Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023XC0323(01)

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Linji Gwida għall-għajnuna mill-Istat fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura 2023/C 107/01

    C/2023/1598

    ĠU C 107, 23.3.2023, p. 1–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.3.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 107/1


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    Linji Gwida għall-għajnuna mill-Istat fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura

    (2023/C 107/01)

    WERREJ

    PARTI I

    DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI 3
    Kapitolu 1 3

    1.

    INTRODUZZJONI 3
    Kapitolu 2 4

    2.

    KAMP TA’ APPLIKAZZJONI, DMIR LI JIĠU NNOTIFIKATI U DEFINIZZJONIJIET 4

    2.1.

    Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u l-effett tal-FEMSA 4

    2.1.1.

    Il-kamp ta’ applikazzjoni 4

    2.1.2.

    Għajnuna għal miżuri oħrajn 5

    2.1.3.

    L-effett tar-Regolament (UE) 2021/1139 5

    2.2.

    Strumenti orizzontali ta’ għajnuna, u strumenti oħra, applikabbli għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura 6

    2.3.

    Għajnuna għal kategoriji ta’ miżuri koperti minn Regolamenti dwar eżenzjonijiet ta’ kategorija 7

    2.4.

    Id-dmir ta’ notifika 8

    2.5.

    Definizzjonijiet 9
    Kapitolu 3 11

    3.

    VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBBILTÀ SKONT L-ARTIKOLU 107(3), IL-PUNT (C), TFUE 11

    3.1.

    L-ewwel kundizzjoni: l-għajnuna tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekonomika 12

    3.1.1.

    Attività ekonomika megħjuna 12

    3.1.2.

    L-effett ta’ inċentiv 12

    3.1.3.

    Ebda ksur ta’ ebda dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni 14

    3.2.

    It-tieni kundizzjoni: l-għajnuna ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jkun kontra l-interess komuni 15

    3.2.1.

    Il-ħtieġa ta’ intervent mill-Istat 15

    3.2.2.

    L-adegwatezza tal-għajnuna 16

    3.2.3.

    Proporzjonalità tal-għajnuna 16

    3.2.4.

    Trasparenza 19

    3.2.5.

    L-evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ 20

    3.2.6.

    L-evalwazzjoni tal-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna (test tal-ibbilanċjar) 22

    PARTI II

    KATEGORIJI TA’ GĦAJNUNA 25
    Kapitolu 1 25

    1.

    GĦAJNUNA GĦALL-ĠESTJONI TAR-RISKJU U TAL-KRIŻIJIET 25

    1.1.

    Għajnuna mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti oħra straordinarji 25

    1.2.

    Għajnuna biex tagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat minn eventi klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali 27

    1.3.

    Għajnuna għall-kostijiet tal-prevenzjoni, tal-kontroll u tal-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali fl-akkwakultura u ta’ infestazzjoni minn speċijiet aljeni invażivi, u l-għajnuna sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn dak il-mard tal-annimali u dawk l-infestazzjonijiet 29

    1.4.

    Għajnuna mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn annimali protetti 31

    1.5.

    Għajnuna għal investimenti għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-ħsara kkawżata minn avvenimenti ta’ riskju 32
    Kapitolu 2 33

    2.

    GĦAJNUNA FIR-REĠJUNI ULTRAPERIFERIĊI 33

    2.1.

    Għajnuna operatorja fir-reġjuni ultraperiferiċi 33

    2.2.

    Għajnuna għat-tiġdid tal-flotta tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi 33

    2.3.

    Għajnuna mogħtija għal investimenti f’tagħmir li jikkontribwixxi għaż-żieda fis-sikurezza, inkluż tagħmir li jippermetti lill-bastimenti jestendu ż-żoni tas-sajd tagħhom għas-sajd kostali fuq skala żgħira fir-reġjuni ultraperiferiċi 35
    Kapitolu 3 35

    3.

    GĦAJNUNA MOGĦTIJA GĦALL-MIŻURI TAL-FLOTTA U L-WAQFIEN TAL-ATTIVITAJIET TAS-SAJD 35

    3.1.

    L-ewwel akkwist ta’ bastiment tas-sajd 36

    3.2.

    Is-sostituzzjoni jew il-modernizzazzjoni ta’ magna prinċipali jew anċillari 37

    3.3.

    Żieda fit-tunnellaġġ gross ta’ bastiment tas-sajd għall-finijiet tat-titjib tas-sikurezza, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew tal-effiċjenza fl-enerġija 38

    3.4.

    Għajnuna mogħtija għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd 39

    3.5.

    Għajnuna għall-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd 42

    3.6.

    Għajnuna ta’ likwidità lis-sajjieda 44

    PARTI III

    KWISTJONIJIET PROĊEDURALI 45

    1.

    IT-TUL MASSIMU TAL-ISKEMI TA’ GĦAJNUNA U L-EVALWAZZJONI 45

    2.

    KLAWSOLA TA’ REVIŻJONI GĦAL MIŻURI SPEĊIFIĊI TA’ IMPENN 46

    3.

    APPLIKAZZJONI TAL-LINJI GWIDA 46

    4.

    PROPOSTI GĦAL MIŻURI XIERQA 47

    5.

    RAPPORTAR U MONITORAĠĠ 47

    6.

    REVIŻJONI TAL-LINJI GWIDA 48

    PARTI I

    DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

    Kapitolu 1

    1.   INTRODUZZJONI

    (1)

    L-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-TFUE”) jistipula li, “ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”. Għalkemm it-TFUE jistabbilixxi l-prinċipju li l-għajnuna mill-Istat hija pprojbita, f’ċerti każijiet, tali għajnuna tista’ tkun kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikoli 107(2) u 107(3) tat-TFUE.

    (2)

    F’konformità mal-Artikolu 107(2)(b) tat-TFUE, l-għajnuna mill-Istat mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji, inkluż fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, hija kompatibbli mas-suq intern. It-tieni, abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, il-Kummissjoni tista’ tqis kompatibbli mas-suq intern, l-għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ekonomiku tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, meta tali għajnuna ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jkun kontra l-interess komuni. It-tielet, l-għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ żoni fejn il-livell tal-għajxien huwa baxx b’mod anormali jew fejn ikun hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impjieg, kif ukoll tar-reġjuni msemmija fl-Artikolu 349 tat-TFUE, fid-dawl tas-sitwazzjoni strutturali, ekonomika u soċjali tagħhom, tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE.

    (3)

    F’dawn il-Linji Gwida, il-Kummissjoni tistabbilixxi l-kriterji għall-identifikazzjoni taż-żoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE u li jistgħu għalhekk jitqiesu kompatibbli mas-suq intern. Rigward l-għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 107(2)(b) tat-TFUE, dawn il-Linji Gwida jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li taħthom miżura li tikkostitwixxi għajnuna sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji tkun kompatibbli mas-suq intern.

    (4)

    L-operaturi fl-Istati Membri kollha għandhom aċċess għal riżorsi bijoloġiċi tal-baħar kondiviżi u limitati. Il-politika Komuni tas-Sajd (“il-PKS”) tiżgura li dawn ir-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, u s-sajd u l-flotot li jisfruttaw tali riżorsi, jiġu ġestiti b’tali mod li r-riżorsi jibqgħu f’livelli sostenibbli. L-għajnuna mill-Istat mogħtija biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ekonomiku tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura hija inkorporata fil-PKS usa’ stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Fi ħdan dik il-politika, l-Unjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju lis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura permezz tar-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Ir-Regolament (UE) 2012/1139) (2), li stabbilixxa l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (“il-FEMSA”). Dak ir-Regolament jippermetti l-għoti ta’ appoġġ għal interventi li jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-PKS, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u jistabbilixxi lista ta’ operazzjonijiet ineliġibbli u kundizzjonijiet stretti biex jiġi żgurat li l-investimenti u l-kumpens għall-flotta jkunu konsistenti ma’ dawk l-objettivi.

    (5)

    L-impatt soċjali u ekonomiku tal-għajnuna mill-Istat huwa l-istess, irrispettivament minn jekk hijiex (anki parzjalment) iffinanzjata mill-baġit tal-Unjoni jew minn Stat Membru. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li jkun hemm konsistenza u koerenza bejn il-politika tagħha ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat u l-appoġġ li jingħata taħt il-PKS permezz tal-FEMSA. Fl-applikazzjoni u fl-interpretazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, il-Kummissjoni tqis ir-regoli tal-PKS u dawk li jirregolaw il-FEMSA.

    (6)

    Fl-2019, il-Kummissjoni nediet evalwazzjoni tal-Linji Gwida għall-għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (3), li wriet li b’mod ġenerali l-qafas tal-għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura huwa effettiv, imminimizza d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ, żied it-trasparenza, il-konsistenza u ċ-ċertezza legali, u kkontribwixxa għall-ilħuq tal-objettivi tal-PKS. Madankollu, huma meħtieġa xi aġġustamenti mmirati għall-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura għal approċċ konsistenti bejn ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal dan is-settur u l-FEMSA. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni tqis ir-regoli orizzontali dwar l-għajnuna mill-Istat, u l-politiki li jirriżultaw mill-Patt Ekoloġiku Ewropew (4), inkluża ekonomija blu sostenibbli, skont it-test tal-ibbilanċjar (il-Parti I, it-Taqsima 3.2.6, ta’ dawn il-Linji Gwida).

    Kapitolu 2

    2.   KAMP TA’ APPLIKAZZJONI, DMIR LI JIĠU NNOTIFIKATI U DEFINIZZJONIJIET

    2.1.   Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u l-effett tal-FEMSA

    2.1.1.   Il-kamp ta’ applikazzjoni

    (7)

    Dawn il-Linji Gwida jistabbilixxu l-prinċipji li se tapplika l-Kummissjoni meta tivvaluta jekk l-għajnuna għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura tistax titqies kompatibbli mas-suq intern fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(2) jew (3) tat-TFUE.

    (8)

    Dawn il-Linji Gwida japplikaw għal kull għajnuna mogħtija għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura. Dan jinkludi l-komponenti tal-għajnuna reġjonali li huma relatati mas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura. Dawn japplikaw ukoll għall-għajnuna l-oħra kollha li tingħata lis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura fil-qafas tal-fondi tal-Unjoni. Meta l-għajnuna taqa’ taħt strument orizzontali ta’ għajnuna jew strument ieħor, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Parti I, it-Taqsima 2.2 ta’ dawn il-Linji Gwida japplikaw għal tali għajnuna.

    (9)

    Dawn il-Linji Gwida japplikaw għall-impriżi kollha. L-intrapriżi l-kbar għandhom it-tendenza li jkunu anqas affettwati mill-fallimenti tas-suq milli jkunu l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs” (5)). Barra minn hekk, l-intrapriżi l-kbar fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura huma aktar probabbli li jkunu atturi sinifikanti fis-suq u, konsegwentement, f’każijiet speċifiċi, l-għajnuna mogħtija lil intrapriżi kbar tista’ toħloq distorsjoni partikolari fil-kompetizzjoni u fil-kummerċ fis-suq intern. Peress li l-għajnuna lil intrapriżi kbar fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura tista’ potenzjalment tikkawża distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal intrapriżi kbar f’dawn il-Linji Gwida huma armonizzati mar-regoli ġenerali dwar l-għajnuna mill-Istat, u huma soġġetti għall-valutazzjoni ta’ kompatibbiltà skont l-Artikolu 107(3)(ċ) tat-TFUE li huma spjegati f’aktar dettall fil-Parti I, il-Kapitolu 3, ta’ dawn il-Linji Gwida.

    (10)

    L-impriżi f’diffikultà huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida, sakemm ma tapplikax eċċezzjoni stabbilita f’dan il-punt. Il-Kummissjoni tqis li meta impriża tkun f’diffikultà, minħabba li l-eżistenza tagħha tkun f’periklu, ma tistax titqies bħala mezz xieraq għall-promozzjoni ta’ objettivi oħrajn ta’ politika pubblika sakemm tiġi żgurata l-vijabbiltà tagħha. Għalhekk, fejn l-impriża benefiċjarja tal-għajnuna titqies bħala impriża f’diffikultà skont it-tifsira tal-punt (31)(bb) ta’ dawn il-Linji Gwida, l-għajnuna se tiġi vvalutata f’konformità mal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (6). Dawn li ġejjin huma eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali:

    (a)

    għajnuna biex tikkumpensa għat-telf jew għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali u avvenimenti straordinarji msemmija fil-Parti II, il-Kapitolu 1, it-Taqsima 1.1, ta’ dawn il-Linji Gwida, dment li l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) tat-TFUE;

    (b)

    għajnuna biex tikkumpensa għat-telf jew għall-ħsara kkawżata minn eventi klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali, mard tal-annimali u infestazzjonijiet minn speċijiet aljeni invażivi u minn annimali protetti msemmija fil-Parti II, il-Kapitolu 1, it-Taqsimiet 1.2, 1.3 jew 1.4, ta’ dawn il-Linji Gwida, fejn id-diffikultà finanzjarja ta’ impriża attiva fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura kienet ikkawżata minn dawk l-avvenimenti ta’ riskju, dment li l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE;

    (c)

    għajnuna għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali fl-akkwakultura msemmija fil-punt (188)(a), (b) u (d) sa (g) tal-Parti II, il-Kapitolu 1, it-Taqsima 1.3, ta’ dawn il-Linji Gwida, fejn is-sitwazzjoni ekonomika tal-impriża ma għandhiex titqies minħabba sitwazzjoni ta’ emerġenza u l-ħtieġa li tiġi protetta s-saħħa pubblika, dment li l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(ċ) tat-TFUE; u

    (d)

    għajnuna relatata ma’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u għal miżuri ta’ promozzjoni li huma ta’ natura ġenerika, dment li dawn jaqgħu taħt il-Parti I, il-Kapitolu 2, it-Taqsima 2.3, ta’ dawn il-Linji Gwida.

    (11)

    Meta tivvaluta l-għajnuna mogħtija lil impriża li tkun soġġetta għal ordni ta’ rkupru pendenti b’segwitu għal deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni se tqis l-ammont tal-għajnuna li għad irid jiġi rkuprat (7). Dan ma japplikax għal għajnuna sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali u minn avvenimenti straordinarji skont l-Artikolu 107(2)(b) tat-TFUE (il-Parti II, il-Kapitolu 1, it-Taqsima 1.1, ta’ dawn il-Linji Gwida) u biex tingħata għajnuna għall-kostijiet tal-prevenzjoni, tal-kontroll u tal-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali fl-akkwakultura skont il-punt (188)(a), (b) u (d) sa (g) tal-Parti II, il-Kapitolu 1, it-Taqsima 1.3, ta’ dawn il-Linji Gwida.

    (12)

    Sabiex l-għajnuna tingħata fl-Irlanda ta’ Fuq, meta miżura tkun teħtieġ konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jew fir-Regolament (UE) 2021/1139, trid tiġi pprovduta informazzjoni ekwivalenti fin-notifika lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

    2.1.2.   Għajnuna għal miżuri oħrajn

    (13)

    Meta l-għajnuna ma tikkorrispondix għal wieħed mit-tipi ta’ għajnuna msemmi fil-Parti II, il-Kapitoli 1, 2 jew 3, u fil-Parti I, il-Kapitolu 3, it-Taqsimiet 2.2 u 2.3, ta’ dawn il-Linji Gwida, fil-prinċipju ma hijiex kompatibbli mas-suq intern. Jekk Stat Membru, madankollu, ikun beħsiebu jipprovdi tali għajnuna, jew jipprovdi tali għajnuna, il-Kummissjoni se tivvalutaha abbażi ta’ każ b’każ direttament abbażi tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE, filwaqt li tqis ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE, u b’analoġija dawn il-Linji Gwida. L-Istati Membri iridu juru b’mod ċar li l-għajnuna tikkonforma mal-prinċipji stabbiliti fil-Parti I, il-Kapitolu 3, ta’ dawn il-Linji Gwida. B’mod partikulari, il-Kummissjoni tivvaluta jekk l-effetti pożittivi ta’ tali għajnuna jegħlbux l-effetti negattivi identifikati fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. Il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern biss meta l-effetti pożittivi jegħlbu l-effetti negattivi, kif stabbilit fil-Parti I, il-Kapitolu 3, it-Taqsima 3.2.6, ta’ dawn il-Linji Gwida..

    2.1.3.   L-effett tar-Regolament (UE) 2021/1139

    (14)

    L-Artikolu 42 tat-TFUE jipprovdi li l-Kapitolu tat-TFUE relatat mar-regoli dwar il-kompetizzjoni, li jinkludi dawk dwar l-għajnuna mill-Istat, japplika għall-produzzjoni u l-kummerċ ta’ prodotti agrikoli – li jinkludu prodotti tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (8) – biss sa fejn iddeterminat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill,fil-kunsiderazzjoni tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 39 TFUE..

    (15)

    L-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2021/1139 jistabbilixxi li l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE japplikaw għall-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri lill-impriżi fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura. Madankollu, l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2021/1139 jipprevedi eċċezzjoni għal dik ir-regola ġenerali, li tistabbilixxi li l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE ma japplikawx għal pagamenti magħmula mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) 2021/1139 u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42 tat-TFUE. Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2021/1139, l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE japplikaw, jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali jistabbilixxu finanzjament pubbliku fir-rigward tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura li jmur lil hinn mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2021/1139. F’dak il-każ, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw għall-finanzjament pubbliku kollu kemm hu. Għalhekk, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw: (a) fir-Regolament 2021/1139 fil-każ ta’ (i) kwalunkwe finanzjament pubbliku li jmur lil hinn mid-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament u (ii) pagamenti skont ir-Regolament (UE) 2021/1139 li jaqgħu barra mis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura skont it-tifsira tal-Artikolu 42 tat-TFUE; u (b) għall-pagamenti nazzjonali magħmula barra mir-Regolament (UE) 2021/1139.

    (16)

    Il-FEMSA huwa bbażat fuq arkitettura sempliċi mingħajr ma tiġi preskritta l-ebda miżura predefinita jew regoli dettaljati ta’ eliġibbiltà fil-livell tal-Unjoni, ħlief għal ċerti miżuri ta’ appoġġ. Dan jiddeskrivi objettivi speċifiċi taħt kull prijorità. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jindikaw fil-programm tagħhom l-aktar mezzi xierqa biex jintlaħqu l-objettivi u l-prijoritajiet deskritti b’mod wiesa’ kif previst taħt il-FEMSA. Varjetà ta’ miżuri identifikati mill-Istati Membri f’dawk il-programmi ta’ ġestjoni kondiviża jistgħu jiġu appoġġati skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1139 u fir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

    (17)

    Xi pagamenti li jsiru mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) 2021/1139 jistgħu ma jikkostitwixxux pagamenti lis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura peress li jistgħu jaqgħu barra mill-Artikolu 42 tat-TFUE. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, għal ċerti pagamenti rigward operazzjonijiet skont l-Artikoli 14, 23, 25, 29, 30, 31, 32, 33 u 34 tar-Regolament (UE) 2021/1139.

    (18)

    Il-pagamenti skont ir-Regolament (UE) 2021/1139 li jaqgħu barra mis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura huma soġġetti għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tat-TFUE. Fejn dawk il-pagamenti jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, jenħtieġ li dawn jiġu vvalutati skont l-istrumenti rilevanti ta’ għajnuna mill-Istat.

    (19)

    Dawn il-Linji Gwida ma japplikawx għall-għajnuna mogħtija bħala finanzjament addizzjonali għall-implimentazzjoni tal-kumpens imsemmi fl-Artikoli 24, 35, 36 u 37 tar-Regolament (UE) 2021/1139. Madankollu, meta l-Istati Membri jagħtu finanzjament addizzjonali biex jappoġġaw kumpens għall-kostijiet addizzjonali mġarrba mill-operaturi fis-sajd, fil-biedja, fl-ipproċessar u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura mir-reġjuni ultraperiferiċi kif imsemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/1139, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw l-għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni li tista’ tapprovaha f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/1139 bħala parti minn dak il-kumpens. Tali għajnuna mill-Istat titqies għalhekk bħala notifikata skont it-tifsira tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

    2.2.   Strumenti orizzontali ta’ għajnuna, u strumenti oħra, applikabbli għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura

    (20)

    Fejn l-għajnuna taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida orizzontali jew strumenti oħra adottati mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni se tivvaluta tali għajnuna abbażi tal-prinċipji stabbiliti fit-Taqsimiet rilevanti ta’ dawk l-istrumenti orizzontali ta’ għajnuna mill-Istat u strumenti oħrajn flimkien mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Parti I, il-Kapitolu 3, it-Taqsima 3.2.6 ta’ dawn il-Linji Gwida.

    (21)

    Dawk il-linji gwida orizzontali u strumenti oħrajn, jinkludu l-Kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat għat-taħriġ soġġetta għal notifika individwali (10), il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni ta’ investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju (11), il-Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (12), il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-klima, tal-ambjent u l-enerġija 2022 (13), il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (14), ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-implimentazzjoni ta’ networks tal-broadband (15) u l-Kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat lil ħaddiema żvantaġġati u b’diżabilità soġġetta għal notifika individwali (16).

    (22)

    Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2022-2027 (17) ma japplikawx għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, ħlief fejn tingħata għajnuna mill-Istat f’dak is-settur bħala parti minn skema ta’ għajnuna operatorja reġjonali orizzontali.

    2.3.   Għajnuna għal kategoriji ta’ miżuri koperti minn Regolamenti dwar eżenzjonijiet ta’ kategorija

    (23)

    Meta l-għajnuna li tkun ta’ benefiċċju għall-SMEs jew għall-intrapriżi l-kbar tkun tal-istess tip bħall-għajnuna li taqa’ f’kategorija ta’ għajnuna li tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern skont wieħed mir-Regolamenti dwar l-eżenzjonijiet ta’ kategorija msemmija fil-punt (28)(a), il-Kummissjoni se tivvaluta l-għajnuna filwaqt li tqis il-valutazzjoni ta’ kompatibbiltà skont l-Artikolu 107(3)(ċ) tat-TFUE li huma spjegati fid-dettall fil-Parti I, il-Kapitolu 3, ta’ din it-Taqsima, u l-kriterji stabbiliti għal kull kategorija ta’ għajnuna stabbilita f’dawk ir-Regolamenti.

    (24)

    Il-Kummissjoni se tivvaluta fuq bażi ta’ każ b’każ għajnuna li ma tissodisfax il-kriterji kollha fir-Regolament rilevanti dwar l-eżenzjonijiet ta’ kategorija. Jekk għajnuna tmur lil hinn mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament rilevanti, l-Istat Membru jeħtieġlu juri l-ġustifikazzjoni għall-għajnuna u l-indispensabbiltà tagħha.

    (25)

    Fir-rigward tal-punti (23)u (24):

    (a)

    għajnuna tal-istess tip bħall-għajnuna li taqa’ fil-kategorija ta’ għajnuna mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali stabbilita fl-Artikolu 49 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/2473 (18) hija kompatibbli mas-suq intern, jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-Parti II, il-Kapitolu 1, it-Taqsima 1.1, ta’ dawn il-Linji Gwida;

    (b)

    għajnuna tal-istess tip bħall-għajnuna li taqa’ fil-kategorija ta’ għajnuna mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn eventi klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali stabbilita fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2022/2473 hija kompatibbli mas-suq intern, jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-Parti II, il-Kapitolu 1, it-Taqsima 1.2, ta’ dawn il-Linji Gwida;

    (c)

    għajnuna tal-istess tip bħall-għajnuna li taqa’ fil-kategorija ta’ għajnuna mogħtija għall-kostijiet tal-prevenzjoni, tal-kontroll u tal-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali stabbilita fl-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2022/2473 hija kompatibbli mas-suq intern, jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-Parti II, il-Kapitolu 1, it-Taqsima 1.3, ta’ dawn il-Linji Gwida;

    (d)

    għajnuna tal-istess tip bħall-għajnuna li taqa’ fil-kategorija ta’ għajnuna mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali stabbilita fl-Artikolu 53 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/2473 hija kompatibbli mas-suq intern, jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-Parti II, il-Kapitolu 1, it-Taqsima 1.4, ta’ dawn il-Linji Gwida;

    (e)

    għajnuna tal-istess tip bħall-għajnuna li taqa’ fil-kategorija ta’ għajnuna mogħtija għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-ħsara kkawżata minn mard tal-annimali, diżastri naturali, eventi klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali u minn annimali protetti stabbilita fl-Artikoli 43, 48, 50 u 52 tar-Regolament (UE) 2022/2472 hija kompatibbli mas-suq intern, jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-Parti II, il-Kapitolu 1, it-Taqsima 1.5, ta’ dawn il-Linji Gwida; u

    (f)

    għajnuna tal-istess tip bħall-għajnuna li taqa’ fil-kategorija ta’ għajnuna mogħtija għall-ewwel akkwist ta’ bastiment tas-sajd stabbilita fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2022/2473 hija kompatibbli mas-suq intern, jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-Parti II, il-Kapitolu 3, it-Taqsima 3.1, ta’ dawn il-Linji Gwida.

    2.4.   Id-dmir ta’ notifika

    (26)

    Dawn il-Linji Gwida japplikaw għal skemi ta’ għajnuna u għal għajnuna individwali.

    (27)

    Il-Kummissjoni tfakkar lil kull Stat Membru dwar id-dmir tiegħu li jinnotifika kwalunkwe pjan li jagħti għajnuna ġdida, kif previst fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE u fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (19).

    (28)

    Il-Kummissjoni tfakkar ukoll lill-Istati Membri f’dawk il-każijiet fejn notifika lill-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa:

    (a)

    għajnuna li tikkonforma ma’ wieħed mir-Regolamenti dwar l-eżenzjonijiet ta’ kategorija adottati abbażi tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 (20), jekk japplikaw għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, b’mod partikolari:

    (i)

    għajnuna de minimis li tikkonforma mar-Regolament (UE) 2022/2473. u

    (ii)

    għajnuna għat-taħriġ, għajnuna għall-aċċess tal-SMEs għall-finanzi, għajnuna fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, għajnuna għall-innovazzjoni għall-SMEs, għajnuna għal ħaddiema żvantaġġati u ħaddiema b’diżabilità, għajnuna għall-investiment reġjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi, skemi ta’ għajnuna operatorja reġjonali, għajnuna għal proġetti ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, u għajnuna involuta fi prodotti finanzjarji appoġġati mill-Fond InvestEU, ħlief għal operazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 717/2014 (21), f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (22);

    (b)

    għajnuna de minimis li tikkonforma mar-Regolament (UE) Nru 717/2014.

