Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0402

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea

COM/2023/402 final

Brussell, 10.7.2023

COM(2023) 402 final

2023/0237(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2023) 269 final} - {SWD(2023) 240 final} - {SWD(2023) 241 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Mill-1953 ’l hawn, flimkien mal-evoluzzjoni tal-Unjoni Ewropea, l-istatistika Ewropea qdiet rwol dejjem aktar importanti biex issostni l-attivitajiet, il-politiki u l-atti leġiżlattivi tal-UE, mit-tfassil u l-implimentazzjoni tagħhom sal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħhom.

Il-qafas legali attwali li jirregola l-istatistika Ewropea huwa r-Regolament (KE) Nru 223/2009, li ġie adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-2009. Fl-2015 ġie rivedut biex tissaħħaħ il-governanza ġenerali tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) u, b’mod partikolari, l-indipendenza professjonali tagħha. Minn dak iż-żmien ’l hawn, din il-governanza msaħħa wriet li hija effettiva.

Madankollu, il-kriżijiet finanzjarji kif ukoll dawk tal-migrazzjoni u tal-Covid-19 riċenti segwiti mill-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna amplifikaw id-domandi u l-aspettattivi ta’ statistika Ewropea aktar f’waqtha u aktar dettaljata, meħtieġa biex tinforma t-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u tiżgura l-aħjar rispons possibbli tal-UE għall-kriżijiet. Fil-passat reċenti, l-UE ħadet diversi inizjattivi leġiżlattivi biex tibni mekkaniżmi komprensivi ta’ rispons għall-kriżijiet permezz ta’ proposti bħall-mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili, l-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA), il-Mekkaniżmu ta’ Korrezzjoni tas-Suq, jew l-Istrument għall-Emerġenzi fis-Suq Uniku (SMEI).

Fl-istess ħin, l-ESS topera f’kuntest iggwidat minn trasformazzjoni diġitali profonda li ħolqot ħtiġijiet ġodda ta’ informazzjoni flimkien mal-iżvilupp ta’ ħafna sorsi tad-data diġitali. Dawn is-sorsi huma lesti biex jiġu sfruttati u jistgħu jgħinu jiġġeneraw statistika Ewropea li tista’ tissodisfa dawn il-ħtiġijiet b’mod aktar effiċjenti, estensiv u f’waqtu. Dan, min-naħa tiegħu, jista’ jżid it-tkabbir ekonomiku, jixpruna l-innovazzjoni, u jappoġġa r-responsabbiltà demokratika u l-benesseri ġenerali tas-soċjetà.

Minħabba f’hekk, inbidlu l-aspettattivi tal-utenti tal-istatistika Ewropea, filwaqt li baqgħu jiżdiedu t-talbiet għal informazzjoni aktar dettaljata, prodotta iżjed malajr, u aktar frekwenti, u li tagħti għarfien aktar profond biex tappoġġa l-politiki tal-UE bbażati fuq l-evidenza. Ir-regoli l-ġodda dwar il-protezzjoni tad-data skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), kif ukoll parametri ġodda għall-protezzjoni tal-privatezza, ukoll saru partijiet essenzjali minn dan l-ambjent il-ġdid. Bil-metodi ta’ produzzjoni kurrenti għall-istatistika Ewropea limitati għal sorsi tad-data tradizzjonali (eż. stħarriġ u rekords amministrattivi), dawn id-domandi li dejjem qed jiżdiedu saru diffiċli biex jiġu ssodisfati, jekk mhux impossibbli anki bl-allokazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali lill-awtoritajiet tal-istatistika.

Għalhekk, l-objettiv ġenerali ta’ din il-proposta huwa li l-qafas legali li jirregola l-istatistika Ewropea jkun adattat għall-futur u li jtejjeb b’mod sinifikanti r-rispons tal-ESS għall-ħtiġijiet tad-data. L-ESS se tkun tista’ tipproduċi statistika li hija aktar rilevanti, disponibbli aktar fil-pront, u aktar dettaljata. Din se ttejjeb l-effiċjenza u tnaqqas il-kostijiet u l-piżijiet fuq l-Istati Membri u r-rispondenti tal-istħarriġ. Din l-inizjattiva tfittex ukoll li tipprovdi mekkaniżmu u għodod għall-ESS biex tirreaġixxi malajr u b’mod kollettiv u kkoordinat, għad-domandi urġenti għad-data fi żminijiet ta’ kriżi.

B’mod aktar speċifiku, il-proposta tfittex li tippermetti lill-awtoritajiet tal-istatistika jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tas-sorsi u t-teknoloġiji tad-data diġitali billi tippermetti l-użu mill-ġdid tagħhom għall-istatistika Ewropea. Il-proposta se tgħin biex l-ESS issir aktar effiċjenti u effettiva billi tippromwovi l-kondiviżjoni tad-data u ssaħħaħ il-koordinazzjoni tagħha; tippreserva b’mod strett il-kunfidenzjalità statistika u l-privatezza tad-data; taġġorna l-kompiti tas-sħab tal-ESS; tiddeskrivi r-rwoli possibbli għall-isfruttament ta’ opportunitajiet offruti mit-trasformazzjoni diġitali għal produzzjoni tal-istatistika aktar kosteffiċjenti u inqas ta’ piż, u tispeċifika funzjonijiet ġodda li l-awtoritajiet statistiċi jistgħu jwettqu fl-ekosistemi emerġenti Ewropej u nazzjonali tad-data, filwaqt li jikkonformaw bis-sħiħ mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta hija konsistenti bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-istatistika.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-UE

Din il-proposta hija konsistenti mar-regoli eżistenti dwar:

- l-ipproċessar tad-data personali (inkluż ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR));

- il-mekkaniżmi msaħħa biex tiżdied id-disponibbiltà tad-data (l-Att dwar il-Governanza tad-Data);

- l-approċċ ġenerali biex id-data tkun disponibbli għall-korpi tas-settur pubbliku f’sitwazzjonijiet ta’ ħtieġa eċċezzjonali kif previst fil-proposta tal-Att dwar id-Data li qed tiġi diskussa bħalissa;

- il-protezzjoni tal-privatezza u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, kif ukoll kwalunkwe data (personali jew mhux personali) maħżuna fit-tagħmir terminali u aċċessata minnu (din hija d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika, li se tiġi sostitwita bir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika li bħalissa qed jiġi nnegozjat bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill).

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-Artikolu 338(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw miżuri għall-produzzjoni tal-istatistika fejn neċessarju għat-twettiq tal-attivitajiet tal-Unjoni.

Barra minn hekk, l-Artikolu 338(2) tat-TFUE jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea, filwaqt li jiddikjara li dawn iridu jikkonformaw mal-istandards ta’ imparzjalità, affidabbiltà, oġġettività, indipendenza xjentifika, kosteffettività u kunfidenzjalità statistika mingħajr ma jqiegħdu piż eċċessiv fuq l-operaturi ekonomiċi.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika għax il-proposta mhix fil-kompetenza esklużiva tal-UE. Dan ifisser li l-UE taġixxi biss minħabba li dan ikun aktar effettiv mill-azzjoni meħuda fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali.

Sabiex l-ESS tkun tista’ tipproduċi statistika Ewropea aktar rilevanti, f’waqtha u dettaljata, huma meħtieġa dispożizzjonijiet legali fil-livell tal-UE biex is-sorsi tad-data ġodda jkunu disponibbli għall-istituti nazzjonali tal-istatistika (NSIs) u għall-Kummissjoni (Eurostat), ħalli jkunu jistgħu jikkumpilaw l-istatistika Ewropea b’mod sostenibbli.

Bħalissa, fejn l-Istati Membri jippermettu li d-data miżmuma b’mod privat tintuża mill-ġdid għall-istatistika uffiċjali, il-kundizzjonijiet u s-salvagwardji jvarjaw madwar l-Istati Membri. Approċċ armonizzat fil-livell tal-UE jġib ċarezza legali u jiżgura trattament ġust għad-detenturi privati tad-data li huma attivi f’diversi Stati Membri.

Sabiex l-ESS tirrispondi għall-kriżijiet, għandhom jiġu introdotti referenzi speċifiċi fil-qafas leġiżlattiv ġenerali li jirregola l-istatistika Ewropea li jippermettu reazzjoni rapida fil-livell tal-UE u jiżguraw ukoll li r-rispons statistiku jkun konsistenti fost l-Istati Membri. Il-mekkaniżmu ta’ rispons propost itejjeb l-effettività permezz ta’ koordinazzjoni statistika msaħħa, filwaqt li jirrispetta l-mandat u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika. Barra minn hekk, dan jista’ jintuża flimkien mal-istrumenti eżistenti tal-UE għar-rispons għall-kriżijiet bl-għan li tiġi żgurata statistika b’mod tempestiv u rilevanti għat-teħid tad-deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza fi ħdan dawk l-istrumenti.

Sabiex jitnaqqas il-piż fuq in-negozji u ċ-ċittadini, u jiżdiedu l-effiċjenza u l-kwalità, il-proċessi fi ħdan l-ESS jeħtieġ li jiġu ottimizzati. Dawn il-proċessi jinkludu l-ġbir tad-data u l-arranġamenti għall-kondiviżjoni tad-data relatati ma’ fenomeni li jseħħu f’aktar minn Stat Membru wieħed bħall-attivitajiet tal-kumpaniji multinazzjonali.

Mingħajr azzjoni leġiżlattiva ulterjuri fil-livell tal-UE, il-problemi li żviluppaw se jkomplu, u gradwalment jistgħu jmorru għall-agħar meta titqies id-diġitalizzazzjoni akbar tas-soċjetà u l-bidliet fid-domanda tal-utenti.

Għalhekk, l-UE tista’ tadotta l-miżuri proposti f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat.

Proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif deskritt hawn taħt.

