-Kodiċi Internazzjonali tal-Apparat għas-Salvataġġ tal-Ħajja (LSA), il-Kodiċi Internazzjonali għas-Sistemi tas-Sikurezza kontra n-Nirien (il-Kodiċi FSS); u t-Taqsima A-VI/1 tal-Kodiċi tat-Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa tal-Baħħara (STCW).

(7)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul l-81 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI, peress li l-atti previsti jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2002/59/KE li tistabbilixxi sistema Komunitarja għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti 18 , id-Direttiva 2009/18/KE li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ aċċidenti fis-settur tat-trasport marittimu 19 , id-Direttiva (UE) 2016/802 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi 20 , ir-Regolament (UE) 2015/757 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu 21 , id-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni 22 , id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ skambju tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni 23 , ir-Regolament (UE) 2023/1805 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu 24 , u d-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll mill-Istat tal-port 25 .

(8)Għalhekk, l-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-emendi tal-Artikolu V tal-Protokoll I tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL) minħabba li huwa importanti li tiġi stabbilita sistema unika ta’ rapportar għat-telf tal-kontejners, biex jiġu evitati rekwiżiti ta’ sottomissjoni duplikati u tiġi evitata l-konfużjoni, li jinvolvi r-riskju li ma jiġux irrapportati kontejners mitlufa fil-baħar.

(9)L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-emendi tal-Anness VI ta’ MARPOL dwar fjuwils b’punt ta’ fjammabilità baxx u kwistjonijiet oħra relatati maż-żejt tal-fjuwil, minħabba li dawn se jsolvu r-rekwiżit għall-ittestjar u jinkludu informazzjoni dwar il-punt ta’ fjammabilità fin-Nota ta’ Kunsinna tal-Bunker (BDN) għal fjuwils b’punt baxx ta’ fjammabilità, li kien inkonsistenti mal-emendi reċenti għall-Kapitolu II-2 ta’ SOLAS adottati fl-MSC 106. L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa wkoll l-emendi tal-Anness VI ta’ MARPOL dwar l-aċċessibbiltà tad-data fil-Bażi tad-Data tal-OMI dwar il-Konsum tal-Fjuwil mill-Bastimenti (DCS tal-OMI), u dwar l-inklużjoni ta’ data dwar ix-xogħol tat-trasport u livell imtejjeb ta’ granularità fid-DCS tal-OMI minħabba li jottimizzaw l-użu tad-DCS għall-benefiċċju tat-tfassil tal-politika dwar id-dekarbonizzazzjoni tat-tbaħħir u huma kompromess fost aċċess usa’ għad-data tad-DCS tal-OMI u l-kontroll tagħha mis-Segretarjat tal-OMI. Minn naħa waħda, l-impriżi ta’ konsulenza analitiċi u l-entitajiet ta’ riċerka jingħataw aċċess għad-data tad-DCS soġġetta għall-approvazzjoni tas-Segretarjat tal-OMI u min-naħa l-oħra, dawn jipprovdu l-possibbiltà għal kwalunkwe kumpanija li tiżvela d-data tad-DCS tal-bastimenti tagħha lill-pubbliku ġenerali fuq bażi volontarja.

(10)L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-emendi tal-Konvenzjoni għall-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra minħabba li se jżidu l-użu tad-diġitalizzazzjoni fuq iż-żamma ta’ kotba tar-rekords elettroniċi skont il-Konvenzjoni.

(11)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul il-108 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI, peress li l-atti previsti jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri 26 , id-Direttiva 2002/59/KE li tistabbilixxi sistema Komunitarja għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti 27 , id-Direttiva 2009/18/KE li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ aċċidenti fis-settur tat-trasport marittimu 28 , ir-Regolament (UE) Nru 530/2012 dwar l-introduzzjoni aċċellerata ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed 29 , id-Direttiva 2014/90/UE dwar tagħmir tal-baħar 30 u d-Direttiva (UE) 2022/993 dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara 31 .

