Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024DC0231

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet tar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea u l-Monitoraġġ ta’ Orizzont Ewropa u ta’ Orizzont 2020 fl-2023

    COM/2024/231 final

    Brussell, 5.6.2024

    COM(2024) 231 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet tar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea u l-Monitoraġġ ta’ Orizzont Ewropa u ta’ Orizzont 2020 fl-2023


    1.Sfond

    Dan ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali mhux eżawrjenti lejn l-attivitajiet ewlenin ta’ riċerka u innovazzjoni (R&I) tal-UE fl-2023 u l-monitoraġġ ta’ Orizzont Ewropa, Orizzont 2020 u l-programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom.

    Dan ġie abbozzat f’konformità mal-Artikolu 190 tat- Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 7 tat- Trattat Euratom , flimkien mal-Artikolu 50 tar- Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l- Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u mal-Artikolu 12 tar- Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2021/765 li jistabbilixxi l-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika .

    2.Kuntest politiku u żviluppi tal-politika

    L-2023 kienet sena ta’ bosta sfidi globali. It-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità, it-tniġġis, it-trasformazzjoni diġitali, it-theddid għas-saħħa u t-tixjiħ tal-popolazzjoni wasslu għal domanda qawwija għal soluzzjonijiet ibbażati fuq ir-R&I. Il-kuntest ġeopolitiku instabbli, b’mod partikolari l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, ukoll influwenza t-tfassil tal-politika tar-R&I.

    2.1L-Ukrajna u s-sigurtà interna tal-UE

    Il-Kummissjoni kompliet tipprovdi l-appoġġ lill-Ukrajna , b’enfasi fuq tliet objettivi ewlenin:

    1.l-appoġġ għax-xjenza u għar-riċerkaturi Ukreni li jinsabu fl-Ukrajna u f’rifuġju;

    2.it-tħaffif tal-isforzi tal-Ukrajna lejn l-integrazzjoni tal-UE fir-R&I;

    3.il-promozzjoni tar-rwol tar-R&I fl-oqfsa politiċi u operazzjonali ewlenin biex jiġi promoss l-irkupru tal-Ukrajna.

    Il- proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-Faċilità tal-Ukrajna tinkludi referenzi importanti għall-bini mill-ġdid tal-infrastruttura tar-riċerka.

    L-Uffiċċju ta’ Orizzont Ewropa fi Kiev ġie inawgurat f’Diċembru u se jippromwovi l-opportunitajiet ta’ finanzjament u jappoġġa lill-applikanti. L-avveniment serva wkoll bħala tnedija politika ta’ inizjattiva ta’ EUR 20 miljun biex tappoġġa l-innovaturi rivoluzzjonarji Ukreni.

    Sabiex tiżdied is-sigurtà interna tal-UE, jiġu protetti l-popolazzjoni u l-infrastruttura kritika tagħha kontra t-theddid ċibernetiku u fiżiku u biex tiżdied ir-reżiljenza għad-diżastri, ittieħdu l-miżuri li ġejjin:

    ·l-UE fasslet l-ewwel politika strateġika pluriennali tagħha għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri għall-perjodu 2023-2027, bir-R&I bħala komponent trażversali biex tappoġġa l-miżuri bħat-twettiq ta’ kontrolli fil-fruntieri;

    ·il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu dwar il- mandat għal Aġenzija ġdida tal-UE dwar id-Drogi , li l-kompiti tagħha jinkludu diversi attivitajiet ta’ R&I;

    ·il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni dwar il-ġlieda kontra theddid potenzjali mid-droni , li tidentifika kif ir-riċerka ffinanzjata mill-UE tindirizza t-theddid mid-droni;

    ·il-Kummissjoni organizzat avveniment ta’ riċerka dwar is-sigurtà , li laqqa’ flimkien aktar minn 1 000 persuna li tfassal il-politika, riċerkatur, prattikant tas-sigurtà u rappreżentant tal-industrija biex jiddiskutu kif ir-riċerka dwar is-sigurtà tista’ tagħmel l-UE aktar reżiljenti;

    ·il- Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027 ġie adottat biex jipprovdi lill-UE servizzi ta’ komunikazzjoni bis-satellita bbażati fl-ispazju abbażi ta’ attivitajiet ta’ R&I;

    ·il-Kunsill approva l- Istrateġija għas-Sigurtà Marittima tal-UE li ġiet riveduta u l-pjan ta’ azzjoni tagħha inklużi bosta azzjonijiet relatati mar-R&I li jfittxu li jindirizzaw theddid ġdid għas-sigurtà.

    2.2Awtonomija strateġika miftuħa, sigurtà ekonomika u kooperazzjoni internazzjonali tal-UE

    L- Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika f’konformità mal- Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għandha l-għan li tiżgura kemm il-ftuħ ekonomiku tal-UE kif ukoll is-salvagwardja tas-sigurtà tar-riċerka. Ir-R&I jaqdu rwol ewlieni f’kull waħda mit-tliet prijoritajiet tal-Istrateġija: il-promozzjoni, il-protezzjoni, u s-sħubija. 

    Promozzjoni:

    L-istrateġija ta’ sigurtà ekonomika tippromwovi l-kompetittività billi tinvesti f’teknoloġiji strateġiċi permezz ta’ Orizzont Ewropa li huma kritiċi għas-sigurtà ekonomika, bħas-semikondutturi avvanzati u l-computing kwantistiku.

    Il- Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa pproponiet appoġġ finanzjarju għal teknoloġiji kritiċi u li tingħata spinta lir-reżiljenza tal-UE. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll Att dwar il-Materja Prima Kritika u Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti , li t-tnejn jippromwovu aktar R&I fl-oqsma li se jżidu r-reżiljenza tal-UE.

