Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024AE0782

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Strateġija għall-Industrija tad-Difiża Ewropea (JOIN(2024) 10 final)

    EESC 2024/00782

    ĠU C, C/2024/4663, 9.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4663/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4663/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje C


    C/2024/4663

    9.8.2024

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Strateġija għall-Industrija tad-Difiża Ewropea

    (JOIN(2024) 10 final)

    (C/2024/4663)

    Relatur:

    Maurizio MENSI

    Korelatur:

    Jan PIE

    Konsulenti

    Alberto DAL FERRO (għar-relatur tal-Grupp III)

    Vassilis THEODOSOPOULOS (għall-korelatur tal-Grupp I)

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni Ewropea, 27.3.2024

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

    Adozzjoni fis-sezzjoni

    15.5.2024

    Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

    30.5.2024

    Sessjoni plenarja Nru

    588

    Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet)

    208/2/10

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-Istrateġija għall-Industrija tad-Difiża Ewropea bħala pass importanti lejn l-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża tal-Ewropa u b’hekk il-kapaċità tagħha li tipproteġi liċ-ċittadini, it-territorju, u l-valuri ewlenin u l-istil ta’ ħajja tagħha.

    1.2.

    Il-KESE jemmen li l-iżgurar tal-prontezza u r-rispons tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) huwa pilastru kruċjali tal-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża tal-Ewropa, peress li l-EDTIB hija l-fornitur indiġenu fdat tal-hardware, is-software u s-servizzi tal-ogħla livell li l-forzi armati tagħna jeħtieġu biex iwettqu l-missjoni tagħhom.

    1.3.

    Il-KESE jilqa’ l-bidla fl-approċċ minn miżuri ta’ emerġenza għal rispons strutturali fit-tul, li huwa essenzjali biex jiġi appoġġjat l-adattament tal-EDTIB għall-ambjent il-ġdid tas-sigurtà. B’mod partikolari, huwa jilqa’ l-enfasi fuq il-ħtieġa li l-akkwist Ewropew jiffoka fuq sorsi Ewropej għall-ħtiġijiet Ewropej. F’dan ir-rigward, iż-żieda, il-konsolidazzjoni u d-direzzjoni tad-domanda Ewropea fir-rigward tal-EDTIB huma essenzjali daqs it-tisħiħ tal-kapaċità tal-EDTIB li tissodisfa tali domanda.

    1.4.

    Il-KESE jilqa’ l-enfasi fuq is-sigurtà tal-provvista, li hija fundamentali għall-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża Ewropea, li bħalissa tinsab mhedda mid-dipendenza żejda minn fornituri mhux Ewropej u n-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ governanza fil-livell Ewropew għal żminijiet ta’ kriżi. Jinnota wkoll li r-reġim tas-sigurtà tal-provvista propost jinkludi diversi elementi interessanti, iżda l-applikazzjoni tiegħu tista’ tkun problematika minħabba l-kumplessità tal-ktajjen tal-provvista u s-sensittività u l-klassifikazzjoni potenzjali tal-informazzjoni meħtieġa għall-immappjar u l-monitoraġġ.

    1.5.

    Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu sfruttati s-sħubijiet ma’ pajjiżi ħbieb b’valuri komuni biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija. Il-parteċipazzjoni tal-Ukrajna fil-programmi industrijali tad-difiża tal-UE, kif ukoll it-trawwim ta’ rabtiet aktar mill-qrib bejn l-EDTIB u l-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ukrena, se joħolqu benefiċċji strateġiċi importanti għat-tnejn li huma. Koordinazzjoni msaħħa man-NATO dwar suġġetti ta’ interess reċiproku tkun vantaġġuża wkoll, dment li l-interessi tas-sigurtà tal-Istati Membri kollha tal-UE jiġu rispettati bis-sħiħ.

    1.6.