(12)Għalhekk, l-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-emendi tal-Kapitoli II-1, II-2 u V tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), 1974, minħabba li se jżidu b’mod sostanzjali s-sikurezza filwaqt li jiżguraw li l-bastimenti l-ġodda kollha minbarra t-tankers, inklużi l-vapuri tal-passiġġieri, ta’ 20 000 tunnellaġġ gross u aktar għandhom tagħmir xieraq għall-irmunkar f’każ ta’ emerġenza, kif ukoll għat-titjib b’mod ġenerali tal-istandards tas-sikurezza kontra n-nirien tal-vapuri tal-passiġġieri, inklużi l-vapuri ro-ro tal-passiġġieri, u s-sikurezza tal-użu tal-fjuwil taż-żejt fil-vapuri tal-passiġġieri. Dawn se jissimplifikaw ukoll l-ipproċessar tar-rapporti dwar it-telf tal-kontejners sabiex jikkonformaw mal-obbligi regolatorji, jipprevedu rekwiżit ta’ rapportar mill-Istat tal-bandiera lill-OMI, iżidu s-sikurezza tan-navigazzjoni u jipprevjenu t-tniġġis.

(13)L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-emendi tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabilità Baxx (il-Kodiċi IGF) minħabba li dawn se jtejbu s-sikurezza tal-bastimenti, inklużi l-vapuri tal-passiġġieri, bl-użu tal-gass naturali bħala fjuwil.

(14)L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-emendi tal-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, 2011 (il-Kodiċi ESP tal-2011) minħabba li se jimmodifikaw il-Proċeduri għall-approvazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ ditta involuta fil-kejl tal-ħxuna tal-istrutturi tal-buq fl-Annessi tal-emendi tal-2019 tal-Kodiċi ESP tal-2011, b’referenza għall-Amministrazzjoni aktar milli b’referenza għal organizzazzjoni rikonoxxuta mill-Amministrazzjoni. Dan se jgħin biex tiġi ċċarata l-proċedura.

(15)L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-emendi tal-Kodiċi Internazzjonali tal-Apparat għas-Salvataġġ tal-Ħajja (LSA) minħabba li dawn jippromwovu s-sikurezza marittima billi jirrevedu t-tnaqqis tal-veloċità tal-opri tal-baħar tas-sopravivenza u d-dgħajjes tas-salvataġġ għall-vapuri tal-passiġġieri, billi jiżguraw prestazzjoni xierqa fl-ilma tal-ġkieket tas-salvataġġ għas-sikurezza tal-baħħara u billi jżidu l-istandards ta’ sikurezza tas-sistemi uniċi ta’ rilaxx u ta’ rbit b’ganċijiet tar-rilaxx fi stat ta’ tagħbija billi jneħħu l-eżenzjonijiet previsti fil-paragrafu 4.4.7.6.17.

(16)L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-emendi tal-Kodiċi Internazzjonali għas-Sistemi tas-Sikurezza kontra n-Nirien (il-Kodiċi FSS) minħabba li se jippreżentaw benefiċċji sinifikanti għas-sikurezza tal-ħajja fuq il-baħar billi jsaħħu s-sikurezza kontra n-nirien tal-vapuri tal-passiġġieri, u b’mod partikolari tal-vapuri ro-ro tal-passiġġieri.

(17)L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-emendi tat-Taqsima A-VI/1 tal-Kodiċi tat-Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa tal-Baħħara (STCW) minħabba li dawn se jiżguraw post tax-xogħol sikur għall-baħħara billi jinkludu fit-Taqsima A-VI/1 dwar “Rekwiżiti minimi obbligatorji għall-familjarizzazzjoni mas-sikurezza, taħriġ u struzzjoni bażiċi għall-baħħara kollha” kompetenza ġdida biex “Jingħata kontribut għall-prevenzjoni tal-bullying u tal-fastidju, u r-rispons għalihom, inklużi l-attakk sesswali u l-fastidju sesswali”.