L-inizjattiva għandha l-għan li tagħmel l-ESS adattata għall-futur. Ġiet ivvalutata bħala xierqa għal dan l-għan, u li tirriżulta f’benefiċċji totali għas-soċjetà li huma konsiderevolment ogħla mill-kostijiet totali, kif muri mill-valutazzjoni tal-impatt. Is-salvagwardji proċedurali jiżguraw li l-proporzjonalità tiġi applikata fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 rivedut.

L-inizjattiva hija proporzjonali minħabba li tindirizza biss l-ostakoli eżistenti għall-kumpilazzjoni ta’ statistika Ewropea aktar f’waqtha u dettaljata. Tinvolvi wkoll il-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali u tiddependi fuqha, u tikkonsolida l-involviment qawwi tal-partijiet ikkonċernati rilevanti fl-ESS. L-għażla politika ppreferuta ma taqbiżx dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattati.

Għażla tal-istrument

Minħabba li s-suġġett tal-proposta diġà huwa kopert minn regolament, li se temendah din il-proposta, l-aktar strument xieraq huwa regolament.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Fit-tħejjija ta’ din il-proposta, il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati b’diversi modi. Il-konsultazzjoni pubblika ġabret il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati dwar l-għażliet biex jiġi żgurat li l-istatistika Ewropea tkun adattata għall-futur. Wasal feedback minn diversi gruppi ta’ partijiet ikkonċernati. Il-fehmiet tagħhom jistgħu jinstabu fid-dettall fl-anness tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-valutazzjoni tal-impatt.

Saret konsultazzjoni pubblika mid-19 ta’ Lulju sal-25 ta’ Ottubru 2022 1 . B’kollox, waslu 204 tweġibiet validi. Ir-rispondenti esprimew appoġġ għal azzjoni fil-livell tal-UE biex id-data diġitali miżmuma mis-settur privat tkun disponibbli għall-produzzjoni ta’ statistika uffiċjali Ewropea, peress li 83 % tar-rispondenti qiesu li din hija ta’ importanza kbira jew kbira ħafna. 11 % tar-rispondenti qiesu li l-istatistika uffiċjali Ewropea hija risponsiva biżżejjed għad-domanda emerġenti tal-utenti, inkluż waqt emerġenzi u kriżijiet pubbliċi, filwaqt li 72 % qisuha pjuttost reattiva, iżda mhux biżżejjed. Fir-rigward tal-iskopijiet li għalihom tkun ta’ għajnuna l-kondiviżjoni aktar faċli u sistematika tad-data bejn l-awtoritajiet tal-istatistika fi ħdan is-Sistema Ewropea tal-Istatistika, 72 % tar-rispondenti qiesu li jkun utli li jitnaqqas il-piż tar-rispons u li jkun permess l-użu mill-ġdid tad-data diġà miġbura. Fl-aħħar nett, 85 % tar-rispondenti qablu jew qablu ħafna li l-awtoritajiet tal-Istatistika għandhom jipprovdu pariri professjonali lill-organizzazzjonijiet fl-ekosistema tagħhom dwar kwistjonijiet relatati mad-data u mal-ipproċessar tad-data, bħall-kwalità, l-użu mill-ġdid tad-data, il-proprjetà intellettwali, il-kunfidenzjalità, is-sigurtà u l-metadata.

Inġabru wkoll il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati permezz tal-istudju “Study to support an Impact Assessment for the revision of Regulation (EC) No. 223/2009 on European Statistics”, li kien ibbażat fuq materjal bħall-intervisti mal-partijiet ikkonċernati mwettqa bejn Ottubru u Novembru 2022, stħarriġ online (li sar bejn il-5 ta’ Ottubru u s-7 ta’ Novembru 2022), u sessjoni ta’ ħidma online tal-partijiet ikkonċernati mwettqa fit-8 ta’ Novembru 2022.

Bħala konklużjoni, l-utenti u l-produtturi tal-istatistika Ewropea esprimew appoġġ għar-rieżami tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 fuq il-linji ta’ din il-proposta, għalkemm il-produtturi tal-istatistika (jiġifieri s-sħab tal-ESS) innotaw il-konsegwenzi għall-baġit. Il-pubbliku ġenerali wkoll wera appoġġ, minħabba l-benefiċċji sinifikanti għas-soċjetà, iżda peress li d-data tas-settur privat li għandha terġa’ tintuża għall-istatistika Ewropea tista’ sa ċertu punt tkun data personali, il-pubbliku talab li jkun hemm salvagwardji b’saħħithom tal-kunfidenzjalità, għalkemm irrikonoxxa li l-ESS diġà tipprovdi salvagwardji sodi ħafna fir-rigward tal-kunfidenzjalità.

In-negozji, fir-rwol tagħhom bħala detenturi tad-data, jistgħu jġarrbu kostijiet u bħala tali qiesu li huwa essenzjali li jiġu rrispettati l-interessi tagħhom. Iżda huma kienu miftuħin għall-għażla ppreferuta, dment li tkun tista’ tinstab soluzzjoni ġusta għall-kwistjoni tal-kumpens tal-kostijiet. It-tnaqqis possibbli tal-piż fuq in-negozji u l-unitajiet domestiċi bis-sostituzzjoni tal-istħarriġ permezz tal-użu ta’ sorsi ġodda tad-data huwa apprezzat minn kulħadd.

Fl-aħħar nett, għal snin sħaħ, l-ESS ripetutament talbet li l-kwistjoni tal-aċċess għal data miżmuma b’mod privat għal finijiet ta’ statistika tiġi indirizzata fil-livell Ewropew. Dan beda bid-dokument tal-pożizzjoni tal-ESS ta’ Novembru 2017 dwar l-aċċess għad-data miżmuma b’mod privat li hija ta’ interess pubbliku 2 u aktar reċentement bid-dokument tal-pożizzjoni tal-ESS dwar il-proposta futura tal-Att dwar id-Data 3 .

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-proposta kienet appoġġata minn diversi dokumenti, studji, rakkomandazzjonijiet, konferenzi u inputs oħra ta’ esperti, inklużi:

- Rapport mill-Grupp ta’ Esperti dwar l-iffaċilitar tal-użu ta’ sorsi ġodda tad-data għall-istatistika uffiċjali: L-għoti tas-setgħa lis-soċjetà bl-użu mill-ġdid tad-data miżmuma b’mod privat għall-istatistika uffiċjali – approċċ Ewropew 4 ;

- Studju li jappoġġa Valutazzjoni tal-Impatt għar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea;

- Laqgħa ta’ livell għoli organizzata mill-Presidenza Franċiża f’Lyon fis-7 u t-8 ta’ April 2022 bl-isem “Making the European Statistical System fit for the future”;

- Laqgħa tal-Presidenti u d-Diretturi Ġenerali tal-NSIs tal-ESS fil-Lussemburgu fit-18 ta’ Mejju 2022 biex jiġu diskussi aktar żewġ suġġetti speċifiċi: l-aċċess sostenibbli għad-data miżmuma b’mod privat u l-kondiviżjoni tad-data fl-ESS għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta hija akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt li ġiet ippreżentata lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni Ewropea fl-14 ta’ Diċembru 2022 u fis-6 ta’ Marzu 2023. Fis-27 ta’ Marzu 2023, il-Bord ta opinjoni pożittiva b’xi riżervi. Minbarra għażla bażi dinamika (PO0) li tqis l-Istrateġija Ewropea għad-Data usa’ u ma tinvolvi l-ebda reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, ġew ivvalutati żewġ għażliet leġiżlattivi oħra: (PO1) li tintroduċi miżuri leġiżlattivi ta’ intensità baxxa; u l-għażla (PO2) li tintroduċi miżuri leġiżlattivi aktar dettaljati, u timponi obbligi fuq id-detenturi tad-data u fuq l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika tal-Istati Membri. Għal kull għażla ta’ politika ġew definiti diversi miżuri ta’ politika speċifiċi.

Il-valutazzjoni komparattiva tat-tliet għażliet ta’ politika wriet li l-għażla bażi (PO0) għandha r-riżultat l-inqas mixtieq f’termini ta’ effettività, effiċjenza, u koerenza, u l-ewwel għażla ta’ politika (PO1) l-aktar waħda mixtieqa, bit-tieni għażla ta’ politika taqa’ fin-nofs bejniethom. Dan jgħodd għal kull wieħed mill-għanijiet speċifiċi. Il-PO1 huwa inqas effettiv iżda aktar effiċjenti u koerenti mill-PO2. Barra minn hekk, huwa wkoll aktar fattibbli u appoġġat mill-partijiet ikkonċernati. Dan jindika b’mod ċar li l-għażla tal-PO1 hija l-għażla ppreferuta.

L-għażla ppreferuta tkopri miżuri li se

(i) jiżguraw l-użu sostenibbli u ġust tas-sorsi tad-data diġitali għall-istatistika Ewropea billi jiġi stabbilit mekkaniżmu li bih id-detenturi privati tad-data jistgħu jkunu meħtieġa li jippermettu fuq bażi obbligatorja l-użu mill-ġdid tad-data li jkollhom għall-fini tal-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ tali statistika;

(ii) jippermettu li jinbdew azzjonijiet statistiċi mwettqa direttament fil-livell tal-UE b’reazzjoni għal ċirkostanzi ta’ kriżi u straordinarji;

(iii) jagħti mandat għall-kondiviżjoni tad-data fost l-imsieħba tal-ESS għal finijiet ta’ statistika meta rilevanti u ġġustifikat;

(iv) jippermettu lill-Kummissjoni (Eurostat) taqsam id-data mal-NSIs permezz ta’ infrastruttura sigura; u

(v) jippermettu lill-NSIs jassumu l-governanza tad-data fl-ekosistemi tad-data rispettivi tagħhom, u b’hekk itejbu l-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni tad-data.

