EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024DC0616

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Lussemburgu

COM/2024/616 final

Brussell, 19.6.2024

COM(2024) 616 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Lussemburgu

{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 616 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Lussemburgu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(2)Ir-Regolament REPowerEU 3 , adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi gradwalment. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika.

(3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”  4 , sabiex jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għaż-żieda fit-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività fuq disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta' Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività 5 . Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ xprunaturi tal-kompetittività identifikati.

(4)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024 6 , li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 2024, li fih ma identifikatx lil Lussemburgu bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat minn żbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024. Fit-18 ta’ April 2024, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tal-2024 tal-Lussemburgu.

(5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Barra minn hekk fih ir-Regolament emendat (KE) Nru 1467/97 dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u d-Direttiva emendata 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 7 . L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Jenħtieġ li kull Stat Membru jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru perjodu ta’ orizzont ta’ 4 jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 8 fil-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju jeħtieġ li jikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inklużi r-rekwiżiti biex id-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew biex jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG, u biex id-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fil-[21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1263, se tibgħatilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji ta’ referenza u informazzjoni teknika, fejn applikabbli). Jenħtieġ li l-Istati Membri jissottomettu l-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jiftehmux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra, kif xieraq.

(6)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(7)Fit-30 ta’ April 2021, il-Lussemburgu ippreżenta il-pjan nazzjonali tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal-Lussemburgu 9 , li ġiet emendata fis-17 ta’ Jannar 2023 għall-konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 għall-aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli 10 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Lussemburgu ikun laħaq b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(8)Fis-26 ta’ April 2024, il-Lussemburgu ppreżenta l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tiegħu tal-2024 u, fil-25 ta’ April 2024, il-Programm ta’ Stabbiltà u Tkabbir tiegħu tal-2024, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Lussemburgu dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(9)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għal-Lussemburgu 11 fid-19 ta’ Ġunju 2024. Dan ivvaluta l-progress tal-Lussemburgu fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Lussemburgu. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika nuqqasijiet fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Dan ivvaluta wkoll il-progress tal-Lussemburgu fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

(10)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 12 , id-defiċit tal-gvern estiż tal-Lussemburgu żdied minn 0,3 % tal-PDG fl-2022 għal 1,3 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 24,7 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 25,7 % fi tmiem l-2023.

(11)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill rrakkomanda li l-Lussemburgu jieħu azzjoni biex jiżgura li fl-2023 it-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali jkun konformi ma’ pożizzjoni politika li kollox ma’ kollox hija newtrali 13 b’kont meħud tal-appoġġ temporanju u mmirat li jibqa’ għaddej għall-unitajiet domestiċi u d-ditti li huma l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna. Il-Lussemburgu ġie rrakkomandat li jkun lest li jaġġusta l-infiq attwali f’sitwazzjoni li qiegħda tevolvi. Il-Lussemburgu kien irrakkomandat ukoll biex jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li jqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi jagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 14 kienet espansjonarja, bi 3,2 % tal-PDG, li kienet xierqa f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 2,7 % tal-PDG. It-tkabbir espansjonarju fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul) kien xprunat minn miżuri ta’ emerġenza tal-enerġija mhux immirati, żidiet permanenti fil-pagi u l-benefiċċji soċjali tas-settur pubbliku, investiment ogħla tal-gvern u t-tnaqqis ta’ punt perċentwali wieħed fir-rati tal-VAT fl-2023. Fil-qosor, it-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 ma kienx konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE ammontat għal 0,1 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali ammonta għal 4,7 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta’ 0,5 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. Il-Lussemburgu ffinanzja investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE. Il-Lussemburgu ffinanzja investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, bħat-trasport pubbliku, l-effiċjenza enerġetika u l-mobbiltà ekoloġika kif ukoll is-servizzi pubbliċi diġitali, li huma parzjalment iffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.