    Protezzjoni:

    It-titjib tas-sigurtà tar-riċerka huwa importanti biex tiġi protetta l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE billi jiġi żgurat li l-għodod eżistenti jiġu infurzati b’mod sistematiku u billi jiġu identifikati u indirizzati xi diskrepanzi li jkun għad fadal. Il-miżuri li ġejjin applikaw fl-2023:

    ·il- valutazzjoni tas-sigurtà tal-proġetti ta’ Orizzont Ewropa kienet tinvolvi l-iskrinjar ta’ 118-il proposta (68 fl-2022), li minnhom 20 għaddew mill-proċedura ta’ skrutinju tas-sigurtà f’kooperazzjoni mal-esperti tas-sigurtà nazzjonali;

    ·ir-Regolament dwar Orizzont Ewropa jipprovdi l-possibbiltà li tiġi limitata l-parteċipazzjoni biex jiġu salvagwardjati l-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tal-UE (l-Artikolu 22(5));

    ·f’konformità mas- Sett ta’ Għodod dwar l-Indirizzar tal-Indħil Barrani fir-R&I , il-Kummissjoni organizzat eżerċizzji ta’ tagħlim reċiproku dwar l-indħil barrani fir-R&I, li laqqgħu flimkien ir-rappreżentanti minn 14-il Stat Membru.

    Sħubija:

    Il-Kummissjoni saħħet il-kooperazzjoni fir-R&I ma’:

    ·l-Istati Uniti, billi ġeddet il-ftehim bilaterali għall-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija ;

    ·l-Amerka Latina u r-reġjun tal-Karibew, fejn Laqgħa bireġjonali tal-Uffiċjali Għolja tat bidu għall-iżvilupp ta’ pjan direzzjonali strateġiku ġdid għall-kooperazzjoni;

    ·l-Unjoni Afrikana (AU) permezz tal- Aġenda għall-Innovazzjoni UA-UE biex tittrasforma l-kapaċità innovattiva tal-UE u l-UA biex trawwem impjiegi u tkabbir sostenibbli;

    ·l-Indja, billi waqqfet grupp ta’ ħidma dwar l-enerġija nadifa u ekoloġika matul il- Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Indja ;

    ·l- Alleanza għar-Riċerka u l-Innovazzjoni dwar l-Oċean Atlantiku , inklużi n-Norveġja u r-Renju Unit.

    F’konformità mal-Komunikazzjoni Konġunta tal-Prospettiva Strateġika UE-Ċina , il-Kummissjoni kompliet id-diskussjonijiet dwar il-kooperazzjoni futura bejn l-UE u ċ-Ċina fir-riċerka u l-innovazzjoni.

    2.3Tranżizzjoni ekoloġika u diġitali

    L-indirizzar tat-tibdil fil-klima baqa’ prijorità ewlenija fl-2023, kif jidher mill-bosta attivitajiet ta’ R&I tal-UE li jipprovdu l-bażi ta’ evidenza biex jiġi implimentat il- Patt Ekoloġiku Ewropew :

    ·Il-Kummissjoni ppubblikat Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku , flimkien mal- Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti u l- Att dwar il-Materja Prima Kritika , biex tagħti spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-Ewropa u tappoġġa t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika b’azzjonijiet speċifiċi dwar ir-R&I, pereżempju dwar l-idroġenu ekoloġiku;

    ·ġew adottati biċċiet ġodda ta’ leġiżlazzjoni tal-UE, bħar- RefuelEU Aviation , il- FuelEU Maritime , u r- Regolament dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi ;

    ·f’Jannar, il-Kummissjoni ppreżentat Patt Ġdid għall-Pollinaturi biex tappoġġa r-riċerka dwar il-pollinaturi u l-kawżi u l-konsegwenzi tat-tnaqqis tagħhom;

    ·f’Lulju, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal direttiva dwar il-monitoraġġ u r-reżiljenza tal-ħamrija u fַ’Novembru qafas ta’ monitoraġġ għall-foresti Ewropej. reżiljenti, biex jiġi pprovdut għarfien aħjar dwar il-foresti Ewropej;

    ·ir-rwol importanti tar-R&I tal-UE fit-trawwim tal-adattament sistemiku għat-tibdil fil-klima huwa rikonoxxut fir- Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima li jakkumpanja r- Rapport ta’ Progress tal-UE għall-Azzjoni Klimatika tal-2023;

    ·disinn imtejjeb tal-irkantijiet u kriterji għall-aġġudikazzjoni mhux tal-prezz li jappoġġaw l-innovazzjoni bħala parti mill- pjan ta’ azzjoni Ewropew għall-enerġija mir-riħ ;

    ·il- pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-grilji   jinnota li r-R&I huma importanti biex il-grilji elettriċi jiġu aġġornati għal grilji intelliġenti, filwaqt li jsiru diġitali, jiġu mmonitorjati f’ħin reali, ikunu kontrollabbli mill-bogħod u ċibernetiċi;

    ·il- Komunikazzjoni dwar ir-reviżjoni tal-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija tappoġġa l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-enerġija nodfa, effiċjenti u kostkompetittivi permezz tal-kollaborazzjoni fir-riċerka dwar l-enerġija nadifa;

    ·l-azzjonijiet fl-ambitu tal- Aġenda Ewropea Ġdida għall-Innovazzjoni f’teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, l-ekonomija ċirkolari u t-tranżizzjoni diġitali kkontribwew biex jinkisbu l-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali;

    ·f’Diċembru, il-Kummissjoni adottat il-pakkett “ sustanza waħda, valutazzjoni waħda ”, li kien jinkludi tliet proposti leġiżlattivi biex tittejjeb il-bażi ta’ għarfien dwar is-sustanzi kimiċi;

