IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.1.2024
COM(2024) 49 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Evalwazzjoni ex post ta’ Orizzont 2020, il-programm qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni
{SEC(2024) 52 final} - {SWD(2024) 29 final} - {SWD(2024) 30 final}
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Evalwazzjoni ex post ta’ Orizzont 2020, il-programm qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni
1.Introduzzjoni
Mill-1984, l-Ewropa investiet fir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) biex tagħti lill-kontinent vantaġġ kompetittiv, reżiljenza u indipendenza teknoloġika. Orizzont 2020, it-tmien programm qafas tal-UE għar-R&I, kien inizjattiva ewlenija biex tingħata spinta lil dan l-investiment fit-tul. Mill-2014 sal-2020, dan ingħata baġit ta’ EUR 75,6 biljun.
L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jippreżenta s-sejbiet tal-evalwazzjoni finali
ta’ Orizzont 2020, filwaqt li jibni fuq l-evalwazzjoni interim tal-2017.
Il-missjoni ewlenija ta’ Orizzont 2020 kienet li jixpruna t-tkabbir ekonomiku u joħloq l-impjiegi billi joħloq sinerġija fir-R&I u jagħmel enfasi qawwija fuq ix-xjenza eċċellenti, it-tmexxija industrijali u l-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà. Il-programm kiseb interess enormi, u attira aktar minn miljun applikazzjoni individwali minn 177 pajjiż fuq perjodu ta’ 7 snin. Dan iffinanzja kważi 35 000 proġett li jinvolvu 40 000 organizzazzjoni. Minħabba din il-firxa estensiva, kien ikollu bżonn ta’ EUR 159 biljun addizzjonali biex jiffinanzja l-proposti kollha ta’ kwalità għolja ppreżentati.
Din l-evalwazzjoni teżamina l-impatti ta’ Orizzont 2020. Tivvaluta wkoll l-effiċjenza tal-programm, il-koerenza tiegħu ma’ inizjattivi oħra, ir-rilevanza għall-ħtiġijiet tas-soċjetà u l-valur miżjud ġenerali li jipprovdi lill-UE.
L-evalwazzjoni hija sostnuta minn ġabra estensiva ta’ evidenza, li tinkludi:
(I)aktar minn 1 000 intervista ma’ benefiċjarji, awtoritajiet nazzjonali u korpi ta’ implimentazzjoni;
(II)stħarriġ li jinkludi kemm l-applikanti li rnexxew kif ukoll dawk li ma rnexxewx;
(III)taħlita ta’ metodi ta’ evalwazzjoni kwantitattivi u kwalitattivi;
(IV)konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati li waslet għal 1 818-il tweġiba.
2.X’impatt kellu l-programm?
F’konformità mal-objettivi fundamentali tiegħu, Orizzont 2020 kien strumentali fit-trawwim ta’ soċjetà u ekonomija msejsa fuq l-għarfien u l-innovazzjoni. Dan kellu rwol ewlieni fil-mobilizzazzjoni ta’ finanzjament addizzjonali għar-R&I u kkontribwixxa b’mod sinifikanti għall-mira tal-UE li tinvesti 3 % tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) fir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) sal-2020. Madankollu, l-investimenti ta’ Orizzont 2020 ammontaw biss għal 10 % tan-nefqa pubblika fir-R&Ż fl-UE, bil-maġġoranza tal-finanzjament li joriġina mill-Istati Membri u mill-korpi reġjonali. Sa tmiem l-2020, l-investiment tal-UE fir-R&Ż kien żdied għal 2,32 % tal-PDG, żieda ta’ 15 % minn meta tnieda l-programm għall-ewwel darba (2,02 %).
Il-programm ta spinta wkoll lil politiki oħra tal-UE u kien kruċjali fl-iżvilupp u l-funzjonament taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER). Dan wera rilevanza biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-soċjetà, billi wera aġilità u flessibbiltà fir-rispons għal emerġenzi bħat-tifqigħat tal-Ebola jew tal-COVID-19. Orizzont 2020 kien kruċjali fil-produzzjoni ta’ xjenza influwenti, b’mod partikolari biex jiggwida l-azzjoni globali ħalli jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima. L-evalwazzjoni tissottolinja li huwa essenzjali li din l-azzjoni dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni tiġi sostnuta fil-programmi qafas sussegwenti sabiex jinkisbu l-eżiti mixtieqa. Ta’ min jinnota li 41 % tal-proġetti ta’ Orizzont 2020 kienu għadhom għaddejjin fiż-żmien tal-evalwazzjoni finali, u dan jindika li l-impatti tal-programm għadhom għaddejjin u qed ikomplu jagħtu riżultati.
L-evalwazzjoni interim tal-2017 wasslet għall-irfinar għall-aħħar nofs tal-programm, inkluż inizjattivi biex tissaħħaħ ix-xjenza miftuħa, tingħata spinta lill-kooperazzjoni internazzjonali, u tiġi ssimplifikata l-implimentazzjoni tal-programm. L-evalwazzjoni interim wasslet ukoll għal diversi novitajiet, bħat-tnedija ta’ proġett pilota għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni għall-aħħar snin ta’ Orizzont 2020 u l-introduzzjoni ta’ Missjonijiet tal-UE fil-qafas tal-programm li ġej, Orizzont Ewropa (2021-2027).
2.1
Impatt xjentifiku
Orizzont 2020 tfassal strateġikament biex isaħħaħ il-pedament xjentifiku u teknoloġiku tal-Ewropa billi jinvesti fl-għarfien, fil-ħiliet u fl-infrastruttura. Dawn l-investimenti fit-tul huma kritiċi għall-kapaċità attwali u futura tal-UE li tmexxi, l-bidliet dinamiċi fl-avvanz xjentifiku u teknoloġiku u l-ambjent soċjoekonomiku li dejjem jinbidel kif ukoll li tirreaġixxi jew tadatta ruħha għalihom.