    (29)

    L-Istati Membri huma mfakkra li s-sistema ta’ finanzjament, pereżempju, permezz ta’ taxxi parafiskali, tifforma parti integrali mill-għajnuna (23).

    (30)

    Meta l-iskemi ta’ għajnuna jkunu ffinanzjati minn imposti speċjali imposti fuq ċerti prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura irrispettivament mill-oriġini tagħhom, b’mod partikolari imposti parafiskali, il-Kummissjoni se tivvaluta l-iskema abbażi tal-prinċipji stabbiliti fil-Parti I, il-Kapitolu 3, u l-kundizzjonijiet tat-Taqsima applikabbli ta’ dawn il-Linji Gwida. Hija biss l-għajnuna li tkun ta’ benefiċċju ugwali għall-prodotti domestiċi u importati li tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern.

    2.5.   Definizzjonijiet

    (31)

    Għall-finijiet ta’ dawn il-Linji Gwida, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “għajnuna” tfisser kull miżura li tissodisfa l-kriterja kollha stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE;

    (b)

    “għajnuna ad hoc” tfisser għajnuna mhux mogħtija abbażi ta’ skema ta’ għajnuna;

    (c)

    “intensità tal-għajnuna” tfisser l-ammont gross tal-għajnuna espress bħala perċentwal tal-kostijiet eliġibbli, qabel kull tnaqqis ta’ taxxa jew imposta oħra;

    (d)

    “skema ta’ għajnuna” tfisser kull att li fuq il-bażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi li jkunu definiti fl-att b’mod ġenerali u astratt u kull att li fuq il-bażi tiegħu għajnuna li ma tkunx konnessa ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil waħda jew ħafna impriżi għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit;

    (e)

    “miżuri ta’ bijosigurtà” tfisser ġestjoni u miżuri fiżiċi mfassla sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-introduzzjoni, l-iżvilupp u t-tixrid ta’ mard lejn l-UE, kif ukoll minnha u ġewwa fiha: (i) popolazzjoni ta’ annimali, jew (ii) stabbiliment, żona, kompartiment, mezz tat-trasport jew kwalunkwe faċilità, bini jew post ieħor;

    (f)

    “miżuri ta’ kontroll u ta’ eradikazzjoni” tfisser miżuri rigward mard tal-annimali li għalih tkun ġiet rikonoxxuta formalment tifqigħa minn awtorità kompetenti, jew rigward pesti tal-pjanti jew speċijiet aljeni invażivi li tkun ġiet rikonoxxuta formalment il-preżenza tagħhom minn awtorità kompetenti;

    (g)

    “data tal-għoti tal-għajnuna” tfisser id-data li fiha l-impriża benefiċjarja ngħatat id-dritt ġuridiku li tirċievi l-għajnuna skont ir-reġim legali nazzjonali applikabbli;

    (h)

    “depredazzjoni” tfisser il-predazzjoni fuq ħut maqbud fix-xbieki jew miżmum f’għadajjar minn annimali protetti bħal foki, lontri tal-baħar u għasafar tal-baħar;

    (i)

    “pjan ta’ evalwazzjoni” tfisser dokument li jkopri skema ta’ għajnuna waħda jew aktar u li jkun fih mill-anqas l-aspetti minimi li ġejjin: l-objettivi li għandhom jiġu evalwati, il-mistoqsijiet tal-evalwazzjoni, l-indikaturi tar-riżultat, il-metodoloġija prevista biex titwettaq l-evalwazzjoni, ir-rekwiżiti għall-ġbir tad-data, iż-żmien propost tal-evalwazzjoni inkluża d-data tas-sottomissjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni interim u finali, id-deskrizzjoni tal-korp indipendenti li se jwettaq l-evalwazzjoni jew il-kriterji li se jintużaw għall-għażla tiegħu u l-modalitajiet biex l-evalwazzjoni ssir disponibbli pubblikament;

    (j)

    “prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura” tfisser il-prodotti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24);

    (k)

    “settur tas-sajd u tal-akkwakultura” tfisser is-settur tal-ekonomija li jinkludi l-attivitajiet kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura;

    (l)

    “kapaċità tas-sajd” tfisser it-tunnellaġġ ta' bastiment f'TG (Tunnellaġġ Gross) u l-qawwa tiegħu f'kW (Kilowatt) kif definit fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (UE) 2017/1130 (25);

    (m)

    “l-ekwivalenti ta’ għotja gross” tfisser l-ammont tal-għajnuna li kieku ġie pprovdut fil-forma ta’ għotja lill-impriża benefiċjarja, qabel ma titnaqqas kwalunkwe taxxa jew imposta oħra;

    (n)

    “għajnuna individwali” tfisser għajnuna ad hoc u għotjiet ta’ għajnuna lil benefiċjarji individwali abbażi ta’ skema ta’ għajnuna;

    (o)

    “sajd fl-ibħra interni” tfisser attivitajiet tas-sajd imwettqa għal finijiet kummerċjali fl-ibħra interni minn bastimenti jew apparati oħra, inklużi dawk użati għas-sajd fis-silġ;

    (p)

    “speċi aljeni invażivi” tfisser speċi aljeni invażi ta’ tħassib għall-Unjoni u speċi aljeni invażivi ta’ tħassib għal Stat Membru kif definit fl-Artikolu 3(3) u 3(4) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26) (“ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014”);

    (q)

    “intrapriżi kbar” tfisser kwalunkwe impriża li ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2022/2473;

    (r)

    “intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (‘SMEs’)” tfisser impriżi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2022/2473 ;

    (s)

    “għajnuna operatorja” tfisser għajnuna li hija mmirata lejn jew li għandha l-effett li żżid il-likwidità tan-negozju ta’ impriża, li tnaqqas il-kostijiet tal-produzzjoni tagħha, jew ittejjeb l-introjtu tagħha, b’mod partikolari l-għajnuna li tiġi kkalkolata biss abbażi tal-kwantità prodotta jew kummerċjalizzata, il-prezzijiet tal-prodott, l-unitajiet prodotti jew il-mezzi ta’ produzzjoni;

    (t)

    “reġjuni ultraperiferiċi” tfisser ir-reġjuni msemmija fl-Artikolu 349 tat-TFUE (27);

    (u)

    “miżuri ta’ prevenzjoni” tfisser miżuri rigward mard tal-annimali jew speċijiet aljeni invażivi li jkunu għadhom ma seħħewx;

    (v)

    “ipproċessar u kummerċjalizzazzjoni” tfisser l-operazzjonijiet kollha, li jinkludu t-tqandil, it-trattament, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni li jsiru bejn il-ħin li fih jasal l-art il-prodott jew jinħasad u l-istadju finali;

    (w)

    “annimal protett” tfisser kwalunkwe annimal għajr il-ħut protett mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

    (x)

    “avvanz ripagabbli” tfisser self għal proġett li jitħallas bi ħlas parzjali wieħed jew iktar u l-kundizzjonijiet li għar-rimborż li jiddependi mill-eżitu tal-proġett;

    (y)

    “avvenimenti ta’ riskju” tfisser diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali, mard tal-annimali, infestazzjonijiet minn speċijiet aljeni invażivi jew dannu kkawżat bl-imġieba tal-annimali protetti;

    (z)

    “sajd kostali fuq skala żgħira” tfisser attivitajiet tas-sajd imwettqa minn: (a) bastimenti tas-sajd fil-baħar u fl-ilmijiet interni b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru u li ma jużawx irkaptu rmunkat kif definit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 (28); jew (b) sajjieda tal-miexi, inklużi dawk li jiġbru l-frott tal-baħar bil-qoxra;

    (aa)

    “bidu tax-xogħlijiet fuq il-proġett jew l-attività” tfisser jew il-bidu tal-attivitajiet, jew il-bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni marbuta mal-investiment, skont liema minnhom jinbdew l-ewwel, jew l-ewwel impenn legalment vinkolanti sabiex jiġi ordnat apparat jew jiġu impjegati servizzi jew kwalunkwe impenn ieħor li permezz tiegħu, il-proġett jew l-attività jsiru irriversibbli; ix-xiri ta’ art u xogħlijiet preparatorji bħalma huma l-kisba ta’ permessi u t-twettiq ta’ studji ta’ fattibbiltà ma humiex ikkunsidrati bħala l-bidu ta’ xogħlijiet jew attività;

    (bb)

    “impriża f’diffikultà” tfisser impriża li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 2.2 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (29) jew is-suċċessur tagħha.

    (32)

    Minbarra d-definizzjonijiet elenkati f’din it-Taqsima, japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fl-istrumenti rispettivi elenkati fil-punti (21), (22), (28)(a) ta’ dawn il-Linji Gwida u dawk previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 (30) u fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/1139, kif rilevanti.

    Kapitolu 3

    3.   VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBBILTÀ SKONT L-ARTIKOLU 107(3), IL-PUNT (C), TFUE

    (33)

    Abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, il-Kummissjoni tista’ tqis kompatibbli mas-suq intern l-għajnuna mill-Istat li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti oqsma ekonomiċi, meta tali għajnuna ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni.

    (34)

    Konsegwentement, sabiex jiġi vvalutat jekk l-għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura tistax titqies kompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni se tiddetermina jekk il-miżura ta’ għajnuna tiffaċilitax l-iżvilupp ta’ ċerta attività ekonomika (l-ewwel kundizzjoni) u jekk taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni (it-tieni kundizzjoni).

    (35)

    F’dan il-Kapitolu, il-Kummissjoni tiċċara kif se twettaq il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà. Hija tistabbilixxi kundizzjonijiet ġenerali tal-kompatibbiltà u, fejn applikabbli, tistabbilixxi kundizzjonijiet speċifiċi għall-iskemi ta’ għajnuna u kundizzjonijiet addizzjonali għall-għajnuna individwali li hija soġġetta għall-obbligu ta’ notifika.

    (36)

    Sabiex twettaq il-valutazzjoni msemmija fil-punt (34), il-Kummissjoni se tqis l-aspetti li ġejjin:

    (a)

    l-ewwel kundizzjoni: l-għajnuna tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekonomika:

    (i)

    l-identifikazzjoni tal-attività ekonomika kkonċernata (it-Taqsima 3.1.1 ta’ dan il-Kapitolu);

    (ii)

    effett ta’ inċentiv: l-għajnuna trid tbiddel l-imġiba tal-impriża/i kkonċernata/i b’tali mod li dawn jidħlu għal attività addizzjonali, li mingħajr l-għajnuna ma kinux iwettqu jew kienu jwettqu b’mod ristrett jew differenti (it-Taqsima 3.1.2 ta’ dan il-Kapitolu);

    (iii)

    l-għajnuna ma tiksirx id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji ġenerali rilevanti tad-dritt tal-Unjoni (it-Taqsima 3.1.3 ta’ dan il-Kapitolu);

    (b)

    it-tieni kundizzjoni: l-għajnuna ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jkun kontra l-interess komuni:

    (i)

    il-ħtieġa għal intervent mill-Istat: l-għajnuna trid toħloq titjib materjali li s-suq ma jistax jipprovdi waħdu, pereżempju billi jiġi rrimedjat falliment tas-suq jew jiġi indirizzat tħassib dwar l-ekwità jew il-koeżjoni, fejn applikabbli (it-Taqsima 3.2.1 ta’ dan il-Kapitolu);

    (ii)

    l-adegwatezza tal-għajnuna: l-għajnuna proposta trid tkun strument ta’ politika xieraq biex jiffaċilita l-iżvilupp tal-attività ekonomika (it-Taqsima 3.2.2 ta’ dan il-Kapitolu);

    (iii)

    il-proporzjonalità tal-għajnuna (għajnuna limitata għall-minimu meħtieġ): l-ammont u l-intensità tal-għajnuna jridu jkunu limitati għall-minimu meħtieġ biex jinduċi l-investiment jew l-attività addizzjonali mill-impriża/i kkonċernata/i (it-Taqsima 3.2.3 ta’ dan il-Kapitolu);

    (iv)

    it-trasparenza tal-għajnuna: l-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-operaturi ekonomiċi, u l-pubbliku, jeħtiġilhom ikollhom aċċess faċli għall-atti rilevanti u għall-informazzjoni pertinenti kollha dwar l-għajnuna li tingħata fil-qafas tagħhom (it-Taqsima 3.2.4 ta’ dan il-Kapitolu).

    (v)

    l-evitar ta’ effetti negattivi indebiti tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ (it-Taqsima 3.2.5 ta’ dan il-Kapitolu);

    (vi)

    jitqiesu l-effetti pożittivi u negattivi li l-għajnuna jista’ jkollha fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri (test tal-ibbilanċjar) (it-Taqsima 3.2.6 ta’ dan il-Kapitolu).

    (37)

    Il-bilanċ kumplessiv ta’ ċerti kategoriji ta’ skemi jista’ jiġi soġġett ukoll għal rekwiżit ta’ evalwazzjoni ex post kif deskritt fil-punti (326) sa (333). F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni tista’ tillimita t-tul ta’ dawk l-iskemi (normalment għal erba’ snin jew anqas) bil-possibbiltà li terġa tinnotifika l-estensjoni tad-data ta’ skadenza tagħhom wara dan.

    (38)

    Dawn il-kriterji ġenerali ta’ kompatibbiltà japplikaw għall-għajnuna kollha skont dawn il-Linji Gwida, sakemm ma jkunux previsti derogi fil-Parti I, il-Kapitolu 3, it-Taqsimiet 3.1 u 3.2 ta’ dawn il-Linji Gwida, minħabba kunsiderazzjonijiet partikolari applikabbli fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura.

    3.1.   L-ewwel kundizzjoni: l-għajnuna tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekonomika

    3.1.1.   Attività ekonomika megħjuna

    (39)

    Il-Kummissjoni se tidentifika, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru, liema attività ekonomika se tkun appoġġata mill-miżura notifikata.

    (40)

    L-Istat Membru jrid juri li l-għajnuna għandha l-għan li tiffaċilita l-iżvilupp tal-attività ekonomika identifikata.

    (41)

    L-għajnuna għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis tal-effetti negattivi tal-attivitajiet ekonomiċi fuq il-klima jew l-ambjent jew fuq l-objettiv ta’ konservazzjoni tal-PKS tista’ tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi billi żżid is-sostenibbiltà tal-attività ekonomika kkonċernata.

    (42)

    L-Istati Membri jridu jiddeskrivu jekk u kif l-għajnuna se tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-PKS u, fi ħdan dik il-politika, għall-objettivi tal-FEMSA u jiddeskrivu b’mod aktar speċifiku l-benefiċċji mistennija tal-għajnuna.

    (43)

    Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mogħtija f’konformità mal-Parti II, il-Kapitolu 1, it-Taqsimiet 1.1, 1.2, 1.3u 1.4, l-Parti II, il-Kapitolu 3, it-Taqsimiet 3.4, 3.5 u 3.6 ta’ dawn il-Linji Gwida tista’ tiffaċilita l-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura peress li mingħajr l-għajnuna, tali żvilupp ma jistax iseħħ bl-istess mod.

    Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna notifikabbli individwalment abbażi ta’ skema

    (44)

    Meta tagħti l-għajnuna għal proġetti ta’ investiment notifikabbli individwalment abbażi ta’ skema, l-awtorità awtorizzanti trid tispjega kif dak il-proġett magħżul se jikkontribwixxi għall-objettiv tal-iskema. Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jirreferu għall-informazzjoni pprovduta mill-applikant għall-għajnuna.

    3.1.2.   L-effett ta’ inċentiv

    (45)

    L-għajnuna fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura tista’ tinstab kompatibbli mas-suq intern biss, jekk ikollha effett ta’ inċentiv. Effett ta’ inċentiv jeżisti meta l-għajnuna tbiddel l-imġiba ta’ impriża b’tali mod li din tkun involuta f’attività addizzjonali li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-settur li ma kinitx tkun involuta fiha mingħajr l-għajnuna jew li fiha kienet tkun involuta biss b’mod ristrett jew differenti. L-għajnuna ma tridx madankollu tissussidja l-kostijiet ta’ attività li impriża xorta waħda kienet iġġarrab u ma tridx tikkumpensa għar-riskju tan-negozju normali ta’ attività ekonomika.

    (46)

    Sakemm ma jkunux previsti b’mod espliċitu eċċezzjonijiet fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew f’dawn il-Linji Gwida, miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li huma sempliċiment maħsuba biex itejbu s-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriżi iżda li bl-ebda mod ma jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, u b’mod partikolari l-għajnuna li tingħata biss abbażi tal-prezz, tal-kwantità, tal-unità tal-produzzjoni jew tal-unità tal-mezzi tal-produzzjoni, jitqiesu li jikkostitwixxu għajnuna operatorja, li hija inkompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, min-natura tagħha stess, għajnuna bħal din x’aktarx li tinterferixxi wkoll mal-mekkaniżmi li jirregolaw l-organizzazzjoni tas-suq intern.

    (47)

    L-għajnuna operatorja u l-għajnuna biex jiġu ffaċilitati l-kisbiet ta’ standards obbligatorji huma fil-prinċipju inkompatibbli mas-suq intern, sakemm ma jkunux previsti eċċezzjonijiet espressament fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew f’dawn il-Linji Gwida u f’każijiet oħra debitament ġustifikati.

    (48)

    L-għajnuna koperta mill-Parti II, il-Kapitolu 1, jenħtieġ li tkun limitata biex tgħin lill-impriżi li huma attivi fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura u li qed jiffaċċjaw diversi diffikultajiet minkejja li jkunu wettqu sforzi raġonevoli biex jimminimizzaw dawn ir-riskji. L-għajnuna mill-Istat jenħtieġ li ma jkollhiex bħala effett li tħajjar lill-impriżi jieħdu riskju bla bżonn. L-impriżi attivi fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura nfushom jeħtiġilhom iġarrbu l-konsegwenzi ta’ għażliet imprudenti ta’ metodi ta’ produzzjoni jew ta’ prodotti. Fejn rilevanti, dan il-prinċipju japplika għall-Parti II, il-Kapitolu 3, it-Taqsimiet 3.4, 3.5 u 3.6.

    (49)

    Għar-raġunijiet spjegati fil-punt (45), il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna ma tippreżentax inċentiv għall-benefiċjarju kull meta l-ħidma fuq il-proġett jew l-attività rilevanti tkun diġà bdiet, qabel ma l-benefiċjarju jkun applika għall-għajnuna mingħand l-awtoritajiet nazzjonali.

    (50)

    L-applikazzjoni għall-għajnuna trid tinkludi tal-anqas l-isem tal-applikant u d-daqs tal-impriża, deskrizzjoni tal-proġett jew tal-attività, inkluż il-post u d-dati ta’ bidu u tmiem tagħhom, l-ammont ta’ għajnuna meħtieġa biex jitwettqu u l-kostijiet eliġibbli.

    (51)

    Barra minn hekk, l-intrapriżi l-kbar iridu jiddeskrivu fl-applikazzjoni, is-sitwazzjoni mingħajr l-għajnuna, liema sitwazzjoni qed tissejjaħ bħala x-xenarju kontrofattwali jew il-proġett jew l-attività alternattivi u jissottomettu evidenza dokumentarja b’appoġġ għall-kontrofattwali deskritta fl-applikazzjoni. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għal muniċipalitajiet, li huma awtoritajiet lokali awtonomi b’baġit annwali ta’ inqas minn EUR 10 miljun u b’inqas minn 5 000 abitant.

    (52)

    Meta tirċievi applikazzjoni, l-awtorità awtorizzanti trid twettaq kontroll tal-kredibbiltà tal-kontrofattwali u tikkonferma li l-għajnuna għandha l-effett ta’ inċentiv meħtieġ. Il-kontrofattwali jkun kredibbli, jekk ikun ġenwin u jekk ikun jirrigwarda l-fatturi prevalenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet fiż-żmien li fih l-impriża benefiċjarja tieħu d-deċiżjoni dwar il-proġett jew l-attività kkonċernata.

    (53)

    L-Għajnuna fil-forma ta’ benefiċċji fiskali għandha titqies li jkollha effett ta’ inċentiv jekk l-iskema tal-għajnuna tkun tistabbilixxi dritt għall-għajnuna skont kriterji oġġettivi u mingħajr aktar eżerċitar ta’ diskrezzjoni mill-Istat Membru u jekk l-iskema tal-għajnuna tkun ġiet adottata u daħlet fis-seħħ qabel bdiet il-ħidma fuq il-proġett jew l-attività megħjuna. Ir-rekwiżit tal-aħħar ma japplikax fil-każ ta’ skemi fiskali suċċessivi, sakemm l-attività ma kinitx diġà koperta mill-iskemi preċedenti fil-forma ta’ benefiċċji fuq it-taxxa.

    (54)

    L-għajnuna li hija ta’ natura kumpensatorja, bħal dik imsemmija fil-Parti II, il-Kapitolu 1, it-Taqsimiet 1.1, 1.2, 1.3 u 1.4 u fil-Parti II, il-Kapitolu 3, it-Taqsima 3.5u 3.6 u l-għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Parti II, il-Kapitolu 2, it-Taqsimiet 2.1, 2.2 u 2.3 ma hijiex meħtieġa li jkollha effett ta’ inċentiv jew titqies li għandha dan l-inċentiv.

    Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna għall-investiment individwalment notifikabbli u għajnuna tal-investiment għal impriżi kbar taħt skemi notifikati

    (55)

    Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti hawn fuq fil-punti (45) u (48) sa (53) rispettivament, fil-każ ta’ għajnuna għall-investiment notifikabbli individwalment u ta’ għajnuna għall-investiment lil impriżi kbar taħt skemi notifikati, l-Istat Membru jeħtieġlu jipprovdi evidenza ċara li l-għajnuna b’mod effettiv għandha impatt fuq l-għażla tal-investiment. Sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni komprensiva, l-Istat Membru ma jridx jipprovdi biss l-informazzjoni dwar il-proġett megħjun iżda anki deskrizzjoni komprensiva tax-xenarju kontrofattwali, li fih l-ebda awtorità pubblika ma tagħti xi għajnuna lill-impriża benfiċjarja.

    (56)

    L-Istati Membri huma mistiedna jibbażaw fuq dokumenti ġenwini u uffiċjali tal-bord, valutazzjonijiet tar-riskji, inklużi l-valutazzjoni ta’ riskji speċifiċi għall-post, rapporti finanzjarji, pjanijiet interni ta’ direzzjoni tan-negozju, opinjonijiet esperti u studji oħrajn relatati mal-proġett ta’ investiment li jkun qed jiġi vvalutat. Dawk id-dokumenti jeħtieġ li jkunu kontemporanji għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment jew dwar il-post tiegħu. Dokumenti li jkun fihom informazzjoni dwar tbassir tad-domanda, tbassir tal-kostijiet, tbassir finanzjarju, dokumenti li jiġu sottomessi lill-kumitat ta’ investiment u li jelaboraw fuq diversi xenarji ta’ investiment, jew dokumenti pprovduti lill-istituzzjonijiet finanzjarji, jistgħu jgħinu lill-Istati Membri juru l-effett ta’ inċentiv.

    (57)

    F’dan il-kuntest, il-livell ta’ profitabbiltà jista’ jiġi evalwat permezz ta’ metodi li huma prattika standard fis-settur ikkonċernat u li jistgħu jinkludu metodi għall-evalwazzjoni tal-valur preżenti nett (VPN) (31) tal-proġett, tar-rata ta’ redditu interna (IRR) (32) jew tar-redditu medju fuq il-kapital investit (ROCE). Il-profitabbiltà tal-proġett trid titqabbel mar-rati normali ta’ redditu applikati mill-inpriża benefiċjarja fi proġetti oħrajn ta’ investiment ta’ natura simili. Fejn dawn ir-rati ma jkunux disponibbli, il-profitabbiltà tal-proġett għandha tiġi mqabbla mal-kost tal-kapital tal-impriża kollha kemm hi jew mar-rati ta’ redditu osservati b’mod komuni fis-settur ikkonċernat.

    (58)

    Fejn ma jkun magħruf l-ebda xenarju kontrofattwali speċifiku, l-effett ta’ inċentiv jista’ jiġi preżunt meta jkun hemm diskrepanza fil-finanzjament. Dan huwa l-każ meta l-kostijiet tal-investiment jaqbżu l-VPN tal-profitti operatorji mistennija tal-investiment abbażi ta’ pjan ta’ negozju ex ante.

    (59)

    Jekk l-għajnuna ma tbiddilx l-imġiba tal-impriża benefiċjarja billi tistimula investiment addizzjonali, ma għandha l-ebda effett pożittiv għall-iżvilupp tas-settur ikkonċernat. Għalhekk, l-għajnuna ma titqiesx kompatibbli mas-suq intern jekk jidher li l-istess investiment xorta jkun segwit mingħajr l-għajnuna.

    3.1.3.   Ebda ksur ta’ ebda dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni

    (60)

    Jekk miżura ta’ għajnuna mill-Istat, il-kundizzjonijiet mehmużin magħha, inkluż il-metodu ta’ finanzjament tagħha meta l-metodu ta’ finanzjament ikun jifforma parti integrali minn tali miżura, jew l-attività li tiffinanzja tkun tinvolvi ksur tad-dritt tal-Unjoni rilevanti, l-għajnuna ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern (33).

