EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024DC0181

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-ħidma fil-qafas tal-programm ta’ assistenza għad-dekummissjonar nukleari fil-Bulgarija, fis-Slovakkja u fil-Litwanja u tal-programm tal-JRC fl-2022 u fis-snin preċedenti

COM/2024/181 final

Brussell, 29.4.2024

COM(2024) 181 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-ħidma fil-qafas tal-programm ta’ assistenza għad-dekummissjonar nukleari fil-Bulgarija, fis-Slovakkja u fil-Litwanja u tal-programm tal-JRC fl-2022 u fis-snin preċedenti




































































1.Sommarju u punti ewlenin

Il-programmi ta’ dekummissjonar nukleari kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea fil-Bulgarija, fis-Slovakkja u fil-Litwanja laħqu l-objettivi ewlenin li ġew stabbiliti fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali preċedenti (QFP 2014-2020). Għall-QFP kurrenti 2021-2027 ġew stabbiliti objettivi ġodda u l-programm ta’ dekummissjonar u ta’ mmaniġġar tal-iskart radjuattiv taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea ngħaqad taħt l-istess regolamenti ta’ finanzjament. Il-kofinanzjament ipprovdut mill-2021 se jwassal għat-tlestija tad-dekummissjonar fis-Slovakkja u fil-Bulgarija, filwaqt li se jgħin lil-Litwanja biex tibda ż-żarmar attwali tar-reatturi ta’ Ignalina, sfida teknoloġika tal-ewwel xorta tagħha fuq skala globali. Il-finanzjament se jiżgura wkoll progress kostanti tal-attivitajiet ta’ qabel id-dekummissjonar u tad-dekummissjonar prinċipalment fis-sit tal-JRC fl-Italja, kif ukoll l-immaniġġar tal-iskart u t-tneħħija ta’ tagħmir li ma għadux jintuża fit-tliet siti l-oħrajn tal-JRC (il-Belġju, il-Ġermanja, in-Netherlands) b’infrastruttura ta’ riċerka nukleari operattiva.

Matul l-2022, l-attivitajiet preparatorji ta’ proġetti ewlenin li għad iridu jsiru, għal darb’oħra mxew ’il quddiem b’rata aktar bil-mod milli ppjanat, minkejja l-progress tax-xogħlijiet fil-prattika, li kien eċċellenti f’xi każijiet partikolari.

Il-punti ewlenin tal-implimentazzjoni tal-programmi fl-2022 huma:

·fil-Bulgarija, id-dekontaminazzjoni kompluta tar-reatturi biex jitħejja ż-żarmar sikur sussegwenti, u aktar progress fil-kostruzzjoni tar-repożitorju qrib is-superfiċje għall-iskart ta’ livell baxx u intermedju;

·fis-Slovakkja, iż-żarmar komplut tar-reatturi, fejn il-komponenti kollha tar-reattur ġew ifframmentati, dekontaminanti u ppakkjati;

·fil-Litwanja, it-tneħħija ffinalizzata tal-assemblaġġi tal-fjuwil użat mill-pixxina għall-fjuwil użat, minn hemm ’il quddiem il-bidu tat-tħejjijiet għaż-żarmar taż-żewġ reatturi;

·ir-riċiklaġġ ta’ ammonti kbar ta’ materjali, b’mod partikolari metalli; pereżempju, fis-Slovakkja, ir-rata tar-rilaxx tal-metalli mill-kontroll regolatorju qabżet il-95 %, u ġew irriċiklati aktar minn 3 500 tunnellata;

·fil-JRC-Ispra, il-faċilità ta’ ħżin interim bdiet operazzjonijiet biex taħżen skart ta’ livell baxx ħafna mhux ikkundizzjonat, ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għad-dekummissjonar tar-reattur tar-riċerka u tal-faċilità taċ-ċelloli sħan, u ġie ffirmat kuntratt għall-aljenazzjoni ta’ materjal nukleari frisk;

·għal siti oħra tal-JRC (Petten, Karlsruhe, Geel), il-programm kompla jiffoka fuq it-tnaqqis tal-inventarju tal-iskart ta’ legat u l-ħidma preparatorja tal-ippjanar u l-finanzjament għar-rimi finali.

Id-dekummissjonar ta’ faċilitajiet nukleari u l-immaniġġar tal-iskart li jinħoloq fl-ambitu ta’ strument komuni fil-QFP 2021-2027 qed jieħdu vantaġġ mis-sinerġiji u mill-kondiviżjoni tal-għarfien bil-ħsieb li jiżguraw it-tixrid tal-għarfien u r-ritorn tal-esperjenza permezz tal-istabbiliment ta’ pjattaforma ddedikata mill-JRC. L-approċċ sinerġiku promoss mill-Kummissjoni Ewropea sar realtà fil-Bulgarija, fejn it-tagħmir u l-proċessi ta’ dekontaminazzjoni li kienu jintużaw qabel fis-Slovakkja ġew skjerati b’suċċess b’effiċjenza u b’iffrankar tal-kostijiet sostanzjalment ogħla. Din l-esperjenza pożittiva se tiġi rreplikata fis-siti kollha kull meta jkun applikabbli, taħt l-isponsorizzazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

2.Qafas tal-programmi

Il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2021-2027 jinkludi programmi ta’ finanzjament għad-dekummissjonar u għall-immaniġġar tal-iskart radjuattiv, li huma stabbiliti f’żewġ Regolamenti ( 1 ) (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolamenti”) li jipprovdu qafas komuni għall-impjanti tal-enerġija nukleari ta’ Kozloduy (l-Unitajiet minn 1 sa 4) fil-Bulgarija, l-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Bohunice V1 fis-Slovakkja, l-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Ignalina fil-Litwanja, u l-installazzjonijiet tar-riċerka nukleari taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea fil-Belġju, fil-Ġermanja, fl-Italja u fin-Netherlands.

Dan ir-rapport jippreżenta l-implimentazzjoni tal-ħidma mwettqa sal-2022 fl-ambitu ta’ dawk il-programmi f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolamenti.

