EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0568

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL dwar is-sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Etjopja

COM/2023/568 final

Brussell, 27.9.2023

COM(2023) 568 final

2023/0344(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar is-sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Etjopja


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

F’konformità mal-Artikolu 25a(2) tal-Kodiċi dwar il-Viżi 1 , jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta regolarment il-kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi dwar ir-riammissjoni u tirrapporta lill-Kunsill mill-inqas darba fis-sena.

Abbażi ta’ dawn il-valutazzjonijiet u filwaqt li jitqiesu l-passi meħuda mill-Kummissjoni biex ittejjeb il-livell ta’ kooperazzjoni fil-qasam tar-riammissjoni u r-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li l-pajjiż terz partikolari ma jkunx qed jikkoopera biżżejjed u li għalhekk hija meħtieġa azzjoni. F’dan il-każ, il-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 25a(5), il-punt(a) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, għandha tissottometti proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill li tissospendi l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi fir-rigward taċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz. F’kull ħin, il-Kummissjoni għandha tkompli bl-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kooperazzjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat.

   Il-każ tal-Etjopja

Fi Frar 2018 l-UE kkonkludiet arranġament ta’ riammissjoni mhux vinkolanti mal-Etjopja (“Proċedura ta’ ammissjoni għar-ritorn tal-Etjopjani mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea”). Minn dak iż-żmien ’l hawn, saru żewġ laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma Konġunt, fit-13 ta’ Mejju 2019 u fit-28 ta’ Novembru 2019, sabiex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-arranġament. L-impenn dwar ir-riammissjoni, inkluż dwar l-eżitu tal-valutazzjoni annwali skont l-Artikolu 25a tal-Kodiċi dwar il-Viżi, kompla fil-livell lokali, inkluż matul l-istat ta’ emerġenza nazzjonali, iddikjarat f’Novembru 2021 wara l-konflitt fit-Tramuntana tal-Etjopja, u li ntemm fi Frar 2022.

Minkejja l-arranġament ta’ riammissjoni eżistenti, l-isforzi biex jiġi intensifikat l-impenn dwar ir-riammissjoni u l-għoti ta’ assistenza teknika mill-UE, il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni mal-Etjopja ma tjibitx. L-UE bagħtet messaġġi ċari lill-Etjopja dwar il-ħtieġa li l-Etjopja ttejjeb il-kooperazzjoni fir-riammissjoni taċ-ċittadini tagħha li ma għandhom l-ebda dritt li jibqgħu fl-Istati Membri tal-UE u biex timplimenta bis-sħiħ l-arranġament ta’ riammissjoni, inkluż permezz tal-identifikazzjoni rapida tal-Etjopjani mingħajr id-dritt li jibqgħu fl-UE u l-ħruġ ta’ dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar għar-ritorni kollha, inklużi dawk furzati. Dawn il-messaġġi, imwassla f’laqgħat tekniċi, matul laqgħat bilaterali mal-Istati Membri u lill-Ambaxxatur Etjopjan għall-UE f’April 2023, u l-impenn mal-awtoritajiet tal-Etjopja ma tawx ir-riżultati mistennija u ma wasslux għal titjib fil-kooperazzjoni.

Il-kooperazzjoni mal-Etjopja dwar ir-riammissjoni taċ-ċittadini tagħha li nstabu b’soġġorn illegali fit-territorju tal-Istati Membri tal-UE għadha insuffiċjenti, kif sostanzjat mir-rata baxxa ta’ ritorn (l-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn infurzati meta mqabbel mal-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa), li kienet ta’ 10 % fl-2021 u fl-2022, u mir-rata ta’ ħruġ li b’mod ġenerali qed tonqos (jiġifieri l-għadd ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa minn pajjiżi terzi meta mqabbel mal-għadd ta’ talbiet ta’ riammissjoni ppreżentati mill-Istati Membri). L-Istati Membri jiffaċċjaw sfidi persistenti fl-istabbiliment ta’ djalogu sinifikanti u impenn dwar ir-riammissjoni mal-Etjopja, b’mod partikolari fir-rigward tar-ritorni furzati.