(12)Il-projezzjonijiet ewlenin fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2024 jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprevedi tkabbir tal-PDG reali ta’ 2,0 % fl-2024 u 3,0 % fl-2025, filwaqt li jipprojetta inflazzjoni tal-HICP ta’ 1,9 % fl-2024 u 3,2 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 1,2 % tal-PDG fl-2024 u jibqa’ stabbli għal 1.2 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 26,5 % sa tmiem l-2024 u 26,9 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos b’mod gradwali għal 0,9 % tal-PDG fl-2026, u jibqa’ stabbli fl-2027. Għalhekk, il-bilanċ tal-gvern estiż huwa ppjanat li jibqa’ taħt il-valur ta’ referenza tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG matul l-orizzont tal-programm. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa pprojettat li jiżdied gradwalment għal 27,3 % fl-2026, u jibqa’ stabbli fl-2027.

(13)It-tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber b’ 1,4 % fl-2024 u 2,3 % fl-2025, u l-inflazzjoni tal-HICP ser tkun ta’ 2,3 % fl-2024 u 2,0 % fl-2025.

(14)It-tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 1,7 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 27,1 % sa tmiem l-2024. Iż-żieda fil-proporzjon tad-defiċit fl-2024 tirrifletti prinċipalment l-infiq għoli kontinwu fuq il-kumpens tal-impjegati pubbliċi u l-benefiċċji soċjali minħabba l-indiċjar awtomatiku u dħul aktar baxx prinċipalment minħabba miżuri diskrezzjonarji eż. aġġustament ’il fuq tal-kategoriji tat-taxxa fuq l-introjtu personali u kumpens lill-kumpaniji għat-tielet segment tal-indiċi tal-pagi tal-2023 permezz ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet soċjali tal-impjegaturi fl-2024. Fuq il-bażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun espansjonarja b’0,4 % tal-PDG fl-2024.

(15)In-nefqa li tammonta għal 0,1 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ inqas minn 0,1 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. L-infiq iffinanzjat mis-sovvenzjonijiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq id-defiċit u d-dejn tal-Lussemburgu.

(16)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda 15 li l-Lussemburgu jiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi jillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 16 fl-2024 għal mhux aktar minn 4,8 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-Abbozzi ta’ Pjanijiet Baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tal-Lussemburgu hija pproġettata li tiżdied b’6,8 % fl-2024, li hija ogħla mir-rata ta’ tkabbir massima rakkomandata. Dan l-infiq eċċessiv fuq ir-rata massima rakkomandata għat-tkabbir f’nefqa netta primarja ffinanzjata nazzjonalment jikkorispondi għal 0,9 % tal-PDG fl-2024. Dan iwassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill.

(17)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Lussemburgu jieħu azzjoni biex jelimina b’mod gradwali l-miżuri fis-seħħ ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija, u juża’ l-iffrankar relatat biex inaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta’ appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta’ appoġġ, jenħtieġ li l-Lussemburgu jiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-ispiża baġitarja netta 17 tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija hija stmata li tkun 0,9 % tal-PDG fl-2023 u pproġettata għal 0,5 % fl-2024 u 0,3 % fl-2025. B’mod partikolari, il-miżuri biex tiġi limitata ż-żieda fil-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku u s-sussidji biex jitrażżnu l-kostijiet tat-tisħin huma preżunti li jibqgħu fis-seħħ fl-2024 u fl-2025 18 .

(18)Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex inaqqas id-defiċit tal-gvern, kif irrakkomandat mill-Kunsill, dawn il-projezzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2024, billi n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 19 tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,3 % tal-PDG f’dik is-sena. Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija mhumiex ipprojettati li jiġu eliminati b’mod gradwali kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Dan iwassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill. Barra minn hekk, l-iffrankar relatat mhuwiex ipprojettat li jintuża bis-sħiħ biex inaqqas id-defiċit tal-gvern. Dan iwassal ukoll għal riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-kost baġitarju tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ta’ emerġenza mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli huwa stmat għal 0,1 % tal-PDG fl-2024 (0,4 % fl-2023), li minnhom inqas minn 0,1 % tal-PDG jippreservaw is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika (0,3 % fl-2023).