2.1.Il-Programmi ta’ Assistenza għad-Dekummissjonar Nukleari

L-ewwel sett ta’ programmi, magħrufa wkoll bħala l-Programmi ta’ Assistenza għad-Dekummissjonar Nukleari (NDAP), jipprovdi assistenza finanzjarja għad-dekummissjonar ta’ lista speċifika ta’ tmien reatturi nukleari li jinsabu fil-Bulgarija, fil-Litwanja u fis-Slovakkja. Il-programmi oriġinaw fil-bidu tas-snin 2000 u huma bbażati fuq pjanijiet ta’ dekummissjonar li fihom dispożizzjonijiet ċari dwar il-kamp ta’ applikazzjoni, il-baġit u l-ippjanar. Ir-rimi ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv f’repożitorju ġeoloġiku fil-fond huwa eskluż mill-programmi u għandu jiġi ttrattat minn kull Stat Membru kif meħtieġ mid-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom ( 2 ).

Il-Kummissjoni Ewropea fdat l-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) għat-tliet siti kollha (mill-2001); l-Aġenzija Ċentrali għall-Ġestjoni tal-Proġetti (CPMA) għall-programm Ignalina (mill-2003); u l-Aġenzija Slovakka għall-Innovazzjoni u l-Enerġija (SIEA) għall-programm Bohunice (mill-2016).

2.2.Programm għad-Dekummissjonar u għall-Immaniġġar tal-Iskart tal-JRC

Il-Programm għad-Dekummissjonar u għall-Immaniġġar tal-Iskart (D&WM) tal-JRC jinvolvi sett kumpless ta’ attivitajiet u proġetti speċifiċi b’objettivi relatati. F’Ispra (l-Italja), fejn il-biċċa l-kbira tal-faċilitajiet nukleari ma baqgħux joperaw qabel l-1999 u fejn hemm struttura organizzazzjonali stabbilita sewwa mit-tnedija tal-programm, l-objettivi jinkludu miri ta’ konservazzjoni sikura, ta’ qabel id-dekummissjonar, tad-dekummissjonar u tal-immaniġġar tal-iskart li jkopru varjetà ta’ installazzjonijiet kbar li ma għadhomx jintużaw u lottijiet ta’ skart. Għas-siti l-oħrajn tal-JRC, l-objettivi huma, fil-biċċa l-kbira, iffukati fuq l-immaniġġar tal-iskart ta’ legat, il-minimizzazzjoni tal-inventarju tal-iskart radjuattiv u tal-materjal nukleari, iż-żarmar ta’ tagħmir li ma għadux jintuża u ta’ faċilitajiet relattivament żgħar u fuq id-definizzjoni ta’ pjanijiet u fuq l-organizzazzjoni ta’ timijiet biex jiġu implimentati attivitajiet futuri ta’ dekummissjonar u ta’ mmaniġġar tal-iskart.

Il-JRC jimplimenta direttament il-programm D&WM; jiġifieri l-persunal tal-JRC jiġġestixxi l-programm, filwaqt li l-attivitajiet jiġu esternalizzati. Bħala parti mill-objettivi tar-Regolamenti, l-esplorazzjoni tat-trasferiment tal-obbligazzjonijiet lejn l-Istati Membri ospitanti hija meqjusa bħala għażla.

3.Implimentazzjoni baġitarja u kofinanzjament

L-appoġġ finanzjarju tal-UE pprovdut mir-Regolamenti se jippermetti lill-Bulgarija u lis-Slovakkja jlestu d-dekummissjonar tar-reatturi kkonċernati u se jgħin lil-Litwanja tipproċedi b’mod sikur u kostanti bid-dekommissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Ignalina, proċess tal-ewwel xorta tiegħu fuq skala bla preċedent li jinvolvi l-irkupru u l-imballaġġ ta’ ammont kbir ta’ grafit irradjat.

Għaldaqstant, il-finanzjament tal-programmi Kozloduy u Bohunice se jitlesta fil-QFP kurrenti 2021-2027 u ma huwa se jkun meħtieġ l-ebda finanzjament addizzjonali mill-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, il-programm Ignalina huwa skedat li jdum sal-2038 u għalhekk jista’ jkun meħtieġ finanzjament addizzjonali mill-Unjoni Ewropea wara t-tmiem tal-QFP kurrenti, u b’hekk mill-2028. Madankollu, dan ma jippreġudika l-ebda diskussjoni dwar il-QFP futur.

Il-Bulgarija u s-Slovakkja stabbilew fondi nazzjonali dedikati li jipprovdu finanzjament għad-dekummissjonar u għall-immaniġġar tal-iskart radjuattiv. Dawn huma kkomplementati minn riżorsi nazzjonali oħrajn, l-aktar mill-baġits nazzjonali. Għall-programm Ignalina, il-gvern Litwan impenja ruħu li jipprovdi 14 % tal-baġit ġenerali minn sorsi nazzjonali sa tmiem il-programm. Ir-Regolamenti introduċew rati massimi ta’ kofinanzjament għall-kontribuzzjoni tal-UE fl-ambitu tal-QFP 2021-27; dawn ir-rati huma 50 % għall-programmi Kozloduy u Bohunice u 86 % għall-programm Ignalina.

It-Tabella 1 turi l-ishma ta’ finanzjament mill-bidu tal-programmi fil-bidu tas-snin 2000, kif ukoll il-“Baġit mat-Tlestija”, inklużi kontinġenzi u riskji. Abbażi tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ u tal-valutazzjonijiet tar-riskju fl-2022, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda indikazzjoni li l-baġits se jiżdiedu.

Tabella 1: Kontribuzzjonijiet ta’ finanzjament tal-NDAP, EUR miljun

NDAP

Stat Membru

Donaturi oħrajn

UE

Total

Baġit mat-tlestija

Kozloduy

35,7 %

0,6 %

63,7 %

100,0 %

1 358

Bohunice

40,5 %

0,7 %

58,8 %

100,0 %

1 220

Ignalina

14,0 %

0,7 %

60,5 %

75,2 %( 3 )

3 345

Sors: Rapporti ta’ monitoraġġ, programmi ta’ ħidma annwali, BERŻ, CPMA, SIEA.