    (61)

    Fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, dan jikkonċerna b’mod partikolari l-għajnuna mill-Istat:

    (a)

    mogħtija b’appoġġ għall-attivitajiet tas-sajd li jinvolvu ksur serju skont l-Artikolu 42 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (34) jew l-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 (35) u li jikkostitwixxu jew jappoġġaw sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) (36);

    (b)

    mogħti b’appoġġ għall-operazzjoni, il-ġestjoni jew is-sjieda ta' bastiment tas-sajd inklużi fil-lista ta' bastimenti IUU tal-Unjoni kif issir referenza fl-Artikolu 40(3) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, jew ta' bastiment li jtajjar il-bandiera ta' pajjiżi identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx kif stipulat fl-Artikolu 33 ta' dak Regolament;

    (c)

    li jinvolvi nuqqas ta’ konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 (37) li jirregola l-organizzazzjoni komuni tas-suq (38); jew

    (d)

    li tinvolvi żieda fil-kapaċità tas-sajd jew il-kostruzzjoni ta’ bastimenti ġodda li direttament u awtomatikament iwasslu għal nuqqas ta’ konformità mill-Istat Membru mal-Artikolu 22(7) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u l-limiti massimi tal-kapaċità tas-sajd stabbiliti fl-Anness II tiegħu.

    (62)

    Barra minn hekk, l-għajnuna mill-Istat ma tistax tiġi ddikjarata kumpatibbli mas-suq intern meta l-għoti tal-għajnuna jkun soġġett għall-obbligu għall-impriża benefiċjarja li tuża prodotti jew servizzi nazzjonali, kif ukoll għall-għajnuna li tillimita l-possibbiltà għall-impriża benefiċjarja li tisfrutta r-riżultati tar-riċerka, żvilupp u innovazzjoni fi Stati Membri oħra.

    (63)

    Il-Kummissjoni mhux se tawtorizza għajnuna għal attivitajiet relatati mal-esportazzjoni lil pajjiżi terzi jew lil Stati Membri li jkunu marbuta direttament mal-kwantitajiet esportati, għajnuna kontinġenti fuq l-użu ta’ oġġetti domestiċi fuq dawk importati, jew għajnuna biex jiġi stabbilit u operat network ta’ distribuzzjoni jew biex tiġi koperta kwalunkwe nefqa oħra marbuta ma’ attivitajiet ta’ esportazzjoni. L-għajnuna għall-kost tal-parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali, jew ta’ studji jew servizzi ta’ konsulenza meħtieġa għat-tnedija ta’ prodott ġdid jew li diġà jeżisti f’suq ġdid fil-prinċipju ma tikkostitwixxix għajnuna għall-esportazzjoni.

    (64)

    In-notifiki dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom jipprovdu informazzjoni dwar kif l-awtoritajiet nazzjonali se jivverifikaw il-konformità mal-punti (61) sa (63).

    3.2.   It-tieni kundizzjoni: l-għajnuna ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jkun kontra l-interess komuni

    (65)

    Skont l-Artikolu 107(3)(ċ) tat-TFUE, l-għajnuna biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti oqsma ekonomiċi tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern, iżda biss “basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni.”

    (66)

    Din it-Taqsima tistabbilixxi l-metodu tal-eżerċitar tad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni fit-twettiq tal-valutazzjoni skont it-tieni kundizzjoni tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà msemmija fil-punt (36)(b).

    (67)

    Min-natura tagħha stess, kwalunkwe miżura ta’ għajnuna tiġġenera distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u jkollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Madankollu, sabiex jiġi stabbilit jekk l-effetti ta’ distorsjoni tal-għajnuna jkunux limitati għall-minimu, il-Kummissjoni tivverifika jekk l-għajnuna tkunx meħtieġa, xierqa, proporzjonata u trasparenti.

    (68)

    Imbagħad, il-Kummissjoni tivvaluta l-effett ta’ distorsjoni tal-għajnuna inkwistjoni fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ. Il-Kummissjoni mbagħad tibbilanċja l-effetti pożittivi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. Meta l-effetti pożittivi jegħlbu l-effetti negattivi, il-Kummissjoni se tiddikjara l-għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern.

    3.2.1.   Il-ħtieġa ta’ intervent mill-Istat

    (69)

    Biex jiġi vvalutat jekk l-għajnuna mill-Istat hijiex meħtieġa biex jintlaħaq ir-riżultat maħsub, l-ewwel huwa meħtieġ li tiġi identifikata l-problema. L-għajnuna mill-Istat trid tkun immirata lejn sitwazzjonijiet, fejn l-għajnuna tista’ ġġib magħha żvilupp materjali li s-suq ma jkunx kapaċi jġib waħdu, pereżempju billi tirrimedja falliment tas-suq għall-attività jew l-investiment megħjuna inkwistjoni.

    (70)

    L-għajnuna mill-Istat tista’ tabilħaqq, taħt ċerti kundizzjonijiet, tikkoreġi fallimenti tas-suq u b’hekk tikkontribwixxi għall-funzjonament effiċjenti tas-swieq u ssaħħaħ il-kompetittività. Dan japplika speċjalment f’kuntest ta’ riżorsi pubbliċi skarsi.

    (71)

    Għall-finijiet ta’ dawn il-Linji Gwida, il-Kummissjoni tqis li s-suq ma huwiex qed jilħaq l-objettivi mistennija mingħajr intervent mill-Istat rigward l-għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-Parti I, il-Kapitolu 2, it-Taqsima 2.3, u fil-Parti II, il-Kapitolu 1, it-Taqsimiet 1.1, 1.2, 1.3 u 1.4 u l-Kapitolu 2, it-Taqsima 2.2. Għalhekk, tali għajnuna se titqies bħala meħtieġa.

    3.2.2.   L-adegwatezza tal-għajnuna

    (72)

    L-għajnuna proposta trid tkun strument ta’ politika xieraq biex jiffaċilita l-iżvilupp tal-attività ekonomika. Jista’ jkun hemm strumenti oħrajn u f’pożizzjoni aħjar, bħar-regolamentazzjoni, l-istrumenti bbażati fuq is-suq, l-iżvilupp tal-infrastruttura u t-titjib fl-ambjent tan-negozju, biex jintlaħqu l-objettivi tal-għajnuna. L-Istat Membru jrid juri li l-għajnuna u t-tfassil tagħha huma xierqa biex jintlaħaq l-għan tal-miżura li lejha mmirata l-għajnuna.

    (73)

    Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-Parti I, il-Kapitolu 2, it-Taqsima 2.3, u fil-Parti II, il-Kapitolu 1, it-Taqsimiet 1.1, 1.2, 1.3, 1.4 u fil-Parti II, il-Kapitolu 2, it-Taqsima 2.2, hija strument ta’ politika xieraq. Miżura ta’ għajnuna tal-istess tip bħal operazzjoni li hija eliġibbli għal finanzjament skont ir-Regolament (UE) 2021/1139 hija xierqa jekk tikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dak ir-Regolament.

    (74)

    F’każijiet oħra li ma jaqgħux taħt il-punt (73), l-Istat Membru jrid juri li ma jeżisti l-ebda strument ta’ politika li joħloq inqas distorsjoni.

    (75)

    Meta Stat Membru jiddeċiedi li jistabbilixxi miżura skont il-Parti II, il-Kapitolu 3, filwaqt li l-istess intervent ikun previst fl-istess ħin fil-programm rilevanti tal-FEMSA, jenħtieġ li l-Istat Membru jistabbilixxi l-vantaġġi ta’ tali strument ta’ għajnuna nazzjonali meta mqabbel mal-intervent rilevanti fil-programm tal-FEMSA.

    Adegwatezza fost forom differenti ta’ għajnuna

    (76)

    L-għajnuna tista’ tingħata f’diversi forom. Madankollu l-Istat Membru jenħtieġ li jiżgura li l-għajnuna tingħata fil-forma li hija l-aktar probabbli li tiġġenera l-inqas distorsjonijiet fil-kummerċ u fil-kompetizzjoni.

    (77)

    Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mogħtija fil-forma prevista f’dawn il-Linji Gwida jew fl-intervent rispettiv tal-FEMSA skont ir-Regolament (UE) 2021/1139 hija forma xierqa ta’ għajnuna.

    (78)

    Meta l-għajnuna tingħata f’forom li jipprovdu vantaġġ pekunarju dirett (pereżempju, għotjiet diretti, eżenzjonijiet jew tnaqqis fit-taxxi, fis-sigurtà soċjali jew f’imposti obbligatorji oħrajn), l-Istat Membru jeħtieġlu juri għaliex forom ta’ għajnuna oħrajn li potenzjalment joħolqu anqas distorsjoni, bħall-ħlas bil-quddiem ripagabbli jew bħal forom ta’ għajnuna li huma bbażati fuq strumenti ta’ dejn jew ta’ ekwità (pereżempju, self b’imgħax baxx jew rifużjonijiet tal-imgħax, garanziji tal-Istat, jew forniment alternattiv ta’ kapital b’termini favorevoli), huma inqas xierqa.

    (79)

    Il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern hija mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar l-akkwist pubbliku u għall-prinċipji tat-trasparenza u l-ftuħ u n-nondiskriminazzjoni fil-proċess tal-għażla ta’ fornitur ta’ servizz.

    3.2.3.   Proporzjonalità tal-għajnuna

    (80)

    L-għajnuna fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura titqies bħala proporzjonata, jekk l-ammont tal-għajnuna għal kull benefiċjarju jkun limitat għall-minimu meħtieġ għat-twettiq tal-attività megħjuna.

    Intensitajiet massimi tal-għajnuna u ammonti massimi tal-għajnuna

    (81)

    Fil-prinċipju, sabiex l-għajnuna tkun proporzjonata, il-Kummissjoni tqis li l-ammont tal-għajnuna jenħtieġ li ma jaqbiżx il-kostijiet eliġibbli.

    (82)

    Sabiex jiġu żgurati l-prevedibbiltà u l-kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, f’dawn il-Linji Gwida hija prevista l-applikazzjoni tal-intensitajiet massimi tal-għajnuna għall-għajnuna.

    (83)

    Jekk il-kostijiet eliġibbli jkunu kkalkolati b’mod korrett u l-intensitajiet massimi tal-għajnuna jew l-ammonti massimi tal-għajnuna stabbiliti fit-taqsimiet tal-Parti II ta’ dawn il-Linji Gwida jkunu rispettati, il-kriterju ta’ proporzjonalità jitqies bħala ssodisfat.

    (84)

    Għall-kategoriji ta’ miżuri koperti mir-Regolament (UE) 2022/2473 , kif stabbilit fil-Parti I, il-Kapitolu 2, it-Taqsima 2.3, il-prinċipju tal-proporzjonalità tal-għajnuna jitqies li ġie rispettat, jekk l-ammont tal-għajnuna ma jaqbiżx l-intensità massima applikabbli tal-għajnuna pubblika stabbilita f’dak ir-Regolament u fl-Anness IV tiegħu. Jekk miżura ta’ għajnuna tmur lil hinn mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/2473, l-Istat Membru jeħtieġlu juri l-ġustifikazzjoni għall-għajnuna u l-indispensabbiltà tagħha.

    (85)

    L-intensità massima tal-għajnuna u l-ammont tal-għajnuna jridu jiġu kkalkulati mill-awtorità awtorizzanti meta tingħata l-għajnuna. Il-kostijiet eliġibbli jridu jkunu appoġġati b’evidenza dokumentata li trid tkun ċara, speċifika u kontemporanja. Għall-finijiet tal-kalkolu tal-intensità tal-għajnuna jew tal-ammont tal-għajnuna u tal-kostijiet eliġibbli, iċ-ċifri kollha użati jridu jittieħdu qabel kwalunkwe tnaqqis fit-taxxa jew imposta oħra.

    (86)

    It-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT) ma hijiex eliġibbli għal għajnuna, ħlief meta ma tkunx tista’ tiġi rkuprata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-VAT.

    (87)

    Meta tingħata l-għajnuna f’forma oħra għajr għotja, l-ammont tal-għajnuna huwa l-ekwivalenti tal-għotja gross tal-għajnuna.

    (88)

    Għajnuna pagabbli f’diversi ħlasijiet parzjali hija skontata għall-valur tagħha fil-mument li tingħata l-għajnuna. Il-kostijiet eliġibbli jiġu skontati għall-valur tagħhom fil-mument tal-għoti tal-għajnuna. Ir-rata tal-imgħax li trid tintuża għall-finijiet ta’ skontijiet hija r-rata tal-iskont applikabbli fid-data tal-għoti tal-għajnuna.

    (89)

    Meta l-għajnuna tingħata permezz ta’ vantaġġi fiskali, l-iskontar tal-porzjonijiet tal-għajnuna jsir abbażi tar-rati ta’ skont applikabbli fid-diversi drabi li jidħol fis-seħħ il-benefiċċju fuq it-taxxa.

    (90)

    Bl-eċċezzjoni tal-Parti II, il-Kapitolu 1 u l-Kapitolu 3, l-għajnuna tista’ tingħata skont l-għażliet ta’ kostijiet simplifikati li ġejjin:

    (a)

    kostijiet unitarji;

    (b)

    somom f’daqqa;

    (c)

    finanzjament b’rata fissa.

    (91)

    L-ammont tal-għajnuna jrid jiġi stabbilit b’wieħed mill-modi li ġejjin:

    (a)

    metodu ta’ kalkolu ġust, ekwu u verifikabbli bbażat fuq:

    (i)

    data statistika, informazzjoni oġġettiva oħra jew ġudizzju espert; jew

    (ii)

    data storika vverifikata ta’ benefiċjarji individwali; jew

    (iii)

    l-applikazzjoni tal-prattiki normali tal-kontabilità tal-kostijiet ta’ impriżi benefiċjarji individwali;

    (b)

    f’konformità mar-regoli għall-applikazzjoni tal-kostijiet unitarji korrispondenti, is-somom f’daqqa u r-rati fissi applikabbli fil-politiki tal-Unjoni għal tip simili ta’ operazzjoni.

    (92)

    Fir-rigward tal-miżuri kofinanzjati tal-UE, l-ammonti tal-kostijiet eliġibbli jistgħu jiġu kkalkolati f’konformità mal-għażliet tal-kostijiet issimplifikati stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1060.

    (93)

    Meta tivvaluta l-kompatibbiltà tal-għajnuna, il-Kummissjoni se tikkunsidra kwalunkwe assigurazzjoni li tkun saret, jew li setgħet saret mill-impriża benefiċjarja. Fir-rigward tal-għajnuna għall-kumpens ta’ telf ikkawżat minn eventi klimatiċi avversi li jistgħu jkunu assimilati ma’ diżastru naturali, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-għajnuna fl-intensità massima tal-għajnuna jenħtieġ li tingħata biss lil impriża li ma tistax tkun koperta minn assigurazzjoni għal dan it-telf. Din hija r-raġuni għaliex, sabiex tkompli tittejjeb il-ġestjoni tar-riskju, l-impriżi benefiċjarji jridu jiġu mħeġġa jagħmlu assigurazzjoni kull fejn ikun possibbli.

    Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna għall-investiment individwalment notifikabbli u għajnuna tal-investiment għal intrapriżi kbar skont skemi notifikati

    (94)

    Bħala regola ġenerali, biex l-għajnuna għall-investiment notifikabbli individwalment titqies li hija limitata għall-minimu, l-ammont tal-għajnuna jrid jikkorrispondi għall-kostijiet żejda netti tal-implimentazzjoni tal-investiment fiż-żona kkonċernata, meta mqabbel max-xenarju kontrofattwali fin-nuqqas tal-għajnuna (39), bl-intensitajiet massimi tal-għajnuna bħala limitu massimu. Bl-istess mod, fil-każ ta’ għajnuna għall-investiment mogħtija lil intrapriżi kbar taħt skemi notifikati, l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li l-ammont tal-għajnuna jkun limitat għall-minimu abbażi ta’ “approċċ tal-kostijiet żejda netti”, bl-intensitajiet massimi tal-għajnuna bħala limitu massimu.

    (95)

    L-ammont tal-għajnuna jenħtieġ li ma jaqbiżx il-minimu meħtieġ sabiex il-proġett ikun profitabbli biżżejjed, pereżempju, jenħtieġ li ma jwassalx biex iżid ir-Rata ta’ Redditu Interna (IRR) tiegħu aktar mir-rati normali ta’ redditu applikati mill-impriża kkonċernata fi proġetti oħra tal-investiment ta’ tip simili jew, jekk dawn ir-rati ma jkunux disponibbli, biex iżid l-IRR tiegħu aktar mill-kost tal-kapital tal-impriża b’mod sħiħ jew aktar mir-rati ta’ redditu osservati b’mod komuni fis-settur ikkonċernat.

    (96)

    Fir-rigward tal-għajnuna għall-investiment lil kumpaniji kbar taħt skemi notifikati, l-Istat Membru jrid jiżgura li l-ammont tal-għajnuna jikkorrispondi mal-kostijiet żejda netti marbuta mal-implimentazzjoni tal-investiment fil-qasam ikkonċernat, meta mqabbel max-xenarju kontrofattwali fin-nuqqas tal-għajnuna. Il-metodu spjegat fil-punt (95) irid jintuża flimkien mal-intensitajiet massimi tal-għajnuna bħala limitu massimu.

    (97)

    Fir-rigward ta’ għajnuna għall-investiment notifikabbli individwalment, il-Kummissjoni se tivverifika jekk l-ammont tal-għajnuna jaqbiżx il-minimu meħtieġ biex il-proġett jiġi jrendi biżżejjed profitt, kif previst fil-punt (95). Il-kalkoli użati għall-analiżi tal-effett ta’ inċentiv jistgħu jintużaw ukoll sabiex jiġi vvalutat jekk l-għajnuna hijiex proporzjonata. L-Istat Membru jeħtieġlu juri l-proporzjonalità abbażi ta’ dokumentazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt (56).

    (98)

    Dawn il-kundizzjonijiet addizzjonali fil-punti (94) sa (97) ma japplikawx għall-muniċipalitajiet, li huma awtoritajiet lokali awtonomi b’baġit annwali ta’ anqas minn EUR 10 miljun u inqas minn 5 000 abitant, imsemmija fil-punt (51).

    Kumulazzjoni ta’ għajnuna

    (99)

    L-għajnuna tista’ tingħata flimkien ma’ diversi skemi jew akkumulata ma’ għajnuna ad hoc, sakemm l-ammont totali ta’ għajnuna mill-Istat għal attività jew proġett megħjun ma taqbiżx l-intensità tal-għajnuna u l-ammont tal-għajnuna stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida.

    (100)

    L-għajnuna b’kostijiet eliġibbli identifikabbli tista’ tiġi akkumulata ma’ kwalunkwe għajnuna oħra mill-Istat, sakemm dawk l-għajnuniet jikkonċernaw kostijiet eliġibbli identifikabbli differenti. L-għajnuna b’kostijiet eliġibbli identifikabbli tista’ tiġi kumulata ma’ kwalunkwe għajnuna oħra mill-Istat, fir-rigward tal-istess kostijiet eliġibbli, li jitrikkbu parzjalment jew kompletament, biss jekk tali kumulazzjoni ma twassalx biex tinqabeż l-ogħla intensità ta’ għajnuna jew ammont ta’ għajnuna applikabbli għal dan it-tip ta’ għajnuna skont dawn il-Linji Gwida.

    (101)

    L-għajnuna mingħajr kostijiet eliġibbli identifikabbli skont dawn il-Linji Gwida tista’ tiġi akkumulata ma’ kwalunkwe miżura oħra ta’ għajnuna mill-Istat b’kostijiet eliġibbli identifikabbli. L-għajnuna mingħajr kostijiet eliġibbli identifikabbli tista’ tiġi akkumulata ma’ għajnuna mill-Istat oħra mingħajr kostijiet eliġibbli identifikabbli, sal-ogħla livell limitu ta’ finanzjament totali rilevanti stabbilit fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ minn dawn il-Linji Gwida jew linji gwida oħra dwar l-għajnuna mill-Istat, regolament ta’ eżenzjoni ġenerali jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

    (102)

    L-għajnuna mill-Istat favur is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura jenħtieġ li ma tiġix akkumulata mal-pagamenti msemmija fir-Regolament (UE) 2021/1139 fir-rigward tal-istess kostijiet eliġibbli, jekk tali akkumulazzjoni tirriżulta f’intensità tal-għajnuna jew f’ammont ta’ għajnuna li jaqbeż dawk stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida.

    (103)

    Meta l-finanzjament tal-Unjoni ġestit ċentralment mill-istituzzjonijiet, l-aġenziji, l-impriżi konġunti jew korpi oħra tal-Unjoni li mhux direttament jew indirettament taħt il-kontroll tal-Istat Membru huwa kkombinat flimkien ma’ għajnuna mill-Istat, dan tal-aħħar biss jitqies biex jiġi stabbilit jekk il-limiti ta’ notifika u l-intensitajiet massimi u l-ammonti tal-għajnuna ġewx irrispettati, dment li l-ammont totali ta’ finanzjament pubbliku mogħti għal dawn l-istess kostijiet eliġibbli ma jaqbiżx ir-rata/i ta’ finanzjament l-aktar favorevoli stabbilita/i fir-regoli applikabbli tad-dritt tal-Unjoni.

    (104)

    L-għajnuna awtorizzata skont dawn il-Linji Gwida jenħtieġ li ma tkunx akkumulata ma’ kwalunkwe għajnuna de minimis fir-rigward tal-istess kostijiet eliġibbli jekk tali akkumulazzjoni tirriżulta f’intensità ta’ għajnuna jew ammont ta’ għajnuna li jaqbeż dak stabbilit f’dawn il-Linji Gwida.

    3.2.4.   Trasparenza

    (105)

    L-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw il-pubblikazzjoni (40) tal-informazzjoni li ġejja fil-modulu tal-għoti tat-trasparenza tal-Kummissjoni (41) jew fuq sit web komprensiv dwar l-għajnuna mill-Istat fuq livell nazzjonali jew reġjonali:

    (a)

    it-test sħiħ tal-iskema tal-għajnuna u d-dispożizzjonijiet tal-implimentazzjoni tagħha jew il-bażi ġuridika għall-għajnuna individwali, jew ħolqa għaliha;

    (b)

    l-identità tal-awtorità/awtoritajiet tal-għotja;

    (c)

    l-identità tal-benefiċjarji individwali, il-forma u l-ammont ta’ għajnuna mogħtija lil kull benefiċjarju, id-data tal-għotja, it-tip tal-impriża (SME/kumpanija kbira), ir-reġjun li fih jinsab il-benefiċjarju (fil-Livell II NUTS) u s-settur ekonomiku prinċipali li fih il-benefiċjarju għandu l-attivitajiet tiegħu (fil-livell tal-grupp NACE). Tali rekwiżit jista’ jiġi rrinunzjat fir-rigward ta’ għotjiet ta’ għajnuna individwali li ma jaqbżux il-limitu ta’ EUR 10 000 (42).

    (106)

    Fil-każ ta’ skemi ta’ għajnuna fil-forma ta’ benefiċċji fuq it-taxxa, l-informazzjoni dwar l-ammonti ta’ għajnuna individwali tista’ tiġi pprovduta fil-meded li ġejjin (f’miljuni ta’ EUR): 0,01 sa 0,03; aktar minn 0,03-0,5; aktar minn 0,5-1; aktar minn 1-2; aktar minn 2.

    (107)

    Tali informazzjoni trid tiġi ppubblikata wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-għajnuna, trid tinżamm għal mill-inqas 10 snin u tkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali mingħajr restrizzjonijiet (43).

    (108)

    Għal raġunijiet ta’ trasparenza, l-Istati Membri jeħtiġilhom iwettqu r-rapportar kif meħtieġ fil-Parti III, it-Taqsima 4, ta’ dawn il-Linji Gwida.

    3.2.5.   L-evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ

    (109)

    L-għajnuna għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura tista’ potenzjalment tikkawża distorsjonijiet fis-suq tal-prodotti. Ċerta għajnuna tista’ tqajjem tħassib dwar il-bini ta’ kapaċità żejda fi swieq li sejrin lura fir-rigward tal-produzzjoni primarja tal-prodotti tas-sajd (44) u tal-akkwakultura u l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom. Sabiex l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern, l-effetti negattivi tal-għajnuna f’termini ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jridu jiġu mminimizzati jew evitati. Il-Kummissjoni tqis li, fil-prinċipju, meta l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-Parti I, il-Kapitolu 2, it-Taqsima 2.3 u fil-Parti II, il-Kapitolu 1, it-Taqsimiet 1.1, 1.2, 1.3, 1.4 u 1.5 u fil-Parti I, il-Kapitolu 2, it-Taqsima 2.2, l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ huma limitati għall-minimu.

    (110)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu evidenza li tippermetti lill-Kummissjoni tidentifika s-suq/swieq tal-prodotti kkonċernat(i), jiġifieri s-suq/swieq affettwat(i) mill-bidla fl-imġiba tal-impriża benefiċjarja. Fil-valutazzjoni tal-effetti negattivi tal-għajnuna, l-analiżi tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni se tkun iffokata fuq l-impatt prevedibbli li l-għajnuna għandha fuq il-kompetizzjoni bejn l-impriżi fis-suq(swieq) tal-prodotti affettwati (45) fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura.

    (111)

    L-ewwel nett, jekk l-għajnuna tkun immirata sew, proporzjonata u limitata għall-kostijiet addizzjonali netti, l-impatt negattiv tal-għajnuna jittaffa u r-riskju li l-għajnuna tfixkel il-kompetizzjoni bla bżonn se jkun aktar limitat. It-tieni nett, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi intensitajiet massimi tal-għajnuna jew ammonti massimi ta’ għajnuna. L-għan huwa li jiġi evitat l-użu ta’ għajnuna mill-Istat għal proġetti fejn il-proporzjon bejn l-ammont ta’ għajnuna u l-kostijiet eliġibbli għandu jitqies għoli ħafna u partikolarment probabbli li jkun ta’ distorsjoni. B’mod ġenerali, aktar ma jkunu kbar l-effetti pożittivi li l-proġett megħjun x’aktarx li jġib miegħu u aktar ma tkun kbira l-ħtieġa probabbli għall-għajnuna, aktar ikun għoli l-limitu fuq l-intensità tal-għajnuna.