    Fl-istess ħin, il-KESE jiddispjaċih li l-istrateġija ma tindirizzax il-perċezzjoni pubblika. Dan huwa nuqqas importanti, peress li l-perċezzjoni pubblika hija fattur ewlieni fis-soċjetajiet demokratiċi u fis-swieq ħielsa bħal tagħna, u għalhekk mutur importanti tal-isfidi tal-EDTIB relatati mas-sostenibbiltà, li jinfluwenza kemm id-deċiżjonijiet politiċi kif ukoll dawk tas-suq. Din l-isfida trid tiġi indirizzata b’mod urġenti, inkluż permezz ta’ kampanja ta’ komunikazzjoni pubblika kkoordinata fl-UE kollha biex jiġu miġġielda kunċetti żbaljati li ilhom jeżistu, u biex jinħolqu sensibilizzazzjoni u appoġġ fost il-pubbliku Ewropew dwar il-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati l-paċi, is-sigurtà, il-prosperità u l-valuri tal-Ewropa, u l-kontribut essenzjali tal-EDTIB għaliha.

    1.7.

    F’dan l-isfond, il-KESE jemmen li l-istrateġija tbati minn ċerti nuqqasijiet, kif enfasizzat hawn taħt. Fir-rigward tal-objettivi tiegħu, l-istrument ewlieni għall-implimentazzjoni tiegħu (EDIP) x’aktarx li ma jkunx operattiv qabel tmiem l-2025. Għalhekk, l-istrateġija trid tiġi kkomplementata minn miżuri oħra fuq terminu qasir li għandhom l-għan li jindirizzaw il-ħtiġijiet immedjati.

    1.8.

    Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Istati Membri jaċċettaw l-istedina tal-Kummissjoni biex ifittxu opzjonijiet fuq terminu qasir biex jagħtu spinta, permezz tal-istrumenti disponibbli, lill-akkwisti konġunti tad-difiża fuq skala kbira, iż-żieda fuq skala kbira tal-EDTIB, u t-tnedija ta’ proġetti ewlenin tad-difiża.

    1.9.

    Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li l-iżgurar tal-aċċess tal-industrija tad-difiża għall-ħiliet, it-teknoloġija u r-riċerka, huwa kruċjali kemm minn perspettiva industrijali kif ukoll minn perspettiva strateġika. Għal dan il-għan, l-investiment fit-taħriġ, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-istrateġija huma kruċjali. Barra minn hekk, il-kampanja msemmija hawn fuq biex jiżdied l-għarfien tal-pubbliku Ewropew dwar il-kontribut tal-EDTIB għas-sigurtà, il-prosperità u l-valuri tal-Ewropa għandha tinkludi komponent iddedikat għat-trawwim tad-diversità u l-attraenza tal-EDTIB fost il-professjonisti futuri u żgħażagħ, kif ukoll tinkoraġġixxi t-tneħħija ta’ ostakli bħal klawżoli ċivili fir-regolamenti universitarji. Jistgħu jiġu esplorati wkoll inizjattivi li jippromovu l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol għad-difiża, li possibbilment jieħdu ispirazzjoni mill-programm “Erasmus Militari”.

    1.10.

    Il-KESE jenfasizza li s-suċċess tal-istrateġija se jiddependi primarjament fuq l-involviment sħiħ u r-rikonoxximent min-naħa tal-Istati Membri tal-valur miżjud ta’ approċċ Ewropew. Għalhekk, huwa jappella lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-implimentazzjoni tagħha titwettaq mingħajr dewmien żejjed u tkun appoġġjata minn riżorsi finanzjarji adegwati. F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ ukoll l-appell tal-Kummissjoni lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex jimmodifika l-politiki ta’ self tiegħu u jappoġġja bis-sħiħ l-industrija tad-difiża, u jilqa’ l-kjarifiki dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni tal-attivitajiet ta’ difiża fit-tassonomija ambjentali tal-UE. Huwa essenzjali li tiġi stabbilita rabta u kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-industrija, il-militar, ix-xjenza u r-riċerka.

    2.   Kuntest tal-Opinjoni, inkluża l-proposta leġiżlattiva kkonċernata

    2.1.

    Fil-5 ta’ Marzu 2024, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli ppreżentaw l-ewwel Strateġija għall-Industrija tad-Difiża Ewropea, flimkien mal-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea (EDIP).

    2.2.