Fil-qafas ta’ valutazzjonijiet kontinwi mwettqa mill-Kummissjoni abbażi ta’ data u informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri, diskussjonijiet fil-Gruppi ta’ Ħidma tal-Kunsill u laqgħat tal-gruppi ta’ esperti rilevanti, kif ukoll mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, l-Istati Membri rrapportaw għadd ta’ kwistjonijiet li jxekklu l-passi differenti tal-proċess ta’ riammissjoni, inklużi l-identifikazzjoni ta’ ċittadini Etjopjani, il-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar, u l-organizzazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ ritorn. In-nuqqas ta’ tweġibiet tal-awtoritajiet Etjopjani għat-talbiet tal-Istati Membri għall-identifikazzjoni, jirriżulta li fil-prattika, ir-ritorn ta’ persuni mingħajr dokumenti huwa impossibbli. Il-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar lil persuni li ċ-ċittadinanza Etjopjana tagħhom ġiet ikkonfermata, pereżempju permezz ta’ missjonijiet ta’ identifikazzjoni mwettqa f’dawn l-aħħar snin, għadu problematiku. Fl-2022 kien hemm għadd limitat ħafna ta’ ritorni, bl-ebda ritorn permezz ta’ titjiriet charter.

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, in-nuqqas ta’ titjib, minkejja l-passi kontinwi meħuda sa issa mill-Kummissjoni biex ittejjeb il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni, u b’kont meħud tar-relazzjonijiet ġenerali tal-UE mal-Etjopja, ġie meqjus li l-kooperazzjoni tal-Etjopja mal-UE dwar ir-riammissjoni mhijiex biżżejjed u li hija meħtieġa aktar azzjoni.

   Ir-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni mal-Etjopja

L-Etjopja hija pajjiż ewlieni għall-istabbiltà fil-Qarn tal-Afrika. Hija t-tieni pajjiż l-aktar popolat fl-Afrika (110 miljun abitant) u tospita kważi 900 000 refuġjat mir-reġjun. Il-konflitt intern li ilu fl-Etjopja sa minn Novembru 2020, wassal għall-iffirmar tal-Ftehim dwar il-Waqfien Permanenti tal-Ostilitajiet fl-Etjopja. Is-sitwazzjoni għadha fraġli u t-tensjonijiet interni għadhom għaddejjin. Qegħdin jiġu mmonitorjati l-proċessi ta’ ġustizzja tranżizzjonali u ta’ riabilitazzjoni. Bħalissa għaddejjin bin-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Etjopja u t-tnedija mill-ġdid ta’ djalogu politiku sinifikanti mal-awtoritajiet. Matul l-istadju kritiku tal-konflitt fis-Sudan, l-awtoritajiet Etjopjani pprovdew assistenza sostanzjali fil-ħruġ ta’ viżi u l-faċilitajiet fil-fruntiera matul l-evakwazzjoni taċ-ċittadini tal-UE mis-Sudan.

Il-pajjiż igawdi minn aċċess għas-suq Ewropew mingħajr dazju u mingħajr kwoti taħt l-iskema “Kollox Minbarra Armi”.

L-Etjopja hija membru tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp u membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Proċess ta’ Khartoum. L-Etjopja hija parti għall-Ftehim ta’ Cotonou. L-Etjopja ilha sieħba importanti għall-Unjoni Ewropea, bi sħubija fit-tul li tmur lura aktar minn 40 sena. Fl-2016, l-UE u l-Etjopja ffirmaw “Impenn Strateġiku”, li jimpenja liż-żewġ naħat jikkooperaw mill-qrib f’oqsma li jvarjaw mill-paċi u s-sigurtà reġjonali, għall-kummerċ u l-investiment, u jinkludi l-migrazzjoni u l-ispostament furzat. L-UE tipproponi li tassisti lill-Etjopja permezz tal-NDICI-GE bi programm Indikattiv Pluriennali Nazzjonali għall-perjodu 2024-2027 (adozzjoni mistennija fl-aħħar ta’ Settembru). Dan se jkopri tliet oqsma ta’ prijorità: il-Patt Ekoloġiku, l-Iżvilupp tal-Bniedem (inklużi l-migrazzjoni u l-ispostament furzat) u l-Governanza/l-Konsolidazzjoni tal-Paċi.

   Il-miżuri dwar il-viżi

Kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tissospendi temporanjament l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi fir-rigward ta’ ċittadini Etjopjani. Madankollu, jenħtieġ li s-sospensjoni ma tapplikax għall-membri tal-familja Etjopjani ta’ ċittadini (mobbli) tal-UE koperti mid-Direttiva 2004/38/KE 2 u ta’ membri tal-familja Etjopjani ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu minn dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak taċ-ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda u l-pajjiżi terzi kkonċernati min-naħa l-oħra.