Drittijiet fundamentali

Il-valutazzjoni tal-impatt ma identifikat l-ebda impatt dirett potenzjali fuq id-drittijiet fundamentali. L-uniku dritt fundamentali li jista’ jkun involut indirettament huwa l-protezzjoni tad-data meta tiġi promossa l-kondiviżjoni tad-data u tissaħħaħ il-koordinazzjoni fl-ESS. Madankollu, tali kondiviżjoni mtejba tad-data se tkun organizzata filwaqt li jiġu ppreservati strettament il-kunfidenzjalità tal-istatistika u l-privatezza tad-data. Kwalunkwe pproċessar tad-data personali f’konformità ma’ dan ir-Regolament se jikkonforma mal-kundizzjonijiet u r-regoli kollha pprovduti mil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, bħar-Regolament (UE) 2016/679 5 u r-Regolament (UE) 2018/1725 6 .

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Ir-regolament propost mistenni jiġi adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-2024, bil-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni jiġu adottati ftit wara. Ir-Regolament se japplika direttament fl-Istati Membri kollha tal-UE mingħajr ebda ħtieġa għal pjan ta’ implimentazzjoni.

F’konformità mal-valutazzjoni tal-impatt, l-implimentazzjoni tar-regolament adottat se tiġi mmonitorjata u evalwata regolarment. Il-valutazzjoni tal-impatt fiha wkoll arranġamenti ta’ monitoraġġ inklużi proposti għall-indikaturi li għandhom jintużaw.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-introduzzjoni ta’ definizzjonijiet ewlenin ġodda jew l-adattament ta’ dawk eżistenti (proposta biex jiġi emendat l-Artikolu 3)

Qed jiġi propost li tiġi introdotta definizzjoni ġdida ta’ “statistika minn diversi sorsi” biex jiġi rifless il-fatt li l-istatistika Ewropea tista’ tiġi kkumpilata bl-użu ta’ kombinazzjoni ta’ sorsi differenti tad-data. Dan se jippermetti lill-awtoritajiet tal-istatistika jfittxu l-aktar taħlita rilevanti u kosteffettiva ta’ sorsi tad-data primarja għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ diversi statistiki uffiċjali Ewropej.

Sabiex jiġu riflessi aħjar ir-realtajiet tal-era diġitali li fiha topera l-ESS, qed jiġi propost ukoll li jiġu introdotti definizzjonijiet ġodda bħal “data”, “metadata”, “detenturi tad-data”, “kondiviżjoni tad-data” u “sors tad-data”. Id-definizzjoni eżistenti ta’ “għanijiet tal-istatistika” teħtieġ ukoll li tiġi adattata sabiex l-attivitajiet ta’ riċerka mwettqa mill-awtoritajiet tal-istatistika, jew l-istabbiliment ta’ oqfsa ta’ kampjunar, isiru espliċitament parti minn tali finijiet ta’ statistika.

Iż-żieda fil-kapaċità tal-ESS li tirreaġixxi malajr u b’mod kollettiv u kkoordinat għad-domandi urġenti tad-data fi żminijiet ta’ kriżi (proposta għal Artikolu 16a ġdid)

B’mod ġenerali, id-domandi għal statistika uffiċjali aktar dettaljata u f’waqtha, spiss kważi f’ħin reali, qed jiżdiedu iżda l-kapaċità li jiġu ssodisfati dawk id-domandi hija partikolarment kruċjali fi żminijiet ta’ kriżi, kif esperjenzat dan l-aħħar matul il-pandemija tal-Covid-19 u l-kriżi tal-enerġija kkawżata mill-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna. Fiċ-ċiklu ta’ ppjanar tas-soltu, iż-żmien tal-inkubazzjoni għal statistika ġdida tipikament ikopri diversi snin, iżda jekk id-domanda tkun urġenti u importanti, tkun meħtieġa soluzzjoni rapida b’salvagwardji xierqa għas-sħab kollha u għall-kwalità u l-armonizzazzjoni tal-informazzjoni statistika li tirriżulta. L-ESS jeħtieġ li tkun tista’ tirreaġixxi aktar malajr jew tkun innovattiva b’mod proattiv biex twieġeb għall-istatistika Ewropea għal talbiet politiċi eċċezzjonali u mhux ippjanati bħal dawn li ma jistgħux jiġu ssodisfati taħt l-implimentazzjoni tal-iskeda ta’ programmazzjoni ta’ seba’ snin tal-programm Ewropew tal-istatistika. Għalhekk, il-possibbiltà li l-Kummissjoni tadotta azzjonijiet speċifiċi biex timplimenta l-programm Ewropew tal-istatistika f’konformità mal-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 mhijiex biżżejjed.

Għalhekk qed tiġi proposta dispożizzjoni ġdida li tipprevedi azzjonijiet statistiċi possibbli fil-livell Ewropew biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet urġenti tal-informazzjoni li jinħolqu fi żminijiet ta’ kriżi u jiġu segwiti l-mekkaniżmi ta’ emerġenza attivati f’konformità mal-proċeduri stabbiliti bid-dritt tal-Unjoni.

F’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha teżamina azzjonijiet statistiċi temporanji li għandhom jinbdew u jitwettqu fil-livell Ewropew, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kumitat tal-ESS. Il-benefiċċju għall-partijiet ikkonċernati politiċi u għal dawk li jfasslu l-politika tat-tali rispons immedjat imtejjeb fi ħdan l-ESS ikun li jirċievu riżultati u għarfien statistiku b’mod biżżejjed tempestiv li huma komparabbli fost l-Istati Membri tal-UE.

Dawn l-azzjonijiet statistiċi jistgħu jinkludu l-produzzjoni ta’ statistika bbażata fuq ġbir temporanju ta’ data ġdida, jew il-forniment ta’ għarfien addizzjonali bbażat fuq data eżistenti. L-azzjonijiet jistgħu jinkludu wkoll l-iżvilupp ta’ metodoloġiji ġodda u miżuri kkoordinati oħra mmirati biex jiżguraw il-kontinwità, il-konsistenza u l-komparabbiltà tal-istatistika Ewropea miksuba fi żminijiet ta’ kriżi.

Fl-identifikazzjoni tal-ħtieġa għal azzjoni statistika, il-Kummissjoni (Eurostat) trid tinforma u tikkonsulta lill-Kumitat tal-ESS b’mod tempestiv u trasparenti. L-NSIs jistgħu jiddeċiedu li jissieħbu u jipparteċipaw fl-azzjonijiet statistiċi. Il-Kummissjoni għandha tingħata wkoll is-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw iż-żmien, il-frekwenza u r-rekwiżiti tal-kwalità rilevanti għal dawn l-azzjonijiet statistiċi.

Barra minn hekk, dan jista’ jintuża b’mod parallel mal-istrumenti eżistenti tal-UE għar-rispons għall-kriżijiet bl-għan li tiġi żgurata statistika b’mod tempestiv u rilevanti għat-teħid tad-deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza fi ħdan dawk l-istrumenti.

It-tisħiħ tal-aċċess b’mod tempestiv tad-data amministrattiva għall-istatistika Ewropea (proposta biex jiġi emendat l-Artikolu 17a)

Qed jiġi propost li jissaħħaħ ir-rekwiżit li l-korpi pubbliċi nazzjonali responsabbli mis-sorsi tad-data amministrattiva rilevanti għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea għandhom jippermettu lill-NSIs u lil awtoritajiet nazzjonali oħra 7 jaċċessaw, jużaw mill-ġdid u jintegraw id-data amministrattiva mingħajr ħlas fil-ħin u bil-frekwenza suffiċjenti għall-produzzjoni u l-preżentazzjoni tal-istatistika lill-Kummissjoni (Eurostat) fl-iskadenzi u f’konformità mar-rekwiżiti tal-kwalità definiti fil-leġiżlazzjoni dwar l-istatistika.

Barra minn hekk, qed jiġu introdotti irfinar u kjarifika li l-Kummissjoni (Eurostat) għandha tkun tista’, fuq talba, taċċessa u tuża mill-ġdid b’mod tempestiv id-data u l-metadata rilevanti minn bażijiet tad-data u sistemi ta’ interoperabbiltà miżmuma mill-korpi u mill-aġenziji tal-Unjoni, meta dan ikun meħtieġ għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tikkoopera mal-korpi u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni biex tispeċifika d-data u l-metadata mfassla apposta meħtieġa, il-modalitajiet operazzjonali għall-użu mill-ġdid tad-data u s-salvagwardji fiżiċi u loġiċi meħtieġa.

L-iżgurar ta’ aċċess sostenibbli għad-data miżmuma b’mod privat li tfeġġ bħala prodott sekondarju tas-servizzi diġitali u l-Internet tal-Oġġetti għall-istatistika Ewropea (proposta għal Artikoli 17b, 17c, 17d u 17e ġodda)

Fl-Artikoli 17b, 17c, 17d u 17e l-ġodda, fil-Kapitolu III dwar “Produzzjoni tal-istatistika Ewropea”, qed jiġi propost li jiġi introdott obbligu għad-detenturi privati tad-data li jagħmlu d-data disponibbli, fuq talba, lill-NSIs jew lill-Kummissjoni (Eurostat), taħt ċerti kundizzjonijiet. Il-mekkaniżmu propost jirrappreżenta qafas proporzjonat, limitat u prevedibbli fil-livell Ewropew li huwa effettiv kemm biex din id-data ssir disponibbli għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea kif ukoll, fl-istess ħin, jiżgura ċ-ċertezza legali u jimminimizza l-piż tar-rispons għan-negozji. Madankollu, dan il-mekkaniżmu huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ rapportar fuq ir-rispondenti tal-istatistika stabbiliti fil-leġiżlazzjoni settorjali, u għall-obbligu tad-detenturi tad-data li jagħmlu d-data disponibbli abbażi ta’ ħtiġijiet eċċezzjonali f’konformità mal-Att dwar id-Data 8 .