Il-perjodu ta’ żmien għad-dekummissjonar tal-faċilitajiet tal-JRC se jestendi sad-deċennju tal-2040 għal Ispra u l-2060 għal Karlsruhe u Geel minħabba li l-programm ikopri wkoll faċilitajiet sperimentali li għadhom qed joperaw. L-għażla tax-xenarju tad-dekummissjonar li għandu jiġi implimentat se tiġi ffinalizzata fl-aħħar deċennju tal-ħajja operazzjonali tagħhom. Il-baġit stmat kurrenti mat-tlestija tal-attivitajiet ta’ dekummissjonar f’Ispra huwa ta’ EUR 926 miljun.

4.Progress u prestazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea timmonitorja l-progress u l-prestazzjoni abbażi tal-objettivi stabbiliti fir-Regolamenti, permezz ta’ sett estiż ta’ indikaturi tal-prestazzjoni ddefiniti fl-Annessi tar-Regolamenti, inkluża s-sistema tal-immaniġġar tal-valur miksub (EVM) ( 4 ). B’mod parallel, il-perkors kritiku tal-programmi ( 5 ) jiġi mmonitorjat bl-akbar attenzjoni u, fejn jiġu identifikati r-riskji, jiġu proposti azzjonijiet ta’ mitigazzjoni.

Għall-NDAP, ir-riskji ta’ dewmien fit-tlestija tal-programmi individwali huma għoljin ħafna minkejja l-miżuri ta’ mitigazzjoni. Filwaqt li l-attivitajiet li għaddejjin bħalissa fil-prattika jitwettqu b’mod sikur u ma joħolqux tħassib f’termini ta’ nfiq u skeda, l-implimentazzjoni bil-mod tal-attivitajiet preparatorji tal-istadji li jmiss tqajjem dubji dwar il-fattibbiltà tal-programmi qabel id-dati ta’ tmiem stabbiliti.

4.1.Il-Bulgarija — il-programm Kozloduy

L-Unitajiet minn 1 sa 4 fl-impjant ta’ Kozloduy huma reatturi VVER ( 6 ) 440/230. L-Unitajiet 1 u 2 ingħalqu fl-2002 u l-Unitajiet 3 u 4 ingħalqu fl-2006. L-unitajiet jinsabu qrib żewġ unitajiet oħra (Kozloduy 5 u 6), li qed joperaw.

Taħt is-superviżjoni tal-Ministeru tal-Enerġija, l-Intrapriża tal-Istat għall-Iskart Radjuattiv (SERAW) hija l-operatur liċenzjat inkarigat mid-dekummissjonar, kif ukoll mill-kostruzzjoni u t-tħaddim tal-faċilità nazzjonali għar-rimi ta’ skart radjuattiv ta’ livell baxx u intermedju.

Fl-2022, SERAW intensifikat l-attivitajiet ta’ dekontaminazzjoni u ta’ żarmar tagħha fil-bini tar-reattur. Is-similarità tar-reatturi ta’ Bohunice u Kozloduy ipprovdew opportunità eċċellenti biex jiġu kondiviżi l-esperjenza, il-metodi u t-tagħmir, u b’hekk jitnaqqsu r-riskji u l-kost. SERAW ibbenefikat mill-għarfien prattiku Slovakk u għamlet użu minn tagħmir użat minn Bohunice għad-dekontaminazzjoni taċ-ċirkwiti primarji. B’konsegwenza ta’ dan, id-dekontaminazzjoni ta’ erba’ unitajiet f’Kozloduy tlestiet bl-aħjar riżultati u fi żmien iqsar. L-Illustrazzjoni 1 turi titjib minħabba s-sinerġiji u l-kondiviżjoni tal-għarfien.

Illustrazzjoni 1. Tqabbil tal-prestazzjoni (perċentwali) u l-iskeda (dati) tad-dekontaminazzjoni tar-reatturi fl-Unitajiet 1 sa 4 ta’ Bohunice V1 u Kozloduy.

Wara li temmet b’suċċess id-dekontaminazzjoni, immedjatament wara, SERAW impenjat ruħha fiż-żarmar tal-oġġetti l-kbar tar-reattur, bħall-valvi ewlenin u l-pompi taċ-ċirkolazzjoni.

Il-kostruzzjoni tar-repożitorju qrib is-superfiċje għal skart ta’ livell baxx u intermedju (Faċilità Nazzjonali għar-Rimi) bdiet fl-2017 u tlestiet f’2023. Dan l-istadju importanti se jkun essenzjali biex tiġi żgurata t-tlestija tal-programm sa tmiem l-2030.

Il-kampanji operazzjonali tal-faċilità tat-tidwib tal-plażma ( 7 ) komplew b’suċċess: bejn l-2019 u l-2022, SERAW wettqet ħames kampanji operazzjonali u nediet is-sitt waħda, u kisbet tnaqqis fil-volum tal-iskart b’medja ta’ 50 darba. Fil-qafas tal-kondiviżjoni tal-għarfien, il-karatteristiċi ewlenin ta’ dan il-proġett huma ppreżentati fi “prodott tal-għarfien” dedikat (ara t-taqsima 5) biex jiġu ffaċilitati l-argumenti għall-vijabbiltà tal-maniġers tal-iskart interessati fl-Unjoni Ewropea.

F’termini ta’ indikaturi ewlenin ta’ monitoraġġ, sa tmiem l-2022, SERAW ipproċessat 1 568 tunnellata ta’ metall (14 % tal-mira tal-QFP) u rrilaxxat 6 527 tunnellata ta’ materjali diversi għar-riċiklaġġ (50 % tal-mira tal-QFP), filwaqt li l-ammont ta’ skart radjuattiv maħżun huwa aktar minn 5 % tal-mira tal-QFP. ( 8 )

Il-linja bażi tal-prestazzjoni tal-programm tibqa’ l-istess, bid-data tat-tmiem tal-eżekuzzjoni stabbilita fl-2030. L-Illustrazzjoni 2 turi l-ammont ta’ xogħol imwettaq (il-valur miksub) meta mqabbel mal-pjan (ix-xenarju bażi). Il-linja bażi tinkludi kontinġenzi u dan jispjega parti mid-distakk meta mqabbel mal-progress attwali.