    L-għan tal-istrateġija huwa li ssaħħaħ b’mod aktar wiesa’ l-istat ta’ tħejjija u l-kompetittività tal-EDTIB, bħala prerekwiżit essenzjali għall-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża tal-Ewropa.

    2.3.

    L-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża sar kruċjali fl-ambjent il-ġdid tas-sigurtà, li huwa kkaratterizzat minn żieda qawwija fit-theddid għas-sigurtà reġjonali u globali, u b’mod partikolari r-ritorn ta’ gwerra konvenzjonali ta’ intensità għolja fl-Ewropa, wara l-invażjoni illegali, brutali u fuq skala kbira tal-Ukrajna mir-Russja fi Frar 2022.

    2.4.

    F’dan l-isfond, l-UE u l-Istati Membri tagħha jiffaċċjaw żewġ sfidi ewlenin. Fuq terminu qasir ħafna, dawn iridu jkunu jistgħu jgħinu lill-Ukrajna tirreżisti l-aggressjoni Russa. Lil hinn minn dan, l-UE trid tħejji lilha nnifisha b’mod urġenti għall-eventwalità ta’ kunflitt fuq skala kbira. Dan huwa kruċjali, peress li l-esperti militari Ewropej wissew ripetutament li r-Russja, li qed tidderieġi dejjem aktar ir-riżorsi tagħha lejn l-apparat militari tagħha, tista’ tniedi attakk ibridu jew militari fuq skala kbira kontra membru tal-UE fi żmien ftit snin, u b’mexxej Ewropew li dan l-aħħar wissa b’mod espliċitu li l-Ewropa daħlet f’“era ta’ qabel il-gwerra”.

    2.5.

    Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, l-EDTIB trid dejjem tkun lesta u kapaċi tipprovdi l-ispettru sħiħ ta’ kapaċitajiet kwalitattivi superjuri meħtieġa mill-forzi armati Ewropej.

    2.6.

    Madankollu, dan mhuwiex il-każ illum. Wara tliet deċennji ta’ nuqqas ta’ investiment fl-armamenti u t-taħriġ u l-ħiliet rilevanti għad-difiża fl-Ewropa kollha, il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-EDTIB iddgħajfet b’mod sinifikanti. L-Istati Membri tal-UE użaw b’mod predominanti l-baġits limitati tagħhom għall-akkwist tad-difiża biex jakkwistaw prodotti mhux Ewropej u b’mod mhux koordinat.

    2.7.

    Minn Frar 2022, l-infiq fuq l-investiment fid-difiża fl-UE kollha żdied drastikament, iżda x-xejra ta’ xiri individwali minn barra ġiet aggravata. Skont studju reċenti, 78 % tal-akkwiżizzjonijiet tad-difiża mill-Istati Membri tal-UE bejn il-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja u Ġunju 2023 saru minn fornituri mhux tal-UE u skont l-aħħar ċifri tal-EDA, fl-2022, l-infiq totali fuq it-tagħmir fl-UE akkwistat b’mod kollaborattiv kien biss 18 %. Din ix-xejra għandha effetti ta’ ħsara kbira fuq l-EDTIB, peress li twassal għal telf ta’ dħul, kapaċità ta’ investiment, ekonomiji ta’ skala, għarfien espert u kapaċità ta’ produzzjoni mitlufa.

    2.8.

    Biex tindirizza din l-isfida, l-Istrateġija għall-Industrija tad-Difiża Ewropea tiddeskrivi għadd ta’ azzjonijiet strutturati fuq erba’ pilastri, li huma (1) l-iffaċilitar u l-inċentivar tal-Istati Membri biex jippjanaw, jinvestu fl-EDTIB u jakkwistaw minnha b’mod konġunt (1); (2) l-appoġġ għall-kapaċità tal-produzzjoni u tal-innovazzjoni tal-EDTIB u l-istabbiliment ta’ qafas tal-UE għas-sigurtà tal-provvista; (3) l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet industrijali tad-difiża fil-politiki kollha tal-UE; u (4) l-ingranaġġ ta’ sħubijiet mal-Ukrajna, man-NATO u ma’ msieħba oħra biex jiġu appoġġjati dawn l-objettivi.

    2.9.