Il-proposta tipprevedi proċedura ta’ ġustifikazzjoni f’żewġ stadji, fejn il-ħtieġa ta’ aċċess għal sors ġdid tas-data l-ewwel se jkollha tiġi stabbilita fil-livell ta’ programm ta’ ħidma annwali tal-Istatistika Ewropea. Il-ġustifikazzjoni fil-programm ta’ ħidma annwali tkun prekundizzjoni għat-tieni stadju meta l-NSIs jew il-Kummissjoni (Eurostat) effettivament jissottomettu talbiet individwali lid-detenturi privati tad-data biex xi data tkun disponibbli għall-kompilazzjoni ta’ ċerta statistika (fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġustifikazzjoni tal-ewwel stadju). Dawn it-talbiet jeħtieġ li jkunu proporzjonati mal-ħtiġijiet statistiċi, jindikaw b’mod ċar l-għan tat-talba u jirrispettaw l-interessi tad-detentur privat tad-data li jintalab iqiegħed id-data għad-dispożizzjoni.

Filwaqt li l-NSIs se jkunu l-punti primarji ta’ aċċess għal data miżmuma b’mod privat għall-kompilazzjoni tal-istatistika Ewropea, f’xi każijiet il-Kummissjoni (Eurostat) tista’ tkun f’pożizzjoni aħjar biex tkun l-ewwel punt ta’ aċċess għad-data min-negozji. Dan japplika b’mod partikolari għal oqsma fejn approċċ ta’ ġbir tad-data tal-ESS jista’ jkun aktar effettiv bħal meta d-data tinżamm minn kumpaniji li joperaw fil-livell tal-Unjoni kollha. Barra minn hekk, il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi obbligu ta’ kooperazzjoni u assistenza reċiproka bejn l-NSIs sabiex jiġu evitati talbiet eċċessivi fuq id-detenturi privati tad-data u biex jiġi żgurat approċċ għall-minimizzazzjoni tad-data.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni tispeċifika l-arranġamenti biex id-data tkun disponibbli, bħall-format tad-data, ir-rekwiżiti tal-metadata, il-mudell komuni li għandu jintuża meta ssir talba jew il-mod effettiv għall-aċċess tad-data bl-obbligu li d-data ssir disponibbli b’mod ċar filwaqt li jiġu koperti possibbiltajiet differenti, inkluż l-użu ta’ qafas ta’ komputazzjoni sigur ta’ parti terza jew l-għoti ta’ algoritmu lid-detentur privat tad-data.

Id-dispożizzjonijiet jispeċifikaw l-obbligi għall-NSIs u għall-Kummissjoni (Eurostat) meta jużaw mill-ġdid id-data disponibbli għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-istatistika Ewropea. B’mod partikolari, l-NSIs u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jużaw din id-data esklużivament għal finijiet ta’ statistika f’konformità mal-prinċipji tal-kunfidenzjalità tal-istatistika u l-kosteffettività, u ma għandhomx jaqsmu din id-data ma’ partijiet terzi sakemm id-detentur tad-data ma jkunx qabel li jsir dan. Barra minn hekk, l-NSIs u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-istatistika u s-sigrieti kummerċjali kif ukoll biex jippreservaw tħassib leġittimu ieħor tad-detenturi privati tad-data inklużi l-kost u l-isforz meħtieġ biex id-data ssir disponibbli. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tippubblika deskrizzjoni tal-kategoriji ewlenin tal-kostijiet relatati mal-ipproċessar tad-data li għalihom jista’ jingħata kumpens lid-detentur tad-data, kif ukoll il-metodoloġija għall-kalkolu ta’ dawn il-kostijiet.

It-trawwim tal-kondiviżjoni tad-data fi ħdan l-ESS (proposta għal Artikolu 17f ġdid)

Huwa propost li jiġu introdotti fil-Kapitolu III kurrenti dwar “Produzzjoni tal-istatistika Ewropea” dispożizzjonijiet ġodda dwar il-kondiviżjoni tad-data bejn l-NSIs u bejn l-NSIs u l-Kummissjoni (Eurostat), esklużivament għall-fini tal-iżvilupp u l-produzzjoni tal-istatistika Ewropea, u għat-titjib fil-kwalità tagħhom, fejn rilevanti u meħtieġ. Pereżempju, f’każijiet bħall-osservazzjoni ta’ fenomeni transfruntiera li ma jistgħux jitkejlu bħala somma tal-istimi nazzjonali.

Il-kondiviżjoni tad-data titqies bħala mod kif jiżdied l-aċċess għas-sorsi tad-data fi ħdan l-ESS kemm għall-iżvilupp u għall-produzzjoni tal-istatistika kif ukoll biex jiġu appoġġati l-finijiet tal-analiżi tad-data. L-NSIs u l-Kummissjoni (Eurostat) li jipparteċipaw fil-kondiviżjoni tad-data fi ħdan l-ESS għandhom jipprovdu s-salvagwardji kollha meħtieġa fir-rigward tal-protezzjoni fiżika u loġika tal-kunfidenzjalità tad-data. Il-kondiviżjoni tad-data għandha tiġi ffaċilitata bl-użu ta’ infrastruttura sigura, li tiżgura l-integrità teknika u l-kunfidenzjalità tal-ipproċessar tad-data.

Meta d-data kkonċernata tkun data kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament jew data personali skont ir-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725, il-kondiviżjoni ta’ tali data għandha tkun permessa u tista’ ssir fuq bażi volontarja, ibbażata fuq teknoloġiji li jtejbu l-privatezza.

L-iżvilupp tal-istatistika Ewropea (proposta għal Kapitolu IIIa ġdid bl-isem “Żvilupp tal-istatistika Ewropea” b’Artikolu 17g ġdid)

Il-proposta tintroduċi Kapitolu IIIa ġdid bl-isem “Żvilupp tal-istatistika Ewropea” li jindirizza l-kwistjoni tal-istatistika li qiegħda tiġi żviluppata, xi kultant imsejħa “statistika sperimentali”. L-objettiv huwa li jinħoloq qafas li skontu l-istatistika Ewropea tista’ tiġi żviluppata f’oqsma speċifiċi bħala parti minn sforz kollettiv mill-ESS, u b’hekk jiġu integrati teknoloġiji ġodda u għarfien ġdid b’mod progressiv. Il-Kummissjoni (Eurostat), f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kumitat tal-ESS, tkun tista’ tibda l-iżvilupp ta’ outputs statistiċi ġodda u għarfien b’mod koordinat madwar l-ESS.

Id-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea (proposta għal paragrafu 4 ġdid fl-Artikolu 18)

Qed jiġi propost li jittieħed vantaġġ mill-fatt li kultant l-Istati Membri jippubblikaw l-istatistika Ewropea fil-livell nazzjonali qabel l-iskadenzi tat-trażmissjoni stabbiliti fil-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti. Ladarba din id-data tiġi ppubblikata, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tkun tista’ xxerred dik l-istess data immedjatament wara u b’hekk tikkontribwixxi għal żieda fit-tempestività tad-data fil-livell Ewropew, dment li tirrispetta d-definizzjonijiet u l-klassifikazzjoni rilevanti.

L-użu mill-ġdid tad-data disponibbli għall-pubbliku (proposta għal Artikolu 25 modifikat)

Sabiex jiġi żgurat użu aktar effiċjenti tad-data disponibbli għall-pubbliku, qed jiġi propost li jiġi emendat il-kliem tal-Artikolu 25.

Funzjonijiet ġodda tal-NSIs fl-oqfsa nazzjonali għall-governanza tad-data (proposta għal Artikolu 26a ġdid)

Huwa propost ukoll li, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-NSIs jistgħu jassumu funzjonijiet fil-livell nazzjonali fl-oqfsa nazzjonali għall-governanza tad-data inklużi dawk previsti fl-Att dwar il-governanza tad-data, bl-għan li jippromwovu l-integrazzjoni tad-data u l-interoperabbiltà, id-deskrizzjoni tal-metadata, l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-iffissar tal-istandards, u l-identifikazzjoni ta’ sorsi ġodda tad-data li għandhom jintużaw għall-istatistika li qiegħda tiġi żviluppata. Dawn il-funzjonijiet iridu jiġu implimentati f’konformità mal-prinċipji statistiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament. 

Klawżola ta’ evalwazzjoni u rieżami (proposta għal Artikolu 27a ġdid)

F’konformità mal-Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, qed jiġi propost li tiddaħħal klawżola ta’ rieżami.

2023/0237 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 jistabbilixxi qafas legali fil-livell tal-Unjoni għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea.

(2)Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 ġie emendat fl-2015 biex tissaħħaħ aktar il-governanza fis-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) b’mod partikolari l-indipendenza professjonali tagħha, u minn dak iż-żmien ’l hawn il-governanza msaħħa wriet li hija effettiva.

(3)It-trasformazzjoni diġitali wasslet għal realtajiet radikalment differenti u ħolqot ambjent ġdid bi ħtiġijiet ġodda għall-istatistika Ewropea. Barra minn hekk, il-kriżi riċenti tal-Covid-19 u l-kriżi tal-enerġija kkawżata mill-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna amplifikaw id-domandi u l-aspettattivi għal statistika Ewropea aktar f’waqtha, aktar frekwenti u aktar dettaljata meħtieġa biex tinforma t-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE u tiżgura l-aħjar rispons possibbli tal-Unjoni għall-kriżijiet.

(4)Sabiex jiġu indirizzati l-aspettattivi dejjem akbar għal statistika Ewropea aktar f’waqtha, aktar frekwenti u aktar dettaljata kif ukoll għal rispons tal-ESS aktar rapidu u kkoordinat għal domandi statistiċi urġenti fi żminijiet ta’ kriżi, huwa meħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 223/2009. L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiżgura li l-istatistika Ewropea tibqa’ rilevanti billi jitqiesu dawk il-ħtiġijiet tal-utenti li qegħdin jinbidlu u li huma aktar esiġenti, b’mod partikolari billi jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-sorsi u t-teknoloġiji tad-data diġitali, billi jkun jista’ jsir użu mill-ġdid tagħhom għall-istatistika Ewropea, billi l-ESS issir aktar aġli u kapaċi twieġeb b’mod effettiv u rapidu għall-kriżijiet, u billi tiġi promossa l-kondiviżjoni tad-data u tissaħħaħ il-koordinazzjoni fost is-sħab tal-ESS.