Illustrazzjoni 2. Il-programm Kozloduy — progress u prestazzjoni.

B’mod ġenerali, l-indikaturi juru li l-programm ta’ dekummissjonar f’Kozloduy għamel progress tajjeb fl-2022; madankollu, it-tagħlimiet meħuda f’Bohunice urew li r-riskju ta’ dewmien fl-attivitajiet li ġejjin għandu jiġi indirizzat sew minn qabel. Fl-2021, il-Kummissjoni Ewropea talbet l-eżekuzzjoni ta’ test tal-istress fuq l-iskeda ġenerali sabiex tikkonferma jekk id-data tat-tlestija tal-programm tistax tiġi ssodisfata, u biex tivvaluta r-riskji u l-miżuri ta’ mitigazzjoni. Ir-riżultati preliminari ta’ dan l-eżerċizzju kkonfermaw li r-riskju ta’ dewmien fid-data finali tal-programm huwa għoli, u għalhekk il-Kummissjoni talbet lil SERAW tniedi pjan ta’ mitigazzjoni tar-riskju taħt is-superviżjoni tal-Ministeru tal-Enerġija.

4.2.Is-Slovakkja — il-programm Bohunice

L-impjant ta’ Bohunice V1 jikkonsisti f’żewġ reatturi VVER 440/230. L-Unità 1 ingħalqet fl-2006 u l-Unità 2 ingħalqet fl-2008. L-unitajiet jinsabu qrib żewġ unitajiet oħra (Bohunice V2) li qed joperaw, u unità oħra (Bohunice A1) li qed tiġi dekummissjonata.

Taħt is-superviżjoni amministrattiva tal-Ministeru tal-Ekonomija, Jadrová a vyraďovacia spoločnosť (JAVYS) huwa l-operatur inkarigat mid-dekummissjonar ta’ Bohunice V1. Il-missjoni tiegħu tinkludi d-dekummissjonar sikur tal-faċilitajiet nukleari, l-immaniġġar tal-fjuwil nukleari użat u tal-iskart radjuattiv fit-territorju Slovakk.

Matul l-2022, JAVYS u l-kuntratturi tiegħu fframmentaw, iddekontaminaw u ppakkjaw il-komponenti kollha tar-reattur, u b’hekk laħqu stadju importanti fil-proċess tad-dekummissjonar. Il-ħidma fuq il-post imxiet b’pass pjuttost sodisfaċenti anke fiż-żarmar ta’ sistemi oħra fil-bini tar-reattur u l-enfasi bħalissa hija fuq it-tneħħija ta’ konkrit ikkontaminat mill-istrutturi tal-bini.

Il-proċess ta’ dekontaminazzjoni kiseb livell għoli ħafna ta’ effiċjenza sa 99 %: minn Ġunju 2019 sal-aħħar tal-2022 b’mod kumulattiv, 3 117-il tunnellata ta’ materjali metalliċi kkontaminati ġew dekontaminati b’ammont ta’ 2 910 tunnellati ta’ materjali rilaxxati b’mod ħieles u 173 tunnellata għal aktar ipproċessar (ħżin jew tidwib tad-diżintegrazzjoni) qabel ir-rilaxx liberu.

F’termini ta’ indikaturi ewlenin ta’ monitoraġġ, sa tmiem l-2022, JAVYS kien neħħa 5 155 tunnellata ta’ metall (16 % tal-mira tal-QFP) u rema skart radjuattiv ta’ livell baxx ħafna u baxx, filwaqt li laħaq 16 % tal-mira tal-QFP. ( 9 )

Kif irrapportat qabel ( 10 ), JAVYS kellu jirrevedi l-iskeda ġenerali tal-programm u jipposponi d-data tat-tmiem sal-2027 mingħajr implikazzjonijiet fuq il-baġit; għalhekk hemm stabbilita linja bażi ġdida. Figure 3 turi l-ammont ta’ xogħol li sar (il-valur miksub) meta mqabbel mal-pjan (il-linja bażi).

Illustrazzjoni 3. Il-programm Bohunice — progress u prestazzjoni

Il-programm Bohunice huwa l-aktar wieħed avvanzat mit-tliet NDAP u jista’ jsir l-ewwel dekummissjonar komplut ta’ reattur tat-tip VVER madwar id-dinja. Madankollu, l-issodisfar tad-data finali tal-2027 għadu ta’ sfida kbira minħabba li għad irid isir l-akkwist ta’ xogħlijiet għad-demolizzjoni finali tal-bini tar-reattur u għalhekk f’dan il-mument ma jistax jiġi eskluż li jkun hemm aktar dewmien. Bl-appoġġ finanzjarju allokat tal-Unjoni, il-programm wettaq l-aktar stadji importanti rilevanti ta’ proċess ta’ dekummissjonar, naqqas il-perikli radjoloġiċi fuq il-post b’diversi ordnijiet ta’ kobor u dalwaqt se jħejji l-bini għat-twaqqigħ tiegħu f’kundizzjonijiet qrib dawk konvenzjonali.

4.3.Il-Litwanja — il-programm Ignalina

L-impjant ta’ Ignalina jikkonsisti f’żewġ reatturi RBMK ( 11 ) ta’ 1 500. L-Unità 1 ingħalqet fl-2004 u l-Unità 2 ingħalqet fl-2009. Il-Litwanja ma toperax reatturi nukleari oħrajn.

Taħt is-superviżjoni amministrattiva tal-Ministeru tal-Enerġija, l-intrapriża tal-Istat tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina (INPP) hija l-operatur inkarigat mill-faċilitajiet taħt id-dekummissjonar u, mill-2019, anke mill-faċilitajiet għar-rimi tal-iskart.

Minn tmiem l-2022, l-INPP kienet lestiet it-tneħħija tal-assemblaġġi ta’ fjuwil użat mill-bini tar-reattur u kienet ittrasferithom b’mod sikur fil-faċilità interim ta’ ħżin xott. Dan huwa stadju importanti ewlieni f’termini ta’ sikurezza nukleari u tnaqqis tar-riskju radjoloġiku, li jiftaħ it-triq għaż-żarmar tas-sistemi ewlenin tar-reattur. Sadanittant, l-INPP lestiet ukoll it-tindif, it-tbattil u d-dekontaminazzjoni tal-pixxini għall-fjuwil użat.