    ·l-UE espandiet l-ambitu u d-daqs tal- Fond għall-Innovazzjoni , strument ewlieni ta’ finanzjament tal-UE għat-teħid tar-riżultati tar-R&I u l-użu ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti u innovattivi għad-dekarbonizzazzjoni tal-Ewropa;

    ·il-proposta dwar id- dritt għat-tiswija u l-inizjattivi dwar il- mikroplastiċi , li jibnu fuq ir-riżultati tal-proġetti ta’ R&I tal-UE biex tittejjeb iċ-ċirkolarità tal-prodotti u jiġi evitat it-tniġġis tal-mikroplastiċi;

    ·it- tielet konferenza dwar ir-Riċerka Agrikola identifikat riċerka u innovazzjoni futuri fl-agrikoltura, il-forestrija u ż-żoni rurali;

    ·fl-ambitu tal- inizjattiva  Food 2030, saret konferenza f’Diċembru u nħareġ rapport , li kien jiddeskrivi l-perkorsi tar-R&I biex jiġi ttrasformat l-ikel;

    ·il-Kummissjoni adottat il- Pakkett dwar is-Sajd u l-Oċeani , inkluż il- pjan ta’ azzjoni dwar il-baħar b’tqsima li tiffoka fuq it-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni;

    ·L-2023 rat l-adozzjoni tal- perkorsi ta’ tranżizzjoni tas-sustanzi kimiċi , tal- kostruzzjoni u tat- tessuti , li jidentifikaw azzjonijiet speċifiċi ta’ riċerka biex tiġi permessa t-tranżizzjoni ekoloġika;

    ·l- Att Ewropew dwar iċ-Ċipep daħal fis-seħħ f’Settembru 2023 bl-għan li jagħti spinta lill-kompetittività u r-reżiljenza tal-Ewropa permezz ta’ attivitajiet ta’ riċerka b’saħħithom fit-teknoloġija u l-applikazzjoni tas-semikondutturi;

    ·il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-kompetittività fit-tul tal-UE li tenfasizza r-R&I bħala wieħed mill-fatturi ewlenin għall-kompetittività fit-tul. Pereżempju, hija tissuġġerixxi inċentivi fiskali, sħubijiet pubbliċi-privati u proġetti fuq skala kbira, speċjalment fl-oqsma ewlenin tat-teknoloġija nadifa, id-diġitalizzazzjoni u l-bijoteknoloġija.

    2.4Sħubija mal-Istati Membri

    Fil-bidu ta’ Diċembru, kienu nkisbu 87 mis-613-il stadju importanti (madwar 14 %) relatati mar-R&I li l-Istati Membri jridu jiksbu biex jirċievu l-pagamenti korrispondenti tal- Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza . Kienu ġew żborżati EUR 5,98 biljun lill-Istati Membri, li jirrappreżentaw madwar 12,5 % tal-appoġġ kumplessiv li ġie allokat għar-R&I (EUR 48 biljun).

    Fl-2023, id-diskussjonijiet bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri ġew ikkonsolidati permezz ta’ djalogi msaħħa , li għandhom l-għan li joħolqu approċċi mfassla apposta għall-pajjiżi.

    Barra minn hekk, l-UE pprovdiet appoġġ lill-Istati Membri biex itejbu s-sistema tar-R&I tagħhom permezz ta’ implimentazzjoni konċertata tal- Faċilità ta’ Appoġġ għall-Politiki . Dan kien jinvolvi proġetti speċifiċi għall-Kroazja, il-Greċja u r-Rumanija u t-tnedija ta’ eżerċizzji ta’ tagħlim reċiproku dwar l-involviment taċ-ċittadini, il-missjonijiet ta’ riċerka tal-UE, il-prospettiva, il-valorizzazzjoni tal-għarfien u d-dekarbonizzazzjoni industrijali.

    Sabiex tingħata spinta lill-attraenza tal-karrieri fir-riċerka, f’Lulju l-Kummissjoni adottat proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar qafas Ewropew biex jiġu attirati u miżmuma t-talenti fir-riċerka, fl-innovazzjoni u intraprenditorjali .

    Sabiex tiġi ssorveljata l-implimentazzjoni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) il-ġdida, ġiet stabbilita sistema ta’ monitoraġġ u rappurtar u l-ewwel “rapport fil-livell tal-UE” ta’ Monitoraġġ taż-ŻER ġie ppubblikat f’Novembru.

    Saru bosta jiem ta’ informazzjoni mmirata f’pajjiżi li kellhom inqas suċċess fil- Parti tat-twessigħ ta’ Orizzont Ewropa.

    F’Awwissu, il-Kummissjoni adottat it- tielet rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka , li sar strument legali għal inizjattivi għall-infrastruttura.

    2.5Azzjonijiet diretti implimentati miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni

    Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) appoġġa bosta inizjattivi tal-Kummissjoni u fost ħafna attivitajiet:

    ·nieda l- osservatorju tal-UE, li jkopri d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti madwar id-dinja , li se jgħin biex jiġu protetti u rrestawrati l-foresti;

    ·nieda ċ- Ċentru Ewropew tat-Trasparenza Algoritmika , li se jappoġġa l-isforzi fir-regolamentazzjoni tas-servizzi diġitali;

    ·ikkontribwixxa għar- Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2023 , li jibni fuq ir- Rapport dwar ix-Xjenza għall-Politika  rigward  l-għażliet soċjali u ekonomiċi fit-tranżizzjonijiet lejn is-sostenibbiltà ;

    ·nieda l- Atlas tal-Migrazzjoni , li jipprovdi d-data dwar il-migrazzjoni u jinkludi taqsima tematika dwar il-persuni li ġew spostati mill-Ukrajna wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja.

