EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0029

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1173 fir-rigward ta’ inizjattiva tal-EuroHPC għan-negozji ġodda biex tingħata spinta lit-tmexxija Ewropea f’Intelliġenza Artifiċjali affidabbli

COM/2024/29 final

Brussell, 16.2.2024

COM(2024) 29 final/2

2024/0016(NLE)

CORRIGENDUM
This document corrects COM(2024)29 final of 24.1.2024
Concerns all languages versions
Change of interinstitutional acronym
The text shall read as follows:

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1173 fir-rigward ta’ inizjattiva tal-EuroHPC għan-negozji ġodda biex tingħata spinta lit-tmexxija Ewropea f’Intelliġenza Artifiċjali affidabbli


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1173 1 , li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1488 2 , jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew u jistabbilixxi l-missjoni u l-objettivi tagħha. L-Impriża Konġunta għandha l-missjoni li tiżviluppa, timplimenta, testendi u żżomm fl-Unjoni ekosistema tal-infrastruttura federata, sigura u iperkonnessa ta’ livell dinji ta’ supercomputing, computing kwantistiku, servizzi u data; li tappoġġa l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ sistemi innovattivi u kompetittivi tas-supercomputing orjentati lejn id-domanda u mmexxija mill-utenti, abbażi ta’ katina tal-provvista li tiżgura d-disponibbiltà ta’ komponenti, teknoloġiji u għarfien, tillimita r-riskju ta’ interruzzjoni, u tippermetti l-iżvilupp ta’ firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet ottimizzati għal dawn is-sistemi; u li twessa’ l-użu ta’ din l-infrastruttura tas-supercomputing għal numru kbir ta’ utenti pubbliċi u privati, u li tappoġġa t-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi doppji u l-iżvilupp tal-ħiliet ewlenin għax-xjenza u l-industrija Ewropej.

Fid-diskors tagħha tal-2023 dwar l-Istat tal-Unjoni 3 , il-President Ursula von der Leyen ħabbret inizjattiva ġdida biex il-kapaċità tas-supercomputing tal-Unjoni ssir disponibbli għan-negozji ġodda innovattivi Ewropej tal-intelliġenza artifiċjali (AI) affidabbli ħalli jħarrġu l-mudelli tagħhom. Dawn il-mudelli jeħtieġu ammonti sostanzjali ta’ qawwa komputazzjonali biex iħarrġu u jorqmu l-aktar mudelli pedamenti avvanzati ħalli jkunu jistgħu jaħtfu l-potenzjal kollu tal-AI, rekwiżit li jista’ jinkiseb biss bis-supercomputing.

Billi l-aktar kapaċità b’saħħitha fl-Unjoni ta’ supercomputing ta’ livell dinji tinsab fil-faċilitajiet tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew (EuroHPC) (l-“Impriża Konġunta”), hemm bżonn dawn il-faċilitajiet biex tkun tista’ titwettaq din l-inizjattiva. Għaldaqstant, qed jiġi propost li jiddaħħal objettiv ieħor għall-Impriża Konġunta, li jkun ikopri l-kontribut li jagħtu s-supercomputers għal din l-inizjattiva l-ġdida tal-Unjoni dwar l-AI.