(19)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Lussemburgu jippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħrajn tal-UE, b’mod partikolari għat-trawwim tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pprojettat li jonqos b’mod marġinali għal 4,6 % tal-PDG fl-2024 (minn 4,7 % tal-PDG fl-2023). Dan huwa prinċipalment ikkawżat mid-dewmien fit-twassil militari satellitari, li issa huwa mistenni li jseħħ fl-2025. Meta jitqies dan il-fattur addizzjonali u minħabba li l-proporzjon tal-investiment pubbliku mal-PDG tal-Lussemburgu huwa mistenni li jibqa’ stabbli u f’livell għoli matul l-orizzont ta’ tbassir fit-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku fl-2024 huwa vvalutat li jirrispetta r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Imbagħad, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-UE, inklużi l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, hija mistennija li tiżdied għal 0,2 % tal-PDG fl-2024 minn 0,1 % tal-PDG fl-2023.

(20)Fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir u fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 1,9 % tal-PDG fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 28,5 % sa tmiem l-2025. Iż-żieda tal-proporzjon tad-defiċit fl-2025 hija prinċipalment xprunata minn nefqa ogħla fil-kumpens tal-impjegati pubbliċi, il-benefiċċji soċjali u l-investiment pubbliku.

(21)Il-bidla demografika mbassra lejn tixjiħ demografiku, flimkien ma’ tnaqqis fil-migrazzjoni netta, hija pproġettata li żżid b’mod sinifikanti l-infiq tal-gvern fuq il-pensjonijiet fid-deċennji li ġejjin. L-infiq fuq il-pensjonijiet huwa pprojettat li jaqbeż l-introjtu mill-kontribuzzjonijiet fit-tieni nofs ta’ dan id-deċennju, b’dan id-defiċit jikber gradwalment wara dan. Dan l-iżbilanċ jista’ jiġi attribwit l-aktar għal numru dejjem jikber ta’ pensjonanti għal kull ħaddiem, konsegwenza ta’ tixjiħ demografiku, li jwassal għal proporzjon ogħla ta’ dipendenza fix-xjuħija. Fir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2024 dwar it-Tixjiħ, mingħajr aġġustamenti ta’ politika, ir-riżerva magħżula biex tipproteġi l-bilanċ finanzjarju tas-sistema tal-pensjonijiet hija pproġettata li taqa’ taħt il-limitu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali sal-bidu tas-snin 2040. Il-projezzjonijiet jissuġġerixxu li ladarba jintlaħaq dan il-limitu, ir-riżerva se tiġi eżawrita fi żmien 5 jew 6 snin. Fuq medda itwal ta’ żmien, iż-żieda fl-infiq fuq il-pensjonijiet hija mistennija li tirdoppja, u tilħaq madwar 17 % tal-PDG sal-2070 - potenzjalment l-ogħla proporzjon fl-UE. Dan ipoġġi s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistema tal-pensjonijiet tal-Lussemburgu f’riskju, filwaqt li jżid id-dejn tal-gvern. Il-miżuri li jinkoraġġixxu ħajja tax-xogħol itwal u rati ogħla ta’ parteċipazzjoni fost ħaddiema akbar fl-età jgħinu biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni u jappoġġaw it-tkabbir ekonomiku.

(22)It-tkabbir rapidu tal-popolazzjoni u ż-żieda fis-self ipotekarju qabżu t-tkabbir tal-provvista fis-suq tad-djar fid-deċennju ta’ qabel ix-xokk reċenti tal-enerġija. Ir-riġidità tal-provvista tad-djar hija primarjament dovuta għall-prattiki taż-żamma tal-art. Dan wassal għal nuqqas sinifikanti ta’ akkomodazzjoni, żieda fl-ispejjeż, u riskji ta’ sopravalutazzjoni tas-suq u tnaqqis fl-affordabbiltà – kwistjonijiet li jaffettwaw b’mod sproporzjonat lill-popolazzjonijiet vulnerabbli u jistgħu jaffettwaw ukoll l-attraenza tal-Lussemburgu kemm għall-ħaddiema kif ukoll għan-negozji. Fl-2023, is-suq tad-djar ra tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku minħabba l-effetti tad-deprezzament ta’ prezzijiet ogħla tal-enerġija u l-issikkar monetarju, li naqqsu l-fiduċja tal-konsumatur. It-tnaqqis konsegwenti fl-akkomodazzjoni u l-provvista tal-art ġodda, li laħaq livelli baxxi rekord, fixkel il-korrezzjonijiet meħtieġa tal-prezzijiet u ppreċipita tnaqqis sinifikanti fl-attività tal-kostruzzjoni. L-isforzi li ilhom għaddejjin biex jiġu stabbilizzati l-prezzijiet tas-suq ma rnexxewx, parzjalment minħabba li s-sistema tat-taxxa tiġġenera aktar dħul mill-bejgħ u x-xiri tal-proprjetà immobbli milli mis-sjieda tal-proprjetà, u b’hekk tikkontribwixxi għall-inflessibilità tal-prezzijiet u żidiet ċikliċi. Għalkemm il-miżuri fiskali reċenti taffew il-pressjoni finanzjarja fl-unitajiet domestiċi u fl-industrija tal-kostruzzjoni, is-sussidji għas-sjieda tad-djar żiedu l-prezzijiet tad-djar qabel it-taxxa, li prinċipalment kienu ta’ benefiċċju għas-sidien u l-investituri għonja.