Orizzont 2020 kien strumentali biex jixpruna skoperti xjentifiċi u avvanzi pijunieri f’oqsma ġodda tax-xjenza u tat-teknoloġija. Eżempji ewlenin jinkludu:
·l-iżvilupp ta’ vaċċini sperimentali personalizzati kontra l-kanċer, qabża sinifikanti fit-trattament tal-kanċer;
·l-appoġġ għall-iżvilupp tal-ewwel vaċċini kontra l-COVID-19, li juri l-aġilità u r-rispons tal-programm għal emerġenzi tas-saħħa globali;
·l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fit-tbassir tal-istruttura tal-proteini, b’implikazzjonijiet profondi għall-iskoperta tal-mediċini;
·avvanzi fid-datar antik tad-DNA, inkluż l-iskoperta ta’ evidenza tal-ewwel homo sapiens fl-Ewropa;
·skoperti fl-inġinerija kimika, il-materjali kompożiti (b’applikazzjonijiet f’teknoloġiji tal-enerġija nadifa) u l-mekkanika kwantistika;
·l-ewwel immaġni ta’ toqba sewda, kisba monumentali fl-astrofiżika li tiftaħ bibien ġodda għall-istudju tal-aktar oġġetti misterjużi fl-univers.
Orizzont 2020 appoġġa lil 33 rebbieħ tal-Premju Nobel, qabel jew wara li ġew onorati, filwaqt li ssottolinja r-rwol sinifikanti tiegħu fit-trawwim tal-eċċellenza xjentifika ta’ klassi dinjija.
|
Fir-rigward tal-output xjentifiku, il-programm kiseb riżultati aħjar mill-programm predeċessur tiegħu (FP7), kif muri mill-għadd ta’ pubblikazzjonijiet xjentifiċi. Fiż-żmien tal-evalwazzjoni, il-benefiċjarji kienu rrappurtaw aktar minn 276 000 pubblikazzjoni rieżaminata bejn il-pari, bi 18 % jirriżultaw minn proġetti li kienu rċevew għotjiet mill-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC). Dan in-numru għadu mistenni li jiżdied hekk kif aktar proġetti jaslu biex jitlestew. B’mod partikolari, il-pubblikazzjonijiet ta’ Orizzont 2020 huma kkwotati d-doppju tal-medja globali, u 3,9 % jikklassifikaw fl-ewwel 1 % tal-aktar pubblikazzjonijiet ikkwotati madwar id-dinja, u jiżbqu l-prestazzjoni ta’ finanzjaturi internazzjonali ewlenin, inkluż il-Fondazzjoni Nazzjonali tax-Xjenza tal-Istati Uniti.
Orizzont 2020 għamel kontribuzzjonijiet sostanzjali għal skoperti xjentifiċi u avvanzi f’oqsma emerġenti tax-xjenza u tat-teknoloġija, b’mod partikolari fix-xjenzi mediċi, fil-mekkanika kwantistika, fl-inġinerija kimika u fil-materjali kompożiti. Il-finanzjament għal proġetti tranżnazzjonali tar-R&I ippermetta kollaborazzjonijiet sinifikanti li kieku ma kinux ikunu possibbli. 26 % tal-pubblikazzjonijiet kollha ta’ Orizzont 2020 huma marbuta ma’ oqsma tat-riċerka ġodda li qed jevolvu b’mod rapidu. Orizzont 2020 alloka aktar minn EUR 13-il biljun għal proġetti rilevanti għal teknoloġiji diġitali emerġenti, bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku.
Bi 82 % tal-pubblikazzjonijiet tiegħu disponibbli online mingħajr ħlas u pubblikament, il-programm kellu wkoll impatt profond fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-għarfien, u dan juri impenn qawwi għal aċċess miftuħ. Din iċ-ċifra timmarka żieda sinifikanti minn 65 % fil-bidu tal-programm fl-2014 u tista’ titqabbel b’mod pożittiv ma’ programmi internazzjonali simili. Ix-xejra li jiġi pprovdut aċċess miftuħ influwenzat lil 19-il Stat Membru biex jadottaw politiki simili.
Orizzont 2020 kien kruċjali fid-diversifikazzjoni u fit-tisħiħ tal-ħiliet u tal-għarfien tar-riċerkaturi. Dan tejjeb ukoll il-prospetti tal-karriera tagħhom, u kien partikolarment ta’ benefiċċju għar-riċerkaturi fi stadju bikri tal-karriera tagħhom bħas-sħab tal-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA), il-benefiċjarji tal-Bidu u l-Konsolidazzjoni tal-ERC, il-benefiċjarji tal-FET u l-membri subalterni tat-timijiet appoġġati mill-proġetti tat-“Tixrid tal-Eċċellenza u t-Twessigħ tal-Parteċipazzjoni”. Bi kważi 50 000 riċerkatur appoġġati fil-mobbiltà transsettorjali u bejn il-pajjiżi, il-programm jinsab fit-triq it-tajba biex jilħaq il-miri tiegħu dwar il-mobbiltà tar-riċerkaturi, prinċipalment permezz tal-MSCA. Erasmus+ u l-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie kienu eżemplari fil-ħolqien ta’ sinerġiji bejn il-programmi tal-UE, fil-promozzjoni tal-mobbiltà, u fit-taħriġ u fl-iżvilupp tal-karriera għall-istudenti u r-riċerkaturi.
Barra minn hekk, il-programm Orizzont 2020 ippermetta lill-UE tiżviluppa u taġġorna l-infrastruttura tar-riċerka fuq skala kbira kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak globali. Aktar minn 24 000 riċerkatur u organizzazzjoni kisbu aċċess għal dawn l-infrastrutturi, u b’hekk twessgħu l-opportunitajiet għal xogħol kollaborattiv u għal avvanzi xjentifiċi. Il-programm Tmexxija fit-Teknoloġiji Industrijali (LEIT) iffaċilita l-aċċess għall-infrastruttura tat-teknoloġija bħaċ-Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali u bankijiet tat-test tal-innovazzjoni miftuħa, u dan ippermetta lill-kumpaniji jittestjaw l-innovazzjonijiet f’kundizzjonijiet realistiċi. Żvilupp importanti ieħor kien il-varar ta’ infrastruttura komuni tar-riċerka fil-qafas tal-pjan direzzjonali għall-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka. Dawn huma kisbiet notevoli, għalkemm l-evalwazzjoni tissuġġerixxi li jista’ jkun hemm sinerġiji akbar bejn il-programmi tal-UE, nazzjonali u reġjonali għall-infrastruttura tar-riċerka, b’mod partikolari biex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet tagħhom ikunu sostenibbli.
