Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0762

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2022/2576 fir-rigward tal-prolongament tal-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu

    COM/2023/762 final

    Brussell, 28.11.2023

    COM(2023) 762 final

    2023/0444(NLE)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) 2022/2576 fir-rigward tal-prolongament tal-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    1.1 Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Mill-invażjoni totali mhux provokata u mhux ġustifikata Russa tal-Ukrajna ’l hawn, il-provvisti tal-gass mir-Russja lejn l-UE ġew imfixkla bħala tentattiv intenzjonat biex l-enerġija tintuża bħala arma politika. Ir-Russja ilha ħafna snin il-fornitur ewlieni tal-gass tal-UE. Storikament, l-UE kienet tiddependi fuq ir-Russja għal aktar minn 40 % tal-provvisti tal-gass tagħha. Il-provvista tal-gass naqset kontinwament minn Frar 2022. Il-flussi fil-pipeline tal-gass mir-Russja kienu inqas minn 10 % tal-importazzjonijiet tal-UE tal-gass fl-ewwel nofs tal-2023. Tnax-il Stat Membru attivaw l-ewwel jew it-tieni livell ta’ kriżi skont il-klassifikazzjoni komuni tal-UE, kif previst mir-Regolament (UE) 2017/1938 dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass.

    Dan ix-xokk fil-provvista kellu impatti sinifikanti fuq il-livell u fuq il-volatilità tal-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku, fuq l-inflazzjoni, fuq l-istabbiltà finanzjarja u makroekonomika kumplessiva tal-UE, u fuq iċ-ċittadini kollha. Il-prezz medju bl-ingrossa fl-2022 kien aktar minn ħames darbiet ogħla mil-livell ta’ qabel il-kriżi, u saħansitra qabeż it-EUR 300/MWh fl-eqqel tal-kriżi fis-sajf tal-2022. Il-livell sal-lum baqgħu ħafna ogħla mil-livelli tal-perjodu ta’ qabel il-kriżi, b’volatilità qawwija. Il-kumpaniji, b’mod partikolari l-industriji intensivi fl-enerġija, tilfu l-kompetittività tagħhom, filwaqt li ċ-ċittadini ffaċċjaw nuqqas fil-kapaċità tal-akkwist tagħhom.

    F’dan il-kuntest, fid-19 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2576 biex itejjeb is-solidarjetà b’koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass, b’parametri referenzjarji affidabbli tal-prezzijiet u bi skambji tal-gass bejn il-fruntieri.

    Ir-Regolament (UE) 2022/2576 jipprovdi bażi ġuridika temporanja fir-rigward ta’:

    ·koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass (il-Kapitolu II);

    ·miżuri li jevitaw il-prezzijiet eċċessivi tal-gass u l-volatilità eċċessiva fl-istess jum fis-swieq tad-derivattivi tal-enerġija (il-Kapitolu III), u;

    ·miżuri fil-każ ta’ emerġenza tal-gass (il-Kapitolu IV).

    Ir-Regolament (UE) 2022/2576 għandu l-għan li jtaffi l-impatt fuq il-prezzijiet tal-gass billi jindirizza d-domanda u l-provvista, filwaqt li jiżgura s-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni Ewropea kollha, u jsaħħaħ is-solidarjetà. Fih diversi elementi ewlenin li jaħdmu b’mod koerenti biex jiġu evitati prezzijiet għoljin ħafna u biex tissaħħaħ is-solidarjetà u s-sigurtà tal-provvista.

    Din il-proposta għandha l-għan li tipprolonga b’sena l-perjodu ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2022/2576 fid-dawl tar-riskji persistenti għall-provvisti tal-enerġija fl-Unjoni.

    Ir-rispons tal-Unjoni skont il-REPowerEU u wara li ttieħdu diversi inizjattivi, inklużi l-miżuri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/2576, ikkontribwew biex jittaffew l-effetti tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna fuq il-provvisti tal-gass, u l-impatti sussegwenti tagħha fuq il-livelli tal-prezzijiet, l-inflazzjoni, l-istabbiltà finanzjarja u makroekonomika, u fuq iċ-ċittadini kollha.

    Madankollu, is-swieq globali tal-gass għadhom limitati ħafna u l-bilanċi tas-swieq huma mistennija li jibqgħu prekarji fil-futur immedjat. Din is-sitwazzjoni għandha konsegwenzi negattivi fuq il-prezzijiet tal-gass li, għalkemm huma aktar baxxi mill-eqqel tagħhom fis-sajf tal-2022, baqgħu aktar mid-doppju meta mqabbla mal-livell ta’ qabel il-kriżi. Għadd ta’ riskji, jekk iseħħu, jistgħu jżidu l-biża’ tal-iskarsezza li, meta titqies il-fraġilità tas-suq minħabba l-limitazzjoni tiegħu, tista’ ġġib magħha reazzjonijiet kbar b’riperkussjonijiet serji fuq il-prezzijiet. Dawn ir-riskji jinkludu rpiljar fid-domanda Asjatika għal-LNG li jnaqqas id-disponibbiltà tal-gass fis-suq globali tal-gass; xitwa kiesħa li tista’ twassal għal żieda fid-domanda għall-gass sa 30 bcm; temp estrem li potenzjalment jista’ jaffettwa l-ħżin tal-enerġija idroelettrika u l-produzzjoni nukleari minħabba livelli baxxi tal-ilma, u ż-żieda sussegwenti fid-domanda għall-ġenerazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-gass; interruzzjoni ulterjuri tal-infrastrutturi kritiċi; u deterjorament tal-ambjent ġeopolitiku u xenarju ta’ theddid fir-reġjuni li jipprovdu l-gass, pereżempju bil-kriżi fil-Lvant Nofsani.

    Jekk jieqfu japplikaw il-miżuri rilevanti tal-Unjoni, jista’ jkun hemm bidliet fis-sitwazzjoni fraġli iżda stabbli li l-UE rnexxielha żżomm sal-lum, u deterjorament tar-reżiljenza għal żviluppi futuri possibbli, fosthom li jirnexxilha twaqqaf għalkollox l-importazzjonijiet mir-Russja.

    1.1.1.L-elementi ewlenin tar-Regolament (UE) 2022/2576

    (1)Aggregazzjoni tad-domanda u koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass

    Skont ir-Regolament (UE) 2022/2576, il-Kummissjoni fasslet u implimentat, bl-appoġġ ta’ fornitur ta’ servizzi, il-mekkaniżmu “AggregateEU”, li jippermetti l-aggregazzjoni tad-domanda, l-organizzazzjoni tas-sejħiet tal-offerti fil-konfront tal-fornituri internazzjonali tal-gass u t-tqabbil tad-domanda mal-offerti tal-fornituri. Il-mekkaniżmu huwa miftuħ għall-parteċipazzjoni, bħala xerrejja, tal-impriżi stabbiliti fl-UE u fil-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija.

    Ir-Regolament jipprevedi aggregazzjoni obbligatorja tad-domanda billi jistabbilixxi obbligu għall-Istati Membri li jeħtieġu lill-impriżi domestiċi jużaw il-fornitur ta’ servizzi għall-aggregazzjoni tad-domanda b’volumi għoljin biżżejjed ta’ gass. Volumi ekwivalenti għal mill-inqas 15 %, tal-volum fil-mira għall-mili tal-ħażniet (madwar 13,5-il biljun metru kubu għall-Unjoni kollha kemm hi), għandhom ikunu inklużi mill-impriżi tal-Istati Membri fil-proċess tal-aggregazzjoni tad-domanda.

    Sabiex jiġi evitat li l-objettiv tad-diversifikazzjoni ’l hinn mill-gass fornut mill-Federazzjoni Russa jitqiegħed f’riskju, ir-Regolament (UE) 2022/2576 jipprevedi li l-parteċipazzjoni tal-impriżi jew korpi oħra kkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi Russi jew impriżi stabbiliti fil-Federazzjoni Russa tkun eskluża. Barra minn hekk, il-gass naturali li joriġina mill-Federazzjoni Russa huwa eskluż mill-mekkaniżmu ta’ aggregazzjoni tad-domanda u xiri konġunt, inklużi l-provvisti ta’ gass naturali li jidħlu fl-Istati Membri jew fil-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija minn lista ta’ punti ta’ dħul.

    Ir-Regolament (UE) 2022/2576 fih dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jiżguraw koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass fl-Unjoni u solidarjetà enerġetika fost l-Istati Membri. Biex jikseb dan, ir-Regolament għandu l-għan li jipprovdi ħarsa ġenerali lill-Kummissjoni tal-offerti jew tal-kuntratti li ġejjin relatati mal-bejgħ u max-xiri tal-gass. Għaldaqstant, l-impriżi tal-gass naturali jew l-impriżi li jikkonsmaw il-gass meħtieġa jibagħtu notifiki lill-Kummissjoni dwar kull offerta jew kuntratt futuri ta’ volum ta’ aktar minn 5 TWh/sena. Imbagħad il-Kummissjoni tkun tista’ toħroġ rakkomandazzjonijiet lit-tali impriżi f’każijiet fejn it-tali offerti jew kuntratti jistgħu jkollhom impatt negattiv fuq il-mekkaniżmu ta’ xiri konġunt, il-funzjonament tas-suq, is-sigurtà tal-provvista jew is-solidarjetà.

    (2)Tħaddim effiċjenti tal-pipelines u tat-terminals tal-LNG

    Ir-Regolament (UE) 2022/2576 isaħħaħ ukoll it-tħaddim effiċjenti tal-pipelines u tat-terminals tal-LNG.

    Id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista lil hinn mill-gass Russu qed tbiddel ix-xejriet tal-fluss tal-gass fl-UE. Għalhekk, ir-rotot mit-terminals tal-LNG lejn iċ-ċentri tal-konsum saru aktar rilevanti mill-flussi preċedentement predominanti bejn il-Lvant u l-Punent. Madankollu, bidliet bħal dawn fil-flussi tal-gass wasslu għal livelli partikolarment għoljin ta’ konġestjoni fil-punti ta’ interkonnessjoni, b’mod partikolari fl-Ewropa tal-Majjistral.

    Sabiex jissaħħaħ ir-rispons tas-sistema tal-gass għall-konġestjoni u biex tittejjeb il-flessibbiltà tas-sistema, l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2022/2576 fih dispożizzjonijiet li jobbligaw lit-TSOs joffru kapaċità kostanti kuntrattata mhux utilizzata biżżejjed għall-interkonnetturi kollha, mhux biss dawk konġestjonati, jew permezz (i) tal-implimentazzjoni ta’ proċedura ġdida ta’ kull xahar “tużah jew titilfu” (UIOLI), jew (ii) tal-estensjoni tal-proċeduri eżistenti bl-istess objettiv.