(23)Il-Lussemburgu huwa ekonomija żgħira u miftuħa b’settur finanzjarju internazzjonali kbir, fejn ħafna gruppi multinazzjonali jidderieġu flussi finanzjarji kbar fil-pajjiż u ’l barra minnu mill-attivitajiet kummerċjali tagħhom. Madankollu, sehem sinifikanti ta’ din l-attività jseħħ bejn entitajiet fi ħdan gruppi multinazzjonali. Huma jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jisfruttaw il-lakuni fis-sistema tat-taxxa tal-Lussemburgu li jnaqqsu l-introjtu taxxabbli. Għad hemm tħassib dwar miżuri li huma limitati wisq fl-ambitu tagħhom, li jippermettu taxxi minn ras l-għajn baxxi jew l-ebda taxxa minn ras l-għajn fuq il-pagamenti tal-imgħax u tar-royalties lil ġuriżdizzjonijiet b’taxxa baxxa u żero 20 . Id-Direttiva tal-Pilastru 2 daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024 fil-Lussemburgu, u introduċiet rata tat-taxxa korporattiva effettiva minima ta’ 15 % għall-kumpaniji multinazzjonali attivi fil-pajjiż. Minħabba l-ambitu tagħha, id-Direttiva hija mistennija tindirizza l-kwistjoni tal-pagamenti ħerġin parzjalment biss minħabba li hija limitata għal korporattivi multinazzjonali kbar u teskludi ċerti setturi.

(24)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan, inkluż il-kapitolu REPowerEU meta jiġi adottat, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Lussemburgu permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex iwettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Lussemburgu jkompli bl-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali biex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(25)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Lussemburgu huwa obbligat li jagħmel rieżami ta’ kull programm sa Marzu 2025, billi jieħu f’kunsiderazzjoni fost affarijiet oħra l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll tal-pjan nazzjonali tiegħu dwar l-enerġija u l-klima. Din ir-reviżjoni tifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluż f’kull programm. Filwaqt li l-Lussemburgu għamel xi progress fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għad hemm xi sfidi. Il-Lussemburgu jkompli juri wkoll disparitajiet soċjoekonomiċi konsiderevoli bejn il-bliet, l-irħula, is-subborgi u ż-żoni mhux urbani. Huwa importanti li titħaffef l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, u l-prijoritajiet miftiehma fil-programmi jibqgħu rilevanti. Huwa partikolarment importanti wkoll li wieħed jara implimentazzjoni rapida tal-investimenti relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. L-investiment fil-ħiliet biex jiġu ffaċilitati t-tranżizzjonijiet fil-karriera u l-mobilità professjonali f’konformità mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, b’attenzjoni speċjali għall-ħaddiema akbar fl-età u l-persuni bi kwalifiki baxxi kif ukoll l-attivazzjoni u l-integrazzjoni soċjali ta’ persuni vulnerabbli, b’mod partikolari dawk bi sfond ta’ migrazzjoni, jibqa’ prijorità. L-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal, speċjalment l-integrazzjoni ta’ studenti żvantaġġati permezz ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità, għadha importanti. Il-Lussemburgu jista’ wkoll jagħmel użu mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex jappoġġa t-trasformazzjoni industrijali, b’mod partikolari billi jinvesti fi ktajjen tal-valur strateġiċi bħall-industrija b’emissjonijiet żero netti, id-dekarbonizzazzjoni tal-industriji intensivi fl-enerġija u l-innovazzjoni diġitali.