2.2
Impatt fuq is-soċjetà
Orizzont 2020 saħħaħ ir-riċerka u l-innovazzjoni bl-għan li jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin tas-soċjetà, inkluż is-saħħa, is-sigurtà tal-ikel, l-enerġija, it-trasport, is-sostenibbiltà ambjentali, l-azzjoni klimatika, is-soċjetajiet inklużivi u s-sigurtà. Il-kontribuzzjonijiet tal-programm għal dawn l-isfidi huma sinifikanti mhux biss fl-ambitu iżda wkoll fil-fond, u għandhom impatt fuq diversi aspetti tas-soċjetà u fuq l-ambjent globali.
Eżempju ewlieni huwa r-rwol kruċjali ta’ Orizzont 2020 biex nifhmu aħjar it-tibdil fil-klima. L-investimenti tiegħu, li jibnu fuq il-pedamenti stabbiliti mill-FP7, kienu influwenti, b’10 % tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi kollha kkwotati mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) li joriġinaw minn dawn iż-żewġ programmi.
Orizzont 2020 kien strumentali wkoll fl-appoġġ tal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet prattiċi għall-azzjoni klimatika. Eżempju ewlieni huwa l-progress li sar fil-fjuwils alternattivi u b’emissjonijiet baxxi. Il-ħidma innovattiva fil-qafas tal-FP7 u ta’ Orizzont 2020 wasslet lill-UE biex tkun fuq quddiem nett fl-ittestjar u fl-użu taċ-ċelloli tal-fjuwil tal-idroġenu fix-xarabanks, u qed tixpruna l-innovazzjoni dwar l-ivvjaġġar bl-ajru b’emissjonijiet baxxi antiċipat għall-2030.
F’termini ta’ investimenti fl-iżvilupp sostenibbli, Orizzont 2020 qabeż il-mira tiegħu ta’ 60 %, u alloka 64,4 % tal-baġit totali tiegħu għal dawn l-inizjattivi. Madankollu, minkejja l-kontribuzzjonijiet sinifikanti għall-azzjoni klimatika, il-programm ma laħaqx il-mira baġitarja tiegħu ta’ 35 % għal suġġetti speċifiċi għall-klima, u kkonkluda b’allokazzjoni finali ta’ 32 %. Dan jissottolinja l-importanza li tibqa’ ssir enfasi fuq miri simili fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li dawn jibqgħu jiġu mmonitorjati biex jiġi żgurat li l-inizjattivi futuri jkunu allinjati aktar mill-qrib mal-objettivi stabbiliti.
Orizzont 2020 għamel kontribuzzjonijiet sinifikanti għall-impatti fuq is-soċjetà f’diversi oqsma, u dan juri l-influwenza u l-effettività wiesgħa tiegħu
• Ix-xjenza klimatika. Orizzont 2020 u l-programm predeċessur tiegħu l-FP7 kienu t-tieni l-akbar fornitur tax-xjenza klimatika fid-dinja.
• Ir-riċerka dwar is-saħħa. Il-programm wera adattabilità fir-rispons tiegħu għall-kriżijiet tas-saħħa emerġenti. Dan wieġeb minnufih billi nieda sejħiet speċifiċi għal proposti matul l-epidemiji tal-Ebola u tal-virus Zika, u aġilità saħansitra akbar fir-rispons għall-pandemija tal-COVID-19.
• Ir-riċerka dwar il-COVID-19. Fuq bażi kollettiva, Orizzont 2020 u l-FP7 huma rikonoxxuti bħala t-tielet sorsi ta’ finanzjament rikonoxxuti l-aktar ta’ spiss għar-riċerka relatata mal-COVID-19 fid-dinja, u dan jindika r-rwol sinifikanti tagħhom fir-riċerka dwar il-pandemiji u fir-rispons għalihom.
• Il-mard rari. Il-programm iffinanzja r-riċerka biex jinkiseb fehim aktar profond tal-mard rari u rawwem l-iżvilupp ta’ terapiji relatati, filwaqt li kkontribwixxa għall-avvanzi fil-mediċina personalizzata u fil-kura tal-pazjenti.
• Is-sajd sostenibbli. Billi tejjeb il-metodi tas-sajd u naqqas il-qbid skartat, Orizzont 2020 ikkontribwixxa għal prattiki tas-sajd aktar sostenibbli, u b’hekk ibbilanċja l-interessi ekonomiċi mal-konservazzjoni ambjentali.
• Il-grilja enerġetika intelliġenti. Il-programm appoġġa l-iżvilupp ta’ grilja enerġetika intelliġenti Ewropea, il-finanzjament ta’ proġetti li jiffukaw fuq l-awtomatizzazzjoni, l-integrazzjoni tal-ħżin tal-enerġija u l-adozzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli biex jgħinu t-tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija aktar sostenibbli.
• It-trasport urban. Orizzont 2020 kellu rwol fit-titjib tat-trasport urban billi appoġġa pjanijiet ta’ mobbiltà urbana sostenibbli, inkluż miżuri ta’ parkeġġ imfassla tajjeb u infrastruttura taċ-ċikliżmu biex jgħinu fit-titjib tal-ħajja urbana u s-sostenibbiltà.
• It-teknoloġiji industrijali ċċentrati fuq il-bniedem. Il-programm appoġġa l-iżvilupp ta’ soluzzjoni li tindirizza l-aspetti umani tat-trasformazzjoni diġitali. Dan kien jinkludi, pereżempju, l-iżvilupp ta’ robotika sikura u faċli għall-utent, li hija essenzjali fil-kuntest tal-adozzjoni dejjem akbar ta’ teknoloġiji diġitali fil-manifattura.
• Il-kultura u l-wirt kulturali. Orizzont 2020 tejjeb l-aċċessibbiltà u l-inklużività tal-ispazji kulturali, filwaqt li arrikkixxa l-esperjenzi marbuta mal-wirt kulturali u ta aċċess lil udjenza usa’.
• Is-sigurtà. Il-programm għen biex l-Ewropa ssir aktar sigura billi appoġġa l-inizjattivi relatati mal-prevenzjoni tal-kriminalità u mal-ġlieda kontra t-terroriżmu, filwaqt li tejjeb is-sorveljanza tal-fruntieri u r-reżiljenza għad-diżastri.