    L-istrateġija tirrikonoxxi li r-riżorsi disponibbli għall-EDIP (EUR 1,5 biljun) taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) attwali tal-UE huma biżżejjed biss għal sforz fuq skala żgħira u li għandhom jiġu kkomplementati permezz ta’ mezzi importanti u sorsi oħra ta’ finanzjament fuq terminu qasir. Lil hinn mill-2027, pakkett finanzjarju ambizzjuż taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) tal-UE li jmiss huwa meqjus essenzjali.

    2.10.

    L-istrateġija tressaq għanijiet mhux vinkolanti fuq terminu medju li jikkonċernaw is-sehem tal-kummerċ tad-difiża intra-UE fis-suq tad-difiża ġenerali tal-UE.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Il-KESE jilqa’ l-Istrateġija għall-Industrija tad-Difiża Ewropea bħala pass importanti lejn l-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża tal-Ewropa u b’hekk il-kapaċità tagħha li tipproteġi liċ-ċittadini, it-territorju, u l-valuri ewlenin u l-istil ta’ ħajja tagħha. Dan huwa interess importanti ħafna għall-Istati Membri kollha tal-UE.

    3.2.

    Il-KESE jemmen ukoll li l-iżgurar tal-prontezza u r-rispons tal-EDTIB huwa pilastru kruċjali tal-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża tal-Ewropa.

    3.3.

    Il-KESE jilqa’ l-bidla fl-approċċ minn miżuri ta’ emerġenza għal rispons strutturali fit-tul, li huwa essenzjali biex jiġi appoġġjat l-adattament tal-EDTIB għall-ambjent il-ġdid tas-sigurtà.

    3.4.

    Il-KESE huwa tal-fehma li, minħabba l-kompetenzi tal-UE fid-difiża, l-istrateġija tkopri d-dimensjonijiet ewlenin ta’ din il-kwistjoni – inklużi l-konsolidazzjoni tad-domanda, l-appoġġ għall-industrija inkluż għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, is-sigurtà tal-provvista, l-integrazzjoni tal-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża fil-politiki tal-UE, u s-sħubijiet – u tipprovdi qafas u strumenti sodi biex tkompli tinċentiva l-kooperazzjoni Ewropea.

    3.5.

    B’mod partikolari, il-KESE jilqa’ l-enfasi fuq il-ħtieġa li jittejjeb l-akkwist Ewropew għall-ħtiġijiet Ewropej. F’dan ir-rigward, iż-żieda, il-konsolidazzjoni u d-direzzjoni tad-domanda Ewropea lejn l-EDTIB huma essenzjali daqs it-tisħiħ tal-kapaċità tal-EDTIB li tissodisfa tali domanda.

    3.6.

    Il-miri fuq terminu medju mressqa mill-istrateġija huma indikatur importanti tal-progress, li huma meħtieġa għall-evalwazzjoni u l-kalibrazzjoni potenzjali tal-isforzi fil-futur. Madankollu, il-KESE jinnota b’dispjaċir li l-miri mhumiex vinkolanti u huwa tal-fehma li ġew stabbiliti baxxi wisq u bil-mod wisq, meta jitqiesu r-riskji involuti għas-sigurtà. L-industrija stmat li l-bini ta’ EDTIB adattata għall-ambjent il-ġdid tas-sigurtà jirrikjedi li 80 % tal-baġits Ewropej għall-akkwist tad-difiża jiġu investiti fl-Ewropa. Għalhekk, il-KESE jemmen li din għandha tkun il-mira u li l-UE għandha timmira li tilħaqha b’mod urġenti u sa mhux aktar tard mill-2040.

    3.7.

    Il-KESE jistieden lill-Istati Membri kif ukoll lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew biex jagħmlu l-almu tagħhom, biex jiżguraw li dawn il-miri ma jibqgħux sempliċiment aspirazzjonijiet iżda jitwettqu bis-sħiħ. Dan se jgħin ukoll biex jiġu evitati l-frammentazzjoni u d-duplikazzjoni li jirriżultaw f’ħela u tiġi żgurata allokazzjoni aktar effiċjenti ta’ riżorsi skarsi.

    3.8.