    Barra minn hekk, sar importanti ferm li tiġi ottimizzata l-kapaċità ta’ assorbiment tat-terminals tal-LNG tal-UE u l-użu tal-faċilitajiet tal-ħżin. Għal dan l-iskop, tqis li kienet meħtieġa żieda fit-trasparenza mill-parteċipant fis-suq, simili għal-livell tat-trasparenza li teżisti għat-trasport tal-gass permezz tal-pipelines. Gas Infrastructure Europe (GIE) tħaddem żewġ pjattaformi ewlenin li jkopru l-Istati Membri kollha tal-UE kif ukoll ir-Renju Unit u l-Ukrajna: l-Inventarju Aggregat tal-Ħżin tal-Gass (AGSI) għall-ħżin tal-gass u l-Inventarju Aggregat tal-Ħżin tal-LNG (ALSI) għal-LNG. Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2022/2576 (l-Artikoli 12 u 13), ma’ dawn il-pjattaformi żdiedu komponenti ġodda, inkluż informazzjoni dwar is-servizzi offruti u l-kundizzjonijiet li japplikaw għal dawk is-servizzi, il-kapaċitajiet ikkuntrattati u disponibbli tal-faċilitajiet tal-ħżin u tal-LNG, it-tariffi, eċċ. Attwalment il-pjattaformi jkopru kważi it-terminali kollha tal-LNG fuq skala kbira tal-UE u 98 % tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-UE. Minbarra l-pjattaformi mifruxa fl-UE kollha, l-operaturi individwali tal-ħżin u tal-LNG kienu obbligati li joħolqu aktar trasparenza fir-rigward tal-possibbiltajiet li jipprenotaw kapaċità sekondarja. Għal dan l-għan, kienu meħtieġa li jistabbilixxu pjattaformi individwali ta’ prenotazzjoni tal-kapaċità.

    Aktar trasparenza tipprovdi perspettiva aħjar u aktar komprensiva tas-swieq tal-LNG u tal-ħżin fl-UE. Tirriżulta wkoll f’użu aktar effiċjenti ta’ dawn l-infrastrutturi u żżid il-potenzjal li jiġu attirati fornituri addizzjonali.

    (3)Azzjoni dwar il-livell tal-prezzijiet tal-gass

    Żvilupp ta’ parametru referenzjarju komplementari għal-LNG

    Is-suq tal-LNG tal-UE għadu qed jikkonsolida ruħu. L-indiċi tal-prezzijiet tal-hub għadu influwenzat mill-provvisti tal-pipelines u mill-konġestjonijiet eżistenti tal-infrastruttura, u għalhekk mhux dejjem jirrifletti b’mod preċiż il-prezz li bih l-LNG jiġi effettivament importat fl-Unjoni. Barra minn hekk, peress li l-gass Russu għadu jirrappreżenta parti mhux negliġibbli – iżda li qed tonqos – tal-importazzjonijiet tal-UE, li dejjem qed ikunu aktar ikkonċentrati f’xi żoni, is-swieq tal-gass jibqgħu vulnerabbli għall-manipulazzjoni tal-provvisti tal-gass Russu.

    Hemm bżonn li jiġi previst ipprezzar stabbli u prevedibbli għall-importazzjonijiet tal-LNG, li huma indispensabbli biex jissostitwixxu n-nuqqasijiet fil-provvisti kkawżati mill-waqfien probabbli tal-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja. Ir-Regolament 2022/2576 inkarigat lill-Aġenzija Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“ACER”) biex fi żmien qasir toħloq għodda oġġettiva għall-valutazzjoni tal-prezzijiet, u maż-żmien parametru referenzjarju, tal-importazzjonijiet tal-LNG tal-UE billi tiġbor informazzjoni f’ħin reali dwar it-tranżazzjonijiet kollha ta’ kuljum. L-ACER żviluppat dan il-parametru referenzjarju, li jipprovdi informazzjoni aktar komprensiva lix-xerrejja u jżid it-trasparenza tal-prezzijiet.

    Ir-Regolament 2022/2576 ta lill-ACER is-setgħat neċessarji biex tiġbor id-data dwar it-tranżazzjonijiet meħtieġa għall-istabbiliment tal-parametru referenzjarju tal-LNG, filwaqt li ssaħħaħ u tibni fuq il-kompiti u s-setgħat li diġà kellha l-ACER skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2014 tas-17 ta’ Diċembru 2014 dwar ir-rapportar tad-data li jimplimenta l-Artikolu 8(2) u 8(6) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (minn hawn ’il quddiem flimkien imsejħa “REMIT”).

    (4)Azzjoni għat-tnaqqis fil-volatilità tal-prezzijiet

    Mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum:

    Il-leġiżlazzjoni finanzjarja (MiFID II) diġà tirrikjedi li ċ-ċentri tan-negozjar jistabbilixxu sett ta’ mekkaniżmi biex tiġi kontenuta l-volatilità sinifikanti fis-swieq finanzjarji, u l-EMSA qed taħdem fuq modi kif jista’ jitjieb il-funzjonament tal-interrutturi taċ-ċirkwiti fil-klassijiet kollha tal-assijiet, li se jkollhom impatt pożittiv aktar permanenti fuq in-negozjar tal-klassijiet kollha tal-assijiet, inklużi d-derivattivi tal-enerġija. Ir-Rieżami tal-MiFIR li għadu kemm intemm żied ukoll il-kunċett ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza u ta aktar setgħat lill-ESMA fuq l-interrutturi taċ-ċirkwiti. Dawk il-bidliet għandhom jiġu trasposti fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali sat-tieni nofs tal-2025. Il-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum stabbilit fir-Regolament (UE) 2022/2576 ġie introdott sabiex iċ-ċentri tan-negozjar jistabbilixxu mekkaniżmi biex jevitaw movimenti eċċessivi tal-prezzijiet fl-istess jum ta’ negozjar, permezz tal-adattament tal-interrutturi taċ-ċirkwiti eżistenti jew permezz tal-ħolqien ta’ mekkaniżmu addizzjonali. Żidiet kbar fil-volatilità fis-swieq tal-gass u tal-elettriku jagħmluha diffiċli għad-ditti tal-enerġija biex ikomplu jipparteċipaw f’dawk is-swieq u jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom tal-hedging filwaqt li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija għall-konsumaturi finali.

    Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2022/2576 jistabbilixxi rekwiżit għaċ-ċentri tan-negozjar biex jistabbilixxu mekkaniżmu temporanju ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum bl-għan li jillimita movimenti kbar tal-prezzijiet fil-kuntratti tad-derivattivi relatati mal-enerġija fl-istess jum ta’ negozjar. Iċ-ċentri tan-negozjar jistgħu jimplimentaw il-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum jew billi jintegrawh fl-interrutturi taċ-ċirkwiti eżistenti tagħhom diġà stabbiliti f’konformità mad-Direttiva 2014/65/UE jew bħala mekkaniżmu addizzjonali.

    (5)Sigurtà tal-provvista

    Estensjoni tal-obbligu tal-protezzjoni mis-solidarjetà għal impjanti tal-enerġija kritiċi li jaħdmu bil-gass

    Skont ir-Regolament (UE) 2017/1938, Stat Membru fejn l-impjanti tal-enerġija kritiċi li jaħdmu bil-gass jistgħu jkollhom rwol ewlieni għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, ikollu jirrestrinġi dawn l-impjant tal-enerġija, possibbilment għad-detriment tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku ta’ Stat Membri oħrajn, qabel ma dan l-Istat Membru jitħalla jitlob miżuri ta’ solidarjetà skont ir-Regolament (UE) 2017/1938. Biex jiġu evitati effetti konsegwenzjali negattivi fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, ir-Regolament (UE) 2022/2576 jippermetti lill-Istati Membri jiskattaw talba ta’ solidarjetà, b’ċerti limitazzjonijiet, jekk l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-gass meħtieġa biex tiġi żgurata l-adegwatezza tas-sistema tal-elettriku, ikunu f’riskju li ma jiġux fornuti b’volumi kritiċi tal-gass. Għall-istess raġuni, l-Istati Membri li jipprovdu solidarjetà se jkunu intitolati li jiżguraw li t-tħaddim tal-impjanti tal-enerġija kritiċi tagħhom li jaħdmu bil-gass ma jiġix ipperikolat meta jipprovdu solidarjetà lil Stat Membru ieħor.

    Regoli prestabbiliti għas-solidarjetà bilaterali

    Miżuri speċifiċi fir-Regolament (UE) 2022/2576 introduċew mekkaniżmu prestabbilit bejn l-Istati Membri biex jiżguraw li jgħinu lil xulxin fil-provvista lill-“klijenti protetti mis-solidarjetà” (l-unitajiet domestiċi, u b’ċerti kundizzjonijiet it-tisħin distrettwali u s-servizzi soċjali essenzjali) u lill-impjanti tal-enerġija kritiċi li jaħdmu bil-gass, f’każ ta’ emerġenza li twassal għal skarsezza kbira ħafna ta’ gass. Ir-regoli dwar is-sigurtà tal-provvista li jirriżultaw mir-Regolament (UE) 2017/1938 introduċew il-prinċipju ta’ tali solidarjetà iżda l-użu reali tagħha fi kriżi jeħtieġ arranġamenti legali, tekniċi u finanzjarji dettaljati li kellhom jiġu miftiehma b’mod bilaterali bejn l-Istati Membri. Madankollu, s’issa ġew miftiehma biss tmienja minn 40 arranġament meħtieġ. Għalhekk, l-Artikoli 27 u 28 tar-Regolament (UE) 2022/2576 jispjegaw ir-regoli u l-proċeduri li se japplikaw awtomatikament bejn l-Istati Membri li ma ftiehmux dwar arranġamenti bilaterali ta’ solidarjetà.

    Is-solidarjetà trid tiġi pprovduta abbażi ta’ kumpens ġust skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2017/1938. Madankollu, kostijiet indiretti possibbli li jirriżultaw minn proċedimenti ġudizzjarji jew ta’ arbitraġġ wara r-restrizzjoni tal-industrija se jibqgħu jiġu limitati għal 100 % tal-prezz tal-gass. Ir-raġuni hija li l-kost tal-kumpens għall-industrija li jirriżulta mir-restrizzjoni huwa parzjalment kopert mill-prezz tal-gass, u jekk tibqa’ parti minn litigazzjoni, din il-parti tkun inċerta ħafna u tista’ taqbeż sew il-kostijiet tal-gass. L-inċertezza dwar il-kostijiet indiretti tal-kumpens għalhekk uriet li hija ostaklu kbir għall-Istati Membri biex jikkonkludu ftehimiet bilaterali ta’ solidarjetà. Madankollu, l-Istati Membri xorta se jkunu jistgħu jiftiehmu dwar kundizzjonijiet differenti ta’ kumpens.

    L-obbligu ta’ solidarjetà attwali, li jirriżulta mir-Regolament (UE) 2017/1938 japplika bejn l-Istati Membri li huma konnessi direttament jew permezz ta’ pajjiż terz. Dan il-prolongament propost se jżomm l-estensjoni ta’ dan l-obbligu għall-Istati Membri b’faċilitajiet tal-LNG, li, anke jekk ma jkunux konnessi direttament, jistgħu jipprovdu solidarjetà lil Stat Membru f’każ ta’ emerġenza jekk ikollhom l-infrastruttura meħtieġa biex jirċievu dan l-LNG.