Is-soċjetà tal-UE qed tiffaċċja firxa wiesgħa ta’ sfidi kumplessi, li għalihom huma essenzjali l-attivitajiet tar-R&I li jinvolvu d-dixxiplini tax-xjenzi soċjali u tal-istudji umanistiċi, bħas-soċjoloġija, l-ekonomija, il-psikoloġija, ix-xjenza politika, l-istorja, u x-xjenzi kulturali. Dawn id-dixxiplini huma kruċjali biex jinkiseb fehim aktar profond ta’ kwistjonijiet kumplessi tas-soċjetà u rispons effettiv għalihom. Meta mqabbel mal-programmi preċedenti, Orizzont 2020 żied b’mod sinifikanti r-rwol tad-dixxiplini tax-xjenzi soċjali u tal-istudji umanistiċi billi alloka aktar minn 20 % tal-baġit tiegħu għal suġġetti relatati, evidenza tal-impenn tiegħu għar-riċerka interdixxiplinari.
Madankollu, l-evalwazzjoni żvelat li l-livell ta’ integrazzjoni tax-xjenzi soċjali u tal-istudji umanistiċi ma kienx uniformi f’partijiet differenti tal-programm. Dan jirrifletti s-suġġerimenti għal titjib innutati fl-evalwazzjoni interim ta’ Orizzont 2020. B’rispons għal dan, il-programm Orizzont Ewropa ġie aġġustat biex jiddaħħlu miżuri ġodda sabiex jiġu integrati b’mod aktar robust ix-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi. Il-proposti issa jirċievu punteġġi ta’ evalwazzjoni aktar baxxi jekk jonqsu milli jinkorporaw biżżejjed id-dixxiplini tax-xjenzi soċjali u tal-istudji umanistiċi fejn huwa rilevanti.
Sfida ewlenija oħra identifikata fil-qafas ta’ Orizzont 2020 hija l-perjodu ta’ żmien twil meħtieġ biex il-proġetti juru l-impatti tagħhom fuq is-soċjetà, li jikkomplika l-proċessi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni. L-esperjenza wriet li l-ambitu tal-arranġamenti ta’ monitoraġġ kien limitat wisq, u b’hekk il-kapaċità li jinqabad l-ispettru sħiħ tal-impatti fuq is-soċjetà kienet limitata wkoll. Barra minn hekk, it-tfassil tal-indikaturi nstab li kien dgħajjef, u dan ifixkel il-valutazzjoni effettiva tal-eżiti. Sabiex jiġu rrimedjati dawn in-nuqqasijiet, qed isiru sforzi konġunti biex tittejjeb id-disponibbiltà tad-data u jittejjeb il-qafas ta’ monitoraġġ fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa.
2.3
Impatt ekonomiku
Orizzont 2020 ta kontribuzzjoni sinifikanti lill-ekonomija Ewropea, mhux biss billi stimula l-impjiegi u t-tkabbir tal-output ekonomiku, iżda wkoll billi ingrana fondi oħra u żied il-produttività tal-kumpaniji involuti. Dan wassal ukoll għall-iżvilupp ta’ eluf ta’ outputs tal-innovazzjoni. Il-lista ta’ dawn ir-riżultati għadha mhijiex dik finali, peress li sehem sinifikanti mill-proġetti appoġġati mill-programm kien għadu ma tlestiex fiż-żmien tal-evalwazzjoni u għadu jagħti riżultati.
Minbarra l-baġit nominali tiegħu, Orizzont 2020 ikkontribwixxa biex jiżdied l-infiq fuq ir-R&Ż fl-Ewropa billi attira koinvestiment kemm mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat. Għal kull euro li ntnefaq mill-baġit ta’ Orizzont 2020, il-parteċipanti tal-proġett ikkontribwew EUR 0,23 mir-riżorsi proprji tagħhom biex imexxu l-proġetti. Il-programm kien partikolarment effettiv fis-settur privat bi skop ta’ qligħ, fejn għal kull euro ta’ finanzjament ta’ Orizzont 2020, il-parteċipanti tal-proġetti investew EUR 0,57 addizzjonali. L-ogħla grad ta’ ingranaġġ finanzjarju nkiseb fis-sħubijiet Ewropej: fl-impriżi konġunti, il-kontribuzzjonijiet b’riżorsi li jsiru mis-sħab privati (fi flus kontanti jew in natura) żiedu l-volum tal-finanzjament tal-UE b’aktar mid-doppju, jew saħansitra bit-tripplu.
Barra minn hekk, l-għotjiet ta’ Orizzont 2020 kellhom effett pożittiv fuq id-dħul u l-impjiegi għall-kumpaniji parteċipanti, meta mqabbla ma’ ditti b’karatteristiċi simili li ma rċevewx finanzjament.
Orizzont 2020 mhux biss kien katalist għall-avvanzi xjentifiċi u teknoloġiċi, iżda wkoll xprun sinifikanti tat-tkabbir ekonomiku. L-effetti ekonomiċi usa’ tal-programm, kif ivvalutati permezz ta’ mudelli makroekonomiċi, huma sostanzjali.
• Il-PDG. Il-programm huwa stmat li jikkontribwixxi żieda annwali medja ta’ EUR 15,9-il biljun għall-PDG tal-UE, li tammonta għal somma impressjonanti ta’ EUR 429 biljun matul il-perjodu 2014–2040.
• L-impjiegi. Orizzont 2020 huwa mistenni wkoll li jkollu impatt notevoli fuq il-ħolqien tal-impjiegi, bi qligħ nett fil-livelli tal-impjiegi li fl-aqwa tiegħu jilħaq madwar 220 000 impjegat.
L-effetti ekonomiċi fit-tul ta’ Orizzont 2020 huma soġġetti għal interpretazzjonijiet li jvarjaw skont is-suppożizzjonijiet li jirfdu mudelli makroekonomiċi differenti. Xi mudelli jissuġġerixxu li l-effetti huma prinċipalment ikkonċentrati fil-fażi ta’ implimentazzjoni tal-programm; mudelli oħra jipprevedu li dawn il-benefiċċji mhux se jonqsu u potenzjalment se jiżdiedu maż-żmien.
Orizzont 2020 kellu impatt sinifikanti fuq il-prestazzjoni ekonomika tad-ditti parteċipanti f’diversi oqsma ewlenin.
• It-tkabbir fl-impjiegi: Id-ditti parteċipanti esperjenzaw żieda medja ta’ 20 % fit-tkabbir fl-impjiegi meta mqabbla ma’ applikanti li ma rnexxewx.
• It-tkabbir fl-output: Dawn id-ditti raw ukoll żieda medja ta’ 30 % fil-fatturat u t-tkabbir totali tal-assi, għal darba oħra meta mqabbla ma’ dawk li ma rċevewx finanzjament.
