EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024DC0613

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji ta’ Ċipru

COM/2024/613 final

Brussell, 19.6.2024

COM(2024) 613 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji ta’ Ċipru

{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 613 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji ta’ Ċipru

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(2)Ir-Regolament REPowerEU 4 , adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi gradwalment. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Ċipru żied kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjan nazzjonali tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 5 , sabiex tinforma d-deċiżjonijiet ta’ politika u toħloq il-kundizzjonijiet qafas biex jiżdied it-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tiddefinixxi l-kompetittività abbażi ta’ disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività 6 . Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ xpruni tal-kompetittività identifikati.

(4)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024 7 , li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2024, li fih hija identifikat lil Ċipru bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2024 ta’ Ċipru. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024.

(5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Barra minn hekk fih ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u d-Direttiva emendata 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 8 . L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll ta’ riformi u investimenti. Dan jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Jenħtieġ li kull Stat Membru jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru perjodu ta’ ppjanar ta’ 4 jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 9 fil-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali fuq terminu medju jenħtieġ li jikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inklużi r-rekwiżiti biex id-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew biex jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG, u biex id-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn tliet snin. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra, kif xieraq. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fil-[21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1263, se tibagħtilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji ta’ referenza u informazzjoni teknika fejn applikabbli). L-Istati Membri jenħtieġ li jissottomettu l-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

(6)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(7)Fis-17 ta’ Mejju 2021, Ċipru ppreżenta l-pjan nazzjonali tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-28 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Ċipru 10 , li ġiet emendata fit-8 ta’ Diċembru 2023 b’konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 dwar l-aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 11 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li Ċipru laħaq b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(8)Fit-30 ta’ April 2024, Ċipru ppreżenta l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tiegħu tal-2024 u l-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2024, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali ta’ Ċipru dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu.

(9)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għal Ċipru 12 fid-19 ta’ Ġunju 2024. Hija vvalutat il-progress ta’ Ċipru fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u ħadet kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Ċipru. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress ta’ Ċipru fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

(10)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Ċipru. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għal Ċipru għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament ġew ippubblikati f’Marzu 2024 13 . Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li Ċipru qiegħda tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, Ċipru qed jiffaċċja vulnerabbiltajiet relatati mad-dejn privat, tal-gvern u estern, li b’mod ġenerali naqas iżda għadu rilevanti, filwaqt li d-defiċit kbir fil-kont kurrenti kompla jikber. Kemm il-proporzjon tad-dejn tal-unitajiet domestiċi kif ukoll dak korporattiv mhux finanzjarju għall-PDG komplew jonqsu, filwaqt li baqgħu għoljin. Madankollu, id-dejn korporattiv u estern jinsab minfuħ bid-dejn ta’ entitajiet bi skop speċjali, li joħloq riskji limitati għall-ekonomija domestika. L-istokk kbir ta’ self improduttiv miżmum mill-banek naqas b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin, inkluż fl-2023, u r-riżoluzzjoni ta’ self improduttiv minn kumpaniji akkwirenti ta’ kreditu hija mistennija li tappoġġa aktar tnaqqis tad-dejn privat. Madankollu, il-kundizzjonijiet finanzjarji aktar stretti x’aktarx li jżidu l-pressjoni fuq unitajiet domestiċi u kumpaniji b’dejn għoli. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG qed jonqos b’mod rapidu, u huwa mbassar li Ċipru se jsostni bilanċi pożittivi baġitarji din is-sena u s-sena d-dieħla, li se jixprunaw aktar tnaqqis fil-proporzjon tad-dejn. Id-defiċit kbir fil-kont kurrenti kompla jikber fl-2023 l-iktar minħabba d-domanda domestika robusta kontinwa u r-ripatrijazzjoni tal-profitti. Dan mistenni li jibqa’ kbir din is-sena u d-dieħla. Il-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta negattiva ħafna ma tjibitx is-sena li għaddiet u hija mistennija li tiddeterjora sakemm il-kont kurrenti ma jitjiebx b’mod sinifikanti. Saru sforzi ta’ politika estensivi biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati. L-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tal-RRP u miżuri ulterjuri huma mistennija li jgħinu fl-espansjoni tal-esportazzjonijiet u jtaffu d-dipendenza żejda fuq l-importazzjonijiet taż-żejt.