(5)Sabiex jiġu riflessi r-realtajiet tal-lum u l-era diġitali li fiha topera l-ESS, jenħtieġ li jiġu introdotti definizzjonijiet ġodda jew aġġornati fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 biex jiġu ċċarati l-kunċetti ta’ “data”, “metadata”, “detenturi tad-data”, “użu mill-ġdid tad-data”, “kondiviżjoni tad-data”, “sors tad-data”, “statistika minn diversi sorsi”, “użu għal finijiet ta’ statistika”, u “kriżi”.

(6)Il-pandemija riċenti tal-Covid uriet li statistika Ewropea b’mod tempestiv, affidabbli u komparabbli hija essenzjali għall-effettività tar-rispons tal-awtoritajiet pubbliċi għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Għalhekk, l-ESS jenħtieġ li tingħata l-possibbiltà li tibda malajr azzjonijiet koordinati jekk jirriżultaw ħtiġijiet urġenti ta’ data u statistika barra mill-qafas ta’ ppjanar regolari, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi. F’sitwazzjoni bħal din, detentur tad-data jenħtieġ li fuq talba, id-data titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-istitut nazzjonali tal-istatistika (NSI) jew tal-Kummissjoni (Eurostat) li juru ħtieġa eċċezzjonali li jużaw id-data mitluba, f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Att dwar id-Data 10 .

(7)L-aċċess u l-użu mill-ġdid ta’ sorsi ġodda tad-data, li jirriżultaw bħala prodotti sekondarji tas-servizzi diġitali u l-Internet tal-Oġġetti (IoT), qed isiru essenzjali għall-produzzjoni ta’ statistika Ewropea b’mod tempestiv, bi frekwenza xierqa u dettaljata biżżejjed b’mod aktar effiċjenti u inqas għali. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi żgurat l-aċċess għal sorsi ġodda tad-data b’mod ġenerali u b’mod partikolari għal data miżmuma b’mod privat għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ statistika uffiċjali Ewropea fuq bażi sostenibbli u skont regoli ġusti, ċari u prevedibbli.

(8)L-aċċess għal sorsi ġodda tad-data, inkluż b’mod partikolari għal data miżmuma b’mod privat, ilu jintalab mill-ESS kif muri mid-Dokument ta’ Pożizzjoni tal-ESS dwar l-aċċess għad-data miżmuma b’mod privat ta’ interess pubbliku minn Novembru 2017, u d-Dokument ta’ Pożizzjoni tal-ESS dwar il-proposta tal-Att futur dwar id-Data minn Ġunju 2021.

(9)L-użu mill-ġdid tad-data miżmuma b’mod privat u ta’ sorsi tad-data ġodda oħra jenħtieġ li jkunu soġġetti għal salvagwardji u garanziji legali, tekniċi u proċedurali stretti, inkluż l-applikazzjoni ta’ livell għoli ta’ sigurtà, kunfidenzjalità u rispett għall-privatezza, kif diġà minqux fir-Regolament (KE) Nru 223/2009. Il-possibbiltà li jintalab aċċess għal data miżmuma b’mod privat jenħtieġ li tkun limitata għall-istituti nazzjonali tal-istatistika (NSIs), li jaġixxu waħedhom jew f’isem awtorità nazzjonali oħra tal-ESS, u għall-Kummissjoni (Eurostat) biss u jenħtieġ li, bħala prerekwiżit, tiġi stabbilita fi programm ta’ ħidma annwali u tkun ristretta għal każijiet fejn, minn naħa, id-data mitluba tkun meħtieġa għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-istatistika Ewropea u, min-naħa l-oħra, id-data ma tkunx tista’ tinkiseb faċilment b’mod ieħor jew l-użu mill-ġdid tad-data jirriżulta fi tnaqqis konsiderevoli fil-piż tar-rispons fuq id-detenturi tad-data u negozji oħra.

(10)It-talbiet għad-data mill-NSIs jew mill-Kummissjoni (Eurostat) jenħtieġ li jkunu trasparenti u proporzjonati mil-lat tal-iskop u tal-livell tad-dettall tagħhom. F’dak ir-rigward, huwa neċessarju li jiġi speċifikat u spjegat l-għan tat-talba, l-użu maħsub tad-data mitluba, il-frekwenza li biha jenħtieġ li d-data ssir disponibbli u l-iskadenzi għal dan kif ukoll l-arranġamenti operazzjonali biex issir disponibbli.

(11)Bit-talbiet għad-data, l-NSI jew il-Kummissjoni (Eurostat) jenħtieġ li jistiednu lid-detentur tad-data għal djalogu biex jiġu speċifikati l-parametri konkreti tat-talbiet għad-data, l-arranġamenti, il-miżuri għall-kumpens tal-kostijiet potenzjalment imġarrba biex id-data tkun disponibbli, kif ukoll kwalunkwe miżura organizzazzjonali u teknika għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tad-data u tas-sigrieti kummerċjali, bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim dwar dawk l-aspetti. Jekk ma jiġi konkluż l-ebda ftehim fi żmien tliet xhur, l-NSI jew il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jadottaw deċiżjoni li tirrikjedi li d-detentur privat tad-data iqiegħed id-data għad-dispożizzjoni. Jekk id-detentur tad-data jonqos intenzjonalment jew b’negliġenza milli jibgħat id-data mitluba fil-perjodu stabbilit jew jittrażmetti data mhux korretta, mhux kompluta jew qarrieqa, l-NSI jew il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jadottaw penali li jenħtieġ li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, filwaqt li jqisu n-natura, il-gravità, ir-rikorrenza u d-durata tal-ksur, fid-dawl tal-interess pubbliku segwit. Il-penali adottati mill-NSIs jenħtieġ li jkunu ekwivalenti għall-penali fir-rigward tal-ksur ta’ regoli nazzjonali simili. Id-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament huma soġġetti għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jkollha ġuriżdizzjoni bla limitu fir-rigward tal-multi adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 261 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(12)L-integrazzjoni ulterjuri tal-istatistika u tal-informazzjoni ġeospazjali jenħtieġ li tiġi mħeġġa wkoll sabiex tippermetti użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u integrazzjoni mtejba tad-data minn organizzazzjonijiet pubbliċi differenti u biex jiġu prodotti outputs statistiċi ġodda, bħall-analiżi spazjali, u l-viżwalizzazzjoni u d-disseminazzjoni tad-data. Dawn se jappoġġaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-monitoraġġ tal-għanijiet tal-politika kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali.

(13)Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-korpi pubbliċi nazzjonali responsabbli mis-sorsi tad-data amministrattiva rilevanti għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika jaċċessaw, jużaw mill-ġdid u jintegraw din id-data mingħajr ħlas fil-ħin u bi frekwenza suffiċjenti għall-finijiet tal-produzzjoni u t-trażmissjoni tal-istatistika lill-Kummissjoni (Eurostat) fl-iskadenzi u f’konformità mar-rekwiżiti tal-kwalità ddefiniti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-istatistika.

(14)Meta l-attivitajiet li jeħtieġ jitwettqu skont dan ir-Regolament jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali, tali proċessar jenħtieġ li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data personali, jiġifieri r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 u r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 12 . F’konformità mal-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data stabbilit f’dawn ir-Regolament, id-data mogħtija skont dan ir-Regolament normalment jenħtieġ li tiġi aggregata sakemm l-individwi ma jkunux jistgħu jiġu identifikati.

(15)L-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet ta’ statistika uffiċjali mill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika, li jitqies fl-interess pubbliku, jenħtieġ li jkun kopert bid-derogi u soġġett għal salvagwardji xierqa, f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679. Pereżempju, jenħtieġ li l-ipproċessar ulterjuri tad-data personali għall-finijiet ta’ statistika ma jitqiesx bħala inkompatibbli mal-finijiet inizjali li għalihom tkun inġabret. F’dak il-kuntest, is-salvagwardji partikolari li jenħtieġ li jiġu applikati għall-kondiviżjoni tad-data skont dan ir-Regolament, jeħtieġu li tiġi pproċessata d-data personali, inklużi l-prinċipji tal-limitazzjoni tal-iskop, il-minimizzazzjoni tad-data, il-limitazzjoni tal-ħżin u l-integrità u l-kunfidenzjalità kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679. F’dak ir-rigward, id-data jenħtieġ li tiġi kondiviża permezz tal-użu tat-teknoloġiji li jtejbu l-privatezza, imfassla speċifikament biex jimplimentaw dawn il-prinċipji.

(16)Sabiex inkunu fuq quddiem nett fl-integrazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u għarfien ġdid b’mod progressiv, u b’hekk jiġi żgurat li l-istatistika Ewropea tibqa’ kontinwament rilevanti, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li skonthom, bħala parti minn sforz kollettiv mill-ESS, l-istatistika tista’ tiġi żviluppata f’oqsma speċifiċi bl-għan li tiġi integrata fil-produzzjoni regolari tal-Istatistika Ewropea. Għalkemm mhux neċessarjament tissodisfa l-kriterji kollha ta’ kwalità stabbiliti fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, dik l-istatistika jenħtieġ li tiġi ttrattata bħala statistika Ewropea.

(17)Filwaqt li jagħmlu ħilithom biex jinnovaw u jiżviluppaw kontinwament outputs statistiċi ġodda, l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika jenħtieġ li jqisu bis-sħiħ il-ħtiġijiet tal-utenti kif espressi b’mod partikolari mill-kunsilli nazzjonali tal-utenti tal-istatistika. Fil-livell tal-Unjoni, il-Kumitat Konsultattiv Ewropew tal-Istatistika (ESAC), stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 234/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 bħala l-korp ewlieni tal-Unjoni li jirrappreżenta lill-utenti, ir-rispondenti u l-produtturi tal-istatistika Ewropea, jenħtieġ li jiġi infurmat mill-Kummissjoni dwar kif qieset l-opinjonijiet tal-ESAC, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp ta’ statistika Ewropea ġdida.