B’dan l-objettiv il-ġdid, l-Impriża Konġunta tkun tista’ tappoġġa l-iżvilupp ulterjuri ta’ ekosistema kompetittiva u innovattiva ħafna fl-Ewropa ta’ negozji ġodda u tar-riċerka fl-AI, inkluż l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ soluzzjoni Ewropea tal-AI, bit-tħaddim ta’ Fabbriki tal-AI. Dan se jkun jikkonsisti fl-implimentazzjoni u t-tħaddim ta’ supercomputers iddedikati għall-AI kolokalizzati ma’ ċentri tad-data kbar jew konnessi ma’ ċentri tad-data permezz ta’ networks b’veloċità għolja ħafna, filwaqt li jitjieb il-prestazzjoni ta’ dawn is-supercomputers b’aġġornamenti regolari tal-kapaċitajiet tal-AI tagħhom; u l-forniment ta’ servizzi ddedikati tas-supercomputing orjentati lejn l-AI b’appoġġ għall-ekosistema tan-negozji ġodda, ix-xjenza u l-innovazzjoni tal-AI għat-taħriġ u l-iżvilupp fuq skala kbira ta’ mudelli u sistemi tal-AI affidabbli u etiċi, u tal-komunitajiet tal-utenti tal-AI għall-iżvilupp, il-validazzjoni u t-tħaddim ta’ applikazzjonijiet emerġenti tal-AI, b’mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa u l-kura, it-tibdil fil-klima, ir-robotika, u s-sewqan konness u awtomatizzat. Dan se jrawwem ukoll akkumulu tal-iżvilupp tat-talent li jipprovdi attivitajiet avvanzati tal-edukazzjoni, tat-taħriġ, tal-għoti tal-ħiliet u tat-taħriġ mill-ġdid lill-partijiet ikkonċernati rilevanti tal-AI. Il-Fabbriki tal-AI se jibnu sinerġiji fil-livell tal-UE u se jiffederaw u jikkooperaw ma’ inizjattivi rilevanti oħra tal-Unjoni dwar l-AI, bħall-pjattaforma tal-Intelliġenza Artifiċjali On-Demand, il-Faċilitajiet għall-Ittestjar u l-Esperimentazzjoni tal-AI, iċ-Ċentri ta’ Kompetenza tal-EuroHPC, iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza tal-EuroHPC, u kull inizjattiva Ewropea emerġenti oħra dwar l-AI. B’dawn il-bidliet, l-Impriża Konġunta se tkun tista’ toffri qawwa komputazzjonali u servizzi mfassla apposta li jrawmu t-taħriġ u l-iżvilupp tal-AI fuq skala kbira fl-Unjoni, li r-Regolament attwali ma jipprevedix b’mod speċifiku.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta għandha l-objettiv li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1173 tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1488, ħalli l-Unjoni tkun tista’ tirrispondi għal żviluppi teknoloġiċi u ħtiġijiet strateġiċi ġodda, jiġifieri l-iżvilupp ta’ softwares u infrastrutturi tal-AI, u għall-ħtieġa li t-teknoloġiji tas-supercomputing jinfetħu għan-negozji ġodda.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta tikkonforma għalkollox ma’ politiki oħra tal-Unjoni, speċjalment dawk il-politiki promulgati fil-prijorità tal-Kummissjoni “Ewropa lesta għall-era diġitali”.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika tar-Regolament emendat propost hija l-Artikolu 187 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 188 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sussidjarjetà

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma tkunx fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1173 jikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà peress li l-objettivi tiegħu, jiġifieri t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni, l-akkwist ta’ supercomputers u kompjuters kwantistiċi, u l-aċċess għall-infrastruttura tal-computing ta’ prestazzjoni għolja, tal-computing kwantistiku u tad-data madwar l-Unjoni permezz ta’ Impriża Konġunta, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda, biex tkun evitata d-duplikazzjoni bla bżonn, tinżamm il-massa kritika u jkun żgurat li l-finanzjament pubbliku jintuża bl-aqwa mod, jistgħu pjuttost jintlaħqu aħjar fil-livell tal-UE.

Fl-aħħar snin, minbarra ż-żieda fl-importanza tal-HPC għax-xjenza, is-settur pubbliku u s-settur privat kellna żieda esponenzjali fil-livell tal-investiment meħtieġ biex wieħed jibqa’ kompetittiv madwar id-dinja. Dan jaggrava biż-żieda riċenti fil-kost tal-aċċelleraturi li huma indispensabbli biex wieħed jibqa’ kompetittiv fix-xenarju dinji, għall-iżvilupp u t-taħriġ tal-mudelli l-kbar tal-Intelliġenza Artifiċjali. Dan wassal għal rikonoxximent wiesa’ li l-għoti ta’ infrastruttura kondiviża u l-użu komuni tal-kapaċitajiet eżistenti jkunu ta’ benefiċċju għall-komunità Ewropea tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-Istati Membri kollha. Dan jinkludi lill-Istati Membri li jaf isibu diffikultajiet biex joħolqu infrastrutturi nazzjonali tal-HPC li jkunu awtosuffiċjenti, filwaqt dawn jistgħu jagħtu kontribut siewi lill-kapaċitajiet tal-HPC federati u interkonnessi fil-livell tal-UE u jibbenefikaw minnhom.

Bl-emenda proposta, l-Impriża Konġunta se tkun tista’ tipprovdi l-kapaċità tas-supercomputing tagħha lin-negozji ġodda Ewropej innovattivi, biex irawmu l-iżvilupp, l-ittestjar u l-validazzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-AI, biex jinfetħu l-bibien għal taħriġ u żvilupp fuq skala kbira ta’ mudelli u sistemi tal-AI bi skop ġenerali, affidabbli u etiċi, u b’hekk tissaħħaħ il-kompetittività u l-bażi industrijali tal-Ewropa fl-AI. B’azzjoni komuni ta’ dan it-tip fil-livell tal-Unjoni biss tista’ ttejjeb is-sigurtà ekonomika u s-sovranità teknoloġika tal-Unjoni u tingrana l-għodod u s-setgħat regolatorji tagħha biex issawwar regoli u standards dinjin fl-AI, u fl-istess ħin tgħin b’mod sinifikanti għall-adozzjoni tal-AI fl-industrija, fir-riċerka u fis-servizzi pubbliċi Ewropej.

Proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għax tikkonsisti f’qafas ta’ koperazzjoni effettiv, adattat għall-oqsma kollha ta’ intervent ta’ din l-inizjattiva, ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jissolvew il-problemi identifikati u hija proporzjonata għall-objettivi tagħha.

Għażla tal-istrument

Il-ħolqien u t-tħaddim ta’ Impriża Konġunta li fiha tipparteċipa l-Unjoni jeħtieġu Regolament tal-Kunsill, li għalih issa qed tiġi proposta emenda.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Mhux applikabbli. Din hija emenda għal Regolament eżistenti, u għalhekk, ma saru l-ebda evalwazzjoni ex post, konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, jew valutazzjoni tal-impatt.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ma hemmx bżonn riżorsi addizzjonali mill-baġit tal-UE, iżda l-miżuri proposti jikkonċernaw riallokazzjoni tar-riżorsi disponibbli fl-Impriża Konġunta.

5.ELEMENTI OĦRA

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-emenda għar-Regolament twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha biex tintroduċi objettiv ieħor mas-sitt objettivi eżistenti tal-Impriża Konġunta, jiġifieri dak li: tiżviluppa u tħaddem il-Fabbriki tal-AI b’appoġġ għall-iżvilupp ulterjuri ta’ ekosistema tal-AI kompetittiva u innovattiva ħafna fl-Unjoni. Dan l-objettiv qed jiġi inkluż bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-kunsiderazzjonijiet u r-rekwiżiti uniċi assoċjati mal-implimentazzjoni u t-tħaddim tas-sistemi komputazzjonali meħtieġa għall-iżvilupp, it-taħriġ u t-tħaddim ta’ mudelli tal-AI fuq skala kbira. Jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-emenda tintroduċi bidla waħda: l-inklużjoni tal-Fabbriki tal-AI fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.

Dan hu rispons għall-iżviluppi teknoloġiċi u regolatorji ewlenin fil-qasam tal-AI li ġraw tul iż-żmien minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament oriġinali fl-2021.

L-emenda ma taffettwax l-obbligi tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Impriża Konġunta biex jikkonformaw mal-prinċipji tal-għajnuna mill-Istat. Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1173 diġà jinkludi dispożizzjonijiet f’dan ir-rigward: fil-Premessa (59) tiegħu jispeċifika li kull finanzjament mill-programmi tal-Unjoni jenħtieġ li jkun konsistenti mal-prinċipji tal-għajnuna mill-Istat ħalli tkun żgurata l-effettività tal-infiq pubbliku u jkunu evitati d-distorsjonijiet tas-suq; u fl-Artikolu 7 jispeċifika li l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri lill-benefiċjarji tagħhom jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, il-punt 3b il-ġdid propost tal-Artikolu 2 3b jippreżenta d-definizzjoni ta’ supercomputer iddedikat għall-AI u l-punt 3c ta’ dan l-Artikolu jippreżenta d-definizzjoni ta’ Fabbrika tal-AI. Il-punt 9 tal-Artikolu 2 qed jiġi emendat biex jinkludi s-supercomputers iddedikati għall-AI bħala kategorija oħra ta’ supercomputers tal-EuroHPC. Il-punt h ġdid tal-Artikolu 3(2) jippreżenta l-objettiv il-ġdid tal-Impriża Konġunta li tiżviluppa u tħaddem il-Fabbriki tal-AI b’appoġġ għall-iżvilupp ulterjuri ta’ ekosistema tal-AI kompetittiva u innovattiva ħafna fl-Unjoni, filwaqt li jiżdied punt h ġdid mal-Artikolu 4(1) li jiddefinixxi l-pilastru l-ġdid tal-attività tal-Impriża Konġunta ffokat fuq l-AI. Anki l-Artikolu 9(5), il-punt g, l-Artikolu 10(2), il-punt (1), l-Artikoli 16(1) u 17(1) huma emendati f’dan ir-rigward.