Il-kontenut tal-miżuri tal-viża

In-nuqqas tal-Etjopja li tikkoopera biżżejjed fir-riammissjoni jiġġustifika s-sospensjoni temporanja tal-artikoli kollha msemmija fl-Artikolu 25a(5), il-punt (a) tal-Kodiċi dwar il-Viżi: is-sospensjoni tal-possibbiltà ta’ rinunzja tar-rekwiżiti fir-rigward tal-evidenza dokumentarja li għandha tiġi ppreżentata mill-applikanti għal viża msemmija fl-Artikolu 14(6); is-sospensjoni tal-perjodu ġenerali ta’ pproċessar ta’ 15-il jum kalendarju msemmi fl-Artikolu 23(1) (li bħala konsegwenza teskludi wkoll l-applikazzjoni tar-regola li tippermetti l-estensjoni ta’ dan il-perjodu sa massimu ta’ 45 jum f’każijiet individwali biss, u b’hekk 45 jum isiru l-perjodu tal-ipproċessar standard); is-sospensjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal dħul multiplu f’konformità mal-Artikolu 24(2) u (2c); u s-sospensjoni tal-eżenzjoni mit-tariffa tal-viża fakultattiva għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi u tas-servizz f’konformità mal-Artikolu 16(5), il-punt (b).

Il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri dwar il-viżi

Il-Kodiċi dwar il-Viżi jipprevedi li l-miżuri dwar il-viżi għandhom japplikaw b’mod temporanju iżda ma hemm l-ebda obbligu li jiġi indikat perjodu speċifiku ta’ applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 25a(6) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta kontinwament il-progress fil-kooperazzjoni ta’ riammissjoni fuq il-bażi tal-indikaturi stabbiliti fl-Artikolu 25a(2) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, inkluż fl-assistenza pprovduta għall-identifikazzjoni ta’ persuni b’soġġorn illegali fit-territorju tal-Istati Membri, il-ħruġ f’waqtu ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u l-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar jekk jistax jiġi stabbilit titjib sostanzjali u sostnut fil-kooperazzjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat dwar ir-riammissjoni u, b’kont meħud ukoll tar-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni ma’ dak il-pajjiż terz, tista’ tippreżenta proposta lill-Kunsill biex titħassar jew tiġi emendata d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Jekk għall-kuntrarju ta’ dan, il-miżuri dwar il-viżi skont id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni wrew li huma ineffettivi, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat l-iskattar tat-tieni stadju tal-mekkaniżmu kif previst mill-Artikolu 25a(5), il-punt (b) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

Skont l-Artikolu 25a(7) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, il-Kummissjoni - sa mhux aktar tard minn 6 xhur wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni - se tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress miksub fil-kooperazzjoni tal-pajjiż terz partikolari dwar ir-riammissjoni.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Id-deċiżjoni proposta hija konsistenti mal-Kodiċi dwar il-Viżi li jistabbilixxi r-regoli armonizzati tal-politika komuni dwar il-viżi li jirregolaw il-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi għal soġġorni maħsuba fit-territorju tal-Istati Membri li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-UE tippromwovi approċċ komprensiv dwar il-migrazzjoni u l-ispostament furzat, ibbażat fuq valuri u responsabbiltajiet kondiviżi. Il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil jipprevedi l-iżvilupp u l-approfondiment ta’ sħubiji komprensivi u bbilanċjati mfassla apposta biex titrawwem il-kooperazzjoni dwar l-aspetti rilevanti kollha:

   l-għoti ta’ protezzjoni lil dawk li għandhom bżonnha u appoġġ lill-pajjiżi u l-komunitajiet ospitanti;

   il-bini ta’ opportunitajiet ekonomiċi u l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u l-ispostament furzat;

   l-appoġġ lis-sħab għat-tisħiħ tal-governanza u l-ġestjoni tal-migrazzjoni;

   it-trawwim tal-kooperazzjoni dwar ir-ritorn u r-riammissjoni;

   l-iżvilupp ta’ perkorsi legali lejn l-Ewropa.

Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi dwar ir-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali hija element importanti ta’ din il-politika. Biex jiġu msaħħa tali sħubijiet komprensivi u tiġi żgurata kooperazzjoni sħiħa minn pajjiżi terzi, il-Kunsill Ewropew talab lill-UE biex timmobilizza l-għodod kollha disponibbli, inklużi l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-kummerċ jew il-miżuri dwar il-viżi 3 .

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi l-Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi), l-Artikolu 25a(5), il-punt(a).