(18)L-awtoritajiet tal-istatistika jenħtieġ li jippromwovu wkoll il-kooperazzjoni interdixxiplinarja b’saħħitha, strutturata u sostnuta ma’ istituzzjonijiet akkademiċi u ta’ riċerka, speċjalment fl-iżvilupp ta’ statistika ġdida, fl-ittestjar ta’ metodi u teknoloġiji ġodda u fil-promozzjoni tal-innovazzjoni u tal-esperimentazzjoni, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew.

(19)Minħabba l-fiduċja mogħtija lill-NSIs u l-għarfien espert tekniku għoli tagħhom fil-ġestjoni tad-data, fil-kwalità tad-data u fil-protezzjoni tad-data, jenħtieġ li f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri jiġu mħeġġa jassenjaw lill-NSIs ċerti funzjonijiet fl-oqfsa nazzjonali tal-governanza tad-data inklużi dawk previsti fl-Att dwar il-Governanza tad-Data, bl-għan li jiġu promossi l-integrazzjoni tad-data u l-interoperabbiltà, id-deskrizzjoni tal-metadata, l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-iffissar tal-istandards. F’dak ir-rigward, l-involviment tal-NSIs fit-tfassil inizjali, fl-iżvilupp sussegwenti u fid-diskontinwità tar-rekords amministrattivi, jenħtieġ li jitfakkar u jissaħħaħ meta jkun xieraq, bil-ħsieb li jiġu żgurati, fost affarijiet oħra, il-konsistenza u l-kwalità tad-data u li jiġi minimizzat il-piż tar-rapportar.

(20)Id-data li hija legalment disponibbli għall-pubbliku jenħtieġ li ma titqiesx bħala kunfidenzjali meta tintuża għal finijiet ta’ statistika.

(21)Fl-interess ta’ żieda fit-tempestività fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni (Eurostat) jenħtieġ li titħalla tiddissemina l-istatistika Ewropea tal-Istati Membri hekk kif tiġi ppubblikata fuq livell nazzjonali, anke jekk dan isir qabel l-iskadenzi għall-għoti tal-istatistika stabbiliti fil-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti tal-Unjoni.

(22)Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-emenda tal-qafas legali għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda minħabba l-konsistenza u l-komparabbiltà jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri biex tilħaq dak l-objettiv, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(23)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-azzjonijiet statistiċi temporanji li jeħtieġ jitwettqu, inkluż il-perjodu ta’ żmien rilevanti, il-frekwenza u r-rekwiżiti tal-kwalità, tal-arranġamenti tekniċi ġenerali biex id-data miżmuma b’mod privat titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-NSIs u tal-Kummissjoni (Eurostat) u tal-aspetti tekniċi tal-kondiviżjoni tad-data bejn l-awtoritajiet tal-istatistika. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14 .

(24)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 u ta l-opinjoni tiegħu fi [xxx].

(25)Il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) ġie kkonsultat,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 
Emendi tar-Regolament (KE) Nru 223/2009

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)    jiddaħħlu l-punti 4a, 4b, 4c, 4d u 4e li ġejjin:

“4a. “data” tfisser kwalunkwe rappreżentazzjoni diġitali jew mhux diġitali ta’ atti, fatti u informazzjoni;

4b. “metadata” tfisser kwalunkwe data li tiddefinixxi u tiddeskrivi data u proċessi oħra, jew li tintuża b’dan il-mod;

4c. “detentur tad-data” tfisser persuna ġuridika jew fiżika li għandha d-dritt, f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni jew nazzjonali li timplimenta d-dritt tal-Unjoni, jew il-kapaċità, li tqiegħed għad-dispożizzjoni ċerta data;

4d. “użu mill-ġdid tad-data” tfisser l-użu mill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika u mill-Kummissjoni (Eurostat) ta’ data miżmuma u mqiegħda għad-dispożizzjoni mid-detenturi tad-data għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea;

4e. “kondiviżjoni tad-data” tfisser il-forniment tad-data jew il-permess tal-użu mill-ġdid tad-data minn awtorità statistika lil awtorità statistika oħra għall-fini tal-użu konġunt jew individwali ta’ tali data għal finijiet ta’ statistika;”;

(b)    jiddaħħlu l-punti 5a, 5b u 5c li ġejjin:

“5a. “sors tad-data” tfisser sors li jipprovdi data li hija rilevanti, fiha nnifisha jew flimkien mad-data minn sorsi oħra, għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-istatistika, inklużi stħarriġ, ċensimenti, rekords amministrattivi jew data mqiegħda għad-dispożizzjoni mid-detenturi tad-data fuq talba;

5b. “aċċess għad-data” tfisser l-ipproċessar minn istitut nazzjonali tal-istatistika jew mill-Kummissjoni (Eurostat) tad-data li tkun ġiet ipprovduta minn detentur privat tad-data, f’konformità ma’ rekwiżiti tekniċi, legali jew organizzattivi speċifiċi, mingħajr ma neċessarjament tkun meħtieġa t-trażmissjoni jew it-tniżżil ta’ tali data;

5c. “statistika minn diversi sorsi” tfisser statistika żviluppata jew prodotta abbażi ta’ varjetà ta’ sorsi tad-data, inkluż permezz ta’ tekniki tal-immudellar;”;

(c) il-punt 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8. “użu għal finijiet ta’ statistika” tfisser l-użu esklużiv għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ riżultati u analiżijiet tal-istatistika, inkluż għall-attivitajiet ta’ riċerka u xjentifiċi relatati jew l-istabbiliment ta’ oqfsa tal-kampjunar;”;

(d) jiddaħħal il-punt 8a li ġej:

“8a “kriżi” tfisser sitwazzjoni ta’ impatt mifrux jew ta’ sinifikat politiku li tiġġenera domanda immedjata u mhux prevista għall-istatistika Ewropea;”;

(2)jiddaħħal l-Artikolu 16a li ġej:

Artikolu 16a 
Rispons statistiku għall-kriżi

1.    Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha teżamina azzjonijiet statistiċi temporanji u twettaqhom kif xieraq, soġġetti għall-proċeduri stabbiliti f’dan l-Artikolu, fejn jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) huwa meħtieġ li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti ta’ informazzjoni li jirriżultaw minn kriżi u mill-mekkaniżmi ta’ emerġenza li ġejjin, eżistenti jew futuri, attivati f’konformità mal-atti legali tal-Unjoni, bħal pereżempju:

(i) il-protezzjoni temporanja skont id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE 16 ;

(ii) il-mekkaniżmu tal-Unjoni għall-protezzjoni ċivili skont id-Deċiżjoni 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 17 ;

(iii) l-appoġġ ta’ emerġenza skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 18  

(iv) il-qafas ta’ emerġenza skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2372 19 ;

(v) il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2578 20 ;

(vi) il-modalità ta’ emerġenza skont ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) xx/xx (li għandu jiġi adottat 21 );

(b) dawk il-ħtiġijiet urġenti ta’ informazzjoni ma jistgħux jiġu ssodisfati taħt il-programm Ewropew tal-istatistika.

2.    L-azzjonijiet statistiċi temporanji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni (Eurostat) fil-livell tal-Unjoni u jistgħu jinkludu:

(a) il-produzzjoni ta’ statistika Ewropea bbażata fuq il-ġbir ta’ data ġdida;

(b) l-għoti ta’ indikaturi statistiċi ġodda u għarfien ibbażati fuq id-data eżistenti;

(c) l-iżvilupp ta’ metodoloġiji statistiċi armonizzati u linji gwida metodoloġiċi relatati, biex jiġi żgurat li l-istatistika tkun komparabbli u konsistenti fost l-Istati Membri;

(d) azzjoni kkoordinata oħra fil-livell tal-Unjoni li għandha l-għan li tipprovdi rispons statistiku b’mod tempestiv u rilevanti għas-sitwazzjoni speċifika.

3.    Meta tivvaluta l-ħtieġa għal azzjonijiet statistiċi temporanji, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tinforma u tikkonsulta minnufih lill-Kumitat tal-ESS u tqis il-gwida professjonali tiegħu.

4.    L-NSIs jistgħu jiddeċiedu, separatament u fuq bażi volontarja, li jipparteċipaw f’dawn l-azzjonijiet statistiċi temporanji, iżda flimkien mal-Kummissjoni (Eurostat), għandhom jiżguraw ir-rilevanza u l-kopertura suffiċjenti ta’ dawk l-azzjonijiet fil-livell tal-Unjoni. Meta jipparteċipaw f’azzjonijiet statistiċi temporanji, l-NSIs għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti komuni tal-perjodu ta’ żmien, il-frekwenza u l-kwalità tad-data nazzjonali li għandha tiġi pprovduta lill-Kummissjoni (Eurostat).

5.    Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddefinixxi l-azzjonijiet statistiċi temporanji u tistabbilixxi l-proċedura għat-twettiq tagħhom, inklużi r-rekwiżiti rilevanti tal-perjodu ta’ żmien, il-frekwenza u l-kwalità li għandhom jiġu applikati minn dawk l-NSIs li jipparteċipaw fl-azzjoni statistika temporanja. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).