(11)Fuq il-bażi tad-data vvalidata mill-Eurostat 14 , is-surplus tal-gvern estiż ta’ Ċipru żdied minn 2,7 % tal-PDG fl-2022 għal 3,1 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż niżel minn 85,6 % tal-PDG fl-aħħar tal-2022 għal 77,3 % fl-aħħar tal-2023.

(12)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 15 li Ċipru jieħu azzjoni biex fl-2023 jiżgura li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali jkun konformi ma’ pożizzjoni ta’ politika newtrali ġenerali 16 , u jqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Ċipru ġie rrakkomandat li jaġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Ċipru ġie rrakkomandat wkoll li jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li jqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi juża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 17 kienet espansjonarja, b’1 % tal-PDG, f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri tad-dħul diskrezzjonali) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni ġeneralment newtrali għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,2 % tal-PDG. Dan jinkludi t-tnaqqis fl-ispiża tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza immirati lejn l-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija b’0,1 % tal-PDG. Dan jinkludi wkoll spejjeż ogħla biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (żieda ta’ 0,2 % tal-PDG). It-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 kien konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE ammontat għal 1,3 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 3,2 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta’ 1,3 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. Ċipru ffinanzja investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE. Huwa ffinanzja l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-installazzjoni ta’ iżolament termali u sistemi fotovoltajċi f’bini pubbliku, aġġornamenti tal-enerġija f’għadd ta’ stazzjonijiet tat-tifi tan-nar urbani u rurali, l-aġġornament tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet rilevanti f’Ċipru biex ilaħħqu mal-perikli tan-nirien u biex tissaħħaħ il-protezzjoni kontra r-riskji li jiffaċċjaw iċ-ċittadini, l-infrastruttura u l-foresti, id-diġitalizzazzjoni tal-flussi tax-xogħol ewlenin f’għadd ta’ ministeri u servizzi tal-gvern ċentrali, u l-espansjoni tas-sistema tal-applikazzjoni elettronika għall-finijiet tal-ippjanar u tal-permessi tal-bini, li huma parzjalment iffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.

(13)Il-projezzjonijiet ewlenin fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2024 jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprevedi li l-PDG reali jikber bi 2,9 % fl-2024 u bi 3,1 % fl-2025, filwaqt li jipproġetta inflazzjoni tal-HICP ta’ 2,5 % fl-2024 u 2,0 % fl-2025. Is-surplus tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 2,9 % tal-PDG fl-2024 u 2,8 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 70,6 % sa tmiem l-2024 u 65,5 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, is-surplus tal-gvern estiż huwa pproġettat li jonqos għal 2,6 % tal-PDG fl-2026 u għal 2,1 % fl-2027. Għaldaqstant, il-bilanċ tal-gvern estiż huwa ppjanat li jibqa’ taħt il-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tul il-perjodu ta’ żmien tal-programm. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pproġettat li jonqos għal 59,2 % tal-PDG fl-2026 u 54,2 % tal-PDG fl-2027.

(14)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprevedi li l-PDG reali jikber bi 2,8 % fl-2024 u bi 2,9 % fl-2025, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 2,4 % fl-2024 u 2,1 % fl-2025.

(15)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprevedi surplus tal-gvern ta’ 2,9 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 70,6 % sa tmiem l-2024. Abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun newtrali fil-livell ta’ 0,0 % tal-PDG fl-2024.

(16)In-nefqa li tammonta għal 0,7 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbel ma’ 0,3 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ tal-gvern estiż u d-dejn ta’ Ċipru. In-nefqa li tammonta għal 0,2 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ggarantita minn self mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ 0,0 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni.

(17)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda 18 li Ċipru jżomm pożizzjoni fiskali soda fl-2024. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali ta’ Ċipru huwa pproġettat li jkun ta’ 2,1 % tal-PDG fl-2024, minn 1,8 % fl-2023, u b’hekk ogħla mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju (OTM) tal-pajjiż li jkollu bilanċ strutturali ta’ 0 % tal-PDG. Dan huwa konformi ma’ dak li ġie rakkomandat mill-Kunsill.