    (112)

    Madankollu, anki meta l-għajnuna tkun meħtieġa u proporzjonata, din tista’ tirriżulta f’bidla fl-imġiba tal-impriża benefiċjarja li tfixkel il-kompetizzjoni. Dan huwa aktar probabbli fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura li jvarja minn swieq oħra minħabba l-istruttura speċifika tiegħu, peress li huwa kkaratterizzat minn għadd kbir ta’ impriżi żgħar involuti u minn stokkijiet ta’ ħut li huma riżorsa komuni, limitata. F’dawn is-swieq, ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni huwa għoli anki meta jingħataw biss ammonti żgħar ta’ għajnuna.

    Skemi ta’ għajnuna għall-investiment għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura

    (113)

    Minħabba li l-għajnuna għall-investiment lil impriżi attivi fl-ipproċessar u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura u lil impriżi attivi f’setturi oħra, pereżempju fis-settur tal-ipproċessar tal-ikel, għandha t-tendenza li jkollha effetti distortivi simili fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ, il-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-politika tal-kompetizzjoni dwar l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ jenħtieġ li japplikaw bl-istess mod għal dawk is-setturi kollha. Għalhekk, il-kundizzjonijiet deskritti fil-punti (114) sa (124) jridu jiġu rrispettati fir-rigward tal-għajnuna għall-investiment għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.

    (114)

    L-iskemi ta’ għajnuna għall-investiment ma jridux iwasslu għal distorsjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ. B’mod partikolari, anki jekk id-distorsjonijiet jistgħu jitqiesu limitati fuq livell individwali (sakemm ikunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha għall-għajnuna għall-investiment), fuq bażi kumulattiva dawn l-iskemi xorta waħda jistgħu jwasslu għal livelli ta’ distorsjoni għoljin. Fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna għall-investiment li tiffoka fuq ċerti setturi, ir-riskju ta’ tali distorsjonijiet huwa saħansitra aktar kbir.

    (115)

    Għalhekk, l-Istat Membru kkonċernat irid juri li kwalunkwe effett negattiv se jkun limitat għall-minimu filwaqt li jqis, pereżempju, id-daqs tal-proġetti kkonċernati, l-ammonti tal-għajnuna individwali u kumulattiva, l-impriżi benefiċjarji mistennija kif ukoll il-karatteristiċi tas-setturi fil-mira. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-effetti negattivi probabbli, l-Istat Membru kkonċernat huwa mħeġġeġ jippreżenta kwalunkwe valutazzjoni tal-impatt li tkun għad-dispożizzjoni tiegħu kif ukoll evalwazzjonijiet ex post li jkunu saru għal skemi simili.

    Għajnuna għall-investiment notifikabbli individwalment għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura u għajnuna għall-investiment lil impriżi kbar taħt skemi notifikati

    (116)

    Fl-evalwazzjoni tal-effetti negattivi tal-għajnuna għall-investiment individwali jew għajnuna għall-investiment lil impriżi kbar taħt skemi notifikati, il-Kummissjoni tagħmel enfasi partikolari fuq l-effetti negattivi marbuta mal-bini ta’ kapaċità żejda fi swieq li sejrin lura, il-prevenzjoni tal-ħruġ, u l-kunċett ta’ saħħa sinifikanti fis-suq. Dawn l-effetti negattivi huma deskritti fil-punti (117) sa (124) u jridu jkunu kontrobilanċjati bl-effetti pożittivi tal-għajnuna.

    (117)

    Sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw u jivvalutaw id-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu evidenza li tippermetti lill-Kummissjoni tidentifika s-swieq tal-prodotti kkonċernati (jiġifieri, il-prodotti affettwati mill-bidla fl-imġiba tal-benefiċjarju tal-għajnuna) u tidentifika l-kompetituri u l-klijenti/konsumaturi affettwati. Il-prodott ikkonċernat huwa normalment il-prodott kopert mill-proġett ta’ investiment (46). Meta l-proġett jittratta prodott intermedju u parti sinifikanti tal-produzzjoni ma tinbiegħx fis-suq, il-prodott ikkonċernat jista’ jkun il-prodott downstream. Is-suq tal-prodotti rilevanti jinkludi l-prodott ikkonċernat u s-sostituti tiegħu meqjusin bħala tali, jew mill-konsumatur (minħabba l-karatteristiċi, il-prezzijiet, jew l-użu maħsub tal-prodott) jew mill-produttur (minħabba l-flessibbiltà tal-installazzjonijiet tal-produzzjoni).

    (118)

    Il-Kummissjoni tuża diversi kriterji biex tivvaluta dawk id-distorsjonijiet potenzjali, bħall-istruttura tas-suq tal-prodott ikkonċernat, il-prestazzjoni tas-suq (suq li sejjer lura jew li qed jikber), il-proċess għall-għażla tal-impriża benefiċjarja, l-ostakli għad-dħul fis-suq u għall-ħruġ minnu u d-divrenzjar bejn il-prodotti.

    (119)

    Meta intrapriża tiddependi b’mod sistematiku fuq l-għajnuna mill-Istat, dan jista’ jindika li l-intrapriża ma tiflaħx għall-kompetizzjoni waħedha jew li qiegħda tgawdi minn vantaġġi mhux mistħoqqa meta mqabbla mal-kompetituri tagħha.

    (120)

    Il-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejn żewġ sorsi ewlenin ta’ effetti negattivi potenzjali fuq is-swieq tal-prodotti:

    (a)

    każijiet ta’ espansjoni sinifikanti fil-kapaċità li twassal għal sitwazzjoni ta’ kapaċità żejda jew inkella tkompli tgħarraq sitwazzjoni diġà eżistenti ta’ kapaċità żejda, speċjalment f’suq li jkun sejjer lura; u

    (b)

    każijiet fejn il-benefiċjarju tal-għajnuna jkollu saħħa sinifikanti fis-suq.

    (121)

    Biex tevalwa jekk l-għajnuna sservix biex jinħolqu jew jinżammu strutturi ineffiċjenti fis-suq, il-Kummissjoni se tqis il-kapaċità addizzjonali fil-produzzjoni maħluqa mill-proġett u jekk is-suq huwiex qiegħed jagħti riżultati tajbin.

    (122)

    Jekk is-suq inkwistjoni jkun qiegħed jikber, normalment ikun hemm anqas raġuni għal tħassib li l-għajnuna se taffettwa b’mod negattiv inċentivi dinamiċi jew li sejra xxekkel il-ħruġ jew id-dħul fis-suq aktar milli dovut.

    (123)

    Huwa ġġustifikat li wieħed ikun aktar imħasseb meta s-swieq ikunu sejrin lura. Il-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejn każijiet li fihom, minn perspettiva fit-tul, is-suq ikun strutturalment sejjer lura (jiġifieri, qiegħed jiċkien), u każijiet li fihom is-suq ikun sejjer lura b’mod relattiv (jiġifieri, ikun għadu qiegħed jikber, iżda ma jaqbiżx ir-rata ta’ referenza għat-tkabbir).

    (124)

    Prestazzjoni baxxa tas-suq tipikament titkejjel kontra l-PDG taż-ŻEE matul it-tliet snin qabel il-bidu tal-proġett (rata ta’ referenza). Din tista’ titkejjel ukoll fuq il-bażi tar-rati tat-tkabbir imbassra għat-tliet snin sa ħames snin li jkun imiss. L-indikaturi jistgħu jinkludu t-tkabbir futur mistenni tas-suq ikkonċernat u r-rati tal-użu tal-kapaċità mistennija riżultanti, kif ukoll l-impatt probabbli taż-żieda fil-kapaċità fuq il-kompetituri f’termini ta’ prezzijiet u marġnijiet tal-profitt.

    3.2.6.   L-evalwazzjoni tal-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna (test tal-ibbilanċjar)

    (125)

    Il-Kummissjoni tivvaluta jekk l-effetti pożittivi tal-għajnuna jegħlbux l-effetti negattivi identifikati fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. Il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern biss meta l-effetti pożittivi jegħlbu l-effetti negattivi.

    (126)

    F’każijiet fejn l-għajnuna proposta ma tindirizzax falliment tas-suq identifikat sew b’mod xieraq u proporzjonat, l-effetti ta’ distorsjoni negattivi fuq il-kompetizzjoni għandhom it-tendenza li jegħlbu l-effetti pożittivi tal-għajnuna u b’hekk il-Kummissjoni x’aktarx tikkonkludi li l-għajnuna proposta hija inkompatibbli mas-suq intern.

    (127)

    Bħala parti mill-valutazzjoni tal-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna, il-Kummissjoni se tqis l-impatt tal-għajnuna fuq il-kisba tal-objettivi tal-PKS stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u msemmija fil-FEMSA. L-objettiv ewlieni tal-PKS huwa li tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u ġestiti b’mod li jkun konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi u li jingħata kontribut għad-disponibbiltà tal-provvista tal-ikel (l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013) u l-objettiv li tiġi żgurata l-koerenza mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni (l-Artikolu 2(5)(j) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013). Miżuri li jmorru kontra xi wieħed minn dawn l-objettivi x’aktarx li ma joħolqux effetti pożittivi għall-PKS u jista’ jkollhom effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ minħabba r-riżorsi limitati li għalihom qed jikkompetu l-impriżi fis-settur. Dan iwassal biex ikun improbabbli li jinkiseb bilanċ pożittiv. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni ser tagħti attenzjoni partikolari lir-riskju tat-tisħiħ tal-kapaċità tas-sajd, is-sajd żejjed jew l-ispostament tal-isforzi tas-sajd, kif ukoll għall-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli.

    (128)

    Fil-prinċipju, minħabba l-effetti pożittivi tagħha fuq l-iżvilupp tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, il-Kummissjoni tqis li għal għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Parti I, il-Kapitolu 2, it-Taqsima 2.3 u l-Parti II, il-Kapitolu 1, it-Taqsimiet 1.1, 1.2 1.3, 1.4 u 1.5 u l-Parti II, il-Kapitolu 2, it-Taqsima 2.2, l-effett negattiv fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri huwa limitat għall-minimu.

    (129)

    Fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat li hija kofinanzjata taħt il-FEMSA, il-Kummissjoni se tqis li ġew stabbiliti l-effetti pożittivi relatati.

    (130)

    L-għajnuna li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika ta’ konservazzjoni bit-tneħħija gradwali tad-derogi attwalment permessi skont ir-regoli tal-PKS, bħal derogi mill-obbligu ta’ ħatt l-art, se titqies li għandha effett pożittiv għall-objettivi tal-PKS.

    (131)

    Il-Kummissjoni se tqis ukoll l-għajnuna li tappoġġa l-objettivi tal-politika ambjentali, u li tista’ tkun marbuta mal-isforzi ta’ konservazzjoni billi tikkontribwixxi għall-istatus ambjentali tajjeb, timplimenta u timmonitorja ż-żoni protetti tal-baħar, timplimenta azzjonijiet li jikkontribwixxu għar-restawr tal-kontinwità tax-xmajjar skont id-Direttiva 2000/60/KE (47), dwar il-Qafas dwar l-Ilma, jew id-Direttiva (UE) 2019/904 (48) għall-irkaptu tas-sajd/plastik jew tistabbilixxi miżuri qafas ta’ azzjoni prijoritarja għas-siti tan-Natura 2000, bħala li tikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-objettivi tal-PKS.

    (132)

    F’dak l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lill-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852, inkluż il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”, jew metodoloġiji komparabbli oħra, bħall-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema applikat għall-ġestjoni tas-sajd tal-baħar f’konformità mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Il-PKS tikkonsisti f’atti leġiżlattivi li jistabbilixxu qafas olistiku ta’ governanza tas-sajd li jirrikjedi li jinstab bilanċ bejn il-kriterji ta’ sostenibbiltà ekoloġika, soċjali u ekonomika.

    (133)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tqis ukoll, fejn rilevanti, jekk l-għajnuna proposta twassalx għal effetti pożittivi jew negattivi oħra. Fejn effetti pożittivi oħra bħal dawn jirriflettu dawk inkorporati fil-politiki tal-Unjoni, bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew, inkluża ekonomija blu sostenibbli (49), l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt (50), il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari (51), l-Istrateġija għall-Bijodiversità (52), il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: “Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, l-Ilma u l-Ħamrija” (53), l-istrateġija dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima (54), jew dawk relatati mal-effiċjenza fl-enerġija (55), l-inizjattiva dwar it-tiswir tal-Komunikazzjoni tal-Futur Diġitali tal-Ewropa (56), allura l-għajnuna proposta allinjata ma’ tali politiki tal-Unjoni tista’ tiġi preżunta li għandha dawn l-effetti pożittivi usa’.

    (134)

    B’kuntrast ma’ dan, l-għajnuna li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċità tas-sajd jew tirriżulta f’sajd żejjed jew spostament tal-isforz tas-sajd li jista’ jwassal għal tali sajd żejjed (ara l-punt (4) tal-Linji Gwida) x’aktarx li timmina l-objettivi tal-PKS. B’kont meħud tal-kuntest legali u ekonomiku tas-settur tas-sajd, fejn l-impriżi jikkompetu għal riżorsi limitati, miżuri b’tali effetti li fil-prinċipju jitqiesu bħala dannużi x’aktarx li ma jirriżultawx f’riżultat pożittiv tal-eżerċizzju ta’ bbilanċjar.

    (135)

    Bl-eċċezzjoni tal-għajnuna prevista espliċitament f’dawn il-Linji Gwida, it-test tal-ibbilanċjar x’aktarx li ma jkunx pożittiv fir-rigward tat-tipi ta’ miżuri ta’ għajnuna li ġejjin li fil-prinċipju huma kkunsidrati bħala ta’ ħsara:

    (a)

    li jżidu l-kapaċità tas-sajd ta’ bastiment tas-sajd;

    (b)

    għall-akkwist ta' tagħmir li jżid il-kapaċità ta' bastiment tas-sajd li jsib il-ħut;

    (c)

    għall-kostruzzjoni, l-akkwist jew l-importazzjoni ta’ bastimenti tas-sajd;

    (d)

    għat-trasferiment jew il-bdil tal-bandiera ta' bastimenti tas-sajd lil pajjiżi terzi, lanqas permezz tal-ħolqien ta' negozji bi sħab ma' persuni minn pajjiżi terzi;

    (e)

    għall-waqfien temporanju jew permanenti tal-attivitajiet tas-sajd;

    (f)

    għas-sajd esploratorju;

    (g)

    għat-trasferiment tas-sjieda ta’ negozju;

    (h)

    għall-istokkjar mill-ġdid dirett, ħlief skont il-każ fil-każ ta’ stokkjar mill-ġdid sperimentali;

    (i)

    għall-bini ta' portijiet ġodda jew swali tal-irkant ġodda, bl-eċċezzjoni ta' postijiet ġodda ta' ħatt l-art;

    (j)

    għal mekkaniżmi ta' intervent fis-suq li l-għan tagħhom ikun li jirtiraw il-prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura mis-suq b'mod temporanju jew permanenti biex tonqos il-provvista biex ma jonqsux il-prezzijiet jew biex jogħlew l-prezzijiet li ma jkunu konformi mal-Artikolu 30 u 31 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013;

    (k)

    għall-investimenti abbord bastimenti tas-sajd li jkunu meħtieġa għall-konformità mar-rekwiżiti skont id-dritt tal-Unjoni li jkunu fis-seħħ meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal għajnuna, inkluż ir-rekwiżiti skont l-obbligi tal-Unjoni fil-kuntest ta’ organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd;

    (l)

    għall-investimenti abbord bastimenti tas-sajd li jkunu ilhom iwettqu attivitajiet tas-sajd għal inqas minn 60 jum fl-aħħar sentejn kalendarji ta' qabel is-sena ta' preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal għajnuna; jew

    (m)

    għas-sostituzzjoni jew l-immodernizzar ta’ magna prinċipali jew anċillari ta’ bastiment tas-sajd.

    (136)

    It-test tal-ibbilanċjar x’aktarx li ma jkunx pożittiv fir-rigward tal-miżuri ta’ għajnuna li ma jkunux:

    (a)

    jinkludu salvagwardi li jiżguraw li l-applikant għall-għajnuna mill-Istat, jew jekk ma jkun hemm bżonn tal-ebda applikazzjoni, att ekwivalenti jkun jipprovdi li l-impriża benefiċjarja, tkun tikkonforma mar-regoli tal-PKS, u tibqa’ hekk matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-proġett u għal perjodu ta’ ħames snin wara l-pagament finali lill-benefiċjarju. u u

    (b)

    jipprevedi li impriża benefiċjarja li ma kkonformatx mar-rekwiżiti fil-punt (a), jew wettqet reat ambjentali wieħed jew aktar stabbiliti fl-Artikolu 3 4 tad-Direttiva 2008/99/KE (57) fejn l-applikazzjoni għall-għajnuna tiġi ppreżentata skont l-Artikolu 32 sa 39 tar-Regolament (UE) 2022/2473 kif determinat mill-awtorità nazzjonali kompetenti, matul il-perjodi speċifikati fil-punt (a) issir inammissibbli biex tapplika għall-għajnuna u trid tirrimborża l-għajnuna b’mod proporzjonat man-nuqqas ta’ konformità jew ir-reat.

    (137)

    Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-punt (136) ma japplikawx fil-każ ta’:

    għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-Parti II, il-Kapitolu 1, it-Taqsima 1.1 ta’ dawn il-Linji Gwida. jew jew

    għajnuna għall-kostijiet tal-prevenzjoni, tal-kontroll u tal-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali fl-akkwakultura stabbiliti fil-Parti II, il-Kapitolu 1, it-Taqsima 1.3 ta’ dawn il-Linji Gwida.

    (138)

    Fil-każ tal-kategoriji ta’ għajnuna fil-Parti I, il-Kapitolu 2, it-Taqsimiet 2.1.2, 2.2 u l-punt (24) tat-Taqsima 2.3 u l-Parti II, il-Kapitolu 2, it-Taqsima 2.1 u t-Taqsima 2.3, il-Kapitolu 3 ta’ dawn il-Linji Gwida, il-Kummissjoni se tibbilanċja l-effetti negattivi identifikati fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-kummerċ tal-miżuri ta’ għajnuna bl-effetti pożittivi tal-għajnuna ippjanata fuq l-attivitajiet ekonomiċi mgħejjuna, inkluż il-kontribuzzjoni tagħha għall-objettivi tal-PKS u, fi ħdan dik il-politika, mal-objettivi tal-FEMSA.

    PARTI II

    KATEGORIJI TA’ GĦAJNUNA

    Kapitolu 1

    1.   GĦAJNUNA GĦALL-ĠESTJONI TAR-RISKJU U TAL-KRIŻIJIET

    1.1.   Għajnuna mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti oħra straordinarji

    (139)

    Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-għajnuna mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti straordinarji kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) tat-TFUE, jekk tikkonforma mal-prinċipji stabbiliti fil-Parti I, il-Kapitolu 3 u l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (140)

    “Diżastru naturali” u “avveniment straordinarju”, kif imsemmi fl-Artikolu 107(2)(b) tat-TFUE, jikkostitwixxu eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni ġenerali tal-għajnuna mill-Istat fi ħdan is-suq intern stabbilita fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Għal dik ir-raġuni, il-Kummissjoni konsistentement sostniet li dawk il-kunċetti għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv. Dan ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (58).

    (141)

    Sal-lum, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, il-Kummissjoni aċċettat li maltempati u għargħar eċċezzjonalment severi, b’mod partikolari għargħar ikkawżat minn ilmijiet li jfuru lil hinn xtut ix-xmajjar jew il-lagi, jistgħu jikkostitwixxu diżastri naturali. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/2473 huwa possibbli li tingħata eżenzjoni ta’ kategorija għat-tipi ta’ diżastri naturali li ġejjin: terremoti, valangi, uqigħ tal-art, għargħar, trombi tal-arja, uragani, eruzzjonijiet volkaniċi u nirien fil-foresti ta’ oriġini naturali.

    (142)

    L-avvenimenti li ġejjin huma eżempji ta’ avvenimenti straordinarji li ġew rikonoxxuti mill-Kummissjoni f’każijiet barra mis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura: gwerra, disturbi interni, strajks, b’ċerti riżervi u skont il-firxa tagħhom, aċċidenti industrijali u nukleari ewlenin, u nirien li jirriżultaw f’telf mifrux. Fil-prinċipju, it-tifqigħa ta’ marda tal-annimali jew ta’ pest tal-pjanti ma tikkostitwixxix avveniment straordinarju.

    (143)

    Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta l-proposti biex tagħti għajnuna f’konformità mal-Artikolu 107(2)(b) tat-TFUE fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li tqis il-prattika preċedenti tagħha fil-qasam.

    (144)

    L-għajnuna taħt din it-Taqsima trid tissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rrikonoxxiet formalment it-tip tal-avveniment bħala diżastru naturali jew bħala avveniment straordinarju; u

    (b)

    li hemm rabta kawżali diretta bejn id-diżastru naturali jew l-avveniment straordinarju u l-ħsara sofferta mill-impriża.

    (145)

    L-Istati Membri jistgħu, fejn xieraq, jistabbilixxu minn qabel kriterji li abbażi tagħhom jitqies li ngħata r-rikonoxximent formali msemmi fil-punt (144)(a).

    (146)

    L-għajnuna trid titħallas direttament lill-impriża kkonċernata jew lil grupp jew organizzazzjoni ta’ produtturi li l-impriża hija membru fihom. Meta l-għajnuna titħallas lil grupp u organizzazzjoni ta’ produtturi, l-ammont tal-għajnuna ma jridx jaqbeż l-ammont tal-għajnuna li għalih hija eliġibbli l-impriża.

    (147)

    L-iskemi ta’ għajnuna jridu jiġu stabbiliti fi żmien tliet snin mid-data tal-okkorrenza tal-avveniment, u l-għajnuna trid titħallas fi żmien erba’ snin minn dik id-data. Fil-każ ta’ xi diżastru naturali jew avveniment straordinarju speċifiku, il-Kummissjoni se tawtorizza għajnuna nnotifikata separatament li tidderoga minn din ir-regola f’każijiet debitament ġustifikati, pereżempju minħabba n-natura u/jew il-firxa tal-avveniment jew in-natura ttardjata jew kontinwa tal-ħsara.

    (148)

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni rapida tal-kriżijiet, il-Kummissjoni se tawtorizza skemi ta’ għajnuna ta’ qafas ex ante biex jikkumpensaw għall-ħsara kkawżata minn maltempati ta’ qilla eċċezzjonali, għargħar, terremoti, valangi, uqigħ tal-art, trombi tal-arja, urugani, eruzzjonijiet volkaniċi, u nirien fil-foresti ta’ oriġini naturali, sakemm il-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tingħata l-għajnuna jkunu stipulati b’mod ċar. F’tali każijiet, l-Istati Membri jeħtiġilhom jikkonformaw mal-obbligu ta’ rapportar stabbilit fil-punt (345).

    (149)

    L-għajnuna mogħtija biex tikkumpensa għall-ħsara kkawżata minn tipi oħra ta’ diżastri naturali mhux imsemmija fil-punt (141), u għall-ħsara kkawżata minn avvenimenti straordinarji, trid tiġi nnotifikata separatament lill-Kummissjoni.

    (150)

    Il-kostijiet eliġibbli huma l-kostijiet tal-ħsara mġarrba bħala konsegwenza diretta tad-diżastru naturali jew tal-avveniment straordinarju, kif ivvalutati minn awtorità pubblika, minn espert indipendenti rikonoxxut mill-awtorità awtorizzanti, jew minn impriża tal-assigurazzjoni.

    (151)

    Il-ħsara tista’ tinkludi:

    (a)

    ħsara materjali lill-assi (bħal bini, tagħmir, makkinarju, stokkijiet, u mezzi ta’ produzzjoni); u

    (b)

    telf ta’ dħul minħabba l-qerda sħiħa jew parzjali tal-produzzjoni tas-sajd jew tal-akkwakultura jew tal-mezzi ta’ tali produzzjoni.

    (152)

    Il-ħsara trid tiġi kkalkolata fil-livell tal-benefiċjarju individwali.

    (153)

    Il-kalkolu tal-ħsara materjali jrid ikun ibbażat fuq il-kost tat-tiswija jew fuq il-valur ekonomiku tal-assi affettwat qabel id-diżastru naturali jew l-avveniment straordinarju. Dan ma jridx jaqbeż il-kost tat-tiswija jew it-tnaqqis fil-valur tas-suq ġust ikkawżat mid-diżastru naturali jew mill-avveniment straordinarju, jiġifieri d-differenza bejn il-valur tal-assi eżatt qabel u eżatt wara d-diżastru naturali jew l-avveniment straordinarju.

    (154)

    It-telf tad-dħul irid jiġi kkalkolat billi jitnaqqas:

    (a)

    ir-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-kwantità tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura manifatturati fis-sena tad-diżastru naturali jew tal-avveniment straordinarju, jew f’kull sena ta’ wara affettwata mill-qerda sħiħa jew parzjali tal-mezzi ta’ produzzjoni, bil-prezz medju tal-bejgħ miksub matul dik is-sena,

    mir-

    (b)

    riżultat tal-multiplikazzjoni tal-kwantità annwali medja tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura manifatturati fil-perjodu ta’ tliet snin qabel ma seħħ id-diżastru naturali jew l-avveniment straordinarju jew medja ta’ tliet snin ibbażata fuq il-perjodu ta’ ħames snin ta’ qabel ma seħħ id-diżastru naturali jew l-avveniment straordinarju, minbarra l-ogħla entrata u l-inqas waħda, bil-prezz medju tal-bejgħ miksub.

    (155)

    Dak l-ammont jista’ jiżdied b’kostijiet oħra mġarrba mill-impriża benefiċjarja minħabba d-diżastru naturali jew l-avveniment straordinarju, u jrid jitnaqqas bi kwalunkwe kost mhux imġarrab minħabba d-diżastru naturali jew l-avveniment straordinarju li kieku kien jiġġarrab mill-impriża benefiċjarja.

    (156)

    Il-Kummissjoni tista’ taċċetta metodi oħra għall-kalkolu tal-ħsara dment li tkun sodisfatta li dawk ikunu rappreżentattivi, mhux ibbażati fuq qabdiet jew rendimenti għoljin b’mod anormali u ma jirriżultawx fil-kumpens żejjed ta’ kwalunkwe impriża benefiċjarja.