    3.Implimentazzjoni u Monitoraġġ ta’ Orizzont Ewropa u tal-Euratom

    3.1.Orizzont Ewropa fl-2023 – Punti ewlenin u karatteristiċi ġodda

    F’Marzu, il-Kummissjoni emendat il-programm “ewlieni” ta’ ħidma ta’ Orizzont Ewropa għall-perjodu 2023-2024, biex tkompli trawwem ir-R&I għall-appoġġ tas-sigurtà ċivili għas-soċjetà u l-enerġija rinnovabbli, filwaqt li żiedet il-baġit għall-programm ta’ ħidma b’madwar EUR 55 miljun għal total ta’ aktar minn EUR 13,5 biljun.

    Il-Kummissjoni implimentat il- kriterju ta’ eliġibbiltà l-ġdid dwar il-pjanijiet għall-ugwaljanza bejn is-sessi u ħolqot Premju ġdid tal-UE għaċ-Ċampjins tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri .

    Assoċjazzjoni għal Orizzont Ewropa

    Fl-2023, l-għadd ta’ pajjiżi assoċjati laħaq is-17. F’Jannar 2024, ir-Renju Unit sar it-18-il wieħed.

    New Zealand ġiet assoċjata b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2023, u kienet l-ewwel pajjiż assoċjat lil hinn mill-viċinanza ġeografika tal-UE.

    Il-mexxejja fis- Summit UE-Kanada ħabbru l-konklużjoni tan-negozjati sostantivi. Il-ftehim li jassoċja lill-Kanada ma’ Orizzont Ewropa huwa mistenni li jiġi ffirmat f’nofs l-2024.

    F’Novembru, il-Kummissjoni approvat il- Fehim Komuni , li ġie nnegozjat bejn l-UE u l-Iżvizzera u ppermetta taħditiet esploratorji għall-assoċjazzjoni tal-Iżvizzera.

    It-tnedija tan-negozjati ta’ assoċjazzjoni formali mar-Repubblika tal-Korea tħabbret fis- Summit UE-Korea f’Mejju.

    Id-diskussjonijiet komplew fil-livell tekniku mal-Ġappun u Singapore dwar il-prospetti għall-assoċjazzjoni ma’ Orizzont Ewropa.

    3.2.Data ta’ monitoraġġ ta’ Orizzont Ewropa

    Sejħiet u suġġetti

    Sors: Id-data tas-CPS, meħuda fid-09.01.2024

    Il-284 sejħa għal proposti mnedija sa tmiem l-2023 fl-ambitu tal-programmi ta’ ħidma prinċipali ta’ Orizzont Ewropa għall-perjodu 2021-2022 u 2023-2024 koprew total ta’ 1 581 suġġett ta’ riċerka b’baġit ta’ EUR 25,6 biljun. Sa tmiem l-2023, 77 % ta’ dawk is-sejħiet kienu ġew evalwati bis-sħiħ.

    Is-suġġetti proposti kellhom l-għan li jattiraw il-proġetti ta’ R&I li se jgħinu biex jiġu indirizzati l- prijoritajiet tal-Kummissjoni għall-perjodu 2019-2024 . Madwar 28 % tas-suġġetti ħeġġew jew kienu jeħtieġu l-kooperazzjoni internazzjonali.

    Illustrazzjoni 1: Perċentwal tas-suġġetti li jindirizzaw il-prijoritajiet ta’ politika tal-Kummissjoni

    Il-programm ta’ ħidma tal- Kunsill Ewropew tar-Riċerka ħabbar erba’ sejħiet għal għotjiet għar-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien b’baġit totali ta’ EUR 2,12 biljun. Is-sejħiet tnedew u ġew evalwati bis-sħiħ.

    Fl-aħħar nett, il- Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni fetaħ opportunitajiet ta’ finanzjament b’valur ta’ madwar EUR 1,6 biljun għal innovaturi rivoluzzjonarji permezz ta’ tliet skemi ta’ finanzjament prinċipali: il- Pathfinder tal-EIC (EUR 343 miljun), it- Tranżizzjoni tal-EIC (EUR 128 miljun) u l- Aċċelleratur tal-EIC (EUR 1,13 biljun).

    Proposti għal proġetti u rati ta’ suċċess

    Sors: Id-dashboard tal-proposti ta’ Orizzont, iffriżat fit-02.01.2024

    Il-programm kompla jqajjem interess kbir b’madwar 64 000 proposta eliġibbli li ġew ippreżentati 1 matul il-perjodu 2021-2023. Il-kwalità kumplessiva tal-proposti baqgħet stabbli, fejn nofs il-proposti eliġibbli (33 637, 52,6 %) laħqu l-livell limitu tal-punteġġ tal-evalwazzjoni u ġew ivvalutati minn esperti esterni bħala li huma ta’ kwalità għolja.

    Ir-rata ta’ suċċess tal-proposti żdiedet għal 17,3 % (minn 15,9 % fi tmiem l-2022 u 11,9 % fl-ambitu ta’ Orizzont 2020). Intgħażlu aktar minn 11 000 proposta għall-finanzjament għal total ta’ EUR 32,6 biljun.

    Madankollu, żewġ terzi (67,2 %) tal-proposti ta’ kwalità għolja kollha għad ma għandhomx finanzjament. Kien ikun meħtieġ baġit addizzjonali ta’ madwar EUR 54,4 biljun biex jiġu ffinanzjati l-proposti ta’ kwalità għolja kollha li ġew ippreżentati matul il-perjodu 2021-2023.

