EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023SC0374

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-monitoraġġ tal-foresti Ewropej reżiljenti

SWD/2023/374 final

Brussell, 22.11.2023

SWD(2023) 374 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument proposta għal

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar qafas għall-monitoraġġ tal-foresti Ewropej reżiljenti

{COM(2023) 728 final} - {SEC(2023) 384 final} - {SWD(2023) 372 final} - {SWD(2023) 373 final}


Skeda tas-sommarju eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar l-inizjattiva dwar qafas għall-monitoraġġ tal-foresti Ewropej reżiljenti

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hija problema fil-livell tal-UE?

Il-problemi ewlenin huma n-nuqqas attwali ta’ data forestali ta’ kwalità u komparabbli u ta’ ppjanar integrat fit-tul tal-foresti. Mingħajr data xierqa u komparabbli dwar il-foresti, li bħalissa l-Istati Membri ma humiex qed jipprovdu minn jeddhom, ma huwiex possibbli li jintlaħqu l-objettivi tal-politika dwar il-klima, il-bijodiversità u l-bijoekonomija sostenibbli u ċirkolari li jirriżultaw direttament mill-Patt Ekoloġiku Ewropew. Bħalissa, id-data forestali ma hijiex kompluta, komparabbli u f’waqtha, u dan ixekkel il-possibbiltà li d-deċiżjonijiet jiġu adattati għall-pressjonijiet u jimpedixxi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-objettivi u l-politiki tal-UE relatati mal-foresti. Din is-sitwazzjoni sejra għall-agħar minħabba t-tibdil fil-klima u l-attività diretta jew indiretta tal-bniedem u t-tibdil relatat fl-użu tal-art, li joħolqu theddida għas-saħħa u r-reżiljenza tal-foresti u l-kapaċità tagħhom li jkomplu jipprovdu servizzi essenzjali tal-ekosistema.

Il-monitoraġġ mhux uniformi u frammentat attwali tal-foresti fl-Istati Membri jimpedixxi lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-UE milli jaġixxu b’mod f’waqtu kontra l-fatturi ta’ stress u t-theddid b’dimensjoni transfruntiera (eż. nixfiet, maltempati, infestazzjonijiet fuq skala kbira, u nirien fis-selvaġġ). Huwa jipprevjeni wkoll lill-forestiera, lill-industrija bbażata fuq l-injam u lill-assiguraturi milli jiksbu l-benefiċċji minn data ta’ kwalità u f’waqtha, bħal fir-rigward tal-prevenzjoni tad-danni u l-opportunitajiet ġodda ta’ negozju miċ-ċertifikazzjoni tal-assorbimenti tal-karbonju jew il-pagamenti għas-servizzi tal-ekosistema. Barra minn hekk, ma jħallix lill-UE tisfrutta b’mod sħiħ il-potenzjal tal-iżviluppi teknoloġiċi u l-innovazzjoni diġitali, b’mod partikolari fil-qasam tal-osservazzjoni tad-dinja, li jkun ta’ benefiċċju sinifikanti għall-SMEs.

Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-istrumenti nazzjonali tal-ippjanar ma jmorrux lil hinn minn ċiklu ta’ ppjanar ta’ 10 snin. Hemm bżonn ta’ analiżi u integrazzjoni olistika u fit-tul tal-politiki u d-domandi tas-soċjetà relatati mal-foresti biex jiġi indirizzat ir-riskju li jiġu stabbiliti miri jew objettivi ta’ politika li jkunu reċiprokament esklużivi.

X’għandu jinkiseb?

L-objettiv ġenerali huwa li jiġi żviluppat qafas għall-monitoraġġ tal-foresti madwar l-UE kollha, bl-għan li jgħin biex jintlaħaq l-objettiv li jkun hemm foresti b’saħħithom u reżiljenti, li huwa essenzjali għall-impenn tal-UE li tiġġieled it-tibdil fil-klima, tippreserva u tirrestawra l-bijodiversità, u ttejjeb il-livell ta’ preservazzjoni, protezzjoni u kwalità tal-ambjent. Għal dan il-għan, l-azzjoni proposta għandha l-għan li tiżgura data komuni diġitalizzata, konsistenti, komparabbli, f’waqtha u aċċessibbli, u li tistabbilixxi qafas koerenti għall-iżvilupp ta’ ppjanar integrat fit-tul tal-foresti. Dan huwa mistenni li jappoġġa l-adattament tal-foresti għat-tibdil fil-klima, isaħħaħ il-prevenzjoni u t-tħejjija għad-diżastri, u jiżgura l-konsistenza ta’ objettivi ta’ politika differenti relatati mal-foresti. Din l-inizjattiva hija dwar data u għarfien aħjar u ma taffettwax l-għażliet u l-objettivi tal-politika ta’ ġestjoni tal-foresti tal-Istati Membri.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (is-sussidjarjetà)?