• Il-finanzjament mis-settur privat. Għal kull euro investit f’parteċipanti privati bi skop ta’ qligħ, il-programm ingrana finanzjament addizzjonali ta’ EUR 0,57 mis-settur privat.
• L-investiment f’assi intanġibbli. Id-ditti parteċipanti wrew propensità akbar li jinvestu f’assi intanġibbli mill-applikanti li ma rnexxewx.
Orizzont 2020 ikkontribwixxa b’mod sinifikanti għall-iżviluppi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (DPI), bil-benefiċjarji tiegħu jiddikjaraw kważi 4 000 applikazzjoni għal DPI, li tliet kwarti minnhom huma għall-privattivi, segwiti minn 12 % għat-trademarks. Minħabba l-proċess tal-għoti ta’ privattivi li spiss jieħu fit-tul, iċ-ċifri tad-DPI ta’ Orizzont 2020 huma mistennija li jiżdiedu b’mod sinifikanti anke wara li jintemm il-programm. Analiżi fit-tul uriet li l-privattivi li jirriżultaw mill-FP7 mhux biss jaqbżu l-medja globali fil-valur ekonomiku iżda għandhom ukoll tendenza ċara li jkunu interdixxiplinari. Barra minn hekk, madwar 40 % tal-privattivi awtodikjarati mill-parteċipanti tal-parti tal-programm Tmexxija fit-Teknoloġiji Abilitanti u Industrijali (LEIT) ikkontribwew għal teknoloġiji abilitanti ewlenin, inkluż il-fotonika, u għall-mikroelettronika u n-nanoelettronika. Il-pilastru tal-Isfidi tas-Soċjetà ġġenera madwar 20 % tal-innovazzjonijiet kollha fil-qafas ta’ Orizzont 2020 u l-pilastru tax-Xjenza Eċċellenti kkontribwixxa 31 %, għalkemm fil-biċċa l-kbira f’livell aktar baxx ta’ tħejjija teknoloġika.
Ir-Radar tal-Innovazzjoni ta’ Orizzont, li huwa għodda għall-identifikazzjoni ta’ innovazzjoni b’potenzjal għoli fil-programm, jissuġġerixxi li Orizzont 2020 iffinanzja innovazzjonijiet teknoloġiċi potenzjalment rivoluzzjonarji. L-aktar innovazzjonijiet lesti għas-suq ħarġu mill-pilastru tat-Tmexxija Industrijali, b’mod partikolari fil-qafas tal-proġetti LEIT. Dawn il-proġetti wrew propensità akbar għal innovazzjonijiet lesti għas-suq, speċjalment f’oqsma bħat-teknoloġiji diġitali emerġenti, il-computing ta’ prestazzjoni għolja u l-materjali avvanzati.
L-evalwazzjoni interim ta’ Orizzont 2020 identifikat diskrepanza notevoli fil-kapital ta’ riskju u ta’ tkabbir fl-UE biex tiżdied l-innovazzjoni. Bħala għajnuna biex titnaqqas din id-diskrepanza, tnieda proġett pilota biex imexxi l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) fl-aħħar 3 snin ta’ Orizzont 2020. Indikazzjonijiet bikrija juru li l-proġett pilota tal-EIC kellu impatt pożittiv fuq il-fatturat u l-livelli tal-persunal tal-benefiċjarji tiegħu. Dan indirizza wkoll diskrepanza kritika fil-finanzjament f’oqsma ta’ riskju għoli li fihom hemm disponibbli alternattivi limitati, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell reġjonali. Meta mqabbel ma’ pajjiżi bi strutturi ta’ appoġġ simili, l-EIC jispikka bħala l-unika inizjattiva li toffri biżżejjed wisa’ u finanzjament biex tappoġġa lill-kumpaniji tat-teknoloġija profonda.
L-organizzazzjonijiet iffinanzjati mill-programm urew kapaċità akbar li jattiraw aktar kapital ta’ riskju mill-applikanti mhux iffinanzjati, għalkemm l-istimi jvarjaw. B’mod partikolari, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) li jipparteċipaw fil-parti LEIT tal-programm irnexxielhom jiksbu investimenti ta’ ekwità erba’ darbiet akbar mill-kontribuzzjoni tal-UE li rċevew. Il-faċilità finanzjarja InnovFin, ġestita mill-grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment u appoġġata minn EUR 3,7 biljun f’finanzjament ta’ Orizzont 2020, irnexxielha timmobilizza finanzjament privat għal negozji ġodda innovattivi u atturi oħra tal-ekosistema fl-Ewropa. Din ingranat EUR 77,5 biljun f’dejn u ekwità għal aktar minn 38 000 organizzazzjoni, ferm aktar mill-miri tagħha, u rawwmet l-iżvilupp ta’ ekosistemi u networks ta’ kapital ta’ riskju.
Għalkemm Orizzont 2020 għamel progress fit-tnaqqis tad-diskrepanza bejn ir-riċerka Ewropea ta’ kwalità għolja u l-innovazzjoni tas-suq, għadu ma eliminax bis-sħiħ din id-diskrepanza li ilha teżisti. Il-miżuri li jimmonitorjaw it-tixrid tal-innovazzjoni jissuġġerixxu li l-UE tejbet il-prestazzjoni tagħha matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ Orizzont 2020, iżda f’dan l-aspett għadha lura meta mqabbla mal-kompetituri internazzjonali ewlenin tagħha. Orizzont Ewropa, b’mod partikolari permezz tal-EIC, ġedded l-isforz biex jiġu introdotti innovazzjonijiet fis-suq.
3.Min ibbenefika mill-finanzjament tal-programm?
Orizzont 2020 kellu impatt sinifikanti fuq ix-xenarju tar-riċerka u l-innovazzjoni, u kien ta’ benefiċċju għal firxa wiesgħa ta’ parteċipanti, minn xjenzati u riċerkaturi li jaħdmu f’istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja sa organizzazzjonijiet ta’ riċerka u entitajiet privati bi skop ta’ qligħ bħal negozji żgħar u kbar.