    1.1.2.Is-sitwazzjoni attwali: jippersistu diffikultajiet u riskji serji għas-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE

    Ir-rispons tal-UE skont ir-REPowerEU u wara inizjattivi varji, inklużi l-miżuri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/2576, għenu biex jittaffew l-konsegwenzi tal-kriżi u ppreparaw lill-UE għal sitwazzjoni b’sigurtà degradata tal-provvista tal-gass. Fir-Rapport dwar is-sejbiet ewlenin tar-rieżami tar-Regolament (UE) 2022/2576, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-provvista tal-gass lill-Unjoni 1 , il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament kellhom rwol importanti biex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni tas-suq tal-gass u tiġi żgurata provvista adegwata tal-gass lill-Unjoni, u li r-Regolament huwa element importanti tal-sett ta’ għodod tal-UE għas-sigurtà tal-provvista tal-gass.

    Jekk ma jiġi prolongat, ir-Regolament jieqaf japplika fit-30 ta’ Diċembru 2023.

    Madankollu, sa mid-data tal-adozzjoni ta’ din il-proposta, għadhom jippersistu diffikultajiet serji fil-provvista tal-gass lill-Unjoni.

    Minħabba t-tnaqqis sinifikanti tal-importazzjonijiet mir-Russja tal-gass mill-pipelines fl-aħħar sena, id-disponibbiltà tal-provvisti tal-gass lill-Unjoni naqqsu b’mod konsiderevoli meta mqabbla ma’ dawk ta’ qabel il-kriżi. Bil-livelli attwali tal-importazzjonijiet tal-gass mill-pipelines, l-Unjoni hija mistennija li tirċievi madwar 20 bcm ta’ importazzjonijiet Russi mill-pipeline fl-2023, u dawn l-importazzjonijiet mhux affidabbli jistgħu jitnaqqsu ulterjorment jew jitwaqqfu. Din iċ-ċifra kieku tkun madwar 110 bcm inqas minn dik fl-2021.

    Is-swieq globali tal-gass għadhom limitati ħafna u huma mistennija jibqgħu hekk għal ftit żmien peress li kapaċità ġdida limitata ħafna ta’ likwefazzjoni tal-LNG hija ppjanata li tkun operazzjonali qabel l-2026.

    Din is-sitwazzjoni għandha konsegwenzi negattivi fuq il-prezzijiet tal-gass li, għalkemm huma aktar baxxi mill-eqqel tagħhom fis-sajf tal-2022 (meta l-prezzijiet żdiedu għal aktar minn EUR 300/MWh), baqgħu aktar mid-doppju meta mqabbla mal-livell ta’ qabel il-kriżi. Fid-deċennju li għadda, il-prezzijiet inbiddlu f’firxa ta’ EUR 5 MWh sa EUR 35 MWh u l-medja kienet ta’ madwar EUR 20/MWh. Kmieni fil-ħarifa tal-2023, il-prezzijiet kienu bejn EUR 40 MWh u EUR 50 MWh. Dan il-livell tal-prezzijiet għad għandu riperkussjonijiet inevitabbli fuq il-kapaċità tal-akkwist taċ-ċittadini tal-UE u fuq il-kompetittività tan-negozji Ewropej.

    Il-volatilità tas-suq hija wkoll konsegwenza tal-limitazzjoni tas-suq u tirrappreżenta riskju addizzjonali għall-ekonomija tal-UE. Fis-sajf u fil-ħarifa tal-2023 kien hemm għadd ta’ episodji ta’ volatilità sinifikanti meta l-prezzijiet żdiedu b’aktar minn 50 % fi ftit ġimgħat. Dan juri li s-swieq tal-gass għadhom fraġli u jistgħu jkollhom reazzjonijiet kbar għal xokk mhux mistenni u f’daqqa fil-provvista u d-domanda, kif kien il-każ wara l-istrajk fil-faċilitajiet Awstraljani tal-LNG, il-kriżi tal-Lvant Nofsani u l-interruzzjoni tal-Balticconnector. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-biża’ tal-iskarsezza tista’ tirriżulta f’reazzjonijiet kbar b’riperkussjonijiet serji fuq il-prezzijiet.

    Għadd ta’ riskji, jekk iseħħu, jistgħu jżidu l-biża’ tal-iskarsezza li, meta titqies il-fraġilità tas-suq minħabba l-limitazzjoni tiegħu, tista’ ġġib magħha reazzjonijiet kbar b’riperkussjonijiet serji fuq il-prezzijiet. Dawn ir-riskji jinkludu rpiljar fid-domanda Asjatika għall-gass naturali likwifikat (LNG) li jnaqqas ulterjorment id-disponibbiltà tal-gass fis-suq globali tal-gass; xitwa kiesħa li tista’ twassal għal żieda fid-domanda għall-gass sa 30 bcm; kundizzjonijiet estremi tat-temp li potenzjalment jistgħu jaffettwaw il-ħżin tal-enerġija idroelettrika jew il-produzzjoni nukleari u b’hekk ikun hemm bżonn li wieħed jirrikorri aktar għall-ġenerazzjoni tal-enerġija permezz tal-gass u/jew li jirriżulta f’domanda akbar għall-gass, u interruzzjonijiet ulterjuri possibbli fil-provvista tal-gass mir-Russja inkluż waqfien totali tal-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja jew interruzzjoni tal-infrastruttura eżistenti kritika tal-gass.

    Barra minn hekk, mill-adozzjoni tar-Rapport dwar is-sejbiet ewlenin tar-rieżami tar-Regolament (UE) 2022/2576, ix-xenarju ta’ theddid iddeterjora ruħu. Minbarra l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, kunflitti armati ta’ intensità għolja issa qed jolqtu għadd ta’ reġjuni ewlenin tal-provvista tal-UE (l-Ażerbajġan, il-Lvant Nofsani).

    Eżempji reċenti juru l-possibbiltà u r-rilevanza tar-riskji relatati mal-interruzzjoni tal-infrastruttura kritika tal-gass. F’Settembru 2022, il-pipeline NordStream 1 ġarrab ħsara minn atti ta’ sabotaġġ tant li bħalissa ma jistax jittrasporta gass u mhux se jkun jista’ jittrasporta gass fil-futur qarib. F’Ottubru 2023, kien hemm interruzzjoni fil-Balticconnector, pipeline importanti li jikkollega l-Finlandja mal-Estonja. L-investigazzjoni qed teżamina jekk il-ħsara kinitx esterna u jekk saritx minn ankra ta’ bastiment. Bħala riżultat tal-interruzzjoni tal-Balticconnector, il-Finlandja issa ma għadhiex f’pożizzjoni li tissodisfa l-kriterju N-1 bħala parti mill-istandard tal-infrastrutturi definit fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2017/1938. Il-kriterju N-1 jiżgura li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex fil-każ ta’ interruzzjoni fl-akbar infrastruttura unika tal-gass, xorta jkollhom il-kapaċità teknika li jissodisfaw id-domanda tagħhom matul jum bl-għola konsum. Bħala riżultat tal-interruzzjoni tal-Balticconnector, fit-27 ta’ Ottubru 2023 il-Finlandja żiedet il-livell tagħha ta’ kriżi skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2017/1938 minn “twissija bikrija” għal “allert”, li huwa l-aħħar livell ta’ kriżi qabel emerġenza. Dan l-inċident ġdid fl-infrastruttura juri l-possibbiltà u r-rilevanza tar-riskji relatati mal-interruzzjonijiet ġodda tal-infrastruttura kritika tal-gass.

    Wieħed għandu wkoll jinnota li t-tnaqqis sinifikanti fid-domanda għall-gass naturali (-18 % bejn Awwissu 2022 u Settembru 2023) qed jikkontribwixxi biex jinżamm il-bilanċ tal-gass fl-UE. Dan it-tnaqqis huwa r-riżultat ta’ fatturi ekonomiċi (eż. prezzijiet għoljin) u miżuri amministrattivi adottati mill-Istati Membri skont ir-Regolament 2022/1369 dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass u r-Regolament (UE) 2023/706 li prolongah. Żieda possibbli fid-domanda, minħabba rpiljar fl-użu tal-gass fis-setturi residenzjali, kummerċjali u industrijali jew minħabba li ma jiġux prolongati l-miżuri amministrattivi li għandhom l-għan li jnaqqsu d-domanda, tirrappreżenta riskju addizzjonali li, fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tas-swieq globali tal-gass limitati, jista’ jipperikola s-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE.

    Fi tliet rapporti sussegwenti ta’ Diċembru 2022, Frar u Lulju 2023, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA) enfasizzat b’mod konsistenti r-riskji għas-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE u wissiet kontra l-kompjaċenza fid-dawl tat-titjib tas-sitwazzjoni meta mqabbla mal-eqqel tal-kriżi fis-sajf tal-2022. Skont ir-rapport ta’ Frar 2023, il-provvista globali tal-gass se tibqa’ limitata fl-2023 u l-bilanċ globali huwa soġġett għal firxa wiesgħa mhux tas-soltu ta’ inċertezzi u fatturi ta’ riskju eżoġeni. Dan jinkludi l-possibbiltà ta’ waqfien totali tal-konsenji ta’ gass Russu mill-pipelines lill-Unjoni Ewropea, kif ukoll irkupru tal-importazzjonijiet tal-LNG miċ-Ċina f’konformità mal-kuntratti fit-tul tal-pajjiż dwar l-LNG u disponibbiltà potenzjalment aktar baxxa tal-provvista tal-LNG. L-IEA wissiet li l-prospettiva mtejba ma għandhiex tkun distrazzjoni mill-miżuri meħtieġa biex jittaffa l-esponiment tal-Unjoni Ewropea għar-riskji eżoġeni 2 . Żviluppat xenarji ta’ stress b’waqfien fil-provvisti tal-gass mir-Russja, bil-provvisti tal-LNG limitati u b’żidiet fid-domanda minħabba t-temp, li jistgħu jirriżultaw f’diskrepanza potenzjali bejn il-provvista u d-domanda ta’ 40 bcm fl-UE. Fir-rapport tagħha ta’ Lulju 2023, l-IEA enfasizzat li r-riskji u l-inċertezzi għadhom jeżistu qabel ix-xitwa tal-2023/24 fl-Emisferu tat-Tramuntana u li siti tal-ħżin mimlijin mhumiex garanzija kontra l-volatilità tax-xitwa u r-riskju ta’ aktar tensjonijiet fis-suq. 3

    Barra minn hekk, in-Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass (ENTSOG) ippubblika l-Prospettiva tal-Provvista għax-Xitwa tiegħu li jippubblika kull sena b’ħarsa ġenerali tas-sajf, f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) 715/2009. L-ENTSOG ikkonkluda li għalkemm is-sitwazzjoni ġenerali tas-sigurtà tal-provvista fl-UE tjiebet b’mod sinifikanti, jistgħu jkunu meħtieġa miżuri addizzjonali fil-każ ta’ interruzzjoni totali fil-provvista Russa. Barra minn hekk, meħtieġa ġestjoni bir-reqqa tal-ħżin matul ix-xitwa tal-2023-2024, peress li x’aktarx se jkun meħtieġ livell ta’ mili ta’ 46 % fil-bidu tal-istaġun tal-mili tal-ħażniet biex tintlaħaq il-mira tal-ħżin ta’ 90 % stabbilita mir-Regolament (UE) 2022/1032 4 .