    L-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet industrijali tad-difiża fil-politiki kollha tal-UE hija faċilitatur ewlieni għal dan l-għan. Il-messaġġ ċar tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kontribut essenzjali tal-EDTIB għar-reżiljenza, is-sigurtà u l-ħtieġa li dan il-kontribut jiġi rifless fl-aċċess tal-industrija għall-finanzi, huwa partikolarment rilevanti. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ ukoll l-appell tal-Kummissjoni lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex jimmodifika l-politiki ta’ self tiegħu u jappoġġja bis-sħiħ l-industrija tad-difiża, u jilqa’ l-kjarifiki dwar nuqqas ta’ inklużjoni tal-attivitajiet ta’ difiża fit-tassonomija ambjentali tal-UE.

    3.9.

    Il-KESE jilqa’ wkoll l-enfasi tal-istrateġija fuq is-sigurtà tal-provvista, il-materja prima kritika, iċ-ċipep, il-kompetenzi, li hija kruċjali għall-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża. Bħalissa, is-sigurtà tal-provvista fl-Ewropa tinsab mhedda minn dipendenza żejda fuq fornituri mhux Ewropej u l-assenza ta’ mekkaniżmu ta’ governanza fil-livell tal-UE għal żminijiet ta’ kriżi. Ir-reġim tas-sigurtà tal-provvista propost jinkludi diversi elementi interessanti, bħad-distinzjoni bejn tipi differenti ta’ kriżijiet u miżuri gradwati, kif ukoll appoġġ possibbli għal kumulazzjoni ta’ riżerva strateġika ta’ komponenti bażiċi. Dispożizzjonijiet oħra, bħall-ftuħ ta’ kuntratti qafas eżistenti matul il-kriżijiet, jistgħu wkoll itejbu b’mod sostanzjali s-sigurtà tal-provvista. Fl-istess ħin, l-implimentazzjoni ta’ reġim bħal dan tista’ tkun ta’ sfida. Il-kumplessità tal-ktajjen tal-provvista tad-difiża tirriżulta f’użu elevat ta’ riżorsi u diffikultajiet fir-rigward tal-immappjar u l-monitoraġġ komprensivi, speċjalment għal elementi li jinsabu barra mill-Unjoni. Is-sensittività u l-klassifikazzjoni potenzjali tal-informazzjoni meħtieġa jistgħu jkunu diffikultà oħra. L-użu ta’ informazzjoni disponibbli primarjament b’mod pubbliku u talbiet għal informazzjoni volontarji jista’ jtaffi din id-diffikultà, iżda jista’ jillimita wkoll il-preċiżjoni, il-validità, ir-rilevanza u l-kompletezza tal-informazzjoni.

    3.10.

    Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu sfruttati s-sħubijiet ma’ pajjiżi ħbieb b’valuri komuni biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija. Il-parteċipazzjoni tal-Ukrajna fil-programmi industrijali tad-difiża tal-UE, kif ukoll it-trawwim ta’ rabtiet aktar mill-qrib bejn l-EDTIB u l-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ukrena, se joħolqu benefiċċji strateġiċi importanti għat-tnejn, inkluż matul u wara l-gwerra u bil-ħsieb tal-adeżjoni eventwali tal-Ukrajna mal-Unjoni. Koordinazzjoni msaħħa man-NATO dwar suġġetti ta’ interess reċiproku tkun vantaġġuża wkoll, dment li l-interessi tas-sigurtà tal-Istati Membri kollha tal-UE jiġu rispettati bis-sħiħ.

    3.11.