    (157)

    Meta SME tkun ġiet stabbilita inqas minn tliet snin mid-data tal-okkorrenza tal-avveniment, ir-referenza għall-perjodi ta’ tliet snin jew ta’ ħames snin fil-punt (154)(b) trid tinftiehem bħala li tirreferi għall-kwantità prodotta minn impriża medja tal-istess daqs bħall-applikant, jiġifieri mikrointrapriża jew intrapriża żgħira jew intrapriża medja, rispettivament, fis-settur nazzjonali jew reġjonali affettwat mid-diżastru naturali jew mill-avveniment straordinarju.

    (158)

    L-għajnuna u kwalunkwe pagament ieħor riċevut bħala kumpens għall-ħsara, inklużi pagamenti minn poloz tal-assigurazzjoni, iridu jkunu limitati għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    1.2.   Għajnuna biex tagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat minn eventi klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali

    (159)

    Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-għajnuna mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn eventi klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, jekk tikkonforma mal-prinċipji stabbiliti fil-Parti I, il-Kapitolu 3, u l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (160)

    L-għajnuna maħsuba sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn eventi klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali hija meqjusa bħala għodda xierqa biex tgħin lill-impriżi jikrupraw minn tali ħsara u biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi, mingħajr ma jiġu affettwati b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jkun kontra l-interess komuni, dment li tirrispetta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (161)

    Sal-lum, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, il-Kummissjoni aċċettat li l-maltempati, il-buffuri tar-riħ li jikkawżaw mewġiet eċċezzjonalment għoljin, xita qawwija u persistenti, għargħar, u temperaturi tal-ilma eċċezzjonalment għoljin fuq perjodu itwal jistgħu jikkostitwixxu eventi klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/2473 huwa possibbli li tingħata eżenzjoni ta’ kategorija għat-tipi ta’ kundizzjonijiet ħżiena tat-temp li ġejjin: ġlata, maltempati, silġ, xita qawwija u persistenti u nixfiet severi.

    (162)

    Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta proposti biex tagħti għajnuna sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn eventi klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li tqis il-prattika preċedenti tagħha fil-qasam.

    (163)

    L-għajnuna taħt din it-Taqsima trid tissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-ħsara kkawżata mill-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali trid tammonta għal aktar minn 30 % tal-produzzjoni annwali medja, ikkalkolat fuq il-bażi tat-tliet snin kalendarji preċedenti jew fuq medja ta’ tliet snin ibbażata fuq il-perjodu ta’ ħames snin ta’ qabel l-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali, ħlief l-ogħla u l-anqas entrata;

    (b)

    irid ikun hemm rabta kawżali diretta bejn l-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali u l-ħsara mġarrba mill-impriża;

    (c)

    fil-każ ta’ telf ikkawżat minn eventi klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali u li jistgħu jiġu koperti taħt fondi mutwi ffinanzjati permezz tar-Regolament (UE) 2021/1139, l-Istat Membru jeħtieġlu jiġġustifika għaliex għandu l-ħsieb li jagħti għajnuna minflok ma jitħallas kumpens finanzjarju permezz ta’ tali fondi mutwi.

    (164)

    L-għajnuna trid titħallas direttament lill-impriża kkonċernata jew lil grupp jew organizzazzjoni ta’ produtturi li l-impriża hija membru fihom. Meta l-għajnuna titħallas lil grupp jew organizzazzjoni ta’ produtturi, l-ammont tal-għajnuna ma jridx jaqbeż l-ammont tal-għajnuna li għalih hija eliġibbli l-impriża.

    (165)

    L-iskemi ta’ għajnuna relatati ma’ eventi klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali jridu jiġu stabbiliti fi żmien tliet snin mid-data tal-okkorrenza tal-avveniment. L-għajnuna trid titħallas fi żmien erba’ snin minn dik id-data.

    (166)

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni rapida tal-kriżijiet, il-Kummissjoni se tawtorizza skemi ta’ għajnuna ta’ qafas ex ante biex jikkumpensaw għall-ħsara kkawżata minn eventi klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali, dment li l-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tingħata l-għajnuna jkunu stipulati b’mod ċar. F’tali każijiet, l-Istati Membri jeħtiġilhom jikkonformaw mal-obbligu ta’ rapportar stabbilit fil-punt (345).

    (167)

    L-għajnuna mogħtija biex tikkumpensa għall-ħsara kkawżata minn tipi oħra ta’ eventi klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali mhux imsemmija fil-punt (161) trid tiġi nnotifikata separatament lill-Kummissjoni.

    (168)

    Il-kostijiet eliġibbli huma l-kostijiet tal-ħsara mġarrba bħala konsegwenza diretta tal-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali, kif ivvalutat jew minn awtorità pubblika, jew minn espert indipendenti rikonoxxut mill-awtorità awtorizzanti, jew minn impriża tal-assigurazzjoni.

    (169)

    Il-ħsara tista’ tinkludi:

    (a)

    ħsara materjali lill-assi (bħal bini, bastimenti, tagħmir, makkinarju, stokkijiet, u mezzi ta’ produzzjoni); u

    (b)

    telf ta’ dħul minħabba l-qerda sħiħa jew parzjali tal-produzzjoni tas-sajd jew tal-akkwakultura jew tal-mezzi ta’ tali produzzjoni.

    (170)

    Il-ħsara trid tiġi kkalkolata fil-livell tal-benefiċjarju individwali.

    (171)

    Fil-każ ta’ ħsara materjali lill-assi, il-ħsara trid tkun irriżultat f’telf ta’ aktar minn 30 % tal-produzzjoni annwali medja, ikkalkulat abbażi tat-tliet snin kalendarji preċedenti jew medja ta’ tliet snin fuq il-bażi tal-perjodu ta’ ħames snin qabel l-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali, minbarra l-ogħla entrata u l-inqas waħda.

    (172)

    Il-kalkolu tal-ħsara materjali trid tkun ibbażata fuq il-kost tat-tiswija jew il-valur ekonomiku tal-assi affettwat qabel l-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali. Dan ma jistax jaqbeż il-kost tat-tiswija jew it-tnaqqis fil-valur ġust tas-suq ikkawżat mill-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali, jiġifieri d-differenza bejn il-valur tal-assi eżatt qabel u eżatt wara l-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali.

    (173)

    It-telf tad-dħul irid jiġi kkalkolat billi jitnaqqas:

    (a)

    ir-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-kwantità tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura manifatturati fis-sena tal-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali, jew f’kull sena sussegwenti affettwata mill-qerda totali jew parzjali tal-mezzi ta’ produzzjoni, bil-prezz medju tal-bejgħ miksub matul dik is-sena,

    mir-

    (b)

    ir-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-kwantità annwali medja ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura prodotti fil-perjodu ta’ tliet snin qabel ma jkun seħħ l-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali, jew medja ta’ tliet snin ibbażata fuq il-perjodu tal-ħames snin qabel ma jkun seħħ l-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali, eskluża l-ogħla entrata u dik l-aktar baxxa bil-prezz medju tal-bejgħ miksub.

    (174)

    Dak l-ammont jista’ jiżdied b’kostijiet oħra mġarrba mill-benefiċjarju minħabba l-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali, u jrid jitnaqqas bi kwalunkwe kost mhux imġarrab minħabba l-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali, li kieku kien jiġġarrab mill-impriża benefiċjarja.

    (175)

    Il-Kummissjoni tista’ taċċetta metodi oħra għall-kalkolu tal-ħsara dment li tkun sodisfatta li dawk ikunu rappreżentattivi, mhux ibbażati fuq qabdiet jew rendimenti għoljin b’mod anormali u ma jirriżultawx fil-kumpens żejjed ta’ kwalunkwe impriża benefiċjarja.

    (176)

    Meta SME tkun ġiet stabbilita inqas minn tliet snin mid-data tal-okkorrenza tal-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali, ir-referenza għall-perjodi ta’ tliet snin jew ta’ ħames snin fil-punti (163)(a), (171) u (173)(b) trid tinftiehem bħala li tirreferi għall-fatturat iġġenerat jew għall-kwantità prodotta minn impriża medja tal-istess daqs bħall-applikant, jiġifieri mikrointrapriża jew intrapriża żgħira jew intrapriża medja, rispettivament, fis-settur nazzjonali jew reġjonali affettwat mill-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali.

    (177)

    L-għajnuna u kwalunkwe pagament ieħor riċevut bħala kumpens għall-ħsara, inklużi pagamenti minn poloz tal-assigurazzjoni, iridu jkunu limitati għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    1.3.   Għajnuna għall-kostijiet tal-prevenzjoni, tal-kontroll u tal-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali fl-akkwakultura u ta’ infestazzjoni minn speċijiet aljeni invażivi, u l-għajnuna sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn dak il-mard tal-annimali u dawk l-infestazzjonijiet

    (178)

    Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-għajnuna għall-kostijiet tal-prevenzjoni, tal-kontroll u tal-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali fl-akkwakultura u tal-infestazzjonijiet minn speċijiet aljeni invażivi, u l-għajnuna sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn dak il-mard tal-annimali u dawk l-infestazzjonijiet, kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, jekk jikkonformaw mal-Parti I, il-Kapitolu 3, u l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (179)

    L-għajnuna għall-kostijiet tal-prevenzjoni, tal-kontroll u tal-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali fl-akkwakultura u tal-infestazzjoni minn speċijiet aljeni invażivi, u l-għajnuna sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn dak il-mard tal-annimali u dawk l-infestazzjonijiet, huma meqjusa bħala għodda xierqa biex jgħinu lill-impriżi jindirizzaw ir-riskji maħluqa minn dak it-theddid u jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi, mingħajr ma jaffettwaw b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jkun kontra l-interess komuni, dment li jirrispettaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (180)

    L-għajnuna taħt din it-Taqsima tista’ tingħata biss:

    (a)

    fir-rigward ta ' mard tal-annimali u infestayyjonijiet minn speċijiet aljeni invażivi li dwarhom jeżistu regoli tal-Unjoni jew nazzjonali, kemm jekk stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew azzjoni amministrattiva; u

    (b)

    bħala parti minn:

    (i)

    programm pubbliku fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali jew reġjonali għall-prevenzjoni, il-kontroll jew l-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali; jew

    (ii)

    miżuri ta’ emerġenza imposti mill-awtorità nazzjonali kompetenti; jew

    (iii)

    miżuri għall-qerda jew għall-konteniment ta’ speċijiet aljeni invażivi implimentati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1143/2014;

    (181)

    Il-programmi u l-miżuri msemmija fil-punt (180)(b) iridu jinkludu deskrizzjoni tal-miżuri ta’ prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni kkonċernati.

    (182)

    L-għajnuna ma tridx tkun relatata ma’ miżuri li fir-rigward tagħhom il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tistipula li l-kost ta’ miżuri bħal dawn għandu jitħallas mill-impriża benefiċjarja, sakemm il-kost ta’ miżuri tal-għajnuna bħal dawn ma jiġix paċut kompletament minn imposti obbligatorji fuq l-impriża benefiċjarja.

    (183)

    L-għajnuna trid titħallas direttament lill-impriża kkonċernata jew lil grupp jew organizzazzjoni ta’ produtturi li l-impriża hija membru fihom. Meta l-għajnuna titħallas lil grupp jew organizzazzjoni ta’ produtturi, l-ammont tal-għajnuna ma jridx jaqbeż l-ammont tal-għajnuna li għalih hija eliġibbli l-impriża.

    (184)

    L-ebda għajnuna individwali ma għandha tingħata fejn jiġi stabbilit li l-mard tal-annimali jew l-infestazzjoni minn speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta’ tħassib ikun ġew ikkawżati intenzjonalment jew minħabba n-negliġenza tal-impriża benefiċjarja.

    (185)

    Fir-rigward tal-mard tal-annimali, l-għajnuna tista’ tingħata fir-rigward ta’:

    (a)

    il-mard tal-annimali akkwatiċi elenkat fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (59), jew inkluż fil-lista ta’ mard tal-annimali tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Akkwatiċi tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (60);

    (b)

    iż-żoonożi tal-annimali akkwatiċi elenkati fil-punt 2 tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (61);

    (c)

    mard emerġenti, li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2016/429;

    (d)

    mard għajr marda elenkata msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 226 ta’ dak ir-Regolament.

    (186)

    L-iskemi ta’ għajnuna jridu jiġu stabbiliti fi żmien tliet snin mid-data tal-okkorrenza tal-ispejjeż jew tad-dannu kkawżat mill-mard tal-annimali jew mill-infestazzjoni minn speċijiet aljeni invażivi. L-għajnuna trid titħallas fi żmien erba’ snin minn dik id-data. Dawn il-kundizzjonijiet ma japplikawx għall-kostijiet imġarrba għal finijiet preventivi kif indikat fil-punt (188).

    (187)

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni rapida tal-kriżijiet, il-Kummissjoni se tawtorizza skemi qafas ex ante, dment li l-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tingħata l-għajnuna jkunu stipulati b’mod ċar. F’tali każijiet, l-Istati Membri jeħtiġilhom jikkonformaw mal-obbligu ta’ rapportar stabbilit fil-punt (345).

    (188)

    L-għajnuna tista’ tkopri l-kostijiet eliġibbli li ġejjin, inkluż għal finijiet preventivi:

    (a)

    il-kontrolli tas-saħħa, l-analiżijiet, it-testijiet, u miżuri oħra ta’ skrinjar;

    (b)

    it-titjib ta’ miżuri ta’ bijosigurtà;

    (c)

    ix-xiri, il-ħżin, l-amministrazzjoni jew id-distribuzzjoni ta’ vaċċini, mediċini, u sustanzi għat-trattamenti tal-annimali;

    (d)

    ix-xiri, il-ħżin, l-iskjerament u d-distribuzzjoni ta’ prodotti jew tagħmir ta’ protezzjoni biex jiġu indirizzati infestazzjonijiet minn speċijiet aljeni invażivi;

    (e)

    l-iskarnar, il-qtil, u l-qerda tal-annimali;

    (f)

    il-qerda ta’ prodotti tal-annimali u ta’ prodotti marbuta magħhom;

    (g)

    it-tindif, id-diżinfezzjoni jew id-diżinfezzjoni tal-azjenda jew tat-tagħmir;

    (h)

    il-ħsara mġarrba minħabba l-iskarnar, il-qtil jew il-qerda ta’ annimali, ta’ prodotti tal-annimali, u ta’ prodotti marbuta magħhom.

    (189)

    L-għajnuna fir-rigward tal-kostijiet eliġibbli msemmija fil-punt (188)(a)trid tingħata in natura u trid titħallas lill-fornitur tal-kontrolli tas-saħħa, l-analiżijiet, it-testijiet, u miżuri oħra ta’ skrinjar, sakemm il-benefiċjarji ma jkollhomx diġà kapaċitajiet interni xierqa għal dawk il-finijiet.

    (190)

    Fil-każ ta’ għajnuna mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata mill-mard tal-annimali jew mill-infestazzjoni minn speċijiet aljeni invażivi msemmija fil-punt (188)(h), il-kumpens irid jiġi kkalkolat biss fir-rigward ta’ dan li ġej:

    (a)

    il-valur tas-suq tal-annimali skarnati jew maqtula, jew li jkunu mietu, jew tal-prodotti meqruda:

    (i)

    bħala riżultati tal-marda tal-annimali jew l-infestazzjoni minn speċijiet aljeni invażivi; jew

    (ii)

    bħala parti minn programm jew minn miżura pubblika msemmija fil-punt (180)(b).

    (b)

    telf mid-dħul minħabba l-obbligi tal-kwarantina u d-diffikultajiet ta’ ripopolazzjoni.

    (191)

    Il-valur tas-suq imsemmi fil-punt (190)(a) irid jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-valur tal-annimali immedjatament qabel ma jkun hemm kwalunkwe suspett tal-marda tal-annimali jew tal-infestazzjoni minn speċijiet aljeni invażivi, jew meta dan ikun ikkonfermat, u daqslikieku ma kinux ġew affettwati mill-marda jew mill-infestazzjoni.

    (192)

    Dak l-ammont irid jitnaqqas bi kwalunkwe kost mhux imġarrab direttament minħabba l-marda tal-annimali jew l-infestazzjoni minn speċijiet aljeni invażivi li kieku kien jiġġarrab mill-impriża benefiċjarja, u bi kwalunkwe dħul magħmul mill-bejgħ ta’ prodotti marbuta mal-annimali skarnati, maqtula jew meqruda għal finijiet preventivi jew ta’ eradikazzjoni.

    (193)

    F’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, il-Kummissjoni tista’ taċċetta kostijiet oħra mġarrba minħabba mard tal-annimali fl-akkwakultura jew infestazzjoni minn speċijiet aljeni invażivi.

    (194)

    L-għajnuna u kwalunkwe pagament ieħor riċevut mill-impriża benefiċjarja, inklużi pagamenti taħt miżuri oħra nazzjonali jew tal-Unjoni jew poloz tal-assigurazzjoni jew fondi mutwi għall-istess kostijiet eliġibbli, iridu jkunu limitati għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    1.4.   Għajnuna mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn annimali protetti

    (195)

    Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-għajnuna mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn annimali protetti kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, jekk tikkonforma mal-prinċipji stabbiliti fil-Parti I, il-Kapitolu 3, u l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (196)

    L-għajnuna mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn annimali protetti titqies bħala għodda xierqa biex tgħin lill-impriżi jindirizzaw ir-riskji maħluqa minn speċijiet protetti mid-dritt tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali u biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi, jew ta’ ċerti oqsma ekonomiċi, mingħajr ma taffettwa b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jkun kontra l-interess komuni, dment li tirrispetta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (197)

    L-għajnuna taħt din it-Taqsima tista’ tingħata biss jekk:

    (a)

    ikun hemm rabta kawżali diretta bejn il-ħsara mġarrba u l-imġiba tal-annimali protetti;

    (b)

    il-kostijiet eliġibbli huma l-kostijiet tal-ħsara mġarrba bħala konsegwenza diretta tal-imġiba ta’ annimali protetti, kif jiġi vvalutat jew minn awtorità pubblika, minn espert indipendenti rikonoxxut mill-awtorità awtorizzanti jew minn impriża tal-assigurazzjoni. u u

    (c)

    fis-settur tas-sajd, l-għajnuna tikkonċerna biss il-ħsara lill-qabdiet, irrispettivament minn kwalunkwe impatt tal-annimali protetti fuq il-popolazzjoni selvaġġa ġenerali.

    (198)

    L-għajnuna trid titħallas direttament lill-impriża kkonċernata jew lil grupp jew organizzazzjoni ta’ produtturi li l-impriża hija membru fihom. Meta l-għajnuna titħallas lil grupp jew organizzazzjoni ta’ produtturi, l-ammont tal-għajnuna ma jridx jaqbeż l-ammont tal-għajnuna li għalih hija eliġibbli l-impriża.

    (199)

    L-iskemi ta’ għajnuna relatati mal-ħsara kkawżata minn annimali protetti jridu jiġu stabbiliti fi żmien tliet snin mid-data tal-okkorrenza tad-dannu. L-għajnuna trid titħallas fi żmien erba’ snin minn dik id-data.

    (200)

    Il-kostijiet eliġibbli jistgħu jinkludu:

    (a)

    il-valur tas-suq tal-annimali li ġarrbu ħsara jew li nqatlu mill-annimali protetti;

    (b)

    il-ħsara materjali għall-assi li ġejjin: tagħmir, makkinarju u proprjetà.

    (201)

    Il-valur tas-suq imsemmi fil-punt (200)(a) irid jiġi stabbilit abbażi tal-valur tal-annimali immedjatament qabel id-dannu li jkun seħħ, u daqslikieku ma kinux ġew affettwati mill-imġiba tal-annimali protetti.

    (202)

    Il-kalkolu tal-ħsara materjali irid ikun ibbażat fuq il-kost tat-tiswijiet jew il-valur ekonomiku tal-assi affettwati qabel ma seħħet il-ħsara. Dan ma jistax jaqbeż il-kost tat-tiswija jew it-tnaqqis fil-valur tas-suq ġust ikkawżat mill-imġiba tal-annimali protetti, jiġifieri d-differenza bejn il-valur tal-assi immedjatament qabel u immedjatament wara d-dannu li jkun seħħ.

    (203)

    Dak l-ammont jista’ jiżdied b’kostijiet oħra mġarrba mill-impriża benefiċjarja minħabba l-imġiba tal-annimali protetti, u fi kwalunkwe każ jrid jitnaqqas bi kwalunkwe kost li ma jkunx iġġarrab direttament minħabba l-imġiba tal-annimali protetti li kieku kienu jiġġarrab mill-impriża benefiċjarja, u bi kwalunkwe dħul magħmul mill-bejgħ ta’ prodotti marbuta mal-annimali li ġarrbu ħsara jew li nqatlu.

    (204)

    Il-Kummissjoni tista’ taċċetta metodi oħra għall-kalkolu tal-ħsara dment li tkun sodisfatta li dawk ikunu rappreżentattivi, mhux ibbażati fuq qabdiet jew rendimenti għoljin b’mod anormali u ma jirriżultawx fil-kumpens żejjed ta’ kwalunkwe impriża benefiċjarja.

    (205)

    Ħlief għall-ewwel attakki minn annimali protetti, huwa meħtieġ sforz raġonevoli mill-impriżi benefiċjarji biex jiġi mmitigat ir-riskju ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u biex jiġi pprovdut inċentiv ħalli jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ ħsara. Dan l-isforz irid jieħu l-forma ta’ miżuri preventivi, bħal ċnut tas-sikurezza, li huma proporzjonati għar-riskju ta’ ħsara kkawżata minn annimali protetti fiż-żona kkonċernata, ħlief jekk tali miżuri ma jkunux raġonevolment possibbli.

    (206)

    L-għajnuna u kwalunkwe pagament ieħor riċevut bħala kumpens għall-ħsara, inklużi pagamenti minn poloz tal-assigurazzjoni, iridu jkunu limitati għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    1.5.   Għajnuna għal investimenti għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-ħsara kkawżata minn avvenimenti ta’ riskju

    (207)

    Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-għajnuna għall-investimenti għall-prevenzjoni u t-taffija tad-dannu kkawżat minn avvenimenti ta’ riskju kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, jekk tikkonforma mal-prinċipji stabbiliti fil-Parti I, il-Kapitolu 3, u l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (208)

    L-għajnuna għall-investimenti għall-prevenzjoni u t-taffija tad-dannu kkawżat minn avvenimenti ta’ riskju titqies bħala għodda xierqa biex tgħin lill-impriżi jnaqqsu r-riskji li jġarrbu tali dannu, jew l-ammont tiegħu, u tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi, jew ta’ ċerti oqsma ekonomiċi, mingħajr ma taffettwa b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jkun kontra l-interess komuni, dment li tirrispetta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (209)

    L-investiment irid primarjament ikollu l-għan li jipprevjeni u jtaffi d-dannu kkawżat minn avvenimenti ta’ riskju. Fir-rigward tal-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-ħsara kkawżata minn annimali protetti fis-settur tas-sajd, l-investiment irid ikollu l-għan li jipprevjeni u jtaffi d-depredazzjoni jew il-ħsara lill-irkaptu tas-sajd jew lil tagħmir ieħor.

    (210)

    Għal investimenti li jirrikjedu valutazzjoni tal-impatt ambjentali skont id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (62), l-għajnuna trid tkun soġġetta għall-kundizzjoni li tkun saret tali valutazzjoni u li jkun ingħata l-permess għall-iżvilupp għall-proġett ta’ investiment ikkonċernat qabel id-data tal-għoti tal-għajnuna individwali.

    (211)

    L-għajnuna trid tkopri l-kostijiet eliġibbli li huma diretti u speċifiċi għall-miżuri preventivi. Il-kostijiet eliġibbli jistgħu jinkludu:

    (a)

    il-kostruzzjoni, l-akkwist, inkluż il-kiri, jew it-titjib ta’ proprjetà immobbli; u

    (b)

    ix-xiri jew il-kiri b’opzjoni ta’ xiri ta’ makkinarju u tagħmir sal-valur tas-suq tal-assi.

    (212)

    L-intensità massima tal-għajnuna trid tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    Kapitolu 2

    2.   GĦAJNUNA FIR-REĠJUNI ULTRAPERIFERIĊI

    (213)

    Ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni jiffaċċjaw restrizzjonijiet permanenti għall-iżvilupp tagħhom, rikonoxxuti fl-Artikolu 349 tat-TFUE, li jippermettu lill-Unjoni tadotta miżuri speċifiċi biex tappoġġa r-reġjuni ultraperiferiċi, inkluża l-applikazzjoni mfassla apposta tad-dritt tal-Unjoni f’dawk ir-reġjuni u l-aċċess għall-programmi tal-Unjoni. Filwaqt li tqis il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Inpoġġu lin-nies l-ewwel, niżguraw tkabbir sostenibbli u inklużiv, filwaqt li nisfruttaw il-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE” (63), il-Kummissjoni se tivvaluta l-għajnuna f’dawk ir-reġjuni abbażi tal-prinċipji stabbiliti fil-Parti I, il-Kapitolu 3, ta’ dawn il-Linji Gwida u l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’din it-Taqsima.

    2.1.   Għajnuna operatorja fir-reġjuni ultraperiferiċi

    (214)

    L-għajnuna operatorja fir-reġjuni ultraperiferiċi hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE, jekk tikkonforma mal-prinċipji stabbiliti fil-Parti I, il-Kapitolu 3, il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima u d-dispożizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għal dawk ir-reġjuni.

    (215)

    Din it-Taqsima tapplika għall-għajnuna operatorja fir-reġjuni ultraperiferiċi msemmija fl-Artikolu 349 tat-TFUE li, skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament (UE) 2021/1139, għandha l-għan li ttaffi r-restrizzjonijiet speċifiċi f’dawk ir-reġjuni bħala riżultat tal-bogħod, l-insularità, id-daqs żgħir, it-topografija diffiċli u l-klima tagħhom, id-dipendenza ekonomika fuq ftit prodotti, li l-permanenza u l-kombinazzjoni tagħhom jirrestrinġu b’mod sever l-iżvilupp tagħhom. Fl-applikazzjoni ta’ din it-Taqsima, il-Kummissjoni tqis il-koerenza tal-għajnuna operatorja mal-miżuri taħt il-FEMSA għar-reġjun ikkonċernat, jekk applikabbli, u l-effetti tagħha fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ kemm fir-reġjuni kkonċernati kif ukoll f’partijiet oħra tal-Unjoni.