    Bħala konklużjoni, fid-dawl tad-diffikultajiet u r-riskji serji persistenti, is-sitwazzjoni relatata mal-provvisti tal-gass, għalkemm tjiebet meta mqabbla mal-eqqel tal-kriżi fis-sajf tal-2022, għadha fraġli. Ir-rispons tal-UE skont ir-REPowerEU u wara inizjattivi varji, inklużi l-miżuri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/2576, għenu biex titjieb is-sitwazzjoni. Jekk jieqfu japplikaw il-miżuri rilevanti tal-Unjoni, jista’ jkun hemm bidliet fis-sitwazzjoni fraġli iżda stabbli li l-UE rnexxielha żżomm sal-lum, u deterjorament tar-reżiljenza għal żviluppi futuri possibbli, fosthom li jirnexxilha twaqqaf għalkollox l-importazzjonijiet mir-Russja.

    Fid-dawl ta’ dawn id-diffikultajiet u riskji serji persistenti għas-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE, u sabiex ma jinbidilx il-bilanċ fraġli attwali, huwa meħtieġ u urġenti li jiġi prolongat ir-Regolament (UE) 2022/2576. Għalhekk, din il-proposta għandha l-għan li tipprolonga l-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill 2022/2576 b’sena biex tittejjeb is-solidarjetà b’koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass, b’parametri referenzjarji affidabbli tal-prezzijiet u bi skambji tal-gass bejn il-fruntieri. Il-prolongament b’sena huwa meħtieġ u proporzjonat minħabba n-natura persistenti tad-diffikultajiet serji u tar-riskji addizzjonali, u l-inċertezza tas-sitwazzjoni attwali li hija mistennija tkompli matul l-2024 kollha.

    1.1.3.Raġunijiet għall-prolongament tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament fis-sitwazzjoni attwali

    Id-dispożizzjonijiet differenti tar-Regolament (UE) 2022/2576, li l-proposta attwali trid tipprolonga, huma meħtieġa biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet u r-riskji serji persistenti msemmijin hawn fuq għas-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE, għar-raġunijiet li ġejjin.

    Koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass (il-Kapitolu II – it-Taqsimiet 1 u 2)

    B’mod ġenerali, l-aggregazzjoni tad-domanda u koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass jgħinu biex jiġi żgurat aċċess aktar ugwali għall-impriżi fl-Istati Membri kollha, speċjalment dawk fil-pajjiżi mingħajr kosta jew mingħajr aċċess dirett għas-swieq internazzjonali, għas-sorsi tal-gass ġodda jew addizzjonali f’sitwazzjonijiet urġenti fejn tkun meħtieġa s-solidarjetà. Dan jista’, fl-ispirtu ta’ solidarjetà, inaqqas l-effett detrimentali ta’ offerti għoljin, li qed jgħollu l-prezzijiet u jgħin b’mod partikolari lil impriżi iżgħar jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ta’ xiri aktar vantaġġużi li jirriżultaw minn domanda aggregata.

    Skont ir-Regolament (UE) 2022/2576, il-Kummissjoni fasslet u nediet, bl-għajnuna ta’ fornitur ta’ servizzi, il-mekkaniżmu ta’ aggregazzjoni tad-domanda u xiri konġunt bl-isem “AggregateEU”. L-Istati Membri u l-impriżi tal-gass naturali kif ukoll l-impriżi li jikkonsmaw il-gass ipparteċipaw b’mod effettiv fil-mekkaniżmu ta’ aggregazzjoni tad-domanda u xiri konġunt skont ir-Regolament (UE) 2022/2576 (“AggregateEU”) u kkontribwew għall-fatt li sa Ottubru 2023 inkisbet aggregazzjoni totali ta’ 44,04 bcm ta’ domanda għall-gass, li huwa ekwivalenti għal aktar minn tliet darbiet tal-ammonti obbligatorji għall-aggregazzjoni tad-domanda. Il-volumi mqabbla fl-istess perjodu ammontaw għal 34,77 bcm, li jikkorrispondu għal madwar 10 % tal-konsum tal-UE fl-2022. Dan juri li “AggregateEU” attira interess sinifikanti mill-parteċipant fis-suq.

    Il-Kummissjoni implimentat ukoll miżuri ta’ appoġġ kif jeżiġi r-Regolament, inklużi dawk dwar it-trasparenza u l-iskambju tal-informazzjoni, il-governanza tal-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE u l-użu obbligatorju ta’ “AggregateEU”. Skont id-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza u l-iskambju tal-informazzjoni tar-Regolament, il-Kummissjoni ħarġet żewġ rakkomandazzjonijiet sa Lulju 2023. F’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li kienet meħtieġa aktar koordinazzjoni fir-rigward tas-sejħiet għall-offerti għax-xiri tal-gass, minħabba li setgħet ittejjeb il-funzjonament tax-xiri konġunt jew tevita impatt negattiv fuq is-suq intern, fuq is-sigurtà tal-provvista jew fuq is-solidarjetà tal-enerġija.

    Fir-Rapport dwar is-sejbiet ewlenin tar-rieżami tar-Regolament (UE) 2022/2576, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-mekkaniżmu “AggregateEU”, abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar l-aggregazzjoni tad-domanda tar-Regolament, ipprovda opportunitajiet addizzjonali għax-xerrejja Ewropej (l-impriżi stabbiliti fl-UE u fil-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija) biex jixtru gass minn fornituri affidabbli b’kundizzjonijiet kompetittivi kif ukoll trasparenza tas-suq dwar id-domanda u l-provvista, u b’hekk ikkontribwixxa għat-tnaqqis tal-volatilità tas-swieq.

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-aggregazzjoni tad-domanda u koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass jibqgħu għodda ta’ valur biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet u r-riskji serji msemmijin hawn fuq għas-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE. Għalhekk id-dispożizzjonijiet rilevanti għandhom jiġu prolongati b’sena.

    Miżuri li jtejbu l-użu tal-faċilitajiet tal-LNG, tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass u tal-pipelines (il-Kapitolu II – it-Taqsima 3)

    Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2022/2576 li jżidu t-trasparenza tal-kapaċitajiet disponibbli u s-servizzi offruti fit-terminals tal-LNG u fis-siti tal-ħżin tal-gass, iffaċilitaw l-influss tal-LNG fl-Unjoni u ffaċilitaw l-akkomodazzjoni tal-fluss tal-gass alterati. Is-sitwazzjoni ma nbidlitx mill-adozzjoni tar-Regolament minħabba li l-UE għad għandha bżonn timporta volumi kbar ta’ LNG biex tikkumpensa għall-provvista mill-pipeline Russu u se tkompli tagħmel dan fil-futur qarib. Din hija r-raġuni għaliex għadha meħtieġa trasparenza msaħħa dwar it-terminals tal-LNG u s-siti tal-ħżin.

    Ir-Regolament (UE) 2022/2576 jirrikjedi l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi tużah jew titilfu fil-punti ta’ interkonnessjoni kollha fl-Ewropa, filwaqt li fil-passat dan kien rekwiżit għal ċerti punti ta’ interkonnessjoni biss. Tali mekkaniżmi jippermettu li s-sistema tirreaġixxi b’mod rapidu u flessibbli għal konġestjoni possibbli li tirriżulta minn bidla fil-flussi tal-gass.

    Il-miżuri għat-tisħiħ tal-użu tal-faċilitajiet tal-LNG, tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass u tal-pipelines jibqgħu għodda ta’ valur biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet u r-riskji serji msemmijin hawn fuq għas-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE u d-dispożizzjonijiet rilevanti għalhekk għandhom jiġu prolongati b’sena.

    Miżuri li jevitaw prezzijiet eċċessivi tal-gass u volatilità eċċessiva fl-istess jum fis-swieq tad-derivattivi tal-enerġija (il-Kapitolu III)

    Minħabba d-diffikultajiet li tiġi vvalutata l-akkuratezza tal-prezzijiet tal-LNG prevalenti fis-suq, ir-Regolament (UE) 2022/2576 tinkariga lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) biex tiġbor id-data kollha dwar it-tranżazzjonijiet relatati mal-konsenji ta’ LNG lejn l-Unjoni meħtieġa biex jiġu stabbiliti valutazzjoni ta’ kuljum tal-prezz tal-LNG u parametru referenzjarju ta’ kuljum tal-LNG, iddeterminat bħala l-firxa bejn il-valutazzjoni ta’ kuljum tal-prezz tal-LNG u l-prezz tas-saldu għall-kuntratt bl-eqreb skadenza tat-TTF.

    Rigward in-negozjar, ir-Regolament (UE) 2022/2576 fih miżura għall-ġestjoni tal-volatilità eċċessiva fis-swieq tad-derivattivi tal-gass u tal-elettriku, filwaqt li jħares il-proċessi tal-formazzjoni tal-prezzijiet. Il-kullar temporanju għaż-żieda fil-prezzijiet fl-istess jum għandu l-għan li jevita volatilità eċċessiva tal-prezzijiet u jipprevjeni żidiet fil-prezzijiet fis-suq tad-derivattivi tal-enerġija f’jum ta’ negozjar.

    Kif ġie konkluż fir-Rapport dwar is-sejbiet ewlenin tar-rieżami tar-Regolament (UE) 2022/2576, peress li s-swieq tal-gass għadhom ikollhom episodji ta’ volatilità sinifikanti, id-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2022/2576 jistgħu jkollhom rwol fil-prevenzjoni ta’ żidiet eċċessivi fil-prezzijiet u fl-istabbilizzazzjoni tas-suq. L-episodji ta’ volatilità kbira osservati fis-sajf u fil-ħarifa tal-2023 isaħħu l-konklużjoni li s-swieq tal-gass għadhom fraġli u vulnerabbli għal żidiet estremi fil-prezzijiet. Il-mekkaniżmu ta’ volatilità fl-istess jum jista’ jibqa’ għodda ta’ valur biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet u r-riskji serji msemmijin hawn fuq għas-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE u d-dispożizzjonijiet rilevanti għalhekk għandhom jiġu prolongati b’sena.

    Miżuri fil-każ ta’ emerġenza tal-gass (il-Kapitolu IV)

    Ir-Regolament (UE) 2022/2576 ikkomplementa temporanjament ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass, b’mod partikolari billi għamel il-mekkaniżmu tas-solidarjetà applikabbli b’mod awtomatiku fin-nuqqas ta’ ftehimiet bilaterali, u billi estenda l-mekkaniżmu tas-solidarjetà għall-gass naturali likwifikat (LNG) u għall-volumi kritiċi tal-gass (CGV) għall-elettriku. Barra minn hekk, żdiedet dispożizzjoni li tiffaċilita t-tnaqqis tad-domanda mill-klijenti protetti, kif ukoll dispożizzjoni li tissalvagwardja l-flussi transfruntieri.