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

mhux applikabbli

Proporzjonalità

Il-miżuri proposti li l-għan tagħhom huwa li jtejbu l-kooperazzjoni tal-Etjopja dwar ir-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiż terzi b’soġġorn illegali, huma proporzjonati għall-għan imfittex. Dawn il-miżuri ma jaffettwawx il-possibbiltà għall-applikanti li japplikaw għall-viżi u jingħatawlhom, bħala tali, iżda jkopru ċerti aspetti tal-proċedura għall-ħruġ tal-viża. Barra minn hekk, ċerti kategoriji ta’ persuni huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

mhux applikabbli

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

mhux applikabbli

Ġbir u użu tal-għarfien espert

mhux applikabbli

Valutazzjoni tal-impatt

mhux applikabbli

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

mhux applikabbli

Drittijiet fundamentali

Il-miżuri proposti ma jaffettwawx il-possibbiltà li wieħed japplika għal viża u tingħatalu, u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-applikanti, b’mod partikolari r-rispett għall-ħajja għal-familja.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

mhux applikabbli

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

mhux applikabbli

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

mhux applikabbli

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni proposta.

Il-paragrafi 1 u 2 jispeċifikaw li dan japplika biss għaċ-ċittadini tal-Etjopja li huma soġġetti għall-ħtieġa tal-viża, u mhux għal dawk li huma eżentati abbażi tal-Artikoli 4 jew 6 tar-Regolament (UE) 2018/1806.

Il-paragrafu 3 jeżenta mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni proposta applikanti għal viża li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE, u membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi minn dritt ta’ moviment ħieles ekwivalenti għal dak ta’ ċittadini tal-Unjoni taħt ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u pajjiż terz, min-naħa l-oħra.

Il-paragrafu 4 jispeċifika li d-deċiżjoni proposta hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri.

L-Artikolu 2 jistabbilixxi li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Kodiċi dwar il-Viżi għandha tiġi sospiża temporanjament għaċ-ċittadini tal-Etjopja li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni proposta:

Il-possibbiltà li l-Istati Membri jirrinunzjaw ir-rekwiżit li jippreżentaw sett sħiħ ta’ dokumenti ta’ sostenn. Dan ifisser li sett sħiħ ta’ dokumenti ta’ sostenn li jagħtu prova tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet tad-dħul kif stabbiliti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen se jkollu jiġi ppreżentat f’kull applikazzjoni mill-applikanti kollha.

Il-possibbiltà li l-Istati Membri jirrinunzjaw it-tariffa tal-viża għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi u ta’ servizz. It-tariffa standard tal-viża ta’ EUR 80 se tapplika għal din il-kategorija ta’ applikanti.

Iż-żmien standard għall-ipproċessar għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni huwa ta’ 15-il jum. Dan ifisser li l-Istati Membri se jkollhom 45 jum biex jiddeċiedu dwar l-applikazzjonijiet.

Ir-regoli dwar il-ħruġ ta’ viża għal dħul multiplu. Dan ifisser li, fil-prinċipju, se jinħarġu biss viżi għal dħul wieħed.

L-Artikolu 3 fih il-lista tad-destinatarji tad-deċiżjoni proposta, jiġifieri l-Istati Membri rilevanti.

2023/0344 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar is-sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Etjopja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) 4 , u b’mod partikolari l-Artikolu 25a(5), il-punt (a), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni mal-Etjopja ġiet ivvalutata bħala insuffiċjenti skont l-Artikolu 25a(2) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009. Huwa meħtieġ titjib sinifikanti fil-kooperazzjoni dwar il-passi kollha tal-proċess ta’ riammissjoni, inkluż biex jiġi żgurat li l-Etjopja tikkoopera b’mod effettiv dwar l-identifikazzjoni u l-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar, kif ukoll dwar operazzjonijiet ta’ ritorn, mal-Istati Membri kollha fil-ħin u b’mod prevedibbli.

(2)Hemm sfidi persistenti fl-identifikazzjoni ta’ ċittadini Etjopjani b’soġġorn illegali fit-territorju tal-Istati Membri, minħabba n-nuqqas ta’ tweġibiet mill-awtoritajiet Etjopjani għat-talbiet ta’ riammissjoni, id-diffikultajiet bil-ħruġ ta’ dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar li ma jiġux ipprovduti anke meta ċ-ċittadinanza tkun ġiet ikkonfermata qabel, u l-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn għal ritorni volontarji u furzati fuq titjiriet skedati u charter.

(3)Filwaqt li jitqiesu d-diversi passi li ħadet il-Kummissjoni sa issa biex ittejjeb il-livell ta’ kooperazzjoni u r-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni mal-Etjopja, il-kooperazzjoni tal-Etjopja mal-Unjoni dwar kwistjonijiet ta’ riammissjoni mhijiex biżżejjed u li għalhekk hija meħtieġa azzjoni.

(4)Għalhekk, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tiġi sospiża temporanjament għaċ-ċittadini tal-Etjopja li huma soġġetti għall-ħtieġa tal-viża skont ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 . L-għan huwa li l-Etjopja tiġi mħeġġa tieħu l-azzjonijiet neċessarji biex ittejjeb il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ riammissjoni.