(18)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li Ċipru jieħu azzjoni biex jelimina gradwalment il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li, jekk ikun hemm mill-ġdid żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija li jirrikjedu li jitkomplew il-miżuri ta’ appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta’ appoġġ, jenħtieġ li Ċipru jiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett 19 tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huwa stmat fil-livell ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2023, u proġettat fil-livell ta’ 0,3 % fl-2024 u 0,0 % fl-2025. B’mod partikolari, id-dazji tas-sisa aktar baxxi fuq il-prodotti taż-żejt u s-sussidji fuq il-kontijiet tal-elettriku huma preżunti li jibqgħu fis-seħħ fl-2024 iżda huma mistennija li jitneħħew gradwalment sal-2025. Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija mhumiex ipproġettati li jiġu eliminati b’mod gradwali kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Dan iwassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill. Il-kost baġitarju tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli huwa stmat għal 0,0 % tal-PDG fl-2024 (0,0 % fl-2023).

(19)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li Ċipru jippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex irawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jibqa’ ġeneralment stabbli għal 3,1 % tal-PDG fl-2024 minn 3,2 % tal-PDG fl-2023. Dan huwa konformi ma’ dak li ġie rakkomandat mill-Kunsill. Barra minn hekk, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-UE, fosthom l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, hija mistennija tibqa’ stabbli fil-livell ta’ 1,3 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa xprunat minn infiq ogħla ffinanzjat mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza wara tnaqqis f’għotjiet oħra tal-UE wara tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 tal-fondi strutturali tal-UE, li għalihom kienu disponibbli fondi sal-2023.

(20)Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir u fuq is-suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta surplus tal-gvern ta’ 2,9 % tal-PDG fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG mistenni jonqos għal 65,4 % sa tmiem l-2025. Politika fiskali prudenti jenħtieġ li tikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-pożizzjoni esterna.

(21)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul ta’ Ċipru permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex iwettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li Ċipru jkompli l-implimentazzjoni tar-riformi u jaċċellera l-investimenti billi jindirizza d-dewmien emerġenti filwaqt li jiżgura kapaċità amministrattiva b’saħħitha.

(22)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’ konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, Ċipru huwa obbligat li jagħmel rieżami tal-programm tiegħu sa Marzu 2025, billi jqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tiegħu dwar l-enerġija u l-klima. Dan ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluża fil-programm. Filwaqt li Ċipru għamel progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għad hemm sfidi u għad hemm disparitajiet soċjoekonomiċi bejn iż-żoni urbani u dawk mhux urbani. Hu kruċjali li tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-programm tal-politika ta’ koeżjoni. Barra minn hekk, huwa importanti li tiġi żgurata l-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet tal-gvern lokali b’antiċipazzjoni għar-riforma leġiżlattiva ta’ Ċipru fil-gvern lokali, skedata għal Ġunju 2024. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programm “Thalia” jibqgħu rilevanti. Iż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli, is-soluzzjonijiet tal-ħżin, it-titjib tal-effiċjenza enerġetika u t-trasport urban huma kollha kruċjali biex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika. It-titjib tal-ġestjoni tal-ilma, speċjalment it-trattament tal-ilma mormi, huwa meħtieġ biex ikun hemm konformità mad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi. Il-progress lejn ekonomija ċirkolari fil-ġestjoni tal-iskart għadu kritiku u jeħtieġ titjib fir-riċiklaġġ u t-tnaqqis tal-iskart. L-investimenti fl-attivazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-integrazzjoni soċjali ta’ gruppi vulnerabbli jenħtieġ li jkomplu jiġu implimentati. L-implimentazzjoni tal-kontijiet individwali tal-apprendiment u l-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal jibqgħu importanti. Barra minn hekk, l-investiment f’servizzi tal-kura fit-tul u akkomodazzjoni soċjali ta’ kwalità tajba u affordabbli jibqa’ prijorità. Barra minn hekk, jenħtieġ li jitkomplew l-isforzi biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku u tiġi żviluppata l-ekonomija soċjali. Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programm tal-politika ta’ koeżjoni, Thalia, il-ħtiġijiet dejjem aktar konvinċenti fil-qasam tal-prevenzjoni u t-tħejjija kontra r-riskji relatati mat-tibdil fil-klima jistħoqqilhom aktar attenzjoni. Ċipru jista’ jagħmel użu wkoll mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex jappoġġa t-tranżizzjoni enerġetika tiegħu permezz ta’ teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi, inklużi teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti.