    F’Diċembru 2022, il-Kummissjoni wettqet sessjoni ta’ prattika konġunta ta’ solidarjetà mal-Istati Membri tal-UE u l-ENTSOG, li ttestjat ir-regoli u l-proċeduri ta’ emerġenza, u l-mekkaniżmu ta’ solidarjetà. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ċċirkulat kwestjonarju lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass biex tiġbor feedback dwar eż. id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/1576. Id-dettalji dwar l-eżiti tas-sessjoni ta’ prattika u tal-kwestjonarju jinsabu fir-Rapport dwar is-sejbiet ewlenin tar-rieżami tar-Regolament 2022/2576.

    Abbażi tas-sejbiet tar-Rapport dwar is-sejbiet ewlenin tar-rieżami tar-Regolament (UE) 2022/2576 u x-xenarju ta’ theddid ġdid, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kunċetti stabbiliti fil-Kapitolu IV jibqgħu essenzjali biex jittaffew il-kriżijiet possibbli tal-gass u biex jitnaqqsu l-kostijiet kollettivi ta’ kriżi bħal dawn, u biex jiġu ffaċilitati l-isforzi li għaddejjin jew futuri għat-tnaqqis fid-domanda. B’mod partikolari, in-nuqqas ta’ ftehimiet bilaterali huwa vulnerabbiltà strutturali li tippersisti, li jfisser li huwa meħtieġ prolongament tar-regoli prestabbiliti. Il-volumi kritiċi tal-gass għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku wkoll jibqgħu kruċjali biex jiġi evitat li kriżi potenzjali tal-gass tinfirex għas-sistema tal-elettriku. Il-valuri għall-volumi kritiċi tal-gass fl-Anness I jibqgħu validi għall-perjodu ta’ applikazzjoni prolongat tar-Regolament sa tmiem l-2024.

    Barra minn hekk, ix-xenarju tal-provvista tal-UE nbidel b’mod sinifikanti, fejn mill-2023 l-LNG sar is-sors ewlieni tal-provvista. Għalhekk is-solidarjetà xorta għandha tiġi estiża biex tinkludi l-Istati Membri b’faċilitajiet ta’ LNG, biex tiġi riflessa din ir-realtà mbiddla. Fl-aħħar nett, il-kunċetti ta’ konsum mhux essenzjali tal-klijenti protetti u s-salvagwardji addizzjonali għall-flussi transfruntieri f’emerġenza ġew ivvalutati bħala kunċetti ta’ benefiċċju biex jiġu evitati u jittaffew il-kriżijiet u għalhekk huma dispożizzjonijiet utli li għandhom jiġu prolongati.

    1.2Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    L-istrument propost jistabbilixxi miżuri temporanji, proporzjonati u straordinarji. Jikkomplementa inizjattivi u leġiżlazzjoni rilevanti eżistenti tal-UE, u jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jibbenefikaw minn provvisti tal-gass siguri u li l-klijenti jitħarsu minn interruzzjonijiet kbar tal-provvista. Jippromwovi wkoll l-objettiv ta’ diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass naturali.

    Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2022/2576 huma konsistenti mal-inizjattivi eżistenti, bħall-Komunikazzjoni “REPowerEU”, il-proposta għal “Pakkett dwar is-Swieq tal-Idroġenu u tal-Gass Dekarbonizzat” u r-“Regolament dwar it-Tnaqqis fid-Domanda” flimkien mal-Komunikazzjoni li takkumpanjah “Niffrankaw il-Gass għal Xitwa Sikura”. Dawn huma komplementari għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-suq intern u s-sigurtà tal-provvista.

    Ir-Regolament (UE) 2022/2576 isaħħaħ u jikkomplementa r-Regolament (UE) 2017/1938 dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass. Dan tal-aħħar diġà jinkludi obbligu li tingħata solidarjetà, kif ukoll il-kunċett ta’ klijenti protetti mis-solidarjetà, li jinkludu l-unitajiet domestiċi u f’ċerti ċirkostanzi, is-servizzi soċjali essenzjali u t-tisħin distrettwali. Ir-Regolament (UE) 2022/2576 jestendi dan l-obbligu ta’ solidarjetà biex jissalvagwardja l-provvista ta’ volumi kritiċi għall-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-gass u joperazzjonalizzah permezz ta’ mekkaniżmu prestabbilit f’każ ta’ nuqqas ta’ ftehimiet ta’ solidarjetà miftiehma b’mod bilaterali, li issa japplikaw ukoll għall-Istati Membri b’faċilitajiet ta’ LNG.

    Il-proposta tirrifletti wkoll bis-sħiħ l-objettiv tar-Regolament (UE) 2022/1369 dwar miżuri koordinati għat-tnaqqis fid-domanda għall-gass biex titnaqqas proattivament id-domanda għall-gass biex jittaffew l-interruzzjonijiet potenzjali fil-provvista minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. It-tnaqqis fid-domanda għadu pilastru ewlieni tar-rispons tagħna għas-sigurtà tal-provvista u l-proposta ssaħħaħ dan il-pilastru billi tippermetti lill-Istati Membri jiffrankaw mill-konsum mhux essenzjali tal-konsumaturi protetti, filwaqt li jipproteġu xorta waħda lill-klijenti vulnerabbli.

    Ir-Regolament (KE) 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005, fl-Anness 1, il-punt 2.2.5 tiegħu, fih dispożizzjonijiet dwar mekkaniżmu fit-tul ta’ “tużah jew titilfu”. Dawn id-dispożizzjonijiet ġew adottati biex jiġi evitat l-imblukkar tal-kapaċitajiet tat-trasport mill-parteċipanti fis-suq fi żminijiet meta ma jkunux jistgħu jużawhom jew meta ma jkunux qed jippjanaw li jużawhom. Minħabba s-sitwazzjoni ta’ kriżi, ir-Regolament 2022/2576 inaqqas il-piż amministrattiv u jiżgura l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. B’mod partikolari, inaqqas iż-żmien li jgħaddi meta l-kapaċità ma tintużax, minn 6 xhur għal xahar.

    Wara l-invażjoni totali Russa tal-Ukrajna, l-UE stabbiliet il-Pjan REPowerEU bl-għan li ttemm id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili Russi malajr kemm jista’ jkun u sa mhux aktar tard mill-2027. Biex jikseb dan, il-Pjan REPowerEU jistabbilixxi l-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE u ħabbar mekkaniżmu għall-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt. Din il-proposta għandha l-għan li tipprolonga d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2022/2576 li stabbilixxa t-tali mekkaniżmu. L-inizjattiva proposta hija konsistenti bis-sħiħ mal-għanijiet stabbiliti fir-REPowerEU.

    Għalhekk, din il-proposta għall-prolongament tal-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2576 hija komplementari għad-dispożizzjonijiet eżistenti u għall-inizjattivi reċenti fis-settur tal-enerġija, filwaqt li tissalvagwardja s-sigurtà tal-provvista tal-gass, u tgħin biex jiġi stabbilizzat is-suq u jiġu kkontrollati l-prezzijiet, u tikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-gass.

    Fl-aħħar nett, din il-proposta hija komplementari għall-isforzi tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), li fit-12 ta’ Ottubru 2023 ħarġet tgħarrif superviżorju dwar il-kalibrar tal-interrutturi taċ-ċirkwiti, kif rikjest mid-Direttiva (UE) 2014/65, li għandu l-għan li jsaħħaħ il-funzjonament tat-tali interrutturi taċ-ċirkwiti fil-klassijiet kollha tal-assijiet.

    1.3Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Patt Ekoloġiku Ewropew

    Din il-proposta għandha l-għan li tipprolonga d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2022/2576 li għandu l-għan li jsaħħaħ fundamentalment is-sigurtà tal-provvista u jindirizza l-prezzijiet għoljin u volatili tal-enerġija. Ir-Regolament huwa wkoll konsistenti mal-objettiv fuq żmien twil tal-Patt Ekoloġiku. Id-dispożizzjonijiet dwar l-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt, l-istabbiliment ta’ modi għax xiri konġunt tal-gass b’mod aktar koordinat huwa wkoll konformi mal-perkors tad-dekarbonizzazzjoni indikat fil-Patt Ekoloġiku u l-pjan REPowerEU.

    Politika tas-Suq Intern

    Il-proposta hija kompatibbli mar-regoli dwar is-suq intern għall-enerġija. Swieq tal-enerġija transfruntiera li jiffunzjonaw huma kruċjali għall-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija f’sitwazzjoni ta’ skarsezzi tal-provvista.

    Politika tal-Kompetizzjoni

    Ir-regoli dwar l-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt jistgħu jiġu applikati b’mod kompatibbli mar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni, li jippermettu x-xiri konġunt bejn impriżi konkorrenti b’ċerti kundizzjonijiet u li jiġu applikati fid-dawl ta’ ċirkostanzi prevalenti tas-suq.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    2.1Bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija l-Artikolu 122(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”).

    L-iskarsezza attwali u kontinwa fil-provvisti tal-gass tikkostitwixxi diffikultà serja fil-provvista ta’ prodott tal-enerġija skont l-Artikolu 122 tat-TFUE. Kif spjegat hawn fuq, jippersistu diffikultajiet u riskji serji għas-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE. Minħabba t-tnaqqis sinifikanti tal-importazzjonijiet mir-Russja tal-gass mill-pipelines fl-aħħar sena, id-disponibbiltà tal-provvisti tal-gass lill-Unjoni naqqsu b’mod konsiderevoli meta mqabbla ma’ dawk ta’ qabel il-kriżi. Is-swieq globali tal-gass għadhom limitati ħafna u huma mistennija jibqgħu hekk għal ftit żmien peress li kapaċità ġdida limitata ħafna ta’ likwefazzjoni tal-LNG hija ppjanata li tkun operazzjonali qabel l-2026. Fis-sajf u l-ħarifa tal-2023 seħħew għadd ta’ episodji ta’ volatilità sinifikanti li juru li s-swieq tal-gass għadhom fraġli u jistgħu jkollhom reazzjonijiet kbar għal xokk mhux mistenni u f’daqqa fil-provvista u d-domanda, kif kien il-każ wara l-istrajk fil-faċilitajiet Awstraljani tal-LNG, il-kriżi tal-Lvant Nofsani u l-interruzzjoni tal-Balticconnector.

    Għadd ta’ riskji, jekk iseħħu, jistgħu jżidu l-biża’ tal-iskarsezza li, meta titqies il-fraġilità tas-suq minħabba l-limitazzjoni tiegħu, tista’ ġġib magħha reazzjonijiet kbar b’riperkussjonijiet serji fuq il-prezzijiet. Dawn ir-riskji jinkludu rpiljar fid-domanda Asjatika għall-gass naturali likwifikat (LNG) li jnaqqas id-disponibbiltà tal-gass fis-suq globali tal-gass, kundizzjonijiet estremi tat-temp li potenzjalment jistgħu jaffettwaw il-ħżin tal-enerġija idroelettrika jew il-produzzjoni nukleari u b’hekk ikun hemm bżonn li wieħed jirrikorri aktar għall-ġenerazzjoni tal-enerġija permezz tal-gass, u interruzzjonijiet ulterjuri possibbli fil-provvista tal-gass, inkluż waqfien totali tal-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja jew interruzzjoni tal-infrastruttura eżistenti kritika tal-gass.