(26)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, il-Lussemburgu qed jiffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati ma’ dgħufijiet fis-sistema edukattiva li jżidu mal-inugwaljanza u kwistjonijiet relatati mal-investiment tan-negozju, inklużi r-riċerka u l-iżvilupp, il-politika tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika, inklużi ostakli potenzjali għat-tranżizzjoni mill-fjuwils fossili u kwistjonijiet man-network tat-trasport.

(27)Il-ħiliet bażiċi u l-prestazzjoni ġenerali tal-istudenti jiddependu primarjament fuq l-isfond soċjoekonomiku u lingwistiku tagħhom. Il-livelli medji fl-għarfien u l-ħiliet ewlenin fl-età ta’ 15-il sena, kif imkejla mill-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (Programme for International Student Assessment, PISA) fl-aħħar stħarriġ tal-2018 li fih ipparteċipa l-Lussemburgu, huma ferm aktar baxxi mill-medja tal-UE. Id-distakk bejn l-istudenti vantaġġati u l-pari żvantaġġati tagħhom huwa akbar fil-Lussemburgu milli fi kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE. Is-sistema edukattiva ma tagħtix lill-istudenti kollha ħiliet bażiċi biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol tal-pajjiż. It-testijiet tal-kompetenza nazzjonali juru li, meta l-istudenti jibdew l-iskola, ikollhom il-ħiliet bażiċi essenzjali biex jibdew jiksbu l-litteriżmu, minkejja li hemm differenzi sinifikanti fil-ħiliet inizjali tagħhom. Madankollu, minn meta jibdew it-tielet sena fl-iskola primarja, fl-età ta’ 8 snin, tiżdied id-diskrepanza fil-ħiliet. Il-prestazzjoni tal-istudenti fil-komprensjoni tal-qari Ġermaniż u l-matematika tonqos b’mod notevoli, b’mod partikolari l-prestazzjoni ta’ studenti minn sfond żvantaġġat jew ta’ dawk li l-ewwel lingwa tagħhom la hija l-Ġermaniż u lanqas il-Lussemburgiż. It-tranżizzjoni ekoloġika timplika bidliet strutturali fis-suq tax-xogħol. F’dan il-kuntest, żdiedu t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid fis-setturi li qed jonqsu u fit-trasformazzjoni, iżda għad hemm riskji ta’ spariġġ fil-ħiliet.

(28)Il-parteċipazzjoni fit-taħriġ matul l-aħħar 12-il xahar hija ogħla mill-medja tal-UE (50 % vs 46,6 %), iżda għadha irregolari fost il-gruppi. Għalkemm din hija għolja ħafna fost il-persuni qiegħda, għadha lura għal persuni b’livell baxx ta’ ħiliet (24,2 %) u għall-ħaddiema akbar fl-età (32,5 %). Studji settorjali tal-okkupazzjonijiet u l-ħiliet imwettqa mis-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi fi sħubija mal-federazzjoni tan-negozju (Union des entreprises luxembourgeoises) juru li, fis-setturi kollha, hemm domandi dejjem akbar fuq il-ħiliet meħtieġa fl-oqsma kollha, b’mod partikolari l-importanza tal-ħiliet transdixxiplinari (imġiba, diġitali, ġestjoni, lingwi, eċċ.) u l-kapaċità ta’ adattament għall-bidla. Filwaqt li l-OECD ikkonfermat il-prestazzjoni għolja tal-Lussemburgu fil-ħiliet fl-2023, hija enfasizzat ukoll sfidi kbar bħan-nuqqas ta’ talenti, il-parteċipazzjoni baxxa fit-tagħlim għall-adulti fost dawk l-aktar żvantaġġati u n-nuqqas ta’ data affidabbli dwar il-ħtiġijiet tal-ħiliet. Minkejja diversi inizjattivi matul l-aħħar ftit snin biex jiġi promoss it-taħriġ vokazzjonali fost persuni li qed ifittxu impjieg, jiġu indirizzati l-isfidi tad-diġitalizzazzjoni u tissaħħaħ il-kapaċità li jiġu antiċipati l-ħtiġijiet tal-ħiliet futuri, għadhom meħtieġa soluzzjonijiet effettivi biex jittejjeb l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja għall-ħaddiema b’inqas ħiliet u ħaddiema akbar fl-età.