(18)Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Assemblea tal-OMI, u mill-Kummissjoni, li jaġixxu b’mod konġunt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-81 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (“OMI”) għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi ta’:

(a)l-Artikolu V tal-Protokoll I tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL), kif stabbilit fl-Anness tad-dokument MEPC 81/3/1 tal-OMI,

(b)l-Anness VI ta’ MARPOL dwar il-fjuwils b’punt ta’ fjammabilità baxx u kwistjonijiet oħra relatati maż-żejt tal-fjuwil, dwar l-aċċessibbiltà tad-data fil-Bażi tad-Data tal-OMI dwar il-Konsum tal-Fjuwil mill-Bastimenti (DCS tal-OMI), u dwar l-inklużjoni ta’ data dwar ix-xogħol tat-trasport u livell imtejjeb ta’ granularità fid-DCS tal-OMI, kif stabbilit fl-Anness għad-dokument MEPC 81/3/2 tal-OMI, u

(c)l-Konvenzjoni għall-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra kif stabbilita fl-anness tad-dokument MEPC 81/3 tal-OMI.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-108 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI għandha tkun li taqbel mal-emendi ta’:

(a)il-Kapitoli II-1, II-2 u V tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), 1974, kif stabbilit fl-annessi 1 u 2 tad-dokument MSC 108/3 tal-OMI,

(b)il-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabilità Baxx (il-Kodiċi IGF), kif stabbilit fl-Anness 3 tad-Dokument MSC 108/3 tal-OMI,

(c)il-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, 2011 (il-Kodiċi ESP tal-2011), kif stabbilit fl-Anness 5 tad-dokument MSC 108/3 tal-OMI,

(d)il-Kodiċi Internazzjonali tal-Apparat għas-Salvataġġ tal-Ħajja (LSA), kif stabbilit fl-Anness 6 tad-dokument MSC 108/3 tal-OMI,

(e)il-Kodiċi Internazzjonali għas-Sistemi tas-Sikurezza kontra n-Nirien (il-Kodiċi FSS) kif stabbilit fl-Anness 7 tad-dokument MSC 108/3 tal-OMI; u

(f)t-Taqsima A-VI/1 tal-Kodiċi tat-Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa tal-Baħħara (STCW) kif stabbilit fl-anness tad-dokument MSC 108/3/2 tal-OMI.

Artikolu 3

1.Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

2.Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 2 għandha tiġi espressa mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI, li jaġixxu b’mod konġunt.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10
(2)    ĠU L 131, 28.5.2009, p. 114
(3)    ĠU L 132, 21.5.2016, p. 58
(4)    ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55
(5)    ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1
(6)    ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32
(7)    ĠU L 264, 9.10.2015, p. 1
(8)    ĠU L 130, 16.5.2023, p. 134
(9)    Ir-Regolament (UE) 2023/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 sabiex tiġi prevista l-inklużjoni tal-attivitajiet tat-trasport marittimu fis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet u għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra addizzjonali u emissjonijiet minn tipi ta’ bastimenti addizzjonali, ĠU L 130, 16.5.2023, p. 105
(10)    ĠU L 234, 22.9.2023, p. 48
(11)    ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57
(12)    L-Opinjoni 1/03 tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 2006, il-Konvenzjoni ta’ Lugano, il-punt 126.
(13)    ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1
(14)    ĠU L 172, 30.6.2012, p. 3
(15)    ĠU L 257, 28.8.2014, p. 146
(16)    Il-Kawża C-399/12 Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (OIV), ECLI:EU:C:2014:2258, il-punt 64.
(17)    Il-Kawża C-399/12 Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (OIV), ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(18)    ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10
(19)    ĠU L 131, 28.5.2009, p. 114
(20)    ĠU L 132, 21.5.2016, p. 58
(21)    ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55
(22)    ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32
(23)    ĠU L 264, 9.10.2015, p. 1
(24)    ĠU L 234, 22.9.2023, p. 48
(25)    ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57
(26)    ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1
(27)    ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10
(28)    ĠU L 131, 28.5.2009, p. 114
(29)    ĠU L 172, 30.6.2012, p. 3
(30)    ĠU L 257, 28.8.2014, p. 146
(31)    ĠU L 169, 27.6.2022, p. 45
Top