Iż-żarmar tar-reatturi ta’ Ignalina huwa sfida teknoloġika, għaliex qatt qabel ma ġie żarmat reattur b’qalba tal-grafit kbira. Fl-ewwel fażi, li bdiet fl-2020 u li se tibqa’ għaddejja sal-2027, l-INPP se tneħħi l-komponenti periferali kollha mill-fossa tar-reattur. Id-disinn tat-tneħħija sussegwenti tal-kontenut tal-fosos – il-grafit, l-istrutturi tal-metall u l-materjal tal-mili u d-disinn tal-faċilità għall-ħżin temporanju tal-iskart irradjat qed jiġu ppreċeduti minn studji dwar il-valutazzjoni tal-alternattivi possibbli ( 12 ), li bdew fl-2022 u li qed jinvolvu kumpaniji ta’ esperti rikonoxxuti fuq livell internazzjonali. Il-bidu mdewwem tal-valutazzjoni tal-alternattivi possibbli, minħabba t-tħejjijiet kumplessi tal-akkwist bejn il-partijiet ikkonċernati tal-programm, se jirrikjedi rivalutazzjoni tad-data finali tal-programm fi tmiem l-istadju tal-valutazzjoni tal-alternattivi possibbli.

L-INPP ma lestietx kif ippjanat il-proċedura ta’ akkwist għall-kostruzzjoni tar-repożitorju qrib is-superfiċje għal livell baxx u intermedju minħabba l-azzjoni legali ta’ offerent eskluż. Madankollu, l-INPP lestiet il-kostruzzjoni tal-faċilità tal-landfill għal skart b’ħajja qasira ta’ livell baxx ħafna; l-ewwel kampanja ta’ tagħbija twettqet u l-ikkummissjonar finali għadu għaddej. Mat-tlestija b’suċċess ta’ dawn il-faċilitajiet, l-INPP se jkollha l-għodod kollha meħtieġa għar-rimi tal-iskart radjuattiv b’ħajja qasira skont il-pjan tad-dekummissjonar. Qiegħed jiġi żviluppat pjan iddettaljat għall-konverżjoni tal-kmamar tal-ħżin tal-iskart bituminizzat f’repożitorju, taħt is-sorveljanza tal-korpi regolatorji rilevanti.

F’termini ta’ indikaturi ewlenin ta’ monitoraġġ, sa tmiem l-2022, l-INPP kienet żarmat 384 tunnellata ta’ metall (9 % tal-mira tal-QFP), kienet rmiet 4 094 m3 ta’ skart radjuattiv ta’ livell baxx ħafna (14 % tal-mira tal-QFP), u kienet ħażnet 678 m3 ta’ skart radjuattiv ta’ livell baxx u ta’ livell intermedju (7 % tal-mira tal-QFP). ( 13 )

Il-linja bażi tal-prestazzjoni tal-programm tibqa’ l-istess u tistabbilixxi d-data tat-tlestija tal-programm għall-2038. Figure 4 turi l-ammont ta’ xogħol li sar (il-valur miksub) meta mqabbel mal-pjan (il-linja bażi).

Illustrazzjoni 4. Il-programm Ignalina — progress u prestazzjoni

4.4.JRC - Il-programmi ta’ D&WM

Il-JRC għandu diversi faċilitajiet ta’ riċerka, inklużi reatturi ta’ riċerka, f’Ispra (l-Italja), f’Karlsruhe (il-Ġermanja), f’Petten (in-Netherlands) u f’Geel (il-Belġju). Filwaqt li l-programm ta’ dekummissjonar beda fl-Italja fil-bidu tas-snin 2000, il-faċilitajiet fuq is-siti l-oħra għadhom operazzjonali u l-attivitajiet huma limitati għall-immaniġġar tal-iskart ta’ legat u t-tneħħija tal-materjal nukleari.

F’Ispra, qed isiru diversi attivitajiet ta’ mmaniġġar tal-iskart ta’ qabel ir-rimi:

·l-attivitajiet ta’ disinn u manifattura għat-titjib tas-sistema ta’ karatterizzazzjoni tal-iskart komplew u l-proġett huwa mistenni li jitlesta fl-2023;

·is-superkompattazzjoni tal-iskart radjuattiv ġiet posposta b’madwar sena, sakemm tiġi attivata mill-ġdid il-faċilità esterna ta’ superkompattazzjoni;

·il-kostruzzjoni ta’ faċilità għall-irkupru ta’ skart ta’ legat bituminizzat midfun uriet xi dewmien minħabba kampanja ta’ karatterizzazzjoni wiesgħa mitluba mir-Regolatur biex jerġgħu jibdew ix-xogħlijiet fuq il-post;

·il-kostruzzjoni ta’ faċilità ta’ grouting għall-iskart radjuattiv ġiet ittardjata minħabba kwistjonijiet kuntrattwali;

·wara d-dħul fis-seħħ tal-faċilità ta’ ħżin interim, ġew ittrasferiti madwar 1 000 tank għall-ħżin;

·l-ipproċessar tal-iskart radjuattiv twettaq b’pass aktar mgħaġġel milli ppjanat, filwaqt li ġew ipproċessati 346 tunnellata ta’ skart u materjal abbażi ta’ mira ta’ 305 tunnellati.

Barra minn hekk, il-JRC ipproċeda għall-ġestjoni tal-materjali nukleari:

·l-istudji ta’ fattibbiltà għall-ħżin mhux fuq il-post ta’ materjal nukleari irradjat tlestew;

·l-aljenazzjoni ta’ parti mill-inventarju ta’ materjal nukleari mhux irradjat għadha għaddejja bid-disinn ta’ attivitajiet ta’ imballaġġ mill-ġdid u t-tħejjija tad-dokumentazzjoni tal-liċenzjar.

Bħala parti mill-proċess għall-awtorizzazzjoni tad-dekummissjonar tar-reattur ta’ riċerka, il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali ġiet aċċettata mill-awtoritajiet Taljani. Id-dokumentazzjoni tal-liċenzjar meħtieġa biex jinkiseb l-aġġornament tal-liċenzji nukleari kollha skont il-liġi nukleari Taljana 101/2020 ġdida tħejjiet u ġiet sottomessa skont l-iskadenzi.