(23)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, Ċipru qed jiffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati mal-governanza tal-intrapriżi tal-istat, l-eżiti edukattivi u l-ispariġġ fil-ħiliet, l-introduzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, l-espansjoni u l-aġġornament tal-grilja tal-elettriku, u l-adattament għat-tibdil fil-klima.

(24)Ambjent tan-negozju kompetittiv u li jiffunzjona tajjeb huwa kruċjali għall-effiċjenza u għat-tkabbir ekonomiku. F’dan ir-rigward, il-governanza tal-intrapriżi tal-istat mhijiex kompletament konformi mal-istandards internazzjonali. F’dawn l-aħħar snin, ġew introdotti xi miżuri ta’ politika biex tittejjeb is-sorveljanza finanzjarja tal-entitajiet pubbliċi, iżda n-nuqqas ta’ inventarju sħiħ u l-obbligu ta’ rapportar regolari jillimita l-monitoraġġ effettiv tal-prestazzjoni u l-ippjanar tal-intrapriżi tal-Istat. Barra minn hekk, aspetti importanti tal-prattiki ta’ governanza korporattiva, bħan-nomina bbażata fuq il-mertu tal-bordijiet, il-politika tas-sjieda, il-ġestjoni bbażata fuq il-prestazzjoni, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-prestazzjoni finanzjarja, għadhom insuffiċjenti. F’dan l-isfond, hemm tħassib dwar il-kwalità u l-prezzijiet tas-servizzi f’setturi ddominati minn intrapriżi tal-istat, bħas-settur tal-elettriku.

(25)Il-prestazzjoni dgħajfa ħafna ta’ Ċipru fil-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA) tal-2022 turi li n-nuqqas ta’ kisba fil-ħiliet bażiċi (jiġifieri, il-litteriżmu, in-numeriżmu u x-xjenza) joħloq sfida kbira. Minkejja l-kwalifiki formali adegwati tal-persunal tat-tagħlim, it-taħriġ kontinwu tal-għalliema (inklużi metodi ta’ tagħlim u apprendiment ibbażati fuq il-kompetenza) mhuwiex biżżejjed. Fl-2021, il-biċċa l-kbira tal-kandidati għalliema ma għaddewx mill-eżami li kien meħtieġ biex jinħatru. Is-sistema edukattiva ma vvalutatx u ma adattatx biżżejjed ir-riżorsi edukattivi għall-ħtiġijiet tal-istudenti, li huma meħtieġa biex jiġu żviluppati l-kompetenzi ewlenin. Fis-suq tax-xogħol, l-ispariġġ fil-ħiliet qed isir dejjem aktar prevalenti, filwaqt li l-parteċipazzjoni fil-programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għadha ferm aktar baxxa mill-medja tal-UE. Ir-rata baxxa ta’ parteċipazzjoni fil-programmi tal-VET hija marbuta kemm mal-kapaċità kif ukoll ma’ restrizzjonijiet ta’ attraenza peress li l-biċċa l-kbira tal-iskejjel tal-VET jinsabu f’żoni urbani (li jagħmilha diffiċli għall-istudenti li jgħixu f’żoni rurali biex jirreġistraw), filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-istudenti għandhom preferenza qawwija li minflok jidħlu fl-edukazzjoni terzjarja. It-tagħlim għall-adulti għandu potenzjal limitat li jikkoreġi din is-sitwazzjoni peress li s-sehem tal-adulti (ta’ bejn il-25 u l-64 sena) li jipparteċipaw fl-apprendiment fit-12-il xahar preċedenti kien ta’ 28,3 % fl-2022 (vs l-UE 39,5 %). Dan huwa tnaqqis sostanzjali minn 44,8 % fl-2016 li jimmina l-potenzjal ta’ Ċipru li jtejjeb il-kompetittività ekonomika tiegħu.