It-teħid ta’ azzjoni fil-livell tal-UE, fil-limiti tal-objettivi li ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti jew bl-aktar mod effettiv mill-Istati Membri fin-nuqqas ta’ qafas tal-UE, jipprovdi valur miżjud ċar f’termini ta’ konsistenza u effiċjenza ekonomika. L-azzjoni fil-livell tal-UE hija ġġustifikata minħabba l-iskala u n-natura transfruntiera tal-problema, l-impatti fuq in-nies madwar l-UE, ir-riskji għall-ekonomija tal-UE minn disturbi dejjem akbar, u l-ħtieġa li jiġu mmonitorjati l-effetti tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni tal-UE u li tiġi antiċipata l-ħtieġa għal bidliet fil-politika bil-għan li jintlaħqu l-miri.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma l-għażliet biex jintlaħqu l-objettivi?

L-għażla 1 hija bbażata fuq koordinazzjoni volontarja permezz ta’ linji gwida tal-Kummissjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika, anke permezz ta’ grupp ta’ esperti ddedikat, biex jiġi armonizzat il-ġbir tad-data nazzjonali u jissaħħu l-oqfsa u l-mekkaniżmi tal-ippjanar tal-foresti.

L-għażla 2.1 għandha bħala aspetti ewlenin: (i) l-istabbiliment ta’ qafas ġdid tal-UE inklużi l-armonizzazzjoni u/jew l-istandardizzazzjoni tal-indikaturi tal-foresti u r-rapportar obbligatorju lil pjattaforma komuni dwar dawk l-indikaturi li huma meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-UE jew li huma inklużi f’sistemi ta’ monitoraġġ internazzjonali li huma rilevanti għall-objettivi ta’ politika tal-UE; (ii) l-użu obbligatorju tal-osservazzjoni tad-dinja b’possibbiltà għall-Istati Membri li jagħżlu sistema tal-UE bbażata fuq Copernicus; u (iii) l-ippjanar integrat obbligatorju fit-tul tal-foresti bbażat fuq aspetti komuni maqbula li għandhom jiġu kkunsidrati.

Meta mqabbla mal-għażla 2.1, l-għażla 2.2: (i) tkopri indikaturi lil hinn mis-sistemi attwali ta’ monitoraġġ u rapportar tal-UE u internazzjonali li jirriflettu l-prijoritajiet ta’ politika; (ii) tirrikjedi li l-Kummissjoni topera sistema unika ta’ osservazzjoni tad-dinja li għaliha l-Istati Membri jkunu obbligati jipprovdu data addizzjonali dwar il-foresti tagħhom; u (iii) tirrikjedi li l-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti dwar il-pjanijiet integrati tal-foresti.

L-għażla 3 tadotta approċċ ibridu, li jgħaqqad l-aspetti volontarji tal-għażla 1 dwar l-ippjanar fit-tul mal-aspetti obbligatorji dwar il-monitoraġġ tal-foresti (kemm għad-data fuq l-art kif ukoll għall-osservazzjoni tad-dinja) tal-għażla 2.2.

L-għażliet li jkopru finanzjament immirat tal-UE u impenn internazzjonali msaħħaħ ġew skartati fi stadju bikri.

L-għażla ppreferuta hija kombinazzjoni tal-għażliet 2.1 u 2.2. Din tkopri l-lista aktar wiesgħa ta’ indikaturi, l-użu obbligatorju tal-osservazzjoni tad-dinja bl-għażla ta’ inklużjoni fakultattiva għall-Istati Membri, u l-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti dwar il-pjanijiet fit-tul mill-Kummissjoni. Fir-rigward tal-indikaturi, jiġi applikat approċċ gradwali. L-ewwel nett, tiġi kkunsidrata lista limitata ta’ indikaturi għall-inklużjoni fil-proposta leġiżlattiva abbażi tar-rilevanza tagħhom, tal-livell attwali ta’ armonizzazzjoni, monitoraġġ u rapportar, u tal-ħtieġa għal riżoluzzjoni spazjali jew temporali ogħla. Fi stadju aktar tard, jiġu kkunsidrati indikaturi oħra għall-inklużjoni, filwaqt li jitqiesu wkoll ir-rakkomandazzjonijiet minn grupp ta’ esperti ddedikat.