    Għalhekk, hemm ħtieġa urġenti għall-kontinwazzjoni tal-miżuri għal azzjoni aktar koordinata u immedjata, sabiex inkunu ppreparati aħjar għal interruzzjonijiet ulterjuri possibbli fil-gass u perjodi ta’ volatilità tas-suq fis-sena li jmiss. Il-miżuri li għandhom ikomplu japplikaw skont l-istrument għal perjodu limitat ta’ żmien jippermettu lill-Istati Membri u lill-parteċipant fis-suq iħejju rwieħhom għall-iskarsezzi possibbli ulterjuri fil-provvista u għall-volatilità tas-suq u jindirizzawhom b’mod koordinat. Il-miżuri tar-Regolament (UE) 2022/2576 li għandhom jiġu prolongati ttieħdu fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri. Pereżempju, l-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt jistgħu jsaħħu s-solidarjetà tal-Unjoni billi jappoġġaw b’mod partikolari dawk l-impriżi li qabel kienu qed jixtru gass mill-fornituri Russi biss jew prinċipalment mingħandhom u jgħinuhom biex jiksbu provvisti minn fornituri alternattivi ta’ gass naturali b’kundizzjonijiet kompetittivi. Barra minn hekk, il-valutazzjonijiet tal-prezzijiet u l-firxiet tal-parametri referenzjarji ppubblikati skont ir-Regolament (UE) 2022/2576 huma kruċjali biex tinħoloq aktar solidarjetà bejn l-Istati Membri fix-xiri ta’ provvisti limitati tal-LNG. Ir-Regolament (UE) 2022/2576 jistabbilixxi wkoll miżuri temporanji, fil-każ ta’ emerġenza tal-gass, biex il-gass jitqassam b’mod ġust bejn il-fruntieri, biex jiġu ssalvagwardjati l-provvisti tal-gass għall-aktar klijenti kritiċi u biex jiġi żgurat il-forniment ta’ miżuri ta’ solidarjetà transfruntiera. Dan jiżgura li kriżi lokalizzata tal-gass ma tinfirixx f’għadd ta’ Stati Membri.

    Għalhekk huwa ġġustifikat li l-istrument propost jiġi bbażat fuq l-Artikolu 122(1) tat-TFUE.

    2.2Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2022/2576 u l-prolongament propost tagħhom huma konformi bis-sħiħ mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Minħabba l-iskala u l-effett sinifikanti tad-diffikultajiet u r-riskji serji għas-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE, hemm bżonn li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE. Approċċ mal-UE kollha permezz tal-aggregazzjoni tad-domanda u koordinazzjoni aħjar tal-provvisti u użu aktar effiċjenti tat-terminals tal-LNG, tal-ħżin tal-gass u tal-pipelines, bi spirtu ta’ solidarjetà, huwa meħtieġ biex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ interruzzjonijiet potenzjali kbar. Dan jista’ jiġi rregolat b’mod effiċjenti fil-livell tal-UE minflok fil-livell nazzjonali.

    Il-miżuri għall-prevenzjoni tal-prezzijiet eċċessivi tal-gass u tal-volatilità eċċessiva fl-istess jum fis-suq tad-derivattivi tal-enerġija jitolbu wkoll għal azzjoni fil-livell tal-UE minħabba n-natura integrata tal-gass u tas-swieq relatati finanzjarjament.

    Huwa meħtieġ ukoll approċċ koordinat fil-livell tal-UE dwar miżuri ta’ sigurtà tal-provvista. Tali koordinazzjoni hija kruċjali biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jirrispondu b’mod effiċjenti u f’waqtu għat-talbiet ta’ solidarjetà. Filwaqt li l-Istati Membri se jkomplu jkollhom il-possibbiltà li jidħlu f’arranġamenti bilaterali ta’ solidarjetà, se jkun hemm fis-seħħ regoli prestabbiliti sakemm jiġu konklużi tali arranġamenti, li jippermettu lill-Istati Membri kollha tal-UE jibbenefikaw mis-solidarjetà. Fl-aħħar mill-aħħar, dan se jiżgura li d-dispożizzjoni ta’ solidarjetà bilaterali ma tkunx imxekkla min-nuqqas ta’ arranġamenti amministrattivi u finanzjarji bejn l-Istati Membri, filwaqt li jippermetti wkoll lill-Istati Membri jikkomplementaw ir-regoli prestabbiliti b’kundizzjonijiet innegozjati.

    Minħabba n-natura bla preċedent tal-kriżi tal-provvista tal-gass u l-effetti transfruntieri tagħha, kif ukoll il-livell ta’ integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija tal-UE, jeħtieġ tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni peress li l-Istati Membri waħedhom ma jistgħux jindirizzaw b’mod effettiv ir-riskju ta’ diffikultajiet ekonomiċi serji kkawżati minħabba żidiet fil-prezzijiet jew minħabba interruzzjonijiet sinifikanti fil-provvista. Azzjoni kontinwa tal-UE biss, motivata minn spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, tista’ tiżgura li l-interruzzjonijiet tal-provvista u l-volatilità tas-suq ma jikkawżawx ħsara dejjiema liċ-ċittadini u lill-ekonomija.

    Minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, il-miżura tista’ titwettaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, u għalhekk l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    2.3Proporzjonalità

    Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament u l-prolongament propost tagħhom jikkonformaw mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-miżura hija proporzjonali għad-dimensjoni u n-natura tal-problemi definiti u għall-ksib tal-objettivi stabbiliti.

    Fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeopolitika bla preċedent u t-theddida sinifikanti għaċ-ċittadini u l-ekonomija tal-UE, hemm ħtieġa ċara ta’ azzjoni kkoordinata. Il-miżuri stabbiliti fil-proposta ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tagħhom u huma proporzjonati għal dawk l-objettivi.

    B’mod aktar speċifiku, id-dispożizzjonijiet dwar l-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt, li l-proposta għandha l-għan tipprolonga, ġeneralment iridu jiġu implimentati fuq bażi volontarja, b’eċċezzjoni limitata biss fir-rigward tal-parteċipazzjoni obbligatorja fl-aggregazzjoni tad-domanda għal ċertu volum ta’ gass. L-impriżi privati jibqgħu kompletament liberi li jikkonkludu jew le l-kuntratti tal-provvista tal-gass.

    L-estensjoni tas-solidarjetà għall-impjanti kritiċi tal-enerġija li jaħdmu bil-gass timponi restrizzjonijiet fuq l-operaturi tas-suq li huma meħtieġa biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-gass matul sitwazzjoni ta’ provvista mnaqqsa tal-gass u żieda fid-domanda matul l-istaġun tax-xitwa. Dawn huma bbażati fuq miżuri eżistenti stabbiliti rispettivament fir-Regolamenti (UE) 2022/1369 u (UE) 2017/1938, u għandhom l-għan li dawk il-miżuri jsiru aktar effettivi fiċ-ċirkostanzi attwali.

    L-obbligu tal-operaturi tas-suq li jipprovdu lill-ACER informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet tal-LNG huwa allinjat mal-obbligi eżistenti tal-operaturi tas-suq skont ir-REMIT u l-ACER se żżomm l-informazzjoni kummerċjali sensittiva kunfidenzjali.

    Il-miżura biex tiġi limitata l-volatilità tal-prezzijiet fl-istess jum tistabbilixxi rekwiżiti għaċ-ċentri tan-negozjar u n-negozjanti sabiex il-kumpaniji tal-enerġija jkunu jistgħu jkomplu jipparteċipaw fis-swieq tal-gass u tal-elettriku u jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-hedging tagħhom, u b’hekk tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija għall-konsumaturi finali. Fl-istess ħin, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament iħallu f’idejn iċ-ċentri tan-negozjar biex jistabbilixxu l-metodu ta’ kalkolazzjoni applikabbli biex jiddeterminaw il-limiti tal-prezzijiet tagħhom relattivi għal prezz ta’ referenza.

    Id-durata tal-prolongament hija proporzjonata minħabba n-natura persistenti tad-diffikultajiet serji għall-provvista tal-enerġija u r-riskji li jirriżultaw għall-prezzijiet u għas-sigurtà tal-provvista li huma mistennija li jkomplu mill-inqas tul l-2024 kollu peress li huma mistennija aktar bidliet strutturali tal-kundizzjonijiet tas-suq biss tul l-2025.

    2.4Għażla tal-istrument

    Filwaqt li jitqiesu d-dimensjoni tal-kriżi tal-enerġija u l-iskala tal-impatt soċjali, ekonomiku u finanzjarju tagħha, id-dispożizzjonijiet li l-proposta attwali għandha l-għan tipprolonga jinsabu f’Regolament, li għandu kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huwa applikabbli direttament u minnufih. Għalhekk, il-prolongament tal-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandu wkoll isir permezz tal-adozzjoni ta’ Regolament.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    3.1Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta għall-prolongament tar-Regolament (UE) 2022/2576 ħalli tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx issir konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Madankollu, il-kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tar-Regolament, inkluża l-ħtieġa għall-applikazzjoni kontinwata tad-dispożizzjonijiet tiegħu, ġew diskussi fil-fora rilevanti, bħall-Bord ta’ Tmexxija ad hoc u l-Grupp Konsultattiv Industrijali.

    3.2Valutazzjoni tal-impatt

    Din il-proposta biex jiġi prolongat ir-“Regolament dwar is-Solidarjetà tal-Gass” hija miżura ta’ emerġenza bbażata fuq l-Artikolu 122(1) tat-TFUE biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet u r-riskji serji persistenti għas-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE. Għal din ir-raġuni, ma setgħetx titwettaq valutazzjoni tal-impatt. Madankollu, il-proposta hija bbażata fuq il-konklużjonijiet tar-Rapport dwar is-sejbiet ewlenin tar-rieżami tar-Regolament (UE) 2022/2576.

    3.3Drittijiet fundamentali

    Ma ġie identifikat l-ebda impatt negattiv fuq id-drittijiet fundamentali. Il-miżuri fil-qafas ta’ dan l-istrument mhux se jaffettwaw id-drittijiet tal-klijenti li huma kkategorizzati bħala protetti skont ir-Regolament (UE) 2017/1938, inkluż il-klijenti domestiċi kollha. L-istrument se jippermetti tnaqqis fir-riskji assoċjati mal-iskarsezza tal-gass, li inkella jkollhom implikazzjonijiet kbar fuq l-ekonomija u s-soċjetà.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    L-implikazzjonijiet baġitarji huma limitati għall-ħtieġa li tiġi ffinanzjata l-estensjoni tal-kuntratt ta’ servizzi bejn il-Kummissjoni u l-fornitur ta’ servizzi li jħaddem il-pjattaforma tal-aggregazzjoni tad-domanda “AggregateEU”.