    (216)

    L-għajnuna taħt din it-Taqsima ma tridx tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jittaffew ir-restrizzjonijiet speċifiċi fir-reġjuni ultraperiferiċi bħala riżultat tal-iżolament, l-insularità u l-bogħod estrem tagħhom.

    (217)

    Il-kostijiet eliġibbli li jirriżultaw minn dawk ir-restrizzjonijiet speċifiċi jridu jiġu kkalkolati f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1972 (64).

    (218)

    Sabiex jiġi evitat il-kumpens żejjed, l-Istat Membru kkonċernat jeħtieġlu jqis tipi oħra ta’ intervent pubbliku, inkluż, jekk applikabbli, il-kumpens tal-kostijiet addizzjonali mġarrba mill-operaturi fis-sajd, fil-biedja, fl-ipproċessar u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura mir-reġjuni ultraperiferiċi mħallsa skont l-Artikoli 24 u 35 sa 37 tar-Regolament (UE) 2021/1139.

    (219)

    L-għajnuna, u kwalunkwe pagament ieħor riċevut mill-impriża benefiċjarja għall-istess kostijiet eliġibbli, iridu jkunu limitati għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    2.2.   Għajnuna għat-tiġdid tal-flotta tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi

    (220)

    Il-Kummissjoni se tikkunsidra għajnuna għat-tiġdid tal-flotta tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE, jekk tikkonforma mal-prinċipji stabbiliti fil-Parti I, il-Kapitolu 3, u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (221)

    Din it-Taqsima tapplika għall-għajnuna għat-tiġdid tal-flotta tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi msemmija fl-Artikolu 349 tat-TFUE li għandha l-għan li tappoġġa l-kostijiet relatati mal-akkwist ta’ bastiment tas-sajd ġdid li se jiġi rreġistrat f’reġjun ultraperiferiku.

    (222)

    L-għajnuna taħt din it-Taqsima tista’ tingħata biss jekk:

    (a)

    il-bastiment tas-sajd il-ġdid jikkonforma mar-regoli tal-Unjoni u dawk nazzjonali dwar l-iġjene, is-saħħa, is-sikurezza u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd u l-karatteristiċi tal-bastimenti tas-sajd; u

    (b)

    fid-data tal-applikazzjoni għall-għajnuna, l-impriża benefiċjarja għandha l-post prinċipali tar-reġistrazzjoni tagħha fir-reġjun ultraperiferiku fejn se jiġi rreġistrat il-bastiment il-ġdid.

    (223)

    Fid-data tal-għoti tal-għajnuna, ir-rapport imħejji f’konformità mal-Artikolu 22(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 qabel dik id-data jrid juri li hemm bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd fis-segment tal-flotta tar-reġjun ultraperiferiku li għalih jappartjeni l-bastiment il-ġdid (ir-“rapport nazzjonali”).

    (224)

    Ma tista’ tingħata l-ebda għajnuna jekk ir-rapport nazzjonali, u b’mod partikolari l-valutazzjoni tal-bilanċ li jinsab fih, ma jkunx tħejja abbażi tal-indikaturi bijoloġiċi, ekonomiċi u tal-użu tal-bastimenti stabbiliti fil-linji gwida komuni (65) msemmija fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    (225)

    Għalhekk, il-kundizzjonijiet li ġejjin iridu jiġu ssodisfati taħt din it-Taqsima biex tingħata l-għajnuna kollha:

    (a)

    l-Istat Membru kkonċernat irid ikun ippreżenta lill-Kummissjoni r-rapport nazzjonali sal-31 ta’ Mejju tas-sena N;

    (b)

    ir-rapport nazzjonali jrid juri li hemm bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd fis-segment tal-flotta li għalih jappartjeni l-bastiment il-ġdid; u

    (c)

    l-konklużjoni tar-rapport nazzjonali tas-sena N, u b’mod partikolari l-valutazzjoni tal-bilanċ li jinsab fih, ma tridx tkun ġiet iddubitata mill-Kummissjoni.

    (226)

    Għall-finijiet tal-punt (225)(c), il-valutazzjoni tal-bilanċ li tinsab fir-rapport nazzjonali titqies li ġiet ikkontestata, jekk il-Kummissjoni tibgħat ittra f’dak is-sens lill-Istat Membru kkonċernat, abbażi tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 sal-31 ta’ Marzu tas-sena N+1. Jekk l-ebda ittra bħal din ma tinħareġ b’dak it-terminu, jew l-ittra ma tikkontestax il-valutazzjoni tal-bilanċ li tinsab fir-rapport nazzjonali, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jipproċedi bl-għoti tal-għajnuna.

    (227)

    L-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħti għajnuna abbażi tar-rapport nazzjonali tas-sena N biss sal-31 ta’ Diċembru tas-sena N+1.

    (228)

    Il-limiti massimi tal-kapaċità tas-sajd ta’ kull Stat Membru u ta’ kull segment tal-flotta tar-reġjuni ultraperiferiċi stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, filwaqt li jitqies kwalunkwe tnaqqis possibbli ta’ dawk il-limiti massimi skont l-Artikolu 22(6) ta’ dak ir-Regolament, qatt ma jridu jinqabżu. Id-dħul fil-flotta ta’ kapaċità ġdida akkwistata bl-għajnuna jrid jitwettaq b’rispett sħiħ ta’ dawn il-limiti massimi ta’ kapaċità u ma jridx iwassal għal sitwazzjoni li fiha jinqabżu dawn il-limiti massimi.

    (229)

    L-għajnuna ma tridx tkun kundizzjonali fuq l-akkwist tal-bastiment il-ġdid minn tarzna speċifika.

    (230)

    L-intensità massima tal-għajnuna ma tridx tkun aktar minn 60 % tal-kostijiet eliġibbli totali fil-każ ta’ bastimenti b’tul totali ta’ anqas minn 12-il metru, ma tridx tkun aktar minn 50 % tal-kostijiet eliġibbli totali fil-każ ta’ bastimenti b’tul totali ta’ 12-il metru jew aktar u anqas minn 24 metru, u ma tridx tkun aktar minn 25 % tal-kostijiet eliġibbli totali fil-każ ta’ bastimenti b’tul totali ta’ 24 metru u aktar.

    (231)

    Il-bastiment miksub bl-għajnuna jrid jibqa’ rreġistrat fir-reġjun ultraperiferiku għal mill-inqas 15-il sena mid-data tal-għoti tal-għajnuna u jrid matul dak iż-żmien iħott l-art il-qabdiet kollha tiegħu f’reġjun ultraperiferiku. Jekk dik il-kundizzjoni ma tiġix issodisfata, l-għajnuna trid tiġi rimborżata f’ammont li jkun proporzjonat għall-perjodu jew għall-firxa tan-nuqqas ta’ konformità.

    2.3.   Għajnuna mogħtija għal investimenti f’tagħmir li jikkontribwixxi għaż-żieda fis-sikurezza, inkluż tagħmir li jippermetti lill-bastimenti jestendu ż-żoni tas-sajd tagħhom għas-sajd kostali fuq skala żgħira fir-reġjuni ultraperiferiċi

    (232)

    Il-Kummissjoni se tikkunsidra għajnuna għal investimenti f’tagħmir li jikkontribwixxi għaż-żieda fis-sikurezza, inkluż tagħmir li jippermetti lill-bastimenti tas-sajd jestendu ż-żoni tas-sajd tagħhom għas-sajd kostali fuq skala żgħira fir-reġjuni ultraperiferiċi kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE, jekk tikkonforma mal-prinċipji stabbiliti fil-Parti I, il-Kapitolu 3, u l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (233)

    L-għajnuna taħt din it-Taqsima għandha tikkontribwixxi għat-tisħiħ ta’ attivitajiet tas-sajd ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli u għat-titjib tal-kundizzjonijiet tas-sikurezza u tax-xogħol abbord, li jippermettu lill-bastimenti tas-sajd jestendu ż-żoni tas-sajd tagħhom sa 20 mil mill-kosta għal sajd kostali fuq skala żgħira.

    (234)

    B’deroga mill-punt (47), l-għajnuna taħt din it-Taqsima tista’ tingħata biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti obbligatorji tal-Unjoni jew nazzjonali.

    (235)

    L-għajnuna għal investimenti li jinvolvu s-sostituzzjoni jew il-modernizzazzjoni ta’ magna ewlenija jew anċillari ta’ bastiment tas-sajd tista’ tkun eliġibbli biss skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1139 jew skont il-Parti II, il-Kapitolu 3, it-Taqsima 3.2, ta’ dawn il-Linji Gwida.

    (236)

    L-għajnuna għall-investimenti li jwasslu għal żieda fit-tunnellaġġ gross ta’ bastiment tas-sajd tista’ tkun eliġibbli biss skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/1139 jew skont il-Parti II, il-Kapitolu 3, it-Taqsima 3.3, ta’ dawn il-Linji Gwida.

    (237)

    L-intensità massima tal-għajnuna trid tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    Kapitolu 3

    3.   GĦAJNUNA MOGĦTIJA GĦALL-MIŻURI TAL-FLOTTA U L-WAQFIEN TAL-ATTIVITAJIET TAS-SAJD

    (238)

    Bil-għan li jissaħħu l-attivitajiet tas-sajd ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli, huwa xieraq li f’dawn il-Linji Gwida jiġu inklużi ċerti miżuri ffinanzjati fil-livell nazzjonali fir-rigward tal-investimenti fil-bastimenti tas-sajd u l-waqfien tal-attivitajiet tas-sajd.

    (239)

    Sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u l-koerenza bejn il-politika tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u l-PKS, il-kundizzjonijiet applikabbli għal dawn il-miżuri ffinanzjati purament minn riżorsi nazzjonali jridu jirriflettu r-rekwiżiti stabbiliti fl-ambitu tal-FEMSA għal miżuri kofinanzjati ekwivalenti tal-UE, jiġifieri l-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 17 sa 21 tar-Regolament (UE) 2021/1139, dment li ma jkunx previst mod ieħor f’din it-Taqsima.

    (240)

    L-għajnuna skont dan il-Kapitolu tista’ tingħata wkoll għas-sajd fl-ilmijiet interni skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fit-Taqsimiet 3.1 sa 3.6.

    (241)

    Meta tingħata għajnuna skont dan il-Kapitolu fir-rigward ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni, dak il-bastiment ma għandux jiġi ttrasferit jew ikollu l-bandiera mibdula barra l-Unjoni matul mill-inqas il-ħames snin mill-pagament finali tal-għajnuna.

    3.1.   L-ewwel akkwist ta’ bastiment tas-sajd

    (242)

    Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-għajnuna mogħtija għall-ewwel akkwist ta’ bastiment tas-sajd kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(ċ) tat-TFUE, jekk tikkonforma mal-prinċipji stabbiliti fil-Parti I, il-Kapitolu 3 u l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (243)

    L-għajnuna għall-ewwel akkwist ta’ bastiment tas-sajd tista’ tikkostitwixxi għodda xierqa biex takkumpanja sajjieda ġodda fis-settur u tħeġġeġ it-tiġdid ġenerazzjonali. Għal din ir-raġuni, l-għajnuna għall-ewwel akkwist ta’ bastiment tas-sajd tista’, f’ċerti każijiet, tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti żoni ekonomiċi, mingħajr ma taffettwa b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jkun kontra l-interess komuni, dment li tirrispetta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (244)

    L-għajnuna taħt din it-Taqsima tista’ tingħata biss lil:

    (a)

    persuna fiżika li ma jkollhiex aktar minn 40 sena fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna u li tkun ħadmet mill-inqas ħames snin bħala sajjied jew tkun kisbet kwalifika adegwata;

    (b)

    entitajiet ġuridiċi kompletament proprjetà ta’ persuna fiżika waħda jew aktar li kull waħda minnhom tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a);

    (c)

    fil-każ tal-ewwel akkwist konġunt ta’ bastiment tas-sajd, diversi persuni fiżiċi li kull waħda minnhom tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a);

    (d)

    fil-każ ta’ akkwist ta’ sjieda parzjali ta’ bastiment tas-sajd, persuna fiżika li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) u li titqies li għandha drittijiet ta’ kontroll fuq dak il-bastiment permezz tas-sjieda ta’ mill-inqas 33 % tal-bastiment jew tal-ishma fil-bastiment jew minn entità ġuridika li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (b) u li titqies li għandha drittijiet ta’ kontroll fuq dak il-bastiment permezz tas-sjieda ta’ mill-inqas 33 % tal-bastiment jew tal-ishma fil-bastiment.

    (245)

    L-għajnuna taħt din it-Taqsima tista’ tingħata biss fir-rigward ta’ bastiment tas-sajd li jikkonforma mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

    (a)

    jappartjeni għal segment tal-flotta li fir-rigward tiegħu l-aħħar rapport dwar il-kapaċità tas-sajd, imsemmi fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament(UE) Nru 1380/2013, ikun wera bilanċ mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għal dak is-segment;

    (b)

    ikun mgħammar għall-attivitajiet tas-sajd;

    (c)

    ma jaqbiżx l-24 metru f'tul totali;

    (d)

    ikun ġie rreġistrat fir-reġistru tal-flotta tal-Unjoni għal mill-inqas tliet snin kalendarji qabel is-sena tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna fil-każ ta’ bastiment tas-sajd kostali fuq skala żgħira, u għal mill-inqas ħames snin kalendarji fil-każ ta’ tip ieħor ta’ bastiment; u

    (e)

    ikun ġie rreġistrat fir-reġistru tal-flotta tal-Unjoni għal massimu ta’ 30 sena kalendarja ta’ qabel is-sena ta’ sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna.

    (246)

    Il-proċedura u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (225) sa (227) tal-Parti II, il-Kapitolu 2, it-Taqsima 2.2japplikaw għall-fini tal-punt (245)(a)

    (247)

    Fir-rigward tas-sajd fl-ilmijiet interni, il-punt (245)(a) ma japplikax u l-punt (245)(d) u (e) jenħtieġ li jinftiehem bħala li jirreferi għad-data tad-dħul fis-servizz, f’konformità mal-liġi nazzjonali, minflok id-data tar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-flotta tal-Unjoni.

    (248)

    Il-kostijiet eliġibbli jistgħu jinkludu l-kostijiet diretti u indiretti relatati mal-ewwel akkwist ta’ bastiment tas-sajd.

    (249)

    L-intensità massima tal-għajnuna trid tkun limitata għal 40 % tal-kostijiet eliġibbli.

    3.2.   Is-sostituzzjoni jew il-modernizzazzjoni ta’ magna prinċipali jew anċillari

    (250)

    Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-għajnuna mogħtija għas-sostituzzjoni jew għall-modernizzazzjoni ta’ magna prinċipali jew anċillari kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, jekk tikkonforma mal-prinċipji stabbiliti fil-Parti I, il-Kapitolu 3 u l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (251)

    L-għajnuna għas-sostituzzjoni jew għall-modernizzazzjoni ta’ magna prinċipali jew anċillari tista’ tikkostitwixxi għodda xierqa biex tħeġġeġ lill-impriżi, fost affarijiet oħra, iżidu l-effiċjenza fl-enerġija u jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2. Għal din ir-raġuni, l-għajnuna għas-sostituzzjoni jew għall-modernizzazzjoni ta’ magna prinċipali jew anċillari tista’, f’ċerti każijiet, tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti żoni ekonomiċi, mingħajr ma taffettwa b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jkun kontra l-interess komuni, dment li tirrispetta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (252)

    L-għajnuna taħt din it-Taqsima tista’ tingħata biss għas-sostituzzjoni jew għall-modernizzazzjoni ta’ magna prinċipali jew anċillari ta’ bastiment tas-sajd b’tul totali ta’ mhux aktar minn 24 metru.

    (253)

    L-għajnuna taħt din it-Taqsima trid tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    il-bastiment jappartjeni għal segment tal-flotta li fir-rigward tiegħu l-aħħar rapport dwar il-kapaċità tas-sajd, imsemmi fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament(UE) Nru 1380/2013, ikun wera bilanċ mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għal dik it-taqsima;

    (b)

    il-bastiment ikun ġie rreġistrat fir-reġistru tal-flotta tal-Unjoni għal mill-inqas ħames snin kalendarji ta’ qabel is-sena ta’ sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna;

    (c)

    għall-bastimenti tas-sajd kostali fuq skala żgħira u għall-bastimenti użati għas-sajd fl-ilmijiet interni, il-magna l-ġdida jew modernizzata ma jkollhiex iktar saħħa f’kW minn dik tal-magna attwali;

    (d)

    għal bastimenti oħrajn b’tul totali ta’ mhux aktar minn 24 metru, il-magna l-ġdida jew modernizzata ma jkollhiex iktar saħħa f’kW minn dik tal-magna attwali u tarmi mill-inqas 20 % inqas CO2 meta mqabbel mal-magna attwali;

    (e)

    il-kapaċità tas-sajd irtirata minħabba s-sostituzzjoni jew il-modernizzazzjoni ta’ magna prinċipali jew anċillari ma għandhiex tiġi sostitwita.

    (254)

    Il-proċedura u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (225) sa (227) tal-Parti II, il-Kapitolu 2, it-Taqsima 2.2japplikaw għall-fini tal-punt (253)(a)(a)

    (255)

    Fir-rigward tas-sajd fl-ilmijiet interni, il-punt (253)(a)ma japplikax u l-punt (253)(b) għandu jinftiehem bħala li jirreferi għad-data tad-dħul fis-servizz, f’konformità mal-liġi nazzjonali, minflok id-data tar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-flotta tal-Unjoni.

    (256)

    L-Istati Membri jeħtiġilhom juru li għandhom stabbiliti mekkaniżmi effettivi ta’ kontroll u infurzar biex jiggarantixxu l-issodisfar tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (257)

    L-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li l-magni kollha sostitwiti jew modernizzati jkunu soġġetti għal verifika fiżika.

    (258)

    It-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 meħtieġ skont il-punt (253)(d) se jitqies li jkun intlaħaq fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

    (a)

    fejn l-informazzjoni rilevanti ċċertifikata mill-manifattur tal-magna kkonċernata bħala parti minn approvazzjoni tat-tip jew ċertifikat tal-prodott tindika li l-magna l-ġdida tarmi 20 % inqas CO2 mill-magna li tkun qed tiġi sostitwita;

    (b)

    fejn l-informazzjoni rilevanti ċċertifikata mill-manifattur tal-magna kkonċernata bħala parti minn approvazzjoni tat-tip jew ċertifikat tal-prodott tindika li l-magna l-ġdida tuża 20 % inqas fjuwil mill-magna li tkun qed tiġi sostitwita.

    (259)

    Fejn l-informazzjoni rilevanti ċċertifikata mill-manifattur tal-magna kkonċernata bħala parti minn approvazzjoni tat-tip jew ċertifikat tal-prodott għal magna waħda jew għaż-żewġ magni ma tippermettix li jsir paragun tal-emissjonijiet ta’ CO2 jew tal-konsum tal-fjuwil, it-tnaqqis tal-emissjonijiet CO2 meħtieġ skont il-punt (253)(d) se jitqies li jkun intlaħaq fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

    (a)

    il-magna l-ġdida tuża teknoloġija effiċjenti fl-enerġija u d-differenza fl-età bejn il-magna l-ġdida u l-magna li tkun qed tiġi sostitwita tkun mill-inqas seba’ snin;

    (b)

    il-magna l-ġdida tuża tip ta’ fjuwil jew sistema ta’ propulsjoni li titqies li tarmi inqas CO2 mill-magna li tkun qed tiġi sostitwita;

    (c)

    l-Istat Membru kkonċernat jikkalkula li l-magna l-ġdida tarmi 20 % inqas CO2 jew tuża 20 % inqas fjuwil mill-magna li tkun qed tiġi sostitwita skont l-isforz normali tas-sajd tal-bastiment ikkonċernat.

    (260)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/46 (66) japplika biex jiġu identifikati t-teknoloġiji effiċjenti fl-enerġija msemmija fil-punt (259)(a) u biex jiġu speċifikati aktar l-elementi tal-metodoloġija għall-implimentazzjoni tal-punt (259)(c).

    (261)

    Il-kostijiet eliġibbli jistgħu jinkludu l-kostijiet diretti u indiretti relatati mas-sostituzzjoni jew mal-modernizzazzjoni ta’ magna prinċipali jew anċillari.

    (262)

    L-intensità massima tal-għajnuna trid tkun limitata għal 40 % tal-kostijiet eliġibbli.

    3.3.   Żieda fit-tunnellaġġ gross ta’ bastiment tas-sajd għall-finijiet tat-titjib tas-sikurezza, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew tal-effiċjenza fl-enerġija

    (263)

    Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-għajnuna mogħtija għaż-żieda fit-tunnellaġġ gross ta’ bastiment tas-sajd għall-finijiet tat-titjib tas-sikurezza, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew tal-effiċjenza fl-enerġija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(ċ) tat-TFUE, jekk tikkonforma mal-prinċipji stabbiliti fil-Parti I, il-Kapitolu 3, u l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (264)

    L-għajnuna mogħtija għaż-żieda fit-tunnellaġġ gross ta’ bastiment tas-sajd tista’ tikkostitwixxi għodda xierqa biex tħeġġeġ lill-impriżi jinvestu fit-titjib tas-sikurezza, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew tal-effiċjenza fl-enerġija. Għal din ir-raġuni, l-għajnuna mogħtija għaż-żieda fit-tunnellaġġ gross ta’ bastiment tas-sajd tista’, f’ċerti każijiet, tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti żoni ekonomiċi, mingħajr ma taffettwa b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni, dment li tirrispetta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (265)

    L-għajnuna taħt din it-Taqsima trid tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    il-bastiment tas-sajd ikun jappartjeni għal segment tal-flotta li fir-rigward tiegħu l-aħħar rapport dwar il-kapaċità tas-sajd, imsemmi fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, ikun wera bilanċ tal-kapaċità tas-sajd tas-segment mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għal dak is-segment;

    (b)

    il-bastiment tas-sajd ma jaqbiżx l-24 metru f'tul totali;

    (c)

    il-bastiment tas-sajd ikun ġie rreġistrat fir-reġistru tal-flotta tal-Unjoni għal mill-inqas 10 snin kalendarji ta’ qabel is-sena tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna; u

    (d)

    id-dħul fil-flotta tas-sajd tal-kapaċità tas-sajd ġdida ġġenerata mill-operazzjoni jkun ikkumpensat bl-irtirar minn qabel ta’ mill-inqas l-istess ammont ta’ kapaċità tas-sajd mingħajr għajnuna pubblika mill-istess segment tal-flotta jew minn segment tal-flotta li fir-rigward tiegħu l-aħħar rapport dwar il-kapaċità tas-sajd, imsemmi fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, ikun wera li l-kapaċità tas-sajd mhijiex f’bilanċ mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għal dak is-segment.

    (266)

    Il-proċedura u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (225) sa (227) tal-Parti II, il-Kapitolu 2, it-Taqsima 2.2japplikaw għall-fini tal-punt (265)(a)

    (267)

    Il-kostijiet eliġibbli jistgħu jinkludu:

    (a)

    iż-żieda fit-tunnellaġġ gross meħtieġ għall-installazzjoni jew ir-rinnovazzjoni sussegwenti tal-faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni ddedikati għall-użu esklużiv tal-ekwipaġġ, li jinkludu faċilitajiet sanitarji, żoni komuni, faċilitajiet ta’ kċina u strutturi ta’ kenn fuq il-gverta;

    (b)

    iż-żieda fit-tunnellaġġ gross meħtieġ għat-titjib jew l-installazzjoni sussegwenti ta’ sistemi abbord għall-prevenzjoni ta’ nirien, sistemi ta’ sikurezza u ta’ allarm jew sistemi għat-tnaqqis tal-istorbju;

    (c)

    iż-żieda fit-tunnellaġġ gross meħtieġ għall-installazzjoni sussegwenti ta’ sistemi integrati ta’ pontijiet tan-navigazzjoni biex jittejbu n-navigazzjoni jew il-kontroll tal-magna;

    (d)

    iż-żieda fit-tunnellaġġ gross meħtieġ għall-installazzjoni jew ir-rinnovazzjoni sussegwenti ta’ magna jew sistema ta’ propulsjoni li turi effiċjenza aħjar fl-enerġija jew emissjonijiet aktar baxxi ta’ CO2 meta mqabbla mas-sitwazzjoni preċedenti, li ma jkollhiex saħħa li taqbeż is-saħħa tal-magna preċedentement iċċertifikata tal-bastiment tas-sajd skont l-Artikolu 40(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (67), u li l-potenza massima tal-output tagħha tkun iċċertifikata mill-manifattur għal dak il-mudell tal-magna jew tas-sistema ta’ propulsjoni;

    (e)

    is-sostituzzjoni jew ir-rinnovazzjoni tal-pruwa bulbali dment li ttejjeb l-effiċjenza fl-enerġija kumplessiva tal-bastiment tas-sajd.

    (268)

    Fir-rigward tas-sajd fl-ilmijiet interni, il-punti (265)(a) u (d) ma japplikawx u l-punt (265)(c) għandu jinftiehem bħala li jirreferi għad-data tad-dħul fis-servizz, f’konformità mal-liġi nazzjonali, minflok id-data tar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-flotta tal-Unjoni.

    (269)

    L-Istati Membri jeħtiġilhom juru li għandhom stabbiliti mekkaniżmi effettivi ta’ kontroll u infurzar biex jiggarantixxu l-issodisfar tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (270)

    L-Istat Membru kkonċernat jeħtieġlu jikkomunika lill-Kummissjoni l-karatteristiċi tal-miżura megħjuna inkluż l-ammont tal-kapaċità tas-sajd miżjuda u l-iskop ta’ dik iż-żieda.