    Għotjiet iffirmati

    Sors: Id-dashboard tal-proġetti ta’ Orizzont, iffriżat fit-02.01.2024

    Wara l-evalwazzjoni tal-proposti, ingħataw EUR 30,8 biljun permezz ta’ 10 674 għotja. Xi għotjiet kienu għadhom qed jitħejjew fi tmiem l-2023. Id-daqs medju tal-għotja huwa ta’ EUR 2,9 miljun, li huwa ogħla minn dak fl-ambitu ta’ Orizzont 2020 (EUR 1,8 miljun). Il-finanzjament medju tal-UE li ġie allokat għal għotjiet monobenefiċjarji (44 % tal-għotjiet) huwa ta’ madwar EUR 1,2 miljun, meta mqabbel ma’ EUR 4,2 miljun għal għotjiet kollaborattivi (56 % tal-għotjiet). Bħala medja, l-għotjiet kollaborattivi jinvolvu 11-il parteċipant.

    Parti tal-programm

    Proposti eliġibbli

    Proposti magħżula

    Rata ta’ suċċess tal-proposti (% ta’ dawk eliġibbli)

    Kontribuzzjoni tal-UE mitluba fil-proposti magħżula (f’miljuni ta’ EUR)

    Għotjiet iffirmati

    Kontribuzzjoni tal-UE f’għotjiet iffirmati (f’miljuni ta’ EUR)

    Daqs medju tal-proġett (parteċipanti)

    Daqs medju tal-għotja (f’miljuni ta’ EUR)

    Pilastru 1 – Xjenza Eċċellenti

    Kunsill Ewropew tar-Riċerka

    22 856

    3 235

    14,2 %

    5 621

    2 903

    4 990

    1,2

    1,7

    Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie

    17 914

    2 947

    16,5 %

    1 684

    3 090

    1 719

    4

    0,6

    Infrastrutturi tar-riċerka

    233

    130

    55,8 %

    870

    132

    873

    22,5

    6,6

    Pilastru II – Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali Ewropea

    Cluster 1 Saħħa

    2 012

    438

    21,8 %

    3 469

    439

    3 408

    15,5

    7,8

    Cluster 2 Kultura, Kreattività u Soċjetà Inklużiva

    1 591

    246

    15,5 %

    815

    225

    667

    11,8

    3,0

    Cluster 3 Sigurtà Ċivili għas-Soċjetà

    650

    94

    14,5 %

    424

    100

    428

    16,7

    4,3

    Cluster 4 Diġitali, Industrija u Spazju

    4 419

    906

    20,5 %

    5 568

    891

    5 223

    14,2

    5,9

    Cluster 5 Klima, Enerġija u Mobbiltà

    3 834

    852

    22,2 %

    6 704

    837

    6 228

    16,7

    7,4

    Cluster 6 Ikel, Bijoekonomija, Riżorsi Naturali, Agrikoltura u Ambjent

    2 221

    582

    26,2 %

    3 637

    540

    3 002

    18

    5,6

    Pilastru III – Ewropa Innovattiva

    Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni*

    5 631

    843

    15,0 %

    1 356

    830

    2 165

    3,2

    2,6

    Ekosistemi Ewropej tal-innovazzjoni

    1 148

    247

    21,5 %

    232

    250

    224

    3

    0,9

    L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija**

    21

    18

    85,7 %

    1 173

    17

    913

    9,7

    Mhux applikabbli

    Twessigħ tal-parteċipazzjoni u tisħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka

    Twessigħ tal-parteċipazzjoni u tixrid tal-eċċellenza

    1 135

    404

    35,6 %

    807

    344

    796

    4,1

    2,3

    Riforma u tisħiħ tas-Sistema Ewropea tar-R&I

    233

    84

    36,1 %

    251

    76

    166

    12,2

    2,2

    Total għal Orizzont Ewropa

    63 898

    11 026

    17,3 %

    32 610

    10 674

    30 802

    6,8

    2,9

    Tabella 1: Il-proposti u l-għotjiet iffirmati għal kull pilastru u parti tal-programm (Sors: id-dashboards tal-proposti tar-R&I u tal-proġetti tar-R&I, iffriżati fit-02.01.2024)    
    *Iċ-ċifri għall-Aċċelleratur tal-EIC mhumiex kompluti (għadd ta’ proposti) jew huma neqsin (kontribuzzjoni miżmuma tal-UE, sejħiet 2021-2022)

    ** Iċ-ċifri jirreferu għall-għotjiet tal-“pakkett” lill-KKI tal-EIT biss

    Indirizzar tal-prijoritajiet ta’ politika tal-UE

    Sors: Id- dikjarazzjoni tal-programm Orizzont Ewropa

    Ir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom rwol sinifikanti fit-tħaffif tat-tranżizzjoni ekoloġika. Sa issa, iċ-ċifri preliminari ta’ monitoraġġ flimkien maċ-ċifri stmati tal-2023 jindikaw kontribuzzjoni klimatika ta’ Orizzont Ewropa li hija qrib il-35 % sa tmiem l-2023. Stimi preliminari ex post jiżvelaw li l-infiq fuq il-bijodiversità żdied minn 7,9 % fl-2021 għal 8,7 % fl-2023.

    L-investimenti ta’ Orizzont Ewropa fit-trasformazzjoni diġitali għall-perjodu 2021-2023 huma stmati li jammontaw sa EUR 14 053,2 miljun, jew 40 % tal-baġit ta’ Orizzont Ewropa għal dawn is-snin.

    Fl-2023, ġew allokati EUR 50 miljun għall-proġetti li l-objettiv prinċipali tagħhom huwa li jtejbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u madwar EUR 1,7 biljun għal proġetti li jikkontribwixxu b’xi mod għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

    Applikanti u benefiċjarji

    Sors: Id-dashboard tal-proġetti ta’ Orizzont, iffriżat fit-02.01.2024

    Il-proġetti ffirmati fl-ewwel tliet snin tal-programm jinvolvu madwar 21 894 parteċipant differenti minn 163 pajjiż differenti, inklużi 34,1 % minn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

    Madwar 82,3 % tal-applikazzjonijiet eliġibbli li ġew ippreżentati huma mill-Istati Membri u kważi 25 % ta’ dawk l-applikazzjonijiet jiġu minn pajjiżi tat-“twessigħ” .