Artikolu 12a l-ġdid ikopri dispożizzjonijiet għall-akkwist u s-sjieda tas-supercomputers iddedikati għall-AI mill-Impriża Konġunta. L-Artikoli 16(1b) u 16(2b) jistabbilixxu kif se jintużaw dawn is-supercomputers, u l-kundizzjonijiet tal-aċċess għalihom.

L-Artikolu 15 qed jiġi adattat biex jipprovdi aktar flessibbiltà fl-aġġornamenti tas-supercomputers eżistenti tal-EuroHPC, inkluż biex jittejbu l-kapaċitajiet tal-Intelliġenza Artifiċjali tagħhom. L-Artikolu 15 oriġinali tal-EuroHPC kien maħsub biex jippermetti aġġornament fil-ħin tas-supercomputers ħalli jiġu estiżi l-kapaċitajiet jew il-ħajja operattiva tagħhom. Dan stabbilixxa limiti ċari biex jissokta l-investiment ta’ prijorità fl-akkwist ta’ supercomputers ġodda. Iżda dan il-limitu xekkel il-perkors biex jinħataf l-akbar vantaġġ tas-supercomputers eżistenti tal-EuroHPC biex jiġi massimizzat ir-redditu fuq l-investiment. L-implimentazzjoni tal-infrastruttura tas-supercomputing tal-EuroHPC ittardjat b’xi sentejn minħabba l-kriżi tal-COVID, b’mod partikolari minħabba l-iskarsezza tal-mikroproċessuri. Peress li s-supercomputers tal-EuroHPC ma laħqux it-tmiem tal-ħajja operattiva tagħhom, ikun ferm aktar kosteffettiv jekk jiġu aġġornati l-kapaċitajiet tas-supercomputers eżistenti tal-EuroHPC minflok jiġu akkwistati supercomputers ġodda bi prestazzjoni komputazzjonali suffiċjenti.

2024/0016 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1173 fir-rigward ta’ inizjattiva tal-EuroHPC għan-negozji ġodda biex tingħata spinta lit-tmexxija Ewropea f’Intelliġenza Artifiċjali affidabbli

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 187 u l-Artikolu 188, l-ewwel paragrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 4 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 5 ,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2024/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (l-“Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali”) għandu l-għan li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern billi jistabbilixxi qafas legali uniformi b’mod partikolari għall-iżvilupp, il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali f’konformità mal-valuri tal-Unjoni.

(2)Minn meta ġie adottat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1173 7 fl-2021 sal-lum, il-qasam tal-intelliġenza artifiċjali (AI) avvanza immens teknikament, u sar dominju strateġiku u kkontestat ħafna madwar id-dinja. L-Unjoni tinsab fuq quddiem nett fl-isforzi biex tappoġġa l-innovazzjoni responsabbli f’AI affidabbli, u fl-istess waqt qed tistabbilixxi lqugħ regolatorju u tiżviluppa governanza effettiva.

(3)Fit-13 ta’ Settembru 2023, bħala parti minn approċċ komprensiv li jappoġġa l-innovazzjoni responsabbli fl-AI, il-Kummissjoni ħabbret inizjattiva strateġika ġdida biex tagħmel il-kapaċità komputazzjonali ta’ prestazzjoni għolja tal-Unjoni disponibbli għan-negozji ġodda Ewropej innovattivi f’AI affidabbli biex ikunu jistgħu jħarrġu l-mudelli tagħhom. Dan jikkumplimenta l-ħidma dwar l-istabbiliment ta’ lqugħ regolatorju għall-AI permezz tar-Regolament (UE) 2024/… , li jistabbilixxi strutturi ta’ governanza, u jappoġġa l-innovazzjoni skont il-Pjan Ikkoordinat dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.  

(4)Billi l-aktar kapaċità b’saħħitha fl-Unjoni ta’ supercomputing ta’ livell dinji tinsab fil-faċilitajiet tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew (l-“Impriża Konġunta”), dawk il-faċilitajiet jenħtieġ li jkunu disponibbli biex l-inizjattiva tal-Kummissjoni tkun tista’ titwettaq. Għalhekk jeħtieġ jiddaħħal objettiv ieħor mas-sitt objettivi eżistenti tal-Impriża Konġunta; objettiv li jkopri l-kontribut tas-supercomputers tagħha għall-inizjattiva l-ġdida tal-Unjoni dwar l-AI.