Figure 5  ( 14 ) turi l-ammont ta’ xogħol imwettaq (valur miksub) skont il-pjan (linja bażi) li baqa’ l-istess fir-rigward tal-bidu tal-programm. L-indikaturi tal-iskeda u tal-kostijiet juru li l-programm waqa’ lura u qiegħed jiswa inqas milli ppjanat.

Illustrazzjoni 5. Il-progress u l-prestazzjoni tal-JRC – sit ta’ Ispra fl-Italja.

F’Geel, l-attivitajiet jikkonċernaw kemm l-immaniġġar tal-iskart kif ukoll l-operazzjoni ta’ karatterizzazzjoni u xi proġetti żgħar ta’ dekummissjonar. Biex jitnaqqas l-inventarju tal-materjali fissili, qed jiġu segwiti tliet għażliet: ir-ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini, it-trasferiment lejn l-Istati Membri, u r-rimi. Fl-2023 ġew iffirmati kuntratti biex xi materjali jiġu rritornati lejn il-pajjiż tal-oriġini.

F’Petten, il-programm ta’ dekummissjonar u ta’ ġestjoni tal-iskart jikkonċerna r-Reattur ta’ Fluss Għoli li l-JRC huwa s-sid tiegħu u l-kumpanija Netherlandiża NRG hija l-operatur u d-detentur ta’ liċenzja tiegħu. Għad hemm inċertezza dwar id-data tal-għeluq tiegħu, madankollu din hija marbuta mill-qrib mal-kummissjonar tar-reattur PALLAS, li se jissostitwixxi l-kapaċità tal-produzzjoni tar-radjoisotopi medika tiegħu. PALLAS ġie rikonoxxut bħala prijorità għolja u qed jinbena, madankollu l-iskeda għall-bidu tal-operazzjonijiet għadha ma ġietx stabbilita u se jkollu jitqies perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sovrapożizzjoni. Il-JRC jantiċipa deċiżjoni finali mhux aktar tard minn dan id-deċennju. L-NRG ippreżentat lir-Regolatur b’aġġornament tal-pjan ta’ dekummissjonar li issa huwa s-suġġett ta’ attenzjoni u diskussjonijiet bir-reqqa bejn il-JRC u l-NRG biex jiġi ddefinit aħjar l-approċċ l-aktar effiċjenti (l-organizzazzjoni, ix-xenarji u l-evalwazzjoni tal-kostijiet relatati).

Ġie ffinalizzat kuntratt Qafas ġdid għat-tneħħija tal-iskart storiku ta’ JRC-Petten u l-ewwel lottijiet ta’ skart se jiġu ttrattati mill-2023 ’il quddiem.

F’Karlsruhe, il-programm tad-dekummissjonar u tal-immaniġġar tal-iskart għaddej b’mod parallel mal-operazzjonijiet xjentifiċi tal-faċilitajiet u s’issa ma tqies l-ebda proġett kbir għad-dekummissjonar tal-infrastruttura. It-tnaqqis tal-inventarju tal-materjal nukleari jibqa’ prijorità, kif ukoll iż-żarmar u r-rimi ta’ kompartimenti tal-ingwanti mhux użati u ta’ tagħmir storiku mhux użat, inklużi l-komponenti taċ-ċelloli li jaħarqu, il-karatterizzazzjoni tal-iskart ta’ tankijiet tal-iskart pendenti u t-tneħħija lejn faċilità esterna Ġermaniża. Fl-2022, il-kampanja għaż-żarmar tal-kompartimenti tal-ingwanti li ma għadhomx jintużaw, kif stabbilita fl-ippjanar, laħqet l-istadju importanti fil-mira ta’ aktar minn 70 %. Ġew investiti sforzi kbar fil-proċeduri ta’ approvazzjoni tal-iskart li jkun ġej mill-faċilitajiet, li ppermettew ir-rimi bħala skart konvenzjonali ta’ aktar minn 20 tunnellata fis-sena bħala medja matul l-aħħar 10 snin, li wassal għal iffrankar finanzjarju sinifikanti. Dan jiġġustifika aktar sforzi u investiment tar-riżorsi fil-proċessi tal-awtorizzazzjoni u fl-istrutturi tal-karatterizzazzjoni tal-iskart.

5.It-tixrid tal-għarfien

F’konformità mal-objettivi tar-Regolamenti, l-għarfien li jinħoloq fil-proċess ta’ implimentazzjoni tal-programmi jrid jitqassam fil-livell tal-UE.

L-għarfien jinġabar fil-forma ta’ “prodotti ta’ għarfien”, li huma outputs tanġibbli (bħal dokumenti, rapporti, servizzi, avvenimenti, media) ta’ informazzjoni/data mħejjija li tippermetti azzjoni ta’ utenti magħżula. Proġetti ewlenin speċifiċi kienu s-sors ta’ tali għarfien.

Fl-2022, ġew iġġenerati u saru disponibbli l-prodotti ta’ għarfien li ġejjin:

·Il-Bulgarija, il-Faċilità tat-Tidwib tal-Plażma ta’ Kozloduy: Ħarsa ġenerali lejn it-tagħlimiet meħuda, u l-aħjar prattiki miksuba minn SERAW fit-trattament ta’ skart radjuattiv ta’ livell baxx u medju permezz tal-proċess tat-tidwib tal-plażma;

·Is-Slovakkja, l-Esperjenza tal-NPP ta’ Bohunice V1 fil-ġestjoni tar-riskju ta’ proġetti ta’ dekummissjonar u l-applikazzjoni tas-simulazzjonijiet ta’ Monte Carlo għall-analiżi tal-iskeda u l-istima tal-kost;

·Il-Litwanja, Tagħlimiet Meħuda fl-INPP fil-Proġett “Installazzjoni ta’ Faċilità għat-Trattament tal-Iskart ta’ Metall Radjuattiv”.