(29)Il-produttività tax-xogħol fil-Lussemburgu għadha waħda mill-ogħla fl-UE. Madankollu, hija esperjenzat tnaqqis sinifikanti mill-kriżi finanzjarja globali, u dan aċċellera reċentement. Għal għexieren ta’ snin, l-investiment fin-negozju kien fost l-aktar baxxi fl-UE, speċjalment fir-Riċerka u l-Iżvilupp. Il-livelli ta’ investiment tradizzjonalment baxxi, ġustifikati mill-ħtiġijiet imnaqqsa tal-ekonomija orjentata lejn is-servizzi tal-Lussemburgu, jistgħu ma jibqgħux ikunu biżżejjed fid-dawl tal-isfidi emerġenti tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, minbarra dawk preeżistenti. In-nuqqas ta’ ħaddiema huwa ostaklu kbir għall-investiment, u din il-kwistjoni tista’ tmur għall-agħar minħabba prezzijiet għoljin tad-djar, vjaġġi twal lejn il-post tax-xogħol u konġestjoni fit-toroq, u b’hekk titnaqqas l-attraenza tal-Lussemburgu bħala post tax-xogħol. It-tliet eżerċizzji ta’ indiċjar tal-pagi, kkawżati minn inflazzjoni għolja fl-2023 - l-ewwel darba li dan seħħ - naqqsu l-kompetittività tal-kumpaniji f’diversi setturi, b’setturi tan-negozju mhux finanzjarji, b’mod partikolari dawk inqas produttivi, li jħossu l-aktar impatt. Jekk din ix-xejra tippersisti, tista’ tfixkel l-investiment f’żona ġdida u xxekkel id-deċiżjonijiet ta’ rilokazzjoni tad-ditti.

(30)L-appoġġ pubbliku għall-innovazzjoni tan-negozju fil-Lussemburgu bħalissa huwa limitat meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra, li spiss jipprovdu appoġġ indirett permezz ta’ krediti tat-taxxa għar-Riċerka u l-Iżvilupp. Il-Gvern bħalissa jiddedika 25 % tal-baġit tiegħu għar-riċerka u l-iżvilupp għal proġetti speċifiċi, li wħud minnhom jinvolvu sħab privati, filwaqt li l-maġġoranza, 75 %, jappoġġaw l-istituzzjonijiet. Ir-Riċerka u l-Iżvilupp tan-negozju jirċievi porzjon relattivament żgħir tal-finanzjament tiegħu mill-gvern, b’ 6 %. Biex jappoġġa l-innovazzjoni b’mod aktar effettiv, il-Lussemburgu jista’ jikkunsidra li jsaħħaħ il-mudell ta’ finanzjament tiegħu biex jinkludi proġetti aktar kollaborattivi mas-settur privat. Billi jinvesti direttament fl-innovazzjoni mmexxija min-negozju, il-pajjiż għandu l-potenzjal li jistimula l-isforzi privati fir-Riċerka u l-Iżvilupp u jżid il-produttività ġenerali tiegħu.