Il-programm nieda aktar minn 1 000 sejħa għal proposti, li attiraw aktar minn 285 000 proposta eliġibbli għal proġetti — id-doppju tan-numru li rċieva l-programm predeċessur, l-FP7. Din iż-żieda f’daqqa ta’ interess tenfasizza l-attraenza u r-rilevanza tal-programm. Madankollu, ġew iffinanzjati biss 35 426 proġett, u dan irriżulta f’rata ta’ suċċess ġenerali ta’ 12 %. B’mod partikolari, 74 % tal-proposti vvalutati bħala ta’ kwalità għolja minn esperti indipendenti ma setgħux jiġu ffinanzjati minħabba restrizzjonijiet baġitarji. Orizzont 2020, b’baġit ta’ EUR 75,6 biljun, kien ikun jeħtieġ EUR 159 biljun addizzjonali biex jiffinanzja l-proposti kollha ta’ kwalità għolja.
Biex il-proposti eċċellenti mhux iffinanzjati jingħataw opportunità akbar biex jiżguraw appoġġ fil-livelli nazzjonali jew reġjonali, 20 890 minn kważi 100 000 proposta ta’ kwalità għolja mhux magħżula għall-finanzjament irċevew ċertifikat tas-
Siġill ta’ Eċċellenza
. Din it-tikketta tal-kwalità tal-UE, inizjalment applikabbli biss għall-proposti tal-MSCA jew tal-EIC, aktar tard ġiet estiża, fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa, għal partijiet oħra tal-programm. Analiżi mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri żvelat li fi tliet pajjiżi, 26 % tal-proposti tal-Istrument għall-SMEs li rċevew dan is-Siġill żguraw finanzjament sussegwenti fil-qafas tal-Fondi Strutturali Ewropej. Madankollu, in-nuqqas ta’ aċċess tal-Istati Membri għall-informazzjoni dwar il-proposti mogħtija b’Siġilli ta’ Eċċellenza ġie identifikat bħala ostaklu għall-massimizzazzjoni tal-impatt tagħhom.
F’termini ta’ distribuzzjoni tal-finanzjament, il-proġetti kollaborattivi ammontaw għal 78 % tal-finanzjament, filwaqt li nvolvew medja ta’ 11-il parteċipant fi kważi 15 000 proġett. L-għotjiet għal benefiċjarju uniku ammontaw għal 22 % tal-finanzjament iżda għal 59 % tal-għotjiet kollha, primarjament għall-ERC, għall-MSCA u għall-istrument għall-SMEs. Id-daqs medju tal-għotja fil-qafas ta’ Orizzont 2020 żdied għal EUR 2,3 miljun minn EUR 1,8 miljun fil-qafas tal-FP7, li jikkostitwixxi żieda anke f’termini reali.
Fir-rigward tat-tipi ta’ benefiċjarji, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja rċevew l-akbar sehem ta’ finanzjament (40 %), segwiti mill-organizzazzjonijiet privati bi skop ta’ qligħ (28 %) u mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka (25 %). L-SMEs irċevew 17 % tal-finanzjament, li jammonta għal EUR 11,4-il biljun. Istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u organizzazzjonijiet tar-riċerka stabbiliti sew irċevew sehem għoli tal-finanzjament, li juri grad ta’ konċentrazzjoni, iżda inqas milli fil-qafas tal-FP7. L-ewwel 100 benefiċjarju rċevew 32 % tal-fondi (meta mqabbla ma’ 34 % fil-qafas tal-FP7). Madankollu, il-programm attira wkoll parteċipanti ġodda (organizzazzjonijiet li ma kinux ipparteċipaw fl-FP7), b’mod partikolari entitajiet privati bi skop ta’ qligħ iżgħar. Il-parteċipanti ġodda rċevew 19 % tal-fondi ta’ Orizzont 2020, iżda dan is-sehem jiżdied għal 50 % meta wieħed jikkunsidra biss il-finanzjament għal kumpaniji privati fil-programm kollu. Għall-impriżi konġunti, 19 % tal-finanzjament kollu spiċċa għand il-parteċipanti ġodda.
L-ugwaljanza bejn il-ġeneri tjiebet fil-qafas ta’ Orizzont 2020, bis-sehem tan-nisa fil-panels ta’ evalwazzjoni jilħaq it-42 %, ogħla mill-mira ta’ 40 %. Madankollu, is-sehem tan-nisa fil-panels konsultattivi xjentifiċi u bħala riċerkaturi fil-proġetti baqa’ taħt il-mira ta’ 50 %, 43 % u 23 % rispettivament. B’rispons għal dan, Orizzont Ewropa ġie aġġustat biex jintegra d-dimensjoni tal-ġeneru fil-programm kollu.
L-attraenza globali tal-programm hija evidenti mill-firxa ta’ applikazzjonijiet minn 177 pajjiż. Nofs il-finanzjament kollu spiċċa għand erba’ pajjiżi biss (il-Ġermanja, ir-Renju Unit, Franza u Spanja). Madankollu, pajjiżi iżgħar bħall-Estonja, il-Greċja, Ċipru u l-Latvja kellhom prestazzjoni impressjonanti meta l-finanzjament ta’ Orizzont 2020 jitqabbel man-nefqa domestika grossa tagħhom fuq ir-R&Ż.
Il-pajjiżi tat-twessigħ irċevew sehem ta’ 8 % tal-kontribuzzjoni totali tal-UE, żieda żgħira mill-FP7. Għalkemm dan jista’ jitqies bħala sehem moderat, dawn il-pajjiżi kollha, minbarra tnejn minnhom, żiedu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm. L-evalwazzjoni identifikat diversi sfidi għal dawn il-pajjiżi, inkluż kapaċità limitata għall-ġestjoni ta’ proġetti internazzjonali tar-R&I, eżodu ta’ mħuħ, sistemi ta’ appoġġ nazzjonali dgħajfa u d-disponibbiltà ta’ alternattivi ta’ finanzjament. B’rispons għal dan, il-baġit ta’ Orizzont Ewropa għall-estensjoni tal-parteċipazzjoni tal-pajjiżi żdied bit-tripplu biex laħaq 3 % u introduċa diversi miżuri biex jissaħħaħ l-involviment tagħhom, inkluż it-tisħiħ tas-sistema tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali u l-offerta ta’ kontrolli preliminari tal-proposti u għotjiet għaċ-“ċirkolazzjoni tal-imħuħ”.
4.X’kien il-valur tal-programm għall-UE?