(26)Minkejja l-passi konsiderevoli li ttieħdu biex titħaffef l-introduzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, għad fadal sfidi sinifikanti. L-enerġija rinnovabbli kienet tirrappreżenta biss 17 % tat-taħlita tal-elettriku ta’ Ċipru fl-2022. Dan għadu ferm taħt l-għan ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli ta’ 31,5 % sal-2030, kif indikat minn Ċipru fl-abbozz tal-pjan nazzjonali tiegħu għall-enerġija u l-klima. Minħabba d-dipendenza ta’ Ċipru fuq il-prodotti petroliferi, li huma importati fl-intier tagħhom u jservu biex jissodisfaw aktar minn 80 % tal-ħtiġijiet tal-enerġija tiegħu, Ċipru jibqa’ vulnerabbli għall-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet globali tal-enerġija. Għad hemm sfidi konsiderevoli fl-aġġornament u l-espansjoni tal-grilja tal-elettriku eżistenti biex takkomoda l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Ċipru qed jiffaċċja ostakli sinifikanti fil-kapaċità tal-grilja tal-enerġija fuq terminu qasir tiegħu biex jakkomoda żieda fl-enerġija rinnovabbli, li jwassal għal nuqqasijiet rikorrenti. Dan il-fenomenu huwa evidenti meta wieħed iħares lejn id-data uffiċjali mill-Awtorità Regolatorja tal-Enerġija ta’ Ċipru. Sal-aħħar ta’ Novembru 2023, is-sistema Ċiprijotta kellha total ta’ 782,57 MW ta’ impjanti tal-enerġija rinnovabbli operazzjonali (inklużi 157,50 MW mir-riħ, 625,93 MW mill-fotovoltajka, u 9,15 MW mill-bijomassa). Fl-istess ħin, l-awtorità approvat permessi tal-kostruzzjoni għal total ta’ 2 383 MW fi proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Strateġija globali għall-ħżin tal-enerġija tista’ żżid il-flessibbiltà u l-istabbiltà tal-provvista, u tnaqqas il-kostijiet taż-żieda u t-tnaqqis fl-impjanti tal-enerġija konvenzjonali.

(27)Ċipru qed jiffaċċja diversi sfidi fl-isforzi tiegħu biex jindirizza r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, bħal qafas istituzzjonali dgħajjef għall-adattament għat-tibdil fil-klima, u n-nuqqas ta’ prattiki ta’ ġestjoni sostenibbli tal-ilma biex jappoġġa agrikoltura reżiljenti. Il-vulnerabbiltà tal-pajjiż għat-tibdil fil-klima hija evidenti, u l-politiki u l-miżuri ta’ adattament nazzjonali tiegħu mhumiex żviluppati biżżejjed. Ċipru jbati minn livelli baxxi ta’ xita u temperaturi għoljin, li jikkontribwixxu għall-ogħla livell ta’ stress idriku fl-UE. Għalkemm is-settur agrikolu Ċiprijott jibbenefika minn sistemi ta’ irrigazzjoni dejjem aktar effiċjenti fl-użu tal-ilma, xorta għandu l-ogħla rata ta’ konsum tal-ilma minħabba telf sinifikanti ta’ riżorsi tal-ilma f’networks ta’ distribuzzjoni u ħżin insuffiċjenti. Barra minn hekk, is-settur agrikolu Ċiprijott diġà qed jiffaċċja l-effetti tat-tibdil fil-klima, inklużi d-degradazzjoni tal-ħamrija u d-deżertifikazzjoni, li jwasslu għal tnaqqis fir-rendimenti tal-għelejjel. Il-ġestjoni u l-ħżin effettivi tal-ilma, kif ukoll l-adozzjoni ta’ għelejjel effiċjenti fl-użu tal-ilma, issa saru prijorità. Il-pressjoni antropoġenika fuq il-ħabitats u l-ekosistemi, b’mod partikolari fiż-żoni kostali, qed taggrava s-sitwazzjoni. L-approċċ attwali tal-pajjiż għall-adattament għat-tibdil fil-klima għadu fil-biċċa l-kbira tiegħu mhux vinkolanti. Dan jitlob arranġamenti istituzzjonali mtejba biex jissaħħu r-reżiljenza għall-klima u l-kompetittività fit-tul.

