Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0395

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar il-merkurju fir-rigward tal-amalgama dentali u prodotti oħra miżjudin bil-merkurju soġġetti għal restrizzjonijiet fuq il-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni

    COM/2023/395 final

    Brussell, 14.7.2023

    COM(2023) 395 final

    2023/0272(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar il-merkurju fir-rigward tal-amalgama dentali u prodotti oħra miżjudin bil-merkurju soġġetti għal restrizzjonijiet fuq il-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    {SEC(2023) 395 final} - {SWD(2023) 395 final} - {SWD(2023) 396 final} - {SWD(2023) 397 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    ·Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Il-merkurju huwa element tossiku ħafna u ta’ riskju kbir għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Dan huwa newrotossina qawwija li tinduċi ħsara permanenti fil-moħħ u fil-kliewi fl-adulti u taffettwa l-iżvilupp tal-fetu u t-tfulija bikrija. Għalhekk, il-merkurju ġie kklassifikat skont il-liġi tal-Unjoni bħala tossiku għar-riproduzzjoni, fatali jekk jittieħed man-nifs, li jikkawża ħsara lill-organi kollha permezz ta’ esponiment fit-tul jew ripetut u tossiku ħafna għall-ħajja akkwatika b’effetti negattivi fit-tul 1 .

    Fid-dawl tar-riskju li l-merkurju jirrappreżenta kemm għas-saħħa tal-bniedem kif ukoll għall-ambjent, fl-2005 il-Kummissjoni żviluppat Strateġija għall-merkurju 2 ddedikata, kif rieżaminata fl-2010 3 , li tistieden lill-Unjoni tindirizza l-aspetti kollha tal-merkurju, inkluż l-użu tiegħu fil-prodotti. B’riżultat ta’ dan, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kkonkluda kif ġej:

    Il-prodotti li fihom il-merkurju, fejn jeżistu alternattivi vijabbli, għandhom jitneħħew gradwalment kemm jista’ jkun malajr u kompletament, bl-għan aħħari li l-prodotti li fihom il-merkurju jitneħħew, filwaqt li jitqiesu b’mod xieraq iċ-ċirkostanzi tekniċi u ekonomiċi u l-ħtiġijiet għar-riċerka u l-iżvilupp xjentifiċi.” 4

     
    Il-proposta taqa’ wkoll f’kuntest ta’ politika usa’ billi tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-
    Patt Ekoloġiku Ewropew 5 , tal-Istrateġija tal-UE dwar is-sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà 6 u l-Pjan ta’ Azzjoni għal Tniġġis Żero (minn hawn ’il quddiem; “ZPAP”) 7 adottata skontha. B’mod partikolari, din għandha l-għan li tissodisfa l-impenn tal-Unjoni li tmexxi bl-eżempju u tiżgura li s-sustanzi kimiċi perikolużi pprojbiti fl-Unjoni ma jiġux prodotti għall-esportazzjoni f’konformità mal-Inizjattiva Ewlenija 8 taż-ZPAP dwar il-minimizzazzjoni tal-impronta esterna tat-tniġġis tal-Unjoni, inkluż billi temenda l-leġiżlazzjoni rilevanti. Barra minn hekk, din l-inizjattiva tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ qafas ġdid tal-Unjoni għal prodotti sostenibbli 8 , kif ukoll għall-aġenda ta’ dekarbonizzazzjoni tal-UE 9 billi tippromwovi s-sostituzzjoni ta’ lampi li fihom il-merkurju b’alternattivi ta’ tidwil aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija bħal lampi tad-dijodi li jemettu d-dawl (LED).

    Ir-Regolament (UE) 2017/852 10 (minn hawn ’il quddiem, “ir-Regolament dwar il-Merkurju”) huwa l-istrument ewlieni tad-dritt tal-Unjoni ddedikat għall-merkurju u l-komposti tal-merkurju (minn hawn ’il quddiem, “merkurju” jew “Hg”) li jindirizza ċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta’ din is-sustanza mill-estrazzjoni primarja tal-merkurju sar-rimi finali tal-iskart tal-merkurju u li jittrasponi l-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (minn hawn ’il quddiem, “il-Konvenzjoni ta’ Minamata” jew “il-Konvenzjoni”) 11 irratifikata mill-Unjoni f’Mejju 2017 12 u mill-Istati Membri kollha. Aspett ewlieni indirizzat mir-Regolament dwar il-Merkurju jikkonċerna l-użu tal-merkurju fil-prodotti billi jistabbilixxi projbizzjonijiet fuq il-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ firxa ta’ prodotti miżjudin bil-merkurju (minn hawn ’il quddiem, “MAPs”) 13 , u b’hekk jikkomplementa d-dispożizzjonijiet stabbiliti fi strumenti oħra tal-Unjoni li jistabbilixxu restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni ta’ MAPs. Bil-għan li tiġi stabbilita Ewropa ħielsa mill-merkurju, il-proposta tindirizza l-aħħar użi intenzjonati li fadal tal-merkurju fil-prodotti fl-Unjoni.

    Skont il-klawżola ta’ rieżami stabbilita fl-Artikolu 19 14  tar-Regolament dwar il-Merkurju, il-Kummissjoni hija mitluba tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżitu tal-valutazzjoni tagħha rigward:

    (a)il-fattibbiltà ta’ tneħħija gradwali totali tal-użu tal-amalgama dentali preferibbilment sal-2030 u l-ħtieġa li l-UE tirregola l-emissjonijiet assoċjati tal-merkurju mill-krematorji;

    (b)il-benefiċċji ambjentali u l-fattibbiltà tal-projbizzjoni tal-manifattura, tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni ta’ MAPs oħra li jifdal, li diġà jew dalwaqt se jiġu pprojbiti milli jitqiegħdu fis-suq f’konformità mal-istrumenti oħra tal-Unjoni.

    Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 19 jipprevedi li l-Kummissjoni għandha, jekk xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva bbażata fuq il-valutazzjoni msemmija hawn fuq.

    F’Awwissu 2020, il-Kummissjoni adottat 15 ir-Rapport ta’ Rieżami tagħha dwar il-fattibbiltà tat-tneħħija gradwali tal-użu tal-merkurju fl-amalgama dentali u fi prodotti oħra. Kemm dan ir-rapport kif ukoll il-valutazzjoni tal-impatt sussegwenti tal-Kummissjoni indikaw l-adegwatezza li tiġi ppreżentata proposta leġiżlattiva biex jitneħħa gradwalment l-użu tal-amalgama dentali u biex jiġu ristretti l-manifattura u l-esportazzjoni ta’ ċerti lampi li fihom il-merkurju.

    L-amalgama dentali hija l-akbar użu intenzjonat li fadal tal-merkurju fl-Unjoni stmat għal madwar 40 t fl-2019. L-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar il-Merkurju diġà jistabbilixxi projbizzjoni parzjali fuq l-użu tal-amalgama dentali billi jipprojbixxih mill-1 ta’ Jannar 2018 għat-trattament dentali ta’ snien tal-ħalib u ta’ membri vulnerabbli tal-popolazzjoni (jiġifieri, tfal taħt l-età ta’ 15-il sena u nisa tqal u li qed ireddgħu), ħlief meta jitqies strettament meħtieġ mill-prattikant dentali abbażi tal-ħtiġijiet mediċi speċifiċi tal-pazjent. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(3), l-Istati Membri kellhom jiżviluppaw sal-1 ta’ Lulju 2019 pjan nazzjonali dwar it-tnaqqis gradwali tal-użu tal-amalgama dentali.