X’inhuma l-fehmiet ta’ partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

Is-sejħa għal evidenza wriet qbil wiesa’ fost il-partijiet ikkonċernati li network ta’ monitoraġġ tal-foresti madwar l-UE kollha għandu jibni fuq id-data nazzjonali eżistenti tal-inventarju forestali, biex jitnaqqas ir-riskju ta’ duplikazzjoni tad-data. Fil-konsultazzjoni pubblika miftuħa, l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, il-kumpaniji, is-sidien tal-foresti u l-awtoritajiet pubbliċi kellhom it-tendenza li juru preferenza li l-Istati Membri jkomplu bis-sistemi ta’ monitoraġġ attwali. B’kuntrast ma’ dan, l-organizzazzjonijiet ambjentali, il-fornituri tad-data forestali u l-pubbliku ġenerali kellhom it-tendenza li jiffavorixxu integrazzjoni aħjar tas-sistemi ta’ monitoraġġ, bl-istandardizzazzjoni tal-metodi ta’ monitoraġġ tal-foresti.

Il-biċċa l-kbira tar-rispondenti sostnew li hemm benefiċċji għall-ippjanar fit-tul tal-foresti. L-aktar benefiċċji msemmija ta’ spiss kienu fehma olistika dwar l-istatus u x-xejriet tal-foresti kif ukoll koordinazzjoni ġenerali. Madankollu, il-valur miżjud tal-ippjanar strateġiku fil-livell tal-UE ġie ddubitat minn xi rispondenti, b’mod partikolari l-awtoritajiet pubbliċi. L-esperti tal-Istati Membri kkonsultati permezz ta’ grupp ta’ esperti ddedikat urew appoġġ ġenerali għal informazzjoni armonizzata jew standardizzata dwar l-istat u l-iżvilupp tal-foresti tal-UE filwaqt li indikaw il-ħtieġa li wieħed jibni fuq l-infrastruttura ta’ monitoraġġ eżistenti u tiġi evitata d-duplikazzjoni.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta?

L-għażla ppreferuta hija mfassla biex tiżgura data komuni moderna, diġitalizzata, konsistenti, komparabbli, f’waqtha u aċċessibbli dwar l-istat tal-foresti tal-UE, u tiżgura li l-Istati Membri kollha jippubblikaw pjanijiet integrati fit-tul għall-foresti bbażati fuq informazzjoni ta’ monitoraġġ ta’ kwalità għolja relatata mal-objettivi ta’ politika rilevanti tal-UE. Għalhekk, l-akbar benefiċċji jiġu mill-istabbiliment ta’ qafas fil-livell tal-UE għall-monitoraġġ tal-foresti u l-ippjanar integrat fit-tul tal-foresti.

Fil-każ studjat, il-benefiċċji ekonomiċi kwantifikabbli ta’ użu akbar tal-osservazzjoni tad-dinja (stmati għal bejn EUR 28 miljun u EUR 37 miljun sal-2035 għall-monitoraġġ tal-kopertura tas-siġar) diġà għandhom it-tendenza li jpaċu l-kostijiet ekonomiċi operatorji, mingħajr ma jitqiesu l-benefiċċji ambjentali u soċjali addizzjonali mhux kwantifikabbli — iżda sinifikanti ħafna. Dawn jinkludu benefiċċji minn proċess deċiżjonali mtejjeb ibbażat fuq data aħjar fl-oqsma tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima (implimentazzjoni mtejba tar-Regolament dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija, u ġestjoni mtejba tal-bjar tal-foresti), ir-reżiljenza tal-foresti (appoġġ għall-prevenzjoni u l-azzjoni bikrija), il-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u d-deforestazzjoni u/jew l-iżgurar ta’ forniment sostenibbli ta’ riżorsi u servizzi tal-foresti.

L-inizjattiva se toffri diversi opportunitajiet għat-tkabbir u l-innovazzjoni lin-negozji Ewropej, speċjalment lill-SMEs. It-telerilevament se jkollu rwol akbar fil-monitoraġġ tal-foresti milli huwa l-każ bħalissa, billi joffri ħafna possibbiltajiet lill-SMEs attivi fl-akkwist u fl-ipproċessar tal-immaġni bis-satellita, fl-ipproċessar tad-data, u fil-forniment ta’ servizzi relatati mal-foresti u mal-forestrija, inklużi servizzi ta’ konsulenza.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta? Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-ippjanar integrat ikunu r-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi, u għalhekk l-Istati Membri se jkunu meħtieġa jappoġġaw finanzjarjament it-tranżizzjoni, bl-użu wkoll tal-fondi disponibbli tal-UE. L-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni obbligatorji tal-indikaturi magħżula jkollhom impatt ekonomiku moderat sa sinifikanti fuq il-baġit pubbliku tal-Istati Membri, skont is-sitwazzjoni attwali fl-Istati Membri individwali. Il-kostijiet ikunu l-ogħla fl-Istati Membri fejn ikun meħtieġ li tiġi stabbilita sistema ġdida bbażata fuq l-art bi rqajja’ suffiċjenti ta’ kampjunar jew fejn il-frekwenza tal-inventarju forestali nazzjonali tkun teħtieġ li tiżdied. L-Istati Membri b’sistemi diġà żviluppati se jġarrbu kostijiet addizzjonali aktar baxxi, filwaqt li dawk b’sistemi ta’ monitoraġġ anqas avvanzati jistgħu jiġu appoġġati mis-sistema tal-UE bbażata fuq Copernicus.