(5)Bl-objettiv il-ġdid, l-Impriża Konġunta tkun tista’ twettaq attivitajiet fid-dominji tal-akkwist u t-tħaddim ta’ supercomputers jew partizzjonijiet ta’ supercomputers iddedikati għall-AI biex il-magni jkunu jistgħu jitgħallmu malajr u l-mudelli pedamenti kbar tal-AI kbar jiġu mħarrġa. L-Impriża Konġunta jenħtieġ li tkun tista’ toħloq ukoll mod ta’ aċċess ġdid għar-riżorsi tal-computing tagħha għan-negozji ġodda tal-AI u għall-komunità xjentifika aktar wiesgħa attiva fl-AI, u tiżviluppa applikazzjonijiet iddedikati tal-AI li jkunu ottimizzati biex jaħdmu fuq is-supercomputers tagħha. B’dawk il-bidliet, l-Impriża Konġunta tkun tista’ toffri qawwa komputazzjonali u servizzi mfassla apposta li jħeġġu t-taħriġ u l-iżvilupp u l-adozzjoni tal-AI fuq skala kbira fl-Unjoni, li mhux fattibbli bir-Regolament attwali.

(6)Biex id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi allinjata mad-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2024/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali, jenħtieġ li dan japplika mingħajr dewmien żejjed.

(7)Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2021/1173 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2021/1173 huwa emendat kif ġej:

(1)l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)jiddaħħlu l-punti (3b) u (3c) li ġejjin:

“(3b) “supercomputer iddedikat għall-Intelliġenza Artifiċjali” tfisser supercomputer li jkun iddisinjat qabelxejn għat-taħriġ ta’ mudelli tal-intelliġenza artifiċjali fuq skala kbira, bi skop ġenerali, u ta’ applikazzjonijiet emerġenti tal-intelliġenza artifiċjali;

(3c) “Fabbrika tal-Intelliġenza Artifiċjali” tfisser entità ċentralizzata jew distribwita li tipprovdi infrastruttura ta’ servizzi tas-supercomputing tal-Intelliġenza Artifiċjali u li tkun magħmula minn supercomputer iddedikat għall-Intelliġenza Artifiċjali jew partizzjoni ta’ supercomputer għall-Intelliġenza Artifiċjali, ċentru tad-data assoċjat, aċċess apposta, u servizzi tas-supercomputing orjentati lejn l-intelliġenza artifiċjali u li tattira u takkumula t-talent biex tipprovdi l-kompetenzi meħtieġa fl-użu tas-supercomputers għall-Intelliġenza Artifiċjali;”;

(b)il-punt (9) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(9) “supercomputer tal-EuroHPC” tfisser kull sistema tal-computing li tkun proprjetà kollha kemm hi tal-Impriża Konġunta jew li tkun koproprjetà ma’ Stati Parteċipanti oħra jew ma’ konsorzju ta’ sħab privati, li tista’ tkun supercomputer klassiku (supercomputer ta’ livell għoli, supercomputer ta’ grad industrijali, supercomputer iddedikat għall-Intelliġenza Artifiċjali jew supercomputer ta’ livell medju), kompjuter ibridu klassiku kwantistiku, kompjuter kwantistiku jew simulatur kwantistiku;”;

(2)fl-Artikolu 3(2), jiżdied il-punt (h) li ġej:

“(h) tiżviluppa u topera l-Fabbriki tal-Intelliġenza Artifiċjali b’appoġġ għall-iżvilupp ulterjuri ta’ ekosistema tal-Intelliġenza Artifiċjali kompetittiva u innovattiva ħafna fl-Unjoni”;

(3)fl-Artikolu 4(1), jiżdied il-punt (h) li ġej:

“(h) pilastru tal-Fabbrika tal-Intelliġenza Artifiċjali għal Intelliġenza Artifiċjali affidabbli u etika, li jkopri l-attivitajiet għall-għoti ta’ infrastruttura ta’ servizzi tas-supercomputing orjentata lejn l-Intelliġenza Artifiċjali li tkun maħsuba biex tkompli tiżviluppa l-kapaċitajiet tal-innovazzjoni u l-ħiliet tal-ekosistema tal-Intelliġenza Artifiċjali; dan għandu jinkludi l-attivitajiet li ġejjin:

(i)l-akkwist u t-tħaddim ta’ supercomputers iddedikati għall-Intelliġenza Artifiċjali kolokalizzati ma’ ċentri tad-data kbar jew konnessi ma’ ċentri tad-data permezz ta’ networks b’veloċità għolja ħafna;

(ii)l-aġġornament tas-supercomputers eżistenti tal-EuroHPC b’kapaċitajiet tal-Intelliġenza Artifiċjali;

(iii)l-għoti ta’ aċċess għal supercomputers iddedikati għall-Intelliġenza Artifiċjali jew għas-supercomputers tal-EuroHPC aġġornati bl-Intelliġenza Artifiċjali, inkluż li l-użu tagħhom jinfetaħ għal għadd kbir ta’ utenti pubbliċi u privati, inkluż għan-negozji ġodda u l-intrapriżi żgħar u medji;