Il-produzzjoni tal-għarfien qed timxi ’l quddiem kif ippjanat, iżda huwa mistenni li, hekk kif tinġabar l-esperjenza, fis-snin li ġejjin se jkunu disponibbli prodotti ta’ għarfien addizzjonali. Il-prodotti tal-għarfien iġġenerati s’issa jinħażnu f’sit web maħluq ġdid fiċ-Ċentru tax-Xjenza ( 15 ). Is-sit taċ-Ċentru tax-Xjenza jservi biex jippromwovi l-inizjattiva u biex jagħmel il-prodotti tal-għarfien iġġenerati s’issa disponibbli għall-pubbliku.

6.Attivitajiet li jirriżultaw minn sejħiet għall-offerti

Ir-Regolamenti (l-Artikolu 10(3)) jirrikjedu li l-Kummissjoni Ewropea tirrapporta kull sena dwar ir-rata ta’ attivitajiet li jirriżultaw mis-sejħiet għall-offerti.

It-Tabella 2 turi l-finanzjament impenjat mill-entitajiet fdati u mill-JRC permezz ta’ kuntratti jew għotjiet. It-tabella tiddistingwi l-attivitajiet li jirriżultaw mis-sejħa għall-offerti u dawk li ma humiex miftuħa għall-kompetizzjoni, bħal għotjiet diretti lill-operaturi tad-dekummissjonar għas-salarji, għall-akkwisti żgħar u għall-immaniġġar tal-iskart radjuattiv.

Tabella 2:    Diżaggregazzjoni tal-attivitajiet – 2014-2022 (EUR miljun)

Programm

Proċeduri kompetittivi

Mhux miftuħa għal kompetizzjoni

Total

Kuntratti

Kuntratt
Emendi

Kuntratti

Għotjiet

Kozloduy

66 %

22 %

4 %

9 %

409,5

Bohunice

59 %

33 %

8 %

-

395,1

Ignalina

32 %

8 %

3 %

57 %

428,6

JRC (*)

99,3 %

0,7 %

-

-

63,1

Sors: Informazzjoni sottomessa mill-entitajiet fdati tal-NDAP (CPMA, BERŻ, SIEA) u l-JRC.
(*) Għall-perjodu 2021-2022.

7.Konklużjonijiet

L-NDAP komplew jagħmlu progress effettiv fl-2022, tant li naqqsu b’mod progressiv ir-riskji radjoloġiċi għaċ-ċittadini tal-UE. Madankollu, id-dewmien fl-attivitajiet preparatorji għal proġetti futuri qed jiżdied u b’hekk il-programmi mhux se jitlestew sad-dati ppjanati inizjalment. Il-kofinanzjament ipprovdut mill-2021 se jwassal għat-tlestija tal-programmi ta’ dekummissjonar fis-Slovakkja u fil-Bulgarija, filwaqt li se jgħin lil-Litwanja biex tibda ż-żarmar attwali tar-reatturi ta’ Ignalina.

It-test tal-istress tal-iskeda tal-programm Kozloduy, li kien sostnut ukoll minn valutazzjoni tal-adegwatezza organizzazzjonali ta’ SERAW għall-istadji li jmiss tad-dekummissjonar, jindika li jridu jiġu stabbiliti miżuri ta’ mitigazzjoni biex jibqa’ jkollna stejjer ta’ suċċess. Fis-Slovakkja, l-introduzzjoni bil-mod tal-akkwist tal-aħħar kuntratt sinifikanti għat-twaqqigħ ixekkel il-viżibbiltà tal-punt tat-tmiem, minkejja kisbiet sinifikanti fil-prattika. F’Ignalina, l-għażla tas-soluzzjoni teknika għaż-żarmar tar-reatturi se tkun deċiżiva għall-konferma tad-data tat-tmiem tal-programm u għall-ħtiġijiet ġenerali ta’ finanzjament wara l-2027.

Minkejja dawk l-ostakli, l-adegwatezza tal-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-programmi matul il-QFP 2021-2027 ma hijiex ikkontestata.

Id-dewmien irrapportat hawn fuq u f’taqsimiet preċedenti kien qed jidher fi proporzjon ta’ assorbiment tal-finanzjament aktar baxx milli ppjanat. Jekk din ix-xejra tkompli, il-Kummissjoni tista’ tqis aġġustamenti fl-ipprogrammar finanzjarju ta’ dawk il-programmi, fil-kuntest tal-proċedura baġitarja annwali.

Il-programm tal-JRC, minkejja xi dewmien f’xi oqsma, kważi lesta l-isforz tal-liċenzjar biex jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa għad-dekummissjonar, bil-liċenzji tad-dekummissjonar mistennija bejn l-2023 u l-2025. Ġie esperjenzat dewmien fit-tlestija tar-rotot tal-immaniġġar tal-iskart, minħabba l-falliment tal-kuntratt ta’ kostruzzjoni tal-istazzjon tal-mili tal-fili u d-dewmien fil-kostruzzjoni tal-faċilità tal-irkupru.

Il-finanzjament se jiżgura wkoll progress kostanti tal-attivitajiet ta’ qabel id-dekummissjonar u ta’ dekummissjonar prinċipalment fis-sit tal-JRC fl-Italja, kif ukoll l-immaniġġar tal-iskart u t-tneħħija ta’ tagħmir li ma għadux jintuża fit-tliet siti l-oħrajn tal-JRC (il-Belġju, il-Ġermanja, in-Netherlands) b’infrastruttura ta’ riċerka nukleari operattiva.

Fl-2024, il-Kummissjoni se tħejji l-evalwazzjoni interim tal-programmi, li se tirrapporta wkoll dwar żviluppi ewlenin ulterjuri miksuba fl-2023:

Il-programm Kozloduy

Øil-kostruzzjoni kompluta tal-faċilità nazzjonali tar-rimi;

Il-programm Bohunice

Øid-dekontaminazzjoni ta’ strutturi tal-konkrit biex jippermettu demolizzjoni tal-bini kważi konvenzjonali;

Il-programm Ignalina

Øis-segwitu tal-istudji dwar il-valutazzjoni tal-alternattivi disponibbli għaż-żarmar tal-qalbiet tal-grafit.