    (271)

    Il-kostijiet eliġibbli jistgħu jinkludu l-kostijiet diretti u indiretti relatati mal-għajnuna għall-investiment għat-titjib tas-sikurezza, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew tal-effiċjenza fl-enerġija li twassal għaż-żieda fit-tunnellaġġ gross ta’ bastiment tas-sajd.

    (272)

    L-intensità massima tal-għajnuna trid tkun limitata għal 40 % tal-kostijiet eliġibbli.

    3.4.   Għajnuna mogħtija għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd

    (273)

    Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-għajnuna mogħtija għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(ċ) tat-TFUE, jekk tikkonforma mal-prinċipji stabbiliti fil-Parti I, il-Kapitolu 3 u l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (274)

    L-għajnuna mogħtija għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd tista’ tikkostitwixxi għodda xierqa biex tgħin lill-benefiċjarji fis-settur tas-sajd jadattaw għal sitwazzjoni ġdida b’mod partikolari billi jiddiversifikaw f’tipi ġodda ta’ attivitajiet ekonomiċi (68). Għal din ir-raġuni, l-għajnuna għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd tista’, f’ċerti każijiet, tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti oqsma ekonomiċi, mingħajr ma taffettwa b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni, dment li tirrispetta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (275)

    L-għajnuna taħt din it-Taqsima trid tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    il-waqfien irid jiġi previst bħala għodda ta’ pjan ta’ azzjoni msemmi fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

    (b)

    il-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd irid jinkiseb permezz tal-iskreppjar tal-bastiment tas-sajd jew permezz tad-dekummissjonar u l-modifika retroattiva tiegħu għal attivitajiet għajr is-sajd kummerċjali;

    (c)

    il-bastiment tas-sajd irid ikun irreġistrat bħala attiv u jkun wettaq attivitajiet tas-sajd għal mill-inqas 90 jum fis-sena matul l-aħħar sentejn kalendarji ta’ qabel id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna;

    (d)

    il-kapaċità tas-sajd ekwivalenti trid titneħħa b’mod permanenti mir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni u ma tridx tiġi sostitwita;

    (e)

    il-liċenzji tas-sajd rispettivi u l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd iridu jiġu rtirati b’mod permanenti; u

    (f)

    l-impriża benefiċjarja jeħtiġilha ma tirreġistra l-ebda bastiment tas-sajd fil-ħames snin wara li tirċievi l-għajnuna.

    (276)

    Jekk l-attività tas-sajd inkwistjoni tkun ta’ natura li ma tistax titwettaq matul is-sena kalendarja kollha, ir-rekwiżit minimu tal-attività tas-sajd stabbilit fil-punt (275)(c) jista’ jitnaqqas sakemm il-proporzjon bejn l-għadd ta’ jiem ta’ attività u l-għadd ta’ jiem ta’ sajd ikun l-istess bħall-proporzjon bejn l-għadd ta’ jiem ta’ attività u l-għadd ta’ jiem kalendarji kull sena għall-benefiċjarji li jistadu matul is-sena.

    (277)

    Minbarra l-għajnuna msemmija fil-punt (275), il-Kummissjoni tista’ eċċezzjonalment tawtorizza għajnuna għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd li jsegwu kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekonomika, jew kunsiderazzjonijiet oħra relatati mal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, f’ċirkostanzi debitament ġustifikati li għandhom jiġu ppruvati mill-Istati Membri. Pereżempju, l-għajnuna tista’ tiġi ġġustifikata fil-każijiet ta’ kwistjonijiet marbuta mal-istatus ambjentali tajjeb tal-ilmijiet tal-baħar, bl-appoġġ ta’ evidenza xjentifika, jew fejn l-ambitu tal-attivitajiet tas-sajd fil-livell lokali ma jistax jibqa’ jiġi sostnut minħabba t-tnaqqis tal-ispazji tas-sajd, u jkun hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat ristrutturar ordnat tas-settur, anke jekk is-segmenti tal-flotta kkonċernati ma jkunux f’sitwazzjoni ta’ żbilanċ.

    (278)

    L-għajnuna skont il-punt (277) trid tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (275)(b) sa (f) u, barra minn hekk, l-impriżi benefiċjarji jridu jimpenjaw ruħhom li ma jżidux il-kapaċità tas-sajd attiva tagħhom minn meta ssir l-applikazzjoni għall-għajnuna sa ħames snin wara l-ħlas tal-għajnuna. L-impriżi benefiċjarji jridu jimpenjaw ruħhom ukoll li ma jużawx l-għajnuna biex jissostitwixxu jew jimmodernizzaw il-magni tagħhom, sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1139.

    (279)

    Meta sena qabel in-notifika Stat Membru jkun ta xi għajnuna jew operazzjonijiet implimentati taħt il-FEMS jew il-FEMSA li jwasslu għal żieda fil-kapaċità tas-sajd f’baċir tal-baħar, jew meta jkun inkluda tali operazzjonijiet fil-programm nazzjonali tal-FEMSA, l-Istat Membru kkonċernat irid jispjega sa liema punt l-għajnuna għall-waqfien permanenti f’dak l-istess baċir tal-baħar hija kompatibbli ma’ tali żieda fil-kapaċità tas-sajd u juri l-ġustifikazzjoni għall-għajnuna u l-indispensabbiltà tagħha.

    (280)

    Fir-rigward tas-sajd fl-ilmijiet interni, l-għajnuna għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd tista’ tingħata biss għal benefiċjarji li joperaw esklużivament fl-ilmijiet interni u għal każijiet ta’ miżuri ta’ konservazzjoni appoġġati minn evidenza xjentifika jew li jaqgħu taħt il-punt (277). Il-punt (275)(a) ma japplikax għas-sajd fl-ilmijiet interni u l-punti (275)(d) u (f) japplikaw b’referenza għar-reġistru nazzjonali tal-flotta rilevanti, jekk disponibbli skont il-liġi nazzjonali, minflok ir-reġistru tal-flotta tal-Unjoni. Il-liċenzji tas-sajd u l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd iridu jiġu rtirati b’mod permanenti, irrispettivament minn jekk ir-reġistru tal-flotta nazzjonali huwiex disponibbli.

    (281)

    Barra minn hekk, l-aġġustament li ġej japplika għas-sajd fl-ilmijiet interni fir-rigward tal-għadd minimu ta’ jiem ta’ attivitajiet tas-sajd stipulati fil-punt (275)(c). Meta bastiment tas-sajd ikun attiv fil-qabda ta’ diversi speċijiet li għalihom huwa permess għadd differenti ta’ jiem li jistgħu jintużaw għas-sajd fl-ilmijiet interni, l-għadd ta’ jiem ta’ sajd biex jiġi kkalkulat il-proporzjon stabbilit fil-punt (276) huwa l-medja tal-għadd ta’ jiem li jistgħu jintużaw għas-sajd permessi għall-qabdiet ta’ dak il-bastiment. Madankollu, l-għadd minimu ta’ jiem ta’ attivitajiet tas-sajd li jirriżulta minn tali aġġustament fl-ebda każ ma għandu jkun inqas minn 30 jum jew aktar minn 90 jum.

    (282)

    L-għajnuna għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd tista’ tingħata biss:

    (a)

    lis-sidien tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni kkonċernati mill-waqfien permanenti; u

    (b)

    lis-sajjieda li jkunu ħadmu abbord bastiment tas-sajd tal-Unjoni kkonċernat mill-waqfien permanenti għal mill-inqas 90 jum fis-sena matul l-aħħar sentejn kalendarji ta’ qabel is-sena tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna.

    (283)

    L-għadd minimu ta’ jiem tax-xogħol stabbilit f’(282)(b) għandu jiġi aġġustat f’konformità mal-punti (276) u (281), fejn dawk il-punti huma applikabbli għall-bastiment tas-sajd li fuqu s-sajjied iwettaq l-attività.

    (284)

    Is-sajjieda msemmija fil-punt (282)(b) jeħtiġilhom iwaqqfu l-attivitajiet kollha tas-sajd għal ħames snin wara li jirċievu l-għajnuna. Jekk sajjied jerġa’ jwettaq attivitajiet tas-sajd f’dak il-perjodu ta’ żmien, is-somom imħallsin indebitament fir-rigward tal-għajnuna jridu jiġu rkuprati mill-Istat Membru kkonċernat, f’ammont proporzjonat għall-perjodu li matulu ma tkunx ġiet issodisfata l-kundizzjoni stipulata fl-ewwel sentenza ta’ dan il-punt.

    (285)

    L-Istati Membri jeħtiġilhom juru li għandhom stabbiliti mekkaniżmi effettivi ta’ kontroll u infurzar biex jiggarantixxu l-konformità mal-kundizzjonijiet konnessi mal-waqfien permanenti, inkluż biex jiżguraw li l-kapaċità tiġi rtirata b’mod permanenti, u li l-bastiment jew is-sajjieda kkonċernati jkunu waqqfu kwalunkwe attività tas-sajd wara l-miżura. Fin-nuqqas ta’ reġistru tal-flotta nazzjonali applikabbli għall-ilmijiet interni, l-Istati Membri jeħtiġilhom juru wkoll li tali mekkaniżmi ta’ kontroll u infurzar jiżguraw ġestjoni tal-kapaċità komparabbli ma’ dik applikabbli għas-sajd bil-baħar.

    (286)

    Il-kostijiet eliġibbli jridu jiġu kkalkolati fil-livell tal-benefiċjarju individwali.

    (287)

    Il-kostijiet eliġibbli jistgħu jinkludu:

    (a)

    fil-każ ta’ skreppjar tal-bastiment tas-sajd:

    (i)

    il-kostijiet tal-iskreppjar;

    (ii)

    il-kumpens għat-telf tal-valur tal-bastiment tas-sajd imkejjel bħala l-valur tal-bejgħ attwali tiegħu;

    (b)

    fil-każ ta’ dekummissjonar u ta’ modifika retroattiva għal attivitajiet għajr is-sajd kummerċjali: il-kostijiet ta’ investiment relatati mal-konverżjoni tal-bastiment tas-sajd għall-finijiet ta’ attivitajiet ekonomiċi oħra; u

    (c)

    il-kostijiet relatati mas-sajjieda identifikati fil-punt (282)(b)li jistgħu jinkludu wkoll il-kostijiet soċjali obbligatorji li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-waqfien permanenti sakemm ma jkunux koperti minn dispożizzjonijiet nazzjonali oħra f’każ ta’ waqfien ta’ attività kummerċjali.

    (288)

    Il-Kummissjoni tista’ taċċetta metodi oħra ta’ kalkolu dment li tkun sodisfatta li dawn ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u ma jirriżultawx f’kumpens żejjed ta’ kwalunkwe benefiċjarju.

    (289)

    Il-kostijiet eliġibbli jridu jitnaqqsu bi kwalunkwe kost mhux imġarrab minħabba l-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd, li inkella kien jiġġarrab mill-impriża benefiċjarja.

    (290)

    L-għajnuna massima trid tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    3.5.   Għajnuna għall-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd

    (291)

    Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-għajnuna mogħtija għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(ċ) tat-TFUE, jekk tikkonforma mal-prinċipji stabbiliti fil-Parti I, il-Kapitolu 3 u l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (292)

    L-għajnuna għall-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd tista’ tikkostitwixxi għodda xierqa biex tgħin lis-settur jirreaġixxi għal ċirkostanzi li jeħtieġu sospensjoni limitata tal-isforzi tas-sajd (69). Għal din ir-raġuni, l-għajnuna għall-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd tista’, f’ċerti każijiet, tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti oqsma ekonomiċi, mingħajr ma taffettwa b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni, dment li tirrispetta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (293)

    L-għajnuna taħt din it-Taqsima tista’ tingħata fil-każijiet li ġejjin:

    (a)

    il-miżuri ta’ konservazzjoni, kif imsemmija fil-punti (a), (b), (c), (i) u (j) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jew, fejn applikabbli għall-Unjoni, miżuri ta’ konservazzjoni ekwivalenti adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, dment li jkun meħtieġ tnaqqis tal-isforz tas-sajd, abbażi tal-parir xjentifiku, sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-PKS, kif stabbilit fl-Artikolu 2(2) u fil-punt (a) tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

    (b)

    miżuri tal-Kummissjoni f’każ ta’ theddida serja għar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar kif imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

    (c)

    miżuri ta’ emerġenza tal-Istati Membri skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

    (d)

    l-interruzzjoni tal-applikazzjoni ta’ ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli jew protokoll tiegħu minħabba forza maġġuri; u

    (e)

    inċidenti ambjentali jew kriżijiet tas-saħħa, kif rikonoxxuti formalment mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru rilevanti.

    (294)

    L-għajnuna taħt din it-Taqsima tista’ tingħata biss meta l-attivitajiet tas-sajd tal-bastiment jew tas-sajd ikkonċernat ikunu mwaqqfa għal mill-inqas 30 jum f’sena kalendarja partikolari.

    (295)

    L-għajnuna għall-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd tista’ tingħata biss:

    (a)

    lis-sidien jew lill-operaturi ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jkunu rreġistrati bħala attivi u li jkunu wettqu attivitajiet tas-sajd għal mill-inqas 120 jum matul l-aħħar sentejn kalendarji ta’ qabel is-sena ta’ sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna;

    (b)

    lis-sajjieda li jkunu ħadmu abbord bastiment tas-sajd tal-Unjoni kkonċernat mill-waqfien temporanju għal mill-inqas 120 jum matul l-aħħar sentejn kalendarji ta’ qabel is-sena tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna;

    (c)

    lis-sajjieda tal-miexi li jkunu wettqu attivitajiet tas-sajd għal mill-inqas 120 jum matul l-aħħar sentejn kalendarji ta’ qabel is-sena tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna.

    (296)

    Jekk l-attività tas-sajd inkwistjoni tkun ta’ natura li ma tistax titwettaq matul is-sena kalendarja kollha, il-perjodu ta’ 120 jum stabbilit fil-punt (295)(a), (b) u (c) jista’ jitnaqqas sakemm il-proporzjon bejn l-għadd ta’ jiem ta’ attività u l-għadd ta’ jiem ta’ sajd ikun l-istess bħall-proporzjon bejn l-għadd ta’ jiem ta’ attività u l-għadd ta’ jiem kalendarji kull sena għall-benefiċjarji li jistadu matul is-sena.

    (297)

    Fir-rigward tas-sajd fl-ilmijiet interni, l-għajnuna għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd tista’ tingħata biss għal benefiċjarji li joperaw esklużivament fl-ilmijiet interni u għal każijiet ta’ miżuri ta’ konservazzjoni appoġġati minn evidenza xjentifika jew li jaqgħu taħt il-punt (293)(e). Il-punt (295)(a) japplika b’referenza għar-reġistru nazzjonali tal-flotta rilevanti, jekk disponibbli skont il-liġi nazzjonali.

    (298)

    Barra minn hekk, l-aġġustament li ġej japplika għas-sajd fl-ilmijiet interni fir-rigward tal-għadd minimu ta’ jiem ta’ attivitajiet tas-sajd stipulati fil-punt (295)(a), (b) u (c). Meta bastiment tas-sajd jew sajjied ikun attiv fil-qabda ta’ diversi speċijiet li għalihom huwa permess għadd differenti ta’ jiem li jistgħu jintużaw għas-sajd fl-ilmijiet interni, l-għadd ta’ jiem ta’ sajd biex jiġi kkalkulat il-proporzjon stabbilit fil-punt (296) huwa l-medja tal-għadd ta’ jiem li jistgħu jintużaw għas-sajd permessi għall-qabdiet ta’ dak il-bastiment. Madankollu, l-għadd minimu ta’ jiem ta’ attivitajiet tas-sajd li jirriżulta minn tali aġġustament fl-ebda każ ma għandu jkun inqas minn 40 jum jew aktar minn 120 jum.

    (299)

    L-għajnuna taħt din it-Taqsima tista’ tingħata għal durata massima ta’ 12-il xahar għal kull bastiment jew għal kull sajjied matul il-perjodu ta’ programmazzjoni tal-FEMSA, irrispettivament mis-sors tal-finanzjament, kemm jekk iffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll jekk kofinanzjati skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/1139. F’tali każijiet, l-Istati Membri jeħtiġilhom jikkonformaw mal-obbligu ta’ rapportar stabbilit fil-punt (346).

    (300)

    L-attivitajiet tas-sajd kollha li jwettqu l-bastiment tas-sajd jew is-sajjieda kkonċernati jridu jiġu sospiżi b’mod effettiv matul il-perjodu kkonċernat mill-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd.

    (301)

    L-Istati Membri jeħtiġilhom juru li għandhom stabbiliti mekkaniżmi effettivi ta’ kontroll u infurzar biex jiggarantixxu l-konformità mal-kundizzjonijiet konnessi mal-waqfien temporanju, inkluż biex jiżguraw li l-bastiment jew is-sajjied ikkonċernat ikun waqqaf kwalunkwe attività tas-sajd matul il-perjodu kkonċernat mill-miżura.

    (302)

    Il-kostijiet eliġibbli jistgħu jinkludu:

    (a)

    telf ta’ introjtu minħabba l-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd; u

    (b)

    kostijiet oħra relatati mal-manutenzjoni, iż-żamma u l-preservazzjoni ta’ assi mhux utilizzati matul il-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd.

    (303)

    Il-kostijiet eliġibbli jridu jiġu kkalkolati fil-livell tal-benefiċjarju individwali.

    (304)

    It-telf tad-dħul irid jiġi kkalkolat billi jitnaqqas:

    (a)

    ir-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-kwantità tal-prodotti tas-sajd prodotti fis-sena tal-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd, bil-prezz tal-bejgħ medju miksub matul dik is-sena,

    mir-

    (b)

    riżultat tal-multiplikazzjoni tal-kwantità annwali medja tal-prodotti tas-sajd prodotti fil-perjodu ta’ tliet snin qabel il-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd, jew medja ta’ tliet snin ibbażata fuq il-perjodu ta’ ħames snin ta’ qabel il-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd, minbarra l-ogħla entrata u l-inqas waħda, bil-prezz medju tal-bejgħ miksub.

    (305)

    Il-kostijiet relatati mal-manutenzjoni, maż-żamma u mal-preservazzjoni tal-assi mhux utilizzati matul il-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd iridu jiġu kkalkolati abbażi ta’ medja tal-kostijiet imġarrba matul il-perjodu ta’ tliet snin ta’ qabel il-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd, jew fuq medja ta’ tliet snin matul il-perjodu ta’ ħames snin ta’ qabel il-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd, bl-eskluzjoni tal-ogħla u tal-anqas entrata.

    (306)

    Il-kostijiet eliġibbli jistgħu jinkludu kostijiet oħrajn imġarrba mill-impriża benefiċjarja minħabba l-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd, u jridu jitnaqqsu bi kwalunkwe kost mhux imġarrab minħabba l-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd li kieku kien jiġġarrab mill-impriża benefiċjarja.

    (307)

    Il-Kummissjoni tista’ taċċetta metodi oħra ta’ kalkolu dment li tkun sodisfatta li dawn ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u ma jirriżultawx f’kumpens żejjed ta’ kwalunkwe benefiċjarju.

    (308)

    Meta bastiment jintuża matul il-waqfien temporanju għal attivitajiet għajr is-sajd kummerċjali, kwalunkwe introjtu jrid jiġi ddikjarat u mnaqqas mill-għajnuna mogħtija taħt din it-Taqsima, u ma għandha tingħata l-ebda għajnuna għal kostijiet oħra relatati mal-manutenzjoni, maż-żamma u mal-preservazzjoni ta’ assi mhux utilizzati matul il-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd.

    (309)

    Meta SME tkun ġiet stabbilita inqas minn tliet snin mid-data tal-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd, ir-referenza għall-perjodi ta’ tliet snin jew ta’ ħames snin fil-punti (304)(b) u (305) trid tinftiehem bħala li tirreferi għall-kwantità prodotta u mibjugħa, jew għall-kosti mġarrba, minn impriża medja tal-istess daqs bħall-applikant, jiġifieri mikrointrapriża, intrapriża żgħira jew intrapriża medja, rispettivament, fis-settur nazzjonali jew reġjonali affettwat mill-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd.

    (310)

    L-għajnuna u kwalunkwe pagament ieħor, inklużi pagamenti minn poloz tal-assigurazzjoni, riċevuti għall-fini ta’ waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd iridu jkunu limitati għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    3.6.   Għajnuna ta’ likwidità lis-sajjieda

    (311)

    Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-għajnuna ta’ likwidità mogħtija lis-sajjieda kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(ċ) tat-TFUE, jekk tikkonforma mal-prinċipji stabbiliti fil-Parti I, il-Kapitolu 3 u l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (312)

    L-għajnuna ta’ likwidità lis-sajjieda tista’ tikkostitwixxi għodda xierqa biex tgħin lill-impriżi fis-settur jirreaġixxu għal ċirkostanzi li jheddu l-vijabbiltà tagħhom. Għal din ir-raġuni, l-għajnuna ta’ likwidità lis-sajjieda tista’, f’ċerti każijiet, tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti oqsma ekonomiċi, mingħajr ma taffettwa b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni, dment li tirrispetta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima.

    (313)

    L-għajnuna taħt din it-Taqsima tista’ eċċezzjonalment tiġi awtorizzata f’każijiet debitament ġustifikati li tiġi ppruvata mill-Istat Membru biex tikkumpensa t-telf tal-introjtu tas-sidien tal-bastimenti u s-sajjieda li jirriżulta minn avvenimenti eżoġeni li jinvolvu restrizzjoni temporanja tal-attivitajiet tas-sajd. Dawn li ġejjin ma jikkostitwixxux avvenimenti eżoġeni bħal dawn:

    (a)

    il-każijiet ta’ waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd elenkati fit-Taqsima 3.5 ta’ dan il-Kapitolu;

    (b)

    il-miżuri ta’ konservazzjoni meħuda skont il-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli u l-ftehimiet dwar l-iskambju jew il-ġestjoni konġunta;

    (c)

    it-tnaqqis jew it-telf tal-opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-PKS;

    (d)

    it-tnaqqis jew it-telf ta’ opportunitajiet tas-sajd fir-rigward ta’ ilmijiet mhux tal-UE, eż. minħabba nuqqas ta’ tiġdid, sospensjoni, terminazzjoni jew negozjar mill-ġdid ta’ ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli u ta’ ftehimiet dwar skambju jew ġestjoni konġunta jew miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd meħuda f’konformità ma’ ftehimiet bħal dawn jew taħt l-awspiċi ta’ organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd.

    (314)

    L-għajnuna skont din it-Taqsima tista’ tingħata biss meta jkun hemm rabta kawżali diretta bejn l-avvenimenti eżoġeni u t-telf tal-introjtu mġarrab. Pereżempju, l-għajnuna taħt din it-Taqsima tista’ tiġi ġġustifikata meta l-attivitajiet tas-sajd ma jkunux jistgħu jseħħu minħabba n-nuqqas temporanju ta’ disponibbiltà tal-infrastrutturi tal-portijiet.

    (315)

    L-għajnuna taħt din it-Taqsima tista’ tingħata wkoll lil impriżi attivi fis-sajd fl-ilmijiet interni.

    (316)

    L-Istati Membri jeħtiġilhom juru li għandhom stabbiliti mekkaniżmi effettivi ta’ kontroll u infurzar biex jiggarantixxu l-konformità mal-kundizzjonijiet marbuta mal-għajnuna ta’ likwidità lis-sajjieda.

    (317)

    L-ispejjeż eliġibbli huma t-telf ta’ introjtu minħabba l-avvenimenti eżoġeni.

    (318)

    Il-kostijiet eliġibbli jridu jiġu kkalkolati fil-livell tal-benefiċjarju individwali.

    (319)

    It-telf tad-dħul irid jiġi kkalkolat billi jitnaqqas:

    (a)

    ir-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-kwantità tal-prodotti tas-sajd prodotti fis-sena tal-event eżoġeni, bil-prezz tal-bejgħ medju akkwistat matul dik is-sena;

    mir-

    (b)

    riżultat tal-multiplikazzjoni tal-kwantità annwali medja ta’ prodotti tas-sajd prodotti fil-perjodu ta’ tliet snin qabel l-avvenimenti eżoġeni, jew medja ta’ tliet snin ibbażata fuq il-perjodu ta’ ħames snin qabel l-avvenimenti eżoġeni, eskluża l-ogħla u l-anqas entrata bil-prezz medju tal-bejgħ medju miksub.

    (320)

    Il-kostijiet eliġibbli jistgħu jinkludu kostijiet oħrajn imġarrba mill-impriża benefiċjarja minħabba l-avvenimenti eżoġeni, u jridu jitnaqqsu bi kwalunkwe kost mhux imġarrab minħabba l-avvenimenti eżoġeni li kieku kien jiġġarrab mill-impriża benefiċjarja.

    (321)

    Il-Kummissjoni tista’ taċċetta metodi oħra ta’ kalkolu dment li tkun sodisfatta li dawn ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u ma jirriżultawx f’kumpens żejjed ta’ kwalunkwe benefiċjarju.

    (322)

    Meta bastiment jintuża matul l-avvenimenti eżoġeni għal attivitajiet għajr is-sajd kummerċjali, kwalunkwe introjtu jrid jiġi ddikjarat u jitnaqqas mill-għajnuna mogħtija skont din it-Taqsima.

    (323)

    Meta SME tkun ġiet stabbilita inqas minn tliet snin mid-data tal-avvenimenti eżoġeni, ir-referenza għall-perjodi ta’ tliet snin jew ta’ ħames snin fil-punt (319)(b) trid tinftiehem bħala li tirreferi għall-kwantità prodotta minn impriża medja tal-istess daqs bħall-applikant, jiġifieri mikrointrapriża, intrapriża żgħira jew intrapriża medja, rispettivament, fis-settur nazzjonali jew reġjonali affettwata mill-avvenimenti eżoġeni.