    Fir-rigward ta’ MAPs oħra, l-Artikolu 5 jipprojbixxi l-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-MAPs elenkati fl-Anness II mid-dati ta’ tneħħija gradwali speċifikati fih (mill-31 ta’ Diċembru 2018 jew mill-2020), ħlief meta jitqiesu essenzjali għall-protezzjoni ċivili u għall-użi militari jew għal dawk użati għar-riċerka, għall-kalibrazzjoni tal-istrumenti jew bħala standard ta’ referenza. L-MAPs imsemmija fl-Anness II huma prodotti li għalihom hemm disponibbli alternattivi teknikament u ekonomikament fattibbli mingħajr merkurju. L-Anness II bħalissa jelenka s-sitt tipi ta’ MAPs li ġejjin:

    ·batteriji u akkumulaturi,

    ·ċerti swiċċijiet u rilejs,

    ·firxa ta’ lampi li fihom il-merkurju, inklużi ċerti lampi fluworexxenti kompatti (CFLs) u lampi fluworexxenti lineari (LFLs) għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali, lampi fluworexxenti b’katodu kiesaħ u lampi fluworexxenti bl-elettrodi esterni (CCFLs u EEFLs) għal unitajiet tal-wiri elettroniċi u lampi tal-merkurju (gass) taħt pressjoni għolja (HPMVs) għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali,

    ·kożmetiċi (għajr xi prodotti tal-għajnejn),

    ·pestiċidi, bijoċidi u antisettiċi topiċi,

    ·ċerti strumenti tal-kejl mhux elettroniċi (eż. termometri, barometri).

    Fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament dwar il-Merkurju (Mejju 2017), il-MAPs elenkati hawn fuq li jinsabu fl-Anness II kienu prodotti li kienu diġà ġew ipprojbiti milli jitqiegħdu fis-suq u jiġu importati fl-Unjoni f’konformità ma’ strumenti oħra tal-Unjoni, inkluża d-Direttiva (KE) 2006/66 dwar il-batteriji 16 , ir-Regolament (KE) 1907/2006 REACH 17 , ir-Regolament (KE) 1223/2009 dwar il-prodotti kożmetiċi 18 u d-Direttiva 2011/65/UE dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (minn hawn ’il quddiem, id-“Direttiva RoHS”) 19 .

    Madankollu, meta titqies id-disponibbiltà dejjem akbar ta’ alternattivi teknikament u ekonomikament fattibbli mingħajr merkurju, MAPs addizzjonali sadanittant kienu soġġetti għal restrizzjonijiet ġodda fuq it-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni tagħhom skont id-Direttiva RoHS. F’dan ir-rigward, il-manifattura u l-esportazzjoni kontinwi ta’ dawk l-MAPs hija kawża sinifikanti tat-tniġġis tal-merkurju, speċjalment f’pajjiżi terzi li spiss ma jkollhomx riżorsi biex jiżguraw il-ġestjoni ambjentali tajba tal-iskart u fejn il-prodotti magħmula mill-UE għalhekk iżidu mal-piż nazzjonali tal-prodotti perikolużi u jżidu r-riskju għall-bejjiegħa lokali bl-imnut, għall-utenti finali, u għall-abitanti. Fl-2018, 13-38 t ta’ merkurju ġew esportati mill-Unjoni fil-forma ta’ amalgama dentali kif ukoll 0,5 t ta’ merkurju f’lampi (ekwivalenti għal 156 miljun lampa li fiha l-merkurju) fl-2020.

    Għalhekk, il-proposta għandha l-għan li tiżgura l-koerenza bejn ir-Regolament dwar il-Merkurju u d-Direttiva RoHS u b’hekk tikkontribwixxi għall-impenji tal-Unjoni skont l-Inizjattiva Ewlenija 8 tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Tniġġis Żero billi telimina b’mod gradwali l-manifattura u l-esportazzjoni tal-lampi li fihom il-merkurju: 

    L-Anness II kurrenti (il-Parti A) (l-entrata 3) tar-Regolament dwar il-Merkurju jipprojbixxi l-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tas-CFLs għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali li ġejjin: (i) CFL.i ≤ 30 watts b’kontenut ta’ Hg ta’ > 2,5 mg għal kull berner tal-lampa u (ii) CFL.ni 20  ≤ 30 watts b’kontenut ta’ Hg ta’ > 3,5 mg għal kull berner tal-lampa.

    Bħala segwitu għall-adozzjoni tad-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/276 21  li temenda l-Anness III (l-entrati 1, 1(a), 1(b), 1(c), 1(d) u 1(e)) tad-Direttiva RoHS, mill-24 ta’ Frar 2023, is-CFLs kollha għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni u jiġu importati biss jekk ikun fihom kontenut ta’ merkurju żero.

    L-Anness II attwali (il-Parti A) (l-entrata 4, il-punt a) tar-Regolament dwar il-Merkurju jipprojbixxi l-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ lampi fluworexxenti lineari trifosforiċi għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali ta’ < 60 W b’kontenut ta’ Hg ta’ > 5 mg għal kull berner tal-lampa.

    Bħala segwitu għall-adozzjoni tad-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/284 22  li temenda l-Anness III (l-entrati 2(a), 2(a)(1), 2(a)(2), 2(a)(3), 2(a)(4) u 2(a)(5)) tad-Direttiva RoHS, mill-24 ta’ Frar 2023 jew mill-24 ta’ Awwissu 2023, il-lampi fluworexxenti lineari trifosforiċi għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni u jiġu importati biss jekk ikun fihom kontenut ta’ merkurju żero.

    Billi l-Anness II attwali tar-Regolament dwar il-Merkurju ma jkoprix il-lampi fluworexxenti mhux lineari trifosforiċi, id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/282 23 li temenda l-Anness III (l-entrata 2(b)(3)) tad-Direttiva RoHS tippermetti biss, mill-24 ta’ Frar 2025, it-tqegħid fis-suq tal-UE u l-importazzjoni ta’ tali lampi jekk ikun fihom kontenut ta’ merkurju żero.

    L-Anness II attwali (il-Parti A) (l-entrata 4, il-punt b) tar-Regolament dwar il-Merkurju jipprojbixxi l-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ lampi tal-fosfori alofosfati (LFLs) ta’ < 40 watt b’kontenut ta’ Hg ta’ > 10 mg għal kull berner tal-lampa.

    L-Anness III (l-entrata 2(b)(1)) tad-Direttiva RoHS jippermetti biss, mit-13 ta’ April 2012, it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-importazzjoni ta’ lampi lineari tal-fosfori alofosfati b’dijametru tat-tubu > 28 mm (eż., T10 u T12) jekk ikun fihom kontenut ta’ merkurju żero.

    Filwaqt li l-Anness II attwali tar-Regolament dwar il-Merkurju ma jkoprix il-lampi fluworexxenti mhux lineari tal-fosfori alofosfati, l-Anness III (l-entrata 2(b)(2)) tad-Direttiva RoHS jippermetti biss, mit-13 ta’ April 2016, it-tqegħid fis-suq tal-UE u l-importazzjoni ta’ lampi mhux lineari tal-fosfori alofosfati jekk ikun fihom kontenut ta’ merkurju żero.

    Filwaqt li l-Anness II attwali tar-Regolament dwar il-Merkurju ma jkoprix lampi tas-sodju (gass) taħt pressjoni għolja (HPS), id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/283 24  li temendal-Anness III (l-entrati 4(b)(I), 4(b)(II) u 4(b)(III)) tad-Direttiva RoHS tippermetti biss, mill-24 ta’ Frar 2023, it-tqegħid fis-suq tal-UE u l-importazzjoni ta’ HPS b’indiċi tal-apparenza tal-kulur imtejjeb Ra > 60: P ≤ 155 W, > 60: 155 W < P ≤ 405 W jew > 60: P > 405 W jekk fihom kontenut ta’ merkurju żero.

    Barra minn hekk, il-proposta ma għandhiex biss l-għan li tiżgura l-koerenza fil-liġi tal-Unjoni dwar il-MAPs, iżda tfittex ukoll li timplimenta d-Deċiżjoni MC-4/3 tal-Konvenzjoni ta’ Minamata adottata mill-Partijiet fir-raba’ laqgħa tal-Konferenzi tal-Partijiet għal dik il-Konvenzjoni f’Marzu 2022 (minn hawn ’il quddiem, “COP4”), li temenda, fost l-oħrajn, l-Anness A (il-Parti I) tal-Konvenzjoni dwar il-lista ta’ MAPs oħra li huma soġġetti għal projbizzjoni tal-manifattura u tal-kummerċ internazzjonali 25 .