Orizzont 2020 tejjeb b’mod sinifikanti l-ambitu u l-kwalità tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa, u kiseb impatti li jestendu ferm lil hinn minn dak li seta’ jinkiseb fil-livell nazzjonali jew reġjonali. Dan appoġġa attivitajiet tar-R&I fuq skala akbar, aktar kumplessi u aktar ambizzjużi milli kien ikun possibbli mingħajr l-appoġġ tal-UE. Orizzont 2020 ħaffef l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet għal sfidi globali urġenti billi ġabar flimkien l-isforzi u r-riżorsi minn madwar l-Ewropa kollha. Dan kien evidenti fid-diffikultà li ffaċċjaw l-applikanti li ma rnexxewx, li ħafna minnhom ma setgħux jimplimentaw il-proġetti tagħhom jew kellhom jagħmlu modifiki sinifikanti, primarjament minħabba n-nuqqas ta’ sorsi alternattivi ta’ finanzjament fil-livell nazzjonali jew reġjonali.
Punt b’saħħtu ewlieni ta’ Orizzont 2020 kien il-kollaborazzjoni multidixxiplinari u l-kooperazzjoni pan-Ewropea tiegħu dwar ir-R&I. Dan l-approċċ kien effettiv fil-konsolidazzjoni tal-għarfien espert, tal-ħiliet u tar-riżorsi minn diversi pajjiżi, filwaqt li ħoloq massa kritika biex tiżdied il-kwalità tal-outputs tar-riċerka u l-innovazzjoni. In-natura kompetittiva tal-proċess ta’ finanzjament madwar l-UE kompliet ittejjeb il-kwalità, filwaqt li żgurat li r-riċerka twettqet f’oqsma ta’ rilevanza sinifikanti għas-soċjetà Ewropea.
Kif spjegat fit-taqsima dwar l-impatt ekonomiku, il-programm ingrana b’suċċess kemm il-finanzjament privat kif ukoll dak pubbliku għar-R&I. Huwa stmat li, sal-2040, kull euro investit f’Orizzont 2020 se jrendi ħames euro ta’ benefiċċji għaċ-ċittadini tal-UE. Dan l-investiment ikkontribwixxa għal żieda fil-perċentwal tal-PDG allokat għar-R&Ż, u b’hekk kompla jikkonsolida ż-Żona Ewropea tar-Riċerka.
Il-valur fit-tul tal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta’ programm qafas fil-livell tal-UE huwa ċar fl-istabbiliment tal-pedamenti xjentifiċi u teknoloġiċi meħtieġa għat-tħejjija futura u l-awtonomija strateġika tal-UE fir-rispons għall-kriżijiet. Dan kien partikolarment evidenti fir-rispons rapidu u effettiv tal-programm għat-tifqigħa tal-COVID-19, sostnut minn investimenti li ilhom jeżistu fir-riċerka dwar l-mRNA.
5.Kemm kien effiċjenti Orizzont 2020?
Orizzont 2020 werali għandu valur sostanzjali għall-flus għas-soċjetà Ewropea. F’termini ta’ impatt ekonomiku, għal kull euro li jintnefaq fuq il-programm (f’kostijiet tal-programm u kostijiet għall-applikanti), huwa stmat li dan irendi madwar ħames euro f’benefiċċji għaċ-ċittadini tal-UE, kif imkejjel permezz tal-impatt tiegħu fuq il-PDG, sas-sena 2040.
Għadd ta’ miżuri ta’ simplifikazzjoni kienu effettivi fit-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-applikanti u għall-benefiċjarji. Titjib notevoli jinkludi l-użu ta’ firem elettroniċi u l-mudell tal-ftehim ta’ għotja annotat. Dawn il-bidliet għenu biex jitħaffef il-proċess għall-għoti ta’ għotjiet, filwaqt li tejbu r-rati ta’ żball u n-nefqa amministrattiva, u kisbu riżultati tajbin meta mqabbla mal-parametri referenzjarji. Il-fatturi ewlenin ta’ sostenn imsemmija kienu l-fluss tax-xogħol il-ġdid tal-ġestjoni elettronika tal-għotjiet u l-eliminazzjoni tal-istadju tan-negozjar. Madankollu, l-evalwazzjoni tissuġġerixxi li l-issikkar ulterjuri tal-mira taż-żmien għall-għotja jista’ ma jkunx meħtieġ peress li jista’ jżid b’mod involontarju r-riskji ta’ żbalji finanzjarji.
Orizzont 2020 immarka titjib sinifikanti fl-effiċjenza tal-ipproċessar tal-għotjiet meta mqabbel mal-predeċessur tiegħu, l-FP7:
• 90 % tal-għotjiet ġew iffirmati fil-ħin, żieda sostanzjali mir-rata ta’ 41 % fil-qafas tal-FP7.
• il-perjodu medju taż-żmien għall-għotja naqas għal 187 jum (esklużi l-għotjiet tal-ERC) minn 313-il jum fil-qafas tal-FP7. Dan jirrappreżenta ffrankar konsiderevoli ta’ ħin għall-amministrazzjoni tal-UE u kien ta’ benefiċċju għall-applikanti, li ġew infurmati aktar kmieni u setgħu jibdew il-proġetti tagħhom f’data aktar bikrija.
Minkejja dawn l-avvanzi, l-evalwazzjoni ma tippreżentax stampa ġeneralment pożittiva rigward ir-rata ta’ żball tal-programm. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri indikat li, b’mod partikolari fin-nefqa operazzjonali u l-kostijiet tal-persunal, il-livell ta’ żball għadu għoli u spiss evitabbli.
Meta wieħed iħares ’il quddiem, hemm lok biex tittejjeb l-effiċjenza tal-programm qafas tal-UE. Ħafna partijiet ikkonċernati indikaw li l-parteċipazzjoni f’Orizzont 2020 tirrikjedi sforz akbar milli għal programmi oħra ta’ finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni. Din l-informazzjoni hija sinifikanti minħabba r-rata ta’ suċċess relattivament baxxa tal-programm, peress li dan ifisser li sehem konsiderevoli tal-kost tal-applikazzjoni jirrappreżenta telf nett għas-soċjetà tal-UE. Kwalunkwe miżura effettiva li tnaqqas dawn il-kostijiet għandha potenzjal qawwi li ttejjeb l-effiċjenza tal-programm.