    L-impatt baġitarju fuq il-baġit tal-UE assoċjat ma’ din il-proposta jikkonċerna wkoll ir-riżorsi umani u nefqiet amministrattivi oħra tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) għall-Enerġija tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll tal-ACER. Il-proposta għandha l-għan li tipprolonga d-dispożizzjonijiet li stabbilew arkitettura msaħħa għas-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass, b’obbligi ġodda għall-Istati Membri u, b’mod korrispondenti, rwol imsaħħaħ għad-DĠ Enerġija f’firxa wiesgħa ta’ oqsma meta mqabbla mal-perjodu ta’ qabel ir-Regolament inizjali – jiġifieri:

    Il-ġestjoni u l-implimentazzjoni ġenerali tar-Regolament (3 FTE),

    Ħidma biex titfassal implimentazzjoni konformi mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-konsorzju tax-xiri tal-gass, li teħtieġ skambji mal-industrija (2 FTE),

    Il-valutazzjoni tat-talbiet tal-Istati Membri għall-kwoti fir-rigward ta’ volumi ogħla ta’ gass kritiku, talbiet ta’ segwitu għas-solidarjetà, faċilitazzjoni tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ solidarjetà (1 FTE),

    Assistenza amministrattiva (2 FTE),

    Il-proposta tistabbilixxi wkoll kompiti ġodda għall-ACER biex tiġbor data dwar it-tranżazzjonijiet tal-LNG bl-għan li tistabbilixxi parametru referenzjarju tal-LNG (5 FTE).

    Din il-proposta ma tirrikjedix riżorsi baġitarji oħra minbarra dawk li kienu diġà allokati fil-kuntest tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2576 u stabbiliti fid-dikjarazzjoni finanzjarja li takkumpanja r-Regolament (UE) 2022/2576.

    5.ELEMENTI OĦRA

    5.1Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Il-bidliet proposti huma mmirati u għandhom kamp ta’ applikazzjoni limitat biex jipprolongaw l-perjodu ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2022/2576 b’sena.

    Fl-Artikolu 31, huwa propost li l-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament jinbidel mit-30 ta’ Diċembru 2023 (id-data ta’ sena wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2022/2576) għall-31 ta’ Diċembru 2024.

    2023/0444 (NLE)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) 2022/2576 fir-rigward tal-prolongament tal-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2576 5  ġie adottat fid-dawl tal-kriżi tal-provvista tal-gass ikkawżata mill-invażjoni totali mhux provokata u mhux ġustifikata Russa tal-Ukrajna fi Frar 2022 u l-ħtieġa li l-Unjoni tirreaġixxi b’miżuri temporanji fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri. Għandu l-għan li jtaffi l-impatt fuq il-prezzijiet tal-gass billi jindirizza d-domanda u l-provvista tiegħu, filwaqt li jiżgura s-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni kollha, u jsaħħaħ is-solidarjetà.

    (2)Ir-Regolament (UE) 2022/2576 jipprovdi qafas legali temporanju fir-rigward ta’ koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass, miżuri biex jipprevjenu prezzijiet eċċessivi tal-gass u volatilità eċċessiva fl-istess jum fis-swieq tad-derivattivi tal-enerġija, u miżuri f’każ ta’ emerġenza tal-gass.

    (3)Il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2576 oriġinarjament kien limitat għat-30 ta’ Diċembru 2023.

    (4)F’konformità mal-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2022/2576, il-Kummissjoni wettqet rieżami ta’ dak ir-Regolament, li r-riżultati tiegħu huma miġbura fil-qosor fir-Rapport dwar is-sejbiet ewlenin tar-rieżami tar-Regolament tat-28 ta’ Settembru 2023 (“ir-Rapport”) 6 . Ir-Rapport ikkonkluda li r-Regolament (UE) 2022/2576 kellu rwol importanti biex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni tas-suq tal-gass u tiġi żgurata provvista adegwata tal-gass lill-Unjoni, u li huwa element importanti tal-sett ta’ għodod tal-UE għas-sigurtà tal-provvista tal-gass.

    (5)Ir-Regolament (UE) 2022/2576 jistabbilixxi pjattaforma tal-aggregazzjoni tad-domanda u jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-impriżi tal-gass naturali u l-impriżi li jikkunsmaw il-gass taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom jipparteċipaw fil-proċess ta’ aggregazzjoni tad-domanda organizzat mill-fornitur tas-servizzi bħala wieħed mill-mezzi possibbli biex jintlaħqu l-miri tal-mili msemmija fir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 , kif emendat bir-Regolament (UE) 2022/1032. L-Istati Membri u l-impriżi tal-gass naturali kif ukoll l-impriżi li jikkonsmaw il-gass ipparteċipaw b’mod effettiv fil-mekkaniżmu ta’ aggregazzjoni tad-domanda u xiri konġunt stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2022/2576 (“AggregateEU”) u kkontribwew għall-fatt li sa Ottubru 2023 inkisbet aggregazzjoni totali ta’ 44,04 bcm ta’ domanda għall-gass, li huwa ekwivalenti għal aktar minn tliet darbiet tal-ammonti obbligatorji għall-aggregazzjoni tad-domanda. Dan juri li “AggregateEU” attira interess sinifikanti mill-parteċipant fis-suq.

    (6)Ir-Rapport ikkonkluda li l-mekkaniżmu “AggregateEU” ta opportunitajiet addizzjonali lix-xerrejja Ewropej biex jixtru l-gass mingħand fornituri affidabbli b’kundizzjonijiet kompetittivi kif ukoll bi trasparenza tas-suq fuq id-domanda u l-provvista, u b’hekk ikkontribwixxa biex tonqos il-volatilità tas-swieq.

    (7)Fir-rigward tar-regoli ta’ sorveljanza tas-suq, ir-Regolament (UE) 2022/2576 jirrikjedi li kull ċentru tan-negozjar li fuqu jiġu nnegozjati d-derivattivi ta’ komoditajiet relatati mal-enerġija jrid jistabbilixxi, għal kull derivattiv ta’ komoditajiet relatat mal-enerġija nnegozjat fuqu, mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum ibbażat fuq limitu massimu u minimu tal-prezz (“limiti tal-prezz”) li jiddefinixxi l-prezzijiet li ’l fuq minnhom u taħthom ma jistgħux jiġu eżegwiti l-ordnijiet (“mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum”). Ir-Rapport sab li s-swieq tal-gass għad qed ikollhom episodji ta’ volatilità sinifikanti u li l-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum jista’ jkollu rwol fl-evitar ta’ żidiet eċċessivi fil-prezzijiet u fl-istabbilizzazzjoni tas-suq.

    (8)Skont ir-Regolament (UE) 2022/2576, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) hija meħtieġa li tippubblika valutazzjonijiet ta’ kuljum tal-prezz tal-gass naturali likwifikat (LNG) u parametru referenzjarju ta’ kuljum tal-LNG abbażi tad-data tas-suq tal-LNG dwar tranżazzjonijiet li l-ACER jenħtieġ li tiġbor u tipproċessa sistematikament. Il-valutazzjonijiet tal-prezz tal-LNG u l-parametru referenzjarju pprovdew lis-suq aktar trasparenza u b’hekk saħħew il-kapaċità tal-atturi tas-suq biex jiżguraw provvisti tal-LNG bi prezzijiet kompetittivi. Ir-Rapport sab li l-valutazzjoni tal-prezz tal-LNG u l-parametru referenzjarju kienu utli fl-istabbilizzazzjoni tas-suq.

    (9)Ir-Regolament (UE) 2022/2576 jipprevedi għadd ta’ dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà tal-provvista u s-solidarjetà fil-każ ta’ emerġenza tal-gass biex tiġi koordinata aħjar l-organizzazzjoni tal-miżuri tas-solidarjetà tal-enerġija f’sitwazzjoni ta’ emerġenza. Il-Kapitolu IV tiegħu kkomplementa temporanjament ir-Regolament (UE) 2017/1938, b’mod partikolari billi għamel il-mekkaniżmu tas-solidarjetà applikabbli b’mod awtomatiku fin-nuqqas ta’ ftehimiet bilaterali, u billi estenda l-mekkaniżmu tas-solidarjetà għal-LNG u għall-volumi kritiċi tal-gass għall-elettriku. Barra minn hekk, żdiedet dispożizzjoni li tiffaċilita t-tnaqqis tad-domanda mill-klijenti protetti, kif ukoll miżura li tissalvagwardja l-flussi transfruntieri. Ir-Rapport ikkonkluda li d-dispożizzjonijiet temporanji dwar is-sigurtà tal-provvista u s-solidarjetà kienu utli biex tiġi evitata u tittaffa kriżi tal-gass, u biex jiġu ffaċilitati l-isforzi għat-tnaqqis fid-domanda.

    (10)Il-konklużjoni tar-Rapport li għadhom jippersistu bosta diffikultajiet għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni għadha tapplika. Is-sitwazzjoni globali fis-suq tal-gass għadha limitata ħafna. Il-prezzijiet tal-gass għadhom b’mod konsiderevoli ogħla minn kif kienu qabel il-kriżi b’konsegwenzi inevitabbli fuq il-kapaċità tal-akkwist taċ-ċittadin tal-Unjoni u l-kompetittività tan-negozji tal-Unjoni. Il-volatilità tas-suq hija aspett ieħor tas-sitwazzjoni attwali. L-episodji reċenti ta’ volatilità sinifikanti fis-sajf u l-ħarifa tal-2023, ikkawżati minn avvenimenti bħall-istrajk fil-faċilitajiet Awstraljani tal-LNG jew l-interruzzjoni tal-Balticconnector, juru li s-swieq għadhom fraġli u vulnerabbli għal saħansitra xokkijiet relattivament żgħar fuq id-domanda u l-provvista. Il-kriżi li għaddejja fil-Lvant Nofsani tikkostitwixxi riskju ġeopolitiku sinifikanti addizzjonali b’impatt potenzjali fuq il-prezzijiet u l-provvista tal-gass. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-biża’ tal-iskarsezza tista’ tirriżulta f’reazzjonijiet kbar b’riperkussjonijiet serji fuq il-prezzijiet.

    (11)Minħabba t-tnaqqis sinifikanti tal-importazzjonijiet mir-Russja tal-gass mill-pipelines fl-aħħar sena, id-disponibbiltà tal-provvisti tal-gass lill-Unjoni naqqsu b’mod konsiderevoli meta mqabbla ma’ dawk ta’ qabel il-kriżi. Bil-livelli attwali ta’ importazzjonijiet tal-gass mill-pipelines, l-Unjoni hija mistennija tirċievi madwar 20 bcm ta’ importazzjonijiet mill-pipelines Russi, dejjem jekk dawn l-importazzjonijiet mhux affidabbli ma jiġux interrotti għalkollox. Din iċ-ċifra kieku tkun madwar 110 bcm inqas minn dik fl-2021. Dan it-tnaqqis jikkostitwixxi riskju li jseħħu skarsezzi tal-gass fl-Unjoni.