    De facto, billi tallinja l-Anness II tar-Regolament dwar il-Merkurju ma’ RoHS, din il-proposta tinkludi f’dak ir-Regolament il-lampi koperti mid-Deċiżjoni MC-4/3 (il-paragrafu 5) li għandhom jiġu kkunsidrati fil-COP5 (Novembru 2023), u b’hekk l-Unjoni titqiegħed f’pożizzjoni ta’ tmexxija għal negozjati internazzjonali futuri. Dan jirrigwarda l-lampi li ġejjin:

     

    ·LFLs tal-fosfori alofosfati > 40 watts;

    ·LFLs tal-fosfori alofosfati ≤ 40 watts b’kontenut ta’ Hg li ma jaqbiżx l-10 mg għal kull lampa;

    ·LFLs trifosforiċi < 60 watts b’kontenut ta’ Hg li ma jaqbiżx il-5 mg/lampa

    Filwaqt li, bis-saħħa tal-mandat biex l-Anness II tar-Regolament dwar il-Merkurju jiġi allinjat ma’ RoHS, din il-proposta għalhekk tkopri t-tliet entrati msemmija hawn fuq irrispettivament mill-paragrafu 5 tad-Deċiżjoni MC-4/3, din id-deċiżjoni tibqa’ rilevanti fir-rigward tad-dati ta’ tneħħija gradwali. Għalhekk, din l-inizjattiva tipproponi l-aktar dati ambizzjużi ta’ tneħħija gradwali previsti skont il-paragrafu 5 għal dawn il-prodotti u b’hekk turi l-ambizzjoni kontinwa tal-UE skont Minamata, riflessa mill-proposta formali magħmula mill-Unjoni qabel il-COP4 26  u mill-mandat ta’ negozjar rilevanti 27 pprovdut mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.

    Barra minn hekk, din il-proposta tikkomplementa wkoll id-Deċiżjoni MC-4/3 (il-paragrafu 1) li żiedet tmien MAPs ġodda mal-Anness A (il-Parti I) tal-Konvenzjoni ta’ Minamata, inkluż CFLi għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali li huma ≤ 30 watt b’kontenut ta’ Hg li ma jaqbiżx il-5 mg għal kull berner tal-lampa. Dawn il-prodotti se jkunu pprojbiti milli jiġu mmanifatturati, importati u esportati mill-1 ta’ Jannar 2026. Dan huwa traspost fl-Anness II (il-Parti A) tar-Regolament dwar il-Merkurju permezz tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni propost fl-istess ħin 28 . L-użu ta’ Att Delegat huwa ġġustifikat skont l-Artikolu 20 tar-Regolament dwar il-Merkurju.

    Meta wieħed iqis dan ta’ hawn fuq, l-objettivi ta’ din il-proposta huma:

    (i)    l-estensjoni tal-projbizzjoni tal-użu tal-amalgama dentali biex tinkludi l-membri kollha tal-popolazzjoni    fl-Unjoni mill-1 ta’ Jannar 2025 (tneħħija gradwali totali), filwaqt li jiġi ssalvagwardjat id-dritt    tal-prattikanti dentali li jibqgħu jużawha meta titqies strettament meħtieġa għall-indirizzar    tal-ħtiġijiet mediċi speċifiċi tal-pazjent (eż., allerġiji, kwistjonijiet ta’ kontroll tal-umdità, eċċ.).

    (ii)    l-istabbiliment ta’ projbizzjoni fuq il-manifattura fl-Unjoni u l-esportazzjoni tal-amalgama dentali    mill-1 ta’ Jannar 2025.

    (iii)    li s-sitt MAPs addizzjonali li ġejjin isiru soġġetti għal projbizzjoni ta’ manifattura, importazzjoni u esportazzjoni    billi jiżdiedu mal-Anness II:

    ·CFLs għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali, li għadhom ma humiex koperti mill-Anness II u lanqas mill-emenda konkomittanti għall-Anness II li tirriżulta mill-Att Delegat imsemmi hawn fuq;

    ·LFLs trifosforiċi għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali li għadhom ma humiex koperti mill-Anness II;

    ·LFLs tal-fosfori alofosfati għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali li għadhom ma humiex koperti mill-Anness II;

    ·Lampi mhux lineari trifosforiċi għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali;

    ·Lampi mhux lineari tal-fosfori alofosfati;

    ·lampi HPS għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali.

     

    Din il-proposta ma tintroduċix obbligu madwar l-UE kollha għall-Istati Membri u għall-operaturi biex jgħammru l-krematorji b’teknoloġija għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-merkurju. Filwaqt li l-Kummissjoni vvalutat il-ħtieġa li l-Unjoni tirregola l-emissjonijiet assoċjati tal-merkurju mill-krematorji f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 19 tar-Regolament, il-valutazzjoni kkonkludiet li l-kostijiet u l-piżijiet amministrattivi ma jkunux proporzjonati vis-à-vis l-objettivi ambjentali segwiti u jkunu wkoll mifruxa b’mod mhux uniformi madwar l-Istati Membri (ara wkoll it-Taqsima 3).

    ·Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Ir-Regolament dwar il-Merkurju ma japplikax f’iżolament, iżda flimkien mad-dispożizzjonijiet dwar il-merkurju stabbiliti fi strumenti oħra tal-Unjoni li jistabbilixxu kontrolli speċifiċi fuq, fost l-oħrajn, l-emissjonijiet tal-merkurju fl-arja u fl-ilma 29 , inkluż minn installazzjonijiet industrijali 30 , il-ħżin temporanju tal-iskart tal-merkurju 31 u l-kontenut tal-merkurju fil-frott tal-baħar 32 . Kif speċifikat hawn fuq, is-sett ta’ strumenti u dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-merkurju għandu l-għan li jiksbu Ewropa ħielsa mill-merkurju.

    Din il-proposta tikkontribwixxi għal dan l-objettiv ta’ politika billi żżid aktar restrizzjonijiet fuq l-użu tal-merkurju f’ċerti MAPs, jiġifieri l-amalgama dentali u l-lampi li fihom il-merkurju. B’dan il-mod, iżżid il-konsistenza interna tad-dritt tal-Unjoni dwar il-MAPs billi tikkomplementa l-projbizzjoni li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni u li jiġu importati l-lampi kkonċernati li fihom il-merkurju stabbiliti skont id-Direttiva RoHS bi projbizzjoni fuq il-manifattura fl-Unjoni u l-esportazzjoni ta’ tali lampi.

    Ġie stabbilit ukoll parallel bejn ir-Regolament dwar il-Merkurju u r-Regolament (UE) Nru 649/2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi (ir-Regolament PIC) 33  peress li l-kontenut tal-Anness II tar-Regolament dwar il-Merkurju huwa sistematikament inkluż fl-Anness V (il-Parti 2) tar-Regolament PIC għal finijiet ta’ konsistenza. Dan jimplika li l-emendi għall-Anness II tar-Regolament dwar il-Merkurju li jirriżultaw minn din il-proposta mbagħad se jiġu integrati fl-Anness V ((il-Parti 2) tar-Regolament PIC, ladarba jiġu adottati mill-koleġiżlaturi.

    ·Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Din l-inizjattiva tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà tal-2020 u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar it-Tniġġis Żero (ZPAP) tal-2021 adottati skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew (EGD).

    Skont dawk id-dokumenti ta’ politika, il-Kummissjoni titlob b’mod partikolari li jiġu pprojbiti s-sustanzi kimiċi l-aktar ta’ ħsara fil-prodotti tal-konsumatur u impenjat ruħha li “tmexxi bl-eżempju, u, f’konformità mal-impenji internazzjonali, tiżgura li s-sustanzi kimiċi perikolużi pprojbiti fl-Unjoni Ewropea ma jiġux prodotti għall-esportazzjoni, inkluż billi temenda l-leġiżlazzjoni rilevanti jekk u kif meħtieġ”, u b’hekk tnaqqas l-impronta tat-tniġġis estern tagħha (l-inizjattiva ewlenija 8 taż-ZPAP).

    Barra minn hekk, din l-inizjattiva tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni fi ħdan l-Unjoni ta’ żewġ Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) jiġifieri saħħa tajba u benesseri li jiżguraw għajxien san u li jippromwovu l-benesseri għall-etajiet kollha (l-Għan 3) u l-iżgurar ta’ mudelli ta’ konsum u ta’ produzzjoni sostenibbli (l-Għan 12) 34 , kif ukoll għall-aġenda ta’ dekarbonizzazzjoni tal-UE billi tiġi promossa s-sostituzzjoni ta’ lampi li fihom il-merkurju b’alternattivi għat-tidwil aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, jiġifieri, lampi b’dijodi li jemettu d-dawl (LED).