6.Konklużjonijiet u tagħlimiet meħuda
L-evalwazzjoni tikkonkludi li Orizzont 2020 ikkontribwixxa b’mod sinifikanti għall-bini ta’ soċjetà u ekonomija tal-UE msejsa fuq l-għarfien u l-innovazzjoni. Bl-ingranaġġ ta’ finanzjament addizzjonali għar-R&I, dan mhux biss appoġġa l-implimentazzjoni ta’ politiki oħra tal-UE iżda kellu wkoll rwol kruċjali fil-kisba u fiż-żamma taż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Ir-rilevanza ta’ Orizzont 2020 għall-ħtiġijiet tas-soċjetà kienet evidenti fir-rispons rapidu u flessibbli tiegħu għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza bħat-tifqigħat tal-Ebola u tal-COVID-19, u r-rwol influwenti tiegħu fl-isforzi globali biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima. L-evalwazzjoni tissottolinja l-ħtieġa li tiġi sostnuta azzjoni f’diversi programmi qafas biex jinkisbu dawn l-eżiti.
Filwaqt li Orizzont 2020 laħaq xi wħud mill-miri jew mill-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tiegħu, huwa ma laħaqhomx kollha kemm huma. Dan is-suċċess parzjali jista’ jiġi attribwit għan-natura inerenti tal-investimenti fir-R&I, li spiss jirrikjedu perjodu twil biex jagħtu riżultati li jistgħu jintużaw. Ħafna proġetti għadhom għaddejjin u kien hemm ukoll nuqqasijiet fil-konfigurazzjoni inizjali tal-indikaturi tal-programm. Minkejja dawn l-isfidi, l-evalwazzjoni tikkonferma li r-riżultati prodotti bil-finanzjament ta’ Orizzont 2020 huma ta’ valur għoli.
L-evalwazzjoni interim ta’ Orizzont 2020 wasslet għal xi aġġustamenti sinifikanti fl-aħħar nofs tal-programm. Il-miżuri ġodda biex tiżdied ix-xjenza miftuħa taw il-frott u nżamm il-livell ta’ parteċipazzjoni internazzjonali. Aktar titjib, bħall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa, l-integrazzjoni aħjar tax-xjenzi soċjali u tal-istudji umanistiċi u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv ġie riportat u msaħħaħ fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa. Barra minn hekk, il-qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni ġie rivedut biex jiġi segwit aħjar l-impatt maż-żmien. L-effettività ta’ dawn il-miżuri se tiġi eżaminata mill-qrib fl-evalwazzjoni interim ta’ Orizzont Ewropa.
Din l-evalwazzjoni finali ta’ Orizzont 2020 enfasizzat diversi oqsma ewlenin għal aktar titjib, filwaqt li pprovdiet għarfien li se jikkontribwixxi għal titjib fil-futur.
·Twessigħ tal-parteċipazzjoni. Hemm lok biex titwessa’ l-parteċipazzjoni fil-programm. Dan ikun jinvolvi l-kollaborazzjoni ma’ atturi mhux tradizzjonali minn diversi setturi, dixxiplini xjentifiċi u pajjiżi. Filwaqt li r-riformi nazzjonali tas-sistemi tar-R&I jistgħu jinfluwenzaw it-tħejjija għall-parteċipazzjoni tal-proġetti fil-livell Ewropew, il-programm innifsu jista’ jittejjeb permezz ta’ simplifikazzjoni, viżibbiltà u aċċessibbiltà akbar.
·Hija meħtieġa aktar simplifikazzjoni. Il-programm jista’ jibbenefika minn użu mmirat tal-proċess ta’ applikazzjoni f’żewġ stadji, speċjalment f’oqsma b’rati baxxi ta’ suċċess u b’volum għoli ta’ applikanti li ma rnexxewx. L-estensjoni tal-użu tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni tas-Siġill ta’ Eċċellenza tista’ tippermetti wkoll li aktar applikazzjonijiet jerġgħu jintużaw għal programmi oħra, u b’hekk jonqos l-isforz inutli. Hemm ukoll potenzjal ulterjuri ta’ simplifikazzjoni fl-estensjoni tal-użu mmonitorjat ta’ finanzjament mogħti bħala somma waħda f’daqqa, kif ukoll fit-titjib tas-sensibilizzazzjoni, it-tixrid tal-informazzjoni, u l-esperjenza tal-utenti tal-għodod tal-programmi.
·Id-disseminazzjoni, l-isfruttament u l-użu tar-riżultati. Il-proċess tat-tixrid, l-isfruttament u l-użu tar-riżultati tal-proġetti ma kienx uniformi u jirrikjedi aktar attenzjoni. Orizzont Ewropa jħeġġeġ lill-applikanti jaħsbu aktar dwar il-mod kif iħallu impatt fl-applikazzjonijiet tagħhom. Huwa meħtieġ ukoll titjib biex jiġu żgurati l-viżibbiltà, it-tixrid u l-użu prattiku tar-riżultati tal-proġetti biex jinkisbu benefiċċji ekonomiċi u soċjetali usa’.
·L-appoġġ għan-nisa fir-riċerka u l-innovazzjoni. Minkejja l-isforzi, għad hemm l-isfida li jinkiseb bilanċ bejn il-ġeneri fir-riċerka, l-intraprenditorija u l-innovazzjoni. Huma meħtieġa miżuri aktar b’saħħithom biex jappoġġaw lir-riċerkaturi, lill-intraprendituri u lill-innovaturi nisa kemm madwar l-Ewropa kollha kif ukoll fil-programm qafas.
·Il-bini ta’ aktar sinerġiji ma’ inizjattivi oħra. Is-sinerġiji ma’ inizjattivi tal-UE, nazzjonali u reġjonali oħra jistgħu jissaħħu, b’mod partikolari biex jappoġġaw l-adozzjoni u l-użu tar-riżultati tal-proġetti. Dan jinkludi allinjament aħjar biex jiġi żgurat it-tħaddim bla xkiel tal-infrastrutturi tar-riċerka.
7.Il-passi li jmiss
L-għarfien u l-konklużjonijiet ewlenin misluta minn din l-evalwazzjoni finali ta’ Orizzont 2020 huma mistennija li jkollhom rwol kruċjali mhux biss fit-tiswir tal-implimentazzjoni li għaddejja ta’ Orizzont Ewropa, iżda wkoll fl-influwenzar tal-iżvilupp tal-politika għal inizjattivi futuri ta’ riċerka u innovazzjoni. Dan se jiżgura li t-tagħlimiet meħuda minn Orizzont 2020 jiġu integrati b’mod effettiv fil-programmi attwali u futuri biex ikomplu jittejbu l-effiċjenza, ir-rilevanza u l-impatt tagħhom fuq l-Ewropej.