(28)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għal Ċipru, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3), u (4) jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro.

(29)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ żbilanċi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mad-dejn pubbliku u estern. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (4) jikkontribwixxu għall-indirizzar tar-rakkomandazzjoni (1) billi jnaqqsu d-domanda għall-importazzjonijiet tal-enerġija u b’estensjoni jgħinu biex jissaħħaħ il-bilanċ estern. Ir-Rakkomandazzjoni (1) tikkontribwixxi kemm biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro, f’konformità mal-premessa 28.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li Ċipru jieħu azzjoni fl-2024 u fl-2025 biex:

1.Jissottometti l-pjan fiskali-strutturali ta’ terminu medju fil-ħin. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, jillimita t-tkabbir fin-nefqa netta 20 fl-2025 għal rata konsistenti biex id-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed fuq perkors plawżibbli ta’ tnaqqis fuq terminu medju u biex il-valur referenzjarju ta’ defiċit ta’ 3 % tal-PDG jiġi rrispettat skont it-trattat.

2.Isaħħaħ il-kapaċità amministrattiva għall-ġestjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, jaċċellera l-investimenti u jżomm il-momentum fl-implimentazzjoni tar-riformi. Jindirizza d-dewmien emerġenti biex jippermetti l-implimentazzjoni kontinwa, rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, u jiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Jaċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tiegħu, ikompli jiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, jieħu azzjoni biex jindirizza aħjar il-ħtiġijiet fil-qasam tal-prevenzjoni u t-tħejjija kontra r-riskji relatati mat-tibdil fil-klima, filwaqt li jikkunsidra l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tittejjeb il-kompetittività.

3.Isaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija billi jaċċellera l-isforzi biex itejjeb il-governanza tal-intrapriżi tal-istat f’konformità mal-istandards internazzjonali u jtejjeb aktar il-livelli tal-ħiliet u l-eżiti edukattivi. Isaħħaħ it-taħriġ kontinwu tal-għalliema u jindirizza l-iżbilanċi bejn il-provvista u d-domanda tax-xogħol billi jkompli jżid l-kapaċità u l-attraenza tal-programmi tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali kif ukoll billi jrawwem it-tagħlim għall-adulti.

4.Jaġġorna u jespandi l-grilja u l-ħżin biex jakkomoda sehem dejjem akbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Itejjeb l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima, billi jiffoka fuq it-trawwim tal-qafas istituzzjonali li jirregola l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-implimentazzjoni ta’ prattiki ta’ ġestjoni sostenibbli tal-ilma fl-agrikoltura.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 2024/1263, 30.4.2024 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj
(3)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17)ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj
(4)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1) ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj
(5)    COM(2023) 168 final.
(6)    COM(2024) 77 final
(7)    COM(2023) 901 final.
(8)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj ) u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj ).
(9)    Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1263 tad-29 ta’ April 2024 (ĠU L 2024/1263, 30.4.2024. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj ). “Nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta (i) min-nefqa fuq l-imgħax, (ii) mill-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali, (iii) min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Ċipru10686/2021(10686/2021).
(11)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-20 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Ċipru (15571/2023).
(12)    SWD(2024) 613 final.
(13)    SWD(2024) 81 final.
(14)    Indikaturi tal-Euro tal-Eurostat, 22.4.2024
(15)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 ta’ Ċipru u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 ta’ Ċipru, ĠU C 334, 1.9.2022, p. 104.
(16)    Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju ta’ Ċipru fl-2023, li jintuża biex titkejjel il-pożizzjoni fiskali, huwa stmat għal 8,5 % f’termini nominali, abbażi tar-rata ta’ tkabbir potenzjali reali medja ta’ 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.
(17)    Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali (u esklużi l-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni.
(18)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 ta’ Ċipru u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 ta’ Ċipru, ĠU C 312, 1.9.2023, p. 116.
(19)    Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta’ dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa u, fejn applikabbli, netti mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.
(20)    Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
Top