    (12)Is-swieq globali tal-gass bħalissa huma limitati ħafna u huma mistennija li jibqgħu limitati għal ċertu żmien. Il-provvista globali tal-LNG kibret biss ftit f’dawn l-aħħar sentejn minħabba żidiet limitati fil-kapaċità ta’ likwefazzjoni, qtugħ fil-faċilitajiet ewlenin ta’ esportazzjoni u provvista dejjem tonqos ta’ sorsi ta’ gass fl-impjanti tal-LNG. Kapaċità ġdida sinifikanti ta’ likwefazzjoni tal-LNG għandha tibda tiġi distribwita biss matul l-2025. Għalhekk, l-iżbilanċi tas-suq se jibqgħu prekarji fil-futur immedjat. Din is-sitwazzjoni għandha konsegwenzi negattivi fuq il-prezzijiet tal-gass li, għalkemm huma aktar baxxi mill-eqqel tal-kriżi fis-sajf tal-2022, baqgħu aktar mid-doppju meta mqabbla mal-livell ta’ qabel il-kriżi.

    (13)Fid-dawl tal-kundizzjonijiet limitati attwali tas-suq, il-prezzijiet jistgħu jerġgħu jiżdiedu minħabba avvenimenti mhux prevedibbli u xokkijiet f’daqqa bħall-irpiljar fid-domanda Asjatika għal-LNG li jnaqqas id-disponibbiltà tal-gass fis-suq globali tal-gass, xitwa kiesħa li tista’ twassal għal żieda fid-domanda għall-gass sa 30 bcm, temp estrem li potenzjalment jista’ jaffettwa l-ħżin tal-enerġija idroelettrika u l-produzzjoni nukleari minħabba livelli baxxi tal-ilma, u ż-żieda sussegwenti fid-domanda għall-ġenerazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-gass; interruzzjonijiet ulterjuri tal-infrastrutturi kritiċi, wara l-atti ta’ sabotaġġ kontra l-pipelines NordStream f’Settembru 2022 u l-interruzzjoni tal-pipeline Balticconnector f’Ottubru 2023, u deterjorament tal-ambjent ġeopolitiku u xenarju ta’ theddid fir-reġjuni li jipprovdu l-gass, pereżempju bil-kriżi fil-Lvant Nofsani.

    (14)Minħabba l-bilanċ limitat attwali bejn il-provvista u d-domanda, anke interruzzjoni moderata fil-provvista tal-gass jew saħansitra theddida ta’ interruzzjonijiet bħal dawn jistgħu jkollhom impatt drammatiku fuq is-suq tal-gass u jistgħu jikkawżaw ħsara serja u dejjiema lill-ekonomija u liċ-ċittadini tal-Unjoni.

    (15)Il-kriżi attwali qed tesponi lill-Unjoni kollha għal riskji ta’ skarsezza tal-enerġija u għal prezzijiet għoljin tal-enerġija. Id-diffikultajiet serji persistenti li għadhom jaffettwaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-Unjoni, kif ukoll xi diffikultajiet addizzjonali ġodda, u l-livell tal-prezzijiet tal-gass jistgħu jkollhom impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni ekonomika, il-kompetittività industrijali u l-kapaċità tal-akkwist taċ-ċittadini.

    (16)Peress li l-Unjoni hija suq uniku, skarsezza tal-gass fi Stat Membru wieħed ikollha konsegwenzi serji fl-Istati Membri l-oħra kollha minħabba l-iskarsezza fiżika fil-provvista tal-gass, il-volatilità tal-prezzijiet jew l-interruzzjoni tal-ktajjen industrijali li jirriżultaw minn restrizzjonijiet possibbli ta’ industriji speċifiċi fi Stat Membru. Barra minn hekk, fi spirtu ta’ solidarjetà, l-Istati Membri kollha jistgħu jikkontribwixxu biex ikomplu jnaqqsu r-riskji ta’ skarsezza tal-enerġija u b’hekk jgħinu biex titrażżan il-volatilità tal-prezzijiet tal-gass.

    (17)Il-prolongament tal-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2576 jikkostitwixxi miżura eċċezzjonali u limitata fiż-żmien, b’rispons għal diffikultajiet serji persistenti u ġodda fil-provvista tal-enerġija, li jġibu magħhom riskju ta’ kriżi imminenti. Il-prolongament inaqqas b’mod ċar il-volatilità tas-swieq u jsaħħaħ is-solidarjetà.

    (18)Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni hija urġenti. Jekk ma jiġix prolongat il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2022/2576, li se jieqaf japplika fit-30 ta’ Diċembru 2023, jista’ jkun hemm bidliet fis-sitwazzjoni fraġli iżda stabbli li l-Unjoni rnexxielha żżomm sal-lum, u deterjorament tar-reżiljenza għal żviluppi futuri possibbli, fosthom li jirnexxilha twaqqaf għalkollox l-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja. Prolongament tal-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2576 huwa wkoll konsistenti mal-Pjan “REPowerEU” 8 li kellu l-għan li jipproteġi liċ-ċittadini u l-ekonomija tal-Unjoni kontra prezzijiet eċċessivi u skarsezzi fil-provvista tal-enerġija.

    (19)Il-limitazzjonijiet persistenti fil-provvista tal-enerġija jiġġustifikaw prolongament tad-dispożizzjonijiet dwar l-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt fir-Regolament (UE) 2022/2576, peress li jgħinu biex jiġi żgurat aċċess aktar ugwali għall-impriżi fl-Istati Membri kollha għal sorsi ta’ gass ġodda jew addizzjonali. Jgħinu wkoll biex jiġu żgurati kundizzjonijiet aħjar minn dawk li kieku kienu japplikaw għall-impriżi li jixtru l-gass permezz tal-użu tal-fornitur ta’ servizzi, u b’hekk jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista.

    (20)Il-prolongament tad-dispożizzjonijiet dwar l-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt isaħħaħ is-solidarjetà tal-Unjoni fix-xiri u d-distribuzzjoni tal-gass. Fi spirtu ta’ solidarjetà, id-disponibbiltà prolongata tal-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt tappoġġa b’mod partikolari lil dawk l-impriżi li qabel kienu qed jixtru l-gass biss jew prinċipalment mingħand fornituri Russi billi tgħinhom jiksbu provvisti minn fornituri alternattivi tal-gass naturali jew fornituri oħra b’kundizzjonijiet vantaġġużi.

    (21)Sabiex jiġu appoġġati l-parteċipanti fis-suq tul din ix-xitwa u fl-istaġun li jmiss tal-mili tal-ħażniet, jenħtieġ li tiġi żgurata kontinwità fit-tħaddim tal-mekkaniżmu ta’ aggregazzjoni tad-domanda u xiri konġunt (“AggregateEU”). Dan jinkludi l-possibbiltà li jiġi estiż il-kuntratt attwali mal-fornitur ta’ servizzi f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 9 .

    (22)Bil-ħsieb tal-vantaġġi għall-konsumaturi, l-istabbiltà fil-prezzijiet u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, prolongament huwa wkoll ġustifikat fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum u valutazzjoni tal-prezzijiet u parametru referenzjarju tal-LNG.

    (23)Fid-dawl tar-riskji persistenti għall-provvisti stabbli tal-gass imsemmijin hawn fuq, jixraq ukoll li jiġu prolongati d-dispożizzjonijiet fil-każ ta’ emerġenza tal-gass (il-Kapitolu IV) għal sena oħra, f’konformità mas-sejbiet dwar l-effett pożittiv tad-dispożizzjonijiet fir-Rapport. Il-valuri għall-volumi kritiċi tal-gass fl-Anness I jibqgħu validi għall-perjodu ta’ applikazzjoni prolongat tar-Regolament sa tmiem l-2024.

    (24)L-applikazzjoni estiża tar-Regolament (UE) 2022/2576 jenħtieġ li tkun temporanja, jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2023 sabiex tiġi żgurata applikazzjoni kontinwata tad-dispożizzjonijiet rilevanti, u jenħtieġ li ddum sena, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2024. Il-prolongament b’sena huwa meħtieġ u proporzjonat minħabba n-natura persistenti tad-diffikultajiet serji għall-provvisti tal-enerġija u r-riskji li jirriżultaw għall-prezzijiet u għas-sigurtà tal-provvista li huma mistennija jkomplu matul l-2024 kollu. L-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2576 jenħtieġ li ma tintroduċix obbligi addizzjonali lil hinn mill-prolongament temporanju, b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jiżguraw il-parteċipazzjoni fl-aggregazzjoni tad-domanda.

    (25)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2022/2576 japplika sal-31 ta’ Diċembru 2024.

    (26)Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dak l-objettiv.

    (27)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2022/2576 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament (UE) 2022/2576

    Ir-Regolament (UE) 2022/2576 huwa emendat kif ġej:

    (1)Fl-Artikolu 31, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2024.”

    (2)Fl-Anness I, in-nota ta’ qiegħ il-paġna (1) hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Iċ-ċifri fl-Anness I, il-partijiet (a) u (b), huma bbażati fuq data mill-valutazzjoni tal-adegwatezza tax-xitwa skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2019/941 min-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E), ħlief għal Malta li għaliha l-ġenerazzjoni tal-elettriku tiddependi esklużivament fuq il-konsenji tal-LNG mingħajr kapaċitajiet sinifikanti tal-ħżin. Minħabba l-ispeċifiċità tal-gass b’valur kalorifiku baxx, il-valuri għan-Netherlands f’din it-tabella jenħtieġ li jiġu mmultiplikati b’fattur ta’ konverżjoni ta’ 37,89 diviż b’35,17. L-Anness I, il-parti (a), jirrappreżenta l-volumi individwali mensili kkalkulati mill-ENTSO-E għax-xhur ta’ Diċembru 2022 sa Marzu 2023; iċ-ċifri fl-Anness I, il-parti (b), għax-xhur minn April 2023 sa Diċembru 2024 jirrappreżentaw il-medja tal-valuri fil-perjodu bejn Diċembru 2022 u Marzu 2023.”

    (3)Fl-Anness I(b), l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Volumi kritiċi massimi ta’ gass għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku skont l-Artikolu 23 għall-perjodu bejn April 2023 u Diċembru 2024 (valuri f’miljuni metri kubi)

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2023.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    COM(2023) 547 final.
    (2)     https://www.iea.org/reports/background-note-on-the-natural-gas-supply-demand-balance-of-the-european-union-in-2023  
    (3)     https://iea.blob.core.windows.net/assets/f45a2340-8479-4585-b26e-ec5e9b14feca/GlobalGasSecurityReview2023IncludingtheGasMarketReportQ32023.pdf .
    Kmieni f’Novembru 2023, l-inventarji tal-gass tal-UE laħqu livell għoli rekord ta’ kapaċità ta’ aktar minn 99 %.
    (4)     SO0052-23_Winter Supply Outlook 2023-24 with Summer 2024 Overview.pdf (entsog.eu)
    (5)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2576 tat-19 ta’ Diċembru 2022 li jsaħħaħ is-solidarjetà permezz ta’ koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass, parametri referenzjarji affidabbli tal-prezzijiet u skambji transfruntieri tal-gass (ĠU L 335, 29.12.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2576/oj ).
    (6)    COM(2023) 547 final.
    (7)    Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1938/oj).
    (8)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Il-Pjan REPowerEU, COM(2022) 230 final, 18.5.2022.
    (9)    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1046/oj).
    Top