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    ·Bażi ġuridika

    L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem. Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tar-Regolament propost hija l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.

    ·Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Din l-inizjattiva tirriżulta direttament mill-Artikolu 19 tar-Regolament dwar il-Merkurju. Il-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni jistipula li l-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva flimkien mar-rapport tagħha msemmi fil-paragrafu 1.

    Kif iddikjarat hawn fuq, ir-Rapport ta’ Rieżami għamel konklużjonijiet dwar il-ħtieġa ta’ azzjoni tal-Unjoni biex, fost l-oħrajn, tistabbilixxi tneħħija gradwali sħiħa mill-UE tal-użu tal-amalgama dentali u biex tallinja l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-MAPs. Filwaqt li dan jista’ jinkiseb mill-Istati Membri, madankollu, meta titqies in-natura tal-miżuri li għandhom jittieħdu (jiġifieri projbizzjoni uniformi dwar l-użu tal-amalgama dentali, l-allinjament tal-liġi tal-UE dwar l-MAPs), ikun aktar effettiv u effiċjenti jekk dan jitwettaq fil-livell tal-Unjoni.

    It-tniġġis tal-merkurju huwa transfruntier, u jaqsam il-fruntieri nazzjonali, kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll lill hinn mill-fruntieri tal-Unjoni. Għalhekk, kontroll xieraq u effettiv tat-tniġġis jista’ jinkiseb aktar malajr u b’mod aktar effiċjenti fil-livell tal-Unjoni meta mqabbel mal-Istati Membri li jaġixxu waħedhom b’mod mhux koordinat.

    L-azzjoni fil-livell tal-Unjoni tippermetti l-istabbiliment ta’ qafas legali aktar konsistenti u aktar ċar billi tindirizza n-naħat kollha tal-kwistjoni mill-manifattura sal-esportazzjoni. Regoli ċari u preċiżi madwar l-UE kollha jippermettu lill-individwi u lill-persuni ġuridiċi kkonċernati jiżguraw il-firxa sħiħa tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

     

    L-Unjoni dejjem kienet attur strumentali fil-livell globali, filwaqt li appoġġat it-tneħħija gradwali rapida tal-użi kollha u l-kummerċ kollu tal-merkurju. Għalhekk, dritt tal-Unjoni li huwa koerenti ma’ din il-politika se jsaħħaħ il-kredibbiltà tal-Unjoni u jiġġenera impatt pożittiv fuq is-saħħa u l-ambjent fil-livell internazzjonali.

    ·Proporzjonalità

    Id-dokument tal-Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja din il-proposta fih valutazzjoni ambjentali, ekonomika u soċjali ta’ kull għażla ta’ politika. Il-kontenut ta’ din il-proposta jqis bis-sħiħ ir-riżultat ta’ din l-analiżi. It-tneħħija gradwali proposta tal-użu, il-manifattura u l-esportazzjoni tal-amalgama dentali u l-projbizzjoni proposta fuq il-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ lampi li fihom il-merkurju rilevanti jitqiesu bħala proporzjonati. Billi tipprevedi t-tneħħija gradwali u l-projbizzjoni msemmija hawn fuq, din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv ambjentali li qed jiġi segwit, jiġifieri Ewropa ħielsa mill-merkurju, li mhux se tibqa’ tesporta MAPs li għalihom hemm disponibbli alternattivi mingħajr tossiċità u aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

    Il-valutazzjoni tal-għażla ta’ politika li tikkonsisti fir-regolamentazzjoni tal-emissjonijiet tal-merkurju mill-krematorji abbażi ta’ obbligu li jsir użu mit-teknoloġija ta’ tnaqqis ikkonkludiet li l-kostijiet u l-piżijiet amministrattivi assoċjati ma jkunux proporzjonati mal-objettivi segwiti u, għalhekk, l-għażla ma ġietx irkuprata f’din il-proposta.

    ·Għażla tal-istrument

    Meta jitqies li l-istrument tal-Unjoni li qed jiġi emendat huwa Regolament, il-proposta tieħu l-forma ta’ Regolament.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    ·Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Fil-qafas tal-iżvilupp tal-Valutazzjoni tal-Impatt, ġiet organizzata firxa ta’ attivitajiet ta’ konsultazzjoni differenti bejn Diċembru 2021 u Settembru 2022 biex ikun hemm involviment mal-partijiet ikkonċernati. Il-partijiet ikkonċernati ewlenin ġew ikkonsultati permezz ta’ kwestjonarju mmirat li kien fih mistoqsijiet speċjalizzati fit-tliet oqsma ta’ interess (l-amalgama dentali, l-emissjonijiet tal-merkurju mill-krematorji u l-MAPs), intervisti ta’ segwitu, żewġ workshops ta’ konsultazzjoni u grupp ta’ fokus. Il-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħrajn kollha ġew ikkonsultati permezz tal-kwestjonarju ta’ konsultazzjoni pubblika ospitat fuq il-portal “Semma’ Leħnek”. Il-kontribut ewlieni li wasal dwar it-tliet oqsma problematiċi huwa deskritt hawn taħt:

    Fir-rigward tal-amalgama dentali , aktar minn 70 % tal-partijiet ikkonċernati kkonsultati jemmnu li l-waqfien tal-amalgama dentali madwar l-UE jkun jeħtieġ tneħħija gradwali ġenerali, filwaqt li 28 % jemmnu li jkun xieraq li jintgħażel tnaqqis gradwali minn kull Stat Membru skont il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet nazzjonali. Abbażi tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika online (OPC), iċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet ambjentali mhux governattivi (NGOs) u l-assoċjazzjonijiet ta’ prattikanti dentali ambjentali jappoġġaw b’mod wiesa’ t-tneħħija gradwali tal-amalgama dentali sal-2025. L-assoċjazzjonijiet tan-negozju u l-prattikanti dentali enfasizzaw il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-popolazzjonijiet bi dħul aktar baxx ikollhom aċċess għal soluzzjonijiet alternattivi inkluża firxa sħiħa ta’ miżuri ta’ prevenzjoni tal-iġjene dentali u li jitqiesu kif xieraq il-ħtiġijiet mediċi speċifiċi tal-pazjenti. Ftit mill-organizzazzjonijiet esprimew tħassib dwar tneħħija gradwali bikrija, filwaqt li indikaw li x-xejriet fil-prevenzjoni u fil-kampanji tas-saħħa orali jistgħu jkunu biżżejjed biex jitnaqqas b’mod naturali l-użu tal-amalgama dentali.

    Fir-rigward tal-emissjonijiet assoċjati tal-merkurju mill-krematorji, hemm fehim ġenerali fost il-partijiet ikkonċernati li dawn huma marbuta direttament mal-użu kontinwu tal-amalgama dentali u l-maġġoranza tar-rispondenti appoġġaw politika madwar l-UE kollha biex jiġu kkontrollati l-emissjonijiet tal-merkurju mill-krematorji.

    Prodotti miżjuda bil-merkurju: L-assoċjazzjonijiet tan-negozju, l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-NGOs jaqblu li, fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Minamata, l-Unjoni għandha r-responsabbiltà li tkompli turi tmexxija globali fit-tneħħija gradwali tas-sorsi antropoġeniċi tal-merkurju. F’dan ir-rigward, ir-restrizzjonijiet fuq il-manifattura u l-kummerċ internazzjonali tal-MAPs huma element ewlieni, b’mod partikolari meta l-alternattivi huma ekonomikament u teknikament fattibbli. L-NGOs kollha esprimew opinjoni b’saħħitha li l-Unjoni għandha tieqaf tipproduċi u tesporta l-MAPs, li diġà huma pprojbiti fis-suq intern, peress li din hija prattika li tikkontradixxi direttament l-objettivi tal-EGD. L-assoċjazzjonijiet tan-negozju appoġġaw azzjonijiet armonizzati globalment iżda esprimew preferenza għal projbizzjoni internazzjonali fid-dawl tad-domanda u l-provvista minn pajjiżi terzi.