    L-entitajiet li jinsabu f’pajjiżi assoċjati ppreżentaw 6,1 % tal-applikazzjonijiet u l-entitajiet li jinsabu f’pajjiżi terzi ppreżentaw 11,7 % tal-applikazzjonijiet kollha, li nofshom kienu minn organizzazzjonijiet ibbażati fir-Renju Unit.

    Grupp ta’ pajjiżi

    Applikazzjonijiet fi proposti eliġibbli

    % tal-għadd totali ta’ applikazzjonijiet


    Rata ta’ suċċess tal-applikazzjonijiet

    Parteċipazzjoni f’għotjiet iffirmati

    % tal-parteċipazzjonijiet kollha

    Kontribuzzjoni tal-UE fl-għotjiet iffirmati (f’miljuni ta’ EUR)

    % tal-kontribuzzjoni totali tal-UE f’għotjiet iffirmati

    Stati Membri

    268 153

    82,3 %

    22,1 %

    61 008

    84,3 %

    28 334

    92 %

    Pajjiżi mhux tat-twessigħ

    205 413

    63,0 %

    22,8 %

    48 378

    66,9 %

    24 141

    78,4 %

    Pajjiżi tat-twessigħ

    62 740

    19,3 %

    19,8 %

    12 630

    17,5 %

    4 193

    13,6 %

    Pajjiżi assoċjati

    19 761

    6,1 %

    19,6 %

    3 929

    5,4 %

    2 024

    6,6 %

    Pajjiżi Terzi

    37 999

    11,7 %

    21,6 %

    7 392

    10,2 %

    444

    1,4 %

    TOTAL

    325 913

    100 %

    21,9 %

    72 329

    100 %

    30 802

    100 %

    Tabella 2: Oriġini tal-applikanti

    L-ogħla ishma tal-parteċipanti jiġu minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (33,5 %), entitajiet tas-settur privat (30,5 %) u organizzazzjonijiet tar-riċerka (22,5 %).

    L-għadd ta’ parteċipanti ġodda fil-programm żdied minn 36 % fl-2022 għal 47 %.

    B’mod ġenerali, l-entitajiet li jinsabu fl-Istati Membri ngħataw EUR 28,3 biljun (92 % tal-fondi). L-entitajiet fil-pajjiżi tat-twessigħ ingħataw 13,6 % tal-fondi. L-entitajiet li jinsabu f’pajjiżi assoċjati ngħataw aktar minn EUR 2 biljun (6,6 %) u dawk f’pajjiżi terzi mhux assoċjati nghataw EUR 444 miljun (1,4 %).

    L-SMEs irċevew 20,6 % tal-baġit allokat ta’ Orizzont Ewropa (EUR 6,6 biljun), li minnhom EUR 5,34 biljun f’għotjiet (17 % tal-baġit tal-għotjiet allokat ta’ Orizzont Ewropa) u EUR 1,26 biljun f’investimenti diretti permezz tal-Fond tal-EIC.

    L-ewwel riżultati

    Sors tad-data: Id-dashboard tal-Perkors Ewlieni tal-Impatt, iffriżat fit-02.01.2024

    Aktar minn 59 000 riċerkatur irċevew appoġġ għall-attivitajiet ta’ titjib tal-ħiliet fl-ambitu ta’ Orizzont Ewropa; 45 % minnhom kienu nisa. Tliet snin wara li tnieda l-programm, il-proġetti ffinanzjati (489 proġett jew 4,5 % tal-proġetti kollha li kienu għaddejjin) bdew jipproduċu r-riżultati. Sa issa l-proġetti pproduċew 2 843 pubblikazzjoni rieżaminata bejn il-pari, u 1 804 riżultati innovattivi . Kienu biss 174 proġett (1,6 %) li ngħalqu fiż-żmien ta’ din l-analiżi.

    Fokus fuq is-sħubijiet Ewropej

    Sors tad-data: id-dashboard tal-proġetti ta’ Orizzont, iffriżat fit-02.01.2024

    Sa tmiem l-2023, kienu ġew stabbiliti 44 sħubija mid-49 li ġew identifikati fl-ewwel pjan strateġiku ta’ Orizzont Ewropa għall-perjodu 2021-2024.

    Fl-ambitu tal-10 impriżi konġunti attivi (sħubijiet istituzzjonalizzati bbażati fuq l- Artikolu 187 tat-TFUE ), ġew iffirmati 345 għotja għal total ta’ EUR 2,9 biljun (9,5 % tal-fondi ta’ Orizzont Ewropa mogħtija matul il-perjodu 2021-2023). Is-sħubijiet jinvolvu madwar 3 000 organizzazzjoni differenti, li żewġ terzi minnhom huma kumpaniji privati u 40 % huma SMEs. Ġew introdotti EUR 2,75 biljun addizzjonali mill-benefiċjarji, li jirrappreżentaw 50 % tal-investimenti tal-proġetti. F’Novembru, is- Sħubija għall-Provi Kliniċi bejn Pajjiżi Ewropej u Pajjiżi li qed Jiżviluppaw għas-Saħħa Globali , li tfasslet biex jiġi studjat il-mard infettiv relatat mal-faqar u dak ittraskurat, kisbet l-awtonomija.

    F’dak li għandu x’jaqsam mas-sħubijiet kofinanzjati, ġew iffirmati ftehimiet ta’ għotja ma’ tmien konsorzji ta’ benefiċjarji fl-ambitu tal-Pilastru II u ma’ konsorzju wieħed fl-ambitu tal-Pilastru III għal total ta’ EUR 680 miljun. Kienu qed jitħejjew tmien sħubijiet oħra. Is-sħab ikkontribwew bejn 50 % u 70 % tal-fondi (EUR 1,65 biljun addizzjonali) għar-R&I.