6.    Il-miżuri adottati skont il-paragrafu 5 għandhom jibqgħu fis-seħħ għal perjodu li ma jaqbiżx l-24 xahar.”;

(3)fl-Artikolu 17a, it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Aċċess, użu mill-ġdid u integrazzjoni ta’ rekords amministrattivi għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-istatistika Ewropea”;

(4)fl-Artikolu 17a, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.    Il-korpi pubbliċi nazzjonali responsabbli mis-sorsi tad-data amministrattiva rilevanti għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea għandhom jippermettu lill-NSIs u lil awtoritajiet nazzjonali oħra (minn hawn ’il quddiem “ONA”) imsemmija fl-Artikolu 4, li jaċċessaw, jużaw mill-ġdid u jintegraw, mingħajr ħlas, din id-data u l-metadata rilevanti, b’mod tempestiv u bi frekwenza suffiċjenti għall-finijiet tal-produzzjoni u t-trażmissjoni tal-istatistika lill-Kummissjoni (Eurostat) fl-iskadenzi u f’konformità mar-rekwiżiti tal-kwalità stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-istatistika.”;

(5)fl-Artikolu 17a, jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a.    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tkun permessa, fuq talba, li taċċessa, tuża mill-ġdid u tintegra b’mod tempestiv id-data u l-metadata rilevanti minn bażijiet tad-data u sistemi ta’ interoperabbiltà miżmuma mill-korpi u mill-aġenziji tal-Unjoni, u mingħajr preġudizzju għall-atti tal-Unjoni li jistabbilixxu dawn il-bażijiet tad-data u s-sistemi ta’ interoperabbiltà. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tikkoopera mal-korpi u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni biex tispeċifika d-data u l-metadata mfassla apposta meħtieġa, il-modalitajiet operazzjonali għall-użu mill-ġdid tad-data u s-salvagwardji fiżiċi u loġiċi meħtieġa.”;

(6)fl-Artikolu 17a, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.    L-NSIs u s-sidien tar-rekords amministrattivi għandhom jistabbilixxu l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni meħtieġa. Dawk il-mekkaniżmi għandhom jipprovdu wkoll il-possibbiltà li l-NSIs iwettqu kontrolli tal-kwalità tad-data u jibnu oqfsa statistiċi bbażati fuq ir-rekords amministrattivi rilevanti.”;

(7)jiddaħħlu l-Artikoli 17b, 17c, 17d, 17e u 17f li ġejjin:

Artikolu 17b 
Obbligu tad-detenturi privati tad-data li jqiegħdu għad-dispożizzjoni d-data għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-istatistika Ewropea

1.    Mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ rapportar stabbiliti fil-leġiżlazzjoni statistika settorjali tal-Unjoni jew għall-obbligu tad-detenturi tad-data li jqiegħdu għad-dispożizzjoni d-data abbażi ta’ ħtieġa eċċezzjonali f’konformità mal-Att dwar id-Data, NSI jew il-Kummissjoni (Eurostat) jistgħu jitolbu lil detentur privat tad-data iqeigħed għad-dispożizzjoni d-data u l-metadata rilevanti għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-istatistika Ewropea jekk il-programm ta’ ħidma annwali jkun stabbilixxa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) id-data mitluba hija meħtieġa għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-istatistika Ewropea; u

(b) id-data ma tistax tinkiseb faċilment b’mezzi alternattivi bħall-istħarriġ jew l-użu mill-ġdid ta’ rekords amministrattivi, għaliex inkella l-użu mill-ġdid tagħha se jirriżulta fi tnaqqis konsiderevoli fil-piż tar-rispons fuq id-detenturi tad-data u fuq negozji oħra.

2.    Bħala koordinatur tas-sistema nazzjonali tal-istatistika, NSI jista’ jissottometti talba għad-data lil detentur privat tad-data f’isem ONA, meta d-data mitluba tkun meħtieġa għall-istatistika Ewropea żviluppata u prodotta minn dik l-ONA.

3.    L-NSIs u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jikkooperaw u jassistu lil xulxin b’mod reċiproku sabiex jiġu evitati talbiet eċċessivi fuq id-detenturi privati tad-data u biex jiġi ddeterminat min għandu jissottometti talbiet għad-data. B’mod partikolari, it-talba għad-data għandha tiġi ppreżentata lil detentur privat tad-data mill-Kummissjoni (Eurostat), bi qbil mal-NSIs, meta approċċ bħal dan ikun aktar effiċjenti, pereżempju fil-każ tad-detenturi tad-data li joperaw fuq l-iskala tal-Unjoni kollha.

4.    Il-Kummissjoni (Eurostat) tista’, bi qbil mal-NSIs, tistabbilixxi infrastruttura sigura biex tiffaċilita l-kondiviżjoni ulterjuri mal-NSIs tad-data li tkun ġiet aċċessata f’konformità mal-paragrafu 2.

5.    Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-intrapriżi żgħar u mikro kif definiti fl-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE 22 .

Artikolu 17c 
Talbiet għal data u arranġamenti biex id-data ssir disponibbli għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-istatistika Ewropea

1.    Meta jitolbu data f’konformità mal-Artikolu 17b, l-NSIs jew il-Kummissjoni (Eurostat) għandhom:

(a) jispeċifikaw liema data hija meħtieġa;

(b) juru l-ħtieġa statistika li għaliha tintalab id-data f’konformità mal-Artikolu 17b(1);

(c) jispeċifikaw il-frekwenza li biha d-data għandha ssir disponibbli u l-iskadenzi għal dan;

(d) jispeċifikaw l-arranġamenti operazzjonali biex id-data ssir disponibbli;

(e) jistiednu lid-detentur tad-data għad-djalogu skont il-paragrafu 3.

2.    It-talbiet għad-data msemmija fil-paragrafu 1 għandhom:

(a) isegwu l-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data u jkunu proporzjonati għall-ħtieġa statistika fit-termini tal-livell tad-dettall, il-volum u l-frekwenza tad-data;

(b) jikkonċernaw, sa fejn ikun possibbli, data mhux personali.

3.    Wara talba għad-data msemmija fil-paragrafu 1, għandu jsir djalogu bejn l-NSI jew il-Kummissjoni (Eurostat) u d-detentur tad-data kkonċernat biex jiġu diskussi aspetti bħal-livell ta’ aggregazzjoni tad-data, l-iskadenza u l-arranġamenti għall-forniment tad-data, il-miżuri ta’ protezzjoni tas-sigurtà u tal-kunfidenzjalità kif ukoll l-aspetti tal-kumpens tal-kostijiet possibbli, bl-għan li jiġi konkluż ftehim dwar dawk l-aspetti.

4.    Jekk ma jiġi konkluż l-ebda ftehim fi żmien tliet xhur wara n-notifika tat-talba għad-data msemmija fil-paragrafu 1, l-NSI jew il-Kummissjoni jistgħu, b’deċiżjoni, jitolbu lid-detentur privat tad-data jqiegħed id-data għad-dispożizzjoni. Id-deċiżjoni għandha tkun speċifika kif meħtieġ skont l-ittri minn (a) sa (d) tal-paragrafu 1 u għandha tqis il-kwistjonijiet li dwarhom setgħu kkonverġew il-fehmiet matul id-djalogu mad-detentur tad-data. Id-deċiżjoni tista’ tinkludi wkoll kumpens għad-detentur privat tad-data li ma għandux jaqbeż l-ispejjeż marġinali relatati mat-tħejjija meħtieġa biex id-data ssir disponibbli. Il-perjodu biex id-data ssir disponibbli ma jistax ikun iqsar minn 15-il jum. Qabel ma jadottaw id-deċiżjoni, l-NSI jew il-Kummissjoni għandhom jagħtu lid-detentur tad-data l-opportunità li jitkellem dwar il-miżuri li l-NSI jew il-Kummissjoni jkollhom l-intenzjoni li jieħdu. Id-deċiżjoni għandha tindika l-multi previsti fil-paragrafu 6 u l-mezzi ta’ rimedju kontrihom.

5.    Mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ rapportar stabbiliti fil-leġiżlazzjoni settorjali tal-istatistika tal-Unjoni, detentur tad-data għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni d-data rilevanti għall-NSI jew għall-Kummissjoni (Eurostat) fil-perjodu speċifikat fid-deċiżjoni skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

6.    L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw l-infurzar effettiv tad-deċiżjonijiet adottati f’konformità mal-paragrafu 4. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu l-adozzjoni ta’ multi meta d-detentur privat tad-data jonqos intenzjonalment jew b’negliġenza milli jipprovdi d-data mitluba b’deċiżjoni fil-perjodu stabbilit jew jipprovdi data mhux korretta, mhux kompluta jew qarrieqa. Fl-iffissar tal-ammont tal-multi, l-Istat Membru u l-Kummissjoni għandhom iqisu n-natura, il-gravità, id-durata u r-rikorrenza tal-ksur.

7.    Sabiex tikkonforma mal-paragrafu 6, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjonijiet li jimponu multi ta’ massimu ta’ EUR 25 000. F’każ ta’ rikorrenza fi żmien tliet snin, il-multa tista’ tilħaq il-EUR 50 000. Il-Kummissjoni tista’ toħroġ linji gwida dwar il-kalkolu tal-multa.

8.    Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni li timponi multa fi żmien sena wara l-iskadenza għall-preżentazzjoni tad-data stabbilita fid-deċiżjoni tagħha skont il-paragrafu 4 meta d-detentur tad-data jonqos milli jippreżenta kwalunkwe data jew fi żmien sena mis-sottomissjoni ta’ data mhux korretta, mhux kompluta jew qarrieqa.

Is-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza deċiżjonijiet li jimponu multa għandha tkun soġġetta għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin. Iż-żmien għandu jibda mill-ġurnata li fiha d-deċiżjoni ssir finali.

9.    Qabel ma jadottaw deċiżjoni skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu lid-detentur tad-data l-opportunità li jitkellem dwar sejbiet u miżuri preliminari li l-Istat Membru jew il-Kummissjoni jista’ jkollhom l-intenzjoni li jieħdu fid-dawl tas-sejbiet preliminari.

10.    Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti tekniċi ġenerali biex id-data ssir disponibbli skont dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).

Artikolu 17d 
Rieżami tad-deċiżjonijiet li jimponu multi mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

F’konformità mal-Artikolu 261 tat-TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġuriżdizzjoni bla limitu biex tirrieżamina d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tkun imponiet il-multi. Hija tista’ tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta.