    ·Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Skont il-kuntratt qafas (FWC) ENV.F.1/FRA/2019/0001, il-Kummissjoni Ewropea kkuntrattat konsulent estern biex iwettaq kuntratt speċifiku li jassisti fil-Valutazzjoni tal-Impatt għar-Rieżami tar-Regolament dwar il-Merkurju.

    ·Valutazzjoni tal-impatt

    Twettqet valutazzjoni tal-impatt 35 , li rriżultat f’opinjoni pożittiva mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-24 ta’ Marzu 2023 36 .

    Dwar l-użu tal-amalgama dentali, il-Valutazzjoni tal-Impatt ikkonkludiet li l-għażla politika ppreferuta hija li jiġi introdott obbligu madwar l-UE kollha biex mill-2025 l-użu tal-amalgama dentali jitneħħa gradwalment, minħabba li (i) dan iwassal għall-akbar benefiċċji ambjentali u tas-saħħa, inkluż f’termini ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet tal-merkurju mill-krematorji, (ii) dan il-perjodu ta’ żmien jista’ jiġi implimentat kif muri minn dawk l-Istati Membri li diġà neħħew jew qed jippjanaw li jneħħu gradwalment l-użu tal-amalgama dentali, u mix-xejra ġenerali ta’ tnaqqis fl-użu tal-amalgama dentali, (iii) id-differenza fil-kostijiet bejn l-amalgama dentali u l-alternattivi ħielsa mill-merkurju hija mistennija li tonqos b’domanda u innovazzjoni akbar, (iv) tiżgura tneħħija gradwali uniformi madwar l-Istati Membri kollha u għalhekk tqiegħed lill-Unjoni fi rwol ta’ tmexxija ta’ min jagħmel l-ewwel pass fir-rigward ta’ negozjati internazzjonali futuri fi ħdan il-Konvenzjoni ta’ Minamata u l-kompetittività futura tas-suq tal-Unjoni, (v) din il-projbizzjoni tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti skont l-EGD, il-Pjan ta’ Azzjoni għal Tniġġis Żero u l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà.

    L-impatti ekonomiċi tat-tneħħija gradwali tal-użu tal-amalgama dentali sal-2025 huma mistennija li jkunu żgħar peress li erbgħa biss mill-eks 23 manifattur tal-amalgama dentali bbażati fl-UE għadhom ma ħabbrux li waqqfu l-produzzjoni tagħhom (madankollu, iċ-ċertifikazzjonijiet tagħhom se jiskadu fl-2023), li jenfasizza li diġà kien hemm tranżizzjoni stabbli lejn tneħħija gradwali f’dawn l-aħħar snin bid-disponibbiltà ta’ alternattivi ħielsa mill-merkurju. Il-kostijiet addizzjonali limitati assoċjati ma’ tranżizzjoni għal alternattivi affordabbli huma mistennija li jiġu koperti minn sistemi ta’ sigurtà soċjali u/jew kura tas-saħħa privata.

    Fir-rigward tal-emissjonijiet tal-merkurju mill-krematorji, il-Valutazzjoni tal-Impatt ikkonkludiet li għażla ta’ politika li tikkonsisti f’obbligu legali li l-krematorji (irrispettivament mill-kapaċità tagħhom) jiġu mgħammra b’teknoloġija għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-merkurju (i) ma tkunx ta’ benefiċċju għall-ispejjeż jew tkun biss marġinalment ta’ benefiċċju għall-kostijiet u ma twassalx għal benefiċċji ambjentali sinifikanti (ii) jekk tiġi applikata għall-krematorji kollha, din tpoġġi pressjoni ekonomika konsiderevoli fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) li joperaw krematorji b’kapaċità baxxa, (iii) tirriżulta f’piż amministrattiv sinifikanti fuq l-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti u (iv) tonqos fl-effiċjenza u fl-effettività speċjalment meta titqies flimkien ma’ tneħħija gradwali tal-amalgama dentali.

    Għalhekk, l-għażla politika li tikkonsisti fl-iżvilupp mill-Kummissjoni ta’ dokument ta’ gwida mhux legalment vinkolanti nżammet bħala l-għażla politika ppreferuta. Il-Kummissjoni se tħejji dan id-dokument ta’ gwida wara l-adozzjoni tal-proposta biex jiġi emendat ir-Regolament dwar il-Merkurju. Għalhekk ma huwiex parti minn din l-inizjattiva.

    Fir-rigward tal-manifattura u l-esportazzjoni tal-amalgama dentali, il-Valutazzjoni tal-Impatt ikkonkludiet li l-għażla politika ppreferuta hija l-istabbiliment ta’ obbligu li tiġi pprojbita din il-manifattura u l-esportazzjoni. Din il-projbizzjoni sseħħ mill-2025 biex tiġi allinjata mat-tneħħija gradwali proposta tal-użu tagħha. Projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tal-amalgama dentali lejn pajjiżi terzi x’aktarx li tirriżulta f’żieda fid-domanda għal materjali tal-mili alternattivi mingħajr merkurju li għalihom l-Unjoni għandha suq li qed jikber.

    Fir-rigward tal-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-MAPs l-oħra kkonċernati, jiġifieri, il-lampi li fihom il-merkurju, il-Valutazzjoni tal-Impatt ikkonkludiet li l-għażla politika ppreferuta hija l-introduzzjoni fir-Regolament dwar il-Merkurju ta’ projbizzjoni madwar l-UE kollha tal-manifattura u l-esportazzjoni ta’ lampi li fihom il-merkurju li huma pprojbiti milli jitqiegħdu fis-suq intern, bis-saħħa tad-Direttiva RoHS. Id-dati tat-tneħħija gradwali jkunu l-2026 u l-2028 abbażi tal-aktar dati bikrija ta’ tneħħija gradwali miżmuma għan-negozjati fil-COP5 għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (ara hawn fuq). Projbizzjoni madwar l-UE kollha tippermetti lill-Unjoni tieħu azzjoni immedjata u tkompli tnaqqas l-esportazzjoni ta’ MAPs indipendentement mill-eżitu imprevedibbli ta’ negozjati futuri skont il-Konvenzjoni ta’ Minamata. Azzjoni bħal din hija sinjal qawwi lil pajjiżi terzi u tiżgura ż-żamma tal-kompetittività u l-kredibbiltà tas-suq tal-Unjoni vis-à-vis l-objettivi stabbiliti fl-EGD, il-Pjan ta’ Azzjoni għal Tniġġis Żero u l-Istrateġija tal-UE dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà.

    L-impatti ta’ tali projbizzjoni fuq il-manifattura u l-esportazzjoni huma mistennija li jkunu żgħar peress li tikkonċerna biss erba’ manifatturi madwar l-Unjoni li fil-biċċa l-kbira tagħhom ikkonvertew il-linji ta’ produzzjoni tagħhom b’enfasi fuq l-LED. Barra minn hekk, dan jippermetti lill-Unjoni tnaqqas il-kontribuzzjoni tagħha għall-istokk tal-merkurju f’konformità mal-impenji tagħha li tnaqqas l-impronta esterna tat-tniġġis tagħha b’mod partikolari skont l-EGD, il-Pjan ta’ Azzjoni għal Tniġġis Żero u l-Istrateġija tal-UE dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà u ssaħħaħ il-koerenza interna tad-dritt tal-Unjoni dwar l-MAPs.

    ·Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Skont l-impenn tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni aħjar, din il-proposta tħejjiet b’mod inklużiv, abbażi tat-trasparenza u l-involviment kontinwu mal-partijiet ikkonċernati b’kunsiderazzjoni xierqa biex jiġu evitati piżijiet bla bżonn. Hija bbażata fuq l-aħjar evidenza disponibbli, imsemmija fil-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja din il-proposta, u l-għarfien espert filwaqt li jitqies ir-rispons estern. Ir-Regolament dwar il-Merkurju bħalissa ma jimponix rapportar (u spejjeż ta’ rapportar assoċjati) fuq operaturi ta’ krematorji, prattikanti dentali jew produtturi ta’ MAPs. L-awtoritajiet tal-Istati Membri jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament, u l-piż amministrattiv annwali approssimattiv ta’ dan ir-rapportar ġenerali huwa baxx (EUR 30 000 – EUR 100 000 fis-sena għall-Unjoni kollha) u huwa bbażat fuq data li diġà għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet.