L-applikazzjoni tad-definizzjonijiet u l-metodi armonizzati għall-ġbir reali tad-data tiswa bħala medja madwar EUR 10 000 għal kull indikatur għal kull Stat Membru. Il-kost annwali medju tal-monitoraġġ tal-foresti permezz tal-inventarji forestali nazzjonali fi tliet pajjiżi fil-kampjun hija ta’ EUR 42/km2 taż-żona forestali.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u l-kompetittività?

L-ebda waħda mill-għażliet ta’ politika ma tinkludi xi obbligu regolatorju li jkun applikabbli direttament għan-negozji. Fil-każ eċċezzjonali ta’ indikaturi relatati mal-produzzjoni u l-użu tal-injam u l-prodotti tal-foresta mhux tal-injam, jistgħu jinħolqu xi obbligi ta’ rapportar indirett iżda huma stmati li għandhom kostijiet negliġibbli. Għall-kuntrarju, minħabba r-rwol akbar tal-osservazzjoni tad-dinja, l-inizjattiva se toffri bosta opportunitajiet għat-tkabbir u l-innovazzjoni lill-SMEs attivi fl-akkwist u fl-ipproċessar tal-immaġni bis-satellita, fl-ipproċessar tad-data, u fil-forniment ta’ servizzi relatati mal-foresti u l-forestrija, inklużi s-servizzi ta’ konsulenza. Ġew identifikati wkoll benefiċċji għall-forestiera li lesti jidħlu fi skemi ta’ ċertifikazzjoni u skemi ta’ inċentivi għal pagamenti għas-servizzi tal-ekosistema forestali, li se jkunu jistgħu jibbażaw fuq data forestali ta’ kwalità. Ir-rwol akbar tat-teknoloġiji moderni ta’ monitoraġġ tal-foresti u tas-sistemi ta’ rapportar, bl-użu ta’ teknoloġija avvanzata, huwa mistenni jġib benefiċċji kbar f’termini ta’ diġitalizzazzjoni, f’konformità mal-objettivi tal-aġenda diġitali għall-Ewropa.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħrajn?

Minkejja li huwa diffiċli li jiġu kkwantifikati peress li ħafna drabi huma indiretti, l-għażla ppreferuta se twassal għal benefiċċji ambjentali u soċjali sinifikanti fir-rigward tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, is-saħħa u r-reżiljenza tal-foresti, il-kundizzjonijiet tal-bijodiversità u tal-ekosistema, l-ispeċijiet aljeni invażivi, u l-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam. B’dan il-mod, se toħloq fiduċja akbar fid-data forestali minn partijiet ikkonċernati differenti u tappoġġa l-forniment sostenibbli ta’ riżorsi u servizzi forestali.

Proporzjonalità

Il-kombinazzjoni ta’ aspetti magħżula fl-għażla ppreferuta hija proporzjonata minħabba li hija limitata b’mod ċar għal dawk l-aspetti li l-Istati Membri ma jistgħux jiksbu b’mod sodisfaċenti waħedhom, u fejn hija meħtieġa armonizzazzjoni fil-livell tal-UE. Għal dan il-għan, l-Istati Membri huma meħtieġa biss jiġbru data forestali li hija marbuta mal-leġiżlazzjoni u l-objettivi ta’ politika tal-UE. Barra minn hekk, ir-regolament propost se jkun ibbażat fuq il-kondiviżjoni tad-data armonizzata mis-sistemi nazzjonali eżistenti tal-ġbir tad-data. Dan se jimminimizza kemm l-Istati Membri se jkollhom jadattaw il-metodi tagħhom tal-akkwist tad-data. L-Istati Membri li jibbażaw fuq sistemi għall-monitoraġġ tal-foresti aktar avvanzati jistgħu jkomplu jużaw id-data tagħhom stess (inklużjoni fakultattiva), li se tiġi armonizzata biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà madwar l-UE. L-ebda għażla ma twassal għall-involviment tal-UE fl-għażliet u l-objettivi tal-politika ta’ ġestjoni tal-foresti tal-Istati Membri.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Il-Kummissjoni se tfassal pjan ibbażat fuq sett ta’ stadji importanti biex tiġi segwita l-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi speċifiċi f’perjodu ta’ żmien speċifiku. Il-Kummissjoni se timmonitorja wkoll l-introduzzjoni u l-impatt tal-miżuri fuq bażi regolari bl-użu ta’ kriterji speċifiċi. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni, filwaqt li tqis ir-rapportar tal-Istati Membri dwar il-pjanijiet integrati fit-tul, u tippreżentaha lill-Kunsill u lill-Parlament.

Top