    Fl-istess ħin, il-KESE jiddispjaċih li l-istrateġija ma tindirizzax il-perċezzjoni pubblika b’mod speċifiku. Dan huwa nuqqas importanti, peress li l-perċezzjoni pubblika hija fattur ewlieni fis-soċjetajiet demokratiċi u fis-swieq ħielsa bħal tagħna, u għalhekk mutur importanti tal-isfidi tal-EDTIB relatati mas-sostenibbiltà, li jinfluwenza kemm id-deċiżjonijiet politiċi kif ukoll dawk tas-suq. B’mod partikolari, għadd sinifikanti ta’ Ewropej għadhom iqisu l-industrija tad-difiża bħala “insostenibbli” u sors ta’ ħela fuq l-infiq soċjali, u li għalhekk ma jistħoqqilhiex appoġġ, u fl-istess ħin jinjoraw kemm il-kontribut vitali tad-difiża għall-ġid pubbliku tas-sigurtà kif ukoll l-arrikkiment reċiproku bejn it-teknoloġiji ċivili u tad-difiża u l-innovazzjoni. Dawn il-perċezzjonijiet żbaljati jistgħu jiġu aggravati minn manipulazzjoni tal-informazzjoni barranija u interferenza fis-soċjetajiet u l-proċessi politiċi tagħna, bħala parti minn kampanji ibridi minn atturi malizzjużi, b’mod partikolari r-Russja. Din l-istampa negattiva tal-industrija tad-difiża toħloq sfidi serji għall-EDTIB fir-rigward tal-aċċess mhux biss għall-finanzjament, iżda wkoll għall-assigurazzjoni, l-enerġija, il-faċilitajiet u l-ħiliet. Din l-isfida trid tiġi indirizzata b’mod urġenti, inkluż permezz ta’ kampanja ta’ komunikazzjoni pubblika kkoordinata fl-UE kollha biex jiġu miġġielda kunċetti żbaljati li ilhom jeżistu, u biex jinħolqu sensibilizzazzjoni u appoġġ fost il-pubbliku Ewropew dwar il-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati l-paċi, is-sigurtà, il-prosperità u l-valuri tal-Ewropa, u l-kontribut essenzjali tal-EDTIB għaliha. Huwa d-dmir tal-mexxejja politiċi li jfakkru liċ-ċittadini fis-soċjetajiet liberi u demokratiċi tagħna li l-paċi u l-libertà ma jistgħux jittieħdu bħala fatt u jridu jiġu difiżi. Fl-istess ħin, is-Sett ta’ Għodod tal-UE kontra Theddid Ibridu previst fil-Boxxla Strateġika għandu jintuża wkoll bil-ħsieb li l-EDTIB tiġi protetta minn theddid ibridu.

    3.12.

    B’mod ġenerali, il-KESE jfaħħar l-istrateġija għar-rikonoxximent tal-isfida eċċezzjonali li l-aggressjoni Russa toħloq għall-Ewropa. Fl-istess ħin, l-Ewropa qed tiffaċċja wkoll riskji importanti oħra, bħal kunflitti attwali u futuri potenzjali fil-viċinat tal-Ewropa u lil hinn minnu kif ukoll id-diżimpenn potenzjali tal-alleat ewlieni tagħha. L-istrateġija tasal fi żmien meta dawn l-isfidi saru akuti u l-ħtieġa li ilha diskussa biex l-Ewropa tassumi responsabbiltà akbar għas-sigurtà tagħha stess saret urġenti. Għalhekk, il-punt ta’ riferiment reali tal-istrateġija se jkun jekk din hijiex adatta għal dawn l-isfidi.

    3.13.

    F’dan l-isfond, il-KESE jemmen li l-istrateġija tbati minn ċerti nuqqasijiet, li huma enfasizzati hawn taħt. Fir-rigward tal-objettivi tiegħu, l-istrument ewlieni għall-implimentazzjoni tiegħu (EDIP) x’aktarx li ma jkunx operattiv qabel tmiem l-2025. Dan il-perjodu ta’ żmien ma jistax jindirizza l-ħtiġijiet urġenti tal-Ukrajna u n-nuqqasijiet fil-kapaċità fuq terminu qasir tal-Istati Membri, li jirrikjedu azzjoni urġenti. Għalhekk, l-istrateġija trid tiġi kkomplementata minn miżuri oħra fuq terminu qasir li għandhom l-għan li jilħqu l-ħtiġijiet immedjati.

    3.14.