    ·Drittijiet fundamentali

    Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari dawk fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Hija tikkontribwixxi wkoll għad-dritt għal livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali f’konformità mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli, kif stabbilit fl-Artikolu 37 tal-Karta.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja marbuta ma’ din l-inizjattiva.

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    ·Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Sabiex tiġi żgurata tneħħija gradwali effettiva tal-użu tal-amalgama dentali, l-Istati Membri se jkollhom iwettqu sorveljanza tas-suq u verifika tal-konformità f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/1020 37 . Għall-projbizzjoni tal-manifattura u l-esportazzjoni tal-amalgama dentali u għall-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni li tikkonċerna l-lampi li fihom il-merkurju, l-emenda għall-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-Merkurju (amalgama dentali) u l-estensjoni tal-Anness II (Parti A) ta’ dak ir-Regolament mhux se jwassal għal obbligu ad hoc tal-Unjoni li timmonitorja l-implimentazzjoni. Kwalunkwe informazzjoni rilevanti se tiġi pprovduta lill-Kummissjoni permezz ta’ rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Merkurju, f’konformità mal-Artikolu 18 u mad-Deċiżjoni ta’ Rapportar adottata skont dan 38 . B’mod konġunt mal-isforzi kontinwi ta’ dekarbonizzazzjoni, din il-proposta għandha tirriżulta fi preżenza mnaqqsa progressivament tal-merkurju fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija, li għandha tiġi traċċata skont ir-Rapport ta’ kull sentejn ta’ Monitoraġġ u Prospettiva dwar it-Tniġġis Żero.

    ·Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    L-Artikolu 1 jipproponi l-ewwel li jikkomplementa l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2017/852 b’paragrafu 2a ġdid li jintroduċi projbizzjoni madwar l-UE kollha fuq l-użu tal-amalgama dentali għat-trattament dentali mill-1 ta’ Jannar 2025. Dan il-paragrafu 2a l-ġdid jikkomplementa l-paragrafu 2 attwali, li diġà jipprojbixxi tali użu għat-trattament tas-snien tal-ħalib u għat-trattament dentali ta’ tfal taħt il-15-il sena, nisa tqal u nisa li qed ireddgħu. F’konformità mal-paragrafu 2 eżistenti, il-paragrafu 2a il-ġdid jipprevedi wkoll il-possibbiltà li l-prattikanti dentali jkomplu jużaw l-amalgama dentali għall-pazjenti li jkollhom kundizzjonijiet mediċi speċifiċi (eż., allerġiji).

    It-tieni, l-Artikolu 1 jipproponi li jikkomplementa l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2017/852 b’paragrafu 7 ġdid li jintroduċi projbizzjoni madwar l-UE kollha għall-manifattura u l-esportazzjoni tal-amalgama dentali mill-1 ta’ Jannar 2025. Din il-projbizzjoni proposta tikkomplementa l-projbizzjoni proposta dwar l-użu tal-amalgama dentali għall-membri kollha tal-popolazzjoni u, b’hekk, tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-objettiv tal-Unjoni li tnaqqas l-impronta esterna tat-tniġġis tagħha, f’konformità maż-ZPAP u mal-Istrateġija tal-UE dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà. L-importazzjoni tal-amalgama dentali tibqa’ permessa sabiex il-prattikanti dentali jkunu jistgħu jibqgħu jużawha għall-ftit każijiet fejn il-kundizzjonijiet mediċi speċifiċi tal-pazjenti jirrikjedu dan.

    L-Artikolu 2 jipproponi li jiġi emendat l-Anness II (il-Parti A) tar-Regolament (UE) 2017/852 billi jiżdiedu fih ħames tipi ta’ lampi li fihom il-merkurju.

    Id-derogi previsti fl-Artikolu 5, il-paragrafu 2, tar-Regolament (UE) 2017/852 se japplikaw għal dawk l-MAPs li għadhom kif ġew ipprojbiti, li bis-saħħa tagħhom il-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-MAPs elenkati fl-Anness II tiegħu (il-Parti A) tista’ tkompli legalment għal MAPs meqjusa essenzjali għall-protezzjoni ċivili u għall-użi militari jew għal dawk użati għar-riċerka, għall-kalibrazzjoni tal-istrumentazzjoni, jew għall-użu bħala standard ta’ referenza.

    CLFs għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali li ma humiex diġà koperti mill-entrati 3 u 3a

    L-entrata l-ġdida 3b proposta fl-Anness II (il-Parti A) tikkomplementa l-entrata eżistenti 3 u tfittex li tallinja mar-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq tas-CFLs kif għadu kif ġie stabbilit skont id-Direttiva RoHS, bis-saħħa tad-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/276. Barra minn hekk, l-entrata l-ġdida 3b proposta tirreferi għall-entrata 3a, li ddaħħlet f’dak l-Anness permezz tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni […] li jittrasponi fil-liġi tal-Unjoni l-paragrafu 1 tad-Deċiżjoni MC-4/3 adottata fil-COP4 għall-Konvenzjoni ta’ Minamata. Il-31 ta’ Diċembru 2025 hija indikata bħala d-data minn meta l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura ta’ dawk il-lampi se jieqfu f’konformità mad-data ta’ tneħħija gradwali miftiehma fil-COP4 (ara l-paragrafu 1 tad-Deċiżjoni MC-4/3). Il-qari u l-implimentazzjoni kkombinati tal-entrati 3, 3a u 3b tal-Anness II (il-Parti A) se jimplikaw li l-manifattura u l-esportazzjoni tas-CFLs kollha għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali se jkunu pprojbiti madwar l-UE kollha irrispettivament mill-wattage, mid-daqs jew minn parametri oħra tagħhom u b’hekk jikkomplementaw il-projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni tagħhom stabbilita skont id-Direttiva RoHS.

    LFLs trifosforiċi għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali li ma humiex diġà koperti mill-entrata 4, il-punt (a)

    L-entrata 4a l-ġdida proposta fl-Anness II (il-Parti A) tikkomplementa l-entrata 4, il-punt (a) eżistenti u tfittex li tiżgura l-allinjament tagħha mar-restrizzjonijiet stabbiliti skont id-Direttiva RoHS skont id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/284. Il-31 ta’ Diċembru 2027 hija d-data indikata minn meta se jieqfu l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura ta’ dawk il-lampi u, b’hekk, tqis l-aktar data ambizzjuża ta’ tneħħija gradwali proposta mill-Partijiet għan-negozjati fil-COP5 skont il-paragrafu 5 tad-Deċiżjoni MC-4/3. Il-qari u l-implimentazzjoni kkombinati tal-entrata 4a u tal-entrata 4, il-punt (a) tal-Anness II (il-Parti A) se jimplikaw li l-manifattura u l-esportazzjoni ta’ LFLs trifosforiċi għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali se jkunu pprojbiti madwar l-UE kollha irrispettivament mill-wattage, mid-daqs jew minn parametri oħra tagħhom u se japplikaw u b’hekk se jikkomplementaw il-projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni tagħhom stabbilita skont id-Direttiva RoHS.

    LFLs tal-fosfori alofosfati għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali li ma humiex diġà koperti mill-entrata 4, il-punt (b)

    L-entrata 4b l-ġdida proposta fl-Anness II (il-Parti A) tikkomplementa l-entrata 4, il-punt (b) eżistenti u tfittex li tiżgura l-allinjament tal-Anness II (il-Parti A) mar-restrizzjonijiet eżistenti fuq it-tqegħid fis-suq ta’ LFLs tal-fosfori alofosfati stabbiliti skont id-Direttiva RoHS mit-13 ta’ April 2012. Il-31 ta’ Diċembru 2025 hija d-data indikata minn meta se jieqfu l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura ta’ dawk il-lampi u, b’hekk, tqis l-aktar data ambizzjuża ta’ tneħħija gradwali proposta mill-Partijiet għan-negozjati fil-COP5 skont il-paragrafu 5 tad-Deċiżjoni MC-4/3. Il-qari u l-implimentazzjoni kkombinati tal-entrata 4b u l-entrata 4, il-punt (b) tal-Anness II (il-Parti A) se jimplikaw li l-manifattura u l-esportazzjoni ta’ LFLs tal-fosfori alofosfati għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali se jkunu pprojbiti madwar l-UE kollha irrispettivament mill-wattage, mid-daqs jew minn parametri oħra tagħhom u se japplikaw biex b’hekk jikkomplementaw il-projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni tagħhom stabbilita skont id-DirettivaRoHS.