JRC

F’Ispra, il-progress fil-ġestjoni tal-iskart radjuattiv ta’ legat; awtorizzazzjoni għat-trattament ta’ skart metalliku, biex jitwettqu vjeġġi ta’ skart superkompatt, u biex jinbeda t-trattament ta’ tankijiet bituminizzati. Barra minn hekk, aġġornament tal-liċenzji għall-faċilitajiet kollha ( 16 ), kif ukoll awtorizzazzjoni għad-dekummissjonar għal kumpless ta’ ċelloli sħan; ħidma fuq l-evakwazzjoni ta’ materjal nukleari frisk.

F’Petten, ġie ffinalizzat il-Kuntratt Qafas il-ġdid mal-NRG Netherlandiża għall-immaniġġar u għall-kundizzjonament tal-iskart storiku tal-JRC fid-dawl tar-rimi fil-faċilità tal-COVRA u l-ewwel proġetti għandhom jitwettqu mill-2023 ’il quddiem. It-tħassib ewlieni jibqa’ d-dekummissjonar tar-Reattur ta’ Fluss Għoli li għad hemm inċertezza dwar it-twaqqit tiegħu minħabba li huwa marbut mill-qrib mal-bidu tat-tħaddim tar-reattur PALLAS f’dan id-deċennju. Pjan dettaljat ta’ dekummissjonar, l-istruttura, l-organizzazzjoni u x-xenarji ta’ implimentazzjoni tiegħu u l-kostijiet tagħhom qed jiġu studjati u diskussi man-Netherlands.

F’Karlsruhe u f’Geel, l-attivitajiet ewlenin huma t-tneħħija ta’ tagħmir li ma għadux jintuża; minimizzazzjoni tal-inventorju tal-iskart radjuattiv u l-materjal nukleari; il-kundizzjonament jew ir-rimi tal-obbligazzjonijiet storiċi tal-iskart kif ukoll tal-fażijiet preparatorji taż-żarmar, tat-tneħħija gradwali jew tad-dekummissjonar tal-partijiet tal-bini.

(1) ()    Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2021/100 tal-25 ta’ Jannar 2021 li jistabbilixxi programm finanzjarju speċifiku għad-dekummissjonar tal-faċilitajiet nukleari u għall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv, li jħassar ir-Regolament (Euratom) Nru 1368/2013 (ĠU L 34, p. 3–17);    
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/101 tal-25 ta’ Jannar 2021 li jistabbilixxi l-programm ta’ assistenza għad-dekummissjonar nukleari tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Ignalina fil-Litwanja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1369/2013 (ĠU L 34, 1.2.2021, p. 18–28).
(2) ()    Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom tad-19 ta’ Lulju 2011 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv (ĠU L 199, 2.8.2011, p. 48).
(3) ()    L-ammonti ta’ finanzjament totali mill-QFP 2021-27 u mill-QFP preċedenti ma jkoprux il-programm LT kollu li huwa previst li jkompli (kuntrarju għal BG u SK) wara l-2027.
(4) ()    ISO 21508:2018 L-immaniġġar tal-valur miksub fil-ġestjoni tal-proġetti u tal-programmi.
(5) ()    Fl-ippjanar tal-proġetti, il-perkors kritiku huwa l-itwal sekwenza ta’ kompiti li jridu jsiru biex il-proġett jitlesta b’suċċess. Il-kompiti li jinsabu fil-perkors kritiku, jekk jittardjaw, se jdewmu l-proġett kollu.
(6) ()    Вводо-водяной энергетический реактор / vodo-vodyanoi energetichesky reakto (VVER — reattur tal-enerġija ilma‑ilma) huwa serje ta’ reatturi tal-ilma taħt pressjoni.
(7) ()    Il-faċilità tat-tidwib tal-plażma hija l-ewwel installazzjoni tax-xorta tagħha għat-tnaqqis tal-volum ta’ skart radjuattiv. Din tuża trattament termali b’temperatura għolja ħafna li jipproduċi forma ta’ skart solidu li hija partikolarment stabbli u sikura. Skont l-istima tal-operatur, il-proġett se jwassal għal iffrankar ta’ madwar 40 % meta mqabbel ma’ trattamenti oħra bħat-tekniki ta’ superkompattazzjoni, għall-ipproċessar u r-rimi ta’ skart ta’ livell baxx.
(8) ()    Aktar informazzjoni dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni hija ppubblikata fuq    
Nuclear Decommissioning - Performance (europa.eu)
(9) ()    Aktar informazzjoni dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni hija ppubblikata fuq    
Nuclear Decommissioning - Performance (europa.eu)
(10) ()    Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-ħidma mwettqa permezz tal-programmi ta’ assistenza għad-dekummissjonar nukleari fil-Bulgarija, fis-Slovakkja u fil-Litwanja u l-programm tal-JRC fl-2021 u fis-snin preċedenti. COM(2022) 663 final
(11) ()    Реактор Большой Мощности Канальный / reaktor bolshoy moshchnosti kanalnyy (RBMK — reattur b’potenza għolja tat-tip bil-kanali) huwa klassi ta’ reattur tal-enerġija nukleari mmoderat mill-grafit (installat ukoll f’Chernobyl).
(12) ()    Il-valutazzjoni tal-alternattivi possibbli hija proċess iterattiv bejn l-identifikazzjoni, il-valutazzjoni u d-definizzjoni tal-alternattivi.
(13) ()    Aktar informazzjoni dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni hija ppubblikata fuq    
Dekummissjonar nukleari (il-Litwanja) - prestazzjoni (europa.eu)  
(14) ()    Matul l-2022 twettaq riekwilibriju tal-baġit assenjat għall-kompiti ta’ diversi proġetti, filwaqt li ġie assenjat valur akbar għall-kompiti li għandhom jitwettqu matul il-fażijiet operazzjonali u inqas għall-fażijiet tad-disinn, tal-liċenzjar u tal-akkwist. Għal din ir-raġuni, il-kurva tal-valur miksub (aħdar) turi xejra ’l isfel, li ġiet rkuprata fil-bidu tal-2023.
(15) ()     https://joint-research-centre.ec.europa.eu/scientific-activities-z/eu-nuclear-decommissioning-knowledge-management_en
(16) ()    Skont il-Liġi Nukleari Taljana 101/2020 ġdida
Top