    EUR 3,1 biljun minn Orizzont Ewropa (madwar 10 %) appoġġaw is-sħubijiet koprogrammati u s-sħab tal-proġetti introduċew EUR 0,5 biljun addizzjonali. Ġew iffinanzjati 460 proġett matul il-perjodu 2021-2023 li kienu jinvolvu 3 879 organizzazzjoni differenti, li terz minnhom kienu SMEs.



    Fokus fuq l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT)

    Ir-riżultati miksuba fl-2023 kienu jinkludu:

    ·1 576 persuna ggradwaw minn programmi ta’ master u dottorat bit-tikketta tal-EIT;

    ·72 negozju ġdid inħolqu minn studenti minn programmi tal-EIT u 97 kienu r-riżultat ta’ proġetti ta’ innovazzjoni tal-EIT;

    ·945 negozju ġdid irċevew appoġġ mill- Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni tal-EIT (KKI);

    ·301 prodott jew servizz innovattivi ġew introdotti fis-suq mill-KKI tal-EIT.

    Fokus fuq il-missjonijiet tal-UE

    Sors: il-proposti ta’ Orizzont u d-dashboards tal-proġetti, iffriżati fit-02.01.2024

    Valutazzjoni tal-missjonijiet tal-UE ġiet ikkompletata u rrappurtata fl-ewwel Komunikazzjoni li tanalizza l-proċess tal-għażla, il-governanza, il-baġit, il-fokus u l-progress li sar sa issa.

    Sa tmiem l-2023, 36 sejħa għal missjonijiet kienu tnedew, ingħalqu u ġew evalwati bis-sħiħ. Is-sejħiet għal proposti attiraw 856 proposta eliġibbli, li minnhom 215 intgħażlu għall-finanzjament għal ammont totali ta’ EUR 1,7 biljun.

    Ġew iffirmati 173 għotja ta’ Orizzont Ewropa li kienu jinvolvu 2 386 parteċipant għal ammont totali ta’ EUR 1,43 biljun li jinqasmu 2 kif ġej fil-ħames missjonijiet:

    Illustrazzjoni 2: Għotjiet għall-missjonijiet f’%

    Għalkemm għadu kmieni wisq biex l-impatt tal-ħames missjonijiet immirati jiġi vvalutat bis-sħiħ, diġà jistgħu jiġu rrappurtati xi kisbiet magħżula:

    ·Il- Missjoni dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima  nediet il-pjattaforma ta’ implimentazzjoni tagħha li tipprovdi servizzi lil 311-il reġjun u awtorità lokali. L-ewwel 21 proġett bdew u indirizzaw kwistjonijiet bħall-ittestjar u d-dimostrazzjoni ta’ soluzzjonijiet għar-reżiljenza għall-klima.

    ·Sal-bidu ta’ Diċembru, aktar minn 2 000 individwu u 370 organizzazzjoni kienu impenjaw ruħhom li jappoġġaw il- Missjoni “Patt dwar il-Ħamrija għall-Ewropa . 20 proposta oħra, fosthom dawk għall-ewwel laboratorji ħajjin, intgħażlu għall-finanzjament.

    ·Il- Missjoni Nirrestawraw l-Oċean u l-Ilmijiet tagħna  nediet il- Portal tas-Servizz tal-Missjonijiet . Kważi 600 azzjoni ffirmaw il- Karta tal-Missjoni .

    ·Il- Missjoni dwar il-Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti  laħqet stadju importanti meta l-ewwel 10 bliet parteċipanti ngħataw it- Tikketta tal-Missjoni .

    3.3. Analiżi fil-fond: Monitoring flashes ta’ Orizzont u studji oħra

    Il-Kummissjoni ppubblikat rapport u skeda informattiva dwar il-parteċipazzjoni ta’ parteċipanti ġodda fil-programmi qafas ta’ R&I tal-UE u skeda informattiva dwar id-data ta’ implimentazzjoni ewlenija ta’ Orizzont Ewropa għall-perjodu 2021-2022. Hija ppubblikat ukoll rapporti dwar kif il-programmi għar-R&I kkontribwew għall- Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi , u għall- Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima .

    3.4Disseminazzjoni u sfruttament

    Il-programm kompla juża l-għodod ta’ disseminazzjoni stabbiliti — il- pjattaforma tar-Riżultati tal-programm Orizzont , il- Booster tar-Riżultati tal-programm Orizzont , il- CORDIS , id- Dashboard tal-programm Orizzont u r-- Radar tal-Innovazzjoni tal-UE biex jipprovdi riżultati li jistgħu jintużaw.

    Dan wettaq ukoll aktar attivitajiet ta’ disseminazzjoni:

    ·Il-Kummissjoni tat il- Premju tal-2023 għall-Innovazzjoni fis-Sigurtà , li jiċċelebra eżempji eċċellenti tar-R&I li huma ta’ benefiċċju għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE.

    ·Għoxrin avveniment dwar suġġetti li jvarjaw mill-bijoterroriżmu sar-reżiljenza għad-diżastri fil-qafas tal- Komunità tar-Riċerka u l-Innovazzjoni Ewropea għas-Sigurtà  laqqgħu flimkien lil dawk li jfasslu l-politika, lir-riċerkaturi, lill-industrija u lis-soċjetà ċivili għall-iskambji inkluż id-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka dwar is-sigurtà.

    ·Is- Sistema ta’ Monitoraġġ u Informazzjoni tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tat-Trasport  analizzat ir-riżultati tal-proġetti Ewropej ta’ R&I fil-mobbiltà u t-trasport.

    ·Biex tfakkar is- Sena Ewropea tal-Ħiliet , il-Kummissjoni ppubblikat il- Pakkett ta’ Riżultati tal-CORDIS  li juri l-ħidma ta’ 13-il proġett ta’ riċerka ffinanzjati fl-ambitu ta’ Orizzont 2020 fit-taħriġ, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet.