    (324)

    L-għajnuna u kwalunkwe pagament ieħor, inklużi pagamenti minn poloz tal-assigurazzjoni, iridu jkunu limitati għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    PARTI III

    KWISTJONIJIET PROĊEDURALI

    1.   IT-TUL MASSIMU TAL-ISKEMI TA’ GĦAJNUNA U L-EVALWAZZJONI

    (325)

    Skont il-prattika stabbilita fil-Linji Gwida preċedenti tagħha, sabiex tikkontribwixxi għat-trasparenza u għar-rieżami regolari tal-iskemi ta’ għajnuna kollha eżistenti, il-Kummissjoni tawtorizza biss l-iskemi ta’ għajnuna b’durata limitata. Fil-prinċipju, l-iskemi ta’ għajnuna ma jridux japplikaw għal perjodu li jaqbeż is-seba’ snin.

    (326)

    Sabiex jiġi żgurat li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ tkun limitata, il-Kummissjoni tista’ titlob li l-iskemi ta’ għajnuna kif imsemmi fil-punt (327) jiġu soġġetti għal evalwazzjoni ex post. L-evalwazzjonijiet se jsiru għall-iskemi ta’ għajnuna fejn id-distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ tkun partikolarment għolja, jiġifieri, li jista’ jkun hemm riskju ta’ restrizzjoni jew ta’ distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni jekk l-implimentazzjoni ma tiġix riveduta fi żmien dovut.

    (327)

    Tista’ tkun meħtieġa evalwazzjoni ex post għal skemi ta’ għajnuna b’baġits kbar għall-għajnuna, jew li jkun fihom karatteristiċi ġodda, jew meta jkunu previsti bidliet sinifikanti fis-suq, fit-teknoloġija jew fir-regolamentazzjoni. Fi kwalunkwe każ, se tkun meħtieġa evalwazzjoni għal skemi b’baġit tal-għajnuna mill-Istat jew nefqa kontabbilizzata ta’ aktar minn EUR 150 miljun fi kwalunkwe sena partikolari jew ta’ aktar minn EUR 750 miljun matul id-durata totali tagħhom, jiġifieri d-durata kkombinata tal-iskema ta’ għajnuna u ta’ kwalunkwe skema ta’ għajnuna preċedenti li tkopri objettiv u żona ġeografika simili, sa mill-1 ta’ Jannar 2023. Minħabba l-objettivi tal-evalwazzjoni, u biex jiġi evitat li jitqiegħed piż sproporzjonat fuq l-Istati Membri, evalwazzjonijiet ex post huma meħtieġa biss għal skemi ta’ għajnuna li t-tul ta’ żmien totali tagħhom jaqbeż it-tliet snin, li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2023.

    (328)

    Ir-rekwiżit tal-evalwazzjoni ex post jista’ jiġi eżentat fil-każ ta’ skemi ta’ għajnuna li huma suċċessur immedjat ta’ skema ta’ għajnuna li tkopri objettiv u żona ġeografika simili li kienet soġġetta għal evalwazzjoni, li r-rapport ta’ evalwazzjoni finali tagħha kien f’konformità mal-pjan ta’ evalwazzjoni approvat mill-Kummissjoni u ma ġġenerat l-ebda sejba negattiva. Fejn ir-rapport ta’ evalwazzjoni finali ta’ skema ta’ għajnuna ma jkunx konformi mal-pjan ta’ evalwazzjoni approvat, dik l-iskema trid tiġi sospiża b’effett immedjat.

    (329)

    L-għan tal-evalwazzjoni jenħtieġ li jkun li jiġi verifikat jekk is-suppożizzjonijiet u l-kundizzjonijiet sottostanti għall-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna ntlaħqux, b’mod partikolari l-ħtieġa u l-effettività tal-miżura ta’ għajnuna fid-dawl tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tagħha. Din jenħtieġ li tivvaluta wkoll l-impatt tal-iskema ta’ għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ.

    (330)

    Għal skemi ta’ għajnuna soġġetti għar-rekwiżit ta’ evalwazzjoni f’konformità mal-punt (327), l-Istati Membri jeħtiġilhom jinnotifikaw abbozz ta’ pjan ta’ evalwazzjoni, li se jifforma parti integrali mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-iskema ta’ għajnuna, kif ġej:

    (a)

    flimkien mal-iskema ta’ għajnuna, jekk il-baġit għall-għajnuna mill-Istat tal-iskema ta’ għajnuna jaqbeż il-EUR 150 miljun fi kwalunkwe sena partikolari jew is-EUR 750 miljun tul id-durata kollha tagħha;

    (b)

    fi żmien 30 jum ta’ xogħol wara bidla sinifikanti li permezz tagħha l-baġit tal-iskema ta’ għajnuna jiżdied għal aktar minn EUR 150 miljun fi kwalunkwe sena partikolari jew EUR 750 miljun tul id-durata kollha tal-iskema ta’ għajnuna;

    (c)

    fi żmien 30 jum ta’ xogħol wara r-reġistrazzjoni tan-nefqa fil-kontijiet uffiċjali taħt l-iskema ta’ għajnuna li taqbeż EUR 150 miljun fi kwalunkwe sena partikolari.

    (331)

    L-abbozz tal-pjan ta’ evalwazzjoni jrid ikun f’konformità mal-prinċipji metodoloġiċi komuni pprovduti mill-Kummissjoni (70). L-Istati Membri jeħtiġilhom jippubblikaw il-pjan ta’ evalwazzjoni approvat mill-Kummissjoni.

    (332)

    L-evalwazzjoni ex post trid issir minn espert li jkun indipendenti mill-awtorità awtorizzanti tal-għajnuna fuq il-bażi tal-pjan ta’ evalwazzjoni. Kull evalwazzjoni trid tinkludi tal-inqas rapport ta’ evalwazzjoni interim wieħed u wieħed finali. L-Istati Membri jeħtiġilhom jippubblikaw iż-żewġ rapporti.

    (333)

    Ir-rapport ta’ evalwazzjoni finali jrid jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni fi żmien xieraq, biex tkun tista’ tiġi vvalutata kwalunkwe estensjoni tal-iskema ta’ għajnuna u mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel l-iskadenza tagħha. Dak il-perjodu jista’ jitnaqqas għal skemi li jiskattaw ir-rekwiżit ta’ evalwazzjoni fl-aħħar sentejn ta’ implimentazzjoni tagħhom. Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-arranġamenti preċiżi ta’ kull evalwazzjoni jiġu definiti fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna. In-notifika ta’ kwalunkwe miżura ta’ għajnuna sussegwenti b’objettiv simili trid tiddeskrivi b’liema mod tqiesu r-riżultati tal-evalwazzjoni.

    2.   KLAWSOLA TA’ REVIŻJONI GĦAL MIŻURI SPEĊIFIĊI TA’ IMPENN

    (334)

    Trid tiġi prevista klawżola ta’ reviżjoni għal impenji speċifiċi meħuda mill-impriżi benefiċjarji tal-miżuri koperti mill-Parti I, il-Kapitolu 2, it-Taqsima 2.3, sabiex jiġi żgurat li dawk l-impenji jiġu aġġustati f’każ li l-istandards, ir-rekwiżiti jew l-obbligi obbligatorji rilevanti msemmija fl-Artikoli 38 u 39 tar-Regolament (UE) 2022/2473 jiġu emendati.

    (335)

    Jekk l-impriża benefiċjarja ma taċċettax jew ma timplimentax l-aġġustamenti msemmija fil-punt (334), l-impenn jiskadi mill-mument li jiġi miċħud, u l-ammont ta’ għajnuna għandu jitnaqqas għall-ammont ta’ għajnuna li jikkorrispondi għall-perjodu sal-iskadenza tal-impenn.

    3.   APPLIKAZZJONI TAL-LINJI GWIDA

    (336)

    Il-Kummissjoni se tapplika dawn il-Linji Gwida mill-1 ta’ April 2023.

    (337)

    Dawn il-Linji Gwida jieħdu post il-Linji gwida għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (71), adottati fl-2015.

    (338)

    Il-Kummissjoni se tapplika dawn il-Linji Gwida għal kull miżura nnotifikata fir-rigward ta’ liema tintalab tieħu deċiżjoni wara l-1 ta’ April 2023, anki meta l-għajnuna kienet innotifikata qabel dik id-data.

    (339)

    Madankollu, l-għajnuna individwali mogħtija skont l-iskemi ta’ għajnuna approvati u nnotifikati lill-Kummissjoni f’konformità ma’ obbligu ta’ notifika ta’ tali għajnuna fuq bażi individwali ser jiġu vvalutati abbażi tal-Linji Gwida li japplikaw għall-iskema ta’ għajnuna approvata li fuqha hija bbażata l-għajnuna individwali.

    (340)

    Għajnuna illegali tiġi vvalutata skont ir-regoli fis-seħħ fid-data ta’ għoti tal-għajnuna. L-għajnuna individwali mogħtija skont skema ta’ għajnuna illegali se tiġi vvalutata skont il-Linji Gwida li japplikaw għall-iskema ta’ għajnuna illegali fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna individwali.

    4.   PROPOSTI GĦAL MIŻURI XIERQA

    (341)

    F’konformità mal-Artikolu 108(1) tat-TFUE, il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri jemendaw l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti tagħhom sabiex jikkonformaw ma’ dawn il-Linji Gwida sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2023.

    (342)

    L-Istati Membri huma mistiedna jesprimu l-qbil espliċitu inkondizzjonali tagħhom ma’ dawn il-miżuri xierqa proposti fi żmien xahrejn mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fil-każ ta’ miżuri approvati, li kienu ppjanati li jiġu ffinanzjati taħt ir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (72), l-Istati Membri jistgħu jkomplu jagħtu għajnuna sal-31 ta’ Diċembru 2023 skont il-Linji Gwida għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, adottati fl-2015, fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjonijiet rispettivi tal-Kummissjoni.

    (343)

    Fin-nuqqas ta’ tweġiba, il-Kummissjoni ser tassumi li l-Istat Membru inkwistjoni ma jaqbilx mal-miżuri proposti.

    5.   RAPPORTAR U MONITORAĠĠ

    (344)

    F’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (73), u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (74), l-Istati Membri jridu jissottomettu rapporti annwali lill-Kummissjoni.

    (345)

    Ir-rapport annwali jrid jinkludi wkoll informazzjoni meteoroloġika dwar it-tip, il-ħin, is-saħħa relattiva, u l-post tal-avvenimenti taħt il-Parti II, il-Kapitolu 1, it-Taqsimiet 1.1 u 1.2 u l-informazzjoni dwar il-mard tal-animali u l-infestazzjoni ta’ speċi aljeni invażivi skont il-Parti II, il-Kapitolu 1, it-Taqsima 1.3. L-obbligu ta’ rapportar stabbilit f’dan il-punt huwa relatat biss ma’ skemi qafas ex ante.

    (346)

    Barra minn hekk, ir-rapport annwali jrid jinkludi wkoll informazzjoni dwar il-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd skont il-Parti II, il-Kapitolu 3, it-Taqsima 3.5.

    (347)

    Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tfittex tagħrif addizzjonali fuq skemi tal-għajnuna eżistenti fuq bażi ta’ każ b’każ, meta dan ikun meħtieġ biex tkun tista’ twettaq ir-responsabilitajiet tagħha skont l-Artikolu 108(1) tat-TFUE.

    (348)

    L-Istati Membri jeħtiġilhom iżommu rekords dettaljati rigward il-miżuri ta’ għajnuna kollha. Dawn ir-rekords iridu jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi stabbilit li jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida, inklużi kostijiet eliġibbli u intensità massima tal-għajnuna. Dawn ir-rekords iridu jinżammu għal 10 snin mid-data tal-għoti tal-għajnuna u jridu jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni meta din tagħmel talba għalihom.

    6.   REVIŻJONI TAL-LINJI GWIDA

    (349)

    Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirrevedi jew temenda dawn il-Linji Gwida f’kull ħin jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet marbuta mal-politika tal-kompetizzjoni jew biex tqis politiki oħrajn tal-Unjoni, impenji internazzjonali, żviluppi fis-swieq jew għal kull raġuni ġustifikata oħra.

    (1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004 (ĠU L 247, 13.7.2021, p. 1).

    (3)  ĠU C 217, 2.7.2015, p 1.

    (4)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2019) 640 final tal-11.12.2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

    (5)  Ara d-definizzjoni fil-punt (31)(r) ta’ dawn il-Linji Gwida.

    (6)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1).

    (7)  Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 1995, TWD Textilwerke Deggendorf GmbH vs Il-Kummissjoni, kawżi magħquda T-244/93 u T-486/93, EU:T:1995:160.

    (8)  L-Artikolu 38(1) TFUE. “‘Prodotti agrikoli’ tfisser il-prodotti tal-ħamrija, tat-trobbija tal-bhejjem u tas-sajd u l-prodotti tal-ipproċessar tal-ewwel stadju relatati direttament ma’ dawn il-prodotti. Ir-referenzi għall-politika agrikola komuni jew għall-agrikoltura, u l-użu tat-terminu ‘agrikolu’, għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu wkoll għas-sajd, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dan is-settur.”

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).

    (10)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat għat-taħriġ soġġetta għal notifika individwali (ĠU C 188, 11.8.2009, p. 1.).

    (11)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju (ĠU C 508, 16.12.2021, p. 1.).

    (12)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (ĠU C 198, 27.6.2014, p. 1).

    (13)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija 2022 (ĠU C 80, 18.2.2022, p. 1).

    (14)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1).

    (15)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-networks tal-broadband (ĠU C 25, 26.1.2013, p. 1).

    (16)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat għall-impjieg ta’ ħaddiema żvantaġġati u b’diżabilità soġġetta għal notifika individwali (ĠU C 188, 11.8.2009, p. 6).

    (17)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat (ĠU C 153, 29.4.2021, p. 1).

    (18)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/2473 li jiddikjara li ċerti kategoriji tal-għajnuna lil impriżi li huma attivi fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura huma kompatibbli mas-suq intern b'applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 327/2014 (ĠU L327, 21.12.2022, p. 82).

    (19)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

    (20)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1).

    (21)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 717/2014 tas-27 ta’ Ġunju 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU L 190, 28.6.2014, p. 45).

    (22)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (OJ L 187, 26.6.2014, p. 1).

    (23)  Ara s-sentenza tas-16 ta' Ottubru 2013, Télévision française 1 (TF1) vs Il-Kummissjoni, T-275/11, EU:T:2013:535, il-punti 41-44; is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2005. Streekgewest Westelijk Noord-Brabant, il-Kawża C-174/02, EU:C:2005:10; il-punt 26; Is-sentenza tas-7 ta' Settembru 2006 Laboratoires Boiron SA vs Union de recouvrement des cotisations de sécurité sociale et d'allocations familiales (Urssaf) de Lyon, aventi kawża ta' l-Agence centrale des organismes de sécurité sociale (ACOSS), il-Kawża C-526/04, EU:C:2006:528; is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 1992, Compagnie commerciale de l’Ouest vs Receveur principal des douanes de La Pallice-Port, Kawżi Konġunti C-78/90, C-79/90, C-80/90, C-81/90, C-82/90 u C-83/90, EU:C:1992:118; is-sentenza tat-23 ta’ April 2002, Niels Nygård vs Svineafgiftsfonden, u Ministeriet for Fødevarer, C-234/99, EU:C:2002:244; Is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et al, C-206/06, EU:C:2008:413, il-punt 90; is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2014, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni, T-533/10, EU:T:2014:629, il-punti 50-52.

    (24)  Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).

    (25)  Ir-Regolament (UE) 2017/1130 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 1).

    (26)  Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi (ĠU L 317, 4.11.2014; p. 35).

    (27)  Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Martinique, Mayotte, Réunion, Saint-Martin, l-Azores, Madeira u l-Gżejjer Kanarji (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 195).

    (28)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11).

    (29)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1).

    (30)  Dan jinkludi d-definizzjoni ta’ “ilmijiet tal-Unjoni”, “riżorsi bijoloġiċi tal-baħar”, “riżorsi bijoloġiċi tal-ilma ħelu”, bastiment tas-sajd, “bastiment tas-sajd tal-Unjoni”, “dħul fil-flotta tas-sajd”, “rendiment massimu sostenibbli”, “approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd”, “approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd”.

    (31)  Il-valur preżenti nett ta’ proġett (NPV) huwa d-differenza bejn il-flussi ta’ flus pożittivi u negattivi matul il-ħajja tal-investiment, imnaqqsa għall-valur attwali tagħhom (normalment billi jintuża l-kost tal-kapital).

    (32)  Ir-rata ta’ redditu interna (IRR) ma hijiex ibbażata fuq il-qligħ kontabilizzat f’sena partikolari, iżda tqis il-fluss ta’ flussi ta’ flus futuri li l-investitur jistenna li jirċievi tul il-ħajja kollha tal-investiment. Hija definita bħala r-rata ta’ skont li għaliha l-NPV tal-fluss ta’ flussi ta’ flus ikun żero.

    (33)  Ara, pereżempju, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-156/98, EU:C:2000:467, il-punt 78; is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Franza v il-Kummissjoni, C-456/00, EU:C:2002:753, il-punti 30 u 32; is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C-333/07, EU:C:2008:764, il-punti 94 sa 116; is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Nuova Agricast vs Il-Kummissjoni, C-67/09 P, EU:C:2010:607, il-punt 51; u s-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C-594/18 P, EU:C:2020:742, il-punt 44;

    (34)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

    (35)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1)

    (36)  Pereżempju, sajd mingħajr liċenzja tas-sajd valida, sajd f’żona magħluqa, matul staġun magħluq, mingħajr jew wara l-kisba ta’ kwota; sajd lil hinn minn fond magħluq; sajd għal stokk li huwa suġġett għal moratorju jew li s-sajd tiegħu huwa pprojbit; l-użu ta’ rkaptu tas-sajd ipprojbit jew mhux konformi; is-sajd fiż-żona ta' organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd b'mod li mhuwiex konsistenti mal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni ta' dik l-organizzazzjoni jew bi ksur tagħhom, eċċ.

    (37)  Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).

    (38)  Ara, pereżempju, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 1979, Pigs and Bacon Commission, 177/78, EU:C:1979:164, il-punt 11. Is-Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, ir-Repubblika Franċiża vs Il-Kummissjoni, C-456/00, EU:C:2002:753, punt 32; Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Président de l’Autorité de la concurrence vs Association des producteurs vendeurs d’endives (APVE) et al, C-671/15, EU:C:2017:860, punt 37.

    (39)  Meta jiġu mqabbla x-xenarji kontrofattwali, l-għajnuna trid tiġi skontata bl-istess fattur bħax-xenarji tal-investiment u dawk kontrofattwali korrispondenti.

    (40)  Meta jitqies l-interess leġittimu fit-trasparenza li tiġi pprovduta informazzjoni lill-pubbliku, fil-ponderazzjoni tal-ħtiġijiet tat-trasparenza mad-drittijiet skont ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-pubblikazzjoni tal-isem tal-benefiċjarju tal-għajnuna meta l-benefiċjarju tal-għajnuna jkun persuna fiżika jew persuna ġuridika li jkollha l-ismijiet ta’ persuni fiżiċi, hija ġġustifikata (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2010, Volker und Markus Schecke and Eifert, C-92/09, EU:C:2010:662, il-punt 53), filwaqt li jitqies l-Artikolu 49(1)(g) tar-Regolament 2016/679. Ir-regoli ta’ trasparenza għandhom l-għan li jkun hemm konformità aħjar, responsabbiltà akbar, evalwazzjoni bejn il-pari u fl-aħħar mill-aħħar infiq pubbliku aktar effettiv. Dan l-għan għandu jipprevali fuq id-drittijiet tal-protezzjoni tad-data ta’ persuni fiżiċi li jirċievu appoġġ pubbliku.

    (41)  “Tiftix Pubbliku tal-Bażi tad-Data dwar it-Trasparenza tal-Għajnuna mill-Istat”, disponibbli fuq is-sit web li ġej: https://webgate.ec.europa.eu/competition/transparency/public?lang=en.

    (42)  Il-limitu ta’ EUR 10 000 jikkorrispondi għal-limitu għall-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2022/2473. Huwa xieraq li jiġi stabbilit l-istess limitu kemm f’dak ir-Regolament kif ukoll f’dawn il-Linji Gwida sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn id-diversi strumenti ta’ għajnuna mill-Istat applikabbli għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura.

    (43)  Din l-informazzjoni trid tiġi ppubblikata fi żmien sitt xhur mid-data tal-għoti tal-għajnuna (jew fi żmien sena mid-data tad-dikjarazzjoni tat-taxxa fil-każ tal-għajnuna fil-forma ta’ benefiċċji fuq it-taxxa). Fil-każ ta’ għajnuna illegali, l-Istati Membri se jkunu meħtieġa li jiżguraw il-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni ex post, għall-inqas fi żmien sitt xhur mid-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. L-informazzjoni trid tkun disponibbli f’format li jippermetti li d-data titfittex, tiġi estratta, u faċilment ippubblikata fuq l-Internet, pereżempju f’format CSV jew XML.

    (44)  awn il-Linji Gwida jistabbilixxu salvagwardji biex jiġu evitati effetti negattivi mhux dovuti tal-għajnuna fuq il-produzzjoni primarja tal-prodotti tas-sajd. Ara pereżempju l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-miżuri fil-Parti II, il-Kapitolu 3.

    (45)  Għadd ta’ swieq jistgħu jiġu affettwati mill-għajnuna, minħabba li l-impatt tal-għajnuna ma jistax ikun ristrett għas-suq li jikkorrispondi għall-attività li hija appoġġata iżda jista’ jestendi għal swieq oħra marbuta, li huma marbuta ma’ dak is-suq jew minħabba li huma upstream, downstream jew komplementari, jew minħabba li l-benefiċjarju diġà jkun preżenti fuqhom jew jista’ jkun preżenti fil-futur qrib.

    (46)  Għal proġetti ta’ investiment li jinvolvu l-produzzjoni ta’ diversi prodotti differenti, kull prodott irid jiġi vvalutat.

    (47)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

    (48)  Id-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent (ĠU L 155, 12.6.2019, p. 1).

    (49)  L-Artikolu 2(15) tar-Regolament (UE) 2021/1139 jiddefinixxi “ekonomija blu sostenibbli” bħala “l-attivitajiet ekonomiċi settorjali u transsettorjali kollha madwar is-suq uniku kollu li għandhom rabta mal-oċeani, mal-ibħra, mal-kosta u mal-ilmijiet interni, li jkopru r-reġjuni insulari u ultraperiferiċi u l-pajjiżi interni tal-Unjoni, u jinkludu s-setturi emerġenti u prodotti u servizzi mhux tas-suq, li għandhom l-għan li jiżguraw is-sostenibbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika fit-tul u li jkunu konsistenti mal-SDGs, u b’mod partikolari l-SDG 14, u mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni”. Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: approċċ ġdid għal ekonomija blu sostenibbli fl-UE It-trasformazzjoni tal-Ekonomija Blu tal-UE għal Futur Sostenibbli (COM/2021/240 final).

    (50)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (COM/2020/381 final).

    (51)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari Għal Ewropea aktar nadifa u kompetittiva (COM/2020/98 final).

    (52)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna (COM/2020/380 final).

    (53)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: “Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija” (COM/2021/400 final).

    (54)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima (COM/2013/0216 final).

    (55)  B’mod partikolari dwar l-ewwel prinċipju tal-effiċjenza enerġetika, kif spjegat fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2012/27/UE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija, ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210.

    (56)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa (COM/2020/67 final).

    (57)  Id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28).

    (58)  Ara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Spanja v il-Kummissjoni, C-73/03 P, EU:C:2020:711, il-punt 36; u s-sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Giuseppe Atzeni et al, il-kawżi magħquda C-346/03 u C-529/03, ECLI:EU:C:2006:130, il-punt 79.

    (59)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).

    (60)  Ara https://www.oie.int/en/what-we-do/standards/codes-and-manuals/aquatic-code-online-access/.

    (61)  Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-programm għas-suq uniku, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm għas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014, u (UE) Nru 652/2014 (ĠU L 153, 3.5.2021, p. 1).

    (62)  Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent Test b’relevanza għaż-ŻEE (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1).

    (63)  l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Inpoġġu lin-nies l-ewwel, niżguraw tkabbir sostenibbli u inklużiv, filwaqt li nisfruttaw il-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE (COM (2022) 198 final, 3.5.2022).

    (64)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1972 tal-11 ta’ Awwissu 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004 billi jistabbilixxi l-kriterji għall-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali li jġarrbu l-operaturi mis-sajd, mit-trobbija, mill-ipproċessar u mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fir-reġjuni ultraperifiċi (ĠU L 402, 15.11.2021, p. 1).

    (65)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Linji gwida għall-analiżi tal-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (COM(2014) 545 final).

    (66)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/46 tat-13 ta’ Jannar 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004 fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ teknoloġiji effiċjenti fl-enerġija u l-ispeċifikazzjoni tal-elementi ta’ metodoloġija biex jiġi ddeterminat l-isforz normali tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd (ĠUL 9, 14.1.2022, p. 27).

    (67)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

    (68)  Għall-fini ta’ din it-Taqsima, il-Kummissjoni tqis l-esperjenza miksuba bl-għajnuna mill-Istat għal waqfien permanenti; ara, pereżempju, il-Każ SA.101091, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2022) 4764 final tal-11 ta’ Lulju 2022, il-Każ SA.102997, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2022) 6248 final tat-30 ta’ Awwissu 2022 u l-Każ SA.64737, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2022) 5009 final tat-18 ta’ Lulju 2022.

    (69)  Għall-fini ta’ din it-Taqsima, il-Kummissjoni tqis l-esperjenza miksuba bl-għajnuna mill-Istat għal waqfien temporanju: ara, pereżempju, il-Każ SA.62426, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 2780 final tat-23 ta’ April 2021, il-Każ SA.64035, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 6458 final tat-3 ta’ Settembru 2021 u l-Każ SA.102242, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2022) 2983 final tal-10 ta’ Mejju 2022.

    (70)  Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni: Metodoloġija komuni għall-evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat (28.5.2014, SWD(2014) 179 final).

    (71)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Linji gwida għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU C 217, 2.7.2015, p. 1, kif modifikati minn ĠU C 422, 22.11.2018, p.1).

    (72)  Ir-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2021 dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma (ĠU L 357, 8.10.2021, p. 1).

    (73)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

    (74)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).


    Top