(iv)it-tħaddim ta’ ċentri ċentralizzati jew distribwiti ta’ servizzi tas-supercomputing orjentati lejn l-Intelliġenza Artifiċjali b’appoġġ għall-ekosistema tan-negozji ġodda u tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali li tipprovdi appoġġ algoritmiku, appoġġ għall-iżvilupp, it-taħriġ, l-ittestjar, l-evalwazzjoni u l-validazzjoni ulterjuri ta’ mudelli u sistemi tat-taħriġ tal-Intelliġenza Artifiċjali, u appoġġ għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet emerġenti tal-Intelliġenza Artifiċjali fuq skala kbira f’oqsma strateġiċi bħas-saħħa u l-kura, it-tibdil fil-klima, ir-robotika, jew is-sewqan konness u awtomatizzat.

(v)it-tħaddim ta’ faċilitajiet tal-programmazzjoni kompatibbli mas-supercomputers, inkluż għall-parallelizzazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-Intelliġenza Artifiċjali biex jiġi ottimizzat l-użu tal-kapaċitajiet tas-supercomputing;

(vi)it-tħaddim ta’ servizzi oħra tas-supercomputing li jippermettu l-Intelliġenza Artifiċjali;

(vii)l-attrazzjoni, l-akkumulu u t-taħriġ tat-talent biex jiġu żviluppati l-kompetenzi u l-ħiliet tagħhom fl-użu tas-supercomputers tal-EuroHPC għall-Intelliġenza Artifiċjali;

(viii)l-interazzjoni mal-Fabbriki l-oħra tal-Intelliġenza Artifiċjali, l-aċċessibbiltà tas-servizzi tagħhom madwar l-Ewropa, u l-koperazzjoni maċ-Ċentri ta’ Kompetenza u ċ-Ċentri ta’ Eċċellenza tal-EuroHPC, u mal-inizjattivi rilevanti tal-Intelliġenza Artifiċjali tal-Unjoni, bħaċ-ċentri tan-negozji ġodda tal-Intelliġenza Artifiċjali, l-ekosistemi tal-Intelliġenza Artifiċjali u tad-data, il-Faċilitajiet għall-Ittestjar u l-Esperimentazzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali, il-pjattaforma ċentrali Ewropea tal-Intelliġenza Artifiċjali, iċ-Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali orjentati lejn l-Intelliġenza Artifiċjali, l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u l-Għarfien Teknoloġiku u l-Komunitajiet tal-Innovazzjoni relatati mal-Intelliġenza Artifiċjali, l-infrastrutturi Ewropej rilevanti tar-riċerka u inizjattivi relatati oħra.

(4)fl-Artikolu 9(5), jiżdied il-punt (g) li ġej:

“(g) għas-supercomputers iddedikati għall-Intelliġenza Artifiċjali, għandhom japplikaw il-kriterji tal-għażla addizzjonali li ġejjin għall-entitajiet tal-hosting:

(i)il-qrubija ma’ ċentru tad-data stabbilit;

(ii)il-viżjoni, il-pjanijiet u l-kapaċità tal-entità tal-hosting li tindirizza l-isfidi tal-ekosistema tan-negozji ġodda u r-riċerka u l-innovazzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali u l-komunità tal-utenti tal-Intelliġenza Artifiċjali u tipprovdi servizz ċentralizzat jew distribwit ta’ supercomputing orjentat lejn l-Intelliġenza Artifiċjali;

(iii)il-kwalità u l-pertinenza tal-esperjenza u l-għarfien disponibbli fit-tim maħsub li jkun responsabbli għall-ambjent ta’ appoġġ tas-servizz tas-supercomputing orjentat lejn l-Intelliġenza Artifiċjali;

(iv)il-pjanijiet għall-interazzjoni u l-koperazzjoni ma’ Fabbriki oħra tal-Intelliġenza Artifiċjali, maċ-Ċentri ta’ Kompetenza tal-EuroHPC u ċ-Ċentri ta’ Eċċellenza tal-EuroHPC, u ma’ attivitajiet rilevanti tal-Intelliġenza Artifiċjali bħaċ-ċentri tan-negozji ġodda tal-Intelliġenza Artifiċjali, l-ekosistemi tal-Intelliġenza Artifiċjali u d-data, il-Faċilitajiet għall-Ittestjar u l-Esperimentazzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali, il-pjattaforma ċentrali Ewropea tal-Intelliġenza Artifiċjali, iċ-Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali orjentati lejn l-Intelliġenza Artifiċjali u inizjattivi oħra relatati;