(31)Iż-żamma tar-rwol tal-Lussemburgu bħala ċentru finanzjarju globali filwaqt li tiġi żgurata ekonomija domestika robusta tippreżenta sfida sinifikanti. Is-settur finanzjarju, li jikkontribwixxi kważi terz tal-PDG, ibbenefika ħafna mill-integrazzjoni internazzjonali. Madankollu, il-valur miżjud tas-settur għal kull ħaddiem naqas bi 15 % mill-2021 sal-2023, tnaqqis li rdoppja mill-2007, li jindika qligħ imnaqqas mill-parteċipazzjoni globali. Bil-produttività li qed tonqos, id-diversifikazzjoni tista’ tgħin biex jitnaqqas l-esponiment għall-kummerċ globali u ċ-ċaqliq finanzjarju. Barra minn hekk, id-distakk bejn il-PDG u l-introjtu nazzjonali issa huwa ta’ 30 % tal-PDG, disparità li kibret mill-kriżi finanzjarja globali. L-inkoraġġiment tal-investiment fi proġetti lokali ta’ riċerka u żvilupp ta’ valur għoli jista’ jnaqqas id-distakk bejn il-PDG u l-ING u jappoġġa l-ġid u l-ekwità nazzjonali.

(32)Is-sistema tal-enerġija tal-Lussemburgu hija kkaratterizzata mid-dipendenza għolja tiegħu fuq l-importazzjoni u d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili (77 % tat-taħlita tal-enerġija fl-2022). Il-pajjiż huwa importatur nett kbir tal-enerġija. Huwa kważi kompletament dipendenti fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija primarja, b’rata ta’ dipendenza ta’ 91 % fl-2022. Il-kapaċità installata totali tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli laħqet 782 MW fl-2023, żieda ta’ 13,5 % mill-2022. Madankollu, is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija għadu fost l-aktar baxxi fl-UE.

(33)Il-Lussemburgu għamel progress sinifikanti fl-ilħuq tal-miri tal-UE għall-2030 għall-effiċjenza enerġetika, għalkemm il-biċċa l-kbira tal-iskemi għadhom ibbażati fuq l-għotjiet u l-użu ta’ strumenti finanzjarji għadu limitat ħafna, b’mod partikolari għan-negozji u l-industrija. L-aħjar riżultati huma fis-settur tas-servizzi, filwaqt li s-settur residenzjali għad irid ilaħħaq: il-konsum finali tal-enerġija tiegħu baqa’ stabbli mill-2015. Ser ikunu meħtieġa aktar żidiet fl-ambizzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u żieda fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika sabiex il-Lussemburgu jilħaq il-miri tal-enerġija tiegħu għall-2030 – li jikseb 25 % ta’ enerġija mis-sorsi rinnovabbli u jnaqqas il-konsum finali tal-enerġija b’ 40 % sa 44 % meta mqabbel mal-2007. In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fis-setturi u l-okkupazzjonijiet ewlenin għat-tranżizzjoni ekoloġika, inklużi l-manifattura u l-użu u l-manutenzjoni ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, qed joħolqu ostakli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti. Biex tiġi sfruttata l-provvista ta’ ħaddiema li għadha mhix użata, dawn il-miżuri jeħtieġ li jkunu aċċessibbli, b’mod partikolari għall-individwi u fis-setturi l-aktar milquta mit-tranżizzjoni ekoloġika.

(34)Il-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq hija ta’ piż fuq l-ekonomija u fuq is-sostenibbiltà ambjentali. It-trasport bit-triq jibqa’ l-akbar kontributur tal-Lussemburgu għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u jibqa’ kruċjali għad-dekarbonizzazzjoni. It-tranżizzjoni tal-Lussemburgu lejn trasport sostenibbli qed tavvanza, bis-sehem ta’ vetturi elettriċi ħfief jaqbeż il-medja tal-UE. Madankollu, huma meħtieġa aktar investimenti biex jiżdied is-sehem tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija bil-ferrovija, peress li t-trasport bit-triq jintuża għal 86 % tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija, inkluż fir-reġjuni tal-fruntiera biex tissaħħaħ il-konnettività transfruntiera.