Artikolu 17e 
Obbligi tal-NSIs u tal-Kummissjoni (Eurostat) fl-użu mill-ġdid tad-data mqiegħda għad-dispożizzjoni għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-istatistika Ewropea

1.    L-NSIs u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jużaw id-data mqiegħda għad-dispożizzjoni f’konformità mal-Artikolu 17b għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-istatistika Ewropea:

(a) esklużivament għal finijiet ta’ statistiċi;

(b) f’konformità mal-prinċipji tal-kunfidenzjalità statistika u l-kosteffettività; u

(c) bl-obbligu li ma tiġix kondiviża ma’ partijiet terzi dment li d-detentur tad-data ma jkunx qabel ma’ dan.

2.    L-NSIs u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom:

(a) jieħdu miżuri xierqa biex jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-istatistika u s-sigrieti kummerċjali u biex jippreservaw tħassib leġittimu ieħor tad-detenturi privati tad-data inklużi l-kost u l-isforz meħtieġa biex id-data ssir disponibbli;

(b) jimplimentaw, sa fejn ikun meħtieġ l-ipproċessar tad-data personali, il-miżuri tekniċi u l-organizzazzjonali li jissalvagwardjaw id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data.

3.    Il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw għal ONA li tkun irċeviet data wara talba ppreżentata f’isimha minn NSI f’konformità mal-Artikolu 17b(2).

4.    Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tippubblika deskrizzjoni tal-kategoriji ewlenin tal-kostijiet relatati mal-ipproċessar tad-data li għalihom jista’ jingħata kumpens lid-detentur tad-data u l-metodoloġija għall-kalkolu ta’ dawn il-kostijiet.

Artikolu 17f 
Kondiviżjoni tad-data fl-ESS

1.    Id-data għandha tiġi kondiviża bejn l-NSIs u bejn l-NSIs u l-Kummissjoni (Eurostat) esklużivament għal finijiet ta’ statistika u għat-titjib tal-kwalità tal-istatistika Ewropea.

2.    Il-kondiviżjoni tad-data għandha ssir fuq talba minn NSI jew mill-Kummissjoni (Eurostat) fejn dan ikun rilevanti u meħtieġ. Il-kondiviżjoni tad-data għandha sseħħ ukoll meta t-talba titressaq minn NSI f’isem ONA u d-data tintuża esklużivament għal finijiet ta’ statistika u għat-titjib tal-kwalità tal-istatistika Ewropea żviluppata u prodotta minn dik l-ONA.

3.    L-NSIs, u meta jkun rilevanti l-ONAs, li jipparteċipaw fil-kondiviżjoni tad-data fi ħdan l-ESS għandhom jipprovdu s-salvagwardji kollha meħtieġa fir-rigward tal-protezzjoni fiżika u l-loġika tal-kunfidenzjalità tad-data. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tistabbilixxi infrastruttura sigura biex tiffaċilita l-kondiviżjoni tad-data. L-NSIs, u meta jkun rilevanti l-ONAs, jistgħu jużaw dik l-infrastruttura sigura għall-kondiviżjoni tad-data għall-fini speċifikat fil-paragrafu 1.

4.    Meta d-data kkonċernata tkun data kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament jew data personali kif definita fir-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725, il-kondiviżjoni ta’ tali data għandha tkun permessa u tista’ ssir fuq bażi volontarja, dment li tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kollha:

(a)tkun ibbażata fuq talba li tiġġustifika l-ħtieġa li d-data tiġi kondiviża f’kull każ individwali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ kwalità li għandhom jiġu indirizzati speċifikament;

(b)tkun ibbażata fuq teknoloġiji li jsaħħu l-privatezza, imfassla speċifikament biex jikkonformaw mar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725, b’attenzjoni partikolari għal-limitazzjoni tal-iskop, il-minimizzazzjoni tad-data, il-limitazzjoni tal-ħżin, l-integrità u l-kunfidenzjalità;

(c)ma taffettwax il-Kapitolu V ta’ dan ir-Regolament.

5.    Id-data mitluba skont dan l-Artikolu ma għandhiex tikkonċerna kwistjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali u kwistjonijiet militari.

6.    Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-aspetti tekniċi tal-kondiviżjoni tad-data bejn l-awtoritajiet tal-istatistika msemmija f’dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).

7.    Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21 ta’ dan ir-Regolament.”;

(8)jiddaħħal il-Kapitolu IIIa li ġej:

KAPITOLU IIIa

ŻVILUPP TAL-ISTATISTIKA EWROPEA

Artikolu 17g 
Statistika li qiegħda tiġi żviluppata

1.    L-NSIs, l-ONAs u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jagħmlu ħilithom biex jinnovaw u jiżviluppaw kontinwament outputs u għarfien statistiċi ġodda bbażati fuq is-sorsi tad-data kollha disponibbli u biex jużaw it-teknoloġiji tal-ogħla livell, bl-għan li jintegrawhom fil-produzzjoni regolari tal-istatistika Ewropea.

2.    L-istatistika Ewropea għandha tiġi żviluppata f’konformità sħiħa mal-prinċipji statistiċi, kif stabbilit fl-Artikolu 2(1). L-istatistika li qiegħda tiġi żviluppata mhux neċessarjament tissodisfa l-kriterji kollha tal-kwalità stabbiliti fl-Artikolu 12(1).

3.    Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tiddissemina l-istatistika Ewropea li qiegħda tiġi żviluppata bil-qbil tal-NSIs u għandha tindika b’mod espliċitu li din l-istatistika qiegħda tiġi żviluppata.

4.    Il-Kummissjoni (Eurostat) tista’ tibda, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat tal-ESS, l-iżvilupp ta’ outputs u għarfien statistiċi ġodda b’mod koordinat madwar l-ESS. Dawk l-outputs statistiċi u l-għarfien għandhom jiġu inklużi fil-programm ta’ ħidma annwali u implimentati permezz tal-azzjonijiet statistiċi individwali msemmija fl-Artikolu 14(1).”;

(9)fl-Artikolu 18, jiddaħħal il-paragrafu 4 li ġej:

“4.    Il-Kummissjoni (Eurostat) tista’ tuża l-istatistika Ewropea ppubblikata fil-livell nazzjonali mill-Istati Membri qabel l-iskadenzi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti u tiddissemina din l-istatistika qabel iż-żmien previst f’dik il-leġiżlazzjoni settorjali, dment li tikkonforma mad-definizzjonijiet u l-klassifikazzjoni.”;

(10)l-Artikolu 25 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 25 
Data disponibbli għall-pubbliku

Id-data li hija legalment disponibbli għall-pubbliku ma għandhiex titqies bħala kunfidenzjali meta tintuża għal finijiet ta’ statistika.”;

(11)jiddaħħal l-Artikolu 26a li ġej:

“Artikolu 26a 
Kontribuzzjoni għal oqfsa nazzjonali ġodda għall-governanza tad-data

1.    F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, fil-livell nazzjonali, l-NSIs jistgħu jassumu funzjonijiet kif stabbiliti fl-oqfsa nazzjonali għall-governanza tad-data bl-għan li jippromwovu l-integrazzjoni tad-data u l-interoperabbiltà, id-deskrizzjoni tal-metadata, l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-iffissar tal-istandards, kif ukoll kompiti u funzjonijiet oħra stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/868 23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u l-identifikazzjoni ta’ sorsi ġodda tad-data li għandhom jintużaw għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-istatistika.

2.    It-twettiq ta’ tali funzjonijiet mill-NSIs għandu jkun kompatibbli mal-prinċipji statistiċi, kif stabbiliti fl-Artikolu 2(1).”;

(12)jiddaħħal l-Artikolu 27a li ġej:

“Artikolu 27 a
Evalwazzjoni u rieżami

Sa [ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament emendatorju], il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet prinċipali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dik l-evalwazzjoni għandha tivvaluta, b’mod partikolari:

(a)ir-rispons statistiku għall-kriżi skont l-Artikolu 16a;

(b)l-obbligu tad-detenturi tad-data li jippermettu li d-data tagħhom terġa’ tintuża għall-istatistika Ewropea f’konformità mal-Artikoli 17b, 17c, 17d u 17e;

(c)il-kondiviżjoni tad-data fl-ESS skont l-Artikolu 17f;

(d)l-iżvilupp tal-istatistika Ewropea skont il-Kapitolu IIIa.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)

   Ara d-dettalji fuq Semma’ leħnek.

(2)     European Statistical System position paper on access to privately held data which are of public interest , Novembru 2017.
(3)     European Statistical System (ESS) position paper on the future Data Act , Ġunju 2021.
(4)     Final expert group report on Empowering society by reusing privately held data for official statistics - A European approach , edizzjoni 2022.
(5)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(6)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(7)    Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra, flimkien mal-NSIs u l-Eurostat, jiffurmaw is-sħubija, l-ESS.
(8)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli armonizzati dwar l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha (L-Att dwar id-Data), (COM(2022) 68 final).
(9)    Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).
(10)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli armonizzati dwar l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha (L-Att dwar id-Data), (COM(2022) 68 final).
(11)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(12)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(13)    Id-Deċiżjoni Nru 234/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 li tistabbilixxi l-Kumitat Ewropew ta’ Konsultazzjoni dwar il-Politika Komunitarja ta’ Tagħrif Statistiku u li tħassar id-Deċizjoni tal-Kunsill 91/116/KEE (ĠU L 73, 15.3.2008, p. 13).
(14)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(15)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(16)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).
(17)    Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).
(18)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta’ Marzu 2016 dwar l-għoti ta’ appoġġ ta’ emerġenza fl-Unjoni (ĠU L 70, 16.3.2016, p. 1).
(19)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2372 tal-24 ta’ Ottubru 2022 dwar qafas ta’ miżuri għall-iżgurar tal-provvista ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi fil-każ ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni (ĠU L 314, 6.12.2022, p. 64).
(20)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2578 tat-22 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq biex jipproteġi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-ekonomija kontra prezzijiet eċċessivament għoljin (ĠU L 335, 29.12.2022, p. 45).
(21)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument għas-Suq Uniku f’emerġenza u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2679/98 (COM(2022)459 final).
(22)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
(23)    Ir-Regolament (UE) 2022/868 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar il-governanza Ewropea tad-data u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (Att dwar il-Governanza tad-Data) (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 1).
Top