(v)il-kapaċitajiet eżistenti u l-pjanijiet futuri tal-entità tal-hosting biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-akkumulu tat-talent”;

(5)fl-Artikolu 9, jiżdied il-paragrafu (6a) li ġej:

“(6a) Għas-supercomputers iddedikati għall-Intelliġenza Artifiċjali msemmija fl-Artikolu 12a, l-entità tal-hosting għandha toħloq punt uniku tas-servizz għan-negozji ġodda u utenti oħra biex tiffaċilita l-aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ tagħha.”;

(6)fl-Artikolu 10(2), il-punt (l) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(l) il-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli meta l-entità tal-hosting topera supercomputer tal-EuroHPC għall-użu industrijali, jew supercomputer iddedikat għall-Intelliġenza Artifiċjali.”;

(7)jiddaħħal l-Artikolu 12a li ġej:

Artikolu 12a

Akkwist u sjieda ta’ supercomputers iddedikati għall-Intelliġenza Artifiċjali

1.L-Impriża Konġunta għandha takkwista supercomputers iddedikati għall-Intelliġenza Artifiċjali u għandha tkun is-sid tagħhom.

2.Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) għandha tkopri sa 50% tal-kostijiet tal-akkwist flimkien ma’ sa 50% tal-kostijiet operatorji tas-supercomputers iddedikati għall-Intelliġenza Artifiċjali.

Il-kost totali li jifdal tas-sjieda tas-supercomputers iddedikati għall-Intelliġenza Artifiċjali għandu jkoprih l-Istat Parteċipanti fejn tkun stabbilita l-entità tal-hosting jew l-Istati Parteċipanti fil-konsorzju tal-hosting, possibbilment issupplimentat bil-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6.

3.L-għażla tal-fornitur tas-supercomputers iddedikati għall-Intelliġenza Artifiċjali għandha tiġi bbażata fuq speċifikazzjonijiet tal-offerta li għandhom ikunu mmexxija mid-domanda, għandha tqis ir-rekwiżiti tal-utenti u l-ispeċifikazzjonijiet ġenerali tas-sistema pprovduti mill-entità tal-hosting magħżula fl-applikazzjoni tagħha għas-sejħa għal espressjoni ta’ interess. L-għażla għandha tindirizza wkoll is-sigurtà tal-katina tal-provvista.

4.L-Impriża Konġunta tista’ tkun l-ewwel utent tas-supercomputers iddedikati għall-Intelliġenza Artifiċjali li jintegraw teknoloġiji żviluppati primarjament fl-Unjoni.

5.Jekk ikun debitament ġustifikat għal raġunijiet ta’ sigurtà, fil-programm ta’ ħidma, il-Bord tat-Tmexxija jista’ jiddeċiedi li jikkundizzjona l-parteċipazzjoni tal-fornituri fl-akkwist tas-supercomputers iddedikati għall-Intelliġenza Artifiċjali f’konformità mal-Artikolu 12(6) tar-Regolament (UE) 2021/694, jew inkella li jillimita l-parteċipazzjoni tal-fornituri għal raġunijiet ta’ sigurtà jew azzjonijiet relatati direttament mal-awtonomija strateġika tal-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(4) ta’ dak ir-Regolament.

6.Is-supercomputers iddedikati għall-Intelliġenza Artifiċjali għandhom ikunu f’entità tal-hosting ta’ supercomputer tal-EuroHPC li tkun tinsab fl-Unjoni.

7.Mingħajr preġudizzju għall-istralċ tal-Impriża Konġunta, kif imsemmi fl-Artikolu 23(4) tal-Istatuti, mhux qabel erba’ snin wara t-test ta’ aċċettazzjoni b’suċċess mis-supercomputer iddedikat għall-Intelliġenza Artifiċjali installat f’entità tal-hosting, is-sjieda tas-supercomputer iddedikat għall-Intelliġenza Artifiċjali tista’ tiġi trasferita lil dik l-entità tal-hosting, tinbiegħ lil entità oħra jew tiġi dekummissjonata wara deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija u f’konformità mal-ftehim tal-hosting. Fil-każ ta’ trasferiment tas-sjieda ta’ supercomputer iddedikat għall-Intelliġenza Artifiċjali, l-entità tal-hosting għandha tirrimborża lill-Impriża Konġunta l-valur residwu tas-supercomputer trasferit. Jekk ma jsir l-ebda trasferiment tas-sjieda lill-entità tal-hosting iżda tittieħed deċiżjoni għad-dekummissjonar, il-kostijiet rilevanti għandhom jinqasmu b’mod ugwali bejn l-Impriża Konġunta u l-entità tal-hosting. L-Impriża Konġunta ma għandhiex tkun responsabbli għall-kostijiet imġarrba wara t-trasferiment tas-sjieda tas-supercomputer iddedikat għall-Intelliġenza Artifiċjali jew wara l-bejgħ jew id-dekummissjonar tiegħu.”