(35)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għal-Lussemburgu, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Lussemburgu jieħu azzjoni fl-2024 u l-2025 biex:

1.Jissottometti l-pjan fiskali-strutturali ta’ terminu medju fil-ħin. Inaqqas gradwalment il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ta’ emerġenza qabel l-istaġun tat-tisħin 2024/2025. Jittratta s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet, b’mod partikolari billi jillimita l-opzjonijiet tal-irtirar kmieni u billi jżid ir-rata ta’ impjieg għall-ħaddiema akbar fl-età. Jaċċellera l-adozzjoni ta’ politika komprensiva dwar l-użu tal-art u riforma tat-taxxa fuq il-proprjetà u jipprijoritizza l-iżvilupp ta’ proġetti distrettwali fuq skala kbira fuq art tal-gvern. Iżid l-azzjoni biex jindirizza b’mod effettiv l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, b’mod partikolari billi jiżgura tassazzjoni suffiċjenti ta’ pagamenti ħerġin ta’ mgħax u royalties għal ġuriżdizzjonijiet b’taxxa żero / b’rata baxxa ta’ taxxa.

2.Ikompli bl-implimentazzjoni rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU ladarba jiġi adottat, filwaqt li jiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Jaċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu, ikompli jiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, filwaqt li jqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex titjieb il-kompetittività.

3.Itejjeb il-prestazzjoni u l-ugwaljanza tas-sistema tal-edukazzjoni skolastika billi jadatta t-tagħlim għall-ħtiġijiet tal-istudenti żvantaġġati u dawk minn sfondi lingwistiċi varji. Jindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema u l-ispariġġ fil-ħiliet b’mod partikolari għat-tranżizzjoni ekoloġika.

4.Jagħti spinta lill-kompetittività billi jiġu appoġġati n-negozji u l-investiment f’żoni ġodda, b’mod partikolari f’attivitajiet intensivi fir-Riċerka u l-Iżvilupp. Inaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili billi jinvesti fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli. Jippromwovi aktar l-elettrifikazzjoni tat-trasport u jinvesti fin-networks u l-infrastruttura tat-trasport pubbliku.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj .
(2)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17), ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj.
(3)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1), ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj.
(4)    COM(2023) 168 final.
(5)    COM(2024) 77 final.
(6)    COM(2023) 901 final.
(7)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj ) u d-Direttiva tal-Kunsill2024/1265/UE tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj ).
(8)    Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1263 tad-29 ta’ April 2024 (ĠU L 2024/1263, 30.4.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj ). Nefqa netta tfisser in-nefqa tal-gvern netta (i) min-nefqa fuq l-imgħax, (ii) mill-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali, (iii) min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal-Lussemburgu (10155/2021).
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Jannar 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Lussemburgu (16022/2022).
(11)    SWD(2024) 616 final.
(12)    Eurostat-Euro Indicators, 22.4.2024
(13)    Fuq il-bażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju tal-Lussemburgu fl-2023, li jintuża biex titkejjel il-pożizzjoni fiskali, huwa stmat għal 5,6 % f’termini nominali abbażi tar-rata ta’ tkabbir potenzjali reali medja fuq 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.
(14)    Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq perjodu medju ta’ żmien u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta mill-miżuri diskrezzjonali tad-dħul (u esklużi l-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni.
(15)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tal-Lussemburgu u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tal-Lussemburgu, ĠU C 312, 1.9.2023, p. 145.
(16)    In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn (i) miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji, (ii) nefqa fuq l-imgħax, (iii) nefqa ċiklika fuq il-qgħad, u (iv) u miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(17)    Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-ispiża baġitarja annwali ta’ dawk il-miżuri, inklużi d-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.
(18)    Il-miżuri li, skont il-Lussemburgu, jibqgħu fis-seħħ sal-aħħar tal-2024, fil-prinċipju, huma preżunti fit-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni bħala li għandhom impatt baġitarju wkoll fl-2025.
(19)    Din il-kontribuzzjoni titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja tal-gvern estiż, netta (i) mill-impatt baġitarju inkrementali ta’ miżuri diskrezzjonarji tad-dħul, (i) in-nefqiet ta’ darba, (iii) in-nefqa tal-qgħad ċiklika u (iv) in-nefqa ffinanzjata minn appoġġ li ma jitħallasx lura (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, meta mqabbla mar-rata medja ta’ tkabbir potenzjali tal-PDG fuq terminu medju (10 snin), espressa bħala proporzjon mal-PDG nominali.
(20)    Ġuriżdizzjonijiet b’taxxa baxxa jew żero lil hinn minn dawk il-pajjiżi inklużi fil-lista tal-Unjoni ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx.
Top