    Il-KESE jenfasizza wkoll li, waqt li l-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jħabbru bidla fundamentali fl-approċċ tal-UE għall-industrija tad-difiża permezz tal-istrateġija, l-istrateġija nnifisha mhux se twettaq il-bażi industrijali tad-difiża lesta għall-gwerra li l-Ewropa teħtieġ. Fil-fatt, l-Istati Membri għandhom ir-riżorsi u l-awtorità li jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex ireġġgħu lura x-xejriet tal-akkwist fil-qasam tad-difiża, jikkooperaw fuq programmi ta’ kapaċità, u jistabbilixxu b’mod sod perspettiva ta’ difiża bħala garanzija għas-sigurtà. Il-Kummissjoni tista’ tappella lill-Istati Membri biex jaġixxu f’dawn id-direzzjonijiet u jipprovdu inċentivi biex jagħmlu dan, iżda l-inċentivi disponibbli llum huma limitati u, fil-każ tal-finanzjament, fl-aħħar mill-aħħar jiddependu wkoll fuq ir-rieda tal-Istati Membri.

    3.15.

    Il-KESE jenfasizza li, għal għexieren ta’ snin, kien hemm distakk kbir bejn ir-retorika u l-azzjonijiet mill-Istati Membri dwar firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet marbutin mad-difiża, li jvarjaw mill-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti militari u l-proġetti ta’ kooperazzjoni għall-esklużjoni tad-difiża kkontrollata mill-Istati Membri fit-tul fil-politiki ta’ investiment ta’ ħafna fondi tal-pensjonijiet nazzjonali, biex insemmu biss ftit eżempji. Huwa importanti li ninnutaw li fl-Istati Membri, ħafna drabi d-difiża titqies bħala kwistjoni sekondarja u mhux bħala prijorità vitali. Barra minn hekk, il-baġits tad-difiża, speċjalment l-elementi ta’ investiment tagħhom, ħafna drabi ntużaw bħala regolatur tal-baġit fi żminijiet ta’ restrizzjoni finanzjarja.

    3.16.

    Il-KESE jaqbel ukoll mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-mezzi disponibbli s’issa għall-implimentazzjoni tal-istrateġija mhumiex adegwati. Il-baġit propost ta’ EUR 1,5 biljun tal-EDIP jirrappreżenta frazzjoni żgħira wisq tal-infiq Ewropew għall-ħtiġijiet u d-difiża biex ikollu effett strutturali fuq is-suq, u fl-istess ħin l-użu potenzjali tal-profitti mhux mistennija tal-assi Russi ffriżati għall-finanzjament tal-EDIP għadu ’l bogħod milli jkun ċert.

    3.17.

    Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Istati Membri jaċċettaw l-istedina tal-Kummissjoni biex jesploraw l-għażliet fi żmien qasir biex tingħata spinta, permezz tal-istrumenti disponibbli, lill-akkwisti konġunti tad-difiża fuq skala kbira, iż-żieda fuq skala kbira tal-EDTIB, u t-tnedija ta’ proġetti ewlenin tad-difiża. Il-kunsiderazzjoni prevista tal-investiment fid-difiża bħala fattur rilevanti skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir rivedut tista’ tkun partikolarment rilevanti għall-finanzjament ta’ proġetti bħal dawn.

    3.18.

    Il-KESE jtenni l-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-issodisfar tal-objettivi tal-istrateġija se jirrikjedi pakkett finanzjarju tabilħaqq ambizzjuż taħt il-QFP li jmiss. L-appoġġ għall-adattament tal-EDTIB għall-era l-ġdida tal-kompetizzjoni strateġika jista’ jirrikjedi linja baġitarja tal-UE għad-difiża ta’ madwar EUR 100 biljun għall-perjodu 2028-2035. Dan il-pakkett finanzjarju jkun meħtieġ biex jiffinanzja b’mod adegwat il-proġetti tar-riċerka u l-iżvilupp, taħt FEŻ imsaħħaħ, kif ukoll biex jinċentiva u jappoġġja l-akkwist konġunt u s-sostenn tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-faċilitaturi kritiċi, u biex jappoġġja lill-industrija biex iżżid l-istat ta’ tħejjija, il-kapaċità tal-produzzjoni u r-reżiljenza tal-katina tal-provvista tagħha, taħt suċċessur komprensiv tal-EDIP.

    3.19.

    Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li l-iżgurar tal-aċċess tal-industrija tad-difiża għall-ħiliet huwa kruċjali kemm minn perspettiva industrijali kif ukoll minn perspettiva strateġika. Għal dan l-għan, il-kampanja msemmija hawn fuq biex tinħoloq sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku Ewropew u jingħata appoġġ fir-rigward tal-kontribut tal-EDTIB għas-sigurtà, il-prosperità u l-valuri tal-Ewropa għandha tinkludi komponent iddedikat għat-trawwim tad-diversità u l-attraenza tal-EDTIB fost il-professjonisti futuri u żgħażagħ, kif ukoll tinkoraġġixxi t-tneħħija ta’ ostakli bħal klawżoli ċivili fir-regolamenti universitarji. Jistgħu jiġu esplorati wkoll inizjattivi li jippromovu l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol għad-difiża, li possibbilment jieħdu ispirazzjoni mill-programm “Erasmus Militari”.

    3.20.

    Bħala konklużjoni, il-KESE jemmen li l-Istrateġija għall-Industrija tad-Difiża Ewropea tirrappreżenta rikonoxximent importanti tal-isfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa u l-ħtieġa urġenti għal sforz komprensiv biex jissaħħu l-prontezza u l-kompetittività tal-EDTIB. Fl-istess ħin, il-miżuri proposti biex jintlaħaq dan l-objettiv jesponu l-limiti tal-kompetenzi u r-riżorsi tal-UE fid-difiża.

    3.21.

    Bħala tali, il-KESE jenfasizza li s-suċċess tal-istrateġija se jiddependi primarjament fuq ir-rikonoxximent mill-Istati Membri tal-valur miżjud ta’ approċċ Ewropew.

    3.22.

    Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern biss jistgħu jkunu minn ta’ quddiem u jwettqu l-parteċipazzjoni konkreta mill-Istati Membri li hija meħtieġa b’mod urġenti biex isir titjib sostanzjali fil-prontezza (industrijali) tad-difiża Ewropea.

    3.23.

    Għalhekk, il-KESE jappella għal sforz parallel fil-livell tal-Kunsill Ewropew li jmur lil hinn mill-Istrateġija għall-Industrija tad-Difiża Ewropea u jiżgura li d-difiża Ewropea u l-EDTIB ikollhom l-appoġġ sħiħ meħtieġ mill-Istati Membri u mill-Parlament Ewropew biex isaħħu s-sovranità teknoloġika u l-awtonomija strateġika Ewropea fl-ambjent kritiku tas-sigurtà tal-lum.

    3.24.

    Il-KESE jenfasizza wkoll li l-industrija tad-difiża Ewropea hija waħda mill-industriji ewlenin li jirfdu l-futur tal-awtonomija strateġika Ewropea, mhux biss minħabba l-importanza kritika tad-difiża nnifisha, iżda wkoll minħabba li l-kumpaniji attivi fid-difiża huma wkoll atturi ewlenin fis-settur spazjali strateġikament importanti tal-Ewropa u jiżviluppaw soluzzjonijiet affidabbli u ta’ livell għoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni tal-infrastruttura diġitali kritika tal-Ewropa.

    3.25.

    Fl-aħħar nett, il-KESE – konxju mill-ambjent ġeopolitiku dejjem aktar perikoluż u tal-konsegwenzi gravi għas-sigurtà Ewropea komuni tagħna li jistgħu jirriżultaw minn implimentazzjoni mhux koordinata u ineffettiva tal-istrateġija u miżuri rilevanti oħra – jistieden lill-Istati Membri jesploraw il-possibbiltajiet kollha biex jagħmlu użu aktar sħiħ mid-dispożizzjonijiet eżistenti tat-Trattat li jipprevedu t-tfassil progressiv ta’ politika ta’ difiża komuni li tista’ twassal għal difiża komuni.

    Brussell, it-30 ta’ Mejju 2024

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Oliver RÖPKE


    (1)  Ara r-Regolament (UE) 2023/2418 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar dwar l-istabbiliment tal-Att dwar it-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni (ĠU L, 2023/2418, 26.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2418/oj) u l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Att dwar it-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni” (COM (2022) 349 final) (ĠU C 486, 21/12/2022, p. 168).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4663/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top