(8)l-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Impriża Konġunta tista’ tniedi sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għall-aġġornament tas-supercomputers tal-EuroHPC li jkun proprjetarja jew koproprjetarja tagħha, biex iżżid il-livell tal-prestazzjoni tas-supercomputer qrib l-iskala eksa, jew biex iżżid il-kapaċitajiet tal-intelliġenza artifiċjali tas-supercomputer, jew biex iżżid il-prestazzjoni operattiva tas-supercomputer b’xi mod ieħor, inkluż bl-aċċelleraturi kwantistiċi.”; il-paragrafu 2 jitħassar;

(b)5. huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5. Il-persentaġġ tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-kostijiet tal-akkwist tal-aġġornament għandu jkun l-istess bħall-persentaġġ tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għas-supercomputer oriġinali tal-EuroHPC, deprezzat għall-bqija tal-ħajja mistennija tas-supercomputer oriġinali. Il-persentaġġ tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-kostijiet operattivi addizzjonali tal-aġġornament għandu jkun l-istess bħall-persentaġġ tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għas-supercomputer oriġinali tal-EuroHPC.”;

(9)l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)jiddaħħal il-paragrafu 1b li ġej:

“1b. Is-supercomputers iddedikati għall-Intelliġenza Artifiċjali u s-supercomputers tal-EuroHPC aġġornati għall-kapaċitajiet tal-Intelliġenza Artifiċjali għandhom jintużaw primarjament għall-iżvilupp, l-ittestjar, l-evalwazzjoni u l-validazzjoni ta’ mudelli tat-taħriġ tal-intelliġenza artifiċjali fuq skala kbira u bi skop ġenerali, u għal applikazzjonijiet emerġenti tal-Intelliġenza Artifiċjali, kif ukoll għall-iżvilupp ulterjuri ta’ soluzzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali fl-Unjoni li jeħtieġu Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u l-eżekuzzjoni ta’ algoritmi tal-Intelliġenza Artifiċjali fuq skala kbira biex jissolvew problemi tax-xjenza.”;

(b)jiddaħħal il-paragrafu 2b li ġej:

“2b. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddefinixxi kundizzjonijiet speċjali tal-aċċess għas-supercomputers iddedikati għall-Intelliġenza Artifiċjali u għas-supercomputers tal-EuroHPC aġġornati għall-kapaċitajiet tal-Intelliġenza Artifiċjali f’konformità mal-Artikolu 17, filwaqt li jqis il-ħtiġijiet speċifiċi tal-ekosistema tan-negozji ġodda u tar-riċerka fl-Intelliġenza Artifiċjali. Dan għandu jinkludi aċċess iddedikat għan-negozji ġodda. Għall-aċċess għandhom ikunu eliġibbli biss il-proposti għall-iżvilupp ta’ mudelli, sistemi u applikazzjonijiet affidabbli u etiċi tal-Intelliġenza Artifiċjali li jkun konformi mal-valuri tal-UE.”

(10)L-Artikolu 17, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Is-sehem tal-ħin tal-aċċess tal-Unjoni għal kull supercomputer kwantistiku ta’ livell għoliw u tal-EuroHPC iddedikat għall-Intelliġenza Artifiċjali għandu jkun proporzjonali direttament għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) għall-kost totali tas-sjieda tas-supercomputer tal-EuroHPC u għalhekk ma għandux jaqbeż il-50% tal-ħin tal-aċċess totali tas-supercomputer tal-EuroHPC.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1173 tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1488 (ĠU L 256 19.7.21 p. 3).
(2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1488 tat-28 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew (ĠU L 252, 8.10.2018, p. 1).
(3)    https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/speech_23_4426
(4)    ĠU C , , p. .
(5)    L-Opinjoni ta’.., ĠU C, p.
(6)    Ir-Regolament (UE) 2024/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali) u li jemenda ċerti atti leġiżlattivi tal-Unjoni (ĠU L …).
(7)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1173 tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1488 (ĠU L 256, 19.7.2021, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1173/oj ).
Top