    ·F’Marzu, l-Inizjattiva Ix-Xjenza tal-Għaġeb! ippermettiet lil 4 000 student tal-iskola mill-Ewropa kollha li jkunu involuti ma’ xjentisti ewlenin.

    ·F’Settembru, il- Lejla Ewropea tar-Riċerkaturi   saret f’26 pajjiż u attirat aktar minn 1,5 miljun viżitatur u wriet l-impatt tax-xjenza fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies.

    ·F’Mejju, avveniment ta’ livell għoli għalaq il-proġett L-Ilħna taċ-Ċittadini għat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE , li rriżulta fi pjanijiet direzzjonali nazzjonali u Ewropej li jidentifikaw azzjoni speċifika li għandha tittieħed bil-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini.

    3.5Implimentazzjoni u monitoraġġ tal-programm Euratom għall-perjodu 2021-2025

    a)Azzjonijiet diretti nukleari implimentati mill-JRC

    Il-JRC appoġġa r-rispons tal-Kummissjoni Ewropea għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna billi wettaq attivitajiet fil-qasam tal-monitoraġġ ambjentali tar-radjuattività, tas-sikurezza nukleari u tar-rispons għat-tħejjija f’każ ta’ emerġenza.

    Il-JRC ħadem mal- Aġenzija għall-Enerġija Nukleari tal-OECD u kkontribwixxa għal rapporti u studji tal-każ dwar ir-reatturi nukleari żgħar u r-rwol futur potenzjali tagħhom fid-dekarbonizzazzjoni.

    Fil-qasam tal-attività tat-Terapija Alfa għat-trattament tal-kanċer, il-JRC organizza is- Simpożju Internazzjonali tat-Terapija Alfa Mmirata TAT12 b’mod konġunt mal-Università ta’ Pretoria.

    Bħala parti mill-attivitajiet ta’ prospettiva tiegħu, il-JRC wettaq Analiżi tal-Prospettivi għas-Sikurezza u għas-Sigurtà Nukleari li ġiet ippubblikata f’ rapport annwali .

    Il-JRC ippubblika 111-il artikolu li ġew rieżaminati bejn il-pari f’oqsma nukleari bħas-sikurezza tal-fjuwil nukleari użat, il-materjali, l-immaniġġar ta’ skart radjuattiv, l-applikazzjonijiet mediċi jew il-kejl tar-radjazzjoni ambjentali. Huwa pprovda wkoll 13-il kors ta’ taħriġ lill-Istati Membri taħt il-programm taċ-Ċentru Ewropew ta’ Taħriġ dwar is-Sigurtà Nukleari.

    b)Azzjonijiet indiretti tal-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom (għotjiet)

    F’Marzu, il-Kummissjoni adottat il- programm ta’ ħidma tal-Euratom għall-perjodu 2023-2025 , li għamel EUR 132 miljun disponibbli għar-riċerka għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE filwaqt li żgura l-ogħla standards ta’ sikurezza. Fl-avveniment ta’ tnedija, il-Kummissjoni ffirmat dikjarazzjoni dwar l- SMR tal-UE 2030: Riċerka u Innovazzjoni, Edukazzjoni u Taħriġ li ffukat fuq ir-rwol ewlieni tar-R&I, l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-iżvilupp tar-Reatturi Modulari Żgħar.

    F’Awwissu, il-proġett iffinanzjat mill-Euratom, EURAMED Rocc-n-Roll, ippreżenta pjan direzzjonali strateġiku ta’ riċerka għall-applikazzjonijiet mediċi tar-radjazzjoni jonizzanti għall-kura tas-saħħa aħjar u individwalizzata; wieħed mill-pedamenti tal- pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer u tal- Missjoni dwar il-Kanċer .

    Is-sħubija kofinanzjata mill-Euratom, EUROfusion, kisbet l-għanijiet tar-riċerka tat-tielet kampanja sperimentali tagħha tad-dewterju-tritju fl- apparat Joint European Torus . L-esperimenti esploraw il-proċessi ta’ fużjoni u t-tekniki ta’ kontroll bi tħejjija għall-impjanti tal-enerġija mill-fużjoni futuri.

    F’Settembru, il-Kummissjoni nediet sejħa għall- Premju tal-Innovazzjoni SOFT għall-2024 , li kien jirrikonoxxi u juri l-innovazzjoni fir-riċerka dwar il-fużjoni u jippremja r-riċerka eċċellenti.

    4.Prospettiva għall-2024

    Fl-2024, il-Kummissjoni se tadotta l-pjan strateġiku li jmiss ta’ Orizzont Ewropa għall-perjodu 2025-2027, li jidentifika l-prijoritajiet tar-R&I għat-tieni nofs ta’ Orizzont Ewropa. Abbażi tiegħu se jiġi abbozzat il-programm ta’ ħidma ta’ Orizzont Ewropa għall-2025.

    Fl-2024, il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi l-missjonijiet u s-sħubijiet tal-UE u l-attivitajiet ta’ R&I ta’ Orizzont Ewropa. Bħala eżempju, dan se jfakkar l-40 sena minn meta tnedew il-programmi qafas ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE u r-rwol tagħhom fil-ħolqien ta’ futur aktar pożittiv matul il- Jiem Ewropej tar-Riċerka u l-Innovazzjoni .

    (1)  Fl-ambitu tas-sejħiet li huma magħluqa u evalwati bis-sħiħ biss.
    (2) In-nefqa għal proġetti orizzontali jew proġetti konġunti bejn il-missjonijiet hija maqsuma b’mod ugwali bejn il-missjonijiet li għalihom jikkontribwixxu l-proġetti.
    Top