    Lampi mhux lineari trifosforiċi

    L-entrata 4c l-ġdida proposta fl-Anness II (il-Parti A) tfittex li tiżgura l-allinjament ta’ dak l-Anness mar-restrizzjonijiet eżistenti fuq it-tqegħid fis-suq ta’ lampi mhux lineari trifosforiċi stabbiliti skont id-Direttiva RoHS mill-24 ta’ Frar 2025. Il-31 ta’ Diċembru 2027 hija d-data indikata minn meta se jieqfu l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura ta’ dawk il-lampi f’konformità mal-entrata l-ġdida 4a (hawn fuq) li tindirizza l-LFLs trifosforiċi. Din id-data tqis bis-sħiħ id-data l-aktar ambizzjuża ta’ tneħħija gradwali li għandha tiġi nnegozjata għal-LFLs trifosforiċi (ara l-paragrafu 5 tad-Deċiżjoni MC-4/3) u b’hekk tfittex li tallinja d-data ta’ tneħħija gradwali għal-lampi lineari u mhux lineari trifosforiċi.

    Lampi mhux lineari tal-fosfori alofosfati

    L-entrata l-ġdida 4d proposta fl-Anness II (il-Parti A) tfittex li tiżgura l-allinjament ta’ dak l-Anness mar-restrizzjonijiet eżistenti dwar it-tqegħid fis-suq ta’ lampi mhux lineari tal-fosfori alofosfati stabbiliti skont id-Direttiva RoHS mit-13 ta’ April 2016. Il-31 ta’ Diċembru 2025 hija d-data indikata minn meta se jieqfu l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura ta’ dawk il-lampi f’konformità mal-entrata 4b il-ġdida (hawn fuq) li tindirizza l-LFLs tal-fosfori alofosfati. Din id-data tqis bis-sħiħ id-data l-aktar ambizzjuża ta’ tneħħija gradwali li għandha tiġi nnegozjata għal-LFLs tal-fosfori alofosfati (ara l-paragrafu 5 tad-Deċiżjoni MC-4/3) u għalhekk tfittex li tallinja d-data ta’ tneħħija gradwali għal lampi lineari u mhux lineari tal-fosfori alofosfati.

    Lampi HPS għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali

    L-entrata 5a l-ġdida proposta fl-Anness II (il-Parti A) tfittex li tiżgura l-allinjament ta’ dak l-Anness mar-restrizzjonijiet eżistenti dwar it-tqegħid fis-suq ta’ lampi tal-HPS stabbiliti skont id-Direttiva RoHS mill-24 ta’ Frar 2027. Il-31 ta’ Diċembru 2027 hija d-data indikata minn meta se jieqfu l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura ta’ dawk il-lampi. Din id-data tqis bis-sħiħ il-konklużjonijiet tal-Valutazzjoni tal-Impatt u tiżgura perjodu ta’ tranżizzjoni adegwat għall-manifatturi tal-UE.

    L-Artikolu 3 jipproponi li r-Regolament jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2023/0272 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar il-merkurju fir-rigward tal-amalgama dentali u prodotti oħra miżjudin bil-merkurju soġġetti għal restrizzjonijiet fuq il-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 192(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 39 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 40 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)F’konformità mal-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 41 , il-Kummissjoni kellha tivvaluta u tirrapporta dwar il-ħtieġa li jiġu regolati, fil-livell tal-Unjoni, l-emissjonijiet tal-merkurju u tal-komposti tiegħu (“merkurju”) mill-krematorji, il-fattibbiltà tat-tneħħija gradwali tal-użu tal-amalgama dentali għall-membri kollha tal-popolazzjoni fit-tul, u preferibbilment sal-2030, u dwar il-benefiċċji ambjentali u l-fattibbiltà tal-projbizzjoni tal-manifattura u l-esportazzjoni ta’ prodotti oħra miżjudin bil-merkurju, li huma pprojbiti milli jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni u jiġu importati fl-Unjoni.

    (2)Wara l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fir-rapport tagħha 42  u fil-Valutazzjoni tal-Impatt 43 sussegwenti tagħha, il-Kummissjoni sabet li huwa xieraq li tippreżenta proposta leġiżlattiva, f’konformità mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2017/852, dwar it-tneħħija gradwali tal-użu tal-amalgama dentali u l-projbizzjoni tal-manifattura u l-esportazzjoni tal-amalgama dentali u ta’ ċerti lampi li fihom il-merkurju.

    (3)L-użu ta’ prodotti miżjudin bil-merkurju, inkluż l-użu tal-amalgama dentali u ta’ lampi li fihom il-merkurju, jirrappreżenta l-akbar użu intenzjonat li fadal tal-merkurju fl-Unjoni. Madankollu, l-alternattivi ħielsa mill-merkurju saru ekonomikament u teknikament fattibbli u huma disponibbli faċilment.

    (4)Meta titqies id-disponibbiltà ta’ alternattivi ħielsa mill-merkurju, huwa xieraq li jiġi pprojbit l-użu tal-amalgama dentali għat-trattament dentali tal-membri kollha tal-popolazzjoni, filwaqt li tinżamm il-possibbiltà li tintuża l-amalgama dentali għal pazjenti bi bżonnijiet mediċi speċifiċi. Sabiex jiġi evitat li l-amalgama dentali, li hija pprojbita fis-suq tal-Unjoni, tiġi manifatturata għall-esportazzjoni mill-Unjoni, huwa meħtieġ li jiġu pprojbiti l-manifattura u l-esportazzjoni tal-amalgama dentali. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2017/852 jiġi emendat skont dan.

    (5)L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 44 jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ ċertu tagħmir elettriku u elettroniku li fih il-merkurju. L-Anness III ta’ dik id-Direttiva jelenka, fost affarijiet oħrajn, ċerti lampi miżjudin bil-merkurju eżentati mill-projbizzjoni msemmija sad-dati speċifikati fih. Dik l-eżenzjoni diġà skadiet fit-13 ta’ April 2016 għal lampi mhux lineari tal-alofosfati, u se tiskadi fl-24 ta’ Frar 2023 jew fl-24 ta’ Frar 2027 għal ċerti lampi fluworexxenti kompatti, lampi fluworexxenti lineari u lampi tas-sodju (gass) taħt pressjoni għolja għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali, kif ukoll għal lampi fluworexxenti mhux lineari trifosforiċi. Barra minn hekk, ċerti lampi fluworexxenti lineari għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali huma elenkati għal projbizzjoni futura fid-Deċiżjoni MC-4/3 adottata fir-raba’ laqgħa, li saret mill-21 sal-25 ta’ Marzu 2022, tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju 45 . Dik id-Deċiżjoni kienet appoġġata mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/549 46 . Peress li xi wħud minn dawk il-lampi bħalissa ma humiex koperti mill-Parti A tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2017/852, jenħtieġ li, għal raġunijiet ta’ koerenza, jiġu inklużi fih biex tiġi pprojbita l-manifattura u l-esportazzjoni tagħhom mid-dati f’konformità mal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE u l-aktar dati ambizzjużi inklużi fid-Deċiżjoni MC-4/3.

    (6)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/852 jiġi emendat bix-xieraq,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) 2017/852 huwa emendat kif ġej:

    (1)L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

    (a)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

    “2a. Mill-1 ta’ Jannar 2025, l-amalgama dentali ma għandhiex tintuża għat-trattament dentali ta’ kwalunkwe membru tal-popolazzjoni, ħlief meta titqies strettament meħtieġa mill-prattikant dentali abbażi tal-ħtiġijiet mediċi speċifiċi tal-pazjent.”;

    (b)jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:

    “7. Mill-1 ta’ Jannar 2025, il-manifattura u l-esportazzjoni tal-amalgama dentali għandhom ikunu pprojbiti.”;

    (2)L-Anness II huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008).
    (2)

       Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Strateġija Komunitarja dwar il-Merkurju, 20 final, 28.01.2005. 