(5)Id-dispożizzjonijiet sospiżi temporanjament jenħtieġ li jkunu dawk imsemmija fl-Artikolu 25a(5), il-punt(a) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009: is-sospensjoni tal-possibbiltà ta’ rinunzja tar-rekwiżiti fir-rigward tal-evidenza dokumentarja li għandha tiġi ppreżentata mill-applikanti għall-viża msemmija fl-Artikolu 14(6), is-sospensjoni tal-perjodu ġenerali ta’ pproċessar ta’ 15-il jum kalendarju msemmi fl-Artikolu 23(1), li bħala konsegwenza teskludi wkoll l-applikazzjoni tar-regola li tippermetti l-estensjoni ta’ dan il-perjodu sa massimu ta’ 45 jum biss f’każijiet individwali, li jfisser li 45 jum isiru l-perjodu standard ta’ pproċessar, is-sospensjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal dħul multiplu f’konformità mal-Artikoli 24(2) u (2c), u s-sospensjoni tal-eżenzjoni mit-tariffa tal-viża fakultattiva għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi u tas-servizz f’konformità mal-Artikolu 16(5), il-punt (b).

(6)Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma taffettwax l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 , li testendi d-dritt tal-moviment liberu għall-membri tal-familja, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, meta jakkumpanjaw iċ-ċittadin tal-Unjoni jew meta jingħaqdu miegħu. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma tapplikax għal membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalih tapplika d-Direttiva 2004/38/KE, jew għall-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak ta’ ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u pajjiż terz.

(7)Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont id-dritt internazzjonali, inkluż bħala pajjiżi ospitanti ta’ organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali jew ta’ konferenzi internazzjonali msejħa min-Nazzjonijiet Uniti jew organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali oħra ospitati mill-Istati Membri. Għalhekk, jenħtieġ li s-sospensjoni temporanja ma tapplikax għaċ-ċittadini tal-Etjopja li japplikaw għal viża sa fejn ikun meħtieġ biex l-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligi tagħhom bħala pajjiżi ospitanti ta’ tali organizzazzjonijiet jew ta’ tali konferenzi.

(8)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien 6 xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni jekk hijiex se timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(9)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp ta’ dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 7 ; għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(10)Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati għall-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen 8 li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE 9 .

(11)Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen 10 li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE 11 .

(12)Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen 12 li jaqgħu fiż-żona msemmija fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE 13 .

(13)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b’xi mod ieħor huwa relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 u tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 rispettivament,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kamp ta’ Applikazzjoni

1.Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għaċ-ċittadini tal-Etjopja li huma soġġetti għall-ħtieġa tal-viża skont ir-Regolament (UE) 2018/1806.

2.Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tapplika għaċ-ċittadini tal-Etjopja li huma eżentati mill-ħtieġa tal-viża skont l-Artikolu 4 jew l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2018/1806.

3.Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tapplika għal ċittadini tal-Etjopja li japplikaw għal viża u li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalih tapplika d-Direttiva 2004/38/KE jew membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak ta’ ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u pajjiż terz.

4.Din id-deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut b’obbligu skont id-dritt internazzjonali, jiġifieri:

(a)bħala pajjiż ospitanti ta’ organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(b)bħala pajjiż ospitanti għal konferenza internazzjonali msejħa minn, jew taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti jew organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali oħra ospitati minn Stat Membru;

(c)taħt ftehim multilaterali li jagħti privileġġi u immunitajiet;

(d)skont it-Trattat ta’ Konċiljazzjoni tal-1929 (il-Patt Lateran) konkluż mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja, kif emendat l-aħħar.

Artikolu 2

Sospensjoni temporanja tal-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009

L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 għandha tiġi sospiża temporanjament:

(a)    l-Artikolu 14(6);

(b)    l-Artikolu 16(5), il-punt (b);

(c)    l-Artikolu 23(1);

(d)    l-Artikoli 24(2) u (2c).

Artikolu 3

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika tal-Estonja, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika tal-Kroazja, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika ta’ Ċipru, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, lill-Ungerija, lir-Repubblika ta’ Malta, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Repubblika Slovakka, lir-Repubblika tal-Finlandja u lir-Renju tal-Iżvezja.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi), ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1.
(2)    Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).
(3)    EUCO 22/21 (17)
(4)    ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1.
(5)    Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (kodifikazzjoni) (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39).
(6)    Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).
(7)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(8)    ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(9)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(10)    ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(11)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(12)    ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(13)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).
Top