    (3)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-Istrateġija Komunitarja dwar il-Merkurju, 723 final, 7.12.2010.
    (4)

       Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ir-Reviżjoni tal-Istrateġija Komunitarja dwar il-Merkurju, it-3075 laqgħa tal-Kunsill tal-Ambjent, Brussell, l-14 ta’ Marzu 2011.

    (5)

       COM(2019) 640 final, 11.12.2019.

    (6)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà - Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità” 667 final, 14.10.2020.
    (7)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Perkors għal Pjaneta b'Saħħitha għal Kulħadd Pjan ta' Azzjoni tal-UE: Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija” 400 final, 12.5.2021.
    (8)    COM(2022) 142 final, 30.03.2022.
    (9)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima”, COM/2018/773 final, 28.11.2018.
    (10)

       Ir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 (ĠU L 137, 24.5.2017, p. 1-21).

    (11)    It-test tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju huwa disponibbli hawnhekk: https://mercuryconvention.org/en/about
    (12)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (ĠU L 142, 2.6.2017, p. 4-39).
    (13)    tar-Regolament (UE) 2017/852 bħala prodott jew komponent ta’ prodott li fih il-merkurju jew kompost tal-merkurju li ġie miżjud intenzjonalment.    
    (14)    Ir-referenzi għall-Artikoli u għall-Annessi f’dan id-dokument jitqiesu bħala referenzi għall-Artikoli u għall-Annessi tar-Regolament dwar il-Merkurju, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.    
    (15)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rieżamijiet mitluba mill-Artikolu 19 (1) tar-Regolament 2017/852 dwar l-użu tal-merkurju fl-amalgama u l-prodotti dentali, COM(2020) 378 final, 17.08.2020.
    (16)    Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1).
    (17)    Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (ĠU L 396, 30.12.2006).
    (18)    Ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59).
    (19)    Id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 174, 1.7.2011).
    (20)    “CFL ni” tfisser lampi fluworexxenti kompatti mingħajr ballast integrat, jiġifieri, ballast mhux integrat.
    (21)

       Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/276 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda, għall-fini ta’ adattament għall-progress tekniku u xjentifiku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’bozoz fluworexxenti b’kappa waħda (kompatta) għal finijiet ta’ tidwil ġenerali (ĠU L 43, 24.2.2022, p. 32–34). 

    (22)

       Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/284 tas-16 ta’ Diċembru 2021 li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju fil-lampi fluworexxenti lineari b’żewġ kapep għal finijiet ta’ tidwil ġenerali (ĠU L 43, 24.2.2022, p. 57–59).

    (23)

       Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/282 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress tekniku u xjentifiku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi mhux lineari b’fosforu bi tliet stixxi (ĠU L 43, 24.2.2022, p. 51–53).

    (24)

       Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/283 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi tas-Sodju (gass) taħt Pressjoni Għolja b’indiċi tal-apparenza tal-kulur imtejjeb għal finijiet ta’ tidwil ġenerali (ĠU L 43, 24.2.2022, p. 54–56).

    (25)    UNEP/MC/COP.4/Dec.3 - id-Deċiżjoni MC-4/3: Rieżami u emenda tal-annessi A u B tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju, disponibbli fuq https://www.mercuryconvention.org/en/documents/review-and-amendment-annexes-and-b-minamata-convention-mercury
    (26)

       Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/727 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-preżentazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposti għall-emendar tal-Annessi A u B tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju, fir-rigward ta’ prodotti miżjudin bil-merkurju u proċessi ta’ manifattura li fihom jintużaw il-merkurju jew il-komposti tal-merkurju (ĠU L 55, tal-5.5.2021, p. 23).

    (27)

       Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/549 tas-17 ta’ Marzu 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tieni segment tar-raba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni li temenda l-Annessi A u B ta’ dik il-Konvenzjoni (ĠU L 107, 6.4.2022, p. 78).

    (28)    C(2023) 4683 - Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ prodotti miżjudin bil-merkurju soġġetti għal projbizzjonijiet fuq il-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni.
    (29)

       Id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma, li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 82/176/KEE, 83/513/KEE, 84/156/KEE, 84/491/KEE, 86/280/KEE u li temenda d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 84-97).

    (30)

       Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17-119).

    (31)

       Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart fil-landfills (ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1-19). 

    (32)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).
    (33)

       Ir-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi(ĠU L 201, 27.7.2012, p. 60). 

    (34)    L-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli: https://www.un.org/sustainabledevelopment/development-agenda/
    (35)    Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Impatt – Valutazzjoni tal-Impatt li Jakkumpanja d-dokument “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar il-merkurju fir-rigward tal-amalgama dentali u prodotti oħra miżjudin bil-merkurju soġġetti għal restrizzjonijiet fuq il-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni”. SWD (2023) 395
    (36)    Ref. Ares(2023)2149020
    (37)

       Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1-44).

    (38)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1752 tal-25 ta’ Frar 2019 li tistabbilixxi kwestjonarji, kif ukoll il-format u l-frekwenza tar-rapporti li għandhom jitħejjew mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 269, 23.10.2019, p. 5-11).
    (39)    ĠU C , , p. .
    (40)    ĠU C , , p. .
    (41)    Ir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 (ĠU L 137, 24.5.2017, p. 1).
    (42)    Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rieżamijiet meħtieġa skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament 2017/852 dwar l-użu tal-merkurju fl-amalgama u l-prodotti dentali, COM(2020) 378 final, 17.08.2020.
    (43)    Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Impatt – Valutazzjoni tal-Impatt li Jakkumpanja d-dokument “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar il-merkurju fir-rigward tal-amalgama dentali u prodotti oħra miżjudin bil-merkurju soġġetti għal restrizzjonijiet fuq il-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni”. SWD (2023) 395
    (44)    Id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 174, 1.7.2011).
    (45)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/549 tas-17 ta’ Marzu 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tieni segment tar-raba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni li temenda l-Annessi A u B ta’ dik il-Konvenzjoni (ĠU L 107, 6.4.2022, p. 78).
    (46)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/549 tas-17 ta’ Marzu 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tieni segment tar-raba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata
    Top

    Brussell, 14.7.2023

    COM(2023) 395 final

    ANNESS

    tal-

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar il-merkurju fir-rigward tal-amalgama dentali u prodotti oħra miżjudin bil-merkurju soġġetti għal restrizzjonijiet fuq il-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni









    {SEC(2023) 395 final} - {SWD(2023) 395 final} - {SWD(2023) 396 final} - {SWD(2023) 397 final}


    ANNESS

    Il-Parti A tal-Anness II hija emendata kif ġej:

     

    (1)tiddaħħal l-entrata 3b li ġejja:

    Prodotti miżjudin bil-merkurju

    Data li minnha l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura tal-prodotti miżjudin bil-merkurju huma pprojbiti

    “3b. Il-lampi fluworexxenti kompatti (CLFS) l-oħra kollha għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali li mhumiex diġà koperti bl-entrati 3 u 3a

    31.12.2025”;

    (2)jiddaħħlu l-entrati 4 a sa 4d li ġejjin:

    Prodotti miżjudin bil-merkurju

    Data li minnha l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura tal-prodotti miżjudin bil-merkurju huma pprojbiti

    “4a. Lampi trifosforiċi għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali li mhumiex inklużi fl-entrata 4, il-punt (a).

    31.12.2027

    4b. Lampi tal-fosfori alofosfati għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali li mhumiex inklużi fl-entrata 4, il-punt (b).

    31.12.2025

    4c. Lampi mhux lineari trifosforiċi.

    31.12.2027

    4d. Lampi mhux lineari tal-fosfori alofosfati.

    31.12.2025”;

    (3)tiddaħħal l-entrata 5 a li ġejja:

    Prodotti miżjudin bil-merkurju

    Data li minnha l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura tal-prodotti miżjudin bil-merkurju huma pprojbiti

    “5a Lampi tal-merkurju u tas-sodju (gass) taħt pressjoni għolja (HPS) għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali.

    31.12.2025”.

    Top